Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0721

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-15 ta’ Ġunju 2023.
    Eco Advocacy CLG vs An Bord Pleanála.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court (l-Irlanda).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali, kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Żoni speċjali ta’ konservazzjoni – Artikolu 6(3) – Screening ta’ pjan jew ta’ proġett bl-għan li jiġi ddeterminat jekk huwiex meħtieġ li ssir evalwazzjoni xierqa jew le tal-impatt ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett fuq żona speċjali ta’ konservazzjoni – Motivazzjoni – Miżuri li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni – Proġett ta’ bini ta’ residenza – Awtonomija proċedurali – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Regoli proċedurali li bis-saħħa tagħhom is-suġġett tat-tilwima jiġi ddeterminat mill-motivi mqajma fil-mument tal-preżentata tar-rikors.
    Kawża C-721/21.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:477

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    15 ta’ Ġunju 2023 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali, kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Żoni speċjali ta’ konservazzjoni – Artikolu 6(3) – Screening ta’ pjan jew ta’ proġett bl-għan li jiġi ddeterminat jekk huwiex meħtieġ li ssir evalwazzjoni xierqa jew le tal-impatt ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett fuq żona speċjali ta’ konservazzjoni – Motivazzjoni – Miżuri li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni – Proġett ta’ bini ta’ residenza – Awtonomija proċedurali – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Regoli proċedurali li bis-saħħa tagħhom is-suġġett tat-tilwima jiġi ddeterminat mill-motivi mqajma fil-mument tal-preżentata tar-rikors”

    Fil-Kawża C‑721/21,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Ottubru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Novembru 2021, fil-proċedura

    Eco Advocacy CLG

    vs

    An Bord Pleanála,

    fil-preżenza ta’:

    Keegan Land Holdings,

    An Taisce – The National Trust for Ireland,

    ClientEarth AISBL,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, M. L. Arastey Sahún, F. Biltgen, N. Wahl u J. Passer (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑27 ta’ Ottubru 2022,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Eco Advocacy CLG, minn O. Clarke u A. O’Connell, solicitors, O. Collins, SC, u C. Lenaghan, BL,

    għall-An Bord Pleanála, minn D. Browne, BL, B. Foley, SC, B. Magee u J. Moore, solicitors,

    għal An Taisce – The National Trust for Ireland u ClientEarth AISBL, minn J. Kenny, BL, u F. Logue, solicitor,

    għall-Gvern Irlandiż, minn M. Browne, A. Joyce u M. Tierney, bħala aġenti, assistiti minn A. Carroll, BL, P. Gallagher u B. Kennedy, SC,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, assistita minn G. Palatiello, avoccato dello Stato,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hermes u M. Noll‑Ehlers, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Jannar 2023,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 4(2) sa (5) u tal-Anness III tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44), kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 (ĠU 2014, L 124, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2011/92”), kif ukoll tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Eco Advocacy CLG u l-An Bord Pleanála (l-Awtorità tal-Ippjanar tat-Territorju, l-Irlanda) dwar il-validità ta’ permess ta’ żvilupp maħruġ minn din tal-aħħar.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    Id‑Direttiva 92/43

    3

    Skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43:

    “Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.”

    Id‑Direttiva 2011/92

    4

    L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/92 jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 5 tiegħu:

    “2.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(4), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, Stati Membri għandhom jistabbilixxu jekk il-proġett għandux jiġi soġġett għal stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dik id-determinazzjoni permezz ta’:

    (a)

    eżami każ b’każ,

    jew

    (b)

    livelli jew kriterji stabbiliti mill-Istat Membru.

    L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-punti (a) u (b).

    3.   Fejn issir analiżi każ b’każ jew jiġu stabbiliti parametri jew kriterji għall-fini tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji tal-għażla rilevanti ddikjarati fl-Anness III. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu livelli massimi jew kriterji biex jiddeterminaw meta ma jkunx hemm bżonn li proġetti jgħaddu jew mid-determinazzjoni taħt il-paragrafi 4 u 5 jew minn valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, u/jew limiti massimi jew kriterji biex jiddeterminaw meta proġetti jkunu f’kull każ suġġetti għal valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent mingħajr ma jgħaddu minn determinazzjoni kif stabbilit fil-paragrafi 4 u 5.

    4.   Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jeħtieġu determinazzjoni għal proġetti elenkati fl-Anness II, l-iżviluppatur għandu jipprovdi tagħrif dwar il-karatteristiċi tal-proġett u l-effetti sinifikattivi li dan x’aktarx ikollu fuq l-ambjent. Il-lista dettaljata tat-tagħrif li għandu jiġi pprovdut hija speċifikata fl-Anness II.A. L-iżviluppatur għandu jieħu kont, fejn rilevanti, tar-riżultati disponibbli ta’ valutazzjonijiet rilevanti oħra tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa b’mod konformi ma’ leġislazzjoni tal-Unjoni [Ewropea] barra minn din id-Direttiva. L-iżviluppatur jista’ wkoll jipprovdi deskrizzjoni ta’ kwalunkwe element tal-proġett u/jew miżuri intiżi sabiex jiġu evitati jew impediti dawk li jistgħu altrimenti jkunu effetti sinifikattivi ħżiena fuq l-ambjent.

    5.   L-awtorità kompetenti għandha tagħmel id-determinazzjoni tagħha, abbażi tat-tagħrif ipprovdut mill-iżviluppatur f’konformità mal-paragrafu 4 filwaqt li tqis, meta jkun rilevanti, ir-riżultati ta’ verifiki preliminari jew valutazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa b’mod konformi ma’ leġislazzjoni tal-Unjoni barra minn din id-Direttiva. Id-determinazzjoni għandha ssir disponibbli għall-pubbliku u:

    (a)

    fejn jiġi deċiż li hija meħtieġa valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, tiddikjara r-raġunijiet prinċipali għaliex kienet meħtieġa tali valutazzjoni b’riferiment għall-kriterji rilevanti elenkati fl-Anness III; jew

    (b)

    fejn jiġi deċiż li mhijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, tiddikjara r-raġunijiet prinċipali għaliex ma kinitx meħtieġa tali valutazzjoni b’riferiment għall-kriterji rilevanti elenkati fl-Anness III, u fejn proposta mill-iżviluppatur, tiddikarja kwalunkwe element tal-proġett u/jew miżura previsti sabiex jiġu evitati jew impediti dawk li jistgħu altrimenti jkunu effetti sinifikattivi ħżiena fuq l-ambjent.”

    5

    L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, skont is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku kkonċernat:

    […]

    ikollhom aċċess għal proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

    2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f’liema stadju jistgħu jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet.

    […]

    4.   […]

    [Kull proċedura ta’ rimedju ġudizzjarju] għandha tkun ġusta, retta, f’waqtha u ma tiswiex tant li tkun projbittiva.

    […]”

    6

    L-Anness III tal-imsemmija direttiva jelenka l-kriterji intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk il-proġetti msemmija fl-Anness II tal-istess direttiva għandhomx ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni tal-impatt ambjentali.

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    7

    It-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda proġett ta’ bini ta’ 320 residenza fir-raħal żgħir ta’ Charterschool Land (Trim, Kontea ta’ Meath, l-Irlanda), biswit iż-żona speċjali ta’ konservazzjoni tax-xmara Boyne u tax-xmara Blackwater (IE0002299), ikklassifikata skont id-Direttiva 92/43 u ż-żona speċjali ta’ konservazzjoni tax-xmara Boyne u tax-xmara Blackwater (IE0004232), ikklassifikata skont id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7)

    8

    Fit‑8 ta’ Lulju 2020, wara diversi kuntatti informali, ġiet ippreżentata applikazzjoni għal permess ta’ żvilupp għal dan il-proġett.

    9

    B’mod partikolari, l-imsemmi proġett ġie maħsub b’mod li, matul il-fażi operattiva tas-sit, l-ilma li jiskula jinġabar taħt l-art f’ġibjuni li jilqgħu l-ġiri tal-ilma. Dawn tal-aħħar joperaw flimkien ma’ apparat xieraq li jikkontrolla l-ġiri tal-ilma u li huwa installat fil-punt ta’ ħruġ ta’ kull ġibjun. Separatur b’ilqugħ għall-ilma li jfur ta’ Klassi 1 huwa installat fuq it-tubu li minnu jgħaddi l-ilma għal ġol-ġibjuni sabiex jiġu ttrattati l-ilmijiet tal-wiċċ u jitneħħew is-sustanzi kollha li potenzjalment jistgħu jikkontaminaw l-ilma qabel jidħol fil-ġibjun u qabel joħroġ minnu. L-ilma jiġri ġewwa ħamla, nixxiegħa tax-xmara Boyne, li tinsab madwar 100 metru fin-Nofsinhar tas-sit tal-proġett ta’ bini inkwistjoni.

    10

    L-applikazzjoni għall-permess ta’ żvilupp kienet is-suġġett ta’ sottomissjonijiet minn, fost oħrajn, l-An Taisce – The National Trust for Ireland, organizzazzjoni mhux governattiva, u l-Meath County Council (il-Kunsill tal-Kontea ta’ Meath, l-Irlanda), li qajmu sensiela ta’ dubji dwar l-impatt li dan il-proġett jista’ jkollu fuq iż-żoni msemmija fil-punt 7 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari fuq il-kwalità tal-ilma tax-xmara Boyne u fuq l-ispazji protetti kkonċernati.

    11

    Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Ottubru 2020, l-Awtorità tal-Ippjanar tat-Territorju awtorizzat l-imsemmi proġett u ħarġet il-permess ta’ żvilupp mitlub, filwaqt li kkunsidrat, abbażi tar-rapport tal-ispettur tagħha tas‑6 ta’ Ottubru 2020, li la evalwazzjoni tal-impatt ambjentali skont id-Direttiva 2011/92 u lanqas evalwazzjoni xierqa skont id-Direttiva 92/43 ma kienu neċessarji.

    12

    Adita b’rikors tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali minn din id-deċiżjoni, il-qorti tar-rinviju, permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2021 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2021), ċaħdet diversi eċċezzjonijiet imqajma kontra dan ir-rikors u ċaħdet ukoll dan tal-aħħar sa fejn kien imsejjes fuq id-dritt nazzjonali, kif ukoll fuq ċerti aspetti tad-dritt tal-Unjoni.

    13

    Fir-rigward tal-motivi li din il-qorti għadha ma ddeċidietx dwarhom, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, permezz ta’ dawn il-motivi, ir-rikorrenti tallega, b’mod partikolari, li, l-ewwel, id-deċiżjoni tas‑27 ta’ Ottubru 2020 ma tindikax b’mod espliċitu f’liema dokumenti l-Awtorità tal-Ippjanar tat-Territorju tfisser ir-raġunament tagħha sa fejn jikkonċerna d-deċiżjoni tagħha li la titlob li ssir evalwazzjoni tal-impatt ambjentali, fis-sens tad-Direttiva 2011/92, u lanqas evalwazzjoni xierqa, fis-sens tad-Direttiva 92/43, li, it-tieni, din l-awtorità ma indirizzatx id-dubji mqajma mill-Kunsill tal-Kontea ta’ Meath u minn An Taisce ‑ The National Trust for Ireland fis-sottomissjonijiet tagħhom u, it-tielet, li l-imsemmija awtorità ma eżaminatx b’mod espliċitu, wieħed wieħed, il-kriterji li jinsabu fl-Anness III tad-Direttiva 2011/92. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tirrileva li l-istess awtorità qieset li s-sistema ta’ dranaġġ sostenibbli inkwistjoni ma tammontax għal miżura ta’ lqugħ tal-ġiri tal-ilma, iżda hija karatteristika standard ta’ proġetti ta’ bini ta’ residenzi bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    14

    Madankollu, mis-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2021 jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali qajmet, għall-ewwel darba matul is-seduta quddiem il-qorti tar-rinviju, l-ewwel u t-tielet allegazzjoni msemmija fil-punt ta’ qabel.

    15

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “(1)

    Il-prinċipju ġenerali ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u/jew ta’ kooperazzjoni leali għandhom l-effett li, b’mod ġenerali jew fil-kuntest speċifiku tad-dritt tal-ambjent, fejn waħda mill-partijiet tnedi proċedura li tikkontesta l-validità ta’ miżura amministrattiva b’referenza, b’mod espress jew impliċitu, għal strument partikolari tad-dritt tal-Unjoni, iżda ma tispeċifikax liema dispożizzjonijiet tal-istrument ma ġewx osservati, jew b’referenza għal liema interpretazzjoni preċiża, il-qorti nazzjonali adita bil-proċedura għandha, jew tista’, teżamina l-ilment, minkejja li r-regola tal-proċedura interna tirrikjedi li l-ksur speċifiku kkonċernat ikun ifformulat fis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-partijiet?

    (2)

    Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda l-Artikolu 4(2), (3), (4) u/jew (5) u/jew l-Anness III tad-[Direttiva 2011/92] u/jew id-Direttiva moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u amministrazzjoni tajba skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom il-konsegwenza li, fejn awtorità kompetenti tiddeċiedi li ma tissuġġettax proposta għal kunsens għall-iżvilupp għal proċess ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, għandu jkun hemm dikjarazzjoni espressa, diskreta u/jew speċifika fir-rigward ta’ liema dokumenti jifformulaw eżattament ir-raġunijiet tal-awtorità kompetenti?

    (3)

    Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda l-Artikolu 4(2), (3), (4) u/jew (5) u/jew l-Anness III tad-[Direttiva 2011/92] u/jew id-Direttiva moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u amministrazzjoni tajba skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom il-konsegwenza li, fejn awtorità kompetenti tiddeċiedi li ma tissuġġettax proposta għal kunsens għall-iżvilupp għal proċess ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, hemm obbligu li tiġi indikata b’mod espress l-evalwazzjoni tal-intestaturi u tas-subintestaturi speċifiċi kollha tal-Anness III [tal-imsemmija direttiva], sa fejn dawk l-intestaturi u subintestaturi huma potenzjalment rilevanti għall-iżvilupp?

    (4)

    L-Artikolu 6(3) tad-[Direttiva 92/43] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-applikazzjoni tal-prinċipju li sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex neċessarju li titwettaq, sussegwentement, evalwazzjoni xierqa tal-implikazzjonijiet, għal sit ikkonċernat, ta’ pjan jew proġett, ma hemmx lok, fil-fażi ta’ screening, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri intiżi sabiex jiġu evitati jew jitnaqqsu l-effetti ta’ ħsara tal-pjan jew proġett fuq dak is-sit, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru hija intitolata tieħu inkunsiderazzjoni karatteristiċi tal-pjan jew proġett li jinvolvu t-tneħħija tal-kontaminanti li jista’ jkollhom l-effett li jnaqqsu l-effetti ta’ ħsara fuq is-sit Ewropew biss abbażi tal-fatt li dawk il-karatteristiċi ma humiex intiżi bħala miżuri ta’ mitigazzjoni anki jekk għandhom dak l-effett, u li kienu jkunu inkorporati fid-disinn bħala karatteristiċi standard, irrispettivament minn kwalunkwe effett fuq is-sit Ewropew ikkonċernat?

    (5)

    L-Artikolu 6(3) tad-[Direttiva 92/43] għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta awtorità kompetenti ta’ Stat Membru hija sodisfatta, minkejja l-mistoqsijiet u d-dubji espressi minn korpi speċjalizzati fil-fażi ta’ screening, li l-ebda evalwazzjoni xierqa ma hija meħtieġa, l-awtorità għandha tagħti motivazzjoni espliċita u ddettaljata tad-deċiżjoni tagħha li tkun kapaċi tneħħi kull dubju raġonevoli minn perspettiva xjentifika dwar l-effetti tax-xogħlijiet previsti fis-sit Ewropew ikkonċernat, u li b’mod espress u individwali tneħħi kull wieħed mid-dubji mqajma f’dak ir-rigward matul il-proċess tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku?

    (6)

    Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 u/jew id-Direttiva moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u amministrazzjoni tajba skont l-Arikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu l-konsegwenza li, fejn awtorità kompetenti tiddeċiedi li ma tissuġġettax proposta għal kunsens għall-iżvilupp għal proċess ta’ evalwazzjoni xierqa, għandu jkun hemm dikjarazzjoni espressa, diskreta u/jew speċifika fir-rigward ta’ liema dokumenti jifformulaw eżattament ir-raġunijiet tal-awtorità kompetenti?”

    Fuq id‑domandi preliminari

    Fuq l‑ewwel domanda

    16

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li, fejn parti tressaq azzjoni intiża għall-annullament ta’ deċiżjoni amministrattiva u tinvoka insostenn ta’ din l-azzjoni, b’mod espliċitu jew impliċitu, att speċifiku tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr, madankollu, ma tippreċiża d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-att li jkunu ġew miksura jew l-interpretazzjoni speċifika li hija tkun qiegħda tavvanza, il-qorti nazzjonali adita bl-imsemmija azzjoni għandha jew għandha tkun tista’ tieħu konjizzjoni tal-istess azzjoni minkejja l-eżistenza ta’ regola proċedurali interna li r-rikors għandu jippreċiża l-ksur speċifiku kkonċernat.

    17

    Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju ma tirriproduċix ir-regola proċedurali inkwistjoni. Madankollu, jirriżulta minn din it-talba, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja u mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati fil-kuntest ta’ din il-proċedura, li r-Rules of the Superior Courts (ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qrati Superjuri) li skonthom, minn naħa, talba għal stħarriġ ġudizzjarja għandha tkun imsejsa fuq espożizzjoni tat-talbiet u tal-motivi li fuqhom jissejsu dawn it-talbiet, billi tistipula b’mod preċiż kull wieħed minn dawn il-motivi u tindika, għal kull motiv, il-fatti u l-provi invokati insostenn tiegħu u, min-naħa l-oħra, rikorrent ma jista’ jinvoka l-ebda motiv u ma jressaq l-ebda talba matul is-seduta, ħlief għal dawk li jinsabu f’dik l-espożizzjoni.

    18

    F’dan il-każ, mis-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2021 jirriżulta li huwa bi ksur ta’ dawn ir-regoli proċedurali li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tinvoka, quddiem il-qorti tar-rinviju, il-motivi li minnhom jitnisslu t-tieni, it-tielet u s-sitt domanda, li proprju għalhekk din il-qorti hija marbuta tiċħad dawn il-motivi bħala inammissibbli, kemm-il darba d-dritt tal-Unjoni ma jobbligahiex jew ma jippermettilhiex li tieħu konjizzjoni tagħhom.

    19

    Konsegwentement, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġu kkunsidrat li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix regola proċedurali nazzjonali bħal dik deskritta fil-punt 17 ta’ din is-sentenza.

    20

    F’dan ir-rigward, kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punti 29 u 30 tal-konklużjonijiet tagħha, għalkemm id-dritt tal-Unjoni jitlob, bis-saħħa tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u tal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2005, L 124, p. 1), li l-assoċjazzjonijiet ambjentali, b’mod partikolari, ikunu ggarantiti aċċess għal proċedura għat-tressiq ta’ kawża li hija effettiva u ġusta, dan ma jipprevedix la kif u lanqas meta għandhom jiġu mfissra l-motivi intiżi sabiex tiġi kkontestata l-legalità tad-deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet rilevanti.

    21

    Issa, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jagħżel il-qrati kompetenti u jirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, kemm-il darba, minn naħa, dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, ma jirrendux, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C‑222/05 sa C‑225/05, EU:C:2007:318, punt 28, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    22

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-prinċipju ta’ effettività, mill-ġurisprudenza jirriżulta li dan tal-aħħar ma jeħtieġx, fil-prinċipju, li l-qrati nazzjonali jqajmu ex officio motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt, fejn l-eżami ta’ dan il-motiv jobbligahom imorru lil hinn mil-limiti tat-tilwima kif ikun ġie ddefinit mill-partijiet, billi jibbażaw ruħhom fuq fatti u ċirkustanzi differenti minn dawk li fuqhom il-parti li għandha interess li tapplika l-imsemmija dispożizzjonijiet tkun sejset it-talba tagħha (sentenza tas‑26 ta’ April 2017, Farkas, C‑564/15, EU:C:2017:302, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    23

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li regoli proċedurali nazzjonali li bis-saħħa tagħhom is-suġġett tat-tilwima huwa ddeterminat mill-motivi tar-rikors imqajma fil-mument tal-preżentata tiegħu huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività peress li jiżguraw l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura, b’mod partikolari, billi jħarsuha mid-dewmien inerenti fl-apprezzament ta’ motivi ġodda (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 64, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    24

    Issa, f’dan il-każ, ir-regoli proċedurali inkwistjoni, kif deskritti fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, ma jidhrux li huma ta’ natura li jirrendu, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-Direttivi 2011/92 u 92/43, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, impossibbli jew eċċessivament diffiċli, iżda, għall-kuntrarju, huma ta’ natura li jiffavorixxu l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura billi jeżiġu li l-motivi invokati fir-rikors ikunu b’livell ta’ preċiżjoni suffiċjenti.

    25

    Finalment, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’ċerti oqsma, u, b’mod partikolari, fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, il-qrati nazzjonali jistgħu jkunu obbligati jevalwaw ex officio l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mir-regoli tal-Unjoni fis-suġġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 66, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), tali rekwiżit, li huwa l-konsegwenza tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn l-oqsma u tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kkonċernati, bħall-ħtieġa li jiġi kkumpensat l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-kummerċjant, ma jistax, mill-banda l-oħra, jiġi dedott, f’dan il-każ, mir-regoli tal-Unjoni msemmija fil-motivi invokati fil-punt 18 ta’ din is-sentenza.

    26

    Fit-tieni lok, sa fejn, skont l-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli proċedurali inkwistjoni fil-kawża prinċipali japplikaw irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk l-allegat ksur jikkonċernax id-dritt Irlandiż jew id-dritt tal-Unjoni, dawn inqas ma jidhru li jmorru kontra l-prinċipju ta’ ekwivalenza.

    27

    L-osservanza ta’ din il-prinċipju ċertament teħtieġ li, fejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern dwar il-modalitajiet proċedurali jobbligaw lil qorti tqajjem ex officio motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali, tali obbligu għandu jipprevalixxi bl-istess mod fir-rigward ta’ motiv tal-istess natura li jallega ksur tad-dritt tal-Unjoni. L-istess japplika jekk id-dritt nazzjonali jagħti lill-qorti l-fakultà li tinvoka tali motiv ex officio (sentenza tas‑26 ta’ April 2017, Farkas, C‑564/15, EU:C:2017:302, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    Madankollu, f’dan il-każ, l-ebda informazzjoni mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma tindika li, konformement mad-dritt Irlandiż, il-qorti tar-rinviju għandha tali obbligu jew tali fakultà. Għall-kuntrarju, mis-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2021 jirriżulta li, bis-saħħa ta’ dan id-dritt, kull motiv li huwa ta’ natura bħal dawk il-motivi msemmija fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, kemm jekk ikun ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni jew fuq id-dritt nazzjonali, li ma jkunx ġie fformulat bil-preċiżjoni meħtieġa fir-rikors, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli mill-qrati nazzjonali.

    29

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix regola proċedurali nazzjonali li skontha, minn naħa, talba għal stħarriġ ġudizzjarju, fid-dawl kemm tad-dritt nazzjonali, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, bħall-Artikolu 4(2) sa (5) u l-Anness III tad-Direttiva 2011/92 jew l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, għandha tkun imsejsa fuq espożizzjoni tat-talbiet u tal-motivi li fuqhom huma msejsa dawn it-talbiet, billi tistipula b’mod preċiż kull wieħed minn dawn il-motivi u billi tindika, għal kull motiv, il-fatti jew il-provi invokati insostenn tiegħu u, min-naħa l-oħra, rikorrent ma jista’ jinvoka l-ebda motiv u lanqas ma jista’ jressaq l-ebda talba matul is-seduta, ħlief għal dawk li jinsabu f’dik l-espożizzjoni.

    Fuq it‑tieni, it‑tielet u s‑sitt domanda

    30

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni, għat-tielet u għas-sitt domanda.

    Fuq il‑ħames domanda

    31

    Permezz tal-ħames domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata qabel ir-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tiddeċiedi li ma hemmx il-ħtieġa li ssir evalwazzjoni xierqa, hija mitluba tindika, b’mod espliċitu u ddettaljat, ir-raġunijiet li fuqhom hija ssejjes id-deċiżjoni tagħha, b’mod li tneħħi kull dubju xjentifiku raġonevoli dwar l-impatt tal-pjan jew tal-proġett previst fis-sit ikkonċernat u li b’mod espliċitu u individwali tneħħi kull dubju mqajjem f’dak ir-rigward matul il-proċess tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

    32

    La l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tagħha ma jipprevedu rekwiżiti relatati mal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li jittieħdu skont dan l-Artikolu 6(3).

    33

    Fid-dawl ta’ dan, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li d-dritt għal amministrazzjoni tajba, sa fejn jirrifletti l-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jinkludi rekwiżiti li huma l-Istati Membri li għandhom josservaw meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Fost dawn ir-rekwiżiti, l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet nazzjonali huwa partikolarment importanti, peress li, permezz ta’ dan l-obbligu, id-destinatarji jkunu f’pożizzjoni li jiddefendu d-drittijiet tagħhom fl-aqwa kundizzjonijiet possibbli u li jiddeċiedu b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk ikunx utli li jiġi ppreżentat rikors kontra dawk id-deċiżjonijiet. Dan l-obbligu huwa meħtieġ ukoll sabiex il-qrati jkunu jistgħu jeżerċitaw l-istħarriġ tal-legalità ta’ dawk id-deċiżjonijiet (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, LS Customs Services, C‑46/16, EU:C:2017:839, punti 3940, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    Fit-tieni lok, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 jipprevedi proċedura ta’ evalwazzjoni intiża sabiex, bis-saħħa ta’ kontroll minn qabel, jiġi ggarantit li pjan jew proġett li ma jkunx marbut direttament ma’, jew meħtieġ għal, il-ġestjoni tas-sit ikkonċernat, iżda li jkun jista’ jaffettwa lil dan tal-aħħar b’mod sinjifikattiv, ikun awtorizzat biss kemm-il darba dan ma jkunx ta’ ħsara għall-integrità ta’ dan is-sit (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter‑Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 117, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    Dan l-Artikolu 6(3) jislet distinzjoni bejn żewġ fażijiet fil-proċedura ta’ evalwazzjoni li huwa jipprevedi.

    36

    L-ewwel fażi, imsemmija fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, teżiġi mill-Istati Membri li jwettqu evalwazzjoni xierqa tal-impatt ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett fejn teżisti probabbiltà li dan il-pjan jew dan il-proġett jaffettwah b’mod sinjifikattiv. It-tieni fażi, imsemmija fit-tieni sentenza tal-imsemmija dispożizzjoni, li sseħħ wara din l-evalwazzjoni xierqa, tissuġġetta l-awtorizzazzjoni ta’ tali pjan jew proġett għall-kundizzjoni li dan ma jkunx ta’ ħsara għall-integrità tas-sit ikkonċernat, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 92/43 (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter‑Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 119, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    37

    F’dan ir-rigward, l-ewwel, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rekwiżit ta’ evalwazzjoni xierqa tal-impatt ta’ pjan jew ta’ proġett previst fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 huwa suġġett għall-kundizzjoni li jkun hemm probabbiltà jew riskju li dan jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv. Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, jitqies li jeżisti tali riskju fejn ma jkunx jista’ jiġi eskluż, abbażi tal-aqwa għarfien xjentifiku fis-suġġett, li l-pjan jew il-proġett inkwistjoni jista’ jaffettwa l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. L-eżami tar-riskju għandu jsir, b’mod partikolari, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit ikkonċernat minn tali pjan jew proġett (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter‑Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 134, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    38

    It-tieni, hija ġurisprudenza stabbilita li evalwazzjoni xierqa tal-impatt ta’ pjan jew ta’ proġett timplika li, qabel l-approvazzjoni tiegħu, għandhom jiġu identifikati, fid-dawl tal-aqwa għarfien xjentifiku fil-qasam, l-aspetti kollha ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett li jistgħu, waħedhom jew flimkien ma’ pjanijiet oħra jew ma’ proġetti oħra, jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit protett. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jawtorizzaw attività kemm-il darba jkunu kisbu ċ-ċertezza li din l-attività ma għandhiex effetti li huma ta’ ħsara għall-integrità ta’ dan is-sit. Dan huwa l-każ fejn ma jkun hemm l-ebda dubju raġonevoli mil-lat xjentifiku dwar l-assenza ta’ tali effetti (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter‑Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 120, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    39

    Skont il-ġurisprudenza, din l-evalwazzjoni ma jistax ikollha lakuni u għandha tinkludi konstatazzjonijiet, kif ukoll konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tax-xogħlijiet previsti fis-sit ikkunsidrat (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Grace u Sweetman, C‑164/17, EU:C:2018:593, punt 39, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑7 ta’ Novembru 2018, Holohan et, C‑461/17, EU:C:2018:883, punt 49).

    40

    Tali rekwiżit jimplika li l-awtorità kompetenti, wara li ssir evalwazzjoni xierqa, tkun f’pożizzjoni li tindika b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li, qabel tkun tat l-awtorizzazzjoni inkwistjoni, ikunu wassluha tikseb iċ-ċertezza, minkejja l-fehmiet kuntrarji li jistgħu jiġu espressi, li kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-impatt ambjentali tax-xogħlijiet previsti fuq is-sit ikkonċernat kien ġie eskluż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, Holohan et, C‑461/17, EU:C:2018:883, punt 51).

    41

    Tali rekwiżiti ta’ motivazzjoni għandhom ukoll jiġu ssodisfatti fejn, bħal f’dan il-każ, l-awtorità kompetenti tapprova proġett li jista’ jaffettwa sit protett mingħajr ma titlob li ssir evalwazzjoni xierqa, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43.

    42

    Minn dan isegwi li, għalkemm, meta awtorità kompetenti tiddeċiedi li tawtorizza tali proġett mingħajr ma titlob li ssir evalwazzjoni xierqa, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, id-dritt tal-Unjoni ma jobbligax lil din l-awtorità tindirizza, fil-motivazzjoni ta’ tali deċiżjoni, wieħed wieħed, il-punti ta’ dritt u ta’ fatt imqajma mill-partijiet ikkonċernati fil-mori tal-proċedura amministrattiva, l-imsemmija awtorità għandha, madankollu, tindika b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li, qabel tkun tat tali awtorizzazzjoni, ikunu wassluha tikseb iċ-ċertezza, minkejja l-fehmiet kuntrarji u d-dubji raġonevoli li setgħu ġew espressi fihom, li kull dubju xjentifiku raġonevoli dwar il-possibbiltà li dan il-proġett jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikattiv kien eskluż.

    43

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għalkemm, fejn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tiddeċiedi li tawtorizza pjan jew proġett li jista’ jaffettwa sit protett skont din id-direttiva, mingħajr ma titlob li ssir evalwazzjoni xierqa, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, din l-awtorità ma hijiex marbuta tindirizza, fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha, kull punt ta’ dritt u ta’ fatt imqajjem fil-mori tal-proċedura amministrattiva, hija għandha, madankollu, tindika b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li, qabel tkun tat tali awtorizzazzjoni, ikunu wassluha tikseb iċ-ċertezza, minkejja l-fehmiet kuntrarji u d-dubji raġonevoli li setgħu ġew espressi fihom, li kull dubju xjentifiku raġonevoli dwar il-possibbiltà li dan il-proġett jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikattiv kien eskluż.

    Fuq ir‑raba’ domanda

    44

    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex meħtieġ li ssir evalwazzjoni xierqa tal-impatt ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett skont din id-direttiva, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett li jinvolvu t-tneħħija ta’ sustanzi li jikkontaminaw u li jistgħu għalhekk ikollhom l-effett li jnaqqsu l-impatt negattiv tal-imsemmi pjan jew tal-imsemmi proġett fuq dan is-sit, fejn dawn il-karatteristiċi jkunu ġew integrati fl-istess pjan jew fl-istess proġett bħala karatteristiċi standard, irrispettivament minn kwalunkwe impatt fuq l-imsemmi sit.

    45

    Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din il-qorti qiegħda tagħmel din id-domanda, b’mod partikolari, fid-dawl tas-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, People Over Wind u Sweetman (C‑323/17, EU:C:2018:244). B’mod iktar speċifiku, hija tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk, fid-dawl ta’ din is-sentenza, l-Awtorità tal-Ippjanar tat-Territorju setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni miżuri deskritti fil-punt 9 ta’ din is-sentenza għall-finijiet tad-deċiżjoni tagħha li ma teħtieġx li ssir evalwazzjoni xierqa tal-impatt tal-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq iż-żoni msemmija fil-punt 7 ta’ din is-sentenza.

    46

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 40 tas-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, People Over Wind u Sweetman (C‑323/17, EU:C:2018:244), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex meħtieġ li, ’il quddiem, issir evalwazzjoni xierqa tal-impatt ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit ikkonċernat, ma huwiex meħtieġ li, matul il-fażi ta’ screening, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri intiżi sabiex jiġu evitati jew imnaqqsa l-effetti ta’ ħsara ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett fuq dan is-sit.

    47

    Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, b’mod partikolari, fl-istess sentenza, li l-fatt li, matul l-apprezzament tal-ħtieġa ta’ jekk għandhiex issir evalwazzjoni xierqa, jittieħdu inkunsiderazzjoni miżuri intiżi sabiex jiġu evitati jew imnaqqsa l-effetti ta’ ħsara ta’ pjan jew ta’ proġett fuq is-sit ikkonċernat, jippreżupponi li huwa probabbli li dan is-sit huwa affettwat b’mod sinjifikattiv u li, konsegwentement, għandha ssir tali evalwazzjoni, billi din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li analiżi kompleta u preċiża tal-miżuri ta’ natura li jevitaw jew inaqqsu effetti sinjifikattivi li jistgħu jaffettwaw is-sit ikkonċernat ma għandhiex issir fl-istadju tal-fażi ta’ screening, iżda preċiżament fl-istadju tal-evalwazzjoni xierqa. Barra minn hekk, fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali miżuri sa mill-fażi ta’ screening jista’ jippreġudika l-effett utli tad-Direttiva 92/43, b’mod ġenerali, kif ukoll il-fażi ta’ evalwazzjoni, b’mod partikolari, peress li din il-fażi tal-aħħar titlef l-iskop tagħha u li jkun jeżisti riskju li tiġi evitata din il-fażi ta’ evalwazzjoni, li madankollu tikkostitwixxi garanzija essenzjali prevista minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, People Over Wind u Sweetman, C‑323/17, EU:C:2018:244, punti 35 sa 37).

    48

    Madankollu, tali kunsiderazzjonijiet ma jistax ikollhom l-effett li, matul il-fażi ta’ screening ta’ proġett, jeskludu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kostituttivi kollha ta’ dan il-proġett inerenti għalih li għandhom l-effett li jnaqqsu l-impatt negattiv ta’ dan tal-aħħar fuq is-sit ikkonċernat.

    49

    Għalhekk, meta tali elementi jkunu integrati fid-disinn ta’ proġett mhux bil-għan li jitnaqqas l-impatt negattiv ta’ dan il-proġett fuq is-sit ikkonċernat, iżda bħala karatteristiċi standard meħtieġa f’kull proġett tal-istess tip, dawn l-elementi ma jistgħux, b’mod partikolari, jitqiesu li jikkostitwixxu indikazzjoni ta’ ħsara sinjifikattiva probabbli għal dan is-sit, għall-kuntrarju tal-miżuri msemmija fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza.

    50

    Issa, mingħajr preġudizzju għall-verifiki li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, jidher li l-integrazzjoni tal-miżuri msemmija fil-punt 9 ta’ din is-sentenza fid-disinn ta’ proġetti bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija, b’mod ġenerali, imposta minn atti ta’ ppjanar u li, f’dan il-każ, ġiet imposta mill-pjan ta’ żvilupp tal-Kontea ta’ Meath 2013‑2019, li, barra minn hekk, kien is-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali skont id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157).

    51

    L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, interpretat fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, ma jipprekludix għalhekk li jittieħdu inkunsiderazzjoni tali miżuri matul il-fażi ta’ screening ta’ dawn il-proġetti.

    52

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex meħtieġ li ssir evalwazzjoni xierqa tal-impatt ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett li jinvolvu t-tneħħija ta’ sustanzi li jikkontaminaw u li jistgħu għalhekk ikollhom l-effett li jitnaqqas l-impatt negattiv tal-imsemmi pjan jew tal-imsemmi proġett fuq dan is-sit, fejn dawn il-karatteristiċi jkunu ġew integrati fl-istess pjan jew fl-istess proġett bħala karatteristiċi standard, inerenti għal tali pjan jew proġett, irrispettivament minn kwalunkwe impatt fuq l-imsemmi sit.

    Fuq l‑ispejjeż

    53

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix regola proċedurali nazzjonali li skontha, minn naħa, talba għal stħarriġ ġudizzjarju, fid-dawl kemm tad-dritt nazzjonali, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, bħall-Artikolu 4(2) sa (5) u l-Anness III tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 jew l-Artikolu 6(3) tad- Direttiva 92/43/KEE tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, għandha tkun imsejsa fuq espożizzjoni tat-talbiet u tal-motivi li fuqhom huma msejsa dawn it-talbiet, billi tistipula b’mod preċiż kull wieħed minn dawn il-motivi u billi tindika, għal kull motiv, il-fatti jew il-provi invokati insostenn tiegħu u, min-naħa l-oħra, rikorrent ma jista’ jinvoka l-ebda motiv u lanqas ma jista’ jressaq l-ebda talba matul is-seduta, ħlief għal dawk li jinsabu f’dik l-espożizzjoni.

     

    2)

    L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    għalkemm, fejn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tiddeċiedi li tawtorizza pjan jew proġett li jista’ jaffettwa sit protett skont din id-direttiva, mingħajr ma titlob li ssir evalwazzjoni xierqa, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, din l-awtorità ma hijiex marbuta tindirizza, fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha, kull punt ta’ dritt u ta’ fatt imqajjem fil-mori tal-proċedura amministrattiva, hija għandha, madankollu, tindika b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li, qabel tkun tat tali awtorizzazzjoni, ikunu wassluha tikseb iċ-ċertezza, minkejja l-fehmiet kuntrarji u d-dubji raġonevoli li setgħu ġew espressi fihom, li kull dubju xjentifiku raġonevoli dwar il-possibbiltà li dan il-proġett jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikattiv kien ġie eskluż.

     

    3)

    L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex meħtieġ li ssir evalwazzjoni xierqa tal-impatt ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett li jinvolvu t-tneħħija ta’ sustanzi li jikkontaminaw u li jistgħu għalhekk ikollhom l-effett li jitnaqqas l-impatt negattiv tal-imsemmi pjan jew tal-imsemmi proġett fuq dan is-sit, fejn dawn il-karatteristiċi jkunu ġew integrati fl-istess pjan jew fl-istess proġett bħala karatteristiċi standard, inerenti għal tali pjan jew proġett, irrispettivament minn kwalunkwe impatt fuq l-imsemmi sit.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top