Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0087

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Pikamäe, ippreżentati fit-23 ta’ Marzu 2023.
TT vs AK.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Landesgericht Korneuburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikoli 10 u 15 – It-Trasferiment għal qorti li tinstab f'post aħjar sabiex jinstema’ l-każ – Kundizzjonijiet – Qorti tal-Istat Membru fejn il-minuri tneħħa illegalment – Konvenzjoni ta’ Den Haag 1980 – Interessi superjuri tal-minuri.
Kawża C-87/22.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:248

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fit-23 ta’ Marzu 2023 ( 1 )

Kawża C‑87/22

TT

fil-preżenza ta’

AK

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikoli 10 u 15 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal‑ġenituri – Talba lil qorti ta’ Stat Membru ieħor f’pożizzjoni aħjar biex tisma’ l-każ sabiex teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha – Kundizzjonijiet – Ġurisdizzjoni tal-Istat Membru li fih il-minuri ttieħed b’mod illeċitu – Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-25 ta’ Ottubru 1980”

I. Introduzzjoni

1.

Ir-Rapport Borrás ( 2 ) jindika li “[w]ieħed mir-riskji, forsi l-iktar wieħed sinjifikattiv, li għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-protezzjoni tal-minuri komuni fis-sitwazzjonijiet ta’ kriżi konjugali huwa dak tat‑tneħħija internazzjonali tal-minuri minn wieħed mill-ġenituri tiegħu, bil-problemi kollha li jirriżultaw għall-istabbilità u għall-protezzjoni tiegħu” ( 3 ). Din hija eżattament is-sitwazzjoni li għandna quddiemna f’dan il-każ.

2.

Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, il-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija) tistaqsi lill‑Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni, b’mod partikolari, tal‑Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 ( 4 ) fil-kuntest ta’ kawża bejn żewġ ċittadini Slovakki, TT, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, (iktar ’il quddiem il-“missier”), li jirrisjedi fl-Awstrija, u AK, il‑konvenuta fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“omm”), dwar il‑kustodja ta’ wliedhom, li bħalissa jinsabu fis-Slovakkja mal-omm.

3.

Din il-kawża għalhekk toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità, minn naħa waħda, li tispjega l-portata tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 dwar ir-rinviju tal-kawża lil qorti li tkun f’pożizzjoni aħjar biex tismagħha, u, min-naħa l-oħra, li tittratta l-kwistjoni ġdida dwar ir-relazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 10 ta’ dan ir‑regolament, relatat mal-ġurisdizzjoni f’każ ta’ ħtif ta’ minuri.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt internazzjonali

4.

Skont l-Artikolu 1(a) tagħha, il-Konvenzjoni dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, konkluża f’Den Haag fil-25 ta’ Ottubru 1980 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980”), għandha, b’mod partikolari, l-għan “li jiġi żgurat ir-ritorn immedjat ta’ minuri mneħħija jew miżmuma b’mod illeċitu f’kull Stat Kontraenti”.

B.   Id-dritt tal-Unjoni

5.

Minbarra l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), l-Artikoli 8, 10, 11, 15 u 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 huma rilevanti fil-kuntest ta’ din il‑kawża.

III. Il-fatti li minnhom oriġinat il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

6.

Il-missier u l-omm kienu koppja mhux miżżewġa meta wliedhom, V u M, twieldu fis-Slovakkja fl-2012. Skont id-dritt Slovakk, il-kustodja tat-tfal hija konġunta.

7.

Iż-żewġ ġenituri kienu jaħdmu fis-Slovakkja ( 5 ). Fl-2014, il-familja stabbilixxiet ruħha fl-Awstrija u t-tfal kienu jattendu crèche u mbagħad skola f’dan l-Istat Membru sal-2017. Sussegwentement, fl-istess sena huma bdew imorru l-iskola fis-Slovakkja, billi kienu jagħmlu vjaġġ ta’ kuljum mid-dar tagħhom fl-Awstrija għall-iskola li kienet tinsab fis‑Slovakkja. It-tfal kienu jikkomunikaw mal-ġenituri u man-nanniet tagħhom bil-lingwa Slovakka u kienu jafu biss xi kliem bil-lingwa Ġermaniża.

8.

Il-ġenituri sseparaw fil-bidu tas-sena 2020. Mix-xahar ta’ Lulju 2020 ’il quddiem, it-tfal jgħixu ma’ ommhom fis-Slovakkja, mingħajr il-kunsens tal-missier.

9.

Abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, il-missier ressaq talba għar-ritorn tat-tfal li, skont l-ewwel inċiż u t-tielet inċiż tal‑Artikolu 8(f) ta’ din il-Konvenzjoni, tressqet quddiem l-Okresny súd Bratislava I (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava I, is-Slovakkja).

10.

B’mod parallel, il-missier ressaq talba quddiem il-Bezirksgericht Bruck an der Leitha (il-Qorti Distrettwali ta’ Bruck an der Leitha, l‑Awstrija) intiża, b’mod partikolari, sabiex jingħata l-kustodja esklużiva taż-żewġ ulied billi argumenta li l-omm, meta ħadithom b’mod illegali mill-Awstrija għas-Slovakkja, ikkompromettiet il-benesseri tagħhom u pprekludiethom milli jkollhom relazzjoni miegħu.

11.

L-omm opponiet din it-talba billi kkontestat il-ġurisdizzjoni tal‑Bezirksgericht Bruck an der Leitha (il-Qorti Distrettwali ta’ Bruck an der Leitha) minħabba li r-residenza abitwali tat-tfal kienet dejjem fis‑Slovakkja u li huma ma kinux integraw soċjalment fil-post fejn kienet toqgħod il-familja fl-Awstrija. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Jannar 2021, l-argument tal-omm ibbażat fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti Awstrijaka intlaqa’ fl-ewwel istanza.

12.

Il-missier appella quddiem il-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg) li, permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Frar 2021, biddlet id-deċiżjoni tal-ewwel istanza u ċaħdet l-eċċezzjoni bbażata fuq nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mqajma mill-omm.

13.

Permezz ta’ digriet tat‑23 ta’ Ġunju 2021, l-Oberster Gerichtshof (il‑Qorti Suprema, l-Awstrija) ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg).

14.

Fit-23 ta’ Settembru 2021, l-omm talbet lill-Bezirksgericht Bruck an der Leitha (il-Qorti Distrettwali ta’ Bruck an der Leitha) sabiex din il‑qorti titlob lil qorti Slovakka, skont l-Artikolu 15(1)(b) u (2)(a) tar‑Regolament Nru 2201/2003, sabiex teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha abbażi tal-Artikolu 15(5) ta’ dan ir-regolament. F’dan ir-rigward, l-omm sostniet, minn naħa waħda, li, minbarra l-proċedura ta’ ritorn mibdija abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 quddiem l-Okresny súd Bratislava I (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava I), diversi proċeduri, introdotti kemm mill-missier kif ukoll minnha, kienu pendenti quddiem l-Okresny súd Bratislava V (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava V, Slovakkja) u, min-naħa l-oħra, li dawn il-qrati kienu f’pożizzjoni aħjar sabiex jieħdu konjizzjoni l-kwistjoni tar‑responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward taż-żewġ minuri, fid-dawl ta’ ħafna provi li huma kienu ġabru.

15.

Il-missier oppona din it-talba billi sostna li l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru, prevista fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003, ma tistax tiġi ttrasferita meta l-qrati tal-Istat Membru l-ieħor, mitluba sabiex jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni tagħhom, ikunu aditi b’talba għal ritorn abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

16.

Il-Bezirksgericht Bruck an der Leitha (il-Qorti Distrettwali ta’ Bruck an der Leitha) laqgħet it-talba tal-omm. Din il-qorti qieset li l‑Okresny súd Bratislava V (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava V), li kienet diġà tat diversi deċiżjonijiet dwar id-dritt ta’ aċċess tal-missier fir‑rigward tal-ulied, kienet f’pożizzjoni aħjar sabiex tisma’ dwar ir‑responsabbiltà tal-ġenituri u d-dritt ta’ aċċess fir-rigward taż-żewġ ulied, li ilhom jirrisjedu mal-omm fis-Slovakkja mix-xahar ta’ Lulju 2020 u li ma kinux soċjalment integrati fl-Awstrija. Barra minn hekk, l-iżvolġiment tal-proċedura quddiem qorti Awstrijaka tikkumplika din il-proċedura minħabba l-ħtieġa li jkun hemm interpretu ġuramentat għall-intervisti u għall-miżuri ta’ stħarriġ kollha fl-investigazzjonijiet tal-organi Awstrijaki ta’ għajnuna għat-tfal u għaż-żgħażagħ u għall-esperti fil‑psikoloġija tat-tfal maħtura.

17.

Il-missier appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg).

18.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kwistjoni li tirrigwarda r-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 u dawk tal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament għadha ma ġietx deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi jekk, fil-każ fejn l‑Istat Membru mitlub li jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu, abbażi tal‑Artikolu 15(1)(b) tal-imsemmi regolament, ikun l-istess bħal dak li fih il-minuri sadattant stabbilixxa r-residenza abitwali tiegħu wara tneħħija illeċita, il-ġurisdizzjoni sabiex tittieħed konjizzjoni tal-kwistjoni tal-kustodja ta’ dan il-minuri tistax tiġi ttrasferita lil qorti ta’ dan l-Istat Membru. Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għal din id-domanda, jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl‑Artikolu 15(1) tal-istess regolament, li, jekk jiġu ssodisfatti, jippermettu t-trasferiment tal-ġurisdizzjoni lil qorti ta’ Stat Membru ieħor, humiex ta’ natura eżawrjenti jew jekk jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra, fid-dawl tan-natura partikolari tat‑tneħħija illeċita.

19.

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landesgericht Korneuburg (il‑Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2022, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Frar 2022, iddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni tagħha u tagħmel id‑domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 15 tar-Regolament [Nru 2201/2003] għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru, li jkollu l-ġurisdizzjoni dwar is‑sustanza tal-kwistjoni, jista’ wkoll jitlob lil qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-minuri jkollu konnessjoni partikolari, li huwa jqis li tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex tisma’ l-kawża, jew parti speċifika mill-kawża, teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha, anki jekk l-Istat Membru l-ieħor ikun dak li fih il-minuri jkun kiseb residenza abitwali wara tneħħija illeċita?

2)

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

L-Artikolu 15 tar-[Regolament Nru 2201/2003] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kriterji ta’ trasferiment tal-ġurisdizzjoni huma stipulati b’mod eżawrjenti, mingħajr ma huma meħtieġa kriterji oħra fir-rigward ta’ proċeduri mibdija skont l-Artikolu 8 [l‑ewwel u t-tielet inċiż tal-paragrafu (f)] tal-[Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980]?”

20.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil‑kawża prinċipali, mill-Gvern Slovakk u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn l-istess partijiet, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Slovakk, ħadu sehem fis‑seduta li saret fit-12 ta’ Jannar 2023.

IV. Analiżi

21.

Fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, żewġt’itfal imwielda fis-Slovakkja fl-2012, minn ġenituri Slovakki, mhux miżżewġa, illum jinsabu f’dan l-Istat Membru ma’ ommhom, mingħajr il-kunsens tal-missier, li jaħdem fl-Awstrija, l-Istat Membru li fih l‑familja għexet matul il-perijodu bejn is-sena 2014 u t-tneħħija tat-tfal minn ommhom.

A.   Fuq il-karatteristiċi partikolari tal-każ inkwistjoni

22.

Iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża jirrikjedu, fl-opinjoni tiegħi, xi spjegazzjonijiet sabiex jinftiehem aħjar il-kuntest speċifiku li fih taqa’ din il-kawża. Madankollu infakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l‑qorti tar‑rinviju biss hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża li jkollha quddiemha ( 6 ).

23.

Fl-ewwel lok, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li kien hemm diversi proċeduri, relatati, b’mod partikolari, mad-drittijiet ta’ aċċess u ta’ manteniment li ġew introdotti kemm mill-missier kif ukoll mill-omm quddiem il-qrati Slovakki. F’dan ir-rigward, bħala tweġiba għall‑mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-istat kurrenti ta’ dawn il-proċeduri, il-bażi legali tagħhom u, jekk ikun il-każ, in-natura tad-deċiżjonijiet mogħtija minn dawn il-qrati, il-partijiet fil-kawża prinċipali kkonfermaw li bħalissa hemm diversi proċeduri pendenti quddiem l-imsemmija qrati. Sa fejn dawn jista’ jkollhom konsegwenzi fuq l-evalwazzjoni legali tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ser nagħti dettalji ta’ dawn il-proċeduri iktar ’il quddiem, mingħajr ħsara għall‑verifika tagħhom mill-qorti tar-rinviju.

24.

Fir-rigward tad-dritt ta’ kustodja tal-minuri, il-missier jindika li fis-17 ta’ Lulju 2020 tressqu żewġ talbiet mill-omm quddiem l-Okresny súd Bratislava V (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava V), meta l-proċedura dwar id-dritt ta’ kustodja li huwa beda fil-15 ta’ Lulju 2020 quddiem il‑Bezirksgericht Bruck an der Leitha (il-Qorti Distrettwali ta’ Bruck an der Leitha) kienet diġà pendenti fl-Awstrija. Din il-proċedura kienet tirrigwarda talba għal miżuri provviżorji ta’ urġenza, abbażi tal‑Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003, u talba dwar il-mertu. L‑ewwel proċedura għal miżuri provviżorji ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Awwissu 2020, filwaqt li t-tieni ġiet sospiża, abbażi tal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, sakemm tingħata deċiżjoni fil-qafas tal-proċedura relatata mar-ritorn tal-minuri mibdija mill-missier quddiem l-Okresny súd Bratislava I (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava I) ( 7 ).

25.

Fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess, il-missier spjega li, permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Frar 2021, l-Okresny súd Bratislava V (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava V) ħadet miżuri provviżorji ta’ urġenza, abbażi tal‑Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003, sabiex tistabbilixxi l-aċċess tiegħu għall-minuri sakemm tintemm il-proċedura relatata mad‑dritt ta’ kustodja ( 8 ) sospiża quddiem din il-qorti ( 9 ). Waqt is-seduta huwa spjega li, minkejja l-ħruġ ta’ ordni ta’ eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, id-dritt ta’ aċċess tiegħu ma ġiex irrispettat mill-omm, li fuqha kienet imposta multa fix-xahar ta’ Jannar 2023.

26.

Fir-rigward tal-obbligi ta’ manteniment, l-Okresny súd Bratislava V (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava V), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Frar 2021, ħadet miżura provviżorja ta’ urġenza abbażi tal-Artikolu 14 tar‑Regolament (KE) Nru 4/2009 ( 10 ) dwar l-obbligu tal-missier li jħallas manteniment għall-benefiċċju tal-minuri, li tapplika sakemm tintemm il‑proċedura relatata mad-dritt ta’ kustodja sospiża quddiem din il-qorti.

27.

Fit-tieni lok, il-missier jirrileva li l-ebda qorti Slovakka ma rrikonoxxiet lilha nnifisha bħala li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar id-dritt ta’ aċċess abbażi tal-Artikolu 9(2) tar‑Regolament Nru 2201/2003 ( 11 ). Huwa jsostni li d-deċiżjonijiet meħuda sa issa mill-Okresny súd Bratislava V (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava V) huma ta’ natura provviżorja u urġenti u ġew adottati abbażi jew tal-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, jew tal-Artikolu 14 tar‑Regolament Nru 4/2009.

28.

Ser nerġa’ niddiskuti dawn iċ-ċirkustanzi fil-qafas tal‑interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 u tar‑relazzjoni bejn din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 10 ta’ dan ir‑regolament ( 12 ).

B.   Fuq l-ewwel domanda preliminari

29.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru li l‑ġurisdizzjoni tagħha biex tiddeċiedi dwar il-kustodja ta’ minuri hija bbażata fuq l-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament bħala qorti tal-Istat Membru li fih dan il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija illeċita tiegħu hija awtorizzata titlob, skont l-Artikolu 15(1)(b) tal-imsemmi regolament, lill-qorti tal-Istat Membru li fih dan il-minuri ttieħed b’mod illeċitu minn ġenitur u li fih jgħix ma’ dan il-ġenitur sabiex teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha.

30.

Sabiex nirrispondi din id-domanda, l-ewwel nett ser nanalizza jekk it-tneħħija tal-minuri fil-kawża prinċipali hijiex tneħħija illeċita, fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003 (Taqsima 1). Fid-dawl tal-fatt li, billi bbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, il-qrati Slovakki adottaw miżuri provviżorji li jikkonċernaw, b’mod partikolari, id-dritt ta’ aċċess tal-missier, sussegwentement ser nippreżenta xi kunsiderazzjonijiet dwar il-portata tal-ġurisdizzjoni bbażata fuq din id‑dispożizzjoni (Taqsima 2), qabel ma nikkjarifika, fl-aħħar nett, il-portata tal‑Artikolu 15 tal-imsemmi regolament u r-relazzjoni tiegħu mal‑Artikolu 10 tal-istess regolament (Taqsima 3).

1. Fuq it-tneħħija illeċita, fis-sens tal-punt 11(a) tal-Artikolu 2 tar‑Regolament Nru 2201/2003

31.

Sabiex jiġi stabbilit jekk it-tilwima oriġinatx mit-tneħħija illeċita tal-minuri fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003, għandu jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 11 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir‑Regolament humiex issodisfatti.

32.

Skont il-punt 11(a) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003, in-natura illeċita jew le tat-tneħħija (jew ta’ żamma) ta’ minuri tiddependi mill-eżistenza “ta’ drittijiet ta’ kustodja akkwistati permezz ta’ sentenza jew b’operat ta’ liġi jew b’xi fteħim li għandu effett legali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma” ( 13 ). Fir-rigward tal‑eżistenza ta’ dritt ta’ kustodja, dan ir-regolament ma jistabbilixxix liema hija l-persuna li għandu jkollha dritt ta’ kustodja li jista’ jirrendi illeċita t-tneħħija ta’ minuri, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 2, iżda jirreferi għad-dritt tal-Istat Membru li fih il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija tiegħu f’dak li jirrigwarda d-detentur ta’ dan id-dritt ta’ kustodja. Skont il-Qorti tal‑Ġustizzja, in-natura illeċita tat-tneħħija ta’ minuri għall‑finijiet tal‑applikazzjoni tal-imsemmi regolament tiddependi esklużivament mill-eżistenza ta’ dritt ta’ kustodja mogħti mid-dritt nazzjonali applikabbli li bi ksur tiegħu seħħet it-tneħħija ( 14 ).

33.

Issa, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont id-dritt Slovakk applikabbli għall-ġenituri fil-mument tat-twelid tat-tfal, il‑ġenituri mhux miżżewġa għandhom il-kustodja konġunta tal-minuri. F’dan ir-rigward, il-partijiet fil-kawża prinċipali kkonfermaw waqt is‑seduta, bħala tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt, li għandhom dritt ta’ kustodja konġunta abbażi tad-dritt Slovakk.

34.

Fis-sitwazzjoni tal-kawża prinċipali, it-tfal “ittieħdu” minn ommhom mill‑Awstrija għall-Islovakkja mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-missier u, għalhekk, bi ksur tad-dritt ta’ kustodja konġunta mogħtija lill-ġenituri skont id-dritt Slovakk li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill‑osservazzjonijiet bil-miktub u orali tal-partijiet, ma ġietx ikkontestata la mill-qorti tar-rinviju u lanqas mill-qrati Slovakki ( 15 ).

35.

Minn dan isegwi li, sa fejn il-ġenituri kienu rrikonoxxuti b’mod ċar bħala detenturi tad-dritt ta’ kustodja konġunta fl-Istat Membru li fih il-minuri kellhom ir-residenza abitwali tagħhom qabel it-tneħħija tagħhom, jiġifieri l-Awstrija, hemm lok li wieħed jitlaq mill-premessa li t‑tneħħija tal-minuri mill-omm, minn dan il-pajjiż lejn is-Slovakkja, mingħajr il-kunsens tal-missier hija “tneħħija illeċita”, fis-sens tal‑punt 11(a) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

2. Fuq il-portata tal-ġurisprudenza bbażata fuq l-Artikolu 20 tar‑Regolament Nru 2201/2003

36.

Infakkar li waqt is-seduta, il-missier indika li d-deċiżjonijiet meħuda sa dakinhar mill-Okresny súd Bratislava V (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava V) li kienu jirrigwardaw, b’mod partikolari, id-dritt ta’ aċċess kienu ta’ natura urġenti u provviżorja u kienu ġew adottati abbażi tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003. Barra minn hekk, kien billi bbażat il-ġurisprudenza tagħha fuq din id-dispożizzjoni li din il-qorti ċaħdet iż-żewġ talbiet għal miżuri provviżorji ta’ urġenza ppreżentati mill‑omm fil-qafas tal-proċedura relatata mad-dritt ta’ kustodja tal‑minuri.

37.

Għalhekk, il-kwistjoni tqum dwar jekk il-fatt li l-Okresny súd Bratislava V (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava V) adottat miżuri abbażi tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 jimplikax li din il-qorti irrikonoxxiet lilha nnifisha bħala li għandha ġurisdizzjoni abbażi ta’ dan ir-regolament u jekk, f’dan il-każ, dan ir-rikonoxximent jistax ikollu effett fuq il‑ġurisdizzjoni tagħha abbażi tal-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament.

38.

Ir-risposta għal din id-domanda toħroġ b’mod ċar mill-kliem tal‑Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 2201/2003. Skont din id‑dispożizzjoni, “[f]’każijiet urgenti, id-disposizzjonijiet ta’ dan ir‑Regolament mhux se jħallu l-qrati ta’ Stat Membru milli jieħu dawk il‑miżuri provviżorji, inkluzi dawk protettivi fir-rigward ta’ persuni jew assi f’dak l-Istat kif huma disponibbli taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, anke jekk, taħt dan ir-Regolament, il-qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha l-ġurisdizzjoni nkwantu għas-sustanza ta’ l-kwistjoni”.

39.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat l-Artikolu 20(1) tar‑Regolament Nru 2201/2003 fis-sens li l-qrati ta’ Stat Membru fejn jinsab il-minuri huma awtorizzati, sakemm jiġu osservati tliet kundizzjonijiet kumulattivi stipulati f’din id-dispożizzjoni, jieħdu l‑miżuri provviżorji jew kawtelatorji previsti mil-liġi f’dan l-Istat Membru, anki jekk dan ir-regolament jagħti lil qorti ta’ Stat Membru ieħor il-ġurisdizzjoni fil-mertu ( 16 ). Hija spjegat li, peress li tikkostitwixxi eċċezzjoni għas-sistema ta’ ġurisdizzjoni prevista mill-imsemmi regolament, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett ( 17 ). Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni, kif irrileva l-Avukat Ġenerali Bot, ma tikkostitwixxix kriterju ta’ ġurisdizzjoni ġenerali, imma awtorizzazzjoni sabiex taġixxi taħt il-pressjoni doppja ta’ perikolu għall‑minuri u tan‑neċessità ta’ azzjoni urġenti sabiex tneħħih minn dan il-perikolu. Hija għandha bħala effett li tippermetti li tiġi invokata l-liġi tal-qorti mingħajr kriterju ta’ ġurisdizzjoni inizjali ( 18 ). Tali dispożizzjoni għalhekk ma hijiex regola ta’ għoti ta’ ġurisdizzjoni u, għalhekk, ma hijiex intiża sabiex tagħti ġurisdizzjoni fuq il-mertu ( 19 ). F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar li l-miżuri hekk meħuda ma jibqax ikollhom effett meta l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni dwar il-mertu, skont l-istess regolament, ħadu l-miżuri li huma jikkunsidraw adattati ( 20 ).

40.

Konsegwentement, f’dan il-każ, il-fatt li qorti Slovakka adottat miżuri provviżorji ta’ urġenza dwar id-dritt ta’ aċċess tal-missier, abbażi tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003, ma jfissirx li din il-qorti rrikonoxxiet lilha nnifisha bħala li għandha ġurisdizzjoni sabiex tisma’ l-mertu u għalhekk ma għandux ikollu effett fuq il-ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament.

3. Dwar il-portata tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 u r‑relazzjoni tiegħu mal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament

a) Kunsiderazzjonijiet ġenerali

41.

Preliminarjament, nirrileva li, skont il-premessa 12 tar‑Regolament Nru 2201/2003, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti minn dan ir-regolament dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri huma fformulati fid-dawl tal-aħjar interess tal-minuri u, b’mod partikolari, tal-kriterju ta’ qrubija.

42.

Fir-rigward tal-prinċipju tas-supremazija tal-aħjar interess tal‑minuri ( 21 ), il-premessa 33 tar-Regolament Nru 2201/2003 tistipula li dan ir-regolament huwa intiż sabiex jiżgura b’mod partikolari r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-minuri kif stabbiliti fl-Artikolu 24 tal‑Karta. B’mod partikolari, l-Artikolu 24(3) tal-Karta jipprevedi għat-tfal kollha “id-dritt li jkollhom, regolarment, relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri, sakemm dan ma jkunx kontra l-interessi tat-tfal” ( 22 ).

43.

F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ qrubija, huma l-qrati tal-post tar-residenza abitwali tal-minuri fil-mument li fih il-qorti tiġi adita li, minħabba l-prossimità ġeografika tagħhom, ikunu ġeneralment fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwaw il-miżuri li għandhom jiġu adottati fl-interess tal-minuri, u dan skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003 ( 23 ). Madankollu, hija prevista deroga minn din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni permezz ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali, b’mod partikolari dawk stipulati fl-Artikoli 10 u 15 ta’ dan ir-regolament, li ser nanalizza iktar ’il quddiem ( 24 ).

b) Fuq ir-regola ta’ ġurisdizzjoni f’każ ta’ tneħħija ta’ minuri prevista fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003

44.

F’dan il-każ, fid-dawl tal-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar‑rinviju, il-qorti kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-kustodja tal-minuri, abbażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, kienet il‑Bezirksgericht Bruck an der Leitha (il-Qorti Distrettwali ta’ Bruck an der Leitha), il-qorti tal-post ta’ residenza abitwali tal-minuri qabel it‑tneħħija illeċita tagħhom.

45.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 tinnewtralizza l-effett li l-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali, stabbilita fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-Regolament, iġġib magħha f’każ ta’ ħtif ta’ minuri, jiġifieri t-trasferiment tal-ġurisdizzjoni lejn l-Istat Membru li fih il-minuri jkun kiseb residenza abitwali ġdida, wara l‑ħtif tieħu. Peress li dan it-trasferiment ta’ ġurisdizzjoni għandu r-riskju li jġib miegħu vantaġġ proċedurali lill-awtur tal-att illeċitu, l-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament jistipula li l-qrati tal-Istat Membru li fih il‑minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu qabel it-tneħħija jew iż-żamma illeċita xorta jżommu l-ġurisdizzjoni tagħhom sakemm ċerti kundizzjonijiet ma jkunux issodisfatti ( 25 ). Fil-fatt, in-newtralizzazzjoni użata minn din id-dispożizzjoni għandha l-konsegwenza li, f’każ ta’ tneħħija illeċita, l-uniċi qrati li jkollhom ġurisdizzjoni huma l-qrati tal-Istat Membru li fih il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu qabel it‑tneħħija. Dawn il-qrati jibqgħu bil-ġurisdizzjoni anki jekk, sussegwentement, il-minuri jkun f’sitwazzjoni intermedjarja jew provviżorja, meta r-residenza abitwali preċedenti tkun intilfet, filwaqt li r‑residenza abitwali ġdida tkun għadha ma ġietx miksuba ( 26 ).

46.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-ħtif ta’ minuri ma għandux, bħala regola, ikollu l-konsegwenza li jittrasferixxi l‑ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li fih il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija illeċita tiegħu lil dawk tal-Istat Membru fejn il-wild ittieħed, u dan anki fil-każ fejn, wara l-ħtif, il-minuri jkun kiseb residenza abitwali fih ( 27 ). Huwa biss jekk il-minuri jkun kiseb tali residenza abitwali fi Stat Membru ieħor u, barra minn hekk, waħda mill-kundizzjonijiet alternattivi stipulati fl‑Artikolu 10(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 tkun ukoll issodisfatta ( 28 ) li huwa previst li l-ġurisdizzjoni tiġi ttrasferita ( 29 ).

47.

F’dan il-każ, minkejja li l-minuri jidhru li kisbu residenza abitwali ġdida fis-Slovakkja, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, mill-proċess tal-kawża ma jirriżultax li waħda mill-kundizzjonijiet alternattivi previsti f’din id-dispożizzjoni hija ssodisfatta ( 30 ).

48.

F’dan il-kuntest, tqum il-kwistjoni dwar jekk hemmx relazzjoni ta’ ġerarkija bejn l-Artikoli 10 u 15 tar-Regolament Nru 2201/2003, b’tali mod li l-qorti li normalment għandha ġurisdizzjoni “dwar is-sostanza tal‑kwistjoni” ma tkunx tista’ tibgħat il-kawża lil qorti “f’pożizzjoni aħjar” jekk din il-qorti tkun dik tal-Istat Membru li fih il-minuri ttieħdu b’mod illeċitu minn wieħed mill-ġenituri.

c) Fuq il-portata tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003

49.

Nirrileva li, ispirat mill-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996 ( 31 ), ir‑Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi wieħed mill-innovazzjonijiet kbar tiegħu, jiġifieri dik li jintroduċi “mekkaniżmu ta’ djalogu bejn il-qrati [tal-Istati Membri], ibbażat fuq l-evalwazzjoni tal-ġurisdizzjoni tagħhom skont kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità” fir-rigward tas‑supremazija tal-aħjar interess tal-minuri ( 32 ).

50.

L-Artikolu 15(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 jistipula għalhekk li, bħala eċċezzjoni, il-qrati ta’ Stat Membru li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar il-mertu jistgħu, jekk iqisu li qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-minuri għandu konnessjoni partikolari hija f’pożizzjoni aħjar sabiex tisma’ l-kawża jew parti speċifika tal‑kawża, u meta dan ikun fl-aħjar interess tal-minuri, “titlob qorti ta’ Stat Membru ieħor biex tassumi l-ġurisdizzjoni skond il-paragrafu 5” ( 33 ).

51.

Fil-fatt, din id-dispożizzjoni fiha regola ta’ ġurisdizzjoni li tikkompleta dawk stipulati fl-Artikoli 8 sa 14 tar-Regolament Nru 2201/2003 ( 34 ). Din ir-regola innovattiva tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni li jawtorizza lill-qorti ta’ Stat Membru li għandu ġurisdizzjoni “dwar is-sostanza tal-kwistjoni” bis‑saħħa ta’ waħda minn dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni sabiex tipproċedi, bħala eċċezzjoni, għar‑rinviju lil qorti ta’ Stat Membru ieħor f’pożizzjoni aħjar li tisma’ l‑kawża ( 35 ). Din id-dispożizzjoni tagħti ċerta flessibbiltà lis-sistema stabbilita f’dan ir-regolament peress li jidher li “l-interess superjuri tal‑minuri huwa li tiġi żgurata l-protezzjoni tiegħu kemm minn qrati oħra kif ukoll minn dawk tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu” ( 36 ).

52.

Iżda liema huma l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni “dwar is‑sostanza tal-kwistjoni” skont ir-Regolament Nru 2201/2003?

53.

Peress li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 isemmi, mingħajr distinzjoni, il-qrati ta’ Stat Membru li għandhom ġurisdizzjoni “dwar is-sostanza tal-kwistjoni”, skont ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni dan ir‑regolament, dawn il-qrati jistgħu jkunu dawk tar-residenza abitwali tal‑minuri aditi abbażi tal-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, jew waħda mill-qrati li għandhom ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikoli 9, 10 jew 12 tiegħu, jew inkella l-qorti adita abbażi tal-Artikolu 13 tal-istess regolament ( 37 ).

54.

F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 jikkompleta r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stipulati fl-Artikoli 8 sa 14 tiegħu permezz ta’ mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni li jippermetti lill-qorti ta’ Stat Membru, li jkollha ġurisdizzjoni biex tisma’ l-kawża bis-saħħa ta’ waħda minn dawn ir-regoli, li tibgħat il-kawża, bħala eċċezzjoni, lil qorti ta’ Stat Membru ieħor li tinsab f’pożizzjoni aħjar li tisma’ l-kawża ( 38 ).

55.

B’hekk, kif ċerti awturi, korrettament, jenfasizzaw, “tkun xi tkun il‑bażi tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita bis-saħħa tar-Regolament [Nru 2201/2003], u minkejja sforzi ta’ rfinar u aġġustament ta’ relazzjonijiet ta’ ġurisdizzjoni mfittxija minn dan ir-regolament, l‑imsemmi regolament permezz tal-Artikolu 15 jaċċetta li l-qorti hekk magħżula mhux neċessarjament tkun l-aħjar sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu” ( 39 ).

56.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fis-sentenza IQ ( 40 ), li l‑mekkaniżmu ta’ trasferiment stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma huwiex applikabbli bejn żewġ qrati li t-tnejn li huma għandhom ġurisdizzjoni dwar il-mertu abbażi tal-Artikoli 8 u 12 ta’ dan ir-regolament, rispettivament ( 41 ). Madankollu, tali interpretazzjoni tikkonċerna sitwazzjoni differenti minn dik ta’ din il-kawża u, konsegwentement, din is-sentenza ma tipprekludix l-applikazzjoni tal‑Artikolu 15 tal-imsemmi regolament f’din il-kawża ( 42 ).

57.

Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 jippermetti lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni “dwar is-sostanza tal‑kwistjoni”, bis-saħħa tar-regoli tal-ġurisdizzjoni ta’ dan ir‑regolament, li tittrasfexxi l-kawża mhux biss lil qorti oħra li għandha ġurisdizzjoni dwar is-sostanza tal-kwistjoni, iżda wkoll lil kull qorti ta’ Stat Membru, inkluż qorti li ma hijiex meqjusa bħala li għandha ġurisdizzjoni permezz ta’ waħda minn dawn ir-regoli ( 43 ), bħall-każ tat-trasferiment lil qorti tal-Istat Membru li fih il-minuri ttieħed b’mod illeċitu, fis-sens tal-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament.

d) Fuq ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 u l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament

58.

Fl-ewwel lok, kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil‑miktub tagħha, il-fatt li l-Artikoli 10 u 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 jinsabu t-tnejn fit-Taqsima 2, intitolata “Ir‑Responsabbiltà tal-ġenituri” tal-Kapitolu II, intitolat “Il‑Ġurisdizzjoni”, minnu nnifsu jimmilita favur l-applikabbiltà tal‑Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, anki fil-każ fejn il-ġurisdizzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament.

59.

Fil-fatt, la mill-kliem u lanqas mill-istruttura tat-Taqsima 2 tal‑Kapitolu II tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jirriżulta li l‑possibbiltà prevista fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament hija eskluża meta l-qorti jkollha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament ( 44 ). Għall-kuntrarju, sa fejn l-Artikolu 15(4) u (5) tal-istess regolament jistipula li, meta t-terminu li fih il-qorti tal-Istat Membru l‑ieħor għandha tkun adita jew li fih hija għandha tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni ma jiġix osservat, l-ewwel qorti adita għandha “tkompli teżerċita l-ġurisdizzjoni skond l-Artikolu 8 sa 14” tar-Regolament Nru 2201/2003 (korsiv miżjud minni), u dan ifisser li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppjana li din il‑possibbiltà tista’ tkun eżerċitata b’mod validu minn qorti ta’ Stat Membru li l-ġurisdizzjoni tagħha kienet inizjalment ibbażata fuq id‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament u, fl-assenza ta’ rinviju, tkompli tiġi eżerċitata, skont dan l-artikolu ( 45 ). Din l-analiżi hija kkorroborata mill-fatt li, skont l-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni tista’ tiddeċiedi ex officio li tibda l-mekkaniżmu ta’ rinviju, anki jekk, skont il-paragrafu 2 in fine ta’ din id-dispożizzjoni, din l-inizjattiva għandha tiġi aċċettata mill-inqas minn waħda mill-partijiet ( 46 ).

60.

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 jagħti ċerta setgħa diskrezzjonali lill-qrati li għandhom ġurisdizzjoni, iżda fil-limitazzjonijiet tal-mekkaniżmu li din id‑dispożizzjoni tistabbilixxi u li huwa bbażat, kif diġà spjegajt, fuq spirtu ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati li ma jikkompromettix iċ-ċertezza legali ( 47 ).

61.

Fit-tielet lok, jeħtieġ li nirrileva li l-għan tar-Regolament Nru 2201/2003 li huwa li tiġi żgurata l-osservanza tad-drittijiet fundamentali tal-minuri kif stipulati fl-Artikolu 24 tal-Karta jimplika li, skont il-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni, l-interess superjuri tal‑minuri għandu jkun kunsiderazzjoni ewlenija fl-atti kollha li jikkonċernawh, b’mod partikolari dawk tal-awtoritajiet pubbliċi. Konsegwentement, huwa ċar li, waqt l-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament, għandu qabelxejn jiġi kkunsidrat dan l-interess. F’dan il‑kuntest, inqis li meta, bħal f’dan il-każ, il-ġurisdizzjoni sabiex tisma’ l-mertu tal-kawża tkun ġiet stabbilita abbażi tal-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, ma jkunx dubju dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 15 tal‑istess regolament. Fil-fatt, kif il-Kummissjoni korrettament enfasizzat, l-applikabbiltà ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, anki fil-każ ta’ tneħħija illeċita ta’ minuri, għandha bħala għan li tagħti deroga mir‑regola ta’ ġurisdizzjoni prinċipali tal-qrati tal-Istat Membru li fih il‑minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu sakemm inħataf, preċiżament bil-għan li jiġi kkunsidrat l-interess superjuri tal-minuri ( 48 ).

62.

B’dan premess, jiena tal-opinjoni li l-għan li jirrigwarda r-rispett tas‑supremazija tal-interess superjuri tal-minuri, kif iggarantit mir‑Regolament Nru 2201/2003 u fl-Artikolu 24 tal-Karta, jista’, jekk ikun il-każ, jiġġustifika żewġ approċċi differenti. Skont l-ewwel wieħed, jista’ jiġi kkunsidrat li f’każ konkret, ir-rinviju tal-kawża abbażi tal‑Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament lejn il-qorti tal-Istat Membru li fih il-minuri kiseb residenza abitwali wara tneħħija (jew żamma) illeċita ma jservix l-interess tal-minuri jew, skont it-tieni wieħed, li, eċċezzjonalment, fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża, ir-rinviju lejn il-qorti tal-Istat Membru li fih il-minuri kiseb residenza abitwali wara tneħħija illeċita jista’ jiġi permess.

63.

Mill-banda l-oħra, fl-opinjoni tiegħi, ir-rispett ta’ dan l-interess ma għandux jippermetti li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-ġenituri skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 tkun tista’ b’mod sistematiku, jew b’mod assolut, tirrinunzja mill-fakultà li joffrilha l-mekkaniżmu ta’ rinviju previst fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament, meta l-qorti “f’pożizzjoni aħjar”, skont il-prinċipju tal-aħjar interessi tal-minuri, tkun dik tal-Istat Membru fit-territorju li fih il-minuri jkun kiseb residenza abitwali wara tneħħija illeċita. Fil-fatt, l‑Artikolu 15 tal-imsemmi regolament joffri l-flessibbiltà neċessarja sabiex jippermetti lill-qrati tal-Istati Membri jassumu l-ġurisdizzjoni f’każijiet partikolari, bħala deroga mill-Artikolu 10 tal-istess regolament, meta t-trasferiment tal-ġurisdizzjoni jkun fl-aħjar interessi tal-minuri ( 49 ).

64.

F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r‑rekwiżit li r-rinviju għandu jkun fl-aħjar interess tal-minuri jfisser li l‑qorti li għandha ġurisdizzjoni għandha tiżgura, fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża, li r-rinviju maħsub minn din tal-aħħar lejn qorti ta’ Stat Membru ieħor ma jinvolvix riskju li jkollu impatt detrimentali fuq is-sitwazzjoni tal-minuri. Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li, għal dan il‑għan, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni għandha tevalwa l-impatt negattiv li tali rinviju jista’ jkollu fuq r-relazzjonijiet emozzjonali, familjari u soċjali tal‑minuri involut fil-kawża jew fuq is-sitwazzjoni materjali tiegħu ( 50 ).

65.

Fir-raba’ u l-aħħar lok, nindika li, f’kuntest bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandi dubji, bħall-Avukata Ġenerali Sharpston ( 51 ), dwar il-fatt li l-prinċipju li l‑eċċezzjonijiet jew id-derogi minn regola għandhom jingħataw interpretazzjoni ristretta jiġi applikat mingħajr aġġustament ieħor. Fil-fatt, fil-każ tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, minkejja li r-regola taż-żamma tal-ġurisdizzjoni tar‑residenza abitwali tikkorrispondi ma’ wieħed mill-prinċipji fundamentali ta’ dan ir-regolament, jiġifieri dak li l-att illeċitu tal-ġenitur li ħataf lill-minuri ma għandu jkollu l-ebda effett legali, l-eċċezzjoni tikkorrispondi ma’ prinċipju fundamentali ieħor, peress li din hija regola ta’ ġurisdizzjoni maħsuba għall-aħjar interess tal-minuri skont l‑Artikolu 24 tal-Karta, b’mod partikolari, tal-kriterju ta’ qrubija ( 52 ).

66.

Konsegwentement, fid-dawl tal-kliem, tal-istruttura u tal-għanijiet tar-Regolament Nru 2201/2003, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l‑possibbiltà ta’ rinviju hija, bħala eċċezzjoni, possibbli, anki jekk it‑trasferiment maħsub isir lejn qorti tal-Istat Membru fejn il-minuri kkonċernat ittieħed b’mod illeċitu, bil-kundizzjoni li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni tkun żgurat kif xieraq, fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti tal‑każ, li dan ir-rinviju kien jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet kumulattivi previsti fl-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-Regolament, bil-kundizzjoni ewlenija tkun li l-imsemmi rinviju jkun fl-aħjar interess tal-minuri kkonċernat.

67.

Dawn il-kundizzjonijiet huma s-suġġett tat-tieni domanda preliminari.

C.   Fuq it-tieni domanda preliminari

68.

Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 humiex ta’ natura eżawrjenti u, jekk iva, taħt liema kundizzjoni(jiet) talba għal ritorn ta’ minuri, imressqa abbażi tal‑ewwel inċiż u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 8(f) tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, li dwarha għadha ma ngħatat l-ebda deċiżjoni finali tista’ tiġi kkunsidrata ( 53 ).

69.

Qabel ma nanalizza dawn il-kundizzjonijiet sabiex jiġi stabbilit jekk il-fatt li proċedura ta’ ritorn abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tistax tiġi kkunsidrata mill-qrati li għandhom ġurisdizzjoni meta jeżaminaw l‑applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 (Taqsima 2), ser nesponi xi kunsiderazzjonijiet dwar ir-regoli kollha stabbiliti minn dan ir-regolament u mill-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 u dwar il-kuntest fattwali li fih taqa’ din it-talba għal ritorn tal‑minuri, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mit-tweġibiet għall‑mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta (Taqsima 1).

1. Fuq it-talba għal ritorn tal-minuri abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003

70.

Fl-ewwel lok, infakkar li l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 tistipula, fl-Artikoli 8 sa 11, 13 u 20 tagħha, proċedura speċifika li għandha l-għan li “jiġi ggarantit ir-ritorn immedjat tal-minuri fl-Istat ta’ residenza abitwali tiegħu” ( 54 ). Meta tneħħija illeċita ta’ minuri sseħħ, bħal dik f’dan il-każ fil-kawża prinċipali, fi ħdan l-Unjoni, ir-Regolament Nru 2201/2003 “jikkompleta u jispeċifika, b’mod partikolari fl-Artikolu 11 tiegħu, l-imsemmija regoli ta’ din il-konvenzjoni” ( 55 ). Minħabba li d‑dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament u dawk ta’ din il‑konvenzjoni jikkoinċidu u minħabba r-rabta mill-qrib li teżisti bejniethom, id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar jista’ għalhekk ikollhom impatt fuq is-sens, il-portata u l-effikaċja tar-regoli tal-istess regolament ( 56 ).

71.

Fit-tieni lok, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat ir‑relazzjoni bejn l-Artikolu 60 u l-Artikolu 62(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 ( 57 ) billi ddeċidiet li “il-ħtif ta’ minuri minn Stat Membru lejn ieħor issa jaqa’ taħt [dan is-sett ta’ regoli], […] peress li huma [r-regoli ta’ dan ir-regolament] li għandhom jipprevalu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament” ( 58 ).

72.

B’dan premess, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mit-tweġibiet tal‑partijiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, tal-inqas sal-ġurnata tas-seduta, ma kienet għadha ttieħdet l‑ebda deċiżjoni finali mill-Okresny súd Bratislava I (il‑Qorti Distrettwali ta’ Bratislava I) wara t-talba għal ritorn tal-minuri mressqa mill-missier fit‑3 ta’ Awwissu 2020 quddiem din il-qorti ( 59 ). F’dan ir-rigward, il‑missier spjega li n-nuqqas ta’ deċiżjoni ta’ din il-qorti f’terminu raġonevoli kien dovut, b’mod partikolari, għall-fatt li l-ewwel imħallef adit bit-talba għal ritorn kien ġie sospiż wara proċeduri kriminali għal misapproprjazzjoni u li l-proċedura ta’ ritorn kellha tingħata lil imħallef ieħor ( 60 ).

73.

Il-kwistjoni tqum għalhekk dwar jekk huwiex possibbli li jiġu kkunsidrati dawn iċ-ċirkustanzi fil-qafas tal-evalwazzjoni konkreta ta’ kull waħda mill-kundizzjonijiet imposti fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003. Jien ser nirrispondi fuq il-linji segwenti.

2. Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tat-talba għal ritorn bħala element fattwali fil-qafas tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet eżawrjenti previsti fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003

74.

Mill-kliem tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta b’mod ċar li l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni huma elenkati b’mod eżawrjenti.

75.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-rinviju għal qorti ta’ Stat Membru ieħor abbażi tal-Artikolu 15 tar‑Regolament Nru 2201/2003 jista’ jseħħ biss jekk jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri, li teżisti konnessjoni bejn il-minuri u Stat Membru ieħor skont l‑Artikolu 15(3)(a) sa (e) ta’ dan ir-regolament, li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu ta’ kawża tkun tqis li qorti ta’ dan l-Istat Membru tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex tisma’ l-kawża u li t-trasferiment ikun fl-aħjar interess tal-minuri, fis-sens li ma jkunx hemm riskju ta’ impatt detrimentali fuq is-sitwazzjoni tal-minuri kkonċernat ( 61 ). B’hekk, il-qorti ta’ Stat Membru li normalment għandha ġurisdizzjoni li tieħu konjizzjoni ta’ kawża partikolari għandha, sabiex tkun tista’ titlob it-trasferiment lil qorti ta’ Stat Membru ieħor, tkun kapaċi tikkonfuta l-preżunzjoni qawwija favur iż-żamma tal‑ġurisdizzjoni tagħha li tirriżulta minn dan ir-regolament ( 62 ). Sabiex tiġi ikkonfutata din il-preżunzjoni, din il-qorti ma tistax tikkunsidra kundizzjonijiet oħra apparti dawk elenkati fl-Artikolu 15 tal-istess regolament, li huma interpretati b’mod ristrett mill-Qorti tal-Ġustizzja.

76.

Il-Kummissjoni spjegat, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li, fl-opinjoni tagħha, l-eżistenza ta’ talba għal ritorn abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, li fuqha ma ngħatat l-ebda deċiżjoni finali fl-Istat Membru fejn il-minuri ttieħed b’mod illeċitu, ma għandhiex, fiha nnifisha, effett awtomatiku fuq il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 ġewx issodisfatti. Hija spjegat, bħala tweġiba għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti tal‑Ġustizzja waqt is-seduta, li tali ċirkustanza ma tistax tiġi kkunsidrata mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-ewwel kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ konnessjoni partikolari bejn il‑minuri u l-Istat Membru ieħor. Fil-fatt, fir-rigward ta’ din il‑kundizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li qabelxejn huma esklużi mill-mekkaniżmu ta’ rinviju l-kawżi li fihom huma nieqsa l-punti elenkati, b’mod eżawrjenti, fl-Artikolu 15(3)(a) sa (e) ta’ dan ir‑regolament ( 63 ). Fi kliem ieħor, tali “konnessjoni partikolari” teżisti biss meta, bħal f’dan il-każ, kriterju wieħed jew iktar ta’ din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti ( 64 ). Għalhekk, l-eżistenza ta’ proċedura ta’ ritorn abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 ma jistax ikollha effett fuq l‑evalwazzjoni ta’ dawn il-kriterji.

77.

Madankollu, il-Kummissjoni żiedet li, minn perspettiva fattwali, l-eżistenza ta’ talba għal ritorn tista’ tiġi kkunsidrata mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni waqt l-evalwazzjoni tat-tieni u t-tielet kundizzjoni, jiġifieri fil-qafas tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ qorti “f’pożizzjoni aħjar” sabiex tisma’ l-kawża jew ta’ parti minnha u tal-aħjar interess tal‑minuri fil-każ ta’ eventwali trasferiment lil qorti ta’ Stat Membru li miegħu l-minuri għandu rabta partikolari.

78.

Jiena naqbel ma’ dan l-approċċ peress li jieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanza fattwali, jiġifieri l-eżistenza ta’ talba għal ritorn li fuqha għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni finali.

79.

Fir-rigward tal-kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ qorti f’pożizzjoni aħjar biex tisma’ l-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni li tkun bi ħsiebha tirrinunzja mill‑kawża għandha tiżgura li r-rinviju jkun tali li jipprovdi “valur miżjud ġenwin u konkret” għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-minuri meta mqabbel mal-possibbiltà li l-kawża tinżamm quddiemha ( 65 ).

80.

F’dan il-każ, waqt is-seduta ġie kkjarifikat li, minkejja li l‑Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 ġie applikat, eventwali trasferiment tal-ġurisdizzjoni tal-qorti Awstrijaka kellu jsir mhux lill‑Okresny súd Bratislava I (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava I) iżda lill-Okresny súd Bratislava V (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava V), li diġà tat diversi deċiżjonijiet li jirrigwardaw miżuri provviżorji ta’ urġenza relatati mad-dritt ta’ aċċess tal-missier u d-dritt tal-minuri għal manteniment abbażi tal-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament u tal‑Artikolu 14 tar-Regolament Nru 4/2009. Dan huwa għalhekk element rilevanti sabiex jiġi kkunsidrat li din it-tieni qorti hija f’pożizzjoni aħjar sabiex tisma’ l-kawża.

81.

Mill-banda l-oħra, id-dewmien ta’ iktar minn sentejn tal-proċedura ta’ ritorn quddiem l-Okresny súd Bratislava I (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava I) huwa element li għandu jiġi kkunsidrat sabiex jiġi stabbilit li din il-qorti ma hijiex fl-aħjar pożizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003. Fil-fatt, fil-qafas tal-eżami sabiex jiġi stabbilit jekk qorti hijiex f’pożizzjoni aħjar biex tisma’ l-kawża, il-fatt li l-qorti tal‑Istat Membru li lilha l-qorti li għandha ġurisdizzjoni tkun bi ħsiebha tibgħat il-kawża kienet għadha ma ħaditx deċiżjoni fuq it-talba għal ritorn tal‑minuri huwa element negattiv peress li, b’mod temporanju, skont l‑Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 ( 66 ), la din il-qorti u lanqas qrati oħra ta’ dan l-Istat Membru ma jistgħu jieħdu deċiżjoni dwar il-mertu ( 67 ).

82.

F’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni relatata mal-aħjar interess tal‑minuri, kemm rinviju tal-kawża lejn qorti li ma żguratx ir-ritorn immedjat tal-minuri fl-Istat tar-residenza abitwali tiegħu, biex b’hekk wasslet għal dewmien kunsiderevoli ( 68 ), kif ukoll rinviju lejn qorti li ma tistax tiddeċiedi dwar il-mertu f’dak li jirrigwarda d-dritt ta’ kustodja, minħabba li l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 jipprekludiha temporanjament milli tieħu deċiżjoni, huma kontra dan l‑interess ( 69 ).

83.

B’dan premess, jidhirli li ma għandux ikun eskluż b’mod assolut tali rinviju. Il-fatt li r-rinviju maħsub mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni lejn qorti ta’ Stat Membru ieħor, abbażi tal-Artikolu 15 tar‑Regolament Nru 2201/2003, għandu jkun fl-aħjar interess tal-minuri jfisser li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni għandha tiżgura, fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża, li dan ir-rinviju jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-minuri. Ċertament, l-Artikolu 11(8) ta’ dan ir‑regolament jistipula li “minkejja sentenza biex ma jsirx ir-ritorn skond l-Artikolu 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980, kwalunkwe sentenza li tiġi wara li tirrekjedi r-ritorn ta’ l-minuri maħruġa minn qorti li għandha l-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament għandha tkun infurzabbli […], ħalli jiġi tassigurat ir-ritorn ta’ l-minuri” ( 70 ). Dan ifisser li d-deċiżjoni ta’ żamma ġġib magħha “aċċettazzjoni kkundizzjonata” tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni li, f’dan il-każ, għandha l-aħħar kelma dwar ir-ritorn tal‑minuri ( 71 ). Madankollu, anki f’dan il-każ, in-natura illeċita tat-tneħħija tal-minuri ma għandhiex twassal lill-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jadottaw b’mod awtomatiku deċiżjoni ta’ “ritorn minkejja kollox”, fis-sens tal-Artikolu 11(8) tal-imsemmi regolament, mingħajr ma jieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li jistgħu jimmilitaw favur iż-żamma tal‑minuri fl-Istat Membru li fih huwa ttieħed b’mod illiċitu ( 72 ).

84.

Il-qorti li għandha ġurisdizzjoni għandha għalhekk tipproċedi f’kull każ għal evalwazzjoni skont l-aħjar interess tal-minuri, li hija essenzjali sabiex jiġu kkunsidrati l-interessi u jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali tiegħu. F’dan il-kuntest, minn naħa waħda, infakkar li l‑prinċipji ta’ fiduċja u ta’ rikonoxximent reċiproku li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Nru 2201/2003 joffru livell adegwat ta’ kooperazzjoni u ta’ informazzjoni bejn il-qrati tal-Istat Membru fejn il-minuri kkonċernat ittieħed b’mod illeċitu u dawk tal-Istat Membru li fih huwa kien jirrisjedi abitwalment immedjatament qabel it-tneħħija tiegħu. Min-naħa l-oħra, nenfasizza li l-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament jagħti ċertu grad ta’ flessibbiltà fis-sistema stabbilita minnu peress li jidher li l‑interess superjuri tal-minuri huwa li l-protezzjoni tiegħu tkun żgurata minn qrati oħra apparti dik tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu.

V. Konklużjoni

85.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti r-risposti segwenti lil-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija):

1)

L-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-qorti ta’ Stat Membru li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kustodja ta’ minuri li hija bbażata fuq l-Artikolu 10 ta’ dan ir‑regolament bħala qorti tal-Istat Membru li fih dan il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija illeċita tiegħu hija awtorizzata titlob, bħala eċċezzjoni, lill-qorti tal-Istat Membru li fih dan il-minuri ttieħed b’mod illeċitu minn wieħed mill-ġenituri u li fih jgħix ma’ dan il-ġenitur sabiex teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha, skont l-Artikolu 15(1)(b) tal-imsemmi regolament, bil-kundizzjoni li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni tkun debitament żgurat, fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża, li dan ir-rinviju jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet b’mod kumulattiv previsti fl-Artikolu 15(1) tal‑istess regolament, bil-kundizzjoni ewlenija tkun li l-imsemmi rinviju għandu jkun fl-aħjar interess tal-minuri kkonċernat.

2)

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

minn naħa waħda, il-kundizzjonijiet previsti minn din id‑dispożizzjoni huma ta’ natura eżawrjenti u, min-naħa l-oħra, l‑eżistenza ta’ talba għal ritorn ta’ minuri abbażi tal-ewwel inċiż u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 8(f) tal-Konvenzjoni dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, konkluża f’Den Haag fil-25 ta’ Ottubru 1980, li fuqha ma tkun għadha ngħatat l-ebda deċiżjoni finali ma tipprekludix l-applikabbiltà tal-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament. Madankollu, l-eżistenza ta’ tali talba hija ċirkustanza fattwali li tista’ tiġi kkunsidrata mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni waqt l‑evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet relatati mal-evalwazzjoni tal‑eżistenza tal-qorti li tinsab fl-aħjar pożizzjoni li tisma’ l-kawża u tal-aħjar interess tal-minuri fil-każ ta’ rinviju lil qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-minuri jkollu konnessjoni partikolari, bħal dawk previsti fl-Artikolu 15(1) tal-imsemmi regolament.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Rapport ta’ Spjegazzjoni dwar il-Konvenzjoni stabbilita fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tar-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l‑eżekuzzjoni tas-sentenzi f’kwistjonijiet matrimonjali, imsejħa l-Konvenzjoni ta’ “Brussell II”, imħejji minn Alegría Borrás (ĠU 1998, C 221, p. 27, iktar ’il quddiem ir-“Rapport Borrás”).

( 3 ) Rapport Borrás, punt 40.

( 4 ) Regolament tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r‑rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 19, Vol. 6, p. 243, rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63).

( 5 ) Waqt is-seduta, il-missier enfasizza li, kuntrarjament għal dak indikat fid-deċiżjoni tar-rinviju, huwa ħaddiem indipendenti fl-Awstrija.

( 6 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, X‑Beteiligungsgesellschaft (VAT – Ħlasijiet suċċessivi) (C‑324/20, EU:C:2021:880, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 7 ) Ara l-punti 9 u 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 8 ) L-eżistenza ta’ dawn il-proċeduri ġiet ikkonfermata waqt is-seduta mill-omm, li indikat li, fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess, hemm tliet proċeduri pendenti quddiem l‑Okresny súd Bratislava V (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava V). Hija ddikjarat li żewġ proċeduri oħra quddiem din il-qorti, dwar it-talbiet tal-missier sabiex jiġi nominat psikologu u sabiex ir-residenza abitwali tat-tfal tiġi stabbilita fid-domiċilju tiegħu fl-Awstrija, ġew magħluqa.

( 9 ) Ara l-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 10 ) Regolament tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1).

( 11 ) L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2201/2003, li jistabbilixxi r-regola ta’ ġurisdizzjoni tar-residenza abitwali ta’ qabel tal-minuri fil-każ ta’ tneħħija leċita, huwa s-suġġett ta’ talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑372/22, CM, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

( 12 ) Ara l-punti 41 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 13 ) Ninnota li din id-definizzjoni hija simili għal dik li tinsab fl-Artikolu 3 tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. Ara, ukoll, f’dan is-sens, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2201/2003.

( 14 ) Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB. (C‑400/10 PPU, EU:C:2010:582, punti 43 u 44). Huwa utli li jitfakkar li, skont il-punt 9 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003, id-“drittijiet ta’ kustodja” huma ddefiniti bħala “drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura ta’ l-persuna ta’ l-minuri, u partikolarment id‑drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza ta’ l-minuri”. Għalhekk, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, li din id-definizzjoni hija awtonoma meta mqabbla mad-dritt tal-Istati Membri u li, “għall-finijiet tal‑applikazzjoni ta[’ dan ir-]regolament, id-dritt ta’ kustodja jinkludi, fi kwalunkwe każ, id-dritt tal-persuna li għandu dan id-dritt li jiddeċiedi l-post ta’ residenza tal-minuri” (korsiv miżjud minni). Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża A (C‑262/21 PPU, EU:C:2021:592, punt 44).

( 15 ) Infakkar li d-domandi preliminari huma bbażati fuq il-premessa li t-tfal ittieħdu b’mod illeċitu, minn ommhom, mill-Awstrija lejn is-Slovakkja, jiġifieri mingħajr il‑kunsens tal-missier, li huwa rrikonoxxut ukoll li għandu d-dritt ta’ kustodja fl-Istat Membru li fih it-tfal kellhom ir-residenza abitwali tagħhom immedjatament qabel tali tneħħija.

( 16 ) F’dan ir-rigward, ara s-sentenzi tat‑2 ta’ April 2009, A (C‑523/07, EU:C:2009:225, punt 47), u tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Detiček (C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 39).

( 17 ) Sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Detiček (C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 38). Skont id-duttrina, dan ifisser li l-miżuri provviżorji ta’ urġenza jistgħu jiġu adottati biss mill-qrati li ma għandhomx il-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ dispożizzjoni oħra tar-Regolament Nru 2201/2003, bħal f’dan il-każ. Ara, f’dan is-sens, Pertegás Sender, M. u Mariottini, C.M., “Article 20”, Brussels II bis Regulation, European Commentaries on Private International Law, Magnus, U., u Mankowski, P. (dir.), Sellier European Law Publishers, 2017, it-tieni edizzjoni, p. 276, punt 21.

( 18 ) Teħid ta’ pożizzjoni mill-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Detiček (C‑403/09 PPU, EU:C:2009:762, punt 83). Fis-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Detiček (C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id‑dispożizzjoni ma tapplikax jekk waħda mill-persuni kkonċernati mill-miżuri provviżorji adottati, pereżempju wieħed jew waħda mill-ġenituri, ma kinitx preżenti fl-Istat Membru inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, l-Avukata Ġenerali Sharpston qieset, fil‑konklużjonijiet tagħha fil-kawża Purrucker (C‑256/09, EU:C:2010:296, punt 147), li hija “l-preżenza tal-minuri biss li tiddetermina jekk jistgħux jittieħdu miżuri provviżorji ta’ urġenza fir-rigward tiegħu jew tagħha”. Id-duttrina ukoll qieset din l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala li hija restrittiva. Ara, b’mod partikolari, Pertegás Sender, M. u Mariottini, C.M., op. cit., p. 279, punt 34, nota ta’ qiegħ il‑paġna 39. F’dan ir-rigward, infakkar li r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal-25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l‑infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri (ĠU 2019, L 178, p. 1), li ġie wara r-Regolament 2201/2003, ma kkodifikax din il‑ġurisprudenza. Ara l-Artikolu 15(1)(a) u l-Artikolu 27(5) tar-Regolament 2019/1111.

( 19 ) Ara, ukoll, Gwida Prattika għall-applikazzjoni tar-Regolament Brussell IIa (dokument ippubblikat mis-servizzi tal-Kummissjoni b’konsultazzjoni man-network ġudizzjarju Ewropew), 2015, p. 23.

( 20 ) Ara l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 2201/2003.

( 21 ) Ara l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, konkluża fi New York fl-20 ta’ Novembru 1989 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1577, p. 3): “[f]id-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw il-minuri, irrispettivament minn jekk humiex magħmula minn istituzzjonijiet pubbliċi jew privati ta’ ħarsien soċjali, qrati, awtoritajiet amministrattivi jew korpi leġiżlattivi, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni ewlenija”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] L-Istati Membri kollha rratifikaw din il-konvenzjoni.

( 22 ) L-Artikolu 24 tal-Karta jistipula żewġ prinċipji fundamentali oħra tad-drittijiet tat‑tfal: id-dritt li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom liberament, skont l-età u l-maturità tagħhom (paragrafu 1), u d-dritt li l-aħjar interess tat-tfal għandu jingħata kunsiderazzjoni ewlenija fl-azzjonijiet kollha li jikkonċernawhom (paragrafu 2).

( 23 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Detiček (C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 36), u tal‑14 ta’ Lulju 2022, CC (Trasferiment tar-residenza abitwali ta’ tifel jew tifla lejn Stat terz) (C‑572/21, EU:C:2022:562, punt 7).

( 24 ) Skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 2201/2003, “[i]l-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12”.

( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2021, MCP (C‑603/20 PPU, EU:C:2021:231, punt 45). Ara, ukoll, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Povse (C‑211/10 PPU, EU:C:2010:400, punt 41).

( 26 ) Għandu jitfakkar li, f’tali sitwazzjoni intermedjarja, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprekludi wkoll l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ ġurisdizzjoni sussidjarja tal-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, relatat mas-sempliċi preżenza tal‑minuri. Ara, f’dan is-sens, Pataut, É. u Gallant, E., “Article 10”, Brussels II bis Regulation, European Commentaries on Private International Law, op. cit., p. 125, punt 10.

( 27 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Povse (C‑211/10 PPU, EU:C:2010:400, punt 44), u d-digriet tal-10 ta’ April 2018, CV (C‑85/18 PPU, EU:C:2018:220, punt 51).

( 28 ) Dawn il-kundizzjonijiet alternattivi jikkonċernaw jew kunsens għat-tneħħija mid‑detentur tad-dritt ta’ kustodja (Artikolu 10(a)), jew ċirkustanzi oħra relatati mal‑perkors taż-żmien u li jistgħu jnaddfu t-tneħħija min-natura illeċita tagħha (Artikolu 10(b)).

( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, Povse, (C‑211/10 PPU, EU:C:2010:400, punt 41), u d-digriet tal‑10 ta’ April 2018, CV (C‑85/18 PPU, EU:C:2018:220, punt 46).

( 30 ) B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju ma tindikax jekk id-deċiżjoni tal-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Korneuburg) dwar id-dritt għal kustodja esklużiva, ikkonfermata fit-23 ta’ Ġunju 2021 mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema), “ikkunsidra[tx] ir-ritorn ta’ l-minuri”, skont l-Artikolu 10(b)(iv) tar‑Regolament Nru 2201/2003. Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-fatt li t-tneħħija illeċita tal-minuri seħħet fit-8 ta’ Lulju 2020, il-kundizzjoni prevista f’din id‑dispożizzjoni, jiġifieri li l-minuri kienu rrisjedew fis-Slovakkja “għal perijodu ta’ mill-inqas sena” wara li l-missier kien jaf dwar it-tneħħija tagħhom lejn dan l-Istat Membru, ma tidhirx issodisfatta, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. F’dan il-każ, il-qrati Slovakki ma jiksbux il-ġurisdizzjoni abbażi ta’ din id‑dispożizzjoni. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Povse (C‑211/10 PPU, EU:C:2010:400, punt 46).

( 31 ) Konvenzjoni fuq il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, rikonoxximent, infurzar u kooperazzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u miżuri għall-protezzjoni tat-tfal, konkluża f’Den Haag fid-19 ta’ Ottubru 1996 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996”). Ara l-Artikoli 8 u 9 (ġurisdizzjoni ttrasferita għal qorti adattata jew mitluba minnha) ta’ din il-konvenzjoni.

( 32 ) Gallant, E., “Le forum non conveniens de l’article 15 du règlement Bruxelles II bis”, Revue critique de droit international privé, 2017, no3, p. 464 sa 471, b’mod partikolari p. 465. Ara, ukoll, Pataut, É., u Gallant, E., op. cit., p. 172 sa 185, b’mod partikolari, p. 173 u 174, punti 1 sa 5.

( 33 ) L-Artikolu 15(5) tar-Regolament Nru 2201/2003, jistipula li “[i]l-qrati ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor jistgħu, fejn minħabba għall-cirkustanzi speċifiċi ta’ l-każ, dan ikun fl-aħjar interess għall-minuri, jaċċettaw il-ġurisdizzjoni fi żmien sitt ġimgħat mill‑pussess tagħhom skond il-paragrafu 1(a) jew 1(b). F’dan il-każ, il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel għandha tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni; Inkella, il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel għandha tkompli teżerċita l-ġurisdizzjoni skond l-Artikoli 8 sa 14”. Ara, ukoll il-premessa 13 ta’ dan ir-regolament.

( 34 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2015, P (C‑455/15 PPU, EU:C:2015:763, punt 44).

( 35 ) Għandu jitfakkar li dan il-mekkaniżmu huwa ispirat minn dak tal-forum non conveniens. Madankollu, dawn iż-żewġ strumenti għandhom xi differenzi. Fil-fatt, il-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistipula, fil‑paragrafu 3, “elenku ċar ta’ ġurisdizzjonijiet alternattivi li jistgħu jiġu kkunsidrati li jista’ jnaqqas l-allegata inċertezza relatata mal-mekkaniżmu tal-forum non conveniens”. Dawn ir-restrizzjonijiet jippermettu għalhekk “li tingħata direzzjoni lil [dan] il-mekkaniżmu”. Ara, f’dan is-sens, Ancel, B., u Muir Watt, H., “L’intérêt supérieur de l’enfant dans le concert des juridictions: le règlement Bruxelles II bis”, Revue critique de droit international privé, 2005, Nru 94(4), p. 569 sa 605, b’mod partikolari p. 595, punt 28.

( 36 ) Ara r-Rapport ta’ Spjegazzjoni dwar il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996, imħejji minn Paul Lagarde (iktar ’il quddiem ir-“Rapport Lagarde”), atti u dokumenti tat-tmintax-il sessjoni tal‑Konferenza ta’ Den Haag fid-dritt internazzjonali privat, 1996, Vol. II, p. 558, punti 52 et seq.

( 37 ) Ara, b’mod partikolari, Ancel, B., u Muir Watt, H., op. cit., p. 595, punt 29, u Corneloup, S., “Les règles de compétence relatives à la responsabilité parentale”, Le nouveau droit communautaire du divorce et de la responsabilité parentale, minuti tas-simpożju organizzat fis-7 u 8 ta’ April 2005 miċ-Ċentru tad-Dritt tal-Familja tal‑Università Lyon III, Dalloz, 2005, p. 69 sa 84, b’mod partikolari p. 81, punt 16, nota ta’ qiegħ il-paġna 46.

( 38 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2015, P (C‑455/15 PPU, EU:C:2015:763, punt 44). Din hija l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni, li tikkunsidra r-rinviju tal‑kawża “meta qorti ta’ Stat Membru […] tkun ġiet adita b’kawża […] skont l‑Artikoli 8 sa 14 tar-[Regolament Nru 2201/2003]”, ara Gwida Prattika għall‑applikazzjoni tar-Regolament ta’ Brussell IIa, op. cit., p. 37, paragrafu 3.3.4.4.

( 39 ) Ara Ancel, B., u Muir Watt, H., op. cit., p. 595, punt 28. Korsiv miżjud minni. Ara wkoll, f’dan is-sens, Corneloup, S., op. cit., p. 81, punt 16, nota ta’ qiegħ il-paġna 46.

( 40 ) Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018 (C‑478/17, EU:C:2018:812, punt 49 u d-dispożittiv).

( 41 ) L-Avukat Ġenerali Wathelet madankollu kellu opinjoni kuntrarja fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża IQ (C‑478/17, EU:C:2018:552, punti 59 et seq.).

( 42 ) Għandu jiġi spjegat li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil‑punti 33 sa 40 tas-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, IQ (C‑478/17, EU:C:2018:812), tikkunsidra s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri, minn naħa waħda, li l-kundizzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 li tikkonċerna l-eżistenza ta’ “konnessjoni partikolari”ma kinitx issodisfatta f’dan il‑każ u, min-naħa l-oħra, li l-ġurisdizzjoni tal-qorti Rumena adita fl-ewwel lok kienet ibbażata fuq l-Artikolu 12(1)(b) ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri ftehim bejn il‑ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità dwar il-ġurisdizzjoni. Għalhekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi speċifiċi, ir-rinviju lil qorti oħra ma kienx possibbli. Għall‑kuntrarju, f’din il-kawża, is-sitwazzjoni hija differenti, fis-sens li, minn naħa waħda, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ “konnessjoni partikolari” hija, bħala regola, issodisfatta peress li l-minuri kkonċernati għandhom in-nazzjonalità Slovakka u li, min-naħa l-oħra, ma hemmx ftehim skont l-Artikolu 12(1)(b) tal‑imsemmi regolament bejn id-detenturi tal-kustodja konġunta tal-minuri.

( 43 ) Ara Pataut, É. U Gallant, E., op. cit., p. 176, punt 8: “Din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni għandha l-effett li tagħti ġurisdizzjoni lil kull qorti ta’ Stat Membru, bil-kundizzjoni [b’mod partikolari] li hemm konnessjoni partikolari bejn il-qorti u l-wild.” Korsiv u traduzzjoni tiegħi.

( 44 ) F’dan ir-rigward, naqbel ukoll mal-argument tal-Kummissjoni li l-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li jintroduċi fl-istess taqsima waħda l-Artikoli 10 u 11 tar‑Regolament Nru 2201/2003 dwar it-teħid u r-ritorn ta’ minuri, kif ukoll id‑dispożizzjonijiet l-oħra kollha dwar il-ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, ma jippermettix li jiġi sostnut li l-Artikoli 10 u 11 ta’ dan ir-regolament jikkostitwixxu leges speciales. Fil-fatt, minkejja li l-proposta inizjali tal‑Kummissjoni kienet introduċiet kapitolu differenti relatat mat-teħid mal-minuri li fih kien jaqa’ l-Artikolu 10 (Artikolu 21 tal-abbozz), din l-istruttura ma nżammitx mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Ara ĠU 2002, C 203 E, p. 155.

( 45 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2015, P (C‑455/15 PPU, EU:C:2015:763, punt 44).

( 46 ) Ara, f’dan is-sens, Ancel, B., u Muir Watt, H., op. cit., p. 595, punt 28. Infakkar li l‑Artikolu 15(2)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 jistipula li “[i]l-Paragrafu 1 għandu japplika […] fuq mozzjoni proprja tal-qorti”. F’dan ir-rigward, dan l-istess paragrafu in fine jistipula li “[t]rasferiment magħmul fuq mozzjoni ta’ l-qorti proprja jew b’applikazzjoni minn xi qorti ta’ Stat Membru ieħor għandu jiġi aċċettat mill‑inqas minn wieħed mill-partijiet”.

( 47 ) Ara l-punti 49 et seq. u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 48 ) “[F]ejn [ir-rinviju] huwa fl-aħjar interessi għall-minuri” (Artikolu 15(1)).

( 49 ) Fir-rigward tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996, ara r-Rapport Lagarde, punt 53. Barra minn hekk, din il-konvenzjoni teskludi l-applikazzjoni tar‑regola msejħa “prinċipju ta’ perpetuatio fori” bejn il-partijiet kontraenti, ara l‑punt 42 ta’ dan ir-rapport.

( 50 ) Sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D. (C‑428/15, EU:C:2016:819, punt 59).

( 51 ) Teħid ta’ pożizzjoni fil-kawża Povse (C‑211/10 PPU, EU:C:2010:344, punt 44). F’dan ir‑rigward, l-Avukata Ġenerali Sharpston barra minn hekk qieset li “il-kriterju tal‑qrubija jista’, min-natura tiegħu stess, jipproduċi riżultati li jvarjaw mal-mogħdija taż-żmien”.

( 52 ) Fuq it-trasferiment ta’ ġurisdizzjoni lil qorti ta’ Stat Membru ieħor, ara l-Artikoli 12 u 13, u l-premessi 26 u 27 tar-Regolament 2019/1111. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma eskludiex li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 9 ta’ dan ir‑Regolament (ġurisdizzjoni fil-każ ta’ tneħħija jew ta’ żamma illeċita ta’ minuri) tista’ tirrinunzja għal kawża relatata mad-dritt ta’ kustodja ta’ minuri.

( 53 ) Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, “[i]l-persuna, l-istituzzjoni jew l-organu li jallegaw li minuri tneħħa jew inżamm bi ksur ta’ dritt ta’ kustodja jistgħu jitolbu jew lill-awtorità ċentrali tar-residenza abitwali tal-minuri jew lil dik ta’ kull Stat Kontraenti ieħor sabiex dawn l-awtoritajiet jagħtuhom l-assistenza tagħhom bil-għan li jiġi żgurat ir-ritorn tal-minuri.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] Skont il-punt (f) tat-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu “[i]t-talba tista’ tkun akkumpanjata jew ikkompletata b’attestazzjoni jew dikjarazzjoni b’affermazzjoni li toriġina mill-awtorità ċentrali, jew minn awtorità kompetenti oħra tal-Istat tar-residenza abitwali, jew minn persuna kkwalifikata, dwar id-dritt tal-Istat f’dan ir-rigward”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

( 54 ) Ara r-Rapport ta’ Spjegazzjoni dwar il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 imħejji minn Elisa Pérez Vera, punti 10 u 16. Ara, ukoll, il-preambolu ta’ din il‑Konvenzjoni. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2017, OL (C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 61).

( 55 ) Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li mill-kontenut tad-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta li “dawn id‑dispożizzjonijiet huma bbażati fuq ir-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, jew jipprevedu konsegwenzi li għandhom jinstiltu mill-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli. Dawn iż-żewġ kategoriji ta’ dispożizzjonijiet jikkostitwixxu, għalhekk, grupp ta’ normi indiviżibbli li japplika għall-proċeduri ta’ ritorn ta’ minuri mneħħija b’mod illeċitu fi ħdan l-Unjoni” (Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal-14 ta’ Ottubru 2014 (EU:C:2014:2303, punti 77 u 78), u sentenza tas-16 ta’ Frar 2023, Rzecznik Praw Dziecka et (Sospensjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn) (C‑638/22 PPU, EU:C:2023:103, punt 62)). Korsiv miżjud minni. Għall‑kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar il-proċedura ta’ ritorn bis-saħħa tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Emiliou fil-kawża Rzecznik Praw Dziecka et (Sospensjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn) (C‑638/22 PPU, EU:C:2023:21, punti 28 sa 31). Fir-rigward ta’ talbiet ta’ ritorn imressqa wara l-1 ta’ Awwissu 2022, dawn ir-regoli huma kkompletati bl‑Artikoli 22 sa 29 tar-Regolament 2019/1111.

( 56 ) Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal‑14 ta’ Ottubru 2014 (EU:C:2014:2303, punt 85), u s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2023, Rzecznik Praw Dziecka et (Sospensjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn) (C‑638/22 PPU, EU:C:2023:103, punt 63.

( 57 ) Infakkar li, “skont l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 2201/2003, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, dan ir-regolament jipprevali fuq il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 sa fejn dan tal-aħħar jirrigwarda kwistjonijiet irregolati minn dan ir‑regolament. B’riżerva għas-supremazija ta’ dan ir-regolament, din il-konvenzjoni tkompli tipproduċi l-effetti tagħha bejn l-Istati Membri li huma partijiet kontraenti tagħha, fl-osservanza tal-imsemmi Artikolu 60, skont l-Artikolu 62(2) tal-imsemmi regolament, u kif iddikjarat fil-premessa 17 tiegħu” (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB., C‑400/10 PPU, EU:C:2010:582, punt 36). Il-korsiv miżjud minni. Ara, ukoll, l-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża McB. (C‑400/10 PPU, EU:C:2010:544, punt 40).

( 58 ) Sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2010, McB. (C‑400/10 PPU, EU:C:2010:582, punti 36), (korsiv miżjud minni), u Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal‑14 ta’ Ottubru 2014 (EU:C:2014:2303, punt 87).

( 59 ) Fil-fatt, il-missier spjega li minkejja li t-talba għal ritorn tiegħu kienet ġiet miċħuda, permezz ta’ deċiżjoni ta’ din il-qorti, fil-15 ta’ Lulju 2021, jiġifieri kważi sena minn meta tressqet, din id-deċiżjoni ta’ ċaħda ġiet madankollu annullata, wara l-appell tiegħu, permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Ottubru 2022, minħabba li din il-qorti kellha tistabbilixxi jekk ir-residenza tal-ġenituri kinitx ibbażata fuq il-volontà tagħhom li jistabbilixxu ċ-ċentru tal-interessi tagħhom fl-Awstrija u jekk ir-reġistrazzjoni sussegwenti tal-minuri fi skola fis-Slovakkja kellhiex tiġi kkunsidrata bħala l-bidla tar-residenza abitwali tagħhom.

( 60 ) Infakkar li l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 jistipula li qorti adita b’talba għal ritorn ta’ minuri għandha “taġixxi bil-ħeffa” u, ħlief jekk dan jirriżulta impossibbli minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali, tagħti d-deċiżjoni tagħha mhux iktar tard minn sitt ġimgħat minn meta tkun adita bil-kawża. Ara, f’dan ir‑rigward, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2023, Rzecznik Praw Dziecka et (Sospensjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn) (C‑638/22 PPU, EU:C:2023:103, punt 71).

( 61 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D. (C‑428/15, EU:C:2016:819, punti 50, 55, 56 u 58), u d-digriet tal-10 ta’ Lulju 2019, EP (Responsabbiltà tal-ġenituri u l-qorti f’pożizzjoni aħjar) (C‑530/18, EU:C:2019:583, punt 31).

( 62 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D. (C‑428/15, EU:C:2016:819, punt 49), u d-digriet tal-10 ta’ Lulju 2019, EP (Responsabbiltà tal-ġenituri u l-qorti f’pożizzjoni aħjar) (C‑530/18, EU:C:2019:583, punt 30).

( 63 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D. (C‑428/15, EU:C:2016:819, punti 50, 55, 56 u 58), u d-digriet tal‑10 ta’ Lulju 2019, EP (Responsabbiltà tal-ġenituri u l-qorti f’pożizzjoni aħjar (C‑530/18, EU:C:2019:583, punt 28).

( 64 ) F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li tal-inqas waħda mill‑kundizzjonijiet li tippermetti li jiġi kkunsidrat li t-tfal għandhom konnessjoni partikolari ma’ Stat Membru, fis-sens tal-Artikolu 15(1) u (3)(c) tar-Regolament Nru 2201/2003 hija ssodisfatta, jiġifieri li t-tfal huma ċittadini Slovakki.

( 65 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D. (C‑428/15, EU:C:2016:819, punti 57, 61 u t-tieni punt tad-dispożittiv).

( 66 ) Infakkar li, skont l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, “[w]ara li jkunu ġew informati dwar it-tneħħija illeċita ta’ minuri jew dwar iż-żamma tiegħu fis-sens tal-Artikolu 3, l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi tal-Istat Kontraenti fejn ikun ittieħed jew inżamm il-minuri ma għandhomx jiddeċiedu fil-mertu dwar id-dritt ta’ kustodja qabel ma jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet ta’ din il‑Konvenzjoni għar-ritorn tal-minuri ma humiex issodisfatti, jew qabel ma jkun għadda perijodu raġonevoli mingħajr ma tkun tressqet talba skont din il‑Konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]”. Korsiv miżjud minn. F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 16 ta’ din il-Konvenzjoni, A. Borrás tindika li “minkejja li r‑residenza abitwali nbidlet u li għalhekk jista’ jiġi kkunsidrat li jiġu applikati l‑kriterji previsti mill-[Konvenzjoni ta’ Brussell], il-prijorità mogħtija lill‑Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag [tal-1980] tipprekludi li jittieħdu passi li jibdlu r-responsabbiltà tal-ġenituri qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar ir-ritorn jew iż-żamma” (Rapport Borrás, punt 41).

( 67 ) Infakkar li din id-dispożizzjoni għandha natura temporanja, jiġifieri li hija ma tapplikax sakemm it-talba għal ritorn tkun għadha ma ġietx deċiża, u b’mod ġenerali, fis-sens li hija tikkonċerna l-qrati kollha tal-Istat li fih il-minuri ttieħed b’mod illeċitu.

( 68 ) Dan ma huwiex il-każ f’dan il-każ. Ara l-punt 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 69 ) Madankollu, tali evalwazzjoni negattiva tista’ tinbidel jekk it-talba għal ritorn tiġi miċħuda mill-Okresny súd Bratislava I (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava I). Għall‑kuntrarju, jekk din il-qorti tagħti deċiżjoni ta’ ritorn, l-applikazzjoni tal‑Artikolu 15 ma tkunx possibbli peress li “huwa biss f’każijiet preċiżi u eċċezzjonali, debitament iġġustifikati, li r-ritorn ta’ wild minuri mneħħi b’mod illeċitu jista’ ma jiġix ordnat”. F’dan ir-rigward, infakkar li, skont il-punt (b) tal‑ewwel inċiż tal‑Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, din l‑awtorità ma hijiex obbligata tordna r-ritorn tal-minuri meta l-persuna, l-istituzzjoni jew l-organu li jopponi r-ritorn tiegħu jistabbilixxi li hemm riskju serju li r-ritorn tal‑minuri jesponih għal perikolu fiżiku jew psikiku, jew b’xi mod ieħor ipoġġih f’sitwazzjoni intolerabbli. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2023, Rzecznik Praw Dziecka et (Sospensjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn) (C‑638/22 PPU, EU:C:2023:103, punti 64 u 65. Ara, ukoll, il-premessa 17 tar-Regolament Nru 2201/2003 u l-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 70 ) Ara l-Artikolu 11(4) u l-premessa 18 tar-Regolament Nru 2201/2003. Ara, f’dan is‑sens, Borrás, A., “Protection of Minors and Child Abduction Under the Hague Conventions and the Brussels II bis Regulation”, in Japanese and European Private International Law in Comparative Perspective, Basedow, J., et (dir.), Mohr Siebeck, Tübingen, 2008, p. 345 sa 364, b’mod partikolari p. 362.

( 71 ) Sitwazzjoni differenti hija dik li fiha tingħata deċiżjoni ta’ ritorn tal-minuri mill‑Okresny súd Bratislava I (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava I). F’dan il-każ, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, “il-ħtieġa ta’ effettività u ta’ ħeffa li tirregola l‑adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn hija imposta fuq l-awtoritajiet nazzjonali […] fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni” (sentenza tas-16 ta’ Frar 2023, Rzecznik Praw Dziecka et (Sospensjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn) (C‑638/22 PPU, EU:C:2023:103, punt 72)). Ara l-premessa 21 tar-Regolament Nru 2201/2003 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 72 ) B’mod partikolari f’każ ta’ vjolenza fiżika jew psikika imposta mill-ġenitur li miegħu l-minuri kien jirrisjedi abitwalment immedjatament qabel it-tneħħija illeċita tiegħu.

Top