Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0376

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fit-8 ta’ Ġunju 2023.
Google Ireland Limited et vs Kommunikationsbehörde Austria (Komm Austria).
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2000/31/KE – Servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Artikolu 3(1) – Prinċipju ta’ kontroll fl-Istat Membru ta’ oriġini – Artikolu 3(4) – Deroga mill-prinċipju ta’ moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Kunċett ta’ ‘miżuri meħuda fir-rigward ta’ servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni’ – Artikolu 3(5) – Possibbiltà ta’ komunikazzjoni a posteriori tal-miżuri li jirrestrinġu l-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fil-każ ta’ urġenza – Nuqqas ta’ komunikazzjoni – Infurzabbiltà ta’ dawn il-miżuri – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq il-fornituri ta’ pjattaformi ta’ komunikazzjoni, kemm jekk stabbiliti fit-territorju tiegħu u kemm jekk le, numru ta’ obbligi fil-qasam tal-kontroll u tal-komunikazzjoni tal-kontenut allegatament illegali – Direttiva 2010/13/UE – Servizzi tal-media awdjoviżiva – Servizz ta’ pjattaformi ta’ video‑sharing.
Kawża C-376/22.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:467

 KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit‑8 ta’ Ġunju 2023 ( 1 )

Kawża C‑376/22

Google Ireland Limited,

Meta Platforms Ireland Limited,

Tik Tok Technology Limited

vs

Kommunikationsbehörde Austria (Komm Austria),

fil-preżenza ta’

Bundesministerin für Frauen, Familie, Integration und Medien im Bundeskanzleramt

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il‑Qorti Amministrattiva, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kummerċ elettroniku – Direttiva 2000/31/KE – Servizz ta’ pjattaformi ta’ komunikazzjoni – Leġiżlazzjoni li tobbliga lill-fornituri ta’ tali servizzi jistabbilixxu proċedura ta’ kontroll għal kontenuti preżunti illegali – Deroga mill-prinċipju ta’ pajjiż ta’ oriġini”

I. Introduzzjoni

1.

Fid‑19 ta’ Ottubru 2022, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta r-Regolament (UE) 2022/2065 ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“Digital Services Act”) sabiex jistabbilixxi r-regoli armonizzati għal ambjent online sigur, prevedibbli u affidabbli, li jiffaċilita l-innovazzjoni u li fih id-drittijiet fundamentali jiġu protetti b’mod effettiv ( 3 ). Għal dan il-għan, dan ir-regolament jintroduċi serje ta’ obbligi imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi msejħa “intermedjarji” fil-qasam tar-rapportar dwar it-trasparenza, tad-deżinjazzjoni ta’ punti ta’ kuntatt u ta’ mekkaniżmi ta’ avviż ta’ kontenut illegali ( 4 ). L-imsemmi regolament ser isir applikabbli, bħala prinċipju, sa mis‑17 ta’ Frar 2024, bla ħsara għall-applikazzjoni antiċipata tiegħu fir-rigward ta’ fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna ( 5 ).

2.

Sa dakinhar, ir-regoli dwar dawn l-aspetti ma humiex ser ikunu s-suġġett ta’ armonizzazzjoni komparabbli fil-livell tal-Unjoni ( 6 ).

3.

Reċentement, ċerti Stati Membri adottaw liġijiet intiżi sabiex jimponu fuq il-fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni aċċessibbli fit-territorji tagħhom obbligi analogi għal dawk deskritti iktar ’il fuq ( 7 ). Il-leġiżlazzjoni Awstrijaka inkwistjoni f’din il-kawża, adottata fl‑2020, donnha taqa’ taħt din it-tendenza ( 8 ).

4.

Madankollu, sa mill‑2002, il-moviment tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni kien fil-parti l-kbira rregolat mid-Direttiva 2000/31/KE ( 9 ).

5.

Fil-fatt, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/31, kull Stat Membru għandu jiżgura li s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni pprovduti minn fornitur stabbilit fit-territorju tiegħu (l-Istat Membru ta’ oriġini) ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jaqgħu “fil-qasam ikkordinat”, kif iddefinit fl-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva. Il-prinċipju li jipprovdi li s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni għandhom ikunu suġġetti bħala prinċipju għas-sistema legali tal-Istat Membru ta’ oriġini huwa msejjaħ il-“prinċipju ta’ pajjiż ta’ oriġini”.

6.

B’estensjoni ta’ din il-loġika, skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31, l-Istati Membri ma jistgħux, bħala prinċipju, jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni minn Stat Membru ieħor. Fil-fatt, Stat Membru li ma huwiex dak ta’ oriġini ma jistax jidderoga minn dan il-prinċipju ħlief permezz ta’ miżuri meħuda “fir-rigward ta’ servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni” u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(4)(a) u (b) ta’ din id-direttiva.

7.

Dan huwa l-kuntest ġuridiku li fih taqa’ l-ewwel domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża. Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk Stat Membru jistax jidderoga mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni billi jieħu mhux biss miżuri individwali u konkreti iżda wkoll miżuri leġiżlattivi ġenerali u astratti li jirrigwardaw kategorija ta’ servizzi partikolari. Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet huma limitati għall-analiżi ta’ din id-domanda preliminari.

8.

Din il-problema tibqa’ attwali taħt id-Digital Services Act, sa fejn dan ir-regolament la jħassar il-prinċipju ta’ pajjiż ta’ oriġini u lanqas il-fakultà li wieħed jidderoga minn dan il-prinċipju fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31 ( 10 ).

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

9.

Id-Direttiva 2000/31 tiddefinixxi, fl-Artikolu 2(a) tagħha, il-kunċett ta’ “servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni” billi tirreferi għall-Artikolu 1(1) tad-Direttiva (UE) 2015/1535 ( 11 ). Din l-aħħar direttiva tiddefinixxi servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni bħala “kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi”.

10.

L-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31 jiddefinixxi l-“qasam ikkordinat” bħala “ħtiġijiet stipulati fis-sistemi legali ta’ Stati Membri applikabbli għal min jipprovdi servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jew għas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, independentement minn jekk dawn ikunux ta’ natura ġenerali jew iddisinjati speċifikament għalihom”.

11.

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suq intern”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Kull Stat Membru għandu jassigura li s-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni provduti minn dak li jipprovdi servizz li jkun stabbilit fit-territorju tiegħu ikun konformi mad-disposizzjonijiet nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru f’dak il-każ li huwa fil-qasam ikkordinat.

2.   L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx ikunu applikabbli fl-oqsma li hemm referenza għalihom fl-Anness.

4.   L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jidderogaw mill-paragrafu 2 fir-rigward ta’ servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu mwettqa:

(a)

il-miżuri għandhom ikunu:

(i)

meħtieġa għal waħda minn dawn ir-raġunijiet:

–

strateġija pubblika, partikolarment għal prevenzjoni, investigazzjoni, tkixxif u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inklużi il-protezzjoni ta’ minuri u tal-ġlieda kontra t-tixwix għall-mibegħda fuq il-bażi ta’ razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità, u vjolazzjonijiet tad-dinjità umana li jikkonċernaw persuni ndividwali,

[…]

(ii)

meħuda kontra servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni mingħajr preġudizzju għall-għanijiet [li jippreġudika l-għanijiet] li hemm referenza għalihom f’punt (1) jew li jippreżentaw riskju serju u gravi għal dawk l-għanijiet;

(iii)

proporzjonat għal dawk l-għanijiet;

(b)

qabel ma jittieħdu l-miżuri f’dak il-każ u mingħajr preġudizzju għal proċess fil-qrati, inklużi proċedimenti prelimenari u atti mwettqa fil-qafas ta’ investigazzjoni kriminali, l-Istat Membru jkun:

–

talab lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 biex jieħu l-miżuri u dan ta’ l-aħħar ma jkunx ħa dawk il-miżuri, jew li dawn kienu inadegwati,

–

innotifika lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 bl-intenzjoni tiegħu li jieħu dawk il-miżuri.

5.   L-Istati Membri jistgħu, f’każ ta’ urġenza, jidderogaw mill-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 4(b). Meta dan ikun il-każ, il-miżuri għandhom ikunu innotifikati fl-iqsar żmien possibbli lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1, b’indikazzjonijiet tar-raġunijiet il-għala l-Istat Membru jikkunsidra li hemm urġenza.

6.   Mingħajr preġudizzju għal possibilità ta’ l-Istat Membru li jipproċedi bil-miżuri f’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha teżamina il-kompatibilità tal-miżuri notifikati minn liġi ta’ Komunità fl-iqsar żmien possibbli; meta dan jasal għal konklużjoni li l-miżura tkun inkompatibbli mal-liġi tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Istat Membru f’dak il-każ li jibqa’ lura milli jieħu xi miżuri proposti jew biex iwaqqaf urġentement il-miżuri f’dak il-każ.”

B.   Id‑dritt Awstrijak

12.

Il-Bundesgesetz über Maßnahmen zum Schutz der Nutzer auf Kommunikationsplattformen (Kommunikationsplattformen-Gesetz) (il-Liġi Federali Awstrijaka dwar Miżuri ta’ Protezzjoni ta’ Utenti ta’ Pjattaformi ta’ Komunikazzjoni) ( 12 ) (iktar ’il quddiem il-“KoPl-G”) għaddiet fit‑23 ta’ Diċembru 2020 u daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2021. Il-fornituri ta’ servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi kellhom jikkonformaw ruħhom mal-obbligi imposti minnha mhux iktar tard mill‑31 ta’ Marzu 2021 ( 13 ).

13.

L-Artikolu 1 tal-KoPl-G jiddisponi:

“(1)   Din il-liġi hija intiża sabiex tinkoraġġixxi teħid ta’ responsabbiltà responsabbli u trasparenti u t-trattament mingħajr dewmien ta’ notifiki mwettqa mill-utenti dwar il-kontenut ta’ pjattaformi ta’ komunikazzjoni ddefinit iktar ’l isfel.

(2)   Il-fornituri ta’ servizzi nazzjonali u barranin li jipprovdu pjattaformi ta’ komunikazzjoni (il-punt 4 tal-Artikolu 2) bil-għan li jagħmlu qligħ ekonomiku jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, ħlief jekk:

1.

in-numru ta’ utenti rreġistrati li jkollhom dritt ta’ aċċess għall-pjattaforma ta’ komunikazzjoni fl-Awstrija kien inqas minn medja ta’ 100000 persuna matul is-sena kalendarja preċedenti u

2.

id-dħul mill-bejgħ magħmul fl-Awstrija matul is-sena kalendarja preċedenti mill-operat tal-pjattaforma ta’ komunikazzjoni kien inqas minn EUR 500000.

[…]

(5)   Fuq talba dikjaratorja ta’ fornitur ta’ servizzi, l-awtorità regolatorja għandha tiddeċiedi dwar jekk dan jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi.

[…]”

14.

Il-punt 4 tal-Artikolu 2 tal-KoPl‑G jiddefinixxi “pjattaforma ta’ komunikazzjoni” bħala “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li fih l-iskambju ta’ notifiki jew ta’ rappreżentazzjonijiet li għandhom kontenut ta’ natura intellettwali, taħt forma orali, bil-miktub, bis-smigħ jew figurattiva, bejn utenti u ċirku kbir ta’ utenti oħra, permezz ta’ tixrid massiv, jikkostitwixxi l-iskop prinċipali jew funzjoni ewlenija”.

15.

Bis-saħħa tal-Artikolu 3 tal-KoPl‑G:

“(1)   Il-fornituri ta’ servizzi għandhom jistabbilixxu proċedura effikaċi u trasparenti ta’ teħid ta’ responsabbiltà u ta’ trattament ta’ notifiki li jirrigwardaw kontenut allegatament illegali preżenti fuq il-pjattaforma ta’ komunikazzjoni.

[…]

(4)   Barra minn hekk, il-fornituri ta’ servizzi għandhom jiżguraw li jkollhom proċedura effikaċi u trasparenti ta’ eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet tagħhom li jwaqqfu jew jirtiraw kontenut li kien is-suġġett ta’ notifika (il-punt 1 tal-paragrafu 3). […]”

16.

Skont l-Artikolu 4(1) tal-KoPl-G:

“Il-fornituri ta’ servizzi għandhom jistabbilixxu rapport annwali jew, għall-pjattaformi ta’ komunikazzjoni li jinkludu iktar minn miljun utent irreġistrat, ta’ nofs is-sena, għal dak li jirrigwarda t-teħid ta’ responsabbiltà ta’ notifiki dwar kontenut allegatament illegali. Huma jibagħtu r-rapport tagħhom lill-awtorità regolatorja f’terminu massimu ta’ xahar mill-iskadenza tal-perijodu kopert minnu u simultanjament ipoġġuh online fuq is-sit tagħhom stess, fejn għandu jibqa’ faċilment aċċessibbli b’mod permanenti”.

17.

L-Artikolu 5 tal-KoPl‑G jipprevedi:

“(1)   Il-fornituri ta’ servizzi għandhom jaħtru persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(4) tal-Verwaltungsstrafgesetz 1991 (VStG) [(il-Liġi Awstrijaka tal‑1991 dwar is-Sanzjonijiet Amministrattivi, BGBl., 52/1991)]. Din il-persuna:

1.

tiżgura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi,

2.

għandha setgħa li tordna b’mod li tkun tista’ tinforza d-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi,

3.

għandha l-għarfien meħtieġ tal-lingwa Ġermaniża sabiex tkun tista’ tikkoopera mal-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji,

4.

għandha r-riżorsi meħtieġa sabiex twettaq il-funzjonijiet tagħha.

[…]

(4)   Il-fornitur ta’ servizzi għandu jaħtar persuna fiżika jew ġuridika bħala rappreżentant responsabbli minn notifiki amministrattivi u ġudizzjarji. […]”

III. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża prinċipali

18.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Google Ireland Limited (iktar ’il quddiem “Google”), Meta Platforms Ireland Limited (iktar ’il quddiem “Meta Platforms”) u Tik Tok Technology Limited (iktar ’il quddiem “Tik Tok”), huma kumpanniji stabbiliti fl-Irlanda li jipprovdu b’mod partikolari fl-Awstrija servizzi ta’ pjattaformi ta’ komunikazzjoni.

19.

Wara d-dħul fis-seħħ tal-KoPl‑G fl‑2021, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu lill-awtorità kompetenti, il-Kommunikationsbehörde Austria (l-Awtorità Regolatorja ta’ Komunikazzjonijiet Awstrijaka, iktar ’il quddiem “Komm Austria”), tiddikjara, skont l-Artikolu 1(5) ta’ din il-liġi, li huma ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

20.

Madankollu, permezz ta’ tliet deċiżjonijiet datati 26 ta’ Marzu, 31 ta’ Marzu u 22 ta’ April 2021, Komm Austria ddikjarat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-KoPl-G, għaliex kull waħda minnhom tipprovdi pjattaforma ta’ komunikazzjoni fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2 ta’ din il-liġi.

21.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestaw dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija), li ċaħdet ir-rikorsi tagħhom bħala infondati.

22.

Essenzjalment, għal dak li jirrigwarda l-problema prevista mill-ewwel domanda preliminari, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) ikkunsidrat, fl-ewwel lok, li l-prinċipju ta’ pajjiż ta’ oriġini previst mid-Direttiva 2000/31 ma huwiex assolut u li deroga tista’ tiġi ġġustifikata, b’mod partikolari jekk tkun neċessarja sabiex jintlaħaq u/jew jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni ta’ interessi legali ta’ valur, bħall-protezzjoni ta’ minuri jew tad-dinjità umana. Fil-fehma tagħha, il-KoPl‑G trid tilħaq tali għanijiet. Issa, skont dik il-qorti, din il-liġi tikkostitwixxi l-bażi legali li tippermetti l-adozzjoni, fil-każ ta’ ksur repetut, ta’ miżuri konkreti fir-rigward ta’ destinatarji identifikati b’mod suffiċjentement individwalizzat każ b’każ. Madankollu, l-imsemmija qorti argumentat li l-proċedura dikjaratorja ma setgħetx, f’dak il-każ, (terġa’) tagħti lok għall-adozzjoni ta’ miżuri individwali u speċifiċi fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali peress li huma kienu talbu deċiżjoni purament dikjaratorja, mingħajr ma kienet imħeġġa tagħmel dan fil-kuntest ta’ każ inkwistjoni konkret.

23.

Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-proċedura prevista fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) qieset li ebda miżura, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma kienet ġiet adottata skont il-KoPl-G u li din il-liġi kienet ġiet adottata biss bil-għan li tiġi stabbilita bażi legali, sabiex ikunu jistgħu jiġu adottati miżuri fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

24.

Fil-kuntest tal-appelli għal reviżjoni ppreżentati kontra s-sentenzi tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju, li dik il-qorti kkonfermat b’mod żbaljat l-applikabbiltà tal-KoPl‑G għall-pjattaformi li huma joperaw. B’mod partikolari, huma jargumentaw, minn naħa, li peress li r-Repubblika tal-Irlanda u l-Kummissjoni Ewropea ma kinux ġew informati bl-adozzjoni tal-KoPl‑G fis-sens tal-Artikolu 3(4)(b) u (5) tad-Direttiva 2000/31, din il-liġi ma setgħetx tiġi invokata kontrihom, u min-naħa l-oħra, li l-obbligi stabbiliti mill-imsemmija liġi huma sproporzjonati u inkompatibbli mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u mal-prinċipju ta’ pajjiż ta’ oriġini.

25.

Minħabba r-rabta sostantiva eżistenti bejn il-kawżi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għaqqdithom.

26.

Skont il-qorti tar-rinviju, huwa stabbilit li s-servizzi pprovduti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari fl-Awstrija, jikkostitwixxu servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31. Fir-rigward tal-konstatazzjonijiet tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li dawn is-servizzi għandhom jiġu kklassifikati wkoll bħala “pjattaformi ta’ komunikazzjoni”, fis-sens tal-KoPl-G, u li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(2) u (3) ( 14 ), ta’ din il-liġi u għalhekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

27.

Il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi li, abbażi tal-KoPl‑G, atti individwali u konkreti huma effettivament meħuda fir-rigward ta’ fornitur ta’ servizzi fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza minnu ta’ obbligi imposti fuqu minn din il-liġi. Madankollu, hija tqis li dawn l-obbligi, li fornitur għandu jikkonforma ruħu magħhom mingħajr il-ħtieġa li jiġi adottat minn qabel att individwali u konkret, jikkostitwixxu r-rekwiżiti relatati mal-eżerċizzju tal-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, u konsegwentement, jaqgħu fil-qasam ikkoordinat fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31. Dawn ir-rekwiżiti jistgħu, bħala prinċipju, jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni sa fejn huma għandhom jiġu ssodisfatti wkoll mill-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru minbarra l-Awstrija.

28.

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31 jawtorizza Stat Membru minbarra dak li fit-territorju tiegħu huwa stabbilit il-fornitur ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, jidderoga mill-prinċipju ta’ pajjiż ta’ oriġini. Fid-dawl ta’ dan, hija tistaqsi jekk Stat Membru jistax jidderoga minn dan il-prinċipju billi jadotta miżura li tirrigwarda kategorija ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni deskritta b’termini ġenerali skont in-natura tagħhom, bħall-pjattaformi ta’ komunikazzjoni fis-sens tal-KoPl‑G.

29.

Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tosserva, minn naħa, li sal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet sabiex tivverifika jekk dispożizzjonijiet ġenerali u astratti setgħux ikunu awtorizzati bħala miżuri, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, għal raġunijiet u rekwiżiti stabbiliti f’din id-dispożizzjoni. Hija tiċċita, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Ker‑Optika ( 15 ), Airbnb Ireland ( 16 ) u A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) ( 17 ). Min-naħa l-oħra, hija tiddikjara li fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Airbnb Ireland ( 18 ), jiena tajt privileġġ lill-interpretazzjoni li tipprovdi li dispożizzjonijiet ġenerali ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala miżuri fis-sens tal-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva, u jekk dawn jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni minn Stat Membru ieħor għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam ikkoordinat, huma xorta waħda jkunu illegali fir-rigward tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva.

IV. Id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

30.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Mejju 2022, li waslet lill-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Ġunju 2022, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja tliet domandi preliminari. Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet huma limitati għall-ewwel domanda preliminari, li hija fformulata kif ġej:

“L-Artikolu 3(4)(a)(ii) tad-Direttiva [2000/31] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘miżuri meħuda kontra servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni’ jista’ jinkludi miżuri leġiżlattivi li jikkonċernaw kategorija ta’ servizzi partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni deskritta b’termini ġenerali (bħalma huma l-‘pjattaformi ta’ komunikazzjoni’), jew l-eżistenza ta’ tali miżuri timplika t-teħid ta’ deċiżjoni każ b’każ (pereżempju fir-rigward ta’ pjattaforma ta’ komunikazzjoni identifikata b’isimha)?”

31.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Awstrijak, Irlandiż u Pollakk kif ukoll mill-Kummissjoni. Ma nżammitx seduta.

V. Analiżi

32.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(2) u (4) tad-Direttiva 2000/31 għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni minn Stati Membri oħra billi jieħu miżuri leġiżlattivi ta’ natura ġenerali u astratta li jirrigwardaw kategorija ta’ servizzi partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni deskritta b’termini ġenerali, mingħajr ma dawn il-miżuri jittieħdu każ b’każ.

33.

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju targumenta li huwa stabbilit li s-servizzi pprovduti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari fl-Awstrija, jikkostitwixxu servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31. Minkejja li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludix informazzjoni li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika l-klassifikazzjoni sostnuta mill-qorti tar-rinviju, madankollu din il-klassifikazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-partijiet. Għalhekk, l-analiżi li ser niżviluppa hija bbażata fuq din il-premessa.

34.

Qabel nipproċedi bl-eżami tad-domanda preliminari (Taqsima C), ser nippreżenta qabelxejn xi kummenti dwar il-leġiżlazzjoni Awstrijaka li tinsab fil-qalba ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari (Taqsima A), biex imbagħad nesponi l-argumenti mressqa mill-partijiet (Taqsima B).

A.   Il‑leġiżlazzjoni Awstrijaka

35.

Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tal-KoPl‑G intiżi sabiex isaħħu r-“responsabbiltà tal-pjattaformi” imposta fuq il-fornituri ta’ pjattaformi ta’ komunikazzjoni fir-rigward tat-teħid ta’ responsabbiltà ta’ notifiki mwettqa mill-utenti dwar il-kontenut ta’ tali pjattaformi ( 19 ).

36.

Tali fornituri li joperaw fit-territorju tal-Awstrija, kemm jekk inhuma stabbiliti f’dan l-Istat Membru jew f’pajjiż barrani, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-KoPl‑G, u minħabba f’hekk, għandhom jissodisfaw ċerti obbligi. Dawn jirrigwardaw, b’mod partikolari, i) l-istabbiliment ta’ sistema ta’ notifika u ta’ verifika ta’ kontenut allegatament illegali ( 20 ), ii) ir-redazzjoni ta’ rapport ta’ trasparenza ( 21 ) u iii) il-ħatra ta’ rappreżentant responsabbli u ta’ rappreżentant inkarigat min-notifiki ( 22 ). Il-fornituri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-KoPl‑G jitqiegħdu taħt il-monitoraġġ ta’ Komm Austria. Fl-eżerċizzju ta’ dan il-monitoraġġ, din l-awtorità tista’ timponi multi li l-ammont tagħhom jista’ jitla’ sa għaxar miljun euro fil-każ ta’ ksur ta’ ċerti obbligi previsti mill-KoPl‑G ( 23 ).

37.

Operatur ekonomiku jista’ jressaq lil Komm Austria talba dikjaratorja sabiex din l-awtorità tiddeċiedi dwar jekk huwa jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-KoPl‑G. Madankollu, l-obbligi li għandhom jissodisfaw il-fornituri huma imposti lill-operaturi ekonomiċi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-KoPl‑G mingħajr il-ħtieġa li jiġi adottat minn qabel att individwali u konkret.

B.   Il‑pożizzjonijiet tal‑partijiet

38.

Skont Google u Tik Tok, att bħall-KoPl‑G, li japplika għal kategorija sħiħa ta’ fornituri ta’ servizzi li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor, ma jikkostitwixxix miżura meħuda fir-rigward ta’ servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31 u għalhekk ma jistax ikun iġġustifikat skont din id-dispożizzjoni. F’din il-linja ta’ ideat, Meta Platforms tqis li l-miżuri awtorizzati mill-imsemmija dispożizzjoni ma jistgħux jinkludu leġiżlazzjoni li tirrigwarda kategorija ta’ servizzi partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni, deskritta b’termini ġenerali.

39.

Il-Kummissjoni tindika li bħala prinċipju, huwa l-Istat Membru ta’ destinazzjoni li għandu jiddetermina “kif u fejn” huwa jipprevedi li jieħu miżura li tidderoga mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31. Skont din l-istituzzjoni, din tista’ tkun kemm miżura individwali kif ukoll ta’ portata ġenerali, “bil-kundizzjoni li [din] tkun suffiċjentement limitata sa fejn hija tapplika b’mod ċar, sa mill-bidu, għal servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni pprovdut minn fornitur wieħed jew iktar stabbilit fi Stat Membru ieħor wieħed jew iktar”. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-formulazzjoni tal-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “qasam ikkoordinat” u li jinkludi rekwiżiti li għandhom natura ġenerali. Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri previsti mill-KoPl‑G, minħabba n-natura ġenerali u astratta tagħhom, huma kompletament opposti għas-sustanza nnifisha tal-prinċipju ta’ pajjiż ta’ oriġini, kif iddefinit fl-Artikolu 3(1) u (2) tal-imsemmija direttiva.

40.

Interpretazzjoni fundamentalment differenti hija difiża mill-Gvern Awstrijak u Irlandiż, kif ukoll, b’xi sfumaturi, mill-Gvern Pollakk.

41.

Il-partijiet li ddikjaraw ruħhom favur l-interpretazzjoni li tipprovdi li l-miżuri leġiżlattivi li jirrigwardaw kategorija ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni deskritta b’termini ġenerali jistgħu jikkostitwixxu wkoll “miżuri” fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, donnhom jisiltu minnha implikazzjonijiet differenti għal dak li jirrigwarda l-libertà li jiġu pprovduti tali servizzi. Fil-fatt, jiena nifhem il-pożizzjoni tal-Gvern Irlandiż fis-sens li, jekk il-kunċett ta’ “miżura” ma jinkludix il-miżuri leġiżlattivi ġenerali, l-Istati Membri jkunu awtorizzati jadottaw b’mod liberu tali miżuri leġiżlattivi ġenerali u jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, mingħajr ma jkollhom josservaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva. Għall-kuntrarju, il-Gvern Awstrijak donnu jikkunsidra li tali interpretazzjoni tipprekludi kwalunkwe deroga mill-prinċipju ta’ pajjiż ta’ oriġini billi jiġu adottati miżuri leġiżlattivi.

42.

Skont il-Gvern Pollakk, sabiex l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31 ikun jista’ japplika, il-miżura inkwistjoni għandha tikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE. F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, dan il-gvern jargumenta, billi jirreferi għas-sentenza Airbnb Ireland ( 24 ), li l-KoPl‑G ma tirrestrinġix il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni minn Stat Membru ieħor peress li din il-liġi tobbliga biss li jiġu stabbiliti proċeduri għat-trattament ta’ senjalazzjonijiet ta’ kontenut illegali u li jiġu ppubblikati rapporti f’dan ir-rigward.

43.

Fit-tieni lok, il-Gvern Pollakk jiġbed l-attenzjoni fuq ir-relazzjoni bejn, minn naħa, l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, u min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14(3) u l-Artikolu 15(2) tagħha. Skont dan il-gvern, l-Artikolu 14(3) ta’ din id-direttiva għandu jiġi kkunsidrat bħala lex specialis fir-rigward tal-prinċipju ta’ pajjiż ta’ oriġini. Barra minn hekk, l-imsemmi gvern jargumenta li l-Artikolu 15(2) tal-imsemmija direttiva jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu, għall-fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, l-obbligu li malajr kemm jista’ jkun jinformaw l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti dwar l-allegat eżerċizzju ta’ attivitajiet illegali mid-destinatarji tas-servizzi tagħhom jew dwar informazzjoni kkomunikata minn dawn tal-aħħar. Fl-opinjoni ta’ dan l-istess gvern, dan l-obbligu jikkorrispondi għal dak li jiġu stabbiliti u ppubblikati rapporti dwar it-trattament ta’ senjalazzjonijiet ta’ kontenut illegali, previst mill-KoPl‑G. Konsegwentement, fil-fehma tiegħu, peress li d-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi jirrigwardaw in-notifika u l-kontroll ta’ kontenut illegali, dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(3) u tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2000/31. Għalhekk, il-Gvern Pollakk jargumenta li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija liġi ma għandhomx jiġu evalwati fid-dawl tal-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva iżda tal-Artikolu 56 TFUE.

44.

Huwa biss fit-tielet lok, preżunt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ din l-analiżi, li l-Gvern Pollakk josserva li l-kunċett ta’ “miżura” fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, jista’ jinftiehem ukoll bħala miżura leġiżlattiva li tirrigwarda kategorija ta’ servizzi partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni deskritta b’termini ġenerali.

C.   Evalwazzjoni

45.

Peress li l-Gvern Pollakk jargumenta, minn naħa, li d-domanda preliminari għandha tiġi eżaminata fid-dawl mhux tal-Artikolu 3(2) u (4) tad-Direttiva 2000/31 iżda tal-Artikolu 14(3) u tal-Artikolu 15(2) tagħha, u min-naħa l-oħra, li fid-dawl tal-ġurisprudenza relatata mal-Artikolu 56 TFUE, il-KoPl‑G ma tirrestrinġix il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni b’tali mod li ma hemmx lok li wieħed jiddeċiedi dwar l-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu eżaminati, preliminarjament, l-argumenti ta’ dan il-gvern.

1. Fuq l‑Artikoli 14 u 15 tad‑Direttiva 2000/31

46.

L-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2000/31 jidhirli li huwa rilevanti biss jekk il-fornitur tas-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva ( 25 ). Sabiex dan ikun il-każ, l-attività ta’ dan il-fornitur għandu jkollha natura purament teknika, awtomatika u passiva, u dan jimplika li l-imsemmi fornitur la jkollu tagħrif u lanqas kontroll fuq l-informazzjoni li tkun trażmessa jew maħżuna ( 26 ). Tali fornitur jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni ta’ responsabbiltà għal dak li jirrigwarda informazzjoni maħżuna meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva jkunu ssodisfatti.

47.

Peress li l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2000/31 jipprevedi, fl-ewwel parti tiegħu, li “[d]an l-Artikolu m’għandux jaffettwa l-possibiltà għal qorti jew awtorità amministrattiva, bi qbil mas-sistemi leġali ta’ Stati Membri, tal-ħtieġa li dak li jipprovdi s-servizz jittermina jew iwaqqaf ksur”, din id-dispożizzjoni għandha l-effett li fornitur jista’ jkun id-destinatarju ta’ ordnijiet adottati abbażi tad-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru, anki jekk jibbenefika mill-eżenzjoni tar-responsabbiltà. Bħall-Gvern Pollakk, nikkunsidra li tali ordnijiet jistgħu jiġu adottati mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru li ma huwiex dak li fit-territorju tiegħu huwa stabbilit il-fornitur.

48.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludix informazzjoni li tippermetti li jiġi stabbilit jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jaqgħux taħt l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31. Issa, kull fornitur li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huwa fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li s-servizz tiegħu jista’ jibbenefika mill-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva. Jekk l-Istati Membri huma awtorizzati jadottaw ordnijiet kontra fornitur privileġġjat li jista’, jekk ikun il-każ, jibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva, huma għandhom ikunu awtorizzati wkoll jagħmlu dan meta l-fornitur ma jkunx jista’ jipprevalixxi minn din l-eżenzjoni.

49.

Issa, il-Gvern Pollakk jifhem it-tieni parti tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2000/31, li tipprovdi “[dan l-artikolu] l-anqas ma [j]affettwa l-possibiltà għal Stati Membri li jistabbilixxu proċeduri li jirregolaw it-tneħħija jew it-twaqqif ta’ aċċess għall-informazzjoni”, fis-sens li tippermetti lill-Istati Membri jimponu fuq fornitur stabbilit fi Stat Membru l-obbligi bħal dawk previsti fil-KoPl‑G.

50.

Madankollu, din il-“possibbiltà” tirrigwarda proċeduri jew azzjonijiet relatati mal-ksur individwalizzat li jista’ jkun is-suġġett ta’ ordnijiet previsti fl-ewwel parti tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2000/31. Dan ikun il-każ ta’ proċedura preliminari li fil-kuntest tagħha l-persuna li tista’ titlob ordni kontra l-fornitur għandha, qabel tersaq quddiem qorti, tinforma l-fornitur bil-ksur sabiex tagħtih il-possibbiltà li jtemm fil-pront il-ksur ikkonċernat u jipprevjeni r-repetizzjoni tiegħu ( 27 ). Għall-kuntrarju, il-possibbiltà rriżervata lill-Istati Membri fit-tieni parti tal-Artikolu 14(3) ta’ din id-direttiva ma tirrigwardax l-impożizzjoni ta’ obbligi ġenerali li jaqgħu taħt id-dritt sostantiv u li ma għandhom ebda rabta ma’ proċedura li hija intiża għal ordni dwar ksur individwalizzat ( 28 ).

51.

Issa, id-domanda preliminari tirrigwarda tali obbligi ġenerali, u għalhekk, f’din il-kawża ma tqumx il-kwistjoni dwar kif l-implimentazzjoni tal-possibbiltà stabbilita fit-tieni parti tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2000/31 tintrabat mal-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 3(2) u (4) ta’ din id-direttiva.

52.

Għal raġunijiet simili, l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2000/31 lanqas ma huwa rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni donnha tippreċiża l-kontorni tal-projbizzjoni għall-Istati Membri li jimponu fuq il-fornituri ta’ servizzi, obbligu ta’ monitoraġġ ta’ natura ġenerali, previst fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva ( 29 ). Kif tistabbilixxi l-premessa 47 tagħha, din il-projbizzjoni ma tirrigwardax l-obbligi ta’ monitoraġġ applikabbli “f’każ speċifiku”, u partikolarment, ma taffettwax deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali meħuda b’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 30 ).

2. Fuq l‑Artikolu 56 TFUE

53.

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31 jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni minn Stat Membru ieħor. Il-qorti tar-rinviju tindika li l-obbligi li jirriżultaw mill-KoPl‑G, bħala prinċipju, jistgħu jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni sa fejn dawn l-obbligi għandhom ikunu osservati wkoll mill-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru minbarra l-Awstrija. Il-Gvern Pollakk jargumenta li, sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk l-obbligi li jirriżultaw mill-KoPl‑G jikkostitwixxux “restrizzjoni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi segwit ir-raġunament sostnut mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Artikolu 56 TFUE. Għalhekk, skont dan il-gvern, għandu jiġi kkunsidrat, fid-dawl tas-sentenza Airbnb Ireland ( 31 ), li l-KoPl‑G ma tirrestrinġix il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-soċjetà tal-informazzjoni, b’mod partikolari għaliex din il-liġi ma tistabbilixxix kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-eżerċizzju tal-provvista ta’ servizzi tal-impriżi kkonċernati.

54.

F’dan ir-rigward, qabelxejn, skont is-soluzzjoni sostnuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, l-invokazzjoni ta’ miżuri nazzjonali li jaqgħu fil-qasam ikkoordinat kontra s-servizzi minn Stat Membru ieħor jew il-fornitur tagħhom għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 u mhux fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju ( 32 ).

55.

Imbagħad, għandu jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jissuġġerixxi l-Gvern Pollakk, fis-sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) ( 33 ), il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-ġurisprudenza relatata mal-Artikolu 56 TFUE mhux sabiex tistabbilixxi jekk il-miżura nazzjonali kinitx tinkludi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(2) u (4) tad-Direttiva 2000/31, iżda wara li kkonstatat li dan kien il-każ ( 34 ), sabiex tivverifika jekk il-kundizzjonijiet ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità kinux issodisfatti.

56.

Fl-aħħar nett, minkejja li l-Artikolu 3(2) u (4) tad-Direttiva 2000/31 jaqa’ fil-loġika tal-Artikolu 56 TFUE, din id-direttiva ma tikkostitwixxix sempliċi tfakkira tal-prinċipji stabbiliti mid-dritt primarju. Fil-fatt, kif iċċarat il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-qasam ikkoordinat, l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprekludi, bla ħsara għad-derogi awtorizzati skont il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 4 tiegħu, li l-fornitur ta’ servizz tal-kummerċ elettroniku jiġi suġġett għal rekwiżiti iktar stretti minn dawk previsti mid-dritt sostantiv fis-seħħ fl-Istat Membru ta’ fejn huwa stabbilit dan il-fornitur ( 35 ). Minn dan niddeduċi li l-fatt li l-provvista ta’ servizzi tiġi suġġetta għal rekwiżiti li jmorru lil hinn minn dawk fis-seħħ fl-Istat Membru ta’ oriġini sabiex dawn ikunu aċċessibbli fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jista’ jirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti dawn is-servizzi.

57.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew suġġetti għal obbligi li, minn naħa, ma jirrigwardawx elementi speċifiċi ta’ kontenut illegali u ta’ informazzjoni ( 36 ), u li min-naħa l-oħra, jistabbilixxu rekwiżiti li jaqgħu fil-qasam ikkoordinat li donnhom ma jikkorrispondux għal dawk previsti mid-dritt tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huma stabbiliti u li jirrigwardaw l-eżerċizzju tal-provvista tas-servizzi tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, u għalhekk, jidderogaw mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31.

58.

Għalhekk, jibqa’ li jiġi ddeterminat jekk Stat Membru jistax jidderoga mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31 billi jadotta miżuri leġiżlattivi ta’ natura ġenerali u astratta li jirrigwardaw kategorija ta’ servizzi partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni deskritta b’termini ġenerali.

3. Fuq l‑Artikolu 3 tad‑Direttiva 2000/31

a) Kummenti preliminari

59.

Fil-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Airbnb Ireland ( 37 ), li għalihom sar riferiment f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari u fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet, l-analiżi tiegħi wasslitni sabiex nikkonkludi li Stat Membru li ma huwiex dak ta’ oriġini ma jistax jidderoga mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni ħlief permezz ta’ miżuri meħuda “każ b’każ”.

60.

Irrid infakkar li, f’dawk il-konklużjonijiet, fl-ewwel lok, fakkart il-kundizzjonijiet sostantivi previsti fl-Artikolu 3(4)(a) tad-Direttiva 2000/31 ( 38 ), jiġifieri i) il-ħtieġa li tiġi adottata miżura għal raġunijiet li jirrigwardaw l-ordni pubbliku, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, is-sigurtà pubblika jew il-protezzjoni tal-konsumatur, ii) il-preġudizzju kkawżat minn servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni lil wieħed minn dawn l-għanijiet jew riskju serju u gravi ta’ tali preġudizzju u iii) il-proporzjonalità tal-miżura għal dan il-għan.

61.

Fit-tieni lok, osservajt li, fl-assenza ta’ kjarifiki rigward il-ħtieġa li tiġi adottata l-miżura inkwistjoni u l-preġudizzju possibbilment ikkawżat mis-servizz ta’ AIRBNB Ireland lil wieħed mill-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 3(4)(a)(i) tad-Direttiva 2000/31, it-tieni domanda preliminari f’dik il-kawża setgħet tinftiehem biss bħala li hija intiża li eventwalment tippermetti lil Stat Membru li ma huwiex dak ta’ oriġini li jimponi, ex officio u mingħajr eżami tal-kundizzjonijiet sostantivi, ir-rekwiżiti relatati mal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ aġent immobbiljari fuq il-fornituri ta’ kategorija ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Huwa f’dan il-kuntest li, fit-tielet lok, jiena ressaqt serje ta’ argumenti sabiex jiġi kkunsidrat li Stat Membru li ma huwiex dak ta’ oriġini ma jistax jidderoga mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni ħlief permezz ta’ miżuri meħuda “każ b’każ”.

62.

F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tqis li l-obbligi imposti mill-KoPl‑G jistgħu, bħala prinċipju, jikkontribwixxu sabiex jiżguraw l-ordni pubbliku u li hija għandha informazzjoni suffiċjenti sabiex tiddetermina jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi humiex neċessarji sabiex jiġi żgurat dan il-għan u jekk humiex proporzjonati għalih. Huwa minnu li l-formulazzjoni tal-ewwel domanda preliminari tista’ tagħti x’jifhem li l-qorti tar-rinviju tipprevedi, permezz ta’ din id-domanda, l-Artikolu 3(4)(a)(ii) tad-Direttiva 2000/31, li jipprevedi l-kundizzjoni sostantiva dwar il-preġudizzju kkawżat minn servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni lil għan partikolari jew riskju serju u gravi ta’ tali preġudizzju. Madankollu, hija tammetti li fir-realtà għandha dubji dwar il-kwistjoni jekk dispożizzjonijiet ġenerali u astratti li jimponu lill-fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, iddefiniti skont in-natura tagħhom, obbligi ġenerali li jieħdu effett fl-assenza ta’ kwalunkwe att individwali u konkret, jistgħux effettivament jikkostitwixxu miżuri, fis-sens tal-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva. Konsegwentement, l-argumenti li jiena ressaqt fil-kuntest tal-analiżi tiegħi fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Airbnb Ireland ( 39 ) huma rilevanti wkoll għal din il-kawża. F’dawn il-konklużjonijiet, ser niżviluppa dawn l-argumenti billi nieħu inkunsiderazzjoni l-problema mqajma mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża u ser nippreżenta xi argumenti addizzjonali.

b) Analiżi

63.

Fl-ewwel lok, sabiex ma “ndewbux” il-prinċipju ta’ pajjiż ta’ oriġini, stabbilit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/31, l-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva jista’ jinftiehem bħala li jawtorizza lill-Istati Membri li ma humiex dak ta’ oriġini jidderogaw minn dan il-prinċipju biss b’mod inċidentali. Jekk jiġi kkunsidrat li dispożizzjoni ġenerali u astratta li tapplika għal kull fornitur ta’ kategorija ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni tista’ tikkostitwixxi “miżura” fis-sens tal-Artikolu 3(4) tal-imsemmija direttiva, iwassal sabiex jawtorizza l-frammentazzjoni tas-suq intern permezz tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali.

64.

Fit-tieni lok, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat b’mod li jiżgura l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri ( 40 ). Barra minn hekk, eċċezzjoni għar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, bħall-Artikolu 3(4) tagħha, għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta. Minn din il-perspettiva, kif jirriżulta mill-premessi 5 u 6 tal-imsemmija direttiva, permezz tagħha l-leġiżlatur tal-Unjoni jfittex li jelimina l-ostakoli legali għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, jiġifieri l-ostakoli li joriġinaw mid-diverġenzi fil-leġiżlazzjonijiet kif ukoll mill-inċertezzi legali dwar liema regoli nazzjonali huma applikabbli għal dawn is-servizzi. L-awtorizzazzjoni tal-applikazzjoni ta’ liġijiet differenti għal fornitur wieħed jew għas-servizz tiegħu tmur kontra dan il-għan.

65.

Fit-tielet lok, in-natura ta’ miżura li permezz tagħha Stat Membru ta’ destinazzjoni jista’ jidderoga mill-prinċipju ta’ pajjiż ta’ oriġini tista’ tiġi ddeterminata permezz ta’ kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali previsti fl-Artikolu 3(4)(a) u (b) tad-Direttiva 2000/31.

66.

Minn naħa, il-miżuri adottati abbażi tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31 jirrigwardaw servizz partikolari li, kif jeħtieġ l-Artikolu 3(4)(a)(ii) ta’ din id-direttiva, għandu jippreġudika l-għan ikkonċernat jew jikkostitwixxi riskju serju u gravi ta’ preġudizzju għal dan il-għan. F’dawn iċ-ċirkustanzi, li jiġi awtorizzat, taħt l-imsemmija direttiva, li hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ pajjiż ta’ oriġini u ta’ kontroll tas-sors ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni ( 41 ), li Stat Membru jirrestrinġi l-libertà li tiġi pprovduta kategorija ta’ servizzi minn Stati Membri oħra jqiegħed inkwistjoni l-fiduċja reċiproka ta’ bejniethom ( 42 ) u jippreżupponi sfiduċja ġenerali fl-Istati Membri l-oħra għal dak li jirrigwarda l-monitoraġġ tagħhom ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni pprovduti mill-fornituri stabbiliti fit-territorji tagħhom. Din hija raġuni addizzjonali sabiex jiġi kkunsidrat li, fil-każijiet kollha li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(4) tal-imsemmija direttiva, għandu jsir eżami taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni.

67.

Min-naħa l-oħra, sa fejn l-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva 2000/31 jobbliga Stat Membru ta’ destinazzjoni jitlob lill-Istat Membru ta’ oriġini jieħu miżuri fil-qasam ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, din id-dispożizzjoni tippreżupponi li l-Istat Membru li lilu hija indirizzata tali talba huwa identifikabbli u identifikat b’mod ċar qabel it-teħid ta’ miżura fis-sens tal-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva. Miżura leġiżlattiva ta’ natura ġenerali u astratta li tapplika mingħajr distinzjoni għal kull fornitur ta’ kategorija ta’ servizzi ma tosservax il-loġika tal-kundizzjoni proċedurali prevista fl-Artikolu 3(4) tal-imsemmija direttiva.

68.

Barra minn hekk, l-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva 2000/31 jikkundizzjona l-effett derogatorju ta’ miżuri meħuda fuq il-livell nazzjonali għal notifika minn qabel lill-Kummissjoni tal-intenzjoni li jittieħdu tali miżuri. Li kieku l-kelma “miżura” fis-sens tal-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva, kellha tinftiehem bħala li tinkludi miżuri leġiżlattivi ta’ natura ġenerali u astratta li japplikaw mingħajr distinzjoni għal kull fornitur ta’ kategorija ta’ servizzi, dan kien ikun ifisser li l-Artikolu 3(4)(b) tal-imsemmija direttiva jżid notifika addizzjonali flimkien ma’ dik meħtieġa mid-Direttiva 2015/1535. Fil-fatt, bis-saħħa ta’ din l-aħħar direttiva, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-rekwiżiti ta’ natura ġenerali relatati mal-aċċess għall-attivitajiet ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u tal-eżerċizzju tagħhom ( 43 ).

69.

Fir-raba’ lok, jiena sensittiv għall-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li bħala prinċipju huwa l-Istat Membru ta’ destinazzjoni li għandu jiddetermina “kif u fejn” huwa jipprevedi li jieħu miżura li tidderoga mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31. Fil-fatt, is-sistema ta’ sorsi tad-dritt f’kull Stat Membru tista’ tieħu forom differenti. Minn din il-perspettiva, il-Kummissjoni ma teskludix li din tista’ tkun miżura ta’ portata ġenerali, “bil-kundizzjoni li din il-miżura tkun suffiċjentement limitata sa fejn hija tapplika b’mod ċar, sa mill-bidu, għal servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni pprovdut minn fornitur wieħed jew iktar stabbilit fi Stat Membru ieħor wieħed jew iktar”. Madankollu, għar-raġunijiet esposti fil-punti 63 sa 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet, miżura leġiżlattiva ta’ natura ġenerali u astratta li tapplika mingħajr distinzjoni għal kull fornitur ta’ kategorija ta’ servizzi ma tissodisfax din il-kundizzjoni.

70.

Id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “qasam ikkoordinat”, li tinsab fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31, ma tikkontestax din il-kunsiderazzjoni. Ir-riferiment għar-rekwiżiti li għandhom natura ġenerali fid-definizzjoni ta’ dan il-kunċett jirrigwarda mhux il-firxa ta’ setgħat li jista’ jkollu Stat Membru ta’ destinazzjoni sabiex jidderoga mill-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, iżda dik ta’ Stat Membru ta’ oriġini.

71.

L-analiżi tax-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2000/31 lanqas tikkontesta l-imsemmija kunsiderazzjoni. Ċertament, fil-proposta ta’ din id-direttiva, kien indikat li “l-Kummissjoni ser tagħti l-ikbar kunsiderazzjoni lill-bżonn tal-Istati Membri li jinforzaw regoli intiżi għall-protezzjoni ta’ interessi essenzjali tas-soċjetà [u] ikun […] inkonċepibbli li l-Kummissjoni tipprekludi Stat Membru milli japplika regola li tipprojbixxi t-twassil ta’ messaġġi razzisti” ( 44 ). Madankollu, minn naħa, ma huwiex ċar kif, f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem ir-riferiment għal“[l-applikazzjoni] ta’ regola li tipprojbixxi t-twassil [ta’ kontenut speċifiku]”, sa fejn tali applikazzjoni taqa’ pjuttost fil-problema ta’ ordnijiet previsti fl-Artikoli 14 u 15 ta’ din id-direttiva, u min-naħa l-oħra, skont l-istess proposta, id-derogi mill-prinċipju ta’ pajjiż ta’ oriġini huma ammissibbli “f’ċerti każijiet partikolari ħafna”.

72.

Għall-finijiet ta’ kompletezza, nirrileva li l-interpretazzjoni li tipprovdi li miżura leġiżlattiva ta’ natura ġenerali u astratta li tapplika mingħajr distinzjoni għal kull fornitur ta’ kategorija ta’ servizzi ma tikkostitwixxix “miżura” fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, hija dik sostnuta mill-maġġoranza tal-awturi tal-kummentarji ( 45 ). Dawk li jaqsmu l-interpretazzjoni opposta jindikaw li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż serju li l-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda illegali żżid f’din id-diskussjoni. Insostenn ta’ din l-interpretazzjoni, huma jargumentaw li dan l-approċċ huwa rifless fid-Direttiva 2000/31, li l-premessa 10 tagħha tindika li din għandha tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-għanijiet ta’ interess ġenerali ( 46 ). Jiena sensittiv għal dan l-argument u ma neskludix li d-Digital Services Act hija intiża sabiex tindirizza tali tħassib. Madankollu, għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2000/31, għandu jiġi osservat li l-premessa 22 tagħha tistabbilixxi li “[s]ervizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni għandhom ikunu taħt superviżjoni fis-sorsi ta’ l-attività, sabiex tkun assigurata l-protezzjoni effettiva ta’ għanijiet ta’ interess pubbliku […] mhux biss għal ċittadini tal-[Istat Membru li fit-territorju tiegħu fornitur huwa stabbilit], imma għaċ-ċittadini [tal-Unjoni] kollha”.

73.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li l-Artikolu 3(2) u (4) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni minn Stati Membri oħra billi jadotta miżuri leġiżlattivi ta’ natura ġenerali u astratta li jirrigwardaw kategorija ta’ servizzi partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni deskritta b’termini ġenerali, mingħajr ma dawn il-miżuri jittieħdu każ b’każ.

74.

Għall-finijiet ta’ kompletezza, irrid nosserva li l-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq fl-ebda każ ma huma kkontestati mit-tagħlimiet li jirriżultaw mis-sentenzi Ker‑Optika, Airbnb Ireland u A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online).

c) Fuq is‑sentenza Ker‑Optika

75.

Fis-sentenza Ker‑Optika ( 47 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni f’din is-sentenza, sa fejn kienet tinkludi projbizzjoni ta’ bejgħ ta’ lentijiet tal-kuntatt permezz tal-internet, ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala proporzjonata fir-rigward tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31. Għalhekk, dan it-test jista’ jagħti x’jifhem, a contrario, li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fl-imsemmija sentenza tista’ tikkostitwixxi “miżura”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, ir-riferiment għall-imsemmija dispożizzjoni għandu jinqara fil-kuntest li fih jaqa’.

76.

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju fil-kawża li tat lok għas-sentenza Ker‑Optika riedet tkun taf jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tawtorizza l-kummerċjalizzazzjoni ta’ lentijiet tal-kuntatt mill-ħwienet speċjalizzati fil-bejgħ ta’ apparat mediku biss u li konsegwentement, kienet tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom permezz tal-internet.

77.

F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li fil-kuntest ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ lentijiet tal-kuntatt permezz tal-internet, setgħet issir distinzjoni bejn żewġ elementi, jiġifieri l-att ta’ bejgħ innifsu u l-kunsinna tal-prodott. Wara li għamlet din id-distinzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja pproċediet bl-identifikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għal dawn iż-żewġ elementi tal-kummerċjalizzazzjoni. Imbagħad, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-kundizzjonijiet ta’ bejgħ innifishom jaqgħu taħt id-Direttiva 2000/31 ( 48 ), filwaqt li, fid-dawl tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “qasam ikkoordinat” li tinsab f’din id-direttiva, il-kundizzjonijiet ta’ kunsinna tal-prodott huma esklużi minnha ( 49 ) u għandhom jiġu evalwati fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju relatat mal-moviment liberu tal-merkanzija ( 50 ).

78.

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-kundizzjonijiet ta’ kunsinna introdotti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kienu jikkostitwixxu restrizzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija u li din ir-restrizzjoni ma setgħetx tiġi ġġustifikata għaliex kienet tmur lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan invokat insostenn tar-restrizzjoni li hija kienet tikkawża ( 51 ). Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ innifishom, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “[g]ħall-istess raġunijiet”, din il-leġiżlazzjoni, sa fejn kienet tinkludi projbizzjoni ta’ bejgħ ta’ lentijiet tal-kuntatt permezz tal-internet, ma setgħetx tiġi kkunsidrata proporzjonata fir-rigward tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31 ( 52 ). Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Artikoli 34 u 36 TFUE kif ukoll, mingħajr madankollu ma ċċitat id-dispożizzjonijiet speċifiċi tagħha, din id-direttiva jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza l-kummerċjalizzazzjoni ta’ lentijiet tal-kuntatt mill-ħwienet speċjalizzati f’apparat mediku biss ( 53 ).

79.

Issa, kif jirriżulta mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi ppreżentati f’dik il-kawża ( 54 ), il-leġiżlazzjoni Ungeriża li kienet tipprojbixxi l-bejgħ ta’ lentijiet tal-kuntatt permezz tal-internet kienet invokata kontra kumpannija rregolata mid-dritt Ungeriż. Għalhekk, din ma kinitx sitwazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, iżda tal-Artikolu 3(1) tagħha.

80.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riferiment għal din id-dispożizzjoni fis-sentenza Ker‑Optika ( 55 ) iwassal għal qari differenti. Fil-fatt, wieħed jista’ jaħseb, li bir-riferiment għall-imsemmija dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet iżżomm in-narrattiva adottata mill-qorti tal-Unjoni sabiex tevalwa l-kundizzjonijiet ta’ kunsinna fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt primarju relatat mal-moviment liberu tal-merkanzija, peress li dan kien applikabbli biss f’sitwazzjonijiet tal-inqas potenzjalment transkonfinali. Interpretazzjoni oħra possibbli hija li l-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-Direttiva 2000/31 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tawtorizzax il-kummerċjalizzazzjoni ta’ lentijiet tal-kuntatt online tirrigwarda l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, imsemmi wkoll f’din is-sentenza ( 56 ), li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistema legali tagħhom tagħmel possibbli l-konklużjoni ta’ kuntratti b’mezzi elettroniċi.

d) Fuq is‑sentenza Airbnb Ireland

81.

Kif tosserva l-qorti tar-rinviju, fis-sentenza Airbnb Ireland, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-kunċett ta’ “miżura” fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31. Fil-fatt, fid-dawl tal-assenza ta’ notifika mir-Repubblika Franċiża tal-liġi inkwistjoni f’dik il-kawża, meħtieġa fl-Artikolu 3(4)(b) ta’ din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat xieraq li tikkunsidra biss li din il-liġi ma setgħetx “fi kwalunkwe każ” tiġi applikata għal individwu “indipendentement mill-punt dwar jekk din il-liġi tissodisfax il-kundizzjonijiet l-oħra previsti f’din id-dispożizzjoni” ( 57 ).

e) Fuq is‑sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online)

82.

Id-domanda preliminari magħmula fil-kawża li tat lok għas-sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) kienet tirrigwarda l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizz ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali mhux suġġetti għall-preskrizzjoni medika għall-fornitur ta’ dan is-servizz stabbilit fi Stat Membru ieħor. Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tal-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Artikolu 34 TFUE, mal-Artikolu 85c tad-Direttiva 2001/83/KE ( 58 ) u/jew mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-domanda preliminari kellha tiġi analizzata mill-perspettiva ta’ din l-aħħar direttiva.

83.

Minkejja li l-qari ta’ din is-sentenza jista’ jagħti x’jifhem li, bis-saħħa tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, Stat Membru jista’ jidderoga mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi billi jadotta leġiżlazzjoni ġenerali u astratta, wieħed ma jistax jifhem ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala sentenza definittiva dwar il-mertu tal-kawża mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-proċedura preliminari u l-portata tad-domanda li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha. Fil-fatt, lill-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx magħmula domanda dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni setgħetx tikkostitwixxi “miżura” fis-sens tal-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva. B’mod parallel, f’dik il-kawża, ġie argumentat li din il-leġiżlazzjoni ma kinitx ġiet innotifikata b’konformità mal-Artikolu 3(4) tal-imsemmija direttiva. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għad-domanda preliminari billi ddeċidiet li kien hemm lok li tawtorizza l-applikazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni għal fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fid-dawl tal-preżunzjoni ta’ rilevanza li minnha jibbenefikaw domandi preliminari li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni ( 59 ).

84.

Dejjem f’dan il-kuntest, huwa sintomatiku li d-dispożittiv tas-sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) ma jirreferix għal dispożizzjoni speċifika tad-Direttiva 2000/31, minkejja l-fatt li d-domanda preliminari ssemmi l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva. Jista’ jkun iktar importanti l-fatt li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet ukoll għall-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva ( 60 ).

85.

F’dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni f’dik il-kawża u l-ġustifikazzjoni invokata insostenn tagħha jistgħu jagħtu x’jifhem li din il-leġiżlazzjoni kienet tinkludi, essenzjalment, regoli professjonali li jirrigwardaw l-ispiżjara u l-prattiki tajbin għad-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali minnhom. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/31 jipprevedi li “[l]-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-użu ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali li huma parti minn, jew li jikkostitwixxu, servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni provdut minn membru ta’ professjoni regolata ikun permissibbli suġġett għall-konformità mar-regoli professjonali li jirrigwardaw, partikolarment, l-independenza, id-dinjità u l-unur tal-professjoni, segretezza professjonali u ġustizzja lejn klijenti u membri oħra tal-professjoni”. Bħall-Artikoli 14 u 15 ta’ din id-direttiva, din id-dispożizzjoni ma tinsabx fil-Kapitolu I, li jinkludi l-Artikolu 3, iżda fil-Kapitolu II tagħha. Għalhekk, wieħed ma jistax jeskludi li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/31, bħall-Artikoli 14 u 15 tagħha ( 61 ), japplika wkoll għall-Istati Membri ta’ destinazzjoni li jiddeterminaw liema huma l-attivitajiet professjonali rregolati fl-ordinamenti ġuridiċi tagħhom u li għalhekk jistgħu jadottaw ċerti regoli dwar il-komunikazzjonijiet kummerċjali mwettqa minn membru ta’ professjoni rregolata, mingħajr ma jippreġudikaw il-mekkaniżmu tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.

86.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nżomm il-pożizzjoni li esponejt fil-punt 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

VI. Konklużjoni

87.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) kif ġej:

L-Artikolu 3(2) u (4) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi li Stat Membru jirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni minn Stati Membri oħra billi jadotta miżuri leġiżlattivi ta’ natura ġenerali u astratta li jirrigwardaw kategorija ta’ servizzi partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni, deskritta b’termini ġenerali, mingħajr ma dawn il-miżuri jittieħdu każ b’każ.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU 2022, L 277, p. 1).

( 3 ) Ara l-Artikolu 1 tad-Digital Services Act.

( 4 ) Għal deskrizzjoni ta’ dawn l-obbligi ara, b’mod partikolari, Wilman, F., “The Digital Services Act (DSA) – An Overview”, SSRN (papers.ssrn.com), tas‑27 ta’ Diċembru 2022, p. 7 et seq..

( 5 ) Ara l-Artikoli 92 u 93 tad-Digital Services Act.

( 6 ) Bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti mill-atti iktar speċifiċi li jirregolaw l-imsemmija aspetti, bħad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU 2011, L 335, p. 1, rettifika fil-ĠU 2012, L 18, p. 7) u r-Regolament (UE) 2021/784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2021 dwar l-indirizzar tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online (ĠU 2021, L 172, p. 79).

( 7 ) B’mod partikolari, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża li adottaw, rispettivament, in-Netzwerkdurchsetzungsgesetz (NetzDG) (il-Liġi dwar il-Kontroll tan-Netwerks Soċjali), tal‑1 ta’ Settembru 2017 (BGBl. 2017 I, p. 3352) u l-loi no 2020-766, du 24 juin 2020, visant à lutter contre les contenus haineux sur internet (il-Liġi Nru 2020‑766, tal‑24 ta’ Ġunju 2020, dwar il-Ġlieda Kontra l-Kontenut ta’ Mibegħda fuq l-Internet) (JORF Nru 0156 tal‑25 ta’ Ġunju 2020).

( 8 ) Il-Kummissjoni Ewropea indikat, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li din il-leġiżlazzjoni Awstrijaka tipprovdi obbligi sovrapposti għal dawk previsti mid-Digital Services Act.

( 9 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).

( 10 ) Ara l-Artikolu 2(3) tad-Digital Services Act. Barra minn hekk, minkejja li dan ir-regolament jarmonizza bis-sħiħ ċerti regoli applikabbli għas-servizzi intermedjarji fis-suq intern, madankollu, huwa ma jidhirx li jelimina l-fakultà li wieħed jidderoga mill-prinċipju ta’ pajjiż ta’ oriġini stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 għal dak li jirrigwarda l-aspetti li ma humiex is-suġġett ta’ regoli armonizzati. Ara l-premessa 9 tal-imsemmi regolament.

( 11 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015, L 241, p. 1). Qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2015/1535, l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31 kien jiddefinixxi s-“servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni” bħala s-“servizzi fil-qofol ta’ dak li jfisser l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva [98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337)]”. Wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2015/1535, din ir-referenza għandha tinftiehem, bis-saħħa tal-Artikolu 10 ta’ din, bħala li tirreferi għall-Artikolu 1(1)(b) tagħha.

( 12 ) BGBl. I, 151/2020.

( 13 ) Artikolu 14 tal-KoPl‑G.

( 14 ) L-Artikolu 1(3) tal-KoPl‑G ma huwiex iċċitat mill-qorti tar-rinviju. Essenzjalment, din id-dispożizzjoni teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi l-fornituri ta’ pjattaformi ta’ komunikazzjoni (1) li jservu biss għan-negozjar jew għall-bejgħ ta’ oġġetti jew ta’ servizzi, kif ukoll għan-negozjar ta’ proprjetà immobbli jew offerti ta’ impjiegi, (2) li l-għan prinċipali tagħhom huwa li jipprovdu servizzi mingħajr skop ta’ lukru u (3) proposti mill-impriżi tal-media.

( 15 ) Sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2010 (C‑108/09, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ker‑Optika, EU:C:2010:725).

( 16 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019 (C‑390/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Airbnb Ireland, EU:C:2019:1112).

( 17 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020 (C‑649/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online)”, EU:C:2020:764).

( 18 ) C‑390/18, EU:C:2019:336, punti 134 u 135.

( 19 ) Ara l-Artikolu 1 tal-KoPl‑G.

( 20 ) Ara l-Artikolu 3(1) u (4) tal-KoPl‑G.

( 21 ) Ara l-Artikolu 4(1) tal-KoPl‑G.

( 22 ) Ara l-Artikolu 5(1) u (4) tal-KoPl‑G.

( 23 ) Ara l-Artikolu 10 tal-KoPl‑G, li ma huwiex riprodott fit-talba għal deċiżjoni preliminari.

( 24 ) Sentenza Airbnb Ireland (punt 42).

( 25 ) L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 jipprevedi li “[m]eta servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jkun provdut li jikkonsisti fiż-żamma ta’ informazzjoni ipprovduta minn dak li jirċievi s-servizz, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni miżmuma fuq it-talba ta’ dak li jirċievi s-servizz, bil-kundizzjoni li: (a) dak li jipprovdi attwalment ma jkollux tagħrif ta’ attività jew informazzjoni illegali u, fir-rigward ta’ ħsarat, ma jkunx konxju tal-fatti jew taċ-ċirkostanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti; jew (b) dak li jipprovdi, malli jakkwista t-tagħrif jew meta jsir konxju, jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew iwaqqaf l-aċċess għall-informazzjoni”.

( 26 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando (C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punt 105).

( 27 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando (C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punti 131 u 133).

( 28 ) Barra minn hekk, l-Artikolu 6(4) tad-Digital Services Act, li jirriproduċi l-irwol tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2000/31, jindika biss li dan l-artikolu “ma għandux jaffettwa l-possibbiltà li awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, f’konformità mas-sistemi legali tal-Istati Membri, teżiġi li l-fornitur tas-servizz jittermina jew jipprevjeni xi ksur” (bħall-ewwel parti ta’ dan l-Artikolu 14(3)), mingħajr ma jirriproduċi t-tieni parti tal-imsemmi Artikolu 14(3) (riprodotta fil-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Issa, minn naħa, ir-regoli relatati mal-ordnijiet issa huma armonizzati minn dan ir-regolament, u min-naħa l-oħra, l-imsemmi regolament jistabbilixxi li l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti relatati magħhom japplikaw bla ħsara għad-dritt proċedurali ċivili. Ara l-Artikolu 9(6) u l-Artikolu 10(6) tal-istess regolament.

( 29 ) L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 jipprevedi li “[l]-Istati Membri m’għandhomx jimponu obbligu ġenerali fuq dawk li jipprovdu, meta jipprovdu s-servizzi koperti mill-Artikoli 12, 13 u 14, li jagħmlu monitoraġġ ta’ l-informazzjoni li huma jittrasmettu jew iżommu, l-anqas obbligu ġenerali biex ikunu mfittxija fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali”. L-Artikolu 15(2) ta’ din id-direttiva jżid li “[l]-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu obbligi għal dawk li jipprovdu servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, li malajr kemm jista’ jkun jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti pubbliċi dwar l-allegati attivitajiet illegali jew informazzjoni provduta minn dawk li jirċievu s-servizz tagħhom, jew obbligi li jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti, fuq talba tagħhom stess, informazzjoni li tiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ dawk li jirċievu s-servizz tagħhom li magħhom ikollhom ftehim għaż-żamma”.

( 30 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Glawischnig‑Piesczek (C‑18/18, EU:C:2019:821, punt 35), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja indikat li “[t]ali każ speċifiku jista’ fost oħrajn joriġina, bħal fil-kawża prinċipali, minn informazzjoni preċiża, maħżuna mill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikkonċernat fuq talba ta’ ċertu utent tan-newterk soċjali tiegħu, li l-kontenut tagħha jkun ġie analizza u evalwat minn qorti kompetenti tal-Istat Membru li, wara li jkun analizzaha, jiddikjaraha illegali”.

( 31 ) Punt 42 ta’ din is-sentenza.

( 32 ) Ara f’dan is-sens, sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (punt 34). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża LEA (C‑10/22, EU:C:2023:437, punt 84).

( 33 ) Punt 64 ta’ din is-sentenza.

( 34 ) Sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (punt 62). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Airbnb Ireland (punit 81 u 82).

( 35 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, eData Advertisig et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punti 67 u 68).

( 36 ) Ara l-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll il-premessa 38 tad-Digital Services Act.

( 37 ) C‑390/18, EU:C:2019:336, punt 135.

( 38 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Airbnb Ireland (C‑390/18, EU:C:2019:336, punti 123 sa 125).

( 39 ) C‑390/18, EU:C:2019:336, punt 135.

( 40 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punt 64).

( 41 ) Ara l-premessa 24 tad-Direttiva 2000/31.

( 42 ) Ara l-premessa 22 tad-Direttiva 2000/31.

( 43 ) Ara l-Artikolu 1(1)(e) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/1535. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tindika li l-KoPl‑G kienet innotifikata lilha mhux skont id-Direttiva 2000/31 iżda d-Direttiva 2015/1535, mingħajr madankollu ma eskludiet li Stat Membru jista’, permezz ta’ notifika waħda, jissodisfa l-obbligi previsti minn dawn iż-żewġ direttivi.

( 44 ) Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-suq intern, COM(1998) 586 final, p. 34.

( 45 ) Ara b’mod partikolari, Crabit, E., “La directive sur le commerce électronique: le projet ‘Méditerranée’”, Revue du droit de l’Union européenne, 2000, Nru 4, p. 749 u b’mod partikolari, p. 762 u 792; Drexl, J., “Mondialisation et société de l’information. Le commerce électronique et la protection des consommateurs”, Revue internationael de droit économique, 2002, Nri 2‑3, p. 405 u b’mod partikolari, p. 432 (“[l’État membre de destination peut] prendre des mesures individuelles”); Gkoutzinis, A., Internet Banking and the Law in Europe: Regulation, Financial Integration and Electronic Commerce, Cambridge University Press, Cambridge-New York, 2006, p. 283, u Schulz, W., “Regulating Intermediaries to Protect Privacy Online - the Case of the German NetzDG”, HIIG Discussion Paper Series, 2018, p. 7 (“exemption clause of art. 3 sec. 4 e-Commerce Directive [is] restricted to individual cases and does not allow members states to apply their jurisdiction all together ‘through the backdoor’”).

( 46 ) Ara Holznagel, D., “Platform Liability for Hate Speech & the Country of Origin Principle: Too Much Internal Market?”, Computer Law Review International, 2020, vol. 4, p. 107.

( 47 ) Punt 76 ta’ din is-sentenza.

( 48 ) Sentenza Ker‑Optika (punt 28).

( 49 ) Sentenza Ker‑Optika (punt 31).

( 50 ) Sentenza Ker‑Optika (punt 41).

( 51 ) Sentenza Ker‑Optika (punt 75).

( 52 ) Sentenza Ker‑Optika (punt 76).

( 53 ) Sentenza Ker‑Optika (punt 78).

( 54 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Ker‑Optika (C‑108/09, EU:C:2010:341, punt 21).

( 55 ) Punt 76 ta’ din is-sentenza.

( 56 ) Sentenza Ker‑Optika (punt 26).

( 57 ) Sentenza Airbnb Ireland (punt 99).

( 58 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69), kif emendata permezz tad-Direttiva 2004/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 262).

( 59 ) Ara s-sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (punti 41 u 44).

( 60 ) Ara s-sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (punt 66).

( 61 ) Ara l-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

Top