This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021TJ0494
Judgment of the General Court (Eighth Chamber, Extended Composition) of 20 December 2023.#Ryanair DAC and Malta Air ltd. v European Commission.#State aid – Aid granted by France to Air France and Air France-KLM in the context of the COVID-19 pandemic – Recapitalisation – Decision declaring the aid compatible with the internal market – Action for annulment – Locus standi – Substantial adverse effect on the applicant’s position on the market – Admissibility – Determination of the beneficiary of the aid in the context of a group of companies.#Case T-494/21.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) tal-20 ta’ Diċembru 2023.
Ryanair DAC u Malta Air ltd. vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija minn Franza lil Air France u lil Air France-KLM fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Rikapitalizzazzjoni – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Rikors għal annullament – Locus standi – Effett negattiv sostanzjali fuq il-pożizzjoni tar-rikorrent fis-suq – Ammissibbiltà – Determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji.
Kawża T-494/21.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) tal-20 ta’ Diċembru 2023.
Ryanair DAC u Malta Air ltd. vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija minn Franza lil Air France u lil Air France-KLM fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Rikapitalizzazzjoni – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Rikors għal annullament – Locus standi – Effett negattiv sostanzjali fuq il-pożizzjoni tar-rikorrent fis-suq – Ammissibbiltà – Determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji.
Kawża T-494/21.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2023:831
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)
20 ta’ Diċembru 2023 ( *1 ) ( i )
“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija minn Franza lil Air France u lil Air France-KLM fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Rikapitalizzazzjoni – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Rikors għal annullament – Locus standi – Effett negattiv sostanzjali fuq il-pożizzjoni tar-rikorrent fis-suq – Ammissibbiltà – Determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji”
Fil-Kawża T‑494/21,
Ryanair DAC, stabbilita fi Swords (l-Irlanda),
Malta Air ltd., stabbilita fil-Pietà (Malta),
irrappreżentati minn F.-C. Laprévote, E. Vahida, V. Blanc, S. Rating, I.-G. Metaxas-Maranghidis u D. Pérez de Lamo, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, J. Carpi Badía u C. Georgieva, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnuta minn
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn P.- L. Krüger u J. Möller, bħala aġenti,
minn
Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn A.- L. Desjonquères, P. Dodeller, T. Stéhelin, B. Fodda u T. Lechevallier, bħala aġenti,
minn
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. Bulterman, C. Schillemans u J. Langer, bħala aġenti, assistiti minn S. Corrijn, avukat,
minn
Air France-KLM, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn J. Derenne u D. Vallindas, avukati,
u minn
Société Air France, stabbilita fi Tremblay-en-France (Franza), irrappreżentata minn J. Derenne u D. Vallindas,
intervenjenti,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),
komposta minn M. van der Woude, President, A. Kornezov (Relatur), G. De Baere, D. Petrlík u S. Kingston, Imħallfin,
Reġistratur: S. Spyropoulos, amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tat‑22 ta’ Mejju 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Ryanair DAC u Malta Air ltd. jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 2488 final tal‑5 ta’ April 2021 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.59913 – Franza – COVID-19) – Rikapitalizzazzjoni ta’ Air France u ta’ Air France-KLM (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
2 |
Société Air France (iktar ’il quddiem “Air France”) u Air France-KLM (iktar ’il quddiem il-“kumpannija holding Air France-KLM”) jagħmlu parti mill-grupp Air France-KLM. Il-kumpannija holding Air France-KLM tmexxi l-imsemmi grupp. Skont id-deċiżjoni kkontestata, dan il-grupp jinkludi, barra minn hekk, b’mod partikolari, Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV (iktar ’il quddiem “KLM”), “Air France-KLM International Mobility (Suisse)”, “Blueteam V (France)”, “BigBlank (France)”, “Air France-KLM Finance (France)” u “Transavia Company (France)”. |
3 |
Skont id-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom rispettivament 14.3 % u 14 % tal-kapital tal-kumpannija holding Air France-KLM, filwaqt li r-Repubblika Franċiża għandha wkoll 21 % tad-drittijiet ta’ vot f’din tal-aħħar Min-naħa tagħha, il-kumpannija holding Air France-KLM għandha 100 % tal-azzjonijiet ta’ Air France u, direttament u indirettament, 93.84 % tal-kapital azzjonarju ta’ KLM. L-imsemmija kumpannija holding għandha wkoll 99.7 % tad-drittijiet ekonomiċi, jiġifieri tad-drittijiet għad-dividendi, u 49 % tad-drittijiet ta’ vot ta’ KLM. L-istess kumpannija holding għandha 100 % tal-azzjonijiet tas-sussidjarji l-oħra elenkati fil-punt 2 iktar ’il fuq. |
4 |
Id-deċiżjoni kkontestata taqa’ fil-kuntest ta’ sensiela ta’ miżuri oħra ta’ għajnuna mill-Istat intiżi li jsostnu s-settur tal-avjazzjoni u, b’mod iktar partikolari, il-kumpanniji li jagħmlu parti mill-grupp Air France-KLM. |
5 |
B’mod partikolari, fl‑4 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni Ewropea awtorizzat għajnuna individwali mogħtija mir-Repubblika Franċiża lil Air France fil-forma, minn naħa, ta’ garanzija mill-Istat ta’ 90 % fuq self li jammonta għal EUR 4 biljuni mogħti minn konsorzju ta’ banek u, min-naħa l-oħra, ta’ self minn azzjonist li jammonta għal massimu ta’ EUR 3 biljuni (iktar ’il quddiem is-“self minn azzjonist”) permezz tad-Deċiżjoni C(2020) 2983 final dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57082 (2020/N) – Franza – COVID-19) – Qafas Temporanju 107(3)(b) – Garanzija u self minn azzjonist favur Air France, kif emendata bid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C(2020) 9384 final tas‑17 ta’ Diċembru 2020, u C(2021) 5701 final tas‑26 ta’ Lulju 2021 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Air France”), li tagħmel parti mill-proċess ippreżentat lill-Qorti Ġenerali. |
6 |
Fid-deċiżjoni Air France, il-Kummissjoni qieset li l-benefiċjarji tal-għajnuna kkonċernata kienu Air France u s-sussidjarji li hija kienet tikkontrolla. Għall-kuntrarju, la l-kumpannija holding Air France-KLM u lanqas is-sussidjarji l-oħra tagħha, inkluż KLM u l-kumpanniji li din tal-aħħar kienet tikkontrolla, ma tqiesu li kienu benefiċjarji ta’ din l-għajnuna. |
7 |
Fit‑13 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni awtorizzat għajnuna individwali mogħtija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lil KLM, li tikkonsisti, minn naħa, f’garanzija mill-Istat għal self mogħti lil KLM minn konsorzju ta’ banek u, min-naħa l-oħra, f’self mill-Istat, li jammonta għal ammont totali ta’ EUR 3.4 biljuni, permezz tad-Deċiżjoni tagħha C(2020) 4871 final tat‑13 ta’ Lulju 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57116 (2020/N) – Il-Pajjiżi l-Baxxi – COVID-19) Garanzija ta’ self mill-Istat u self mill-Istat lil KLM (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni KLM”). |
8 |
Fil‑31 ta’ Marzu 2021, ir-Repubblika Franċiża kkomunikat lill-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE u l-Avviż tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Marzu 2020, intitolata “Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19” (ĠU 2020, C 91 I, p. 1), kif emendat fl‑1 ta’ Frar 2021 (ĠU 2021, C 34, p. 6) (iktar ’il quddiem il-“Qafas Temporanju”), għajnuna individwali fil-forma ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ Air France u tal-kumpannija holding Air France-KLM fl-ammont ta’ EUR 4 biljuni (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”). Il-miżura inkwistjoni tikkonsisti, minn naħa, fil-parteċipazzjoni tar-Repubblika Franċiża fi proġett ta’ żieda fil-kapital ta’ ammont massimu ta’ EUR 1 biljun (iktar ’il quddiem is-“sehem fil-kapital”) u, min-naħa l-oħra, fil-konverżjoni tas-self minn azzjonist, li kien is-suġġett tad-deċiżjoni Air France, fi strument ibridu (iktar ’il quddiem l-“istrument ibridu”). |
9 |
Fil‑5 ta’ April 2021, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha hija kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE u l-Qafas Temporanju. |
10 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni kienu, minn naħa, Air France u s-sussidjarji tagħha u, min-naħa l-oħra, il-kumpannija holding Air France-KLM u s-sussidjarji li din tal-aħħar tikkontrolla (iktar ’il quddiem il-“benefiċjarji”), bl-eċċezzjoni ta’ KLM u tas-sussidjarji tagħha. |
11 |
Permezz tas-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (KLM; COVID-19) (T‑643/20, EU:T:2021:286), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni KLM, minħabba li din kienet ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-miżura ta’ għajnuna kontenzjuża. |
It‑talbiet tal‑partijiet
12 |
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
13 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
14 |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, Air France u l-kumpannija holding Air France-KLM jitolbu li r-rikors jiġi miċħud bħala infondat u li r-rikorrenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż. |
15 |
Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli, sa fejn ir-rikorrenti jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, u tiċħad ir-rikors fil-mertu fir-rigward tal-kumplament. |
Id‑dritt
Fuq l‑ammissibbiltà
16 |
Ir-rikorrenti jsostnu, l-ewwel, li huma partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9), u li, għaldaqstant, huma għandhom locus standi sabiex jiddefendu d-drittijiet proċedurali tagħhom. It-tieni, huma jsostnu li l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fis-suq ġiet sostanzjalment affettwata mill-miżura inkwistjoni u li, konsegwentement, huma għandhom locus standi sabiex jikkontestaw ukoll il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata. |
17 |
Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, Air France u l-kumpannija holding Air France-KLM ma jikkontestawx l-ammissibbiltà tar-rikors. |
18 |
Għall-kuntrarju, ir-Repubblika Franċiża ssostni li r-rikorrenti ma għandhomx locus standi sabiex jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata. |
19 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li r-rikorrenti huma kompetituri ta’ Air France u ma huwiex ikkontestat li, għaldaqstant, huma għandhom jitqiesu li huma “partijiet interessati” fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589 peress li għandhom locus standi sabiex jissalvagwardjaw id-drittijiet proċedurali li huma jisiltu mill-Artikolu 108(2) TFUE. |
20 |
Fir-rigward tal-kwalità tar-rikorrenti sabiex jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra att li huma ma humiex destinatarji tiegħu, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija suġġetta għall-kundizzjoni li tkun irrikonoxxuta il-locus standi tagħha, li tirriżulta f’żewġ każijiet. Minn naħa, tali rikors jista’ jiġi ppreżentat sakemm dan l-att ikun jikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ eżekuzzjoni jekk dan ikun jikkonċernaha direttament (sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punti 59 u 91, u tat‑13 ta’ Marzu 2018, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni, C‑244/16 P, EU:C:2018:177, punt 39). |
21 |
Peress li d-deċiżjoni kkontestata, li ġiet indirizzata lir-Repubblika Franċiża, ma tikkostitwixxix att regolatorju skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn ma hijiex att ta’ portata ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 56), hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika jekk ir-rikorrenti humiex direttament u individwalment ikkonċernati minn din id-deċiżjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
22 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jippretendu li huma individwalment ikkonċernati ħlief jekk din id-deċiżjoni taffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak tad-destinatarju (sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223; tat‑28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il‑Kummissjoni, 169/84, EU:C:1986:42, punt 22; tat‑22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il‑Kummissjoni, C‑260/05 P, EU:C:2007:700, punt 53). |
23 |
Għalhekk, meta rikorrent jikkontesta l-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ evalwazzjoni ta’ għajnuna meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 108(3) TFUE jew wara l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, is-sempliċi fatt li hija tista’ titqies bħala “persuna interessata” fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE ma huwiex biżżejjed biex ir-rikors jitqies li huwa ammissibbli. Huwa jkollu juri li huwa għandu status partikolari fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 22 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, dan ikun il-każ meta l-pożizzjoni tar-rikorrent fis-suq ikkonċernat tkun affettwata sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
24 |
F’dan ir-rigward, il-prova, mir-rikorrent, ta’ effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni tiegħu fis-suq ma timplikax li għandha tingħata deċiżjoni definittiva fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn din il-parti u l-impriżi benefiċjarji, iżda teħtieġ biss min-naħa tal-imsemmija parti li hija tindika b’mod rilevanti r-raġunijiet għalfejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tippreġudika l-interessi leġittimi tagħha billi taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni tagħha fis-suq inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
25 |
Għalhekk mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ħsara sostanzjali għall-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrent fis-suq inkwistjoni ma tirriżultax minn analiżi fil-fond tal-varji relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni f’dan is-suq, li tippermetti li tiġi stabbilita bi preċiżjoni l-portata tal-ħsara lill-pożizzjoni kompetittiva tiegħu, iżda, bħala prinċipju, minn konstatazzjoni prima facie li l-għoti tal-miżura msemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni jwassal sabiex jippreġudika sostanzjalment din il-pożizzjoni (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 58). |
26 |
Minn dan jirriżulta li din il-kundizzjoni tista’ tiġi ssodisfatta jekk ir-rikorrent jipproduċi provi li jippermettu li jintwera li l-miżura kkonċernata tista’ tippreġudika sostanzjalment il-pożizzjoni tiegħu fis-suq inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
Għal dak li jirrigwarda l-elementi ammessi mill-ġurisprudenza sabiex tiġi stabbilita tali ħsara sostanzjali, għandu jitfakkar li s-sempliċi fatt li att jista’ jeżerċita ċerta influwenza fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq rilevanti u li l-impriża kkonċernata tkun tinsab f’xi relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarju ta’ dan l-att ma huwiex suffiċjenti sabiex tali impriża tista’ titqies li hija individwalment ikkonċernata mill-imsemmi att. Għaldaqstant, impriża ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi fir-rigward tal-impriża benefiċjarja (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
28 |
Il-prova ta’ ħsara sostanzjali kkawżata fir-rigward tal-pożizzjoni ta’ kompetitur fis-suq ma tistax tkun limitata għall-preżenza ta’ ċerti elementi li jindikaw degradazzjoni fil-prestazzjonijiet kummerċjali jew finanzjarji tar-rikorrent, bħal tnaqqis kunsiderevoli fid-dħul mill-bejgħ, telf finanzjarju mhux negliġibbli jew ukoll tnaqqis sinjifikattiv ta’ ishma mis-suq wara l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni. L-għoti ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jippreġudika s-sitwazzjoni kompetittiva ta’ operatur anki b’modi oħra, b’mod partikolari, billi jikkawża telf mid-dħul jew żvilupp inqas favorevoli minn dak li kien jirriżulta fl-assenza ta’ tali għajnuna (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 61). |
29 |
Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ma teħtieġx li r-rikorrent jipproduċi provi dwar id-daqs jew il-firxa ġeografika tas-swieq inkwistjoni, jew ukoll dwar l-ishma tas-suq tiegħu jew dawk tal-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni jew ta’ kompetituri eventwali fihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni (C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 65). |
30 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti pproduċewx provi li jippermettu li jintwera li l-miżura inkwistjoni tista’ tippreġudika sostanzjalment il-pożizzjoni tagħhom fis-suq ikkonċernat. |
31 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li, qabel il-pandemija tal-COVID-19, huma kienu joperaw 211-il rotta tal-ajru minn jew lejn Franza. B’mod partikolari, huma jispjegaw li Ryanair kienet f’kompetizzjoni diretta ma’ Air France u s-sussidjarji tagħha fuq 45 minn dawn ir-rotot fl‑2019 u fuq 47 rotta tal-ajru fl‑2021 minn jew lejn Franza, li kienu ta’ importanza ekonomika peress li jorbtu bliet kbar fl-Ewropa u lil hinn minnha u li ġeneralment kienu moqdija minn kważi l-ebda kumpannija tal-ajru oħra. Barra minn hekk, Ryanair ittrasportat iktar minn miljun passiġġier fuq l-imsemmija rotot fl‑2019 u total ta’ 127305 passiġġier fuqhom bejn Jannar u Awwissu 2021. |
32 |
Ir-Repubblika Franċiża ssostni, essenzjalment, li Ryanair ma hijiex l-eqreb kompetitriċi u l-iktar waħda diretta ta’ Air France. Barra minn hekk, hija tikkontesta l-fatt li r-rikorrenti huma “f’kompetizzjoni diretta” ma’ Air France, minħabba li r-rotot tal-ajru operati minn din tal-aħħar minn u lejn l-ajruporti ta’ Roissy-Charles-de-Gaulle (iktar ’il quddiem l-“ajruport CDG”) u ta’ Paris-Orly (iktar ’il quddiem l-“ajruport ORY”) u dawk operati minn Ryanair minn u lejn l-ajruport ta’ Beauvais-Tillé (iktar ’il quddiem l-“ajruport BVA”) ma humiex sostitwibbli u għalhekk ma humiex rilevanti sabiex tiġi evalwata r-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn ir-rikorrenti u Air France. Fir-rigward tar-rotot l-oħra tal-ajru invokati mir-rikorrenti, hija ssostni li, fuqhom, Ryanair ma hijiex l-unika kompetitriċi ta’ Air France. |
33 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ma huwiex neċessarju, fl-istadju tal-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors, li tingħata deċiżjoni definittiva dwar id-definizzjoni tas-suq tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni jew dwar ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn ir-rikorrenti u l-benefiċjarju. Bħala prinċipju, huwa biżżejjed li r-rikorrenti juru li, prima facie, l-għoti tal-miżura kkonċernata jwassal sabiex jippreġudika sostanzjalment il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fis-suq (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 24 u 25 iktar ’il fuq). |
34 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-rotot tal-ajru operati minn u lejn l-ajruporti CDG u ORY, minn naħa, u tal-ajruport BVA, min-naħa l-oħra, humiex sostitwibbli, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għal dan l-għan, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni diversi fatturi, bħad-distanza u l-ħin tal-vjaġġ skont il-kriterju ta’ riferiment ta’ 100 km jew vjaġġ ta’ siegħa, il-perspettiva tal-kompetituri, il-perspettiva tal-ajruporti kkonċernati u dik tal-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili tal-Istati Membri, l-istima min-naħa tal-passiġġieri li jivvjaġġaw fil-ħin liberu tagħhom fuq rotta, il-kunċett ta’ “sistema ta’ ajruporti” fis-sens tal-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 tat‑23 ta’ Lulju 1992 dwar aċċess għat-trasportaturi ta’ l-ajru tal-Komunità għal rotot ta’ l-ajru intra-Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 420), il-prattiki kummerċjali u l-eżistenza jew le ta’ servizzi ta’ trasport bejn l-ajruporti u ċerti bliet (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2010, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑342/07, EU:T:2010:280, punti 103 et seq.). |
35 |
Ċertament, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 100 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, “għall-finijiet ta’ kompletezza”, li l-ajruporti ta’ CDG u ta’ ORY ma kinux sostitwibbli għall-ajruport BVA. Madankollu, hija ma mmotivatx din il-konklużjoni u lanqas ma eżaminat, jew semmiet, xi wieħed mill-kriterji rilevanti elenkati fil-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 34 iktar ’il fuq. |
36 |
Waqt is-seduta, il-Kummissjoni indikat li, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, ir-rotot tal-ajru operati minn Ryanair minn jew lejn l-ajruport BVA setgħu, għall-finijiet tal-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, jitqiesu prima facie li huma sostitwibbli għal dawk operati minn Air France minn jew lejn l-ajruporti CDG u ORY. |
37 |
Din il-pożizzjoni hija riflessa fil-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, li, mingħajr ma torbot lill-qorti tal-Unjoni Ewropea, tista’ madankollu tikkostitwixxi element utli fil-kuntest ta’ evalwazzjoni prima facie tal-kwistjoni dwar jekk l-għoti tal-miżura inkwistjoni jistax jippreġudika l-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrenti fis-suq. Għalhekk, fil-premessi 266 sa 279 tad-deċiżjoni tagħha C(2013) 1106 final tas‑27 ta’ Frar 2013, li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.6663 – Ryanair vs Aer Lingus III), il-Kummissjoni qieset li l-kriterju ta’ 100 km jew vjaġġ ta’ siegħa kien issodisfatt, peress li d-distanza u l-ħin tal-vjaġġ bil-karozza lejn iċ-ċentru ta’ Pariġi mill-ajruporti CDG, ORY u BVA kienu rispettivament ta’ 23 km (31 min), 20 km (30 min) u 80 km (60 min). Fuq din il-bażi, hija kkonkludiet li l-ajruport ORY kien sostitwibbli mal-ajruporti CDG u BVA għat-titjiriet minn u lejn Dublin (l-Irlanda). |
38 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fl-assenza ta’ elementi konkreti fis-sens oppost fil-proċess li għandha l-Qorti Ġenerali, għandu jitqies li r-rotot tal-ajru operati minn Ryanair minn u lejn l-ajruport BVA, li għalihom jirreferu r-rikorrenti sabiex juru l-locus standi tagħhom, jistgħu jitqiesu li prima facie huma sostitwibbli għal dawk operati minn Air France minn u lejn l-ajruporti CDG u ORY. Għaldaqstant, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-eżami tal-locus standi ta’ Ryanair, ir-rotot kollha tal-ajru invokati mir-rikorrenti, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li r-Repubblika Franċiża ma tikkontestax is-sostitwibbiltà tar-rotot tal-ajru l-oħra operati rispettivament minn Ryanair u minn Air France minn u lejn ajruporti oħra li jinsabu fi Franza. |
39 |
Għaldaqstant, għandu jitqies li Ryanair kienet f’kompetizzjoni ma’ Air France u mas-sussidjarji tagħha fuq numru sinjifikattiv ta’ rotot tal-ajru minn u lejn Franza, jiġifieri bejn 45 u 47 rotta fil-perijodu bejn l‑2019 sal‑2021. Barra minn hekk, mill-proċess quddiem il-Qorti Ġenerali, u b’mod partikolari mill-Anness A.3.6 tar-rikors, li l-valur probatorju tiegħu ma huwa kkontestat la mill-Kummissjoni u lanqas mill-partijiet intervenjenti, jirriżulta li n-numru ta’ siġġijiet offruti minn Ryanair fuq dawn ir-rotot kien ta’ spiss paragunabbli, u saħansitra f’ċerti każijiet kien jeċċedi dak offrut minn Air France u s-sussidjarji tagħha. Il-kompetizzjoni bejniethom kienet għalhekk, f’termini ta’ numru ta’ siġġijiet offruti, ukoll sinjifikattiva. |
40 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li huma kienu qegħdin jipprevedu espansjoni kummerċjali fis-suq Franċiż, kif juri l-fatt li huma kienu nedew 67 rotta tal-ajru ġdida minn jew lejn Franza fl‑2019. Il-Kummissjoni u l-intervenjenti ma jikkontestawx dan il-fatt. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jżidu li huma kienu ordnaw 210 ajruplani Boeing 737 Max li kienu ngħaqdu mal-flotta tagħhom f’Ġunju 2021 u li kienu jippermettulhom jeżegwixxu l-pjanijiet ta’ espansjoni tagħhom. |
41 |
Fit-tielet lok, mill-punti 14 sa 18 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-miżura inkwistjoni kienet intiża li tevita r-riskju ta’ insolvenza tal-kumpannija holding Air France-KLM u ta’ Air France. Barra minn hekk, skont rapport tal-Fondazzjoni għall-Innovazzjoni Politika, prodott mir-rikorrenti, intitolat “Before COVID-19 air transportation in Europe: an already fragile sector” (it-trasport bl-ajru fl-Ewropa qabel il-pandemija tal-COVID-19: settur diġà fraġli), bid-data ta’ Mejju 2020 u li l-kontenut tiegħu ma huwiex ikkontestat mill-partijiet, “[kien] probabbli li Ryanair […] toħroġ mill-kriżi tal-COVID-19 mingħajr wisq ħsara u [jkollha] saħansitra riżorsi finanzjarji suffiċjenti, b’mod partikolari minħabba dejn u x-xiri ta’ kumpaniji falluti, biex tipparteċipa fir-ristrutturazzjoni probabbli tat-trasport bl-ajru fl-Ewropa”. Minn dan jirriżulta li Ryanair kienet tinsab f’pożizzjoni relattivament qawwija meta mqabbla mal-kumpanniji tradizzjonali bħal Air France, li kienet qiegħda taffaċċja riskju ta’ insolvenza, jew saħansitra ta’ ħruġ mis-suq. |
42 |
Fir-raba’ lok, mill-proċess jirriżulta li, fl‑2019, id-Direttur Ġenerali tal-kumpannija holding Air France-KLM ħabbar pjan ta’ azzjoni intiż li tiġi intensifikata l-kompetizzjoni mal-kumpanniji tal-ajru “bi prezz baxx”, bħal Ryanair, permezz tas-sussidjarja bi prezz baxx “Transavia France”. |
43 |
L-elementi rrilevati fil-punti 38 sa 42 iktar ’il fuq, meħuda flimkien, jippermettu li jitqies li r-rikorrenti wrew li l-għoti tal-miżura inkwistjoni seta’ jsaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva ta’ Air France għad-detriment ta’ Ryanair u li jwassal sabiex prima facie jippreġudika sostanzjalment il-pożizzjoni kompetittiva ta’ Ryanair fis-suq, billi jikkawża telf mid-dħul jew żvilupp inqas favorevoli minn dak li kien ikun irreġistrat fl-assenza ta’ tali miżura (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 iktar ’il fuq). |
44 |
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-oġġezzjoni tar-Repubblika Franċiża li Ryanair ma hijiex il-kompetitriċi prinċipali ta’ Air France fis-suq Franċiż. |
45 |
Fil-fatt, il-ġurisprudenza ma teħtieġx li r-rikorrenti tkun il-kompetitriċi prinċipali tal-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna sabiex il-pożizzjoni kompetittiva tagħha tkun tista’ titqies li hija sostanzjalment affettwata minnha. |
46 |
Lanqas ma tista’ tintlaqa’ l-oġġezzjoni tar-Repubblika Franċiża li r-rikorrenti ma wrewx li d-deċiżjoni kkontestata tolqothom minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddistingwihom minn dik tal-kompetituri l-oħra kollha ta’ Air France. |
47 |
Fil-fatt, il-kundizzjoni tal-effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrent hija element speċifiku għaliha, li għandu jiġi evalwat biss fir-rigward tal-pożizzjoni tiegħu fis-suq qabel l-għoti tal-miżura inkwistjoni jew fl-assenza tagħha. Ma huwiex il-każ li jsir paragun bejn is-sitwazzjoni tal-kompetituri kollha preżenti fis-suq ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni (C‑453/19 P, EU:C:2020:862, punt 58). Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 29 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li ma kienx neċessarju li r-rikorrent jipproduċi elementi li jikkonċernaw l-ishma tas-suq tiegħu jew dawk tal-benefiċjarju jew ta’ kompetituri oħra possibbli f’dan is-suq. Minn dan jirriżulta li, sabiex jiġi pprovat l-effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tiegħu, ir-rikorrent ma jistax jintalab jistabbilixxi, bi provi insostenn ta’ dan, liema hija s-sitwazzjoni kompetittiva tal-kompetituri tiegħu u li jiddistingwi ruħu minnha. |
48 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza ċċitata fl-punt 22 iktar ’il fuq tipprevedi żewġ kriterji sabiex jintwera li l-persuni l-oħra minbarra d-destinatarji ta’ deċiżjoni huma individwalment ikkonċernati minnha, jiġifieri li d-deċiżjoni kkontestata tippreġudikahom “minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għalihom” jew minħabba “sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra”. Din il-ġurisprudenza għalhekk ma teħtieġx li rikorrent juri, fil-każijiet kollha, li s-sitwazzjoni fattwali tiegħu hija differenti minn dik ta’ kull persuna oħra. Fil-fatt, huwa biżżejjed li d-deċiżjoni kkontestata tolqot lir-rikorrent minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalih. |
49 |
Dan huwa l-każ hawnhekk. Fil-fatt, l-elementi kollha msemmija fil-punti 38 sa 42 iktar ’il fuq huma intiżi li jistabbilixxu, b’mod suffiċjentement plawżibbli, li l-pożizzjoni ta’ Ryanair fis-swieq ikkonċernati kienet ikkaratterizzata minn ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha, jiġifieri l-fatt li Ryanair tinsab f’kompetizzjoni diretta ma’ Air France fuq numru kbir ta’ rotot tal-ajru, li fuqhom, barra minn hekk, hija offriet numru sinjifikattiv ta’ siġġijiet, li hija kienet bdiet espansjoni kummerċjali fis-suq Franċiż billi nediet numru kbir ta’ rotot tal-ajru ġodda qabel ma tfaċċat il-pandemija tal-COVID-19, li Air France kienet qiegħda tippjana li tintensifika l-kompetizzjoni fis-segment tas-suq imsejjaħ “bi prezz baxx”, li fih Ryanair hija attiva, permezz tal-kumpannija tal-ajru tagħha “Transavia France” u li, fl-assenza tal-miżura inkwistjoni, kien jeżisti riskju li Air France ssir insolventi jew tal-inqas tiddgħajjef b’mod sinjifikattiv, filwaqt li s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Ryanair kienet tidher relattivament b’saħħitha meta mqabbla ma’ dik tal-benefiċjarja, b’tali mod li tpoġġiha f’pożizzjoni li tista’ tippermettilha, fl-assenza ta’ għajnuna, li tikseb ishma tas-suq għad-detriment ta’ Air France. |
50 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti wrew b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-miżura inkwistjoni setgħet taffettwa sostanzjalment l-pożizzjoni kompetittiva ta’ Ryanair fis-suq ikkonċernat. |
51 |
Għandu jiġi kkonstatat li Ryanair hija wkoll direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, peress li ma hemm l-ebda dubju dwar ir-rieda tar-Repubblika Franċiża li tagħti għajnuna lil Air France-KLM u li tali ħlas jista’ jqiegħed lil Ryanair f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata u għalhekk jaffettwa d-dritt tagħha li ma tkunx suġġetta għal kompetizzjoni distorta minħabba din l-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
52 |
Għaldaqstant, Ryanair hija intitolata tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata. |
53 |
Fir-rigward tal-locus standi ta’ Malta Air, ġie deċiż li, meta waħda mir-rikorrenti jkollha locus standi, ma hemmx lok li jiġi eżaminat il-locus standi tar-rikorrenti l-oħra (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2014, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il‑Kunsill, T‑643/11, EU:T:2014:1076, punt 33 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata). |
Fuq il‑mertu
54 |
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw seba’ motivi, li jikkonċernaw, essenzjalment, l-ewwel, l-esklużjoni ta’ KLM mill-perimetru tal-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni, it-tieni, applikazzjoni żbaljata tal-Qafas Temporanju, it-tielet, applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, ir-raba’, ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ libertà ta’ stabbiliment, il-ħames, ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, is-sitt, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, is-seba’, ksur tal-Artikolu 342 TFUE u tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal‑15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-Komunitá Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 5). |
Fuq l‑ewwel motiv, dwar l‑esklużjoni ta’ KLM mill‑perimetru tal‑benefiċjarji tal‑miżura inkwistjoni
55 |
Ir-rikorrenti jsostnu li d-definizzjoni tal-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ċara, ma hijiex koerenti u ma hijiex suffiċjentement motivata sa fejn din id-definizzjoni ma tikkorrispondi għal ebda realtà legali, ekonomika jew ta’ kontabbiltà. Huma jipproduċu diversi elementi sabiex juru li KLM setgħet ukoll titqies li hija benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni. Huma jressqu argumenti dwar, essenzjalment, ir-rabtiet kapitalistiċi, organiċi, funzjonali u ekonomiċi bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM, il-kuntest li fih taqa’ l-miżura inkwistjoni, il-kuntest kuntrattwali li abbażi tiegħu ngħatat din il-miżura kif ukoll l-impenji meħuda mir-Repubblika Franċiża. |
56 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Hija ssostni li ħadet inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha stabbiliti fil-ġurisprudenza sabiex tiddetermina jekk entitajiet legalment awtonomi jikkostitwixxux unità ekonomika u kkonkludiet b’mod korrett li KLM u s-sussidjarji tagħha ma jibbenefikawx mill-miżura inkwistjoni. Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, hija tindika li ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest kuntrattwali stabbilit bl-għan li l-effetti finanzjarji u ekonomiċi li jirriżultaw mill-miżura inkwistjoni jitwasslu għand Air France kif ukoll l-impenji meħuda mir-Repubblika Franċiża, li kienu jiggarantixxu li l-imsemmija miżura ma tiġix ittrasferita lil KLM. |
57 |
Ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, Air France u l-kumpannija holding Air France-KLM jaqblu mal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni. |
58 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni kienu, minn naħa, Air France u s-sussidjarji tagħha u, min-naħa l-oħra, il-kumpannija holding Air France-KLM u s-sussidjarji li din tal-aħħar tikkontrolla bl-eċċezzjoni ta’ KLM u tas-sussidjarji tagħha. Għalhekk, hija qieset bħala benefiċjarji tal-imsemmija miżura l-kumpannija holding Air France-KLM u s-sussidjarji kollha tagħha, imsemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq, jiġifieri Air France, “Air France-KLM International Mobility (Suisse)”, “Blueteam V (France)”, “BigBlank (France)”, “Air France-KLM Finance (France)” u “Transavia Company (France)”, bl-eċċezzjoni ta’ KLM u tas-sussidjarji ta’ din tal-aħħar. |
59 |
Dan il-motiv iqajjem għalhekk, essenzjalment, il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji. |
60 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li diversi entitajiet ġuridiċi distinti jistgħu jitqiesu li jifformaw unità ekonomika waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, f’dan il-qasam, il-kwistjoni dwar jekk teżistix unità ekonomika bejn diversi entitajiet legalment distinti tqum b’mod partikolari meta jkun meħtieġ li jiġi identifikat il-benefiċjarju ta’ għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il‑Kummissjoni, 323/82, EU:C:1984:345, punti 11 u 12, u tad‑19 ta’ Mejju 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (KLM; COVID-19), T‑643/20, EU:T:2021:286, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
61 |
Fost l-elementi kkunsidrati mill-ġurisprudenza sabiex tiġi ddeterminata l-preżenza jew l-assenza ta’ unità ekonomika fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat hemm b’mod partikolari: il-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fi grupp ta’ kumpanniji li l-kontroll tagħhom jiġi eżerċitat direttament jew indirettament minn waħda minnhom, it-tkomplija ta’ attivitajiet ekonomiċi identiċi jew paralleli u l-assenza ta’ awtonomija ekonomika tal-kumpanniji kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2004, Pollmeier Malchow vs Il‑Kummissjoni, T‑137/02, EU:T:2004:304, punti 68 sa 70); il-formazzjoni ta’ grupp wieħed ikkontrollat minn entità, minkejja l-kostituzzjoni ta’ kumpanniji ġodda fejn kull waħda minnhom ikollha personalità ġuridika distinta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il‑Kummissjoni, 323/82, EU:C:1984:345, punt 11); il-possibbiltà, għal entità li żżomm azzjonijiet ta’ kontroll f’kumpannija oħra, li teżerċita, lil hinn minn sempliċi investiment ta’ kapital minn investitur, funzjonijiet ta’ kontroll, ta’ impetu u ta’ sostenn finanzjarju fir-rigward ta’ din il-kumpannija kif ukoll l-eżistenza ta’ rabtiet organiċi, funzjonali u ekonomiċi bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il‑Kummissjoni, C‑480/09 P, EU:C:2010:787, punt 51, u tad‑19 ta’ Mejju 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (KLM; COVID-19), T‑643/20, EU:T:2021:286, punt 47); kif ukoll l-eżistenza ta’ klawżoli kuntrattwali rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il‑Kummissjoni, C‑480/09 P, EU:C:2010:787, punt 57). |
62 |
Barra minn hekk, it-tip ta’ miżura ta’ għajnuna mogħtija, l-impenji eventwali meħuda mill-Istat Membru kkonċernat u l-kuntest li fih taqa’ din il-miżura jistgħu, skont il-każ, jikkostitwixxu wkoll elementi rilevanti għad-determinazzjoni tal-preżenza jew l-assenza ta’ unità ekonomika fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. (Similitudnijiet) |
63 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni speċifikat l-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ “impriża” fl-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 262, p. 1, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’”). Dan l-avviż, għalkemm ma jistax jorbot lill-Qorti Ġenerali, jista’ madankollu jservi bħala sors ta’ ispirazzjoni utli (ara s-sentenza tas‑6 ta’ April 2022, Mead Johnson Nutrition (Asia Pacific) et vs Il‑Kummissjoni, T‑508/19, EU:T:2022:217, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
64 |
Il-Kummissjoni rrikonoxxiet, fil-punt 11 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, diversi entitajiet legali distinti jistgħu jitqiesu li jifformaw unità ekonomika waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Għal dan il-għan, skont dan il-paragrafu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ azzjonijiet ta’ kontroll ta’ waħda mill-entitajiet fir-rigward tal-oħra kif ukoll l-eżistenza ta’ rabtiet funzjonali, ekonomiċi u organiċi oħra bejniethom. |
65 |
F’dan il-kuntest, ġie deċiż li l-Kummissjoni kellha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddetermina jekk kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp kellhomx jitqiesu li huma unità ekonomika jew inkella bħala unitajiet ġuridikament u finanzjarjament awtonomi għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna mill-Istat. Dan il-poter ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni jinvolvi t-teħid inkunsiderazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ fatti u ta’ ċirkustanzi ekonomiċi kumplessi. Peress li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti, b’mod partikolari fuq il-livell ekonomiku, ma’ dik tal-awtur tad-deċiżjoni, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għandu, f’dan ir-rigward, ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u ta’ motivazzjoni, għall-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll għall-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2009, AceaElectrabel vs Il‑Kummissjoni, T‑303/05, mhux ippubblikata, EU:T:2009:312, punti 101 u 102 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
66 |
Madankollu, il-qorti tal-Unjoni għandha b’mod partikolari tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn il-provi humiex tali li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li jirriżultaw minnhom (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑114/17 P, EU:C:2018:753, punt 104). |
67 |
Barra minn hekk, hija l-Kummissjoni li għandha teżamina b’attenzjoni partikolari r-rabtiet bejn il-kumpanniji li jappartjenu għall-istess grupp, meta jkun hemm biża’ tal-effetti fuq il-kompetizzjoni ta’ kumulu ta’ għajnuna mill-Istat fi ħdan l-istess grupp (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (KLM; COVID-19), T‑643/20, EU:T:2021:286, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
68 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li teżisti rabta kronoloġika u strutturali bejn il-miżura li hija s-suġġett tad-deċiżjoni Air France u l-miżura inkwistjoni. Fil-fatt, il-perspettiva ta’ konverżjoni f’kapital proprju tas-self minn azzjonist, li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni Air France, kienet diġà prevista waqt l-adozzjoni ta’ din tal-aħħar, kif jirriżulta espliċitament mill-punt 11 tagħha. Għalhekk, ftit xhur wara, l-imsemmi self awtorizzat minn din id-deċiżjoni ġie fil-fatt ikkonvertit, għall-istess ammont, fi strument ibridu, li min-naħa tiegħu huwa s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-punt 3 ta’ din tal-aħħar, il-Kummissjoni, fil-fatt, irrikonoxxiet li l-miżura inkwistjoni “segwiet” il-miżura ta’ għajnuna awtorizzata fid-deċiżjoni Air France. |
69 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, id-deċiżjoni Air France kienet tikkostitwixxi element ta’ kuntest li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-eżami tal-miżura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2021 Ryanair vs Il‑Kummissjoni (KLM; COVID-19), T‑643/20, EU:T:2021:286, punt 42). |
70 |
Fid-dawl tal-kriterji identifikati fil-ġurisprudenza u tal-argumenti tal-partijiet, għandhom jiġu eżaminati b’mod konsekuttiv ir-rabtiet kapitalistiċi, organiċi, funzjonali u ekonomiċi bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM u s-sussidjarji rispettivi tagħhom, il-kuntratti li abbażi tagħhom ingħatat il-miżura inkwistjoni, kif ukoll it-tip ta’ miżura ta’ għajnuna mogħtija u l-kuntest tagħha. |
– Fuq ir‑rabtiet kapitalistiċi u organiċi bejn il‑kumpannija holding Air France‑KLM, Air France u KLM
71 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-rabtiet kapitalistiċi bejn id-diversi entitajiet li jappartjenu għall-grupp Air France-KLM, għandu jiġi rrilevat, kif tfakkar fil-punti 2 u 3 iktar ’il fuq, li Air France hija miżmuma 100 % mill-kumpannija holding Air France-KLM u li din tal-aħħar għandha 93.84 % tal-kapital azzjonarju, 99.7 % tad-drittijiet ekonomiċi u 49 % tad-drittijiet ta’ vot f’KLM. Is-sussidjarji l-oħra tal-kumpannija holding Air France-KLM imsemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq huma wkoll miżmuma 100 % minn din tal-aħħar. |
72 |
Minn dan isegwi li l-kumpannija holding Air France-KLM għandha “drittijiet ta’ kontroll” kemm fir-rigward ta’ Air France kif ukoll fir-rigward ta’ KLM. Barra minn hekk, dan il-fatt huwa espliċitament irrilevat fil-punt 29 tad-deċiżjoni Air France, li fih il-Kummissjoni ppreċiżat, abbażi tal-istess rabtiet kapitalistiċi bħal dawk irrilevati fil-punt 71 iktar ’il fuq, li, għalkemm Air France u KLM kienu entitajiet ġuridiċi distinti, fejn kull waħda minnhom għandha l-istruttura azzjonarja rispettiva tagħha, il-kumpannija holding Air France-KLM kellha “drittijiet ta’ kontroll” kemm fir-rigward ta’ Air France kif ukoll fir-rigward ta’ KLM. |
73 |
Għalkemm dan il-fatt jikkostitwixxi l-ewwel element rilevanti għall-eżami tal-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn dawn l-entitajiet, il-ġurisprudenza fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat teżiġi li jiġi vverifikat, barra minn hekk, jekk il-kumpannija omm teżerċitax effettivament kontroll billi tinvolvi ruħha direttament jew indirettament fil-ġestjoni tas-sussidjarji tagħha, b’tali mod li tipparteċipa fl-attività ekonomika eżerċitata mill-impriża kkontrollata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il‑Kummissjoni, C‑480/09 P, EU:C:2010:787, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
74 |
Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ tali analiżi, sempliċi diviżjoni ta’ impriża f’żewġ entitajiet distinti, fejn l-ewwel waħda ssegwi direttament l-attività inkwistjoni u t-tieni waħda tikkontrolla lill-ewwel waħda filwaqt li tieħu ħsieb il-ġestjoni tagħha tkun biżżejjed sabiex iċċaħħad mill-effetti utli tagħhom ir-regoli tal-Unjoni dwar l‑għajnuna mill-Istat. Dan jippermetti lit-tieni entità tibbenefika minn sussidji jew minn vantaġġi oħra mogħtija mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat u li tużahom totalment jew parzjalment favur l-ewwel entità, fl-interess, ukoll, tal-unità ekonomika magħmula miż-żewġ entitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il‑Kummissjoni, C‑480/09 P, EU:C:2010:787, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
75 |
F’dan il-każ, mill-punti 27 u 91 tad-deċiżjoni Air France jirriżulta li l-kumpannija holding Air France-KLM għandha setgħa ta’ kontroll fuq Air France u fuq KLM permezz tad-drittijiet ta’ veto li hija għandha, minn naħa, fuq il-livelli tan-negozju u l-baġits ta’ dawn tal-aħħar, u min-naħa l-oħra, fuq ir-remunerazzjoni, il-ħatra u t-tneħħija tad-diriġenti tagħhom, inkluż il-ħatra u t-tneħħija tal-membri tagħhom tal-bord tad-diretturi. Għalhekk, l-imsemmija kumpannija holding għandha tapprova d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw b’mod partikolari l-għażliet strateġiċi, il-baġit u l-pjan ta’ investiment tal-“grupp Air France-KLM, inkluż KLM” qabel ma dawn jiġu adottati jew implimentati. |
76 |
Mill-punt 91 tad-deċiżjoni Air France jirriżulta wkoll li l-kumpannija holding Air France-KLM għandha dritt ta’ approvazzjoni fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament tas-sussidjarji tagħha li jaqbżu l-EUR 150 miljun. |
77 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tar-rabtiet organiċi bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM, ir-rikorrenti jirreferu b’mod partikolari għad-dokument ta’ reġistrazzjoni universali tal‑2019 tal-imsemmija kumpannija holding irreġistrat mal-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji (AMF) (Franza) skont ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU 2017, L 168, p. 12) (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ reġistrazzjoni universali tal‑2019”), li ġie diskuss waqt is-seduta. Skont l-Artikoli 9 u 21 tar-Regolament 2017/1129, id-dokument ta’ reġistrazzjoni universali huwa dokument imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku li jiddeskrivi l-organizzazzjoni, l-attivitajiet, is-sitwazzjoni finanzjarja, ir-riżultati, il-prospetti, il-governanza u l-istruttura tal-azzjonisti tal-emittent inkwistjoni. |
78 |
Mid-dokument ta’ reġistrazzjoni universali tal‑2019 jirriżulta li jeżistu, fil-livell tal-grupp Air France-KLM, diversi korpi mħallta, komposti minn rappreżentanti ta’ livell għoli tal-kumpannija holding Air France-KLM, ta’ Air France u ta’ KLM, inkarigati mill-kontroll u mill-koordinazzjoni ta’ ċerti deċiżjonijiet importanti li għandhom jittieħdu fi ħdan l-imsemmi grupp. |
79 |
Pereżempju, fi ħdan il-grupp Air France-KLM, l-investimenti kollha ta’ iktar minn EUR 5 miljun, l-istess bħall-operazzjonijiet li jirrigwardaw il-flotta kif ukoll l-operazzjonijiet ta’ akkwist u ta’ trasferiment, huma suġġetti għall-approvazzjoni ta’ “Kumitat Eżekuttiv tal-Grupp”, kompost b’mod partikolari mid-diretturi ġenerali tal-kumpannija holding Air France-KLM, minn Air France u minn KLM, kif barra minn hekk ikkonfermat l-imsemmija kumpannija holding waqt is-seduta. |
80 |
Barra minn hekk, skont dan id-dokument ta’ reġistrazzjoni universali tal‑2019, għalkemm il-ġestjoni tal-investimenti hija żgurata fil-livell ta’ kull kumpannija tal-grupp Air France-KLM, il-proċess deċiżjonali huwa kkoordinat minn “Group Investment Committee (GIC)”, kompost mid-Deputat Direttur Ġenerali “Ekonomija u Finanzi” tal-kumpannija holding Air France-KLM, mid-Deputat Direttur Ġenerali “Ekonomija u Finanzi” ta’ Air France u miċ-“Chief Financial Officer” ta’ KLM. |
81 |
Bl-istess mod, mid-dokument ta’ reġistrazzjoni universali tal‑2019 jirriżulta li l-ġestjoni tar-riskji tas-suq fi ħdan il-grupp Air France-KLM hija mmexxija minn “Risk Management Committee”, kompost ukoll minn mexxejja għolja tal-kumpannija holding Air France-KLM, minn Air France u minn KLM, li jiddeċiedi u jissorvelja r-riskji finanzjarji tal-imsemmi grupp u jiddetermina l-koperturi neċessarji li għandhom jiġu implimentati. |
82 |
Minn dan jirriżulta wkoll li d-deċiżjonijiet meħuda minn dawn il-korpi mħallta fil-livell tal-grupp Air France-KLM huma sussegwentement implimentati minn kull entità tal-grupp. |
83 |
Minn dan isegwi li r-rabtiet kapitalistiċi u organiċi fi ħdan il-grupp Air France-KLM jindikaw li l-kumpannija holding Air France-KLM teżerċita effettivament kontroll billi tinvolvi ruħha direttament jew indirettament fil-ġestjoni ta’ Air France u ta’ KLM u għalhekk tipparteċipa fl-attività ekonomika eżerċitata minnhom. Minn dan jirriżulta wkoll li teżisti, fil-livell tal-imsemmi grupp, proċedura deċiżjonali ċċentralizzata u ċerta koordinazzjoni, żgurati permezz ta’ korpi mħallta li jiġbru flimkien rappreżentanti ta’ livell għoli tal-kumpannija holding Air France-KLM, ta’ Air France u ta’ KLM, tal-inqas f’dak li jirrigwarda t-teħid ta’ ċerti deċiżjonijiet importanti. |
84 |
Ir-rabtiet kapitalistiċi u organiċi fi ħdan il-grupp Air France-KLM huma għalhekk, kif isostnu r-rikorrenti, l-ewwel element li juri li l-entitajiet ġuridiċi distinti fi ħdan l-imsemmi grupp jifformaw unità ekonomika waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. |
– Fuq ir‑rabtiet funzjonali bejn il‑kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM
85 |
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni rrilevat fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata li l-kumpannija holding Air France-KLM ma kinitx attiva fis-suq tat-trasport bl-ajru, iżda kienet tikkoordina l-attivitajiet tas-sussidjarji tagħha u kienet tipprovdilhom servizzi finanzjarji. Barra minn hekk, hija indikat li l-imsemmija kumpannija holding kienet timpjega l-impjegati tagħha stess u “kienet tistrieħ” fuq impjegati kkollokati magħha minn Air France u KLM. Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 75 iktar ’il fuq, il-kumpannija holding Air France-KLM kellha drittijiet ta’ veto fir-rigward tar-remunerazzjoni, tal-ħatra u tat-tneħħija tad-diretturi ta’ KLM u ta’ Air France. Minn dan isegwi li teżisti ċerta integrazzjoni bejn l-impjegati ta’ din il-kumpannija holding u tas-sussidjarji tagħha u li l-istess kumpannija holding hija involuta fl-iktar deċiżjonijiet importanti li jikkonċernaw id-diretturi tas-sussidjarji tagħha. |
86 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kkonstatat li Air France u l-kumpannija holding Air France-KLM kellhom “relazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji mas-sussidjarja strateġika l-oħra tal-kumpannija holding, KLM”, u li kien jeżisti “ċertu livell ta’ integrazzjoni” bejn l-imsemmija kumpannija holding, Air France u KLM dwar b’mod partikolari l-“qsim tal-ispejjeż, l-allinjament strateġiku u l-aċċess għall-finanzjamenti” (ara, b’mod partikolari, il-punt 113(c) tad-deċiżjoni kkontestata). |
87 |
Fil-punt 38 tad-deċiżjoni Air France, il-Kummissjoni kkonstatat li Air France u KLM, taħt l-awspiċi tal-kumpannija holding Air France-KLM, kienu jikkoordinaw bejniethom fil-“qasam tal-bejgħ u tal-ġestjoni tal-prezzijiet u tad-dħul abbażi tal-istrateġija ddeterminata fil-livell tal-kumpannija holding [Air France-KLM]”, bl-għajnuna tal-impjegati ta’ Air France u ta’ KLM ikkollokati mal-imsemmija kumpannija holding għal dan l-għan. |
88 |
Minn dan jirriżulta li, għalkemm, ċertament, il-kumpannija holding Air France-KLM ma tipprovdix hija stess servizzi ta’ trasport bl-ajru, xorta jibqa’ l-fatt li hija għandha rwol strateġiku fil-provvista ta’ dawn is-servizzi, b’mod partikolari fil-qasam tal-bejgħ u tal-ġestjoni tal-prezzijiet u tad-dħul, u li hija, barra minn hekk, involuta fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-operazzjonijiet li jirrigwardaw il-flotta (ara l-punt 79 iktar ’il fuq), li jikkonferma l-eżistenza ta’ livell ta’ integrazzjoni bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM. |
89 |
L-eżistenza ta’ ċerta koordinazzjoni funzjonali fi ħdan il-grupp Air France-KLM tintwera, barra minn hekk, mill-eżempju ta’ “Transavia”, invokat mir-rikorrenti. Kif jirriżulta mit-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet magħmula fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, fi ħdan l-imsemmi grupp, jeżistu diversi kumpanniji li jinkludu l-isem “Transavia”, li wħud minnhom huma attivi fis-suq tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri. Dawn huma Transavia France SAS u Transavia Airlines CV, imsejħa rispettivament “Transavia France” u “Transavia Netherlands” fid-deċiżjoni kkontestata. “Transavia France” u “Transavia Netherlands” huma sussidjarji ta’ Air France u ta’ KLM rispettivament. Il-Kummissjoni indikat f’dan ir-rigward li, minkejja li dawn iż-żewġ kumpanniji għandhom il-liċenzji, iċ-ċertifikati, id-drittijiet tat-traffiku, is-slots, l-assi, il-persunal u tmexxija tagħhom stess, huma jippreżentaw ruħhom fis-suq taħt l-istess trade mark Transavia u jaqsmu l-istess sit internet, fatt li ġie kkonfermat mill-kumpannija holding Air France-KLM waqt is-seduta. |
90 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt irrilevat f’artiklu tat‑12 ta’ Lulju 2021, prodott mir-rikorrenti, li l-“grupp Air France-KLM” kien beda negozjati ma’ Boeing Co. u Airbus SE bl-għan li jiġu ordnati ajruplani għal “Transavia France, Transavia Netherlands u KLM”. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 58 iktar ’il fuq, “Transavia Company (France)” kienet tagħmel parti, skont id-deċiżjoni kkontestata, mill-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni. Skont it-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet magħmula fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, l-attività ekonomika ta’ din il-kumpannija kienet tikkonsisti fil-kiri ta’ żewġ ajruplani, li sussegwentement ingħataw bħala sottokirja lil Transavia Netherlands, peress li din tal-aħħar ma kinitx madankollu kkunsidrata bħala benefiċjarja tal-imsemmija miżura. Dawn l-eżempji jirriflettu għalhekk ċerta integrazzjoni u kooperazzjoni funzjonali u kummerċjali bejn żewġ sussidjarji ta’ Air France u ta’ KLM. |
91 |
Fit-tielet lok, il-kumpannija holding Air France-KLM tassumi wkoll funzjonijiet finanzjarji għall-bżonnijiet tas-sussidjarji tagħha. Fil-fatt, mill-punt 20(c) tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li wieħed mis-sorsi ta’ finanzjament tal-benefiċjarji qabel il-pandemija tal-COVID-19 kien jinkludi finanzjament mhux iggarantit fuq żmien medju u twil, miksub fis-swieq finanzjarji “prinċipalment fil-livell tal-kumpannija holding Air France-KLM”, pereżempju fil-forma ta’ titoli bi dħul fiss pubbliku jew privat jew ta’ kapital proprju. |
92 |
Bl-istess mod, kif ġie rrilevat fil-punt 86 iktar ’il fuq, fil-punt 113(c) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li kienet teżisti ċerta integrazzjoni bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM f’dak li jirrigwarda l-“aċċess għall-finanzjamenti”. Għandu jingħad ukoll, bħalma għamlu r-rikorrenti u kif jirriżulta mill-punti 79 sa 81 iktar ’il fuq, li l-kumpannija holding Air France-KLM hija involuta fil-koordinazzjoni u l-approvazzjoni tal-investimenti importanti tas-sussidjarji tagħha, l-operazzjonijiet ta’ akkwist ta’ azzjonijiet u ta’ trasferiment, u tal-ġestjoni tar-riskji finanzjarji u tal-koperturi neċessarji li għandhom jiġu stabbiliti li huma s-suġġett ta’ monitoraġġ kontinwu u permanenti fil-livell tal-grupp Air France-KLM. |
93 |
Ir-rwol finanzjarju meħud mill-kumpannija holding Air France-KLM jintwera, f’dan il-każ, mill-fatt, imfakkar fil-punt 76 iktar ’il fuq, li din għandha dritt ta’ approvazzjoni għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament tas-sussidjarji tagħha li jaqbeż il-EUR 150 miljun, u li, konsegwentement, hija kellha tapprova l-miżura inkwistjoni. |
94 |
Dan huwa kkorroborat, barra minn hekk, mill-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 32 sa 34 u 91 tad-deċiżjoni Air France, li minnhom jirriżulta li l-kumpannija holding Air France-KLM fil-fatt tassumi funzjonijiet finanzjarji għall-bżonnijiet ta’ Air France u ta’ KLM. Minn naħa, hija tipprovdi b’mod partikolari istruzzjonijiet baġitarji lis-sussidjarji tagħha. Min-naħa l-oħra, hija tista’, “okkażjonalment” skont id-deċiżjoni kkontestata, tiġġenera kapital fis-swieq finanzjarji (dejn jew kapital proprju) favur is-sussidjarji tagħha skont il-ħtiġijiet individwali tagħhom. Fir-rigward tal-ħruġ ta’ azzjonijiet jew ta’ strumenti li jagħtu aċċess għall-kapital, dawn it-tranżazzjonijiet jitwettqu wkoll fil-livell tal-imsemmija holding, filwaqt li d-djun fi ħdan il-grupp Air France-KLM huma “prinċipalment” ikkuntrattati direttament minn Air France u KLM. |
95 |
Barra minn hekk, mid-data li tinsab fid-dokument ta’ reġistrazzjoni universali tal‑2019 jirriżulta li l-kumpannija holding Air France-KLM wettqet sensiela ta’ ħruġ ta’ bonds ta’ ammonti sinjifikattivi, li “l-istrateġija finanzjarja hija deċiża mill-grupp [Air France-KLM] b’koordinazzjoni ma’ [Air France] u [KLM]”, li l-imsemmija kumpannija holding kienet l-emittent “prinċipali” tat-titoli ta’ bonds, u li l-imsemmi grupp kien jipprevedi “użu sistematiku tal-finanzjamenti fis-swieq [permezz ta’] Air France-KLM”. |
96 |
Fl-aħħar nett, mill-punt 113(b) tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpannija holding Air France-KLM, li ma għandhiex attività kummerċjali awtonoma, tiddependi fil-parti l-kbira mis-sitwazzjoni finanzjarja tas-sussidjarji tagħha Air France u KLM. Skont l-istess punt tad-deċiżjoni kkontestata, il-miżura ta’ għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni Air France kellha bħala konsegwenza li iktar tagħmel is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpannija holding Air France-KLM dipendenti fuq dik ta’ Air France. B’mod konkret, l-imsemmija miżura wasslet għal dejn ta’ EUR 7 biljuni tal-kumpannija holding Air France-KLM fil-konfront tar-Repubblika Franċiża u b’mod parallel fi kreditu ta’ ammont simili miżmum minn din il-kumpannija holding mingħand is-sussidjarja tagħha Air France. Għalhekk, skont il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, fil-każ ta’ insolvenza ta’ Air France, il-kapital proprju tal-kumpannija holding Air France-KLM ma huwiex suffiċjenti sabiex ikopri telf sa tali ammont. Billi tiggarantixxi l-vijabbiltà ta’ Air France, din il-miżura kienet tispiċċa biex tiżgura l-vijabbiltà tal-kumpannija holding Air France-KLM. |
97 |
Għaldaqstant, ir-rabtiet funzjonali bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM jikkostitwixxu t-tieni element li juri li dawn l-entitajiet jifformaw unità ekonomika waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. |
– Fuq ir‑rabtiet ekonomiċi bejn il‑kumpannija holding Air France‑KLM, Air France u KLM.
98 |
Fil-punt 43 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi l-eżistenza ta’ relazzjonijiet kummerċjali bejn Air France (u s-sussidjarji tagħha) u KLM (u s-sussidjarji tagħha) li jinvolvu flussi finanzjarji li jikkonsistu b’mod partikolari fil-provvista ta’ servizzi jew fil-bejgħ ta’ prodotti ta’ Air France lil KLM, jew bil-maqlub. Minn dan jirriżulta wkoll li dawn il-kumpanniji kkonkludew ftehimiet ta’ tqassim tal-ispejjeż u li huma jwettqu attivitajiet komuni. Id-deċiżjoni kkontestata lanqas ma tippreċiża n-natura ta’ dawn l-attivitajiet imwettqa b’mod konġunt jew tas-servizzi pprovduti minn Air France lil KLM jew bil-maqlub, u lanqas barra minn hekk l-għan tal-imsemmija kuntratti ta’ tqassim ta’ spejjeż. Xorta jibqa’ l-fatt li l-eżistenza ta’ tali ftehimiet ta’ tqassim tal-ispejjeż bejn Air France u KLM kif ukoll tal-attivitajiet imwettqa flimkien tikkonferma l-eżistenza ta’ ċerta integrazzjoni u kooperazzjoni ekonomika bejniethom. |
99 |
Din il-konklużjoni hija kkorroborata, kif isostnu r-rikorrenti, mill-fatt li l-kumpannija holding Air France-KLM tiġġenera d-dħul tagħha unikament internament mingħand is-sussidjarji tagħha, permezz ta’ kummissjonijiet ta’ ġestjoni li jkopru l-ispejjeż ta’ ġestjoni tal-kumpannija holding, ta’ tariffi abbażi ta’ trade marks u ta’ ċerti mekkaniżmi ta’ ridistribuzzjoni (punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan juri li hemm ċerta interdipendenza ekonomika bejn il-kumpannija holding u s-sussidjarji tagħha. Dan huwa kkonfermat b’mod partikolari mill-fatt li Air France u KLM jippruvaw jiksbu sinerġiji permezz tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet rispettivi tagħhom taħt l-awspiċi tal-kumpannija holding Air France-KLM, b’mod partikolari fil-qasam tal-bejgħ u tal-ġestjoni tal-prezzijiet u tad-dħul (ara l-punt 88 iktar ’il fuq), u li l-kumpannija holding Air France-KLM hija involuta fil-finanzjament tas-sussidjarji tagħha b’mod ikkoordinat (ara l-punti 91 sa 95 iktar ’il fuq). |
100 |
Bl-istess mod, kif jirriżulta mill-punti 91 sa 95 iktar ’il fuq, il-kumpannija holding Air France-KLM taġixxi fis-swieq finanzjarji fl-interess tas-sussidjarji tagħha billi tiġġenera fondi għall-bżonnijiet tagħhom fis-swieq finanzjarji. Dan il-fatt juri li l-imsemmija kumpannija holding tinnegozja t-termini tal-finanzjament fis-swieq finanzjarji billi tibbaża ruħha fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-grupp Air France-KLM kollu kemm hu. Għaldaqstant, huwa permezz tal-kumpannija holding Air France-KLM li jitwettqu s-sinerġiji fi ħdan l-imsemmi grupp. |
101 |
Madankollu, il-Kummissjoni qieset li r-relazzjonijiet finanzjarji u kummerċjali bejn il-kumpannija holding Air France-KLM u s-sussidjarji tagħha Air France u KLM, kif ukoll bejn dawn tal-aħħar stess, jitmexxew f’“kundizzjonijiet normali tas-suq”, li jeskludi r-riskju li l-vantaġġ li jirriżulta mill-miżura inkwistjoni jgħaddi għal għand KLM (punti 42, 43, 44 u t-tieni inċiż tal-punt 113(c) tad-deċiżjoni kkontestata). |
102 |
F’dan ir-rigward, b’mod partikolari, il-Kummissjoni spjegat essenzjalment li Air France u KLM baqgħu taxxabbli rispettivament fi Franza u fil-Pajjiżi l-Baxxi, li l-leġiżlazzjonijiet fiskali Franċiżi u Olandiżi kienu jipprevedu li l-operazzjonijiet kollha fi ħdan il-gruppi kellhom jitwettqu konformement mal-prinċipju ta’ distakkament u li kull devjazzjoni minn dan il-prinċipju tista’ tagħti lok għal “ottimizzazzjoni fiskali” li tmur kontra l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ċċitati iktar ’il fuq (punt 42(a) tad-deċiżjoni kkontestata). Għalkemm dawn l-elementi jidhru, ċertament, rilevanti għall-finijiet tal-intaxxar ta’ dawn il-kumpanniji fil-livell tal-Istati Membri, madankollu dawn ma humiex suffiċjenti sabiex juru l-eżistenza ta’ awtonomija ekonomika bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM fi ħdan il-grupp Air France-KLM, fid-dawl tal-elementi indikati fil-punti 98 sa 100 iktar ’il fuq. |
103 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-għoti tal-miżura inkwistjoni kien iġġustifikat b’mod partikolari mill-impossibbiltà għall-kumpannija holding Air France-KLM u Air France li tikseb finanzjament fis-swieq tad-dejn u tal-kapital taħt kundizzjonijiet finanzjarji aċċettabbli u f’termini neċessarji sabiex tiġi evitata proċedura ta’ insolvenza (punti 16 u 19 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-vantaġġ tal-imsemmija miżura huwa rifless preċiżament fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ammonti kbar ta’ likwidità li ma kinux ikunu disponibbli fil-kundizzjonijiet tas-suq. Għalhekk, minn naħa, tali miżura jkollha l-effett li ssaħħaħ il-pożizzjoni finanzjarja tal-grupp Air France-KLM fl-intier tagħha, sa fejn din tevita r-riskju ta’ inadempjenza tal-holding u ta’ waħda mis-sussidjarji prinċipali tagħha, jiġifieri Air France, b’tali mod li tassigura lill-investituri u l-kredituri tal-kumpanniji tal-imsemmi grupp, filwaqt li jiġi ppreċiżat, barra minn hekk, li peress li l-istrument ibridu kien jieħu l-forma ta’ strument super-subordinat ta’ natura perpetwu, fil-każ ta’ insolvenza, dan kellu prijorità biss fir-rigward tal-kapital sottoskritt u r-riżervi tal-kapital (punt 59 tal-imsemmija deċiżjoni). Min-naħa l-oħra, fid-dawl tar-rwol finanzjarju tal-kumpannija holding Air France-KLM fi ħdan dan il-grupp, din tista’, jekk ikun il-każ, tikseb, fl-interess tas-sussidjarji tagħha u għall-bżonnijiet tagħhom, finanzjament fis-swieq, li kien ikun inaċċessibbli għaliha fl-assenza tal-għajnuna jew taħt kundizzjonijiet inqas favorevoli. |
104 |
Barra minn hekk, fl-assenza tal-miżura inkwistjoni, Air France ma kinitx tkun tista’ tkompli bl-attivitajiet tagħha u, konsegwentement, kienet ukoll tipperikola t-tkomplija tal-attivitajiet imwettqa b’mod konġunt ma’ KLM (ara l-punti 86, 89 u 98 iktar ’il fuq). Billi tippermetti għalhekk it-tkomplija tal-attivitajiet ta’ Air France, l-imsemmija miżura tippermetti wkoll, impliċitament iżda neċessarjament, it-tkomplija tal-attivitajiet imwettqa b’mod konġunt minn Air France u KLM. |
105 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat, fil-punt 42(b) tad-deċiżjoni kkontestata, li l-“istruttura ta’ impriża tal-grupp Air France-KLM” għandha effett ta’ inċentiv għat-timijiet ta’ ġestjoni ta’ Air France u ta’ KLM li jinnegozjaw il-kundizzjonijiet tal-kuntratti konklużi bejniethom fl-aħjar interess ta’ kull waħda minnhom. Dawn iż-żewġ sussidjarji huma ġestiti “b’mod awtonomu” minn timijiet ta’ ġestjoni distinti. |
106 |
Madankollu, din l-affermazzjoni għandha tiġi kkwalifikata mill-elementi rrilevati fil-punti 75 sa 83 u 85 iktar ’il fuq, li minnhom jirriżulta li l-kumpannija holding Air France-KLM għandha dritt ta’ veto fir-rigward tar-remunerazzjoni, tal-ħatra u tat-tkeċċija tad-diretturi tas-sussidjarji tagħha, li korpi mħallta fi ħdan il-grupp Air France-KLM huma inkarigati mill-kontroll u mill-koordinazzjoni ta’ ċerti deċiżjonijiet importanti li jikkonċernaw is-sussidjarji tiegħu u li l-kumpannija holding Air France-KLM tibbaża ruħha fuq impjegati ta’ Air France u ta’ KLM ikkollokati magħha. |
107 |
Għaldaqstant, ir-rabtiet ekonomiċi bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM jikkostitwixxu t-tielet element li juri li dawn l-entitajiet jifformaw unità ekonomika waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. |
– Fuq l‑istrumenti kuntrattwali li abbażi tagħhom ingħatat il‑miżura inkwistjoni u fuq l‑impenji meħuda mir‑Repubblika Franċiża
108 |
Fil-punti 39, 40, 44 sa 46 u 113(c) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment qieset li l-kuntest kuntrattwali, li abbażi tiegħu ngħatat il-miżura inkwistjoni, u l-impenji assunti mir-Repubblika Franċiża kienu jiggarantixxu li KLM u s-sussidjarji tagħha ma kinux benefiċjarji tal-imsemmija miżura. |
109 |
Ir-rikorrenti jsostnu li dawn l-elementi ma humiex ta’ natura li juru li KLM u s-sussidjarji tagħha ma setgħux jibbenefikaw mill-miżura inkwistjoni. L-ewwel, huma jqisu li, għalkemm il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-kuntest kuntrattwali li abbażi tiegħu ngħatat l-imsemmija miżura, li kellha l-għan li twassal din il-miżura tal-kumpannija holding Air France-KLM lejn Air France, din madankollu ma tispjegax liema klawżoli jiggarantixxu li l-imsemmija kumpannija holding ma żżommx parti mill-benefiċċju u li tali miżura ma kinitx tibbenefika lil KLM u lis-sussidjarji tagħha, kuntrarjament għal sussidjarji oħra tal-imsemmija kumpannija holding. It-tieni, huma jsostnu, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tas-suq tar-relazzjonijiet bejn Air France u KLM, li l-Kummissjoni naqset milli teżamina r-relazzjonijiet bejn, minn naħa, dawn tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, din il-kumpannija holding, li huwa essenzjali sabiex tiġi vverifikata l-possibbiltà li l-istess miżura tagħti benefiċċju indirett lil KLM. It-tielet, huma jsostnu li l-impenji, meħuda mir-Repubblika Franċiża, huma inadegwati u ineffettivi. |
110 |
Il-Kummissjoni tirribatti li l-kuntest kuntrattwali li abbażi tiegħu kienet ingħatat il-miżura inkwistjoni kien jiggarantixxi li l-pożizzjoni ta’ kapital proprju ta’ KLM tibqa’ l-istess. Fil-fehma tagħha, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ KLM la kienet tiddependi mis-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Air France, u lanqas minn dik tal-kumpannija holding Air France-KLM. Barra minn hekk, hija tqis li l-impenji inkwistjoni, li tagħhom hija tiżgura l-kontroll kontinwu, jipprekludu lil KLM milli tibbenefika minn kull titjib ulterjuri eventwali tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-imsemmija kumpannija holding, sa fejn dawn l-impenji jipprevedu li r-relazzjonijiet kollha bejn KLM u Air France kif ukoll bejn KLM u din il-kumpannija holding għandhom jitwettqu f’kundizzjonijiet tas-suq. Barra minn hekk, il-vantaġġi allegati mir-rikorrenti, anki jekk kienu pprovati, jikkostitwixxu biss effetti ekonomiċi sekondarji tal-għajnuna u mhux vantaġġ indirett għal KLM u s-sussidjarji tagħha. |
111 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kuntest kuntrattwali, li abbażi tiegħu ngħatat il-miżura inkwistjoni, mill-punti 26 u 39 sa 41 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-imsemmija miżura kellha tingħata “formalment” lill-kumpannija holding Air France-KLM abbażi ta’ kuntratt bejn il-kumpannija holding u r-Repubblika Franċiża, u sussegwentement “imwassla” lejn Air France permezz ta’ strumenti msejħa “back-to-back”, li l-għan tagħhom huwa li jiġi ggarantit li l-vantaġġ finanzjarju u ekonomiku ta’ din il-miżura jitwassal kompletament lejn din tal-aħħar u li KLM (u s-sussidjarji tagħha) ma jibbenefikawx minnu (iktar ’il quddiem l-“istrumenti back-to-back”). Għalhekk, is-self minn azzjonist awtorizzat mid-deċiżjoni Air France jiġi kkonvertit fi strument ibridu assimilat ma’ kapital proprju tal-kumpannija holding Air France-KLM, u sussegwentement is-self “intragrupp” li, skont id-deċiżjoni Air France, kien intiż li jwassal l-ammont tas-self minn azzjonist u li kien is-suġġett ta’ kuntratt back-to-back bejn din il-kumpannija holding u Air France min-naħa tiegħu jiġi kkonvertit fi strument ibridu assimilat ma’ kapital proprju ta’ Air France. |
112 |
Fir-rigward tas-sehem fil-kapital, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kapital inkwistjoni għandu l-ewwel jiġi injettat mir-Repubblika Franċiża fil-kumpannija holding Air France-KLM abbażi tal-Artikolu 102 tal-loi no 2020-1721, du 29 décembre 2020, de finances pour 2021 (il-Liġi Nru 2020–1721 tad‑29 ta’ Diċembru 2020 dwar il-Finanzi għall‑2021) (JORF tat‑30 ta’ Diċembru 2020, test Nru 1) u deċiżjoni tal-Ministru għall-Ekonomija u għall-Finanzi skont l-Artikolu 24 tal-ordonnance no 2014-948, du 20 août 2014, relative à la gouvernance et aux opérations sur les capitaux des sociétés à participation publique (id-Digriet Nru 2014–948 tal‑20 ta’ Awwissu 2014 dwar il-Governanza u l-Operazzjonijiet fuq il-Kapital tal-Kumpanniji b’Azzjonijiet Pubbliċi (JORF tat‑23 ta’ Awwissu 2014, test Nru 22). Sussegwentement din l-injezzjoni ta’ kapital hija “riflessa” f’injezzjoni ta’ kapital korrispondenti tal-kumpannija holding Air France-KLM f’Air France. |
113 |
Minn dan isegwi li l-kuntratt relatat mal-istrument ibridu huwa konkluż bejn ir-Repubblika Franċiża, minn naħa, u l-kumpannija holding Air France-KLM, min-naħa l-oħra, b’tali mod li hija biss din tal-aħħar li assumiet drittijiet u obbligi kuntrattwali fir-rigward tar-Repubblika Franċiża. Għaldaqstant, ir-responsabbiltà kuntrattwali fir-rigward ta’ din tal-aħħar taqa’ fuq il-kumpannija holding Air France-KLM. |
114 |
Bl-istess mod, is-sehem fil-kapital jiġi injettat, inizjalment, fil-kumpannija holding Air France-KLM. |
115 |
Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 96 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tammetti li, bis-saħħa tal-miżura inkwistjoni, il-kapital tal-kumpannija holding Air France-KLM jiżdied, li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha tiddependi prinċipalment minn dik tas-sussidjarji tagħha u li, billi tiggarantixxi l-vijabbiltà ta’ Air France, l-imsemmija miżura tiggarantixxi wkoll il-vijabbiltà tal-imsemmija kumpannija holding. |
116 |
Kif isostnu r-rikorrenti, dan ir-raġunament japplika mutatis mutandis fir-rigward ta’ KLM ukoll. Fil-fatt, it-titjib tal-pożizzjoni finanzjarja tal-kumpannija holding Air France-KLM wara r-rikapitalizzazzjoni u ż-żieda fil-kapital tagħha għandu bħala konsegwenza li jnaqqas, jew saħansitra jeskludi, ir-riskju ta’ inadempjenza tagħha u, b’hekk, tas-sussidjarji tagħha Air France u KLM u tal-grupp Air France-KLM kollu kemm hu. Fil-fatt, fl-assenza tal-miżura inkwistjoni, ir-riskju ta’ inadempjenza tal-kumpannija holding Air France-KLM, ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, seta’ jinxtered għall-grupp Air France-KLM kollu, inkluż KLM u s-sussidjarji tagħha. |
117 |
Il-Kummissjoni tipprova tirrelativizza dan ir-riskju, billi tispjega, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63 tad-deċiżjoni kkontestata, essenzjalment, li l-falliment ta’ Air France u tal-kumpannija holding Air France-KLM ma jwassalx “neċessarjament” għall-falliment ta’ KLM, peress li din tal-aħħar għandha “espożizzjoni limitata” għal Air France u għall-imsemmija kumpannija holding. Madankollu, minn naħa, il-formulazzjoni stess ta’ din l-affermazzjoni ma jeskludix ir-riskju ta’ tixrid bħala tali. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tar-rabtiet kapitalistiċi, organiċi, funzjonali u ekonomiċi bejn KLM u l-bqija tal-grupp Air France-KLM, irrilevati fil-punti 71 sa 107 iktar ’il fuq, ir-riperkussjonijiet fuq KLM ta’ eventwali falliment ta’ din il-kumpannija holding, li l-miżura inkwistjoni hija intiża li tevita, ma jistgħux jiġu ssottovalutati. |
118 |
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-eżistenza tal-istrumenti back-to-back, imsemmija fil-punti 111 u 112 iktar ’il fuq. Fil-fatt, qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tagħmel riferiment, fid-deċiżjoni kkontestata, għal ebda klawżola kuntrattwali speċifika li l-għan tagħha huwa li tiggarantixxi li l-miżura inkwistjoni ma tkunx ta’ benefiċċju għal KLM u lanqas għas-sussidjarji tagħha, tal-inqas indirettament. |
119 |
Sussegwentement, fid-dawl tal-ġestjoni kkoordinata u ċċentralizzata tal-investimenti importanti, tal-operazzjonijiet li jirrigwardaw il-flotta u tal-ġestjoni tar-riskji finanzjarji fil-livell tal-grupp Air France-KLM (ara l-punti 78 sa 81 iktar ’il fuq), il-miżura inkwistjoni tista’ ssaħħaħ, tal-inqas indirettament, il-pożizzjoni finanzjarja ta’ KLM ukoll. |
120 |
Fl-aħħar nett, peress li l-kumpannija holding Air France-KLM tiggarantixxi l-vijabbiltà tagħha bis-saħħa tal-miżura inkwistjoni, din tal-aħħar tippermettilha, għaldaqstant, li ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tiġġenera fondi fis-swieq finanzjarji għall-bżonnijiet tas-sussidjarji tagħha, inkluż KLM, kif isostnu ġustament ir-rikorrenti. |
121 |
Issa, l-effetti tal-miżura inkwistjoni deskritti fil-punti 115 sa 120 iktar ’il fuq ma humiex affettwati mill-istrumenti back-to-back. |
122 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-impenji, meħuda mir-Repubblika Franċiża, għandu jiġi kkonstatat li dawn jikkonsistu, minn naħa, fl-impenn li abbażi tiegħu, essenzjalment, ir-relazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji bejn Air France (u s-sussidjarji tagħha), KLM (u s-sussidjarji tagħha) u l-kumpannija holding Air France-KLM (u s-sussidjarji l-oħra tagħha) jitwettqu f’kundizzjonijiet normali tas-suq u, min-naħa l-oħra, fl-impenn li r-Repubblika Franċiża tipproċedi għall-irkupru ta’ kull parti tal-miżura inkwistjoni fil-każ fejn din tiġi ttrasferita direttament jew indirettament lil KLM jew lis-sussidjarji tagħha, interessi inklużi. L-osservanza ta’ dawn l-impenji hija suġġetta għal kontroll minn mandatarju ta’ sorveljanza approvat mill-Kummissjoni u mħallas minn Air France u l-imsemmija kumpannija holding (punti 44 sa 46, 48 u 113 tad-deċiżjoni kkontestata). |
123 |
Fir-rigward tal-ewwel impenn, għandu jsir riferiment għall-punti 102 sa 104 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-operazzjonijiet fi ħdan il-gruppi jsiru f’kundizzjonijiet normali tas-suq konformi mal-prinċipju ta’ distakkament, jekk jitqies li huwa stabbilit, bl-ebda mod ma jikkontesta l-konklużjoni li, bis-saħħa tal-miżura inkwistjoni, il-kumpannija holding Air France-KLM issib ruħha f’pożizzjoni finanzjarja msaħħa li tippermettilha, b’mod partikolari, li tikseb finanzjament fis-swieq finanzjarji għall-bżonnijiet tas-sussidjarji tagħha jew inkella li twettaq operazzjonijiet li jirrigwardaw il-flotta għall-bżonnijiet ta’ dawn tal-aħħar u fl-interess tagħhom f’kundizzjonijiet aħjar minn dawk li kienu jkunu jeżistu fl-assenza tal-imsemmija miżura, li jista’ jsaħħaħ, tal-inqas indirettament, il-pożizzjoni ta’ KLM ukoll. |
124 |
Fir-rigward tat-tieni impenn, għandu jiġi rrilevat li, permezz tiegħu, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni jirrikonoxxu, fir-realtà, li ma huwiex eskluż li l-vantaġġ tal-miżura inkwistjoni jista’ jiġi ttrasferit, direttament jew indirettament, lil KLM u lis-sussidjarji tagħha. Fil-fatt, li kieku, kif tallega l-Kummissjoni, dawn tal-aħħar fl-ebda każ ma kellhom jiġu kkunsidrati bħala benefiċjarji, anki jekk indiretti, tal-imsemmija miżura, ma kienx ikun hemm lok li jiġi previst l-irkupru eventwali ta’ parti mill-għajnuna mingħandhom. |
125 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-impenji ċċitati iktar ’il fuq ma humiex suffiċjenti sabiex jiggarantixxu li l-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni jkunu Air France u s-sussidjarji tagħha kif ukoll il-kumpannija holding Air France-KLM u s-sussidjarji tagħha, bl-unika eċċezzjoni ta’ KLM u s-sussidjarji ta’ din tal-aħħar. |
126 |
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Kummissjoni, li jgħid li l-ġurisprudenza aċċettat li l-benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jkun biss waħda mill-kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp, meta jeżistu b’mod partikolari klawżoli ta’ allokazzjoni li jwasslu l-vantaġġ tal-għajnuna lil waħda mill-kumpanniji tal-imsemmi grupp, bl-esklużjoni tal-kumpanniji l-oħra ta’ dan il-grupp. |
127 |
F’dan ir-rigward, kif ġie rrilevat fil-punti 61 u 62 iktar ’il fuq, diversi fatturi għandhom, skont il-każ, jiġu eżaminati sabiex jiġi ddeterminat jekk entitajiet legali distinti jistgħux jitqiesu li jifformaw unità ekonomika waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, bħar-rabtiet kapitalistiċi, organiċi, funzjonali u ekonomiċi bejn dawn l-entitajiet, il-kuntratti li abbażi tagħhom tkun ingħatat il-miżura ta’ għajnuna, kif ukoll it-tip ta’ miżura ta’ għajnuna mogħtija u l-kuntest tagħha. Għaldaqstant, din hija evalwazzjoni globali ta’ diversi fatturi speċifiċi għal kull każ. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kuntratti li abbażi tagħhom ingħatat il-miżura ta’ għajnuna, l-evalwazzjoni tagħhom tiddependi evidentement fuq il-kontenut konkret tagħhom. Għalhekk, il-fatt li l-qrati tal-Unjoni kkonkludew, jew le, f’kawża partikolari, abbażi ta’ elementi konkreti speċifiċi għal din il-kawża, li l-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna partikolari kienet entità waħda li tappartjeni għal grupp ta’ kumpanniji, bl-esklużjoni tal-entitajiet l-oħra ta’ dan il-grupp, ma jistax iwassal għal konklużjoni ġenerali f’sens jew f’ieħor. |
128 |
Fi kwalunkwe każ, iċ-ċirkustanzi partikolari li wasslu għall-kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati mill-Kummissjoni ma humiex paragunabbli ma’ dawk li wasslu għal din il-kawża. |
129 |
L-ewwel, fis-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2003, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑457/00, EU:C:2003:387), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punti 56 u 57, li, sabiex jiġi ddeterminat il-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna, kellha tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-eżistenza u l-formulazzjoni ta’ klawżoli ta’ allokazzjoni u li kien possibbli li tali analiżi twassal għall-konklużjoni li l-benefiċjarju tal-għajnuna jkun differenti mill-persuna li tkun ħadet is-self kontenzjuż. Għalhekk, konformement ma’ din is-sentenza, l-eżitu tal-imsemmija analiżi jiddependi mill-eżistenza u mill-kontenut preċiż tal-klawżoli kuntrattwali rilevanti. Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 111 sa 125 iktar ’il fuq, huwa preċiżament abbażi tal-eżami tal-kuntest kuntrattwali u tal-impenji protettivi meħuda mir-Repubblika Franċiża, fost elementi oħra, li l-Qorti Ġenerali tqis li ma kienx possibbli li KLM u s-sussidjarji li hija tikkontrolla jiġu esklużi mill-benefiċjarji, tal-inqas indiretti, tal-miżura inkwistjoni. Barra minn hekk, b’differenza miċ-ċirkustanzi li taw lok għall-imsemmija sentenza, il-kumpannija holding Air France-KLM kienet ikkunsidrata f’dan il-każ bħala waħda mill-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni. |
130 |
It-tieni, jeżistu diversi differenzi fattwali sinjifikattivi bejn din il-kawża u dawk li taw lok għas-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il‑Kummissjoni (T‑371/94 u T‑394/94, EU:T:1998:140). Fil-fatt, ir-rabtiet organiċi, funzjonali u ekonomiċi bejn l-entitajiet tal-grupp Air France-KLM irrilevati f’din il-kawża ma humiex paragunabbli ma’ dawk li jeżistu bejn il-kumpanniji kkonċernati fis-sentenza msemmija iktar ’il fuq. Pereżempju, f’dan il-każ, il-kumpannija holding Air France-KLM żammet il-prerogattivi strateġiċi kollha tagħha fil-qasam tal-finanzjament, ta’ investiment u tal-operazzjonijiet li jirrigwardaw il-flotta, li ma kienx il-każ tal-kumpannija holding fil-kawżi msemmija iktar ’il fuq. |
131 |
It-tielet, il-kawżi li taw lok għas-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2005, Saxonia Edelmetalle u ZEMAG vs Il‑Kummissjoni (T‑111/01 u T‑133/01, EU:T:2005:166), kienu jikkonċernaw każ differenti ħafna minn dak inkwistjoni f’din il-kawża. Fil-fatt, dawn kienu jikkonċernaw l-obbligu ta’ rkupru ta’ għajnuna mingħand ċerti sussidjarji ta’ grupp ta’ kumpanniji li kienu ġew indikati bħala l-benefiċjarji inizjali ta’ din l-għajnuna. F’dan ir-rigward, ġie deċiż, fil-punti 125 u 126 ta’ din is-sentenza, li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni ma tistax ġustament timputa b’mod awtomatiku l-obbligu ta’ rimbors lill-imsemmija sussidjarji ta’ parti mill-għajnuna kontenzjuża fl-assenza ta’ prova li dawn ikunu effettivament irċevewha, għas-sempliċi raġuni li huma kienu indikati bħala l-benefiċjarji inizjali tal-għajnuna kontenzjuża. Issa, dan il-każ ma huwiex relatat ma’ din il-kawża, b’tali mod li ma tista’ tinsilet ebda konklużjoni utli għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża. |
132 |
Għaldaqstant, il-kuntest kuntrattwali li abbażi tiegħu tingħata l-miżura inkwistjoni u l-impenji meħuda mir-Repubblika Franċiża ma jippermettux li jiġi konkluż li l-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM ma jifformawx unità ekonomika waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. |
– Fuq it‑tip ta’ miżura ta’ għajnuna mogħtija u l‑kuntest tagħha
133 |
Fir-rigward tat-tip ta’ miżura ta’ għajnuna mogħtija u tal-kuntest tagħha, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti jikkritikaw il-fatt li l-Kummissjoni ma wettqitx eżami tal-effetti kumulattivi tal-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni Air France, tad-deċiżjoni KLM u tad-deċiżjoni kkontestata. |
134 |
Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward, kif jagħmlu r-rikorrenti, li l-Kummissjoni ma spjegatx, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġuni għalfejn hija ddefinixxiet il-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni b’mod differenti mid-definizzjoni adottata fid-deċiżjoni Air France, li kienet tikkostitwixxi element ta’ kuntest li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-eżami tal-miżura inkwistjoni (ara l-punti 68 u 69 iktar ’il fuq), minkejja li ż-żewġ miżuri ta’ għajnuna huma marbuta fuq livell kronoloġiku, strutturali u ekonomiku, peress li l-finanzjament ikkonċernat, għalkemm f’forma differenti, joriġina, fiż-żewġ każijiet, parzjalment, mis-self minn azzjonist. |
135 |
F’dan ir-rigward, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni spjegat li l-forma tal-intervent mill-Istat, jiġifieri, fid-deċiżjoni Air France, għajnuna fil-forma ta’ self (self iggarantit mill-Istat u self minn azzjonist) u, fid-deċiżjoni kkontestata, miżura ta’ rikapitalizzazzjoni, kienet differenti. Madankollu, din id-differenza fil-forma ma tistax tiġġustifika, waħedha, il-konklużjonijiet diverġenti li waslet għalihom il-Kummissjoni, f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna, fid-deċiżjoni Air France u fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, self minn azzjonist ikkonvertit, ftit xhur wara, fi strument ta’ rikapitalizzazzjoni tal-istess ammont, jipproduċi globalment effett ekonomiku simili fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-benefiċjarju. Għalhekk, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-istrumenti ta’ fondi proprji, mill-qafas temporanju jirriżulta li tali strumenti għandhom jiġu kkonċepiti b’tali mod li l-ħruġ tal-Istat mill-kapital tal-impriża inkwistjoni jiġi żgurat malajr kemm jista’ jkun. Għalhekk, bħala eżempju, l-istrumenti ta’ fondi proprji għandhom jinkludu mekkaniżmu ta’ żieda tar-remunerazzjoni intiż li jżid ir-remunerazzjoni tal-Istat matul iż-żmien u, b’hekk, jinkoraġġixxi lill-benefiċjarju jixtri lura s-sehem tal-Istat malajr kemm jista’ jkun (punti 61 u 62 tal-Qafas Temporanju). Bl-istess mod, l-istrumenti ibridi għandhom jipprovdu remunerazzjoni tal-Istat li tiżdied maż-żmien (punt 66 tal-Qafas) u, wara l-konverżjoni tagħhom f’fondi proprji, mekkaniżmu ta’ żieda fir-remunerazzjoni (punt 68 tal-Qafas). Minn dan jirriżulta li, bħal fil-każ ta’ self, miżura ta’ rikapitalizzazzjoni għandha wkoll, bħala prinċipju, tiġi rrimborsata. Ċertament, għalkemm differenti f’dak li jirrigwarda l-forma tagħhom, il-miżuri ta’ għajnuna li huma s-suġġett tad-deċiżjoni Air France u dawk li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata jibqgħu għalhekk marbuta mill-qrib fuq il-livell kronoloġiku, strutturali u ekonomiku. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni lanqas biss semmiet id-deċiżjoni KLM. |
136 |
Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, u fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 67 iktar ’il fuq, hija l-Kummissjoni li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni, it-tip ta’ miżura ta’ għajnuna mogħtija u l-kuntest tagħha. |
– Fuq id‑differenza bejn vantaġġ dirett jew indirett, minn naħa, u sempliċi effetti ekonomiċi sekondarji, min‑naħa l‑oħra
137 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-miżura inkwistjoni għandha biss, l-iktar l-iktar, “sempliċi effetti ekonomiċi sekondarji” fir-rigward ta’ KLM u s-sussidjarji tagħha, li huma inerenti għal kull għajnuna mill-Istat, iżda li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala vantaġġ dirett jew indirett favur dawn tal-aħħar. |
138 |
Ir-rikorrenti jwieġbu li l-Kummissjoni ma wrietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li KLM ma tirċievi ebda vantaġġ mill-miżura inkwistjoni li tmur lil hinn minn sempliċi effetti sekondarji. Fil-fehma tagħhom, iż-żieda fil-kapital tal-kumpannija holding Air France-KLM prevista fil-kuntest ta’ akkwist ta’ sehem mir-Repubblika Franċiża tista’ tagħti vantaġġ lil KLM permezz tal-mekkaniżmi li ġejjin: l-ewwel, fondi ġġenerati mill-kumpannija holding Air France-KLM mingħand investituri privati jistgħu jintużaw għal finijiet oħra minbarra għall-ħtiġijiet ta’ finanzjament ta’ Air France, it-tieni, billi jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament tal-kumpannija holding Air France-KLM, fatt li jippermetti b’mod partikolari l-għoti ta’ self fi ħdan il-gruppi, u, it-tielet, billi jitnaqqas ir-riskju ta’ inadempjenza tal-kumpannija holding Air France-KLM, li jippermetti lil KLM ikollha aċċess għas-swieq tal-kapital tas-self b’inqas spejjeż. Għalhekk, il-possibbiltà tat-trasferiment tal-benefiċċju li jirriżulta mill-miżura inkwistjoni tmur ferm lil hinn mill-kunċett ta’ “effetti ekonomiċi sekondarji” li huma inerenti għal kważi l-miżuri kollha ta’ għajnuna u hija koperta pjuttost mill-kunċett ta’ “vantaġġ indirett” ta’ tali miżura. |
139 |
F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “vantaġġ indirett” u dak ta’ “effetti sekondarji inerenti għal kull miżura ta’ għajnuna”. |
140 |
Skont il-ġurisprudenza, impriża li tibbenefika minn vantaġġ indirett għandha titqies li hija benefiċjarja tal-għajnuna. Fil-fatt, vantaġġ mogħti direttament lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi jista’ jikkostitwixxi vantaġġ indirett u, għalhekk, għajnuna mill-Istat għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra li jkunu impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑156/98, EU:C:2000:467, punt 26, u tat‑13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑382/99, EU:C:2002:363, punti 60 sa 66). |
141 |
Barra minn hekk, skont il-paragrafu 115 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, “[m]iżura tista’ tikkostitwixxi wkoll kemm vantaġġ dirett lill-impriża riċeventi kif ukoll vantaġġ indirett lil impriżi oħra, pereżempju, impriżi li joperaw fuq livelli sussegwenti ta’ attività”. In-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 179 ta’ dan l-avviż tippreċiża li, fil-każ fejn impriża intermedjarja tkun sempliċement strument għat-trasferiment tal-vantaġġ lill-benefiċjarju u ma żżomm l-ebda vantaġġ, hija normalment ma għandhiex titqies li hija l-benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat. |
142 |
Il-paragrafu 116 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” jindika wkoll li għandha ssir distinzjoni bejn il-vantaġġi indiretti u sempliċi effetti ekonomiċi sekondarji li huma inerenti fi kważi l-miżuri kollha ta’ għajnuna mill-Istat. Għal dan il-għan, skont l-imsemmi paragrafu, għandhom jiġu eżaminati l-effetti prevedibbli tal-miżura minn perspettiva ex ante. Ikun hemm vantaġġ indirett jekk il-miżura tkun imfassla b’tali mod li tgħaddi l-effetti sekondarji tagħha “lejn impriżi jew gruppi ta’ impriżi identifikabbli.” In-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 181 ta’ dan l-avviż tispjega li, għall-kuntrarju, l-eżistenza ta’ sempliċi effett ekonomiku sekondarju fil-forma ta’ żieda fil-produzzjoni, li ma tammontax għal għajnuna indiretta, tista’ tiġi stabbilita meta l-għajnuna titwassal sempliċement permezz ta’ impriża, pereżempju, intermedjarju finanzjarju, li jgħaddiha bis-sħiħ lill-benefiċjarju tal-għajnuna. |
143 |
F’dan il-każ, mill-analiżi li tinsab fil-punti 108 sa 132 iktar ’il fuq jirriżulta li l-kumpannija holding Air France-KLM ma hijiex “sempliċiment strument għat-trasferiment tal-vantaġġ lill-benefiċjarju” jew lil “intermedjarju finanzjarju” fis-sens tal-paragrafi 115 u 116 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”. Fil-fatt, l-imsemmija kumpannija holding stess hija, skont id-deċiżjoni kkontestata, benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni. Bl-istess mod, l-effetti prevedibbli tal-miżura inkwistjoni minn perspettiva ex ante jissuġġerixxu, fid-dawl tat-tip ta’ miżura ta’ għajnuna mogħtija, li tikkonsisti essenzjalment f’soluzzjoni ta’ finanzjament, li din is-soluzzjoni ta’ finanzjament setgħet tkun ta’ benefiċċju għall-grupp Air France-KLM kollu kemm hu, billi ttejjeb il-pożizzjoni finanzjarja globali tiegħu, li jindika l-eżistenza tal-inqas ta’ vantaġġ indirett għall-benefiċċju ta’ “impriżi identifikabbli jew gruppi ta’ impriżi” fis-sens tal-paragrafu 116 tal-imsemmi avviż. |
144 |
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mid-digriet tal‑21 ta’ Jannar 2016, Alcoa Trasformazioni vs Il‑Kummissjoni (C‑604/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:54), iċċitat mill-Kummissjoni insostenn tal-argument tagħha li, meta hija tikkalkola l-ammont tal-għajnuna, hija ma teżaminax l-effetti sekondarji tagħha għall-konsumaturi, għall-fornituri, għall-investituri jew għall-impjegati tal-benefiċjarju. Minn naħa, kif isostnu r-rikorrenti, il-kawża li tat lok għal dan id-digriet ma kinitx tikkonċerna sitwazzjoni intragrupp. Min-naħa l-oħra, kif ġie rrilevat fil-punt 143 iktar ’il fuq, f’dan il-każ ma humiex involuti effetti ekonomiċi sekondarji ta’ miżura ta’ għajnuna fuq il-konsumaturi, il-fornituri, l-investituri jew l-impjegati. |
145 |
Il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża jirreferu wkoll għas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity (C‑164/15 P u C‑165/15 P, EU:C:2016:990), billi jsostnu, essenzjalment, li, skont din is-sentenza, l-effetti sekondarji ta’ miżura ta’ għajnuna ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern. Il-kawżi li taw lok għall-imsemmija sentenza kienu jikkonċernaw skema ta’ għajnuna fil-forma ta’ rata mnaqqsa ta’ taxxa nazzjonali fuq it-trasport bl-ajru, iddikjarata inkompatibbli mas-suq intern. Il-kwistjoni li qamet kienet b’mod partikolari dik dwar x’kellu jkun l-ammont tal-vantaġġ li kellu jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarji tal-għajnuna, li kienu kumpanniji tal-ajru. Dawn tal-aħħar essenzjalment sostnew li l-vantaġġ inkwistjoni kien għadda fuq il-passiġġieri, fil-forma ta’ tnaqqis fil-prezzijiet tal-biljetti tal-ajru. Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża kien jinvolvi r-restituzzjoni tal-vantaġġ mogħti lill-kumpanniji tal-ajru, u mhux l-eventwali benefiċċju ekonomiku miksub minnhom mill-użu ta’ dan il-vantaġġ (punti 100 u 102). Issa, b’differenza minn dawk il-kawżi, din il-kawża ma tirrigwardax id-determinazzjoni tal-ammont tal-vantaġġ li għandu jiġi rkuprat fil-kuntest ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern, iżda tirrigwarda l-identifikazzjoni ex ante tal-benefiċjarji ta’ miżura ta’ għajnuna sabiex tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, ma hijiex kwistjoni, f’dan il-każ, tar-riperkussjonijiet ekonomiċi tal-miżura inkwistjoni fuq il-prezz tal-biljetti tal-ajru. |
146 |
Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li l-miżura inkwistjoni għandha, l-iktar l-iktar, sempliċi effetti ekonomiċi sekondarji fir-rigward ta’ KLM u s-sussidjarji ta’ din tal-aħħar. |
Konklużjoni
147 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni kienu Air France u s-sussidjarji tagħha, u l-kumpannija holding Air France-KLM u s-sussidjarji l-oħra tagħha, bl-esklużjoni unika ta’ KLM u s-sussidjarji ta’ din tal-aħħar, u konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jintlaqa’. |
148 |
Issa, l-Artikolu 107(3)(b) TFUE jeżiġi mhux biss li l-Istat Membru kkonċernat ikun effettivament qiegħed jaffaċċja disturb serju tal-ekonomija tiegħu iżda wkoll li l-miżuri ta’ għajnuna adottati sabiex jiġi rrimedjat dan id-disturb ikunu, minn naħa, neċessarji għal dan l-għan u, min-naħa l-oħra, xierqa u proporzjonati sabiex jintlaħaq dan l-għan. Dan l-istess rekwiżit jirriżulta wkoll mill-paragrafu 19 tal-Linji Gwida (sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (KLM; COVID-19), T‑643/20, EU:T:2021:286, punt 74). |
149 |
Barra minn hekk, u b’mod iktar partikolari, l-applikazzjoni ta’ diversi kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-Qafas Temporanju tiddependi mid-definizzjoni tal-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni, bħal dawk previsti fil-paragrafu 49 tal-Qafas Temporanju, li jipprovdi li miżura ta’ rikapitalizzazzjoni għandha tissodisfa ċerti kundizzjonijiet relatati mas-sitwazzjoni tal-benefiċjarju, fil-paragrafu 53 tal-Qafas, li jipprovdi li l-Istat Membru għandu jiżgura li l-istrumenti ta’ rikapitalizzazzjoni magħżula u l-kundizzjonijiet tagħhom ikunu l-iktar xierqa sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet ta’ rikapitalizzazzjoni tal-benefiċjarju, filwaqt li joħolqu l-inqas distorsjoni tal-kompetizzjoni, jew inkella fil-paragrafu 54 tal-Qafas, li abbażi tiegħu l-ammont tar-rikapitalizzazzjonijiet fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 ma għandux jaqbeż il-minimu neċessarju sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-benefiċjarju kkonċernat u għandu jkun limitat għall-istabbiliment mill-ġdid tal-istruttura ta’ kapital tal-imsemmi benefiċjarju qabel it-tifqigħa tal-COVID-19. |
150 |
Għalhekk, l-eżami tan-neċessità u tal-proporzjonalità tal-għajnuna, b’mod ġenerali, u tal-osservanza tal-kundizzjonijiet iċċitati bħala eżempju fil-punt 149 iktar ’il fuq, b’mod partikolari, jippreżumi li l-benefiċjarju tal-għajnuna jkun identifikat minn qabel. Fil-fatt, l-identifikazzjoni żbaljata jew inkompleta tal-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna jista’ jkollha effett fuq l-analiżi kollha tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern. |
151 |
Għaldaqstant, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra tar-rikors. |
152 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jagħtu għajnuna mill-Istat lil kumpanniji li jappartjenu lil grupp ta’ kumpanniji attivi f’diversi Stati Membri, għandu jitfakkar, għall-finijiet utli kollha, li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom dmirijiet reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali, skont l-Artikolu 4(3) TUE. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom għalhekk jikkollaboraw in bona fide sabiex jiżguraw l-osservanza sħiħa tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, b’mod partikolari dawk dwar l-għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Is-Slovakkja, C‑507/08, EU:C:2010:802, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali u ta’ koordinazzjoni japplika iktar u iktar meta Stati Membri differenti jkollhom l-intenzjoni li fl-istess ħin jagħtu għajnuna lil entitajiet li jappartjenu għall-istess grupp ta’ kumpanniji li joperaw b’mod ikkoordinat fis-suq intern bl-għan li jibbenefikaw minnha b’mod sħiħ. |
Fuq l‑ispejjeż
153 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll għal dawk tar-rikorrenti, konformement mat-talbiet ta’ dawn tal-aħħar. |
154 |
Konformement mal-Artikolu 138(1) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Van der Woude Kornezov De Baere Petrlík Kingston Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑20 ta’ Diċembru 2023. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
( i ) Fl-okkju ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba