Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0080

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-8 ta’ Settembru 2022.
E.K. et vs D.B.P. u M.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy - Śródmieścia w Warszawie.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 6(1) u Artikolu 7(1) – Kuntratti ta’ kreditu ipotekarju – Effetti tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola – Preskrizzjoni – Prinċipju ta’ effettività.
Kawżi magħquda C-80/21 u C-81/21.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:646

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

8 ta’ Settembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 6(1) u Artikolu 7(1) – Kuntratti ta’ kreditu ipotekarju – Effetti tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola – Preskrizzjoni – Prinċipju ta’ effettività”

Fil-Kawżi magħquda C‑80/21 sa C‑82/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy - Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja-Śródmieścia, f’Varsavja, il-Polonja) permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Ottubru (C‑82/21) u tas‑27 ta’ Ottubru 2020 (C‑80/21 u C‑81/21), li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Frar (C‑82/21) u fid‑9 ta’ Frar 2021 (C‑80/21 u C‑81/21), fil-proċeduri

E.K.,

S.K.

vs

D.B.P. (C‑80/21),

u

B.S.,

W.S.

vs

M. (C‑81/21),

B.S.,

Ł.S.

vs

M. (C‑82/21),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Rodin (Relatur), President tal-Awla, J.-C. Bonichot u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑17 ta’ Marzu 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal E.K. u S.K., minn M. Jusypenko, adwokat,

għal D.B.P., minn S. Dudzik, M. Kruk-Nieznańska, T. Spyra, A. Wróbel u A. Zapala, radcowie prawni,

għal B.S. u W.S., minn J. Wędrychowska, adwokat,

għal B.S. u Ł.S., minn M. Skrobacki, radca prawny,

għal M., minn A. Beneturski, adwokat, A. Cudna-Wagner, P. Gasińska, radcowie prawni, B. Miąskiewicz, adwokat, u M. J Wolak, radca prawny,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Ballesteros Panizo, A. Gavela Llopis u J. Ruiz Sánchez, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Ruiz García, M. Siekierzyńska u A. Szmytkowska, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tliet kawżi, l-ewwel waħda, bejn, minn naħa, EK u SK u, min-naħa l-oħra D.B.P. (Kawża C‑80/21), it-tieni waħda, bejn, minn naħa, B.S. u W.S., u, min-naħa l-oħra, M. (Kawża C‑81/21) u, it-tielet waħda, bejn, minn naħa, B.S. u Ł.S. u, min-naħa l-oħra M. (Kawża C‑82/21), dwar it-talba tal-ewwel, bħala konsumaturi, intiża għall-annullament tal-kuntratti ta’ kreditu konklużi ma’ D.B.P. u M., tal-istabbilimenti bankarji, minħabba li dawn il-kuntratti kellhom klawżoli inġusti.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

4

L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

Id‑dritt Pollakk

Il‑Kodiċi Ċivili

5

L-Artikolu 5 tal-kodeks cywilny (il-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), jipprovdi:

“Dritt ma jistax jiġi eżerċitat bi ksur tal-għan soċjoekonomiku tiegħu jew tal-prinċipji ta’ kondotta soċjali. Tali azzjoni jew omissjoni min-naħa tal-proprjetarju tad-dritt ma hijiex ikkunsidrata bħala implimentazzjoni ta’ dan id-dritt u ma tibbenefikax minn protezzjoni.”

6

L-Artikolu 58 tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi:

“1.   Att legali li jmur kontra l-liġi jew li huwa intiż sabiex tiġi evitata l-liġi huwa null u bla effett, sakemm dispożizzjoni rilevanti ma tipprovdix mod ieħor, b’mod partikolari jekk tipprovdi li d-dispożizzjonijiet invalidi tal-att legali jiġu ssostitwiti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi.

2.   Att legali li jmur kontra r-regoli ta’ kondotta soċjali huwa null.

3.   Jekk parti biss mill-att legali hija nulla, il-partijiet l-oħra tal-att jibqgħu fis-seħħ, sakemm ma jirriżultax miċ-ċirkustanzi li l-att ma kienx jiġi eżegwit fl-assenza tad-dispożizzjonijiet nulli.”

7

L-Artikolu 65 ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“1.   Ir-rieda tal-partijiet għandha tiġi interpretata b’mod konformi mal-prinċipji ta’ kondotta soċjali u mal-użanzi, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li fihom din tkun ġiet espressa.

2.   Fil-kuntratti għandu jitfittex x’kienet l-intenzjoni komuni tal-partijiet u x’inhu l-għan previst pjuttost milli wieħed jieqaf mas-sens letterali tal-kliem.”

8

L-Artikolu 117(1) u (2) tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

“1.   Bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti mil-liġi, il-krediti patrimonjali huma suġġetti għal preskrizzjoni.

2.   Fi tmiem it-terminu ta’ preskrizzjoni, id-debitur jista’ jevita l-obbligu tiegħu, ħlief jekk jirrinunzja milli jinvoka l-preskrizzjoni. Madankollu, ir-rinunzja għall-preskrizzjoni qabel l-iskadenza tat-terminu hija nulla.”

9

L-Artikolu 118 tal-istess kodiċi jipprevedi:

“Fl-assenza ta’ dispożizzjoni speċifika kuntrarja, it-terminu ta’ preskrizzjoni huwa ta’ sitt snin; għall-krediti ta’ pagamenti perijodiċi u għall-krediti marbuta mal-eżerċizzju ta’ attività kummerċjali, it-terminu huwa ta’ tliet snin. Madankollu, it-terminu ta’ preskrizzjoni jiskadi fl-aħħar jum tas-sena kalendarja, ħlief jekk ikun iqsar minn sentejn.”

10

L-Artikolu 118 tal-Kodiċi Ċivili, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sat‑8 ta’ Lulju 2018, kien ifformulat kif ġej:

“Fl-assenza ta’ dispożizzjoni speċifika kuntrarja, it-terminu ta’ preskrizzjoni huwa ta’ għaxar snin; għall-krediti ta’ pagamenti perijodiċi u għall-krediti marbuta mal-eżerċizzju ta’ attività kummerċjali, it-terminu huwa ta’ tliet snin.”

11

L-Artikolu 120(1) ta’ dan il-kodiċi jiddisponi:

“It-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-jum li fih il-kreditu sar eżiġibbli. Jekk l-eżiġibbiltà ta’ kreditu tiddependi mill-adozzjoni ta’ att speċifiku mill-proprjetarju tad-dritt, it-terminu jibda jiddekorri mid-data li fiha l-kreditu kien ikun sar eżiġibbli li kieku l-proprjetarju tad-dritt kien adotta l-att l-iktar kmieni possibbli.”

12

L-Artikolu 123(1) tal-imsemmi kodiċi huwa għalhekk ifformulat:

“It-terminu ta’ preskrizzjoni huwa interrott, 1) b’kull att quddiem qorti, awtorità maħtura sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawżi jew sabiex teżegwixxi talbiet ta’ ċerta natura, jew qorti tal-arbitraġġ, meħuda direttament sabiex titlob, tikkonstata, tirkupra jew tiżgura t-talba; 2) bir-rikonoxximent tal-kreditu mid-debitur; 3) bil-ftuħ ta’ proċedura ta’ medjazzjoni.”

13

Skont l-Artikolu 358(1) sa (3) tal-istess kodiċi:

“1.   Jekk is-suġġett tal-obbligu jkun somma ddenominata f’munita barranija, id-debitur jista’ jwettaq il-ħlas fil-munita Pollakka, sakemm il-liġi, deċiżjoni ġudizzjarja li minnha jkun joriġina l-obbligu jew att legali ma jkunux jipprevedu li l-ħlas jitwettaq f’munita barranija.

2.   Il-valur tal-munita barranija għandu jkun ikkalkolat skont ir-rata medja ffissata mill-Bank Nazzjonali tal-Polonja fid-data tal-eżiġibbiltà tal-kreditu, ħlief fil-każ ta’ dispożizzjoni kuntrarja ta’ liġi, ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew ta’ att legali.

3.   Fil-każ ta’ dewmien mid-debitur, il-kreditur jista’ jeżiġi l-eżekuzzjoni tal-ħlas fil-munita Pollakka bir-rata medja ffissata mill-Bank Nazzjonali Ċentrali tal-Polonja fil-jum li fih isir il-ħlas.”

14

L-Artikolu 358(1) tal-Kodiċi Ċivili, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sat‑23 ta’ Jannar 2009, kien jipprovdi:

“Bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti mil-liġi, l-obbligi pekunjarji fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja jistgħu jiġu espressi biss f’valuta Pollakka.”

15

L-Artikolu 3851 ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur li ma jkunux ġew miftiehma individwalment ma jorbtux lill-konsumatur jekk dawn jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligi tiegħu b’mod li jmur kontra l-moralità billi jippreġudikaw l-interessi tiegħu (klawżola illegali). Din id-dispożizzjoni ma taffettwax il-klawżoli li jiddefinixxu l-obbligi prinċipali tal-partijiet, fosthom il-prezz jew ir-remunerazzjoni, jekk dawn ikunu ġew ifformulati b’mod inekwivoku.

2.   Meta klawżola tal-kuntratt ma tkunx torbot lill-konsumatur b’applikazzjoni tal-paragrafu 1, il-partijiet jibqgħu marbuta bid-dispożizzjonijiet l-oħrajn tal-kuntratt.

3.   Il-klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur li ma jkunux ġew miftiehma individwalment huma klawżoli kuntrattwali li l-konsumatur ma setax ikollu influwenza konkreta fuq il-kontenut tagħhom. Dawn huma b’mod partikolari klawżoli kuntrattwali meħuda minn mudell ta’ kuntratt propost lill-konsumatur mill-parti kontraenti.

4.   Huwa kull min jallega li klawżola ġiet innegozjata individwalment li għandu jipproduċi l-prova ta’ dan l-allegazzjoni.”

16

Skont l-Artikolu 3852 tal-imsemmi kodiċi:

“Il-kompatibbiltà tal-klawżoli ta’ kuntratt mal-moralità għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, filwaqt li jitqiesu l-kontenut tiegħu, iċ-ċirkustanzi madwar il-konklużjoni tiegħu kif ukoll kuntratti oħra konnessi mal-kuntratt li fih jinsabu d-dispożizzjonijiet li jkunu s-suġġett tal-evalwazzjoni.”

17

L-Artikolu 405 tal-istess kodiċi jistabbilixxi dan li ġej:

“Kull persuna li, mingħajr bażi legali, tkun kisbet vantaġġ pekunjarju għad-detriment ta’ persuna oħra hija obbligata tipprovdi l-vantaġġ in natura u, jekk dan ma jkunx possibbli, tħallas lura l-valur tiegħu.”

18

L-Artikolu 410 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi li:

“1.   Id-dispożizzjonijiet tal-artikoli preċedenti japplikaw b’mod partikolari fil-każ ta’ pagament indebitu.

2.   Pagament huwa indebitu jekk il-persuna li tipprovdih ma kinitx assolutament obbligata li tipprovdih jew ma kinitx obbligata li tipprovdih lill-persuna li lilha ġie pprovdut, jew jekk il-bażi tal-ħlas ma tkunx għadha teżisti jew jekk l-iskop tal-ħlas ma jkunx intlaħaq, jew jekk l-att ġuridiku li jeżiġi l-ħlas kien null u ma jkunx sar validu wara li s-servizz ikun ġie pprovdut.”

19

L-Artikolu 4421(1) tal-imsemmi kodiċi huwa redatt kif ġej:

“Id-dritt għal kumpens għad-dannu kkawżat minn att illegali huwa preskritt wara tliet snin mid-data li fiha l-persuna leża saret taf jew, b’diliġenza raġonevoli, setgħet issir taf, bid-dannu u bl-identità tal-persuna li kienet responsabbli għalih. Madankollu, dan it-terminu ma jistax ikun itwal minn għaxar snin mid-data ta’ meta jseħħ il-fatt dannuż.”

20

L-Artikolu 4421(1) tal-imsemmi kodiċi, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sas‑26 ta’ Ġunju 2017, kien jipprovdi:

“Id-dritt għal kumpens għad-dannu kkawżat minn att illegali huwa preskritt wara tliet snin mid-data li fiha l-persuna leża saret taf bid-dannu u bl-identità tal-persuna li kienet responsabbli għalih. Madankollu, dan it-terminu ma jistax ikun itwal minn għaxar snin mid-data ta’ meta jseħħ il-fatt dannuż.”

Il-Liġi Bankarja

21

L-Artikolu 69(1) tal-ustawa prawo bankowe (il-Liġi Bankarja), tad‑29 ta’ Awwissu 1997 (Dz. U. tal‑1997, Nru 140, pożizzjoni 939), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali, huwa redatt kif ġej:

“Il-bank jobbliga ruħu, permezz tal-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju, li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persuna li tissellef, għall-perijodu indikat fil-kuntratt, il-fondi intiżi għall-għan stabbilit, u l-persuna li tissellef tobbliga ruħha li tużahom skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kuntratt, li tirrimborsa, fit-termini stabbiliti, l-ammont tas-self użat, bl-interessi, u tħallas kummissjoni fuq is-self allokat.”

22

L-Artikolu 69(2) tal-Liġi Bankarja fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Il-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju għandu jiġi stabbilit bil-miktub u għandu jispeċifika b’mod partikolari: 1) il-partijiet kontraenti, 2) l-ammont u l-munita tas-self, 3) l-għan tal-għoti tas-self, 4) il-modalitajiet u t-terminu għar-rimbors tas-self, 5) l-ammont tar-rata tal-interessi u l-kundizzjonijiet relatati mal-emenda tiegħu, 6) il-modalitajiet ta’ garanzija tar-rimbors tas-self, 7) il-portata tas-setgħat tal-bank marbuta mal-kontroll tal-użu u mar-rimbors tas-self, 8) it-termini u l-modalitajiet ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-fondi favur il-persuna li tissellef, 9) l-ammont tal-kummissjonijiet jekk il-kuntratt jipprevedi dan, 10) il-modalitajiet ta’ emenda u ta’ xoljiment tal-kuntratt.”

Il‑kawżi prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

Il-Kawża C‑80/21

23

E.K. u S.K. huma konsumaturi li kkonkludew, matul is-snin 2006 u 2008, erba’ kuntratti ta’ kreditu ipotekarju ma’ D.B.P., stabbiliment bankarju, bil-għan li jiffinanzjaw l-ispejjeż għall-akkwist ta’ erba’ residenzi fil-Polonja. Wieħed minn dawn il-kuntratti, konkluż fit‑8 ta’ Lulju 2008, iddenominat fi franki Svizzeri (CHF), kien jirrigwarda somma ta’ CHF 103260 (madwar EUR 100561) u kien rimborsabbli fi 360 xahar, jiġifieri sal‑4 ta’ Awwissu 2038 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt fil-Kawża C‑80/21”). Dan kien kreditu b’rata ta’ interessi varjabbli, li r-rata annwali inizjali tiegħu kienet ta’ 3.80 %. Il-kreditu kellu jiġi rrimborsat permezz ta’ pagamenti mensili kostanti.

24

F’din l-okkażjoni, E.K. u S.K. aċċettaw il-“Kundizzjonijiet tal-Kreditu”, li jirregolaw il-ħlas u r-rimbors tal-kreditu u jinkludu l-klawżoli dwar il-modalitajiet tal-ħlas u, b’mod iktar partikolari, il-konverżjoni fi frank Svizzeru.

25

Skont l-imsemmija klawżoli, l-ewwel, l-ammont tal-kreditu għandu jitħallas fi zlotys Pollakki PLN) u, sabiex jikkonverti l-ammont tal-kreditu, il-bank japplika r-rata tax-xiri tal-frank Svizzeru, ippubblikata fit-“Tabella tar-rati tal-kambju” ta’ D.B.P., fid-data tal-ħlas tal-ammont tal-kreditu jew tal-pagament mensili. It-tieni, il-kreditu jista’ jitħallas ukoll fi frank Svizzeru jew f’munita oħra bil-kunsens tal-bank. It-tielet, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza, mill-persuna li tissellef, tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-kreditu jew tal-grad ta’ solvenza, il-bank jista’ jħassar il-kuntratt jew inaqqas l-ammont tal-kreditu allokat jekk dan ma jkunx tħallas fl-intier tiegħu. Ir-raba’, ir-rimbors tal-kreditu jsir permezz ta’ debitu dirett, favur il-bank, mill-kont bankarju tal-persuna li tissellef ta’ ammont fi zlotys Pollakki li jikkorrispondi għall-ekwivalenti tal-pagamenti mensili kurrenti fi frank Svizzeru, tal-arretrati dovuti u tal-krediti l-oħra tal-bank fi frank Svizzeru, ikkalkolat billi jiġi applikat il-prezz tal-bejgħ tal-frank Svizzeru, ippubblikat fit-“Tabella tar-rati tal-kambju”, applikat mill-bank jumejn tax-xogħol qabel l-iskadenza ta’ kull rimbors tal-kreditu.

26

Matul il-proċess ta’ konklużjoni tal-kuntratt fil-Kawża C‑80/21, E.K. u S.K. ikkuntattjaw lill-bank permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod u l-parti l-kbira tad-dokumenti ġew iffirmati mill-prokuraturi indikati minn E.K. u S.K. mingħajr ma ebda waħda mill-klawżoli ta’ dan il-kuntratt ma ġew innegozjati ma’ D.B.P.. E.K. u S.K. talbu lil D.B.P. jibgħatilhom abbozz tal-kuntratt sabiex huma jiffirmawh permezz ta’ posta elettronika, iżda t-talbiet tagħhom baqgħu mingħajr tweġiba, b’tali mod li l-kuntratt fil-Kawża C‑80/21 ġie ffirmat f’isem E.K. u S.K..

27

Billi qiesu li l-kuntratt fil-kawża C‑80/21 kien jinkludi klawżoli inġusti, dawn tal-aħħar adixxew lis-Sąd Rejonowy dla Warszawy - Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja -Śródmieście, Varsavja, il-Polonja), b’talba intiża sabiex D.B.P. jiġi kkundannat iħallashom is-somma ta’ PLN 26 274.90 (madwar EUR 5716), flimkien mal-interessi moratorji legali mit‑30 ta’ Lulju 2018 sal-ġurnata tal-ħlas.

28

Matul il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju E.K. u S.K. ġew informati minnha, bil-konsegwenzi ta’ eventwali annullament tal-kuntratt fil-Kawża C‑80/21. Huma ddikjaraw li jifhmu u jaċċettaw il-konsegwenzi legali kif ukoll finanzjarji tal-annullament ta’ dan il-kuntratt u taw il-kunsens tagħhom sabiex il-qorti tar-rinviju tannullah.

29

Il-qorti tar-rinviju ssostni li, b’mod kważi kostanti, il-ġurisprudenza Pollakka tqis li l-klawżoli dwar il-konverżjoni, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-possibbiltà għal persuna li tissellef li tirrimborsa l-kreditu fil-frank Svizzeru jew f’munita oħra bi ftehim mal-bank (iktar ’il quddiem il-“klawżoli ta’ konverżjoni”), huma illegali. Madankollu, il-parti l-kbira tal-qrati nazzjonali jikkunsidraw li l-klawżoli ta’ konverżjoni huma biss parzjalment inġusti, b’mod partikolari sa fejn dawn tal-aħħar jissuġġettaw il-pagament u r-rimbors tal-kreditu fil-frank Svizzeru għall-kunsens espress tal-bank, u li, ladarba l-invalidità tagħhom tiġi ddikjarata, din ma tirrendix l-eżekuzzjoni tal-kuntratt impossibbli.

30

Il-qorti tar-rinviju tindika, l-ewwel, li l-prattika ġurisprudenzjali li tipprovdi li huwa possibbli li tiġi annullata l-parti tal-klawżoli ta’ konverżjoni li permezz tagħha l-ħlas u r-rimbors tal-kreditu jistgħu jsiru fi franki Svizzeri biss bil-kunsens tal-bank, b’tali mod li jippermetti lil persuna li tissellef twettaq dawn it-tranżazzjonijiet fi franki Svizzeri mingħajr din l-awtorizzazzjoni minn qabel, jirrevedi l-kontenut ta’ klawżola inġusta, fatt li jmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

31

Barra minn hekk, din il-qorti tosserva li tali prattika, minn naħa, tnaqqas l-effett dissważiv li jirriżulta mill-annullament ta’ klawżola inġusta, sa fejn din tiżgura lill-impriża li timponi tali klawżoli li, fl-agħar każ, il-qorti nazzjonali tagħmel emenda li tippermetti li titkompla l-eżekuzzjoni tal-kuntratt mingħajr ma din l-impriża ma jkollha qatt konsegwenza negattiva oħra. Min-naħa l-oħra, hija ma tiżgurax il-protezzjoni tal-konsumaturi li, billi jibbażaw ruħhom fuq il-kontenut tal-kuntratt, ikunu konvinti li jkunu obbligati jirrimborsaw il-kreditu unikament fi zlotys Pollakki, ħlief fil-każ ta’ ftehim espress tal-bank dwar ir-rimbors fi franki Svizzeri, sad-deċiżjoni kuntrarja mogħtija minn qorti nazzjonali.

32

It-tieni, filwaqt li tfakkar il-pożizzjoni tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll il-ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li, meta jkunu biss ċerti klawżoli ta’ kuntratt li jkunu inġusti, u għalhekk mhux vinkolanti għall-konsumatur, l-annullament tagħhom ma jipprekludix li klawżoli oħra tal-kuntratt jiġu emendati b’tali mod li, fl-aħħar nett, il-kuntratt ikun jista’ jiġi eżegwit. B’mod iktar preċiż, il-qorti nazzjonali għandha tinterpreta r-rieda tal-partijiet u tqis li, mill-bidu, l-ammont tal-kreditu ma ġiex iffissat fi franki Svizzeri, iżda fi zlotys Pollakki. Madankollu, skont din il-qorti, din il-ġurisprudenza, li hija bbażata, essenzjalment, fuq l-Artikolu 65(2) tal-Kodiċi Ċivili tista’ tkun kuntrarja għall-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, fis-sitwazzjoni fejn il-konsumatur ikun aċċetta l-annullament tal-kuntratt, tali prattika nazzjonali tikser b’mod partikolari l-projbizzjoni, għall-qorti, li temenda kuntratt minbarra bil-konstatazzjoni tal-annullament tal-klawżoli inġusti.

33

It-tielet, il-qorti tar-rinviju, sa fejn E.K u S.K. aċċettaw li l-kuntratt fil-Kawża C‑80/21 jiġi ddikjarat null, tipprevedi t-tielet soluzzjoni. L-ewwel nett, il-qorti nazzjonali tqis li l-klawżoli ta’ konverżjoni, fl-intier tagħhom, huma klawżoli kuntrattwali inġusti li ma jorbtux lill-partijiet u li mingħajrhom il-kuntratt ma jistax jibqa’ jeżisti. Sussegwentement, din tista’ għalhekk tikkonstata li tali kuntratt li ma jinkludix id-dispożizzjonijiet neċessarji fir-rigward tal-modalitajiet ta’ rimbors tal-kreditu u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi lill-persuna li tissellef imur kontra l-liġi u huwa għalhekk null, b’tali mod li l-pagamenti kollha mwettqa b’eżekuzzjoni tal-kuntratt ikunu indebiti u restitwibbli. Madankollu, din il-qorti tosserva li tali soluzzjoni tmur kontra l-interpretazzjoni, mill-qrati nazzjonali, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy dla Warszawy - Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja - Śródmieścia, Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni ġudizzjarja ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li permezz tagħha l-qorti ma tikkonstatax in-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali sħiħa iżda biss ta’ dik il-parti minnha li minħabba fiha l-klawżola hija inġusta, b’riżultat li din il-klawżola tibqa’ parzjalment applikabbli?

2)

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni ġudizzjarja ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li permezz tagħha l-qorti, wara li tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li mingħajrha l-kuntratt ma jkunx vinkolanti, tista’ temenda l-kumplament tal-kuntratt billi tinterpreta d-dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni tal-partijiet sabiex tipprevjeni li l-kuntratt ikun invalidu inkwantu dan huwa ta’ benefiċċju għall-konsumatur?”

Il-Kawża C‑81/21

35

Fit‑3 ta’ Frar 2009, B.S. u W.S., żewġ konsumaturi, ikkonkludew ma’ M., stabbiliment bankarju, kuntratt ta’ kreditu ipotekarju, fl-ammont ta’ PLN 340000 (madwar EUR 73971), intiż għall-persuni fiżiċi u indiċjat fuq il-frank Svizzeru, għall-akkwist ta’ akkomodazzjoni (iktar ’il quddiem il-“kuntratt fil-Kawża C‑81/21”). Il-perijodu tal-kreditu kien ta’ 360 xahar, jiġifieri mit‑3 ta’ Frar 2009 sat‑12 ta’ Frar 2039 u kien rimborsabbli permezz ta’ pagamenti kostanti. Dan kien kreditu b’rata varjabbli. Il-pagamenti mensili kellhom jitħallsu fi zlotys Pollakki, wara li jiġu kkonvertiti billi jiġi applikat il-prezz tal-bejgħ ippubblikat fit-“Tabella tar-rati tal-kambju” tal-bank. Ir-rimbors antiċipat tal-kreditu kollu jew ta’ pagament mensili kif ukoll ir-rimbors ta’ ammont ogħla minn dak ta’ pagament mensili kien iwassal għall-konverżjoni tal-ammont tar-rimbors bir-rata tal-bejgħ tal-frank Svizzeru ppubblikata fil-“Tabella tar-rati tal-kambju” tal-bank fis-seħħ fid-data u fil-ħin tar-rimbors.

36

Fit‑18 ta’ Frar 2012, il-partijiet ikkonkludew ftehim supplimentari għall-kuntratt fil-Kawża C‑81/21, li jippermetti lil B.S. u lil W.S. jirrimborsaw il-pagamenti mensili tal-kreditu direttament fil-frank Svizzeru.

37

Billi qiesu li l-kuntratt fil-Kawża C‑81/21 kien jinkludi klawżoli inġusti, dawn tal-aħħar adixxew, fit‑23 ta’ Lulju 2020, lis-Sąd Rejonowy dla Warszawy - Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja - Śródmieścia, f’Varsavja), b’talba intiża għall-kundanna ta’ M. biex iħallashom l-ammonti ta’ PLN 37 866.11 (madwar EUR 8238) u ta’ CHF 5 358.10 (madwar EUR 5215), miżjuda b’interessi moratorji legali, kif ukoll bil-parti żejda tal-pagamenti tal-kapital u l-primjum tal-assigurazzjoni tal-kreditu.

38

Mill‑1 ta’ Ġunju 2010 sat‑12 ta’ Jannar 2020, B.S. u W.S. ħallsu lil M., bħala rimbors tal-kreditu, ammont ekwivalenti għal PLN 219 169.44 (madwar EUR 47683). Skont il-qorti tar-rinviju, li kieku kellu jitqies li ċerti klawżoli tal-kuntratt fil-Kawża C‑81/21 ma jorbtux lil B.S. u lil W.S., filwaqt li d-dispożizzjonijiet l-oħra tal-kuntratt jibqgħu applikabbli, l-ammont totali tal-pagamenti magħmula matul dan il-perijodu kien ikun inqas minn PLN 43 749.97 (madwar EUR 9518). Barra minn hekk, li kieku r-rata tal-kambju applikata għar-rimbors kienet dik tar-rata medja tal-Bank Nazzjonali tal-Polonja minflok dik adottata minn M., B.S. u W.S. kienu jħallsu PLN 2 813.45 (madwar EUR 611) u CHF 2 369.79 (madwar EUR 2306) inqas mis-somma tal-pagamenti mensili effettivament imħallsa matul dan il-perijodu.

39

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont ġurisprudenza Pollakka kważi kostanti, il-klawżoli ta’ konverżjoni, li jirriżultaw minn kuntratti standard u li, minħabba f’hekk, ma jkunux ġew innegozjati individwalment, jitqiesu li huma illegali abbażi tal-Artikolu 3851(1) tal-Kodiċi Ċivili. Madankollu, il-kawża li biha hija adita tirrigwarda l-konsegwenzi ta’ tali konstatazzjoni.

40

F’dan ir-rigward, din il-qorti tosserva li l-ġurisprudenza nazzjonali preċedenti spiss ikkunsidrat li l-inapplikabbiltà tal-klawżoli ta’ konverżjoni fir-rigward tal-konsumatur għandha bħala konsegwenza l-konverżjoni tal-kapital u tal-pagamenti mensili abbażi ta’ rata tal-kambju differenti minn dik tal-bank li kontrih jiġi ppreżentat rikors. Issa, fis-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak (C‑260/18, EU:C:2019:819), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li jiġu rrimedjati l-lakuni ta’ kuntratt, ikkawżati mit-tħassir ta’ klawżoli inġusti li jinsabu fih, fuq il-bażi biss ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ natura ġenerali li jipprovdu li l-effetti espressi f’att legali għandhom jiġu kkompletati, b’mod partikolari, mill-effetti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ekwità jew minn użanzi, li ma humiex dispożizzjonijiet supplenti u lanqas dispożizzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ftehim tal-partijiet fil-kuntratt.

41

Il-qorti tar-rinviju tesponi li, fil-ġurisprudenza Pollakka, jeżistu żewġ opinjonijiet opposti prevalenti. Skont l-ewwel opinjoni, kuntratt ta’ kreditu indiċjat fuq munita barranija għandu jiġi ttrattat, wara t-tħassir tal-klawżoli ta’ konverżjoni, bħala kuntratt ta’ kreditu ddenominat fi zlotys Pollakki. Skont it-tieni opinjoni, it-tħassir ta’ tali klawżoli jrendi l-kuntratt null kollu kemm hu. Hija tfakkar, madankollu, li, meta l-verżjoni l-ġdida tal-Artikolu 358 tal-Kodiċi Ċivili kienet diġà fis-seħħ, ġiet żviluppata t-tielet alternattiva li l-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli ta’ konverżjoni ma tfissirx neċessarjament li l-mekkaniżmu kollu ta’ indiċjar inkwistjoni huwa kontestabbli, b’tali mod li l-klawżoli ddikjarati illegali huma annullati sa fejn il-kontenut tagħhom huwa illegali. Għalhekk, ir-rikonoxximent tan-natura inġusta tal-klawżoli ta’ konverżjoni jista’ jwassal għall-annullament tal-kuntratt fl-intier tiegħu jew għall-annullament ta’ parti mill-klawżoli tiegħu sakemm, mingħajr il-klawżoli inġusti, il-kuntratt ikun jista’ jinżamm fil-forma inizjali mixtieqa mill-partijiet kontraenti.

42

Il-qorti tar-rinviju tqis, fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, li meta l-qorti nazzjonali tqis li klawżola hija inġusta, hija għandha tikkonstata li din ma torbotx lill-konsumatur, mill-bidu u fl-intier tagħha. Sussegwentement, hija għandha teżamina jekk il-kuntratt jistax jiġi eżegwit mingħajr il-klawżola illegali. Jekk dan ikun il-każ, din il-qorti għandha sempliċement tiddeċiedi li l-kuntratt jibqa’ jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti u l-kwistjoni tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali supplimentari ma tqumx. Għall-kuntrarju, jekk l-imsemmija qorti tikkunsidra li l-kuntratt ma jistax jeżisti mingħajr il-klawżola illegali u li, konsegwentement, dan għandu jiġi annullat, hija jkollha teżamina jekk dan l-annullament huwiex sfavorevoli għall-konsumatur. Jekk dan ma jkunx il-każ jew jekk il-konsumatur jagħti l-kunsens tiegħu għall-annullament tal-kuntratt, il-qorti nazzjonali tkun obbligata tannulla l-kuntratt kollu kemm hu u ma tkunx tista’ tissupplimentah b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali supplimentari.

43

F’dan il-każ, B.S. u W.S., li ddikjaraw li jifhmu l-konsegwenzi legali u finanzjarji tan-nullità tal-kuntratt fil-Kawża C‑81/21 u jaċċettawhom, jistaqsu jekk il-qorti tar-rinviju kellhiex tqis li l-kuntratt fil-Kawża C‑81/21 jista’ jibqa’ jeżisti mingħajr il-klawżola ta’ konverżjoni, peress li r-rimbors tal-parti żejda tal-pagamenti mensili hija mħallsa. Jekk, mill-banda l-oħra, din il-qorti tqis li l-kuntratt fil-Kawża C‑81/21 ma jistax jibqa’ jeżisti mingħajr il-klawżola ta’ konverżjoni, huma jitolbu r-rimbors tal-pagamenti mensili kollha mħallsa. B’teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-portata tat-talba fformulata minn B.S. u W.S., il-qorti tar-rinviju tqis li hija effettivament obbligata tagħżel waħda minn dawn iż-żewġ soluzzjonijiet, mingħajr ma tista’ tirrikorri għal dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari, taħt piena li tikser l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13. Issa, dawn iż-żewġ possibiltajiet jidhru li jmorru kontra s-soluzzjoni stabbilita mill-qrati nazzjonali wara d-dħul fis-seħħ, fl‑24 ta’ Jannar 2009, jiġifieri wara l-konklużjoni tal-kuntratt fil-Kawża C‑81/21, tal-verżjoni l-ġdida tal-Artikolu 358 tal-Kodiċi Ċivili.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy dla Warszawy - Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja - Śródmieścia, Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni ġudizzjarja ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li permezz tagħha l-qorti, wara li tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li ma tagħtix lok għall-invalidità tal-kuntratt, tista’ tissupplimenta l-kontenut tal-kuntratt permezz ta’ regola tad-dritt nazzjonali applikabbli sakemm ma jiġix maqbul mod ieħor?

2)

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni ġudizzjarja ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li permezz tagħha l-qorti, wara li tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tagħti lok għall-invalidità tal-kuntratt, tista’ tissupplimenta l-kontenut tal-kuntratt permezz ta’ regola tad-dritt nazzjonali applikabbli sakemm ma jiġix maqbul mod ieħor, sabiex tipprevjeni li l-kuntratt ikun invalidu, minkejja l-fatt li l-konsumatur jagħti l-kunsens tiegħu għall-invalidità tal-kuntratt?”

Il-Kawża C‑82/21

45

Fl‑4 ta’ Awwissu 2006, B.S u Ł.S., żewġ konsumaturi, ikkonkludew ma’ M., stabbiliment bankarju, kuntratt ta’ kreditu ipotekarju, fl-ammont ta’ PLN 600000 (madwar EUR 130445), intiż għall-persuni fiżiċi u indiċjat fi franki Svizzeri għall-finijiet tal-akkwist ta’ akkomodazzjoni (iktar ’il quddiem il-“kuntratt fil-Kawża C‑82/21”). It-tul tal-proġett kien ta’ 360 xahar, jiġifieri mit‑8 ta’ Awwissu 2006 sal‑5 ta’ Awwissu 2036. Il-kreditu kien rimborsabbli permezz ta’ pagamenti mensili digressivi u b’rata ta’ interessi varjabbli. F’dan il-każ, il-pagamenti mensili kellhom jitħallsu fi zlotys Pollakki, wara li jiġu kkonvertiti billi jiġi applikat il-prezz tal-bejgħ tal-frank Svizzeru ippubblikat fit-“Tabella tar-rati tal-kambju” ta’ M. fis-seħħ fid-data tal-ħlas. Kien previst ukoll li r-rimbors antiċipat tal-kreditu kollu jew ta’ pagament mensili jew ta’ ammont ogħla minn dak ta’ pagament mensili jwassal għall-konverżjoni tal-ammont tar-rimbors matul il-bejgħ tal-frank Svizzeru, kif ippubblikat f’din l-istess tabella.

46

Fit‑8 ta’ Diċembru 2008, B.S u Ł.S. ikkonkludew ftehim supplimentari għall-kuntratt fil-Kawża C‑82/21 li ddefinixxa r-rata ta’ interessi bħala r-rata msejħa “LIBOR 3M”, miżjuda b’marġni bankarju fiss ta’ 0.57 % fuq it-tul kollu tal-kreditu.

47

Billi qiesu li l-kuntratt fil-Kawża C-82/21 kien jinkludi klawżoli inġusti, b’mod partikolari sa fejn kien jipprevedi l-konverżjoni tal-kapital u tal-iskadenzi tal-kreditu bir-rata tal-frank Svizzeru u awtorizza lil M. jemenda r-rata tal-interessi tal-kreditu, B.S u Ł.S. adixxew lis-Sąd Rejonowy dla Warszawy - Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja - Śródmieścia, f’Varsavja), b’rikors li permezz tiegħu jitolbu r-rimbors ta’ somma ta’ PLN 74 414.52 (madwar EUR 16285), flimkien mal-interessi moratorji legali mit‑30 ta’ Lulju 2019 sad-data tal-ħlas. Barra minn hekk, B.S u Ł.S. isostnu li, jekk jitqies li l-kuntratt ta’ kreditu fil-Kawża C‑82/21 huwa null fl-intier tiegħu, konsegwenza li huma jifhmu u jaċċettaw, M. ikollu jħallashom lura l-pagamenti mensili kollha tal-kreditu u, f’dan il-każ, huma jitolbu li M. jiġi kkundannat iħallashom ammont ta’ PLN 72 136.01 (madwar EUR 15787), li jikkorrispondi għall-pagamenti mensili kollha mħallsa matul il-perijodu mill‑5 ta’ Ottubru 2006 sal‑5 ta’ Marzu 2010.

48

Fuq il-bażi tal-ġurisprudenza nazzjonali kurrenti li tipprovdi li l-klawżoli ta’ kreditu bħal dawk ilmentati minn B.S u Ł.S huma illegali u għandhom iwasslu għan-nullità tal-kuntratt fl-intier tiegħu, il-qorti tar-rinviju tipprevedi li tannulla l-kuntratt fil-Kawża C‑82/21. Tali annullament jitwettaq ex tunc, b’tali mod li l-pagamenti magħmula b’eżekuzzjoni tiegħu jkollhom jitħallsu lura, skont l-Artikolu 405 tal-Kodiċi Ċivili, moqri flimkien mal-Artikolu 410(1) ta’ dan il-kodiċi. M. jinvoka madankollu l-preskrizzjoni tal-azzjoni ta’ B.S. u ta’ Ł.S. Skont il-qorti tar-rinviju, sa fejn, f’dan il-każ, l-azzjoni ta’ dawn il-partijiet hija bbażata fuq dejn patrimonjali, hija għandha effettivament teżamina jekk din l-azzjoni hijiex, totalment jew parzjalment, preskritta, b’applikazzjoni tar-regola ġenerali ta’ preskrizzjoni tad-djun li, fir-rigward tad-dejn li nħoloq qabel id‑9 ta’ Lulju 2018, huwa preskritt wara għaxar snin.

49

F’dan ir-rigward, din il-qorti tqis li l-kwistjoni fundamentali sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-preskrizzjoni invokata minn M. tinsab fid-determinazzjoni tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tali azzjoni għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament. Skont il-ġurisprudenza tal-qrati Pollakki stabbilita abbażi tal-Artikolu 120(1) tal-Kodiċi Ċivili, dan il-bidu tad-dekorrenza jikkorrispondi għad-data li fiha l-ħlas indebitu ġie eżegwit. F’dan ir-rigward, il-mument li fih il-persuna li ssellef saret taf bin-natura indebita tal-ħlas u dak fejn hija effettivament talbet lid-debitur sabiex iħallas lura ma humiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat l-imsemmi bidu tad-dekorrenza. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll għall-kawżi li jikkonċernaw il-ħlas lura ta’ servizz ipprovdut indebitament b’eżekuzzjoni ta’ klawżoli kuntrattwali nulli meta parti ma kinitx taf bin-nullità ta’ dawn il-klawżoli.

50

Madankollu, applikati għall-azzjoni ta’ B.S. u ta’ Ł.S., l-imsemmija kunsiderazzjonijiet għandhom iwasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi li d-dritt għar-rimbors ta’ kull pagament mensili mħallas iktar minn għaxar snin qabel id-data tal-preżentata tar-rikors ta’ dawn il-partijiet intiż għal tali rimbors, jiġifieri qabel is‑7 ta’ Awwissu 2009, huwa preskritt. Issa, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-kompatibbiltà ta’ tali soluzzjoni mad-Direttiva 93/13.

51

Skont il-qorti tar-rinviju, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 120(1) tal-Kodiċi Ċivili hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività, sa fejn dan tal-aħħar jipprekludi li l-azzjoni għal ħlas lura tkun suġġetta għal terminu li jibda jiddekorri indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-konsumatur kienx, jew setax raġonevolment ikun jaf, f’din id-data, bin-natura inġusta ta’ klawżola ta’ dan il-kuntratt invokata insostenn tal-azzjoni restitutorja tiegħu. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tkun ta’ natura li tirrendi eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ dan il-konsumatur mogħtija mid-Direttiva 93/13.

52

Skont il-qorti tar-rinviju, it-terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt għar-rimbors tal-konsumatur ma għandux jibda jiddekorri sakemm dan tal-aħħar ma jkunx sar jaf bin-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali jew, tal-inqas, qabel il-mument li fih huwa kellu raġonevolment ikun jaf biha, b’tali mod li l-interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 120(1) tal-Kodiċi Ċivili ma tikkorrispondix mar-rekwiżiti tad-Direttiva 93/13. Hija żżid li d-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt nazzjonali ma jippermettux li tiġi rrimedjata tali interpretazzjoni restrittiva.

53

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li l-ġurisprudenza u d-duttrina nazzjonali jqisu li, fil-każ ta’ annullament tal-kuntratt, id-dritt tal-bank li jikseb ir-rimbors immedjat tal-ammont tas-self jidħol fis-seħħ biss mill-mument meta l-persuna li tissellef tkun iddeċidiet definittivament li taċċetta l-effetti tal-annullament tal-kuntratt ta’ kreditu. Minn dan jirriżulta li, fil-fatt, id-dritt tal-konsumatur għar-rimbors tal-ħlas indebitu li jirriżulta minn kuntratt ta’ kreditu null għandu jitqies li huwa, anki jekk parzjalment, preskritt, filwaqt li d-dritt analogu tal-bank ġeneralment ma huwiex preskritt. Tali sitwazzjoni tippenalizza b’mod partikolari lill-konsumaturi, ma toffrix il-garanziji meħtieġa mid-Direttiva 93/13 u tippreġudika l-prinċipju ta’ ekwivalenza.

54

Skont il-qorti tar-rinviju, dan l-aħħar prinċipju huwa miksur ukoll sa fejn it-terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt tal-konsumatur għar-rimbors tal-ħlas indebitu skont id-dritt tal-Unjoni jibda jiddekorri iktar kmieni milli kieku huwa kien invoka dritt simili abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tar-responsabbiltà delittwali. F’dan l-aħħar każ, fil-fatt, skont l-Artikolu 4421(1) tal-Kodiċi Ċivili, it-terminu ta’ preskrizzjoni jista’ jibda jiddekorri biss mill-mument li fih il-persuna leża saret taf bid-dannu u bl-identità tal-persuna li għandha tikkumpensa d-dannu.

55

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy dla Warszawy - Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja - Śródmieścia, f’Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 […], kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ ċertezza legali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni ġudizzjarja ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li skontha l-pretensjoni tal-konsumatur għall-ħlas lura tal-ammonti mħallsa indebitament minħabba klawżola inġusta f’kuntratt konkluż bejn l-imprenditur u l-konsumatur tiġi preskritta wara l-iskadenza tat-terminu ta’ għaxar snin li jibda jiddekorri mill-mument ta’ kull eżekuzzjoni mill-konsumatur tal-obbligi tiegħu, anki fil-każ fejn il-konsumatur ma kienx jaf bin-natura inġusta ta’ dan il-kuntratt?”

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

56

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ April 2021, il-Kawżi C‑80/21, C‑81/21 sa C‑82/21 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u tal-fażi orali tal-proċedura, kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda fil‑Kawża C‑80/21

57

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li l-qorti nazzjonali tista’ tikkonstata n-natura inġusta, mhux tal-klawżola kollha ta’ kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, iżda biss tal-elementi tagħha li jagħtuha natura inġusta, b’tali mod li din il-klawżola tibqa’, wara t-tħassir ta’ tali elementi, parzjalment effettiva.

58

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar qabelxejn li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jevitaw l-applikazzjoni ta’ klawżoli inġusti sabiex huma ma jipproduċux effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, sakemm il-konsumatur ma jopponix dan (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

59

Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-qorti nazzjonali tikkonstata n-nullità ta’ klawżola inġusta f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi li regola tad-dritt nazzjonali tippermetti lill-qorti nazzjonali tikkompleta dan il-kuntratt billi tagħmel reviżjoni tal-kontenut ta’ din il-klawżola (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60

Fl-aħħar nett, li kieku l-qorti nazzjonali tista’ tirrivedi l-kontenut tal-klawżoli inġusti li jinsabu f’tali kuntratt, tali possibbiltà tkun tista’ tippreġudika t-twettiq tal-għan fuq medda ta’ żmien twil imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, din il-possibbiltà kieku tikkontribwixxi sabiex l-effett dissważiv eżerċitat fuq il-bejjiegħa jew fornituri jiġi eskluż bis-sempliċi nuqqas ta’ applikazzjoni, fir-rigward tal-konsumatur, ta’ tali klawżoli inġusti, peress li dawn jibqgħu bit-tentazzjoni li jużaw l-imsemmija klawżoli, bl-għarfien li, anki kieku dawn kellhom jiġu ddikjarati invalidi, il-kuntratt jista’ madankollu jiġi kkompletat, sa fejn ikun neċessarju, mill-qorti nazzjonali b’mod li l-interessi tal-imsemmija bejjiegħa jew fornituri jiġu ggarantiti (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C-179/17, EU:C:2019:250, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

61

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-parti tal-klawżoli ta’ konverżjoni li hija inġusta skont il-ġurisprudenza Pollakka tirrigwarda l-kunsens tal-bank għall-ħlas u għar-rimbors tal-kreditu fi franki Svizzeri.

62

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, ċertament, iddeċidiet li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludux li l-qorti nazzjonali telimina biss l-element inġust ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur meta l-għan dissważiv imfittex minn din id-direttiva jkun żgurat minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li jirregolaw l-użu tagħha, sakemm dan l-element ikun jikkonsisti f’obbligu kuntrattwali distint, li jista’ jkun is-suġġett ta’ eżami individwalizzat tan-natura inġusta tiegħu. Għall-kuntrarju, dawn l-istess dispożizzjonijiet jipprekludu li l-qorti nazzjonali tneħħi biss l-element inġust ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur meta tali tħassir iwassal għal reviżjoni tal-kontenut tal-imsemmija klawżola billi jaffettwa s-sustanza tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH, C‑19/20, EU:C:2021:341, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

F’dan il-każ, xejn fil-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jindika li jeżistu dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-użu ta’ klawżola ta’ konverżjoni u li jikkontribwixxu sabiex jiġi żgurat l-effett dissważiv imfittex mid-Direttiva 93/13, u lanqas li l-parti inġusta tal-klawżola ta’ konverżjoni tikkostitwixxi obbligu kuntrattwali distint, b’tali mod li t-tħassir ta’ din il-parti ma jwassalx għal reviżjoni tal-imsemmija klawżola billi taffettwa s-sustanza tagħha. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza humiex issodisfatti.

64

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li l-qorti nazzjonali tista’ tikkonstata n-natura inġusta, mhux tal-klawżola kollha ta’ kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, iżda biss tal-elementi tagħha li jagħtuha natura inġusta, b’tali mod li din il-klawżola tibqa’, wara t-tħassir ta’ tali elementi, parzjalment effettiva, meta tali tħassir jkollu l-effett ta’ reviżjoni tal-kontenut tal-imsemmija klawżola billi jaffettwa s-sustanza tagħha, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Fuq l‑ewwel domanda fil‑Kawża C‑81/21

65

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li l-qorti nazzjonali tista’, wara li tikkonstata n-nullità ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur li ma twassalx għan-nullità ta’ dan il-kuntratt fl-intier tiegħu, tissostitwixxi lil din il-klawżola b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali supplimentari.

66

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 u, b’mod partikolari, it-tieni parti tas-sentenza, ma huwiex intiż sabiex jannulla l-kuntratti kollha li jinkludu klawżoli inġusti, iżda sabiex jissostitwixxi l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’bilanċ reali ta’ natura li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar, filwaqt li huwa speċifikat li l-kuntratt inkwistjoni għandu, bħala prinċipju, jibqa’ jeżisti mingħajr ebda bidla minbarra dik li tirriżulta mit-tħassir tal-klawżoli inġusti. Sakemm din l-aħħar kundizzjoni tkun issodisfatta, il-kuntratt inkwistjoni jista’, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, jibqa’ fis-seħħ sakemm, konformement mar-regoli tad-dritt intern, tali tkomplija tal-kuntratt mingħajr il-klawżoli inġusti tkun legalment possibbli, punt li għandu jiġi vverifikat b’approċċ oġġettiv (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak, C‑260/18, EU:C:2019:819, punt 39).

67

Il-possibbiltà eċċezzjonali li klawżola inġusta tiġi ssostitwita b’dispożizzjoni nazzjonali supplimentari hija limitata għall-każijiet fejn it-tneħħija ta’ din il-klawżola inġusta tobbliga lill-qorti nazzjonali tinvalida dan il-kuntratt kollu kemm hu, hekk li l-konsumatur jiġi espost għal konsegwenzi partikolarment dannużi, b’tali mod li dan tal-aħħar jiġi ppenalizzat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak, C‑260/18, EU:C:2019:819, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Għaldaqstant, meta kuntratt jista’ jibqa’ fis-seħħ wara t-tħassir tal-klawżoli inġusti, il-qorti nazzjonali ma tistax tissostitwixxi dawn il-klawżoli b’dispożizzjoni nazzjonali ta’ natura supplimentari.

69

Minn dan isegwi li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li l-qorti nazzjonali tista’, wara li tikkonstata n-nullità ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur li ma twassalx għan-nullità ta’ dan il-kuntratt fl-intier tiegħu, tissostitwixxi din il-klawżola b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari.

Fuq it‑tieni domanda fil‑Kawża C‑80/21 u fuq it‑tieni domanda fil‑Kawża C‑81/21

70

Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li l-qorti nazzjonali tista’, wara li tikkonstata n-nullità ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur li twassal għan-nullità ta’ dan il-kuntratt kollu kemm hu, tissostitwixxi l-klawżola annullata jew b’interpretazzjoni tar-rieda tal-partijiet sabiex jiġi evitat l-annullament tal-imsemmi kuntratt, jew b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari, għalkemm il-konsumatur kien ġie informat bil-konsegwenzi tan-nullità tal-istess kuntratt u kien aċċettahom.

71

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 67 ta’ din is-sentenza, il-possibbiltà eċċezzjonali li klawżola inġusta tiġi ssostitwita b’dispożizzjoni nazzjonali ta’ natura supplimentari hija limitata għall-każijiet li fihom it-tħassir ta’ din il-klawżola inġusta jobbliga lill-qorti tinvalida l-kuntratt kollu kemm hu, hekk li l-konsumatur jiġi espost għal konsegwenzi partikolarment dannużi, b’tali mod li dan tal-aħħar jiġi ppenalizzat.

72

Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li l-imsemmija possibbiltà ta’ sostituzzjoni, li hija eċċezzjoni għar-regola ġenerali li l-kuntratt inkwistjoni jibqa’ vinkolanti għall-partijiet biss jekk dan ikun jista’ jibqa’ jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti li fih, hija limitata għad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern ta’ natura supplimentari jew applikabbli fil-każ ta’ ftehim bejn il-partijiet u hija bbażata, b’mod partikolari, fuq ir-raġuni li tali dispożizzjonijiet huma intiżi li ma jinkludux klawżoli inġusti (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak, C‑260/18, EU:C:2019:819, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-importanza li għandha tingħata lir-rieda espressa mill-konsumatur li jipprevalixxi ruħu mid-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fir-rigward tal-obbligu tal-qorti nazzjonali li tiċħad, jekk meħtieġ ex officio, il-klawżoli inġusti konformement mal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, li din il-qorti ma hijiex obbligata li ma tapplikax il-klawżola inkwistjoni jekk il-konsumatur, wara li jkun ġie avżat mill-imsemmija qorti, jagħżel li ma jinvokax in-natura inġusta u mhux vinkolanti tagħha, sabiex b’hekk jagħti l-kunsens liberu u informat tiegħu għall-klawżola inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak, C‑260/18, EU:C:2019:819, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74

Fir-raba’ u fl-aħħar lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, il-konsegwenzi fuq is-sitwazzjoni tal-konsumatur ikkawżati mill-invalidazzjoni ta’ kuntratt kollu kemm hu, kif previsti fis-sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282), għandhom jiġu evalwati fid-dawl taċ-ċirkustanzi eżistenti jew prevedibbli fil-mument tat-tilwima, u li, min-naħa l-oħra, għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, ir-rieda li l-konsumatur ikun esprima f’dan ir-rigward hija determinanti (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak, C‑260/18, EU:C:2019:819, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, din ir-rieda espressa ma tistax tipprevali fuq l-evalwazzjoni, li taqa’ taħt is-setgħa sovrana tal-qorti adita, dwar jekk l-implimentazzjoni tal-miżuri li huma previsti, jekk ikun il-każ, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti tippermettix li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt li kienet tkun dik tal-konsumatur fl-assenza ta’ din il-klawżola inġusta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, OTP Jelzálogbank et, C‑932/19, EU:C:2021:673, punt 50).

75

F’dan il-każ, minn naħa, mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kemm E.K. u S.K., fil-Kawża C‑80/21, kif ukoll B.S. u W.S., fil-Kawża C‑81/21, ġew informati bil-konsegwenzi marbuta mal-annullament tal-kuntratti ta’ kreditu fl-intier tagħhom u li dawn taw il-kunsens tagħhom għal tali annullament.

76

Min-naħa l-oħra, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li jeżistu dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk ta’ natura supplimentari intiżi li jissostitwixxu l-klawżoli inġusti mħassra. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja a priori dwar il-possibbiltà li l-klawżoli inġusti mħassra jiġu ssostitwiti b’dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ta’ natura ġenerali, li ma humiex intiżi li japplikaw speċifikament għall-kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

77

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li jiġu rrimedjati l-lakuni ta’ kuntratt, ikkawżati mit-tħassir tal-klawżoli inġusti inklużi fih, abbażi biss ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ natura ġenerali, li la huma dispożizzjonijiet supplimentari u lanqas dispożizzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ftehim bejn il-partijiet għall-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak, C‑260/18, EU:C:2019:819, punt 62).

78

Fi kwalunkwe każ, kif jirriżulta mill-punt 75 ta’ din is-sentenza, f’dan il-każ, il-konsumaturi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ġew informati bil-konsegwenzi marbuta mal-annullament sħiħ tal-kuntratti ta’ kreditu li huma kienu kkonkludew u aċċettawhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tan-natura determinanti tar-rieda tal-konsumaturi, kif imfakkar fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, ma jidhirx li l-kundizzjoni li l-annullament tal-kuntratt kollu kemm hu jesponi lill-konsumaturi kkonċernati għal konsegwenzi partikolarment dannużi, meħtieġa sabiex il-qorti nazzjonali tkun awtorizzata tissostitwixxi l-klawżola inġusta annullata b’dispożizzjoni ta’ dritt intern ta’ natura supplimentari, hija ssodisfatta. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan il-punt.

79

Fir-rigward tal-possibbiltà li klawżola inġusta mħassra tiġi ssostitwita b’interpretazzjoni ġudizzjarja, din għandha tiġi eskluża.

80

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-qrati nazzjonali huma obbligati biss li ma japplikawx klawżola kuntrattwali inġusta sabiex din ma tipproduċix effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, mingħajr ma huma awtorizzati jirrevedu l-kontenut tagħha. Fil-fatt, dan il-kuntratt għandu jibqa’ validu, bħala prinċipju, mingħajr ebda modifika oħra ħlief dik li tirriżulta mit-tħassir tal-klawżoli inġusti, sa fejn, skont ir-regoli tad-dritt intern, huwa legalment possibbli li tali kuntratt jibqa’ jeżisti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81

Fir-rigward tal-possibbiltà li jinżamm fis-seħħ kuntratt li ma jistax jibqa’ fis-seħħ wara t-tħassir ta’ klawżola inġusta, minkejja l-fatt li l-konsumatur ikkonċernat ikun aċċetta n-nullità tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li d-Direttiva 93/13 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-qorti adita milli tilqa’ talba intiża għall-annullament ta’ kuntratt ibbażat fuq in-natura inġusta ta’ klawżola, meta jiġi kkonstatat li din il-klawżola hija inġusta u li l-kuntratt ma jistax jibqa’ jeżisti mingħajr l-imsemmija klawżola (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Dunai, C‑118/17, EU:C:2019:207, punt 56).

82

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li din id-direttiva ma tipprekludix lil Stat Membru milli jipprovdi, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, leġiżlazzjoni nazzjonali li biha jista’ jiġi ddikjarat null kollu kemm hu kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur u li jkun fih klawżola inġusta jew iktar meta dan jiżgura protezzjoni aħjar tal-konsumatur (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič, C‑453/10, EU:C:2012:144, punt 35).

83

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li qorti nazzjonali ma hijiex awtorizzata tirrevedi l-kontenut ta’ klawżola inġusta annullata sabiex iżżomm fis-seħħ kuntratt li ma jistax jibqa’ fis-seħħ wara t-tħassir tal-imsemmija klawżola, meta l-konsumatur ikkonċernat ikun ġie informat bil-konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt u aċċetta l-konsegwenzi ta’ din in-nullità.

84

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li l-qorti nazzjonali tista’, wara li tkun ikkonstatat in-nullità ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur li twassal għan-nullità ta’ dan il-kuntratt fl-intier tiegħu, tissostitwixxi l-klawżola annullata jew b’interpretazzjoni tar-rieda tal-partijiet sabiex jiġi evitat l-annullament tal-imsemmi kuntratt, jew b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari, minkejja li l-konsumatur ikun ġie informat bil-konsegwenzi tan-nullità tal-istess kuntratt u jkun aċċettahom.

Fuq l‑unika domanda fil‑Kawża C‑82/21

85

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin tal-azzjoni tal-konsumatur intiża sabiex jinkiseb ir-rimbors ta’ ammonti mħallsa indebitament lil bejjiegħ jew fornitur b’eżekuzzjoni ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt ta’ kreditu jibda jiddekorri mid-data ta’ kull ħlas eżegwit minn dan il-konsumatur, minkejja li dan tal-aħħar ma kienx f’pożizzjoni, f’din id-data, jevalwa huwa stess in-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali jew ma kienx jaf bin-natura inġusta tal-imsemmija klawżola, u mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li dan il-kuntratt kellu tul għar-rimbors, f’dan il-każ tletin sena, ħafna itwal mit-terminu ta’ preskrizzjoni legali ta’ għaxar snin.

86

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-protezzjoni tal-konsumaturi prevista mid-Direttiva 93/13 jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri bis-saħħa tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom jiġu applikati b’mod li, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jsir impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, hemm lok li jiġi rrilevat li kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-partikolaritajiet tagħha, quddiem il-varji istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jimplika, b’mod partikolari għad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilita wkoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, applikabbli, fost oħrajn, f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali relatati mal-azzjonijiet ġudizzjarji bbażati fuq tali drittijiet (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89

Fir-rigward tal-analiżi tal-karatteristiċi tat-terminu ta’ preskrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din l-analiżi għandha tirrigwarda t-tul ta’ tali terminu kif ukoll il-modalitajiet tal-applikazzjoni tiegħu, inkluża l-modalità magħżula sabiex jingħata bidu għad-dekorrenza ta’ dan it-terminu (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li talba mressqa minn konsumatur għall-finijiet tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt konkluż bejn dan tal-aħħar u bejjiegħ jew fornitur ma tistax tkun suġġetta għal ebda terminu ta’ preskrizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), hija ppreċiżat li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni l-azzjoni intiża sabiex jiġu invokati l-effetti restituttivi ta’ din il-konstatazzjoni, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91

Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni għat-talbiet ta’ natura restituttiva, imressqa minn konsumaturi sabiex jinforzaw drittijiet li huma jisiltu mid-Direttiva 93/13 ma tmurx, fiha nnifisha, kontra l-prinċipju ta’ effettività, sakemm l-applikazzjoni tiegħu fil-prattika ma tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92

F’dak li jirrigwarda t-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni li għalih hija suġġetta talba mressqa minn konsumatur għall-finijiet tar-rimbors ta’ ammonti imħallsa indebitament, abbażi ta’ klawżoli inġusti fis-sens tad-Direttiva 93/13, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ effettività ta’ termini ta’ preskrizzjoni iqsar minn dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li kienu ġew applikati għal azzjonijiet intiżi sabiex jiġu inforzati l-effetti restituttivi ta’ konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali. Sakemm ikunu stabbiliti u magħrufa minn qabel, dawn it-termini huma, bħala prinċipju, suffiċjenti sabiex jippermettu lill-konsumatur ikkonċernat jipprepara u jippreżenta rikors effettiv. Għalhekk, it-termini ta’ preskrizzjoni ta’ tliet sa ħames snin ma humiex, fihom infushom, inkompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività (sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93

Konsegwentement, għandu jitqies li, sa fejn ikun stabbilit u magħruf minn qabel, terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, applikat għal talba mressqa minn konsumatur għall-finijiet tar-rimbors ta’ ammonti mħallsa indebitament, abbażi ta’ klawżoli inġusti fis-sens tad-Direttiva 93/13, ma jidhirx li huwa ta’ natura li jirrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 93/13. Fil-fatt, terminu ta’ tali tul huwa, bħala prinċipju, materjalment suffiċjenti sabiex jippermetti lill-konsumatur jipprepara u jippreżenta rikors effettiv sabiex jinforza d-drittijiet li huwa jislet minn din id-direttiva, u dan, b’mod partikolari, fil-forma ta’ talbiet, ta’ natura restituttiva, ibbażati fuq in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali.

94

Madankollu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ inferjorità tal-konsumatur fil-konfront tal-bejjiegħ jew tal-fornitur kemm fir-rigward tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twasslu sabiex jaderixxi mal-kundizzjonijiet redatti minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom. Bl-istess mod, għandu jitfakkar li l-konsumaturi jistgħu jinjoraw in-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt ta’ self ipotekarju jew ma jipperċepixxux il-portata tad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13 (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kuntratti ta’ kreditu, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ġeneralment jiġu eżegwiti matul perijodi ta’ tul taż-żmien twil u, minħabba f’hekk, jekk l-avveniment li jagħti bidu għad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin huwa kull pagament magħmul mill-persuna li tissellef, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, ma jistax jiġi eskluż li, tal-inqas għal parti mill-pagamenti magħmula, il-preskrizzjoni sseħħ anki qabel ma jintemm il-kuntratt ikkonċernat, b’tali mod li tali sistema ta’ preskrizzjoni tista’ sistematikament iċċaħħad lill-konsumaturi mill-possibbiltà li jitolbu l-ħlas lura tal-pagamenti magħmula skont klawżoli li jmorru kontra l-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia, C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 63).

96

Għalhekk, fir-rigward tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jeżisti riskju mhux negliġibbli li, fid-dawl tal-mod ta’ determinazzjoni tiegħu mill-ġurisprudenza nazzjonali, il-konsumatur ma jkunx f’pożizzjoni li jsostni b’mod utli d-drittijiet li tagħtih id-Direttiva 93/13.

97

Fil-fatt, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li dan it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin jibda jiddekorri mid-data ta’ kull ħlas eżegwit mill-konsumatur ikkonċernat, minkejja li dan tal-aħħar ma kienx f’pożizzjoni, f’din id-data, li jevalwa huwa stess in-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali jew ma kienx jaf bin-natura inġusta tal-imsemmija klawżola, u mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li dan il-kuntratt kellu tul ta’ rimbors, f’dan il-każ ta’ tletin sena, ħafna itwal mit-terminu ta’ preskrizzjoni legali ta’ għaxar snin.

98

Għandu jiġi rrilevat li terminu ta’ preskrizzjoni jista’ jkun kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività biss jekk il-konsumatur kellu l-possibbiltà li jkun jaf id-drittijiet tiegħu qabel ma dan it-terminu jibda jiddekorri jew jiskadi (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99

Issa, l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għal talba mressqa minn konsumatur għall-finijiet tar-rimbors ta’ ammonti mħallsa indebitament, abbażi ta’ klawżola inġusta, fis-sens tad-Direttiva 93/13, ta’ kuntratt ta’ kreditu konkluż ma’ bejjiegħ jew fornitur, li jibda jiddekorri mid-data ta’ kull ħlas eżegwit minn dan il-konsumatur, minkejja li dan tal-aħħar ma kienx f’pożizzjoni, f’din id-data, li jevalwa huwa stess in-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali, jew ma kienx jaf bin-natura inġusta tal-imsemmija klawżola, u mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li dan il-kuntratt kellu tul ta’ rimbors, f’dan il-każ ta’ tletin sena, ħafna itwal mit-terminu ta’ preskrizzjoni legali ta’ għaxar snin, ma hijiex ta’ natura li tiżgura lill-imsemmi konsumatur protezzjoni effettiva. Tali terminu jirrendi, għaldaqstant, eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li dan il-konsumatur jislet mid-Direttiva 93/13 u jikser, għaldaqstant, il-prinċipju ta’ effettività.

100

Minn dan isegwi li d-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin tal-azzjoni tal-konsumatur intiża sabiex jinkiseb ir-rimbors ta’ ammonti mħallsa indebitament lil bejjiegħ jew fornitur b’eżekuzzjoni ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt ta’ kreditu jibda jiddekorri mid-data ta’ kull ħlas eżegwit mill-konsumatur, minkejja li dan tal-aħħar ma kienx f’pożizzjoni, f’din id-data, li jevalwa huwa stess in-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali, jew ma kienx jaf bin-natura inġusta tal-imsemmija klawżola, u mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li dan il-kuntratt kellu tul ta’ rimbors, f’dan il-każ ta’ tletin sena, ħafna itwal mit-terminu ta’ preskrizzjoni legali ta’ għaxar snin.

Fuq l‑ispejjeż

101

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li l-qorti nazzjonali tista’ tikkonstata n-natura inġusta, mhux tal-klawżola kollha ta’ kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, iżda biss tal-elementi tagħha li jagħtuha natura inġusta, b’tali mod li din il-klawżola tibqa’, wara t-tħassir ta’ tali elementi, parzjalment effettiva, meta tali tħassir jkollu l-effett ta’ reviżjoni tal-kontenut tal-imsemmija klawżola billi jaffettwa s-sustanza tagħha, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 

2)

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li l-qorti nazzjonali tista’, wara li tikkonstata n-nullità ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur li ma twassalx għan-nullità ta’ dan il-kuntratt fl-intier tiegħu, tissostitwixxi din il-klawżola b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari.

 

3)

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li l-qorti nazzjonali tista’, wara li tkun ikkonstatat in-nullità ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur li twassal għan-nullità ta’ dan il-kuntratt fl-intier tiegħu, tissostitwixxi l-klawżola annullata jew b’interpretazzjoni tar-rieda tal-partijiet sabiex jiġi evitat l-annullament tal-imsemmi kuntratt, jew b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari, minkejja li l-konsumatur ikun ġie informat bil-konsegwenzi tan-nullità tal-istess kuntratt u jkun aċċettahom.

 

4)

Id-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

tipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin tal-azzjoni tal-konsumatur intiża sabiex jinkiseb ir-rimbors ta’ ammonti mħallsa indebitament lil bejjiegħ jew fornitur b’eżekuzzjoni ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt ta’ kreditu jibda jiddekorri mid-data ta’ kull ħlas eżegwit mill-konsumatur, minkejja li dan tal-aħħar ma kienx f’pożizzjoni, f’din id-data, li jevalwa huwa stess in-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali, jew ma kienx jaf bin-natura inġusta tal-imsemmija klawżola, u mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li dan il-kuntratt kellu tul ta’ rimbors, f’dan il-każ ta’ tletin sena, ħafna itwal mit-terminu ta’ preskrizzjoni legali ta’ għaxar snin.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Top