EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CJ0231
Judgment of the Court (Seventh Chamber) of 31 March 2022.#IA v Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl.#Request for a preliminary ruling from the Verwaltungsgerichtshof.#Reference for a preliminary ruling – Area of freedom, security and justice – Dublin system – Regulation (EU) No 604/2013 – Article 29(2) – Transfer of the asylum seeker to the Member State responsible for examining the application for international protection – Six-month time limit for transfer – Possibility of extending that time limit up to a maximum of one year in the event of imprisonment – Definition of ‘imprisonment’ – Court-authorised non-voluntary committal of the asylum seeker to a hospital psychiatric department.#Case C-231/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-31 ta’ Marzu 2022.
IA vs Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill- Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Sistema ta’ Dublin – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Artikolu 29(2) – Trasferiment tal-applikant għall-ażil lejn l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Terminu ta’ trasferiment ta’ sitt xhur – Possibbiltà ta’ estensjoni ta’ dan it-terminu sa massimu ta’ sena fil-każ ta’ priġunerija – Kunċett ta’ ‘priġunerija’ – Tqegħid tal-applikant għall-ażil taħt restrizzjoni f’dipartiment psikjatriku ta’ sptar bl-awtorizzazzjoni ta’ mħallef.
Kawża C-231/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-31 ta’ Marzu 2022.
IA vs Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill- Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Sistema ta’ Dublin – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Artikolu 29(2) – Trasferiment tal-applikant għall-ażil lejn l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Terminu ta’ trasferiment ta’ sitt xhur – Possibbiltà ta’ estensjoni ta’ dan it-terminu sa massimu ta’ sena fil-każ ta’ priġunerija – Kunċett ta’ ‘priġunerija’ – Tqegħid tal-applikant għall-ażil taħt restrizzjoni f’dipartiment psikjatriku ta’ sptar bl-awtorizzazzjoni ta’ mħallef.
Kawża C-231/21.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:237
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
31 ta’ Marzu 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Sistema ta’ Dublin – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Artikolu 29(2) – Trasferiment tal-applikant għall-ażil lejn l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Terminu ta’ trasferiment ta’ sitt xhur – Possibbiltà ta’ estensjoni ta’ dan it-terminu sa massimu ta’ sena fil-każ ta’ priġunerija – Kunċett ta’ ‘priġunerija’ – Tqegħid tal-applikant għall-ażil taħt restrizzjoni f’dipartiment psikjatriku ta’ sptar bl-awtorizzazzjoni ta’ mħallef”
Fil-Kawża C‑231/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ April 2021, fil-proċedura
IA
vs
Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn J. Passer, President tal-Awla, A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tat-Tieni Awla, u M. L. Arastey Sahún, Imħallef,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll, V.-S. Strasser, A. Posch u G. Eberhard, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u M. Wasmeier, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn IA u l-Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (l-Uffiċċju Federali għad-Dritt tal-Barranin u d-Dritt għall-Ażil, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”), dwar it-trasferiment tal-persuna kkonċernata lejn l-Italja. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 4 u 5 tar-Regolament Dublin III huma redatti kif ġej:
|
4 |
It-Taqsima VI tal-Kapitolu VI tar-Regolament Dublin III, iddedikata għat-trasferimenti tal-applikanti lejn l-Istat Membru responsabbli, tinkludi l-Artikolu 29 tal-istess regolament, intitolat “Modalitajiet u żmien limitu”, li jipprevedi: “1. It-trasferiment tal-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fil-punti (c) jew (d) tal-Artikolu 18(1) mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3). Jekk trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli jsiru permezz ta’ tluq sorveljat jew taħt skorta, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn isiru b’mod uman u b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u d-dinjità umana. […] 2. Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna kkonċernata jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet. […] 4. Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi kondizzjonijiet uniformi għall-konsultazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari fil-każ ta’ trasferimenti li ġew posposti jew damu, trasferimenti b’segwitu għal aċċettazzjoni awtomatika, trasferimenti ta’ minorenni jew persuni dipendenti, u ta’ trasferimenti sorveljati. […]” |
5 |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat-2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 200), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014 tat-30 ta’ Jannar 2014 (ĠU 2014, L 39, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni”), jinkludi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin III. |
6 |
Il-Kapitolu III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, intitolat “Trasferimenti”, jinkludi l-Artikolu 9, li huwa intitolat “Trasferimenti posposti u mdewmin”, li jistabbilixxi: “1. L-Istat Membru responsabbli għandu jiġi infurmat mingħajr dewmien b’kull postponiment dovut jew għal proċedura t’appell jew ta’ reviżjoni b’effett suspensiv, jew għal raġunijiet fisiċi bħal nuqqas ta’ saħħa tal-persuna li qed tfittex asil, in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ trasport jew il-fatt li l-persuna li qed tfittex asil irtirat mill-proċedura ta’ trasferiment. 1a. Fejn trasferiment ikun ittardjat wara talba mingħand l-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-trasferiment, it-trasferiment u l-Istati Membri responsabbli għandhom ikomplu l-komunikazzjoni sabiex jippermettu li jiġi organizzat trasferiment ġdid malajr kemm jista’ jkun, skont l-Artikolu 8 u mhux iktar tard minn ġimagħtejn mill-mument meta l-awtoritajiet isiru jafu bit-twaqqif taċ-ċirkostanzi li kkawżaw id-dewmien jew il-posponiment. F’każ bħal dan, għandha tintbagħat formola standard aġġornata għat-trasferiment tad-dejta qabel ma jitwettaq it-trasferiment kif stipulat fl-Anness VI. 2. Stat Membru li, għal waħda mir-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 29(2) tar-[Regolament Dublin III], ma jistax iwettaq it-trasferiment matul il-limitu taż-żmien normali ta’ sitt xhur mid-data ta’ aċċettazzjoni tat-talba biex jittieħed inkarigu ta’ persuna jew tittieħed lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali dwar appell jew rieżami fejn ikun hemm effett sospensiv, jinforma lill-Istat Membru responsabbli qabel it-tmiem ta’ dak il-limitu. Inkella, ir-responsabbiltà għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali u l-obbligi l-oħra taħt ir-[Regolament Dublin III] jaqgħu fuq l-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba, skont l-Artikolu 29(2) ta’ dak ir-Regolament. […]” |
Id-dritt Awstrijak
7 |
L-Artikolu 5 tal-Bundesgesetz über die Gewährung von Asyl (Asylgesetz 2005) (il-Liġi Federali tal-2005 dwar l-Għoti tal-Ażil), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AsylG 2005”), jipprovdi: “[Każijiet li fihom] l-Awstrija ma hijiex responsabbli [mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil] […] Responsabbiltà ta’ Stat ieħor. (1) Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha ma tkunx ittieħdet deċiżjoni skont l-Artikoli 4 jew 4a ta’ din il-liġi għandha tiġi ddikjarata inammissibbli meta Stat ieħor ikun responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil jew mill-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont konvenzjoni jew ir-Regolament Dublin [III]. […] (2) Għandu jsir ukoll skont il-paragrafu 1 iktar ’il fuq meta Stat ieħor, skont konvenzjoni jew ir-Regolament Dublin [III], ikun kompetenti sabiex jiddetermina l-Istat responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil jew tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. […]” |
8 |
L-Artikolu 46 tal-Fremdenpolizeigesetz 2005 (il-Liġi tal-2005 dwar il-Pulizija tal-Barranin) jipprovdi: “(1) Il-barranin li kontrihom deċiżjoni ta’ ritorn, miżura ta’ tneħħija, miżura ta’ tkeċċija jew projbizzjoni ta’ residenza hija infurzabbli għandhom jitneħħew mit-territorju (akkumpanjament lejn il-fruntiera) mill-korpi tas-sigurtà pubblika f’isem [l-Uffiċċju] […]. […] (7) Jekk il-barrani jkun jinsab fi sptar […] u l-akkumpanjament tiegħu lejn il-fruntiera jkun imminenti, l-isptar għandu, fuq talba, jinforma mingħajr dewmien [lill-Uffiċċju] bid-data fissa jew probabbli tal-ħruġ tiegħu mill-istabbiliment. Jekk id-data kkomunikata skont l-ewwel sentenza tiġi emendata, l-isptar għandu jinforma b’dan ex officio [lill-Uffiċċju].” |
9 |
l-Artikolu 61 tal-Liġi tal-2005 dwar il-Pulizija tal-Barranin jipprovdi: “(1) [L-Uffiċċju] għandu jordna t-tneħħija ta’ ċittadin ta’ Stat terz 1. fil-każ ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu skont l-Artikoli 4a jew 5 tal-AsylG 2005, jew wara kwalunkwe deċiżjoni ta’ inammissibbiltà oħra meħuda skont l-Artikolu 68(1) tal-Allgemeines Verwaltungsverfahrensgesetz (il-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva Ġenerali), wara deċiżjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikoli 4a jew 5 tal-AsylG 2005, […] […] (2) Miżura ta’ tneħħija għandha l-konsegwenza li tippermetti l-akkumpanjament lejn il-fruntiera taċ-ċittadin tal-Istat terz lejn l-Istat ta’ destinazzjoni. Il-miżura għandha tibqa’ fis-seħħ għal tmintax-il xahar li jibdew jiddekorru mit-tluq taċ-ċittadin tal-pajjiż terz. […]” |
10 |
L-Artikolu 3 tal-Unterbringungsgesetz (il-Liġi dwar it-Tqegħid Mhux Kriminali fid-Dipartimenti Psikjatriċi tal-Morda Mentali Suġġetti għal Kura, iktar ’il quddiem l-“UbG”), intitolat “Kundizzjonijiet ta’ tqegħid”, jipprovdi: “Persuna tista’ titqiegħed f’dipartiment psikjatriku biss jekk
|
11 |
L-Artikolu 8 tal-UbG, intitolat “Tqegħid mingħajr talba [tal-persuna kkonċernata]”, jipprevedi: “Persuna tista’ titqiegħed f’dipartiment psikjatriku kontra r-rieda tagħha jew mingħajr ir-rieda tagħha biss jekk tabib tas-servizz pubbliku tas-saħħa [jew] tabib tal-pulizija jew tabib tal-kura tas-saħħa primarja, li ġie mqabbad għal dan l-għan […], li lilu hija ġiet ippreżentata u li eżaminaha jiċċertifika li l-kundizzjonijiet ta’ tqegħid kienu ssodisfatti. Iċ-ċertifikat għandu jindika r-raġunijiet iddettaljati li għalihom it-tabib iqis li l-kundizzjonijiet ta’ tqegħid huma ssodisfatti.” |
12 |
L-Artikolu 9 tal-imsemmija liġi jipprevedi: “(1) Il-korpi ta’ sigurtà pubblika għandhom id-dritt u l-obbligu li jieħdu persuna li fir-rigward tagħha jikkunsidraw, għal raġunijiet partikolari, li l-kundizzjonijiet ta’ tqegħid huma ssodisfatti, għand tabib sabiex tiġi eżaminata (Artikolu 8) jew li jsejħu lil tabib sabiex jeżamina l-imsemmija persuna. Jekk it-tabib joħroġ ċertifikat li jikkonferma li l-kundizzjonijiet għat-tqegħid huma ssodisfatti, il-korpi ta’ sigurtà pubblika għandhom iwasslu lill-persuna kkonċernata f’dipartiment psikjatriku jew jiżguraw li din tittieħed hemmhekk. Jekk it-tabib ma joħroġx tali ċertifikat, il-persuna kkonċernata ma tistax tibqa’ tinżamm. (2) Fil-każ ta’ perikolu imminenti, il-korpi ta’ sigurtà pubblika jistgħu wkoll jieħdu lill-persuna kkonċernata f’dipartiment psikjatriku mingħajr eżami minn qabel minn tabib u fin-nuqqas ta’ ċertifikat. (3) It-tabib u l-korpi ta’ sigurtà pubblika għandhom jaġixxu billi jipproteġu kemm jista’ jkun lill-persuna kkonċernata u jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jipprevjenu kull perikolu. Huma għandhom, sa fejn huwa possibbli, jikkollaboraw ma’ istituzzjonijiet psikjatriċi mingħajr ma jirrikorru għal dipartiment psikjatriku u, fil-każ ta’ bżonn, jirrikorru għas-servizzi ta’ emerġenza lokali.” |
13 |
L-Artikolu 10(1) ta’ din l-istess liġi jipprovdi: “Il-kap tad-dipartiment għandu jeżamina immedjatament il-persuna kkonċernata. Hija tista’ tiġi aċċettata biss jekk, skont iċ-ċertifikat mediku tagħha, il-kundizzjonijiet ta’ tqegħid jiġu ssodisfatti. […]” |
14 |
L-Artikolu 11 tal-UbG jipprovdi: “L-Artikolu 10 għandu japplika mutatis mutandis jekk
|
15 |
L-Artikolu 17 tal-UbG, intitolat “Notifika lill-qorti”, jistipula: “Jekk persuna tiġi ammessa f’dipartiment psikjatriku mingħajr ma tkun talbet dan (Artikoli 10 u 11), il-kap tad-dipartiment għandu jinforma immedjatament lill-qorti b’dan. […]” |
16 |
L-Artikolu 18 ta’ din il-liġi, intitolat “Għan tal-proċedura”, jipprovdi: “Il-qorti għandha tiddeċiedi dwar il-permissibbiltà tat-tqegħid tal-pazjent fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 10 u 11 wara eżami tal-kundizzjonijiet tat-tqegħid.” |
17 |
L-Artikolu 20(1) tal-UbG jipprovdi: “Jekk, waqt is-smigħ, il-qorti tikkonkludi li l-kundizzjonijiet għat-tqegħid huma ssodisfatti, hija għandha tiddikjara t-tqegħid provviżorjament permissibbli fl-istennija ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 26(1) u għandha tiffissa seduta li għandha ssir mhux iktar tard minn erbatax-il jum wara s-smigħ.” |
18 |
Fl-Artikolu 26(1) tagħha, din l-istess liġi tipprovdi: “Fit-tmiem tas-seduta, il-qorti għandha tiddeċiedi dwar il-permissibbiltà tat-tqegħid. Id-deċiżjoni għandha tingħata waqt din is-seduta fil-preżenza tal-pazjent; hija għandha tkun motivata u għandha tiġi spjegata lilu.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
19 |
Fix-xahar ta’ Ottubru 2016, IA, ċittadin Marokkin, daħal fl-Italja mil-Libja. Il-pulizija Taljana għalhekk wettqet ir-reġistrazzjoni tad-data personali u bijometrika tiegħu. |
20 |
IA sussegwentement mar l-Awstrija fejn ippreżenta applikazzjoni għall-ażil fl-20 ta’ Frar 2017. |
21 |
Fl-1 ta’ Marzu 2017, l-awtoritajiet Awstrijaċi talbu lill-awtoritajiet Taljani jieħdu r-responsabbiltà ta’ IA. Din it-talba baqgħet mingħajr tweġiba. |
22 |
Fit-30 ta’ Mejju 2017, l-awtoritajiet Awstrijaċi informaw lill-awtoritajiet Taljani li l-imsemmija talba għal teħid ta’ responsabbiltà kienet meqjusa aċċettata u li t-terminu massimu ta’ sitt xhur sabiex jitwettaq it-trasferiment kien beda jiddekorri fit-2 ta’ Mejju 2017. |
23 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Awwissu 2017, l-Uffiċċju minn naħa ċaħad l-applikazzjoni għall-ażil ta’ IA bħala inammissibbli u, min-naħa l-oħra, ordna t-tneħħija tiegħu lejn l-Italja. |
24 |
Fil-25 ta’ Settembru 2017, IA appella minn dik id-deċiżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija). Sussegwentement irrinunzja għal dan l-appell. |
25 |
Bejn l-20 ta’ Settembru 2017 u s-6 ta’ Ottubru 2017, IA, fuq talba tiegħu, irċieva kura psikjatrika fi sptar ta’ Vjenna (l-Awstrija). |
26 |
It-trasferiment ta’ IA lejn l-Italja, li kien previst għat-23 ta’ Ottubru 2017, ma setax iseħħ peress li, bejn is-6 ta’ Ottubru 2017 u l-4 ta’ Novembru 2017, dan tqiegħed, mingħajr ma talab dan, fid-dipartiment psikjatriku ta’ sptar ta’ Vjenna. Dan it-tqegħid ġie ddikjarat permissibbli minn qorti distrettwali ta’ Vjenna, l-ewwel b’mod provviżorju, permezz tal-ewwel digriet tas-6 ta’ Ottubru 2017, imbagħad, sas-17 ta’ Novembru 2017, permezz tat-tieni digriet tas-17 ta’ Ottubru 2017. L-imsemmija qorti awtorizzat it-tqegħid ta’ IA minħabba li dan tal-aħħar kien jikkostitwixxi, minħabba l-marda mentali tiegħu, theddida gravi u sostanzjali għalih innifsu u għal ħaddieħor. |
27 |
Fil-25 ta’ Ottubru 2017, l-awtoritajiet Awstrijaċi informaw lill-awtoritajiet Taljani li, skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III, it-terminu għat-trasferiment ta’ IA kien ġie estiż għal tnax-il xahar minħabba t-tqegħid tiegħu f’dipartiment psikjatriku ta’ sptar. |
28 |
It-tqegħid ta’ IA ntemm b’mod prematur fl-4 ta’ Novembru 2017. F’din id-data, huwa tqiegħed, fuq talba tiegħu, f’dipartiment psikjatriku ta’ sptar li minnu ħareġ fis-6 ta’ Novembru 2017. |
29 |
Fit-6 ta’ Diċembru 2017, IA ġie ttrasferit bl-ajru lejn l-Italja taħt skorta tal-pulizija u akkumpanjat minn tabib. |
30 |
Fit-22 ta’ Diċembru 2017, IA ppreżenta applikazzjoni għall-ażil fl-Italja li ntlaqgħet fl-24 ta’ April 2018. |
31 |
Sussegwentement, IA ppreżenta rikors quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il‑Qorti Amministrattiva Federali) kontra t-trasferiment tiegħu mill-Awstrija lejn l-Italja, minħabba li dan kien seħħ wara l-iskadenza, fit-2 ta’ Novembru 2017, tat-terminu ta’ sitt xhur previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III u, għalhekk, ma kienx permissibbli peress li kien tardiv. |
32 |
B’sentenza tal-14 ta’ Frar 2020, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors bħala infondat. Hija qieset li, fil-25 ta’ Ottubru 2017, l-awtoritajiet Awstrijaċi informaw lill-awtoritajiet Taljani dwar l-estensjoni tat-terminu ta’ trasferiment ta’ sitt xhur, skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III, minħabba d-detenzjoni tal-persuna kkonċernata. Dan it-terminu ta’ trasferiment, li kellu jiskadi fit-2 ta’ Novembru 2017, għaldaqstant ġie estiż b’sitt xhur, sat-2 ta’ Mejju 2018. Għaldaqstant, it-trasferiment ta’ IA, li seħħ fis-6 ta’ Diċembru 2017, ma kienx tardiv. |
33 |
Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) qieset li t-tqegħid ta’ IA fi stabbiliment psikjatriku, kontra r-rieda tiegħu, permezz ta’ digriet ġudizzjarju huwa bbażat, skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3 tal-UbG, fuq il-konstatazzjoni li, minħabba l-marda mentali tagħha, din il-persuna kienet tqiegħed serjament u sostanzjalment f’periklu ħajjitha kif ukoll dik ta’ ħaddieħor. |
34 |
Issa, skont din il-qorti, detenzjoni minħabba marda mentali tikkostitwixxi miżura li ċċaħħad il-libertà, kif b’hekk jirriżulta mill-Artikoli 6, 52 u 53 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 5(1)(e) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950. Min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-estensjoni tat-terminu ta’ trasferiment minħabba “priġunerija”, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III, ma huwiex neċessarju li d-detenzjoni sseħħ f’ħabs u lanqas li din tkun ibbażata fuq deċiżjoni ġudizzjarja ta’ ħtija. L-element determinanti huwa li l-Istat ta’ trasferiment jiġi prekluż milli jipproċedi bit-trasferiment tal-persuna kkonċernata lejn l-Istat Membru kompetenti, meta din il-persuna titneħħa mill-kontroll tal-awtoritajiet amministrattivi permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja. |
35 |
Adita minn IA b’rikors għal reviżjoni kontra din is-sentenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), il-qorti tar-rinviju tqis li l-kwistjoni essenzjali sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, it-trasferiment ta’ IA lejn l-Italja kienx permissibbli hija dik dwar jekk il-kunċett ta’ “priġunerija”, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III, kunċett li, barra minn hekk, ma huwiex iddefinit f’dan ir-regolament, għandux jinftiehem bħala li jinkludi detenzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri t-tqegħid f’dipartiment psikjatriku ta’ sptar minħabba marda mentali, kontra jew mingħajr ir-rieda tal-persuna kkonċernata, li ġie ddikjarat permissibbli minn qorti. |
36 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li din id-domanda tista’ titlob risposta affermattiva, għar-raġunijiet mogħtija mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali). Madankollu, hija tqis li risposta f’sens kuntrarju hija wkoll possibbli minħabba, minn naħa, il-fatt li t-“tqegħid mingħajr talba [tal-persuna kkonċernata]”, fis-sens tal-Artikoli 8 et seq tal-UbG, huwa qabel kollox miżura medika li hija sempliċement iddikjarata permissibbli mill-qorti, miżura li ma tidhirx neċessarjament koperta mill-kelma “Inhaftierung” fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża, “imprisonment” fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża kif ukoll “emprisonnement” fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża. |
37 |
Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tqis li l-mard gravi li jipprekludi provviżorjament trasferiment lejn l-Istat Membru responsabbli ma jistax ikun il-bażi ta’ estensjoni tat-terminu ta’ trasferiment konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III, kif tikkonferma l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 89). |
38 |
Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal sabiex tikkunsidra li tqegħid f’dipartiment psikjatriku ta’ sptar jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “priġunerija”, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li jsir magħruf x’ikun, f’dak il-każ, it-tul preċiż tal-estensjoni tat-terminu ta’ trasferiment. |
39 |
F’dan ir-rigward, jista’ jiġi kkunsidrat li l-perijodu ta’ trasferiment jista’ jiġi estiż sat-tul tal-perijodu li matulu IA kien effettivament tqiegħed, kontra r-rieda tiegħu, f’dipartiment psikjatriku ta’ sptar, jew inkella tal-perijodu preżunt tal-“priġunerija” nnotifikat lill-Istat Membru mitlub skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, flimkien ma’, jekk ikun il-każ, terminu raġonevoli sabiex jiġi organizzat it-trasferiment. |
40 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
41 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “priġunerija”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, japplika għat-tqegħid ta’ applikant għall-ażil f’dipartiment psikjatriku ta’ sptar awtorizzat minn deċiżjoni ġudizzjarja, għar-raġuni li, minħabba marda mentali, din il-persuna tikkostitwixxi periklu sostanzjali għaliha nnifisha jew għas-soċjetà. |
42 |
F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmilx riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri biex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata ta’ dik id-dispożizzjoni, għandu jiġi interpretat, fl-Unjoni Ewropea kollha, b’mod awtonomu u uniformi, liema interpretazzjoni għandha tirriżulta minn teħid inkunsiderazzjoni mhux biss tal-kliem ta’ dik id-dispożizzjoni, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tal-15 ta’ April 2021, The North of England P & I Association, C‑786/19, EU:C:2021:276, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ “priġunerija”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III, ma huwiex iddefinit mil-leġiżlatur tal-Unjoni u li din id-dispożizzjoni ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiddeterminaw it-tifsira u l-portata tagħha. Għaldaqstant, hemm lok li dan il-kunċett jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi. |
44 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III, għandu preliminarjament jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra (sentenza tal-15 ta’ April 2021, The North of England P & I Association, C‑786/19, EU:C:2021:276, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
45 |
F’dan il-każ, it-terminu “priġunerija” jew it-terminu relatat u interkambjabbli ħafna “piena ta’ ħabs” huwa użat fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni. Dan huwa l-każ tal-verżjonijiet lingwistiċi bħal dawk bil-lingwa Spanjola, Ċeka, Daniża, Ingliża, Franċiża, Maltija, Olandiża, Rumena, Slovakka u Finlandiża. |
46 |
Min-naħa l-oħra, verżjonijiet lingwistiċi oħra, b’mod ċar minoritarji, bħal dawk bil-lingwa Taljana, Portugiża, jew Svediża, jużaw termini iktar wiesgħa li juru, rispettivament, detenzjoni, żamma jew il-fatt li wieħed ikun imċaħħad mil-libertà tiegħu, mingħajr ma dawn it-termini jissuġġerixxu rabta ma’ “ħabs” jew ma’ “piena ta’ priġunerija”. |
47 |
Fir-rigward tal-kelma “Inhaftierung”, użata fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża, il-Gvern Awstrijak isostni li fil-lingwaġġ ta’ kuljum din tkopri, b’mod partikolari, iċ-“ċaħda tal-libertà” u għalhekk ma tistax tiġi ridotta għal priġunerija ordnata minn qorti fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, filwaqt li l-Gvern Ġermaniż huwa tal-fehma li dan il-kunċett jista’ jinftiehem f’dan is-sens iktar ridott. |
48 |
Dejjem fir-rigward ta’ interpretazzjoni litterali tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III, mis-sens ordinarju tat-terminu “priġunerija” jew “piena ta’ ħabs” jirriżulta li, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, mill-maġġoranza l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li dan essenzjalment ifisser piena li ċċaħħad il-libertà li hija imposta fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali minħabba t-twettiq ta’ reat li tiegħu l-persuna kkonċernata tinstab ħatja jew hija ssuspettata li wettqitu. |
49 |
B’mod iktar preċiż, fit-tifsira abitwali tiegħu, dan it-terminu juri piena li ċċaħħad il-libertà li, bħala regola ġenerali, għandha tiġi skontata f’ħabs u li hija imposta minn qorti meta, fi tmiem proċeduri kriminali, din tiddeċiedi li persuna tista’ tinstab ħatja ta’ reat. Barra minn hekk, skont is-sens abitwali tiegħu, dan l-istess terminu jkopri wkoll id-detenzjoni provviżorja ta’ persuna ssuspettata li wettqet reat kriminali, ordnata, bħala prinċipju, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali. |
50 |
Issa, fid-dawl ta’ dan is-sens ordinarju, it-tqegħid ex officio ta’ persuna f’dipartiment psikjatriku ta’ sptar, awtorizzat minn qorti minħabba li din tbati minn marda mentali li tagħmilha partikolarment perikoluża għaliha nnifisha jew għas-soċjetà, ma jistax jiġi kklassifikat bħala “priġunerija”, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III. |
51 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li tqegħid ex officio taħt l-UbG iseħħ mingħajr ma l-persuna kkonċernata tkun ġiet ikkundannata talli wettqet reat kriminali jew mingħajr ma tkun issuspettata li wettqet tali reat. |
52 |
Tali tqegħid huwa fundamentalment differenti mid-detenzjoni psikjatrika ta’ persuna ordnata minħabba li din wettqet reat li għalih hija ma tistax madankollu tinżamm kriminalment responsabbli minħabba marda mentali li kienet tbati minnha fiż-żmien meta seħħew il-fatti li bihom ġiet akkużata. |
53 |
Fit-tieni lok, il-kuntest li taqa’ fih it-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III u l-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament ma jipprekludux l-interpretazzjoni li l-kunċett ta’ “priġunerija”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikopri biss iċ-ċaħda tal-libertà imposta b’deċiżjoni ġudizzjarja fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali minħabba reat li għalih il-persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil hija responsabbli jew li għalih din hija ssuspettata li hija responsabbli. |
54 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III jippermetti, b’mod eċċezzjonali, l-estensjoni tat-trasferiment ta’ sitt xhur stabbilit fl-Artikolu 29(1) u fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 29(2) ta’ dan ir-regolament, sabiex jittieħed kont tal-fatt li huwa materjalment impossibbli għall-Istat Membru rikjedenti li jwettaq it-trasferiment tal-persuna kkonċernata minħabba l-priġunerija jew għaliex tkun ħarbet (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 60). |
55 |
Issa, interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “priġunerija”, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III, bħala li jinkludi l-miżuri kollha li jċaħħdu l-libertà, inklużi dawk li ma humiex imposti fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali minħabba reat imwettaq mill-persuna kkonċernata jew li hija ssuspettata li wettqet, tkun tinjora n-natura eċċezzjonali, enfasizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ tali estensjoni. |
56 |
Fil-fatt, it-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III, peress li tipprevedi eċċezzjoni, f’żewġ każijiet speċifiċi, għar-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 29(1) u fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 29(2) ta’ dan ir-regolament, għandha, skont prinċipju stabbilit minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tiġi interpretata b’mod strett (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2021, X (Vetturi bit-tank LPG), C‑120/19, EU:C:2021:398, punt 50). |
57 |
Barra minn hekk, huwa minnu li, fil-punti 61 u 62 tas-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ħarba”, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III bħala li teħtieġ il-prova tal-intenzjoni tal-persuna kkonċernata li taħrab lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jiġi evitat ir-riskju li dawn l-awtoritajiet jiltaqgħu ma’ diffikultajiet kunsiderevoli eventwali jew ma jkunux jistgħu jiżguraw il-funzjonament effettiv tas-sistema ta’ Dublin u t-twettiq tal-għanijiet tagħha. |
58 |
Min-naħa l-oħra, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “priġunerija”, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni, limitata għaċ-ċaħdiet tal-libertà imposti minn deċiżjonijiet ġudizzjarji fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, bl-esklużjoni ta’ tipi oħra ta’ miżuri li jċaħħdu l-libertà, ma tinvolvix tali riskju. |
59 |
Fil-fatt, tali interpretazzjoni teħtieġ biss sempliċi verifika fattwali tal-eżistenza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li ċċaħħad il-libertà, adottata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, fir-rigward ta’ persuna li wettqet reat, jew li hija ssuspettata li wettqet reat. |
60 |
Verifika ta’ din in-natura ma timplikax diffikultajiet prattiċi partikolari li jistgħu jostakolaw il-funzjonament effettiv tas-sistema ta’ Dublin u t-twettiq tal-għanijiet tagħha. |
61 |
Għaldaqstant, din l-interpretazzjoni lanqas ma tmur kontra l-għan ta’ ħeffa mfittex, skont il-premessi 4 u 5 tiegħu, mir-Regolament Dublin III (sentenza tal-19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, punti 58 u 59). |
62 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li t-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “priġunerija”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ma japplikax għat-tqegħid ex officio ta’ applikant għall-ażil f’dipartiment psikjatriku ta’ sptar, awtorizzat minn deċiżjoni ġudizzjarja għar-raġuni li, minħabba marda mentali, din il-persuna hija ta’ periklu serju għaliha nnifisha jew għas-soċjetà. |
Fuq it-tieni domanda
63 |
It-tieni domanda tressqet biss mill-qorti tar-rinviju fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda. Issa, mill-punt 62 ta’ din is-sentenza jirriżulta li din teħtieġ risposta negattiva. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Fuq l-ispejjeż
64 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
It-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “priġunerija”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ma japplikax għat-tqegħid ex officio ta’ applikant għall-ażil f’dipartiment psikjatriku ta’ sptar, awtorizzat minn deċiżjoni ġudizzjarja għar-raġuni li, minħabba marda mentali, din il-persuna hija ta’ periklu serju għaliha nnifisha jew għas-soċjetà. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.