EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0631

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-10 ta’ Novembru 2022.
Taxi Horn Tours BV vs gemeente Weert et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Gerechtshof 's-Hertogenbosch.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2014/24/UE – Għoti ta’ kuntratti – Punt 10 tal-Artikolu 2(1) – Kunċett ta’ ‘operatur ekonomiku’ – Inklużjoni ta’ soċjetà f’isem kollettiv li ma għandhiex personalità ġuridika – Artikolu 19(2) u Artikolu 63 – Impriża konġunta jew użu tal-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra tas-soċji – Artikolu 59(1) – Obbligu li jiġi pprovdut dokument Ewropew ta’ akkwist uniku (DEAU) wieħed jew iktar – Finalità tad-DEAU.
Kawża C-631/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:869

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

10 ta’ Novembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2014/24/UE – Għoti ta’ kuntratti – Punt 10 tal-Artikolu 2(1) – Kunċett ta’ ‘operatur ekonomiku’ – Inklużjoni ta’ soċjetà f’isem kollettiv li ma għandhiex personalità ġuridika – Artikolu 19(2) u Artikolu 63 – Impriża konġunta jew użu tal-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra tas-soċji – Artikolu 59(1) – Obbligu li jiġi pprovdut dokument Ewropew ta’ akkwist uniku (DEAU) wieħed jew iktar – Finalità tad-DEAU”

Fil-Kawża C‑631/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Gerechtshof ’s-Hertogenbosch (il-Qorti tal-Appell ta’ ’s-Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Ottubru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Ottubru 2021, fil-proċedura

Taxi Horn Tours BV

vs

gemeente Weert,

gemeente Nederweert,

Touringcars VOF,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Taxi Horn Tours BV, minn L. C. van den Berg, advocaat,

għal gemeente Weert u gemeente Nederweert, minn N. A. D. Groot, advocaat,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u M. H. S. Gijzen, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Ondrůšek u G. Wils, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2, 19, 59 u 63 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68), kif ukoll tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/7 tal‑5 ta’ Jannar 2016 li jistabbilixxi formola standard għad-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist (ĠU 2016, L 3, p. 16).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Taxi Horn Tours BV u, min-naħa l-oħra, il-gemeente Weert u l-gemeente Nederweert (il-Komun ta’ Weert u l-Komun ta’ Nederweert, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“Komuni”) kif ukoll Touringcars VOF, dwar l-għoti mill-Komuni ta’ kuntratt pubbliku ta’ trasport b’karozzi tal-linja lil din tal-aħħar.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2014/24

3

Il-premessi 14, 15 u 21 tad-Direttiva 2014/24 jiddikjaraw:

“(14)

Għandu jiġi ċċarat li l-kunċett ta’ ‘operaturi ekonomiċi’ għandu jiġi interpretat f’sens wiesa’ sabiex jinkludi kwalunkwe persuna u/jew entità li toffri t-twettiq ta’ xogħlijiet u/jew biċċa xogħol, il-provvista ta’ prodotti jew il-forniment ta’ servizzi fis-suq, irrispettivament mill-forma legali li taħtha jkunu għażlu li joperaw. Għalhekk, impriżi, fergħat, sussidjarji, sħubijiet, soċjetajiet kooperattivi, kumpanniji b’responsabbiltà limitata, universitajiet, pubbliċi jew privati, u forom oħra ta’ entitajiet minbarra persuni fiżiċi għandhom kollha jaqgħu taħt il-kunċett ta’ operatur ekonomiku, kemm jekk huma sew jekk mhumiex ‘persuni ġuridiċi’ fi kwalunkwe u f’kull ċirkostanza.

(15)

Għandu jiġi ċċarat li gruppi ta’ operaturi ekonomiċi, inkluż fejn ikunu ngħaqdu flimkien fil-forma ta’ assoċjazzjoni temporanja, jistgħu jipparteċipaw fil-proċeduri ta’ għoti mingħajr ma jkun meħtieġ minnhom li jieħdu xi forma legali speċifika. Sa fejn dan hu meħtieġ, pereżempju fejn hi mitluba responsabbiltà konġunta u diversa, forma speċifika tista’ tkun mitluba meta tali gruppi jingħataw il-kuntratt. […]

[…]

(21)

Kuntratti pubbliċi li jingħataw minn awtoritajiet kontraenti li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali u li jaqgħu fl-ambitu ta’ dawk l-attivitajiet huma koperti bid-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243)]. Madankollu, kuntratti mogħtija minn awtoritajiet kontraenti fil-kuntest tal-operazzjoni minnhom ta’ servizzi ta’ trasport marittimu, kostali jew fuq ix-xmajjar jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.”

4

Intitolat “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(10)   ‘operatur ekonomiku’ tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika jew entità pubblika jew grupp ta’ persuni u/jew entitajiet bħal dawn, inkluża kwalunkwe assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi, li joffru l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet u/jew xogħol, il-forniment ta’ prodotti jew il-forniment ta’ servizzi fis-suq;

[…]”

5

Intitolat “Prinċipji tal-akkwist”, l-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.”

6

Intitolat “Operaturi ekonomiċi”, l-Artikolu 19 tal-istess direttiva jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Gruppi ta’ operaturi ekonomiċi, inklużi assoċjazzjonijiet temporanji, jistgħu jipparteċipaw fil-proċeduri tal-akkwist. Dawn m’għandhomx jintalbu li jkollhom forma legali speċifika mill-awtoritajiet kontraenti sabiex jippreżentaw offerta jew talba ta’ parteċipazzjoni.

Fejn meħtieġ, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiċċaraw fid-dokumenti tal-akkwist kif gruppi ta’ operaturi ekonomiċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja jew l-abbiltà teknika u professjonali msemmija fl-Artikolu 58 dment li dan ikun ġustifikat minn raġunijiet oġġettivi u proporzjonat. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu termini standard dwar kif grupp ta’ operaturi ekonomiċi għandhom jilħqu dawk ir-rekwiżiti.

[…]”

7

L-Artikolu 59 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-mument tas-sottomissjoni ta’ talbiet għall-parteċipazzjoni jew tal-offerti, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jaċċettaw id-Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku (DEAU) li jikkonsisti minn awtodikjarazzjoni aġġornata bħala evidenza preliminari b’sostituzzjoni għal ċertifikati maħruġin minn awtoritajiet pubbliċi jew terzi persuni li jikkonfermaw li l-operatur ekonomiku rilevanti jissodisfa kwalunkwe waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

mhuwiex f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 57 li fihom l-operaturi ekonomiċi għandhom jew jistgħu jiġu esklużi;

(b)

jissodisfa l-kriterji rilevanti ta’ għażla li ġew stabbiliti skont l-Artikolu 58;

(c)

fejn applikabbli, jissodisfa r-regoli u l-kriterji oġġettivi li ġew stabbiliti skont l-Artikolu 65.

Fejn l-operatur ekonomiku jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra skont l-Artikolu 63, id-[DEAU] għandu jkun fih ukoll l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu fir-rigward tat-tali entitajiet.

Id-[DEAU] għandu jikkonsisti f’dikjarazzjoni formali mill-operatur ekonomiku li r-raġuni rilevanti għall-esklużjoni ma tapplikax u/jew li l-kriterju rilevanti ta’ għażla huwa ssodisfat u għandu jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kif meħtieġa mill-awtorità kontraenti. Id-[DEAU] għandu wkoll jidentifika l-awtorità pubblika jew it-terza persuna responsabbli għall-ħruġ tad-dokumenti ta’ sostenn u għandu jkun fih dikjarazzjoni formali li jgħid li l-operatur ekonomiku ser ikun jista’, fuq talba u mingħajr dewmien, jipprovdi dawk id-dokumenti ta’ sostenn.

Fejn l-awtorità kontraenti tista’ takkwista d-dokumenti ta’ sostenn direttament permezz ta’ aċċess għal database skont il-paragrafu 5, id-[DEAU] għandu wkoll ikun fih l-informazzjoni meħtieġa għal dan l-iskop, bħall-indirizz tal-Internet tad-database, kwalunkwe data ta’ identifikazzjoni u, fejn applikabbli, id-dikjarazzjoni neċessarja tal-kunsens.

L-operaturi ekonomiċi jistgħu jerġgħu jużaw id-[DEAU] li jkun diġà ntuża f’ proċedura ta’ akkwist preċedenti, dment li jikkonfermaw li l-informazzjoni li fih għadha korretta.”

8

L-Artikolu 63 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dipendenza fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fir-rigward tal-kriterji relatati mal-qagħda ekonomika u finanzjarja kif stabbilit skont l-Artikolu 58(3), u l-kriterji relatati mal-abbiltà teknika jew professjonali kif stabbilit skont l-Artikolu 58(4), operatur ekonomiku jista’, fejn dan ikun adegwat u għal kuntratt partikolari, jiddependi fuq il-kapaċitjiet ta’ entitajiet oħra, irrilevanti min-natura legali tar-rabtiet li għandu magħhom. Fir-rigward tal-kriterji relatati mal-kwalifiki edukattivi u professjonali kif jinsabu fil-punt (f) tal-Anness XII Parti II jew l-esperjenza professjonali rilevanti, l-operaturi ekonomiċi jistgħu madankollu jiddependu biss fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra meta dawn tal-aħħar ser iwettqu l-ħidmiet jew is-servizzi li għalihom huma meħtieġa dawn il-kapaċitajiet. Meta operatur ekonomiku jkun irid jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, dan għandu jagħti prova lill-awtorità kontraenti li huwa ser ikollu r-riżorsi meħtieġa għad-dispożizzjoni tiegħu, pereżempju, billi jippreżenta impenn minn dawk l-entitajiet għal dan il-għan.

L-awtorità kontraenti għandha, f’konformità mal-Artikoli 59, 60 u 61, tivverifika jekk l-entitajiet li fuq il-kapaċità tagħhom l-operatur ekonomiku għandu l-intenzjoni li jiddependi, jissodisfawx il-kriterji ta’ għażla rilevanti u jekk hemmx raġunijiet għal esklużjoni skont l-Artikolu 57. L-awtorità kontraenti għandha tesiġi li l-operatur ekonomiku jissostitwixxi entità li ma tissodisfax kriterju ta’ għażla rilevanti, jew li fir-rigward tagħha hemm raġunijiet obbligatorji għal esklużjoni. L-awtorità kontraenti tista’ tesiġi jew tintalab minn Stat Membru biex tesiġi li l-operatur ekonomiku jissostitwixxi entità li fir-rigward tagħha hemm raġunijiet mhux obbligatorji għal esklużjoni.

Fejn operatur ekonomiku jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħrajn fir-rigward ta’ kriterji relatati mal-pożizzjoni ekonomika u finanzjarja, l-awtorità kontraenti tista’ tesiġi li l-operatur ekonomiku u dawk l-entitajiet ikunu responsabbli b’mod konġunt għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

Taħt l-istess kondizzjonijiet, grupp ta’ operaturi ekonomiċi kif imsemmi fl-Artikolu 19(2) jista’ jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ parteċipanti fil-grupp jew ta’ entitajiet oħra.”

Id‑Direttiva 2014/25

9

Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/25, intitolat “Servizzi tat-trasport”:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-forniment jew it-tħaddim ta’ netwerks li jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija, b’sistemi awtomatizzati, bit-tramway, bit-trolley bus, bil-karozza tal-linja jew bil-kejbil.

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi tat-trasport, għandu jiġi kkunsidrat li hu stabbilit netwerk fejn is-servizz ikun ipprovdut f’kondizzjonijiet ta’ tħaddim preskritti minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, bħal kondizzjonijiet fuq ir-rotot li għandhom jiġu servuti, il-kapaċità li għandha tkun disponibbli jew il-frekwenza tas-servizz.”

Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/7

10

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/7 jiddikjara, fil-premessa 1 tiegħu:

“Wieħed mill-għanijiet ewlenin tad-Direttivi [2014/24] u [2014/25] huwa li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi tal-awtoritajiet kontraenti, l-entitajiet kontraenti u l-operaturi ekonomiċi, mhux l-inqas għall-intrapriżi żgħar u medji. Element ewlieni ta’ dan l-isforz huwa d-[DEAU]. Il-formola standard [tad-DEAU] għandha konsegwentement tiġi abbozzata b’tali mod li tiġi evitata l-ħtieġa li jiġu ppreżentati għadd sostanzjali ta’ ċertifikati jew dokumenti oħra relatati mal-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla. Għall-istess raġuni, il-formola standard għandha wkoll tipprovdi l-informazzjoni rilevanti fir-rigward tal-entitajiet li l-operatur ekonomiku jiddependi fuq il-kapaċitajiet tagħhom, sabiex il-verifika ta’ dik l-informazzjoni tkun tista’ ssir flimkien mal-verifika fir-rigward tal-operatur ekonomiku prinċipali u bl-istess kundizzjonijiet.”

11

Intitolat “Istruzzjonijiet”, l-Anness 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Id-[DEAU] huwa awtodikjarazzjoni mill-operaturi ekonomiċi li tipprovdi evidenza preliminari li tissostitwixxi ċertifikati maħruġin minn awtoritajiet pubbliċi jew terzi persuni. Kif stipulat fl-Artikolu 59 tad-Direttiva [2014/24], hija stqarrija formali mill-operatur ekonomiku li ma jkunx f’waħda mis-sitwazzjonijiet li minħabba fihom operaturi ekonomiċi għandhom jew jistgħu jkunu esklużi; li jissodisfa l-kriterji tal-għażla rilevanti u li, meta applikabbli, jissodisfa r-regoli u l-kriterji objettivi li jkunu ġew stabbiliti għall-fini tal-limitazzjoni tal-għadd ta’ kandidati li mill-bqija jkunu kkwalifikati biex ikunu mistiedna jieħdu sehem. L-għan tad-dokument huwa li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi li jirriżultaw mill-ħtieġa li jinħareġ għadd sostanzjali ta’ ċertifikati jew dokumenti oħra relatati mal-kriterji ta’ esklużjoni u tal-għażla.

[…]

L-operaturi ekonomiċi jistgħu jiġu esklużi mill-proċedura ta’ akkwist jew ikunu soġġetti għal prosekuzzjoni skont il-liġi nazzjonali f’każijiet ta’ dikjarazzjonijiet foloz meta jimlew id-[DEAU] jew, ġeneralment, fl-għoti tal-informazzjoni rikjesta għall-verifika tan-nuqqas ta’ raġunijiet għall-esklużjoni jew l-issodisfar tal-kriterji tal-għażla, jew fejn tali informazzjoni tkun miżmuma jew l-operaturi ekonomiċi ma jkunux jistgħu jippreżentaw dokumenti ta’ prova.

L-operaturi ekonomiċi jistgħu jerġgħu jużaw l-informazzjoni pprovduta f’[DEAU] li jkun diġà ntuża fi proċedura ta’ akkwist preċedenti, dment li l-informazzjoni li fih tkun għadha korretta tibqa’ pertinenti. L-eħfef mod biex dan isir huwa billi l-informazzjoni tiddaħħal fid-[DEAU] l-ġdid permezz tal-użu tal-funzjonalitajiet xierqa pprovduti għal dak l-għan fis-servizz elettroniku tad-[DEAU]. Naturalment, l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni permezz ta’ forom oħra ta’ informazzjoni copy-paste, pereżempju informazzjoni maħżuna fit-tagħmir tal-IT tal-operatur ekonomiku (PCs, tablets, servers …), ikun possibbli wkoll.

[…]

Kif intqal fuq, id-[DEAU] jikkonsisti f’dikjarazzjoni formali mill-operatur ekonomiku li r-raġunijiet rilevanti għall-esklużjoni ma japplikawx, li l-kriterji rilevanti tal-għażla huma ssodisfati u li d-dikjarazzjoni qed tipprovdi l-informazzjoni rilevanti kif meħtieġa mill-awtorità kontraenti jew entità kontraenti.

[…]

Operatur ekonomiku li jipparteċipa waħdu u li ma jiddependix fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra sabiex jissodisfa l-kriterji tal-għażla, irid jimla [DEAU] wieħed.

Operatur ekonomiku li jipparteċipa waħdu u li jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra jew aktar irid jiżgura li l-awtorità kontraenti jew entità kontraenti tirċievi d-[DEAU] proprju tiegħu, flimkien ma’ [DEAU] separat li jistipula l-informazzjoni rilevanti […] għal kull waħda mill-entitajiet li jiddependi minnhom.

Fl-aħħar nett, meta gruppi ta’ operaturi ekonomiċi, inklużi assoċjazzjonijiet temporanji, jipparteċipaw flimkien fil-proċedura ta’ akkwist, irid jingħata [DEAU] separat li jispeċifika l-informazzjoni meħtieġa skont il-Partijiet minn II sa V għal kull wieħed minn dawn l-operaturi ekonomiċi li jkunu qed jipparteċipaw.

F’kull każ fejn aktar minn persuna waħda tkun membru tal-korp amministrattiv, ta’ ġestjoni jew superviżorju ta’ operatur ekonomiku jew ikollha setgħat ta’ rappreżentazzjoni, deċiżjoni jew kontroll fih, jista’ jagħti l-każ li kull wieħed minnhom ikollu jiffirma l-istess [DEAU], inklużi dawk li jirregolaw il-protezzjoni tad-dejta.

[…]”

Id‑dritt tal‑Pajjiżi l‑Baxxi

Il‑Liġi dwar il‑Kuntratti Pubbliċi

12

L-Aanbestedingswet (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi), tal‑1 ta’ Novembru 2012 (Stb. 2012, Nru 542), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi”), tittrasponi fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi d-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri tal-akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19) u d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132). Ċerti suġġetti ta’ din il-liġi huma rregolati mill-Besluit van 11 februari 2013, houdende de regeling van enkele onderwerpen van de Aanbestedingswet 2012 (Aanbestedingsbesluit) (id-Digriet tal-11 ta’ Frar 2013 li Jirregola Ċerti Suġġetti tal-Liġi tal-2012 dwar il-Kuntratti Pubbliċi], li jipprovdi, fl-Artikolu 2 tiegħu:

“1.   L-awtodikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 2.84 [tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi] għandha tinkludi minn tal-inqas l-informazzjoni segwenti:

a.

informazzjoni dwar l-awtorità kontraenti jew l-impriża li topera f’settur speċjali u dwar il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt;

b.

informazzjoni dwar l-operatur ekonomiku;

c.

dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet ta’ esklużjoni;

d.

dikjarazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ kapaċità u dikjarazzjoni dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni marbuta mal-ambjent;

e.

dikjarazzjoni dwar il-mod kif il-kriterji ta’ selezzjoni huma ssodisfatti;

f.

dikjarazzjoni dwar l-eżattezza tal-awtodikjarazzjoni kompleta u s-setgħat tal-firmatarju;

g.

id-data u l-firma.

[…]

3.   Il-mudell jew il-mudelli tal-awtodikjarazzjoni għandhom jiġu stabbilit permezz ta’ digriet ministerjali.”

13

Mill-Artikolu 2.52 ta’ il-liġi jirriżulta li:

“[…]

3.   Assoċjazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi tista’ tagħmel offerta jew tippreżenta ruħha bħala kandidata.

4.   L-awtorità kontraenti ma tistax tobbliga lil assoċjazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi jkollha forma ġuridika partikolari sabiex tagħmel offerta jew sabiex titlob li tipparteċipa.”

14

L-Artikolu 2.84 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi jipprevedi:

“1.   Awtodikjarazzjoni hija dikjarazzjoni magħmula minn operatur ekonomiku li fiha jindika:

a.

jekk ir-raġunijiet ta’ esklużjoni japplikawx għalih;

b.

jekk jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ kapaċità meħtieġa fl-avviż jew fid-dokumenti tal-kuntratt;

c.

jekk josservax jew jekk huwiex ser josserva l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni li jirrigwardaw l-ambjent u l-benesseri tal-annimali jew li huma bbażati fuq kunsiderazzjonijiet soċjali;

d.

jekk jissodisfax il-kriterji ta’ selezzjoni u, jekk ikun il-każ, b’liema mod.

2.   Id-data u l-informazzjoni li tista’ tintalab f’dikjarazzjoni u l-mudell jew il-mudelli ta’ din id-dikjarazzjoni għandhom jiġu ddeterminati permezz jew bis-saħħa ta’ digriet amministrattiv ta’ portata ġenerali.”

15

Skont l-Artikolu 2.85 ta’ din il-liġi:

“1.   L-awtorità kontraenti għandha teżiġi li operatur ekonomiku jipprovdi, insostenn tat-talba tiegħu għal parteċipazzjoni jew tal-offerta tiegħu, awtodikjarazzjoni li tkun konformi mal-mudell previst għal dan il-għan, u għandha tispeċifika f’dan ir-rigward id-data u l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fiha.

2.   L-awtorità kontraenti ma għandhiex teżiġi li operatur ekonomiku jipprovdi, insostenn tat-talba tiegħu għal parteċipazzjoni jew tal-offerta tiegħu, data u informazzjoni permezz ta’ mezz ieħor għajr l-awtodikjarazzjoni, jekk id-data jew din l-informazzjoni jkunu jistgħu jintalbu fiha.

3.   L-awtorità kontraenti tista’ biss titlob lil operatur ekonomiku jannetti mal-awtodikjarazzjoni tiegħu dokumenti ta’ sostenn li ma jikkonċernawx id-data u l-informazzjoni li tista’ tintalab fl-awtodikjarazzjoni, sakemm dawn ma jkunux dokumenti ta’ sostenn imsemmija fl-Artikolu 2.93(1)(a), sa fejn huma inklużi fil-lista li tinsab fih, jew fl-Artikolu 2.93(1)(b).

4.   Operatur ekonomiku msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jista’ jipprovdi awtodikjarazzjoni li tkun diġà ntużat, bil-kundizzjoni li jikkonferma li l-informazzjoni inkluża fiha tkun għadha valida.”

Il‑Kodiċi Ċivili

16

Skont l-Artikolu 7A:1655 tal-Burgerlijk Wetboek (il-Kodiċi Ċivili):

“Soċjetà sempliċi hija kuntratt li permezz tiegħu żewġ persuni jew iktar jimpenjaw ruħhom li jagħmlu xi ħaġa komuni, sabiex jaqsmu bejniethom il-profitt li jirriżulta minnha.”

Il‑Kodiċi tal‑Kummerċ

17

L-Artikolu 16 tal-Wetboek van Koophandel (il-Kodiċi tal-Kummerċ) jipprovdi:

“Soċjetà f’isem kollettiv hija soċjetà sempliċi konkluża sabiex tiġi eżerċitata attività kummerċjali taħt isem komuni.”

18

Skont l-Artikolu 17(1) ta’ dan il-kodiċi:

“Kull wieħed mis-soċji, li ma jkunx ġie mċaħħad mis-setgħa ta’ rappreżentazzjoni, huwa awtorizzat jaġixxi, jagħmel spejjeż u jirċievi fondi f’isem is-soċjetà u huwa awtorizzat jorbotha fil-konfront ta’ terzi u jorbot lil terzi fil-konfront tas-soċjetà.”

19

Mill-Artikolu 18 tal-imsemmi kodiċi jirriżulta:

“Fis-soċjetajiet f’isem kollettiv, kull wieħed mis-soċji huwa responsabbli in solidum għall-obbligi tal-kumpannija.”

It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

20

Taxi Horn Tours żgurat, sal‑1 ta’ Awwissu 2019, it-trasport tal-istudenti tal-edukazzjoni primarja fil-kuntest ta’ korsijiet ta’ edukazzjoni fiżika (iktar ’il quddiem it-“trasport tal-klassi tal-ġinnastika”), b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku li kien ingħatalha mill-Komuni.

21

Peress li ddeċidew li ma jestendux dan il-kuntratt, il-Komuni organizzaw proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa ta’ interess Ewropew għat-trasport tal-klassi tal-ġinnastika għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2020 sal-aħħar tas-sena skolastika 2027/2028. Il-kriterju tal-għoti kien dak tal-iktar offerta vantaġġuża minn perspettiva ekonomika.

22

Gwida għal dan il-kuntratt pubbliku stabbilita mill-Komuni kienet tipprevedi b’mod partikolari li, sabiex tiġi ggarantita l-eżattezza u l-validità tal-offerta, aġent awtorizzat sabiex jirrappreżenta u jorbot lill-impriża kellu jiffirma d-DEAU, l-offerta u l-annessi tagħha. Barra minn hekk, il-gruppi ta’ impriżi tat-trasport li jagħmlu offerta kellhom jinnominaw persuna ta’ kuntatt. Kull membru ta’ tali grupp kellu jkun responsabbli in solidum għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ trasport. Fl-aħħar nett, din il-gwida kienet tispeċifika li l-offerta kellha tkun kompleta u kellha tinkludi b’mod partikolari DEAU debitament ikkompletat u ffirmat b’mod validu.

23

Il-Komuni, li kienu rċevew żewġ offerti, waħda mingħand Touringcars u l-oħra mingħand Taxi Horn Tours, informaw lil din tal-aħħar bl-intenzjoni tagħhom li jagħtu l-kuntratt lil Touringcars.

24

Għaldaqstant, Taxi Horn Tours ressqet talba għal miżuri provviżorji quddiem ir-Rechtbank Limburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Limburg, il-Pajjiżi l-Baxxi) intiża, minn naħa, sabiex tiġi eskluża l-offerta ta’ Touringcars u, min-naħa l-oħra, sabiex il-kuntratt jingħata lilha.

25

Wara li din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Frar 2020, il-Komuni kkonkludew kuntratti ma’ Touringcars għat-trasport tal-klassi tal-ġinnastika mill‑1 ta’ Marzu 2020.

26

Taxi Horn Tours appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Gerechtshof ’s-Hertogenbosch (il-Qorti tal-Appell ta’ ’s-Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-qorti tar-rinviju. Dik il-qorti tirrileva li l-offerta ta’ Touringcars kienet ġiet ippreżentata minn F, li ppreżenta wkoll DEAU f’isem din is-soċjetà. Qamet għalhekk il-kwistjoni ta’ jekk Touringcars kinitx awtorizzata tipprovdi DEAU wieħed għal din is-soċjetà f’isem kollettiv jew jekk kienx meħtieġ li kull soċju jipprovdu DEAU għalih stess.

27

F’dan ir-rigward, Taxi Horn Tours issostni li Touringcars hija assoċjazzjoni permanenti bejn l-impriżi taż-żewġ soċji tagħha u, għaldaqstant, hija grupp ta’ impriżi. Barra minn hekk, l-aġir u d-dikjarazzjonijiet taż-żewġ soċji għandhom jiġu evalwati fid-dawl tad-DEAU tagħhom stess.

28

Għall-kuntrarju, il-Komuni jipproponu li ssir distinzjoni bejn l-assoċjazzjonijiet temporanji u l-assoċjazzjonijiet permanenti. Huma jsostnu li l-kunċett ta’ “grupp ta’ operaturi ekonomiċi”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi, jirreferi għal assoċjazzjoni temporanja. Issa, soċjetà f’isem kollettiv hija assoċjazzjoni, bħal dik imsemmija fil-premessa 14 tad-Direttiva 2014/24, u għalhekk, meqjusa fit-totalità tagħha, ma tikkostitwixxix grupp ta’ operaturi ekonomiċi iżda operatur ekonomiku wieħed. Barra minn hekk, skont il-Komuni, l-evalwazzjoni li għandha ssir fir-rigward tas-soċji tista’ ssir fir-rigward tal-punt A tal-Parti III tad-DEAU dwar ir-raġunijiet ta’ esklużjoni, li jeżiġi li l-operaturi ekonomiċi għandhom isemmu r-raġunijiet marbuta ma’ kundanni kriminali.

29

Il-qorti tar-rinviju tindika li Touringcars, ikkostitwita fl‑1 ta’ Jannar 2011 għal żmien indeterminat, hija soċjetà f’isem kollettiv irreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ. Hija timpjega 82 persuna u għandha bħala attivitajiet “it-trasport okkażjonali tal-passiġġieri bit-triq, it-trasport bit-taxi u l-kummerċ u t-tiswija ta’ vetturi tal-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali ħfief”. Is-soċji ta’ Touringcars huma K BV, li timpjega 39 persuna, u F Touringcars BV, li, min-naħa tagħha, ma għandhiex impjegati. F huwa d-direttur ta’ Touringcars u għandu mandat ġenerali. Iż-żewġ soċji joperaw l-impriża tat-trasport rispettiva tagħhom. K huwa l-amministratur ta’ K BV, filwaqt li F huwa l-mandatarju ta’ K BV u jżomm it-titolu ta’ direttur kummerċjali. Fl-aħħar nett, l-unika amministratriċi u azzjonista ta’ F Touringcars BV hija F Beheer BV, li l-uniku amministratur u azzjonist tagħha huwa F.

30

Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Jananr 2020, K iddikjara li ta lil F, f’Jannar 2011, mandat ġenerali, fil-kwalità ta’ amministratur awtorizzat jaġixxi waħdu u b’mod awtonomu, sabiex jirrappreżenta lil K BV. Minn dak iż-żmien lil hawn, F jieħu ħsieb l-amministrazzjoni kollha ta’ din il-kumpannija. Fl-istess żmien, K BV ħolqot, flimkien ma’ F Touringcars BV, soċjetà f’isem kollettiv bl-isem “Touringcars VOF”. Fil-kuntest ta’ din is-soċjetà tal-aħħar, F u K jikkonsultaw bejniethom b’mod regolari, iżda l-impriża effettivament titmexxa minn F.

31

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li soċjetà f’isem kollettiv hija, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 16 tal-Kodiċi tal-Kummerċ u tal-Artikolu 7A:1655 tal-Kodiċi Ċivili, kuntratt li għandu bħala suġġett il-kooperazzjoni bejn żewġ persuni jew iktar li jintrabtu li jagħmlu xi ħaġa komuni, bil-għan li tiġi eżerċitata attività kummerċjali taħt isem komuni u bil-għan li jinkiseb profitt komuni.

32

L-imsemmija qorti ssemmi, barra minn hekk, sentenza tad‑19 ta’ April 2019 li fiha l-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet, l-ewwel, li soċjetà f’isem kollettiv hija relazzjoni ġuridika kuntrattwali konkluża bil-għan li tiġi eżerċitata attività kummerċjali taħt isem komuni fil-kuntest ta’ assoċjazzjoni fit-tul. Għalkemm is-soċjetà f’isem kollettiv ma għandhiex personalità ġuridika, il-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza tal-Pajjiżi l-Baxxi jagħtuha, sa ċertu punt, meta taġixxi fir-relazzjonijiet ġuridiċi, pożizzjoni indipendenti meta mqabbla mas-soċji meħuda separatament. Huwa għalhekk li soċjetà f’isem kollettiv jista’ jkollha locus standi f’isimha stess jew tista’ tiġi ddikjarata falluta f’isimha stess. It-tieni, skont il-qorti tar-rinviju, l-assenza ta’ personalità ġuridika għandha bħala konsegwenza li s-soċjetà f’isem kollettiv ma hijiex hija stess id-detentur ta’ drittijiet suġġettivi u ta’ obbligi. Meta soċju jaġixxi f’isem is-soċjetà f’isem kollettiv, huwa jagħmel dan f’isem is-soċji kollha ta’ din tal-aħħar (iktar ’il quddiem is-“soċji kollha”) u jkun qiegħed jorbothom. Kuntratt konkluż ma’ soċjetà f’isem kollettiv għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala konkluż mas-soċji kollha fil-kwalità tagħhom ta’ soċji. It-tielet, peress li l-Artikolu 18 tal-Kodiċi tal-Kummerċ jipprovdi li kull wieħed mis-soċji huwa responsabbli in solidum għall-obbligi tas-soċjetà, kull soċju huwa responsabbli għall-obbligi kollha tas-soċji kollha. Ir-raba’, il-kreditur tas-soċji kollha jista’ jaġixxi kemm kontra s-soċji kollha kif ukoll kontra kull soċju meħud separatament. B’hekk, il-kreditur tas-soċjetà għandu, kontra kull soċju, żewġ azzjonijiet konkorrenti, jiġifieri waħda fil-konfront tas-soċji kollha fir-rigward tal-patrimonju distint tas-soċjetà f’isem kollettiv u l-oħra fir-rigward tas-soċju personalment fir-rigward tal-patrimonju privat tiegħu.

33

Taxi Horn Tours issostni li Touringcars tuża riżorsi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha mill-impriżi tas-soċji kollha.

34

Il-qorti tar-rinviju għalhekk għandha dubju dwar jekk l-evalwazzjoni tal-kandidatura għal proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku ta’ entitajiet li jikkooperaw fit-tul f’impriża konġunta distinta tistax tkun limitata għall-impriża konġunta biss jew jekk għandhiex tirrigwarda wkoll lil kull waħda mill-persuni assoċjati. Għaldaqstant, hija tqis li għandu jiġi ddeterminat jekk operatur ekonomiku jistax sempliċement jipprovdi DEAU wieħed meta jkun kompost minn persuni fiżiċi u/jew ġuridiċi assoċjati.

35

Huwa f’dan il-kuntest li l-Gerechtshof ’s-Hertogenbosch (il-Qorti tal-Appell ta’ ’s-Hertogenbosch) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikoli 2, 19, 59 u 63 tad-Direttiva 2014/24 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/7 billi tagħmlilha d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Meta persuni (fiżiċi u/jew ġuridiċi) li jikkollaboraw bejniethom ikollhom impriża konġunta (f’dan il-każ, fil-forma ta’ soċjetà f’isem kollettiv):

kull persuna li tikkollabora [soċju] għandha tissottometti separatament [DEAU]; jew

kull persuna li tikkollabora u l-impriża konġunta tagħhom għandhom jissottomettu separatament [DEAU]; jew

hija biss l-impriża konġunta li għandha tissottometti [DEAU]?

2)

Ir-risposta għal din id-domanda tkun differenti:

skont jekk l-impriża konġunta tkunx temporanja jew le (jiġifieri, durabbli);

jekk il-persuni li jikkollaboraw ikunu, huma nfushom, operaturi ekonomiċi;

jekk il-persuni li jikkollaboraw joperaw l-impriżi proprji tagħhom li huma [analogi] għall-impriża konġunta, jew mill-inqas li huma attivi fl-istess suq bħal din tal-aħħar;

jekk l-impriża konġunta ma tkunx persuna ġuridika;

jekk l-impriża konġunta tista’ effettivament ikollha assi distinti (mill-assi tas-soċji) (u rkuprabbli);

skont jekk l-impriża konġunta hijiex awtorizzata taħt id-dritt nazzjonali li tirrappreżenta lill-persuni li jikkollaboraw fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet tad-[DEAU];

jekk taħt id-dritt nazzjonali, f’kumpannija f’isem kollettiv, huma s-soċji li jassumu l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt u li huma responsabbli in solidum għall-eżekuzzjoni tagħhom (u għaldaqstant mhux il-kumpannija f’isem kollettiv innfisha)?

3)

Fil-każ li diversi fatturi minn dawk imsemmija fid-domanda 2 hawn fuq ikunu rilevanti, kif jirrelataw bejniethom? Hemm ċerti fatturi li huma ta’ rilevanza ikbar minn fatturi oħra, jew li huma saħansitra ta’ rilevanza deċiżiva?

4)

Huwa ġust li f’impriża konġunta [DEAU] huwa f’kull każ mitlub minn persuna li tikkollabora, jekk għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt isir (ukoll) użu minn riżorsi li huma tal-impriża ta’ din il-persuna (bħal riżorsi tal-persunal u riżorsi għall-operat)?

5)

L-impriża konġunta għandha tissodisfa ċerti rekwiżiti sabiex tkun tista’ titqies bħala operatur ekonomiku uniku? Jekk iva, liema huma dawn ir-rekwiżiti? Jekk iva, liema huma dawn ir-rekwiżiti?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

36

Kif jirriżulta mill-premessa 21 tad-Direttiva 2014/24, il-kuntratti pubbliċi li jingħataw minn awtoritajiet kontraenti li joperaw fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tas-servizzi postali u li jaqgħu fl-ambitu ta’ dawn l-attivitajiet huma koperti bid-Direttiva 2014/25.

37

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 11 tagħha, id-Direttiva 2014/25 tapplika b’mod partikolari għall-“attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-forniment jew it-tħaddim ta’ netwerks li jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport […] bil-karozza tal-linja […]”.

38

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li la d-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas l-osservazzjonijiet bil-miktub sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettu li jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni humiex issodisfatti u, għaldaqstant, jekk din id-direttiva hijiex applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

39

Madankollu, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata ammissibbli peress li r-risposta għad-domandi magħmula tista’ tiġi fformulata b’mod identiku abbażi tad-Direttiva 2014/24 jew abbażi tad-Direttiva 2014/25 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Rudigier, C‑518/17, EU:C:2018:757, punt 44). Fil-fatt, il-premessi 17 u 18 kif ukoll il-punt 6 tal-Artikolu 2, l-Artikolu 37(2), l-Artikolu 79 u l-Artikolu 80(3) tad-Direttiva 2014/25 jikkorrispondu, essenzjalment, għall-premessi 14 u 15, kif ukoll għall-punt 10 tal-Artikolu 2(1), għall-Artikolu 19(2), għall-Artikolu 56(3), għall-Artikolu 59(1) u għall-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24.

40

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-qorti tar-rinviju ma ddeterminatx, qabel għamlet ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, liema waħda mid-Direttivi 2014/24 jew 2014/25 kienet applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali ma jistax idaħħal inkwistjoni l-preżunzjoni ta’ rilevanza li jgawdu minnha d-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali, li tista’ tingħeleb biss f’każijiet eċċezzjonali, b’mod partikolari meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpetazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija f’dawn id-domandi ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 61, u tat‑28 ta’ Novembru 2018, Amt Azienda Trasporti e Mobilità et, C‑328/17, EU:C:2018:958, punt 33).

Fuq il-mertu

41

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 59(1) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-punt 10 tal-Artikolu 2(1) u mal-Artikolu 63 ta’ din id-direttiva kif ukoll mal-Anness 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/7, għandux jiġi interpretat fis-sens li impriża konġunta, li, mingħajr ma tkun persuna ġuridika, ikollha l-forma ta’ soċjetà rregolata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru, li tkun irreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ tiegħu, li tista’ tkun twaqqfet kemm b’mod temporanju kif ukoll b’mod permanenti u li s-soċji kollha tagħha jkunu attivi fl-istess suq bħala u jkunu responsabbli in solidum għall-eżekuzzjoni tajba tal-obbligi li bihom tkun intrabtet, għandha tipprovdi lill-awtorità kontraenti DEUA tagħha stess u/jew id-DEUA ta’ kull wieħed mis-soċji kollha.

42

Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, skont it-termini tas-sbatax sa dsatax-il paragrafu tal-Anness 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/7:

“Operatur ekonomiku li jipparteċipa waħdu u li ma jiddependix fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra sabiex jissodisfa l-kriterji tal-għażla, irid jimla [DEAU] wieħed.

Operatur ekonomiku li jipparteċipa waħdu u li jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra jew aktar irid jiżgura li l-awtorità kontraenti jew entità kontraenti tirċievi d-[DEAU] proprju tiegħu, flimkien ma’ [DEAU] separat li jistipula l-informazzjoni rilevanti għal kull waħda mill-entitajiet li jiddependi minnhom.

Fl-aħħar nett, meta gruppi ta’ operaturi ekonomiċi, inklużi assoċjazzjonijiet temporanji, jipparteċipaw flimkien fil-proċedura ta’ akkwist, irid jingħata [DEAU] separat li jispeċifika l-informazzjoni meħtieġa skont il-Partijiet minn II sa V għal kull wieħed minn dawn l-operaturi ekonomiċi li jkunu qed jipparteċipaw.”

43

F’dan ir-rigward, mill-punt 10 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-premessa 14 tagħha, jirriżulta li l-kunċett ta’ “operatur ekonomiku” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ sabiex jinkludi b’mod partikolari kull persuna jew entità li toffri l-provvista ta’ servizzi fis-suq, tkun xi tkun il-forma ġuridika li fiha hija tkun għażlet li topera, indipendentement minn jekk humiex persuni ġuridiċi jew le.

44

Minn dan isegwi li soċjetà f’isem kollettiv, fis-sens tad-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, tista’ titqies li hija “operatur ekonomiku” fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva.

45

B’dan premess, l-imsemmija direttiva tadotta wkoll idea wiesgħa tal-kunċett ta’ “grupp ta’ operaturi ekonomiċi”. Fil-fatt, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(2) tal-istess direttiva, il-gruppi ta’ operaturi ekonomiċi, inklużi l-assoċjazzjonijiet temporanji, jistgħu jipparteċipaw fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi u l-awtoritajiet kontraenti ma jistgħux jobbligawhom li jkollhom forma legali partikolari sabiex jippreżentaw offerta jew talba għal parteċipazzjoni.

46

Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk soċjetà f’isem kollettiv, fis-sens tad-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, għandhiex titqies li hija operatur ekonomiku jew grupp ta’ operaturi ekonomiċi, fis-sens rispettivament tal-punt 10 tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2014/24.

47

F’dan ir-rigward, għall-kuntarju ta’ dak li sostnew il-Komuni, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-kunċett ta’ “grupp ta’ operaturi ekonomiċi”, fis-sens tal-Artikolu 19(2) ta’ din id-direttiva, ma jistax jiġi ristrett għall-assoċjazzjonijiet temporanji biss, bl-esklużjoni tal-gruppi jew tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li huma ta’ natura permanenti. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tkopri l-“[g]ruppi ta’ operaturi ekonomiċi, inklużi assoċjazzjonijiet temporanji”. Minn din il-formulazzjoni jirriżulta b’mod ċar li l-assoċjazzjonijiet temporanji jissemmew biss bħala eżempju. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “grupp ta’ operaturi ekonomiċi” ma jistax jiġi interpretat fis-sens li japplika biss għall-assoċjazzjonijiet temporanji. Għalhekk ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn il-gruppi ta’ operaturi ekonomiċi skont jekk għandhomx natura temporanja jew permanenti.

48

Barra minn hekk, mill-Artikolu 59(1) tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li d-DEAU għandu tliet finalitajiet. Fil-fatt, dan id-dokument huwa awtodikjarazzjoni aġġornata bħala prova a priori minflok ċertifikati maħruġa minn awtoritajiet pubbliċi jew minn terzi sabiex jikkonfermaw, l-ewwel, li l-operatur ekonomiku kkonċernat ma jinsabx f’waħda mis-sitwazzjonijiet, previsti fl-Artikolu 57 ta’ din id-direttiva, li għandha jew tista’ twassal għall-esklużjoni ta’ operatur, it-tieni, li dan l-operatur jissodisfa l-kriterji ta’ selezzjoni applikabbli stabbiliti skont l-Artikolu 58 tal-imsemmija direttiva u, it-tielet, jekk ikun il-każ, li huwa josserva r-regoli u l-kriterji oġġettivi stabbiliti skont l-Artikolu 65 tal-istess direttiva.

49

DEAU huwa b’hekk intiż li jagħti lill-awtorità kontraenti stampa preċiża u fidila tas-sitwazzjoni ta’ kull operatur ekonomiku li jitlob li jipparteċipa fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku jew li jkollu l-intenzjoni li jissottometti offerta. B’hekk, id-DEAU jimplimenta l-għan tal-Artikoli 57 u 63 tad-Direttiva 2014/24, li huwa li l-awtorità kontraenti tkun tista’ tiżgura ruħha mill-integrità u mill-affidabbiltà ta’ kull wieħed mill-offerenti u, għaldaqstant, mill-assenza ta’ ksur tar-rabta ta’ fiduċja mal-operatur ekonomiku kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2019, Meca, C‑41/18, EU:C:2019:507, punt 29, u tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Rad Service et, C‑210/20, EU:C:2021:445, punt 35).

50

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-indikazzjoni tar-riżorsi tas-soċji kollha ta’ impriża konġunta ma tinsabx fost l-informazzjoni li operatur ekonomiku għandu jindika fid-DEAU. Barra minn hekk, huwa irrilevanti li s-soċji kollha ta’ soċjetà f’isem kollettiv, fis-sens tad-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, huma attivi fl-istess qasam ta’ attivitajiet jew fl-istess suq bħal din tal-aħħar, peress li din l-informazzjoni ma tistax titressaq għall-attenzjoni tal-awtorità kontraenti permezz tad-DEAU tal-impriża konġunta.

51

Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ responsabbiltà in solidum bejn is-soċjetà f’isem kollettiv u s-soċji kollha ma hijiex biżżejjed sabiex l-awtorità kontraenti tkun f’pożizzjoni li tiżgura li l-kriterji ta’ selezzjoni kwalitattiva huma osservati. Fil-fatt, fl-istadju tal-eżami tal-ammissibbiltà tal-kandidaturi, l-awtorità kontraenti twettaq evalwazzjoni retrospettiva intiża li tevalwa jekk offerent għandux kwalitajiet li jippermettu eventwali eżekuzzjoni effettiva tal-kuntratt inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-assenza ta’ dawn il-kwalitajiet ma tistax tiġi kkumpensata bir-rabta ġuridika, ta’ natura prospettiva, li bis-saħħa tagħha l-membri ta’ soċjetà f’isem kollettiv huma legalment obbligati li jissodisfaw in solidum bejniethom l-obbligi ta’ tali soċjetà (digriet tat‑30 ta’ Settembru 2022, ĒDIENS & KM.LV, C‑592/21, mhux ippubblikat, EU:C:2022:746, punt 33).

52

Għalhekk, sabiex l-awtorità kontraenti tkun tista’ tiżgura ruħha mill-integrità tagħha, impriża konġunta, bħalma hija soċjetà f’isem kollettiv fis-sens tad-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, għandha ssemmi kull raġuni ta’ esklużjoni li tolqot lil kull wieħed mis-soċji kollha jew lil kull persuna impjegata minn wieħed mis-soċji kollha tagħha li huwa membru tal-korp amministrattiv, ta’ ġestjoni jew ta’ sorveljanza tal-impriża konġunta jew li għandha setgħa ta’ rappreżentanza, ta’ deċiżjoni jew ta’ kontroll fi ħdanha.

53

Barra minn hekk, sabiex tiġi ċċertifikata l-affidabbiltà tagħha, impriża konġunta, bħalma hija soċjetà f’isem kollettiv fis-sens tad-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, għandha titqies li tixtieq tipparteċipa, individwalment, fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku jew li tixtieq tissottometti offerta biss jekk turi li tista’ teżegwixxi l-kuntratt inkwistjoni billi tuża biss il-persunal u l-materjali tagħha, fi kliem ieħor ir-riżorsi li s-soċji kollha tagħha ttrasferewlha skont il-kuntratt ta’ soċjetà u li hija għandha għad-dispożizzjoni libera tagħha. F’tali ipoteżi, ikun biżżejjed għal din is-soċjetà li tipprovdi d-DEAU tagħha stess lill-awtorità kontraenti.

54

F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika sa fejn tali soċjetà tista’, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi marbuta mal-forma ġuridika tagħha bħala soċjetà bejn persuni kif ukoll tar-rabtiet eżistenti bejnha u bejn is-soċji kollha, taqa’ taħt dan il-każ.

55

Għall-kuntrarju, jekk, għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku, tali soċjetà tqis li ser ikollha tuża r-riżorsi tas-soċji kollha, hija għandha titqies li ser tuża l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, fis-sens tal-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24. F’tali każ, l-imsemmija soċjetà għandha tippreżenta, minbarra d-DEAU tagħha stess, dak ta’ kull wieħed mis-soċji kollha li jkollha l-intenzjoni tuża r-riżorsi tiegħu.

56

Huwa minnu li, kif sostnew il-Komuni, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni, il-premessa 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/7 tiddikjara li “[w]ieħed mill-għanijiet ewlenin tad-Direttivi [2014/24] u [2014/25] huwa li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi tal-awtoritajiet kontraenti, l-entitajiet kontraenti u l-operaturi ekonomiċi, mhux l-inqas għall-intrapriżi żgħar u medji. Element ewlieni ta’ dan l-isforz huwa d-[DEAU]. […]”.

57

Madankollu, dan l-għan li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi huwa biss wieħed mill-għanijiet ta’ dawn id-direttivi. B’hekk, huwa għandu b’mod partikolari jiġi kkonċiljat mal-għan li jiġi inkoraġġut l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni b’saħħitha u effettiva bejn l-operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw f’kuntratt pubbliku, li jagħmel parti mill-essenza stess tar-regoli tal-Unjoni dwar il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi u li huwa protett b’mod partikolari permezz tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Mejju 2017, Archus u Gama, C‑131/16, EU:C:2017:358, punt 25, kif ukoll tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Rad Service et, C‑210/20, EU:C:2021:445, punt 43).

58

L-obbligu għal impriża konġunta, bħalma hija soċjetà f’isem kollettiv fis-sens tad-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, li tippreżenta lill-awtorità kontraenti DEAU għaliha stess kif ukoll DEAU għal kull wieħed mis-soċji kollha tagħha, fil-każ fejn, għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku, hija tqis li ser ikollha tuża r-riżorsi tal-imsemmija soċji kollha, lanqas ma jista’ jmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li huwa ggarantit mill-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24, u dan iktar u iktar sa fejn, kif jirriżulta kemm mill-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 59(1) tad-Direttiva 2014/24 u kemm mill-Anness 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/7, l-operaturi ekonomiċi jistgħu jipprovdu DEAU li jkun diġà ntuża fi proċedura preċedenti, bil-kundizzjoni li jikkonfermaw li l-informazzjoni li tkun tinsab fih għadha valida u rilevanti.

59

Fl-aħħar nett, għalkemm huwa minnu li l-obbligu għal impriża konġunta, bħalma hija soċjetà f’isem kollettiv fis-sens tad-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, li tippreżenta d-DEAU tagħha stess kif ukoll DEAU għal kull soċju li jkollha l-intenzjoni tuża l-kapaċitajiet tiegħu jikkostitwixxi piż amministrattiv, dan l-obbligu fl-ebda każ ma jista’ jiġi assimilat ma’ obbligu li tibdel is-sistema ġuridika tagħha.

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 59(1) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-punt 10 tal-Artikolu 2(1) u mal-Artikolu 63 ta’ din id-direttiva, kif ukoll mal-Anness 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/7, għandu jiġi interpretat fis-sens li impriża konġunta, li, mingħajr ma tkun persuna ġuridika, ikollha l-forma ta’ soċjetà rregolata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru, li tkun irreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ tiegħu, li tista’ tkun twaqqfet kemm b’mod temporanju kif ukoll b’mod permanenti u li s-soċji kollha tagħha jkunu attivi fl-istess suq bħala u jkunu responsabbli in solidum għall-eżekuzzjoni tajba tal-obbligi li bihom tkun intrabtet, għandha tipprovdi lill-awtorità kontraenti d-DEUA tagħha stess biss meta jkollha l-intenzjoni tipparteċipa, fuq bażi individwali, fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku jew ikollha l-intenzjoni tissottometti offerta jekk turi li tista’ teżegwixxi l-kuntratt inkwistjoni billi tuża l-persunal u l-materjal tagħha biss. Għall-kuntrarju, jekk, għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku, din l-impriża konġunta tqis li ser ikollha tuża r-riżorsi proprji ta’ ċerti soċji, hija għandha titqies li ser tuża l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, fis-sens tal-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24, u għalhekk ikollha tissottometti, minbarra d-DEAU tagħha stess, id-DEAU ta’ kull soċju li jkollha l-intenzjoni tuża l-kapaċitajiet tiegħu.

Fuq l‑ispejjeż

61

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 59(1) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, moqri flimkien mal-punt 10 tal-Artikolu 2(1) u mal-Artikolu 63 ta’ din id-direttiva, kif ukoll mal-Anness 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/7 tal‑5 ta’ Jannar 2016 li jistabbilixxi formola standard għad-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

impriża konġunta, li, mingħajr ma tkun persuna ġuridika, ikollha l-forma ta’ soċjetà rregolata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru, li tkun irreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ tiegħu, li tista’ tkun twaqqfet kemm b’mod temporanju kif ukoll b’mod permanenti u li s-soċji kollha tagħha jkunu attivi fl-istess suq bħala u jkunu responsabbli in solidum għall-eżekuzzjoni tajba tal-obbligi li bihom tkun intrabtet, għandha tipprovdi lill-awtorità kontraenti d-dokument Ewropew ta’ akkwist uniku (DEUA) tagħha stess biss meta jkollha l-intenzjoni tipparteċipa, fuq bażi individwali, fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku jew ikollha l-intenzjoni tissottometti offerta jekk turi li tista’ teżegwixxi l-kuntratt inkwistjoni billi tuża l-persunal u l-materjal tagħha biss. Għall-kuntrarju, jekk, għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku, din l-impriża konġunta tqis li ser ikollha tuża r-riżorsi proprji ta’ ċerti soċji, hija għandha titqies li ser tuża l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, fis-sens tal-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24, u għalhekk ikollha tissottometti, minbarra d-DEAU tagħha stess, id-DEAU ta’ kull soċju li jkollha l-intenzjoni tuża l-kapaċitajiet tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top