EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0347

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-15 ta’ Settembru 2022.
DD vs Spetsializirana prokuratura.
Talba għal deċiżjoni preliminary, imressqa mis-Spetsializiran nakazatelen sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess kontra tiegħu fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Artikolu 8(1) – Dritt ta’ persuna akkużata li tkun preżenti waqt il-proċess kontra tagħha – Smigħ ta’ xhud tal-prosekuzzjoni fl-assenza tal-persuna akkużata – Possibbiltà li l-ksur ta’ dritt jiġi rrimedjat fi stadju sussegwenti tal-proċedura – Smigħ addizzjonali tal-istess xhud – Direttiva 2013/48/UE – Dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Artikolu 3(1) – Smigħ ta’ xhud tal-prosekuzzjoni fl-assenza tal-avukat tal-persuna akkużata.
Kawża C-347/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:692

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla)

15 ta’ Settembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess kontra tiegħu fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Artikolu 8(1) – Dritt ta’ persuna akkużata li tkun preżenti waqt il-proċess kontra tagħha – Smigħ ta’ xhud tal-prosekuzzjoni fl-assenza tal-persuna akkużata – Possibbiltà li l-ksur ta’ dritt jiġi rrimedjat fi stadju sussegwenti tal-proċedura – Smigħ addizzjonali tal-istess xhud – Direttiva 2013/48/UE – Dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Artikolu 3(1) – Smigħ ta’ xhud tal-prosekuzzjoni fl-assenza tal-avukat tal-persuna akkużata”

Fil-Kawża C‑347/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Ġunju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Ġunju 2021, fil-proċeduri kriminali kontra

DD,

fil-preżenza ta’:

Spetsializirana prokuratura,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla),

komposta minn N. Jääskinen, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal DD, minn V. Vasilev, advokat,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wasmeier u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU 2013, L 294, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa kontra DD għal reati relatati mal-immigrazzjoni illegali.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2013/48

3

Il-premessa 54 tad-Direttiva 2013/48 hija fformulata kif ġej:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi. L-Istati Membri jistgħu jestendu d-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva bil-għan li jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni. […]”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar id-drittijiet tal-persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali […] li jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ avukat, id-dritt li tiġi infurmata parti terza biċ-ċaħda tal-libertà, u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari matul iċ-ċaħda tal-libertà.”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat f’ħin u b’mod li l-persuni konċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw d-drittijiet tagħhom ta’ difiża b’mod prattiku u b’mod effettiv.

[…]

3.   Id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat għandu jimplika dan li ġej:

[…]

(c)

għandhom, minn tal-inqas, ikollhom id-dritt li l-avukat tagħhom jattendi għall-avvenimenti investigattivi jew l-attita’ ġbir ta’ provi li ġejjin,fejn dawk l-atti huma previsti fil-liġi nazzjonali u jekk il-persuna suspettata jew akkużata hija meħtieġa jew permessa li tattendi l-att konċernat:

(i)

ringieli ta’ persuni għall-identifikazzjoni;

(ii)

konfrontazzjonijiet;

(iii)

rikostruzzjonijiet sperimentali tax-xena tar-reat kriminali.

[…]”

Id‑Direttiva 2016/343

6

Il-premessi 33 u 47 tad-Direttiva 2016/343 jipprovdu:

“(33)

Id-dritt għal proċess ġust huwa wieħed mill-prinċipji bażiċi f’soċjetà demokratika. Id-dritt ta’ persuni suspettati u akkużati li jkunu preżenti waqt il-proċess huwa bbażat fuq dak id-dritt u għandu jiġi żgurat fl-Unjoni kollha.

[…]

(47)

Din id-Direttiva ssostni d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali li jinsabu fil-Karta u fil-KEDB, inklużi l-projbizzjoni tat-tortura u ta’ trattament inuman jew degradanti, id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà, ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-integrità tal-persuna, id-drittijiet tat-tfal, l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà, id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal proċess ġust, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-drittijiet tad-difiża. […]”

7

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Id-dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil- proċess tagħhom.”

Id‑dritt Bulgaru

8

L-Artikolu 55 tan-nakazatelno‑protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NPK”) jipprevedi:

“Il-persuna akkużata għandha tgawdi d-drittijiet li ġejjin:

[…]

li tipparteċipa fil-proċeduri kriminali

[…]

li jkollha avukat.”

9

Skont il-punt 8 tal-Artikolu 94(1) tan-NPK, meta kawża tinqata’ fl-assenza tal-persuna akkużata, huwa obbligatorju li d-difiża ta’ din il-persuna tkun żgurata minn avukat.

10

L-Artikolu 99 tan-NPK jipprevedi:

“L-avukat għandu jgawdi d-drittijiet li ġejjin:

[…]

li jipparteċipa fil-proċeduri kriminali. […]”

11

Skont l-Artikolu 269(3) tan-NPK, kawża tista’ tiġi deċiża fl-assenza tal-persuna akkużata biss jekk din tal-aħħar ma tkunx tista’ tinstab jew jekk hija tkun ġiet informata dwar il-possibbiltà li l-proċeduri jitmexxew fl-assenza tagħha.

12

L-Artikolu 271(2) tan-NPK jipprovdi:

“Is-seduta għandha tiġi ddifferita għal data sussegwenti jekk il-persuni li ġejjin ma jidhrux:

[…]

2. il-persuna akkużata […]

3. l-avukat […]”

13

Skont l-Artikolu 348(3) tan-NPK:

“Il-ksur tar-regoli proċedurali ikun sostanzjali:

1.

jekk dan ikun wassal għal limitazzjoni tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet u li ma tkunx ġiet irrimedjata;

[…]”

Il‑proċedura fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

14

DD, uffiċjal tal-pulizija fil-fruntieri tal-ajruport ta’ Sofija (il-Bulgarija), huwa s-suġġett, flimkien ma’ persuni oħra, ta’ proċeduri kriminali għal reati relatati mal-immigrazzjoni illegali quddiem il-qorti tar-rinviju, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija).

15

Waqt l-ewwel seduta li nżammet quddiem il-qorti tar-rinviju, fil‑15 ta’ Ottubru 2020, DD deher flimkien mal-avukat tiegħu, VV. Waqt din is-seduta, instema’, b’mod partikolari, ix-xhud anonimu Nru 263, li seta’ jiġi eżaminat minn VV. It-tkomplija ta’ dan is-smigħ ġiet iffissata għat‑30 ta’ Novembru 2020.

16

Fis‑27 ta’ Novembru 2020, VV talab l-aġġornament tas-seduta prevista u d-differiment tal-kawża għal data sussegwenti minħabba li huwa kien għadu ma rkuprax wara li kien marad bil-COVID‑19.

17

Waqt is-seduta tat‑30 ta’ Novembru 2020, DD talab id-differiment tal-kawża għal data sussegwenti minħabba l-assenza tal-avukat tiegħu, VV. Il-qorti tar-rinviju madankollu pproċediet bis-smigħ tax-xhud anonimu Nru 263, filwaqt li rrikonoxxiet li dan kien jikkostitwixxi ksur tad-dritt ta’ DD li jkun irrappreżentat minn avukat kif ukoll tad-dritt ta’ VV li jkun preżenti u li jipparteċipa fil-proċeduri. Madankollu, filwaqt li rreferiet għas-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2020, Spetsializirana prokuratura (Seduta fl-assenza tal-persuna akkużata) (C‑688/18, EU:C:2020:94), dik il-qorti qieset li dan jista’ jiġi rrimedjat billi tipproċedi għal smigħ ġdid tax-xhud anonimu Nru 263 waqt is-seduta sussegwenti, prevista fit‑18 ta’ Diċembru 2020, sabiex VV ikun jista’ jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu. Il-partijiet preżenti waqt is-seduta tat‑30 ta’ Novembru 2020 għamlu l-mistoqsijiet tagħhom lill-imsemmi xhud. Sussegwentement, kopja tal-proċess verbal ta’ dan is-smigħ intbagħtet lil VV.

18

Fl‑4, fl‑10 u fil‑15 ta’ Diċembru 2020, VV ippreżenta dokumenti li jixhdu l-problemi ta’ saħħa tiegħu kif ukoll il-fatt li DD kien marid bil-COVID‑19, u talab darbtejn id-differiment tal-kawża għal data sussegwenti.

19

Waqt is-seduta sussegwenti, li madankollu nżammet fit‑18 ta’ Diċembru 2020, fl-assenza ta’ DD u ta’ VV, il-qorti tar-rinviju eżaminat ix-xhud YAR, li x-xhieda tiegħu kienet rilevanti għall-finijiet tal-proċeduri ta’ DD, filwaqt li osservat mill-ġdid li kienet ser tingħata l-opportunità lil DD u lil VV li jeżaminawh waqt is-seduta sussegwenti. Kopja tal-proċess verbal ta’ dan is-smigħ intbagħtet lil DD u lil VV.

20

Inżammet seduta fil‑11 ta’ Jannar 2021, li għaliha dehru DD u VV. F’din l-okkażjoni, VV ikkontesta d-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju li żżomm is-seduti tat‑30 ta’ Novembru 2020 u tat‑18 ta’ Diċembru 2020, billi invoka ksur tad-drittijiet tad-difiża. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju qieset b’mod partikolari li għalkemm iż-żamma tal-imsemmija seduti kienet wasslet għal ksur tad-dritt ta’ DD u ta’ VV li jkunu preżenti personalment, dan seta’ jiġi rrimedjat permezz ta’ smigħ ġdid tax-xhieda kkonċernati.

21

Waqt seduta li nżammet fit‑22 ta’ Frar 2021, DD u VV kellhom l-opportunità li jeżaminaw lix-xhud anonimu Nru 263 kif ukoll lix-xhud YAR. F’din l-okkażjoni, DD ma għamel ebda mistoqsija, filwaqt li VV għamel mistoqsijiet biss lix-xhud YAR u ddikjara li ma kellux mistoqsijiet għax-xhud anonimu Nru 263.

22

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, taħt id-dritt nazzjonali, ikun hemm ksur tad-dritt tal-persuna akkużata li tkun preżenti waqt il-proċess kontra tagħha u li jkollha aċċess għas-servizzi ta’ avukat, meta jinġabru provi, b’mod partikolari, permezz tas-smigħ ta’ xhieda, filwaqt li l-persuna akkużata u l-avukat tagħha jkunu assenti. Huwa evidenti li dan id-difett proċedurali jista’ jiġi rrimedjat biss jekk dawn ix-xhieda jissejħu mill-ġdid u jekk il-persuna akkużata u l-avukat tagħha jingħataw l-opportunità li jagħmlulhom mistoqsijiet.

23

Madankollu, id-dritt nazzjonali ma jipprevedi ebda dispożizzjoni espliċita dwar in-natura ta’ dan is-smigħ ġdid tax-xhieda. Jew dan tal-aħħar ikun sempliċement ta’ natura addizzjonali, u f’dan il-każ, id-dikjarazzjonijiet magħmula, waqt smigħ preċedenti fl-assenza tal-persuna akkużata u tal-avukat tagħha, mix-xhieda għall-mistoqsijiet tal-partijiet l-oħra jibqgħu validi, jew is-smigħ ġdid ikun jissostitwixxi lil dak preċedenti, li jkollu jitqies bħala null u nieqes minn valur legali. F’każ bħal dan, il-partijiet li kienu preżenti waqt is-smigħ preċedenti jkunu meħtieġa jagħmlu mill-ġdid il-mistoqsijiet li huma kienu għamlu f’dik l-okkażjoni. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li jeżistu elementi li jindikaw li smigħ addizzjonali jkun suffiċjenti sabiex jiġi rrimedjat il-ksur tar-regoli proċedurali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

24

Skont il-qorti tar-rinviju, mis-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2020, Spetsializirana prokuratura (Seduta fl-assenza tal-persuna akkużata) (C‑688/18, EU:C:2020:94), jirriżulta li, meta l-persuna akkużata kienet assenti għal seduta, id-dritt tagħha li tkun preżenti personalment waqt il-proċess kontra tagħha, stabbilit fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343, ma jinkisirx jekk l-atti mwettqa meta hija kienet assenti jiġu rrepetuti sussegwentement fil-preżenza tagħha. Madankollu, dik il-qorti tqis li l-portata ta’ dan ir-rekwiżit ma tirriżultax b’mod ċar. B’mod iktar preċiż, hija tistaqsi jekk ikunx neċessarju li jiġi rrepetut is-smigħ ta’ xhud fl-intier tiegħu, b’tali mod li, minn naħa, il-partijiet li kienu preżenti qabel u li kienu diġà għamlu l-mistoqsijiet tagħhom lix-xhud ikollhom jagħmlu mill-ġdid l-istess mistoqsijiet u, min-naħa l-oħra, il-persuna akkużata li qabel kienet assenti tagħmel il-mistoqsijiet tagħha, jew jekk ikunx biżżejjed li s-smigħ addizzjonali joffri sempliċement lill-persuna akkużata u lill-konsulent tagħha l-opportunità li jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom lix-xhud.

25

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, sa fejn, f’din il-kawża, is-seduti tat‑30 ta’ Novembru 2020 u tat‑18 ta’ Diċembru 2020 seħħew fl-assenza ta’ VV, id-dritt ta’ DD li jkun difiż minn avukat, stabbilit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/48, inkisirx.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Id-dritt tal-akkużat li jkun fiżikament preżenti waqt il-proċess skont l-Artikolu 8(1), flimkien mal-Artikolu 10(1) u mal-premessa 44, tad-Direttiva [2016/343], ikun irrispettat jekk, waqt seduta separata, xhud ikun ġie interrogat fl-assenza tal-akkużat, iżda fejn l-akkużat kellu l-opportunità jinterroga lill-istess xhud fis-seduta sussegwenti u ddikjara li ma kellu ebda mistoqsijiet, jew huwa neċessarju, sabiex jiġi rrispettat id-dritt tal-akkużat li jkun fiżikament preżenti waqt il-proċess tiegħu, li jsir smigħ mill-ġdid inkluż ir-repetizzjoni tal-mistoqsijiet li saru mill-partijiet l-oħra li kienu preżenti fl-ewwel seduta?

2.

Id-dritt ta’ difiża minn avukat skont l-Artikolu 3(1), moqri flimkien mal-Artikolu 12(1), tad-Direttiva [2013/48], ikun irrispettat jekk, waqt żewġ seduti separati, żewġ xhieda jkunu ġew interrogati fl-assenza tal-avukat [tal-persuna akkużata], iżda dan l-avukat kellu l-possibbiltà jinterroga liż-żewġ xhieda f’seduta sussegwenti, jew huwa neċessarju, sabiex jiġi rrispettat id-dritt ta’ difiża minn avukat, li dawn iż-żewġ smigħ inkwistjoni jinżammu mill-ġdid fl-intier tagħhom, inkluż ir-repetizzjoni tal-mistoqsijiet li saru mill-partijiet l-oħra li kienu preżenti fl-ewwel seduti u li, barra minn hekk, l-avukat li kien assenti fiż-żewġ seduti preċedenti jingħata l-possibbiltà li jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu?”

27

Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Awwissu 2022, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, wara emenda leġiżlattiva li daħlet fis-seħħ fis‑27 ta’ Lulju 2022, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) ġiet xolta u li xi wħud mill-kawżi kriminali mressqa quddiem din l-aħħar qorti, inkluża l-kawża prinċipali, ġew ittrasferiti minn din id-data lis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija).

Fuq id‑domandi preliminari

28

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/48 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta, sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt tal-persuna akkużata li tkun preżenti waqt il-proċess kontra tagħha u tad-dritt tagħha ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat, il-qorti nazzjonali tipproċedi bi smigħ addizzjonali ta’ xhud tal-prosekuzzjoni, sa fejn, għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tagħhom, il-persuna akkużata u l-avukat tagħha ma setgħux ikunu preżenti għas-smigħ preċedenti ta’ dan ix-xhud, ikun biżżejjed li l-persuna akkużata u l-avukat tagħha jkunu jistgħu jeżaminaw liberament lil dan ix-xhud, jew jekk dan is-smigħ addizzjonali għandux ikun jikkonsisti f’repetizzjoni, fl-intier tiegħu, tas-smigħ preċedenti tal-istess xhud, fatt li jkollu bħala effett li jiġu invalidati l-atti proċedurali mwettqa waqtu.

29

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ssuspettati u l-persuni akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti waqt il-proċess kontra tagħhom.

30

Skont il-premessa 47 ta’ din id-direttiva, din tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), inklużi d-dritt għal smigħ xieraq, il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-drittijiet tad-difiża.

31

Hekk kif jirriżulta mill-premessa 33 ta’ din id-direttiva, id-dritt tal-persuni ssuspettati jew tal-persuni akkużati li jkunu preżenti waqt il-proċess kontra tagħhom huwa bbażat fuq id-dritt għal smigħ xieraq, li huwa stabbilit fl-Artikolu 6 tal-KEDB, li għalih jikkorrispondu, hekk kif jippreċiżaw l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), it-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 47, kif ukoll l-Artikolu 48 ta’ din il-Karta. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li l-interpretazzjoni tagħha ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet tkun tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jkunx imur kontra dak iggarantit fl-Artikolu 6 tal-KEDB, hekk kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Gambino u Hyka, C‑38/18, EU:C:2019:628, punti 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li ż-żamma ta’ seduta pubblika tikkostitwixxi prinċipju fundamentali stabbilit fl-Artikolu 6 tal-KEDB. Dan il-prinċipju huwa ta’ importanza partikolari fil-qasam kriminali, li l-proċedura tiegħu għandha, b’mod ġenerali, tipprevedi qorti tal-ewwel istanza, li tkun tissodisfa b’mod sħiħ ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6 tal-KEDB, li quddiemha l-parti fil-kawża tkun tista’ leġittimament teżiġi “li tinstema’” u tkun tista’ tibbenefika, b’mod partikolari, mill-opportunità li tesponi oralment l-eċċezzjonijiet tad-difiża tagħha, li tisma’ d-depożizzjonijiet tal-prosekuzzjoni kif ukoll li teżamina u tagħmel kontroeżami tax-xhieda (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 23 ta’ Novembru 2006, Jussila vs Il‑Finlandja, CE:ECHR:2006:1123JUD007305301, punt 40, u l-Qorti EDB, 4 ta’ Marzu 2008, Hüseyin Turan vs It‑Turkija, CE:ECHR:2008:0304JUD001152902, punt 31).

33

Mill-ġurisprudenza ta’ dik il-qorti tal-aħħar jirriżulta wkoll li l-Istati Kontraenti għandhom libertà kbira fl-għażla tal-mezzi adatti sabiex jippermettu lis-sistemi ġudizzjarji tagħhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6 tal-KEDB fir-rigward tad-dritt tal-persuna akkużata li tipparteċipa fis-seduta, bil-kundizzjoni li l-mezzi proċedurali offruti mid-dritt u mill-prattika interni għandhom ikunu effettivi jekk hija la tkun irrinunzjat milli tidher u milli tiddefendi ruħha u lanqas kellha l-intenzjoni li taħrab mill-ġustizzja (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L‑Italja, CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, punt 83).

34

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tad-dritt ta’ konvokazzjoni u ta’ eżami tax-xhieda, previst fl-Artikolu 6(3)(d) tal-KEDB, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-prinċipju li, qabel ma akkużat ikun jista’ jiġi ddikjarat ħati, l-elementi inkriminanti kollha għandhom bħala prinċipju jiġu prodotti quddiemu f’seduta pubblika, bil-għan ta’ dibattitu kontradittorju. L-eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju jistgħu jiġu aċċettati biss bil-kundizzjoni li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża, fejn dawn jeżiġu, bħala regola ġenerali, li l-persuna akkużata tingħata opportunità adegwata u suffiċjenti sabiex tikkontesta x-xhieda kontriha u teżamina lill-awturi tagħha jew fil-mument tad-depożizzjoni tagħha, jew fi stadju sussegwenti (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 15 ta’ Diċembru 2011, Al-Khawadja u Tahery vs ir-Renju Unit, CE:ECHR:2011:1215JUD002676605, punt 118, kif ukoll il-Qorti EDB tat‑23 ta’ Marzu 2016, Blokhin vs Ir‑Russja CE:ECHR:2016:0323JUD004715206, punt 200).

35

Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm l-eżami ta’ xhud tal-prosekuzzjoni waqt seduta miżmuma fl-assenza tal-persuna akkużata għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tagħha jikkostitwixxi ksur tad-dritt ta’ din il-persuna li tkun preżenti waqt il-proċess kontra tagħha, stabbilit fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li dan il-ksur jiġi rrimedjat fi stadju sussegwenti tal-istess proċeduri. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li persuna li tkun kisbet ir-repetizzjoni, fil-preżenza tagħha, tal-atti mwettqa waqt is-seduti li hija ma setgħetx tidher fihom ma tistax titqies bħala li kienet assenti fil-proċess kontra tagħha (sentenza tat‑13 ta’ Frar 2020, Spetsializirana prokuratura (Seduta fl-assenza tal-persuna akkużata), C‑688/18, EU:C:2020:94, punt 48),

36

Sabiex jiġi ggarantit ir-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq u tad-drittijiet tad-difiża, ir-repetizzjoni tas-smigħ tax-xhud tal-prosekuzzjoni għandha madankollu ssir f’kundizzjonijiet li jagħtu lill-persuna akkużata possibbiltà adegwata li tikkontesta x-xhieda kontriha u li teżamina lill-awtur tagħha.

37

Għal dan il-għan, huwa suffiċjenti li jsir smigħ addizzjonali li matulu l-persuna akkużata jkollha l-opportunità teżamina liberament lix-xhud, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu rrepetut, fl-intier tiegħu, is-smigħ li sar fl-assenza tagħha, peress li l-invalidazzjoni tal-atti proċedurali mwettqa waqt dan is-smigħ ma tidhirx neċessarja fid-dawl tar-rekwiżiti li jinsabu fil-punt preċedenti.

38

Madankollu, huwa importanti li, qabel is-smigħ addizzjonali, il-persuna akkużata tingħata kopja tal-proċess verbal tas-smigħ tax-xhud tal-prosekuzzjoni li jkun sar fl-assenza tagħha Fil-fatt, huwa biss bil-kundizzjoni li jkollha għarfien tal-kontenut u tal-iżvolġiment tal-eżami tax-xhud waqt dan is-smigħ preċedenti li l-persuna akkużata tkun kompletament f’pożizzjoni li teżaminah, jekk ikun il-każ, abbażi tad-dikjarazzjonijiet magħmula waqt l-imsemmi smigħ.

39

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, għal raġunijiet ta’ saħħa, DD ma setax ikun preżenti waqt seduta li nżammet fit‑18 ta’ Diċembru 2020 u li matulha ġie eżaminat ix-xhud YAR. Madankollu, DD intbagħat kopja tal-proċess verbal ta’ dan is-smigħ u, sussegwentement, kellu l-opportunità jeżamina liberament lil dan ix-xhud waqt seduta sussegwenti li nżammet fit‑22 ta’ Frar 2021. Konsegwentement, bla ħsara għall-verifiki tal-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkonstatat li b’hekk ġie rrimedjat il-ksur tad-dritt ta’ DD li jkun preżenti waqt il-proċess kontra tiegħu, stabbilit fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343.

40

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/48 jistabbilixxi l-prinċipju fundamentali li skontu l-persuni ssuspettati u l-persuni akkużati għandhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat f’terminu u skont modalitajiet li jippermettulhom jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom b’mod konkret u b’mod effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, VW (Dritt ta’ aċċess għal avukat fil-każ ta’ nuqqas ta’ dehra), C‑659/18, EU:C:2020:201, punt 31).

41

Fir-rigward tal-miżuri ta’ investigazzjoni jew ta’ ġbir ta’ provi li għalihom japplika dan id-dritt, l-Artikolu 3(3)(c) tad-Direttiva 2013/48 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati jkollhom dritt tal-inqas għall-preżenza tal-avukat tagħhom waqt is-sessjonijiet ta’ identifikazzjoni tal-persuni ssuspettati, il-konfrontazzjonijiet u r-rikostruzzjonijiet tax-xena ta’ reat kriminali.

42

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/48, din tiddefinixxi regoli minimi li jirrigwardaw, b’mod partikolari, id-dritt tal-persuni ssuspettati u tal-persuni akkużati li jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ avukat fil-proċeduri kriminali.

43

Il-premessa 54 ta’ din id-direttiva tipprovdi li, peress li din tal-aħħar tistabbilixxi biss regoli minimi, l-Istati Membri jistgħu jestendu d-drittijiet iddefiniti fiha sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni.

44

Skont il-kliem stess tal-Artikolu 3(3)(c) tad-Direttiva 2013/48, l-Istati Membri jistgħu għalhekk jestendu d-dritt tal-persuni ssuspettati jew tal-persuni akkużati għall-preżenza tal-avukat tagħhom waqt il-miżuri ta’ investigazzjoni jew il-miżuri ta’ ġbir ta’ provi elenkati f’din id-dispożizzjoni għal miżuri oħra, bħas-smigħ ta’ xhud tal-prosekuzzjoni quddiem qorti kriminali.

45

Issa, f’tali ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-prinċipji fundamentali ta’ smigħ xieraq li jirriżultaw mill-punti 35 sa 38 ta’ din is-sentenza, l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża ta’ persuna akkużata jkun jista’ jitqies bħala konkret u effettiv meta, filwaqt li s-smigħ ta’ xhud tal-prosekuzzjoni quddiem qorti kriminali jkun seħħ mingħajr il-preżenza tal-avukat tal-persuna akkużata għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tiegħu, dan l-avukat kellu l-opportunità li jeżamina liberament lill-imsemmi xhud, abbażi tal-proċess verbal tas-smigħ li jkun sar fl-assenza tiegħu, waqt smigħ addizzjonali. Għalhekk ma huwiex neċessarju li jiġi rrepetut, fl-intier tiegħu, is-smigħ li jkun sar fl-assenza tiegħu.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/48 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta, sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt tal-persuna akkużata li tkun preżenti waqt il-proċess kontra tagħha u tad-dritt tagħha ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat, il-qorti nazzjonali tipproċedi bi smigħ addizzjonali ta’ xhud tal-prosekuzzjoni, sa fejn, għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tagħhom, il-persuna akkużata u l-avukat tagħha ma setgħux ikunu preżenti għas-smigħ preċedenti ta’ dan ix-xhud, ikun biżżejjed li l-persuna akkużata u l-avukat tagħha jkunu jistgħu jeżaminaw liberament lill-imsemmi xhud, sakemm, qabel dan is-smigħ addizzjonali, il-persuna akkużata u l-avukat tagħha jkunu ngħataw kopja tal-proċess verbal tas-smigħ preċedenti tal-imsemmi xhud. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jkunx neċessarju li jiġi rrepetut, fl-intier tiegħu, is-smigħ li jkun sar fl-assenza tal-persuna akkużata u tal-avukat tagħha billi jiġu invalidati l-atti proċedurali mwettqa waqtu.

Fuq l‑ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali, u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà,

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

meta, sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt tal-persuna akkużata li tkun preżenti waqt il-proċess kontra tagħha u tad-dritt tagħha ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat, il-qorti nazzjonali tipproċedi bi smigħ addizzjonali ta’ xhud tal-prosekuzzjoni, sa fejn, għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tagħhom, il-persuna akkużata u l-avukat tagħha ma setgħux ikunu preżenti għas-smigħ preċedenti ta’ dan ix-xhud, ikun biżżejjed li l-persuna akkużata u l-avukat tagħha jkunu jistgħu jeżaminaw liberament lill-imsemmi xhud, sakemm, qabel dan is-smigħ addizzjonali, il-persuna akkużata u l-avukat tagħha jkunu ngħataw kopja tal-proċess verbal tas-smigħ preċedenti tal-imsemmi xhud. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jkunx neċessarju li jiġi rrepetut, fl-intier tiegħu, is-smigħ li jkun sar fl-assenza tal-persuna akkużata u tal-avukat tagħha billi jiġu invalidati l-atti proċedurali mwettqa waqtu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top