Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0301

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-20 ta’ Ottubru 2022.
    Curtea de Apel Alba Iulia et vs YF et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Oradea.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2(1) u (2) – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala effett li r-remunerazzjoni rċevuta minn ċerti membri tal-ġudikatura hija ogħla minn dik ta’ membri tal-ġudikatura oħrajn li għandhom l-istess grad u li jaqdu l-istess funzjonijiet – Artikolu 1 – Suġġett – Natura eżawrjenti tad-diskriminazzjonijiet elenkati.
    Kawża C-301/21.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:811

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

    20 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2(1) u (2) – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala effett li r-remunerazzjoni rċevuta minn ċerti membri tal-ġudikatura hija ogħla minn dik ta’ membri tal-ġudikatura oħrajn li għandhom l-istess grad u li jaqdu l-istess funzjonijiet – Artikolu 1 – Suġġett – Natura eżawrjenti tad-diskriminazzjonijiet elenkati”

    Fil-Kawża C‑301/21,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Oradea (il-Qorti tal-Appell ta’ Oradea, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Mejju 2021, fil-proċedura

    Curtea de Apel Alba Iulia et

    vs

    YF et,

    fil-preżenza ta’:

    Consiliul Naţional pentru Combaterea Discriminării,

    Tribunalul Cluj,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

    komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Ewwel Awla, fil-kwalità tiegħu ta’ President tas-Sitt Awla, A. Kumin u I. Ziemele Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, bħala aġent, assistita minn A. Wellman, konsulent,

    għall-Irlanda, minn M. Browne, A. Joyce u J. Quaney, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Carpus Carcea u D. Martin, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1, tal-Artikolu 2(1) u (2), tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 3(1)(c), u tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), kif ukoll tal-Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn YF et, seba’ membri tal-ġudikatura Rumeni (iktar ’il quddiem il-“membri tal-ġudikatura inkwistjoni”), u l-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija), kif ukoll erba’ qrati Rumeni oħra, fil-kwalità tagħhom ta’ persuna li timpjega lill-dawn il-membri tal-ġudikatura (iktar ’il quddiem il-“qrati ikkonċernati”), fir-rigward ta’ talba intiża, abbażi ta’ allegata diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg, sabiex dawn tal-aħħar jiġu kkundannati jħallsu lill-membri tal-ġudikatura inkwistjoni allowance ekwivalenti għad-differenza bejn ir-remunerazzjoni effettivament irċevuta minnhom u dik li huma kellhom jirċievu konformement ma leġiżlazzjoni nazzjonali li huma jqisu li hija applikabbli għalihom.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Skont kliem l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/78 l-“iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

    4

    L-Artikolu 2(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

    2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

    a)

    għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

    b)

    għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, […] fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

    i)

    meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, jew

    ii)

    fir-rigward ta’ persuni b’diżabilità partikolari, min iħaddem jew kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li għalihom tapplika din id-Direttiva, huma obbligati, taħt legislazzjoni nazzjonali, li jieħdu miżuri approprijati fil-linja mal-prinċipji li jinsabu fl-Artikolu 5 biex jeliminaw l-iżvantaġġi involuti minn dispożizzjoni, kriterju jew prattika simili.”

    5

    L-Artikolu 3(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

    “Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

    […]

    ċ)

    il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”.

    6

    L-Artikolu 9(1) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, inklużi meta jitqies approprjat proċeduri ta’ konċiljazzjoni, għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi taħt din id-Direttiva, ikunu disponibbli għal-persuni kollha li jikkunsidraw ruħhom trattati ħażin minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament, anke wara li r-relazzjoni li fiha jkun allegat li saret id-diskriminazzjoni tkun spiċċat.”

    Id-dritt Rumen

    Id-DG Nru 137/2000

    7

    Skont kliem l-Artikolu 1(2)(a) tal-Ordonanţa Guvernului nr. 137/2000 privind prevenirea și sancționarea tuturor formelor de discriminare (id-Digriet tal-Gvern Nru 137/2000 dwar il-prevenzjoni u r-repressjoni tal-forom kollha ta’ diskriminazzjoni), tal-31 ta’ Awwissu 2000 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 166 tas-7 ta’ Marzu 2014), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, (iktar ’il quddiem id-“DG Nru 137/2000”), il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn iċ-ċittadini kif ukoll il-prinċipju tal-assenza ta’ privileġġi u ta’ diskriminazzjonijiet huma b’mod partikolari ggarantiti fl-eżerċizzju tad-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament quddiem il-qrati nazzjonali u quddiem kull korp ġudizzjarju ieħor.

    8

    L-Artikolu 2(1) sa (3) tad-DG Nru 137/2000 jipprevedi:

    “1.   Fis-sens ta’ dan id-digriet, diskriminazzjoni tfisser kull distinzjoni, esklużjoni, restrizzjoni jew preferenza bbażata fuq ir-razza, in-nazzjonalità, l-appartenenza għal grupp etniku, il-lingwa, ir-reliġjon, il-kategorija soċjali, it-twemmin, is-sess, l-orjentazzjoni sesswali, l-età, id-diżabbiltà, il-mard kroniku li ma jitteħidx, is-sjeropożittività għall-virus tal-imunodefiċjenza umana (HIV), l-appartenenza għal kategorija żvantaġġjata, kif ukoll kull kriterju ieħor li l-għan jew l-effett tiegħu huwa li jirrestrinġi jew li jelimina ir-rikonoxximent, l-użu jew l-eżerċizzju, b’mod ugwali, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali jew tad-drittijiet rikonoxxuti mil-liġi, fl-oqsma tal-politika, tal-ekonomija, soċjali u kulturali jew f’kull qasam ieħor tal-ħajja pubblika.

    2.   Dispożizzjoni li tiddiskrimina kontra persuni fuq waħda mill-bażijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandha titqies li hija diskriminatorja fis-sens ta’ dan id-digriet.

    3.   Huma diskriminatorji, skont dan id-digriet, id-dispożizzjonijiet, il-kriterji jew il-prattiki li huma apparentement newtrali iżda li jisfavorixxu ċerti persuni abbażi tal-kriterji stipulati fil-paragrafu 1, meta mqabbla ma persuni oħra, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet, dawn il-kriterji jew dawn il-prattiki ma jkunux oġġettivament iġġustifikati minn għan leġittimu u sakemm il-metodi sabiex dan jintlaħaq jkunu xierqa u neċessarji.”

    9

    L-Artikolu 5 tad-DG Nru 137/2000 jispeċifika li d-differenza fit-trattament ibbażata fuq karatteristika marbuta mal-kriterji msemmija fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmi digriet ma jikkostitwixxux diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura tal-attivitajiet professjonali jew tal-kuntest li fih dawn jiżvolġu ruħhom, tali karatteristika tikkostitwixxi rekwiżit professjonali reali u determinanti, sakemm l-għan ikun leġittimu u r-rekwiżit ikun proporzjonali.

    10

    Skont kliem l-Artikolu 27(1) u (2) tad-DG Nru 137/2000:

    “1.   Kull persuna li tqis li hija vittma ta’ diskriminazzjoni tista’ titlob rimedju quddiem qorti u r-ritorn għas-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel id-diskriminazzjoni jew l-annullament tas-sitwazzjoni li tirriżulta mid-diskriminazzjoni, konformement mad-dritt ordinarju. […]

    2.   It-terminu għall-preżentazzjoni ta’ rikors huwa ta’ tliet snin mid-data ta’ meta seħħew il-fatti jew mid-data ta’ meta l-persuna kkonċernata setgħet issir konxja minnhom.”

    Id-DGU Nru 27/2006

    11

    L-Artikolu 2 tal-Ordonanţa de urgenţă a Guvernului nr. 27/2006 privind salarizarea şi alte drepturi ale judecătorilor, procurorilor şi altor categorii de personal din sistemul justiţiei (id-Digriet Governattiv ta’ Urġenza Nru 27/2006 dwar ir-remunerazzjoni u drittijiet oħra tal-Imħallfin, tal-Prosekuturi u ta’ Kategoriji Oħra ta’ Persunal tas-Sistema Ġudizzjarja) tad-29 ta’ Marzu 2006 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 314 tas-7 ta’ April 2006), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“DGU Nru 27/2006”), huwa fformulat kif ġej:

    “Ir-remunerazzjoni u drittijiet oħra tal-Imħallfin, tal-prosekuturi, tal-persunal ekwivalenti għalihom u tal-assistenti membri tal-ġudikatura huma ddeterminati b’teħid inkunsiderazzjoni tal-post u tar-rwol tal-ġustizzja fl-Istat tad-dritt, tar-responsabbiltà, tal-kumplessità u tar-riskji tal-funzjonijiet, tal-inkompatibbiltajiet u tal-projbizzjonijiet previsti mil-liġi għal dawn il-kategoriji ta’ persunal.”

    12

    L-Artikolu 3 tad-DGU Nru 27/2006 jipprevedi li l-Imħallfin, il-prosekuturi, l-assistenti membri tal-ġudikatura, kif ukoll il-persunal ġudizzjarju ekwivalenti għall-Imħallfin u għall-prosekuturi għandhom dritt, għall-attività eżerċitata, għal allowance maniġerjali grossa fix-xahar stabbilita b’relazzjoni mal-livell tal-qrati jew tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, mal-funzjonijiet moqdija u mal-anzjanità fil-korp tal-membri tal-ġudikatura, abbażi tal-“valur ta’ riferiment settorjali” u tal-koeffiċjenti multiplikaturi msemmija fl-anness li jifforma parti integrali minn dan id-digriet ta’ urġenza.

    13

    Konformement mal-Artikolu 11 tad-DGU Nru 27/2006, il-prosekuturi tad-Direttorat Nazzjonali ta’ kontra l-Korruzzjoni u dawk tad-Direttorat għall-Investigazzjoni tal-Ksur fil-Qasam tal-Kriminalità Organizzata u tat-Terroriżmu huma remunerati konformement ma dak li huwa previst fil-punti 6 sa 13 tal-Parti A tal-Anness ta’ dan id-digriet ta’ urġenza, fid-dawl tal-funzjonijiet tagħhom jew ta’ dawk li huma ekwivalenti abbażi tal-liġi.

    14

    Skont kliem l-Artikolu 40 tad-DGU Nru 27/2006, id-dispożizzjonijiet huma applikabbli b’effett mix-xahar ta’ April 2006.

    15

    Il-Parti A tal-Anness tad-DGU Nru 27/2006, intitolata “Koeffiċjenti multiplikaturi”, tinkludi l-punt 13 li fih huwa speċifikat li l-koeffiċjenti multiplikatur ta’ 19.00 jikkorrispondi għall-funzjoni ta’ “prosekutur” tal-uffiċċju tal-prosekutur tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija). Barra minn hekk, l-istess koeffiċjenti huwa previst fil-punt 14 tal-Parti A ta’ dan l-anness għall-funzjoni ta’ “President, prosekutur ġenerali” tal-qrati tal-appell u tal-uffiċji tal-prosekutur tal-qrati ta’ appell.

    Id-DG Nru 10/2007

    16

    L-Artikolu 1 tal-Ordonanţa Guvernului nr. 10/2007 privind creşterile salariale ce se vor acorda în anul 2007 personalului bugetar şi personalului salarizat potrivit Ordonanței de urgență a Guvernului nr. 24/2000 privind sistemul de stabilire a salariilor de bază pentru personalul contractual din sectorul bugetar și personalului salarizat potrivit anexelor nr. II şi III la Legea nr. 154/1998 privind sistemul de stabilire a salariilor de bază în sectorul bugetar şi a indemnizaţiilor pentru persoane care ocupă funcţii de demnitate publică (id-Digriet tal-Gvern Nru 10/2007 dwar iż-żidiet ta’ remunerazzjoni li sejrin jingħataw fil-2007 lill-persunal baġitarju u lill-persunal impjegat konformement mad-digriet ta’ urġenza tal-Gvern Nru 24/2000 dwar is-sistema ta’ stabbiliment tar-remunerazzjoni bażika għall-persunal bil-kuntratt tas-settur baġitarju u tal-persunal impjegat abbażi tal-Annessi II u III tal-Liġi Nru 154/1998 dwar is-sistema ta’ stabbiliment tar-remunerazzjonijiet bażiċi tas-settur baġitarju u tal-allowances għall-uffiċjali pubbliċi), tal-31 ta’ Jannar 2007 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 80 tal-1 ta’ Frar 2007), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“DG Nru 10/2007”), jipprevedi:

    “Fl-2007, ir-remunerazzjonijiet bażiċi tal-persunal bil-kuntratt tas-settur baġitarju […] ġew miżjuda […]:

    a)

    b’5 % b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, meta mqabbel ma dak tax-xahar ta’ Diċembru 2006;

    b)

    bi 2 % b’effett mill-1 ta’ April 2007, meta mqabbel mar-rata tax-xahar ta’ ta’ Marzu 2007;

    c)

    bi 11 % b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2007, meta mqabbel mar-rata tax-xahar ta’ Settembru 2007.”

    Il-Liġi Qafas Nru 330/2009

    17

    L-Artikolu 1(1) u (2) tal-Legea-cadru nr. 330/2009 privind salarizarea unitară a personalului plătit din fonduri publice (il-Liġi Qafas Nru 330/2009 dwar is-Sistema Uniformi ta’ Remunerazzjoni tal-Persunal Imħallsa minn Fondi Pubbliċi), tal-5 ta’ Novembru 2009 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 762 tad-9 ta’ Novembru 2009), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Qafas Nru 330/2009”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010. Din id-dispożizzjoni hija fformulata kif ġej:

    “1.   L-għan ta’ din il-liġi huwa li tirregola l-implimentazzjoni ta’ sistema uniformi ta’ remunerazzjoni tal-persunal tas-settur baġitarju imħallsa mill-baġit ġenerali kkonsolidat tal-Istat.

    2.   B’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ totali jew parzjali ta’ din il-liġi, id-drittijiet tal-persunal imsemmi fil-paragrafu 1 huma u jibqgħu esklużivament dawk previsti minn din il-liġi. […]”

    18

    Mill-Artikolu 2 ta’ din il-liġi qafas jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw għall-persunal tal-awtoritajiet u tal-istituzzjonijiet pubbliċi, li fosthom hemm imsemmija espliċitament l-awtorità ġudizzjarja.

    19

    Konformement mal-Artikolu 12(1) tal-imsemmija liġi qafas, il-koeffiċjenti ta’ klassifikazzjoni li abbażi tagħhom jiġu ffissati l-allowances fix-xahar maniġerjali, il-primjums u drittijiet oħra speċifiċi għal kull qasam ta’ attività huma previsti fl-annessi tal-istess liġi qafas. Skont l-Artikolu 12(2) tal-Liġi Qafas Nru 330/2009, l-ammont tal-koeffiċjenti ta’ klassifikazzjoni 1.00 għas-sena 2010 kien ta’ 705 lei Rumeni (RON) (madwar EUR 143.15) u ż-żieda tal-koeffiċjenti ta’ klassifikazzjoni 1.00 wara s-sena 2010 kienet suġġetta għat-tnaqqis tan-numru ta’ impjegati, neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet annwali relatati mas-sehem tal-ispejjeż tal-persunal fil-Prodott Gross Domestiku (PGD), previst fl-Artikolu 5 ta din il-liġi qafas, sabiex jintlaħaq livell ta’ koeffiċjenti ta’ klassifikazzjoni 1.00 ta’ RON 1110 (madwar EUR 225.39) fl-2015. Barra minn hekk, l-Artikolu 12(3) tal-imsemmija liġi qafas jipprevedi li, f’dak li jirrigwarda s-sena 2010, l-allowances fix-xahar maniġerjali huma stabbiliti konformement mal-Artikolu 30(5) tal-istess liġi qafas mingħajr ma jintużaw il-koeffiċjenti ta’ klassifikazzjoni previsti fl-annessi tagħha.

    20

    L-Artikolu 30(5) tal-Liġi Qafas Nru 330/2009 hija fformulata kif ġej:

    “Fl-2010, il-persunal fil-kariga fil-31 ta’ Diċembru 2009 għandu jżomm is-salarju tiegħu, mingħajr ma jkun affettwat mill-miżuri ta’ tnaqqis tal-ispejjeż tal-persunal tax-xahar ta’ Diċembru 2009, bil-mod kif ġej:

    a)

    […] l-allowance fix-xahar maniġerjali għandha tkun dik li tikkorrispondi għall-funzjonijiet tax-xahar ta’ Diċembru 2009 li magħhom jiżdiedu l-primjums miżjuda magħhom konformement mal-annessi ta’ din il-liġi;

    b)

    il-primjums previsti fl-annessi ta’ din il-liġi, li baqgħu barra [mil-]allowance fix-xahar maniġerjali, jingħataw sa ammont li jagħti lok għal valur ekwivalenti għall-ammont ikkalkolat għax-xahar ta’ Diċembru 2009.”

    Il-Kodiċi Industrijali

    21

    L-Artikolu 5 tal-Legea nr. 53/2003 privind Codul muncii (il-Liġi Nru 53/2003 li Tistabbilixxi l-Kodiċi Industrijali), tal-24 ta’ Jannar 2003 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 72 tal-5 ta’ Frar 2003), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Industrijali”) jipprovdi:

    “1.   Ir-relazzjonijiet industrijali huma rregolati mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-impjegati u tal-ħaddiema kollha.

    2.   Kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta fir-rigward ta’ impjegat, bbażata fuq is-sess, l-orjentazzjoni sesswali, il-karatteristiċi ġenetiċi, l-età, l-appartenenza nazzjonali, ir-razza, il-kulur, l-etniċità, ir-reliġjon, l-għażliet politiċi, l-oriġini soċjali, id-diżabbiltà, is-sitwazzjoni jew ir-responsabbiltà tal-familja, l-appartenenza jew l-attività sindakali, hija pprojbita.

    3.   Jikkostitwixxu diskriminazzjoni diretta, l-atti u l-fatti ta’ esklużjoni, id-differenza, ir-restrizzjoni jew il-preferenza, ibbażati fuq kriterju jew fuq diversi mill-kriterji stipulati fil-paragrafu 2, li l-għan jew l-effett tagħhom ikun li ma jingħatawx, li jiġu limitati jew li jiġu eliminati r-rikonoxximent, l-użu jew l-eżerċizzju tad-drittijiet previsti mil-leġiżlazzjoni industrijali.

    4.   Jikkostitwixxu diskriminazzjoni indiretta, l-atti u l-fatti li huma apparentement ibbażati fuq kriterji oħra differenti minn dawk previsti fil-paragrafu 2, iżda li jipproduċu l-effetti ta’ diskriminazzjoni diretta.”

    22

    Skont kliem l-Artikolu 268(1)(c) tal-Kodiċi Industrijali, it-talbiet intiżi sabiex tinstab soluzzjoni għal kunflitt industrijali jistgħu jitressqu fit-terminu ta’ tliet snin b’effett minn meta jitnissel id-dritt għat-tressiq ta’ kawża, meta s-suġġett tal-kunflitt industrijali individwali jikkonsisti fil-ħlas ta’ krediti ta’ salarju mhux imħallsa jew ta’ kumpens lill-impjegat, kif ukoll fil-każ ta’ responsabbiltà patrimonjali tal-impjegati fir-rigward tal-persuna li timpjega.

    Il-Liġi dwar id-Djalogu Soċjali

    23

    L-Artikolu 211 de la Legea nr. 62/2011, a dialogului social (il-Liġi Nru 62/2011 dwar id-Djalogu Soċjali), tal-10 ta’ Mejju 2011 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 625 tal-31 ta’ Awwissu 2012), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Djalogu Soċjali”), jipprovdi:

    “Ir-rikorsi jistgħu jiġu ppreżentati mill-persuni li d-drittijiet tagħhom ikunu ġew miksura, bil-mod li ġej:

    […]

    c) il-ħlas ta’ danni għall-preġudizzju mġarrab u l-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament jistgħu jintalbu f’terminu ta’ tliet snin b’effett minn meta jkun seħħ id-dannu.”

    It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    24

    Matul is-snin 2006 sa 2009, il-maġġuranza tal-membri tal-ġudikatura fil-kariga fir-Rumanija (iktar ’il quddiem l-“ex membri tal-ġudikatura”) kisbu deċiżjonijiet ġudizzjarji li jirrikonoxxulhom id-dritt sabiex jibbenefikaw mill-ħlas ta’ allowances grossi fix-xahar maniġerjali miżjuda li jieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, l-applikazzjoni għar-remunerazzjoni tagħhom ta’ koeffiċjenti multiplikatur ogħla, li jikkorrispondi għal dak li minnu jibbenefikaw il-prosekuturi tad-Direttorat Nazzjonali ta’ kontra l-Korruzzjoni u tad-Direttorat għall-Investigazzjoni tal-Ksur fil-qasam tal-Kriminalità Organizzata u tat-Terroriżmu, kif ukoll, min-naħa l-oħra, valur ta’ riferiment settorjali miżjud, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tad-DG Nru 10/2007.

    25

    Wara d-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 2010, tal-Liġi Qafas Nru 330/2009, ir-remunerazzjonijiet tal-Imħallfin ġew ikkalkolati b’mod ugwali għalihom kollha konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi u r-rikorsi kollha ppreżentati mill-membri tal-ġudikatura li daħlu fil-funzjonijiet tagħhom b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010 sabiex jibbenefikaw miż-żidiet fir-remunerazzjoni msemmija fil-punt preċedenti ġew miċħuda abbażi ta’ din l-ugwaljanza fis-salarju.

    26

    Permezz tad-deċiżjoni Nru 7/2019 tal-11 ta’ Frar 2019, li hija vinkolanti għall-qrati nazzjonali, l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija), adita b’appell fl-interess tal-liġi, ddeċidiet li, konformement mal-Artikolu 1(2) tal-Liġi Qafas Nru 330/2009, iż-żidiet previsti fl-Artikolu 1(1) tad-DG Nru 10/2007 kienu u jibqgħu inklużi fl-allowance grossa fix-xahar maniġerjali anki wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija liġi qafas (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja”).

    27

    Wara s-sentenza tal-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, il-Ministerul Justiției (il-Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Rumanija) alloka fondi lill-qrati għall-ħlas retroattiv, lill-ex membri tal-ġudikatura, taż-żidiet fir-remunerazzjoni abbażi tad-deċiżjonijiet mogħtija favurihom matul is-snin 2006 sa 2009. Min-naħa l-oħra, dan il-ministeru rrifjuta li jisblokka fondi favur membri oħra tal-ġudikatura, bħal ma huma l-membri tal-ġudikatura inkwistjoni, li ma kinux ibbenefikaw minn tali deċiżjonijiet ġudizzjarji.

    28

    Huwa f’dan il-kuntest li, fl-10 ta’ Marzu 2020, il-membri tal-ġudikatura inkwistjoni ippreżentaw rikors quddiem it-Tribunalul Bihor (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bihor, ir-Rumanija), li fih talbu li l-qrati kkonċernati jiġu kkundannati jħallsuhom allowance ekwivalenti għad-differenza bejn ir-remunerazzjoni li huma effettivament irċevew u dik li huma kellhom jirċievu b’teħid inkunsiderazzjoni tal-koeffiċjenti multiplikatur previst fid-DGU Nru 27/2006. Insostenn ta’ din l-azzjoni, huma sostnew li kienu s-suġġett ta’ diskriminazzjoni meta mqabbel mal-ex membri tal-ġudikatura li kienu bbenefikaw minn żieda fir-remunerazzjoni, peress li huma kienu wettqu l-istess xogħol, matul l-istess perijodu u għall-istess persuna li timpjega. Min-naħa tagħhom, il-qrati kkonċernati eċepixxew il-preskrizzjoni ta’ din l-azzjoni, abbażi tal-Artikolu 211(c) tal-Liġi dwar id-Djalogu Soċjali, billi sostnew li kienu għaddew iktar minn tliet snin mid-data ta’ meta kien seħħ l-allegat dannu, u, min-naħa l-oħra, sostnew li ma kienx hemm, f’dan il-każ, sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni, peress li s-sitwazzjoni taż-żewġ kategoriji ta’ membri tal-ġudikatura ma hijiex paragunabbli.

    29

    Permezz ta’ sentenza tat-18 ta’ Settembru 2020, it-Tribunalul Bihor (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bihor) laqgħet l-azzjoni tal-membri tal-ġudikatura inkwistjoni. Dik il-qorti, minn naħa, ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni minħabba li kien it-terminu ta’ preskrizzjoni speċjali ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 27(2) tad-DG Nru 137/2000 li kien applikabbli, terminu li jibda jiddekorri b’effett mid-data ta’ meta seħħ l-avveniment diskriminatorju jew mid-data ta’ meta l-persuna kkonċernata seta jsir konxju minnu. Min-naħa l-oħra, dik l-istess qorti qieset li l-qrati kkonċernati kienu ħalqu sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni fir-rigward tal-membri tal-ġudikatura inkwistjoni billi kienu wettqu l-ħlas retroattiv taż-żidiet fir-remunerazzjoni biss favur uħud mill-membri tal-ġudikatura. B’konsegwenza ta’ dan, il-qrati kkonċernati ġew ikkundannati jħallsu lill-membri tal-ġudikatura inkwistjoni l-istess żidiet fir-remunerazzjoni bħal dawk li huma kienu ħallsu retroattivament fix-xahar ta’ Diċembru 2019 u f’dak ta’ Jannar 2020 lill-ex membri tal-ġudikatura.

    30

    Il-qrati kkonċernati appellaw minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Curtea de Apel Oradea (il-Qorti tal-Appell ta’ Oradea, ir-Rumanija). Huma jsostnu, essenzjalment, li l-membri tal-ġudikatura inkwistjoni ma jistgħux jinvokaw l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni fil-konfront tagħhom, peress li l-ħlasijiet taż-żidiet fir-remunerazzjoni kienu twettqu favur l-ex membri tal-ġudikatura abbażi tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji deċiżi favurihom, wara li dawn kienu s-suġġett ta’ interpretazzjoni permezz tas-sentenza tal-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja. Issa, il-membri tal-ġudikatura inkwistjoni ma jistgħux jinvokaw l-imsemmija deċiżjonijiet favurihom.

    31

    Il-membri tal-ġudikatura inkwistjoni jsostnu, min-naħa tagħhom, li, għalkemm, matul il-perijodu li matulu ngħataw deċiżjonijiet ġudizzjarji favur l-ex membri tal-ġudikatura, inkluż bejn is-sena 2006 u s-sena 2009, huma kien għad ma kellhomx il-kwalità ta’ membri tal-ġudikatura, xorta jibqa’ l-fatt li s-sentenza tal-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja ingħatat wara dan il-perijodu, b’tali mod li l-effetti ta’ dawn id-deċiżjonijiet ġew estiżi għall-ġejjieni. Dawn l-effetti għalhekk jikkonċernaw ukoll perijodu li matulu l-membri tal-ġudikatura inkwistjoni eżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fl-istess ħin bħal-ex membri tal-ġudikatura, jiġifieri l-perijodu ta’ bejn is-sena 2010 u s-sena 2015.

    32

    Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, it-tilwimiet fil-qasam tad-dritt industrijali relatati mal-ħlas ta’ arretrati tas-salarju huma suġġetti għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 268(c) tal-Kodiċi Industrijali, li jibda jiddekorri b’effett mill-mument ta’ meta jitnissel id-dritt għal tressiq ta’ azzjoni u li, b’mod parallel, l-Artikolu 211(c) tal-Liġi dwar id-Djalogu Soċjali jipprevedi li t-talbiet jistgħu jitressqu mill-persuni li d-drittijiet tagħhom ikunu ġew miksura f’terminu ta’ tliet snin mid-data li fiha seħħ id-dannu. F’dan il-kuntest, dik il-qorti tistaqsi dwar il-garanzija ta’ dritt ta’ aċċess għal qorti jekk tintlaqa’ l-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni tad-dritt għal tressiq ta’ azzjoni.

    33

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li ma kienx għaliex il-membri tal-ġudikatura inkwistjoni huma iżgħar u għaliex ġew maħtura fil-funzjonijiet tagħhom wara l-preżentazzjoni tar-rikors mill-ex membri tal-ġudikatura matul is-snin 2006 sa 2009 li l-qrati kkonċernati jirrifjutawlhom dan id-drittijiet meta huma ħadmu fl-istess kundizzjonijiet matul il-perijodu ta’ bejn is-sena 2010 u s-sena2015. Għaldaqstant, hija tistaqsi jekk interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tgħid li ż-żidiet fir-remunerazzjoni ma jistgħux iktar jiġu mitluba quddiem qorti minħabba li d-dritt għal tressiq ta’ azzjoni huwa preskritt toħloqx diskriminazzjoni bejn, minn naħa, l-ex membri tal-ġudikatura, li fir-rigward tagħhom il-qrati kkonċernati rrikonoxxew u ħallsu dawn iż-żidiet fix-xahar ta’ Diċembru 2019 u f’dak ta’ Jannar 2020, u, min-naħa l-oħra, il-membri tal-ġudikatura, bħal ma huma l-membri tal-ġudikatura inkwistjoni, li fir-rigward tagħhom l-imsemmija qrati ma rrikonoxxewx id-dritt għal tali żidiet u li ppreżentaw ir-rikorsi kontenzjużi tagħhom matul is-sena 2020, meta ż-żewġ kategoriji ta’ membri tal-ġudikatura ħadmu matul l-istess perijodu, għall-istess persuna li timpjega u eżerċitaw l-istess funzjonijiet.

    34

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Curtea de Apel Oradea (il-Qorti tal-Appell ta’ Oradea) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja id-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva [2000/78] dwar il-garanzija ta’ proċeduri ġudizzjarji “disponibbli għal-persuni kollha li jikkunsidraw ruħhom trattati ħażin minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament”, kif ukoll id-dispożizzjonijiet [tal-ewwel paragrafu] tal-Artikolu 47 tal-[Karta], dwar il-garanzija tad-dritt għal “rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu regola f’leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fl-Artikolu 211(c) tal-[Liġi dwar id-Djalogu Soċjali], li tipprovdi li l-perijodu ta’ tliet snin għat-tressiq ta’ talba għal rimedju jibda jiddekorri “mid-data li fiha seħħ id-dannu”, irrispettivament minn jekk il-lanjant kellux għarfien jew le li seħħ id-dannu (u l-portata tiegħu)?

    2)

    Id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 2(1) u (2) u fl-aħħar tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu regola f’leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fl-Artikolu 1(2) tal-[Liġi-Qafas Nru 330], kif interpretat fis-sentenza tal-[Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja], peress li [l-membri tal-ġudikatura inkwistjoni] ma kellhomx l-opportunità legali li jitolbu żieda fl-allowance tal-impjieg tagħhom fil-mument tad-dħul tagħhom fil-ġudikatura, li seħħet wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi-Qafas Nru 330[/2009], att leġiżlattiv li espressament jipprovdi li d-drittijiet għas-salarju huma u jibqgħu esklużivament dawk ipprovduti minn [din] il-liġi, li jfisser li hemm diskriminazzjoni fir-remunerazzjoni meta mqabbla mal-kollegi tagħhom, inkluż fuq il-bażi tal-kriterju tal-età peress li l-membri tal-ġudikatura anzjani biss, li ġew maħtura qabel Jannar 2010 (li kisbu sentenzi favurihom matul il-perijodu bejn l-2006 u l-2009 li d-[dispożittivi] tagħhom ġew iċċarati fl-2019 fuq il-bażi [tas-sentenza tal-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja), ibbenefikaw mill-ħlas retroattiv tad-drittijiet tagħhom (simili għal dawk mitluba fir-rikors li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża), f’Diċembru 2019/Jannar 2020, għall-perijodu mill-2010 sal-2015, anki jekk, matul dan il-perijodu, [il-membri tal-ġudikatura inkwistjoni] eżerċitaw il-funzjonijiet ta’ membru tal-ġudikatura u wettqu l-istess xogħol, taħt l-istess kundizzjonijiet u fl-istess istituzzjoni?

    3)

    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu d-diskriminazzjoni biss meta tkun ibbażata fuq wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jew, għall-kuntarju, dawn id-dispożizzjonijiet, possibbilment issupplimentati b’dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, ġeneralment jipprekludu li impjegat jiġi ttrattat b’mod differenti minn ieħor f’termini ta’ remunerazzjoni, meta jwettaq l-istess xogħol għall-istess persuna li timpjega, matul l-istess perijodu u taħt l-istess kundizzjonijiet?”

    Fuq it-talba għal proċedura mħaffa

    35

    Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura mħaffa abbażi tal-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talba tagħha, dik il-qorti ssostni li tali proċedura hija ġġustifikata minħabba l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ tensjoni fil-livell tal-qrati Rumeni li tirriżulta mid-differenza kbira ħafna ta’ remunerazzjoni bejn il-membri tal-ġudikatura.

    36

    L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, u wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi suġġett għal proċedura mħaffa meta n-natura tal-kawża teżiġi li din tiġi trattata f’qasir żmien.

    37

    Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li tali proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż li jwieġeb għal sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-proċedura mħaffa tista’ ma tiġix applikata meta l-applikazzjoni ta’ tali proċedura tkun diffiċli minħabba n-natura sensittiva u kumplessa tal-problemi ġuridiċi mqajma minn kawża, b’mod partikolari meta ma jkunx jidher xieraq li titqassar il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-23 ta’ Novembru 2021, IS (Illegalità tad-digriet tar-rinviju), C‑564/19, EU:C:2021:949, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    38

    F’dan il-każ, permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħa lill-Imħallef Relatur u lill-Avukat Ġenerali, ċaħad it-talba intiża sabiex din il-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa.

    39

    Fil-fatt, la l-interess tal-partijiet fil-kawża, irrispettivament minn kemm huwa importanti u leġittimu, sabiex mill-iktar fis possibbli tiġi ddeterminata l-portata tad-drittijiet mogħtija lilhom mid-dritt tal-Unjoni, u lanqas in-natura ekonomikament u soċjalment sensittiva tat-tilwima fil-kawża prinċipali ma jimplikaw madankollu n-neċessità li din tiġi ttrattata fi żmien qasir, fis-sens tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

    Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

    40

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Rumen jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Huwa jqis, minn naħa, li l-qorti tar-rinviju ma pproduċietx il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti risposta utli għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija qorti la spjegat b’mod suffiċjenti l-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom hija qed titlob l-interpretazzjoni u lanqas ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn tal-aħħar u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għal din it-tilwima.

    41

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-koperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha u kemm ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2020, Universitatea Lucian Blaga Sibiu et, C‑644/19, EU:C:2020:810, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    42

    Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta għal domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni mitluba ta’ regola tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2020, Universitatea Lucian Blaga Sibiu et, C‑644/19, EU:C:2020:810, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    43

    F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda d-deskrizzjoni tal-kuntest fattwali, għalkemm l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju hija, fir-rigward ta’ ċetri aspetti, ta’ natura lakunari, xorta jibqa’ l-fatt li t-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi d-data suffiċjenti sabiex jinftehmu kemm id-domandi preliminari kif ukoll il-portata tagħhom.

    44

    Barra minn hekk, ma jidhirx b’mod manifest li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fid-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, li jirrigwardaw allegata diskriminazzjoni bbażata fuq l-età pprojbita fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol, ma għandhom l-ebda relazzjoni mat-tilwima fil-kawża prinċipali.

    45

    Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq it-tieni domanda

    46

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva 2000/78 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, hekk kif interpretata minn ġurisprudenza nazzjonali vinkolanti, twassal sabiex ir-remunerazzjoni rċevuta minn ċerti membri tal-ġudikatura irreklutati wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni tkun inqas minn dik irċevuta minn membri tal-ġudikatura irreklutati qabel id-dħul fis-seħħ tagħha.

    47

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk il-fatt li l-membri tal-ġudikatura inkwistjoni, irreklutati wara l-1 ta’ Jannar 2010, ma kellhomx il-possibbiltà li jitolbu żieda fir-remunerazzjoni tagħhom, għall-perijodu ta’ bejn is-sena 2010 u s-sena 2015, abbażi tad-deċiżjonijiet mogħtija favur l-ex membri tal-ġudikatura matul is-snin 2006 u 2009, u dan minħabba li huma ma kinux fil-kariga f’dak iż-żmien, tpoġġihom f’sitwazzjoni li hija inqas favorevoli minħabba l-età tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva 2000/78, minn dik tal-ex membri tal-ġudikatura, li kisbu permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja l-ħlas retroattiv tar-remunerazzjoni miżjuda tagħhom għall-imsemmi perijodu.

    48

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li mill-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li din tapplika, fil-limiti tal-kompetenzi mogħdija lill-Unjoni Ewropea, għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija u ta’ remunerazzjoni. Għalhekk, il-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali, inklużi l-membri tal-ġudikatura, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Frar 2019, Escribano Vindel, C‑49/18, EU:C:2019:106, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    49

    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar ukoll li mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tagħha, jirriżulta li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jimponi l-assenza ta’ kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata, b’mod partikolari, fuq l-età. Barra minn hekk, mill-Artikolu 2(2)(b) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li, għall-finijiet tagħha, ikun hemm diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tista’ tkun ta’ żvantaġġ partikolari għal persuni ta’ età partikolari, meta mqabbla ma persuni oħra, sakemm din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prattika ma tkunx oġġettivament iġġustifikata minn għan leġittimu u sakemm il-metodi sabiex dan l-għan jintlaħaq jkunu xierqa u neċessarji.

    50

    F’dan il-każ, għandu jiġi ddeterminat jekk mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżultax differenza ta’ remunerazzjoni bejn il-membri tal-ġudikatura inkwistjoni u l-ex membri tal-ġudikatura minħabba l-età tagħhom.

    51

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat, l-ewwel, bi qbil ma dak li esponiet l-Irlanda fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-qorti tar-rinviju la speċifikat l-età tal-membri tal-ġudikatura inkwistjoni, u lanqas liema hija l-età medja jew l-istruttura ta’ età tal-persunal tal-ordinament ġudizzjarju Rumen.

    52

    Barra minn hekk, hekk kif indika l-Gvern Rumen fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti bl-ebda mod ma jirriżulta li l-età tikkostitwixxi kriterju ta’ aċċess għall-ġudikatura jew kriterju ta’ remunerazzjoni tal-membri tal-ġudikatura.

    53

    Minn dan isegwi li hemm lok li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età.

    54

    It-tieni nett, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju ma identifikat l-ebda kategorija speċifika ta’ membri tal-ġudikatura li qiegħdha ssostni żvantaġġ speċifiku marbut mal-età, iżda llimitat ruħha li tosserva li r-rifjut li l-membri tal-ġudikatura inkwistjoni jingħataw iż-żieda fir-remunerazzjoni tagħhom għall-perijodu ta’ bejn is-sena 2010 u s-sena 2015 jirriżulta, minn naħa, mid-dħul tagħhom fil-funzjonijiet wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Qafas Nru 330/2009 u, min-naħa l-oħra, mill-assenza, favurihom, ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, miksuba qabel dan id-dħul fis-seħħ, li jirrikonoxxulhom d-dritt għal żidiet fir-remunerazzjoni.

    55

    Issa, l-ewwel, l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida tkun tapplika biss għal sitwazzjonijiet li jinħolqu wara d-dħul fis-seħħ tagħha, sa fejn tali ċirkustanza tirriżulta biss mill-effett ratione temporis tal-applikabbiltà ta’ liġi ġdida u ma tikkostitwixxix, bħala tali, diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età.

    56

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-kriterju, li jissuġġetta l-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda biss għad-data ta’ reklutaġġ bħala element oġġettiv u newtrali, ma huwiex manifestament konness ma xi teħid inkunsiderazzjoni tal-età tal-persuni rreklutati (sentenza tal-14 ta’ Frar 2019, Horgan u Keegan, C‑154/18, EU:C:2019:113, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    57

    It-tieni, f’dak li jirrigwarda l-assenza, favur il-membri tal-ġudikatura inkwistjoni, ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, miksuba qabel id-dħul fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida, li jirrikonoxxulhom id-dritt għal żidiet fir-remunerazzjoni, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li tali differenza fit-trattament ma tirriżultax mill-età tal-membri tal-ġudikatura inkwistjoni, iżda mill-assenza ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija favurihom.

    58

    Tali kriterju, għalhekk, bl-ebda mod ma jidher li huwa marbut mal-età ta’ dawn il-membri tal-ġudikatura jew ma xi raġuni oħra ta’ diskriminazzjoni pprojbita mid-Direttiva 2000/78.

    59

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li mill-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jidhirx li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludi xi tip ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età.

    60

    Minn dan isegwi li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex koperta mill-kuntest ġenerali stabbilit fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78 sabiex jiġu miġġielda ċerti forom ta’ diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol.

    61

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma huwiex applikabbli għal leġiżlazzjoni nazzjonali li, hekk kif interpretata minn ġurisprudenza nazzjonali vinkolanti, twassal sabiex ir-remunerazzjoni rċevuta minn ċerti membri tal-ġudikatura rreklutati wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni tkun inqas minn dik ta’ membri tal-ġudikatura rreklutati qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, peress li minnha ma tirriżulta ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq l-età.

    Fuq it-tielet domanda

    62

    Permezz ta-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2000/78, eventwalment ikkompletata minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, tipprekludix kull diskriminazzjoni bbażata fuq raġunijiet oħra għajr dawk espliċitament previsti fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.

    63

    Qabel kollox, għandu jitfakkar li, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni u tal-Artikolu 2(1) u (2)(b) tad-Direttiva 2000/78, huma pprojbiti d-diskriminazzjonijiet indiretti kollha bbażati fuq “reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol”.

    64

    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, konformement mal-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva, ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tagħha huma elenkati b’mod eżawrjenti (sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2020, Universitatea Lucian Blaga Sibiu et, C‑644/19, EU:C:2020:810, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    65

    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi osservat li d-Direttiva 2000/78 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 13 KE, li sar l-Artikolu 19 TFUE, li jipprevedi, essenzjalment, li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jista’ jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jiġġieled kontra kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

    66

    Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax id-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq raġunijiet oħra għajr dawk li hija telenka espliċitament, tant li hija ma tistax tikkostitwixxi il-bażi legali ta’ miżuri tal-Unjoni intiżi li jiġġieldu kontra tali diskriminazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et, C‑310/10, EU:C:2011:467, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    67

    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li diskriminazzjoni bbażata fuq raġunijiet oħra għajr dawk imsemmija espliċitament fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

    68

    Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkonfutata miċ-ċirkustanza msemmija mill-qorti tar-rinviju, li tgħid li d-Direttiva 2000/78 tista tkun “ikkompletata”, f’dan ir-rigward, permezz ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni, li, barra minn hekk ma humiex speċifikati minn dik il-qorti. Fil-fatt, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li minn l-ebda att tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li d-differenza fit-trattament allegata mill-membri tal-ġudikatura inkwistjoni hija koperta minn dispożizzjoni speċifika oħra tad-dritt tal-Unjoni.

    69

    Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq. Hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda tkun li d-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi diskriminazzjoni biss meta din tkun ibbażata fuq waħda mir-raġunijiet elenkati espliċitament fl-Artikolu 1 tagħha.

    Fuq l-ewwel domanda

    70

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/78 kif ukoll l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li t-terminu għall-preżentazzjoni ta’ rikors għal kumpens abbażi ta’ allegata diskriminazzjoni huwa ta’ tliet snin b’effett minn meta seħħ id-dannu, irrispettivament minn jekk ir-rikorrent kienx konxju jew le mill-fatta li seħħ id-dannu u mill-portata tiegħu.

    71

    Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, li minnha jirriżulta li d-differenza fit-trattament allegata mill-membri tal-ġudikatura inkwistjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

    72

    Dan espost, sa fejn din id-domanda ssemmi wkoll espliċitament dispożizzjoni tal-Karta, għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) li skont kliemu d-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati għall-Istati Membri biss meta huma jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 17).

    73

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-kunċett ta’ “implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta, jeħtieġ l-eżistenza ta’ rabta ta’ ċertu grad, li tmur lil hinn mill-affinità bejn l-oqsma meħuda inkunsiderazzjoni u l-effetti indiretti ta’ qasam fuq l-ieħor (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Siragusa, C‑206/13, EU:C:2014:126, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    74

    Minn dan isegwi li d-drittijiet fundamentali żgurati fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet (sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19).

    75

    Għalhekk, meta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat ma jirregolawx aspett u ma jimponu l-ebda obbligu speċifiku fuq l-Istati Membri fir-rigward ta’ sitwazzjoni partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali stabbilita minn Stat Membru fir-rigward ta’ dan l-aspett ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta u s-sitwazzjoni kkonċernata ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT, C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). F’dawn il-każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ma għandhiex ġurisdizzjoni u d-dispożizzjonijiet eventwalment invokati tal-Karta ma jistgħux, fihom innifishom, jistabbilixxu dik il-ġurisdizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2021, AB et (Revoka ta’ amnestija), C‑203/20, EU:C:2021:1016, punt 39).

    76

    F’dan il-każ, hekk kif enfasizzaw il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-konstatazzjoni tal-assenza ta’ applikabbiltà tad-Direttiva 2000/78 għat-tilwima fil-kawża prinċipali, hekk kif imwettqa fil-punti 51 sa 60 ta’ din is-sentenza, turi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi kkunsidrata bħala intiża li timplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    77

    Iktar minn hekk, għandu jiġi osservat li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi l-ebda element ieħor li jista’ jagħti l-wieħed jifhem li teżisti rabta’ ta’ ċertu grad, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u kwalunkwe att ieħor tad-dritt tal-Unjoni.

    78

    Minn dan isegwi li differenza fit-trattament bħal dik allegata mill-membri tal-ġudikatura inkwistjoni tirriżulta, jekk tabilħaqq hija diskriminazzjoni, biss mid-dritt nazzjonali li l-interpretazzjoni tiegħu hija biss taħt il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju.

    79

    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għall-ewwel domanda preliminari.

    Fuq l-ispejjeż

    80

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din tal-aħħar li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ ħlas lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma huwiex applikabbli għal leġiżlazzjoni nazzjonali li, hekk kif interpretata minn ġurisprudenza nazzjonali vinkolanti, twassal sabiex ir-remunerazzjoni rċevuta minn ċerti membri tal-ġudikatura rreklutati wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni tkun inqas minn dik ta’ membri tal-ġudikatura irreklutati qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, peress li minnha ma tirriżulta ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq l-età.

     

    2)

    Id-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi diskriminazzjoni biss meta din tkun ibbażata fuq waħda mir-raġunijiet elenkati espliċitament fl-Artikolu 1 tagħha.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

    Top