Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0680

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Pikamäe, ippreżentati fis-7 ta’ Diċembru 2023.
DD vs Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali.
Appell – Servizz pubbliku – Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea – Membri tal-persunal temporanju – Proċedura dixxiplinari – Investigazzjoni amministrattiva – Kunċett ta’ ‘plaġjariżmu’ – Ħatra, mill-Awtorità tal-Ħatra, ta’ investigatur li miegħu għandha relazzjoni ta’ negozju – Kunflitt ta’ interess – Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Imparzjalità oġġettiva – Artikolu 17a – Libertà tal-espressjoni tal-uffiċjal – Artikoli 11, 12 u 21 – Osservanza tal-prinċipji ta’ lealtà u ta’ imparzjalità.
Kawża C-680/22 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:969

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fis‑7 ta’ Diċembru 2023 ( 1 )

Kawża C‑680/22 P

DD

vs

Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA)

“Appell – Servizz pubbliku – Sistema dixxiplinari – Tneħħija minn pożizzjoni – Ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva – Prova prima facie – Artikolu 86(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea – Imparzjalità oġġettiva tal-investigatur – Kunċett ta’ ‘plaġjariżmu’ – Rikors għal annullament u għal kumpens”

I. Introduzzjoni

1.

Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑7 ta’ Settembru 2022, DD vs FRA (T‑470/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:511), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“FRA”) tat‑12 ta’ Novembru 2019 li imponietlu sanzjoni dixxiplinari ta’ tneħħija minn pożizzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ tneħħija minn pożizzjoni”) u tad-deċiżjoni tal‑15 ta’ April 2020 li ċaħdet l-ilment kontra d-deċiżjoni ta’ tneħħija minn pożizzjoni u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-danni materjali u morali li huwa allegatament ġarrab.

2.

Dan l-appell, li jaqa’ taħt id-dritt tas-servizz pubbliku tal-Unjoni Ewropea, jinvolvi tmien aggravji li permezz tagħhom l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli wettqet diversi żbalji ta’ liġi. Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu qegħdin jiffokaw fuq ir-raba’ aggravju tal-appell li permezz tiegħu l-appellant jikkritika, essenzjalment, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ jekk il-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva fil-kuntest ta’ proċedura dixxiplinari kinitx regolari. B’mod iktar konkret, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-kundizzjoni marbuta mal-ħtieġa, għall-amministrazzjoni, li jkollha prova prima facie sabiex tkun tista’ tiftaħ l-investigazzjoni.

3.

Din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar ir-rekwiżiti li għandhom ikunu osservati fir-rigward tal-livell ta’ prova li jiġġustifika l-ftuħ ta’ tali investigazzjoni amministrattiva. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tieħu pożizzjoni fuq il-livell ta’ preċiżjoni li bih l-amministrazzjoni għandha tidentifika n-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligi taħt ir-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għat-tilwima (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) li bihom hija takkuża lill-uffiċjal ikkonċernat u fuq il-kwistjoni dwar jekk l-amministrazzjoni hijiex obbligata tindika d-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolamenti tal-Persunal li allegatament ikunu ġew miksura. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha dwar il-garanziji proċedurali sanċiti fis-sistema dixxiplinari tal-Unjoni Ewropea.

II. Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea

4.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li:

“L-uffiċjal għandu jaqdi dmirijietu u jġib ruħu esklużivament bl-interessi tal-Unjoni quddiem għajnejh. Huwa m’għandux ifittex jew jaċċetta istruzzjonijiet mill-ebda gvern, awtorità, organizzazzjoni jew persuna barra l-istituzzjoni tiegħu. Għandu jaqdi d-dmirijiet fdati lilu b’mod oġġettiv, imparzjali u fir-rispett tad-dmir tiegħu ta’ lealtà lejn l-Unjoni”.

5.

L-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li:

“L-Uffiċjal għandu joqgħod lura minn kull azzjoni jew imġiba li tista’ tirrifletti ħażin fuq il-pożizzjoni [tippreġudika d-dinjità tal-kariga] tiegħu”.

6.

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Uffiċjal, ikun xi jkun il-grad tiegħu, għandu jassisti u jgħaddi pariri lis-superjuri tiegħu; huwa għandu jkun reponsabbli mill-qadi tad-dmirijiet assenjati lilu.

Uffiċjal responsabbli minn kwalunkwe fergħa tas-servizz għandu jkun responsabbli mas-superjuri tiegħu dwar l-awtorità mogħtija lilu u biex iwettaq l-istruzzjonijiet mogħtija minnu. Ir-responsabbiltà ta’ dawk ta’ taħtu bl-ebda mod ma tirrilaxxah mir-responsibbiltà tiegħu stess”.

7.

L-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jinsab taħt it-Titolu VI tagħhom, intitolat “Miżuri Dixxiplinari”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Kull nuqqas minn uffiċjal jew minn dak li qabel kien uffiċjal biex iħares l-obbligi tiegħu taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kemm jekk intenzjonalment jew b’negliġenza min-naħa tiegħu, tista’ tittieħed azzjoni kontrih.

2.   Fejn l-Awtorità tal-Ħatra jew [l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi, iktar il-quddiem l-“OLAF”] isiru jafu b’evidenza [provi li jippreżumu l-eżistenza] ta’ nuqqas fis-sens tal-paragrafu 1, jistgħu jibdew inve[s]tigazzjonijiet amministrattivi biex jivverifikaw jekk it-tali nuqqas sarx.

3.   Regoli, proċeduri u miżuri dixxiplinarji, u r-regoli u l-proċeduri li jkopru l-investigazzjonijiet amministrattivi [huma] mniżżla fl-Anness IX”.

8.

Skont l-Artikolu 1 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal:

“1.   Kulmeta investigazzjoni mill-OLAF tikxef il-possibbiltà ta’ involviment personali ta’ uffiċjal jew ta’ persuna li qabel kienet uffiċjal, ta’ istituzzjoni, dik il-persuna għandha tkun infurmata malajr, sakemm dan mhux ta’ ħsara għall-investigazzjoni. F’kull każ, ma jistgħux jittieħdu konklużjonijiet li jirreferu bl-isem ta’ uffiċjal meta titlesta l-investigazzjoni mingħajr ma dak l-uffiċjal ikkonċernat jkollu l-opportunità biex jikkumenta fuq il-fatti dwaru. Il-konklużjonijiet għandhom jagħmlu riferenza għal dawn il-kummenti.

2.   Fil-każijiet li jitolbu segretezza assoluta għall-għanijiet ta’ l-investigazzjoni u li jeħtieġu l-użu tal-proċeduri ta’ investigazzjoni, li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali, il-konformità ma’ l-obbligu li jkun mistieden l-uffiċjal biex jikkummenta, bi qbil ma’ l-Awtorità tal-Ħatra, tista’ tkun posposta. Fit-tali każijiet, l-ebda proċeduri dixxiplinarji ma jistgħu jinbdew qabel l-uffiċjal jingħata l-opportunità biex jikkummenta.

3.   Jekk, wara l-investigazzjoni ta’ l-OLAF, l-ebda każ ma jista’ jsir kontra uffiċjal li saru allegazzjonijiet dwaru, l-investigazzjoni in kwestjoni tingħalaq, mingħajr ma tittieħed aktar azzjoni, bid-deċiżjoni tad-Direttur ta’ l-OLAF, li għandu jinforma l-uffiċjal u l-istituzzjoni tiegħu bil-miktub. L-uffiċjal jista’ jitlob li din id-deċiżjoni tiddaħħal fil-file personali tiegħu”.

9.

L-Artikolu 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li:

“1.   Ir-regoli ppreżentati fl-Artikolu 1 ta’ dan l-Anness għandhom japplikaw, b’kull bidla meħtieġa, għal inkjesti amministrattivi oħra, imwettqa mill-Awtorità tal-Ħatra.

2.   L-Awtorità tal-Ħatra għandha tinforma l-persuna kkonċernata meta tintemm l-investigazzjoni, u għandha tikkomunikalha l-konklużjonijiet ta’ l-investgazzjoni u, meta mitluba u suġġetta għall-ħarsien ta’ l-interessi leġittimi ta’ persuni terzi, id-dokumenti kollha li direttament relatati ma’ l-allegazzjonijiet li saru kontrih.

[…]”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

A.   Il-fatti li wasslu għall-kawża

10.

L-appellant ġie rreklutat fl‑1 ta’ Awwissu 2000 mill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) ta’ organu tal-Unjoni Ewropea, iċ-Ċentru ta’ Sorveljanza Ewropew għall-Ħarsien mir-Razziżmu u l-Ksenofobija (EUMC), li sar il-FRA, fil-kapaċità ta’ membru tal-persunal temporanju fis-sens tal-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kundizzjonijiet tal-Impjieg”).). Wara li kien irreklutat inizjalment taħt kuntratt għal żmien determinat, huwa bbenefika minn kuntratt għal żmien indeterminat b’effett mis‑16 ta’ Diċembru 2006.

11.

Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Ġunju 2013, id-direttur tal-FRA li kien fil-kariga dak iż-żmien informa lill-appellant bid-deċiżjoni tiegħu li jxoljilu l-kuntratt.

12.

Permezz tas-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2015, DD vs FRA (F‑106/13 u F‑25/14, EU:F:2015:118), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla d-deċiżjoni ta’ xoljiment minħabba li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni, id-direttur tal-FRA ma kienx informa espressament lill-appellant li, fuq il-bażi ta’ diversi inċidenti, huwa kien qiegħed jikkontempla jxoljilu l-kuntratt u ma talbux jagħti l-kummenti tiegħu f’dan ir-rigward.

13.

Fid‑29 ta’ Frar 2016, il-FRA, immexxija minn direttur ġdid, integra mill-ġdid lill-appellant fl-impjieg tiegħu, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2015, DD vs FRA (F‑106/13 u F‑25/14, EU:F:2015:118).

14.

Permezz ta’ posta elettronika tal-istess jum, l-appellant intalab mill-kap tad-dipartiment tiegħu biex iħejji espożizzjoni interna ta’ bejn 15 u 20 paġna, sa mhux iktar tard mit‑18 ta’ Marzu 2016, fuq in-normi li jirrigwardaw id-drittijiet tal-bniedem u l-ġurisprudenza marbuta mal-libertà tal-ħsieb, ta’ kuxjenza u ta’ reliġjon, fuq livell internazzjonali u fuq il-livell tal-Unjoni.

15.

Permezz ta’ posta elettronika tat‑18 ta’ Marzu 2016, l-appellant bagħat lill-kap tad-dipartiment tiegħu dokument ta’ 31 paġna kkwalifikat bħala “l-ewwel abbozz dwar l-espożizzjoni fuq il-libertà tar-reliġjon” intitolat “Nota ta’ informazzjoni interna dwar eventwali proġetti rilevanti tal-FRA li jikkonċernaw il-libertà ta’ ħsieb” (iktar ’il quddiem l-“espożizzjoni kontenzjuża”).

16.

Fil-bidu tax-xahar ta’ April 2016, l-espożizzjoni kontenzjuża ġiet irreġistrata fis-sistema ta’ ġestjoni tad-dokumenti tal-FRA, li għaliha kellhom aċċess il-kollegi kollha tal-appellant.

17.

Fis‑7 ta’ April 2016, il-kap tad-dipartiment tal-appellant informa lil dan tal-aħħar li huwa kien bagħat l-espożizzjoni kontenzjuża lid-direttur tal-FRA u stiednu jibgħat lil wieħed mill-kollegi tiegħu l-link ta’ dan id-dokument irreġistrat fis-sistema ta’ ġestjoni tad-dokumenti tal-FRA, sabiex huwa jkun jista’ jieħu konjizzjoni ta’dan id-dokument u tal-analiżi li kien hemm fih.

18.

Permezz ta’ posta elettronika tas‑16 ta’ Ottubru 2017, il-kap tad-dipartiment tal-appellant talbu jirrevedi l-espożizzjoni kontenzjuża u japprofondixxi l-analiżi ddedikata għal-libertà ta’ reliġjon mill-perspettiva tal-Unjoni, fid-dawl ta’ eventwali pubblikazzjoni.

19.

Barra minn hekk, fis‑7 ta’ Novembru 2017, l-appellant ippreżenta appell intern kontra r-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2016, billi sostna li l-evalwazzjoni tal-effikaċja tiegħu, tal-kapaċità tiegħu u tal-kondotta tiegħu kellha tkun “tajba ħafna”, minflok “sodisfaċenti”. F’dan il-kuntest, għal dak li jikkonċerna l-espożizzjoni kontenzjuża, minn naħa, l-appellant sostna li kien b’dispjaċir li, filwaqt li matul id-djalogu ta’ evalwazzjoni, il-kap tad-dipartiment tiegħu, fil-kwalità tiegħu ta’ evalwatur, kien ikkonferma li din l-espożizzjoni kienet utli ħafna u kienet tilħaq l-għan tagħha, huwa kkritikaha fl-osservazzjonijiet sussegwenti tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-appellant sostna li l-kummenti tal-evalwatur fuq il-fatt li l-espożizzjoni kontenzjuża kienet fil-parti l-kbira komposta minn referenzi għal ġurisprudenza ma kinux preċiżi, peress li l-espożizzjoni kien fiha wkoll analiżi legali, kunċettwali u politika.

20.

Fl‑1 ta’ Diċembru 2017, l-appellant bagħat verżjoni riveduta tal-espożizzjoni kontenzjuża.

21.

Fil‑5 ta’ Diċembru 2017, id-direttur tal-FRA ċaħad l-appell intern ippreżentat mill-appellant kontra r-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2016. F’din l-okkażjoni, id-direttur tal-FRA indika li kien sar jaf li l-espożizzjoni kontenzjuża kienet, għal parti kbira ħafna tagħha, kopja diretta ta’ diversi sorsi, b’mod partikolari ta’ dokumenti tal-Kunsill tal-Ewropa, li ma kinux ġew indikati bħala referenzi f’din l-espożizzjoni, u li l-appellant ma kienx informa lill-kap tad-dipartiment tiegħu b’dan l-istat ta’ fatt, u ħallieh jemmen li din l-espożizzjoni kienet ir-riżultat ta’ xogħolu.

22.

Fid-9 ta’ Frar 2018, id-direttur tal-FRA kkonsulta mal-OLAF) fir-rigward tal-possibbiltà ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva fir-rigward tal-aġir tal-appellant.

23.

Fl‑20 ta’ Marzu 2018, l-OLAF iddeċieda li ma jiftaħx investigazzjoni fin-nuqqas ta’ “elementi suffiċjenti li jindikaw l-eżistenza ta’ frodi, ta’ korruzzjoni jew ta’ attivitajiet illegali oħra”.

24.

Fit‑23 ta’ Marzu 2018, id-direttur tal-FRA fetaħ investigazzjoni amministrattiva dwar l-aġir tal-appellant fir-rigward tal-espożizzjoni kontenzjuża. L-investigatur maħtur iddikjara li ma kellux kunflitt ta’ interessi. L-għan ta’ din l-investigazzjoni kien li jiġi ddeterminat, l-ewwel nett, sa fejn preċiżament l-espożizzjoni kontenzjuża kienet ġiet ippreżentata mill-appellant bħala li hija r-riżultat ta’ xogħolu, u li kienet tirriproduċi estratti minn dokumenti li ma humiex tal-FRA li la kienu ċċitati u lanqas indikati bħala referenzi; it-tieni nett, minn dawn id-dokumenti, liema kienu dawk li eventwalment kienu koperti mid-drittijiet tal-awtur, it-tielet nett, jekk kinux jeżistu dokumenti oħra redatti mill-appellant fil-kuntest ta’ xogħolu fi ħdan il-FRA, fil-qasam tal-libertà ta’ ħsieb, ta’ kuxjenza u ta’ reliġjon, li kienu jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq u, ir-raba’ nett, jekk ikun il-każ, jekk ir-Regolamenti tal-Persunal jew id-dritt tal-proprjetà intellettwali kinux ġew miksura.

25.

Fit‑23 u fl-24 ta’ April 2018, l-investigatur interroga seba’ xhieda u lill-appellant, li bagħat lill-investigatur osservazzjonijiet bil-miktub.

26.

Fis‑17 ta’ Ġunju 2018, l-investigatur ittrażmetta lil-appellant il-konklużjonijiet preliminari tiegħu.

27.

Fit‑2 ta’ Lulju 2018, l-appellant ressaq osservazzjonijiet fuq il-konklużjonijiet preliminari tal-investigatur.

28.

Fit‑23 ta’ Lulju 2018, l-investigatur bagħat ir-rapport definittiv tiegħu (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ investigazzjoni”), li kkonstata ksur, min-naħa tal-appellant, tal-Artikoli 11, 12 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tad-dmirijiet tiegħu ta’ lealtà u ta’ kooperazzjoni. L-investigatur irrileva, essenzjalment, l-ewwel nett, li l-ikkopjar u l-użu ta’ xogħol ħaddieħor mingħajr ma ġie indikat bħala referenza u billi jingħadda bħala li huwa x-xogħol tal-persuna stess kienu jikkostitwixxu forma ta’ ngann, ta’ diżonestà u ta’ approprjazzjoni frawdolenti li tikser mhux biss l-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal, imma wkoll kważi kull norma morali; it-tieni nett, li l-appellant kien deliberatament inganna lill-membri tad-dipartiment tiegħu u kien ħeba informazzjoni importanti, ħaġa li tikser l-Artikoli 11 u 12 tar-Regolamenti tal-Persunal; it-tielet nett, li l-fatt li l-appellant kien ħa tliet ġimgħat biex jifformula l-espożizzjoni kontenzjuża, li fil-parti l-kbira tagħha tikkonsisti f’kopja, kien jikkostitwixxi ksur ieħor, relattivament minuri, tal-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal; ir-raba’ nett, li l-indikazzjoni li l-espożizzjoni kontenzjuża tikkostitwixxi kwalità tajba, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2016, kienet ingannuża u kienet tikkostitwixxi wkoll ksur tal-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal; il-ħames nett, li l-użu ta’ materjal protett mid-drittijiet tal-awtur mingħajr ma jiġi informat l-awtur, jiġifieri l-Kunsill tal-Ewropa, kien jikser ukoll l-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal, is-sitt nett, li l-appellant kien aġixxa b’mod ingannuż u/jew b’diżonestà u, konsegwentement, ma ġabx ruħu billi jżomm f’moħħu biss l-interessi tal-Unjoni, bi ksur tal-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal u tad-dmir ta’ lealtà u, is-seba’ nett, li l-użu ta’ xogħol ħaddieħor mingħajr ma jiġi indikat bħala referenza u mingħajr ma jinforma lis-superjuri tiegħu kiser l-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal u d-dmir ta’ kooperazzjoni tal-appellant.

29.

Fil‑15 ta’ Ottubru 2018, l-appellant ġie mismugħ mid-direttur tal-FRA skont l-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u ttrażmetta ulterjorment dikjarazzjoni bil-miktub, bid-data tal-istess ġurnata.

30.

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Ottubru 2018, id-direttur tal-FRA fetaħ proċedura dixxiplinari quddiem il-Bord tad-Dixxiplina kontra l-appellant. Din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lill-appellant fis‑7 ta’ Novembru 2018.

31.

Fis‑26 ta’ Frar 2019 ġie kkostitwit il-Bord tad-Dixxiplina b’deċiżjoni tad-direttur tal-FRA.

32.

Fis‑27 ta’ Frar 2019, id-direttur tal-FRA stabbilixxa r-rapport intiż għall-Bord tad-Dixxiplina, b’applikazzjoni tal-Artikolu 12 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem ir-“rapport tad-direttur tal-FRA”).

33.

Fil‑21 ta’ Marzu 2019, l-appellant ippreżenta r-risposta tiegħu quddiem il-president tal-Bord tad-Dixxiplina.

34.

Fit‑22 ta’ Marzu 2019 seħħ is-smigħ tal-appellant quddiem il-Bord tad-Dixxiplina.

35.

Fis‑7 ta’ Mejju 2019, il-Bord tad-Dixxiplina ħareġ opinjoni motivata, skont l-Artikolu 18 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, fejn ikkunsidra bħala fondati l-akkużi ta’ aġir tal-appellant li jikser l-obbligi taħt l-Artikoli 11, 12 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri l-preżentazzjoni ta’ kitbiet ta’ ħaddieħor bħala li kien ix-xogħol tiegħu, mingħajr indikazzjoni tas-sorsi tagħhom. Il-Bord tad-Dixxiplina rrakkomanda t-twaqqigħ b’żewġ gradi tal-appellant, jiġifieri għall-grad AD 7. Il-Bord tad-Dixxiplina ma semmiex ċirkustanzi attenwanti.

36.

Il-Bord tad-Dixxiplina rrileva, essenzjalment, l-ewwel nett, li l-appellant kien aġixxa billi ma kellux f’moħħu biss l-interessi tal-Unjoni, imma l-interessi tiegħu stess billi jieħu krettu għal test li tiegħu huwa ma kienx l-awtur; it-tieni nett, li ma kienx adotta l-aġir responsabbli mistenni minn naħa ta’ membru tal-persunal tal-FRA; it-tielet nett, li l-azzjonijiet tiegħu setgħu jikkawżaw ħsara lir-reputazzjoni tal-FRA u, ir-raba’ nett, li ma kienx assista lis-superjuri tiegħu, anzi kien aġixxa kontra tagħhom, billi ppreżenta xogħol ħaddieħor bħallikieku kien tiegħu.

37.

Għaldaqstant, il-Bord tad-Dixxiplina kkonstata li l-appellant kien kiser, l-ewwel nett, l-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal, billi ppreżenta deliberatament xogħol ikkopjat bħallikieku kien xogħolu stess; it-tieni nett, l-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal, inkwantu l-fatt li jippreżenta xogħol ħaddieħor bħallikieku kien tiegħu stess kien jirrifletti ħażin fuq ir-reputazzjoni tal-appellant u, it-tielet nett, l-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal, inkwantu l-appellant ma kienx qeda l-kompiti fdati lilu, imma kien ippreżenta xogħol ħaddieħor bħallikieku kien tiegħu u fejn kien hemm riskju li l-espożizzjoni kontenzjuża, jew siltiet minnha, jiġu integrati f’dokument wieħed jew iktar ippubblikati mill-FRA, ħaġa li setgħet tagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ din l-aġenzija.

38.

Fil‑11 ta’ Lulju 2019, l-appellant ġie mismugħ mid-direttur tal-FRA, skont l-Artikolu 22 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, u ppreżenta d-dikjarazzjoni bil-miktub tiegħu.

39.

Fil‑11 ta’ Ottubru 2019, l-appellant irċieva nota tad-direttur, bid-data tal‑10 ta’ Ottubru 2019, fejn esprima l-intenzjoni tiegħu li jimponilu sanzjoni ta’ tneħħija minn pożizzjoni u fejn stiednu jikkomunika l-osservazzjonijiet tiegħu fuq dan is-suġġett bil-miktub fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol.

40.

Fl‑24 ta’ Ottubru 2019, l-appellant ittrażmetta l-osservazzjonijiet tiegħu lid-direttur tal-FRA.

41.

Fit‑12 ta’ Novembru 2019, id-direttur tal-FRA, bħala l-ASTK, adotta d-deċiżjoni ta’ tneħħija minn pożizzjoni, li kellha tidħol fis-seħħ fil‑15 ta’ Novembru 2019. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, id-direttur tal-FRA laqa’ l-konklużjonijiet tal-Bord tad-Dixxiplina, ħlief għal dak li kien jikkonċerna s-sanzjoni proposta, peress li kkunsidra li t-twaqqigħ fil-grad ma kienx jirrifletti suffiċjentement il-gravità tal-ksur tal-obbligi professjonali previsti fl-Artikoli 11, 12 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal. Id-direttur tal-FRA rrileva, b’mod partikolari, minn naħa, li l-Bord tad-Dixxiplina ma kienx semma ċirkustanzi attenwanti, imma kien semma ċirkustanzi aggravanti, jiġifieri l-fatt li l-aġir tal-appellant kien deliberat, li huwa pprova jikseb personalment krettu għal xogħol li jikkostitwixxi plaġjariżmu, li huwa ma kienx irrikonoxxa l-gravità ta’ aġiru u li kien hemm riskju reali ta’ ħsara lir-reputazzjoni tal-FRA u, min-naħa l-oħra, li r-rabta ta’ fiduċja kienet ġiet serjament ippreġudikata.

42.

Barra minn hekk, id-direttur tal-FRA kkunsidra li l-Bord tad-Dixxiplina ma kienx ħa inkunsiderazzjoni suffiċjentement il-gravità tal-ksur tar-Regolamenti tal-Persunal għal dak li kien jirrigwarda, minn naħa, l-aġir tal-appellant, li d-direttur tal-FRA kklassifika bħala “ksur tal-ogħla gravità” u, min-naħa l-oħra, l-effetti ta’ tali aġir fuq ir-reputazzjoni tal-FRA, peress li, skontu, l-appellant, waqt li aġixxa waħdu, kien deliberatament ħoloq riskju gravi ta’ ħsara lil din ir-reputazzjoni għal perijodu ta’ żmien sostanzjali. Id-direttur tal-FRA approva l-konstatazzjoni tal-Bord tad-Dixxiplina li tgħid li r-rabta ta’ fiduċja kienet ġiet serjament ippreġudikata, filwaqt li kkunsidra li din ir-rabta kienet ġiet miksura irrevokabbilment u, konsegwentement, li t-twaqqigħ fil-grad ma kienx sanzjoni adegwata.

43.

Fis‑16 ta’ Diċembru 2019, l-appellant ippreżenta lment kontra d-deċiżjoni ta’ tneħħija minn pożizzjoni.

44.

Fil‑15 ta’ April 2020, id-direttur tal-FRA ta d-deċiżjoni li tirrifjuta dan l-ilment.

B.   Il‑proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

45.

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Lulju 2020, l-appellant kien ippreżenta rikors ibbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiż għall-annullament tad-deċiżjoni għat-tneħħija minn pożizzjoni u, jekk ikun il-każ, tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-imsemmi lment, kif ukoll għall-kumpens għad-danni materjali u morali li huwa allegatament ġarrab.

46.

Insostenn tar-rikors tiegħu, l-appellant kien invoka tmien motivi b’mod prinċipali u motiv wieħed b’mod sussidjarju, ibbażati:

l-ewwel nett, fuq il-ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, fuq żbalji ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1) tal-Bundesgesetz über das Urheberrecht an Werken der Literatur und der Kunst und über verwandte Schutzrechte (Urheberrechtsgesetz) (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur fuq Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi u fuq id-Drittijiet Relatati), tad‑9 ta’ April 1936 (BGBl. 1936, 111/1936) u fuq il-ksur tal-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), inkwantu, l-ewwel nett, il-plaġjariżmu ġie kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi ksur tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tieni nett, it-testi kkopjati ma kinux protetti minn din il-liġi u, it-tielet nett, li ġiet miksura l-libertà ta’ espressjoni tiegħu;

it-tieni nett, fuq ksur tad-dmir ta’ diliġenza jew tad-dmir ta’ premura mill-investigatur u mid-direttur tal-FRA mal-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari, bid-deċiżjoni ta’ tneħħija minn pożizzjoni u mill-Bord tad-Dixxiplina kif ukoll fuq ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u tar-rekwiżit ta’ livell għoli ta’ prova fl-investigazzjonijiet amministrattivi u fil-proċeduri dixxiplinari;

it-tielet nett, fuq l-assenza ta’ newtralità, ta’ imparzjalità u ta’ oġġettività tad-direttur tal-FRA bħala ASTK, fuq ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u fuq abbuż ta’ poter;

ir-raba’ nett, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jikkonċernaw il-ksur mill-appellant tal-Artikoli 11, 12 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal;

il-ħames nett, fuq il-ftuħ irregolari tal-investigazzjoni amministrattiva fl-assenza ta’ prova prima facie u fuq il-ftuħ irregolari tal-proċedura dixxiplinari;

is-sitt nett, fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-parametri tal-investigazzjoni mill-investigatur u fuq il-ksur tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 7(6) tad-Deċiżjoni 2013/01 tal-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-FRA, tat‑22 ta’ Mejju 2013, fuq it-tmexxija tal-investigazzjonijiet amministrattivi u tal-proċeduri dixxiplinari, tal-Artikolu 4(1)(a) sa (d) u tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39), u, qabel l-applikabbiltà tar-Regolament 2018/1725, tal-Artikolu 4(1)(a) sa (d) u tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol 26, p. 102), u fuq il-ksur tal-effetti ta’ sentenza ta’ annullament;

is-seba’ nett, fuq nuqqas ta’ imparzjalità, ta’ newtralità u ta’ oġġettività tal-investigatur;

it-tmien nett, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, fuq il-ksur tal-Artikoli 1 u 2 kif ukoll tal-Artikolu 12 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, u

id-disa’ nett, sussidjarjament, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-impożizzjoni tas-sanzjoni ta’ tneħħija minn pożizzjoni fir-rigward tal-fatti li bihom ġie akkużat l-appellant.

47.

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talbiet kollha għal annullament u għall-kumpens imressqa mill-appellant. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li ma kienx hemm lok li jintlaqgħu t-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet

A.   Il-proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

48.

Skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma żżommx seduta għas-sottomissjonijiet orali.

B.   It-talbiet tal-partijiet

49.

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

konsegwentement, tannulla d-deċiżjoni tad-Direttur tal-FRA tat-12 ta’ Novembru 2019 sabiex tinħareġ sanzjoni dixxiplinari ta’ tneħħija minn pożizzjoni, effettiva mill‑15 ta’ Novembru 2019; jekk meħtieġ, tannulla d-deċiżjoni tad-Direttur tal-FRA tal‑15 ta’ April 2020 li tiċħad l-ilment u tikkumpensa d-danni materjali u morali mġarrba mill-appellant;

tikkundanna lill-FRA għall-ispejjeż kollha.

50.

Il-FRA titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż kollha

V. Analiżi ġuridika

A.   Rimarki preliminari

51.

Kif indikajt fl-introduzzjoni, il-konklużjonijiet tiegħi ser jittrattaw biss ir-raba’ aggravju tal-appell. Jeħtieġ li jiġi rrilevat li din il-kawża hija kkaratterizzata minn ċerta kumplessità peress li l-fatti li wasslu għal din il-kawża kienu s-suġġett ta’ sentenzi mogħtija minn diversi qrati tal-Unjoni. Fl-interess li l-kwistjonijiet ġuridiċi fil-qalba ta’ din il-kawża jinftehmu aħjar, jidhirli li jkun għaqli li nagħti sunt konċiż tagħhom qabel ma nibda l-analiżi ġuridika fil-veru sens tal-kelma.

52.

Il-kwistjonijiet ġuridiċi inkwistjoni jirrigwardaw, fl-ewwel lok, ir-rekwiżiti li għandhom ikunu osservati fir-rigward tal-livell ta’ prova li jiġġustifika l-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva fil-kuntest ta’ proċedura dixxiplinari, fit-tieni lok, fuq il-grad ta’ preċiżjoni li biha l-amministrazzjoni għandha tidentifika n-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligi taħt ir-Regolamenti tal-Persunal li bihom ġie kkritikat l-uffiċjal ikkonċernat u, fit-tielet lok, fuq l-obbligu tal-amministrazzjoni li tippreċiża d-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolamenti tal-Persunal li ġew miksura. Fl-analiżi tiegħi, ser nispjega liema huma d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li jirregolaw il-proċedura dixxiplinari, u b’mod partikolari l-fażi tal-investigazzjoni, sabiex neżamina mbagħad jekk ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwiex konformi mar-rekwiżiti ta’ dan il-qafas regolamentari.

53.

B’mod iktar konkret, ser nuri li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal kienx regolari. Il-Qorti Ġenerali naqset, b’mod partikolari, li tindika b’mod ċar li l-ftuħ ta’ tali investigazzjoni kontra uffiċjal huwa ġġustifikata biss meta jkunu jeżistu raġunijiet għaliex wieħed jippreżupponi li dan naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal. Sa fejn il-Qorti Ġenerali tidher li titlaq mill-premessa li tali proċedura hija possibbli wkoll meta l-kwistjoni tkun tirrigwarda l-prosekuzzjoni għal allegat ksur tad-drittijiet tal-awtur, ir-raġunament tagħha huwa, fil-fehma tiegħi, ivvizzjat bi żball ta’ liġi.

B.   Fuq ir‑raba’ aggravju tal‑appell

1. L-argumenti tal-partijiet

54.

Permezz tar-raba’ aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punti 101, 106, 107, 111 sa 113 u 122 tas-sentenza appellata, wettqet diversi żbalji ta’ liġi kif ukoll żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, u żnaturat il-provi, waqt l-eżami tagħha dwar kemm il-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva kien regolari kif ukoll li ma pprovdietx motivazzjoni suffiċjenti f’dan ir-rigward.

55.

L-appellant isostni, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-punt 107 tas-sentenza appellata, inkwantu mid-dokumenti fil-proċess jirriżulta li l-konsultazzjoni tal-OLAF kienet annessa biss mar-rapport tad-Direttur tal-FRA u li l-appellant rċevih wara s‑27 ta’ Frar 2019. Konsegwentement, l-appellant ma ġiex informat bil-kontenut tal-konsultazzjoni tal-OLAD la waqt il-ftuħ tal-investigazzjoni fit‑23 ta’ Marzu 2018 u lanqas, barra minn hekk, waqt il-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari fit‑23 ta’ Ottubru 2018. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-appellant kien informat b’mod suffiċjenti waqt il-ftuħ tal-investigazzjoni u meta applikat b’analoġija l-ġurisprudenza tas-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2005, Rasmussen vs Il-Kummissjoni (T‑203/03, EU:T:2005:346).

56.

Huwa jsostni, fit-tieni lok, li l-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa l-kuntest ġuridiku li minnu jifforma parti l-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva. Skont l-appellant, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni tal-Artikolu 86(1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jsemmi l-provi dwar in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, li joħolqu suspett raġonevoli bbażat fuq prova prima facie. Il-verifika ta’ suspett raġonevoli ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi taħt ir-Regolamenti tal-Persunal fuq il-bażi ta’ prova prima facie tikkostitwixxi, għaldaqstant, l-unika għan leġittimu ta’ investigazzjoni amministrattiva. Barra minn hekk, l-appellant iqis li investigazzjoni amministrattiva hija, mid-definizzjoni tagħha, ipproċessar ta’ data li, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 45/2001, għandu jkun “għal għanijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi”.

57.

L-appellant iżid li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta affermat li l-Artikoli 1 u 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal ma jirrikjedux li l-Awtorità tal-Ħatra tippreċiża d-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolamenti tal-Persunal li jkunu nkisru, peress li din il-kwistjoni taqa’ pjuttost taħt l-Artikolu 86(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u taħt ir-Regolament Nru 45/2001. Fl-aħħar nett, l-appellant isostni li l-Artikolu 86(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li investigazzjoni amministrattiva tista’ tinfetaħ biss biex jiġi vverifikat ksur tar-Regolamenti tal-Persunal u mhux ksur tad-dritt fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, li huwa indipendenti mir-Regolamenti tal-Persunal.

58.

L-appellant isostni, fit-tieni lok, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 111 tas-sentenza appellata meta ma applikatx il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni (T‑48/05, EU:T:2008:257), ikkonfermata permezz tas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs Nanopoulos, (T‑308/10 P, EU:T:2012:370), li teżiġi li l-amministrazzjoni għandu jkollha elementi suffiċjentement preċiżi u rilevanti qabel ma tiftaħ proċedura dixxiplinari.

59.

Il-FRA teċċepixxi l-inammissibbiltà tar-raba’ aggravju u żżid li, fi kwalunkwe każ, huwa manifestament infondat. Hija ssostni li, fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, l-appellant jikkontesta biss l-evalwazzjonijiet fattwali filwaqt li jipprova jippreżentahom bħala argument ġuridiku. B’mod iktar preċiż, hija ssostni, essenzjalment, li l-punt dwar jekk, minn naħa, kienx jeżisti jew le suspett raġonevoli ta’ ksur dixxiplinari bbażat fuq provi u, min-naħa l-oħra, jekk l-appellant kienx f’pożizzjoni li jifhem l-akkużi kontrih, hija waħda dwar punti ta’ fatt.

2. Evalwazzjoni

a) Fuq il-qafas regolamentari li jirregola l-investigazzjoni amministrattiva

60.

Qabel ma neżamina fil-fond il-kwistjonijiet ġuridiċi li tqajjem din il-kawża, jidhirli li huwa meħtieġ li jiġi espost fil-qosor il-qafas regolamentari li jirregola l-investigazzjoni amministrattiva fil-qasam dixxiplinari.

61.

Qabel kollox, jeħtieġ li jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 86(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, “Regoli, proċeduri u miżuri dixxiplinarji, u r-regoli u l-proċeduri li jkopru l-investigazzjonijiet amministrattivi mniżżla fl-Anness IX” ta’ dawn ir-regolamenti (enfasi miżjuda minni). Mid-dispożizzjonijiet li jinsabu f’dan l-anness jirriżulta li l-proċedura dixxiplinari tinkludi żewġ fażijiet distinti, l-ewwel waħda magħmula mill-investigazzjoni amministrattiva inkriminanti u skaġunanti, mibdija b’deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra u magħluqa, wara li l-persuna kkonċernata tkun ġiet mismugħa fuq il-fatti li bihom tkun akkużata, b’rapport tal-investigazzjoni, u t-tieni fażi magħmula mill-proċedura dixxiplinari fil-veru sens tal-kelma, mibdija mill-Awtorità tal-Ħatra fuq il-bażi ta’ dan ir-rapport ta’ investigazzjoni u li tippreżupponi li l-uffiċjal jkun mismugħ qabel ma din tadotta sanzjoni fil-konfront tiegħu ( 2 ).

62.

Fil-konklużjonijiet li jien ippreżentajt fil-kawża DD vs FRA (C‑587/21 P), kelli l-opportunità li nippronunzja ruħi fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-għan tiegħu huwa li jirregola l-għażliet li għandha l-amministrazzjoni fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni. Din il-kawża hija differenti mill-kawża msemmija iktar ’il fuq inkwantu din tirrigwarda l-possibbiltà li tinfetaħ investigazzjoni amministrattiva. Għaldaqstant, din tirrigwarda l-fażi inizjali tal-proċedura rregolata f’dan l-anness.

63.

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 86(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, “[f]ejn l-Awtorità tal-Ħatra jew [l-OLAF] isiru jafu b’evidenza [provi li jippreżumu l-eżistenza] ta’ nuqqas fis-sens tal-paragrafu 1, jistgħu jibdew inve[s]tigazzjonijiet amministrattivi biex jivverifikaw jekk it-tali nuqqas sarx” (enfasi miżjuda minni). Skont kliem dan il-paragrafu 1, “[k]ull nuqqas minn uffiċjal jew minn dak li qabel kien uffiċjal biex iħares l-obbligi tiegħu taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kemm jekk intenzjonalment jew b’negliġenza min-naħa tiegħu, tista’ tittieħed azzjoni kontrih” (enfasi miżjuda minni). Il-qari konġunt taż-żewġ paragrafi jippermetti għaldaqstant li jiġi konkluż li l-Artikolu 86(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jagħti lill-amministrazzjoni s-setgħa li tiftaħ investigazzjoni bbażata fuq allegat nuqqas tal-uffiċjal li jwettaq obbligi taħt ir-Regolamenti tal-Persunal. Il-kwistjoni dwar jekk il-proċedura dixxiplinari tistax tkun estiża għall-prosekuzzjoni ta’ tipi oħra ta’ nuqqasijiet, bħall-ksur tad-drittijiet tal-awtur, kif jidher li jissuġġerixxu diversi affermazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, jistħoqqilha, fil-fehma tiegħi, analiżi fil-fond fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet.

64.

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li d-deċiżjoni dwar il-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju, li jista’ jsir ilment dwaru u mbagħad, jekk ikun il-każ, rikors għal annullament quddiem il-qorti tal-Unjoni ( 3 ). Fil-fatt, kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni, l-għan tal-investigazzjoni huwa preċiżament li tippermetti li l-Awtorità tal-Ħatra tivverifika l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li bihom huma obbligati l-uffiċjali, ħaġa li teskludi li l-amministrazzjoni tkun diġà fformat opinjoni definittiva. F’dan il-kuntest, lanqas ma għandu jintesa li l-uffiċjal ikkonċernat jibbenefika mill-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, li jeżiġi mill-amministrazzjoni li tibqa’ lura fil-kummenti tagħha matul il-proċedura dixxiplinari kollha. Skont l-għan imfakkar iktar ’il fuq, l-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jimponi tali investigazzjoni bħala prerekwiżit obbligatorju f’kull proċedura dixxiplinari ( 4 ).

65.

Għalkemm l-istituzzjonijiet għandhom setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa għal dak li jikkonċerna l-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva, madankollu għandu jkun hemm suspett raġonevoli li twettaq ksur dixxiplinari ( 5 ). Fi kliem ieħor, huma għandu jkollhom “prova prima facie” fir-rigward tal-persuna kkonċernata ( 6 ). Sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-uffiċjal, l-amministrazzjoni għandha tiżgura li, qabel ma tiftaħ investigazzjoni, hija jkollha indizji li jindikaw, fir-rigward tal-persuna kkonċernata, nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tagħha taħt ir-Regolamenti tal-Persunal u, qabel ma tibda l-proċedura dixxiplinari, elementi suffiċjentement preċiżi u rilevanti biex jikkorroboraw is-suspetti tagħha. Fil-fatt, jidher li huwa imperattiv li jkun impost tali rekwiżit għall-ftuħ ta’ investigazzjoni, fid-dawl tal-konsegwenzi serji u irrevokabbli li jistgħu jirriżultaw minn proċedura dixxiplinari ( 7 ).

66.

Fil-konklużjonijiet li jien ippreżentajt fil-kawża DD vs FRA (C‑587/21 P), jien ġbidt l-attenzjoni fuq ir-riskju ta’ preġudizzju għall-unur u r-reputazzjoni professjonali tal-uffiċjal ikkonċernat. F’dan il-kuntest, irrilevajt li l-amministrazzjoni kellha l-obbligu li tivverifika l-veraċità u l-gravità tal-fatti li dan tal-aħħar kien akkużat bihom qabel ma tieħu d-deċiżjoni għall-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari. Insostenn tal-argument tiegħi, jien iċċitajt diversi dispożizzjonijiet mill-Anness IX – jiġifieri l-Artikolu 22(2), l-Artikolu 27 u l-Artikolu 29 – li juru ċar li l-leġiżlatur tar-Regolamenti tal-Persunal kien perfettament konxju mill-effett negattiv li l-ftuħ mhux iġġustifikat ta’ proċedura dixxiplinari jista’ jkollu fuq ir-reputazzjoni ta’ uffiċjal ( 8 ).

67.

Minn naħa, għandhom jiġu imposti rekwiżiti stretti fir-rigward tal-livell ta’ prova, meħud inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li jkunu protetti d-drittijiet tal-uffiċjal ikkonċernat. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punti preċedenti jirrigwardaw sitwazzjoni fejn il-proċedura dixxiplinari fil-veru sens tal-kelma tkun diġà nfetħet, filwaqt li din il-kawża tirrigwarda pjuttost il-kwistjoni tal-limitu meħtieġ biex ikun iġġustifikat il-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva. Peress li l-għan ta’ tali investigazzjoni huwa preċiżament li jippermetti li l-amministrazzjoni tivverifika l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li bihom huma marbutin l-uffiċjali, jidhirli li ma jkunx raġonevoli li l-istess rekwiżiti jiġu imposti fiż-żewġ stadji tal-proċedura. Jidher li jkun iktar raġonevoli li jingħata ċerta marġni ta’ evalwazzjoni lill-amministrazzjoni fl-istadju inizjali tal-proċedura. Din il-kwistjoni ser tkun ukoll is-suġġett ta’ analiżi fil-fond fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet.

b) Fuq l‑obbligi tal-uffiċjal li l‑ksur tagħhom jista’ jkun is‑suġġett ta’ investigazzjoni amministrattiva

68.

L-ewwel kwistjoni li għandha tiġi eżaminata tikkonċerna l-obbligi tal-uffiċjal li l-ksur tagħhom jista’ jkun is-suġġett ta’ investigazzjoni amministrattiva. Kif indikajt qabel, l-Artikolu 86(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jagħmel riferiment għal “obbligi tiegħu [tal-uffiċjal] taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal” (enfasi miżjuda minni). It-termini użati fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha ma jħallu ebda dubju, fil-fehma tiegħi, fuq il-fatt li dawn jirreferu għall-obbligi li joħorġu speċifikament mir-Regolamenti tal-Persunal. Tali konklużjoni hija loġika, peress li r-regoli li jirregolaw ir-relazzjoni bejn l-uffiċjal u l-istituzzjoni tiegħu ġew, fil-parti l-kbira tagħhom, ikkodifikati fir-Regolamenti tal-Persunal.

69.

Għalkemm ir-regoli ta’ dritt li jirregolaw is-servizz pubbliku jinsabu fil-livelli kollha tal-ġerarkija tan-normi tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, xorta waħda jibqa’ l-fatt li r-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxu t-test ċentrali tas-sistema applikabbli għall-uffiċjali li jaħdmu fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkwantu dawn jistabbilixxu b’mod iddettaljat, inter alia, x’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tagħhom ( 9 ). Dan japplika wkoll għall-Kundizzjonijiet tal-Impjieg, għal dak li jikkonċerna l-aġenti l-oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari meta dawn jipprevedu applikazzjoni b’analoġija tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal għall-aġenti, li huwa l-każ tal-Artikoli 11 sa 26a ( 10 ).

70.

Min-naħa l-oħra, it-teżi li tgħid li l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha l-obbligu li tieħu azzjoni anki fir-rigward ta’ ksur ieħor tad-dritt, inkluż tad-dritt nazzjonali fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, jidhirli li ma tantx hija konvinċenti. Dan japplika iktar u iktar meta ma hemmx ċertezza, f’din il-kawża, li dan il-ksur tad-dritt nazzjonali jinvolvi konsegwenzi kriminali ( 11 ), ħaġa li tqajjem eventwalment il-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-Artikolu 23 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jgħid li l-uffiċjali u l-aġenti tal-Unjoni huma obbligati “jħarsu l-liġijiet u r-regoli tal-pulizija fis-seħħ”, li jinkludu d-dritt kriminali ( 12 ). Fil-fatt, ma hijiex biss il-formulazzjoni tal-Artikolu 86(2) tar-Regolamenti tal-Persunal li tmur kontra din it-teżi, iżda l-għan innifsu tas-sistema dixxiplinari li tirrigwarda biss ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn l-uffiċjal u l-istituzzjoni. Huwa minnu li dan il-fatt ma jeskludix li l-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-uffiċjal ikun suġġetti għall-osservanza ta’ ċerta regoli li ma humiex espressament previsti fir-Regolamenti tal-Persunal, bil-konsegwenza li l-ksur tagħhom iwassal għal miżuri dixxiplinari.

71.

F’dan ir-rigward, huwa madankollu neċessarju li dawn ir-regoli jsiru parti kostituttiva tal-istrument ġuridiku li jistabbilixxi r-relazzjoni ta’ xogħol, peress li inkella ma jkunx żgurat li l-uffiċjal ikun marbut bihom. Barra minn hekk, dawn għandhom ikunu regoli li jikkonkretizzaw l-obbligi previsti fl-Artikoli 11 et seq tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod suffiċjentement preċiż sabiex jiġi ggarantit li l-uffiċjal isir jaf bihom u biex jiżgura l-osservanza sħiħa tagħhom. Tali approċċ jidhirli li huwa indispensabbli, speċjalment meta l-Artikoli 11 et seq tar-Regolamenti tal-Persunal huma fformulati f’termini pjuttost astratti u ġenerali, li spiss jużaw kunċetti ġuridiċi indeterminati, kif ġustament jirrileva l-appellant. Din hija preċiżament ir-raġuni li għaliha l-kontenut ta’ ċerti obbligi tal-uffiċjal huwa s-suġġett ta’ żviluppi u ta’ preċiżazzjonijiet fil-kodiċijiet ta’ kondotta tajba adottati mill-istituzzjonijiet ( 13 ).

72.

L-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-qalba tal-eżami tal-Qorti Ġenerali, ġie interpretat mill-qrati tal-Unjoni fis-sens li din id-dispożizzjoni hija intiża li tiggarantixxi li l-uffiċjali, f’aġirhom, jippreżentaw immaġni ta’ dinjità konformi mal-kondotta partikolarment korretta u rispettabbli li wieħed għandu dritt jistenna mill-membri ta’ servizz pubbliku internazzjonali u li l-imsemmija dispożizzjoni tikkostitwixxi, l-istess bħall-Artikoli 11 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal, waħda mill-espressjonijiet speċifiċi tal-obbligu ta’ lealtà li huwa impost fuq kull uffiċjal. Fil-fatt, l-obbligu ta’ lealtà jimponi mhux biss li l-uffiċjal ikkonċernat jastjeni minn kondotti li jippreġudikaw id-dinjità tal-kariga u r-rispett dovut lill-istituzzjoni u lill-awtoritajiet tagħha, imma wkoll, speċjalment jekk huwa jkollu grad għoli, li huwa juri aġir nieqes minn kull suspett, sabiex ir-rabtiet ta’ fiduċja li jeżistu bejn din l-istituzzjoni u bejnu jkunu dejjem ippreżervati ( 14 ). Utli kemm hija utli din il-ġurisprudenza biex wieħed jifhem is-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija ma tistax tissostitwixxi l-obbligi ta’ xogħol preċiżament iddefiniti mill-istituzzjoni f’atti ġuridiċi interni.

73.

Fil-fatt, livell ikbar ta’ preċiżjoni għal dak li jikkonċerna d-definizzjoni tal-obbligi ta’ uffiċjal huwa essenzjali biex jiġu evitati r-riskji ta’ aġir abbużiv min-naħa tal-amministrazzjoni. Meħuda inkunsiderazzjoni s-setgħa li l-amministrazzjoni għandha biex tadotta miżuri dixxiplinari kontra l-uffiċjal, dan tal-aħħar għandu jkollu l-fakultà li jitlob stħarriġ ġudizzjarju ta’ tali miżuri. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi nnotat li għalkemm id-deċiżjoni li tinfetaħ proċedura dixxiplinari ma hijiex meqjusa bħala att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, hija tista’ madankollu tiġi kkontestata b’mod inċidentali fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra deċiżjoni dixxiplinari finali li tikkawża preġudizzju lill-uffiċjal ( 15 ).

74.

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li l-proċedura dixxiplinari tkun ingħalqet mingħajr ma ġiet imposta sanzjoni dixxiplinari lill-uffiċjal inkwistjoni ma jistax jimpedixxi lill-qorti tal-Unjoni milli tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni li tkun fetħet il-proċedura dixxiplinari kontra l-persuna kkonċernata ( 16 ). Issa, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta, ikun ippreġudikat serjament kieku l-qorti tal-Unjoni ma tkunx f’pożizzjoni li tivverifika hija stess jekk l-uffiċjal ikkonċernat naqasx effettivament milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, kif ikkonkretizzati, jekk ikun il-każ, minn atti ġuridiċi interni. Id-definizzjoni minn qabel u suffiċjentement iddettaljata tal-obbligi tal-uffiċjal tikkontribwixxi għaldaqstant biex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

75.

Għal dak li jikkonċerna l-każ ineżami, jeħtieġ li jiġi nnotat li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 16 tas-sentenza appellata, tindika li l-għan tal-investigazzjoni kien li tiddetermina jekk ir-Regolamenti tal-Persunal jew id-dritt tal-proprjetà intellettwali kinux ġew miksura. F’dan ir-rigward, nikkonstata li l-Qorti Ġenerali la ddeċidiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u lanqas dwar il-possibbiltà li din id-dispożizzjoni tista’ teskludi kull possibbiltà li jinbdew proċeduri għall-ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali fil-kuntest ta’ proċedura dixxiplinari, kif spjegajt fil-punti preċedenti. Għalkemm il-Qorti Ġenerali ssemmi l-Artikoli 11, 12 jew 21 tar-Regolamenti tal-Persunal, xorta waħda jibqa’ l-fatt li hija nnifisha tammetti, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, li l-“plaġjariżmu” ma huwiex elenkat bħala aġir illeċitu f’dawn id-dispożizzjonijiet. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali ma jippermettix għaldaqstant li jkun magħruf b’mod ċar jekk l-appellant huwiex akkużat bi ksur tad-drittijiet tal-awtur, kif irregolati mid-dritt Awstrijak, jew b’nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tiegħu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal.

76.

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi nnotat li fil-punti 66 et seq tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali teżamina jekk l-aġir tal-appellant setgħax jippreġudika d-dinjità tal-kariga tiegħu, skont l-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, ir-raġunament li jirriżulta mill-punt 68 tas-sentenza appellata ma jurix fuq liema strument ġuridiku l-Qorti Ġenerali bbażat il-konklużjoni tagħha. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali tidħol f’kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali fuq il-kunċett tal-“plaġjariżmu” fl-oqsma tal-arti u tal-letteratura, biex imbagħad takkuża lill-appellant b’nuqqas ta’ professjonaliżmu. L-assenza ta’ identifikazzjoni preċiża tal-obbligu li allegatament inkiser mill-appellant twassal biex wieħed jippreżumi li fir-realtà din hija kwistjoni ta’ sanzjoni ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur.

77.

Fil-punt 70 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tistrieħ fuq il-grad tal-uffiċjal, kif ukoll fuq il-fatt li dan tal-aħħar kien jokkupa pożizzjoni ta’ responsabbiltà u li l-FRA kienet fdatlu l-kompitu li jwettaq riċerki u analiżi legali u li jipprovdi pariri fil-qasam tal-iżvilupp tal-politiki. Xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-Qorti Ġenerali tonqos milli ssemmi dispożizzjoni preċiża, meħuda mir-Regolamenti tal-Persunal jew minn atti ġuridiċi interni tal-FRA, li tafferma li l-fatt li ma ssirx referenza għas-sorsi ta’ dokument huwa meqjus bħala li jikser ir-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal. Din l-ommissjoni hija iktar gravi peress li l-konsegwenzi professjonali għall-appellant kienu serji. Jeħtieġ li jitfakkar li l-proċedura dixxiplinari wasslet għal sanzjoni ta’ tneħħija minn pożizzjoni, sanzjoni li tingħata biss fil-każijiet l-iktar gravi ( 17 ).

78.

Fil-punt 72 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tirreferi għar-“regoli interni fil-qasam tal-pubblikazzjoni u l-produzzjoni tar-riżultati”, mingħajr madankollu ma tindika x’inhu l-valur ġuridiku ta’ dan id-dokument fl-ordinament ġuridiku intern tal-FRA. Il-Qorti Ġenerali tafferma li l-importanza li tingħata r-referenza tas-sorsi toħroġ b’mod ċar minn dawn ir-regoli. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tonqos milli tiċċita l-formulazzjoni preċiża tar-regola inkwistjoni u milli tispjega jekk kull ksur ta’ dawn ir-regoli jitqies bħala li jwassal awtomatikament għas-sanzjonijiet dixxiplinari. Fuq il-bażi tal-interpretazzjoni stretta sostnuta mill-Qorti Ġenerali, dan jidher li huwa l-każ. Issa, biex tali dokument jkun jista’ jikkostitwixxi l-bażi legali li tippermetti li jiġu imposti tali miżuri kontra l-uffiċjal, il-valur legali tiegħu għandu jkun iċċarat b’mod preċiż, kjarifika li l-Qorti Ġenerali naqset manifestament milli tagħmel.

79.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tidher li tibbaża ruħha fuq argument ibbażat fuq in-natura tal-pożizzjoni tal-appellant, li timplika li dan kellu bilfors għarfien tal-allegat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tiegħu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal. Peress li dan l-argument jidher li huwa intiż li jeżenta lill-Qorti Ġenerali mill-obbligu li tispeċifika eżattament l-oriġini ta’ dan l-obbligu, nikkunsidra li r-raġunament espost fil-punti 53 sa 76 tas-sentenza appellata ma huwiex koerenti. Il-kritika tal-appellant li tikkontesta l-approċċ segwit mill-Qorti Ġenerali, fl-opinjoni tiegħi, jidher li hija, għaldaqstant, iġġustifikata.

80.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li jingħad, f’dan l-istadju tal-analiżi, li l-Qorti Ġenerali naqset milli tindika li huma biss in-nuqqasijiet ta’ twettiq, minn uffiċjal, tal-obbligi tiegħu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ investigazzjoni amministrattiva. Il-Qorti Ġenerali kellha tispjega li dan il-fatt ma jeskludix li tali investigazzjoni tista’ tkun estiża għal ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, sa fejn l-osservanza ta’ dawn ir-regoli taqa’ taħt l-obbligi tal-uffiċjal, ħaġa li għandha madankollu tkun prevista b’mod espliċitu fl-istrumenti ġuridiċi li jirregolaw ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn l-uffiċjal u l-istituzzjoni li timpjegah ( 18 ).

81.

Issa, il-Qorti Ġenerali astjeniet ruħha milli tiddeċiedi fuq in-natura ġuridika tar-“regoli interni fil-qasam tal-pubblikazzjoni u l-produzzjoni tar-riżultati” imsemmija iktar ’il fuq, li jimponu l-obbligu li ssir referenza għas-sorsi ta’ dokument. Inkwantu l-Qorti Ġenerali ma tieħux inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tad-dritt tas-servizz pubbliku, b’mod partikolari, il-ħtieġa li l-uffiċjal ikun konxju mill-portata tal-obbligi tiegħu lejn l-istituzzjoni li timpjegah, qabel ma jkun jista’ jkun is-suġġett ta’ proċedura dixxiplinari, ir-raġunament tagħha huwa, fil-fehma tiegħi, ivvizzjat bi żball ta’ liġi.

c) Dwar ir‑rekwiżit ta’ “prova prima facie” biex tinfetaħ investigazzjoni amministrattiva

82.

Kwistjoni ġuridika oħra li għandha tiġi eżaminata tikkonċerna r-rekwiżit ta’ “prova prima facie” li tiġġustifika l-ftuħ ta’ tali investigazzjoni. Kif indikajt waqt l-espożizzjoni tiegħi dwar il-qafas regolamentari li jirregola l-investigazzjoni amministrattiva, jeħtieġ li jkun hemm suspett raġonevoli li jkun twettaq ksur dixxiplinari. L-amministrazzjoni għandha tiżgura ruħha li hija jkollha, qabel ma tiftaħ investigazzjoni, indizji li jindikaw, fir-rigward tal-persuna kkonċernata, nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tagħha taħt ir-Regolamenti tal-Persunal. Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, l-amministrazzjoni għandha tingħata ċerta marġni ta’ evalwazzjoni fl-istadju inizjali tal-proċedura ( 19 ). Fl-aħħar nett, ma hemmx bżonn jingħad li jeħtieġ li jiġi eżaminat f’kull każ individwali jekk il-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta’ tali investigazzjoni humiex issodisfatti.

83.

F’dan il-każ, l-appellant jinvoka l-assenza ta’ prova prima facie li tiġġustifika l-ftuħ tal-investigazzjoni mmexxija kontrih. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi nnotat, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali effettivament la ddeċidiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas fuq il-possibbiltà li din id-dispożizzjoni tista’ teskludi kull possibbiltà ta’ prosekuzzjoni għal ksur tad-drittijiet tal-awtur fil-kuntest ta’ proċedura dixxiplinari. Madankollu, li kieku l-Qorti Ġenerali kienet ħadet pożizzjoni fuq dan il-punt, kien ikun possibbli li tiġi eskluża l-prova prima facie li tiġġustifika l-ftuħ ta’ investigazzjoni, mill inqas f’dak li jikkonċerna l-ksur tad-dritt Awstrijak fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur.

84.

Fil-fatt, kif jindika, ġustament, l-appellant, il-kunċett ta’ “prova prima facie”jeżiġi loġikament klassifikazzjoni ġuridika. Għal din ir-raġuni, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li l-FRA kienet kisret ir-regoli tas-sistema dixxiplinari peress li l-Artikolu 86(2) tar-Regolamenti tal-Persunal ma jippermettix, bħala prinċipju, li jkun hemm proċeduri għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur. L-assenza ta’ tali konstatazzjoni turi li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx b’mod korrett il-legalità tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni kontra l-appellant, ħaġa li tikkostitwixxi żball ta’ evalwazzjoni.

85.

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ffukat l-eżami tagħha fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi taħt ir-Regolament tal-Persunal allegat mill-FRA. B’mod iktar preċiż, il-Qorti Ġenerali semmiet l-Artikoli 11, 12 jew 21 tar-Regolamenti tal-Persunal, u interessat ruħha b’mod partikolari fl-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex tivverifika jekk kinux jeżistu indizji suffiċjenti biex tikkonkludi li l-aġir tal-appellant setax jippreġudika d-dinjità tal-kariga tiegħu. Madankollu, kif diġà rrilevajt fil-punti preċedenti, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina x’kien il-valur ġuridiku tar-“regoli interni fil-qasam tal-pubblikazzjoni u l-produzzjoni tar-riżultati” u jekk ksur ta’ dawn ir-regoli kienx suffiċjenti biex jiġġustifika l-ftuħ ta’ investigazzjoni kontra l-appellant. Issa, tali approċċ kien iktar meħtieġ peress li l-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa fformulat f’termini pjuttost ġenerali u juża kunċetti ġuridiċi indeterminati. Il-fatt li l-obbligu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal li allegatament inkiser mill-appellant ma ġiex identifikat b’mod preċiż juri, fil-fehma tiegħi, li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx fid-dettall jekk il-kundizzjonijiet biex il-FRA tiftaħ tali investigazzjoni kinux issodisfatti.

86.

Fil-fehma tiegħi, anki r-rikonoxximent ta’ ċerta setgħa ta’ evalwazzjoni ma jeżentax lill-amministrazzjoni mill-obbligu li turi li jeżistu provi suffiċjenti li jippreżumu l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-fatt, iktar ma l-akkuża miġjuba kontra l-uffiċjal hija gravi, iktar huwa importanti li dan l-obbligu jkun issodisfatt. Naturalment, dan japplika iktar u iktar għall-obbligu minn qabel li s-suġġett tal-investigazzjoni jiġi ddefinit bl-iktar mod preċiż possibbli, fid-dawl tar-riskju ta’ preġudizzju għall-unur u r-reputazzjoni professjonali tal-uffiċjal ikkonċernat. Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, kif ukoll taċ-ċertezza legali, jeżiġi li l-uffiċjal jitpoġġa f’pożizzjoni li jifhem l-akkuża miġjuba kontrih u jressaq elementi skaġunanti ( 20 ).

87.

Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet jidher li ġew injorati fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Din tal-aħħar tidher pjuttost li segwiet il-pożizzjoni tal-FRA mingħajr ma evalwat il-fatti fid-dawl tar-regoli tas-sistema dixxiplinari. Konsegwentement, sa fejn il-Qorti Ġenerali kisret ir-rekwiżiti li jirrigwardaw il-livell tal-prova meħtieġ mill-Artikolu 86(2) tar-Regolamenti tal-Persunal biex tiġġustifika l-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva, ir-raġunament tagħha għandu jitqies bħala li huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi.

d) Fuq l-obbligu li jiġu ppreċiżati d-dispożizzjonijiet li bil-ksur tagħhom jinsab akkużat l-uffiċjal

88.

Jeħtieġ li jiġi eżaminat imbagħad jekk l-amministrazzjoni hijiex obbligata li tippreċiża, waqt il-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva, liema huma d-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolamenti tal-Persunal li ġew miksura. Din il-kwistjoni hija marbuta mal-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 106 tas-sentenza appellata, li tqis li l-Artikoli 1 u 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal ma jimponux tali obbligu.

89.

Madankollu, jidhirli li dan l-argument ma huwiex suffiċjenti, minnu nnifsu, biex jeżenta lill-amministrazzjoni mill-obbligu li tinforma lill-uffiċjal ikkonċernat bl-iktar mod preċiż possibbli fuq is-suġġett tal-investigazzjoni, u b’mod partikolari bl-akkużi mressqa kontrih. Ir-risposta għal din id-domanda teżiġi pjuttost li d-dispożizzjonijiet tas-sistema dixxiplinari jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-intier tagħhom. Mill-eżami ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-amministrazzjoni għandu jkollha indikazzjonijiet suffiċjenti li jissuġġerixxu li l-persuna kkonċernata naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt ir-Regolamenti tal-Persunal qabel ma tiftaħ investigazzjoni. Meħud inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kunċett ta’ “prova prima facie” jeżiġi klassifikazzjoni ġuridika, huwa loġiku li wieħed jippreżumi li l-amministrazzjoni għandha wkoll tkun laħqet ċerta grad ta’ konvinzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li, fil-fehma tagħha, ġew miksura. Fi kliem ieħor, jidher inkonċepibbli li l-amministrazzjoni tista’ tiftaħ investigazzjoni mingħajr ma jkollha mill-inqas ċerta idea tad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-każ speċifiku. Ċertament, dan ma jeskludix li l-amministrazzjoni tkun obbligata timmodifika sussegwentement il-fehma ġuridika tagħha, skont l-informazzjoni miksuba matul l-investigazzjoni, imma xejn ma jindika li dan kien il-każ f’din il-kawża.

90.

Bl-istess mod, fil-punt 106 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali fakkret li, skont il-ġurisprudenza tagħha, in-nuqqas ta’ indikazzjoni espliċita, waqt il-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari, tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li finalment jiġi kkonstatat il-ksur tagħhom ma jippreġudikax id-difiża tal-uffiċjal jew tal-aġent ikkonċernat jekk l-ilmenti fformulati waqt dan il-ftuħ ippermettewlu li jsir jaf preċiżament bid-dispożizzjonijiet li huwa kien akkużat li kiser. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li tali soluzzjoni tapplika, a fortiori, għad-deċiżjonijiet ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni. Issa, din il-ġurisprudenza ma jidhirlix li tikkontradixxi l-kunsiderazzjonijiet esposti preċedentement, dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tad-difiża tal-uffiċjal, peress li din tirrigwarda sitwazzjoni speċifika, jiġifieri, dik fejn, minkejja li l-uffiċjal ikkonċernat ma kienx espressament informat bil-ksur li bih kien akkużat, huwa mill-inqas jinsab f’pożizzjoni li jifhem liema dispożizzjonijiet huma inkwistjoni.

91.

B’differenza mill-kawża Rasmussen vs Il-Kummissjoni (T‑203/03), li kienet tikkonċerna dikjarazzjonijiet foloz tal-uffiċjal, ikkunsidrati ġustament bħala aġir li jista’ jippreġudika d-dinjità tal-kariga tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal, din il-kawża tikkonċerna sitwazzjoni li fiha aġent ma għamilx ir-referenza għas-sorsi ta’ dokument. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatata li l-opinjonijiet tal-partijiet huma nettament diverġenti fuq l-eżistenza ta’ obbligu vinkolanti f’dan is-sens. Quddiem din il-konstatazzjoni, jidhirli li l-applikabbiltà ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal inkwistjoni ma hijiex daqshekk ċara kif tippretendi l-Qorti Ġenerali.

92.

B’mod partikolari, il-fatt li l-FRA bbażat l-investigazzjoni miftuħa kontra r-rikorrenti fuq ksur tad-dispożizzjonijiet Awstrijaċi fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u, simultanjament, ta’ diversi dispożizzjonijiet taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, juri li l-FRA ma kinitx ċerta mill-klassifikazzjoni ġuridika tal-ksur allegat. Jekk wieħed jippreżumi li din l-ipoteżi hija korretta, jidher li ma huwiex raġonevoli li jkun rikjest li l-uffiċjal ikkonċernat innifsu jagħmel il-klassifikazzjoni ġuridika meħtieġa, meta dan il-kompitu jaqa’ taħt ir-responsabbiltà biss tal-istituzzjoni. Għal dawn ir-raġunijiet, nikkunsidra li l-ġurisprudenza msemmija mill-Qorti Ġenerali ma hijiex trasponibbli għall-każ preżenti.

93.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li jeħtieġ li jiġu miċħuda l-argumenti tal-Qorti Ġenerali insostenn tat-teżi li tgħid li l-amministrazzjoni ma hijiex obbligata tippreċiża, waqt il-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva, liema huma d-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolamenti tal-Persunal li, skont l-amministrazzjoni, ġew miksura. Kif irrilevajt fl-analiżi tiegħi, l-impożizzjoni ta’ tali obbligu tirriżulta li hija indispensabbli sabiex jiġu żgurati kemm is-salvagwardja tad-drittijiet tad-difiża tal-uffiċjal ikkonċernat fil-kuntest tal-proċedura dixxiplinari, kif ukoll stħarriġ ġudizzjarju effettiv mill-qorti tal-Unjoni.

94.

Għalkemm huwa neċessarju li l-amministrazzjoni tingħata ċerta setgħa ta’ evalwazzjoni, b’mod partikolari fl-istadju inizjali tal-proċedura, fid-dawl tal-inċertezza eventwali fir-rigward tal-fatti, dan ma jfissirx li l-amministrazzjoni tista’ tevita l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-interess tal-uffiċjal li ma jkunx is-suġġett ta’ prosekuzzjonijiet illeġittimi, li jistgħu jkunu ta’ ħsara għar-reputazzjoni professjonali tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-amministrazzjoni ġġorr responsabbiltà kbira meta hija tiddeċiedi li tiftaħ jew ma tiftaħx investigazzjoni. Il-fatt li l-amministrazzjoni tkun permessa twettaq tali investigazzjoni kontra uffiċjal mingħajr ma dan ikun jaf eżattament dak li huwa akkużat bih u dan eventwalment għal perijodu indeterminat, jiftaħ, fil-fehma tiegħi, il-bieb għall-arbitrarjetà. Dan ikollu l-konsegwenza li l-uffiċjal ikun suġġett għal suspett ġenerali mingħajr ma jkun jista’ jiċħad ebda suspett. Tali approċċ jidhirli li huwa inkompatibbli mal-garanziji proċedurali previsti mid-dritt tal-Unjoni.

95.

Ċertament, l-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi d-dritt tal-uffiċjal li jkun mismugħ fi tmiem l-investigazzjoni, ħaġa li timplika, bħala prinċipju, il-possibbiltà li jsir jaf bl-akkużi kollha mressqa kontrih u li jressaq l-argumenti ta’ difiża tiegħu. Madankollu, nikkunsidra li, fid-dawl tar-riskji msemmija iktar ’il fuq, ikun inaċċettabbli li l-uffiċjal ikun mitlub jistenna tmiem l-investigazzjoni biex ikun jaf b’ċertezza liema ksur huwa akkużat bih. Min-naħa l-oħra, iċ-ċertezza legali tkun żgurata aħjar jekk l-uffiċjal ikkonċernat jiġi informat bil-ksur mill-iktar kmieni u bl-iktar mod preċiż possibbli. Dan jippreżumi loġikament li d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal applikabbli jiġu indikati lilu fl-istadju inizjali tal-proċedura. Dan huwa meħtieġ iktar u iktar f’ċirkustanzi relattivament sempliċi bħalma huma dawk ta’ din il-kawża, li ma jeħtiġux xi kjarifika partikolari tal-fatti.

96.

Għalkemm il-Qorti Ġenerali tidher li taqbel ma’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, fil-punt 104 tas-sentenza appellata, xorta waħda jibqa’ l-fatt li hija straħet finalment fuq argumenti mhux validi biex tevita li teżamina jekk il-ftuħ tal-investigazzjoni kienx regolari. B’mod iktar konkret, il-Qorti Ġenerali astjeniet milli tivverifika jekk il-FRA kinitx identifikat b’mod korrett id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal applikabbli għall-każ preżenti. Hija llimitat ruħha li ssemmi l-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq sabiex tiġġustifika li l-FRA ma kinitx semmiet l-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal fid-deċiżjoni tagħha għall-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva fir-rigward tal-aġir tal-appellant, minkejja li din il-ġurisprudenza ma kinitx rilevanti. Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat, għall-finijiet tal-eżami tar-raba’ aggravju tal-appell, li r-raġunament tagħha huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi.

3. Konklużjoni intermedja

97.

L-iżbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali u stabbiliti fil-kuntest tal-analiżi esposta f’dawn il-konklużjonijiet jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li, bħala prinċipju, huma biss in-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligi taħt ir-Regolamenti tal-Persunal li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ investigazzjoni amministrattiva. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali injorat ir-rekwiżiti fir-rigward tal-livell ta’ prova meħtieġ mill-Artikolu 86(2) tar-Regolamenti tal-Persunal biex tiġġustifika l-ftuħ ta’ tali investigazzjoni. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-amministrazzjoni hija obbligata tippreċiża, f’dan l-istadju tal-proċedura, liema huma d-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolamenti tal-Persunal li ġew miksura mill-uffiċjal ikkonċernat.

VI. Konklużjoni

98.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-raba’ aggravju tal-appell huwa fondat.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2021, Bernaldo de Quirós vs Il‑Kummissjoni (C‑583/19 P, EU:C:2021:844, punt 56).

( 3 ) Sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2003, Pessoa e Costa vs Il‑Kummissjoni (T‑166/02, EU:T:2003:73, punt 59), u tat‑8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni (T‑48/05, EU:T:2008:257, punt 367).

( 4 ) Sentenza tal‑14 ta’ Frar 2017, Kerstens vs Il‑Kummissjoni (T‑270/16 P, EU:T:2017:74, punti 61 u 62).

( 5 ) Sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2010, A u G vs Il‑Kummissjoni (F‑124/05 u F‑96/06, EU:F:2010:2, punti 173188).

( 6 ) Sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2013, Goetz vs Il‑Kumitat tar‑Reġjuni (F‑89/11, EU:F:2013:83, punt 185).

( 7 ) Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs Nanopoulos (T‑308/10 P, EU:T:2012:370, punt 150).

( 8 ) Ara l-punti 70 et seq. tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża DD vs FRA (C‑587/21 P).

( 9 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża PV vs Il‑Kummissjoni (C‑640/20 P, EU:C:2022:736, punt 69).

( 10 ) Pilorge-Vrancken, J., Le droit de la fonction publique de l’Union européenne, Bruylant, Namur 2017, p. 248.

( 11 ) Fil-fatt, mill-fajl ma jirriżultax jekk il-ksur tad-drittijiet tal-awtur, kif irregolati mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka, huwiex issanzjonat bid-dritt kriminali jew jekk din il-leġiżlazzjoni taqax taħt l-ordni pubbliku.

( 12 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża PV vs Il‑Kummissjoni (C‑640/20 P, EU:C:2022:736, punt 77).

( 13 ) Pilorge-Vrancken, J., Le droit de la fonction publique de l’Union européenne, Bruylant, Namur 2017, p. 169.

( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 1997, N vs Il‑Kummissjoni (T‑273/94, EU:T:1997:71, punti 127129), ikkonfermata fl-appell bid-digriet tas‑16 ta’ Lulju 1998, N vs Il‑Kummissjoni (C‑252/97 P, EU:C:1998:385), u tad‑19 ta’ Mejju 1999, Connolly vs Il-Kummissjoni (T‑34/96 u T‑163/96, EU:T:1999:102, punti 124, 127 u 128).

( 15 ) Sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2003, Pessoa u Costa vs Il-Kummissjoni (T‑166/02, EU:T:2003:73, punt 37) u tat‑8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni (T‑48/05, EU:T:2008:257, punt 340).

( 16 ) Sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2010, A u G vs Il-Kummissjoni (F‑124/05 u F‑96/06, EU:F:2010:2, punt 352).

( 17 ) Pilorge-Vrancken, J., Le droit de la fonction publique de l’Union européenne, Bruylant, Namur 2017, p. 225.

( 18 ) Ma neskludix il-possibbiltà li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tista’ tintrabat mal-“obbligi taħt ir-Regolamenti tal-Persunal” ta’ uffiċjal, bil-kundizzjoni li tali rabta sseħħ b’mod ġuridikament korrett, pereżempju b’atti interni ta’ aġenzija, li jistgħu jipproduċu l-effetti vinkolanti neċessarji. F’din il-kawża, nosserva, l-ewwel nett, li l-valur ġuridiku tar-“regoli interni fil-qasam tal-pubblikazzjoni u tal-produzzjoni tar-riżultati” applikati mill-FRA ma ġiex stabbilit mill-Qorti Ġenerali u, it-tieni nett, li dawn ir-regoli interni jillimitaw ruħhom li jfakkru lill-uffiċjal il-ħtieġa li jieħu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ rekwiżiti, essenzjalment ta’ natura stilistika, waqt il-formulazzjoni ta’ test (inkluż dak “li jivverifika u jżid ir-referenzi għax-xogħlijiet rilevanti preċedenti”) mingħajr ma madankollu jgħollu dawn ir-rekwiżiti kollha għal-livell ta’ “obbligu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal” li n-nuqqas ta’ twettiq tagħhom iwassal bla ebda dubju għal proċedura dixxiplinari. It-tielet nett, jeħtieġ li jiġi nnotat li fihom ma hemm ebda referenza espliċita għad-drittijiet tal-awtur.

( 19 ) Ara l-punt 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 20 ) Tomac, J., “Régime disciplinaire”, f’Giacobbo, V. Perillo, E., u Picod, F., Statut de la Fonction Publique de l’Union Européenne: Commentaire article par article, Bruylant, Namur 2017, p. 331, li jfakkar il-ħtieġa li jiġu rrispettati l-garanziji proċedurali fil-kuntest ta’ proċedura dixxiplinari.

Top