EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0257

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tas-7 ta’ Lulju 2022.
Coca-Cola European Partners Deutschland GmbH vs L.B. u R.G.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Artikolu 153 TFUE – Protezzjoni tal-ħaddiema – Direttiva 2003/88/KE – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Xogħol ta’ billejl – Ftehim kollettiv li jipprevedi żieda fir-remunerazzjoni għax-xogħol ta’ billejl b’mod regolari inferjuri għal dak stabbilit għax-xogħol ta’ billejl imwettaq b’mod okkażjonali – Ugwaljanza fit-trattament – Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
Kawżi magħquda C-257/21 u C-258/21.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:529

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

7 ta’ Lulju 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Artikolu 153 TFUE – Protezzjoni tal-ħaddiema – Direttiva 2003/88/KE – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Xogħol ta’ billejl – Ftehim kollettiv li jipprevedi żieda fir-remunerazzjoni għax-xogħol ta’ billejl b’mod regolari inferjuri għal dak stabbilit għax-xogħol ta’ billejl imwettaq b’mod okkażjonali – Ugwaljanza fit-trattament – Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali”

Fil-Kawżi magħquda C‑257/21 u C‑258/21,

li għandha bħala suġġett it-talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2020, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ April 2021, fil-proċeduri

Coca-Cola European Partners Deutschland GmbH

vs

L.B. (C‑257/21),

R.G. (C‑258/21),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn J. Passer, President tal-Awla, F. Biltgen u M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Coca-Cola European Partners Deutschland GmbH, minn C. Böttger, Rechtsanwalt,

għal L.B. u R.G., minn R. Buschmann u A. Kapeller, Prozessbevollmächtigte,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann u D. Recchia, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), kif ukoll tal-Artikolu 20 u tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwim bejn Coca-Cola European Partners Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “Coca-Cola”) u L.B. (Kawża C‑257/21) u bejn Coca-Cola u R.G. (Kawża C‑258/21) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“partijiet ikkonċernati”) fir-rigward taż-żieda fir-remunerazzjoni dovuta, b’applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv, għas-sigħat tax-xogħol ta’ billejl imwettqa.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

L-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni (Nru 171) dwar ix-Xogħol ta’ Billejl, 1990, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tal-ILO dwar ix-Xogħol ta’ Billejl”), jipprovdi:

“Il-miżuri speċifiċi rikjesti min-natura tax-xogħol ta’ billejl, li għandhom jinkludu mill-inqas dawk imsemmija fl-Artikoli 4 sa 10 iktar ’il quddiem, għandhom jittieħdu favur ħaddiema ta’ billejl bil-għan li tiġi protetta s-saħħa tagħhom, li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet familjari u soċjali tagħhom, li jiġu żgurati lilhom opportunitajiet ta’ żvilupp tal-karriera u li jingħataw kumpens xieraq. Tali miżuri għandhom jittieħdu wkoll fuq il-livell tas-sigurtà u tal-protezzjoni tal-maternità favur dawk kollha li jwettqu xogħol ta’ billejl.”

4

L-Artikolu 8 ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi:

“Il-kumpensi mogħtija lill-ħaddiema ta’ billejl fir-rigward tat-tul tal-ħin tax-xogħol, tas-salarju jew ta’ benefiċċji simili għandu jirrikonoxxi n-natura tax-xogħol ta’ billejl.”

Id-dritt tal-Unjoni

5

Id-Direttiva 2003/88 ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 137(2) KE, li sar l-Artikolu 153(2) TFUE.

6

Il-premessi 1, 2, 4 sa 6 ta’ din id-direttiva jiddikjaraw:

“(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat‑23 ta’ Novembru 1993, li tikkonċerna ċerti aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197], li tistabbilixxi l-ħtiġiet minimi u tas-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, fir-rigward ta’ perjodi ta’ serħan kull jum, ta’ waqfien, ta’ serħan ta’ kull ġimgħa, il-ħin massimu tax-xogħol ta’ kull ġimgħa, il-leave annwali u l-aspetti tax-xogħol matul il-lejl, ix-xogħol bix-shift u l-istili tax-xogħol, kienu emendati b’mod importanti. Sabiex ikunu ċċarati dawn il-materji, kodifikazzjoni tad-disposizzjonijiet f’dan il-każ għandha tkun imħejjija.

(2)

L-Artikolu 137 [KE] jipprovdi li l-Komunità għandha tappoġġja u tikkumplementa l-attivitajiet ta’ l-Istati Membri bil-għan li ttejjeb l-ambjent tax-xogħol u tipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Id-Direttivi adottati fuq il-bażi ta’ dak l-Artikolu għandhom jevitaw l-imposizzjoni ta’ limitazzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali b’tali mod li jistgħu jimpedixxu l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju.

[…]

(4)

It-titjib tas-sigurtà, l-iġene u s-saħħa tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol huwa għan li m’għandux ikun subordinat sempliċement għal raġunijiet ekonomiċi.

(5)

Il-ħaddiema kollha għandhom ikollhom perjodi adekwati ta’ serħan. Il-kunċett ta’ ‘serħan’ għandu jkun espress f’unitajiet ta’ ħin, i.e. f’jiem, f’sigħat u/jew frazzjonijiet tagħhom. Il-ħaddiema tal-Komunità għandhom ikunu mogħtija l-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum u ta’ kull ġimgħa, u waqfien adekwati. Huwa wkoll meħtieġ li f’dan il-kuntest jitqiegħed limitu massimu fuq sigħat tax-xogħol matul kull ġimgha.

(6)

Akkont għandu jittieħed tal-prinċipji [tal-ILO] fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, inklużi dawk relatati max-xogħol ta’ bil-lejl.”

7

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Għan u skop”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.”

8

L-Artikolu 7 tal-istess direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.   Il-perijodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

9

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “It-tul tax-xogħol bil-lejl”, jiddikjara:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw li:

(a)

is-sigħat normali tax-xogħol għal ħaddiema ta’ bil-lejl ma jkunux jeċċedu l-medja ta’ tmien sigħat fi kwanulkwe perjodu ta’ 24 siegħa;

(b)

il-ħaddiema ta’ matul il-lejl li x-xogħol tagħhom jinvolvi perikolu speċjali jew dak fiżiku iebes jew ta’ strapazz mentali ma jaħdmux għal aktar minn tmien sigħat fi kwalunkwe perjodu ta’ 24 siegħa li matulhom huma jwettqu x-xogħol ta’ matul il-lejl.

Għall-iskopijiet tal-punt (b), xogħol li jinvolvi perikolu speċjali jew dak fiżiku iebes jew ta’ strapazz mentali għandu jkun definit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew prattika jew bi ftehim kollettiv jew ftehim konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija, billi jittieħed akkont ta’ l-effetti speċifiċi u l-perikoli tax-xogħol matul il-lejl.”

10

Skont l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Assessjar tas-saħħa u t-trasferiment ta’ ħaddiema ta’ matul il-lejl lejn ix-xogħol ta’ matul il-jum”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw li:

(a)

il-ħaddiema ta’ matul il-lejl huma ntitolati għal eżami tas-saħħa b’xejn qabel l-assenjar tagħhom u minn hemm ’il quddiem f’intervalli regolari;

(b)

il-ħaddiema ta’ matul il-lejl li jsofru minn problemi tas-saħħa rikonoxxuti bħala li huma konnessi mal-fatt li huma jwettqu xogħol ta’ matul il-lejl huma ttrasferiti kull meta jkun possibbli lejn xogħol ta’ matul il-jum li għalih huma adattati.

2.   L-eżami tas-saħħa b’xejn li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1(a) għandu jkun konformi mal-konfidenzjalità medika.

3.   L-eżami tas-saħħa b’xejn li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1(a) għandu jkun imwettaq fi ħdan is-sistema tas-saħħa nazzjonali.”

11

L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Garanziji għal xogħol ta’ matul il-lejl”, jipprevedi:

“L-Istati Membri jitsgħu jimponu li x-xogħol ta’ ċerti kategoriji ta’ ħaddiema ta’ matul il-lejl ikun suġġett għal ċerti granziji, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew prattika, fil-każ ta’ ħaddiema li jkollhom riskji għas-sigurtà u s-saħħa tagħhom marbuta max-xogħol ta’ matul il-lejl.”

12

L-Artikolu 11 tal-istess direttiva, intitolat “Notifika ta’ użu regolari ta’ ħaddiema ta’ matul il-lejl”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw li min iħaddem, li regolarment juża l-ħaddiema ta’ bil-lejl, li jwassal din l-informazzjoni għall-attenzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti jekk huma hekk jitolbu.”

13

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa”, jiddikjara:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw li:

(a)

ħaddiema tal-lejl u ħaddiema tax-shift ikollhom protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa xierqa għan-natura tax-xogħol tagħhom;

(b)

servizzi jew faċilitajiet ta’ protezzjoni u prevenzjoni xierqa fir-rigward tas-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema tal-lejl u ta’ ħaddiema tax-shift li huma ekwivalenti għal dawk applikabbli għal ħaddiema oħrajn u li jkunu disponibbli fi kwalunwe waqt.”

14

Skont l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Tendenzi tax-xogħol”:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw li min iħaddem li jkollu l-intenzjoni li jorganizza x-xogħol skond ċerta tendenza billi jieħdu akkont tal-prinċipju ġenerali ta’ l-adattazzjoni tax-xogħol għall-ħaddiem, bil-għan, partikolarment, ħalli jtaffu l-monotonija tax-xogħol u x-xogħol b’rata pre-determinata tax-xogħol, dipendenti mit-tip ta’ l-attività, u tal-ħtiġiet tas-sigurtà u tas-saħħa, speċjalment fir-rigward tal-waqfien matul il-ħin tax-xogħol.”

Id-dritt Ġermaniż

15

L-Artikolu 3 tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja) tat‑23 ta’ Mejju 1949 (BGBI. 1949 I, p. 1), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali, jipprovdi:

“(1)   Il-bnedmin kollha huma ugwali quddiem il-liġi.

(2)   L-irġiel u n-nisa għandhom drittijiet indaqs. L-Istat jinkoraġġixxi t-twettiq fil-prattika tal-ugwaljanza tad-drittijiet bejn l-irġiel u n-nisa u jaġixxi bil-għan li jitneħħew l-iżvantaġġi eżistenti.

(3)   Ħadd ma għandu jiġi ddiskriminat jew ipprivileġġjat minħabba s-sess tiegħu, l-axxendenza tiegħu, ir-razza tiegħu, il-lingwa tiegħu, il-patrija tiegħu u l-oriġini tiegħu, it-twemmin tiegħu, l-opinjonijiet reliġjużi jew politiċi tiegħu. Ħadd ma għandu jiġi ddiskriminat minħabba d-diżabbiltà tiegħu.”

16

L-Artikolu 7 tal-Manteltarifvertrag zwischen dem Verband der Erfrischungsgetränke-lndustrie Berlin und Region Ost eV und der Gewerkschaft Nahrung-Genuss -Gastätten Hauptverwaltung (il-Ftehim Kollettiv Ġenerali konkluż bejn l-Unjoni tal-Industrija tax-Xorb Rinfreskanti ta’ Berlin u tar-Reġjun tal-Lvant e.V. [assoċjazzjoni rreġistrata] u l-Uffiċċju Ċentrali tas-Sindakat “Ikel, Degustazzjoni, Stabbilimenti ta’ Ristorazzjoni”) tal‑24 ta’ Marzu 1998 (iktar ’il quddiem l-“MTV”), jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu, dwar iż-“Żidiet fir-remunerazzjoni għax-xogħol imwettaq matul il-lejl, il-ħdud u l-festi pubbliċi”:

“1.   Iż-żidiet fir-remunerazzjoni li ġejjin għandhom jitħallsu għax-xogħol imwettaq matul il-lejl, il-ħdud u l-festi pubbliċi:

Sahra minn 41 siegħa fil-ġimgħa 25 %

Sahra ta’ billejl minn 41 siegħa fil-ġimgħa 50 %

Xogħol ta’ billejl imwettaq b’mod regolari mis-sena 1998 17.5 %

Xogħol ta’ billejl imwettaq b’mod regolari mis-sena 1999 20 %

Xogħol ta’ billejl imwettaq b’mod okkażjonali mis-sena 1998 40 %

Xogħol ta’ billejl imwettaq b’mod okkażjonali mis-sena 1999 50 %

[…]

3.   Iż-żidiet fir-remunerazzjoni huma kkalkolati fuq il-bażi tar-remunerazzjoni globali prevista mill-ftehim previst mill-Ftehim Kollettiv.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

17

Il-partijiet ikkonċernati wettqu xogħol fuq xift ta’ billejl għal Coca-Cola – impriża tal-industrija tax-xarbiet li kkonkludiet ftehim kollettiv ta’ impriża mal-Gewerkschaft Nahrung-Genuss-Gaststätten (Sindakat Alimentazzjoni, Degustazzjoni, Stabbilimenti ta’ Ristorazzjoni) u li jipprovdi li hija marbuta bid-dispożizzjonijiet tal-MTV.

18

L.B. wettqet, matul il-perijodu mix-xahar ta’ Diċembru 2018 sax-xahar ta’ Ġunju 2019, xogħol ta’ billejl b’mod regolari, fis-sens tal-MTV, li għalih hija bbenefikat minn żieda fir-remunerazzjoni ta’ 20 % fis-siegħa.

19

R.G. wettaq, fix-xahar ta’ Diċembru 2018 u fix-xahar ta’ Jannar 2019 kif ukoll matul il-perijodu mix-xahar ta’ Marzu sax-xahar ta’ Lulju 2019, xogħol ta’ billejl b’mod regolari, fis-sens tal-MTV, li għalih ir-remunerazzjoni tiegħu ġiet miżjuda b’25 % fis-siegħa.

20

Peress li qiesu li, billi ppreveda żieda fir-remunerazzjoni għax-xogħol ta’ billejl imwettaq b’mod okkażjonali ogħla minn dik stabbilita għax-xogħol ta’ billejl imwettaq b’mod regolari, l-MTV introduċa differenza fit-trattament li tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, fis-sens tal-Artikolu 3 tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kif ukoll tal-Artikolu 20 tal-Karta, kull wieħed mill-partijiet ikkonċernati ppreżenta rikors quddiem l-Arbeitsgericht (il-Qorti Industrijali, il-Ġermanja) tal-ġurisdizzjoni li taħtha huma kienu nzertaw jaqgħu, bil-għan li jiksbu, għall-perijodi kkonċernati, il-ħlas tal-ammont korrispondenti għad-differenza bejn ir-remunerazzjonijiet li huma rċevew u dawk dovuti b’applikazzjoni tar-rati ta’ żieda previsti mill-MTV għax-xogħol ta’ billejl imwettaq b’mod okkażjonali. F’dan ir-rigward, huma sostnew li l-persuni li jaħdmu regolarment billejl kienu esposti għal riskji ta’ saħħa u għal tfixkil fl-ambjent soċjali tagħhom sostanzjalment ikbar minn dawk li jaħdmu billejl biss b’mod okkażjonali.

21

Coca-Cola kkunsidrat, għall-kuntrarju, li x-xogħol ta’ billejl imwettaq b’mod okkażjonali kien ħafna inqas frekwenti mix-xogħol ta’ billejl imwettaq b’mod regolari u li ż-żieda fir-remunerazzjoni ogħla applikabbli għax-xogħol ta’ billejl imwettaq b’mod okkażjonali kienet iġġustifikata, b’mod partikolari, mill-fatt li dan kien jimplika ġeneralment xogħol supplimentari. Barra minn hekk, ix-xogħol ta’ billejl imwettaq b’mod regolari jagħti dritt għal vantaġġi addizzjonali, b’mod partikolari f’termini ta’ leave. Iż-żieda fir-remunerazzjoni ogħla għax-xogħol ta’ billejl imwettaq b’mod okkażjonali ma hijiex intiża biss sabiex tikkumpensa r-restrizzjonijiet ta’ dan it-tip ta’ xogħol iżda wkoll sabiex tiddiswadi lill-persuna li timpjega milli tirrikorri għal dan ix-xogħol billi jinterferixxi b’mod spontanju fil-ħin liberu u fil-ħajja soċjali tal-impjegati tiegħu.

22

Peress li r-rikorsi ppreżentati mill-partijiet ikkonċernati ġew miċħuda mill-Arbeitsgericht (il-Qorti Industrijali), dawn tal-aħħar appellaw mis-sentenzi ta’ din il-qorti quddiem il-Landesarbeitsgericht Berlin-Brandenburg (il-Qorti Industrijali Superjuri ta’ Berlin-Brandenburg, il-Ġermanja), li rrikonoxxiet id-drittijiet tagħhom għal parti mill-perijodi kkonċernati iżda ddikjarat li ddekadew għall-kumplament.

23

Coca-Cola ppreżentat rikorsi għal Reviżjoni kontra dawn is-sentenzi quddiem il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju.

24

Din il-qorti tistaqsi, fil-każ li l-Karta tkun applikabbli f’dan il-każ, dwar il-kompatibbiltà magħha ta’ dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv li tipprevedi żieda fir-remunerazzjoni għax-xogħol ta’ billejl, b’mod partikolari dwar il-kwistjoni jekk id-differenza fit-trattament bejn ix-xogħol ta’ billejl imwettaq b’mod regolari u x-xogħol ta’ billejl imwettaq b’mod okkażjonali li jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tal-MTV huwiex konformi mal-Artikolu 20 tal-Karta.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, ifformulati fil-Kawżi C‑257/21 u C‑258/21:

“1)

Dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv timplimenta, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) tal-[Karta], id-Direttiva [2003/88], jekk din id-dispożizzjoni tipprevedi kumpens għax-xogħol ta’ bil-lejl irregolari ogħla minn dak previst għax-xogħol ta’ bil-lejl regolari?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

Dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv li tipprevedi kumpens għax-xogħol ta’ bil-lejl irregolari ogħla minn dak previst għax-xogħol ta’ bil-lejl regolari hija konformi mal-Artikolu 20 tal-Karta jekk din id-dispożizzjoni tkun intiża li tikkumpensa mhux biss l-effetti negattivi fuq is-saħħa kkawżati mix-xogħol ta’ bil-lejl iżda wkoll l-oneru marbut mad-diffikultà ikbar fl-ippjanar tax-xogħol ta’ bil-lejl irregolari?”

Fuq it-tgħaqqid tal-Kawżi C‑257/21 u C‑258/21

26

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ Mejju 2021, il-Kawżi C‑257/21 u C‑258/21 ġew magħquda għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u tal-fażi orali tal-proċedura kif ukoll tas-sentenza.

Fuq it-talbiet intiżi għall-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura

27

Permezz ta’ ittri sottomessi fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Marzu 2022 u fit-13 ta’ Ġunju 2022, il-partijiet ikkonċernati talbu l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura fejn sostnew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom, minn naħa, mad-deċiżjoni li l-kawżi jiġu deċiżi mingħajr konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u, min-naħa l-oħra, mal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea.

28

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mal-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, iddeċidiet li ma żżommx seduta għas-sottomissjonijiet orali billi qieset, minn qari tal-osservazzjonijiet sottomessi matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura, li hija suffiċjentement informata biex tagħti deċiżjoni f’dawn il-kawżi.

29

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi kwalunkwe mument, wara li jkun instema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ jew il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed, jew meta parti tkun issottomettiet, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tagħha, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma ġiex iddibattut bejn il-partijiet jew il-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

30

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

31

Konsegwentement, hemm lok li tiġi miċħuda t-talba tal-persuni kkonċernati għall-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

32

Il-Kummissjoni ssostni li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma inammissibbli minħabba l-fatt li l-qorti tar-rinviju ma wrietx li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/88 kienet neċessarja sabiex hija tkun tista’ tiddeċiedi t-tilwim fil-kawżi prinċipali peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw biss l-interpretazzjoni tal-Karta. Issa, sa fejn dan it-tilwim ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88, il-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-Karta ma tqumx.

33

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja bbażata fuq it-tqassim tal-funzjonijiet bejniethom u tikkostitwixxi strument li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni meħtieġa minnhom għas-soluzzjoni tat-tilwimiet li jkunu ntalbu jiddeċiedu (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, IS (Illegalità tad-digriet tar-rinviju), C‑564/19, EU:C:2021:949, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq it-tilwima u li hija responsabbli mid-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sa fejn id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, IS (Illegalità tad-digriet tar-rinviju), C‑564/19, EU:C:2021:949, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa biex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, IS (Illegalità tad-digriet tar-rinviju), C‑564/19, EU:C:2021:949, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari kif ukoll mill-formulazzjoni tad-domandi magħmula jirriżulta li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/88 hija neċessarja sabiex tingħata risposta għall-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 7(1) tal-MTV jimplimentax din id-direttiva, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti invokati mill-Kummissjoni, li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/88 u li għalhekk jaqgħu taħt il-portata tal-eżami fuq il-mertu tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari, ma jistgħux jaqilbu l-preżunzjoni ta’ rilevanza tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2020, Sportingbet u Internet Opportunity Entertainment, C‑275/19, EU:C:2020:856, punt 36).

38

Konsegwentement, id-domandi preliminari huma ammissibbli.

Fuq l-ewwel domanda

39

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv li tipprevedi żieda fir-remunerazzjoni għax-xogħol ta’ billejl imwettqa b’mod okkażjonali ogħla minn dik stabbilita għax-xogħol ta’ billejl imwettaq b’mod regolari timplimentax id-Direttiva 2003/88, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

40

Konformement mal-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati lill-Istati Membri biss meta dawn jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni u, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jippreżupponi l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn att tad-dritt tal-Unjoni u l-miżura nazzjonali kkonċernata li tmur lil hinn mill-affinità bejn l-oqsma msemmija jew l-effetti indiretti ta’ wieħed mill-oqsma fuq l-ieħor, fid-dawl tal-kriterji ta’ evalwazzjoni definiti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2021, Komisia za protivodeystvie na koruptsiyata i za otnemane na nezakonno pridobitoto imushtestvoa, C‑319/19, EU:C:2021:883, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, ikkonkludiet li d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni ma kinux applikabbli fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali minħabba l-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat ma kienu jimponu ebda obbligu speċifiku fuq l-Istati Membri fir-rigward tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li miżura nazzjonali taqa’ taħt qasam li fih l-Unjoni għandha kompetenzi ma jistax iqegħdha fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, konsegwentement, twassal għall-applikabbiltà tal-Karta (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2021, INSS (Pensjoni tar-romol ibbażat fuq il-konkubinaġġ), C‑244/20, mhux ippubblikata, EU:C:2021:854, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, meta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat ma jirregolawx aspett u ma jimponu ebda obbligu speċifiku fuq l-Istati Membri fir-rigward ta’ sitwazzjoni partikolari, id-dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv konkluż bejn l-imsieħba soċjali fir-rigward ta’ dan l-aspett tinsab barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta u s-sitwazzjoni kkonċernata ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT, C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk id-Direttiva 2003/88 tirregolax iż-żieda tar-remunerazzjoni tal-ħaddiema għax-xogħol billejl inkwistjoni fil-kawża prinċipali u timponix obbligu speċifiku fir-rigward ta’ tali sitwazzjonijiet.

44

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis, essenzjalment, li l-Artikolu 7(1) tal-MTV jista’ jaqa’, minn naħa, taħt l-Artikoli 8 sa 13 tad-Direttiva 2003/88 u, min-naħa l-oħra, taħt l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni tal-ILO dwar ix-Xogħol ta’ Billejl, moqrija flimkien mal-premessa 6 ta’ din id-direttiva.

45

Issa, fl-ewwel lok, għandu jingħad li, b’eċċezzjoni tal-ipoteżi partikolari relatata mal-leave annwali mħallas, imsemmi fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, din id-direttiva tillimita ruħha tirregola ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol sabiex tiżgura l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, b’tali mod li, bħala prinċipju, hija ma tapplikax għar-remunerazzjoni tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2021, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand by f’post imbiegħed), C‑344/19, EU:C:2021:182, punt 57, u tad‑9 ta’ Marzu 2021, Stadt Offenbach am Main (Perijodu ta’ stand by ta’ pumpier), C‑580/19, EU:C:2021:183, punt 56).

46

Fil-fatt, kemm mill-Artikolu 137 KE, li sar l-Artikolu 153 TFUE, li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-Direttiva 2003/88, kif ukoll mill-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessi 1, 2, 4 u 5 tagħha, jirriżulta li l-imsemmija direttiva għandha bħala għan li tistabbilixxi rekwiżiti minimi maħsuba li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema permezz ta’ approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw b’mod partikolari t-tul tal-ħin tax-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Barra minn hekk, konformement mal-paragrafu 5 tiegħu, l-Artikolu 153 TFUE la japplika għar-remunerazzjonijiet u la għad-dritt tal-assoċjazzjoni, la għad-dritt ta’ strajk u lanqas għad-dritt ta’ lock-out. Din l-eċċezzjoni ssib il-ġustifikazzjoni tagħha fil-fatt li l-istabbiliment tal-livell tar-remunerazzjonijiet tirriżulta mill-awtonomija kuntrattwali tal-imsieħba soċjali fuq il-livell nazzjonali kif ukoll mill-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam ikkonċernat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tqies li kien xieraq, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, li tiġi eskluża d-determinazzjoni tal-livell tar-remunerazzjonijiet minn armonizzazzjoni taħt l-Artikoli 136 KE et seq. (li saru l-Artikoli 151 TFUE et seq.) (sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Huwa minnu li l-Artikoli 8 sa 13 tad-Direttiva 2003/88 jirrigwardaw ix-xogħol ta’ billejl. Madankollu, dawn l-artikoli jikkonċernaw biss it-tul u r-ritmu tax-xogħol ta’ billejl (rispettivament l-Artikoli 8 u 13 ta’ din id-direttiva), il-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema ta’ billejl (Artikoli 9, 10 u 12 tal-imsemmija direttiva) u l-informazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti (Artikolu 11 tal-istess direttiva). Għalhekk l-imsemmija artikoli ma jirregolawx ir-remunerazzjoni tal-ħaddiema għax-xogħol ta’ billejl u, konsegwentement, ma jimponu ebda obbligu speċifiku fuq l-Istati Membri fir-rigward tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

49

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni tal-ILO dwar ix-Xogħol ta’ Billejl, moqrija flimkien mal-premessa 6 tad-Direttiva 2003/88, lanqas ma jimponu, bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, obbligi speċifiċi fuq l-Istati Membri fir-rigward taż-żieda tar-remunerazzjoni tal-ħaddiema għax-xogħol ta’ billejl.

50

Huwa minnu li l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni tal-ILO dwar ix-Xogħol ta’ Billejl jipprevedi li miżuri speċifiċi meħtieġa min-natura tax-xogħol ta’ billejl għandhom jittieħdu favur il-ħaddiema, inkluż il-fatt li jingħatalhom kumpens xieraq, filwaqt li l-Artikolu 8 ta’ dan il-ftehim jipprovdi li l-kumpens mogħti lill-ħaddiema ta’ billejl fir-rigward tat-tul tal-ħin tax-xogħol, tas-salarju jew ta’ benefiċċji simili għandu jirrikonoxxi n-natura tax-xogħol ta’ billejl.

51

Madankollu, għandu jiġi osservat li, peress li l-Unjoni ma rratifikatx l-imsemmija konvenzjoni, din tal-aħħar ma għandhiex, fiha nnifisha, valur legali vinkolanti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u li l-premessa 6 tad-Direttiva 2003/88 lanqas ma tagħti effett vinkolanti lill-istess konvenzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni, C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 64).

52

Għaldaqstant, iż-żieda fir-remunerazzjoni tal-ħaddiema għax-xogħol ta’ billejl inkwistjoni fil-kawża prinċipali, prevista fl-Artikolu 7(1) tal-MTV, ma taqax taħt id-Direttiva 2003/88 u ma tistax titqies li timplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv li tipprevedi żieda fir-remunerazzjoni għax-xogħol ta’ billejl imwettaq b’mod okkażjonali ogħla minn dik stabbilita għax-xogħol ta’ billejl imwettaq b’mod regolari ma timplimentax id-Direttiva 2003/88, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

Fuq it-tieni domanda

54

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv li tipprevedi żieda fir-remunerazzjoni għax-xogħol ta’ billejl imwettaq b’mod okkażjonali ogħla minn dik s għax-xogħol ta’ billejl imwettaq b’mod regolari ma timplimentax id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top