EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0016

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-2 ta’ Marzu 2023.
MS.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberlandesgericht Graz.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2014/41/UE – Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea – Artikolu 1(1) – Kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja’ – Artikolu 2(c) – Kunċett ta’ ‘awtorità emittenti’ – Deċiżjoni maħruġa minn awtorità tat-taxxa mingħajr validazzjoni minn imħallef jew prosekutur pubbliku – Awtorità tat-taxxa li tassumi d-drittijiet u d-dmirijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fil-kuntest ta’ investigazzjoni fiskali kriminali.
Kawża C-16/22.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:148

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

2 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2014/41/UE – Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea – Artikolu 1(1) – Kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja’ – Artikolu 2(c) – Kunċett ta’ ‘awtorità emittenti’ – Deċiżjoni maħruġa minn awtorità tat-taxxa mingħajr validazzjoni minn imħallef jew prosekutur pubbliku– Awtorità tat-taxxa li tassumi d-drittijiet u d-dmirijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fil-kuntest ta’ investigazzjoni fiskali kriminali”

Fil-Kawża C‑16/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Graz (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Graz, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Jannar 2022, fil-proċedura dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea li tikkonċerna lil

MS,

fil-preżenza ta’:

Staatsanwaltschaft Graz,

Finanzamt für Steuerstrafsachen und Steuerfahndung Düsseldorf,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, M. Safjan, N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal MS, minn J. Herbst, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u M.-T. Rappersberger, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, P. Busche, M. Hellmann u D. Klebs, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u M. Wasmeier, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014, L 130, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 143, p. 16).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ talba għall-eżekuzzjoni, fl-Awstrija, ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea maħruġa mill-Finanzamt für Steuerstrafsachen und Steuerfahndung Düsseldorf (l-Uffiċċju tat-Taxxa Ġermaniż Inkarigat bi Kwistjonijiet Fiskali Kriminali u b’Investigazzjoni Fiskali, Düsseldorf, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tat-Taxxa Inkarigat bi Kwistjonijiet Fiskali Kriminali ta’ Düsseldorf”) dwar MS.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 5 sa 8 tad-Direttiva 2014/41 jaqraw kif ġej:

“(5)

[…] jidher ċar li l-qafas eżistenti għall-ġbir ta’ provi huwa wisq frammentat u kkumplikat. Għalhekk, huwa meħtieġ approċċ ġdid.

(6)

Fil-programm ta’ Stokkolma adottat mill-Kunsill Ewropew tal-10 sal-11 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill Ewropew ikkunsidra li l-istabbiliment ta’ sistema komprensiva għall-ksib ta’ provi f’każijiet b’dimensjoni transkonfinali, abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, għandu jitkompla. Il-Kunsill Ewropew indika li l-istrumenti eżistenti f’dan il-qasam kienu jikkostitwixxu reġim frammentarju u li kien meħtieġ approċċ ġdid, ibbażat fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li madankollu jżomm kont ukoll tal-flessibbiltà tas-sistema tradizzjonali ta’ assistenza legali reċiproka. Għaldaqstant, il-Kunsill Ewropew appella għal sistema komprensiva li tissostitwixxi l-istrumenti kollha eżistenti f’dan il-qasam, inkluża d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/978/ĠAI [tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-Mandat Ewropew għall-Provi sabiex jinkisbu oġġetti, dokumenti u data għall-użu fi proċedimenti f’materji kriminali (ĠU 2008, L 350, p. 72)], li tkopri kemm jista’ jkun it-tipi kollha ta’ provi, li tinkludi skadenzi għall-infurzar u tillimita kemm jista’ jkun ir-raġunijiet għaċ-ċaħda.

(7)

Dan l-approċċ il-ġdid għandu jkun ibbażat fuq strument uniku msejjaħ l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew (OIE). L-OIE għandu jinħareġ għall-fini tat-twettiq ta’ miżura investigattiva speċifika waħda jew iżjed fl-Istat li jesegwixxi l-OIE (‘l-Istat ta’ eżekuzzjoni’) bil-ħsieb li jinġabru l-provi. Dan jinkludi l-ksib ta’ provi li jkunu diġà fil-pussess tal-awtorità ta’ eżekuzzjoni.

(8)

L-OIE għandu jkun orizzontali fl-ambitu u għaldaqstant għandu japplika għall-miżuri investigattivi kollha mmirati biex jiġbru l-provi. […]”

4

L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, intitolat “L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew u l-obbligu li jiġi eżegwit”, jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tiegħu:

“L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew (OIE) huwa deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa jew validata minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru (‘l-Istat emittenti’) sabiex waħda jew aktar miżuri investigattivi speċifiċi jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor (‘l-Istat ta’ eżekuzzjoni’) bil-ħsieb li jinkisbu provi f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

5

Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(c)

‘awtorità emittenti’ tfisser:

(i)

imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku kompetenti fil-każ ikkonċernat; jew

(ii)

kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kif definita mill-Istat emittenti li, fil-każ speċifiku, qed taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala awtorità ta’ investigazzjoni fi proċedimenti kriminali b’kompetenza li tordna l-ġbir ta’ provi f’konformità mal-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, qabel ma jintbagħat lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, l-OIE għandu jiġi vvalidat, wara eżami tal-konformità tiegħu mal-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ OIE taħt din id-Direttiva, partikolarment il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1), minn imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku fl-Istat emittenti. Fejn l-OIE jkun ġie validat minn awtorità ġudizzjarja, dik l-awtorità tista’ titqies ukoll bħala awtorità emittenti għall-finijiet ta’ trażmissjoni tal-OIE;

[…]”

6

Skont l-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Tipi ta’ proċedimenti li għalihom jista’ jinħareġ l-OIE”:

“OIE jista’ jinħareġ:

(a)

fir-rigward ta’ proċedimenti kriminali istitwiti minn, jew li jistgħu jiġu istitwi quddiem, awtorità ġudizzjarja fir-rigward ta’ reat kriminali taħt il-liġi tal-Istat emittenti;

(b)

proċedimenti istitwiti minn awtoritajiet amministrattivi fir-rigward ta’ atti li huma punibbli taħt il-liġi nazzjonali tal-Istat emittenti billi dawn ikunu jikkostitwixxu ksur tar-regoli tal-liġi u fejn id-deċiżjoni tista’ twassal għal proċedimenti quddiem qorti li jkollha ġuriżdizzjoni, b’mod partikolari, f’materji kriminali;

(c)

fi proċedimenti istitwiti minn awtoritajiet ġudizzjarji fir-rigward ta’ atti li huma punibbli taħt il-liġi nazzjonali tal-Istat emittenti billi dawn ikunu jikkostitwixxu ksur tal-liġi u fejn id-deċiżjoni tista’ twassal għal proċedimenti quddiem qorti li jkollha ġuriżdizzjoni, b’mod partikolari, f’materji kriminali; u

(d)

b’rabta ma’ proċedimenti msemmija fil-punti (a), (b) u (c) li huma relatati ma’ reati jew ksur ta’ liġijiet li għalihom persuna ġuridika tista’ tinżamm responsabbli jew tiġi punita fl-Istat emittenti.”

7

L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2014/41, intitolat “Notifiki”, jipprevedi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Sal-22 ta’ Mejju 2017, kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni [Ewropea] dwar dan li ġej:

(a)

l-awtorità jew l-awtoritajiet li, f’konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu, huma kompetenti skont l-Artikolu 2(c) u (d) meta dan l-Istat Membru jkun l-Istat emittenti jew l-Istat ta’ eżekuzzjoni;

[…]

2.   Kull Stat Membru jista’ wkoll jipprovdi lill-Kummissjoni l-lista ta’ dokumenti meħtieġa li jeħtieġ skont l-Artikolu 22(4).”

8

Il-formola dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, li tinsab fl-Anness A ta’ din id-direttiva, tinkludi, fost oħrajn, Taqsima K, li fiha għandha b’mod partikolari tiġi indikata t-tip ta’ awtorità li tkun ħarġet l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, jiġifieri awtorità ġudizzjarja jew kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kif iddefinita mid-dritt tal-Istat emittenti. Din il-formola tinkludi wkoll Taqsima L, li fiha għandhom jiġu indikati, jekk ikun hemm bżonn, id-dettalji tal-awtorità ġudizzjarja li tkun ivvalidat l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea.

Id‑dritt Ġermaniż

9

Permezz ta’ ittra ta’ notifika tar-Rappreżentanza Permanenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-Unjoni Ewropea tal‑14 ta’ Marzu 2017, dan l-Istat Membru indika, konformement mal-Artikolu 33(1) u (2) tad-Direttiva 2014/41:

“Skont ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tal-Länder applikabbli fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-awtoritajiet emittenti jew awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni jistgħu jkunu, minn naħa, l-awtoritajiet ġudizzjarji kollha, u għaldaqstant fost oħrajn il-Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof [(il-Prosekutur Ġenerali għall-Qorti tal-Ġustizzja Federali, il-Ġermanja)], l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku lokali, il-prosekuturi ġenerali tal-Länder u z-Zentrale Stelle in Ludwigsburg [(L-Uffiċċju Ċentrali tal-Ministeri għall-Ġustizzja tal-Länder għall-Investigazzjoni tad-Delitti Nazzjonali Soċjalisti ta’ Ludwigsburg (il-Ġermanja)], kif ukoll il-qrati kollha b’ġurisdizzjoni f’materji kriminali.

Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet emittenti u l-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni jistgħu jkunu wkoll l-awtoritajiet amministrattivi responsabbli, skont id-dritt Ġermaniż, għall-prosekuzzjonijiet u għall-pieni ta’ reati amministrattivi.

Konformement mal-Artikolu 2(c) tad-[Direttiva 2014/41], talbiet li l-awtoritajiet amministrattivi Ġermaniżi jindirizzaw lil Stat Membru ieħor tal-Unjoni, għandhom bħala prinċipju jiġu kkonfermati mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fi ħdan il-qorti reġjonali li fid-distrett tagħha l-awtorità amministrattiva jkollha s-sede tagħha. B’deroga minn dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Länder jistgħu jagħtu l-kompetenza għal din il-konferma lil qorti jew jistgħu jirregolaw permezz ta’ deroga l-kompetenza territorjali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku inkarigat mill-konferma […]

It-talbiet tal-awtoritajiet tat-taxxa Ġermaniżi li b’mod awtonomu jkunu qegħdin imexxu investigazzjonijiet kriminali taħt l-Artikolu 386(2) tal-Abgabenordung [il-Kodiċi tat-Taxxa Ġermaniż, fil-verżjoni tiegħu ppubblikata fl-1 ta’ Ottubru 2002 (BGBl. 2002 I, p. 3866; BGBl. 2003 I, p. 61)], ma għandhomx għalfejn jiġu kkonfermati minn awtorità ġudizzjarja jew minn qorti. F’tali każ, skont id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 399(1) tal-Kodiċi tat-Taxxa Ġermaniż u tal-Artikolu 77(1), [tal-Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen (il-Liġi Ġermaniża dwar l-Assistenza Ġudizzjarja Internazzjonali f’Materji Kriminali), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fis-27 ta’ Ġunju 1994 (BGBl. 1994 I, p. 1537)], l-awtoritajiet tat-taxxa jassumu d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ prosekutur pubbliku u għaldaqstant jaġixxu huma stess bħala awtorità ġudizzjarja fis-sens tal-Artikolu 2(c) tad-[Direttiva 2014/41]”.

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

10

L-Uffiċċju tat-Taxxa Inkarigat bi Kwistjonijiet Fiskali Kriminali ta’ Düsseldorf qiegħed imexxi investigazzjoni għal frodi fiskali kontra MS. Din tal-aħħar, bħala amministratriċi ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, hija ssuspettata li ma ddikjaratx, matul il-perijodu bejn is-sena 2015 sax-xahar ta’ Frar tas-sena 2020, dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-operat ta’ burdell, fejn tali ommissjoni għandha impatt fiskali ta’ madwar EUR 1.6 miljun.

11

Għall-finijiet ta’ din l-investigazzjoni, dan l-uffiċċju ħareġ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea li huwa bagħat, fit‑23 ta’ Lulju 2020, lill-iStaatsanwaltschaft Graz (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Graz, l-Awstrija). Permezz ta’ din l-ordni, l-imsemmi uffiċċju talab lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Graz jiġbor, mingħand bank li jinsab fl-Awstrija, dokumenti relatati ma’ żewġ kontijiet bankarji miftuħa f’isem MS dwar il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u t-28 ta’ Frar 2020.

12

Fit-Taqsima K tal-imsemmija ordni ġie indikat li din l-ordni nħarġet minn “awtorità ġudizzjarja”. Konsegwentement, l-uffiċċju kompetenti ma meliex it-Taqsima L ta’ din l-istess ordni, li fiha għandhom jidhru, fil-każ ta’ validazzjoni ta’ din tal-aħħar minn awtorità ġudizzjarja, id-dettalji ta’ din l-awtorità.

13

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-iStrafprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Awstrijak), bank jista’ jkun obbligat jibgħat informazzjoni dwar kontijiet bankarji u jittrażmetti dokumenti dwar dawn il-kontijiet biss permezz ta’ miżura investigattiva li għandha tiġi ordnata mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku abbażi ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja.

14

Permezz ta’ digriet mogħti fil-5 ta’ Awwissu 2020, fuq talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Graz, il-Haft- und Rechtsschutzrichterin (l-Imħallef għad-detenzjoni u għall-protezzjoni ġudizzjarja) fi ħdan il-Landesgericht für Strafsachen Graz (il-Qorti Reġjonali ta’ Graz għall-Materji Kriminali, l-Awstrija) awtorizzat l-eżekuzzjoni tal-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea msemmija fil-punt 11 tas-sentenza preżenti. Fis-7 ta’ Awwissu 2020, il-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Graz ordna l-eżekuzzjoni tal-miżura mitluba.

15

MS appellat mid-digriet tal-5 ta’ Awwissu 2020 quddiem l-Oberlandesgericht Graz (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Graz, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju. Quddiem din il-qorti, MS tallega li l-Uffiċċju tat-Taxxa Inkarigat bi Kwistjonijiet Fiskali Kriminali ta’ Düsseldorf la huwa“awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/41, u lanqas “awtorità emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva. Dan l-Uffiċċju għalhekk ma huwiex kompetenti sabiex joħroġ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea.

16

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li hija mitluba tiddeċiedi dwar il-legalità tal-eżekuzzjoni tal-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea maħruġa mill-Uffiċċju tat-Taxxa Inkarigat bi Kwistjonijiet Fiskali Kriminali ta’ Düsseldorf. Hija tippreċiża li din id-deċiżjoni ma ġietx ivvalidata minn awtorità ġudizzjarja, kif previst fl-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41 meta l-awtorità emittenti tkun awtorità differenti minn imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku kompetenti fil-kawża kkonċernata. Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk l-awtorità tat-taxxa, awtorizzata skont id-dritt Ġermaniż, f’dak li jirrigwarda ċerti reati kriminali speċifiċi, li tassumi d-drittijiet u d-dmirijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, tistax tiġi assimilata ma’ “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, u ma’ “prosekutur pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(i) tal-imsemmija direttiva.

17

Skont din il-qorti, argumenti bbażati fuq il-kliem u fuq ir-raġunament ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, hekk kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati) (C‑584/19, EU:C:2020:1002), u mill-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Finanzamt für Steuerstrafsachen und Steuerfahndung Münster (C‑66/20, EU:C:2021:200), jargumentaw kontra li ssir tali assimilazzjoni.

18

F’dan il-kuntest, hija tenfasizza li l-pożizzjoni istituzzjonali tal-awtorità tat-taxxa, li ma hijiex imsemmija fil-lista tal-awtoritajiet ġudizzjarji li tinsab fl-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41 bħala awtorità emittenti, hija ċarament distinta minn dik tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, li huwa msemmi f’din il-lista.

19

Għalhekk, b’differenza mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, l-awtorità tat-taxxa hija entità amministrattiva, li tagħmel parti mill-eżekuttiv, kompetenti fil-qasam tat-taxxa u integrata fl-istruttura ġerarkika tal-Ministeru għall-Finanzi Ġermaniż mingħajr ma għandha ebda awtonomija, indipendenza u libertà ta’ azzjoni. Hija allegatament għandha s-setgħa tmexxi investigazzjoni kriminali b’mod awtonomu biss fir-rigward ta’ ċerti reati kriminali speċifiċi, u dan biss sakemm hija ma tirrinunzjax hija stess għal tali każ favur l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jew sakemm dan tal-aħħar ma jiħux f’idejh l-imsemmija kawża, li huwa possibbli fi kwalunkwe mument u mingħajr raġuni partikolari. Meta l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jwettaq l-investigazzjoni, l-awtorità tat-taxxa jkollha sempliċement l-istess drittijiet u dmirijiet bħal dawk mogħtija lill-korp tal-pulizija. Meta tmexxi l-investigazzjoni b’mod awtonomu, l-awtorità tat-taxxa allegatament sempliċement “tassumi” d-drittijiet u d-dmirijiet mogħtija lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fl-investigazzjoni kriminali, mingħajr ma jkollha pussess tagħhom hija nnifisha.

20

Min-naħa l-oħra, il-pożizzjoni istituzzjonali ta’ Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku hija kkaratterizzata mill-fatt li huwa jaġixxi quddiem il-qrati bħala garanti tal-legalità, li huwa jipparteċipa effettivament fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u li huwa jservi l-interess ġenerali fir-rigward tal-osservanza tal-liġi.

21

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tammetti li huwa wkoll possibbli li jitqies li, billi tassumi d-drittijiet u d-dmirijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, l-awtorità tat-taxxa tiġi assimilata ma’ “awtorità ġudizzjarja” u ma’ “awtorità emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41 rispettivament.

22

Fil-fatt, mis-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati) (C‑584/19, EU:C:2020:1002, punti 5156 sa 73), jirriżulta li l-unika kundizzjoni sabiex entità msemmija fl-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41 tiġi kklassifikata bħala “awtorità emittenti”, hija marbuta mal-kompetenza tagħha fil-kawża inkwistjoni u mal-ħruġ tal-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea b’osservanza tal-garanziji previsti minn din id-direttiva.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Graz (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Graz) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-ewwel [subparagrafu] tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(c)(i) tad-[Direttiva 2014/41], għandhom jiġu interpretati fis-sens li għandu wkoll jitqies bħala “awtorità ġudizzjarja” u bħala “awtorità emittenti” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, uffiċċju tat-taxxa Ġermaniż inkarigat bi kwistjonijiet fiskali kriminali u b’investigazzjoni fiskali, li skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, huwa awtorizzat jeżerċita drittijiet u dmirijiet tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fir-rigward ta’ ċerti reati?”

Fuq id‑domanda preliminari

24

Permezz tal-unika domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità tat-taxxa ta’ Stat Membru li, filwaqt li taqa’ taħt l-eżekuttiv ta’ dan tal-aħħar, twettaq, skont id-dritt nazzjonali, investigazzjonijiet fiskali kriminali b’mod awtonomu, minflok l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u billi tassumi d-drittijiet u d-dmirijiet mogħtija lil dan tal-aħħar, tista’ tiġi kklassifikata bħala “awtorità ġudizzjarja” u “awtorità emittenti”, fis-sens ta’ waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet rispettivament.

25

Għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet mixtieqa mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmlu parti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati) (C‑584/19, EU:C:2020:1002, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni letterali, għandu jitfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/41 jiddefinixxi l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea bħala deċiżjoni ġudizzjarja li tkun inħarġet jew ġiet ivvalidata minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru sabiex tiġi eżegwita miżura investigattiva speċifika waħda jew iżjed fi Stat Membru ieħor bil-għan li jinġabru provi, konformement ma’ din id-direttiva.

27

Il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” użat f’din id-dispożizzjoni ma huwiex iddefinit fiha. Għaldaqstant, l-imsemmija dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva 2014/41, u b’mod partikolari mal-Artikolu 2(c) tagħha.

28

Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tiddefinixxi dak li għandu jinftiehem, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, bħala “awtorità emittenti”. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 2(c)(i) tal-imsemmija direttiva, tikkostitwixxi awtorità emittenti, “imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku kompetenti fil-każ ikkonċernat”. Skont l-Artikolu 2(c)(ii) tal-istess direttiva, tikkostitwixxi wkoll awtorità emittenti “kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kif definita mill-Istat emittenti li, fil-każ speċifiku, qed taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala awtorità ta’ investigazzjoni fi proċedimenti kriminali b’kompetenza li tordna l-ġbir ta’ provi f’konformità mal-liġi nazzjonali”. Barra minn hekk, minn din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li, meta Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea tinħareġ minn tali “awtorità oħra”, din għandha tiġi vvalidata minn awtorità ġudizzjarja, jiġifieri imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku fl-Istat emittenti, qabel ma tiġi trażmessa lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni.

29

Għaldaqstant, mill-kliem ċar tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2014/41 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tagħmel distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ awtoritajiet emittenti, imsemmija rispettivament fil-punti (i) u (ii) tagħha.

30

Għaldaqstant, l-Artikolu 2(c)(i) ta’ din id-direttiva jindika espressament bħala “awtoritajiet emittenti” l-imħallfin, il-qrati, l-imħallfin inkwirenti jew il-prosekuturi pubbliċi, bl-unika kundizzjoni li jkollhom ġurisdizzjoni fil-kawża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati), C‑584/19, EU:C:2020:1002, punti 5051).

31

Dawn l-erba’ awtoritajiet jaqsmu l-karatteristika li kollha jistgħu jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 60). Barra minn hekk, konformement ma’ din l-evalwazzjoni, dawn huma, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41, ikklassifikati bħala “awtoritajiet ġudizzjarji” fis-sens ta’ din id-direttiva.

32

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41, b’mod partikolari mill-użu tal-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “jew”, din id-dispożizzjoni telenka b’mod eżawrjenti dawn l-erba’ awtoritajiet.

33

Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-Artikolu 2(c)(ii) ta’ din id-direttiva, li jipprovdi li kategorija oħra ta’ awtoritajiet taqa’ taħt il-kunċett ta’ “awtorità emittenti”. Din il-kategorija tkopri kull awtorità “oħra” li mhux imsemmija fl-Artikolu 2(c)(i) tal-imsemmija direttiva, bil-kundizzjoni li tali awtorità tkun kompetenti sabiex taġixxi bħala awtorità responsabbli għall-investigazzjonijiet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2021, Spetsializirana prokuratura (Data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni), C‑724/19, EU:C:2021:1020, punt 29). Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea maħruġa minn tali awtorità għandha, qabel it-trażmissjoni tagħha lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, tiġi vvalidata minn “awtorità ġudizzjarja” li taqa’ taħt l-Artikolu 2(c)(i) tal-istess direttiva.

34

Konsegwentement, ir-riferiment għal “kwalunkwe awtorità […] oħra”, magħmul fl-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41, jindika b’mod ċar li kull awtorità li ma hijiex imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku, imsemmija fl-Artikolu 2(c)(i) ta’ din id-direttiva, għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 2(c)(ii) tal-imsemmija direttiva. Awtorità mhux ġudizzjarja, bħal awtorità amministrattiva, tista’, għaldaqstant, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “awtorità emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41, bil-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 33 tas-sentenza preżenti.

35

Minn dan isegwi li l-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva jirrifletti, fil-punti (i) u (ii) tiegħu, id-distinzjoni, inerenti għall-prinċipju ta’ separazzjoni tas-setgħat li jikkaratterizza l-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, bejn il-ġudikatura u l-eżekuttiv. Fil-fatt, tradizzjonalment b’awtoritajiet ġudizzjarji wieħed jifhem l-awtoritajiet li jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, b’differenza, b’mod partikolari, mill-awtoritajiet amministrattivi, li jaqgħu taħt l-eżekuttiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Poltorak, C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punt 35).

36

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fid-dawl tal-kliem tiegħu, l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2014/41 jiddistingwi bejn żewġ kategoriji ta’ awtoritajiet emittenti, li waħda teskludi l-oħra. Is-sitwazzjoni ta’ kwalunkwe awtorità li ma tissemmiex b’mod espliċitu fil-lista li tinsab fil-punt (i) ta’ din id-dispożizzjoni għandha tiġi eżaminata abbażi tal-punt (ii) tagħha.

37

Madankollu, l-amministrazzjonijiet fiskali tal-Istati Membri ma humiex fost l-awtoritajiet hekk elenkati b’mod eżawrjenti fil-punt (i) tal-imsemmija dispożizzjoni. Għaldaqstant, dawn għandhom jitqiesu bħala awtoritajiet emittenti fis-sens tal-Artikolu 2(c)(ii) ta’ din id-direttiva, sakemm il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti.

38

Fit-tieni lok, il-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2014/41 u l-għan tagħha jsaħħu wkoll l-interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni esposta fil-punt 36 tas-sentenza preżenti.

39

Fil-fatt, fir-rigward tal-interpretazzjoni kuntestwali, għandu l-ewwel jiġi osservat li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/41, li jiddetermina t-tipi ta’ proċeduri li għalihom tista’ tinħareġ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, jidentifika, f’dan ir-rigward, kemm il-proċeduri mibdija minn “awtorità ġudizzjarja” kif ukoll proċeduri mibdija minn “awtoritajiet amministrattivi”. Dan l-artikolu għalhekk jikkorrobora r-rilevanza tad-distinzjoni bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ awtoritajiet fil-kuntest legali stabbilit minn din id-direttiva u, b’mod iktar partikolari, fl-Artikolu 2(c) tagħha.

40

It-tieni, minn qari tad-dispożizzjonijiet kollha li jinsabu fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2014/41 jirriżulta li l-ħruġ ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, li hija deċiżjoni ġudizzjarja, jeħtieġ, fi kwalunkwe każ, l-intervent ta’ awtorità ġudizzjarja. Fil-fatt, tali deċiżjoni għandha jew tinħareġ minn tali awtorità stess, jew tiġi vvalidata minnha, meta din tkun inħarġet minn “awtorità oħra”, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(ii) ta’ din id-direttiva.

41

L-istess bħal kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-kuntest tagħhom iwassal sabiex issir distinzjoni ċara bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-awtoritajiet l-oħra li jistgħu joħorġu Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea.

42

Għal dak li jirrigwarda l-għan tad-Direttiva 2014/41, għandu jitfakkar li din id-direttiva għandha l-għan, kif jirriżulta mill-premessi 5 sa 8 tagħha, li tissostitwixxi l-qafas frammentarju u kumpless li kien jeżisti sal-adozzjoni tal-imsemmija direttiva fil-qasam tal-ġbir ta’ provi fil-kawżi kriminali li għandhom dimensjoni transkonfinali u hija intiża, permezz tal-istabbiliment ta’ sistema ssemplifikata u iktar effikaċi bbażata fuq strument uniku msejjaħ “Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea”, li tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, billi sserraħ fuq il-grad ta’ fiduċja għoli li għandu jeżisti bejn l-Istati Membri [sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2021, Spetsializirana prokuratura (Data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni), C‑724/19, EU:C:2021:1020, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

F’dan ir-rigward, l-għan relatat ma’ kooperazzjoni ssemplifikata u effikaċi bejn l-Istati Membri jeħtieġ identifikazzjoni sempliċi u inekwivokabbli tal-awtorità li tkun ħarġet Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea sabiex jiġi ddeterminat jekk tali ordni għandhiex tiġi vvalidati minn awtorità ġudizzjarja jew le b’applikazzjoni tal-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41. L-interpretazzjoni magħmula fil-punt 36 tas-sentenza preżenti u li tipprovdi li ż-żewġ kategoriji ta’ awtoritajiet emittenti, fis-sens tal-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva, jeskludu waħda lill-oħra, tippermetti li jintlaħaq dan l-għan, peress li hija tali li tippermetti li jiġi ddeterminat, inekwivokabbilment, jekk awtorità emittenti taqax taħt il-punt (i) jew il-punt (ii) ta’ din id-dispożizzjoni.

44

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li kemm il-kliem tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2014/41, kif ukoll il-kuntest li minnu tagħmel parti din id-dispożizzjoni u l-għan imfittex minn din id-direttiva jipprekludu l-interpretazzjoni funzjonali evokata mill-Gvern Awstrijak u dak Ġermaniż, li tipprovdi li, meta, skont id-dritt nazzjonali, awtorità tat-taxxa tassumi d-drittijiet u d-dmirijiet mogħtija lill-prosekutur pubbliku, din l-amministrazzjoni għandha tiġi assimilata miegħu u, għaldaqstant, tiġi kklassifikata bħala “awtorità emittenti” fis-sens tal-Artikolu 2(c)(i) tal-imsemmija direttiva.

45

Fil-fatt, din l-interpretazzjoni jkollha l-konsegwenza li awtorità tat-taxxa taqa’, skont il-qafas legali li fih teżerċita s-setgħa tagħha, taħt awtoritajiet emittenti msemmija jew fl-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41, inkella fl-Artikolu 2(c)(ii) tagħha. Barra minn hekk, l-imsemmija interpretazzjoni telimina d-distinzjoni ċara magħmula minn din id-direttiva bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-awtoritajiet amministrattivi. Hija jkollha wkoll il-konsegwenza, meta tali awtorità taqa’ taħt l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, li tippermetti l-ħruġ ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea minn awtorità tat-taxxa li taqa’ taħt l-eżekuttiv mingħajr ebda intervent ta’ awtorità ġudizzjarja. L-adozzjoni ta’ tali approċċ tkun għalhekk sors ta’ inċertezza legali u tirriskja li tikkomplika s-sistema ta’ implimentazzjoni tal-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea kif ukoll, b’dan il-mod, li tikkomprometti l-istabbiliment ta’ sistema ssimplifikata u effikaċi ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f’materji kriminali.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

l-awtorità tat-taxxa ta’ Stat Membru li, filwaqt li taqa’ taħt l-eżekuttiv ta’ dan tal-aħħar, twettaq, skont id-dritt nazzjonali, investigazzjonijiet fiskali kriminali b’mod awtonomu, minflok l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u billi tassumi d-drittijiet u d-dmirijiet mogħtija lil dan tal-aħħar ma tistax tiġi kklassifikata bħala “awtorità ġudizzjarja” u “awtorità emittenti”, fis-sens, ta’ waħda jew l-oħra minn dawn id-dispożizzjonijiet, rispettivament;

tali awtorità tista’, min-naħa l-oħra, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “awtorità emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(ii) tal-imsemmija direttiva, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni jiġu osservati.

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali,

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

l-awtorità tat-taxxa ta’ Stat Membru li, filwaqt li taqa’ taħt l-eżekuttiv ta’ dan tal-aħħar, twettaq, skont id-dritt nazzjonali, investigazzjonijiet fiskali kriminali b’mod awtonomu, minflok l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u billi tassumi d-drittijiet u d-dmirijiet mogħtija lil dan tal-aħħar ma tistax tiġi kklassifikata bħala “awtorità ġudizzjarja” u “awtorità emittenti”, fis-sens, ta’ waħda jew l-oħra minn dawn id-dispożizzjonijiet, rispettivament;

 

tali awtorità tista’, min-naħa l-oħra, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “awtorità emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(ii) tal-imsemmija direttiva, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni jiġu osservati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-proċedura: il-Ġermaniż.

Top