Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CN0573

    Kawża C-573/21 P: Appell ippreżentat fis-17 ta’ Settembru 2021 minn Marie-Christine Arnautu mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fl-14 ta’ Lulju 2021 fil-Kawża T-740/20, Arnautu vs Il-Parlament

    ĠU C 24, 17.1.2022, p. 16–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.1.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 24/16


    Appell ippreżentat fis-17 ta’ Settembru 2021 minn Marie-Christine Arnautu mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fl-14 ta’ Lulju 2021 fil-Kawża T-740/20, Arnautu vs Il-Parlament

    (Kawża C-573/21 P)

    (2022/C 24/21)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Appellant: Marie-Christine Arnautu (rappreżentant: F. Wagner, avukat)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew

    Talbiet

    L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenrali tal-Unjoni Ewropea tal-14 ta’ Lulju 2021 fil-Kawża T-740/20, Arnautu vs Il-Parlament;

    tiddikjara ammissibbli l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u tiddikjara illegali l-Artikolu 33(1) u (2) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem il-“MIMPE”)

    tikkonstata l-assenza ta’ bażi legali tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-21 ta’ Settembru 2020 u tannullaha;

    fil-kawża prinċipali:

    tikkonstata li Marie-Christine Arnautu pproduċiet il-prova ta’ xogħol tal-assistent tagħha b’mod konformi mal-Artikolu 33(1) u (2) tal-MIMPE u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

    konsegwentement,

    tannulla d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Settembru 2020, adottata b’applikazzjoni tal-Artikolu 68 tad-Deċiżjoni 2009/C tal- Bureau tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008“dwar miżuri ta' implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew” kif emendata li tikkonstata kreditu fil-konfront tal-appellanti ta’ ammont ta’ EUR 87 203,46 abbażi tal-ammonti mħallsa indebitament fil-kuntest tal-assistenza parlamentari u li timmotiva l-irkupru tiegħu;

    tannulla n-nota ta’ debitu Nru 7000001577 li tinforma lill-appellanti li fil-konfront tagħha ġie kkonstatat kreditu skont id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-21 ta’ Settembru 2020, irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament bħala assistenza parlamentari, skont l-Artikolu 68 tal-MIIM u tal-Artikoli 98 sa 101 tar-Regolament Finanzjarju;

    tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż kollha.

    Motivi u argumenti prinċipali

    L-appellanti tinvoka aggravju intitolat “KSUR MILL-QORTI ĠENERALI TAD-DRITT TAL-UNJONI – ŻBALL TA’ LIĠI U ŻBALL TA’ KLASSIFIKAZZJONI TAN-NATURA ĠURIDIKA TAL-FATTI – ŻBALL MANIFEST TA’ EVALWAZZJONI”, li hija taqsam f’żewġ kapitoli, l-ewwel wieħed dwar l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajjma fl-ewwel istanza u dwar l-analiżi tal-ewwel motiv mill-Qorti Ġenerali u t-tieni dwar il-mertu u dwar l-analiżi tat-tielet motiv mill-Qorti Ġenerali.

    Fil-kuntest tal-ewwel kapitolu, l-appellanti tinvoka eċċezzjoni ta’ illegalità u ssostni li l-Artikolu 33(1) u (2) u l-Artikolu 68(1) u (2) tal-MIMPE ma josservawx il-prinċipji ta’ ċertezza legali ta’ aspettattivi leġittimi. L-argumenti invokati mill-appellanti fil-kuntest tat-tieni kapitolu jirrigwardaw l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ “kompiti neċessarji u direttament marbuta mat-twettiq tal-mandat tad-deputat”.


    Top