Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0271

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali T. Ćapeta, ippreżentati fit-23 ta’ Marzu 2023.


    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:243

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

    ĆAPETA

    ippreżentati fit‑23 ta’ Marzu 2023 ( 1 )

    Kawżi magħquda C‑271/22 sa C‑275/22

    XT (C‑271/22)

    KH (C‑272/22)

    BX (C‑273/22)

    FH (C‑274/22)

    NW (C‑275/22)

    vs

    Keolis Agen SARL,

    intervenjenti fil-kawża:

    Syndicat national des transports urbains SNTU-CFDT

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil de Prud’hommes d’Agen (il-Qorti Industrijali ta’ Agen, Franza))

    “Talba għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 31(2) – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7 – Jekk jistax jiġi invokat f’tilwima bejn individwi – Dritt għal leave annwali mħallas – Trasferiment ’il quddiem ta’ leave annwali mħallas minħabba mard fit-tul – Ġurisprudenza nazzjonali li tippermetti trasferiment ’il quddiem ta’ leave mingħajr ebda terminu”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Jista’ ħaddiem jakkumula jiem mhux utilizzati ta’ leave annwali mħallas mingħajr limitu ta’ żmien, jew l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol ( 2 ) jeħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu għal perijodi limitati ta’ trasferiment ’il quddiem? Fl-affermattiv, x’inhu tul raġonevoli għal perijodu bħal dan?

    2.

    Dawn huma l-kwistjonijiet prinċipali mqajma mill-qorti tar-rinviju, il-Conseil des Prud’hommes d’Agen (il-Qorti Industrijali ta’ Agen, Franza). Barra minn hekk, din il-qorti titlob li jiġi ċċarat l-effett dirett tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol f’sitwazzjonijiet orizzontali, peress li l-konvenuta fil-kawża prinċipali hija operatur privat li tmexxi network ta’ trasport pubbliku.

    3.

    Din il-kawża tirriżulta minn numru ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari magħmula fil-kuntest ta’ ħames tilwimiet quddiem il-qorti tar-rinviju. Dawn it-tilwimiet kollha jikkonċernaw ħaddiema li huma jew kienu impjegati ta’ Keolis Agen SARL, il-kumpannija li tmexxi n-network tat-trasport bil-karozza tal-linja għaż-żona urbana ta’ Agen (Franza). Dawn il-ħaddiema talbu lil min jimpjegahom jirrikonoxxi d-drittijiet tagħhom għal-leave annwali mħallas, li huma ma setgħux jutilizzaw matul is-sena ta’ riferiment li fiha nkisbu dawn id-drittijiet u ressqu tilwimiet quddiem il-qorti tar-rinviju meta min jimpjegahom ċaħad dawn it-talbiet. Organizzazzjoni sindakali, is-Syndicat national des transports urbains SNTU-CFDT, qiegħda tintervjeni f’dawn il-proċeduri b’appoġġ għall-ħaddiema.

    II. It‑tilwima fil‑kawża prinċipali, id‑domanda preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

    4.

    Keolis Agen hija kumpannija rregolata mid-dritt privat li tipprovdi servizz ta’ trasport pubbliku urban ta’ passiġġieri bil-karozza tal-linja. Il-ħames rikorrenti li qegħdin ifittxu lil din il-kumpannija quddiem il-qorti tar-rinviju huma, jew kienu, ħaddiema tagħha.

    5.

    Matul il-kors tal-kuntratti ta’ impjieg rispettivi tagħhom, ir-rikorrenti kollha kienu suġġetti għal perijodi estiżi ta’ leave tal-mard ( 3 ). Wara li rritornaw għax-xogħol jew wara t-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ impjieg tagħhom minħabba inkapaċità li jkomplu jaħdmu, ir-rikorrenti talbu li Keolis Agen jew tippermettilhom jutilizzaw il-ġranet ta’ leave annwali li minnhom ġew imċaħħda matul il-perijodi ta’ mard tagħhom jew, fejn il-kuntratti ta’ impjieg ġew itterminati, minflok ittihom allowances.

    6.

    Keolis Agen ċaħdet dawn it-talbiet. Fuq il-bażi tal-Kodiċi tax-Xogħol Franċiż ( 4 ), hija qieset li r-rikorrenti ma kinux intitolati għal-leave annwali fejn l-assenza mix-xogħol damet għal iktar minn sena minħabba mard mhux ikkaġunat mix-xogħol. Fil-fehma tagħha, din il-liġi nazzjonali ma setgħetx tiġi annullata anki jekk mhux konformi mal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, peress li din id-direttiva ma toħloqx obbligi għall-partijiet privati.

    7.

    Keolis Agen issostni li minħabba l-liberalizzazzjoni tas-servizzi tat-trasport fi Franza ( 5 ), id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol ma tistax tiġi invokata kontriha. Anki jekk hija involuta fin-negozju li jipprovdi trasport pubbliku, il-kapaċità tal-ħaddiema li jistrieħu direttament fuq id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol tpoġġiha f’pożizzjoni kompetittiva agħar meta mqabbla ma’ kumpanniji privati oħra li jibqgħu suġġetti għal-liġi Franċiża u mhux għal dik id-Direttiva.

    8.

    Ir-rikorrenti jqisu li jistgħu jinvokaw l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol u l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kontra l-persuna li timpjegahom u li dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea jipprovdu għad-drittijiet tagħhom għal-leave annwali anki matul perijodi ta’ mard fit-tul. Id-dritt Franċiż li jipprovdi b’mod kuntrarju għandu, għalhekk, jitwarrab.

    9.

    Il-kwistjoni dwar l-effett dirett tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol fil-kawża inkwistjoni wasslet għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju.

    10.

    It-tieni u t-tielet domanda jsiru rilevanti jekk ir-rikorrenti jkunu intitolati għal leave annwali mħallas fir-rigward tas-snin ta’ riferiment li fihom kienu fuq leave tal-mard. Dawn id-domandi jqumu peress li, skont il-qorti tar-rinviju, id-dritt Franċiż ma jirregolax il-perijodi ta’ trasferiment ’il quddiem tal-leave annwali mhux utilizzat; ma jispeċifikax jekk tali dritt jeżistix jew le. Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-partijiet jirriżulta li l-ogħla żewġ qrati Franċiżi żviluppaw pożizzjonijiet kunfliġġenti rigward din il-kwistjoni. Minn naħa, il-ġurisprudenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza ( 6 )) tissuġġerixxi li ma jeżisti l-ebda limitu taħt id-dritt Franċiż għat-trasferiment ’il quddiem ta’ drittijiet għal-leave annwali mhux utilizzat. Min-naħa l-oħra, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) jidher li jqis li d-dritt għal-leave annwali mhux utilizzat jiskadi 15-il xahar wara t-tmiem tas-sena ta’ riferiment li fiha jkun inħoloq id-dritt għal dan il-leave annwali mħallas ( 7 ). Dan l-aħħar raġunament jidher li jsegwi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li fiha qieset perijodu ta’ 15-il xahar bħala li ma jmurx kontra d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol ( 8 ).

    11.

    Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jinkludix rekwiżit li jkun jeżisti perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem. Jekk dan ikun il-każ, hija tistaqsi wkoll x’jikkostitwixxi “perijodu raġonevoli”, li fit-tmiem tiegħu jiskadi d-dritt għal-leave annwali. F’dan ir-rigward, hija tispjega li t-talbiet għal-leave annwali mhux utilizzat fil-każ inkwistjoni kienu kollha tressqu inqas minn 15-il xahar wara t-tmiem tal-perijodu ta’ riferiment li matulu nħolqu tali drittijiet.

    12.

    Keolis Agen talbet lill-qorti tar-rinviju tagħmel id-domandi kkontestati lill-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-rikorrenti kkunsidraw dan ir-rinviju bħala mhux meħtieġ u opponew din it-talba.

    13.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil de prud’hommes d’Agen (il-Qorti Industrijali, Agen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari (id-domandi huma identiċi fil-ħames kawżi magħquda):

    “(1)

    L-Artikolu 7(1) tad-[Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa direttament applikabbli fir-relazzjonijiet bejn operatur privat tat-trasport, li għandu delega ta’ servizz pubbliku waħda biss, u l-impjegati tiegħu, b’mod partikolari fid-dawl tal-liberalizzazzjoni tas-settur tat-trasport ferrovjarju ta’ passiġġieri?

    (2)

    Liema huwa t-tul raġonevoli ta’ trasferiment ’il quddiem tal-erba’ ġimgħat ta’ leave imħallas miksub, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-[Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol], meta l-perijodu li fih jistgħu jiġu akkumulati d-drittijiet ta’ leave imħallas huwa ta’ sena?

    (3)

    L-applikazzjoni ta’ terminu ta’ trasferiment ’il quddiem illimitat fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni nazzjonali, leġiżlattiva jew li tirriżulta minn ftehim, li tkopri l-imsemmi trasferiment ’il quddiem, hija kuntrarja għall-Artikolu 7(1) tad-[Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol]?”

    14.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u mis-Syndicat national des transports urbains SNTU-CFDT (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rikorrenti”), minn Keolis Agen, mill-Gvern Franċiż u mill-Kummissjoni Ewropea. Ma saret ebda seduta.

    III. Analiżi

    15.

    F’dawn l-aħħar snin, kien hemm żieda fin-numru ta’ kawżi relatati mal-leave annwali mħallas li waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 9 ).

    16.

    Ir-rinviju preżenti joffri lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità oħra biex tikkontribwixxi għal fehim aħjar tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, u tibni fuq il-ġurisprudenza eżistenti tagħha dwar il-kwistjoni.

    17.

    Id-domandi preliminari jistgħu jinqasmu f’żewġ partijiet: l-ewwel domanda relatata mal-kunċett stabbilit sew tal-effett dirett tad-direttivi (A), u t-tieni u t-tielet domanda, li ser nindirizza flimkien, li jikkonċernaw il-perijodi ta’ trasferiment ’il quddiem fir-rigward ta’ leave annwali mħallas (B).

    A.   Dwar l‑effett dirett tad‑Direttiva dwar il‑Ħin tax‑Xogħol f’sitwazzjonijiet orizzontali

    18.

    Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-Kodiċi tax-Xogħol Franċiż jipprevjeni li ħaddiem fuq leave tal-mard għal perijodu ta’ iktar minn sena u mhux relatat max-xogħol milli jakkwista dritt għal-leave annwali ( 10 ).

    19.

    Din il-liġi nazzjonali tikkuntrasta mal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dan kien jirriżulta b’mod ċar mis-sentenza Dominguez ( 11 ).

    20.

    F’din il-kawża, li nibtet mill-applikazzjoni tal-istess liġi Franċiża, il-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-ġurisprudenza preċedenti tagħha ( 12 ), iddeċidiet li d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol ma tippermettix li d-dritt għal-leave annwali mħallas jiġi ssuġġettat għall-kundizzjoni li l-ħaddiem ikun effettivament ħadem. L-ebda ħaddiem, kemm jekk ikunu bil-leave tal-mard matul il-perijodu ta’ riferiment minħabba inċident li jkun seħħ fuq il-post tax-xogħol jew f’xi post ieħor, jew minħabba mard ta’ kwalunkwe natura jew oriġini li jkun, ma jista’ jiġi mċaħħad mid-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat ( 13 ).

    21.

    Fil-qosor, id-dritt għal-leave annwali mħallas jirriżulta mir-relazzjoni ta’ impjieg u ma jistax jiġi suġġett għal kundizzjonijiet. L-Istati Membri jistgħu jimponu l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali mħallas, iżda ma jistgħux jagħmlu l-eżistenza tiegħu suġġetta għal kundizzjonijiet inkluż l-obbligu li l-ħaddiem effettivament ikun ħadem ( 14 ).

    22.

    Għaldaqstant, mill-ġurisprudenza preċedenti jirriżulta li, direttament abbażi tal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, ir-rikorrenti kisbu drittijiet għal-leave annwali mħallas matul is-snin li fihom kienu fuq leave tal-mard.

    23.

    Il-konvenuta ma tiċħadx u ma tipprovax tbiddel din l-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol. Madankollu, hija targumenta li din id-direttiva ma tistax tiġi applikata għall-kawża inkwistjoni sabiex toħloq obbligu għaliha, peress li l-konvenuta hija kumpannija rregolata mid-dritt privat.

    24.

    Inxterdet ħafna linka fl-osservazzjonijiet tal-partijiet dwar jekk il-konvenuta hija jew ma hijiex “emanazzjoni tal-Istat” ( 15 ) fis-sens tal-ġurisprudenza dwar l-effett dirett vertikali tad-direttivi ( 16 ), u għaldaqstant jekk is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali għandhiex tiġi kkwalifikata bħala orizzontali (fil-fehma tal-konvenuta) jew vertikali (fil-fehma tar-rikorrenti).

    25.

    Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, din il-kwalifika hija, madankollu, irrilevanti. Dan minħabba r-raġunijiet li ġejjin.

    26.

    Fis-sentenza Dominguez, il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet il-pożizzjoni tagħha li direttivi ma jistgħux fihom infushom joħolqu obbligi fil-konfront ta’ individwi ( 17 ). Madankollu, linja oħra ta’ ġurisprudenza ssostni li l-prinċipji ġenerali tad-dritt, illum ikkodifikati fil-Karta, jistgħu huma stess ikollhom effett dirett, inkluż f’sitwazzjonijiet orizzontali. Meta prinċipju ġenerali b’effett dirett huwa sempliċement espress fid-direttiva u mhux stabbilit minnha, il-partijiet jiksbu d-drittijiet tagħhom direttament minn dak il-prinċipju ( 18 ).

    27.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet f’diversi okkażjonijiet li d-dritt ta’ kull ħaddiem għal-leave annwali mħallas “għandu jitqies li huwa prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni ta’ importanza partikolari, li minnu ma tistax issir deroga” ( 19 ). Dan id-dritt illum il-ġurnata huwa wkoll minqux fl-Artikolu 31(2) tal-Karta.

    28.

    Fis-sentenza Max-Planck-Gesellschaft, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Artikolu 31(2) tal-Karta huwa biżżejjed fih innifsu biex jagħti direttament lill-ħaddiema dritt għal-leave annwali mħallas li jistgħu jinvokaw f’tilwimiet bejnhom u min jimpjegahom, kemm jekk ikunu entitajiet privati jew pubbliċi ( 20 ). Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Artikolu 31(2) tal-Karta stess għandu effett dirett, inkluż f’sitwazzjonijiet orizzontali.

    29.

    Id-dritt għal-leave annwali mħallas għalhekk ma ġiex maħluq, iżda ġie biss espress, fl-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol. Għaldaqstant, huwa irrilevanti li d-direttivi huma mċaħħda mill-effett dirett orizzontali, peress li r-rikorrenti jistgħu jinvokaw direttament l-Artikolu 31(2) tal-Karta ( 21 ). Il-qrati nazzjonali konsegwentement għandhom l-obbligu li jwarrbu kwalunkwe regola kuntrarja tad-dritt nazzjonali fir-riżoluzzjoni ta’ tilwima li taqa’ fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni.

    30.

    Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju fis-sens li l-Artikolu 31(2) tal-Karta, kif espress konkretament fl-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, jinvolvi d-dritt għal leave annwali mħallas għal kull ħaddiem li huma jistgħu jinvokaw f’tilwimiet ma’ min jimpjegahom jew ma’ min kien jimpjegahom, kemm jekk dawn ikunu entitajiet privati jew pubbliċi.

    B.   Dwar perijodi ta’ trasferiment ’il quddiem

    31.

    Il-qorti tar-rinviju tqis li, b’teħid inkunsiderazzjoni tas-sentenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) ( 22 ), id-dritt Franċiż ma jispeċifikax it-tul tal-perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem tal-leave annwali mħallas. Għalhekk, hija tqis li jiem ta’ leave annwali mhux utilizzati jistgħu jiġu akkumulati b’mod indefinit. Il-Gvern Franċiż jikkontesta din l-interpretazzjoni tal-konsegwenzi tal-ġurisprudenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni). Dan il-gvern iqis li d-dispożizzjoni ġenerali li timponi perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin sabiex jitressqu talbiet relatati max-xogħol ( 23 ), twassal ukoll għal limitazzjoni ta’ perijodi ta’ trasferiment ’il quddiem. Fl-istess waqt, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża KHS, il-Conseil d’Etat (il-Kunsill tal-Istat) iqis li l-limitu fuq il-perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem jista’ jiġi stabbilit għal 15-il xahar ( 24 ).

    32.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex responsabbli, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, li tiddeċiedi differenzi fl-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali jew li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mogħtija mill-qorti nazzjonali hijiex korretta. Konformement mat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi preliminari, kif iddefinit fid-deċiżjoni tar-rinviju ( 25 ).

    33.

    Il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tiskatta l-proċedura għal deċiżjoni preliminari f’sitwazzjoni fejn id-dritt Franċiż ma jimponi ebda limitazzjoni fiż-żmien li twassal għall-iskadenza tad-drittijiet għal-leave annwali. Il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta jekk din il-liġi nazzjonali tissodisfax ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol.

    34.

    Keolis Agen hija tal-fehma li l-possibbiltà li jiġi akkumulat il-leave annwali u li jintuża iktar tard ma tissodisfax l-għan tal-leave annwali. Hija tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-leave annwali għandu għan doppju: li jippermetti l-mistrieħ mix-xogħol u, fl-istess ħin, jippermetti t-tgawdija ta’ perijodu ta’ serħan u ta’ delizzji ( 26 ). Hija tiċċita s-sentenza KHS, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li meta jinqabeż ċertu limitu ta’ żmien, il-leave annwali ma jibqax ikollu effett pożittiv għall-ħaddiem bħala perijodu ta’ mistrieħ u jsir sempliċement perijodu ta’ serħan u ta’ delizzji ( 27 ).

    35.

    F’dan id-dawl, permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tipprova tivverifika jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi liġi nazzjonali li tippermetti perijodi illimitati ta’ trasferiment ’il quddiem fir-rigward ta’ leave annwali mħallas mhux utilizzat. Jekk, bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, il-liġi nazzjonali għandha tipprovdi għal perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wara kemm ikun raġonevoli li d-dritt għal-leave annwali jitħalla jiskadi.

    1. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jirregola l-perijodi ta’ trasferiment ’il quddiem

    36.

    Biex inwieġeb għall-mistoqsija dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jeħtieġx li d-drittijiet għal-leave annwali jiġu preskritti bl-introduzzjoni ta’ perijodi ta’ trasferiment ’il quddiem raġonevoli, ser nibda billi nippożizzjona d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol fis-sistema tat-Trattati.

    37.

    Din id-direttiva ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 153(2) TFUE (l-Artikolu 137(2) KE fiż-żmien tal-adozzjoni), taħt it-titolu tat-Trattat iddedikat għall-politika soċjali. Din id-dispożizzjoni tagħti s-setgħa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jadottaw miżuri li jsostnu u jikkumplimentaw l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-politika soċjali. Fost id-diversi oqsma elenkati fl-Artikolu 153(1) TFUE (li kien l-Artikolu 137(1) KE), hemm il-ħarsien tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema. Id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol tassew tirreferi għal tali materji fil-preambolu tagħha ( 28 ).

    38.

    Bis-saħħa tal-Artikolu 4(2)(b) TFUE, il-politika soċjali hija waħda mill-oqsma ta’ kompetenza kondiviża. Anki jekk l-Artikolu 153 TFUE jippermetti lill-Unjoni taġixxi sabiex “[i]ssostni u tikkomplementa” l-politiki soċjali tal-Istati Membri, fil-fehma tiegħi dan ma jeskludix li jsiru ċerti għażliet regolatorji fil-livell tal-Unjoni u b’hekk jiġu armonizzati l-liġijiet nazzjonali ( 29 ). Madankollu, il-leġiżlazzjoni fil-livell tal-Unjoni għandha tkun iġġustifikata fid-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

    39.

    Mill-kliem tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol ma jirriżultax li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jirregola l-perijodi ta’ trasferiment ’il quddiem. Reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat din il-pożizzjoni fis-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, LB (Preskrizzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas) ( 30 ).

    40.

    Peress li l-politika soċjali hija qasam ta’ kompetenza kondiviża u fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar perijodi limitati ta’ trasferiment ’il quddiem, is-setgħa li jiġu introdotti jew le perijodi limitati ta’ trasferiment ’il quddiem tibqa’ f’idejn l-Istati Membri ( 31 ).

    2. Kundizzjonijiet biex jiġi stabbilit vs kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dritt għal leave annwali mħallas

    41.

    Il-konklużjoni preċedenti hija wkoll konsistenti mal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Istati Membri huma liberi li jirregolaw il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali. Għalkemm taħt id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, l-Istati Membri ma jistgħux jimponu kundizzjonijiet li d-dritt għal-leave annwali mħallas ikun suġġett għalihom ( 32 ), huma jistgħu jimponu kundizzjonijiet li taħthom jiġi eżerċitat dak id-dritt ( 33 ).

    42.

    Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali Trstenjak ( 34 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tqis il-kwistjoni tat-trasferibbiltà tad-dritt għal-leave annwali mħallas bħala modalità ta’ applikazzjoni. Għalhekk, id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol tħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddeterminaw dawn il-kundizzjonijiet.

    43.

    L-Istati Membri huma għalhekk liberi li jagħżlu jekk jimponux termini li warajhom jiskadi d-dritt miksub għal-leave annwali, jew jekk jippermettux l-akkumulazzjoni tad-drittijiet mhux utilizzati sat-tmiem tal-karriera ta’ ħaddiem partikolari.

    44.

    Meta Stat Membru jiddeċiedi li jimponi limiti fuq perijodi ta’ trasferiment ’il quddiem, id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol timponi biss l-obbligu li l-limitu magħżul ma jaffettwax l-eżistenza stess tad-dritt għal-leave annwali mħallas, kif jirriżulta mill-Karta u kif inhu espress f’dik id-direttiva ( 35 ). Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata biex tiddetermina jekk it-terminu jikkonformax mad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiffissa t-terminu xieraq.

    45.

    Jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprovdi l-ebda limitazzjoni fuq il-perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem fir-rigward ta’ leave annwali mħallas mhux utilizzat, dan ma jistax ikun kunfliġġenti mad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, peress li din id-direttiva ma teħtieġx li jiġi stabbilit limitu fuq il-perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem.

    3. Xi ngħidu dwar l-għan tal-leave annwali mħallas?

    46.

    Fil-fehma tiegħi, il-kunsiderazzjoni li d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol ma teħtieġx l-iffissar ta’ limitu fuq il-perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem ma hijiex ikkontestata b’argument ieħor, li joriġina f’obiter dictum fis-sentenza KHS, li skontha kumulu illimitat ta’ drittijiet għal leave-annwali mħallas ma jibqax jirrifletti iktar l-għan stess tad-dritt għal-leave annwali mħallas ( 36 ).

    47.

    Diġà spjegajt preċedentement li kien l-argument prinċipali invokat mill-konvenuta ( 37 ), li fittex li jipperswadi lill-qorti tar-rinviju li, fl-assenza ta’ terminu għall-perijodi ta’ trasferiment ’il quddiem impost mil-liġi, jeħtieġ li dan il-limitu jiġi impost mill-qrati.

    48.

    Il-Gvern Franċiż jargumenta fl-osservazzjonijiet tiegħu favur tul raġonevoli tal-perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem ( 38 ).

    49.

    Fil-fehma tiegħi, l-obiter dictum minn KHS ( 39 ) ma jistabbilixxix regola. Dan sempliċement jispjega għaliex huwa miftiehem u aċċettabbli li Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jimponi limitu.

    50.

    Għalhekk, fil-fehma tiegħi jkun żbaljat li minn dan l-obiter dictum tal-Qorti tal-Ġustizzja niddeduċi kwalunkwe obbligu regolatorju għall-Istati Membri li jistabbilixxu perijodu massimu li matulu għandhom jintużaw il-ġranet ta’ leave annwali mħallas mhux utilizzat.

    51.

    Id-dritt tal-Unjoni, kif inhu llum, la jeħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu terminu għall-perijodi ta’ trasferiment ’il quddiem u lanqas ma jipprojbixxihom milli jagħmlu dan. Huwa jħalli dan f’idejn l-għażliet ta’ politika tal-Istati Membri.

    52.

    Fir-rigward tal-istedina ta’ Keolis Agen lill-qrati nazzjonali sabiex jippromulgaw tali regola, ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tindaħal fit-tqassim tas-setgħat stabbilit mis-sistemi kostituzzjonali ta’ Stat Membru partikolari ( 40 ).

    53.

    Madankollu, jeħtieġ li jerġa’ jingħad li d-dritt tal-Unjoni, kif inhu attwalment, ma jimponi l-ebda obbligu fuq l-Istati Membri, kemm jekk dan jikkonċerna korpi leġiżlattivi jew qrati, li jipprevedu terminu għall-perijodi ta’ trasferiment ’il quddiem fir-rigward ta’ leave annwali mhux utilizzat.

    4. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-tul tal-perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem

    54.

    Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġu ttrattati l-allegazzjonijiet, primarjament imqajma mill-konvenuta, li l-perijodu xieraq ta’ trasferiment ’il quddiem huwa ta’ 15 jew 18-il xahar wara t-tmiem tat-terminu ta’ riferiment li fih ikun inkiseb id-dritt għal-leave annwali.

    55.

    Dawn iċ-ċifri jirriżultaw mill-kombinazzjoni tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, Neidel, li perijodu ta’ disa’ xhur huwa qasir wisq ( 41 ), u fis-sentenza KHS, li perijodu ta’ 15-il xahar huwa aċċettabbli ( 42 ). Perijodu ta’ 18-il xahar jissemma fl-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Leave Annwali Mħallas (Riveduta), 1970 (Nru 132), li hija stess tissemma fil-premessa 6 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol.

    56.

    Fl-evalwazzjoni dwar jekk il-perijodi stabbiliti mil-liġijiet nazzjonali kinux xierqa, il-Qorti tal-Ġustizzja eżerċitat il-ġurisdizzjoni tagħha biex teżamina jekk il-kundizzjonijiet imposti mil-liġi nazzjonali affettwawx l-eżistenza tad-dritt għal-leave annwali ( 43 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilixxietx il-limitu xieraq, u lanqas ma tista’ tagħmel dan. Għalhekk, meta ddikjarat fis-sentenza KHS li 15-il xahar jidher li huwa ammont ta’ żmien aċċettabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilixxietx regola ta’ 15-il xahar taħt id-dritt tal-Unjoni. Hija sempliċement ikkonfermat li tali regola nazzjonali, ir-riżultat ta’ għażla fil-livell nazzjonali, ma kinitx f’kunflitt mal-eżistenza stess tad-dritt għal-leave annwali mħallas.

    57.

    Rigward il-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Leave Annwali Mħallas (Riveduta), 1970 (Nru 132), huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja xi daqqiet irreferiet għal strumenti tal-ILO ( 44 ). Madankollu huwa importanti li ssir distinzjoni bejn konvenzjonijiet bħal dawk imsemmija fid-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol ( 45 ), li għalihom l-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma partijiet, u strumenti oħra, bħall-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Leave Imħallas, li 14-il Stat Membru tal-Unjoni biss irratifikaw. Tali distinzjoni hija partikolarment sinjifikattiva fil-kuntest ta’ din il-kawża, peress li Franza ma rratifikatx din il-konvenzjoni. Anki kieku rratifikatha, il-limitu ta’ 18-il xahar stabbilit minn dik il-konvenzjoni jorbot lill-membri tagħha bħala kwistjoni ta’ dritt kostituzzjonali internazzjonali jew domestiku, iżda mhux bħala kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni ( 46 ).

    58.

    Għalhekk, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, ma hemm l-ebda limitu ta’ żmien stabbilit dwar perijodi ta’ trasferiment ’il quddiem possibbli tal-leave annwali mħallas mhux utilizzat. Dan huwa biss loġiku meta wieħed iqis li d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol ma tipprevjenix lill-Istati Membri ( 47 ) milli jippermettu li l-leave annwali mhux utilizzat jakkumula mingħajr ebda data ta’ skadenza.

    59.

    Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax twieġeb liema terminu huwa limitu raġonevoli, peress li tali għażla titħalla f’idejn l-Istati Membri. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tivverifika jekk l-għażla magħmula tfixkilx l-eżistenza tad-dritt għal-leave annwali mħallas jew le.

    60.

    Jiena, għalhekk, nipproponi li, b’risposta għat-tieni u għat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol ma jipprekludix liġi nazzjonali li tippermetti l-akkumulazzjoni ta’ leave annwali mħallas mhux utilizzat billi ma tistabbilixxix terminu fuq il-perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem fir-rigward ta’ dak il-leave, u lanqas ma tistabbilixxi t-tul ta’perijodu raġonevoli ta’ trasferiment ’il quddiem.

    IV. Konklużjoni

    61.

    Fid-dawl ta’ daq li ntqal, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Conseil des Prud’hommes d’Agen (il-Qorti Industrijali, Agen, Franza) kif ġej:

    1)

    l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif espress konkretament fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol,

    jinvolvi d-dritt għal leave annwali mħallas għal kull ħaddiem li huma jistgħu jinvokaw f’tilwimiet ma’ min jimpjegahom jew ma’ min kien jimpjegahom, kemm jekk dawn ikunu entitajiet privati jew pubbliċi,

    (2)

    L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88

    ma jipprekludix liġi nazzjonali li tippermetti l-akkumulazzjoni ta’ leave annwali mħallas mhux utilizzat billi ma tistabbilixxix terminu fuq il-perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem fir-rigward ta’ dak il-leave, u lanqas ma tistabbilixxi t-tul ta’perijodu raġonevoli ta’ trasferiment ’il quddiem.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol”).

    ( 3 ) Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li dawn il-perijodi ta’ leave tal-mard kienu, fil-Kawża C‑271/22, mid‑9/01/2017 sal‑31/10/2018; fil-Kawża C‑272/22, 60 jum fl‑2016, l‑2017 kollha u 236 jum fl‑2018; fil-Kawża C‑273/22, mid‑9/01/2017 sal‑31/10/2018; fil-Kawża C‑274/22, 105 jum fl‑2017 u 308 jum fl‑2018; u fil-Kawża C‑275/22, 84 jum fl‑2017, 355 jum fl‑2018 u 308 jum fl2019.

    ( 4 ) Il-konvenuta tinvoka, f’dan ir-rigward, l-Artikolu L. 3141-5 tal-Kodiċi tax-Xogħol Franċiż, li jgħid:

    “Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala perijodi ta’ xogħol attwali għall-finijiet ta’ determinazzjoni tat-tul tal-leave: […]

    5. Perijodi ta’ tul mhux interrott li ma jaqbiżx sena, li matulhom l-eżekuzzjoni tal-kuntratt tax-xogħol tiġi sospiża minħabba inċident fuq ix-xogħol jew marda kkaġunata mix-xogħol”.

    ( 5 ) Mill-informazzjoni kollha disponibbli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Keolis Agen hija membru tal-grupp Keolis, li jappartjeni għall-kostellazzjoni ta’ kumpanniji fi ħdan il-cluster SNCF, l-operatur attwali tas-settur ferrovjarju fi Franza. Jekk Keolis tidher li hija involuta wkoll f’dan l-aħħar settur, huwa paċifiku li, fil-kawża prinċipali, Keolis Agen topera biss karozzi tal-linji u toffri servizz ta’ roti.

    ( 6 ) Cour de Cassation (Social) (il-Qorti tal-Kassazzjoni (Soċjali)), 21 ta’ Settembru 2017, Nru 16-24.022, ECLI:FR:CCASS:2017:SO02067.

    ( 7 ) Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), Opinjoni, Nru 406009, 26 ta’ April 2017, ECLI:FR:CECHR:2017:406009.20170426.

    ( 8 ) Sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2011, KHS (C‑214/10, EU:C:2011:761, punt 44, iktar ’il quddiem is-“sentenza KHS”).

    ( 9 ) Sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Dicu (C‑12/17, EU:C:2018:799, iktar ’il quddiem is-“sentenza Dicu”); tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871); tas‑6 ta’ Novembru 2018, Kreuziger (C‑619/16, EU:C:2018:872); tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874, iktar ’il quddiem is-“sentenza Max-Planck-Gesellschaft”); tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT (C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981); u tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il-Kummissjoni u Il-Kunsill vs Carreras Sequeros et (C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676).

    ( 10 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 11 ) Sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, iktar ’il quddiem is-“sentenza Dominguez”).

    ( 12 ) Sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Schultz-Hoff”, punt 41).

    ( 13 ) Sentenza Dominguez, punti 20, 30, 46 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll is-sentenza Dicu, punt 29.

    ( 14 ) Sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2001, BECTU (C‑173/99, EU:C:2001:356, iktar ’il quddiem is-“sentenza BECTU”, punt 55), u Schultz-Hoff, punt 47.

    ( 15 ) Din l-espressjoni li tiddeskrivi korpi li kontrihom jistgħu jiġu invokati direttivi ġiet użata biss fis-sentenza tas‑26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, EU:C:1986:84, punt 12). Ara wkoll is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C‑188/89, EU:C:1990:313, punti 2022).

    ( 16 ) L-ispjegazzjoni dwar il-korpi li kontrihom jistgħu jiġu invokati direttivi ġiet ipprovduta fis-sentenzi tal‑10 ta’ Ottubru 2017, Farrell (C‑413/15, EU:C:2017:745) u tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith (C‑122/17, EU:C:2018:631).

    ( 17 ) Punt 37 ta’ dik is-sentenza.

    ( 18 ) Din il-ġurisprudenza bdiet bis-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709), u wara ġiet ikkonfermata minn sentenzi oħra tad‑19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21); tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2); u tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257).

    ( 19 ) Sentenza BECTU, punt 43; sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 2004, Merino Gómez (C‑342/01, EU:C:2004:160, punt 29), u tas‑16 ta’ Marzu 2006, Robinson-Steele et (C‑131/04 u C‑257/04, EU:C:2006:177, punt 48); Schultz-Hoff, punt 22); KHS, punt 23; Dominguez, punt 16.

    ( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Max-Planck-Gesellschaft, punt 74 u 76.

    ( 21 ) Dan isolvi l-kwistjoni fil-kawża preżenti, kemm mill-perspettiva tal-effett dirett kif ukoll mill-perspettiva tal-kundizzjonijiet ekwi. Madankollu, iċ-ċaħda ta’ effett dirett orizzontali tad-direttivi tista’ tabilħaqq, f’sitwazzjonijiet differenti, twassal għal diskriminazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi meta pparagunati ma’ kumpanniji privati. Din id-diskriminazzjoni, kif ukoll argumenti oħra espressi mill-Avukata Ġenerali Lenz fis-sentenza Faccini Dori (C‑91/92, EU:C:1994:45), għadhom raġunijiet validi biex tiġi kkunsidrata mill-ġdid id-duttrina li ċċaħħad lid-direttiva mill-effett dirett f’sitwazzjonijiet orizzontali.

    ( 22 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 23 ) Artikolu L. 3245-1 u Artikolu D. 3141-7 tal-Kodiċi tax-Xogħol.

    ( 24 ) Ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 25 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑23 ta’ April 2009, Angelidaki et (C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Argenta Spaarbank (C‑39/16, EU:C:2017:813, punt 38).

    ( 26 ) Sentenza Schultz-Hoff, punt 25, KHS, punt 31.

    ( 27 ) Sentenza KHS, punt 33.

    ( 28 ) Premessi 1 sa 4 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol. Ara wkoll, f’dan is-sens, fir-rigward tad-Direttiva 93/104, li ġiet ikkodifikata mid-Direttiva attwali dwar il-Ħin tax-Xogħol, is-sentenza BECTU, punti 37 u 38).

    ( 29 ) L-Unjoni tista’ tirregola biss sabiex tilħaq l-objettivi ddikjarati fl-Artikolu 151 TFUE, li jinkludu titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol. Anki jekk dik id-dispożizzjoni kienet tissejjaħ programmatika, kienet ta’ importanza sinjifikattiva fl-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni tax-xogħol tal-Unjoni. Dwar din il-kwistjoni, ara Lecomte, F., “Embedding Employment Rights in Europe”, Columbia Journal of European Law, Vol. 17(1), 2011, p. 1, p. 12 et seq. (li jeżamina l-kostruzzjoni progressiva tal-ġurisprudenza dwar din id-dispożizzjoni u n-narrattivi madwarha, li jitbiegħdu minn dispożizzjoni purament programmatika għal għodda li tipprovdi riżorsi sostanzjali bl-għan ta’ interpretazzjoni).

    ( 30 ) C‑120/21, EU:C:2022:718, ‘LB’, punt 31.

    ( 31 ) Irrid niċċara li ma inix tal-fehma li l-Unjoni ma setgħetx timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jintroduċu perijodi limitati ta’ trasferiment ’il quddiem, jekk tali ħtieġa regolatorja tista’ tiġi ġġustifikata fid-dawl tas-sussidjarjetà. Insostni biss li, fil-verżjoni attwali tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, l-Unjoni ma rregolatx din il-kwistjoni.

    ( 32 ) Sentenza Dominguez, punt 18.

    ( 33 ) Sentenza Schultz-Hoff, punt 28.

    ( 34 ) Enfasi fit-test oriġinali tal-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Trstenjak fil-kawża KHS (C‑214/10, EU:C:2011:465, punt 43).

    ( 35 ) Sentenza Schultz-Hoff, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    Jekk il-limitu impost fuq il-perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem ikun tali li jillimita l-eżistenza stess tad-dritt għal-leave annwali mħallas, dan ikollu jiġi impost mil-liġi, kif meħtieġ mill-Artikolu 52(1) tal-Karta. Peress li huwa d-dritt tal-Unjoni li joħloq id-dritt fundamentali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa biss id-dritt tal-Unjoni, u mhux id-dritt nazzjonali li jista’ jintroduċi tali limitazzjoni. Fi kwalunkwe każ, huwa dubjuż jekk id-dritt żviluppat mill-qrati, kif mitlub mill-konvenut mill-qrati Franċiżi, jistax jintroduċi tali limitazzjoni. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑355/10, EU:C:2012:516, punt 77); tal‑10 ta’ Settembru 2015, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑363/14, EU:C:2015:579, punt 53); u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni (C‑696/15 P, EU:C:2017:595, punt 78).

    ( 36 ) KHS, punt 30; u sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 54), kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2022, Fraport u St. Vincenz-Krankenhaus (C‑518/20 u C‑727/20, EU:C:2022:707, punt 34).

    ( 37 ) Ara punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 38 ) Il-Gvern Franċiż isemmi fl-osservazzjonijiet tiegħu li d-dritt Franċiż jipprovdi għal perijodu ta’ preskrizzjoni ġenerali ta’ tliet snin fir-rigward ta’ tilwim tax-xogħol. Fil-prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja opponiet l-idea li l-perijodu ta’ preskrizzjoni jista’ twassal għall-istess riżultat bħall-impożizzjoni ta’ perijodi ta’ trasferiment ’il quddiem limitati. F’dan ir-rigward, ara s-sentenza LB, punt 40.

    ( 39 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 40 ) Ser ninnota biss li jidher li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iqis li regola dwar it-tul tal-perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem tista’, fi Franza, tiġi stabbilita mill-fergħa ġudizzjarja. Il-Court de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), għall-kuntrarju, tqis li tali deċiżjoni regolatorja tappartjeni lil-leġiżlatur, u kienet qed tistieden lil-leġiżlatur nazzjonali biex jaġixxi, sa issa mingħajr suċċess. Ara, f’dan ir-rigward, Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), “Note explicative, Arrêt du 21 septembre 2017, no2067”, p. 3. Għal fehma simili, ara Véricel, M., “Le droit à congés payés du salarié malade face à la Cour de justice européenne et à la Cour de cassation”, Revue de droit du travail, Nru 6, 2012, p. 371.

    ( 41 ) C‑337/10, EU:C:2012:263, punt 43, Neidel. Fis-sentenzi KHS, punt 38 u Neidel, punt 41, il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk esprimiet l-opinjoni li l-perijodu ta’ trasferiment ’il quddiem għandu jkun sostanzjalment itwal (mingħajr ma tispjega xi jfisser sostanzjalment) mit-tul tal-perijodu ta’ riferiment li għalih jingħata. Ir-raġuni hija sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ ħaddiem li kien inkapaċi biex jaħdem għal diversi perijodi ta’ riferiment konsekuttivi. Perijodu itwal ta’ trasferiment ’il quddiem jiżgura li l-ħaddiem jista’ jippjana kif iqassam b’mod adegwat l-użu ta’ ġranet miksuba ta’ leave annwali.

    ( 42 ) Sentenza KHS, punt 44.

    ( 43 ) Ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 44 ) Ara, pereżempju, l-Opinjoni C-2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE-Singapor) tas‑16 ta’ Mejju 2017 (EU:C:2017:376, punt 149).

    ( 45 ) Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol u s-Segwitu tagħha, adottata fit‑18 ta’ Ġunju 1998 f’Genève (Anness rivedut fil‑15 ta’ Ġunju 2010).

    ( 46 ) Barra minn hekk, kif iddikjarat mill-Avukata Ġenerali Trstenjak, il-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Leave Imħallas ma tistax tammonta għal għodda valida biex tarmonizza indirettament u parzjalment il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri. Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Trstenjak fil-kawża KHS (C‑214/10, EU:C:2011:465, punti 83 sa 90).

    ( 47 ) Kif spjegat fil-punti 41 sa 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    Top