This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CJ0370
Judgment of the Court (Eighth Chamber) of 1 December 2022.#DOMUS-SOFTWARE-AG v Marc Braschoß Immobilien GmbH.#Request for a preliminary ruling from the Landgericht München I.#Reference for a preliminary ruling – Directive 2011/7/EU – Combating late payment in commercial transactions – Compensation for recovery costs incurred by the creditor due to late payment by the debtor – Article 6 – Fixed minimum sum of EUR 40 – Several late payments for periodic supplies of goods or services under a single contract.#Case C-370/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-1 ta’ Diċembru 2022.
DOMUS-SOFTWARE-AG vs Marc Braschoß Immobilien GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Landgericht München I.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/7/UE – Ġlieda kontra l-ħlas tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru mġarrba mill-kreditur f’każ ta’ ħlas tard mid-debitur – Artikolu 6 – Somma stabbilita minima ta’ EUR 40 – Dewmien ta’ diversi pagamenti bħala remunerazzjoni għal provvisti ta’ merkanzija jew għal provvisti ta’ servizzi ta’ natura perijodika mwettqa fl-eżekuzzjoni tal-istess kuntratt uniku.
Kawża C-370/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-1 ta’ Diċembru 2022.
DOMUS-SOFTWARE-AG vs Marc Braschoß Immobilien GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Landgericht München I.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/7/UE – Ġlieda kontra l-ħlas tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru mġarrba mill-kreditur f’każ ta’ ħlas tard mid-debitur – Artikolu 6 – Somma stabbilita minima ta’ EUR 40 – Dewmien ta’ diversi pagamenti bħala remunerazzjoni għal provvisti ta’ merkanzija jew għal provvisti ta’ servizzi ta’ natura perijodika mwettqa fl-eżekuzzjoni tal-istess kuntratt uniku.
Kawża C-370/21.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:947
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
1 ta’ Diċembru 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/7/UE – Ġlieda kontra l-ħlas tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru mġarrba mill-kreditur f’każ ta’ ħlas tard mid-debitur – Artikolu 6 – Somma stabbilita minima ta’ EUR 40 – Dewmien ta’ diversi pagamenti bħala remunerazzjoni għal provvisti ta’ merkanzija jew għal provvisti ta’ servizzi ta’ natura perijodika mwettqa fl-eżekuzzjoni tal-istess kuntratt uniku”
Fil-Kawża C‑370/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Ġunju 2021, fil-proċedura
DOMUS-Software-AG
vs
Marc Braschoß Immobilien GmbH
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn N. Piçarra (Relatur), li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal DOMUS-Software-AG, minn T. Schwartz, Rechtsanwalt, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u C. Hermes, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u (2) u tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2011, L 48, p. 1). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn DOMUS-Software-AG (iktar ’il quddiem “Domus”) u Marc Braschoß Immobilien GmbH (iktar ’il quddiem “MBI”) dwar talba għal kumpens fil-forma ta’ somma stabbilita għall-ispejjeż ta’ rkupru mġarrba minħabba ħlasijiet tard suċċessivi fil-kuntest tal-istess kuntratt uniku. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 |
Il-premessi 3, 17, 19 u 22 tad-Direttiva 2011/7 jipprovdu li:
[…]
[…]
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. L-għan ta’ din id-Direttiva hu l-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament kif suppost tas-suq intern, biex b’hekk titrawwem il-kompetittività tal-intrapriżi u, b’mod partikulari, tal-[intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs)]. 2. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali.” |
5 |
Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
[…]” |
6 |
L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Transazzjonijiet bejn intrapriżi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fit-transazzjonijiet kummerċjali bejn l-intrapriżi, il-kreditur huwa intitolat għall-imgħax fil-każ ta’ ħlas tard mingħajr il-bżonn ta’ tfakkira meta l-kondizzjonijiet li ġejjin huma sodisfatti:
|
7 |
Fi kliem l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/7, intitolat “Skedi ta’ ħlas”: “Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-kapaċità tal-partijiet li jiftiehmu, soġġett għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġislazzjoni nazzjonali applikabbli, fuq skedi ta’ ħlas li jipprevedu l-ħlas bin-nifs. F’każijiet ta’ dan it-tip, fejn kwalunkwe wieħed mill-ħlasijiet bin-nifs ma jitħallasx sad-data miftehma, l-imgħax u l-kumpens previsti f’din id-Direttiva għandhom jiġu kkalkulati biss fuq il-bażi tal-ammonti li jkunu għadhom ma tħallsux.” |
8 |
L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-imgħax għal ħlas tard isir dovut fi transazzjonijiet kummerċjali b’mod konformi mal-Artikolu 3 jew 4, il-kreditur huwa intitolat li jikseb mingħand id-debitur, bħala minimu, somma stabbilita ta’ EUR 40. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-somma stabbilita msemmija fil-paragrafu 1 tkun dovuta mingħajr il-ħtieġa ta’ tfakkira u bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru tal-kreditur stess. 3. Il-kreditur, apparti s-somma stabbilita msemmija fil-paragrafu 1, għandu jkun intitolat li jikseb kumpens raġonevoli mid-debitur għal kwalunkwe spejjeż ta’ rkupru li jaqbżu dik is-somma stabbilita u mġarrba minħabba l-ħlas tard tad-debitur. Dawn jistgħu jinkludu l-ispejjeż imġarrba, fost l-oħrajn, biex jitqabbdu avukat jew aġenzija tal-ġbir tad-djun.” |
9 |
L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet u prassi kuntrattwali inġusti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jipprovdu li kondizzjoni jew prassi kuntrattwali relatata mad-data jew mal-perjodu tal-ħlas, ir-rata ta’ mgħax għall-ħlas tard jew il-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru jkun jew mhux infurzabbli jew ikun jagħti lok għal talba għad-danni jekk ikun inġust għall-aħħar għall-kreditur. Biex jiġi stabbilit jekk kondizzjoni jew prassi kuntrattwali jkunu inġusti għall-aħħar għall-kreditur, fit-tifsira tal-ewwel subparagrafu, għandhom jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inklużi: […]
|
Id‑dritt Ġermaniż
10 |
L-Artikolu 286(1) u (3) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”) huwa fformulat kif ġej: “(1) Jekk id-debitur ma jwettaqx l-obbligu tiegħu fuq tfakkira tal-kreditur, maħruġa wara l-iskadenza, huwa jitqies li jkun ġie intimat b’effett ta’ din it-tfakkira. It-tressiq ta’ azzjoni għall-eżekuzzjoni tal-provvista u n-notifika ta’ ordni ta’ ħlas fil-kuntest tal-proċedura korrispondenti huma assimilati ma’ tfakkira. […] (3) Id-debitur ta’ kreditu ta’ remunerazzjoni għandu jitqies li jkun ġie intimat mhux iktar tard minn tletin jum wara l-iskadenza tat-terminu u mir-riċezzjoni ta’ fattura jew ta’ talba għal ħlas ekwivalenti jekk ma jkunx ħallas qabel; […]” |
11 |
L-Artikolu 288(5) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi: “Fil-każ ta’ kreditu ta’ remunerazzjoni, il-kreditur għandu, barra minn hekk, id-dritt li jikseb mingħand id-debitur intimat, li ma huwiex konsumatur, il-ħlas ta’ somma stabbilita ta’ EUR 40. Dan japplika wkoll fil-każ fejn dan il-kreditu jikkonsisti fi ħlas akkont jew f’forma oħra ta’ ħlas bin-nifs. Is-somma stabbilita prevista fl-ewwel sentenza għandha titnaqqas mill-ammont ta’ kumpens dovut, sa fejn dan il-kumpens huwa intiż sabiex jikkumpensa l-ispejjeż sostnuti mill-kreditur sabiex jinvoka d-drittijiet tiegħu.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
12 |
Fil-21 ta’ Awwissu 2019, Domus u MBI, żewġ impriżi rregolati mid-dritt Ġermaniż, ikkonkludew kuntratt li kellu bħala għan il-manutenzjoni ta’ softwer akkwistat mit-tieni impriża bi ħlas fix-xahar ta’ ammont ta’ EUR 135 flimkien mat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), li kien dovut fil-bidu ta’ kull perijodu ta’ fatturazzjoni. |
13 |
Fil‑11 ta’ Settembru 2019, fl‑1 ta’ Ottubru 2019 u fl‑1 ta’ Jannar 2020, Domus ħarġet suċċessivament, skont dan il-kuntratt, fatturi li jirrigwardaw, rispettivament, ix-xahar ta’ Settembru 2019 (EUR 133.04), ix-xhur ta’ Ottubru sa Diċembru 2019 (EUR 399.13 mingħajr VAT) u x-xhur minn Jannar sa Marzu 2020 (EUR 399.13 mingħajr VAT). Kull darba, MBI irċeviet il-fatturi l-għada tal-ħruġ tagħhom. |
14 |
Peress li dawn il-fatturi ma kinux tħallsu mal-iskadenza tat-terminu għall-ħlas, Domus adixxiet lill-Amtsgericht München (il-Qorti Distrettwali ta’ München, il-Ġermanja) b’azzjoni intiża sabiex MBI tiġi kkundannata tħallasha l-kreditu prinċipali li kien għadu dovut, flimkien mal-interessi moratorji, kif ukoll kumpens fil-forma ta’ somma stabbilita ta’ EUR 40 għal kull waħda mit-tliet fatturi mhux imħallsa, jiġifieri total ta’ EUR 120, abbażi tal-Artikolu 288(5) tal-BGB, bħala spejjeż ta’ rkupru sostnuti. |
15 |
Dik il-qorti laqgħet it-talba ta’ Domus f’dak li jirrigwarda l-kreditu prinċipali li kien għadu dovut. Madankollu, hija kkundannat lil MBI għall-ħlas, bl-interessi, tas-somma stabbilita ta’ EUR 40 biss. L-imsemmija qorti qieset li, fir-rigward tal-istess kuntratt uniku li minnu jirriżultaw pagamenti perijodiċi, Domus kellha dritt, skont interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 288(5) tal-BGB, li jittrasponi l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 fid-dritt Ġermaniż, għal somma stabbilita waħda biss. |
16 |
Domus appellat minn din is-sentenza quddiem il-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, fejn talbet il-kundanna ta’ MBI għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 80, li tikkorrispondi għaż-żewġ ammonti l-oħra stabbiliti mitluba. |
17 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li hija inklinata tinterpreta d-Direttiva 2011/7 fis-sens li pluralità ta’ krediti li jirriżultaw mill-istess kuntratt uniku, li joriġinaw minn ħlas tard tar-remunerazzjonijiet perijodiċi, tagħti dritt, tal-inqas, għall-ħlas tas-somma stabbilita ta’ EUR 40 għal kull kreditu distint. |
18 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġusitizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva [2011/7], moqri flimkien mal-Artikolu 3 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ talbiet perijodiċi għal ħlas li jirriżultaw minn relazzjoni kuntrattwali waħda, jagħtu dritt għall-ħlas ta’ somma f’daqqa li tikkonsisti f’tal-inqas EUR 40 għal kull talba individwali għal ħlas?” |
Fuq id‑domanda preliminari
19 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-istess kuntratt uniku jipprevedi provvisti ta’ merkanzija jew provvisti ta’ servizzi ta’ natura perijodika, b’kull waħda għandha titħallas fi żmien determinat, is-somma stabbilita minima ta’ EUR 40 hija dovuta għal kull ħlas tard, bħala kumpens tal-kreditur għall-ispejjeż ta’ rkupru, jew jekk din hijiex dovuta darba biss, irrispettivament min-numru ta’ pagamenti tard. |
20 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7 jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw li, meta interessi moratorji jkunu eżiġibbli fi tranżazzjonijiet kummerċjali, il-kreditur ikollu d-dritt li jikseb mingħand id-debitur, bħala minimu, il-ħlas ta’ somma stabbilita ta’ EUR 40, bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru. Barra minn hekk, fil-paragrafu 2 tiegħu, dan l-artikolu jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw li din is-somma stabbilita tkun dovuta awtomatikament, anki fl-assenza ta’ tfakkira lid-debitur, u li din tkun intiża sabiex tikkumpensa lill-kreditur għall-ispejjeż ta’ rkupru li jkun ġarrab. Fl-aħħar nett, fil-paragrafu 3 tiegħu, l-imsemmi artikolu jirrikonoxxi lill-kreditur id-dritt li jeżiġi mingħand id-debitur, minbarra s-somma stabbilita minima ta’ EUR 40, kumpens raġonevoli għall-ispejjeż l-oħra kollha ta’ rkupru li jaqbżu l-imsemmija somma stabbilita u li jkunu mġarrba minħabba ħlas tard tad-debitur. |
21 |
Il-kunċett ta’ “ħlas tard” li minnu joriġina d-dritt tal-kreditur li jikseb mingħand id-debitur mhux biss interessi moratorji, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2011/7, iżda wkoll somma stabbilita minima ta’ EUR 40, skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, huwa ddefinit fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva bħala kull ħlas li ma jsirx fil-perijodu ta’ ħlas kuntrattwali jew statutorju. Sa fejn l-istess direttiva tkopri, konformement mal-Artikolu 1(2) tagħha, il-“ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali”, dan il-kunċett ta’ “ħlas tard” huwa applikabbli għal kull tranżazzjoni kummerċjali kkunsidrata individwalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, BFF Finance Iberia, C‑585/20, EU:C:2022:806, punt 28). |
22 |
Fit-tieni lok, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7 jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ eżiġibbiltà tas-somma stabbilita minima ta’ EUR 40 billi jirreferi, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet kummerċjali bejn impriżi, għall-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva. Dan l-artikolu tal-aħħar jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’dawn it-tranżazzjonijiet kummerċjali, kreditur li jkun issodisfa l-obbligi tiegħu u li ma jkunx irċieva l-ammont dovut fil-ħin ikollu d-dritt li jitlob interessi moratorji, mingħajr il-ħtieġa ta’ tfakkira, ħlief jekk id-debitur ma jkunx responsabbli għal dan il-ħlas tard (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, BFF Finance Iberia, C‑585/20, EU:C:2022:806, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
23 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, minn naħa, li d-dritt li jinkisbu interessi moratorji, previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2011/7, kif ukoll id-dritt għal somma stabbilita minima, previst fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, li jitnissel minn “ħlas tard”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, huma marbuta ma’ “tranżazzjonijiet kummerċjali” kkunsidrati individwalment. Min-naħa l-oħra, dawn l-interessi, l-istess bħal din is-somma stabbilita, isiru eżiġibbli awtomatikament fl-iskadenza tat-terminu għall-ħlas previst fl-Artikolu 3(3) sa (5) tal-istess direttiva, sakemm il-kundizzjonijiet li jinsabu fil-paragrafu 1 tagħha jkunu ssodisfatti. Il-premessa 17 tad‑Direttiva 2011/7 tippreċiża, f’dan ir-rigward, li “[i]l-ħlas ta’ debitur għandu jitqies bħala ħlas tard, għall-għanijiet ta’ intitolament għal imgħax għal ħlas tard, meta l-kreditur ma jkollux is-somma dovuta għad-dispożizzjoni tiegħu fid-data miftehma sakemm ikun wettaq l-obbligi legali u kuntrattwali tiegħu” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, BFF Finance Iberia, C‑585/20, EU:C:2022:806, punt 32). |
24 |
Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ eżiġibbiltà tal-interessi moratorji u tas-somma stabbilita minima, rispettivament, la l-Artikolu 3(1) u lanqas l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7 ma jagħmlu distinzjoni skont jekk il-ħlasijiet li ma jsirux fil-ħin joħorġux jew le mill-istess kuntratt uniku. Għaldaqstant, il-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma jistax isostni l-interpretazzjoni li, fil-każ ta’ kuntratt wieħed, is-somma stabbilita minima ta’ EUR 40, bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru, tkun dovuta lill-kreditur darba biss, indipendentement min-numru ta’ pagamenti distinti li jsiru tard. |
25 |
Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/7, li jirrigwarda każ paragunabbli, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, ma’ dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, minn dan l-artikolu, moqri fid-dawl tal-premessa 22 tal-imsemmija direttiva, jirriżulta li, meta l-partijiet ikunu ftehmu dwar skeda ta’ ħlas li tiffissa l-ammonti li għandhom jitħallsu bin-nifs, somma stabbilita minima ta’ EUR 40, bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru, hija eżiġibbli għal kull ħlas bin-nifs mhux imħallas fil-ħin. |
26 |
Għaldaqstant, minn interpretazzjoni letterali u kuntestwali tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2011/7 jirriżulta li s-somma stabbilita minima ta’ EUR 40, bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru, hija dovuta lil kreditur li jkun issodisfa l-obbligi tiegħu għal kull ħlas li ma jsirx fil-ħin ta’ remunerazzjoni għal tranżazzjoni kummerċjali, indikata f’fattura jew talba għal ħlas ekwivalenti, inkluż meta jkunu tard diversi ħlasijiet ta’ remunerazzjoni għal provvisti ta’ merkanzija jew għal provvisti ta’ servizzi ta’ natura perijodika li jkunu saru fl-eżekuzzjoni tal-istess kuntratt uniku, ħlief jekk id-debitur ma jkunx responsabbli għal dawn il-ħlasijiet tard (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, BFF Finance Iberia, C‑585/20, EU:C:2022:806, punt 34). |
27 |
Fit-tielet lok, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 hija kkonfermata mill-għan tagħha. Mill-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 3 tagħha, jirriżulta, fil-fatt, li din ma hijiex intiża biss sabiex tiskoraġġixxi l-ħlas tard, billi tevita li dan ikun finanzjarjament interessanti għad-debitur, minħabba l-livell dgħajjef jew l-assenza ta’ interessi ffatturati f’tali sitwazzjoni, iżda wkoll sabiex tipproteġi b’mod effettiv lill-kreditur kontra tali ħlas tard, billi tiżguralu l-iktar kumpens sħiħ possibbli għall-ispejjeż ta’ rkupru sostnuti minnu. F’dan ir-rigward, il-premessa 19 tal-imsemmija direttiva tippreċiża, minn naħa, li l-ispejjeż ta’ rkupru għandhom jinkludu wkoll l-irkupru tal-ispejjeż amministrattivi u l-kumpens għall-ispejjeż interni mġarrba minħabba ħlasijiet tard u, min-naħa l-oħra, li l-kumpens permezz ta’ somma stabbilita għandu jkun intiż sabiex jillimita l-ispejjeż amministrattivi u interni marbuta mal-irkupru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, BFF Finance Iberia, C‑585/20, EU:C:2022:806, punti 35 u 36). |
28 |
F’din il-perspettiva, l-akkumulazzjoni, min-naħa tad-debitur, ta’ diversi ħlasijiet tard għal provvisti ta’ merkanzija jew għal provvisti ta’ servizzi ta’ natura perijodika, fl-eżekuzzjoni tal-istess kuntratt uniku, ma jistax ikollha l-effett li tnaqqas is-somma stabbilita minima dovuta bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru għal kull ħlas tard għal somma stabbilita waħda. Dan it-tnaqqis iwassal, l-ewwel nett, sabiex ineħħi l-effett utli tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7, li għandu l-għan, kif ġie enfasizzat fil-punt preċedenti, mhux biss li jiskoraġġixxi dan il‑ħlas tard iżda wkoll li jikkumpensa, permezz ta’ dawn is-somom, lill-kreditur “għall-ispejjeż ta’ rkupru tal-kreditur stess”, peress li dawn l-ispejjeż għandhom tendenza jiżdiedu proporzjonalment man-numru ta’ pagamenti u tal-ammonti li d-debitur ma jħallasx fil-ħin. Sussegwentement, l-imsemmi tnaqqis ikun ekwivalenti għall-għoti lid-debitur ta’ deroga mill-ħlas tas-somma stabbilita msemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, mingħajr ma din id-deroga tkun iġġustifikata minn xi “raġuni oġġettiva”, fis-sens tal-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva. It-tnaqqis inkwistjoni jwassal, fl-aħħar nett, sabiex jeżenta lid-debitur minn parti mill-piż finanzjarju li jirriżulta mill-obbligu tiegħu li jħallas, għal kull pagament mhux imħallas fil-ħin, is-somma stabbilita ta’ EUR 40, prevista fl-Artikolu 6(1) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, BFF Finance Iberia, C‑585/20, EU:C:2022:806, punt 37). |
29 |
Fid-dawl tal-premess, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7, moqri flimkien mal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-istess kuntratt uniku jipprevedi provvisti ta’ merkanzija jew provvisti ta’ servizzi ta’ natura perijodika, bil-ħlas għal kull provvista fi żmien determinat, is-somma stabbilita minima ta’ EUR 40 bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru tkun dovuta lill-kreditur għal kull ħlas tard. |
Dwar l‑ispejjeż
30 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikoli 6(1) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, moqri flimkien mal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, |
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
meta l-istess kuntratt uniku jipprevedi provvisti ta’ merkanzija jew provvisti ta’ servizzi ta’ natura perijodika, bil-ħlas għal kull provvista fi żmien determinat, is-somma stabbilita minima ta’ EUR 40 bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru tkun dovuta lill-kreditur għal kull ħlas tard. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.