SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

2 ta’ Settembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – It-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija – Artikolu 26 – Inapplikabbiltà bejn Stati Membri – Deċiżjoni ta’ arbitraġġ – Stħarriġ ġudizzjarju – Ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru – Tilwima bejn operatur ta’ Stat terz u Stat terz – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Il-punt (6) tal-Artikolu 1 tat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija – Kunċett ta’ ‘investiment’”

Fil-Kawża C‑741/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Settembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Ottubru 2019, fil-proċedura

Ir-Repubblika tal-Moldova

vs

Komstroy LLC, aventi kawża tal-kumpannija Energoalians

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Prechal, M. Vilaras, E. Regan, L. Bay Larsen, N. Piçarra u A. Kumin, Presidenti ta’ Awla, T. von Danwitz, M. Safjan, D. Šváby, C. Lycourgos, P. G. Xuereb, L. S. Rossi (Relatur) u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑17 ta’ Novembru 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għar-Repubblika tal-Moldova, minn M. Boccon Gibod, M. Ostrove u T. Naud kif ukoll minn S. Salem, avukati,

għal Komstroy LLC, aventi kawża tal-kumpannija Energoalians, minn A. Lazimi u S. Nadeau Seguin kif ukoll minn B. Le Bars u R. Kaminsky, avukati,

għall-Gvern Franċiż, minn A. Daniel, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u D. Klebs, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn J. Ruiz Sánchez u S. Centeno Huerta, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Aiello, bħala aġent,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn J. M. Hoogveld, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

għall-Gvern Svediż, minn C. Meyer-Seitz, A. Runeskjold, M. Salborn Hodgson, H. Shev, H. Eklinder u R. Shahsavan Eriksson kif ukoll minn O. Simonsson u J. Lundberg, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn B. Driessen u A. Lo Monaco, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Vidal Puig, A. Biolan u T. Maxian Rusche kif ukoll minn O. Beynet, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Marzu 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 6 tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 26(1) tat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija, iffirmat f’Lisbona fis‑17 ta’ Diċembru 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 1, p. 199, iktar ’il quddiem it-“TKE”), approvat f’isem il-Komunitajiet Ewropej permezz tad-Deċiżjoni 98/181/KE, KEFA, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tat‑23 ta’ Settembru 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 24).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn ir-Repubblika tal-Moldova u Komstroy LLC, dwar il-ġurisdizzjoni ta’ tribunal ta’ arbitraġġ li ta sentenza f’Pariġi (Franza) fil‑25 ta’ Ottubru 2013.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

It-TKE huwa kompost minn preambolu u tmien partijiet, li fosthom hemm Parti I, intitolata “Definizzjonijiet u għan”, li tinkludi l-Artikoli 1 u 2 ta’ dan it-trattat, Parti II, intitolata “Kummerċ”, li tinkludi l-Artikoli 3 sa 9 tal-imsemmi trattat, Parti III, intitolata “Promozzjoni u protezzjoni ta’ l-investiment”, li tinkludi l-Artikoli 10 sa 17 tiegħu, u Parti V, intitolata “Is-soluzzjoni tat-tilwim bejn investitur u parti kontraenti”, li tinkludi l-Artikoli 26 sa 28 tal-istess trattat.

4

Skont il-preambolu tat-TKE, il-partijiet kontraenti kkonkludew dan it-trattat, b’mod partikolari “[b]illi jixtiequ li jimplimentaw il-konċett bażiku ta’ l-inizjattiva tal-Karta ta’ l-Enerġija Ewropea li għandha sservi ta’ kataliżi għat-tkabbir ekonomiku permezz ta’ miżuri biex jiġu liberalizzati l-investiment u l-kummerċ fl-enerġija”.

5

L-Artikolu 1 TKE, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Kif użati f’dan it-Trattat:

[…]

5.

‘Attività Ekonomika fis-settur ta’ l-enerġija’ tfisser attività ekonomika li tikkonċerna l-esplorazzjoni, l-estrazzjoni, r-raffinar, il-produzzjoni, il-ħażna, it-trasport bl-art, it-trasmissjoni, id-distribuzzjoni, il-kummerċ, il-marketing u l-bejgħ ta’ materjali u prodotti ta’ l-enerġija minbarra dawk inklużi fl-Anness NI, jew li jikkonċernaw id-distribuzzjoni tas-sħana għal siti diversi.

6.

‘Investiment’ ifisser kull tip ta’ assi, li jkun proprjetà jew ikkontrollat direttament jew indirettament minn investitur u jinkludi:

(a)

proprjetà tanġibbli jew intanġibbli, u mobbli jew immobbli, u d-drittijiet proprjetarji kollha bħal kiri, ipoteki, garanziji u rahan;

(b)

kumpannija jew intrapriża kummerċjali, jew ishma, stokk, jew forom oħra ta’ parteċipazzjoni f’ekwità f’kumpannija jew intrapriża kummerċjali, u bonds jew debiti oħra ta’ kumpannija jew intrapriża kummerċjali;

(ċ)

pretensjonijiet għal flus u pretensjonijiet għal twettiq li joħroġ minn kuntratt li jkollu valur ekonomiku li jiġi assoċjat ma’ investiment;

(d)

proprjetà intellettwali;

(e)

dħul;

(f)

kwalunkwe dritt konferit minn liġi jew kuntratt jew bis-saħħa ta’ xi liċenzi u permessi konċessi skond liġi biex wieħed jidħol għal xi attività ekonomika fis-settur ta’ l-enerġija.

Bidla fil-forma li biha l-assi jiġu investiti ma taffettwax il-karattru tagħhom bħala investimenti u t-terminu ‘investiment’ jinkludi l-investimenti kollha, kemm jekk eżistenti kif ukoll jekk ikunu saru wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan it-Trattat għall-Parti Kontraenti ta’ l-investitur li jkun qed jagħmel l-investiment u għal dak tal-Parti Kontraenti fiż-żona li fiha l-investiment isir (minn issa ’l quddiem imsejħa ‘id-data effettiva’) basta t-Trattat għandu jgħodd biss għal kwistjonijiet li jeffettwaw dawn l-investimenti wara d-data effettiva.

‘Investiment’ jirreferi għal kwalunkwe investiment assoċjat ma’ attività ekonomika fis-settur ta’ l-enerġija u għal investimenti jew għal klassijiet ta’ investimenti nominati minn Parti Kontraenti fiż-żona tagħha bħala ‘proġetti ta’ l-effiċjenza tal-Karta’ u hekk innotifikati lis-Segretarjat.

7.

‘Investitur’ ifisser

(a)

fir-rigward ta’ Parti Kontraenti:

(i)

persuna naturali li jkollha ċittadinanza jew nazzjonalità jew li tkun permanentament residenti f’dik il-Parti Kontraenti skond il-liġi applikabbli tagħha;

(ii)

kumpannija jew organizzazzjoni oħra organizzata skond il-liġi applikabbli f’dik il-Parti Kontraenti;

(b)

fir-rigward ta’ ‘Stat terz’, persuna naturali, kumpannija jew organizzazzjoni oħra li tilħaq, mutatis mutandis, il-kondizzjonijiet speċifikati fis-sub-paragrafu (a) għal Parti Kontraenti.”

6

L-Artikolu 26 TKE, intitolat “[I]s-soluzzjoni tat-tilwim bejn investitur u parti kontraenti”, jistabbilixxi:

“1.   Tilwim bejn Parti Kontraenti u investitur ta’ Parti Kontraenti oħra relatat ma’ l-investiment ta’ dawn ta’ l-aħħar fiż-żona ta’ dak ta’ l-ewwel u li jikkonċerna ksur allegat ta’ l-obbligazzjoni ta’ dak ta’ l-ewwel taħt il-Parti III għandu, jekk ikun possibbli, jiġi solvut amikevolment.

2.   Jekk dan it-tilwim ma jkunx jista’ jiġi solvut skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 f’perjodu ta’ tliet xhur mid-data li fiha xi wieħed mill-partijiet f’tilwima jkun talab soluzzjoni amikevoli, l-parti f’tilwima li tkun tinvesti tista’ tagħżel li tressaqha għal soluzzjoni:

(a)

quddiem il-qrati jew it-tribunali amministrattivi tal-Parti Kontraenti involuta fit-tilwima;

jew

(b)

skond kull proċedura ta’ soluzzjoni għal tilwim, li tkun applikabbli u li dwarha jkun sar qbil minn qabel;

jew

(ċ)

skond il-paragrafi li ġejjin ta’ dan l-Artikolu.

3.   

(a)

Bla ħsara biss għas-sub-paragrafi (b) u (ċ), kull Parti Kontraenti b’daqshekk qed tagħti l-kunsens mhux kondizzjonat tagħha biex it-tilwima titressaq quddiem l-arbitraġġ jew il-konċiljazzjoni internazzjonali skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

[…]

[…]

4.   Fil-każ li investitur jagħżel li jressaq it-tilwima għas-soluzzjoni taħt is-sub-paragrafu (2)(ċ), l-investitur għandu barra minn hekk jipprovdi l-kunsens tiegħu bil-miktub biex it-tilwima titressaq quddiem:

(a)

(i)

iċ-Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar Investimenti, stabbilit skond il-Konvenzjoni dwar is-Soluzzjoni ta Tilwim dwar Investimenti bejn Stati u s-Sudditi ta’ Stati oħra miftuħa għall-firma f’Washington, fit-18 ta’ Marzu 1965 (minn issa ‘l quddiem imsejħa l-Konvenzjoni Icsid) jekk il-Parti Kontraenti ta’ investitur u l-Parti Kontraenti li tkun parti f’tilwima jkunu t-tnejn partijiet għall-Konvenzjoni Icsid;

jew

(ii)

iċ-Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar Investimenti, stabbilit Skond il-Konvenzjoni msemmija fis-sub-paragrafu (a)(i), taħt ir-regoli li jiggwidaw il-Faċilità Addizzjonali għall-Amministrazzjoni tal-Proċeduri mis-Segretarjat taċ-Ċentru […] jekk il-Parti Kontraenti ta’ l-investitur jew il-Parti Kontraenti involuta fit-tilwima, iżda mhux it-tnejn, ikunu parti mill-Konvenzjoni Icsid;

(b)

arbitratur waħdieni jew tribunal ta’arbitraġġ ad hoc stabbilit taħt ir-Regoli ta’ l-Arbitraġġ tal-Kummisjoni tal-Nazzjonijiet Uniti fuq il-Liġi Internazzjonali tal-Kummerċ (‘l-Uncitral’);

jew

(ċ)

proċedura arbitrali taħt l-Istitut ta’ l-Arbitraġġ tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Stokkolma [l-Isvezja].

[…]

6.   Tribunal stabbilit skond il-paragrafu 4 għandu jiddeċiedi l-kwistjonijiet f’tilwima skond dan it-Trattat u r-regoli u l-prinċipji tal-liġi internazzjonali applikabbli.

[…]

8.   Is-sentenzi ta’ l-arbitraġġ, li jistgħu jinkludu sentenza ta’ l-interessi, għandhom ikunu finali u jorbtu lill-partijiet f’tilwima. […]”

Id-dritt Franċiż

7

L-Artikolu 1520 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jirregola l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija fi Franza. Jgħid dan li ġej:

“Ir-rikors għal annullament jista’ jiġi ppreżentat biss jekk:

1 It-Tribunal ta’ Arbitraġġ iddikjara, bi żball, li għandu jew li ma għandux ġurisdizzjoni; jew

2 It-Tribunal ta’ Arbitraġġ ġie kkostitwit irregolarment; jew

3 It-Tribunal ta’ Arbitraġġ iddeċieda mingħajr ma kkonforma ruħu mal-funzjoni fdata lilu;

4 Il-prinċipju ta’ kontradittorju ma ġiex osservat; jew

5 Ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza jmorru kontra l-ordni pubbliku internazzjonali.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

B’eżekuzzjoni ta’ sensiela ta’ kuntratti konklużi matul is-sena 1999, Ukrenergo, produttur Ukrain, biegħ l-elettriku lil Energoalians, distributur Ukrain, li biegħ mill-ġdid dan l-elettriku lil Derimen, kumpannija rreġistrata fil-Gżejjer Verġni Brittaniċi, li min-naħa tagħha biegħet mill-ġdid l-imsemmi elettriku lil Moldtranselectro, impriża pubblika ta’ Moldova, sabiex jiġi esportat lejn il-Moldova. Il-volumi tal-elettriku li kellhom jiġu pprovduti kienu ddefiniti kull xahar direttament bejn Moldtranselectro u Ukrenergo. L-istess elettriku ġie pprovdut minn Ukrenergo lil Moldtranselectro matul is-snin 1999 u 2000, bl-eċċezzjoni tax-xhur ta’ Mejju sa Lulju 1999, skont il-kundizzjonijiet “DAF Incoterms 1990”, jiġifieri sal-fruntiera li tissepara l-Ukraina mir-Repubblika tal-Moldova, min-naħa tal-Ukraina.

9

Derimen ħallset kompletament lil Energoalians l-ammonti dovuti għall-elettriku hekk mixtri, filwaqt li Moldtranselectro ħallset l-ammonti dovuti għal dan l-elettriku biss parzjalment lil Derimen.

10

Fit‑30 ta’ Mejju 2000, Derimen ittrasferixxiet lil Energoalians il-kreditu li hija kellha fil-konfront ta’ Moldtranselectro.

11

Moldtranselectro ħallset biss parzjalment id-dejn tagħha fir-rigward ta’ Energoalians billi bagħtitilha krediti li hija kellha. Energoalians ipprovat, għalxejn, tikseb il-ħlas tal-bilanċ ta’ dan id-dejn, fl-ammont ta’ USD 16287 185.94 (madwar EUR 13735000), billi ressqet kawża quddiem il-qrati Moldovani, u sussegwentement quddiem il-qrati Ukraini.

12

Peress li qieset li ċertu aġir tar-Repubblika tal-Moldova f’dan il-kuntest kien jikkostitwixxi ksur serju tal-obbligi li jirriżultaw mit-TKE, Energoalians bdiet il-proċedura ta’ arbitraġġ ad hoc prevista fl-Artikolu 26(4)(b) ta’ dan it-trattat.

13

Permezz ta’ sentenza mogħtija f’Pariġi fil‑25 ta’ Ottubru 2013, it-Tribunal tal-Arbitraġġ ad hoc stabbilit sabiex tinstab soluzzjoni għal din it-tilwima rrikonoxxa li kellu ġurisdizzjoni u, billi qies li r-Repubblika tal-Moldova kienet kisret l-obbligi internazzjonali tagħha, ikkundanna lil din tal-aħħar tħallas somma ta’ flus lil Energoalians abbażi tat-TKE.

14

Fil‑25 ta’ Novembru 2013, ir-Repubblika tal-Moldova ppreżentat rikors għal annullament quddiem il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) kontra din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, billi invokat il-ksur ta’ dispożizzjoni ta’ ordni pubbliku, jiġifieri dik dwar il-ġurisdizzjoni tal-imsemmi tribunal ta’ arbitraġġ, konformement mal-Artikolu 1520 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

15

Permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ April 2016, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) annullat l-imsemmija deċiżjoni ta’ arbitraġġ għar-raġuni li t-tribunal ta’ arbitraġġ kien iddikjara b’mod żbaljat li huwa għandu ġurisdizzjoni. Fil-fatt, it-tilwima bejn Energoalians u r-Repubblika tal-Moldova kienet tirrigwarda kreditu, ittrasferit minn Derimen u Energoalians, li l-uniku għan tiegħu huwa bejgħ tal-elettriku. Issa, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kontribuzzjoni min-naħa ta’ din tal-aħħar fil-Moldova, tali kreditu ma setax jiġi kkunsidrat bħala “investiment”, fis-sens tat-TKE, u li fuqu hija bbażata l-ġurisdizzjoni ta’ dan it-tribunal ta’ arbitraġġ.

16

Fuq appell ippreżentat minn Komstroy, aventi kawża ta’ Energoalians sa mis‑6 ta’ Ottubru 2014, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2018, annullat is-sentenza tal-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) tat‑12 ta’ April 2016, minħabba li din il-qorti kienet interpretat il-kunċett ta’ “investiment” billi żiedet kundizzjoni li t-TKE ma kienx jipprevedi, u rrinvijat lill-partijiet quddiem din il-qorti tal-appell, komposta b’mod differenti.

17

Quddiem l-imsemmija qorti tal-appell, ir-Repubblika tal-Moldova ssostni li l-imsemmi tribunal ta’ arbitraġġ kellu jirrifjuta l-ġurisdizzjoni tiegħu. Hija targumenta, qabelxejn, li l-kreditu akkwistat minn Energoalians mingħand Derimen, li huwa r-riżultat ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ enerġija, ma huwiex “investiment” fis-sens tal-Artikolu 26(1) tat-TKE, fid-dawl tal-punt 6 tal-Artikolu 1 ta’ dan it-trattat, u konsegwentement ma setax ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ arbitraġġ, peress li din hija prevista biss għall-Parti III tat-TKE li tirrigwarda, preċiżament, l-investimenti. Sussegwentement, anki jekk wieħed jassumi li dan il-kreditu seta’ jikkostitwixxi “investiment”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, dan ma kienx “imwettaq minn” impriża ta’ parti kontraenti fit-TKE, fejn Derimen hija impriża rreġistrata fil-Gżejjer Verġni Brittaniċi. Fl-aħħar nett, l-imsemmi kreditu jirrigwarda tranżazzjoni ta’ bejgħ tal-elettriku li ma twettqitx fiż-“żona” tal-Moldova, peress li l-elettriku jinbiegħ u jiġi ttrasportat biss lejn il-fruntiera li tissepara l-Ukraina mir-Repubblika tal-Moldova, mill-parti tal-Ukraina.

18

Komstroy issostni, min-naħa l-oħra, li l-istess tribunal ta’ arbitraġġ kellu l-ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 26 TKE, li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’dan l-artikolu fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tiegħu huma ssodisfatti.

19

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, sabiex tiddeċiedi l-kawża dwar il-ġurisdizzjoni tat-Tribunal ta’ Arbitraġġ, li hija adita bih, hija għandha tiddeċiedi jekk, fis-sens tat-TKE, it-tilwima bejn ir-Repubblika tal-Moldova u Energoalians tirrigwardax investiment u, jekk dan huwa l-każ, jekk dan l-investiment sarx minn Energoalians u jekk twettaqx fiż-“żona” tal-Moldova.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“ [1)]

[Il-punt 6 tal-Artikolu 1 TKE] għandu jiġi interpretat fis-sens li kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ bejgħ tal-elettriku li ma kien jinvolvi l-ebda provvista min-naħa tal-investitur fl-Istat ospitanti jista’ jikkostitwixxi “investiment” fis-sens ta’ dan l-artikolu?

[2)]

[L-Artikolu 26(1) TKE] għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi investiment l-akkwist minn investitur ta’ parti kontraenti fi kreditu kkostitwita minn operatur ekonomiku barrani għall-[partijiet kontraenti]?

[3)]

[L-Artikolu 26(1) TKE] għandu jiġi interpretat fis-sens li kreditu li jappartjeni lil investitur, li jirriżulta minn kuntratt ta’ bejgħ tal-elettriku kkunsinnat fil-fruntiera tal-Istat ospitanti, jista’ jikkostitwixxi investiment imwettaq fiż-żona ta’ parti kontraenti oħra, fl-assenza ta’ kull attività ekonomika eżerċitata mill-investitur fit-territorju ta’ din tal-aħħar?”

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

21

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern Ungeriż, il-Gvern Finlandiż u l-Gvern Svediż kif ukoll Komstroy huma, essenzjalment, tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula, peress li d-dritt tal-Unjoni ma huwiex applikabbli għat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li l-partijiet f’din it-tilwima huma barranin għall-Unjoni Ewropea.

22

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-atti adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni.

23

Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ftehim konkluż mill-Kunsill, konformement mal-Artikoli 217 u 218 TFUE, jikkostitwixxi, f’dak li jikkonċerna l-Unjoni, att meħud minn waħda mill-istituzzjonijiet tagħha, li d-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim jifformaw parti integrali, sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu, mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u li, fil-kuntest ta’ dan l-ordinament ġuridiku, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim (sentenzi tat‑30 ta’ April 1974, Haegeman, 181/73, EU:C:1974:41, punti 3 sa 6; tat‑8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie, C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 30, u tat‑22 ta’ Novembru 2017, Aebtri, C‑224/16, EU:C:2017:880, punt 50).

24

Il-fatt li l-ftehim ikkonċernat huwa ftehim imħallat, li ġie konkluż mill-Unjoni kif ukoll minn numru kbir ta’ Stati Membri, ma jistax, bħala tali, jeskludi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi f’din il-kawża.

25

Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li d-domandi magħmula jikkonċernaw il-kunċett ta’ “investiment”, fis-sens tat-TKE.

26

Issa, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-Unjoni għandha, f’dak li jirrigwarda l-investimenti barranin diretti, kompetenza esklużiva, konformement mal-Artikolu 207 TFUE, u, f’dak li jirrigwarda l-investimenti li ma humiex diretti, kompetenza kondiviża (Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ma’ Singapor), tas‑16 ta’ Mejju 2017, EU:C:2017:376, punti 82238243).

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta t-TKE, b’mod partikolari, kif ġie rrilevat fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari.

28

Huwa ċertament minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta ftehim internazzjonali fir-rigward tal-applikazzjoni tiegħu fil-kuntest ta’ tilwima li ma taqax taħt id-dritt tal-Unjoni. Dan japplika b’mod partikolari meta tali tilwima tkun bejn investitur minn Stat terz u Stat terz ieħor.

29

Madankollu, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali tista’ tapplika kemm għal sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni kif ukoll għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt dan id-dritt, ikun hemm interess tal-Unjoni ċert li, sabiex jiġu evitati diverġenzi futuri ta’ interpretazzjoni, din id-dispożizzjoni tingħata interpretazzjoni uniformi, irrispettivament mill-kundizzjonijiet li fihom l-imsemmija dispożizzjoni hija mitluba tapplika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 1997, Giloy, C‑130/95, EU:C:1997:372, punti 23 sa 28; tas‑16 ta’ Ġunju 1998, Hermès, C‑53/96, EU:C:1998:292, punt 32, kif ukoll tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Dior et, C‑300/98 u C‑392/98, EU:C:2000:688, punt 35).

30

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost fil-punti 26 u 27 ta’ din is-sentenza, dan huwa l-każ kemm tal-punt 6 tal-Artikolu 1 TKE kif ukoll tal-Artikolu 26(1) TKE, li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba mill-qorti tar-rinviju.

31

Għandu b’mod partikolari jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li din il-qorti jista’ jkollha, fil-kuntest ta’ kawża li taqa’ direttament taħt id-dritt tal-Unjoni, bħal kawża li tikkonċerna tilwima bejn operatur ta’ Stat terz u Stat Membru, tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet tat-TKE. Dan huwa possibbli mhux biss, bħal f’dan il-każ, fil-kuntest ta’ talba intiża għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija minn tribunal ta’ arbitraġġ li s-sede tiegħu hija stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru, iżda wkoll fil-każ fejn ġew aditi l-qrati tal-Istat Membru konvenut skont l-Artikolu 26(2)(a) TKE.

32

Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-partijiet fit-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali għażlu, skont l-Artikolu 26(4)(b) TKE, li jissuġġettaw din it-tilwima għal tribunal ta’ arbitraġġ ad hoc ikkostitwit abbażi tar-Regoli ta’ Arbitraġġ tal-Cnudci u aċċettaw, skont dawn ir-regoli ta’ arbitraġġ, li s-sede tal-arbitraġġ tkun stabbilita f’Pariġi.

33

Tali għażla, magħmula liberament minn dawn il-partijiet, għandha l-konsegwenza li tirrendi d-dritt Franċiż applikabbli għall-kawża prinċipali bħala lex fori fil-kundizzjonijiet u fil-limiti previsti minn dan id-dritt. B’mod partikolari, il-qrati Franċiżi għandhom, skont l-Artikolu 1520 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ rikorsi għal annullament diretti kontra deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija fi Franza minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tat-Tribunal ta’ Arbitraġġ. Issa, id-dritt tal-Unjoni jagħmel parti mid-dritt fis-seħħ f’kull Stat Membru (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 41).

34

Konsegwentement, l-istabbiliment tas-sede tal-arbitraġġ fit-territorju ta’ Stat Membru, f’dan il-każ Franza, iwassal għall-applikazzjoni, għall-bżonnijiet tal-proċedura miftuħa fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, tad-dritt tal-Unjoni, li l-qorti adita għandha l-obbligu li tiżgura l-osservanza tiegħu, konformement mal-Artikolu 19 TUE.

35

Issa, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża prinċipali u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ skritturi), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 25, u tal‑15 ta’ April 2021, Stat Belġjan. (Elementi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑194/19, EU:C:2021:270, punt 22).

36

Huwa minnu li, fis-sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 1999, Andersson u Wåkerås-Andersson (C‑321/97, EU:C:1999:307, punti 28 sa 32), kif ukoll tal‑15 ta’ Mejju 2003, Salzmann (C‑300/01, EU:C:2003:283, punti 66 sa 70), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-fatt li d-domanda preliminari magħmula minn qorti ta’ Stat Membru ma kinitx suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tinterpreta l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”).

37

Madankollu, fil-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi, il-qrati tar-rinviju kellhom japplikaw il-Ftehim ŻEE għal sitwazzjonijiet li ma kinux jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni sa fejn, kuntrarjament għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn is-sitwazzjonijiet kienu relatati ma’ perijodu preċedenti għall-adeżjoni fl-Unjoni tal-Istati li taħthom jaqgħu il-qrati. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kompetenza tagħha sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni, li minnu jagħmel parti l-Ftehim ŻEE, kienet tikkonċerna l-applikazzjoni tal-imsemmi dritt fl-Istati Membri l-ġodda biss mid-data tal-adeżjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 1999, Andersson u Wåkerås-Andersson, C‑321/97, EU:C:1999:307, punt 31,kif ukoll tal‑15 ta’ Mejju 2003, Salzmann, C‑300/01, EU:C:2003:283, punt 69).

38

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

39

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, li l-portata tagħha għandha tiġi evalwata billi jittieħed inkunsiderazzjoni s-suġġett tal-kawża prinċipali, dwar il-ġurisdizzjoni tat-Tribunal ta’ Arbitraġġ ad hoc li ta d-deċiżjoni msemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 6 tal-Artikolu 1 TKE u l-Artikolu 26(1) TKE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-akkwist, minn impriża ta’ parti kontraenti ta’ dan it-trattat, ta’ kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ provvista ta’ elettriku, li ma huwiex assoċjat ma’ investiment miżmum minn impriża ta’ Stat terz fl-imsemmi trattat fil-konfront ta’ impriża pubblika ta’ parti kontraenti oħra tal-istess trattat, jista’ jikkostitwixxi “investiment”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għalkemm dan il-kreditu ma jimplika ebda użu min-naħa tal-akkwirent fiż-żona tal-parti kontraenti ospitanti.

40

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, l-ewwel nett, kif osservaw diversi Stati Membri li pparteċipaw fil-proċedura, għandu jiġi ppreċiżat liema tilwim bejn parti kontraenti u investitur ta’ parti kontraenti oħra dwar investiment magħmul minn dan tal-aħħar fiż-żona tal-ewwel wieħed jista’ jitressaq quddiem tribunal ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 26 TKE.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm il-fatt li t-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ibbażata fuq l-Artikolu 26(2)(ċ) TKE, bejn operatur ta’ Stat terz u Stat terz ieħor ma jeskludix, għar-raġunijiet indikati fil-punti 22 sa 38 ta’ din is-sentenza, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għal dawn id-domandi, ma jistax jiġi dedott minn dan li din id-dispożizzjoni tat-TKE tapplika wkoll għal tilwima bejn operatur ta’ Stat Membru u Stat Membru ieħor.

42

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ftehim internazzjonali ma jistax jippreġudika s-sistema ta’ kompetenzi stabbilita permezz tat-trattati u, għaldaqstant, l-awtonomija tas-sistema legali tal-Unjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tagħha. Dan il-prinċipju huwa b’mod partikolari stabbilit fl-Artikolu 344 TFUE, li jipprovdi li l-Istati Membri jobbligaw ruħhom li ma jissuġġettawx tilwima dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tat-Trattati għal metodu ta’ soluzzjoni differenti minn dawk previsti minnhom (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Skont ġurisprudenza stabbilita wkoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni, fil-konfront kemm tad-dritt tal-Istati Membri kif ukoll tad-dritt internazzjonali, hija ġġustifikata minħabba karatteristiċi essenzjali tal-Unjoni u d-dritt tagħha, dwar, b’mod partikolari, l-istruttura kostituzzjonali tal-Unjoni kif ukoll in-natura nfisha tal-imsemmi dritt. Id-dritt tal-Unjoni huwa fil-fatt ikkaratterizzat mill-fatt li huwa mislut minn sors awtonomu, li huwa kkostitwit mit-Trattati, mis-supremazija tiegħu fuq id-drittijiet tal-Istati Membri, kif ukoll mill-effett dirett ta’ sensiela sħiħa ta’ dispożizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini tagħhom u għalihom stess. Tali karatteristiċi taw lok għal network strutturat ta’ prinċipji, ta’ regoli u ta’ relazzjonijiet legali reċiprokament interdipendenti li jorbtu, b’mod reċiproku, lill-Unjoni stess u lill-Istati Membri tagħha, kif ukoll lill-Istati Membri bejniethom (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll l-Opinjoni 1/17 (Ftehim ECG UE-Kanada), tat‑30 ta’ April 2019, EU:C:2019:341, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Din l-awtonomija tinsab fil-fatt li l-Unjoni għandha qafas kostituzzjonali tagħha stess. Jaqgħu, b’mod partikolari, taħt dan il-kuntest id-dispożizzjonijiet tat-Trattati UE u FUE, li jinkludu, b’mod partikolari, ir-regoli ta’ għoti u ta’ tqassim tal-kompetenzi, ir-regoli ta’ funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tas-sistema ġudizzjarja tagħha, kif ukoll ir-regoli fundamentali f’oqsma speċifiċi, strutturati b’mod li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-proċess ta’ integrazzjoni mfakkar fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/17 (Ftehim ECG UE-Kanada), tat‑30 ta’ April 2019, EU:C:2019:341, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Sabiex jiġi żgurat li jitħarsu l-karatteristiċi speċifiċi u l-awtonomija tal-ordni ġuridiku hekk stabbilit, it-Trattati stabbilixxew sistema ġudizzjarja maħsuba sabiex tiżgura l-koerenza u l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Konformement mal-Artikolu 19 TUE, huwa l-kompitu tal-qrati nazzjonali u tal-Qorti tal-Ġustizzja li jiggarantixxu l-applikazzjoni sħiħa ta’ dan id-dritt fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li l-partijiet f’kawża jissiltu minn dan id-dritt, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tipprovdi l-interpretazzjoni definittiva tad-dritt imsemmi. Għal dan il-għan, din is-sistema tinkludi, b’mod partikolari, il-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punti 3536 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u Opinjoni 1/17 (Ftehim ECG UE-Kanada), tat‑30 ta’ April 2019, EU:C:2019:341, punt 111 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46

Billi tistabbilixxi djalogu bejn qorti u oħra, preċiżament bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, din il-proċedura, li hija l-qofol tas-sistema ġudizzjarja hekk stabbilita, għandha l-għan li tiżgura l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u b’hekk tippermetti li tiġi żgurata l-koerenza tagħha, l-effett sħiħ tagħha u l-awtonomija tagħha kif ukoll, fl-aħħar mill-aħħar, in-natura proprja tad-dritt stabbilit mit-Trattati (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk tilwima bejn Stat Membru u investitur ta’ Stat Membru ieħor dwar investiment li jsir minn dan tal-aħħar fl-ewwel Stat Membru tistax tiġi suġġetta għal proċedura ta’ arbitraġġ, skont l-Artikolu 26(2)(ċ) TKE.

48

Għal dan il-għan, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 26(6) TKE, it-Tribunal ta’ Arbitraġġ previst fil-paragrafu 4 tal-istess artikolu jiddeċiedi fuq il-kwistjonijiet kontenzjużi skont it-TKE kif ukoll skont ir-regoli u l-prinċipji applikabbli tad-dritt internazzjonali.

49

Issa, kif ġie indikat fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, it-TKE stess huwa att tad-dritt tal-Unjoni.

50

Minn dan isegwi li tribunal ta’ arbitraġġ, bħal dak imsemmi fl-Artikolu 26(6) TKE, huwa mitlub jinterpreta, jew saħansitra japplika, id-dritt tal-Unjoni.

51

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat, fit-tieni lok, jekk tali tribunal ta’ arbitraġġ jinsabx fis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, jekk jistax jitqies li huwa qorti ta’ wieħed mill-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Fil-fatt, il-fatt li qorti stabbilita minn Stati Membri tkun tinsab fis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni għandu bħala konsegwenza li d-deċiżjonijiet tiegħu jkunu suġġetti għal mekkaniżmi ta’ natura li jiżguraw l-effettività sħiħa tar-regoli tal-Unjoni (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Issa, bħat-Tribunal ta’ Arbitraġġ inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 45), tribunal ta’ arbitraġġ ad hoc, bħal dak imsemmi fl-Artikolu 26(6) TKE, ma jikkostitwixxix element tas-sistema ġudizzjarja ta’ Stat Membru, f’dan il-każ ir-Repubblika Franċiża. Barra minn hekk, hija preċiżament in-natura derogatorja tal-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti, meta mqabbla ma’ dik tal-qrati tal-partijiet kontraenti tat-TKE, li tikkostitwixxi waħda mir-raġunijiet prinċipali għall-Artikolu 26(2)(ċ) u (4) ta’ dan it-trattat. Dan huwa iktar u iktar minnu peress li, jekk it-Tribunal ta’ Arbitraġġ ikkonċernat kien jagħmel parti mill-qrati ta’ parti kontraenti tal-imsemmi trattat, huwa jkun inkluż fil-qrati msemmija fl-Artikolu 26(2)(a) TKE u l-Artikolu 26(2(c) TKE, jitlef għalhekk kull effett utli.

53

Din il-karatteristika ta’ tali tribunal ta’ arbitraġġ timplika li dan ma jistax, fi kwalunkwe każ, jiġi kklassifikat bħala qorti jew tribunal “ta’ xi Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, u għalhekk ma huwiex awtorizzat jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punti 4649).

54

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat ukoll, fit-tielet lok, jekk id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija minn tali tribunal hijiex, skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 19 TUE, suġġetta għall-istħarriġ ta’ qorti ta’ Stat Membru u jekk dan l-istħarriġ huwiex ta’ natura li jiżgura l-osservanza sħiħa tad-dritt tal-Unjoni li jiggarantixxi li l-kwistjonijiet ta’ dritt tal-Unjoni li din il-qorti jista’ jkollha tittratta jistgħu, eventwalment, jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari.

55

Għal dan il-għan, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 26(8) TKE, id-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ huma definittivi u obbligatorji għall-partijiet fit-tilwima kkonċernata. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 26(4) TKE, tilwima, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ b’mod partikolari titressaq quddiem tribunal ta’ arbitraġġ ad hoc fuq il-bażi tar-Regoli ta’ Arbitraġġ taċ-Cnudci, peress li dan it-tribunal ta’ arbitraġġ jistabbilixxi r-regoli proċedurali tiegħu skont dawn ir-regoli ta’ arbitraġġ.

56

F’dan il-każ, kif tfakkar fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, il-partijiet fit-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali għażlu, skont l-Artikolu 26(4)(b) TKE, li jissuġġettaw din it-tilwima għal tribunal ta’ arbitraġġ ad hoc, ikkostitwit abbażi tar-Regoli ta’ Arbitraġġ taċ-Cnudci, u aċċettaw għalhekk, skont dan ir-regolament ta’ arbitraġġ, li s-sede tal-arbitraġġ tkun stabbilita f’Pariġi, u dan irrenda d-dritt Franċiż applikabbli għall-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju li għandha bħala suġġett l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija minn dan it-tribunal.

57

Madankollu, tali stħarriġ ġudizzjarju jista’ jiġi eżerċitat mill-qorti tar-rinviju biss sa fejn id-dritt intern tal-Istat Membru ta’ din tal-aħħar jippermetti dan. Issa, l-Artikolu 1520 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprevedi biss stħarriġ limitat li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-ġurisdizzjoni tat-Tribunal ta’ Arbitraġġ.

58

Ċertament, fir-rigward tal-arbitraġġ kummerċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżiti marbuta mal-effikaċja tal-proċedura ta’ arbitraġġ jiġġustifikaw li l-istħarriġ tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ eżerċitat mill-qrati tal-Istati Membri jkun ta’ natura limitata, sakemm id-dispożizzjonijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni jkunu jistgħu jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ u, jekk ikun il-każ, ikunu s-suġġett ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

Madankollu, proċedura ta’ arbitraġġ, bħal dik imsemmija fl-Artikolu 26 TKE, hija distinta minn proċedura ta’ arbitraġġ kummerċjali. Fil-fatt, filwaqt li t-tieni waħda toriġina mill-awtonomija tar-rieda tal-partijiet ikkonċernati, l-ewwel waħda tirriżulta minn trattat, li permezz tiegħu, skont l-Artikolu 26(3(a) TKE, l-Istati Membri jagħtu l-kunsens tagħhom sabiex jevitaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati tagħhom stess u, għaldaqstant, mis-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jobbligahom jistabbilixxu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 34), tilwim li jista’ jirrigwarda l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, dwar l-arbitraġġ kummerċjali, ma jistgħux jiġu trasposti għal proċedura ta’ arbitraġġ, bħal dik imsemmija fl-Artikolu 26(2)(ċ) TKE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 55).

60

Fid-dawl tal-karatteristiċi kollha tat-Tribunal ta’ Arbitraġġ imfakkra fil-punti 48 sa 59 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkunsidrat li, jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26 TKE li jippermettu li tali qorti tiġi fdata b’riżoluzzjoni ta’ tilwima bejniethom li tapplika għal tilwima bejn investitur ta’ Stat Membru u Stat Membru ieħor, dan jimplika li, permezz tal-konklużjoni tat-TKE, l-Unjoni u l-Istati Membri li huma partijiet għalih kienu jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni ta’ tali tilwima li jista’ jeskludi li din tal-aħħar, anki jekk din it-tilwima tikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kienet deċiża b’mod li tiżgura l-effikaċja sħiħa ta’ dan id-dritt (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 56).

61

Ċertament, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ftehim internazzjonali, li jipprevedi l-ħolqien ta’ qorti responsabbli għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu u li d-deċiżjonijiet tagħha jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluża l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ma huwiex, bħala prinċipju, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali u l-kapaċità tagħha li tikkonkludi ftehimiet internazzjonali jinkludu neċessarjament il-possibbiltà li tissuġġetta ruħha għad-deċiżjonijiet ta’ qorti maħluqa jew indikata bis-saħħa ta’ tali ftehimiet, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħhom, sakemm l-awtonomija tal-Unjoni u tal-ordinament ġuridiku tagħha tiġi osservata (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Madankollu, l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam internazzjonali ma jistax jiġi estiż sabiex jippermetti li tiġi prevista, fi ftehim internazzjonali, dispożizzjoni li tipprovdi li tilwima bejn investitur ta’ Stat Membru u Stat Membru ieħor li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi eskluża mis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, b’mod li ma tiggarantixxix l-effikaċja sħiħa ta’ dan id-dritt.

63

Fil-fatt, tali possibbiltà tkun, bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li waslet għas-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 58), u kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, ta’ natura li tqiegħed inkwistjoni ż-żamma tal-awtonomija u tan-natura proprja tad-dritt stabbilit mit-Trattati, żgurat b’mod partikolari mill-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE.

64

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, minkejja n-natura multilaterali tal-ftehim internazzjonali li minnu tagħmel parti, dispożizzjoni bħall-Artikolu 26 TKE hija intiża li tirregola, fir-realtà, relazzjonijiet bilaterali bejn tnejn mill-partijiet kontraenti, b’mod analogu għad-dispożizzjoni tat-Trattat bilaterali ta’ investiment inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 58).

65

Minn dan isegwi li, għalkemm it-TKE jista’ jobbliga lill-Istati Membri josservaw il-mekkaniżmi ta’ arbitraġġ li huwa jipprevedi fir-relazzjonijiet tagħhom mal-investituri ta’ Stati terzi li huma wkoll partijiet kontraenti ta’ dan it-trattat fir-rigward tal-investimenti mwettqa minn dawn tal-aħħar f’dawn l-Istati Membri, iż-żamma tal-awtonomija u tan-natura proprja tad-dritt tal-Unjoni tipprekludi li t-TKE jkun jista’ jimponi l-istess obbligi fuq l-Istati Membri bejniethom.

66

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 26(2)(ċ) TKE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex applikabbli għat-tilwim bejn Stat Membru u investitur ta’ Stat Membru ieħor dwar investiment magħmul minn dan tal-aħħar fl-ewwel Stat Membru.

67

Sussegwentement għandu jiġi rrilevat li, bis-saħħa tal-ewwel subparagrafu tal-punt 6 tal-Artikolu 1 TKE, il-kunċett ta’ “investiment”“ifisser kull tip ta’ assi, li jkun proprjetà jew ikkontrollat direttament jew indirettament minn investitur” li jinkludi wieħed mill-elementi msemmija fil-punti (a) sa (f) ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, it-tielet paragrafu tal-punt 6 tal-Artikolu 1 TKE jippreċiża, b’mod partikolari, li l-kelma “investiment”“jirreferi għal kwalunkwe investiment assoċjat ma’ attività ekonomika fis-settur ta’ l-enerġija”. Minn dan isegwi li l-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jiddefinixxi l-kunċett stess ta’ “investiment”, filwaqt li t-tielet paragrafu tal-imsemmija dispożizzjoni jippreċiża li l-investimenti kollha li jikkorrispondu għad-definizzjoni mogħtija fl-ewwel subparagrafu ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-TKE, peress li dan tal-aħħar ikopri biss l-investimenti assoċjati ma’ attività ekonomika fis-settur tal-enerġija.

68

Għaldaqstant, fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat jekk il-kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ provvista ta’ elettriku jaqax taħt il-kunċett ta’ “investiment” imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-punt 6 tal-Artikolu 1 TKE qabel, jekk dan ikun fl-affermattiv, ma jiġi vverifikat, fit-tieni lok, jekk tali investiment huwiex assoċjat ma’ attività ekonomika fis-settur tal-enerġija, fis-sens tat-tielet paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni.

69

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “investiment” imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-punt 6 tal-Artikolu 1 TKE, għandu jiġi kkonstatat li dan il-kunċett huwa kkaratterizzat minn żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Fl-ewwel lok, dan għandu jkun tip li jkun inżamm jew ikkontrollat direttament jew indirettament minn investitur u, fit-tieni lok, dan għandu jinkludi tal-inqas wieħed mill-elementi msemmija fil-punti (a) sa (f) ta’ din id-dispożizzjoni.

70

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li din hija ssodisfatta f’dan il-każ. Fil-fatt, kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ provvista tal-elettriku jikkostitwixxi assi miżmuma direttament minn investitur, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li l-kelma “investitur”, iddefinita fil-punt 7 tal-Artikolu 1 TKE u użata b’mod partikolari fl-Artikolu 26(1) TKE, tindika b’mod partikolari, fir-rigward ta’ parti kontraenti bħall-Ukraina, kull impriża organizzata skont il-leġiżlazzjoni applikabbli fit-territorju ta’ din il-parti kontraenti. Konsegwentement, Komstroy għandha tiġi kkunsidrata bħala investitur li għandu direttament assi taħt il-forma ta’ kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ provvista ta’ elettriku. F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li l-fatt li Komstroy kisbet il-kreditu ta’ impriża ta’ Stat terz fit-TKE ma jistax jikkontesta l-istatus tagħha ta’“investitur”, fis-sens tat-TKE, peress li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 138 tal-konklużjonijiet tiegħu, investiment jista’, skont l-istess punt 7 tal-Artikolu 1 TKE, jiġi kkostitwit minn operatur ekonomiku ta’ Stat terz fit-TKE.

71

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ provvista ta’ elettriku jista’ a priori jaqa’ kemm taħt punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-punt 6 tal-Artikolu 1 TKE kif ukoll taħt punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-punt 6 tal-Artikolu 1 TKE.

72

L-ewwel nett, fir-rigward tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-punt 6 tal-Artikolu 1 TKE, hemm inkluż fil-kunċett ta’ “investiment”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, “kwalunkwe dritt konferit minn […] kuntratt […] biex wieħed jidħol għal xi attività ekonomika fis-settur ta’ l-enerġija”. Issa, kreditu jista’ jitqies li huwa “dritt konferit minn […] kuntratt”. Madankollu, hekk kif l-Avukat Ġenerali essenzjalment irrileva fil-punt 122 tal-konklużjonijiet tiegħu, kreditu li jirriżulta minn sempliċi kuntratt ta’ bejgħ tal-elettriku ma jistax, bħala tali, jitqies li ngħata għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika fis-settur tal-enerġija.

73

It-tieni nett, fir-rigward tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-punt 6 tal-Artikolu 1 TKE, din id-dispożizzjoni tippreċiża li l-kunċett ta’ “investiment” jinkludi “pretensjonijiet għal flus u pretensjonijiet għal twettiq li joħroġ minn kuntratt li jkollu valur ekonomiku li jiġi assoċjat ma’ investiment”. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ provvista ta’ elettriku jistax jiġi assimilat ma’ tali krediti.

74

Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, li l-kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa likwidu sa fejn mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li dan jikkostitwixxi kreditu ta’ somma flus u li l-valur tiegħu fi flus jammonta għal USD 16287 185.94, kif tfakkar fil-punt 11 ta’ din is-sentenza.

75

Fit-tieni lok, dan il-kreditu joriġina minn kuntratt, jiġifieri l-kuntratt ta’ provvista tal-elettriku konkluż bejn Moldtranselectro u Derimen, li għandu valur ekonomiku peress li din il-provvista saret bil-ħlas ta’ somma flus.

76

Jibqa’ għalhekk li jiġi ddeterminat, fit-tielet lok, jekk l-imsemmi kreditu joriġinax minn kuntratt assoċjat ma’ investiment.

77

F’dan ir-rigward, xejn fil-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-kuntratt ta’ provvista ta’ elettriku konkluż bejn Moldtranseletro u Derimen huwa assoċjat ma’ kwalunkwe tranżazzjoni oħra, kemm jekk din tikkostitwixxi investiment jew le.

78

Fil-fatt, ir-relazzjoni kuntrattwali bejn Moldtranseletro u Derimen kienet tikkonċerna biss il-provvista tal-elettriku, peress li dan l-elettriku kien prodott minn operaturi oħra Ukraini li kienu sempliċement ibigħuh f’Derimen.

79

F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat li sempliċi kuntratt ta’ provvista huwa tranżazzjoni kummerċjali li ma tistax, bħala tali, tikkostitwixxi “investiment”, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 1 TKE, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk kontribuzzjoni hijiex neċessarja sabiex tranżazzjoni partikolari tikkostitwixxi investiment.

80

Kull interpretazzjoni oħra ta’ din id-dispożizzjoni twassal sabiex iċċaħħad mill-effett utli tagħha d-distinzjoni ċara li t-TKE tagħmel bejn il-kummerċ, irregolat mill-Parti II ta’ dan it-trattat, u l-investimenti, irregolati mill-parti III tiegħu.

81

Issa, tali distinzjoni tirrifletti l-għan tat-TKE, kif jirriżulta mill-preambolu tiegħu, li jikkonsisti fil-“kataliżi għat-tkabbir ekonomiku permezz ta’ miżuri biex jiġu liberalizzati l-investiment u l-kummerċ fl-enerġija”. Dawn iż-żewġ kategoriji ta’ miżuri huma riflessi fl-istruttura ta’ dan it-trattat li jirregola, minn naħa, l-investimenti u, min-naħa l-oħra, il-kummerċ.

82

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 26 TKE japplika għal tilwim dwar allegat ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-Parti III ta’ dan it-trattat, dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-investimenti, u mhux skont il-Parti II tiegħu, li tirrigwarda l-kummerċ. Din id-distinzjoni tirrifletti waħda mir-raġunijiet prinċipali sabiex ikunu regoli ta’ protezzjoni speċifiċi għall-investituri barranin, residenti fiċ-ċirkustanza li t-tranżazzjonijiet ta’ investiment jimplikaw l-immobilizzazzjoni ta’ riżorsi barra mill-pajjiż li ġeneralment ma jistgħux jiġu faċilment rimpatrijati fil-każ ta’ tilwima.

83

F’dan il-każ, ebda element mgħarraf lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi eskluż li l-provvista tal-elettriku lil Moldtranselectro setgħet tiġi riorjentata minn Derimen u proposta lil operaturi oħra, u dan iktar u iktar peress li, fi kwalunkwe każ, il-produzzjoni stess ta’ dan l-elettriku kienet tiddependi mill-ordnijiet li Moldtranselectro kienet teċċedi direttament lil Ukrenergo, filwaqt li din tal-aħħar kienet tbigħ l-imsemmi elettriku lil Energoalians li kienet tbigħhu mill-ġdid lil Derimen. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Derimen setgħet tinterrompi jew tnaqqas il-provvista tal-elettriku lil Moldtranselectro mingħajr ma dan jimplika l-immobilizzazzjoni tar-riżorsi tagħha fil-Moldova.

84

Peress li l-kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxix “investiment” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-punt 6 tal-Artikolu 1 TKE, ma huwiex neċessarju li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjoni prevista fit-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni u msemmija fil-punti 67 u 68 ta’ din is-sentenza hijiex issodisfatta.

85

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li l-punt 6 tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 26(1) TKE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-akkwist, minn impriża ta’ parti kontraenti ta’ dan it-trattat, ta’ kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ provvista ta’ elettriku, mhux assoċjat ma’ investiment, miżmum minn impriża ta’ Stat terz fl-imsemmi trattat fil-konfront ta’ impriża pubblika ta’ parti kontraenti oħra tal-istess trattat, ma jikkostitwixxix “investiment” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

86

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda magħmula.

Dwar l-ispejjeż

87

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 6 tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 26(1) tat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija, iffirmat f’Lisbona fis‑17 ta’ Diċembru 1994, approvat f’isem il-Komunitajiet Ewropej permezz tad-Deċiżjoni 98/181/KE, KEFA, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tat‑23 ta’ Settembru 1997, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-akkwist, minn impriża ta’ parti kontraenti ta’ dan it-trattat, ta’ kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ provvista ta’ elettriku, mhux assoċjat ma’ investiment, miżmum minn impriża ta’ Stat terz fl-imsemmi trattat fil-konfront ta’ impriża pubblika ta’ parti kontraenti oħra tal-istess trattat, ma jikkostitwixxix “investiment”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.