EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0690

Kawża T-690/21: Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Ottubru 2021 – LW Capital vs Il-Kummissjoni

ĠU C 513, 20.12.2021, p. 35–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 513/35


Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Ottubru 2021 – LW Capital vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-690/21)

(2021/C 513/49)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: LW Capital (München, il-Ġermanja) (rappreżentant: C. Ziegler, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ġunju 2021 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56826 (2020/N) – Il-Ġermanja – Riforma tal-Liġi Ġermaniża tal-Ġenerazzjoni tas-Sħana u l-Enerġija 2020 (iktar 'il quddiem il-“KWKG”) u l-għajnuna mill-Istat SA.53308 (2019/N) – Il-Ġermanja – Bidla fl-għajnuna lill-impjanti CHP eżistenti 2019 (Paragrafu 13 tal-KWKG) (ĠU 2021, C 306, p. 1 u 2) sa fejn ma tqajjimx tħassib dwar (i) l-għajnuna għall-ġenerazzjoni ta’ elettriku CHP f’impjanti CHP ta’ effiċjenza għolja ġodda, modernizzati u adattati mill-ġdid u (ii) l-għajnuna għall-ġenerazzjoni tal-elettriku CHP f’impjanti CHP ta’ effiċjenza għolja li jaħdmu bil-gass fis-settur tat-tisħin distrettwali;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed.

Bil-motiv uniformi tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni kontenzjuża minħabba “ksur tat-Trattati jew ta’ dispożizzjoni legali relatata mal-applikazzjoni tagħhom” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 TFUE. Dak il-ksur kien jikkonsisti fil-fatt li l-Kummissjoni kellha jkollha tħassib dwar il-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna KWKG 2020 proposta mill-Ġermanja u għalhekk kienet obbligata li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE. Peress li l-Kummissjoni naqset milli taġixxi, hija kisret id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti.

Ir-rikorrenti tallega l-ksur tad-drittijiet proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 108(2) flimkien mal-ksur tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE u ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll l-evalwazzjoni b’mod żbaljat tal-fatti.


Top