EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0817

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-11 ta’ Mejju 2023.
R.I. vs Inspecţia Judiciară u N.L.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stat tad-dritt – Indipendenza ġudizzjarja – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Deċiżjoni 2006/928/KE – Indipendenza tal-ġudikatura – Proċeduri dixxiplinari – Spettorat Ġudizzjarju – Spettur Kap li għandu setgħat ta’ regolamentazzjoni, ta’ għażla, ta’ evalwazzjoni, ta’ ħatra u investigazzjoni dixxiplinarja.
Kawża C-817/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:391

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

11 ta’ Mejju 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stat tad-dritt – Indipendenza ġudizzjarja – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Deċiżjoni 2006/928/KE – Indipendenza tal-ġudikatura – Proċeduri dixxiplinari – Spettorat Ġudizzjarju – Spettur Kap li għandu setgħat ta’ regolamentazzjoni, ta’ għażla, ta’ evalwazzjoni, ta’ ħatra u investigazzjoni dixxiplinarja”

Fil-Kawża C‑817/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Diċembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Diċembru 2021, fil-proċedura

R.I.

vs

Inspecția Judiciară

N.L.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, P. G. Xuereb, T. von Danwitz u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal R.I., minn I. Roşca, bħala aġent,

għal Inspecţia Judiciară, minn L. Netejoru, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann, I. Rogalski u P. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Jannar 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2007, L 142M, p. 825).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn R.I. minn naħa u l-Inspecţia Judiciară (L-Ispettorat Ġudizzjarju, ir-Rumanija) u N.L, min-naħa l-oħra, dwar deċiżjonijiet tal-Ispettorat Ġudizzjarju li ma titteħidx azzjoni ulterjuri fir-rigward tal-ilment imressaq minn R.I. kontra N.L. u li tiġi miċħuda l-oġġezzjoni mressqa kontra dan it-twaqqif tal-każ.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2006/928 jipprevedi:

“Ir-Rumanija għandha, sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, u għall-ewwel darba mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2007, tirraporta lill-Kummissjoni [Ewropea] dwar il-progress magħmul fl-indirizzar tal-punti ta’ riferiment kollha pprovduti fl-Anness.

Il-Kummisjoni tistà, f’kull ħin, tipprovdi assistenza teknika permezz ta’ attivitajiet differenti jew tiġbor u tpartat informazzjoni dwar il-punti ta’ riferiment. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tistà, f’kull ħin, torganizza missjonijiet ta’ l-esperti lejn ir-Rumanija għal dan l-iskop. L-awtoritajiet Rumeni għandhom jagħtu l-appoġġ neċessarju f’dan il-kuntest.”

Id‑dritt Rumen

4

L-Artikolu 44(6) tal-Legea nr. 317/2004 privind Consiliul Superior al Magistraturii (il-Liġi Nru 317/2004 dwar il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura), tal‑1 ta’ Lulju 2004 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 827 tat‑13 ta’ Settembru 2005), kif emendata u kkompletata (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 317/2004 emendata”), jipprevedi:

“Sabiex jinfetħu proċeduri dixxiplinari, huwa obbligatorju li l-Ispettorat Ġudizzjarju jwettaq investigazzjoni dixxiplinari”.

5

L-Artikolu 45(4) ta’ din il-liġi jipprovdi li:

“Jekk l-investigazzjonijiet preliminari jiżvelaw l-assenza ta’ evidenza ta’ nuqqas dixxiplinari, ma għandha tittieħed l-ebda azzjoni ulterjuri fir-rigward tal-ilment u l-eżitu għandu jiġi kkomunikat direttament lil-lanjant u lill-persuna kkonċernata mill-ilment. Id-deċiżjoni li l-każ ma jitkompliex għandha tkun suġġetta għal konferma mill-Ispettur Kap. Id-deċiżjoni tista’ tiġi annullata darba biss mill-Ispettur Kap, li, permezz ta’ deċiżjoni bil-miktub u motivata, jista’ jordna investigazzjonijiet addizzjonali.”

6

L-Artikolu 45a(1) tal-imsemmija liġi huwa fformulat kif ġej:

“Il-lanjant jista’ jressaq oġġezzjoni quddiem l-Ispettur Kap kontra d-deċiżjoni li ma titkompliex il-kawża msemmija fl-Artikolu 45(4) fi żmien 15‑il jum min-notifika ta’ din id-deċiżjoni. L-oġġezzjoni għandha tiġi ttrattata fi żmien 20 jum mid-data tar-reġistrazzjoni tagħha mal-Ispettorat Ġudizzjarju.”

7

L-Artikolu 47(7) tal-istess liġi jippreċiża li:

“L-azzjoni dixxiplinari tista’ tinbeda f’terminu ta’ tletin jum minn meta tintemm l-investigazzjoni dixxiplinari, iżda mhux iktar tard minn sentejn li jiddekorru mid-data li fiha jkunu twettqu l-fatti.”

8

Skont l-Artikolu 65(2) sa (4) tal-Liġi Nru 317/2004 emendata:

“2.   L-Ispettorat Ġudizzjarju għandu jitmexxa minn Spettur Kap-imħallef, maħtur wara kompetizzjoni organizzata mill-Consiliul Superior al Magistraturii [(il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, ir-Rumanija)]; huwa għandu jkun assistit minn Deputat Spettur Kap-prosekutur, maħtur mill-Ispettur Kap.

3.   L-Ispettorat Ġudizzjarju għandu jaġixxi skont il-prinċipju ta’ indipendenza operazzjonali fir-rigward tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, il-qrati, l-uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi marbuta miegħu u l-awtoritajiet pubbliċi l-oħra fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu ta’ analiżi, investigazzjoni u sorveljanza f’oqsma ta’ attivitajiet speċifiċi, skont il-liġi u sabiex tiġi żgurata l-osservanza tagħha.

4.   Ir-regoli għat-twettiq tax-xogħlijiet ta’ spezzjoni għandhom jiġu approvati mill-Ispettur Kap permezz ta’ regolament.”

9

L-Artikolu 66(3) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“L-organizzazzjoni u l-operazzjoni tal-Ispettorat Ġudizzjarju u l-istruttura organizzattiva u l-funzjonijiet tad-dipartimenti tiegħu għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ regolament approvat b’digriet tal-Ispettur Kap […]”

10

L-Artikolu 69(1) u (4) tal-imsemmija liġi jipprovdi li:

“1.   L-Ispettur Kap għandu l-obbligi prinċipali li ġejjin:

(a)

huwa jaħtar, minn fost l-Ispetturi Ġudizzjarji, it-tim tal-ġestjoni – id-Deputat Spettur Kap, il-kapijiet tad-direttorati – fuq il-bażi ta’ proċedura li tinkludi l-evalwazzjoni tal-pjanijiet ta’ ġestjoni speċifiċi għal kull kariga, b’mod li tiġi żgurata l-koeżjoni maniġerjali, il-kompetenza professjonali u l-komunikazzjoni effettiva. Il-mandat tagħhom jiskadi fl-istess ħin bħal dak tal-Ispettur Kap;

(a1)

huwa għandu jwettaq id-dmirijiet ta’ ġestjoni u ta’ organizzazzjoni tal-attività tal-Ispettorat Ġudizzjarju;

(a2)

huwa għandu jieħu miżuri sabiex jikkoordina x-xogħol ta’ membri oħra tal-persunal tal-Ispettorat Ġudizzjarju li ma humiex Spetturi Ġudizzjarji;

[…]

(g)

huwa għandu jaħtar, skont il-liġi, lill-Ispetturi Ġudizzjarji u l-kategoriji l-oħra tal-persunal tal-Ispettorat Ġudizzjarju, u jordna l-modifika, is-sospensjoni u t-terminazzjoni tar-relazzjonijiet ta’ impjieg jew ta’ servizz tagħhom;

(h)

huwa għandu jiddetermina d-dmirijiet u l-kompiti individwali tal-persunal imqiegħed taħt l-awtorità tiegħu billi japprova d-deskrizzjonijiet tax-xogħol tagħhom;

(i)

huwa għandu, skont il-liġi, jipproċedi sabiex iwettaq evalwazzjonijiet tal-persunal imqiegħed taħt l-awtorità tiegħu;

[…]

4.   Id-Deputat Spettur Kap għandu jaġixxi bħala s-sostitut ex officio tal-Ispettur Kap; għandu jassisti lil din il-persuna sabiex tistħarreġ u tagħti opinjonijiet dwar l-atti u d-deċiżjonijiet adottati mill-Ispetturi Ġudizzjarji u għandu jwettaq il-funzjonijiet l-oħra kollha ddeterminati mill-Ispettur Kap.”

11

L-Artikolu 71(2) tal-istess liġi jistipula:

“Id-dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet, in-nuqqasijiet dixxiplinari u l-proċeduri dixxiplinari japplikaw mutatis mutandis għall-Ispetturi Ġudizzjarji.”

Il‑proċedura fil‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

12

R.I hija parti f’diversi proċeduri kriminali quddiem il-qrati tar-Rumanija. Hija ressqet diversi lmenti dixxiplinari quddiem l-Ispettorat Ġudizzjarju kontra imħallfin u prosekuturi assenjati lil dawn il-qrati.

13

Dawn l-ilmenti kienu s-suġġett ta’ diversi deċiżjonijiet li ma titteħidx azzjoni ulterjuri adottati mill-Ispettorat Ġudizzjarju. Waħda minn dawn id-deċiżjonijiet, bid-data tat‑2 ta’ Lulju 2018, li kienet ġiet ikkonfermata minn N.L., fil-kwalità tiegħu ta’ Spettur Kap, ġiet ikkontestata minn R.I. quddiem il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija).

14

Permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2019, din il-qorti annullat l-imsemmija deċiżjoni. L’Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) ċaħdet, permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2020, l-appell imressaq mill-Ispettorat Ġudizzjarju minn din is-sentenza.

15

Wara din il-proċedura ġudizzjarjua, l-Ispettorat Ġudizzjarju adotta, fil‑11 ta’ Marzu 2021, deċiżjoni ġdida li ma titteħidx azzjoni ulterjuri fir-rigward tal-ilment dixxiplinari msemmi. Fil‑31 ta’ Mejju 2021, N.L. ċaħad l-oġġezzjoni mressqa minn R.I. kontra din id-deċiżjoni. Din tal-aħħar ressqet rikors għal annullament kontrad din id-deċiżjoni hekk adottata minn N.L.

16

Permezz ta’ nota indirizzata lill-Ministerului Justiţiei (il-Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Rumanija) fid‑29 ta’ Novembru 2019, R.I. ilmentat dwar il-ksur tad-drittijiet kostituzzjonali tagħha u rreferiet għall-azzjoni ta’ “grupp” ta’ persuni, li fosthom hemm N.L., li allegatament ikkontribwixxew għal dak il-ksur u għall-investigazzjonijiet kriminali fil-konfront tagħha. F’din in-nota, R.I. sostniet, b’mod partikolari, li N.L. kien prova jaħbi l-abbuż u l-illegalitajiet imwettqa minn ċerti membri tal-ġudikatura.

17

Il-Ministeru għall-Ġustizzja qies li ma kellux kompetenza sabiex jeżamina tali lment u konsegwentement ittrasferixxih lill-Ispettorat Ġudizzjarju. Barra minn hekk, R.I. ressqet ilment addizzjonali kontra N.L. quddiem l-Ispettorat Ġudizzjarju fis‑16 ta’ Frar 2021.

18

Fil-kuntest tal-proċedura mmexxija quddiem dan il-korp, R.I. ippreċiżat l-ilmenti tagħha filwaqt li b’mod partikolari enfasizzat li ma kienx hemm vera investigazzjoni dixxiplinari, li s-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2019 ma kinitx ġiet eżegwita u li l-eżami tal-oġġezzjonijiet tagħha kien ġie ttardajt intenzjonalment sabiex jippermetti li jiskadi terminu ta’ preskrizzjoni.

19

Fis‑17 ta’ Marzu 2021, permezz ta’ deċiżjoni ta’ Spettur Ġudizzjarju maħtur skont ir-regoli ġenerali stabbiliti mill-Ispettur Kap, ġie deċiż li ma kinitx ser ttieħdet azzjoni ulterjuri fir-rigward tal-ilment fil-konfront ta’ N.L.. L-oġġezzjoni mressqa minn R.I. kontra din id-deċiżjoni ġiet miċħuda, fil‑11 ta’ Mejju 2021, permezz ta’ deċiżjoni tad-Deputat Spettur Kap.

20

Fil‑31 ta’ Mejju 2021, R.I. ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju intiż, b’mod partikolari, għall-annullament tad-deċiżjonijiet tas‑17 ta’ Marzu 2021 u tal‑11 ta’ Mejju 2021 kif ukoll għall-kumpens għad-danni li dawn id-deċiżjonijiet allegatament ikkawżawlha.

21

Insostenn ta’ dan ir-rikors, R.I. invokat, fost oħrajn, diversi irregolaritajiet rigward is-setgħat li għandu l-Ispettur Kap f’dak li jikkonċerna l-għażla tal-Ispetturi Ġudizzjarji, il-ħatra tad-Deputat Spettur Kap u l-promulgazzjoni ta’ regoli ta’ organizzazzjoni tal-Ispettorat Ġudizzjarju kif ukoll l-assenza ta’ garanziji suffiċjenti kontra n-nuqqas ta’ imparzjalità tal-persuni inkarigati mill-investigazzjoni ta’ lment li jirrigwarda l-Ispettur Kap. R.I. tqis li d-dritt tal-Unjoni jipprekludu l-konċentrazzjoni tas-segħat f’idejn l-Ispettur Kap, li tostakola l-eżerċizzju ta’ proċeduri dixxiplinai kontra membri tal-ġudikatura jew kontra l-Ispettur Kap.

22

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għalkemm R.I. invokat is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393), din is-sentenza, madankollu, tkopri sempliċement l-att ta’ ħatra tal-Ispettur Kap, li ġie analizzat fid-dawl tar-riskju ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni dixxiplinari kontra l-imħallfin. Fil-każ ineżami, R.I. tilmenta, bil-kontra, dwar l-impossibbiltà li teżerċita azzjoni dixxiplinari minħabba l-modalitajiet ta’ organizzazzjoni u ta’ funzjonament tal-Ispettorat Ġudizzjarju.

23

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, f’dan ir-rigward, li matul is-sena 2012 kien hemm riforma fl-Ispettorat Ġudizzjarju sabiex tiżdied l-indipendenza operazzjonali tiegħu fir-rigward tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura u sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-Deċiżjoni 2006/928. Diversi modalitajiet ta’ organizzazzjoni u ta’ funzjonament tal-Ispettorat Ġudizzjarju, dwar, fost oħrajn, l-istruttura tiegħu, il-funzjonijiet tal-persunal tiegħu, il-proċedura tal-ipproċessar tal-ilmenti, il-ħatra tal-Ispetturi Ġudizzjarji jew tal-persunal li jokkupaw il-karigi ta’ tmexxija, jirriżultaw minn regoli adottati mill-Ispettur Kap b’applikazzjoni tas-setgħat ta’ regolamentazzjoni mogħtija lilu mil-leġiżlatur Rumen. Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, dwar is-solidità tas-sistema ta’ garanziji li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni Rumena f’dak li jirrigwarda l-kontroll tal-azzjoni tal-Ispettur Kap.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“L-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE], id-Deċiżjoni 2006/928 […], kif ukoll il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità imposti mid-dritt tal-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-ispettur kap tal-Inspecției Judiciare (l-Ispettorat Ġudizzjarju) jadotta atti amministrattivi (infralegali) u/jew individwali li permezz tagħhom jiddeċiedi b’mod awtonomu l-organizzazzjoni tal-qafas istituzzjonali tal-Ispettorat Ġudizzjarju għall-għażla tal-ispetturi ġudizzjarji u l-evalwazzjoni tal-attività tagħhom [u] t-twettiq tax-xogħlijiet ta’ spezzjoni, kif ukoll in-nomina tal-aġent spettur kap [tad-Deputat Spettur Kap], fil-każ fejn, skont il-liġi organika, dawn il-persuni jkunu l-uniċi li jistgħu jwettqu, jikkonfermaw jew jirrifjutaw atti ta’ investigazzjoni dixxiplinarja kontra l-ispettur kap?”

Fuq it‑talba għall‑applikazzjoni tal‑proċedura mħaffa għal deċiżjoni preliminari

25

Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura mħaffa għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

26

Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti tirrileva, minn naħa, li R.I. ilmentat dwar it-tul eċċessiv tal-proċeduri dixxiplinari u li huwa, għaldaqstant, importanti li t-tul tal-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jidhirx li jikkostitwixxi kawża ta’ inċertezza li tikkonċerna l-effettività tar-rikors tagħha. Din il-qorti tenfasizza, min-naħa l-oħra, li d-domanda magħmula tirrigwarda problema legali importanti, peress li din tikkonċerna l-organizzazzjoni u l-funzjonament ta’ korp tal-Ispettorat Ġudizzjarju.

27

L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, meta n-natura tal-kawża tkun teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien, u wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

28

Fil-każ ineżami, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fl‑1 ta’ Frar 2022, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tintlaqa’ t-talba msemmija fil-punt 25 tas-sentenza preżenti.

29

Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda, l-ewwel, ir-riskju li l-proċeduri għal deċiżjoni preliminari jtawwlu b’mod eċċessiv it-tul tal-kawża prinċipali, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sempliċi interess tal-partijiet fil-kawża, ċertament leġittimu, li jiddeterminaw malajr kemm jista’ jkun il-portata tad-drittijiet li huma jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ċirkustanza eċċezzjonali, fis-sens tal‑Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Energieversorgungscenter Dresden-Wilschdorf, C‑938/19, EU:C:2021:908, punt 43 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

30

Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-qorti tar-rinviju tqis li għandha tipproċedi malajr bil-kawża prinċipali fid-dawl tas-suġġett tagħha, il-fatt li l-qorti tar-rinviju hija obbligata tagħmel kull sforz sabiex tiżgura soluzzjoni rapida tal-kawża prinċipali ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex jiġġustifika l-użu ta’ proċedura mħaffa b’applikazzjoni tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, TOTO u Vianini Lavori, C‑581/20, EU:C:2021:808, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, il-fatt li d-domanda magħmula tirrigwarda l-organizzazzjoni u l-funzjonament ta’ korp tal-Ispettorat Ġudizzjarju, għandu jitfakkar li l-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa għal deċiżjoni preliminari ma tiddependix min-natura tat-tilwima fil-kawża prinċipali bħala tali, iżda miċ-ċirkustanzi eċċezzjonali proprji għall-kawża kkonċernata, li għandhom jistabbilixxu l-urġenza straordinarja li tingħata deċiżjoni dwar dawk id-domandi (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

B’mod partikolari, il-fatt li l-kawża tirrigwarda aspett importanti tal-organizzazzjoni ġudizzjarja tal-Istat Membru kkonċernat ma jikkostitwixxix, fih innifsu, raġuni li tistabbilixxi urġenza straordinarja, neċessarja sabiex tiġġustifika trattament bi proċedura mħaffa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 22, u tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 39).

Fuq id‑domanda preliminari

Fuq l‑ammissibbiltà

33

L-Ispettorat Ġudizzjarju jsostni li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli.

34

Minn naħa, filwaqt li l-qrati nazzjonali biss huma kompetenti sabiex jevalwaw il-legalità tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-atti amministrattivi individwali, din it-talba ma tirrigwardax l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, iżda dik tal-Liġi Nru 317/2004 emendata. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet Rumeni applikabbli fit-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma kompatibbli mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, bl-ebda mod ma tista’ tiġi ppreġudikata l-indipendenza tal-imħallfin f’din it-tilwima.

35

F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari, sabiex tinterpreta d-dritt intern ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk, C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2021:63, punt 31), madankollu, mill-kliem tad-domanda magħmula jirriżulta b’mod ċar li din ma tirrigwardax l-interpretazzjoni tad-dritt Rumen, iżda dik ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri dik tal-Artikolu 2 u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif ukoll tad-Deċiżjoni 2006/928.

36

Barra minn hekk, għalkemm l-Ispettorat Ġudizzjarju jsostni li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, din l-oġġezzjoni tirrigwarda l-portata stess tad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt li huma s-suġġett tad-domanda magħmula u, għaldaqstant, l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Tali oġġezzjoni, li tikkonċerna għaldaqstant il-mertu ta’ din id-domanda, ma tistax għalhekk, min-natura tagħha, twassal għal inammissibbiltà tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 33).

37

Minn dan isegwi li d-domanda magħmula hija ammissibbli.

Fuq il‑mertu

38

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll id-Deċiżjoni 2006/928 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lid-direttur ta’ korp, kompetenti sabiex imexxi l-investigazzjonijiet u jeżerċita l-azzjoni dixxiplinari kontra l-imħallfin u l-prosekuturi, s-setgħa li jadotta atti regolatorji u individwali, relatati b’mod partikolari mal-organizzazzjoni ta’ dan il-korp, mal-għażla tal-membri tal-persunal tiegħu, mal-evalwazzjoni tagħhom, mal-eżekuzzjoni tax-xogħol tagħhom jew anki mal-ħatra ta’ deputat direttur, filwaqt li dawn il-membri tal-persunal u dan id-deputat direttur huma l-uniċi persuni kompetenti sabiex imexxu investigazzjoni dixxiplinari kontra dan id-direttur.

39

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 19 TUE, li jikkonkretizza l-valur tal-Istat tad-dritt ddikjarat fl-Artikolu 2 TUE, jafda lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-kompitu li jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja li l-partijiet fil-kawża jisiltu minn dan id-dritt (sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din România et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 188, kif ukoll tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 37).

40

L-eżistenza stess ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv intiż sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni hija inerenti fi Stat tad-dritt. Bħala tali, u hekk kif jiddikjara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, huma l-Istati Membri li għandhom jipprovdu għal sistema ta’ rimedji u proċeduri li jiżguraw lill-partijiet fil-kawża r-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, li għalih jirreferi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 u li issa huwa affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 219 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

Minn dan isegwi li kull Stat Membru għandu jiżgura li l-korpi, bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, li huma parti mis-sistema ta’ rimedji fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 191, kif ukoll tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 40).

42

Fir-rigward tal-applikabbiltà tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tkopri l-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, indipendentement mis-sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri jimplimentaw dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația Forumul Judecătorilor din Româniaet, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 192 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/928 għandha tosserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Artikolu 2 u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, ta’ leġiżlazzjoni li tirregola l-organizzazzjoni u l-funzjonament ta’ korp li, bħall-Ispettorat Ġudizzjarju, huwa kompetenti sabiex imexxi l-investigazzjonijiet u jeżerċita l-azzjoni dixxiplinari kontra l-imħallfin Rumeni kollha u, għalhekk, kontra l-imħallfin ta’ qrati ordinarji li huma mitluba jiddeċiedu dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația Forumul Judecătorilor din Româniaet, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punti 182, 185193).

45

Issa, sabiex jiġi żgurat li qrati li jistgħu jintalbu jiddeċiedu dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu f’pożizzjoni li jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva meħtieġa minn din id-dispożizzjoni, iż-żamma tal-indipendenza tagħhom hija essenzjali, bħalma jikkonferma t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jsemmi l-aċċess għal qorti “indipendenti” fost ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația Forumul Judecătorilor din Româniaet, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 194 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46

Ir-rekwiżit tal-indipendenza tal-ġudikatura, li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jinkludi żewġ aspetti. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jeżiġi li l-korp ikkonċernat jeżerċita l-funzjonijiet teigħu b’mod kompletament awtonomu, mingħajr ma jkun suġġett għal ebda rabta ta’ ġerarkija jew ta’ subordinazzjoni fil-konfront ta’ kwalunkwe persuna u mingħajr ma jirċievi ordnijiet jew struzzjonijiet minn kwalunkwe sors li jkun, u li għalhekk ikun protett mill-interventi jew mill-pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw il-ġudizzju indipendenti tal-membri teigħu u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. It-tieni aspett, ta’ natura interna, jorbot mal-kunċett ta’ “imparzjalità” u jfittex distanza ugwali mill-partijiet fit-tilwima u l-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima. Dan l-aspett tal-aħħar jeżiġi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fl-eżitu tal-proċedura lil hinn mill-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni jeħtieġu l-eżistenza ta’ regoli li jippermettu li jitneħħa kull dubju leġittimu, fil-ħsieb tal-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-korp inkwistjoni fir-rigward ta’ elementi esterni u n-newtralità tiegħu fir-rigward ta’ interessi quddiemu (sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația Forumul Judecătorilor din Româniaet, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 196, kif ukoll tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 82).

48

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tar-regoli li jirregolaw is-sistema dixxiplinari, ir-rekwiżit ta’ indipendenza jeħtieġ, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, li din is-sistema jkollha l-garanziji neċessarji sabiex jiġi evitat kull riskju li tali sistema tintuża bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. F’dan ir-rigward, il-promulgazzjoni ta’ regoli li jiddefinixxu, b’mod partikolari, kemm l-aġir li jikkostitwixxi ksur dixxiplinari kif ukoll is-sanzjonijiet applikabbli konkretament, li jipprevedu l-intervent ta’ korp indipendenti konformement ma’ proċedura li tiżgura b’mod sħiħ id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża, u li jistabbilixxu l-possibbiltà li d-deċiżjonijiet tal-korpi dixxiplinari jiġu kkontestati quddiem qorti, tikkostitwixxi ġabra ta’ garanziji essenzjali għall-finijiet tal-ħarsien tal-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația Forumul Judecătorilor Din România et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 198 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

Barra minn hekk, peress li l-perspettiva ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni dixxiplinari tista’, bħala tali, teżerċita pressjoni fuq dawk li għandhom il-kompitu li jiddeċiedu, huwa essenzjali li l-korp kompetenti sabiex imexxi l-investigazzjonijiet u li jeżerċita l-azzjoni dixxiplinari jaġixxi waqt l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu b’mod oġġettiv u imparzjali u li jkun, għal dan il-għan, protett minn kull influwenza esterna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația Forumul Judecătorilor din Româniaet, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 199, kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari applikabbli għall-membri tal-ġudikatura), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 82).

50

Għaldaqstant, u peress li l-persuni li jokkupaw il-pożizzjonijiet ta’ tmexxija fi ħdan tali korp jistgħu jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-attività tiegħu, ir-regoli li jirregolaw il-proċedura ta’ ħatra f’dawn il-karigi għandhom ikunu mfassla b’mod li ma jkunu jistgħu jqajmu ebda dubju leġittimu, fil-ħsibijiet tal-persuni fil-kawża, dwar l-użu tal-prerogattivi u tal-funzjonijiet tal-imsemmi korp bħala strument ta’ pressjoni fuq l-attività ġudizzjarja jew strument ta’ kontroll politiku ta’ din l-attività (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din România et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 200).

51

Tali rekwiżit japplika mhux biss għar-regoli li jirregolaw il-proċedura ta’ ħatra fil-karigi ta’ tmexxija fi ħdan korp kompetenti sabiex imexxi l-investigazzjonijiet u jeżerċita l-azzjoni dixxiplinari, iżda wkoll, b’mod iktar wiesa’, għar-regoli kollha li jirregolaw l-organizzazzjoni u l-funzjonament ta’ dan il-korp.

52

Fil-fatt, dawn ir-regoli tal-aħħar jistgħu, b’mod ġenerali, jaffettwaw direttament il-prattika tal-imsemmi korp u għalhekk jipprevjenu jew, bil-kontra, jiffavorixxu l-eżerċizzju ta’ azzjonijiet dixxiplinari li għandhom l-għan jew l-effett li jeżerċitaw pressjoni fuq dawk li għandhom il-kompitu li jiddeċiedu jew li jiżguraw kontroll politiku tal-attività tagħhom.

53

F’dan ir-rigward, il-konċentrazzjoni, f’idejn id-direttur ta’ tali korp, ta’ setgħat li jippermettulu jirregola l-organizzazzjoni u l-funzjonament ta’ dan il-korp kif ukoll li jieħu deċiżjonijiet individwali dwar il-karriera tal-membri tal-persunal tiegħu u l-kawżi li dawn jipproċessaw, hija ta’ natura li tiżgura lil dan id-direttur kontroll effettiv fuq l-azzjonijiet kollha tal-imsemmi korp, inkwantu l-imsemmi direttur jista’ mhux biss jinfluwenza l-għażla tal-membri tal-persunal tal-istess korp, inklużi l-membri tal-bord tad-diretturi tiegħu, iżda wkoll l-evoluzzjoni tal-karriera tagħhom kif ukoll is-sens u l-kontenut tad-deċiżjonijiet meħuda konkretament minn dawn il-membri tal-persunal fl-azzjonijiet dixxiplinari li jirrigwardaw l-imħallfin.

54

L-eżistenza ta’ kontroll ta’ dan it-tip ma tistax, madankollu, titqies li hija, bħala tali, inkompatibbli mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

55

Fil-fatt, għalkemm kontroll effettiv tad-direttur ta’ korp kompetenti sabiex imexxi l-investigazzjonijiet u jeżerċita l-azzjoni dixxiplinari fuq l-azzjonijiet kollha ta’ dan il-korp jista’ jkun ta’ natura li jiffavorixxi l-effikaċja kif ukoll l-uniformità tal-prattiki tal-imsemmi korp, tali konċentrazzjoni tal-poteri f’idejn id-direttur biss ma tistax, bħala tali, tippreġudika r-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità sa fejn il-membri tal-persunal ta’ korp bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex mitluba jiddeċiedu tilwimiet bħala mħallfin, iżda sabiex imexxu investigazzjonijiet u sabiex jibdew proċeduri dixxiplinari, b’tali mod li ma għandhomx neċessarjament jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità applikabbli għall-imħallfin.

56

Madankollu, il-konċentrazzjoni ta’ setgħat sinjifikattivi f’idejn id-direttur ta’ korp kompetenti sabiex imexxi l-investigazzjonijiet u sabiex jeżerċita l-azzjoni dixxiplinari tista’, sa fejn fil-prattika toffri lil dan id-direttur diskrezzjoni wiesgħa fit-teħid ta’ azzjonijiet dixxiplinari kontra l-imħallfin, tiffaċilita l-użu, minn dan id-direttur, tas-sistema dixxiplinari tal-imħallfin sabiex jinfluwenza l-attività tagħhom.

57

Għaldaqstant, leġiżlazzjoni li tagħti lid-direttur ta’ dan il-korp setgħat bħal dawk mogħtija lill-Ispettur Kap mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ toħloq dubju leġittimu, fi ħsibijiet tal-partijiet fil-kawża, dwar l-użu tal-prerogattivi u tal-funzjonijiet tal-imsemmi korp bħala strument ta’ pressjoni fuq l-attività ġudizzjarja jew strument ta’ kontroll politiku ta’ din l-attività.

58

Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar dan is-suġġett wara li tkun wettqet l-evalwazzjonijiet meħtieġa għal dan il-għan. Għandu fil-fatt jitfakkar li l-Artikolu 267 TFUE ma jawtorizzax lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari, iżda jawtorizzaha biss tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, madankollu, fil-qafas tal-kooperazzjoni ġudizzjarja previst fl-Artikolu 267 TFUE u abbażi tal-elementi tal-proċess, tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għaliha fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dispożizzjoni jew oħra tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația Forumul Judecătorilor din Româniaet, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 201 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala tali u fil-kuntest ġuridiku u fattwali nazzjonali tagħha. Fil-fatt, diversi elementi li jaqgħu f’dan il-kuntest u li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jkollhom ċerta rilevanza għall-finijiet tal-eżami li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju.

60

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-garanziji eventwalment previsti minnha, sabiex tiġi evitata l-okkorrenza jew il-persistenza ta’ abbuż ta’ setgħat min-naħa tad-direttur ta’ korp kompetenti sabiex imexxi l-investigazzjonijiet u jeżerċita l-azzjoni dixxiplinari, jew saħansitra l-assenza possibbli ta’ tali garanziji, għandhom importanza partikolari.

61

Issa, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont din il-leġiżlazzjoni, azzjoni dixxiplinari intiża li trażżan abbużi mwettqa mill-Ispettur Kap tista’ tinbeda biss minn spettur li l-karriera tiegħu tiddependi, fil-parti l-kbira, mid-deċiżjonijiet tal-Ispettur Kap u li għandu neċessarjament jaġixxi fil-kuntest tal-organizzazzjoni ddefinita minn dan tal-aħħar.

62

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-deċiżjonijiet dwar l-Ispettur Kap jistgħu jiġu rriveduti mid-Deputat Spettur Kap, li ġie nnominat mill-Kap Spettur u li l-mandat tiegħu ser jintemm fl-istess ħin bħal dak tal-Ispettur Kap.

63

Tali sistema dixxiplinari tidher, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, ta’ natura li tostakola, fil-prattika, l-eżerċizzju effettiv ta’ azzjoni dixxiplinari kontra l-Ispettur Kap, anki jekk dan tal-aħħar ikollu jkun is-suġġett ta’ lmenti serjament issostanzjati.

64

Ċertament, kif turi l-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, in-nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni ulterjuri fir-rigward ta’ lment kontra l-Ispettur Kap jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors li jista’ jwassal, jekk ikun il-każ, għall-annullament tad-deċiżjoni li l-każ jitwaqqaf u għall-għoti ta’ ordnijiet dwar it-trattament li għandu jiġi żgurat mill-Ispettorat Ġudizzjarju għal dan l-ilment.

65

Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa sa fejn is-setgħat li għandhom f’dan ir-rigward il-qrati Rumeni jistgħu jippermettu l-eżerċizzju effettiv ta’ azzjonijiet dixxiplinari kontra l-Ispettur Kap kif ukoll ipproċessar effikaċi u imparzjali tal-ilmenti mressqa kontra dan tal-aħħar. Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, il-qorti tar-rinviju għandha, b’mod partikolari, tieħu inkunsiderazzjoni d-dipendenza fuq l-Ispettur Kap li jerġa’ jiġi adit bil-kawża wara l-annullament ta’ deċiżjoni li l-każ jitwaqqaf u r-riskju possibbli ta’ skadenza tat-termini ta’ preskrizzjoni li jistgħu jostakolaw l-eżerċizzju ta’ proċeduri dixxiplinari.

66

Fil-każ li din il-qorti kellha tikkonkludi li l-azzjoni tal-Ispettur Kap ma tistax tkun is-suġġett, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ stħarriġ reali u effettiv, ikun hemm lok li jitqies li din il-leġiżlazzjoni ma hijiex maħsuba b’mod li ma tista’ tqajjem ebda dubju leġittimu, fil-ħsibijiet tal-partijiet fil-kawża, dwar l-użu tal-prerogattivi u tal-funzjonijiet tal-Ispettorat Ġudizzjarju bħala strument ta’ pressjoni fuq l-attività ġudizzjarja jew strument ta’ kontroll politiku ta’ din l-attività (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 142), u tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 129, kif ukoll tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația Forumul Judecătorilor din România et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 205).

67

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kuntest ġuridiku u fattwali nazzjonali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, tliet elementi li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jkunu ta’ ċerta rilevanza għall-finijiet tal-eżami li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju.

68

Qabelxejn, jidher, bla ħsara għall-verifiki li din il-qorti għandha twettaq, li s-setgħat tal-Ispettur Kap ġew imsaħħa fil-kuntest iktar globali ta’ riformi tal-organizzazzjoni tal-ġudikatura Rumena li għandhom l-għan jew l-effett li jnaqqsu l-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-imħallfin Rumeni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 133 sa 135, kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari applikabbli għall-membri tal-ġudikatura), C‑791/19, EU:C:2021:596, punti 106108).

69

Sussegwentement, il-modalitajiet konkreti tal-ħatra tal-Ispettur Kap jistgħu jkunu ta’ ċerta importanza, jekk dawn jindikaw li dan l-Ispettur Kap għandu konnessjoni mill-qrib mas-setgħa eżekuttiva jew leġiżlattiva, li, prima facie, jidher li huwa l-każ fil-każ ineżami.

70

Fl-aħħar nett, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-prassi konkreta segwita mill-Ispettur Kap fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 144, kif ukoll tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația Forumul Judecătorilor din România et (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 219).

71

Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni ssemmi eżempji li jistgħu juru li dawn il-prerogattivi ntużaw, diversi drabi, għal finijiet ta’ kontroll politiku tal-attività ġudizzjarja, fejn uħud minn dawn l-eżempji li jinsabu barra minn hekk fir-rapporti tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tat‑22 ta’ Ottubru 2019 u tat‑8 ta’ Ġunju 2021, dwar il-progress fir-Rumanija taħt il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u ta’ verifika (COM (2019) 499 final, p. 7 u 8, kif ukoll COM (2021) 370, p. 18), li l-awtoritajiet Rumeni għandhom jieħdu debitament inkunsiderazzjoni, abbażi tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, għall-finijiet tat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mid-Deċiżjoni 2006/928 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația Forumul Judecătorilor din România et (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 178).

72

Bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, jidher għalhekk li dawn il-punti tal-kuntest ġuridiku u fattwali nazzjonali li tressqu għall-konjizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja huma intiżi li jikkorroboraw, pjuttost milli jinvalidaw, konstatazzjoni possibbli li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex maħsuba b’mod li ma tista’ tqajjem ebda dubju leġittimu, fil-ħsibijiet tal-partijiet fil-kawża, dwar l-użu tal-prerogattivi u tal-funzjonijiet tal-Ispettorat Ġudizzjarju bħala strument ta’ pressjoni fuq l-attività ġudizzjarja jew strument ta’ kontroll politiku ta’ din l-attività.

73

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2 TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mad-Deċiżjoni 2006/928, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali

li tagħti lid-direttur ta’ korp kompetenti sabiex imexxi l-investigazzjonijiet u jeżerċita azzjoni dixxiplinari kontra l-imħallfin u l-prosekuturi s-setgħa li jadotta atti regolatorji u individwali relatati, b’mod partikolari, mal-organizzazzjoni ta’ dak il-korp, mal-għażla tal-membri tal-persunal tiegħu, mal-evalwazzjoni tagħhom, mat-twettiq ta’ xogħolhom jew anki mal-ħatra ta’ deputat direttur,

filwaqt li, fl-ewwel lok, dawn il-membri tal-persunal u dan id-deputat direttur huma l-uniċi persuni kompetenti sabiex imexxu investigazzjoni dixxiplinari kontra dan id-direttur, fit-tieni lok, il-karriera tagħhom tiddependi, fil-parti l-kbira, mid-deċiżjonijiet tal-imsemmi direttur u, fl-aħħar lok, il-mandat tal-imsemmi deputat direttur jintemm fl-istess żmien bħal dak tal-istess direttur,

meta din il-leġiżlazzjoni ma tkunx maħsuba b’mod li ma tkun tista’ tqajjem ebda dubju leġittimu, fil-ħsibijiet tal-partijiet fil-kawża, dwar l-użu tal-prerogattivi u tal-funzjonijiet ta’ dan il-korp bħala strument ta’ pressjoni fuq l-attività ta’ dawn l-imħallfin u ta’ dawn il-prosekuturi jew strument ta’ kontroll politiku ta’ din l-attività.

Fuq l‑ispejjeż

74

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni,

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali

 

li tagħti lid-direttur ta’ korp kompetenti sabiex imexxi l-investigazzjonijiet u jeżerċita azzjoni dixxiplinari kontra l-imħallfin u l-prosekuturi s-setgħa li jadotta atti regolatorji u individwali relatati, b’mod partikolari, mal-organizzazzjoni ta’ dak il-korp, mal-għażla tal-membri tal-persunal tiegħu, mal-evalwazzjoni tagħhom, mat-twettiq ta’ xogħolhom jew anki mal-ħatra ta’ deputat direttur,

filwaqt li, fl-ewwel lok, dawn il-membri tal-persunal u dan id-deputat direttur huma l-uniċi persuni kompetenti sabiex imexxu investigazzjoni dixxiplinari kontra dan id-direttur, fit-tieni lok, il-karriera tagħhom tiddependi, fil-parti l-kbira, mid-deċiżjonijiet tal-imsemmi direttur u, fl-aħħar lok, il-mandat tal-imsemmi deputat direttur jintemm fl-istess żmien bħal dak tal-istess direttur,

 

meta din il-leġiżlazzjoni ma tkunx maħsuba b’mod li ma tkun tista’ tqajjem ebda dubju leġittimu, fil-ħsibijiet tal-partijiet fil-kawża, dwar l-użu tal-prerogattivi u tal-funzjonijiet ta’ dan il-korp bħala strument ta’ pressjoni fuq l-attività ta’ dawn l-imħallfin u ta’ dawn il-prosekuturi jew strument ta’ kontroll politiku ta’ din l-attività.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

Top