This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CJ0229
Judgment of the Court (Fifth Chamber) of 16 June 2022.#Port de Bruxelles and Région de Bruxelles-Capitale v Infrabel SA.#Request for a preliminary ruling from the Cour d'appel de Bruxelles.#Reference for a preliminary ruling – Trans-European transport network – Regulation (EU) No 1315/2013 – Article 15(1) – Inland waterways transport infrastructure – Inland ports – Obligation of a Member State to connect inland ports with road or rail transport infrastructure – Removal of the connection with one of those two types of transport infrastructure – Conditions.#Case C-229/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-16 ta’ Ġunju 2022.
Port de Bruxelles u Région de Bruxelles-Capitale vs Infrabel SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour d'appel de Bruxelles.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Netwerk trans-Ewropew tat-trasport – Regolament (UE) Nru 1315/2013 – Artikolu 15(1) – Infrastruttura tat-trasport permezz ta’ passaġġi fuq l-ilma intern – Portijiet interni – Obbligu ta’ Stat Membru li jiżgura l-konnessjoni bejn il-portijiet interni u l-infrastruttura ta’ trasport bit-triq u ta’ trasport ferrovjarju – Tneħħija tal-konnessjoni ma wieħed minn dawn iż-żewġ tipi ta’ infrastruttura ta’ trasport – Kundizzjonijiet.
Kawża C-229/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-16 ta’ Ġunju 2022.
Port de Bruxelles u Région de Bruxelles-Capitale vs Infrabel SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour d'appel de Bruxelles.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Netwerk trans-Ewropew tat-trasport – Regolament (UE) Nru 1315/2013 – Artikolu 15(1) – Infrastruttura tat-trasport permezz ta’ passaġġi fuq l-ilma intern – Portijiet interni – Obbligu ta’ Stat Membru li jiżgura l-konnessjoni bejn il-portijiet interni u l-infrastruttura ta’ trasport bit-triq u ta’ trasport ferrovjarju – Tneħħija tal-konnessjoni ma wieħed minn dawn iż-żewġ tipi ta’ infrastruttura ta’ trasport – Kundizzjonijiet.
Kawża C-229/21.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:471
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
16 ta’ Ġunju 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Netwerk trans-Ewropew tat-trasport – Regolament (UE) Nru 1315/2013 – Artikolu 15(1) – Infrastruttura tat-trasport permezz ta’ passaġġi fuq l-ilma intern – Portijiet interni – Obbligu ta’ Stat Membru li jiżgura l-konnessjoni bejn il-portijiet interni u l-infrastruttura ta’ trasport bit-triq u ta’ trasport ferrovjarju – Tneħħija tal-konnessjoni ma wieħed minn dawn iż-żewġ tipi ta’ infrastruttura ta’ trasport – Kundizzjonijiet”
Fil-Kawża C‑229/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel de Bruxelles (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ April 2021, fil-proċedura
Port de Bruxelles SA,
Région de Bruxelles-Capitale
vs
Infrabel SA,
fil-preżenza ta’:
FIF-FSI (Fonds d’Infrastructure Ferroviaire) SA,
État belge,
Région de Bruxelles-Capitale,
Port de Bruxelles SA,
Lineas SA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis, M. Ilešič, D. Gratsias (Relatur) u Z. Csehi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑19 ta’ Jannar 2022,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Port de Bruxelles SA, minn L. Depré u B. De Beys, avocats, |
– |
għar-Région de Brussell-Capitale, minn B. Cambier u T. Cambier, avocats, |
– |
għal Infrabel SA, minn M. Baetens-Spetschinsky u P.‑M. Louis, avocats, |
– |
għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens, P. Cottin, u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn T. Eyskens, P. J. Geysens u A. Vandeburie, avocats, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. L. Kalėda, C. Vrignon u G. Wilms, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑31 ta’ Marzu 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU 2013, L 348, p. 1). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, tal-ewwel, Port de Bruxelles SA u Infrabel SA, l-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja fil-Belġju, u tat-tieni, ir-Région de Bruxelles–Capitale (il-Belġju) u Infrabel, dwar talba mressqa minn Port de Bruxelles SA intiża sabiex jiġi ordnat lil Infrabel iżżomm fi stat perfett ta’ funzjonament l-uniku mezz ta’ aċċess ferrovjarju tal-port ta’ Brussell (il-Belġju) man-netwerk ferrovjarju Belġjan. |
Il‑kuntest ġuridiku
3 |
Il-premessi 7, 8 u 31 tar-Regolament Nru 1315/2013 jiddikjaraw:
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett”, jipprevedi fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu: “1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi linji gwida għall-iżvilupp ta’ netwerk trans-Ewropew tat-trasport magħmul minn struttura b’żewġ livelli, li tikkonsisti min-netwerk komprensiv u min-netwerk ewlieni, fejn dan tal-aħħar jiġi stabbilit fuq il-bażi tan-netwerk komprensiv. 2. Dan ir-Regolament jidentifika proġetti ta’ interess komuni u jispeċifika r-rekwiżiti li għandhom ikunu kkonformati għall-ġestjoni tal-infrastruttura tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport. 3. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-prijoritajiet għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport.” |
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi: “1. Dan ir-Regolament japplika għan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport kif jidher fil-mapep li jinsabu fl-Anness I. […] 2. L-infrastruttura tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, tikkonsisti mill-infrastruttura għat-trasport bil-ferrovija, għat-trasport f’passaġġi fuq l-ilma interni, għat-trasport bit-triq, għat-trasport marittimu, għat-trasport bl-ajru u għat-trasport multimodali, kif stabbilit fit-taqsimiet rilevanti tal-Kapitolu II.” |
6 |
L-Artikolu 3 tal-istess regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej: “Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
[…]
[…]
[…]” |
7 |
L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1315/2003, intitolat “Objettivi tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport”, jipprevedi: “In-netwerk trans-Ewropew tat-trasport għandu jsaħħaħ il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali tal-Unjoni u jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ żona unika ta’ trasport Ewropew li tkun effiċjenti u sostenibbli, li żżid il-benefiċċji għall-utenti tagħha u tappoġġa t-tkabbir inklussiv. Huwa għandu juri valur miżjud Ewropew billi jikkontribbwixxi għall-objettivi mniżżla fl-erba’ kategoriji li ġejjin: […] (b) effiċjenza permezz ta’: […]
[…]
[…] (c) sostenibbiltà permezz ta’: […]
[…]” |
8 |
L-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament, intitolat “Netwerk b’użu effiċjenti ta’ riżorsi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “In-netwerk trans-Ewropew tat-trasport għandu jkun ippjanat, żviluppat u operat b’użu effiċjenti mil-lat ta’ riżorsi, permezz ta’:
[…]” |
9 |
L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Struttura tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport fuq żewġ livelli”, huwa redatt b’dan il-kliem: “1. L-iżvilupp gradwali tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport għandu jintlaħaq, b’mod partikolari, bl-implimentazzjoni ta’ struttura fuq żewġ livelli għal dak in-netwerk b’approċċ metodoloġiku koerenti u trasparenti, li jinkludi netwerk komprensiv u netwerk ewlieni. 2. In-netwerk komprensiv għandu jikkonsisti mill-infrastrutturi kollha eżistenti u ppjanati tat-trasport tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport kif ukoll miżuri li jippromwovu l-użu effiċjenti u soċjalment u ambjentalment sostenibbli ta’ infrastrutturi bħal dawn. Għandu jiġi identifikat u żviluppat f’konformità mal-Kapitolu II. 3. In-netwerk ewlieni għandu jikkonsisti f’dawk il-partijiet tan-netwerk komprensiv li huma tal-ogħla importanza strateġika għall-ilħuq tal-għanijiet għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropewt tat-trasport. Għandu jiġi identifikat u żviluppat f’konformità mal-Kapitolu III.” |
10 |
Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1315/2013, intitolat “In-netwerk komprensiv”, jinkludi l-Artikoli 9 sa 37. L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jiddikjara, fil-paragrafu 1 tiegħu: “In-netwerk komprensiv għandu: […]
[…]” |
11 |
L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Prijoritajiet ġenerali”, jipprevdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Fl-iżvilupp tan-netwerk komprensiv, għandha tingħata prijorità ġenerali lil miżuri li huma meħtieġa biex: […]
[…]” |
12 |
L-Artikolu 12 tal-istess regolament, intitolat “Rekwiżiti għall-infrastruttura tat-trasport”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “It-terminals tat-trasport tal-merkanzija għandhom ikunu konnessi mal-infrastruttura tat-toroq jew, fejn possibbli, mal-infrastruttura tal-passaġġ fuq l-ilma intern tan-netwerk komprensiv.” |
13 |
L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1315/2013, intitolat “Prijoritajiet għall-iżvilupp tal-infrastruttura ferrovjarja”, huwa fformulat kif ġej: “Fil-promozzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni relatati mal-infrastruttura ferrovjarja u b’żieda mal-prijoritajiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 10, għandha tingħata prijorità lill-aspetti li ġejjin: […]
|
14 |
L-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Komponenti tal-infrastruttura”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-infrastruttura tal-passaġġi fuq l-ilma interni għandha tinkludi b’mod partikolari: […]
[…]” |
15 |
L-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rekwiżiti għall-infrastruttura tat-trasport”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-portijiet interni jkunu konnessi mal-infrastruttura tat-toroq jew dik ferrovjarja.” |
16 |
L-Artikolu 16 tal-istess regolament, intitolat “Prijoritajiet għall-iżvilupp tal-infrastruttura tal-passaġġi fuq l-ilma interni”, huwa fformulat kif ġej: “Fil-promozzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni relatati mal-infrastrutturi tal-passaġġi fuq l-ilma interni u b’żieda mal-prijoritajiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 10, għandha tingħata prijorità lill-dawn li ġejjin: […]
[…]” |
17 |
Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1315/2013, intitolat “Prijoritajiet għall-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport bit-triq”: “Fil-promozzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni relatati mal-infrastruttura tat-toroq u b’żieda mal-prijoritajiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 10, għandha tingħata prijorità lil dawn li ġejjin: […] (e) il-mitigazzjoni tal-konġestjoni fit-toroq eżistenti.” |
18 |
L-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rekwiżiti għall-infrastruttura tat-trasport”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw, b’mod ġust u mhux diskriminatorju, li:
[…]” |
19 |
L-Artikolu 30 tal-imsemmi regolament, intitolat “Nodi urbani”, jipprevedi: “Meta jkunu qegħdin jiżviluppaw in-netwerk komprensiv fin-nodi urbani, l-Istati Membri għandhom, fejn fattibbli, ikollhom l-għan li jiżguraw:
[…]” |
20 |
L-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 1315/2013, intitolat “Identifikazzjoni tan-netwerk ewlieni”, jiddikjara, fil-paragrafu 1; “In-netwerk ewlieni, kif jidher fuq il-mapep li jinsabu fl-Anness I, għandu jikkonsisti minn dawk il-partijiet tan-netwerk komprensiv li huma tal-ogħla importanza mil-lat strateġiku sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, u għandu jirrifletti d-domanda tat-traffiku li qed tevolvi u l-ħtieġa għal trasport multimodali. […]” |
21 |
Mill-Annessi I u II ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-infrastruttura portwali tal-port ta’ Brussell tintegra ruħha fin-netwerk ewlieni fis-sens tal-Artikolu 6(1) u (3) tiegħu. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
22 |
Port de Bruxelles SA hija inkarigata mill-ġestjoni, mill-operat u mill-iżvilupp tal-kanal, tal-port ta’ Brussell, tal-avanport, tal-installazzjonijiet portwali u tad-dipendenzi tagħhom fir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale. |
23 |
Infrabel topera n-netwerk ferrovjarju Belġjan u hija l-proprjetarja tal-linji tal-ferrovija kif ukoll tal-assi neċessarji jew utli għal dan l-operat. |
24 |
FIF-FSI SA (iktar ’il quddiem “FIF”) hija inkarigata mill-ġestjoni u mill-valorizzazzjoni tal-artijiet u minn attivitajiet kummerċjali oħra fil-qasam tal-iżvilupp, tax-xiri u tal-bejgħ, tal-ġestjoni kif ukoll tal-finanzjament tal-proprjetà immobbli. Il-kapital kollu tagħha huwa indirettament miżmum mill-Istat Belġjan. |
25 |
Żewġ digrieti rjali tal‑14 ta’ Ġunju 2004 (Moniteur belge tal‑14 ta’ Ġunju 2004, p. 51971) u tat‑30 ta’ Diċembru 2004 (Moniteur belge tat‑30 ta’ Diċembru 2004, p. 87338) jimponu fuq Infrabel tipproċedi, sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2020, għad-dekummissjonar tal-installazzjonijiet ferrovjarji li jinsabu fis-sit imsejjaħ “Schaerbeek-Formation” fi Brussell (il-Belġju) u r-ripristinament tiegħu sabiex dan is-sit jiġi ttrasferit lil FIF liberu minn kull okkupazzjoni. Din tal-aħħar għandha d-dritt titlob kumpens finanzjarju fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn ix-xogħlijiet minn Infrabel fit-termini previsti. Fost l-installazzjonijiet li għandhom jiġu żmantellati hemm dawk li jikkostitwixxu l-unika konnessjoni ferrovjarja tal-installazzjonijiet portwali tal-port ta’ Brussell man-netwerk ferrovjarju Belġjan (iktar ’il quddiem is- “servizz ferrovjarja inkwistjoni”). |
26 |
Fit‑12 ta’ Ottubru 2018, Port de Bruxelles SA ħarrket lil Infrabel quddiem it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju), sabiex din tal-aħħar tiġi pprojbita “milli twettaq kull att kuntrarju għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1315/2013 […], inkluż li tipproċedi għad-dekummissjonar tal-bini u tal-installazzjonijiet imsemmija minn [dan ir-regolament] u b’mod partikolari s-servizz ferrovjarju [inkwistjoni]”. |
27 |
Fit‑30 ta’ Ottubru 2018, Infrabel ħarrket lil FIF f’intervent forzat. L-Istat Belġjan intervjena volontarjament għall-proċedura fit‑13 ta’ Novembru 2018, sabiex is-sentenza li għandha tingħata tiġi invokata kontrih. Ir-Région de Bruxelles-Capitale u Lineas SA intervjenew ukoll fil-proċedura insostenn tat-talbiet ta’ Port de Bruxelles SA. |
28 |
Fl‑14 ta’ Marzu 2019, Port de Bruxelles SA talbet lit-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża), bħala miżura provviżorja, tipprojbixxi lil Infrabel, fl-istennija ta’ deċiżjoni definittiva fuq il-mertu tal-kawża, milli tipproċedi b’mod partikolari bit-twaqqif mis-servizz kif ukoll bid-dekummissjonar tas-servizz ferrovjarju inkwistjoni, u biex tordnaha żżommu fi stat perfett ta’ funzjonament. Min-naħa tagħha, Infrabel talbet b’mod partikolari lit-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża), fil-każ li din tal-aħħar tilqa’ t-talba għal miżuri provviżorji u fejn Infrabel tiġi prekluża milli teżegwixxi x-xogħlijiet previsti mid-digriet irjali tat‑30 ta’ Diċembru 2004, tipprojbixxi lil FIF milli titlobha kumpens sakemm tingħata deċiżjoni fuq il-mertu. |
29 |
Fil‑5 ta’ Novembru 2019, matul il-proċedura, FIF u Infrabel ikkonkludew ftehim li permezz tiegħu huma, b’mod partikolari, ipposponew għat‑30 ta’ Ġunju 2021 id-data li fiha d-dekummissjonar tas-servizz ferrovjarju inkwistjoni kellu jiġi konkluż. |
30 |
Permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2019, it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) iddikjara l-azzjoni ta’ Port de Bruxelles SA inammissibbli, ħlief sa fejn din tal-aħħar tinvoka l-eżistenza ta’ servitù insostenn ta’ din l-azzjoni. Barra minn hekk, hija ċaħdet it-talba għal miżuri provviżorji ta’ Port de Bruxelles SA, għar-raġuni li l-impenn meħud minn Infrabel fil-ftehim konkluż ma’ FIF fil‑5 ta’ Novembru 2019 kien biżżejjed sabiex jirregola provviżorjament is-sitwazzjoni tal-partijiet. |
31 |
Port de Bruxelles SA u r-Région de Bruxelles-Capitale kull waħda appellaw minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju), li, wara li kkonstatat li la Port de Bruxelles SA u lanqas ir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale ma kienu ressqu appell kontra l-Istat Belġjan u FIF konformement mar-regoli proċedurali nazzjonali, iddeċidiet li dawn l-aħħar żewġ partijiet kellhom jiġu esklużi. Barra minn hekk mid-dispożittiv tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għaqqdet iż-żewġ proċeduri pendenti quddiemha. |
32 |
Il-Qorti tar-rinviju tistaqsi dwar id-dritt, għal Port de Bruxelles SA, li tinvoka, quddiem il-qrati Belġjani, dritt suġġettiv li jirriżulta mill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1315/2013. Hija tesponi li, skont l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ssuġġerita minn Port de Bruxelles SA, din timponi fuq l-Istati Membri, minn naħa, obbligu pożittiv, marbut mal-implimentazzjoni ta’ sistema fejn l-infrastruttura ta’ trasport tkun interkonnessa u li fil-kuntest tagħha l-Istati Membri jkollhom setgħa diskrezzjonali, kif ukoll, min-naħa l-oħra, obbligu negattiv, li jipprojbixxilhom milli jaġixxu b’mod li jmur kontra l-għanijiet ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari billi jippreġudikaw l-integrità tal-infrastruttura ta’ trasport fis-seħħ. |
33 |
Infrabel issostni li dan l-Artikolu 15 ma jistax jiġi interpretat fis-sens issuġġerit minn Port de Bruxelles SA. Fil-fatt, skont il-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni, b’mod partikolari fil-verżjoni tagħha bil-lingwa Franċiża, il-portijiet interni għandhom jiġu konnessi jew ma’ infrastruttura ta’ trasport bit-triq jew ma’ infrastruttura ta’ trasport ferrovjarju peress li din il-verżjoni lingwistika tuża l-konġuzzjoni “ou” (jew). |
34 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-verżjoni bil-lingwa Olandiża tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1315/2013 ma tużax il-konġunzjoni “jew”, iżda “u”. Minn dan hija tiddeduċi li l-interpretazzjoni litterali ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi ddeterminat is-sens eżatt tagħha. |
35 |
Skont din il-qorti, l-imsemmija dispożizzjoni tista’ tingħata żewġ interpretazzjonijiet kunfliġġenti. Fil-fatt, mill-Artikolu 3(n) u mill-Artikolu 28(1) ta’ dan ir-regolament jista’ jiġi dedott li l-konnessjoni ta’ infrastruttura ta’ trasport permezz ta’ passaġġi fuq l-ilma interni, bħal port intern, ma’ tip wieħed ta’ infrastruttura oħra ta’ trasport hija biżżejjed sabiex l-obbligu jiġi ssodisfatt u li, f’dan il-każ, Port de Bruxelles SA għandha tkun issodisfatta bil-konnessjoni tal-infrastruttura portwali tagħha mal-infrastruttura ta’ trasport bit-triq. |
36 |
Madankollu, tista’ tiġi sostnuta interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, mill-impenji tal-Kummissjoni li jinsabu fil-White paper tagħha, imsemmija b’mod partikolari fil-premessa 31 tal-istess regolament, kif ukoll mir-Regolament Nru 1315/2013 innifsu, jirriżulta li l-għanijiet ta’ dan tal-aħħar huma ta’ żewġ tipi, jiġifieri li tissaħħaħ il-kompetittività tat-trasport u li jitnaqqsu b’minn tal-inqas 60 %, sal‑2050, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġġenerati mit-trasport meta mqabbla mal-livelli tal‑1990. Barra minn hekk, interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, fis-sens li jipprojbixxi d-dekummissjonar ta’ konnessjoni ferrovjarja f’ċirkustanzi bħal dawk tal-każ ineżami tista’ tkun tistrieħ, b’mod partikolari, fuq l-Artikoli 5, 10 u 16 ta’ dan l-istess regolament, kif ukoll fuq il-linji gwida esposti fil-premessi 7 u 8 tiegħu. |
37 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour d’appell de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Meta port intern – li jifforma parti min-network ċentrali [netwerk ewlieni] – ikun diġà konness mal-infrastruttura tat-toroq u man-network ferrovjarju, l-Artikolu 15 tar-Regolament [Nru 1315/2013], moqri waħdu jew flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra tar-regolament, jimponi l-obbligu ta’ żamma u ta’ manteniment ta’ dawn iż-żewġ rotot jew l-obbligu li ma titneħħiex waħda minnhom, anki jekk minħabba sempliċi nuqqas ta’ manteniment?” |
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
38 |
Il-qorti tar-rinviju talbet, fuq il-bażi tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li din il-kawża tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa. Insostenn ta’ din it-talba, hija ssostni li, sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ din is-sentenza, hija pprojbixxiet lil Infrabel milli tiżmantella s-servizz ferrovjarju inkwistjoni sakemm il-kawża tinqata’ mill-ġdid, wara li tkun irċeviet ir-rispota tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula. Issa, din l-istess kumpannija hija bħala prinċipju marbuta, mill‑1 ta’ Lulju 2021, tħallas kumpens lil FIF preċiżament minħabba d-dewmien fid-dekummissjonar ta’ dan is-servizz. |
39 |
L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li jissuġġetta rinviju għal deċiżjoni preliminari għal proċedura mħaffa meta n-natura tal-kawża tirrikjedi li tiġi ttrattata f’qasir żmien. |
40 |
Għandu jitfakkar li tali proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż li jissodisfa sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny et (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑508/19, EU:C:2022:201, punt 37). |
41 |
F’dan il-każ, fl‑4 ta’ Mejju 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tintlaqa’ t-talba msemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza. |
42 |
Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sempliċi interessi ekonomiċi, ikunu kemm ikunu importanti u leġittimi, ma humiex ta’ natura li jiġġustifikaw, waħedhom, l-użu ta’ proċedura mħaffa (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Energieversorgungscenter Dresden-Wilschdorf, C‑938/19, EU:C:2021:908, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Barra minn hekk, anki fil-każ li din il-kawża tkun suġġetta għall-proċedura mħaffa, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula ma tistax, fi kwalunkwe każ, issir qabel it‑30 ta’ Ġunju 2021. |
44 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-istess jum, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddeċieda li l-informazzjoni trażmessa mill-qorti tar-rinviju kienet tiġġustifika trattament prijoritarju tal-kawża taħt l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura. |
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
45 |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Infrabel issostni, essenzjalment, li Port de Bruxelles SA ma tistax, fi kwalunkwe każ, tinvoka favuriha, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1315/2013, peress li din id-dispożizzjoni tirrikonoxxi lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni għall-implimentazzjoni tagħha. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ tali marġni ta’ diskrezzjoni tipprekludi li, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni adottati mill-Istat Membru kkonċernat, individwu jkun jista’ jinvoka direttament id-drittijiet li jirriżultaw mill-imsemmija dispożizzjoni. |
46 |
Sa fejn dan l-argument għandu jinftiehem fis-sens li, permezz tiegħu, Infrabel tqiegħed inkwistjoni r-rilevanza tad-domanda preliminari għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali u, għaldaqstant, l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, dan ma jistax jintlaqa’. |
47 |
Fil-fatt, minn naħa, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, ir-Regolament huwa vinkolanti fl-elementi kollha tiegħu u li huwa direttament applikabbli f’kull Stat Membru. B’hekk, minħabba s-sempliċi natura tagħhom u funzjoni tagħhom fis-sistema ta’ sorsi tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti għandhom, bħala regola ġenerali, effett immedjat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali mingħajr ma jkun neċessarju li l-awtoritajiet nazzjonali jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, Ursa Major Services, C‑814/18, EU:C:2020:27, punt 33). |
48 |
Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1315/2013 jipprekludix, bħala prinċipju, it-tneħħija tal-konnessjoni ferrovjarja ta’ port intern f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, jew jekk jirrikonoxxix lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni f’dan il-qasam tikkostitwixxi, preċiżament, is-suġġett tad-domanda preliminari, b’tali mod li n-natura ammissibbli tat-talba għal deċiżjoni preliminari ma tistax titqiegħed inkwistjoni għar-raġuni invokata minn Infrabel. |
Fuq id‑domanda preliminari
49 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1315/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta port intern li jaqa’ taħt in-netwerk ewlieni, fis-sens tal-Artikolu 6(1) u (3) u tal-Artikolu 38 ta’ dan ir-regolament, ikollu konnessjonijiet kemm ma’ infrastrutturi ta’ trasport bit-triq kif ukoll ma’ infrastrutturi ta’ trasport ferrovjarju, jipprekludi t-tneħħija ta’ wieħed minn dawn iż-żewġ tipi ta’ konnessjonijiet. |
50 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, preliminarjament, li għalkemm l-Artikolu 15(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-portijiet interni jkunu konnessi mal-infrastruttura tat-toroq jew ferrovjarja u għalhekk jikkonċerna l-portijiet interni, id-domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni f’ċirkustanzi fejn tali port, bħall-port ta’ Brussell, jaqa’ taħt in-netwerk ċentrali, fis-sens ta’ dan l-istess regolament. |
51 |
Issa, dan l-Artikolu 15 jinsab fil-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1315/2013 dwar, skont it-titolu tiegħu, in-netwerk komprensiv, li jissemma fl-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament. Kif jirriżulta mill-Artikolu 6(3) u mill-Artikolu 38(1) tal-imsemmi regolament, in-netwerk ewlieni jikkonsisti mill-partijiet tan-netwerk komprensiv li huma tal-ogħla importanza strateġika sabiex jintlaħqu l-għanijiet għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropewt tat-trasport. |
52 |
Għalkemm jirriżulta inkontestabbilment minn dawn l-aħħar dispożizzjonijiet li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1315/2003 japplika fil-każ ta’ port intern li jaqa’ taħt in-netwerk ewlieni, xorta jibqa’ l-fatt li huwa applikabbli b’mod iktar ġenerali għal kull port intern tan-netwerk komprensiv, irrispettivament minn jekk jaqax b’mod partikolari taħt in-netwerk ewlieni. |
53 |
Konsegwentement, hemm lok li tiġi eżaminata d-domanda magħmula sa fejn din tirrigwarda port intern li jaqa’ taħt in-netwerk komprensiv, fis-sens tal-Artikolu 6(1) u (2) tar-Regolament Nru 1315/2013, u li diġà għandu konnessjonijiet kemm ma’ infrastruttura tat-trasport bit-triq kif ukoll ma’ infrastruttura tat-trasport ferrovjarju. |
54 |
Konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2020, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tardiv), C‑122/18, EU:C:2020:41, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
55 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1315/2013, għandu jiġi kkonstatat li, kif enfasizzaw ġustament rispettivament il-qorti tar-rinviju u l-Gvern Belġjan, il-verżjonijiet bil-lingwa Olandiża u Bulgara ta’ din id-dispożizzjoni jużaw, bejn it-termini “infrastruttura tat-toroq” u t-terminu “ferrovjarji”, il-konġunzjoni “u”, li jagħti x’jifhem li l-Istati Membri huma obbligati jiżguraw li l-portijiet iżommu l-konnessjonijiet eżistenti jagħtuhom aċċess għal infrastruttura kemm tat-toroq kif ukoll ferrovjarja. Min-naħa l-oħra, b’mod partikolari bil-lingwa Ġermaniża, Griega, Ingliża, Franċiża, Irlandiża, Taljana, Litwana, Ungeriża u Slovena, tintuża l-konġunzjoni “jew”. |
56 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni huma awtorevoli ugwalment u ma tistax tingħata natura prijoritarja lil waħda minn fosthom fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra peress li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punti 42 u 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
57 |
B’hekk, fil-każ ta’ diskrepanza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ test tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont il-kuntest u l-għan tal-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Yieh United Steel vs Il‑Kummissjoni, C‑79/20 P, EU:C:2022:305, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
58 |
Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li s-sempliċi formulazzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1315/2013 ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk, fil-każ ta’ port intern li jaqa’ taħt in-netwerk komprensiv li diġà għandu konnessjonijiet kemm ma’ infrastruttura ta’ trasport bit-triq kif ukoll ma’ infrastruttura ta’ trasport ferrovjarju, huwiex permess lill-Istat Membru kkonċernat ineħħi waħda minn dawn iż-żewġ konnessjonijiet sabiex iżomm biss l-oħra, ġaladarba l-obbligu għall-Istat Membru kkonċernat, previst minn din id-dispożizzjoni, li jiżgura li l-port intern inkwistjoni jkun koness “mal-infrastruttura tat-toroq jew dik ferrovjarja”, jista’ jinftiehem ukoll fis-sens li dan l-Istat Membru għandu jagħti attenzjoni partikolari għal konnessjoni jew oħra minn dawn it-tnejn skont il-ħtiġijiet tiegħu b’mod partikolari fil-qasam tal-manutenzjoni. |
59 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest li fih jidħol l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1315/2013, għandu jiġi rrilevat li, kif jipprevedi l-Artikolu 1(1) tiegħu, dan ir-regolament għandu l-għan li jistabbilixxi “linji gwida għall-iżvilupp ta’ netwerk trans-Ewropew tat-trasport magħmul minn struttura b’żewġ livelli, li tikkonsisti min-netwerk komprensiv u min-netwerk ewlieni, fejn dan tal-aħħar jiġi stabbilit fuq il-bażi tan-netwerk komprensiv.” |
60 |
Mill-Artikolu 10(1)(b) tal-istess regolament, li jagħmel parti mill-Kapitolu II dwar in-netwerk komprensiv, jirriżulta li, waqt l-iżvilupp tan-netwerk komprensiv, il-prijorità ġenerali tingħata b’mod partikolari lill-miżuri neċessarji bil-għan, b’mod partikolari, li tiġi żgurata integrazzjoni ottimali tal-mezzi ta’ trasport u l-interoperabbiltà bejniethom. |
61 |
Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1315/2013, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 9 u 10 tiegħu, huma miġbura f’seba’ taqsimiet, fosthom it-Taqsima 1, dwar l-infrastruttura tat-trasport ferrovjarju, it-Taqsima 2, dwar l-infrastruttura tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni, li tinkludi l-Artikolu 15, ikkonċernat mid-domanda preliminari, it-Taqsima 3, dwar l-infrastruttura tat-trasport bit-triq, it-Taqsima 6, dwar l-infrastruttura għat-trasport multimodali u, fl-aħħar nett, it-Taqsima 7, li tiġbor dispożizzjonijiet komuni. |
62 |
Fir-rigward tal-infrastruttura tat-trasport ferrovjarju, l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1315/2013 jipprevedi li t-terminals tat-trasport tal-merkanzija għandhom ikunu konnessi mal-infrastruttura tat-toroq jew, fejn possibbli, mal-infrastruttura tal-passaġġi fuq l-ilma interni tan-netwerk komprensiv. |
63 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 13(f) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li, fil-kuntest tal-promozzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni marbuta mal-infrastruttura ferrovjarja għandha tingħata prijorità, jekk ikun il-każ, għall-konnessjoni tal-infrastruttura tat-trasport ferrovjarju mal-infrastruttura portwali tal-passaġġi fuq l-ilma interni. |
64 |
Bl-istess mod, fir-rigward tal-infrastruttura tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni, l-Artikolu 16 (d) tal-imsemmi regolament jipprevedi li, fil-kuntest tal-promozzjoni ta’ proġetti ta’ interessi komuni marbuta mal-infrastruttura tal-passaġġi fuq l-ilma interni, il-prijorità tingħata b’mod partikolari għall-konnessjoni tal-infrastruttura portwali interna mal-infrastruttura tat-trasport ferrovjarju ta’ merkanzija u ta’ trasport bit-triq. |
65 |
Fir-rigward tal-infrastruttura tat-trasport bit-triq, l-Artikolu 19(e) tal-istess regolament jipprovdi li, fil-kuntest tal-promozzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni marbuta ma’ din l-infrastruttura, il-prijorità tingħata b’mod partikolari għall-mitigazzjoni tal-konġestjoni tan-netwerk tat-toroq attwali. |
66 |
Fir-rigward tal-infrastruttura għat-trasport multimodali, fis-sens tal-Artikolu 3(n) tar-Regolament Nru 1315/2013, l-Artikolu 28(1)(a) tiegħu jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw, b’mod ġust u nondiskriminatorju, li l-modi ta’ trasport ikunu konnessi ma’ mill-inqas komponent wieħed fost it-terminals tal-merkanzija, l-istazzjonijiet tal-passiġġieri, il-portijiet interni, l-ajruporti u l-portijiet marittimi, sabiex jippermettu t-trasport multimodali ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija. |
67 |
Għandu jissemma wkoll, skont id-dispożizzjonijiet komuni, l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1315/2013, dwar in-nodi urbani, iddefiniti fl-Artikolu 3(p) tiegħu. |
68 |
Mill-imsemmi Artikolu 30(a) u (b) jirriżulta li, fil-kuntest tal-iżvilupp tan-netwerk komprensiv fin-nodi urbani, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, sa fejn ikun possibbli, l-interkonnessjoni bejn, b’mod partikolari, l-infrastruttura ferrovjarja, tat-toroq u, jekk ikun il-każ, ta’ navigazzjoni interna, kemm għat-trasport tal-passiġġieri kif ukoll għat-trasport tal-merkanzija. |
69 |
Għalhekk mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 59 sa 68 ta’ din is-sentenza jista’ jiġi dedott li, għalkemm ir-Regolament Nru 1315/2013 ma jimponix fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat intiż li jiżgura, fil-każijiet kollha, il-konnessjoni tal-portijiet interni li jaqgħu taħt in-netwerk komprensiv kemm mal-infrastruttura tat-trasport bit-triq kif ukoll mal-infrastruttura tat-trasport ferrovjarju, dan ir-regolament jirrakkomanda l-istabbiliment, sa fejn ikun possibbli, ta’ diversi konnessjonijiet ta’ tali portijiet ma’ tipi oħra ta’ infrastruttura ta’ trasport. |
70 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li kemm il-premessi 7 u 8 tal-imsemmi regolament kif ukoll l-Artikolu 4(b)(v), l-Artikolu 5(1)(a) u l-Artikolu 6(2) ta’ dan l-istess regolament jagħmlu distinzjoni bejn l-infrastruttura “eżistenti” u l-infrastruttura “ġdida” jew “ippjanata”. Din id-distinzjoni timmilita favur riflessjoni tagħha fid-definizzjoni tal-portata tal-obbligi tal-Istati Membri. |
71 |
L-analiżi tal-kuntest li fih jidħol l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1315/2013 twassal, għalhekk, biex jiġi kkunsidrat li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li, bħala prinċipju, hija tipprekludi t-tneħħija, fejn jirrigwarda port intern li diġà għandu konnessjonijiet kemm ma’ infrastruttura tat-trasport bit-triq kif ukoll għal infrastruttura tat-trasport ferrovjarju, tal-konnessjoni tagħha ma’ wieħed minn dawn iż-żewġ tipi ta’ infrastruttura. |
72 |
Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet tan-netwerk Ewropew ta’ trażmissjoni, kif jirriżultaw mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1315/2013 isostni tali interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament. |
73 |
Fil-fatt, l-ewwel, l-Artikolu 4(b)(iii) tal-imsemmi regolament jipprevedi li n-netwerk trans-Ewropew tat-trasport jikkontribwixxi għall-għan ta’ effikaċja permezz tal-integrazzjoni u l-interkonnessjoni ottimali tal-mezzi kollha ta’ trasport. |
74 |
Fl-istess sens, l-Artikolu 5(1) tal-istess regolament jipprovdi, fil-punti (a) u (b) rispettivament ta’ dan il-paragrafu, li n-netwerk trans-Ewropew huwa ppjanat, żviluppat u operat b’mod ekonomiku fejn jidħlu riżorsi permezz, minn naħa, tal-iżvilupp, it-titjib u l-manutenzjoni tal-infrastruttura tat-trasport eżistenti kif ukoll, min-naħa l-oħra, ottimizzazzjoni tal-integrazzjoni u tal-interkonnessjoni tal-infrastruttura. |
75 |
It-tieni, fir-rigward b’mod partikolari tal-konnessjoni ta’ port intern mal-infrastruttura tat-trasport ferrovjarju, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan ta’ sostenibbiltà, iddikjarat fl-Artikolu 4(c) tar-Regolament Nru 1315/2013, moqri fid-dawl tal-premessa 31 ta’ dan ir-regolament. Minn dan jirriżulta li n-netwerk trans-Ewropew tat-trasport huwa intiż li jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dan l-għan, b’mod partikolari, permezz tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, billi jagħti l-preferenza lil sistemi ta’ trasport b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju. |
76 |
Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 63 u 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-trasport ferrovjarju jaqa’ taħt tali sistemi ta’ trasport, li hija r-raġuni għalfejn il-White Paper tal-Kummissjoni, imsemmija fil-premessa 31 tal-imsemmi regolament, tinkoraġġixxi l-użu tagħha. |
77 |
It-tielet, iż-żamma tal-konnessjoni għall-infrastruttura tat-trasport ferrovjarju li minnha jibbenefika port intern, billi jiġi ffavorit l-użu ta’ trasport ferrovjarju minflok bit-triq, tikkontribwixxi wkoll għall-għan ta’ tnaqqis tal-konġestjoni tan-netwerk tat-toroq, li jikkostitwixxi waħda mill-prijoritajiet tal-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, kif jirriżulta mill-Artikolu 19(e) tar-Regolament Nru 1315/2013. |
78 |
Għaldaqstant, fid-dawl tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mir-Regolament Nru 1315/2013, b’mod partikolari fil-qasam ambjentali, tas-sigurtà tat-traffiku u tal-ippjanar tat-territorju, ċirkustanzi eċċezzjonali jistgħu, a priori, jiġġustifikaw it-tneħħija tal-konnessjoni ta’ port intern mal-infrastruttura ta’ trasport jew bit-triq jew ferrovjarju, mingħajr ma l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1315/2013 jipprekludi dan. |
79 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li s-sostituzzjoni ta’ tali konnessjoni eżistenti b’konnessjoni ġdida mal-istess tip ta’ infrastruttura, li tibda topera fl-istess ħin li titneħħa l-konnessjoni li hija tissostitwixxi, ma tistax titqies bħala tneħħija tal-konnessjoni tal-port intern ikkonċernat mal-imsemmija infrastruttura. |
80 |
Fir-rigward tar-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw, eċċezzjonalment, it-tneħħija, mingħajr sostituzzjoni, tal-konnessjoni ta’ port intern mal-infrastruttura tat-trasport bit-triq jew ferrovjarju, huwa biżżejjed, f’dan il-każ, li jiġi rrilevat, fid-dawl tal-argumenti esposti fl-osservazzjonijiet bil-miktub sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li r-riskju li din ir-rotta jkollha għas-sigurtà tat-trasport meta dan ir-riskju jirriżulta minn nuqqas ta’ manutenzjoni tal-infrastruttura ta’ trasport inkwistjoni mill-awtoritajiet responsabbli tal-Istat Membru kkonċernat ma jistax jikkostitwixxi tali raġuni. |
81 |
Bl-istess mod, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, raġunijiet marbuta mal-valur tal-artijiet okkupati minn konnessjoni ta’ port intern mal-infrastruttura tat-trasport bit-triq jew ferrovjarju u mal-użu possibbli ta’ dawn l-artijiet b’mod ekonomikament iktar vantaġġuż ma jistgħux jiġġustifikaw it-tneħħija ta’ din il-konnessjoni. |
82 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1315/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta port intern li jaqa’ taħt in-netwerk komprensiv, fis-sens tal-Artikolu 6(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, ikollu konnessjonijiet kemm ma’ infrastruttura tat-trasport bit-triq kif ukoll ma’ infrastruttura tat-trasport ferrovjarju, huwa jipprekludi, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, it-tneħħija ta’ wieħed minn dawn iż-żewġ tipi ta’ konnessjonijiet. In-nuqqas ta’ manutenzjoni tal-konnessjoni inkwistjoni, li tirriżulta mill-ksur ta’ din id-dispożizzjoni, jew l-iżvilupp ekonomiku tal-artijiet okkupati minn din l-infrastruttura ma jikkostitwixxux tali ċirkustanzi. |
Fuq l‑ispejjeż
83 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta port intern li jaqa’ taħt in-netwerk komprensiv, fis-sens tal-Artikolu 6(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, ikollu konnessjonijiet kemm ma’ infrastruttura tat-trasport bit-triq kif ukoll ma’ infrastruttura tat-trasport ferrovjarju, huwa jipprekludi, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, it-tneħħija ta’ wieħed minn dawn iż-żewġ tipi ta’ konnessjonijiet. In-nuqqas ta’ manutenzjoni tal-konnessjoni inkwistjoni, li tirriżulta mill-ksur ta’ din id-dispożizzjoni, jew l-iżvilupp ekonomiku tal-artijiet okkupati minn din l-infrastruttura ma jikkostitwixxux tali ċirkustanzi. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.