Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0269

    Kawża T-269/21: Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Mejju 2021 – Arctic Paper Grycksbo vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 297, 26.7.2021, p. 45–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.7.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 297/45


    Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Mejju 2021 – Arctic Paper Grycksbo vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-269/21)

    (2021/C 297/56)

    Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

    Partijiet

    Rikorrent: Arctic Paper Grycksbo AB (Grycksbo, l-Isvezja) (rappreżentanti: A. Bryngelsson u A. Johansson, avukati)

    Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla l-Artikolu1(1) u l-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/355 tal-25 ta’ Frar 2021 dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali bla ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’konformità mal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sa fejn jirreferu għall-installazzjoni bl-identifikatur SE000000000000468, u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti fil-konklużjoni tagħha li l-installazzjoni ta’ Arctic Paper kienet “tuża esklużivament il-bijomassa”. Arctic Paper kellha emissjonijiet fossili matul il-perijodu meqjus rilevanti mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni aċċettat ukoll l-inklużjoni ta’ numru ta’ installazzjonijiet li l-emissjonijiet annwali tagħhom kienu f’livelli komparabbli.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali. L-ewwel, installazzjonijiet f’sitwazzjoni simili għall-installazzjoni tar-rikorrenti kellhom livelli simili ta’ emissjonijiet, iżda ma kinux esklużi. It-tieni, l-esklużjoni tar-rikorrenti twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni, inter alia minħabba li kompetituri tar-rikorrenti li huma inqas favur l-ambjent jiksbu vantaġġ finanzjarju fuq ir-rikorrenti. Ma hemm l-ebda raġuni oġġettiva għal differenza fit-trattament.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali

    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser ir-rekwiżiti formali essenzjali. L-ewwel, il-Kummissjoni kisret id-dmir ta’ prudenza tagħha billi ma kkunsidratx id-data materjali u affidabbli li kienet irċeviet min-Naturvårdsverket (l-Aġenzija Svediża għall-Protezzjoni Ambjentali) li, kieku ġiet ikkunsidrata, kellha twassal għal eżitu differenti tad-deċiżjoni. It-tieni, il-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra d-dritt għal smigħ tar-rikorrenti. Id-deċiżjoni kkontestata hija miżura individwali li taffettwa ħażin lir-rikorrenti. Jekk, wara li saret taf li l-kumpanniji b’mod ġenerali u r-rikorrenti speċifikament arrotondaw id-data tal-emissjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni kienet semgħet lir-rikorrenti, ir-rikorrenti setgħat tispjega li d-data li pproduċiet kien fiha dawn l-arrotondamenti. It-tielet, l-obbligu ta’ motivazzjoni nkiser. Mid-deċiżjoni, huwa impossibbli li jiġu dedotti l-motivi għaliex ir-rikorrenti ġiet eskluża, u d-deċiżjoni hija kompletament nieqsa mill-motivazzjoni dwar inter alia trattament ugwali.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi

    Ir-rikorrenti ssostni li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet u d-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni preċedenti tal-Kummissjoni ħeġġewha sabiex tnaqqas l-emissjonijiet fossili tagħha favur il-ħruq tal-bijomassa. Ir-rikorrenti ma setatx tipprevedi li l-installazzjoni ma tibqax koperta mis-sistema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet (ETS) u għalhekk titlef il-permess tagħha sabiex tuża fjuwils fossili u titlef l-allokazzjoni bla ħlas, ta’ valur finanzjarju, ta’ kwoti ta’ emissjonijiet minħabba li l-installazzjoni naqqset l-użu tagħha ta’ karburanti fossili. Ma hemm l-ebda interess pubbliku prevalenti li jiġġustifika ksur tal-prinċipju.

    5.

    Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tad-Direttiva 2003/87/KE

    Ir-rikorrenti ssostni li d-Direttiva 2003/87/KE ġiet miksura bl-interpretazzjoni żbaljata tal-Kummissjoni tal-hekk imsejħa eċċezzjoni tal-bijomassa (punt 1 tal-Anness I). L-ewwel, fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar jekk ir-rikorrenti kienx qed juża l-bijomassa esklużivament, hija użat data li tmur lura diversi snin minflok data iktar ġdida jew prospettiva. It-tieni, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-eċċezzjoni tal-bijomassa manifestament tmur kontra kemm id-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva, b’mod partikolari l-Artikolu 10a, kif ukoll l-għan tad-Direttiva u l-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità. L-għan tad-Direttiva b’mod ġenerali u tar-regoli dwar l-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti ta’ emissjonijiet b’mod partikolari huwa li jinħoloq inċentiv finanzjarju sabiex inaqqas l-użu tal-fjuwils fossili, inkluż permezz tal-użu miżjud tal-bijomassa. L-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-eċċezzjoni tal-bijomassa għandha preċiżament l-effett oppost.

    6.

    Is-sitt motiv ibbażat fuq l-inapplikabbiltà skont l-Artikolu 277 TFUE tal-eċċezzjoni tal-bijomassa sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrenti

    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkunsidrax li l-eċċezzjoni tal-bijomassa tista’ tiġi interpretata kif stabbilit fil-ħames motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE (l-eċċezzjoni tal-bijomassa), skont l-Artikolu 277 TFUE, ma għandux jiġi applikat f’dan il-każ. Dan għaliex dik id-dispożizzjoni, li kieku l-interpretazzjoni tagħha mill-Kummissjoni tintlaqa’, tmur kontra d-dritt primarju, inklużi l-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità. Dik id-dispożizzjoni tiżvantaġġa lil dawk li l-iktar ħadmu lejn it-tranżizzjoni għal emissjonijiet ħielsa mill-fossili u tiffavorixxi l-oħrajn. Għalhekk tinċentiva lil dawk li għamlu l-iktar sabiex jerġgħu jibdew jużaw il-karburanti fossili, u tħeġġeġ lil dawk li għadhom jużaw il-karburanti fossili sabiex ma jnaqqsux l-emissjonijiet tagħhom lil hinn minn ċertu livell.


    Top