Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0382

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-27 ta’ Frar 2024.
    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann GbR.
    Appell – Proprjetà intellettwali – Disinni Komunitarji – Trattat ta’ Kooperazzjoni dwar il-Privattivi (PCT) – Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ – Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali – Artikolu 4 – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Artikolu 41 – Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ disinn – Dritt ta’ prijorità – Talba għall-prijorità bbażata fuq applikazzjoni internazzjonali ppreżentata skont il-PCT – Terminu – Interpretazzjoni skont l-Artikolu 4 ta’ din il-konvenzjoni – Limiti.
    Kawża C-382/21 P.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:172

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    27 ta’ Frar 2024 ( *1 )

    “Appell – Proprjetà intellettwali – Disinni Komunitarji – Trattat ta’ Kooperazzjoni dwar il-Privattivi (PCT) – Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ – Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali – Artikolu 4 – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Artikolu 41 – Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ disinn – Dritt ta’ prijorità – Talba għall-prijorità bbażata fuq applikazzjoni internazzjonali ppreżentata skont il-PCT – Terminu – Interpretazzjoni skont l-Artikolu 4 ta’ din il-konvenzjoni – Limiti”

    Fil-Kawża C‑382/21 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit-23 ta’ Ġunju 2021,

    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Gája, D. Hanf, E. Markakis u V. Ruzek, bħala aġenti,

    rikorrent,

    sostnut minn:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Němečková, J. Samnadda u G. von Rintelen, bħala aġenti,

    intervenjenti fl-appell,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    The KaiKai Company Jaeger Wichmann GbR, stabbilita f’München (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Hellmann-Cordner, Rechtsanwältin, assistita minn T. Lachmann u F. Steinbach, Patentanwälte,

    rikorrenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan u N. Piçarra, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, P. G. Xuereb, L. S. Rossi (Relatriċi), I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen, N. Wahl, I. Ziemele u J. Passer, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

    Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑13 ta’ Marzu 2023,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali fis-seduta tat‑13 ta’ Lulju 2023,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tiegħu, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑14 ta’ April 2021, The KaiKai Company Jaeger Wichmann vs EUIPO (Apparat u tagħmir għall-ġinnastika u għall-isport) (T‑579/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2021:186), li permezz tagħha din annullat id-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO tat‑13 ta’ Ġunju 2019 (Każ R 573/2019–3).

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt internazzjonali

    Il‑Konvenzjoni ta’ Pariġi

    2

    Il-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali ġiet iffirmata f’Pariġi fl–20 ta’ Marzu 1883, irriveduta l-aħħar fi Stokkolma fl–14 ta’ Lulju 1967 u emendata fit–28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 11851, p. 305, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Pariġi”). L-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea huma firmatarji ta’ din il-konvenzjoni.

    3

    L-Artikolu 1(1) u (2) tal-imsemmija Konvenzjoni jipprovdi li:

    “1)   Il-pajjiżi li għalihom tapplika din il-Konvenzjoni jikkostitwixxu Unjoni għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali.

    2)   Il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali għandha bħala suġġett il‑privattivi għall-invenzjonijiet, il-mudelli utilitarji, id-disinni industrijali, it‑trade marks ta’ ditta jew ta’ negozju, it-trade marks għal servizzi, l-isem kummerċjali u l-indikazzjonijiet tal-provenjenza jew denominazzjonjiet ta’ oriġini, kif ukoll is-suppressjoni tal-kompetizzjoni mhux leċita.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    4

    L-Artikolu 4 tal-istess konvenzjoni jipprovdi li:

    “A.

    1) Kull persuna li tkun ippreżentat b’mod regolari applikazzjoni għal privattiva, mudell ta’ utilità, jew disinn industrijali, jew trademark ta’ ditta jew ta’ negozju, f’wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni [għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali], jew l-aventi kawża tagħha, tgawdi, għall-finijiet tal-preżentata fil-pajjiżi l-oħra, minn dritt ta’ prijorità matul il-perijodi stabbiliti iktar ’il quddiem.

    2) Kull preżentata li hija ekwivalenti għal preżentata regolari nazzjonali, skont il-liġi nazzjonali ta’ kull pajjiż tal-Unjoni [għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali] jew ta’ trattati bilaterali jew multilaterali konklużi bejn pajjiżi tal-Unjoni [għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali], għandha tiġi rrikonoxxuta bħala li tagħti lok għal dritt ta’ prijorità.

    […]

    C.

    1) Il-perijodi ta’ prijorità msemmija iktar ’il fuq ser ikunu ta’ tnax-il xahar għall-privattivi u l-mudelli ta’ utilità, u ta’ sitt xhur għad-disinni industrijali u għat-trade marks ta’ ditta jew ta’ negozju.

    2) Dawn il-perijodi jibdew jiddekorru mid-data tal-preżentata tal-ewwel applikazzjoni; il-jum tal-preżentata ma huwiex inkluż fil-perijodu.

    […]

    4) Applikazzjoni sussegwenti li għandha l-istess suġġett tal-ewwel applikazzjoni preċedenti fis-sens [tal-punt ]2 iktar ’il fuq, ippreżentata fl-istess pajjiż tal-Unjoni [għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali], għandha titqies bħala l-ewwel applikazzjoni li d-data tagħha għandha tkun il-bidu ta’ dekorrenza tat-terminu ta’ prijorità, bil-kundizzjoni li, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni sussegwenti, din l-applikazzjoni preċedenti tkun ġiet irtirata, abbandunata jew miċħuda, mingħajr ma tkun ġiet esposta għal spezzjoni pubblika u mingħajr ma tkun ħalliet drittijiet mhux sodisfatti, u sakemm ma tkunx intużat bħala bażi għal talba għad-dritt ta’ prijorità. L-applikazzjoni preċedenti ma tkunx tista’ iktar tintuża wara bħala bażi għal talba għal dritt ta’ prijorità.

    […]

    E.

    1) Meta disinn industrijali jkun ġie ppreżentat f’pajjiż bis-saħħa ta’ dritt ta’ prijorità bbażat fuq il-preżentata ta’ mudell ta’ utilità, il-perijodu ta’ prijorità jkun biss dak stabbilit għad-disinni industrijali.

    2) Barra minn hekk, jista’ jiġi ppreżentat f’pajjiż mudell ta’ utilità bis-saħħa ta’ dritt ta’ prijorità bbażat fuq il-preżentata ta’ applikazzjoni għal privattiva u viċe versa.

    […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    5

    L-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi huwa fformulat kif ġej:

    “Huwa mifhum li l-pajjiżi tal-Unjoni [għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali] jirriżervaw id-dritt li jadottaw b’mod separat, bejniethom, arranġamenti partikolari għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, sa fejn dawn l-arranġamenti ma jmorrux kontra d-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    6

    Skont l-Artikolu 25(1) ta’ din il-konvenzjoni:

    “Kull pajjiż li huwa parti minn din il-Konvenzjoni jintrabat li jadotta, skont il-kostituzzjoni tiegħu, il-miżuri neċessarji sabiex jiżgura l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Il‑Ftehim TRIPs

    7

    Il-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPs”), li jikkostitwixxi l-Anness 1C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), li ġie ffirmat f’Marrakech (il-Marokk) fil‑15 ta’ April 1994 u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80). Huma partijiet fil-Ftehim TRIPs il-Membri tal-WTO, fosthom l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Unjoni nnifisha.

    8

    L-Artikolu 2 ta’ dan il-ftehim, li jaqa’ taħt il-Parti I tiegħu, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Fir-rigward tal-Partijiet II, III u IV ta’ dan il-ftehim, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw ruħhom mal-Artikoli 1 sa 12, u l-Artikolu 19 tal-[Konvenzjoni ta’ Pariġi].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    9

    L-Artikolu 25 tal-imsemmi ftehim, li jaqa’ taħt il-Parti II tiegħu, jobbliga, fil-paragrafu 1 tiegħu, lill-membri tal-WTO jipprevedu l-protezzjoni tad-disinni industrijali maħluqa b’mod indipendenti li jkunu ġodda jew oriġinali.

    10

    L-Artikolu 62 tal-istess ftehim, li jikkostitwixxi l-Parti IV tiegħu, jikkonċerna b’mod partikolari l-akkwist tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

    Il-PCT

    11

    It-Trattat ta’ Kooperazzjoni dwar il-Privattivi ġie konkluż f’Washington fid‑19 ta’ Ġunju 1970 u emendat l-aħħar fit‑3 ta’ Ottubru 2001 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1160, Nru 18336, p. 231, iktar ’il quddiem il-“PCT”). L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma parti fil-PCT.

    12

    L-Artikolu 1(2) tal-PCT jipprovdi li:

    “L-ebda dispożizzjoni ta’ dan it-Trattat ma tista’ tiġi interpretata bħala li tirrestrinġi d-drittijiet previsti mill-[Konvenzjoni ta’ Pariġi] favur iċ-ċittadini tal-pajjiżi li huma partijiet f’din il-konvenzjoni jew persuni ddomiċiljati f’dawn il-pajjiżi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    13

    L-Artikolu 2 ta’ dan it-Trattat jipprovdi:

    “Għall-iskopijiet ta’ dan it-Trattat u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, u ħlief fejn ikun espressament indikat mod ieħor:

    i)

    ‘applikazzjoni’ tfisser applikazzjoni għal protezzjoni ta’ invenzjoni; kull referenza għal ‘applikazzjoni’ għandha tinftiehem bħala referenza għall-applikazzjonijiet għal privattivi għal invenzjoni, ċertifikati ta’ awtur ta’ invenzjoni, ċertifikati ta’ utilità, mudelli ta’ utilità, privattivi jew ċertifikati ta’ addizzjoni, ċertifikati ta’ awtur ta’ invenzjoni addizzjonali u ċertifikati ta’ utilità addizzjonali;

    ii)

    kull referenza għal ‘privattiva’ għandha tinftiehem bħala referenza għall-privattivi ta’ invenzjoni, għaċ-ċertifikati ta’ awturi ta’ invenzjoni, għaċ-ċertifikati ta’ utilità, għall-mudelli ta’ utilità, għall-privattivi jew għaċ-ċertifikati ta’ addizzjoni, għaċ-ċertifikati ta’ awtur ta’ invenzjoni addizzjonali u għaċ-ċertifikati ta’ utilità addizzjonali;

    […]

    vii)

    ‘applikazzjoni internazzjonali’ tfisser applikazzjoni magħmula skont dan it-Trattat;

    […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    14

    L-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Disinn Komunitarju jista’ jiġi ddikjarat invalidu fil-każijiet li ġejjin biss:

    […]

    (g)

    jekk id-disinn jikkostitwixxi użu mhux xieraq ta’ kull oġġett elenkat fl-Artikolu 6ter tal-[Konvenzjoni ta’ Pariġi], jew tal-badges, l-emblemi u l-armi tar-razza l-oħra għajr dawk koperti bl-Artikolu 6ter u li jkunu ta’ interess pubbliku partikolari fi Stat Membru.”

    15

    L-Artikolu 41 ta’ dan ir-regolament jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

    “1.   Persuna li tkun infilzat [ippreżentat] applikazzjoni kif dovut għad-dritt ta’ disinn jew għal mudell ta’ utilità fi jew għal Stat parti tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi dwar il-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, jew tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, jew is-suċċessuri tagħha fit-titolu, għandhom igawdu, bl-għan li jinfilzaw applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat rigward l-istess disinn, dritt tal-prijorità ta’ sitt xhur mid-data ta’ l-infilzar ta’ l-ewwel applikazzjoni.

    2.   Kull infilzar li jkun ekwivalenti għall-infilzar regolari nazzjonali skond il-liġijiet nazzjonali ta’ l-Istat fejn tkun intgħamlet jew skond ftehim bilaterali jew multi-nazzjonali għandhom jiġu rrikonoxxuti bħala li joħolqu dritt tal-prijorità.”

    Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

    16

    Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew spjegati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 12 sa 22 tas-sentenza appellata u jistgħu, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jitqassru bil-mod segwenti.

    17

    Fl-24 ta’ Ottubru 2018, The KaiKai Company Jaeger Wichmann GbR (iktar ’il quddiem “KaiKai”) ippreżentat quddiem l-EUIPO applikazzjoni għal reġistrazzjoni multipla fir-rigward ta’ tnax-il disinn Komunitarju (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni għal reġistrazzjoni inkwistjoni”), filwaqt li talbet, għal dawn id-disinni kollha, prijorità li kienet ibbażata fuq l-applikazzjoni internazzjonali PCT/EP2017/077469, ippreżentata, fis‑26 ta’ Ottubru 2017, skont il-PCT, lill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni internazzjonali tas‑26 ta’ Ottubru 2017 ippreżentata skont il-PCT”).

    18

    Permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Ottubru 2018, l-eżaminatur tal-EUIPO informa lil KaiKai li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni inkwistjoni kienet intlaqgħet fl-intier tagħha, iżda li d-dritt ta’ prijorità mitlub kien ġie rrifjutat għad-disinni kollha, peress li d-data tal-preżentata tal-applikazzjoni internazzjonali għal-privattiva tas‑26 ta’ Ottubru 2017 ippreżentata skont il-PCT kienet tippreċedi b’iktar minn sitt xhur id-data tal-preżentata ta’ din l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

    19

    Peress li KaiKai żammet l-talba tagħha għall-prijorità u peress li talbet deċiżjoni li tista’ tiġi appellata, l-eżaminatur, permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Jannar 2019, ċaħad id-dritt ta’ prijorità għad-disinni inkwistjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-eżaminatur”).

    20

    Insostenn ta’ din id-deċiżjoni, l-eżaminatur indika li, anki jekk applikazzjoni internazzjonali ppreżentata skont il-PCT setgħet, bħala prinċipju, tkun il-bażi ta’ dritt ta’ prijorità skont l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002, peress li d-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “privattiva” li tinsab fl-Artikolu 2 tal-PCT kienet tinkludi wkoll il-mudelli ta’ utilità msemmija f’dan l-Artikolu 41(1), it-talba għal tali dritt ta’ prijorità kienet ukoll suġġetta għal terminu ta’ sitt xhur, li ma kienx ġie osservat f’dan il-każ.

    21

    Fl‑14 ta’ Marzu 2019, KaiKai appellat quddiem l-EUIPO mid-deċiżjoni tal-eżaminatur.

    22

    Permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad dan l-appell. Huwa qies, essenzjalment, li l-eżaminatur kien għamel applikazzjoni korretta tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002, li kien jirrifletti b’mod fidil id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

    23

    Konsegwentement, il-Bord tal-Appell qies li KaiKai ma setgħetx tinvoka d-dritt ta’ prijorità abbażi tal-applikazzjoni internazzjonali tas‑26 ta’ Ottubru 2017 ippreżentata skont il-PCT ħlief fi żmien sitt xhur mid-data tal-preżentata tagħha, jiġifieri sas‑26 ta’ April 2018.

    Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

    24

    Permezz ta’ att ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Awwissu 2019, KaiKai ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tiegħu hija talbet:

    fir-rigward tal-ewwel, it-tielet u r-raba’ kapijiet tat-talbiet tagħha, li tannulla din id-deċiżjoni u li tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell u quddiem il-Qorti Ġenerali;

    fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet tagħha, tannulla d-deċiżjoni tal-eżaminatur u tirrikonoxxi d-dritt ta’ prijorità invokat, u

    sussidjarjament, fir-rigward tal-ħames kap tat-talbiet tagħha, li tinżamm seduta.

    25

    Insostenn tar-rikors tagħha, KaiKai qajmet żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali mill-Bord tal-Appell tal-EUIPO u, it-tieni wieħed, fuq interpretazzjoni kif ukoll fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 minnu.

    26

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, fil-punti 25 sa 33 tagħha, ċaħdet bħala inammissibbli t-tieni u l-ħames kap tat-talbiet ta’ KaiKai, u sussegwentement, fit-tieni lok, eżaminat il-fondatezza tat-tieni motiv tar-rikors.

    27

    Fl-ewwel lok, fil-punti 41 sa 50 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel parti ta’ dan il-motiv, ibbażata fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “mudell ta’ utilità”, fis-sens tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002.

    28

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, li l-argument ta’ KaiKai kien ambivalenti u ma kien jagħtiha l-ebda benefiċċju. Fil-punti 45 sa 47 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, fi kwalunkwe każ, l-“applikazzjonijiet internazzjonali għal privattiva” ippreżentati skont il-PCT kienu jinkludu l-mudelli ta’ utilità, peress li dan it-Trattat ma jagħmilx distinzjoni skont id-diversi drittijiet li permezz tagħhom id-diversi Stati kontraenti jagħtu l-protezzjoni tal-invenzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 49 u 50 tal-imsemmija sentenza, li, minkejja li l-formulazzjoni tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 ma kinitx tirrigwarda espressament t-talba għal dritt ta’ prijorità bbażat fuq privattiva, kien mingħajr ma wettaq żbalji ta’ liġi li l-Bord tal-Appell tal-EUIPO kien interpreta b’mod estensiv din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-istruttura tal-PCT, sabiex jittratta t-talba għal dritt ta’ prijorità bbażata fuq l-applikazzjoni internazzjonali tas‑26 ta’ Ottubru 2017 ippreżentata abbażi tal-PCT bħala rregolata mill-imsemmija dispożizzjoni fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dritt ta’ prijorità setax ikun ibbażat fuq tali applikazzjoni.

    29

    Fit-tieni lok, fil-punti 51 sa 87 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-terminu li fih jista’ jintalab tali dritt ta’ prijorità, tal-Artikolu 4(C)(1) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

    30

    Sabiex tagħmel dan, il-Qorti Ġenerali, qabelxejn, qieset, fil-punti 56 sa 66 ta’ dik is-sentenza, li, peress li l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 ma kienx jirregola l-kwistjoni tat-terminu sabiex tintalab il-prijorità ta’ “applikazzjoni internazzjonali għal privattiva” fil-kuntest ta’ applikazzjoni sussegwenti għal disinn u li din id-dispożizzjoni kellha l-għan li tirrendi dan ir-regolament konformi mal-obbligi tal-Unjoni li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Pariġi, kellu jintuża l-Artikolu 4 tagħha sabiex tiġi rrimedjata l-lakuna tal-imsemmi regolament. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 72 u 77 sa 85 tal-imsemmija sentenza, li, anki jekk din il-konvenzjoni lanqas ma kien fiha regoli espressi dwar il-perijodu ta’ prijorità applikabbli f’tali ipoteżi, mil-loġika inerenti għas-sistema tal-prijorità u mix-xogħlijiet preparatorji tal-imsemmija konvenzjoni jirriżulta madankollu li, bħala regola ġenerali, kienet in-natura tad-dritt preċedenti li kienet tiddetermina t-tul ta’ tali perijodu ta’ prijorità. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 86 tal-istess sentenza, li l-Bord tal-Appell tal-EUIPO kien wettaq żball ta’ liġi meta qies li t-terminu applikabbli għat-talba, minn KaiKai, għall-prijorità tal-applikazzjoni internazzjonali tas‑26 ta’ Ottubru 2017 ippreżentata skont il-PCT kien ta’ sitt xhur.

    31

    Konsegwentement, mingħajr ma eżaminat l-ewwel motiv, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, laqgħet ir-rikors sa fejn kien intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u, għaldaqstant, annullat dik id-deċiżjoni.

    Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet

    32

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fit‑23 ta’ Ġunju 2021 fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-EUIPO ppreżenta appell mis-sentenza appellata.

    33

    Permezz ta’ att ippreżentat fl-istess data, l-EUIPO talab, skont l-Artikolu 170a(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-appell tiegħu jiġi ammess, konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    34

    Permezz ta’digriet tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann (C‑382/21 P, EU:C:2021:1050), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-appell ġie ammess.

    35

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ April 2022, il-Kummissjoni Ewropea ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-EUIPO.

    36

    L-EUIPO jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha;

    tiċħad fl-intier tiegħu r-rikors fl-ewwel istanza kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, u

    tikkundanna lil KaiKai għall-ispejjeż sostnuti minnu fil-proċedura preżenti kif ukoll fil-proċedura fl-ewwel istanza.

    37

    KaiKai titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell bħala infondat u

    tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż sostnuti minnha fil-proċedura ta’ appell, fil-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll fil-proċedimenti tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO.

    38

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha;

    tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza fl-intier tiegħu, u

    tikkundanna lil KaiKai għall-ispejjeż tal-proċeduri preżenti.

    Fuq l‑appell

    L‑argumenti tal‑partijiet

    39

    Insostenn tal-appell tiegħu, l-EUIPO jinvoka aggravju uniku, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Dan l-aggravju huwa kompost minn tliet partijiet.

    40

    Permezz tal-ewwel parti, l-EUIPO jikkritika lill-Qorti Ġenerali li, fil-punti 56, 57 u 64 sa 66 tas-sentenza appellata, qieset b’mod żbaljat li l-fatt li din id-dispożizzjoni ma tipprevedix li applikazzjoni għal privattiva preċedenti tista’ sservi bħala bażi ta’ prijorità għal applikazzjoni għal disinn Komunitarju sussegwenti, u għalhekk ma tistabbilixxix il-perijodu li fih tali prijorità tista’ tintalab, jikkostitwixxi lakuna leġiżlattiva.

    41

    Fil-fatt, tali interpretazzjoni tmur manifestament kontra l-kliem mhux ekwivoku tal-imsemmija dispożizzjoni, li tistabbilixxi espressament kemm in-natura tad-drittijiet ta’ proprjetà industrijali biss li fuqhom tista’ tkun ibbażata talba għall-prijorità, jiġifieri disinn jew mudell ta’ utilità preċedenti, bl-esklużjoni ta’ privattiva, kif ukoll il-perijodu li fih tali prijorità tista’ tintalab, jiġifieri sitt xhur mid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni preċedenti.

    42

    Permezz tat-tieni parti tal-aggravju uniku, l-EUIPO jsostni li, billi rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ perijodu ta’ talba għall-prijorità ta’ tnax-il xahar, fil-punti 75 sa 86 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, sempliċement ma interpretatx l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 b’mod konformi mal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, iżda ċaħdet l-applikazzjoni tal-Artikolu 41(1) sabiex tissostitwixxiha b’dik tal-Artikolu 4. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali allegatament tat lil din id-dispożizzjoni tal-aħħar effett dirett fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

    43

    Issa, minn naħa, ir-rikonoxximent ta’ effett dirett lill-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jmur kontra l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI (C‑238/06 P, EU:C:2007:635, punti 37 sa 44), li tipprovdi li kemm id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi kif ukoll dawk tal-Ftehim TRIPs, li permezz tiegħu l-Unjoni hija marbuta b’din il-konvenzjoni, huma nieqsa minn effett dirett. Barra minn hekk, l-assenza ta’ effett dirett tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi tirriżulta wkoll mill-Artikolu 25 tagħha, kif jirriżulta, b’analoġija, mis-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, SCF (C‑135/10, EU:C:2012:140, punti 4748). Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, ir-regola stabbilita mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata ma tistax tiġi dedotta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4 ta’ din il-konvenzjoni, b’tali mod li r-rekwiżiti ta’ ċarezza, ta’ preċiżjoni u ta’ inkundizzjonalità stabbiliti mill-ġurisprudenza fil-qasam tal-applikabbiltà diretta tad-dritt internazzjonali fid-dritt tal-Unjoni, li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et (C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 45), ma humiex issodisfatti.

    44

    Il-Kummissjoni żżid tgħid, fl-istess sens, li l-limiti stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-obbligu ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali konformi mad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 25), japplikaw ukoll għall-Qorti Ġenerali meta tinterpreta l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi. Għaldaqstant, peress li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tmur kontra l-kliem ċar ta’ din id-dispożizzjoni, il-Qorti Ġenerali fir-realtà applikat direttament din il-konvenzjoni, minkejja li din ma tistax tipproduċi effett dirett, anki permezz tal-Ftehim TRIPs.

    45

    B’mod partikolari, il-Kummissjoni tqis li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenzi tat‑23 ta’ Novembru 1999, Il‑Portugall vs Il‑Kunsill (C‑149/96, EU:C:1999:574, punt 49) kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Rusal Armenal (C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punti 4041), li tirrikonoxxi, bħala eċċezzjoni, l-applikabbiltà diretta ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO kif ukoll tal-ftehimiet li jinsabu fl-Annessi 1 sa 4 ta’ dan tal-aħħar (iktar ’il quddiem, il-“Ftehimiet WTO”), ma hijiex applikabbli f’dan il-każ. Fil-fatt, peress li l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 ma jinkludi ebda riferiment espliċitu għal dispożizzjoni preċiża tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, din id-dispożizzjoni ma tippermettix li tiġi dedotta l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti effett dirett lill-Artikolu 4 ta’ din il-konvenzjoni. Dan huwa dedott ukoll minn paragun bejn l-imsemmija dispożizzjoni u l-Artikolu 25(1)(g) ta’ dan ir-regolament, li, min-naħa l-oħra, billi jagħmel riferiment konkret u espliċitu għall-Artikolu 6b tal-imsemmija konvenzjoni, juri tali intenzjoni.

    46

    Permezz tat-tielet parti tal-aggravju uniku tiegħu, l-EUIPO jikkritika lill-Qorti Ġenerali li mliet l-allegata lakuna legali li allegatament ivvizzjat l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 permezz ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2 tal-PCT u tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

    47

    B’mod iktar partikolari, l-EUIPO jsostni li, billi fil-punti 15, 18, 20, 22, 39, 40, 44 sa 50, 56, 64, 66, 70, 72, 74, 79, 83, 84 u 86 tas-sentenza appellata, semmiet l-espressjoni “applikazzjoni internazzjonali għal privattiva”, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “applikazzjoni internazzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 2(i), (ii) u (vii), tal-PCT, kif ukoll il-fatt li, skont l-Artikolu 4(E)(1) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002, hija biss il-preżentata preċedenti ta’ “applikazzjoni internazzjonali” għal “mudell ta’ utilità”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, li tista’ tagħti lok għal dritt ta’ prijorità għal applikazzjoni sussegwenti għal “disinn Komunitarju”.

    48

    L-EUIPO jenfasizza f’dan ir-rigward li, fil-każ ineżami, kemm id-deċiżjoni tal-eżaminatur kif ukoll id-deċiżjoni kontenzjuża kklassifikaw b’mod korrett l-applikazzjoni internazzjonali tas‑26 ta’ Ottubru 2017 ippreżentata skont il-PCT bħala “applikazzjoni internazzjonali” għal “mudell ta’ utilità” u mhux bħala “applikazzjoni internazzjonali għal privattiva”, kif assumiet b’mod żbaljat il-Qorti Ġenerali. L-EUIPO jesponi f’dan il-kuntest li, sa fejn it-test ta’ “applikazzjoni internazzjonali”, fis-sens tal-punt (vii) ta’ dan l-Artikolu 2, ma jeskludix espressament il-protezzjoni tal-“mudell ta’ utilità”, fis-sens tal-punt (i) tal-istess artikolu, il-protezzjoni invokata permezz ta’ tali applikazzjoni testendi, bħal dik ippreżentata minn KaiKai, awtomatikament għal mudell ta’ utilità. Huwa biss minħabba l-fatt li l-applikazzjoni internazzjonali tas‑26 ta’ Ottubru 2017 ippreżentata skont il-PCT ġiet ikklassifikata, b’applikazzjoni ta’ din ir-regola, bħala “applikazzjoni internazzjonali” għal “mudell ta’ utilità” li din setgħet, bħala prinċipju, tkun il-bażi ta’ dritt ta’ prijorità sabiex issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju.

    49

    L-EUIPO jsostni li b’mod partikolari mill-Artikolu 4(C)(2) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jirriżulta li, bħala regola ġenerali, hija biss applikazzjoni sussegwenti li għandha l-“istess suġġett” bħal applikazzjoni preċedenti li tista’ tibbenefika mid-dritt ta’ prijorità. Għaldaqstant, skont din ir-regola, kull tip ta’ dritt ta’ proprjetà industrijali jagħti lok għal dritt ta’ prijorità biss għall-istess tip ta’ dritt ta’ proprjetà industrijali, fit-termini previsti fl-Artikolu 4(C)(1) ta’ din il-konvenzjoni. Huwa biss bħala eċċezzjoni li l-Artikolu 4(E)(1) tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi li applikazzjoni li jkollha bħala suġġett mudell ta’ utilità tista’ tkun il-bażi ta’ dritt ta’ prijorità għal applikazzjoni sussegwenti li ma tkoprix ukoll mudell ta’ utilità, iżda disinn, bil-kundizzjoni madankollu li dan il-“par eteroġenu ta’ oġġetti” ikopri l-istess rappreżentazzjoni tal-prodott, u dan biss f’terminu ta’ sitt xhur. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(E)(1) hija relatata mar-regola ġenerali tal-“istess suġġett”, stabbilita fl-imsemmi Artikolu 4(C)(2) u (4), u mhux, kif qieset b’mod żbaljat il-Qorti Ġenerali fil-punti 77 sa 85 tas-sentenza appellata, ma’ allegata regola ġenerali li n-natura tad-dritt preċedenti tiddetermina t-terminu tad-dritt ta’ prijorità marbut miegħu.

    50

    Għaldaqstant, minn qari flimkien tar-regola ġenerali tal-“istess suġġett”, stabbilita fl-Artikolu 4(C)(2) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, u tal-eċċezzjoni għal din ir-regola prevista fl-Artikolu 4(E)(1) ta’ din il-konvenzjoni, jirriżulta li huma biss żewġ tipi ta’ drittijiet ta’ proprjetà industrijali, jiġifieri disinn preċedenti u mudell ta’ utilità preċedenti, li jistgħu, skont l-imsemmija konvenzjoni, jistabbilixxu b’mod validu dritt ta’ prijorità għal disinn irreġistrat sussegwentement. Konsegwentement, privattiva preċedenti ma tippermettix li jiġi stabbilit dritt ta’ prijorità għal disinn Komunitarju rreġistrat sussegwentement. Għalhekk, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li t-terminu applikabbli għat-talba għall-prijorità ta’ applikazzjoni għal privattiva għal applikazzjoni sussegwenti għal disinn huwa ta’ tnax-il xahar, hija nieqsa minn bażi legali.

    51

    Insostenn tal-argument tal-EUIPO, il-Kummissjoni ssostni li, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mid-dokumenti interpretattivi tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi stabbiliti mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), li, filwaqt li ma humiex legalment vinkolanti, jistgħu madankollu jiġu invokati quddiem il-qorti tal-Unjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ din il-konvenzjoni, il-partijiet kontraenti għall-imsemmija konvenzjoni deliberatament iddeċidew li ma jinkludux il-privattivi fl-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(E) tagħha, minħabba l-assenza ta’ possibbiltà ta’ sovrappożizzjoni bejn il-privattivi u d-disinni. Din l-istituzzjoni ssostni li l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 huwa kompletament konformi ma’ dan l-approċċ, sa fejn jirrikonoxxi ċerta permeabbiltà bejn il-mudelli ta’ utilità biss, minn naħa, u d-disinni, min-naħa l-oħra, li jirriżulta mill-fatt li, kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM (C‑395/16, EU:C:2018:172, punti 24 sa 29), dawn it-tnejn li huma jistgħu jipproteġu l-funzjoni teknika ta’ ċertu prodott.

    52

    KaiKai tirribatti, qabelxejn, li l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriproduċi sempliċement ir-regola speċjali prevista fl-Artikolu 4(E)(1) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, li hija applikabbli biss għat-talba għall-prijorità abbażi ta’ mudell ta’ utilità u ma għandhiex l-għan jew l-effett li tistabbilixxi t-terminu applikabbli għal talba għall-prijorità bbażata fuq applikazzjoni internazzjonali għal privattiva. Peress li l-Artikolu 25 ta’ din il-konvenzjoni ma jawtorizzax lil-leġiżlatur tal-Unjoni jirrestrinġi d-drittijiet ta’ prijorità mogħtija lill-applikant, l-assenza ta’ dispożizzjoni li tippermetti li tintalab il-prijorità ta’ applikazzjoni għal privattiva preċedenti tikkostitwixxi lakuna ta’ dan ir-regolament.

    53

    Sussegwentement, KaiKai ssostni li, billi mliet din il-lakuna b’riferiment għall-Konvenzjoni ta’ Pariġi, il-Qorti Ġenerali ma applikatx direttament din il-konvenzjoni, peress li konsegwentement ma applikatx l-Artikolu 41(1) tal-imsemmi regolament, iżda wettqet interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-imsemmija konvenzjoni, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra b’mod partikolari fis-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, SCF (C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 51). Għaldaqstant, l-eżistenza tal-imsemmija lakuna teskludi kull kontradizzjoni mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 43 tas-sentenza preżenti, li tiċħad kull effett dirett lill-istess konvenzjoni.

    54

    Fl-aħħar nett, KaiKai ssostni li applikazzjoni internazzjonali ppreżentata skont il-PCT tikkostitwixxi fl-istess ħin applikazzjoni għal privattiva u applikazzjoni għal mudell ta’ utilità, u għalhekk dawn iż-żewġ applikazzjonijiet huma identiċi fir-rigward tas-suġġett tagħhom sa fejn it-tnejn li huma jiddeskrivu invenzjoni teknika. Minn dan isegwi li kemm il-prijorità ta’ applikazzjoni għal mudell ta’ utilità kif ukoll dik ta’ applikazzjoni għal privattiva jistgħu jiġu invokati meta tiġi ppreżentata applikazzjoni għal disinn Komunitarju. Il-fatt li l-Konvenzjoni ta’ Pariġi tistabbilixxi perijodi ta’ prijorità differenti f’dawn iż-żewġ każijiet ma jiddependix għalhekk mid-differenza bejn is-suġġetti tad-dritt tal-proprjetà industrijali protetta, iżda tiddependi mid-differenza bejn il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni li japplikaw għalihom rispettivament.

    55

    Barra minn hekk, skont KaiKai, l-esklużjoni tal-privattivi bħala bażi ta’ prijorità għad-disinni Komunitarji twassal għal diskriminazzjoni tal-applikanti skont in-nazzjonalità tagħhom. Fil-fatt, filwaqt li f’ċerti Stati Membri jidher li huwa possibbli li privattiva nazzjonali tiġi ttrasformata f’mudell ta’ utilità nazzjonali u li sussegwentement tintuża bħala bażi ta’ prijorità għal disinn, f’oħrajn, bħar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika ta’ Ċipru u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li ma jipprevedux mudell ta’ utilità nazzjonali, l-applikant ikun imċaħħad minn din il-possibbiltà.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    56

    Permezz tat-tliet partijiet tal-aggravju uniku tiegħu, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, l-EUIPO jikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li wettqet applikazzjoni diretta tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, billi eskludiet l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ċara u eżawrjenti tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002, sabiex tissostitwixxiha b’interpretazzjoni żbaljata ta’ dan l-Artikolu 4.

    Fuq l‑effetti tal‑Konvenzjoni ta’ Pariġi fl‑ordinament ġuridiku tal‑Unjoni

    57

    Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 216(2) TFUE u minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni jorbtu lil din tal-aħħar u jagħmlu parti integrali mill-ordinament ġuridiku tagħha sa mid-dħul fis-seħħ tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ April 1974, Haegeman, 181/73, EU:C:1974:41, punt 5, kif ukoll tal-1 ta’ Awwissu 2022, Sea Watch, C‑14/21 u C‑15/21, EU:C:2022:604, punt 94).

    58

    Barra minn hekk, l-Unjoni tista’ tkun is-suċċessur tal-Istati Membri fl-impenji internazzjonali tagħhom meta l-Istati Membri jkunu ttrasferixxew lill-Unjoni, permezz ta’ wieħed mit-trattati fundaturi tagħha, il-kompetenzi tagħhom relatati ma’ dawn l-impenji. Dan huwa l-każ meta l-Unjoni jkollha l-ġurisdizzjoni sħiħa f’qasam irregolat minn dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Istati Membri kollha tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1972, International Fruit Company et, 21/72 sa 24/72, EU:C:1972:115, punti 10 sa 18, kif ukoll l-Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ma’ Singapor), tas‑16 ta’ Mejju 2017, EU:C:2017:376, punt 248).

    59

    Madankollu, ma huwiex neċessarju, għall-finijiet tat-trattament ta’ dan l-appell, li jiġi eżaminat jekk u, jekk ikun il-każ, sa fejn l-Unjoni għandha ġurisdizzjoni sħiħa fl-oqsma rregolati mill-Konvenzjoni ta’ Pariġi, li ġiet konkluża mill-Istati Membri kollha iżda mhux mill-Unjoni. Fil-fatt, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli espressi f’ċerti artikoli ta’ din il-konvenzjoni, fosthom l-Artikolu 4 tagħha, huma inkorporati fil-Ftehim TRIPs, li ġie konkluż mill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2004, Anheuser-Busch, C‑245/02, EU:C:2004:717, punt 91).

    60

    B’mod iktar preċiż, dan il-ftehim jipprevedi, fl-Artikolu 2(1) tiegħu, li l-membri tal-WTO, fosthom l-Unjoni, għandhom jikkonformaw mal-Artikoli 1 sa 12 u 19 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi f’dak li jirrigwarda l-Partijiet II sa IV tal-imsemmi ftehim, li jkopru l-Artikoli 9 sa 62 tiegħu.

    61

    Għaldaqstant, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-protezzjoni ta’ disinni industrijali, imsemmija fl-Artikolu 25 tal-Ftehim TRIPs, u tal-akkwist ta’ din il-protezzjoni, prevista fl-Artikolu 62 ta’ dan il-ftehim, ir-regoli espressi fl-imsemmija artikoli tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, fosthom l-Artikolu 4 tagħha, għandhom jitqiesu li jagħmlu parti integrali tal-imsemmi ftehim.

    62

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jipproduċu l-istess effetti bħal dawk prodotti mill-Ftehim TRIPs (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2004, Anheuser-Busch, C‑245/02, EU:C:2004:717, punt 96).

    63

    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fid-dawl tan-natura u tal-istruttura tal-Ftehim TRIPs, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim ma għandhomx effett dirett. Għaldaqstant, fil-prinċipju, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex fost dawk in-normi li l-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-konfront tagħhom u lanqas ma huma ta' natura tali li joħolqu drittijiet għall-individwi li dawn ikunu jistgħu jinvokaw direttament quddiem il-qorti bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Dior et, C‑300/98 u C‑392/98, EU:C:2000:688, punti 43 sa 45; tas‑16 ta’ Novembru 2004, Anheuser-Busch, C‑245/02, EU:C:2004:717, punt 54, kif ukoll tat‑28 ta’ Settembru 2023, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni, C‑123/21 P, EU:C:2023:708, punti 7071).

    64

    Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi lanqas ma jaqa’ taħt iż-żewġ sitwazzjonijiet eċċezzjonali li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-individwi jistgħu jinvokaw direttament id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim WTO quddiem il-qorti tal-Unjoni, jiġifieri, minn naħa, is-sitwazzjoni fejn l-att tal-Unjoni inkwistjoni jirreferi espressament għal dispożizzjonijiet preċiżi ta’ dawn il-ftehimiet, u, min-naħa l-oħra, dik fejn l-Unjoni kellha l-intenzjoni timplimenta obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-imsemmija ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 1989, Fediol vs Il‑Kummissjoni, 70/87, EU:C:1989:254, punti 19 sa 22; tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill, C‑69/89, EU:C:1991:186, punti 29 sa 31; kif ukoll tat-28 ta’ Settembru 2023, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni, C‑123/21 P, EU:C:2023:708, punti 7475).

    65

    Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 ma jagħmel ebda riferiment espliċitu għall-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

    66

    Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, essenzjalment, li, sabiex tiġi stabbilita r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jimplimenta fid-dritt tal-Unjoni obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-Ftehimiet WTO, ma huwiex biżżejjed li l-premessi tal-att tal-Unjoni inkwistjoni juru b’mod ġenerali li l-adozzjoni tiegħu seħħet b’teħid inkunsiderazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni. Huwa neċessarju, min-naħa l-oħra, li jkun jista’ jiġi dedott mid-dispożizzjoni speċifika tad-dritt tal-Unjoni kkontestata li din kellha l-intenzjoni li timplimenta fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni obbligu partikolari li jirriżulta mill-Ftehimiet WTO (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Rusal Armenal, C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punti 454648, kif ukoll tat‑28 ta’ Settembru 2023, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni, C‑123/21 P, EU:C:2023:708, punti 767879).

    67

    Issa, tali rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni ma tistax tiġi dedotta mill-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 6/2002 abbażi biss ta’ korrelazzjoni bejn il-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 41, minn naħa, u dik tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, dan ir-regolament jikkostitwixxi l-espressjoni tar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jadotta, għal wieħed mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali koperti minn din il-konvenzjoni, approċċ speċifiku għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, billi jistabbilixxi sistema speċifika ta’ protezzjoni unitarja u indiviżibbli tad-disinni Komunitarji fit-territorju tagħha, li d-dritt ta’ prijorità previst fl-imsemmi Artikolu 41 jagħmel parti integrali minnha.

    68

    Minn dan isegwi li r-regoli espressi fl-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi ma għandhomx effett dirett u, għaldaqstant, ma humiex tali li joħolqu drittijiet għall-individwi li dawn jistgħu jinvokaw direttament bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI, C‑238/06 P, EU:C:2007:635, punti 3943).

    69

    Konsegwentement, id-dritt ta’ prijorità sabiex issir il-preżentata ta’ applikazzjoni għal disinn Komunitarju huwa rregolat mill-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 6/2002, mingħajr ma l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jinvokaw direttament l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

    70

    Madankollu, peress li l-Ftehim TRIPs jorbot lill-Unjoni u, għaldaqstant, jipprevali fuq l-atti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, dawn tal-aħħar għandhom jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑61/94, EU:C:1996:313, punt 52, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Sea Watch, C‑14/21 u C‑15/21, EU:C:2022:604, punti 9294 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li r-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat sa fejn huwa possibbli, b’mod konformi mal-Ftehim TRIPs u, konsegwentement, mar-regoli stabbiliti fl-artikoli tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, fosthom b’mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu, li huma inkorporati f’dan il-ftehim (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Bericap Záródástechnikai, C‑180/11, EU:C:2012:717, punti 7082, kif ukoll tal‑11 ta’ Novembru 2020, EUIPO vs John Mills, C‑809/18 P, EU:C:2020:902, punti 6465).

    71

    Fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 6/2002 b’mod konformità mal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll id-dispożizzjonijiet tal-PCT, li jipprovdu li l-applikazzjoni preċedenti li fuqha tibbaża ruħha KaiKai sabiex titlob dritt ta’ prijorità ġiet ippreżentata. Fil-fatt, peress li l-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma partijiet fil-PCT, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Sea Watch, C‑14/21 u C‑15/21, EU:C:2022:604, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat ukoll li, skont l-Artikolu 1(2) tiegħu, il-PCT ma jippreġudikax id-drittijiet previsti mill-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

    72

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali, kif isostni, essenzjalment, l-EUIPO, eskludietx l-applikazzjoni tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 favur applikazzjoni diretta tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

    Fuq in‑natura ċara u eżawrjenti tal‑Artikolu 41(1) tar‑Regolament Nru 6/2002

    73

    Min-naħa l-oħra, fil-punti 56 sa 66 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset, abbażi ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 konformi mal-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, li dan l-Artikolu 41(1) kien fih lakuna peress li ma jiffissax it-terminu li fih kellu jintalab id-dritt ta’ prijorità bbażat fuq l-applikazzjoni internazzjonali tas‑26 ta’ Ottubru 2017 ippreżentata skont il-PCT li hija kklassifikat bħala “applikazzjoni internazzjonali għal privattiva” u li din il-lakuna kellha timtela billi jiġi applikat dan l-Artikolu 4. Min-naħa l-oħra, fil-punti 70 sa 86 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, abbażi tal-interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 4, li dan it-terminu kien ta’ tnax-il xahar, minkejja li l-Bord tal-Appell tal-EUIPO kien qies b’mod żbaljat li l-imsemmi terminu kien dak ta’ sitt xhur, stabbilit mill-imsemmi Artikolu 41(1).

    74

    Issa, indipendentement mill-fondatezza tal-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, għandu jiġi kkonstatat li din wettqet żball ta’ liġi, sa fejn hija manifestament marret lil hinn mil-limiti ta’ interpretazzjoni konformi tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 u pproċediet, fir-realtà, għal applikazzjoni diretta ta’ dan l-Artikolu 4, kif ġie interpretat minn din il-qorti, għad-detriment tal-formulazzjoni ċara ta’ dan l-Artikolu 41(1) u bi ksur tan-natura eżawrjenti ta’ dan tal-aħħar.

    75

    Fil-fatt, l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprevedi li “Persuna li tkun infilzat applikazzjoni kif dovut għad-dritt ta’ disinn jew għal mudell ta’ utilità fi jew għal Stat parti tal-[Konvenzjoni ta’ Pariġi], jew tal-Ftehim li jistabbilixxi l-[WTO], […], għandhom igawdu, bl-għan li jinfilzaw applikazzjoni għal disinn Komunitarju […] dritt tal-prijorità ta’ sitt xhur mid-data ta’ l-infilzar ta’ l-ewwel applikazzjoni.”

    76

    Għaldaqstant, mill-kliem ċar ta’ dan l-Artikolu 41(1) jirriżulta b’mod inekwivoku li, skont din id-dispożizzjoni, huma biss żewġ kategoriji ta’ applikazzjonijiet preċedenti, jiġifieri, minn naħa, applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn u, min-naħa l-oħra, applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ mudell ta’ utilità, li jistgħu jservu ta’ bażi għal dritt ta’ prijorità għall-benefiċċju ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju sussegwenti, u dan biss f’terminu ta’ sitt xhur mid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni preċedenti msemmija.

    77

    Minn dan jirriżulta wkoll li l-imsemmi Artikolu 41(1) għandu natura eżawrjenti u li l-fatt li din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix it-terminu li fih jista’ jiġi invokat id-dritt ta’ prijorità bbażat fuq applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ privattiva ma huwiex lakuna fl-imsemmija dispożizzjoni, iżda l-konsegwenza tal-fatt li din ma tippermettix li tali dritt jiġi bbażat fuq din il-kategorija ta’ applikazzjonijiet preċedenti.

    78

    Għaldaqstant, minn naħa, applikazzjoni internazzjonali ppreżentata skont il-PCT tista’ tkun il-bażi ta’ dritt ta’ prijorità, b’applikazzjoni tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002, biss sa fejn l-applikazzjoni internazzjonali inkwistjoni jkollha bħala suġġett mudell ta’ utilità u, min-naħa l-oħra, it-terminu sabiex jintalab dan id-dritt abbażi ta’ tali applikazzjoni huwa dak ta’ sitt xhur, espressament stabbilit f’dan l-Artikolu 41(1).

    Fuq l‑interpretazzjoni tal‑Konvenzjoni ta’ Pariġi mogħtija mill‑Qorti Ġenerali

    79

    Għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 70 sa 86 tas-sentenza appellata, tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, li tipprovdi li din id-dispożizzjoni tippermetti li tintalab il-prijorità ta’ “applikazzjoni internazzjonali għal privattiva” preċedenti meta tiġi ppreżentata applikazzjoni għal disinn sussegwenti f’terminu ta’ tnax-il xahar, għandu jiġi rrilevat li din l-interpretazzjoni hija wkoll ivvizzjata bi żbalji ta’ liġi.

    80

    Qabel kollox, għandu jitfakkar li, sa fejn ir-regoli stabbiliti minn ċerti artikoli tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, fosthom l-Artikolu 4 tagħha, huma inkorporati fil-Ftehim TRIPs, li ġie konkluż mill-Unjoni u jifforma parti integrali mill-ordinament ġuridiku tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta dawn ir-regoli (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Dior et, C‑300/98 u C‑392/98, EU:C:2000:688, punti 33 sa 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑2 ta’ Settembru 2021, Ir-Repubblika tal-Moldova, C‑741/19, EU:C:2021:655, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    81

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4(A)(1) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jipprevedi li l-benefiċjarju tad-dritt ta’ prijorità huwa dak li jkun ippreżenta b’mod regolari applikazzjoni għal privattiva ta’ invenzjoni, ta’ mudell ta’ utilità, ta’ disinn industrijali, ta’ trade mark ta’ ditta jew ta’ negozju, f’wieħed mill-pajjiżi li huma parti għal din il-konvenzjoni u li dan id-dritt ta’ prijorità huwa rrikonoxxut sabiex jippermetti lil dan il-benefiċjarju jwettaq il-preżentata fil-pajjiżi l-oħra li għalihom tapplika l-imsemmija konvenzjoni.

    82

    Barra minn hekk, mill-Artikolu 4(C)(1), (2) u (4) tal-imsemmija konvenzjoni jirriżulta li, bħala prinċipju, hija biss applikazzjoni sussegwenti li jkollha l-“istess suġġett” ta’ applikazzjoni preċedenti li tista’ tibbenefika mid-dritt ta’ prijorità u li l-perijodi li fihom dan id-dritt jista’ jiġi eżerċitat huma ddeterminati skont it-tip ta’ dritt ta’ proprjetà industrijali kkonċernat, liema termini huma stabbiliti għal tnax-il xahar għall-privattivi ta’ invenzjoni u għall-mudelli ta’ utilità u għal sitt xhur għad-disinni industrijali.

    83

    Hekk kif tindika wkoll il-Gwida għall-Applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, dokument interpretattiv imfassal mill-WIPO li, minkejja li huwa nieqes minn portata normattiva, jikkontribwixxi madankollu għall-interpretazzjoni ta’ din il-konvenzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 41), minn qari flimkien tal-Artikolu 4(A) u (C) tal-imsemmija konvenzjoni jirriżulta li l-applikazzjoni sussegwenti għandha tirrigwarda l-“istess suġġett” tal-applikazzjoni preċedenti li tikkostitwixxi l-bażi tad-dritt ta’ prijorità.

    84

    Fl-aħħar nett, għalkemm l-Artikolu 4, Taqsima E tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jammetti li l-istess suġġett jista’ xi drabi jibbenefika minn iktar minn forma waħda ta’ protezzjoni, b’tali mod li dritt ta’ prijorità jista’ jiġi invokat għal forma ta’ protezzjoni differenti minn dik mitluba preċedentement, din id-dispożizzjoni madankollu telenka b’mod eżawrjenti l-każijiet li fihom dan jista’ jseħħ. B’mod iktar partikolari, l-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi, fil-paragrafu 1 tagħha, li applikazzjoni għal mudell ta’ utilità tista’ tagħti lok għal dritt ta’ prijorità għal applikazzjoni għal disinn, fil-perijodu stabbilit għad-disinni, jiġifieri sitt xhur, u, fil-paragrafu 2 tagħha, li applikazzjoni għal privattiva tista’ tagħti lok għal dritt ta’ prijorità għal applikazzjoni għal mudell ta’ utilità u viċi versa.

    85

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi ma jippermettix li tintalab il-prijorità ta’ applikazzjoni għal privattiva preċedenti meta tiġi ppreżentata applikazzjoni għal disinn sussegwenti, u għalhekk, a fortiori, ma jipprevedix regoli dwar it-terminu mogħti lill-applikant għal dan l-għan. Għaldaqstant, hija biss applikazzjoni internazzjonali ppreżentata skont il-PCT li tirrigwarda mudell ta’ utilità li tista’ tagħti lok għal dritt ta’ prijorità għal applikazzjoni għal disinn skont dan l-Artikolu 4, u dan fit-terminu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 4(E)(1).

    86

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li l-aggravju uniku jintlaqa’ u, għaldaqstant, li tiġi annullata s-sentenza appellata sa fejn din tilqa’ t-tieni parti tat-tieni motiv tar-rikors fl-ewwel istanza u tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża.

    Fuq ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali

    87

    Konformement mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, taqta’ l-kawża b’mod definittiv hija stess meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

    88

    Fil-każ ineżami, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li r-rikors għal annullament ippreżentat minn KaiKai fil-Kawża T‑579/19 huwa bbażat fuq motivi li kienu s-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju quddiem il-Qorti Ġenerali u li l-eżami tagħhom ma jeħtieġx li tiġi ordnata xi miżura supplimentari ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew miżura istruttorja tal-proċess, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dan ir-rikors jinsab fi stat li jiġi deċiż u li hemm lok li tagħti deċiżjoni definittiva dwaru fil-limiti tal-kawża li biha l-Qorti tal-Ġustizzja tibqa’ adita (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 130, kif ukoll tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 108).

    89

    Dan ir-rikors huwa bbażat fuq żewġ motivi, imsemmija fil-punt 25 tas-sentenza preżenti. Hekk kif jirriżulta mill-punt 27 tas-sentenza preżenti, l-ewwel parti tat-tieni wieħed minn dawn il-motivi ġiet miċħuda mill-Qorti Ġenerali, mingħajr ma KaiKai tikkontesta, fil-kuntest ta’ appell inċidentali, il-fondatezza ta’ din il-parti tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, l-annullament parzjali ta’ din is-sentenza, deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jikkontestax lil din tal-aħħar sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet din il-parti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sentenza appellata hija mogħnija bl-awtorità ta’ res judicata sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel parti tat-tieni motiv invokat fl-ewwel istanza.

    90

    L-istess japplika, għall-imsemmija raġunijiet, għall-motivi tas-sentenza appellata, imsemmija fil-punt 26 tas-sentenza preżenti, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni u l-ħames kap tat-talbiet tar-rikors bħala inammissibbli.

    91

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandhom jiġu eżaminati biss l-ewwel motiv u t-tieni parti tat-tieni motiv invokati minn KaiKai insostenn tar-rikors tagħha għal annullament, u biss sa fejn dan il-motiv u din il-parti huma intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll għall-kundanna tal-EUIPO għall-ispejjeż tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell u quddiem il-Qorti Ġenerali.

    L‑argumenti tal‑partijiet

    92

    Permezz tal-ewwel motiv tar-rikors għal annullament tagħha, KaiKai tikkritika lill-Bord tal-Appell tal-EUIPO li wettaq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali.

    93

    Permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv ta’ dan ir-rikors, KaiKai ssostni li, fl-assenza ta’ regola ċara fir-Regolament Nru 6/2002 f’dak li jirrigwarda t-terminu sabiex tintalab il-prijorità li tirriżulta minn applikazzjoni internazzjonali għal privattiva ppreżentata skont il-PCT, il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kien messu applika l-Artikolu 4(C)(1) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ dan it-terminu.

    94

    F’dan ir-rigward, KaiKai tqis, l-ewwel nett, li mill-Artikolu 4(E)(1) ta’ din il-konvenzjoni jirriżulta li, minn naħa, il-kontenut materjali ta’ applikazzjoni għal privattiva u ta’ applikazzjoni għal mudell ta’ utilità rispettivi huma essenzjalment identiċi, b’tali mod li l-eqdem ta’ dawn iż-żewġ applikazzjonijiet tista’ tiġi invokata insostenn ta’ dritt ta’ prijorità fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni l-oħra, u li, min-naħa l-oħra, il-kontenut ta’ applikazzjoni għal mudell ta’ utilità huwa suffiċjenti sabiex din tkun tista’ tiġi invokata bħala bażi ta’ prijorità għal applikazzjoni sussegwenti għal disinn, il-kontenut ta’ applikazzjoni għal privattiva huwa neċessarjament suffiċjenti sabiex din tkun tista’ tagħti lok għal dritt ta’ prijorità għal applikazzjoni sussegwenti għal disinn. Sussegwentement, KaiKai tqis li l-imsemmija konvenzjoni hija bbażata fuq il-prinċipju li t-terminu utli sabiex jiġi invokat id-dritt ta’ prijorità jiddependi min-natura tad-dritt ta’ proprjetà industrijali li jkun is-suġġett tal-applikazzjoni preċedenti, tkun xi tkun in-natura tad-dritt li jkun is-suġġett tal-applikazzjoni sussegwenti. Hija tirrileva, barra minn hekk, li l-Artikolu 4(C)(1) tal-istess konvenzjoni jipprovdi perijodu ta’ tnax-il xahar sabiex jiġi invokat dritt ta’ prijorità bbażat fuq applikazzjoni għal privattiva preċedenti. Fl-aħħar nett, minn dan KaiKai tiddeduċi li, sa fejn applikazzjoni internazzjonali ppreżentata skont il-PCT għandha titqies bħala “applikazzjoni għal privattiva”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, il-perijodu ta’ prijorità applikabbli għal din l-applikazzjoni huwa ta’ tnax-il xahar.

    95

    L-EUIPO jikkontesta din l-argumentazzjoni.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    96

    Fir-rigward tal-ewwel motiv tar-rikors għal annullament, għandu jitfakkar li mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-Istatut, u tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li r-rikors promotur għandu jinkludi, b’mod partikolari, is-suġġett tal-kawża, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni sommarja ta’ dawn il-motivi. Dawn l-elementi għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lil-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi dwar ir-rikors. Sabiex tiġi garantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ b’mod partikolari, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa jkun ibbażat jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Estonja, C‑505/09 P, EU:C:2012:179, punt 34, kif ukoll tat‑3 ta’ Marzu 2022, WV vs SEAE, C‑162/20 P, EU:C:2022:153, punti 6768).

    97

    Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat li l-punti ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat l-allegat ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali invokat fl-ewwel motiv bl-ebda mod ma jirriżultaw mit-test tar-rikors fl-ewwel istanza, peress li KaiKai sempliċement invokat tali ksur mingħajr ma ressqet l-iċken argument insostenn ta’ dan il-motiv. Minn dan isegwi li l-ewwel argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    98

    Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni motiv tar-rikors, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 57 sa 85 tas-sentenza preżenti, din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata. Fil-fatt, la l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 u lanqas l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi li, barra minn hekk, ma għandux effett dirett fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ma jippermettu li tintalab il-prijorità ta’ applikazzjoni internazzjonali ppreżentata skont il-PCT meta tiġi ppreżentata applikazzjoni għal disinn sussegwenti f’terminu ta’ tnax-il xahar, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din l-applikazzjoni internazzjonali tirrigwardax mudell ta’ utilità jew privattiva. Għaldaqstant, konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, fl-ewwel wieħed minn dawn il-każijiet, it-terminu sabiex jiġi invokat dritt ta’ prijorità abbażi tal-imsemmija applikazzjoni internazzjonali huwa ffissat għal sitt xhur filwaqt li, fit-tieni wieħed mill-imsemmija każijiet, l-eżistenza ta’ tali dritt hija eskluża mill-bidu nett.

    99

    Peress li l-ewwel motiv u t-tieni parti tat-tieni motiv tar-rikors għal annullament ġew miċħuda, dan għandu jiġi miċħud.

    Fuq l‑ispejjeż

    100

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

    101

    Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

    102

    Fil-każ ineżami, peress li KaiKai tilfet kemm fil-kuntest ta’ dan l-appell kif ukoll fil-kuntest tal-proċedura fl-ewwel istanza, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-EUIPO fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ proċeduri, kif mitlub mill-EUIPO u mill-Kummissjoni,

    103

    Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fit-tilwima għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

    104

    Konsegwentement, il-Kummissjoni, intervenjenti fil-kuntest ta’ dan l-appell, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑14 ta’ April 2021, The KaiKai Company Jaeger Wichmann vs EUIPO (Apparat u tagħmir għall-ġinnastika u għall-isport) (T‑579/19, EU:T:2021:186), hija annullata sa fejn tilqa’ t-tieni parti tat-tieni motiv tar-rikors fl-ewwel istanza u sa fejn tannulla d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat‑13 ta’ Ġunju 2019 (Każ R 573/2019-3).

     

    2)

    Ir-rikors imressaq minn The KaiKai Company Jaeger Wichmann GbR fil-Kawża T‑579/19 huwa miċħud.

     

    3)

    The KaiKai Company Jaeger Wichmann GbR hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk imġarrba mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) fil-kuntest kemm tal-appell preżenti kif ukoll tal-proċedura fl-ewwel istanza.

     

    4)

    Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top