EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0753

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali L. Medina, ippreżentati l-25 ta’ Jannar 2024.


ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:82

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fil‑25 ta’ Jannar 2024 ( 1 )

Kawża C‑753/22

QY

vs

Bundesrepublik Deutschland

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika komuni dwar l-ażil – Deċiżjoni ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat adottata minn Stat Membru – Riskju ta’ ssuġġettar għal trattament inuman jew degradanti f’dan l-Istat Membru – Konsegwenzi għall-applikazzjoni l-ġdida għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata fi Stat Membru ieħor – Eżami ta’ din l-applikazzjoni l-ġdida minn dan l-Istat Membru l-ieħor – Determinazzjoni tal-effett vinkolanti ekstraterritorjali possibbli tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat – Rikonoxximent reċiproku – Skambju ta’ informazzjoni)

I. Introduzzjoni

1.

Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) ressqet talba għal deċiżjoni preliminari fil-proċeduri bejn QY, ċittadina Sirjana li ngħatat l-istatus ta’ refuġjat fil-Greċja, u l-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Federali”) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jiċħad l-applikazzjoni ta’ QY għar-rikonoxximent ta’ dan l-istatus.

2.

F’dan il-każ, il-Ġermanja, l-Istat Membru li lilu ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-istatus ta’ refuġjat (iktar ’il quddiem it-“tieni Stat Membru”) ma tistax tirritorna lil QY lejn il-Greċja, l-Istat Membru li l-ewwel taha tali status (iktar ’il quddiem l-“ewwel Stat Membru”), peress li dan ikun jesponiha għal riskju serju ta’ ssuġġettar għal trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), minħabba l-kundizzjonijiet tal-ħajja tar-refuġjati f’dan l-Istat Membru ( 2 ).

3.

F’dan l-isfond, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt primarju tal-Unjoni u d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ tliet atti sekondarji adottati fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni dwar ir-refuġjati, jiġifieri r-Regolament Dublin III ( 3 ), id-Direttiva dwar il-proċeduri ( 4 ) u d-Direttiva dwar il-kwalifika ( 5 ) għandhomx jiġu interpretati fis-sens li t-tieni Stat Membru huwa marbut li jirrikonoxxi l-istatus ta’ refuġjat mogħti mill-ewwel Stat Membru, mingħajr eżami ulterjuri tal-kundizzjonijiet materjali meħtieġa għall-kwalifika għall-istatus ta’ refuġjat.

4.

Il-kawża preżenti jqajjem il-kwistjoni dwar jekk jistax ikun hemm rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet li jagħtu l-istatus ta’ refuġjat bejn l-Istati Membri u, jekk iva, jekk dan ir-rikonoxximent jibqax jeżisti meta l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka ma jkunx jista’ jibqa’ jiġi applikat. Kwistjonijiet simili bħalissa huma s-suġġett ta’ tliet kawżi oħra pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 6 ).

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

5.

L-Artikolu 78(1) u (2) TFUE jipprovdi:

“1.   L-Unjoni għandha tiżviluppa politika komuni dwar l-asil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja bil-għan li toffri status xieraq lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jeħtieġ protezzjoni internazzjonali u bil-għan li tassigura l-ħarsien tal-prinċipju ta’ non-refoulement. Din il-politika trid tkun konformi mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat‑28 ta’ Lulju 1951 [ ( 7 )] [iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”] […].

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa dwar sistema komuni Ewropea ta’ asil [(iktar ’il quddiem is-“SEKA”)] li tinkludi:

a)

status uniformi ta’ asil għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, validu fl-Unjoni kollha;

[…]”

1. Ir‑Regolament Dublin III

6.

L-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament Dublin III jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.

2.   Fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.

Fejn huwa impossibbli li applikant jiġi trasferit għall-Istat Membru primarjament nominat bħala responsabbli għax ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-[Karta], l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nominat bħala responsabbli.

Fejn it-trasferiment ma jistax isir skont dan il-paragrafu għal kwalunkwe Stat Membru nominat abbażi tal-kriterji stipulati fil-Kapitolu III jew għall-ewwel Stat Membru li miegħu tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni, l-Istat Membru determinanti għandu jsir l-Istat Membru responsabbli.”

7.

L-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi r-regoli dwar l-iskambju ta’ informazzjoni.

2. Id‑Direttiva dwar il‑proċeduri

8.

L-Artikolu 33 tad-Direttiva dwar il-proċeduri, intitolat “Applikazzjonijiet inammissibbli”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2(a) tiegħu:

“1.   Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont [ir-Regolament Dublin III], l-Istati Membri mhumiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt [id-Direttiva dwar il-kwalifika] fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu.

2.   L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

(a)

il-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet mogħtija minn Stat Membru ieħor”.

3. Id‑Direttiva dwar il‑kwalifika

9.

L-Artikolu 4(1), (2) u (3) tad-Direttiva dwar il-kwalifika jittratta l-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi marbuta mal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

10.

L-Artikoli 11, 12, 13 u 14 ta’ din id-direttiva huma rilevanti wkoll għal din il-kawża.

B.   Id‑dritt Ġermaniż

11.

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 60(1) tal-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (il-Liġi dwar ir-Residenza, l-Attività Professjonali u l-Integrazzjoni taċ-Ċittadini Barranin fit-Territorju Federali) fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AufenthG”), tipprovdi li, skont il-Konvenzjoni ta’ Genève, “ċittadin barrani ma jistax jiġi ddeportat lejn Stat li fih ħajtu jew il-libertà tiegħu jkunu mhedda minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija fi grupp soċjali jew l-opinjoni politika tiegħu”.

12.

Skont il-qorti tar-rinviju, abbażi tat-tieni sentenza tal-Artikolu 60(1) tal-AufenthG, meta persuna tkun ingħatat l-istatus ta’ refuġjat barra mit-territorju Federali fir-rigward ta’ Stat partikolari, l-għoti ta’ dan l-istatus jipprekludi d-deportazzjoni tagħha mill-awtoritajiet Ġermaniżi lejn dan l-Istat. Billi adotta din ir-regola, il-leġiżlatur Ġermaniż ta effett obbligatorju lir-rikonoxximent ta’ dan l-istatus, li huwa ristrett għar-rifjut ta’ deportazzjoni tal-persuna kkonċernata, iżda ma ħoloq ebda dritt ġdid relatat mar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat.

III. Il‑kawża prinċipali, id‑domanda preliminari, u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

13.

QY, ċittadina Sirjana, ingħatat l-istatus ta’ refuġjat fil-Greċja fl‑2018. F’data mhux żvelata mill-qorti tar-rinviju, QY ippreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Ġermanja.

14.

Qorti amministrattiva Ġermaniża kkonstatat fis-sentenza tagħha li minħabba l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għar-refuġjati fil-Greċja, QY kienet tinsab f’riskju serju li ssofri trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, bir-riżultat li ma setgħetx tiġi rritornata lura lejn dan l-Istat Membru.

15.

B’deċiżjoni tal‑1 ta’ Ottubru 2019, l-Uffiċċju Federali ta protezzjoni sussidjarja lil QY u ċaħad l-applikazzjoni tagħha għall-istatus ta’ refuġjat.

16.

Il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva, il-Ġermanja) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn QY għar-raġuni li t-talba tagħha ma setgħetx tkun ibbażata biss fuq il-fatt li hija kienet ingħatat l-istatus ta’ refuġjat fil-Greċja. Il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva) qieset li l-applikazzjoni ma kinitx fondata għaliex hija ma kinitx tinsab f’riskju ta’ persekuzzjoni fis-Sirja.

17.

QY sussegwentement ippreżentat appell quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), li hija l-qorti tar-rinviju. Hija ssostni li l-Uffiċċju Federali huwa marbut bl-istatus ta’ refuġjat mogħti preċedentement mill-Greċja.

18.

Il-qorti tar-rinviju tinnota li l-ebda dispożizzjoni tad-dritt Ġermaniż ma tagħti lil QY id-dritt għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat mogħti minn Stat Membru ieħor. Hija tosserva wkoll li t-talba tagħha ma setgħetx tiġi ddikjarata inammissibbli mill-awtoritajiet Ġermaniżi, peress li, filwaqt li QY kienet ingħatat l-istatus ta’ refuġjat fil-Greċja, hija tinsab f’riskju li ssofri trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, jekk tiġi rritornata lejn dan l-Istat Membru. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li huwa neċessarju li jiġu ddeterminati l-konsegwenzi legali tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ din l-għażla minħabba r-riskji ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

19.

Il-qorti tar-rinviju tqis li huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix lill-Uffiċċju Federali milli jwettaq eżami ġdid, mingħajr ma jkun marbut minn deċiżjoni preċedenti ta’ Stat Membru ieħor li tagħti l-istatus ta’ refuġjat, u jekk din id-deċiżjoni għandhiex effett ekstraterritorjali mandatorju. Din il-qorti tesprimi l-fehma li d-dritt primarju u sekondarju tal-Unjoni ma jindikax li r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru wieħed jipprekludi lill-awtorità kompetenti ta’ tieni Stat Membru milli teżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fuq il-merti tagħha. Fil-qosor, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li, taħt id-dritt tal-Unjoni, ma teżisti ebda dispożizzjoni espliċita li tistabbilixxi l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ dan l-istatus.

20.

Dan premess, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha trid tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk effetti vinkolanti jistgħux jiġu dedotti mit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III, li skontha l-mertu tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tiġi eżaminata minn Stat Membru wieħed. Il-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi wkoll li t-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-kwalifika jistgħu jiġu interpretati bl-istess mod. Barra minn hekk, l-għażla li l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri jagħti lit-tieni Stat Membru li jiddikjara applikazzjoni inammissibbli għar-raġuni li l-ewwel Stat Membru jkun diġà ta l-istatus ta’ refuġjat tista’ tinftiehem bħala espressjoni tal-prinċipju li l-merti ta’ applikazzjoni għall-ażil għandhom jiġu eżaminati darba biss.

21.

Il-qorti tar-rinviju tinnota wkoll li din il-kawża hija differenti mill-Kawża C‑352/22, Generalstaatsanwaltschaft Hamm (Talba għal estradizzjoni ta’ refuġjat lejn it-Turkija), li bħalissa tinsab pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li tikkonċerna talba għal estradizzjoni minn pajjiż terz minn fejn ħarbet din il-persuna. F’din il-kawża, l-Uffiċċju Federali ta protezzjoni sussidjarja lil QY u għalhekk hija ma tistax tiġi ddeportata.

22.

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni dwar kif il-punt 42 tad-digriet fil-kawża Hamed u Omar ( 8 ) għandu jinftiehem. Minn naħa, ir-riferiment għal proċedura tal-ażil “ġdida” jista’ jkun favorevoli għal eżami ġdid. Min-naħa l-oħra, ir-riferiment għad-“drittijiet marbuta mal-istatus ta’ refuġjat” jista’ timplika rikonoxximent tal-istatus diġà mogħti minn Stat Membru ieħor.

23.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) issospendiet il-proċeduri u għamlet id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Meta Stat Membru ma jkunx awtorizzat jeżerċita l-fakultà, mogħtija permezz tal-Artikolu 33(2)(a) tad-[Direttiva dwar il-proċeduri], li jiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba l-istatus ta’ refuġjat mogħti fi Stat Membru ieħor, għaliex il-kundizzjonijiet tal-ħajja f’dan l-aħħar Stat Membru jkunu jesponu lill-applikant għal riskju serju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-[Karta], it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-[Regolament Dublin III], it-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 13 tad-[Direttiva dwar il-kwalifika], kif ukoll l-Artikolu 10(2) u (3), u l-Artikolu 33(1) u (2)(a) tad-[Direttiva dwar il-proċeduri], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-istatus ta’ refuġjat diġà mogħti jipprekludi lill-Istat Membru milli jeżamina mingħajr preġudizzji l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li ġiet ippreżentata quddiemu u jobbligah jagħti lill-applikant l-istatus ta’ refuġjat mingħajr ma jivverifika l-kundizzjonijiet sostantivi ta’ din il-protezzjoni?”

24.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn QY, mill-Gvern Belġjan, Ċek, Ġermaniż, Irlandiż, Grieg, Franċiż, Taljan, Lussemburgiż, Olandiż u Awstrijak, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet, minbarra l-Gvern Belġjan, Ċek u Awstrijak, ippreżentaw ukoll argumenti orali waqt is-seduta li nżammet fis‑26 ta’ Settembru 2023.

IV. Evalwazzjoni

25.

Is-sitwazzjoni sottostanti għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija kkaratterizzata mill-fatt li l-persuna kkonċernata ma tistax tintbagħat lura lejn l-ewwel Stat Membru, il-Greċja. Għalhekk, id-domanda rrinvijata hija bbażata fuq il-premessa li s-sistema tal-ażil tal-ewwel Stat Membru – u b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għar-refuġjati – ma tistax tiggarantixxi iktar il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 4 tal-Karta (Taqsima A).

26.

F’dan l-isfond, id-domanda rrinvijata lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari għandha l-għan li tivverifika, essenzjalment, jekk hemmx prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fid-dritt tal-Unjoni li jeħtieġ li t-tieni Stat Membru jirrikonoxxi u jinforza l-istatus ta’ refuġjat preċedentement mogħti lill-persuna kkonċernata mill-ewwel Stat Membru. Fil-fehma tiegħi, din id-domanda tista’ tinqasam f’żewġ partijiet. L-ewwel nett, huwa importanti ħafna li jiġi ddeterminat jekk tali prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jeżistix fil-qasam tal-politika tal-ażil tal-Unjoni (Taqsima B). It-tieni nett, jekk ir-risposta għal din id-domanda tkun fin-negattiv għandu jiġi determinat ukoll il-mod kif għandhom jitwettqu l-proċeduri amministrattivi sussegwenti fir-rigward ta’ applikazzjonijiet ġodda fit-tieni Stat Membru (Taqsima C) ( 9 ).

A.   Osservazzjonijiet preliminari dwar iċ‑ċirkustanzi eċċezzjonali li jirriżultaw mit‑telf ta’ fiduċja reċiproka

27.

Il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri huwa bbażat fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jaqsam mal-Istati Membri l-oħra kollha, u l-Istati Membri kollha jirrikonoxxu li jaqsmu miegħu, sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, kif huwa ddikjarat fl-Artikolu 2 TUE ( 10 ). Din il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri li dawn il-valuri ser ikunu rrikonoxxuti, u għalhekk, li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li timplimentahom ser tkun osservata, u li s-sistemi legali nazzjonali tal-Istati Membri huma kapaċi jipprovdu protezzjoni ekwivalenti u effettiva tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-Karta, inklużi l-Artikoli 1 u 4 tagħha, li jistabbilixxu wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha ( 11 ).

28.

Għaldaqstant, fil-kuntest tas-SEKA, għandu jiġi preżunt li t-trattament tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali f’kull Stat Membru jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Karta, tal-Konvenzjoni ta’ Genève u tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 12 ). Minkejja din il-preżunzjoni ta’ konformità, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li ma huwiex inkonċepibbli li s-SEKA tista’, fil-prattika, tesperjenza problemi operattivi kbar fi Stat Membru partikolari, li jfisser li hemm riskju sostanzjali li l-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil jistgħu, meta jiġu trasferiti lejn dan l-Istat Membru, jiġu ttrattati b’mod inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali tagħhom ( 13 ). Għalhekk, f’ċirkustanzi eċċezzjonali ( 14 ), l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka ssir inkompatibbli mad-dmir li jiġi interpretat u applikat ir-Regolament Dublin III b’mod konsistenti mad-drittijiet fundamentali ( 15 ).

29.

F’dan il-kawża, il-premessa li tagħti lok għal fiduċja reċiproka fis-SEKA – li skontha kull wieħed minn dawn l-Istati huwa obbligat li jqis lill-Istati Membri l-oħra kollha bħala li jaġixxu b’konformità mad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni – ma għadhiex tapplika fir-rigward ta’ dan l-ewwel Stat Membru. Id-domanda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet irrinvijata fil-kuntest ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali” fis-sens tal-ġurisprudenza rilevanti, u hija bbażata fuq il-premessa doppja li l-preżunzjoni msemmija iktar ’il fuq ma tistax tiġi applikata, peress li, minn naħa, kien hemm ksur tal-fiduċja reċiproka, fis-sens li r-rikorrenti tkun taffaċċja riskju serju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta fl-Istat Membru li taha l-istatus ta’ refuġjat. Għalhekk, min-naħa l-oħra, ma huwiex possibbli għall-awtorità determinanti Ġermaniża li tiċħad l-applikazzjoni bħala inammissibbli skont l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri.

1. Il‑ksur tal‑fiduċja reċiproka u l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 3(2) tar‑Regolament Dublin III

a) L‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament Dublin III u r‑regola prinċipali

30.

Is-sistema introdotta mir-Regolament Dublin III għandha l-għan li tistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna mingħajr stat. Din hija bbażata fuq il-prinċipju, stabbilit fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, li Stat Membru wieħed huwa kompetenti sabiex jeżamina l-ħtieġa għal protezzjoni internazzjonali tal-applikant.

31.

Sabiex jintlaħaq dan il-għan, il-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III jistabbilixxi ġerarkija ta’ kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. ( 16 ) Dawn il-kriterji, stabbiliti fl-Artikoli 8 sa 15 ta’ dan ir-regolament, għandhom l-għan li jistabbilixxu metodu ċar u effettiv, li jippermetti li jiġi ddeterminat malajr l-Istat Membru responsabbli, sabiex jiġi ggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri ta’ għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u sabiex ma jiġix kompromess l-għan tal-ipproċessar rapidu tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. B’applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, l-awtoritajiet Griegi eżerċitaw il-kompetenza tagħhom sabiex jadottaw id-deċiżjoni li tagħti l-istatus ta’ refuġjat lil QY.

b) L‑Artikolu 3(2) tar‑Regolament Dublin III

32.

Fis-sentenza N.S. et, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li s-sistema tal-ażil tista’, fil-prattika, tesperjenza problemi operattivi kbar fi Stat Membru partikolari, li jfisser li hemm riskju sostanzjali li applikanti għal protezzjoni internazzjonali jistgħu, meta jiġu ttrasferiti lejn dan l-Istat Membru, jiġu ttrattati b’mod inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali tagħhom ( 17 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja abbandunat l-infurzar awtomatiku tar-Regolament Dublin II ( 18 ), predeċessur tar-Regolament Dublin III, sabiex “l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu josservaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil” ( 19 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Istati Membri ma jistgħux jittrasferixxu lil persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil lejn l-Istat Membru responsabbli fis-sens tar-Regolament Dublin II, meta huma jkunu konxji ta’ nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil f’dan l-Istat Membru li jkunu jammontaw għal raġunijiet sostanzjali sabiex wieħed jemmen li l-persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil tkun taffaċċja riskju reali li tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta.

33.

L-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III jikkodifika x-xenarju previst fis-sentenza N.S. et, jiġifieri x-xenarju ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, li jintroduċi l-kriterju doppju – in-nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil f’dan l-Istat Membru – li jippermetti r-rifjut li applikant jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru li jkun ħareġ id-deċiżjoni ( 20 ).

34.

F’dan il-każ, id-domanda preliminari tikkonċerna tali xenarju. Għalhekk, il-preżunzjoni tal-ekwivalenza tas-sistemi nazzjonali tal-ażil – li fuqha huma bbażati r-regoli stabbiliti fir-Regolament Dublin III – ma tapplikax. Dan ifisser li l-awtoritajiet Ġermaniżi ma jistgħux jirritornaw lill-persuna kkonċernata lejn il-Greċja, peress li jqisu li hemm nuqqasijiet sistemiċi fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tar-refuġjati f’dan l-Istat Membru. Fejn dan ix-xenarju jiġi skattat minn riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, l-awtoritajiet nazzjonali fl-Istat Membru li fih tkun preżenti l-persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil għandhom jiddeterminaw liema Stat Membru jsir responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjoni tagħha.

c) L‑Istat Membru kompetenti meta jiġi applikat l‑Artikolu 3(2) tar‑Regolament Dublin III

35.

Mill-bidu nett, huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III jistabbilixxi r-regola ta’ kompetenza li ġejja: l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III sabiex jiġi stabbilit jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nnominat bħala responsabbli. Jekk dan l-eżami ma jwassalx għan-nomina ta’ Stat Membru ieħor responsabbli, it-tielet subparagrafu ta’ dan l-artikolu jipprovdi li “[f]ejn it-trasferiment ma jistax isir skont dan il-paragrafu għal kwalunkwe Stat Membru nominat abbażi tal-kriterji stipulati fil-Kapitolu III jew għall-ewwel Stat Membru li miegħu tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni, l-Istat Membru determinanti għandu jsir l-Istat Membru responsabbli”.

36.

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma semmietx jekk l-awtoritajiet Ġermaniżi wettqux l-eżami meħtieġ mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III u, jekk iva, b’liema mod. Madankollu, huwa ċar li dawn l-awtoritajiet iqisu lilhom innifishom kompetenti, abbażi tat-tielet subparagrafu ta’ dan l-artikolu ( 21 ). Għalhekk, għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, wieħed għandu jassumi li l-kompetenza tal-awtoritajiet Ġermaniżi hija bbażata fuq dan it-tielet subparagrafu.

2. Inammissibbiltà taħt l‑Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il‑proċeduri

37.

Skont l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, l-Istati Membri ma humiex obbligati jeżaminaw l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva dwar il-kwalifika, jekk dawn ikunu inammissibbli skont dan l-artikolu. L-Artikolu 33(2) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi lista eżawrjenti tas-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jqisu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli ( 22 ). B’mod partikolari, l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri tipprovdi li, meta Stat Membru ieħor ikun ta preċedentement protezzjoni internazzjonali lill-applikant, l-applikazzjoni tiegħu tista’ tiġi miċħuda bħala inammissibbli. Din l-eċċezzjoni għall-ammissibbiltà ġenerali tista’ tiġi spjegata mill-importanza tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka ( 23 ). L-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri jagħti espressjoni konkreta lill-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka fil-kuntest tas-SEKA ( 24 ).

38.

Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-prinċipju ( 25 ), l-awtoritajiet ta’ Stat Membru ma jistgħux japplikaw l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri meta jkunu waslu għall-konklużjoni, fuq il-bażi ta’ informazzjoni li tkun oġġettiva, affidabbli, speċifika u aġġornata kif suppost, u b’kont meħud tal-istandard tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ggarantit mid-dritt tal-Unjoni, li hemm, fl-Istat Membru li fih iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz diġà jgawdi protezzjoni internazzjonali, nuqqasijiet, li jistgħu jkunu sistemiċi jew iġġeneralizzati, jew li jistgħu jaffettwaw ċerti gruppi ta’ persuni u meta, wara li jitqiesu dawn in-nuqqasijiet, ikun hemm raġunijiet sostanzjali sabiex wieħed jemmen li l-persuna kkonċernata tkun taffaċċja riskju reali li tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta ( 26 ).

39.

Peress li d-domanda preliminari hija bbażata fuq il-fatt li, f’dan il-każ, ma huwiex possibbli għall-awtorità determinanti Ġermaniża li tadotta deċiżjoni ta’ inammissibbiltà taħt l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, jista’ jiġi dedott loġikament li l-qorti nazzjonali stabbilixxiet l-elementi li ġejjin: hemm nuqqasijiet li huma sistemiċi jew iġġeneralizzati, jew li jistgħu jaffettwaw ċerti gruppi ta’ persuni, u hemm raġunijiet sostanzjali sabiex wieħed jemmen li ċittadini ta’ pajjiżi terzi bħal QY ikunu jaffaċċjaw riskju reali li jiġu suġġetti għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta.

40.

F’dan il-kuntest, tqum il-kwistjoni dwar l-eżistenza tar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tal-politika tal-ażil u dwar il-konsegwenzi tat-telf ta’ fiduċja reċiproka fuq tali rikonoxximent, jekk jeżisti.

3. L‑effetti tat‑telf ta’ fiduċja reċiproka

41.

Kif diġà semmejt, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka huwa bbażat fuq il-preżunzjoni li kull Stat Membru huwa obbligat iqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha jaġixxu b’konformità mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni ( 27 ). Dan il-prinċipju jnissel obbligi fir-rigward tal-Istati Membri ( 28 ). Il-fiduċja reċiproka ma għandhiex tiġi konfuża ma’ fiduċja għamja ( 29 ). It-telf ta’ fiduċja reċiproka jista’ jseħħ fil-każ ta’ nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil f’wieħed mill-Istati Membri ( 30 ). Minn dan isegwi li, meta din il-preżunzjoni tiġi kkonfutata u Stat Membru wieħed ikun tilef il-fiduċja fis-sistema tal-ażil ta’ Stat Membru ieħor, inevitabbilment iqumu numru ta’ mistoqsijiet: x’inhuma l-effetti ta’ dan it-telf ta’ fiduċja fuq id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri? Għall-kuntrarju, liema drittijiet u obbligi jibqgħu mhux affettwati? Barra minn hekk, telf ta’ fiduċja min-naħa ta’ Stat Membru wieħed jaffettwa l-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet meħuda minn Stat Membru ieħor?

42.

L-effetti ta’ dan it-telf ta’ fiduċja ma humiex ċari. Wieħed jista’ jargumenta li, meta t-tieni Stat Membru (il-Ġermanja) jitlef il-fiduċja fis-sistema tal-ażil tal-ewwel Stat Membru (il-Greċja) minħabba n-nuqqasijiet fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għar-refuġjati, it-tieni Stat ma jkunx jafda biss it-trattament tar-refuġjati tal-ewwel Stat iżda mhux il-proċeduri tiegħu għall-ipproċessar tat-talbiet għall-ażil. B’hekk, l-effetti ta’ dan it-telf ta’ fiduċja jkunu limitati għan-nuqqas ta’ ritorn tal-persuna kkonċernata lejn l-ewwel Stat Membru. Madankollu, it-tieni Stat Membru xorta jkollu fiduċja li d-deċiżjoni tal-ewwel Stat Membru li tagħti status ta’ refuġjat kienet fondata sew. Għall-kuntrarju, jista’ jiġi argumentat li t-telf ta’ fiduċja jagħti lok għal sfiduċja ġenerali fis-sistema tal-ażil tal-ewwel Stat Membru kollha kemm hi, inkluża l-validità tad-deċiżjoni inizjali maħruġa mill-ewwel Stat Membru.

43.

F’dan ir-rigward, jiena tal-fehma li huwa importanti li ssir distinzjoni bejn il-proċeduri tal-ażil u, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-proċeduri għall-ipproċessar tat-talbiet għall-ażil fl-ewwel Stat Membru, minn naħa, u l-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali f’dan l-Istat Membru, min-naħa l-oħra ( 31 ). Fit-teorija, l-għarfien tat-tieni Stat Membru fir-rigward ta’ nuqqasijiet fl-ewwel Stat Membru (u, għalhekk, it-telf ta’ fiduċja) jista’ jiġi stabbilit fir-rigward tal-proċedura tal-ażil u/jew tal-kundizzjonijiet tal-ħajja. F’dan il-każ, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tirreferi b’mod ċar għall-“kundizzjonijiet tal-ħajja” fl-ewwel Stat Membru. Għalhekk, jiena tal-fehma li huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni inkwistjoni ġiet validament mogħtija lill-persuna kkonċernata, minkejja t-telf ta’ fiduċja ddeterminat mill-qrati tat-tieni Stat Membru fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-ħajja fl-ewwel Stat Membru. Fid-dawl ta’ din id-distinzjoni, għandu jiġi stabbilit jekk – u, jekk iva, b’liema mod – il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku japplikax fil-qasam tal-politika tal-ażil meta t-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III jkunu applikabbli u l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri ma jkunx jista’ jiġi applikat minħabba li l-persuna kkonċernata tkun taffaċċja riskju reali li tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta.

B.   Rikonoxximent reċiproku fil‑qasam tal‑politika tal‑ażil

44.

Ir-risposta għad-domanda dwar jekk il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku japplikax fil-qasam tal-politika tal-ażil u, jekk iva, b’liema mod, tinkludi żewġ aspetti: mill-bidu nett, għandu jiġi stabbilit jekk dan japplikax bħala prinċipju ġenerali f’ċirkustanzi normali. Huwa biss imbagħad li jista’ jiġi ddeterminat jekk, fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, it-tieni Stat Membru huwiex obbligat jirrikonoxxi awtomatikament l-istatus ta’ refuġjat mogħti mill-ewwel Stat Membru u l-protezzjoni li tirriżulta minnu.

45.

Fl-applikazzjoni bażika tiegħu, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jfisser li deċiżjoni dwar l-istatus ta’ refuġjat ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz adottata f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni għandha tiġi aċċettata mingħajr ebda restrizzjoni fi Stat Membru ieħor ( 32 ). Ir-rikonoxximent reċiproku għalhekk ifisser li t-tieni Stat Membru jirrikonoxxi u jinforza deċiżjoni meħuda mill-awtorità kompetenti tal-ewwel Stat Membru bħallikieku kienet tiegħu stess ( 33 ). Sabiex ir-rikonoxximent reċiproku tal-istatus ta’ refuġjat ikun sinjifikattiv, il-protezzjoni u d-drittijiet li r-refuġjat jingħata fl-ewwel Stat Membru għandhom isegwu lil din il-persuna lejn it-tieni Stat Membru ( 34 ).

46.

Sabiex tali rikonoxximent reċiproku jkun jeżisti fil-qasam tas-SEKA, dan għandu jkun ankrat fid-dritt primarju jew sekondarju tal-Unjoni. Għalhekk ser nanalizza d-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju (i) u tad-dritt sekondarju tal-Unjoni (ii) sabiex niddetermina jekk tali prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet jeżistix fil-qasam tal-politika tal-ażil.

1. Hemm prinċipju ta’ gwida ta’ rikonoxximent reċiproku li jirriżulta mid‑dritt primarju tal‑Unjoni?

47.

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 78(1) TFUE, l-Unjoni Ewropea għandha tiżviluppa politika komuni dwar l-ażil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja. Għal dan il-għan, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw, skont l-Artikolu 78(2)(a) u (b) TFUE, miżuri għal SEKA. Dan jinkludi, inter alia, status uniformi tal-ażil għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, validu fl-Unjoni Ewropea kollha ( 35 ). Madankollu, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet fit-Titolu V tal-Kapitolu 2 tat-TFUE ma tipprevedi obbligu jew prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-istatus ta’ refuġjat mogħti minn Stat Membru ieħor ( 36 ). Barra minn hekk b’differenza mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu ( 37 ) li għandhom effett dirett ( 38 ), huma awtonomi, u fihom drittijiet applikabbli direttament li jagħmlu l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku kompletament effettiv u operattiv, dan ma jidhirx li huwa l-każ għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat taħt it-Titolu V tal-Kapitolu 2 tat-TFUE. Fil-fatt, ma hemm l-ebda dispożizzjoni tat-Trattat li tiddikjara b’mod espliċitu li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku huwa kompletament effettiv u operattiv fir-rigward tal-politika tal-ażil.

48.

Madankollu, tibqa’ l-mistoqsija jekk il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jistax jiġi dedott minn dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ( 39 ). F’dan ir-rigward, għandi nenfasizza li l-Artikolu 78(1) TFUE jagħti lill-Unjoni kompetenza fil-qasam tal-politika tal-ażil u jiddefinixxi l-għan tagħha, li huwa li tinħoloq politika komuni dwar l-ażil li toffri “status xieraq” lill-kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun “jeħtieġ protezzjoni internazzjonali”. L-Artikolu 78(2)(a) TFUE jikkostitwixxi bażi ġuridika ( 40 ) li tippermetti lil-leġiżlatur tal-Unjoni joħloq “status uniformi ta’ asil” li jkun “validu fl-Unjoni kollha” ( 41 ). Dan ifisser, fil-fehma tiegħi, li d-drittijiet marbuta ma’ dan l-istatus uniformi la huma kompletament effettivi u lanqas operattivi mingħajr l-intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni ( 42 ). Minn dan isegwi li dispożizzjoni tat-Trattat li tistabbilixxi bażi ġuridika u trasferiment ta’ kompetenza lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma hijiex biżżejjed sabiex issostni l-kontenzjoni li din fiha drittijiet direttament applikabbli li jagħmlu l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku kompletament effettiv u operattiv ( 43 ).

49.

Għal raġunijiet ta’ kompletezza, għandi nżid li l-Artikolu 18 tal-Karta jipprovdi li “[i]d-dritt għall-asil għandu jkun garantit b’rispett għar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra”. Filwaqt li skont l-Artikolu 78(1) TFUE, il-politika komuni dwar l-ażil “trid tkun konformi mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra”, bħala prinċipju ġenerali, id-dritt internazzjonali jipprojbixxi l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni ta’ infurzar ekstraterritorjali sakemm dan ma jkunx speċifikament permess ( 44 ). Madankollu, din il-konvenzjoni ma teħtieġx li Stat kontraenti jirrikonoxxi l-istatus ta’ refuġjat ta’ persuna li tkun qiegħed tfittex l-ażil kif mogħti qabel minn Stat kontraenti ieħor. Għalhekk, l-ebda ekstraterritorjalità ma tista’ tiġi dedotta minn din il-konvenzjoni. Bl-istess mod, il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ma teħtieġx ekstraterritorjalità u, għall-kuntrarju, tenfasizza n-natura eċċezzjonali ta’ dan il-prinċipju ( 45 ). Il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, li huwa uniku għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ma joħroġx mill-KEBD ( 46 ).

50.

Fl-aħħar nett, fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Taljan jindika, inter alia, li l-Protokoll [Nru 24] anness mat-Trattat FUE ( 47 ) huwa rilevanti għall-proċedura attwali. Ma naqbilx ma’ din il-fehma, peress li dan il-protokoll jikkonċerna ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni, filwaqt li l-kawża preżenti tinvolvi ċittadini ta’ pajjiżi terzi biss.

51.

Peress li l-ebda prinċipju ġenerali ta’ rikonoxximent reċiproku ma jista’ jiġi dedott mid-dritt primarju tal-Unjoni, il-kwistjoni li tqum wara hija jekk id-dritt sekondarju tal-Unjoni jagħtix lok għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fis-SEKA.

2. Rikonoxximent reċiproku jista’ jiġi dedott mid‑dritt sekondarju tal‑Unjoni fis‑SEKA?

52.

Sabiex tingħata tweġiba għall-mistoqsija ta’ hawn fuq, skont il-metodu normali ta’ interpretazzjoni stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 48 ), jiena ser napplika l-kriterji ta’ interpretazzjoni letterali, sistematika u teleoloġika skont ir-rilevanza tagħhom għall-analiżi. F’dan ir-rigward, sabiex ikun jeżisti rikonoxximent reċiproku fis-SEKA, wieħed għandu jikkonstata li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jimponi tali rikonoxximent fuq l-Istati Membri ( 49 ). Madankollu, fil-fehma tiegħi, din l-intenzjoni ma għandhiex għalfejn tiġi ddikjarata b’mod espliċitu fil-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni iżda tista’ tiġi dedotta mill-kuntest tad-dispożizzjonijiet rilevanti u mill-għanijiet li dawn id-dispożizzjonijiet kellhom. B’mod partikolari, dan jista’ jkun il-każ fejn l-effettività ta’ dispożizzjoni fid-dritt sekondarju tal-Unjoni tkun suġġetta għall-eżistenza tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri. Għalhekk, filwaqt li dispożizzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni ma għandhiex għalfejn ikun fiha riferiment espliċitu għar-“rikonoxximent reċiproku”, għandu jkun hemm intenzjoni ċara min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jimponi tali prinċipju ( 50 ).

a) Ir‑Regolament Dublin III

53.

Fl-ewwel lok, xi wħud mill-partijiet f’dawn il-proċeduri jargumentaw, l-ewwel nett, li r-Regolament Dublin III ma huwiex applikabbli, peress li l-Istat Membru responsabbli (f’dan il-każ, il-Greċja) diġà ta protezzjoni internazzjonali lill-persuna kkonċernata ( 51 ). Fit-tieni lok, huma jsostnu li t-tilwima fil-kawża prinċipali tqajjem il-kwistjoni ta’ kif għandha tiġi ttrattata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata fil-Ġermanja u mhux l-applikazzjoni ppreżentata qabel fil-Greċja.

54.

Fir-rigward tal-kwistjoni tal-applikabbiltà tar-Regolament Dublin III, kif diġà spjegajt, l-Artikolu 3(2) tiegħu jistabbilixxi l-kompetenza tal-awtoritajiet tat-tieni Stat Membru sabiex jeżaminaw l-applikazzjoni għall-ażil. Peress li din id-dispożizzjoni tikkodifika speċifikament ix-xenarju ttrattat fis-sentenza N.S. et, il-kwistjoni tar-rikonoxximent tad-deċiżjoni li tagħti status ta’ refuġjat meta Stat Membru wieħed ikun tilef il-fiduċja fil-kundizzjonijiet ta’ soġġorn fl-Istat Membru l-ieħor taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin III ( 52 ). Konsegwentement, jiena tal-fehma li s-sitwazzjoni preżenti taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament.

55.

Ir-Regolament Dublin III jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri ( 53 ). Madankollu, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ma huwiex imsemmi f’dan ir-regolament. Kif inhuma l-affarijiet bħalissa, l-applikazzjonijiet għall-ażil għandhom jiġu eżaminati mill-Istati Membri individwalment. Filwaqt li s-sistema ta’ Dublin hija bbażata fuq l-idea fundamentali ta’ ekwivalenza tas-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri, preżunzjoni bħal din ma tammontax għal rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet li jagħtu status ta’ refuġjat.

56.

Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-mekkaniżmi stabbiliti fir-Regolament Dublin III jipprovdu grad għoli ta’ “awtomatizzazzjoni” fil-proċeduri fir-rigward ta’ deċiżjonijiet negattivi, jiġifieri, deċiżjonijiet li ma jagħtux status ta’ refuġjat jew protezzjoni sussidjarja ( 54 ). Din l-“awtomatizzazzjoni” ssaħħaħ l-argument li r-Regolament Dublin III jirrendi kompletament effettiv u operattiv il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku iżda biss fir-rigward ta’ deċiżjonijiet negattivi ( 55 ). Fejn l-ewwel Stat Membru jkun adotta deċiżjoni negattiva, it-tieni Stat Membru ma jkunx responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni ġdida għall-ażil ippreżentata quddiemu iżda għandu jirritorna lill-persuna kkonċernata lejn l-ewwel Stat Membru, li mbagħad għandu jieħu l-passi meħtieġa sabiex jirritorna lura lil dik il-persuna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha. Barra minn hekk, is-sistema introdotta mir-Regolament Dublin III tirrikjedi li l-Istati Membri jwettqu “kooperazzjoni transnazzjonali orizzontali intensa fost l-amministrazzjonijiet nazzjonali”, sabiex jintraċċaw interventi possibbli ta’ ġurisdizzjonijiet oħra ( 56 ).

57.

Madankollu, kif jindika l-Gvern Irlandiż, ma hemm ebda dispożizzjoni legali fir-Regolament Dublin III li espliċitament tipprovdi għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet affermattivi adottati minn Stati Membri oħra. Dan ir-regolament ma jeħtieġx li l-Istati Membri jirrikonoxxu u jinforzaw awtomatikament id-deċiżjonijiet affermattivi ta’ xulxin. Filwaqt li l-istudjużi legali għamlu argumenti konvinċenti “de lege ferenda” b’sostenn tal-ħtieġa għall-adozzjoni ta’ tali prinċipju ( 57 ) il-leġiżlatur tal-Unjoni, minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni ( 58 ), ma ħa l-ebda passi f’din id-direzzjoni.

58.

Għandi nżid ukoll li l-kunċett ta’ Stat Membru wieħed responsabbli jinsab fil-qalba tas-SEKA ( 59 ). Fid-dawl ta’ dan il-kunċett, dan jillimita t-twettiq tal-proċedura għal Stat Membru wieħed, li mbagħad isir responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Għalhekk, f’ċirkustanzi normali, id-deċiżjonijiet affermattivi u negattivi jiġu ttrattati minn Stat Membru wieħed biss.

59.

Fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, għandu jiġi nnotat li l-Istat Membru nnominat bħala responsabbli, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, jimpenja ruħu li jwettaq il-proċedura kollha f’konformità mar-Regolament Dublin III, mad-Direttiva dwar il-proċeduri u mad-Direttiva dwar il-kwalifika. Dan l-Istat Membru huwa kompetenti sabiex iwettaq l-eżami tal-applikazzjoni, sabiex jagħti protezzjoni internazzjonali jew sabiex jiċħad l-applikazzjoni jew, skont il-każ, sabiex jirritorna jew ineħħi liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. Kif isostni l-Gvern Grieg, is-sistema ta’ Dublin ma tippermettix l-akkumulazzjoni ta’ skemi ta’ protezzjoni internazzjonali għall-istess persuna fi Stati Membri differenti. Madankollu, meta t-tieni Stat Membru ma jkunx jista’ jirritorna lill-persuna kkonċernata lejn l-ewwel Stat Membru li jkun taha l-istatus ta’ refuġjat, it-tħassib dwar l-akkumulazzjoni ta’ skemi ta’ protezzjoni multipli minn persuna waħda jsir bla skop. Dan għaliex, fid-dawl tan-nuqqasijiet fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għar-refuġjati fl-ewwel Stat Membru, din il-persuna ma tkunx tista teżerċita d-drittijiet marbuta mal-istatus tagħha ta’ refuġjat b’tali mod illi d-drittijiet fundamentali tagħha, kif irrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni, ikunu protetti biżżejjed.

60.

Minn dan isegwi li, fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, ir-Regolament Dublin III jagħti l-kompetenza lit-tieni Stat Membru sabiex jittratta l-applikazzjoni, iżda jħalli l-kwistjoni tal-portata ta’ din il-kompetenza u l-proċedura applikabbli miftuħa. Fi kwalunkwe każ, huwa ċar li meta dawn iċ-ċirkustanzi jiġu attivati, ir-Regolament Dublin III ma jistabbilixxix obbligu li jingħata effett lid-deċiżjoni affermattiva dwar l-ażil meħuda mill-ewwel Stat Membru.

b) Id‑Direttiva dwar il‑proċeduri

61.

Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku lanqas ma jissemma fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-proċeduri. L-approċċ meħud f’din id-direttiva huwa bbażat fuq il-kunċett ta’ proċedura waħda u ta’ regoli komuni minimi ( 60 ).

62.

Fir-rigward tax-xenarju ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, il-qorti tar-rinviju u l-partijiet irreferew għall-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-proċeduri. Din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-premessi 16 u 43 ta’ din id-direttiva, tippreċiża li huwa essenzjali li d-deċiżjonijiet dwar il-protezzjoni internazzjonali jittieħdu fuq il-bażi tal-fatti u jiġu eżaminati fuq il-mertu, u jevalwaw fuq bażi oġġettiva u imparzjali jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet sostantivi sabiex jikseb protezzjoni internazzjonali. Id-Direttiva dwar il-proċeduri għalhekk tenfasizza r-rekwiżit li l-Istati Membri responsabbli jeżaminaw l-applikazzjonijiet individwalment. Minn naħa, wieħed jista’ jargumenta li “eżami individwali” jkun diġà twettaq fl-ewwel Stat Membru. Min-naħa l-oħra, wieħed jista’ jsostni wkoll li eżami individwali ġdid ikun meħtieġ minħabba n-nuqqasijiet fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għar-refuġjati fl-ewwel Stat Membru. Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li minn dan ir-rekwiżit ma tista’ tinstilet ebda konklużjoni, kemm jekk favur kif ukoll jekk kontra l-effett vinkolanti ta’ deċiżjoni li tagħti status ta’ refuġjat meta jkun ġie stabbilit riskju taħt l-Artikolu 4 tal-Karta. Jiena nqis l-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-proċeduri bħala rilevanti biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tinterpreta dispożizzjonijiet oħra tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, tiddeċiedi li l-awtoritajiet Ġermaniżi għandhom jevalwaw ex nunc jekk il-persuna kkonċernata tissodisfax il-kundizzjonijiet sostantivi sabiex tikkwalifika għall-istatus ta’ refuġjat.

63.

Fin-nuqqas ta’ obbligu ċar, impost mid-Direttiva dwar il-proċeduri li tiġi rrikonoxxuta awtomatikament deċiżjoni li tagħti l-istatus ta’ refuġjat, jibqa’ meħtieġ li jiġu ddeterminati l-konsegwenzi ġuridiċi tan-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-għażla stabbilita fl-Artikolu 33(2)(a) ta’ din id-direttiva, minħabba r-riskju serju għall-persuna kkonċernata li tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, fl-ewwel Stat Membru ( 61 ). F’ċirkustanzi normali, meta jkun hemm fiduċja bejn l-Istati Membri, din id-dispożizzjoni tagħti espressjoni konkreta mhux biss lill-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka fil-kuntest tas-SEKA iżda wkoll lill-prinċipju ta’ Stat Membru wieħed responsabbli ( 62 )

64.

Madankollu, fil-każ tax-xenarju ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-digriet Hamed u Omar, billi bbażat ruħha fuq ġurisprudenza preċedenti, iddeċidiet li Stat Membru (f’dak il-każ, il-Ġermanja) ma jistax jinvoka l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri sabiex jiċħad bħala inammissibbli applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn persuna li tkun ingħatat status ta’ refuġjat minn Stat Membru ieħor (f’dak il-każ, il-Bulgarija) li fih is-sistema tal-ażil tbati minn nuqqasijiet sistemiċi simili għal dawk inkwistjoni fil-każ li ta lok għas-sentenza N.S. et. Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat ukoll, obiter, li filwaqt li d-dritt Ġermaniż kien jipprovdi għal xi tip ta’ protezzjoni lill-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil li jkunu affaċċjati mix-xenarju fis-sentenza N.S. et, hija “[ma] pprovdietx għar-rikonoxximent ta’ dan l-istatus u għall-għoti tad-drittijiet marbuta miegħu fil-Ġermanja mingħajr proċedura tal-ażil ġdida” ( 63 ). Din is-silta tidher li tivvalida, għalkemm impliċitament, il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-approċċ adottat mil-leġiżlatur Ġermaniż. Kieku d-Direttiva dwar il-proċeduri kienet tipprevedi r-rikonoxximent ta’ dan l-istatus, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet, fil-fehma tiegħi, tfassal din is-silta b’mod kompletament differenti, billi titlob li l-awtoritajiet Ġermaniżi jagħtu tali status lill-persuna kkonċernata. Tabilħaqq, ir-riferiment għal proċedura “tal-ażil ġdida” jwassal sabiex wieħed jaħseb li, meta jiġi stabbilit ir-riskju għall-persuna kkonċernata li tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, it-tieni Stat Membru jkun intitolat li jwettaq tieni proċedura tal-ażil. Fil-prattika, it-tieni Stat Membru jakkwista kompetenza doppja: li jeżamina l-applikazzjoni ppreżentata mill-persuna kkonċernata u li jagħti effett lid-drittijiet ta’ din il-persuna.

65.

Jien għalhekk naqbel mal-pożizzjoni adottata minn xi wħud mill-partijiet, li l-Istat Membru li lilu tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni ġdida jista’ jwettaq eżami ġdid. Tali eżami għandu, madankollu, jiġi eżerċitat f’konformità mal-għanijiet sottostanti tad-Direttiva dwar il-proċeduri kif ukoll tal-Karta. Dan premess, u kif ser nispjega fl-analiżi tiegħi iktar ’il quddiem (ara t-Taqsima C), eżami ġdid ma jfissirx eżami “mibdi mill-ġdid”. Fi kliem iktar kollokwali, l-Istat Membru li fih tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni ġdida ma “jibdiex mill-bidu”, iżda għandu, fid-determinazzjoni tiegħu, jieħu kont dovut tad-deċiżjoni ta’ Stat Membru ieħor li tagħti status ta’ refuġjat lill-persuna kkonċernata.

c) Id‑Direttiva dwar il‑kwalifika

66.

Id-Direttiva dwar il-kwalifika tfittex li tistabbilixxi “status uniformi [tal-ażil]” għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi bbażat fuq il-Konvenzjoni ta’ Genève ( 64 ). Il-premessi 4, 23 u 24 tad-Direttiva dwar il-kwalifika jippreċiżaw li l-Konvenzjoni ta’ Genève hija “l-pedament tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati” u li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ġew adottati sabiex jiggwidaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fl-applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni fuq il-bażi ta’ kunċetti u ta’ kriterji komuni ( 65 ). Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-kwalifika għandhom jiġu interpretati skont il-Konvenzjoni ta’ Genève u t-Trattati rilevanti l-oħra msemmija fl-Artikolu 78(1) TFUE.

67.

Il-Kapitoli I, III, IV, V u VI tad-Direttiva dwar il-kwalifika jiddefinixxu l-kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni “ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali ( 66 ) u li lilhom għandu jingħata wieħed miż-żewġ status. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li, skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-kwalifika, l-Istati Membri ma għandhomx diskrezzjoni u għandhom jagħtu status ta’ refuġjat lil ċittadin ta’ pajjiż terz jew lil persuna mingħajr stat li jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet materjali sabiex jitqiesu bħala refuġjati skont il-Kapitoli II u III ta’ din id-direttiva ( 67 )

68.

Sussegwentement, fil-Kapitolu VII, id-Direttiva dwar il-kwalifika tistabbilixxi l-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali, li, fil-fehma tiegħi, toħloq rabta bejn il-persuna kkonċernata u l-Istat Membru li jkun qiegħed jagħti din il-protezzjoni. Din ir-rabta toħroġ mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu, li jistabbilixxi r-rekwiżiti, l-ewwel nett, sabiex il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jkunu pprovduti b’aċċess għal informazzjoni, permessi ta’ residenza, dokumenti tal-ivvjaġġar, impjieg, edukazzjoni, proċeduri ta’ rikonoxximent ta’ kwalifiki, programmi ta’ integrazzjoni, benesseri soċjali u kura tas-saħħa, u, it-tieni nett, sabiex tiġi żgurata l-unità tal-familja ( 68 ).

69.

Madankollu, huwa importanti li wieħed jinnota li l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-Kapitoli I sa VII tad-Direttiva dwar il-kwalifika ma għandha effett reali fuq l-effetti ekstraterritorjali ta’ deċiżjonijiet affermattivi li jagħtu status ta’ refuġjat. B’mod partikolari, l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, li għalih tirreferi l-qorti nazzjonali fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, ma jikkostitwixxix bażi sabiex jiġi kkunsidrat li jeżisti obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku taħt din id-direttiva.

70.

Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Grieg jargumenta li l-obbligu tal-Istat Membru li joħroġ dokument tal-ivvjaġġar lil refuġjat sabiex dan ikun jista’ jivvjaġġa liberament barra mit-territorju tiegħu, skont l-Artikolu 25 tad-Direttiva dwar il-kwalifika, jagħti espressjoni konkreta lill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ( 69 ). Madankollu, din id-dispożizzjoni timponi biss obbligi fuq l-ewwel Stat Membru li joħroġ dawn id-dokumenti, filwaqt li t-tieni Stat Membru sempliċement jirrikonoxxi dawn id-dokumenti bħala validi għall-ivvjaġġar. Dan ir-rikonoxximent għandu portata limitata u ma għandu ebda effett fuq il-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku japplikax fir-rigward ta’ deċiżjonijiet affermattivi li jagħtu status ta’ refuġjat. Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi illustrazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku tad-dokumenti tal-ivvjaġġar li ma għandha ebda effett fuq il-kwistjoni tar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet affermattivi li jagħtu status ta’ refuġjat.

71.

Waqt is-seduta, il-partijiet irreferew ukoll għall-permess ta’ residenza fit-tul maħruġ mill-ewwel Stat Membru ( 70 ) sabiex jiġi argumentat li jeżisti rikonoxximent reċiproku fil-qasam tal-politika tal-ażil. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr ma jkun jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dħul, ta’ soġġorn jew ta’ residenza fih, bis-saħħa ta’ dan il-fatt biss, ikun qiegħed joqgħod hemmhekk illegalment ( 71 ). L-Artikolu 24 tad-Direttiva dwar il-kwalifika għalhekk ma jistax jiġi interpretat bħala li jobbliga lill-Istati Membri kollha jagħtu permess ta’ residenza lil persuna li lilha Stat Membru ieħor ikun ta protezzjoni internazzjonali ( 72 ). Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li ebda argument ma jista’ jinstilet mis-sistema ta’ permessi ta’ residenza għall-finijiet ta’ din il-kawża.

72.

Barra minn hekk, l-Artikoli 11, 12 u 14 tad-Direttiva dwar il-kwalifika fihom regoli speċifiċi dwar il-waqfien, l-esklużjoni, u r-revoka tal-istatus ta’ refuġjat. Fil-fehma tiegħi, dawn l-artikoli ma jagħtux is-setgħa lil Stat Membru li jirrevoka jew li jtemm l-istatus ta’ refuġjat mogħti minn Stat Membru ieħor. Din il-kompetenza taqa’ biss f’idejn l-Istat Membru li jkun ta l-istatus ta’ refuġjat. Il-fatt li t-tieni Stat Membru jkun tilef il-fiduċja fil-kundizzjonijiet tal-ħajja fl-ewwel Stat Membru ma jagħtix lill-awtoritajiet ta’ dan it-tieni Stat Membru d-dritt li jimminaw is-setgħat tal-ewwel Stat Membru u li jneħħu l-istatus ta’ refuġjat fl-ewwel Stat Membru liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. L-uniku dritt li dawn l-awtoritajiet jakkwistaw, meta jiġi attivat l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, huwa dak li jkunu jistgħu jiddeterminaw l-Istat Membru kompetenti u, jekk ikun meħtieġ, li jwettqu eżami ġdid dwar il-kwistjoni dwar jekk il-kriterji stabbiliti fid-Direttiva dwar il-kwalifika għall-għoti ta’ dan l-istatus ikunux ġew issodisfatti.

73.

Tali evalwazzjoni hija konsistenti mal-għan tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-kwalifika, li jippermetti lill-Istat Membru jirrevoka jew jirrifjuta li jġedded l-istatus ta’ refuġjat ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz. F’dan ir-rigward, il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu jikkonfermaw l-idea li l-kontinwazzjoni tal-istatus ta’ refuġjat hija marbuta mill-qrib b’mod partikolari maċ-ċirkustanzi preżenti fil-pajjiż ta’ oriġini tal-persuna kkonċernata. Barra minn hekk, is-sistema hija mfassla b’tali mod li t-tieni Stat Membru jkun jista’ jeżamina mill-ġdid il-merti tal-applikazzjoni, peress li huwa jista’ jeżerċita s-setgħat mogħtija lilu minn din id-dispożizzjoni, jekk iqis li dan ikun meħtieġ. Għalhekk, minn din id-dispożizzjoni jista’ jiġi dedott li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jagħti lit-tieni Stat Membru setgħat sabiex jeżamina mill-ġdid il-merti sostantivi tal-applikazzjoni. Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 14(4) tad-Direttiva dwar il-kwalifika jirriżulta li l-istatus ta’ refuġjat mogħti huwa marbut mill-qrib mal-Istat Membru “li fih [ir-refuġjat] [i]kun preżenti”, fatt li jikkonferma l-eżistenza tar-rabta msemmija iktar ’il fuq ( 73 ).

74.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, ma jistax jiġi dedott mid-Direttiva dwar il-kwalifika li deċiżjonijiet affermattivi dwar l-ażil fi Stati Membri oħra għandhom effett vinkolanti fi Stati Membri oħra, kemm jekk f’ċirkustanzi normali jew eċċezzjonali.

3. Konklużjoni provviżorja

75.

Is-SEKA qiegħda tinbena gradwalment u, skont it-TFUE, huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni biss li għandu jiddeċiedi, meta meħtieġ, li jagħti effett transkonfinali vinkolanti lid-deċiżjonijiet li jagħtu l-istatus ta’ refuġjat. Ma hemm xejn fir-Regolament Dublin III, fid-Direttiva dwar il-proċeduri jew fid-Direttiva dwar il-kwalifika li jissuġġerixxi li l-Istati Membri huma obbligati jagħtu lil persuna l-istatus ta’ refuġjat biss għar-raġuni li Stat Membru ieħor ikun diġà ta dan l-istatus lil din il-persuna.

76.

F’dan il-każ, l-awtorità determinanti ta’ tieni Stat Membru (il-Ġermanja), li hija prekluża milli tapplika l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, peress li din l-applikazzjoni tkun tinvolvi riskju serju ta’ ksur tal-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 4 tal-Karta, ma hijiex marbuta b’deċiżjoni preċedenti li tagħti status ta’ refuġjat adottata mill-ewwel Stat Membru (f’dan il-każ, il-Greċja). L-awtorità determinanti tat-tieni Stat Membru għandha twettaq valutazzjoni fuq il-merti tal-applikazzjoni l-ġdida, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-kwalifika u tad-Direttiva dwar il-proċeduri.

77.

Filwaqt li d-deċiżjoni li jingħata l-istatus ta’ refuġjat, meħuda mill-ewwel Stat Membru, ma għandhiex effett vinkolanti fuq l-awtorità determinanti tat-tieni Stat Membru, huwa importanti li jiġi stabbilit jekk din tal-aħħar għandhiex xi obbligi li debitament tieħu inkunsiderazzjoni din id-deċiżjoni meta hija twettaq eżami ġdid tal-applikazzjoni għall-ażil inkwistjoni.

C.   Il‑proċeduri amministrattivi sussegwenti fix-xenarju ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali”

78.

L-ewwel nett, għandi nosserva li, meta Stat Membru jkollu jeżamina l-merti ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali minħabba l-fatt li l-applikant ikun f’riskju li jiġi suġġett għal trattament inuman jew degradanti fl-ewwel Stat Membru, id-Direttiva 2013/33/UE ( 74 ), li tagħti dettalji dwar l-arranġamenti għat-trattament tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali waqt li l-applikazzjonijiet tagħhom ikunu qegħdin jiġu pproċessati, għandha tkun applikata.

79.

Barra minn hekk, meta jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, it-tieni Stat Membru għandu josserva mhux biss il-prinċipji u s-salvagwardji stabbiliti kemm fid-Direttiva dwar il-proċeduri kif ukoll fid-Direttiva dwar il-kwalifika sabiex jiġi ddeterminat jekk il-persuna kkonċernata tkunx teħtieġ tali protezzjoni, iżda wkoll ir-rekwiżiti li joħorġu mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li jimponu obbligi speċifiċi fid-dawl tal-fatt li l-persuna għandha tgħaddi minn żewġ proċeduri amministrattivi sussegwenti minħabba ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali. Fi kliem ieħor, l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III jmexxi l-obbligu fuq it-tieni Stat Membru, li huwa marbut b’dawn ir-rekwiżiti.

1. L‑evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali

80.

L-ewwel nett, meta jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, it-tieni Stat Membru għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u s-salvagwardji stabbiliti fil-Kapitolu II tad-Direttiva dwar il-proċeduri, inkluż l-Artikolu 10(2) u (3) ta’ din id-direttiva, li għalih il-qorti nazzjonali rreferiet. Skont l-Artikolu 10(2), l-awtorità li tieħu d-deċiżjonijiet għandha l-ewwel tiddetermina jekk l-applikant jikkwalifikax bħala refuġjat u, jekk le, jekk huwa jkunux eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja. Skont l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jittieħdu wara eżami xieraq, skont ir-rekwiżiti tal-punti (a) sa (d) ta’ din id-dispożizzjoni.

81.

It-tieni nett, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-kwalifika jeħtieġ li l-Istat Membru jevalwa l-“elementi rilevanti tal-applikazzjoni”, li jinkludu l-elementi li qabel kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-ewwel Stat Membru, flimkien mal-fatt li l-persuna tkun ingħatat status ta’ refuġjat mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor. Is-sens wiesa’ tad-dispożizzjoni għandu jiġi enfasizzat. Għalhekk, il-konstatazzjonijiet kollha ta’ fatt u s-sorsi kollha ta’ informazzjoni jikkwalifikaw bħala “elementi” fis-sens tal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar il-kwalifika, inklużi dawk li wasslu lill-ewwel Stat Membru sabiex jadotta d-deċiżjoni affermattiva tiegħu. Għandu jittieħed kont ukoll tal-fatt li l-applikazzjoni ppreżentata mill-persuna kkonċernata diġà ġiet eżaminata u li ngħatat deċiżjoni affermattiva li tagħti l-istatus ta’ refuġjat.

82.

F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet tat-tieni Stat Membru ma jistgħux sempliċiment jinjoraw il-fatt li l-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru diġà taw l-istatus ta’ refuġjat lill-persuna kkonċernata. Għall-kuntrarju, jekk it-telf ta’ fiduċja tkun seħħet minħabba trattament inuman u mhux minħabba nuqqasijiet fil-proċedura tal-ażil bħala tali, l-eżistenza ta’ tali deċiżjoni għandha tingħata importanza dovuta. L-eżistenza tad-deċiżjoni affermattiva li tagħti l-istatus ta’ refuġjat tista’, għalhekk, tikkostitwixxi wieħed mill-elementi li jissostanzjaw il-fatti invokati insostenn tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata mill-persuna kkonċernata ( 75 ).

2. Ir‑rekwiżiti li jirriżultaw mill‑prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

83.

Fejn il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka ma jkunx jista’ jiġi invokat minħabba ċirkustanzi straordinarji u fejn l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III jiġi applikat, dan ir-regolament u d-Direttivi dwar il-proċeduri u l-kwalifika ma jistipulaw l-ebda regola speċifika dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-ewwel u tat-tieni Stat Membru – b’mod partikolari l-iskambju ta’ informazzjoni bejniethom– jew dwar l-iskadenzi li għandhom jikkonformaw magħhom it-tieni Stati Membri. Peress li, f’dan il-każ, it-telf ta’ fiduċja jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-ħajja fl-ewwel Stat Membru u mhux il-proċedura tal-ażil nnifisha, ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u ta’ dawn id-direttivi jistgħu jiġu applikati b’analoġija f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Madankollu, meta d-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxix regoli dettaljati dwar il-proċedura fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, sabiex jiddeterminaw dawn ir-rekwiżiti, bil-kundizzjoni li dawk ir-regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet domestiċi simili (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jagħmluhiex eċċessivament diffiċli jew impossibbli fil-prattika li jiġu eżerċitati d-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 76 ).

84.

Madankollu, meta tinforza d-dritt tal-Unjoni – jiġifieri, meta tapplika r-Regolament Dublin III u d-Direttivi dwar il-proċeduri u l-kwalifika – awtorità nazzjonali hija marbuta bil-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jinkludi, inter alia, obbligu ta’ diliġenza u ta’ premura min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali ( 77 ).

a) Kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni bejn l‑Istati Membri

85.

L-Artikolu 34 tar-Regolament Dublin III jipprovdi għal mekkaniżmi ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri. L-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri jikkostitwixxi, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, sempliċi għażla, peress li l-iskambju ta’ informazzjoni jseħħ meta “Stat Membru […] jitlob hekk” ( 78 ). Madankollu, fil-każ tax-xenarju previst fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III u, b’mod partikolari, meta tinkiser il-fiduċja bejn żewġ Stati Membri, dan ir-regolament ma jistabbilixxi ebda regola speċifika fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni. Huwa importanti li jiġi rrilevat li, fejn it-telf ta’ fiduċja jkun relatat mal-kundizzjonijiet ta’ soġġorn fl-ewwel Stat Membru ( 79 ), l-obbligu ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-proċeduri ta’ applikazzjoni ma għandux jiġi affettwat.

86.

F’dan ir-rigward, peress li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-kwalifika jeħtieġ li l-Istat Membru jevalwa l-“elementi rilevanti tal-applikazzjoni”, u jekk il-persuna kkonċernata tibbaża ruħha fuq id-deċiżjoni meħuda mill-ewwel Stat Membru li jagħtiha l-istatus ta’ refuġjat, it-tieni Stat Membru jeħtieġ li jiddetermina ċ-ċirkustanzi li ppermettew lill-ewwel Stat Membru jieħu din id-deċiżjoni. Sabiex jiġi osservat dan ir-rekwiżit u meta jitqies, fid-dawl tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-fatt li l-persuna kkonċernata tkun diġà ngħatat l-istatus ta’ refuġjat minn Stat Membru ieħor, l-awtoritajiet kompetenti tat-tieni Stat Membru għandhom jikkunsidraw jekk l-Artikolu 34 tar-Regolament Dublin III għandux jiġi applikat. Skont l-Artikolu 34(3) tiegħu, dawn l-awtoritajiet jistgħu jressqu talba għal informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti fl-ewwel Stat Membru u, b’mod partikolari, għal spjegazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi li taw lok għal dan l-istatus, f’liema każ l-awtoritajiet fl-ewwel Stat Membru jkunu meħtieġa jwieġbu.

b) Terminu raġonevoli

87.

Fid-dawl tal-għan ta’ ħeffa fl-ipproċessar ta’ applikazzjoni ( 80 ) u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil, il-proċedura li tikkonċerna t-tieni applikazzjoni għandha titwettaq f’terminu raġonevoli. Il-premessa 19 tad-Direttiva dwar il-proċeduri tiddikjara b’mod ċar dan il-prinċipju ta’ ħeffa fil-proċeduri tal-ażil tal-Unjoni u tipprovdi lill-Istati Membri bil-“flessibbiltà […] li jagħtu prijorità lill-eżami ta’ kwalunkwe applikazzjoni billi tiġi eżaminata qabel applikazzjonijiet oħrajn li saru qabel”, sabiex “jitqassar it-tul globali tal-proċedura f’ċerti każijiet”.

88.

Għalhekk, fix-xenarju previst fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, għandu jittieħed kont tat-tul taż-żewġ proċeduri kumulattivi. Applikanti li qabel ingħataw status ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor, iżda li ma jistgħux jagħmlu użu minn dan l-istatus fl-ewwel Stat Membru minħabba r-riskju li jsofru trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, japplikaw quddiem it-tieni Stat Membru għall-protezzjoni internazzjonali taħt “ċirkustanzi eċċezzjonali” miġjuba minn telf ta’ fiduċja bejn l-Istati Membri. Każijiet li jaqgħu taħt tali “ċirkustanzi eċċezzjonali” għandhom jitqiesu bħala li jifformaw parti miċ-“ċerti każijiet” mogħtija prijorità taħt il-premessa 19 tad-Direttiva dwar il-proċeduri.

89.

Huwa importanti li wieħed jinnota li l-Artikolu 31(7)(a) ta’ din id-direttiva, li jippermetti lill-Istati Membri “jipprijoritizzaw eżami ta’ applikazzjoni […] fejn l-applikazzjoni aktarx tkun [fondata sew]”, ikompli jsostni l-prijoritizzazzjoni tal-applikazzjoni għall-ażil fit-tieni Stat Membru wara dawn iċ-“ċirkustanzi eċċezzjonali” speċifiċi u fejn l-ewwel Stat Membru jkun diġà ddetermina li l-persuna kkonċernata hija eliġibbli għall-istatus ta’ refuġjat.

90.

Għalhekk, fil-każ tax-xenarju previst fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jpoġġi piż speċifiku fuq it-tieni Stat Membru, li l-awtoritajiet tiegħu għandhom jaġixxu fil-pront, peress li l-persuna kkonċernata tkun diġà għaddiet minn proċedura ta’ applikazzjoni waħda u possibbilment minn proċeduri ġudizzjarji li jistabbilixxu r-riskju taħt l-Artikolu 4 tal-Karta. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi osservat li l-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tiġi konkluża fi żmien sitt xhur mill-preżentata tal-applikazzjoni ( 81 ). Dan il-perijodu ta’ sitt xhur huwa għalhekk iż-żmien massimu allokat għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni f’ċirkustanzi normali. Iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali preżenti għandhom jeżiġu iktar ħeffa u l-applikazzjoni ppreżentata lit-tieni Stat Membru għandha tiġi pproċessata f’terminu materjalment iqsar.

91.

L-ewwel Stat Membru li ta l-istatus ta’ refuġjat lill-persuna kkonċernata għandu wkoll jerfa’ piż estiż speċifiku sabiex jassisti lit-tieni Stat Membru fl-ipproċessar tal-applikazzjoni ppreżentata mill-persuna kkonċernata bl-iktar mod malajr possibbli. Ġeneralment, fl-iskambju ta’ informazzjoni taħt l-Artikolu 34 tar-Regolament Dublin III, tapplika l-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 5 tiegħu – li jistipula li l-Istati Membri mitluba jiskambjaw informazzjoni għandhom jagħmlu dan fi żmien ħames ġimgħat ( 82 ). Din l-iskadenza ta’ ħames ġimgħat hija wkoll iż-żmien massimu allokat għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni f’ċirkustanzi normali. Iċ-“ċirkustanzi eċċezzjonali” maħluqa mit-telf ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, minħabba riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta f’wieħed mill-Istati Membri, għandhom jiġġustifikaw ħeffa addizzjonali. L-ewwel Stat Membru għandu jwieġeb għat-talbiet kollha għal informazzjoni mressqa mit-tieni Stat Membru f’terminu ferm iqsar minn dak applikabbli f’ċirkustanzi normali ( 83 ).

3. Konklużjoni provviżorja

92.

Fid-dawl ta’ dan li ntqal iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-awtorità kompetenti tat-tieni Stat Membru għandha twettaq evalwazzjoni fuq il-merti tal-applikazzjoni l-ġdida, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-proċeduri u tad-Direttiva dwar il-kwalifika, u għandha tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet materjali meħtieġa għall-ibbenefikar mill-istatus ta’ refuġjat humiex issodisfatti mill-persuna kkonċernata, filwaqt li tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Dan il-prinċipju u r-rekwiżit li jiġu eżaminati l-elementi rilevanti kollha tal-applikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-kwalifika jagħtu lok għall-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata mill-persuna kkonċernata ġiet diġà eżaminata u li deċiżjoni affermattiva li tagħti status ta’ refuġjat ingħatat mill-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru. L-awtoritajiet kompetenti tat-tieni Stat Membru għandhom jagħtu prijorità lill-eżami tal-applikazzjoni u jieħdu inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni tal-Artikolu 34 tar-Regolament Dublin III li jipprovdi għal mekkaniżmi ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, fejn l-ewwel Stat Membru għandu jwieġeb għat-talbiet kollha għal informazzjoni mit-tieni Stat Membru f’terminu ferm iqsar minn dak applikabbli f’ċirkustanzi normali.

V. Konklużjoni

93.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) kif ġej:

Fil-każ li Stat Membru ma jkunx jista’ jeżerċita s-setgħa mogħtija mill-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali li jiċħad bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bil-ħsieb li jingħata status ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor minħabba li l-kundizzjonijiet tal-ħajja f’dak l-Istat Membru jkunu jesponu lill-applikant għal riskju serju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

L-Artikolu 78(1) u (2) TFUE,

l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida,

l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, u

l-Artikolu 10(2) u (3) u l-Artikolu 33(1) u (2)(a) tad-Direttiva 2013/32,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma huwiex meħtieġ li Stat Membru jirrikonoxxi, mingħajr eżami sostantiv, il-protezzjoni internazzjonali li Stat Membru ieħor ikun diġà ta lill-applikant.

Meta jevalwaw l-applikazzjoni l-ġdida ppreżentata minħabba l-eżistenza taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali taħt l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 604/2013, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeterminaw, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95 u tad-Direttiva 2013/32, jekk il-kundizzjonijiet materjali meħtieġa għall-ibbenefikar mill-istatus ta’ refuġjat humiex issodisfatti mill-persuna kkonċernata, filwaqt li jiżguraw l-osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u b’mod speċifiku jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-applikazzjoni ppreżentata mill-persuna kkonċernata diġà ġiet eżaminata mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor, peress li dan il-fatt jikkostitwixxi element rilevanti tal-applikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/95. L-awtoritajiet kompetenti li jwettqu din l-evalwazzjoni għandhom jagħtu prijorità lill-eżami tal-applikazzjoni u jieħdu inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 604/2013, li jipprovdi għal mekkaniżmi ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, fejn l-ewwel Stat Membru għandu jwieġeb għat-talbiet kollha għal informazzjoni mit-tieni Stat Membru f’terminu ferm iqsar minn dak applikabbli f’ċirkustanzi normali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 101), u d-digriet tat‑13 ta’ Novembru 2019, Hamed et (C‑540/17 u C‑541/17, EU:C:2019:964, punt 43).

( 3 ) Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”).

( 4 ) Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013 L 180, p. 60) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-proċeduri”).

( 5 ) Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-kwalifika”).

( 6 ) Ara l-kawżi El Baheer (C‑288/23), Cassen (C‑551/23), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Generalstaatsanwaltschaft Hamm (Talba għal estradizzjoni ta’ refuġjat lejn it-Turkija) (C‑352/22, EU:C:2023:794) u, għal deskrizzjoni ulterjuri, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 33 ta’ dawk il-konklużjonijiet.

( 7 ) Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954), li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954.

( 8 ) Digriet tat‑13 ta’ Novembru 2019 (C‑540/17 u C‑541/17, EU:C:2019:964).

( 9 ) Din l-aħħar kwistjoni hija konsegwenza tad-domanda preliminari, u l-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-partijiet fis-seduta sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din il-kwistjoni.

( 10 ) Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 168).

( 11 ) Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 83).

( 12 ) Ibid., punt 85, din il-konvenzjoni ġiet iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

( 13 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru2011, N.S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 81, iktar ’il quddiem is-“sentenza N.S. et”).

( 14 ) Il-frażi “ċirkustanzi eċċezzjonali” hija enfasizzata fl-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB) tat‑18 ta’ Diċembru 2014, (EU:C:2014:2454, punt 191), u fis-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 84), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jirrikjedi, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li kull wieħed minn dawn l-Istati, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, iqis li l-Istati Membri l-oħra kollha qegħdin jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari mad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni.

( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Ara l-premessa 5 tar-Regolament Dublin III.

( 17 ) Sentenza N.S. et, punt 81.

( 18 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat‑18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109).

( 19 ) Sentenza N.S. et, punt 94.

( 20 ) Għandi nżid li, fis-sentenza seminali tagħha tas‑16 ta’ Frar 2017, C.K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127), il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet sfumatura addizzjonali għar-rekwiżit ta’ nuqqasijiet sistemiċi, billi kkonstatat li trasferiment fih innifsu jista’ jkun jinvolvi riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, meta t-trasferiment ta’ persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil ikun jirriżulta f’riskju reali u pprovat ta’ deterjorament sinjifikattiv u permanenti fl-istat tas-saħħa tagħha. Għaldaqstant, tali riskju jista’ jkun jeżisti, irrispettivament mill-kwalità tal-akkoljenza u tal-kura disponibbli fl-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tagħha.

( 21 ) Fi kwalunkwe każ, jekk il-kompetenza tal-awtoritajiet Ġermaniżi ma tkunx ibbażata fuq it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, dawn l-awtoritajiet jistgħu madankollu jibbażaw il-kompetenza tagħhom fuq l-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament. Ma nara l-ebda raġuni għalfejn il-“klawżola diskrezzjonali” stabbilita f’dan l-aħħar artikolu ma tistax tkun applikabbli fix-xenarju tas-sentenza N.S. et. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta dawn l-awtoritajiet ma jkunux jixtiequ jsegwu l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, u minflok ikunu jippreferu jeżerċitaw id-diskrezzjoni tagħhom sabiex isiru l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil inkwistjoni. Madankollu, ta’ min jinnota li din id-dispożizzjoni ma hijiex imsemmija fil-proċess ta’ din il-kawża.

( 22 ) Sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 76), u tat‑22 ta’ Frar 2022, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Unità tal-familja – Protezzjoni diġà mogħtija), (C‑483/20, EU:C:2022:103, punt 23).

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Unità tal-familja – Protezzjoni diġà mogħtija), (C‑483/20, EU:C:2022:103, punti 2829).

( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza N.S. et, punti 78 u 80. Ara wkoll is-sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 85)), u tat-22 ta’ Frar 2022, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Unità tal-familja – Protezzjoni diġà mogħtija) (C‑483/20, EU:C:2022:103, punt 29).

( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punti 83 sa 94), u d-digriet tat‑-13 ta’ Novembru 2019, Hamed u Omar (C‑540/17 u C‑541/17, EU:C:2019:964, punti 34 sa 36).

( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022 Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Unità tal-familja – Protezzjoni diġà mogħtija), (C‑483/20, EU:C:2022:103, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Ara punt 27 iktar ’il fuq.

( 28 ) Għal reviżjoni kritika dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ fiduċja reċiproka, ara Xanthopoulou, E., “Mutual trust and rights in EU criminal and asylum law: Three phases of evolution and the uncharted territory beyond blind trust”, Common Market Law Review, Vol. 55, Nru 2, 2018, p. 489 sa 509.

( 29 ) Ara Lenaerts, K. “La vie après l’avis: exploring the principle of mutual (yes not blind) trust”, Common Market Law Review, Vol. 54, Nru 3, 2017, p. 805 sa 840.

( 30 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza N.S. et, punt 106.

( 31 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il‑Belġju u Il‑Greċja (CE:ECHR:2011:0121JUD003069609), li hija magħmula minn żewġ allegazzjonijiet separati li jittrattaw l-għarfien tal-proċeduri tal-ażil nieqsa u tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni u tal-kundizzjonijiet tal-ħajja kuntrarji għall-KEDB.

( 32 ) Hoogenboom, A., “Origin and Meaning of Mutual Recognition as Foundational Principle in the European Integration Process”, Europarättslig Tidskrift, Vol 17, Nru 2, 2014, p. 237 sa 265, disponibbli fuq: https://ssrn.com/abstract=2477453).

( 33 ) Madankollu, fil-qasam tas-suq intern, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ma huwiex minn natura tiegħu awtomatiku (ara, pereżempju, Janssens, C. “The principle of mutual recognition in EU law”, OUP Oxford, 2013, L-Ewwel Parti, Kapitoli 2 u 4).

( 34 ) Ara Mitsilegas, V., Mutual Recognition of Positive Asylum Decisions in the European Union; disponibbli fuq https://free-group.eu/2015/05/12/mutual-recognition-of-positive-asylum-decisions-in-the-european-union/.

( 35 ) Ara l-Artikolu 78(2)(a) u (b) TFUE.

( 36 ) Ara b’analoġija, l-Artikolu 67(3)u 4 TFUE, li jikkonċerna r-rikonoxximent ta’ ċerti deċiżjonijiet ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji, fejn dawn iż-żewġ paragrafi jirreferu espliċitament għal rikonoxximent reċiproku, u l-Artikolu 82(1) TFUE li jgħid li “[i]l-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fl-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi”. Ara wkoll l-Artikolu 53(1) TFUE, li jikkonċerna r-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi u ta’ kwalifiki. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 78 TFUE ma fih l-ebda riferiment għar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet li jagħtu protezzjoni internazzjonali.

( 37 ) Ara, fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema, l-Artikolu 45 TFUE; fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment, l-Artikolu 49 TFUE; u fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-Artikolu 56 TFUE. Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu bħala l-iktar bażi ġuridika adegwata għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, ara Janssens, C., iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34 iktar ’il fuq, p. 29.

( 38 ) Ara, pereżempju; is-sentenzi tal‑4 ta’ Diċembru 1974, Van Duyn (41/74, EU:C:1974:133), dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema; tal‑21 ta’ Ġunju 1974, Reyners (2/74, EU:C:1974:68), dwar il-libertà ta’ stabbiliment; u tat‑3 ta’ Diċembru 1974, van Binsbergen (33/74, EU:C:1974:131) dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

( 39 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawża Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Unità tal-familja – Protezzjoni diġà mogħtija), (C‑483/20, EU:C:2021:780, punt 42), fejn huwa jargumenta li l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri “[j]ikkostitwixxi forma ta’ rikonoxximent impliċitu tal-evalwazzjoni korretta mill-ewwel Stat Membru tal-fondatezza tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali”. Enfasi miżjuda.

( 40 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat), (C‑391/16, C-77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 72).

( 41 ) Fi kliem ieħor, filwaqt li jista’ jiġi argumentat li l-Artikolu 78(2) TFUE jagħti lil-leġiżlatur tal-Unjoni s-setgħa li “jimplimenta” iktar milli joħloq “status uniformi”, u li l-istatus uniformi huwa inerenti fil-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, fil-fehma tiegħi, il-kliem u l-istruttura tal-Artikolu 78(1) u (2) TFUE jagħmluha ċara li din ma kinitx l-intenzjoni tal-awturi tat-Trattat.

( 42 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 45).

( 43 ) Ara wkoll il-kliem tal-Artikolu 3(2) TUE li jirreferi għal “miżuri xierqa” fir-rigward tal-ażil, inter alia.

( 44 ) Kamminga, M. “Extraterritoriality”, in Wolfrum, R. (Ed.), The Max Planck Encyclopedia of Public International Law, Oxford University Press, 2020, disponibbli fuq https://opil.ouplaw.com/display/10.1093/law:epil/9780199231690/law-9780199231690-e1040?print. Ara wkoll l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR), Nota dwar l-Effett Ekstraterritorjali tad-Determinazzjoni tal-Istatus ta’ Refuġjat taħt [il-Konvenzjoni ta’ Genève] u l-Protokoll tal‑1967 dwar l-Istatus tar-Refuġjati, EC/SCP/9, 24 ta’ Awwissu 1978. Madankollu, hemm eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju. Ara, Milanović, M., “From Compromise to Principle: Clarifying the Concept of State Jurisdiction in Human Rights Treaties”, Human Rights Law Review, Vol. 8, Nru 3, 2008, p. 411 sa 448, disponibbli fuq https://doi.org/10.1093/hrlr/ngn021.

( 45 ) Ara d-deċiżjoni tal-Qorti EDB tal‑5 ta’ Marzu 2020, M.N. et vs Il-Belġju (Nru 3599/18, ECLI:CE:ECHR:2020:0505DEC000359918, punti 98 sa 102) li kienet tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk applikazzjoni għall-viża umanitarja ta’ familja Sirjana fl-ambaxxata Belġjana f’Bejrut (il-Lebanon) skattatx l-obbligi tal-Istat konvenut fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. L-Awla Manja tal-Qorti EDB mhux biss fakkret li l-kompetenza ġurisdizzjonali ta’ Stat għall-fini tal-Artikolu 1 hija “primarjament territorjali”, iżda enfasizzat ukoll l-approċċ tagħha li bih kwalunkwe eżerċizzju ekstraterritorjali ta’ ġurisdizzjoni huwa “bħala regola ġenerali, iddefinit u limitat mid-drittijiet territorjali sovrani tal-Istati rilevanti l-oħra”. Ara wkoll Gammeltoft‑Hansen, T. u Tan, N. F., “Adjudicating old questions in refugee law: MN and Others v Belgium and the limits of extraterritorial refoulement”, European Migration Law Blog, 2020, disponibbli fuq https://eumigrationlawblog.eu/.

( 46 ) Il-Qorti EDB iddeċidiet li għandu jiġi vverifikat li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ma jiġix applikat awtomatikament u mekkanikament għad-detriment ta’ drittijiet fundamentali (sentenza tal-Qorti EDB tat‑23 ta’ Mejju 2016, Avotiņš vs Il‑Latvja, CE:ECHR:2016:0523JUD001750207, punti 105 sa 127, b’mod partikolari l-punt 116). Fl-opinjoni konkorrenti tiegħu fis-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2019, Romeo Castaño vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2019:0709JUD000835117), l-Imħallef Spano jirreferi għall-“mekkaniżmi tal-Unjoni ta’ rikonoxximent reċiproku”.

( 47 ) Protokoll (Nru 24) dwar l-asil għal ċittadini ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 202, p. 204).

( 48 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 49 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fis-sentenza Generalstaatsanwaltschaft Hamm (Talba għall-estradizzjoni ta’ refuġjat lejn it-Turkija) (C‑352/22, EU:C:2023:794, punt 65).

( 50 ) Fis-seduta f’din il-kawża, il-Gvern Taljan irrefera għas-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Bundesrepublik Deutschland (Wild ta’ refuġjati, imwieled barra mill-Istat ospitanti) (C‑720/20, EU:C:2022:603, punt 42) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “ma tistax issir deroga” mill-“formulazzjoni ċara” ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Dublin III sabiex jinżamm l-għan li jiġu evitati movimenti sekondarji matul il-proċess tal-ażil fl-Unjoni. Skont dan il-gvern, din l-evalwazzjoni tista’ tiġi interpretata fis-sens li ma tistax issir deroga mill-“prinċipju ġenerali” ta’ rikonoxximent reċiproku sabiex jintlaħaq l-għan li jiġu evitati movimenti sekondarji. Madankollu, għandi nfakkar li l-Gvern Taljan ma invokax “formulazzjoni ċara” li timmilita favur rikonoxximent reċiproku tal-istatus ta’ refuġjat fi kwalunkwe dispożizzjoni tad-dritt primarju jew sekondarju tal-Unjoni iżda minflok irrefera għall-Artikolu 78(2)(a) TFUE, speċifikament għall-kliem li jippermetti l-adozzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni ta’ miżuri għall-implimentazzjoni ta’ status uniformi.

( 51 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Bundesrepublik Deutschland (Wild ta’ refuġjati, imwieled barra mill-Istat ospitanti) (C‑720/20, EU:C:2022:603, punt 33).

( 52 ) Ara wkoll is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, A.S. (C‑490/16, EU:C:2017:585), u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Jafari (C‑646/16, EU:C:2017:586), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argumenti tal-Avukat Ġenerali Sharpston favur nuqqas ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin III fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tal-kriżi tar-refuġjati tal‑2015.

( 53 ) Artikolu 1 tar-Regolament Dublin III

( 54 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Dublin III.

( 55 ) Mitsilegas, V., “Humanizing solidarity in European refugee law: The promise of mutual recognition”, Maastricht Journal of European and Comparative Law, Vol. 24,Nru 5, 2017, p. 721 sa 739.

( 56 ) Vavoula, N., “Information Sharing in the Dublin System: Remedies for Asylum Seekers In-Between Gaps in Judicial Protection and Interstate Trust”German Law Journal, Vol. 22, Nru 3, 2021, p. 381 sa 415.

( 57 ) Mitsilegas, V., “Humanizing solidarity in European refugee law: The promise of mutual recognition”, artiklu ċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 55 iktar ’il fuq.

( 58 ) Ara, inter alia, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Spazju ta’ libertà, sigurtà u Ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadin, COM(2009) 262 final), p. 27 sa 28.

( 59 ) Ara l-premessa 7 tar-Regolament Dublin III.

( 60 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, A (C‑404/17, EU:C:2018:588, punt 30), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Addis (C‑517/17, EU:C:2020:225, punt 74).

( 61 ) Ara l-punti 37 sa 39 iktar ’ fuq.

( 62 ) Ara l-punt 58 iktar ’il fuq.

( 63 ) Digriet tat‑13 ta’ Novembru 2019, Hamed u Omar (C‑540/17 u C‑541/17, EU:C:2019:964, punt 42). Enfasi miżjuda.

( 64 ) Ara l-premessi 5, 6 u 9 tad-Direttiva dwar il-kwalifika. Skont Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva tistabbilixxi l-istandards għal, l-ewwel, il-kwalifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, it-tieni, status uniformi għar-refuġjati jew għall-persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja u, it-tielet, il-kontenut tal-protezzjoni mogħtija

( 65 ) Filwaqt li tibbaża fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere, il-premessa 3 tad-Direttiva dwar il-kwalifiki żżid li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jiżgura li s-sistema Ewropea tal-ażil, li din id-direttiva tgħin sabiex tiddefinixxi, tkun ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Barra minn hekk, għadd ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-kwalifika jirreferu għal dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni (ara l-Artikolu 9(1), l-Artikolu 12(1)(a), l-Artikolu 14(6) u l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva dwar il-kwalifika) jew jirriproduċu l-kontenut tagħha (ara, inter alia, l-Artikolu 2(d), l-Artikolu 11, l-Artikolu 12(2) u l-Artikolu 21(2) tad-Direttiva dwar il-kwalifika).

( 66 ) Ara l-premessa 12 tad-Direttiva dwar il-kwalifika.

( 67 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 68 ) Ara l-Artikoli 22 sa 30 tad-Direttiva dwar il-kwalifika.

( 69 ) Ara wkoll l-Artikolu 28 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li taħtu l-istatus ta’ refuġjat għandu jiġi aċċettat minn Stat kontraenti ieħor.

( 70 ) Ara d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 6, p. 272), kif emendata bid-Direttiva 2011/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2011 (ĠU 2011, L 132, p. 1).

( 71 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2021, M et (Trasferiment lejn Stat Membru) (C‑673/19, EU:C:2021:127, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 72 ) Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, fir-rigward tad-Direttiva 2003/109, it-tieni Stat Membru għandu jivverifika jekk dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jirċievi permess ta’ residenza jew sabiex dan jiġġedded. Dan jista’ jkun il-każ anki jekk dan iċ-ċittadin ikollu permess ta’ residenza validu fi Stat Membru ieħor għar-raġuni li dan tal-aħħar ikun tah jew l-istatus ta’ refuġjat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Stadt Frankfurt am Main u Stadt Offenbach am Main (Tiġdid ta’ permess ta’ residenza fit-tieni Stat Membru) (C‑829/21 u C 129/22, EU:C:2023:525). Din id-direttiva għalhekk teħtieġ li t-tieni Stat Membru jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ permess ta’ residenza mogħti fl-ewwel Stat Membru, iżda huwa t-tieni Stat Membru li għandu jistabbilixxi jekk il-persuna kkonċernata tissodisfax il-kundizzjonijiet materjali sabiex tingħata permess ta’ residenza. Fi kliem ieħor, it-tieni Stat Membru jista’ jimponi kundizzjonijiet ta’ residenza inkluża l-konformità ma’ kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni.

( 73 ) Ara l-punt 68 iktar ’il fuq.

( 74 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96).

( 75 ) Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(3)(a) sa (c) tad-Direttiva dwar il-kwalifika, l-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha ssir fuq bażi individwali u għandha tinkludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatti rilevanti kollha kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ oriġini fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni “ġdida”, id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni li juru persekuzzjoni jew periklu serju, u l-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkustanzi personali tal-applikant.

( 76 ) Sentenza tal‑15 ta’ April 2021, État belge (Elementi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment), (C‑194/19, EU:C:2021:270, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-kwistjoni, madankollu, ma hijiex is-suġġett tal-proċeduri preżenti u għalhekk ma ġietx diskussa hawnhekk.

( 77 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punti 4950), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja applikat il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba għal proċedura ta’ għoti ta’ protezzjoni sussidjarja.

( 78 ) Ara l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Dublin III.

( 79 ) Ara l-punt 43 iktar ’il fuq dwar id-distinzjoni bejn it-telf ta’ fiduċja fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u t-telf ta’ fiduċja fir-rigward tal-proċeduri tal-ażil.

( 80 ) Ara l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Dublin III, li jikkonferma dan ir-rekwiżit. Ara wkoll l-UNHCR “Titjib fil-kwalità tat-teħid ta’ deċiżjonijiet”, Determinazzjoni tal-Istatus ta’ Refuġjat, 2016, p. 5, EC/67/SC/CRP.12.

( 81 ) Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri jagħmilha ċara li “[f]ejn applikazzjoni tkun suġġetta għall-proċedura stabbilita [fir-Regolament Dublin III], il-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur għandu jibda japplika mill-mument li l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tagħha jiġi determinat f’konformità ma’ dak ir-Regolament, l-applikant ikun fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru u l-awtorità responsabbli tkun ħadet responsabbiltà tiegħu”. F’dan il-każ, din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-Ġermanja tipproċessa l-applikazzjoni ta’ QY fi żmien sitt xhur mid-determinazzjoni li l-Ġermanja hija l-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni tagħha.

( 82 ) Jekk l-iskambju ta’ informazzjoni ma jistax iseħħ fl-iskadenza stabbilita ta’ ħames ġimgħat, it-tieni Stat Membru jista’ mbagħad jiddeċiedi b’mod indipendenti dwar it-talba.

( 83 ) Għandu jsir riferiment għad-dmir ta’ kooperazzjoni in bona fide stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE.

Top