SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
11 ta’ Novembru 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2003/87/KE – Skema għall‑iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra – Artikolu 2(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 3(e) – Kunċett ta’ ‘installazzjoni’ – Effetti fuq l‑emissjonijiet u fuq it-tniġġis – Unitajiet anċillari li bħala tali ma jiġġenerawx emissjonijiet ta’ gassijiet serra – Artikolu 10a – Sistema tranżitorja ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas – Mudell għall-ġbir tad-data – Kwota ta’ eliġibbiltà kkorreġuta – Metodu ta’ kalkolu – Deċiżjoni 2011/278/UE – It-tielet subparagrafu tal‑Artikolu 6(1) – Esportazzjoni ta’ kesħa lejn entità li tagħmel parti minn settur espost għal riskju sinjifikattiv ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal‑karbonju”
Fil-Kawża C‑938/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il‑Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Diċembru 2019, fil‑proċedura
Energieversorgungscenter Dresden‑Wilschdorf GmbH Co. KG
vs
Bundesrepublik Deutschland,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, C. Lycourgos, President tar-Raba’ Awla, u M. Ilešič, Imħallef,
Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Energieversorgungscenter Dresden‑Wilschdorf GmbH & Co. KG, minn T. Heymann u C. Telschow, Rechtsanwälte, |
– |
għall‑Bundesrepublik Deutschland, minn I. Budde, J. Steegmann u A. Leskovar, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u S. Eisenberg, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils, B. De Meester u A. C. Becker, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Ġunju 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad‑Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid‑Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 (ĠU 2009, L 140, p. 63) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”), b’mod partikolari tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 3(e) tagħha, tal-“corrected eligibility ratio” (iktar ’il quddiem il-“kwota ta’ eliġibbiltà kkorreġuta”) imsemmija fid-Data Collection Template (iktar ’il quddiem il-“Mudell għall-ġbir tad-data”), aċċessibbli fuq is-sit internet tal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll tad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni 2011/278/UE tas‑27 ta’ April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 130, p. 1), b’mod partikolari tal-Artikolu 6(1) tagħha. |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Energieversorgungscenter Dresden‑Wilschdorf GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “EDW”) u l‑Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), dwar talba għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra (iktar ’il quddiem il‑“kwoti ta’ emissjoni”) mingħajr ħlas lil impjant industrijali ta’ koġenerazzjoni b’magni bil-gass li jinkludi, bħala unitajiet annessi, magni refriġeranti tat-tip bl‑assorbiment. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2003/87
3 |
Il-premessa 20 tad-Direttiva 2003/87 hija fformulata kif ġej: “Din id-Direttiva trid tinkoraġġixxi l-użu ta’ teknoloġija ta’ użu iktar effiċjenti ta’ l-enerġija, inkluża t-teknoloġija tal-għaqda tas-sħana u l-enerġija, li jippoduċu inqas emissjonijiet għal kull unità tal-produzzjoni, filwaqt li d-direttiva ġejjiena tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-ko-ġenerazzjoni msejsa fuq id-domanda utli tas-sħana fis-suq intern ta’ l-enerġija trid tippromwovi b’mod speċifiku t-teknoloġija tal-għaqda tas-sħana u l-enerġija.” |
4 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Din id-Direttiva għandha tapplika għall-emissjonijiet mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I u għall-gassijiet serra elenkati fl-Annes II.” |
5 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-definizzjonijiet”, jiddikjara: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]
[…]
|
6 |
L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/87, intitolat “Il-kordinament mad‑Direttiva 96/61/KE”, jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, meta l-istallazzjonijiet iwettqu attivitajiet li huma inklużi fl-Anness I mad-Direttiva [tal-Kunsill 96/61/KE tat‑24 ta’ Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80)], il-kondizzjonijiet u l-proċedura għall-ħruġ ta’ permess għall-emissjoni tal-gassijiet serra jiġu kkoordinati ma’ dawk għall-permess ipprovdut f’din id-Direttiva. Il-ħtiġiet ta’ l-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ din id-Direttiva jistgħu jiġu integrati fil-proċedura pprovduta fid-Direttiva [96/61].” |
7 |
Skont l-Artikolu 10a ta’ din id-direttiva, intitolat “Regoli tranżitorji madwar il‑Komunità kollha għal allokazzjoni gratis armonizzata”: “1. Sal-31 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni għandha tadotta, miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex ikunu applikabbli mal-Komunità kollha li jkunu kompletament armonizzati għall-allokazzjoni tal-kwoti […]. […] Il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom, safejn ikun fattibbli, jiddeterminaw punti ta’ riferiment ex ante Komunitarji sabiex jiżguraw li l-allokazzjoni sseħħ b’mod li tagħti inċentivi għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gass serra u għal teknika ta’ effiċjenza fl-enerġija, billi tqis it-teknika l-aktar effiċjenti, is-sostituti, il-proċessi alternattivi ta’ produzzjoni, il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, l-irkupru effiċjenti tal-enerġija mill-gassijiet tal-iskart, l-użu tal-bijomassa u tal-ġabra u l-ħażna tas-CO2, fejn dawn il-faċilitajiet ikunu disponibbli, u ma għandhiex tipprovdi inċentivi biex jiżdiedu l-emissjonijiet. […] […] 3. Suġġett għall-paragrafi 4 u 8, u minkejja l-Artikolu 10c allokazzjoni bi ħlas biss tingħata għal ġeneraturi tal-elettriku, għal istallazzjonijiet għall-ġbir tas-CO2, għal pajpijiet għat-trasport tas-CO2 jew għal siti tal-ħażna tas-CO2. 4. Għandha tingħata allokazzjoni gratis għal tisħin distrettwali kif ukoll għal koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja kif definita bid-Direttiva [2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 fuq il-promozzjoni ta’ kogenerazzjoni bbażata fuq id-domanda għal sħana utli fis-suq intern ta’ l-enerġija, li temenda d-Direttiva 92/42/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 3, p. 3)] għal domanda li tkun ekonomikament iġġustifikata fir-rigward tal-produzzjoni tat-tisħin u t-tkessiħ. […] […] 11. Suġġett għall-Artikolu 10b, l-ammont ta’ kwoti allokati gratis taħt il-paragrafi 4 sa 7 ta’ dan l-Artikolu fl-2013 għandu jkun 80 % tal-kwantità determinata konformement mal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 u mbagħad l-allokazzjoni gratis għandha tonqos kull sena b’ammonti ugwali sakemm jirriżulta f’allokazzjoni gratis ta’ 30 % fl-2020, bil-ħsieb li tintlaħaq sitwazzjoni fejn ma jkun hemm l-ebda allokazzjoni gratis fl-2027. 12. Suġġett għall-Artikolu 10b, fl-2013 u f’kull sena sussegwentement sal-2020, istallazzjonijiet f’setturi jew subsetturi esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għandhom jiġu allokati, konformement mal-paragrafu 1, kwoti gratis sa 100 % tal-kwantità determinata konformement mal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1. […]” |
8 |
Konformement mal-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva, it-tielet perijodu ta’ skambju huwa mifrux fuq 8 snin, mill-2013 sal-2020 (iktar ’il quddiem it-“tielet perijodu ta’ skambju”). |
Id-Deċiżjoni 2011/278
9 |
L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2011/278, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej: “Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
[…]” |
10 |
L-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “Diviżjoni f’subinstallazzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jaqsmu kull installazzjoni eliġibbli għall-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva [2003/87] f’subinstallazzjoni waħda jew aktar minn dawn li ġejjin, kif meħtieġ:
Is-subinstallazzjonijiet għandhom jikkorrispondu, sa fejn hu possibbli, mal-partijiet fiżiċi tal-installazzjoni Għas-subinstallazzjonijiet ta’ parametru referenzjarju tas-sħana, is-subinstallazzjonijiet ta’ parametru referenzjarju tal-fjuwil u s-subinstallazzjonijiet tal-emissjonijiet minn proċess, l-Istati Membri għandhon jiddistingwu b’mod ċar fuq il-bażi tan-NACE u l-Kodiċi Prodcom bejn jekk il-proċess rilevanti iservix jew le, settur jew subsettur meqjus espost għal riskju sinifikanti ta’ tnixxija tal-karbonju [rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju] kif stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/2/UE [tal‑24 ta’ Diċembru 2009 li tiddetermina, skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, lista ta’ setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju (ĠU 2010, L 1, p. 10)]. Meta installazzjoni inkluża fl-iskema tal-Unjoni tkun ipproduċiet u esportat sħana li tista’ titkejjel lejn installazzjoni jew entità oħra mhux inkluża fl-iskema tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li l-proċess rilevanti tas-subinstallazzjoni tal-parametru referenzjarju tas-sħana għal din is-sħana ma jservix settur jew subsettur li jitqies li jkun espost għal riskju sinifikanti ta’ tnixxija tal-karbonju kif stabbilit fid-Deċiżjoni [2010/2] sakemm l-awtorità kompetenti ma tkunx sodisfatta li l-konsumatur tas-sħana li tista’ titkejjel jappartjeni f’settur jew sottosettur li jitqies li jkun espost għal riskju sinifikanti ta’ tnixxija tal-karbonju kif stabbilit fid-Deċiżjoni [2010/2].” |
11 |
L-Artikolu 7 tal-imsemmija deċiżjoni, intitolat “Il-ġbir tad-dejta bażi ta’ referenza”, jiddikjara: “1. Għal kull installazzjoni eżistenti eliġibbli għal allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emisjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva [2003/87], inklużi installazzjonijiet li jitħaddmu biss perjodikament, b’mod partikolari, l-installazzjonijiet li jinżammu f’riserva jew għal xi emerġenza u l-installazzjonijiet li jitħaddmu fuq skeda staġjonali, l-Istati Membri għandhom, għas-snin kollha tal-perjodu bejn l‑1 ta’ Jannar 2005 u l‑31 ta’ Diċembru 2008, jew l‑1 ta’ Jannar 2009 u l-31 ta’ Diċembru 2010 fejn ikun meħtieġ, li matulhom l-installazzjoni kienet qiegħda titħaddem, jiġbru mingħand l-operatur l-informazzjoni u d-dejta kollha rilevanti rigward kull parametru elenkat fl-Anness IV. […] 5. L-Istati Membri għandhom jiksbu, jirreġistraw u jiddokumentaw id-dejta b’mod li jkun jista’ jsir użu xieraq minnha mill-awtorità kompetenti. L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu lill-operatur li juża mudell elettroniku jew jispeċifikaw format ta’ fajl għas-sottomissjoni tad-dejta. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw l-użu mill-operatur ta’ kwalunkwe speċifikazzjoni ta’ mudell elettroniku jew format ta’ fajl ippubblikat mill-Kummissjoni għall-fini ta’ ġbir ta’ dejta skont dan l-Artikolu, sakemm l-ispeċifikazzjoni ta’ mudell jew format ta’ fajl ma tirrikjedix mill-inqas id-dħul tal-istess dejta. […]” |
12 |
L-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2011/278, intitolat “Il-livell storiku ta’ attività”, jipprovdi fil-paragrafu 3 tiegħu: “Il-livell storiku ta’ attività relatat mas-sħana għandu jirreferi għall-importazzjoni minn installazzjoni koperta mill-iskema tal-Unjoni, il-produzzjoni medjana annwali storika, jew it-tnejn li huma, waqt il-perjodu ta’ referenza, ta’ sħana li titkejjel u li tiġi kkunsmata għall-produzzjoni ta’ prodotti, għall-produzzjoni tal-enerġija mekkanika li ma tintużax għall-produzzjoni tal-elettriku, għat-tisħin jew it-tkessiħ bl-eċċezzjoni tal-konsum għall-produzzjoni tal-elettriku, jew esportata għal installazzjonijiet jew entità oħra mhux koperta mill-iskema tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-esportazzjoni għall-produzzjoni tal-elettriku espressa f’terajoule kull sena.” |
13 |
Skont l-Artikolu 10 ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “L-allokazzjoni fil-livell ta’ installazzjoni”: “1. Fuq il-bażi tad-dejta miġbura skont l-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom, għal kull sena, jikkalkolaw in-numru ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas mill-2013 ’il quddiem lil kull installazzjoni eżistenti fit-territorju tagħhom skont il-paragrafi 2 sa 8. 2. Għall-fini ta’ din il-kalkolazzjoni, l-Istati Membri għandhom l-ewwel jiddeterminaw in-numru annwali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil kull subinstallazzjoni separatament kif ġej: […]
[…]” |
Id-Deċiżjonijiet 2010/2 u 2014/746/UE
14 |
Il-punt 1.4 tal-Anness għad-Deċiżjoni 2010/2 isemmi, fost is-setturi esposti għal riskju sinjifikattiv ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, il-manifattura ta’ valvi elettroniċi u tubi u komponenti oħra elettroniċi, li jikkorrispondu għall-kodiċi 3210 tal-Klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (NACE). |
15 |
Il-punt 1.1 tal-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/746/UE tas‑27 ta’ Ottubru 2014 li tiddetermina, skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, lista ta’ setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-perjodu mill‑2015 sal-2019 (ĠU 2014, L 308, p. 114), li ħassret id-Deċiżjoni 2010/2, isemmi wkoll, fost is-setturi esposti għal tali riskju, il-manifattura ta’ komponenti elettroniċi, li issa tikkorrispondi għall-kodiċi 2611 tan-NACE. |
Ir-Regolament (UE) 2019/331
16 |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/331 tad-19 ta’ Diċembru 2018 li jiddetermina regoli tranżizzjonali għall-Unjoni kollha għall-allokazzjoni armonizzata bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2019, L 59, p. 8, rettifika fil‑ĠU 2020, L 296, p. 8), jinkludi Anness VII, intitolat “Metodi ta’ monitoraġġ tad-data”. Il-punt 7 ta’ dan l-anness, intitolat “Regoli biex tkun stabbilita s-sħana netta li tista’ titkejjel”, jinkludi l-punt 7.1, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Prinċipju”, li jipprovdi fir-raba’ paragrafu tiegħu: “Fejn sħana tintuża biex tipprovdi tkessiħ permezz ta’ proċess ta’ tkessiħ ta’ assorbiment, dak il-proċess ta’ tkessiħ għandu jitqies bħala l-proċess li jikkonsma sħana.” |
Id-Direttiva 96/61
17 |
Id-Direttiva 96/61, li tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2008/1, kienet tipprovdi, fl-Artikolu 2 tagħha, intitolat “Definizzjonijiet”: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva: […]
[…]
[…]” |
Id-Direttiva 2010/75/UE
18 |
Mill-premessa 1 tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l‑kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU 2010, L 334, p. 17, rettifika fil-ĠU 2012, L 158, p. 25) jirriżulta li din wettqet riformulazzjoni ta’ seba’ direttivi, li fosthom kien hemm id-Direttiva 2008/1. |
19 |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2010/75, intitolat “Definizzjonijiet”, jiddikjara: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
Id-dritt Ġermaniż
20 |
L-Artikolu 4 tal-Bundes‑Immissionsschutzgesetz (il-Liġi Federali dwar il‑Protezzjoni Kontra l-Emissjonijiet) tal‑15 ta’ Marzu 1974 (BGBl. 1974 I, p. 721) fil-verżjoni tagħha tas‑17 ta’ Mejju 2013 (BGBl. 2013 I, p. 1274) (iktar ’il quddiem il-“BImSchG”), intitolat “Awtorizzazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Il-kostruzzjoni u l-operat ta’ installazzjonijiet li, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom jew minħabba l-operat tagħhom, huma b’mod partikolari ta’ natura li jikkawżaw effetti partikolarment dannużi fuq l-ambjent, li jipperikolaw, li jagħmlu ħsara kunsiderevoli jew li jkunu ta’ inkonvenjent b’mod partikolari għall-kollettività jew għall-viċinat […] għandhom ikunu suġġetti għal awtorizzazzjoni […]” |
21 |
L-Artikolu 2 tat-Treibhausgas‑Emissionshandelsgesetz (il-Liġi dwar l-Iskambju ta’ Drittijiet ta’ Emissjoni ta’ Gassijiet Serra) tal‑21 ta’ Lulju 2011 (BGBl. 2011 I, p. 1475, iktar ’il quddiem it-“TEHG”), intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi: “(1) Din il-liġi tapplika għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra msemmija fil-Parti 2 tal-Anness 1 li jirriżultaw mill-attivitajiet imsemmija fiha. Din il-liġi tapplika għall-installazzjonijiet imsemmija fil-Parti 2 tal-Anness 1, anki meta dawn ikunu partijiet jew installazzjonijiet anċillari ta’ installazzjoni li ma hijiex elenkata fil‑Parti 2 tal-Anness 1. (2) Għall-installazzjonijiet imsemmija fil-punti 2 sa 31 tal-Parti 2 tal-Anness 1, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi jestendi għal kull 1. parti ta’ installazzjoni u stadju ta’ proċess neċessarji għall-operat, u 2. installazzjoni anċillari li għandha rabta spazjali u operazzjonali mal-partijiet tal‑installazzjoni u mal-istadji tal-proċess imsemmija fil-punt 1 u li tista’ tikkontribwixxi għall-ġenerazzjoni tal-gassijiet serra msemmija fil-Parti 2 tal‑Anness 1. L-ewwel sentenza tapplika mutatis mutandis għall-unitajiet tal-kombustjoni msemmija fil-punt 1 tal-Parti 2 tal-Anness 1. […] (4) Jekk installazzjonijiet imsemmija fil-punti 2 sa 30 tal-Parti 2 tal-Anness 1 ikunu suġġetti għal awtorizzazzjoni skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 4(1) tal‑BImSchG, allura l-ispeċifikazzjonijiet li jidhru fl-awtorizzazzjoni tal‑installazzjoni mogħtija skont il-BImSchG ikunu deċiżivi rigward il-limiti tal‑installazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3. L-ewwel sentenza tapplika mutatis mutandis għall-unitajiet tal-kombustjoni msemmija fil-punt 1 tal-Parti 2 tal-Anness 1. Fil-każijiet imsemmija fit-tieni sentenza tal-paragrafu 1, l-ewwel sentenza tapplika mutatis mutandis għall-ispeċifikazzjonijiet li jinsabu fl‑awtorizzazzjoni mogħtija skont il-BImSchG relatati mal-partijiet tal‑installazzjonijiet jew mal-installazzjonijiet anċillari.” |
22 |
L-Artikolu 4 ta’ din it-TEHG, intitolat “Awtorizzazzjoni tal-emissjonijiet”, jiddikjara: “(1) L-operatur tal-installazzjoni jeħtieġ awtorizzazzjoni għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġġenerati minn attività msemmija fil-punti 1 sa 32 tal-Parti 2 tal‑Anness 1. L-awtorizzazzjoni trid tingħata mill-awtorità kompetenti fuq talba tal-operatur tal-installazzjoni, meta din l-awtorità tkun tista’ tikkonstata l‑indikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 abbażi tad-dokumenti pprovduti mal‑applikazzjoni. […] (4) Għall-installazzjonijiet awtorizzati qabel l‑1 ta’ Jannar 2013 skont id‑dispożizzjonijiet tal-BImSchG, l-awtorizzazzjoni mogħtija skont id-dritt dwar il-protezzjoni kontra l-emissjonijiet hija dik mogħtija skont il-paragrafu 1. Madankollu, fil-każ imsemmi fl-ewwel sentenza, l-operatur tal-installazzjoni jista’ wkoll jitlob awtorizzazzjoni separata skont il-paragrafu 1. F’dan il-każ, l-ewwel sentenza tapplika biss sakemm tingħata l-awtorizzazzjoni separata.” |
23 |
L-Artikolu 9 tal-imsemmija TEHG, intitolat “Allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas lill-operaturi ta’ installazzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “L-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas hija suġġetta għall‑preżentata ta’ applikazzjoni lill-awtorità kompetenti. […]” |
24 |
L-Artikolu 34 tat-TEHG, fil-verżjoni tiegħu tat‑18 ta’ Jannar 2019 (BGBl. 2019 I, p. 37), intitolat “Dispożizzjoni tranżitorja għall-operaturi ta’ installazzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Artikoli 1 sa 36 fil-verżjoni tagħhom applikabbli sal‑24 ta’ Jannar 2019 inkluż għandhom jibqgħu japplikaw, għall-perijodu ta’ skambju mill‑2013 sal‑2020, għall-gassijiet serra emessi minħabba attivitajiet fis-sens tal-Anness 1.” |
25 |
L-Artikolu 2 tal-Verordnung über die Zuteilung von Treibhausgas‑Emissionberechtigungen in der Handelsperiode 2013 bis 2020 (ir‑Regolament dwar l-Allokazzjoni tal-Kwoti ta’ Emissjoni ta’ Gassijiet Serra għall-Perijodu ta’ Skambju mill‑2013 sal-2020), tas‑26 ta’ Settembru 2011 (BGBl. 2011 I, p. 1921), intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-punt 30 tiegħu intitolat “Element ta’ allokazzjoni b’parametru referenzjarju tas-sħana”: “Id-dħul kollu, il-prodotti u l-emissjonijiet relatati magħhom mhux koperti minn element ta’ allokazzjoni fis-sens tal-punt 28, marbuta mal-produzzjoni ta’ sħana li tista’ titkejjel jew mal-importazzjoni tagħha minn installazzjoni li taqa’ fil‑kamp ta’ applikazzjoni [tat-TEHG], sakemm is-sħana la tkun ġiet iġġenerata mill‑elettriku u lanqas waqt il-produzzjoni ta’ aċidu nitriku u la tkun ġiet ikkonsmata għall-produzzjoni tal-elettriku u lanqas esportata għall-produzzjoni tal-elettriku u sa fejn l-imsemmija sħana
|
26 |
L-Artikolu 3 tar-Regolament dwar l-Allokazzjoni tal-Kwoti ta’ Emissjoni ta’ Gassijiet Serra għall-Perijodu ta’ Skambju mill‑2013 sal‑2020, intitolat “Kostituzzjoni ta’ elementi ta’ allokazzjoni”, jiddikjara: “[…] (2) Għall-finijiet tad-definizzjoni tal-element ta’ allokazzjoni msemmi fil-punt 2 tal-paragrafu 1, il-kunsinna ta’ sħana li tista’ titkejjel lil network ta’ distribuzzjoni ta’ sħana hija ekwivalenti għal kunsinna lil dispożittiv ieħor fis-sens tal-punt 30(b) tal-Artikolu 2. […] (3) Fir-rigward tal-elementi ta’ allokazzjoni msemmija fil-punti 2 sa 4 tal‑paragrafu 1, l-applikant għandu jikkostitwixxi elementi ta’ allowances separati għall-proċessi tal-manifattura ta’ prodotti li jirrigwardaw setturi esposti għal riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet u għal proċessi oħra. […] Fir-rigward tal-elementi ta’ allokazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ sħana, waqt l-imputazzjoni għall-elementi ta’ allokazzjoni separati fis-sens tal-paragrafu 3, għandu jsir kif ġej: 1. Fil-każ ta’ kunsinna diretta ta’ sħana lil klijent li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-TEHG, din is-sħana għandha tiġi imputata lis-setturi esposti għal riskju ta’ ħarba sa fejn l-operatur jipprova li l-klijent jappartjeni għal settur espost għal riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet; għall-kumplament, is-sħana għandha tiġi attribwita lis-setturi li ma jkunux esposti għal riskju ta’ rilokazzjoni tal‑emissjonijiet; 2. Fil-każ ta’ kunsinna tas-sħana lil networks ta’ distribuzzjoni tas-sħana, is-setturi esposti għandhom jiġu imputati għal riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal‑parti tal-kwantità totali ta’ sħana kkunsinnata li tikkorrispondi għas-sehem tas‑sħana kkunsinnata lil klijenti ta’ setturi esposti għal riskju ta’ rilokazzjoni tal‑emissjonijiet fis-sħana totali kkunsinnata mill-operatur tan-network matul il‑perijodu rilevanti ta’ kunsinna konformement mal-Artikolu 8(1); għall‑kumplament, din is-sħana għandha tiġi attribwita lis-setturi mhux esposti għal riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet. […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
27 |
EDW, rikorrenti fil-kawża prinċipali, topera impjant industrijali ta’ koġenerazzjoni b’magni bil-gass effiċjenti ħafna, li huwa suġġett għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“ETS”). Dan l-impjant ta’ koġenerazzjoni jinkludi, bħala unitajiet annessi, magni refriġeranti, b’mod partikolari magni refriġeranti tat-tip bl-assorbiment (iktar ’il quddiem il-“magni refriġeranti”) li jittrasformaw is-sħana f’kesħa. Dawn il-magni refriġeranti ma jemettux gassijiet serra. |
28 |
L-imsemmi impjant ta’ koġenerazzjoni iforni esklużivament lill-fabbrika ta’ manifattura ta’ semikondutturi ta’ Global Foundries, li ma tappartjenix lil EDW. L-attività ta’ Global Foundries, li ma hijiex suġġetta għall-ETS, taqa’ taħt settur espost għal riskju sinjifikattiv ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, bis‑saħħa tad-Deċiżjonijiet 2010/2 u 2014/746. |
29 |
B’mod partikolari, l-impjant ta’ koġenerazzjoni jipproduċi ilma sħun ta’ 80 °C u fwar. Mill-bojlers, dan l-ilma sħun b’temperatura ta’ 80 °C huwa, minn naħa, ikkunsinnat direttament lil Global Foundries u, min-naħa l-oħra, jiġi pprovdut, flimkien mal-fwar, lill-magni refriġeranti tal-impjant ta’ koġenerazzjoni. Dawn il‑magni refriġeranti jfornu l-kesħa lil Global Foundries, fil-forma ta’ ilma b’temperatura ta’ 5 °C jew ta’ 11 °C, għall-finijiet tal-manifattura ta’ semikondutturi. Ilma fietel ta’ 32 °C huwa wkoll prodott bis-sħana rrilaxxata mill‑magni refriġeranti kif ukoll billi tintuża s-sħana li, fil-forma ta’ ilma b’temperatura ta’ 11 °C jew ta’ 17 °C, tasal lura għaċ-ċirkwit ta’ refriġerazzjoni ta’ Global Foundries lejn dawn il-magni. |
30 |
Għall-finijiet tal-għoti tal-awtorizzazzjoni meħtieġa mill-BImSchG, l-impjant ta’ koġenerazzjoni u l-unitajiet annessi tiegħu, minħabba emissjonijiet ta’ ħoss ikkawżati mill-funzjonament ta’ dawn tal-aħħar, jitqiesu li jifformaw l-istess impjant uniku. |
31 |
Fid‑19 ta’ Jannar 2012, EDW ressqet talba għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas quddiem id-Deutsche Emissionshandelsstelle (id‑Dipartiment Ġermaniż tal-Iskambju ta’ Kwoti ta’ Emissjoni, iktar ’il quddiem id-“DEHSt”), li taha, skont id-dispożizzjonijiet dwar subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ sħana, 63770 kwota ta’ emissjoni mingħajr ħlas permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Frar 2014 u 14497 kwota supplimentari permezz ta’ deċiżjoni fuq ilment tat-28 ta’ April 2017. |
32 |
B’mod partikolari, fid-deċiżjoni ta’ allokazzjoni u fid-deċiżjoni ta’ lment, id‑DEHSt ikkunsidra li l-magni refriġeranti tat-tip bl-assorbiment kienu jagħmlu parti mill-installazzjoni ta’ EDW suġġetta għall-ETS. Barra minn hekk, hija rrifjutat il-benefiċċju tas-sistema applikabbli għas-setturi jew għas-subsetturi meqjusa bħala esposti għal riskju sinjifikattiv ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta’ karbonju fil-kesħa pprovdut mill-magni refriġeranti lil Global Foundries. Ulterjorment, id-DEHSt irrifjuta li jagħti drittijiet għall-fluss ta’ sħana kompost minn ilma fietel b’temperatura ta’ 32 °C, sa fejn is-sħana tirriżulta mill-enerġija ġġenerata mill-funzjonament tal-magni refriġeranti. Hija naqqset ukoll mill‑kwantitajiet ta’ sħana mitluba minn EDW l-importazzjoni tas-sħana tal‑installazzjoni li ma kinitx suġġetta għall-ETS. |
33 |
Permezz tar-rikors tagħha ppreżentat fl‑1 ta’ Ġunju 2017 quddiem il‑Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja), EDW żammet it-talba tagħha għal allokazzjoni ta’ 121 013‑il kwota ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas supplimentari. |
34 |
Il-Qorti tar-rinviju tqis li s-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemha tiddependi, qabel kollox, fuq il-kwistjoni dwar jekk hijiex kompatibbli mad-Direttiva 2003/87, u b’mod partikolari mal-Artikolu 2(1) u mal-Artikolu 3(e) tagħha, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, sabiex jiġu ddeterminati l-limiti tal-installazzjonijiet suġġetti għall-ETS, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, l-ispeċifikazzjonijiet ta’ dawn l-installazzjonijiet kif jidhru f’awtorizzazzjoni mogħtija taħt leġiżlazzjoni nazzjonali oħra dwar it-tniġġis, li eventwalment ikollha bħala effett li unitajiet annessi, bħall-magni refriġeranti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma joħolqux emissjonijiet ta’ gassijiet serra, jiġu inklużi fil-limiti tal-imsemmija installazzjonijiet. L-imsemmija qorti tindika li l-kwistjoni dwar jekk dawn il-magni refriġeranti jinstabux ġewwa jew barra mil‑limiti tal-installazzjoni suġġetta għall-ETS inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha effett fuq il-kwantità ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas li għandhom jiġu allokati lil EDW. |
35 |
Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, jekk ikun il-każ, dwar il-modalitajiet li skonthom il-kwantità tal-kwoti ta’ emissjoni allokati mingħajr ħlas għas‑subinstallazzjonijiet b’parametru referenzjarju ta’ sħana hija ddeterminata. B’mod partikolari, hija tistaqsi b’liema mod, fid-dawl tas-sħana importata minn installazzjonijiet li ma humiex suġġetti għall-ETS, għandha tiġi kkalkolata u applikata l-kwota ta’ ammissibbiltà kkorreġuta msemmija fil-mudell ta’ ġbir tad‑data u, b’mod partikolari, jekk hemmx lok li jiġi adottat approċċ globali tal‑flussi tas-sħana tal-installazzjoni kkonċernata jew jekk huwiex possibbli, sabiex titwettaq l-imputazzjoni ta’ din l-importazzjoni tas-sħana, li ssir distinzjoni bejn dawn il-flussi differenti. |
36 |
Fl-aħħar, dik il-qorti tistaqsi dwar il-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tas‑sistema applikabbli għas-setturi jew għas-subsetturi kkunsidrati bħala esposti għal riskju sinjifikattiv ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2011/278, fir-rigward tal-kesħa prodotta fil-magni refriġeranti ta’ EDW u kkunsinnata lil Global Foundries. |
37 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
38 |
Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tissottometti din il-kawża għal proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha. |
39 |
Insostenn tat-talba tagħha, hija sostniet li, skont il-ġurisprudenza tal-qrati Ġermaniżi, id-drittijiet għal kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas jintilfu jekk ma jkunux suġġetti għal deċiżjoni ta’ allokazzjoni qabel it-30 ta’ April tas-sena ta’ wara l-iskadenza tat-tielet perijodu ta’ skambju, minħabba l-assenza ta’ dispożizzjonijiet li jippermettu l-posponiment tagħhom matul ir-raba’ perijodu ta’ skambji. Għaldaqstant, sa fejn tali interpretazzjoni hija konformi mad-dritt tal‑Unjoni, EDW tista’, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni li għandha s-saħħa ta’ res judicata qabel it‑30 ta’ April 2021, titlef il-kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas addizzjonali li hija tistenna li tirċievi. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tinvoka l-fatt li din id-domanda tqum f’numru kbir ħafna ta’ kawżi pendenti quddiemha. |
40 |
Mill-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jirriżulta li, fuq talba tal-qorti tar‑rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal‑Ġustizzja jista’, meta n-natura tal-kawża tirrikjedi li din tiġi ttrattata f’qasir żmien, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li jissuġġetta rinviju għal deċiżjoni preliminari għal proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura msemmija. |
41 |
Fit‑22 ta’ Jannar 2020, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li jissuġġetta din il-kawża għal proċedura mħaffa. |
42 |
Din id-deċiżjoni kienet motivata mill-fatt li r-raġunijiet invokati mill-qorti tar‑rinviju ma kinux ta’ natura li jistabbilixxu li l-kundizzjonijiet iddefiniti fl‑Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura kienu ssodisfatti fil-kuntest ta’ din il‑kawża (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Gmina Wrocław (Konverżjoni tad-dritt ta’ użufrutt), C‑604/19, EU:C:2021:132, punt 45 u l‑ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sempliċi interess tal-partijiet fil-kawża, ċertament leġittimu, li jiddeterminaw malajr kemm jista’ jkun il-portata tad-drittijiet li huma jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ċirkustanza eċċezzjonali, fis-sens tal‑Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura (digriet tal-President tal-Qorti tal‑Ġustizzja tat‑18 ta’ Jannar 2019, VW (Dritt ta’ aċċess għal avukat fil-każ ta’ nuqqas ta’ dehra), C‑659/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:45, punt 7 u l‑ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
F’dan ir-rigward, il-fatt li rikors ġudizzjarju ġie ppreżentat minn EDW fl‑1 ta’ Ġunju 2017, jiġifieri iktar minn sentejn u nofs qabel ma l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, jirrelativizza b’daqstant in-natura urġenti tal-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, id‑digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑18 ta’ Jannar 2019, Adusbef et, C‑686/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:68, punt 15 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
45 |
Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li sempliċi interessi ekonomiċi, ikunu kemm ikunu importanti u leġittimi, ma humiex ta’ natura li jiġġustifikaw, waħedhom, l-użu ta’ proċedura mħaffa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Gmina Wrocław (Konverżjoni tad-dritt ta’ użufrutt), C‑604/19, EU:C:2021:132, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
46 |
Ulterjorment, hemm lok li jiġi osservat li n-numru kbir ta’ persuni jew ta’ sitwazzjonijiet legali potenzjalment ikkonċernati mid-deċiżjoni li qorti tar-rinviju għandha tagħti wara li tkun ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja ma jistax, bħala tali, jikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali ta’ natura li tiġġustifika l-użu ta’ proċedura mħaffa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati), C‑584/19, EU:C:2020:1002, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
47 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li jiġu inklużi fi ħdan il-limiti ta’ installazzjoni suġġetta għall-ETS unitajiet annessi li ma jwettqux emissjonijiet ta’ gassijiet serra. |
48 |
F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi li l-limiti ta’ installazzjoni, għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-ETS, huma ddeterminati konformement mal-ispeċifikazzjonijiet li jinsabu fl-awtorizzazzjoni mogħtija lil din l-installazzjoni bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali oħra dwar it‑tniġġis. Għal dan il-għan, il-magni refriġeranti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jwettqux emissjonijiet ta’ gassijiet serra, ġew inklużi fil-limiti tal‑installazzjoni għall-finijiet ta’ din l-awtorizzazzjoni minħabba l-emissjonijiet tal-ħoss tagħhom. |
49 |
Għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(e) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “installazzjoni” bħala unità teknika stazzjonarja fejn jitwettqu attività jew diversi attivitajiet elenkati fl-Anness I u kwalunkwe attività oħra assoċjata direttament li jkollha konnessjoni teknika mal-attivitajiet imwettqa fuq is-sit u li jista’ jkollhom effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġis. |
50 |
Konsegwentement, peress li ma titwettaq ebda attività indikata f’dan l-Anness I, unitajiet bħall-magni refriġeranti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jiġu inklużi f’installazzjoni li taqa’ taħt l-ETS biss jekk, qabel kollox, l-attività tagħhom tkun marbuta direttament ma’ attività indikata fl-imsemmi Anness I li titwettaq fl-installazzjoni u li din ir-relazzjoni diretta timmaterjalizza ruħha bl‑eżistenza ta’ rabta teknika b’tali mod li l-konnessjoni bejn l-attivitajiet ikkonċernati tikkontribwixxi għall-integrità tal-proċess tekniku globali tal-attività li taqa’ taħt l-Anness I ta’ din l-istess direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Granarolo, C‑617/19, EU:C:2021:338, punti 42 u 45). |
51 |
Sussegwentement, sa fejn dawn il-kriterji huma ssodisfatti, għandu jiġi osservat, fir-rigward tat-tielet kriterju marbut mal-fatt li l-attività kkonċernata jista’ jkollha effetti fuq l-emissjonijiet u t-tniġġis, li, bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2003/87, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, din tapplika għall-“emissjonijiet” ta’ gassijiet serra elenkati fl-Anness II ta’ din id‑direttiva, fosthom is-CO2 li jirriżulta “mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I” tal‑imsemmija direttiva (sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, ExxonMobil Production Deutschland, C‑682/17, EU:C:2019:518, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
52 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-attivitajiet imsemmija fl-imsemmi Anness I jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u, għaldaqstant, tal-ETS, biss jekk jiġġeneraw “emissjonijiet” ta’ gassijiet serra elenkati f’dan l-Anness II (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Trinseo Deutschland, C‑577/16, EU:C:2018:127, punt 45). |
53 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, ċertament, billi pprovda li jistgħu jiġu inklużi f’installazzjoni l-attivitajiet relatati direttament ma’ attività indikata fl‑Anness I tad-Direttiva 2003/87 li titwettaq hemmhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda li jistgħu jaqgħu taħt l-ETS attivitajiet li ma jissodisfawx il‑kundizzjonijiet li jiddelimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, li ma jidhrux f’dan l-Anness I (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Elektriciteits Produktiemaatschappij Zuid‑Nederland EPZ, C‑158/15, EU:C:2016:422, punti 28 u 29). |
54 |
Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li t-tielet kriterju previst fl‑Artikolu 3(e) tal-imsemmija direttiva huwa ssodisfatt meta l-attività kkunsidrata, minkejja li tiġġenera emissjonijiet u tniġġis, ma tiġġenerax emissjonijiet ta’ gassijiet serra elenkati fl-Anness II ta’ din l-istess direttiva. |
55 |
Fil-fatt, skont l-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2003/87, l-“emissjonijiet”, għall-finijiet tagħha, huma mifhuma bħala r-rilaxx ta’ gassijiet serra fl-atmosfera minn sorsi li jinsabu ġewwa installazzjoni. Għalhekk, mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li emissjoni fis-sens tagħha jippreżumi r-rilaxx ta’ gass serra fl-atmosfera (digriet tas‑6 ta’ Frar 2019, Solvay Chemicals, C‑561/18, EU:C:2019:101, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
56 |
Konsegwentement, huwa fid-dawl ta’ tali definizzjoni li għandhom jiġu interpretati l-emissjonijiet kif ukoll it-tniġġis li jissemmew fl-Artikolu 3(e) ta’ din id-direttiva, li jistgħu, għaldaqstant, jikkonċernaw biss il-gassijiet serra elenkati fl‑Anness II tal-imsemmija direttiva. |
57 |
Isegwi li l-emissjonijiet tal-ħoss huma kkawżati mit-tħaddim tal-magni refriġeranti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u ma jissodisfawx it-tielet kriterju dwar l-effetti fuq l-emissjonijiet u t-tniġġis meħtieġa f’dan l-Artikolu 3(e) tad‑Direttiva 2003/87. Għalhekk, ma jistax jitqies li, għal din ir-raġuni, dawn il‑magni refriġeranti u l-impjant ta’ koġenerazzjoni ta’ EDW jistgħu jitqiesu li jiffurmaw l-istess u unika installazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ETS. |
58 |
Konsegwentement, tali magni refriġeranti ma jistgħux jitqiesu li huma inklużi fl-impjant suġġett għall-ETS minħabba s-sempliċi fatt li, kif tipprevedi l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma jitqiesu li jaqgħu fil-limiti tal-installazzjoni, minħabba tali emissjonijiet ta’ ħoss, għal dak li jirrigwarda l-awtorizzazzjoni mogħtija taħt leġiżlazzjoni nazzjonali oħra dwar it-tniġġis. |
59 |
Għandu jiġi ppreċiżat li din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni permezz tal-argument ifformulat mill-Gvern Ġermaniż li jgħid li, fid-dawl tar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li fl-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87, essenzjalment jadotta l-istess definizzjoni tal-kunċett ta’ “installazzjoni” skont din id-Direttiva 2003/87 bħal dik fis-seħħ fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis, b’mod partikolari d-Direttivi 96/61 u 2010/75, huwa permess, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ETS, li tinżamm id-delimitazzjoni tal-installazzjoni kkonċernata li diġà ġiet stabbilita fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta l-imsemmija direttiva. |
60 |
L-ewwel, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/87 jipprevedi, ċertament, li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex, meta installazzjonijiet jeżerċitaw attivitajiet li jinsabu fl-Anness I tad-Direttiva 96/61, issostitwita, fl-aħħar lok, mid-Direttiva 2010/75, il-kundizzjonijiet u l-proċedura ta’ ħruġ ta’ permess għall-emissjoni ta’ gassijiet serra jiġu kkoordinati ma’ dawk previsti mid-Direttiva 96/61. |
61 |
Madankollu, din id-dispożizzjoni ta’ natura proċedurali ma tistax tbiddel il-kundizzjonijiet materjali li jirregolaw l-applikazzjoni tal-ETS, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-installazzjonijiet li jaqgħu taħtha. |
62 |
It-tieni u f’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, billi jipprevedu, rispettivament fil-punti 2 u 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 96/61 u fl-Artikolu 3(2) u (4) tad-Direttiva 2010/75, li, minn naħa, il-kunċett ta’ “tniġġis” għandu jinftiehem bħala l-introduzzjoni diretta jew indiretta, permezz tal-attività umana, ta’ sustanzi, ta’ vibrazzjonijiet, ta’ sħana jew ta’ ħoss fl-arja, fl-ilma jew fl-art, li jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem jew għall-kwalità tal-ambjent, li tikkawża ħsara għall-proprjetà materjali, jew tiddeterjora jew tfixkel il-kwalità ambjentali jew użi oħra leġittimi ta’ dan tal-aħħar u li, min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “emissjonijiet” huwa ddefinit bħala r-rilaxx dirett jew indirett, minn sorsi individwali jew diffużi tal-installazzjoni, ta’ sustanzi, ta’ vibrazzjonijiet, ta’ sħana jew ta’ ħoss fl-arja, fl-ilma jew fl-art, dawn id-direttivi jibbażaw lilhom innifishom fuq approċċ usa’ ta’ dawn il-kunċetti meta mqabbel ma’ dak prevalenti fil-kuntest tad-Direttiva 2003/87. |
63 |
Għaldaqstant, jekk jintlaqa’ l-argument tal-Gvern Ġermaniż espost fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, dan ikollu l-konsegwenza li jċaħħad l-effett utli tal-limiti tal-ETS, f’dan il-każ sa fejn jirrigwarda l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni u, għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jmur kontra l-għanijiet differenti li huwa kellu l-intenzjoni li jilħaq skont, minn naħa, id-Direttiva 2003/87 u, min-naħa l-oħra, id-Direttivi 96/61 u 2010/75. |
64 |
Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, bla ħsara għal din il-limitazzjoni għall-emissjonijiet u għat-tniġġis li jirrigwardaw il-gassijiet serra elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 2003/87, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(e) ta’ din id-direttiva jirriżulta li ma hemmx lok li tingħata interpretazzjoni stretta tal-kundizzjonijiet li fihom it-tielet kriterju msemmi f’dan l-artikolu jista’ jitqies li huwa ssodisfatt. |
65 |
Fil-fatt, minn naħa, din id-dispożizzjoni ma tirrikjedix li l-attivitajiet ikkonċernati nnifishom jiġġeneraw emissjonijiet ta’ gassijiet serra, iżda sempliċement teżiġi effett f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, sa fejn l-attività għandha tkun biss suxxettibbli li jkollha tali effett, dan il-kriterju ma jirrikjedix li jiġi kkonstatat effett reali fuq l-emissjonijiet u t-tniġġis iżda biss li l-potenzjal ta’ tali effett ikun jista’ jiġi stabbilit. |
66 |
Minn dan isegwi li, sakemm il-kriterji l-oħra previsti fl-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 jiġu ssodisfatti, attività li tista’ tinfluwenza l-livell tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ attività li taqa’ taħt l-Anness I ta’ din id-direttiva tista’ tiġi inkluża fil-limiti tal-istess installazzjoni bħal din l-aħħar attività. |
67 |
Barra minn hekk, tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet li l-ETS għandu l-intenzjoni li jilħaq. F’dan ir-rigward, preliminarjament għandu jitfakkar li d-Direttiva 2003/87 għandha l-għan li tistabbilixxi skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra intiża għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-atmosfera għal livell li jipprekludi kull interferenza antropoġenika perikoluża tal-klima u li l-għan finali tagħha huwa l-protezzjoni tal-ambjent (sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Ingredion Germany, C‑320/19, EU:C:2020:983, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
68 |
Din is-sistema hija bbażata fuq loġika ekonomika, li tħeġġeġ lil kull parteċipant fiha jemetti kwantità ta’ gassijiet serra li tkun inqas mill-kwoti li ġew inizjalment mogħtija lilu, sabiex il-fdal jiġi ttrasferit lil parteċipant ieħor li jkun ipproduċa kwantità ta’ emissjonijiet ogħla mill-kwoti allokati (sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Ingredion Germany, C‑320/19, EU:C:2020:983, punt 39 u l‑ġurisprudenza ċċitata). |
69 |
Fil-kuntest tat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-premessa 20 u mill-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, din hija intiża li tinkoraġġixxi t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u li ttejjeb ir-rendiment tal-enerġija bl-użu tat-tekniki l-iktar effikaċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 2018, INEOS, C‑58/17, EU:C:2018:19, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, tat‑12 ta’ April 2018, PPC Power, C‑302/17, EU:C:2018:245, punt 27, kif ukoll tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 61). |
70 |
Issa, f’ċirkustanzi fejn il-livell li fih operatur iwettaq attività indikata fl-Anness I ta’ din id-direttiva, u għaldaqstant dak tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jirriżultaw minnha, jiddependi minn attività li ma taqax taħt dan l-anness li, konformement mal-kriterji l-oħra tal-Artikolu 3(e) tal-imsemmija direttiva mfakkra fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, huwa relatat direttament magħha u huwa, minħabba l-eżistenza ta’ rabta teknika, integrata fil-proċess tekniku globali tiegħu, ma jistax jiġi eskluż li, minkejja li, waħedha, l-attività li ma tirriżultax mill-imsemmi anness ma tiġġenerax gassijiet serra, parteċipant fl-ETS jiġi mħajjar itejjeb ir-rendiment tiegħu bil-għan li jnaqqas il-bżonnijiet ta’ din l-iskema marbuta mal-attività li taqa’ taħt l-Anness I innifsu u, konsegwentement, l-emissjonijiet li jirriżultaw minn din l-aħħar direttiva. |
71 |
F’dan il-każ, mill-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li parti mill-produzzjoni ta’ sħana fl-impjant industrijali ta’ koġenerazzjoni ta’ EDW titwettaq sabiex tissodisfa l-bżonnijiet tal-magni refriġeranti tagħha, b’tali mod li tali bżonnijiet jikkundizzjonaw il-livell ta’ attività ta’ dan l-impjant u, għaldaqstant, il-livell tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jirriżultaw minnha. |
72 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa għalhekk possibbli li jiġi kkunsidrat li l-magni refriġeranti jistgħu jkollhom effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġis u li, għaldaqstant, sakemm il-kriterji l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 jiġu ssodisfatti, dawn il-magni refriġeranti u ċ-ċentrali termika ta’ EDW jifformaw l-istess impjant wieħed, liema fatt għandu, jekk ikun il-każ, jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
73 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(e) tad‑Direttiva 2003/87 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li jiġu inklużi fi ħdan il-limiti ta’ installazzjoni suġġetta għall-ETS unitajiet annessi li ma jwettqux emissjonijiet ta’ gassijiet serra, sakemm dawn jissodisfaw il-kriterji previsti fl-Artikolu 3(e) tal‑imsemmija direttiva u, b’mod partikolari, sakemm jistgħu jkollhom effetti fuq l‑emissjonijiet u fuq it-tniġġis fil-kuntest tal-gassijiet serra elenkati fl-Anness II ta’ din l-istess direttiva. |
Fuq it-tieni domanda
74 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kwota ta’ ammissibbiltà kkorreġuta msemmija fil-mudell ta’ ġbir tad-data elaborata mill-Kummissjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 7(5) tad-Deċiżjoni 2011/278, tikkostitwixxix, anki meta s-sħana li tista’ titkejjel importata minn installazzjoni li ma hijiex suġġetta għall-ETS tista’ tiġi imputata għal fluss ta’ sħana partikolari, kwota waħda li għandha, għall-finijiet, b’mod partikolari, tal-kalkolu tan-numru ta’ kwoti ta’ emissjoni allokati mingħajr ħlas lil subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ sħana, tiġi kkalkolata skont approċċ globali tal-flussi ta’ sħana ta’ din is-subinstallazzjoni. |
75 |
B’mod partikolari, dik il-qorti tixtieq tkun taf jekk, sa fejn il-magni refriġeranti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma inklużi fil-limiti tal-installazzjoni, hemm lok li jiġi adottat tali approċċ globali, anki jekk l-importazzjoni ta’ sħana, fil‑forma ta’ ilma b’temperatura ta’ 11 °C jew ta’ 17 °C provenjenti minn Global Foundries, tista’ tiġi imputata għall-fluss ta’ sħana relatat mal-ilma fietel b’temperatura ta’ 32 °C prodotta mill-magni refriġeranti tal-impjant ta’ koġenerazzjoni. |
76 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 10a(3) tad‑Direttiva 2003/87, bla ħsara, b’mod partikolari, għall-paragrafu 4 ta’ dan l‑artikolu, ebda kwota ma hija allokata mingħajr ħlas lill-produtturi tal-elettriku, fis-sens tal-Artikolu 3(u) ta’ din id-direttiva. Skont dan il-paragrafu 4, għandhom jiġu allokati kwoti mingħajr ħlas għall-koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja kif iddefinit mid-Direttiva 2004/8 bil-għan li tiġi ssodisfatta domanda ekonomikament ġustifikabbli fir-rigward tal-produzzjoni ta’ sħana jew ta’ kesħa. |
77 |
Mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li EDW topera impjant industrijali ta’ koġenerazzjoni effiċjenti ħafna b’tali mod li, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, din taqa’, fi kwalunkwe każ, taħt id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 10a(4) tad-Direttiva 2003/87. |
78 |
Ladarba saru dawn l-osservazzjonijiet preliminari, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l‑Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2011/278 jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li għal kull installazzjoni eżistenti li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas konformement mal-Artikolu 10a ta’ din id-direttiva, l‑Istati Membri għandhom jiġbru mingħand l-operatur, għas-snin kollha mill‑perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2005 sal‑31 ta’ Diċembru 2008 jew, jekk ikun il‑każ, dak mill‑1 ta’ Jannar 2009 sal‑31 ta’ Diċembru 2010, li matulhom l‑installazzjoni kienet qiegħda titħaddem, l-informazzjoni u d-data kollha utli li jirrigwardaw kull wieħed mill-parametri elenkati fl-Anness IV ta’ din id-deċiżjoni. |
79 |
Barra minn hekk, konformement mat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5 ta’ dan l‑Artikolu 7, l-imsemmija Stati Membri jistgħu jitolbu lill-operatur juża mudell elettroniku jew jispeċifikaw format ta’ fajl għall-komunikazzjoni tad-data. Madankollu, huma jaċċettaw l-użu, mill-operatur, ta’ mudelli elettroniċi jew ta’ speċifikazzjonijiet ta’ format ta’ fajls ippubblikati mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-ġbir ta’ data skont l-imsemmi artikolu, sakemm il-mudell jew l‑ispeċifikazzjoni ta’ format ta’ fajl tal-Istat Membru kkonċernat ma jirrikjedix mill-inqas li l-istess data tiddaħħal. |
80 |
F’dan il-każ, mill-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-DEHSt adottat il-mudell ta’ ġbir tad-data ppubblikat mill‑Kummissjoni, li jirrigwarda l-kwota ta’ ammissibbiltà korretta fil-punt (j) tat‑Taqsima II. 2, intitolata “Complete balance of measurable heat at the installation” (“Bilanċ sħiħ tas-sħana li tista’ titkejjel fl-installazzjoni”), mill‑iskeda E tagħha, li min-naħa tagħha hija intitolata “‘EnergyFlows’– Data on Energy Input, Measurable Heat and Electricity” (“Flussi ta’ Enerġija”– Data fuq l‑Input Enerġetiku, is-Sħana li Tista’ Titkejjel u l-Elettriku). |
81 |
Sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2011/278 jipprevedi li, għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jaqsmu kull installazzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas, konformement mal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, f’waħda jew iktar mis-subinstallazzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, skont il-bżonnijiet, fosthom is-subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ sħana, li fuq il-bażi tagħha saret l-allokazzjoni ta’ kwota mingħajr ħlas li hija s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
82 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(c) tal-imsemmija deċiżjoni jiddefinixxi l-kunċett ta’ “subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju tas-sħana” bħala li jirreferi għad-dħul [input], għall-prodotti [output] u għall-emissjonijiet korrispondenti li ma humiex koperti minn subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ prodott u li huma marbuta mal-produzzjoni ta’ sħana li titkejjel jew mal-importazzjoni ta’ sħana li tista’ titkejjel provenjenti minn installazzjoni jew minn entità oħra koperta mill-iskema tal-Unjoni, jew mat-tnejn li huma f’daqqa, fejn din is-sħana tiġi kkonsmata fil-limiti tal-installazzjoni għall-manifattura ta’ prodotti, għall-produzzjoni ta’ enerġija mekkanika minbarra dik li tintuża għall-finijiet tal-produzzjoni tal-elettriku, għat-tisħin jew għat-tkessiħ, għall-esklużjoni tal-konsum għall-finijiet tal-produzzjoni tal-elettriku, jew esportata lejn installazzjoni jew entità oħra mhux koperta mill-iskema tal-Unjoni, bl-esklużjoni tal-esportazzjoni għall-finijiet tal-produzzjoni tal-elettriku. |
83 |
Barra minn hekk, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, l-installazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija “installazzjoni eżistenti”, fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2011/278, kif għandu jinftiehem fid-dawl tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87. |
84 |
F’dan is-sens, konformement mal-Artikolu 10(1) u (2)(b)(i) ta’ din id-deċiżjoni, il-kalkolu tan-numru annwali provviżorju ta’ kwoti ta’ emissjoni allokati mingħajr ħlas lil subinstallazzjoni, imwettaq fuq il-bażi tad-data miġbura konformement mal-Artikolu 7 tal-imsemmija deċiżjoni, huwa ekwivalenti għall-valur tal-parametru referenzjarju ta’ sħana applikabbli għas-sħana li tista’ titkejjel li tinsab fl-Anness I, immultiplikat bil-livell storiku ta’ attività relatat mas-sħana għall-konsum tas-sħana li tista’ titkejjel. |
85 |
Skont l-Artikolu 9(3) ta’ din l-istess deċiżjoni, l-imsemmi livell storiku ta’ attività jikkorrispondi, bħala prinċipju, mal-valur medju tal-importazzjoni storika annwali ta’ sħana li tista’ titkejjel provenjenti minn installazzjoni koperta mill-iskema tal-Unjoni jew tal-produzzjoni ta’ sħana li tista’ titkejjel, jew mat-tnejn li huma f’daqqa, matul il-perijodu ta’ referenza, fejn din is-sħana tiġi kkonsmata fil-limiti tal-impjant għall-manifattura ta’ prodotti, għall-produzzjoni ta’ enerġija mekkanika minbarra dik użata għall-finijiet tal-produzzjoni tal-elettriku, għat-tisħin u għat-tkessiħ, bl-esklużjoni tal-konsum għall-finijiet tal-produzzjoni tal-elettriku, jew esportata lejn installazzjoni jew entità oħra mhux koperta mill-iskema tal-Unjoni, bl-esklużjoni tal-esportazzjoni għall-finijiet tal-produzzjoni tal-elettriku. |
86 |
Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkonstatat li, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas issir, konformement mal-kriterji li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ “subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju tas-sħana”, fis-sens tal-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni 2011/278, minn evalwazzjoni globali, u mhux distinta, tal-flussi ta’ sħana tal-installazzjoni kkonċernata. |
87 |
It-tieni, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi osservat li l-mudell ta’ ġbir tad-data ppubblikat mill-Kummissjoni huwa konformi mar-rekwiżiti previsti minn din id-deċiżjoni sabiex tiġi ddeterminata l-kwantità ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas li jista’ jistenna li jikseb l-operatur ta’ subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ sħana. |
88 |
Fil-fatt, dan il-mudell tal-ġbir tad-data jeħtieġ, qabel kollox, konformement mal-punti (a) sa (e) tat-Taqsima II. 2, tal-iskeda E tagħha, minn naħa, li tiġi kkalkolata s-sħana kollha li tista’ titkejjel disponibbli fl-installazzjoni u, min-naħa l-oħra, li jiġi ddeterminat ir-“ratio of ‘ETS heat’ to ‘Total heat’” (iktar ’il quddiem il-“kwota ta’ ‘sħana suġġetta għall-ETS’ meta mqabbel mat-‘total ta’ sħana’”), li jikkorrispondi mar-ratio tal-proporzjon ta’ din is-sħana li tista’ titkejjel li hija eliġibbli għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas meta mqabbel mat-total tas-sħana li jista’ jitkejjel disponibbli. |
89 |
Fil-fatt, konformement mal-imsemmija deċiżjoni, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss, għall-finijiet ta’ din l-allokazzjoni, is-sħana li tista’ titkejjel prodotta fl-installazzjoni kkonċernata u dik importata minn installazzjoni li taqa’ taħt l-ETS, bl-esklużjoni tas-sħana li tista’ titkejjel importata minn entitajiet li ma jaqgħux taħtha. F’dan il-każ, din il-kwota hija ddeterminata sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwantità ta’ sħana importata minn Global Foundries li ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-kwoti ta’ emissjoni li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas, peress li Global Foundries ma hijiex suġġetta għall-ETS. |
90 |
Madankollu, l-imsemmija kwota għandha tiġi kkorreġuta peress li, skont l-użu li għalih huma intiżi, għandhom jiġu esklużi ċerti kwantitajiet ta’ din is-sħana li tista’ titkejjel disponibbli għall-finijiet tal-kalkolu tal-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti ta’ emissjoni, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2011/278. B’hekk, huwa previst, fil-punti (f) sa (h) ta’ din it-Taqsima II. 2, tal-iskeda E, tal-mudell ta’ ġbir ta’ data, li tiġi kkalkolata l-parti tas-sħana li tista’ titkejjel ikkonsmata fl-impjant għall-finijiet tal-produzzjoni tal-elettriku, dik ikkonsmata fil-kuntest ta’ subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ prodott u dik li hija esportata lejn installazzjoni li taqa’ taħt l-ETS. |
91 |
Għandu jiġi ddeterminat ukoll, jekk ikun il-każ, sa fejn is-sħana li tista’ titkejjel li hija eskluża skont id-destinazzjoni tal-użu tagħha tiġi, jew le, minn kwantità ta’ sħana li tagħti dritt għal allokazzjoni ta’ kwota ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas. |
92 |
Għal dan il-għan, jekk tali determinazzjoni ma tkunx tista’ ssir fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni effettiva tal-flussi tas-sħana, hemm lok li wieħed jirrikorri għall‑kwota ta’ “sħana suġġetta għall-ETS” fis-“sħana totali” kkalkolata fil‑punt (e) tat-Taqsima II. 2, tal-iskeda E, tal-mudell għall-ġbir tad-data, kif inhu previst, b’mod partikolari, fil-punt (f) ta’ din it-Taqsima II. 2, fir-rigward tal-parti ta’ sħana li tista’ titkejjel ikkonsmata fl-installazzjoni għall-finijiet tal-produzzjoni tal‑elettriku. |
93 |
Fuq il-bażi tad-data kkalkolata fil-punti (f) sa (h) tal-imsemmija Taqsima II. 2, il‑kwota ta’ ammissibbiltà kkorreġuta msemmija fil-punt (j) tagħha tippermetti, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kwantitajiet ta’ sħana li tista’ titkejjel li hemm lok li tiġi eskluża skont id-destinazzjoni tal-użu tagħhom, konformement mal-punt (i) ta’ din l-istess Taqsima II. 2, li tiġi pponderata l-kwota ta’ sħana li tista’ titkejjel li hija ammissibbli skont il-provenjenza tagħha fil-konfront tat-totalità tas-sħana li tista’ titkejjel disponibbli fl-installazzjoni. |
94 |
Minn dan isegwi li l-kwota ta’ ammissibbiltà kkorreġuta tikkostitwixxi kwota unika kkalkolata u applikata skont approċċ globali tal-fluss ta’ sħana tas‑subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ sħana. |
95 |
Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, il‑mudell għall-ġbir tad-data jipprevedi, fil-punt (o) tiegħu, tat-Taqsima II. 2, tal‑iskeda E, li, fl-aħħar mill-aħħar, sabiex tiġi ddeterminata l-kwantità ta’ sħana attribwibbli lis-subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ sħana, il-kwota ta’ ammissibbiltà kkorreġuta hija applikata għall-kwantità totali ta’ sħana li potenzjalment tagħmel parti mis-subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ sħana, li tikkorrispondi għas-somma minn naħa, tas-sħana li tista’ titkejjel ikkonsmata fl-installazzjoni u eliġibbli għall-allokazzjoni mingħajr ħlas u, min-naħa l-oħra, tas-sħana li tista’ titkejjel esportata lejn installazzjonijiet jew entitajiet li ma jaqgħux taħt l-ETS. |
96 |
Kuntrarjament għal dak li tallega EDW, tali konklużjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni mill-“Guidance Document no 3 on the harmonized free allocation methodology for the EU-ETS post 2012 (Data collection guidance)” [dokument ta’ gwida Nru 3 dwar il-metodu armonizzat ta’ allokazzjoni mingħajr ħlas fl-Unjoni Ewropea wara l-2012 (gwida għall-ġbir ta’ data)], tal‑14 ta’ April u d‑29 ta’ April 2011, aċċessibbli fuq is-sit internet tal-Kummissjoni. |
97 |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 91 u 92 ta’ din is-sentenza, wieħed mill-istadji tal-bilanċ komplet tas-sħana li tista’ titkejjel fl-installazzjoni jikkonsisti f’li jiġi ddeterminat sa fejn il-kwantitajiet ta’ sħana li jistgħu jitkejlu li huma esklużi skont id-destinazzjoni tal-użu tagħhom ġejjin, jew le, minn kwantità ta’ sħana li tagħti dritt għal allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas. Fil-kuntest ta’ dan l-istadju, għandha ssir evalwazzjoni effettiva tal-flussi ta’ sħana jew, fin-nuqqas ta’ tali possibbiltà, tal-implimentazzjoni tal-kwota ta’ “sħana suġġetta għall-ETS” fis-“sħana totali”, ikkalkolata fil-punt (e) tat-Taqsima II. 2, tal-iskeda E, tal-mudell għall-ġbir tad-data. |
98 |
Huwa fid-dawl ta’ din l-operazzjoni li għandha tinftiehem l-indikazzjoni mogħtija fil-paġna 46 tal-“Guidance Document no 3 on the harmonized free allocation methodology for the EU-ETS post 2012 (Data collection guidance)” [dokument ta’ gwida Nru 3 dwar il-metodu armonizzat ta’ allokazzjoni mingħajr ħlas fl-Unjoni Ewropea wara l-2012 (gwida għall-ġbir ta’ data)] li tgħid li din il-kwota hija neċessarja biss fil-każ fejn ma jkunx possibbli li jiġu identifikati b’mod ċar liema partijiet tal-flussi ta’ sħana differenti kkunsidrati waħedhom huma prodotti ġewwa u barra l-limiti tal-installazzjonijiet suġġetti għall-ETS. |
99 |
Għaldaqstant, din l-indikazzjoni tirrigwarda l-approċċ globali tal-flussi ta’ sħana tas-subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ sħana kkonċernata u minn dan ma jistax jiġi dedott li din tippermetti allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas skont evalwazzjoni iżolata ta’ dawn il-fluss ta’ sħana differenti, li, barra minn hekk, jikser ir-rekwiżiti tad-Deċiżjoni 2011/278, imfakkra fil-punt 86 ta’ din is-sentenza. |
100 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda tkun li l-kwota ta’ ammissibbiltà kkorreġuta msemmija fil-mudell ta’ ġbir tad-data elaborata mill-Kummissjoni, bis-saħħa tal‑Artikolu 7(5) tad-Deċiżjoni 2011/278, tikkostitwixxi, anki meta s-sħana li tista’ titkejjel importata minn installazzjoni li ma hijiex suġġetta għall-ETS tista’ tiġi imputata għal fluss ta’ sħana partikolari, kwota waħda li għandha, għall‑finijiet, b’mod partikolari, tal-kalkolu tan-numru ta’ kwoti ta’ emissjoni allokati mingħajr ħlas lil subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju tas-sħana, tiġi kkalkolata u applikata skont approċċ globali tal-flussi ta’ sħana ta’ din is‑subinstallazzjoni. |
Fuq it-tielet domanda
101 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2011/278 għandux jiġi interpretat fis-sens li proċess ta’ subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ sħana jintuża għal settur jew subsettur ikkunsidrat bħala espost għal riskju sinjifikattiv ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju meta dan il-proċess jikkonċerna sħana kkonsmata sabiex tiġi prodotta l-kesħa esportata u kkonsmata fi ħdan entità li ma hijiex suġġetta għall-ETS u li tagħmel parti minn settur jew minn subsettur ikkunsidrat bħala espost għal riskju sinjifikattiv ta’ rilokazzjoni tal‑emissjonijiet tal-karbonju. |
102 |
Għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 10a(11) tad-Direttiva 2003/87, il‑kwantità ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas għas-sena 2013, konformement mal‑paragrafi 4 sa 7 ta’ dan l-artikolu, kienet tikkorrispondi għal 80 % tal‑kwantità stabbilita konformement mal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. L-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas naqset sussegwentement kull sena bi kwantità indaqs, sakemm laħqet it-30 % mis-sena 2020, bil-ħsieb li sas‑sena 2027 ikunu tneħħew il-kwoti mingħajr ħlas. |
103 |
L-Artikolu 10a(12) tal-imsemmija direttiva kien jipprevedi eċċezzjoni għal tali regola. Għalhekk, għas-sena 2013 u kull sena segwenti sas-sena 2020, l‑installazzjonijiet tas-setturi jew tas-subsetturi li kienu esposti għal riskju sinjifikattiv ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju kellhom jirċievu, konformement mal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, kwantità ta’ kwoti mingħajr ħlas li jirrappreżenta 100 % tal-kwantità ddeterminata konformement mal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu. |
104 |
F’dan ir-rigward, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2011/278 jipprevedi li għas-subinstallazzjonijiet b’parametru referenzjarju ta’ sħana, b’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw b’mod ċar jekk il-proċess ikkonċernat jintużax jew le għal settur jew subsettur meqjus li huwa espost għal riskju sinjifikattiv ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju konformement mad-Deċiżjoni 2010/2. Barra minn hekk, konformement mat-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, meta installazzjoni inkluża fl-ETS tkun ipproduċiet u esportat sħana li tista’ titkejjel lejn installazzjoni jew entità oħra mhux inkluża f’din l-iskema, l-Istati Membri għandhom iqisu li, għal din is-sħana, il-proċess korrispondenti tas-subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ sħana ma jintużax għal tali settur jew subsettur meqjus li huwa espost għal riskju sinjifikattiv ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, sakemm l-awtorità kompetenti tkun irnexxielha tistabbilixxi li l-konsumatur tas-sħana li tista’ titkejjel jagħmel parti minn tali settur jew subsettur. |
105 |
Minn dan isegwi li, fi kwalunkwe każ, il-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet dwar is‑setturi jew is-subsetturi esposti għal riskju sinjifikattiv ta’ rilokazzjoni tal‑emissjonijiet tal-karbonju jeħtieġ li s-sħana li tista’ titkejjel esportata tiġi kkonsmata minn entità li tagħmel parti minn settur jew minn subsettur espost għal tali riskju. |
106 |
Issa, skont id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju tas-sħana”, previst fl-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni 2011/278, il‑konsum ta’ sħana li tista’ titkejjel użata għat-tkessiħ jaqa’ taħt tali subinstallazzjoni. |
107 |
Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni EDW u kif osserva l-Avukat Ġenerali, fil-punti 91 u 92 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn dan għandu jiġi dedott li l-konsum ta’ kesħa minn entità li tagħmel parti minn settur jew minn subsettur espost għal tali riskju ma huwiex ekwivalenti għal konsum ta’ sħana. Dan il-konsum ta’ sħana jseħħ fi ħdan l-installazzjoni li fiha l-kesħa tiġi prodotta bil-għan li tiġi esportat lejn tali entità. Għaldaqstant, il-proċess li jikkonċerna sħana kkonsmata b’dan il-mod ma jistax jitqies li jintuża għal settur jew subsettur espost għal riskju sinjifikattiv ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija deċiżjoni. |
108 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li huwa fi ħdan il-magni li jkessħu ta’ EDW li hija kkonsmata s-sħana li tista’ titkejjel neċessarja għall-produzzjoni tat-tkessiħ li hija esportata lejn il-fabbrika ta’ Global Foundries, fejn għalhekk id-dispożizzjonijiet dwar is-setturi jew is-subsetturi esposti għal riskju sinjifikattiv ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju ma jistgħux japplikaw minħabba tali konsum. |
109 |
Kuntrarjament għal dak li ssostni EDW, id-dokument tal-Kummissjoni intitolat “Frequently Asked Questions on Free Allocation Rules for the EU ETS post 2020” (Mistoqsijiet Frekwenti dwar ir-Regoli ta’ Allokazzjoni Mingħajr Ħlas fl-Unjoni Ewropea wara l-2020), ma huwiex tali li jqiegħed inkwistjoni tali konklużjoni. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 95 sa 97 tal-konklużjonijiet tiegħu, minbarra l-fatt li dan id-dokument ma għandu ebda valur vinkolanti u li jikkonċerna perijodu ta’ skambji ulterjuri għal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li dan tal-aħħar, billi jirreferi għat-Taqsima 7.1. tal-Anness VII tar-Regolament Delegat 2019/331, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jikkunsidra wkoll li l-użu ta’ sħana għall-produzzjoni tal-kesħa fil-kuntest ta’ proċess ta’ refriġerazzjoni permezz ta’ assorbiment, bħal dak inkwistjoni fil-magni refriġeranti ta’ EDW, jikkostitwixxi l-proċess li jikkonsma s-sħana. |
110 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda tkun li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad‑Deċiżjoni 2011/278 għandu jiġi interpretat fis-sens li proċess ta’ subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ sħana ma jintużax għal settur jew subsettur meqjus bħala espost għal riskju sinjifikattiv ta’ rilokazzjoni tal‑emissjonijiet tal-karbonju meta dan il-proċess jikkonċerna sħana kkonsmata bil-għan li tiġi prodotta kesħa esportata u kkonsmata fi ħdan entità li ma hijiex suġġetta għall-ETS u li tagħmel parti minn settur jew minn subsettur meqjus bħala espost għal riskju sinjifikattiv ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, filwaqt li din l-entità ma hijiex dik li tikkonsma s-sħana. |
Fuq l-ispejjeż
111 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.