EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0351

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-16 ta’ Marzu 2023.
ZG vs Beobank SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Justice de paix du canton de Forest.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Direttiva 2007/64/KE – Artikolu 47(1)(a) – Informazzjoni għal min iħallas wara li jirċievi l-ordni tal-ħlas tiegħu – Artikoli 58, 60 u 61 – Responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas f’każ ta’ tranżazzjonijiet mhux awtorizzati – Obbligu ta’ dan il-fornitur li jirrimborsa t-tranżazzjonijiet mhux awtorizzati lil min iħallas – Kuntratti qafas – Obbligu tal-imsemmi fornitur li jipprovdi lil min iħallas informazzjoni dwar il-benefiċjarju kkonċernat.
Kawża C-351/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:215

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

16 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Direttiva 2007/64/KE – Artikolu 47(1)(a) – Informazzjoni għal min iħallas wara li jirċievi l-ordni tal-ħlas tiegħu – Artikoli 58, 60 u 61 – Responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas f’każ ta’ tranżazzjonijiet mhux awtorizzati – Obbligu ta’ dan il-fornitur li jirrimborsa t-tranżazzjonijiet mhux awtorizzati lil min iħallas – Kuntratti qafas – Obbligu tal-imsemmi fornitur li jipprovdi lil min iħallas informazzjoni dwar il-benefiċjarju kkonċernat”

Fil-Kawża C‑351/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-justice de paix du canton de Forest (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Ġunju 2021, fil-proċedura

ZG

vs

Beobank SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, D. Gratsias, M. Ilešič, I. Jarukaitis u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal ZG, minn C. Sarli, avocate,

għal Beobank SA, minn D. Bracke, advocaat,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, C. Pochet u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn J. Očková, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Scharf u H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Lulju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 38(a) tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1, rettifika fil-ĠU 2009, L 187, p. 5).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn ZG u Beobank SA, organu bankarju Belġjan, li miegħu r-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa detentur ta’ kont bankarju, dwar żewġ tranżazzjonijiet ta’ ħlas imwettqa bl-għajnuna tal-kard ta’ debitu ta’ dan ir-rikorrent li dan tal-aħħar iqis li huma tranżazzjonijiet mhux awtorizzati.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 1, 21, 23, 27, 40, 43 u 46 tad-Direttiva 2007/64 jipprovdu:

“(1)

Huwa essenzjali għall-istabbiliment tas-suq intern li l-fruntieri interni kollha fil-Komunità [Ewropea] jitneħħew sabiex jippermetti l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital. Għaldaqstant, it-tħaddim tajjeb ta’ suq uniku fis-servizzi ta’ ħlas hu vitali. […]

[…]

(21)

Din id-Direttiva għandha tispeċifika l-obbligi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas fir-rigward tal-forniment ta’ informazzjoni lill-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas li għandhom jirċievu l-istess livell għoli ta’ informazzjoni ċara dwar servizzi ta’ ħlas biex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet ibbażati fuq tagħrif siewi u jkunu jistgħu jfittxu l-aħjar offerta minn madwar l-UE. Fl-interess tat-trasparenza din id-Direttiva tistipula r-rekwiżiti armonizzati meħtieġa biex ikun żgurat li informazzjoni meħtieġa u suffiċjenti tingħata lill-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas rigward kemm il-kuntratt ta’ servizzi ta’ ħlas kif ukoll it-transazzjonjiet ta’ ħlas. Sabiex jippromwovu l-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku fis-servizzi ta’ ħlas, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jadottaw biss dawk id-dispożizzjonijiet ta’ informazzjoni stabbiliti f’din id-Direttiva.

[…]

(23)

L-informazzjoni meħtieġa għandha tkun propozjonali għall-bżonnijiet ta’ l-utenti u kkomunikata b’mod standard. Madankollu, ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni għal transazzjoni unika tal-ħlas għandha tkun differenti minn dawk ta’ kuntratt qafas li jipprovdi għas-sensiela ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas.

[…]

(27)

Il-mod kif l-informazzjoni meħtieġa għandha tingħata mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas lill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas għandu jieħu kont tar-rekwiżiti ta’ dan ta’ l-aħħar kif ukoll ta’ l-aspetti tekniċi prattiċi u l-effiċjenza fl-ispiża skond is-sitwazzjoni fir-rigward tal-ftehim fil-kuntratt ta’ servizzi ta’ ħlas rispettiv. […]

[…]

(40)

Biex ikun hemm ipproċessar tal-ħlas integrat bis-sħiħ u dirett u ċertezza legali fir-rigward ta’ l-eżekuzzjoni ta’ kwalunkwe obbligu sottostanti bejn l-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas, huwa meħtieġ li l-ammont totali trasferit mingħand dak li jħallas għandu jkun akkreditat lill-kont ta’ min ikun qed jitħallas. […]

[…]

(43)

Sabiex titjieb l-effiċjenza tal-ħlasijiet fil-Komunità kollha, l-ordnijiet ta’ ħlas kollha mibdija minn min iħallas u denominati fl-euro jew fil-valuta ta’ Stat Membru li qiegħed barra miż-żona euro, inklużi trasferimenti ta’ krediti u ħlasijiet ta’ flus, għandhom ikunu soġġetti għal ħin ta’ eżekuzzjoni massimu ta’ jum. […] Minħabba l-fatt li l-infrastrutturi nazzjonali tal-ħlas huma ħafna drabi effiċjenti ħafna u biex il-livelli preżenti ta’ servizzi ma jmorrux lura, l-Istati Membri għandhom jitħallew iżommu fis-seħħ jew jistabbilixxu regoli li jispeċifikaw żmien ta’ eżekuzzjoni ta’ anqas minn jum ta’ negozju, fejn ikun xieraq.

[…]

(46)

Il-funzjonament mingħajr problemi u effiċjenti tas-sistema tal-ħlas jiddependi fuq kemm l-utent ikun jista’ jistrieħ fuq il-fornitur ta’ servizz ta’ ħlas li jwettaq kif suppost it-transazzjoni ta’ ħlas u fiż-żmien miftiehem. Ġeneralment, il-fornitur jinsab f’pożizzjoni li jevalwa r-riskji involuti fit-transazzjoni ta’ ħlas. Huwa l-fornitur li jipprovdi s-sistemi ta’ ħlas, li jagħmel arranġamenti biex jerġa’ jiġbor il-fondi li jkunu ntilfu jew li jkunu ġew allokati ħażin, u li jiddeċiedi fil-biċċa l-kbira tal-każijiet dwar l-intermedjarji involuti fl-eżekuzzjoni ta' transazzjoni ta’ ħlas. Tenut kont ta’ dawk il-konsiderazzjonijiet kollha, huwa għal kollox xieraq, ħlief għal ċirkostanzi anormali u mhux prevedibbli, li tkun imposta responsabbiltà fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas fir-rigward ta’ l-eżekuzzjoni ta’ transazzjoni ta’ ħlas aċċettata mill-utent, ħlief għall-atti u l-omissjonijiet tal-fornitur ta’ servizzi ta’ min jitħallas li l-għażla tagħhom hija biss ir-responsabbiltà ta’ min qed jiħallas. Madankollu, sabiex min iħallas ma jitħalliex mingħajr protezzjoni f’sitwazzjonijiet mhux probabbli fejn jista’ jkun li jibqa’ miftuħ (non liquet) jekk l-ammont ta’ ħlas kienx debitament riċevut mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min jitħallas jew le, l-obbligu ta’ prova korrispondenti għandu jibqa’ tal-fornitur ta’ servizzi ta’ min iħallas. Bħala regola, wieħed jista’ jistenna li l-istituzzjoni intermedjarja, normalment korp ‘newtru’ bħal bank ċentrali jew ‘clearing house’, li tkun qed titrasferixxi l-ammont ta’ ħlas mingħand il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas li jibgħat għal għand dak li jirċievi, ser taħżen id-data tal-kont u tkun tista’ tipprovdih kull meta dan ikun meħtieġ. Kull meta l-ammont ta’ ħlas ikun ġie kkreditat fil-kont tal-fornitur ta’ servizz ta’ ħlas li jirċievi, min jitħallas għandu immedjatament ikollu pretensjoni fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu għal kreditu fil-kont tiegħu.”

4

Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

4.

‘istituzzjonijiet tal-ħlas’ tfisser persuna ġuridika li tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni skond l-Artikolu 10 biex tipprovdi u twettaq servizzi ta’ ħlas fil-Komunità kollha;

5.

‘transazzjoni ta’ ħlas’ tfisser att, mibdi minn min iħallas jew minn min jitħallas, ta’ tqegħid, ta’ trasferiment jew ta’ ġbid ta’ fondi, irrispettivament minn kwalunkwe obbligazzjoni sottostanti bejn min ħallas u min jitħallas;

[…]

7.

‘min iħallas’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li għandha kont tal-ħlas u tippermetti ordni tal-ħlas minn dak il-kont tal-ħlas, jew, fejn ma jkun hemm l-ebda kont tal-ħlas, persuna fiżika jew ġuridika li tagħti ordni għal ħlas;

8.

‘min jitħallas’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun ir-riċevitur intenzjonat ta’ fondi li kienu s-suġġett ta’ transazzjoni ta’ ħlas;

9.

‘fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas’ tfisser korpi msemmija fl-Artikolu 1(1) u persuni ġuridiċi u fiżiċi li jibbenefikaw mit-twarrib skond l-Artikolu 26;

10.

‘utent ta’ servizzi ta’ ħlas’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel użu minn servizzi ta’ ħlas fil-kapaċità ta’ min iħallas jew ta’ min jitħallas, jew tat-tnejn;

11.

‘konsumatur’ tfisser persuna fiżika li, f’kuntratti ta’ servizzi ta’ ħlas koperti minn din id-Direttiva, qed taġixxi għal finijiet li ma humiex is-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

12.

‘kuntratt qafas’ tfisser kuntratt ta’ servizzi ta’ ħlas li jirregola l-eżekuzzjoni futur ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas individwali u suċċessivi u li jista’ jkollhom l-obbligu u l-kundizzjonijiet biex jiġi stabbilit kont tal-ħlas;

[…]”

5

Bit-titolu “Trasparenza ta’ kundizzjonijiet u rekwiżiti ta’ informazzjoni għas-servizzi ta’ ħlas”, it-Titolu III tal-imsemmija direttiva jinkludi l-Kapitolu 2, li huwa intitolat “Transazzjonijiet ta’ ħlas wieħed”.

6

L-Artikolu 38 tal-istess direttiva, intitolat “Informazzjoni għal min iħallas wara r-riċevuta ta’ l-ordni tal-ħlas”, kien jiddisponi, fil-punt (a) tiegħu:

“Immedjatament wara r-riċevuta ta’ l-ordni tal-ħlas, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas għandu jipprovdi jew jagħmel disponibbli lil min iħallas, bl-istess mod kif previst fl-Artikolu 36(1) l-informazzjoni li ġejja:

(a)

referenza li tippermetti lil min iħallas jidentifika t-transazzjoni ta’ ħlas u, fejn ikun xieraq, informazzjoni dwar min jitħallas”.

7

Fil-Kapitolu 3 tat-Titolu III tad-Direttiva 2007/64, intitolat “Kuntratti qafas”, l-Artikolu 41 tiegħu, intitolat “Informazzjoni ġenerali minn qabel”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“[…] L-informazzjoni u l-kundizzjonijiet għandhom jingħataw fi kliem li jiftiehmu faċilment u f’forma ċara u li tista’ tiftiehem sewwa, f’lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru fejn ikun offrut is-servizzi ta’ ħlas jew fi kwalunkwe lingwa oħra miftiehma mill-partijiet.”

8

L-Artikolu 47 ta’ din id-direttiva, intitolat “Informazzjoni għal min iħallas dwar transazzjonjiet ta’ ħlas individwali”, kien jiddisponi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Wara li l-ammont ta’ transazzjoni ta’ ħlas individwali tiġi debitata mill-kont ta’ min iħallas jew, fejn min iħallas ma jużax kont tal-ħlas, wara l-irċevuta ta’ l-ordni tal-ħlas, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas għandu jforni lil min iħallas mingħajr dewmien bla bżonn fl-istess mod kif imniżżel fl-Artikolu 41(1) bl-informazzjoni li ġejja:

(a)

referenza li tippermetti lil min iħallas jidentifika t-transazzjoni ta’ ħlas u, fejn ikun xieraq, informazzjoni dwar min jitħallas;

(b)

l-ammont ta’ transazzjoni ta’ ħlas fil-valuta li fiha l-kont tal-ħlas ta’ min iħallas jiġi debitat jew fil-valuta użata għall-ordni tal-ħlas;

(ċ)

l-ammont ta’ kwalunkwe drittijiet mitluba għat-transazzjoni ta’ ħlas, u, fejn applikabbli, qsim dettaljat tiegħu, jew l-imgħax pagabbli minn min iħallas;

(d)

fejn applikabbli, ir-rata tal-kambju użata fit-transazzjoni ta’ ħlas mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min jitħallas, u l-ammont tat-transazzjoni ta’ ħlas qabel il-konverżjoni tal-valuta; u

(e)

id-data tal-valur ta’ debitu jew id-data ta’ l-irċevuta ta’ l-ordni tal-ħlas.

2.   Kuntratt qafas jista’ jinkludi kondizzjoni li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi fornuta jew issir disponibbli perjodikament mill-inqas darba fix-xahar u b’mod maqbul li jippermetti lil min iħallas jaħżen u jirriproduċi informazzjoni mingħajr tibdil.”

9

L-Artikolu 58 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Notifika ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas eżegwita mingħajr awtorizzazzjoni jew imwettqa skorrettament”, kien ifformulat kif ġej:

“L-utent ta’ sevizzi tal-ħlas għandu jikseb rettifika mingħand il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas biss jekk jinnotifika lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas mingħajr dewmien bla bżonn malli jsir konxju ta’ kwalunkwe transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata jew eżegwita skorrettament li tirriżulta fi pretensjoni, inkluża dik taħt l-Artikolu 75, u mhux aktar tard minn 13‑il xahar wara d-data tad-debitu, sakemm, fejn applikabbli, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ikun naqas milli jipprovdi jew jagħamel disponibbli l-informazzjoni dwar dik it-transazzjoni ta’ ħlas skond it-Titolu III.”

10

Skont l-Artikolu 59 tal-istess direttiva, intitolat “Evidenza dwar l-awtentiċità u l-eżekuzzjoni tat-transazzjonjiet ta’ ħlas”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li, fejn utent ta’ sevizzi tal-ħlas jiċħad li jkun awtorizza transazzjoni ta’ ħlas li tkun ġiet eżegwita jew jiddikjara li t-transazzjoni ta’ ħlas tkun ġiet imwettqa skorrettament, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għandu jagħti prova li t-transazzjoni ta’ ħlas kienet ġiet awtentikata, dokumentata b’mod preċiż, imdaħħla fil-kontijiet u mhux affettwata minn xi ħsara teknika jew xi difett ieħor.

2.   Fejn utent ta’ servizzi ta’ ħlas jiċħad li jkun awtorizza transazzjoni ta’ ħlas li tkun ġiet eżegwita, l-użu ta’ strument tal-ħlas irreġistrat mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas m’għandux fih innifsu ikun neċessarjament biżżejjed bħala prova li t-transazzjoni ta’ ħlas kinet awtorizzata minn min iħallas jew li min iħallas ikunx aġixxa b’mod frodulenti jew naqas b’intenzjoni jew traskuraġni serja milli jissodisfa obbligu jew obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 56.”

11

L-Artikolu 60 tad-Direttiva 2007/64, intitolat “Responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas f’każ ta’ telf għal transazzjonjiet ta’ ħlas mhux awtorizzati”, kien jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 58, fil-każ ta’ transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas jagħti lura immedjatament lil min iħallas l-ammont tat-transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata u, fejn applikabbli, jerġa’ jġib il-kont tal-ħlas iddebitat għall-istat li fih kien ikun li kieku ma seħħetx it-transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata.

2.   Jista’ jiġi stabbilit aktar kumpens finanzjarju skond il-liġi applikabbli għall-kuntratt konkluż bejn min iħallas u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu.”

12

L-Artikolu 61 ta’ din id-direttiva, intitolat “Responsabbiltà ta’ min iħallas għal transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata”, kien jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   B’deroga mill-Artikolu 60, min iħallas għandu jġorr it-telf relatat ma’ kwalunkwe transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, sa massimu ta’ EUR 150, li jirriżulta mill-użu ta’ strument tal-ħlas mitluf jew misruq jew, jekk min iħallas naqas milli jħares il-karatteristiċi personalizzati tas-sigurtà, mill-misapprorjazzjoni ta’ strument tal-ħlas.

2.   Min iħallas għandu jġorr it-telf kollu li jirrigwardaw transazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati jekk hu jkun ġarrabhom b’aġir frodulenti jew billi jkun naqas milli jissodisfa obbligu jew obbligi taħt l-Artikolu 56 b’intenzjoni jew bi traskuraġni serja. F’tali każijiet, l-ammont massimu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu m’għandux japplika.

3.   F’każijiet fejn min iħallas ma jkun la aġixxa b’mod frodulenti u lanqas bi ħsieb u naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 56, l-Istati Membri jistgħu jnaqqsu r-responsabbiltà msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, b’kont meħud, b’mod partikolari tan-natura tal-karatteristiċi personalizzati ta’ sigurtà ta’ l-istrument tal-ħlas u ċ-ċirkostanzi li fihom intilef, insteraq jew ġie misapproprjat.”

13

L-Artikolu 86 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Armonizzazzjoni sħiħa”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li, “[m]ingħajr preġudizzju għall-Artikol[u] […] 61(3) […] safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu dispożizzjonjiet minbarra dawk stabbiliti f’din id-Direttiva”.

Id‑dritt Belġjan

14

Il-punt 1 tal-Artikolu VII.18 tal-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku”), kien jiddisponi:

“Wara li l-ammont ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas individwali [kienet] tiġi ddebitata mill-kont ta’ min iħallas jew, fejn min iħallas ma jużax kont tal-ħlas, wara l-irċevuta tal-ordni tal-ħlas, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas għandu jipprovdilu, mingħajr dewmien u skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu VII.12[(1)], l-informazzjoni li ġejja:

referenza li tippermetti lil min iħallas jidentifika kull tranżazzjoni ta’ ħlas u, jekk ikun il-każ, l-informazzjoni dwar il-benefiċjarju”.

15

L-Artikolu VII.35 tal-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku kien jipprevedi:

“Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu VII.33, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas għandu, f’każ ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, wara verifika prima facie għall-frodi min-naħa ta’ min iħallas, jirrimborsa immedjatament lil min iħallas l-ammont ta’ din it-tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, u jekk ikun il-każ, jerġa’ jġib il-kont tal-ħlas iddebitat għall-istat li fih kien ikun li kieku ma seħħetx it-tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, jekk ikun il-każ b’żieda tal-interessi fuq dan l-ammont.

Barra minn hekk, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas għandu jirrimborsa l-eventwali konsegwenzi finanzjarji oħra, b’mod partikolari, l-ammont tal-ispejjeż magħmula mid-detentur għad-determinazzjoni tad-dannu kumpensabbli”.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

16

ZG, resident Belġjan, għandu kont bankarju ma’ Beobank, fil-Belġju, li għalih huwa għandu kard ta’ debitu.

17

Fil-lejl ta’ bejn l‑20 u l‑21 ta’ April 2017, ZG kien jinsab f’Valencia (Spanja). F’0:35 sar ħlas ta’ EUR 100 permezz tal-kard ta’ debitu tiegħu fi stabbiliment li n-natura eżatta tiegħu hija kkontestata bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali. Sussegwentement, saru żewġ ħlasijiet oħra permezz ta’ din il-kard u fuq l-istess terminal ta’ pagament b’mezz mobbli għall-ammonti, rispettivament, ta’ EUR 991, fis‑1:35, u ta’ EUR 993, fis‑2:06. Fis‑2:35 sar ir-raba’ ħlas għal ammont ta’ EUR 994, iżda ġie rrifjutat.

18

ZG ma jikkontestax l-ewwel ħlas ta’ EUR 100, iżda jikkontesta t-tieni u t-tielet ħlas (iktar ’il quddiem il-“ħlasijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali”). Huwa jispjega, quddiem il-qorti tar-rinviju, li ma jiftakarx dak li ġara wara dak li kkonsma fl-istabbiliment ikkonċernat. Huwa lanqas jiftakar l-isem u l-indirizz ta’ dan l-istabbiliment u jallega li huwa kien vittma ta’ frodi ffaċilitat bl-amministrazzjoni ta’ droga.

19

Fit‑23 ta’ April 2017, ZG imblokka l-kard bankarja tiegħu u, fid‑29 ta’ April 2017, ressaq ilment quddiem il-pulizija ta’ Brussell (il-Belġju), għal serq u użu frawdolenti ta’ din il-kard bankarja.

20

Quddiem il-justice de paix du canton de Forest (il-Belġju), li hija l-qorti tar-rinviju, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jitlob, minbarra l-ħlas ta’ danni fl-ammont ta’ EUR 500, ir-rimbors tal-ħlasijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri ammont ta’ EUR 1984, li huwa jqis “mhux awtorizzati”, fis-sens tal-Artikolu VII.35 tal-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku.

21

Beobank tikkontesta l-fatti hekk kif dawn tal-aħħar huma deskritti minn ZG u tirrifjuta li twettaq dan ir-rimbors, billi tqis li dawn il-ħlasijiet kienu ġew awtorizzati jew li, tal-inqas, ZG wettaq “negliġenza serja”.

22

Skont il-qorti tar-rinviju, huwa importanti li wieħed ikun jaf min ibbenefika mill-imsemmija ħlasijiet. Bħala regola ġenerali, il-frodi mwettqa minn terz permezz tal-kard ta’ debitu ta’ vittma tippermetti lill-frodist iwettaq xiri jew ġbid ta’ flus. Issa, f’dan il-każ, skont l-allegazzjonijiet ta’ ZG, il-frodi kienet tibbenifika l-kont bankarju ta’ terz.

23

Il-qorti tar-rinviju tindika li, wara t-talba magħmula mill-avukat ta’ ZG, Beobank ipprovdiet biss ir-referenza numerika u l-ġeolokalizzazzjoni tat-terminal ta’ pagament ikkonċernat, mingħajr ma indikat l-identità tal-benefiċjarju tal-ħlasijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ħlief bil-mod li ġej: “COM SU VALENCIA ESP”. Din il-qorti tippreċiża li l-kawża prinċipali kienet ġiet irrinvijata wara s-seduta għas-sottomissjonijiet orali b’mod li tippermetti lil Beobank tagħmel preċiżazzjonijiet f’dan ir-rigward, iżda li din tal-aħħar fl-aħħar mill-aħħar ma pprovdithomx, li jindika li ma rċevietx informazzjoni addizzjonali min-naħa ta’ ATOS, l-amministratur ta’ dan it-terminal ta’ pagament. Skont Beobank, huwa l-istabbiliment bankarju Spanjol tal-benefiċjarju ta’ dawn il-ħlasijiet, Sabadell, li jirrifjuta li jikkomunika l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni tan-negozjant ikkonċernat.

24

B’riferiment għall-Artikolu VII.18 tal-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, fir-rigward tal-provvista ta’ din l-informazzjoni, l-istabbiliment bankarju kkonċernat kienx suġġett għal obbligu ta’ mezzi jew għal obbligu ta’ riżultat. Jekk l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tippermetti li jiġi konkluż li Beobank naqset mill-obbligu tagħha, dan ikun ifisser, skont din il-qorti, li din tal-aħħar “tista’ tislet konklużjonijiet dwar [l-obbligu tal-bank] li jirrimborsa t-tranżazzjonijiet kontenzjużi u/jew dwar it-talba għall-kumpens fir-rigward tat-telf ta’ opportunità ta’ rkupru tal-fondi mingħand terzi”.

25

Quddiem il-qorti tar-rinviju, Beobank issostni li l-Artikolu VII.18 tal-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku jipprevedi biss obbligu ta’ mezzi fuq l-istabbiliment bankarju kkonċernat, billi jimponilu biss li jipprovdi l-informazzjoni li jibgħatlu l-korrispondent tiegħu u billi jħalli f’idejn il-konsumatur li jikkuntattja lil dan il-korrispondent jekk din l-informazzjoni tkun insuffiċjenti. F’dan il-każ, Beobank tistieden lil dik il-qorti, jekk ikun meħtieġ, “toħroġ stedina ġudizzjarja” lil Sabadell sabiex dan tal-aħħar jipproduċi d-dokumenti li jippermettu l-identifikazzjoni tal-benefiċjarju tat-tranżazzjoni kkonċernata. Fl-assenza ta’ tweġiba sodisfaċenti, ikun hemm lok, skont Beobank, li tiġi ordnata investigazzjoni, fil-kuntest ta’ ittra rogatorja, sabiex jinstemgħu l-membri ta’ Sabadell. Insostenn tal-perspettiva tagħha, Beobank tibbaża ruħha fuq il-kliem “fejn ikun xieraq”, użati fid-dispożizzjoni kkonċernata. Għall-kuntrarju, ZG iqis li Beobank għandha tinżamm responsabbli għan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ data minn Sabadell.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-justice de paix du canton de Forest iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Skont […] l-Artikolu 38[(a)] tad-Direttiva [2007/64], il-fornitur ta’ servizzi [ta’ ħlas ta’ min iħallas] huwa marbut b’obbligu ta’ mezzi u b’obbligu ta’ riżultat fir-rigward tal-fornitura ta’ ‘informazzjoni dwar min jitħallas’?

2)

L-‘informazzjoni dwar min jitħallas’ imsemmija f’din id-dispożizzjoni tirkupra l-informazzjoni li tippermetti li tiġi identifikata l-persuna fiżika jew ġuridika li bbenefikat mill-ħlas?”

Osservazzjonijiet preliminari

27

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 38(a) tad-Direttiva 2007/64 u għalhekk dispożizzjoni li tagħmel parti mill-Kapitolu 2 ta’ din id-direttiva, li kien jirregola, fil-kuntest tat-Titolu III ta’ din tal-aħħar, huwa stess intitolat “Trasparenza ta’ kundizzjonijiet u rekwiżiti ta’ informazzjoni għas-servizzi ta’ ħlas”, it-“[t]ransazzjonijiet ta’ ħlas wieħed”.

28

Dan il-Kapitolu 2 kien japplika, kif jistabbilixxi l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2007/64, għal “transazzjonjiet ta’ ħlas wieħed li ma ’jkunux koperti minn kuntratt qafas”.

29

Issa, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li ZG għandu kont tal-ħlas ma’ Beobank li għalih għandu kard ta’ debitu, li permezz tagħha saru l-ħlasijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif isostnu Beobank, il-Gvern Ċek u l-Kummissjoni Ewropea, il-ħlasijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidhrux li huma “tranżazzjonijiet iżolati”, fis-sens tal-Kapitolu 2 tat-Titolu III tad-Direttiva 2007/64, iżda li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 3, intitolat “Kuntratti qafas”, tat-Titolu III ta’ din id-direttiva.

31

Dan il-Kapitolu 3 kien japplika, konformement mal-Artikolu 40 tal-imsemmija direttiva, għat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas koperti minn kuntratt qafas. “Kuntratt qafas” kien iddefinit, fil-punt 12 tal-Artikolu 4 tal-istess direttiva, bħala “kuntratt ta’ servizzi ta’ ħlas li jirregola l-eżekuzzjoni futur ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas individwali u suċċessivi u li jista’ jkollhom l-obbligu u l-kundizzjonijiet biex jiġi stabbilit kont tal-ħlas”.

32

Għaldaqstant, wieħed għandu jitlaq mill-premessa li l-Artikolu 47(1)(a) tad-Direttiva 2007/64 kien applikabbli għall-ħlasijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

33

Minn dan isegwi li, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, dawn id-domandi għandhom jinftiehmu fis-sens li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47(1)(a) tad-Direttiva 2007/64 u mhux dik tal-Artikolu 38(a) ta’ din id-direttiva.

34

Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, quddiem il-qorti tar-rinviju, ZG jitlob, b’mod partikolari, ir-rimbors tal-ħlasijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa jqis “mhux awtorizzati”, wara r-rifjut minn Beobank għat-talba li hija kellha twettaq dan ir-rimbors, minħabba li, skont dan il-bank, ZG kien effettivament awtorizzahom jew li, tal-inqas, huwa kien wettaq “negliġenza serja”.

35

Kif ġie kkonfermat fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikors ippreżentat minn ZG għandu bħala bażi l-Artikolu VII.35 tal-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku. Dan l-artikolu jittrasponi fid-dritt Belġjan l-Artikolu 60 tad-Direttiva 2007/64, li jipprovdi li, fil-każ ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas għandu jirrimborsa immedjatament lil min iħallas l-ammont ta’ din it-tranżazzjoni ta’ ħlas u, fejn applikabbli, jerġa’ jġib il-kont tal-ħlas iddebitat għall-istat li fih kien ikun li kieku ma seħħitx l-imsemmija tranżazzjoni ta’ ħlas. Madankollu, skont l-Artikolu 61(2) ta’ din id-direttiva, l-imsemmija persuna li tħallas għandha tbati t-telf kollu kkawżat minn tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati jekk dan it-telf jirriżulta minn aġir frawdolenti min-naħa tagħha jew mill-fatt li l-istess persuna li tħallas ma ssodisfatx, intenzjonalment jew b’riżultat ta’ “negliġenza serja”, obbligu wieħed jew iktar imposti fuqha bis-saħħa tal-Artikolu 56 tal-imsemmija direttiva.

36

Il-qorti tar-rinviju tidher li tikkunsidra li, jekk jirriżulta li, fid-dawl tar-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula, Beobank naqset mill-obbligu tagħha li tipprovdi lil ZG l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 47(1)(a) tad-Direttiva 2007/64, hija tista’ tislet konklużjonijiet minn dan, b’mod partikolari, fir-rigward tal-obbligu ta’ Beobank li tirrimborsa l-ħlasijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

37

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sistema ta’ responsabbiltà tal-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas prevista fl-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2007/64 kif ukoll fl-Artikoli 58 u 59 ta’ din id-direttiva kienet is-suġġett ta’ armonizzazzjoni totali. Il-konsegwenza ta’ dan hija li huma inkompatibbli mal-imsemmija direttiva kemm sistema ta’ responsabbiltà parallela abbażi tal-istess fatt ġeneratur kif ukoll sistema ta’ responsabbiltà kompetitriċi li tippermetti lill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas jistabbilixxi din ir-responsabbiltà abbażi ta’ fatti ġeneraturi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, C‑337/20, CRCAM, EU:C:2021:671, punti 4246).

38

Fil-fatt, is-sistema armonizzata ta’ responsabbiltà għat-tranżazzjonijiet mhux awtorizzati jew eżegwiti b’mod ħażin stabbilita fid-Direttiva 2007/64 tista’ tikkompeti ma’ sistema alternattiva ta’ responsabbiltà prevista fid-dritt nazzjonali bbażata fuq l-istess fatti u l-istess bażi biss jekk ma tippreġudikax is-sistema hekk armonizzata u ma tippreġudikax l-għanijiet u l-effettività ta’ din id-direttiva (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, C‑337/20, CRCAM, EU:C:2021:671, punt 45).

39

Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 53 u 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, qorti nazzjonali ma tistax tinjora d-distinzjoni stabbilita fl-imsemmija direttiva fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas, skont jekk humiex awtorizzati jew le, u, għaldaqstant, ma tistax tiddeċiedi dwar talba għar-rimbors ta’ ħlasijiet bħall-ħlasijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali mingħajr ma tikklassifika, preliminarjament, dawn il-ħlasijiet bħala tranżazzjonijiet awtorizzati jew le. Fil-fatt, l-Artikolu 60(1) tal-istess direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 86(1) tagħha, jipprekludi li utent ta’ servizzi ta’ ħlas ikun jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-fornitur ta’ dawn is-servizzi minħabba l-fatt li dan il-fornitur ta’ servizzi naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 47(1)(a) tad-Direttiva 2007/64, sa fejn din ir-responsabbiltà tirrigwarda r-rimbors ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas.

40

Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jidher li tikkunsidra l-qorti tar-rinviju, nuqqas possibbli ta’ Beobank mill-obbligu tagħha li tipprovdi l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 47(1)(a) tad-Direttiva 2007/64, imsemmi fid-domandi preliminari, ma jistax, bħala tali, jagħti lok għal obbligu ta’ rimbors tal-ħlasijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

41

Madankollu, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li din tqis li n-natura tal-istabbiliment li żar ZG u s-servizzi pprovduti f’dan l-istabbiliment jistgħu jinfluwenzaw l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk il-ħlasijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali kinux awtorizzati jew le. Issa, it-tilwima bejn il-partijiet dwar dan is-suġġett tista’ tiġi solvuta jekk l-identità tal-benefiċjarju ta’ dawn il-pagamenti tkun magħrufa, li jeħtieġ li jiġi ddeterminat min għandu, definittivament, l-obbligu li jipprovdi l-informazzjoni neċessarja f’dan ir-rigward. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta wkoll li l-qorti tar-rinviju hija adita b’talba minn Beobank li stednitha tieħu miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li għandha l-għan li titlob, mingħand il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju ta’ dawn il-ħlasijiet, ċerta informazzjoni dwar l-imsemmi benefiċjarju.

42

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qrati nazzjonali għandhom diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa sabiex jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huma jqisu li kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni neċessarji għar-riżoluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemhom u li, b’mod partikolari, huma liberi li jeżerċitaw din id-diskrezzjoni f’kull stadju tal-proċedura li huma jqisu xieraq (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Memoria u Dall’Antonia, C‑342/17, EU:C:2018:906, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, ir-rilevanza tad-domanda li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, fil-każ li d-domanda magħmula tkun tikkonċerna l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, obbligata tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li domanda preliminari li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni tibbenefika minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar tali domanda hija possibbli biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et, C‑391/20, EU:C:2022:638, punti 4142).

44

Konformement ma’ din il-ġurisprudenza, sa fejn il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tan-natura awtorizzata jew le tal-ħlasijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkluż fir-rigward ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li possibbilment għandhom jittieħdu f’dan il-kuntest, li jkunu magħrufa n-natura u l-portata tal-informazzjoni li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas għandu jipprovdi lil dan tal-aħħar skont l-Artikolu 47(1)(a) tad-Direttiva 2007/64, ir-rilevanza tad-domandi preliminari għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali ma tistax tiġi kkontestata.

Fuq id‑domandi preliminari

45

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 47(1)(a) tad-Direttiva 2007/64 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas huwa obbligat jipprovdi lil dan tal-aħħar bl-informazzjoni li tippermetti li tiġi identifikata l-persuna fiżika jew ġuridika li bbenefikat minn tranżazzjoni ta’ ħlas iddebitata mill-kont ta’ min iħallas u mhux biss bl-informazzjoni li dan il-fornitur, wara li jkun għamel ħiltu kollha, ikollu fir-rigward ta’ dan il-ħlas.

46

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest li fih tinsab kif ukoll l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47

F’dak li jirrigwarda l-formulazzjoni tal-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2007/64, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tipprevedi li, wara li l-ammont ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas individwali jkun iddebitat mill-kont ta’ min iħallas jew, meta din il-persuna li tħallas ma tużax kont tal-ħlas, wara li tirċievi ordni ta’ ħlas, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-imsemmija persuna li tħallas għandu jipprovdi lil din tal-aħħar, mingħajr dewmien u skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 41(1) ta’ din id-direttiva, ċertu ammont ta’ informazzjoni.

48

Sabiex jikkonforma ma’ dan ir-rekwiżit, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas huwa obbligat li jibgħat, konformement mal-Artikolu 47(1)(a) tad-Direttiva 2007/64, referenza li tippermetti lil dan tal-aħħar jidentifika kull tranżazzjoni ta’ ħlas u, “fejn ikun xieraq, informazzjoni dwar min jitħallas”.

49

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-kunċett ta’ “benefiċjarju” li jinsab f’din id-dispożizzjoni huwa ddefinit fil-punt 8 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64 bħala l-persuna fiżika jew ġuridika li hija d-destinatarja prevista ta’ fondi li kienu s-suġġett ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas, l-“informazzjoni” li għandha tiġi pprovduta, skont dan l-Artikolu 47(1)(a), fir-rigward tal-benefiċjarju tat-tranżazzjoni ta’ ħlas ikkonċernata lanqas ma hija speċifikata f’din id-direttiva.

50

B’mod partikolari, il-formulazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni ma tippermettix li jiġi ddeterminat, kif osservat il-qorti tar-rinviju, jekk l-obbligu li tiġi pprovduta din l-informazzjoni jikkostitwixxix obbligu ta’ mezzi jew obbligu ta’ riżultat, u dan, b’mod partikolari, minħabba l-frażi “fejn ikun xieraq” li tinsab fiha.

51

F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi eżaminat il-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 47(1)(a) tad-Direttiva 2007/64 kif ukoll l-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn din id-direttiva.

52

Issa, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fir-rigward tal-kuntest rilevanti, li, kif jirriżulta mill-Artikolu 86(1) tad-Direttiva 2007/64, din twettaq, kif ġie rrilevat fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, armonizzazzjoni totali, li tipprekludi lill-Istati Membri milli jżommu fis-seħħ jew jintroduċu dispożizzjonijiet differenti minn dawk li jinsabu f’din id-direttiva, sakemm din tal-aħħar ma tipprovdix mod ieħor, li madankollu ma huwiex il-każ fir-rigward tal-obbligi ta’ informazzjoni previsti fl-Artikolu 47(1) tagħha. Għalhekk, il-premessa 21 ta’ din id-direttiva tippreċiża li l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ informazzjoni differenti minn dawk stabbiliti fl-imsemmija direttiva.

53

Fid-dawl ta’ tali armonizzazzjoni totali, għandu jiġi kkunsidrat li l-obbligi ta’ informazzjoni previsti fl-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2007/64 jikkostitwixxu neċessarjament obbligi li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw mingħajr ma jistgħu jidderogaw minnhom u mingħajr ma jkunu jistgħu jnaqqsuhom billi jikklassifikawhom bħala obbligi ta’ mezzi u mhux bħala obbligi ta’ riżultat. Barra minn hekk, xejn fl-istruttura ta’ dan l-Artikolu 47 ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li, billi jipprevedi obbligi li jindikaw b’mod preċiż l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried biss li jsiru sforzi f’dan ir-rigward, u mhux sabiex jistabbilixxi riżultati konkreti li għandhom jintlaħqu.

54

Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-fatt li ċerti dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2007/64 huma fformulati f’termini li minnhom jirriżulta b’mod ċar li t-tnedija ta’ sforzi hija biżżejjed għal konformità mar-rekwiżiti li dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 74(2) ta’ din id-direttiva jew tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 75(1) tagħha, li huma dispożizzjonijiet li permezz tagħhom il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas għandu “jagħmel sforz” sabiex jirkupra l-fondi jew isib it-traċċa ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux eżegwita jew eżegwita b’mod żbaljat. Għaldaqstant, jista’ loġikament jiġi preżunt li l-leġiżlatur uża termini simili għall-Artikolu 47(1)(a) tal-imsemmija direttiva, jekk is-sempliċi tnedija ta’ sforzi intiżi sabiex il-persuna li tħallas tiġi pprovduta bl-informazzjoni dwar il-benefiċjarju ta’ ħlas kellha tkun biżżejjed għal konformità mal-obbligu previst f’din id-dispożizzjoni.

55

Fir-rigward tal-frażi “fejn ikun xieraq” li tinsab fl-Artikolu 47(1)(a) tad-Direttiva 2007/64, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li għadhom kif ġew esposti, din il-frażi ma tistax tinftiehem fis-sens li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għandu jipprovdi lil min iħallas l-informazzjoni li tippermetti li jiġi identifikat il-benefiċjarju ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas biss jekk, wara li jkun għamel sforzi f’dan ir-rigward, huwa stess ikollu din l-informazzjoni.

56

Mill-banda l-oħra, l-imsemmija frażi għandha tinftiehem bħala li tfisser, f’dan il-kuntest, li l-informazzjoni dwar il-benefiċjarju ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas li l-fornitur ta’ servizzi ta’ dan il-ħlas għandu jipprovdi lil min iħallas, wara li l-ammont ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas ikun iddebitat mill-kont ta’ min iħallas jew fil-mument miftiehem skont l-Artikolu 47(2) ta’ din id-direttiva, tinkludi dik li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għandu jew li għandu jkollu konformement mad-dritt tal-Unjoni.

57

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 2007/64, kif jirriżulta mill-premessi 1, 21, 23, 40 u 43 tagħha, li jikkonsisti, b’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq uniku tas-servizzi ta’ ħlas, li jiġi ggarantit li l-utenti ta’ dawn is-servizzi jkunu jistgħu faċilment jidentifikaw it-tranżazzjonijiet ta’ ħlas billi jkollhom “l-istess livell għoli ta’ informazzjoni ċara”, kemm neċessarja kif ukoll suffiċjenti fir-rigward kemm tal-kuntratt ta’ servizzi ta’ ħlas kif ukoll tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas stess u li tkun proporzjonata għall-ħtiġijiet ta’ dawn l-utenti kif ukoll ikkomunikata b’mod standard, u dan sabiex, minn naħa, jiġi żgurat l-ipproċessar integrat bis-sħiħ u dirett tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati u, min-naħa l-oħra, sabiex jitjiebu l-effiċjenza u l-ħeffa tal-ħlasijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Tecnoservice Int., C‑245/18, EU:C:2019:242, punt 28).

58

Minn dan jirriżulta wkoll li d-Direttiva 2007/64 kienet intiża sabiex tistabbilixxi “standard” għoli f’dak li jikkonċerna l-informazzjoni li l-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas huma obbligati li jittrażmettu lill-utenti.

59

Sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti mfakkra fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, l-informazzjoni li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas kellu jipprovdi lil min iħallas, skont l-Artikolu 47(1)(a) tad-Direttiva 2007/64, għandha tkun suffiċjentement preċiża u sinjifikattiva. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ tali kwalità, min iħallas ma jkunx f’pożizzjoni, bl-għajnuna ta’ din l-informazzjoni, li jidentifika b’mod ċert it-tranżazzjoni ta’ ħlas ikkonċernata. Barra minn hekk, il-provvista ta’ informazzjoni oħra meħtieġa mill-Artikolu 47(1) ta’ din id-direttiva, bħall-ammont tat-tranżazzjoni kkonċernata, bħad-data tal-valur jew tar-riċezzjoni tagħha kif ukoll, skont il-każ, bħall-ispejjeż u bħar-rata tal-kambju applikati, ma tkunx ta’ interess għall-imsemmija persuna li tħallas, peress li din tal-aħħar ma tkunx tista’ torbot din l-informazzjoni ma’ tranżazzjoni ta’ ħlas partikolari.

60

Issa, sa fejn ir-“referenza li tippermetti lil min iħallas jidentifika t-transazzjoni ta’ ħlas”, imsemmija fl-ewwel parti tas-sentenza tal-Artikolu 47(1)(a) tad-Direttiva 2007/64, tikkonsisti f’taħlita ta’ ittri u/jew ta’ ċifri li l-għażla tagħhom tissodisfa prinċipalment bżonnijiet tal-informatika, b’tali mod li din ir-referenza, jekk hija lesta għal ipproċessar integrat u dirett, ma tpoġġix lill-persuna li tħallas ikkonċernata f’pożizzjoni li torbot l-imsemmija referenza ma’ tranżazzjoni ta’ ħlas partikolari, huwa neċessarjament fil-kuntest tal-element addizzjonali imsemmi fit-tieni parti tas-sentenza ta’ dan l-Artikolu 47(1)(a), jiġifieri l-“informazzjoni dwar min jitħallas”, li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas kellu jipprovdi, lil dan tal-aħħar, bl-informazzjoni neċessarja sabiex jissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni.

61

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 27 tad-Direttiva 2007/64, il-modalitajiet li skonthom il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ikkonċernat kien obbligat jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa lill-utent ta’ dawn is-servizzi kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-bżonnijiet ta’ dan tal-aħħar.

62

Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-premessa 46 tad-Direttiva 2007/64, huwa l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas li għandu jipprovdi s-sistema ta’ ħlas, jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jerġa’ jiġbor il-fondi allokati b’mod żbaljat u jagħżel, fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-intermedjarji assoċjati mal-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas. Dan il-kontroll li huwa jeżerċita matul id-diversi stadji tal-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas jippermettilu wkoll li jitlob lill-intermedjarji li jipprovdulu informazzjoni xierqa dwar il-benefiċjarju kkonċernat, b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, din it-tranżazzjoni ta’ ħlas titwettaq permezz ta’ infrastruttura teknika li tappartjeni lil tali intermedjarju.

63

Barra minn hekk, kif ġie rrilevat ukoll fil-premessa 46 tad-Direttiva 2007/64, jista’ jiġi preżunt li l-istabbiliment intermedjarju, normalment organu “newtrali” bħal bank ċentrali jew organu ta’ kumpens, inkarigat bit-trasferiment tal-ammont tal-ħlas ikkonċernat bejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas emittent u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas destinatarju, jaħżen id-data dwar il-kont ikkonċernat u jkun f’pożizzjoni li jipprovdi din id-data jekk dan ikun neċessarju.

64

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 47(1)(a) tad-Direttiva 2007/64 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas huwa obbligat jipprovdi lil dan tal-aħħar bl-informazzjoni li tippermetti li tiġi identifikata l-persuna fiżika jew ġuridika li bbenefikat minn tranżazzjoni ta’ ħlas iddebitata mill-kont ta’ min iħallas u mhux biss bl-informazzjoni li dan il-fornitur, wara li jkun għamel ħiltu kollha, ikollu fir-rigward ta’ din it-tranżazzjoni ta’ ħlas.

Fuq l‑ispejjeż

65

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 47(1)(a) tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas huwa obbligat jipprovdi lil dan tal-aħħar bl-informazzjoni li tippermetti li tiġi identifikata l-persuna fiżika jew ġuridika li bbenefikat minn tranżazzjoni ta’ ħlas iddebitata mill-kont ta’ min iħallas u mhux biss bl-informazzjoni li dan il-fornitur, wara li jkun għamel ħiltu kollha, ikollu fir-rigward ta’ din it-tranżazzjoni ta’ ħlas.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Franċiż.

Top