Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0699

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati l-1 ta’ Diċembru 2022.
E. D. L.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte costituzionale.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 1(3) – Artikolu 23(4) – Proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 4(3) TUE – Obbligu ta’ kooperazzjoni leali – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Projbizzjoni ta’ trattamenti inumani jew degradanti – Marda gravi, kronika u potenzjalment irreversibbli – Riskju ta’ perikolu serju għas-saħħa tal-persuna kkonċernata mill-mandat ta’ arrest Ewropew.
Kawża C-699/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:955

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fl‑1 ta’ Diċembru 2022 ( 1 )

Kawża C‑699/21

E. D. L.

bl-intervent ta’:

Presidente del Consiglio dei Ministri

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte costituzionale (il‑Qorti Kostituzzjonali, l-Italja))

“Domanda preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas 2002/584/JAI — Mandat ta’ arrest Ewropew — Konsenja ta’ persuni kkundannati jew taħt suspett lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti — Marda gravi, kronika u potenzjalment irreversibbli — Riskju gravi għas-saħħa tal-persuna rikjesta”

1.

Quddiem l-eventwali antikostituzzjonalità ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ liġi li adattaw l-ordinament ġuridiku Taljan għad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/JAI ( 2 ) u li jistgħu jmorru kontra d-dritt għas-saħħa ggarantit mill-Kostituzzjoni Taljana, il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) tindirizza lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tfittex l-interpretazzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas.

2.

Ir-rinviju joffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni sabiex mill-ġdid tiddeċiedi dwar ir-raġunijiet ta’ rifjut għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest u ta’ konsenja (iktar ’il quddiem il-“MAE”). B’mod partikolari, għandu jiġi ppreċiżat jekk il-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru ( 3 ), tistax tiġi trasposta, b’analoġija, għall-eżekuzzjoni ta’ MAE li jista’ jinvolvi riskju gravi għas-saħħa tal-persuna rikjesta.

3.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ser tiddeċiedi, b’mod definittiv, dwar jekk mal-elenku tar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE previsti fl-Artikoli 3, 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhomx jiżdiedu, u taħt liema kundizzjonijiet, dak li jirriżulta mill-obbligu li jiġu osservati l-Artikoli 3, 4 u 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

I. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

1. Il‑Karta

4.

L-Artikolu 3(1) (“Id-dritt għall-integrità tal-persuna”) jipprovdi:

“Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett ta’ l-integrità fiżika u mentali tagħha”.

5.

L-Artikolu 4 (“Il-projbizzjoni tat-tortura jew tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti”) jistabbilixxi:

“Ħadd m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti”.

6.

L-Artikolu 35, intitolat “Il-protezzjoni tas-saħħa”, jipprevedi:

“Kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għal kura preventiva tas-saħħa u d-dritt li tgawdi minn kura medika skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali. Għandu jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-linji ta’ politika u l-attivitajiet kollha ta’ l-Unjoni”.

2. Id‑Deċiżjoni Qafas 2002/584

7.

Il-premessa 10 tipprovdi:

“Il-mekkaniżmu tal-[MAE] hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea [“TUE”], determinat mill-Kunsill skond l-Artikolu 7(1) tat-Trattat imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu”.

8.

Il premessa 12 tipprovdi:

“Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-(TUE) u riflessi fil-Karta […], b’mod partikolari l-Kapitolu VI tiegħu. […]”.

9.

Skont il premessa 13:

“L-ebda persuna m’għandha tiġi mneħħija, espulsa jew estradita lejn Stat fejn hemm riskju serju li tiġi soġġettata għall-piena tal-mewt, tortura jew trattament jew piena inumana jew degradanti”.

10.

L-Artikolu 1 (“Definizzjoni tal-[MAE] u l-obbligu li jiġi esegwit”) jipprovdi:

“1.   Il-[MAE] hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe [MAE] abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.   Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-(TUE)”.

11.

L-Artikolu 15 (“Deċiżjoni dwar il-konsenja”) jipprovdi:

“1.   L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru, jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata.

2.   Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti mhijiex suffiċjenti biex tiddeċiedi dwar il-konsenja, għandha titlob li l-informazzjoni supplementarja meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikoli 3 sa 5 u l-Artikolu 8, tiġi mogħtija bħala kwistjoni ta’ urġenza u tista’ tistabbilixxi limitu ta’ żmien għall-wasla tagħha, waqt li tittieħed f’konsiderazzjoni l-ħtieġa li jkunu mħarsin il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 17.

3.   L-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ fi kwalunkwe ħin titrasmetti kwalunkwe informazzjoni utli addizjonali lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni”.

12.

L-Artikolu 23 (“Limiti ta’ żmien għall-konsenja tal-persuna”) jipprovdi:

“1.   Il-persuna rikjesta għandha tiġi konsenjata malajr kemm jista’ jkun f’data miftehma bejn l-awtoritajiet ikkonċernati.

2.   Il-persuna għandha tiġi konsenjata mhux aktar tard minn 10 ijiem wara d-deċiżjoni finali dwar l-esekuzzjoni tal-[MAE].

3.   Jekk il-konsenja tal-persuna rikjesta fil-perjodu stabbilit fil-paragrafu 2 ma tħallietx minħabba ċirkostanzi li mhumiex fil-kontroll ta’ l-ebda mill-Istati Membri, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ esekuzzjoni u dawk emittenti għandhom jagħmlu immedjatament kuntatt ma’ xulxin u jiftehmu dwar data ta’ konsenja ġdida. F’dak il-każ, il-konsenja għandha ssir fi żmien 10 ijiem mid-data l-ġdida hekk miftehma.

4.   Il-konsenja tista’ eċċezzjonalment tiġi posposta temporanjament għal raġunijiet umanitarji serji, per eżempju jekk hemm raġunijiet sostanzjali biex jitwemmen li dan ipoġġi manifestament f’perikolu l-ħajja jew is-saħħa tal-persuna rikjesta. L-esekuzzjoni tal-[MAE] għandha sseħħ malli dawn ir-raġunijiet ma jibqgħux jezistu. L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tinforma immedjatament lill-awtorità ġudizzjarja emittenti u tiftiehem fuq data ta’ konsenja ġdida. F’dak il-każ, il-konsenja għandha seħħ fi żmien 10 ijiem mid-data l-ġdida hekk miftiehma.

5.   Ma’ l-iskadenza tal-limiti ta’ żmien imsemmija fil-paragrafi 2 sa 4, jekk il-persuna għadha qed tinżamm f’kustodja hija għandha tinħeles”.

B.   Id‑dritt nazzjonali

13.

L-Artikolu 23(3) tal-Legge 22 aprile 2005, Nru 69 ( 4 ), jipprovdi:

“Meta jeżistu motivi umanitarji jew raġunijiet serji sabiex jitqies li l-konsenja tipperikola l-ħajja jew is-saħħa tal-persuna, il-President tal-Corte di appello [il-Qorti tal-Appell] jew il-maġistrat iddelegat minnu jista’, permezz ta’ digriet motivat, jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ konsenja, fejn din iċ-ċirkustanza tiġi kkomunikata minnufih lill-Ministro della giustizia (il-Ministru tal-Ġustizzja)”.

II. Il‑fatti, il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

14.

Fid‑9 ta’ Settembru 2019, l-Općinski sud u Zadru (il-Qorti Muniċipali ta’ Zadar, il-Kroazja) ħarġet MAE għall-finijiet ta’ azzjonijiet ġudizzjarji kriminali mibdija kontra E. D. L., akkużat b’reat ta’ pussess ta’ sustanzi narkotiċi bil-għan li jinbiegħu u jiġu ddistribwiti, imwettaq fit-territorju Kroat fl‑2014.

15.

L-avukati ta’ E. D. L. ipproduċew quddiem il-Corte d’appello di Milano (il-Qorti tal-Appell ta’ Milano, l-Italja) dokumenti mediċi li jiċċertifikaw l-eżistenza ta’ problemi psikjatriċi, marbuta wkoll mal-abbuż li huwa kien għamel minn sustanzi narkotiċi fil-passat. Wara perizja, deher li E. D. L. ibati minn problema psikotika li teħtieġ terapija u li jeżisti riskju serju ta’ suwiċidju marbut mal-priġunerija potenzjali tiegħu.

16.

Abbażi ta’ din il-perizja, il-Corte d’appello di Milano (il-Qorti tal-Appell ta’ Milano) qieset li t-trasferiment lejn il-Kroazja ta’ E. D. L., b’eżekuzzjoni tal-MAE, kien jinterrompi l-possibbiltajiet tat-tkomplija tat-trattament, bil-konsegwenza ta’ aggravazzjoni tal-istat ġenerali tiegħu u riskju ċert għas-saħħa tiegħu.

17.

Madankollu, l-istess qorti rrilevat li l-obbligu li jiġi eżegwit MAE huwa limitat biss għar-raġunijiet ta’ rifjut stabbiliti b’mod eżawrjenti fl-Artikoli 18 u 18 bis tal-Liġi Nru 69 tal‑2005, li fosthom ma hemmx dak li jiġi evitat ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuna rikjesta, bħad-dritt għas-saħħa. Għalhekk hija ssospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet domanda ta’ kostituzzjonalità lill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali).

18.

Huwa f’dan il-kuntest li l-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/JHA [...)] eżaminat fid-dawl tal-Artikoli 3, 4 u 35 tal-Karta […], għandu jkun interpretat fis-sens li, fejn tikkunsidra li l-konsenja ta’ persuna li tbati minn mard kroniku serju u potenzjalment irriversibbli tista’ tesponi lil dik il-persuna għar-riskju li ssofri dannu serju għas-saħħa tagħha, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha titlob li l-awtorità ġudizzjarja emittenti tipprovdi informazzjoni li tippermetti tiġi eskluża l-eżistenza ta’ tali riskju, u għandha tirrifjuta l-konsenja jekk ma tiksibx garanziji f’dan ir-rigward f’perijodu ta’ żmien raġonevoli?”

III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja

19.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Novembru 2021. Din ibbenefikat minn trattament prijoritarju.

20.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn E. D. L., mill-Gvern Kroat, Finlandiż, Taljan, Olandiż, Pollakk u Rumen kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

21.

Waqt is-seduta pubblika li nżammet fis‑27 ta’ Settembru 2022, dehru E. D. L., il-Gvern Taljan, Pollakk u Rumen kif ukoll il-Kummissjoni.

IV. L‑analiżi

A.   Il‑kunsiderazzjonijiet preliminari

22.

Il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) esponiet kif ġej is-sitwazzjoni li għandha quddiemha bħala interpretu suprem tal-Kostituzzjoni Taljana u, fl-istess ħin, qorti ta’ Stat Membru marbut tinterpreta d-dritt tal-Unjoni:

Għandu jiġi kkonstatat jekk ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi Taljana li tittrasponi d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 humiex kompatibbli mad-dritt għas-saħħa ggarantit mill-Kostituzzjoni nazzjonali ( 5 ).

Għalhekk, hija għandha bżonn tkun taf, minn qabel, kif għandhom jiġu interpretati l-artikoli ta’ din id-deċiżjoni qafas li l-liġi nazzjonali tagħmel tagħha.

Fl-oqsma suġġetti ta’ armonizzazzjoni sħiħa, l-Istati Membri ma jistgħux jissuġġettaw l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għall-osservanza ta’ livelli purament nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, sa fejn dan jista’ jaffettwa s-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni ( 6 ).

Huwa d-dritt tal-Unjoni li għandu jistabbilixxi l-istandards ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li għandhom jiġu osservati mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u fl-implimentazzjoni tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali.

Din l-applikazzjoni, sabiex tkun uniformi u effettiva fl-Unjoni kollha, teskludi li l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat ta’ eżekuzzjoni jirrifjutaw il-konsenja tal-persuna rikjesta lil hinn mill-każijiet previsti mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, billi jinvokaw standards ta’ protezzjoni purament interni u mhux kondiviżi fuq livell Ewropew ( 7 ). Dan japplika wkoll jekk jirriżulta li l-eżekuzzjoni ta’ MAE tista’ tmur kontra l-prinċipji superjuri tal-ordinament kostituzzjonali ( 8 ).

23.

L-intenzjoni li jiġi evitat in-nuqqas mhux mixtieq ta’ armonija bejn l-ordinament kostituzzjonali nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni twassal sabiex il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja interpretazzjoni ta’ dan tal-aħħar li tippermetti li jkun konformi mar-rekwiżiti tal-Kostituzzjoni Taljana u li teżerċita għalhekk il-ġurisdizzjoni tagħha stess.

24.

F’dan l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni, il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tissuġġerixxi li d-domanda tagħha tista’ tingħata risposta b’estensjoni, b’analoġija, ta’ dak li ġie ddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 meta, anki jekk ma tkunx prevista raġuni għal rifjut speċifika, l-eżekuzzjoni ta’ MAE tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuna mfittxija.

25.

Hija tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza Aranyosi u Căldăraru fir-rigward tar-riskju li l-eżekuzzjoni ta’ MAE tista’ tesponi lill-persuna rikjesta għal: i) kundizzjonijiet ta’ detenzjoni inumani u degradanti fl-Istat Membru emittenti, li jirriżultaw minn difetti sistemiċi u ġeneralizzati jew li jaffettwaw b’mod ieħor ċerti gruppi ta’ persuni jew ċerti ċentri ta’ detenzjoni ( 9 ); ii) riskju li wieħed ikun suġġett għal proċess li ma josservax il-garanziji tal-Artikolu 47 tal-Karta, minħabba nuqqasijiet sistemiċi u ġeneralizzati wkoll fir-rigward tal-indipendenza tal-fergħa ġudizzjarja tal-Istat fl-Istat Membru emittenti ( 10 ).

B.   Raġunijiet ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE lil hinn mid‑dispożizzjonijiet espliċiti tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584

26.

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija intiża, permezz tal-ħolqien ta’ sistema ssimplifikata u effikaċi ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew taħt suspett li kisru l-liġi kriminali, sabiex tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja. B’hekk hija tipparteċipa fl-għan li l-Unjoni ssir spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, ibbażat fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jeżisti bejn l-Istati Membri ( 11 ).

27.

Il-pedament ta’ din is-sistema huwa l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, rifless fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. L-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu l-MAE abbażi ta’ dan il-prinċipju u skont ir-regoli ta’ din id-deċiżjoni qafas ( 12 ). L-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom jistgħu, bħala prinċipju, jirrifjutaw li jeżegwixxu MAE biss għar-raġunijiet elenkati, b’mod eżawrjenti, fid-Deċiżjoni Qafas stess ( 13 ).

28.

L-eżekuzzjoni ta’ MAE tikkostitwixxi għalhekk ir-regola u r-rifjut tagħha huwa meqjus bħala eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod strett ( 14 ).

29.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tammetti li l-prinċipji ta’ rikonoxximent u ta’ fiduċja reċiproka jistgħu jkunu limitati “f’ċirkustanzi eċċezzjonali” ( 15 ). Hija fakkret li, skont l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, din “ma għandhiex bħala effett li tibdel l-obbligu ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali kif stabbiliti, b’mod partikolari, mill-Karta” ( 16 ).

1. Rifjut ibbażat fuq l‑Artikolu 4 tal‑Karta

30.

Minn din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja “kkonfermat, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-obbligu li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha li ttemm il-proċedura ta’ konsenja stabbilita permezz tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, meta jkun hemm ir-riskju li tali konsenja twassal sabiex il-persuna li kontriha nħareġ il-mandat tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta” ( 17 ).

31.

Ir-raġuni ma hija xejn ħlief in-natura assoluta tal-projbizzjoni tat-trattamenti inumani jew degradanti, indissoċjabbli mir-rispett tad-dinjità tal-bniedem (Artikolu 1 tal-Karta) ( 18 ) u, għaldaqstant, ma jistax ikun hemm rinunzja minnha fil-konfront ta’ għanijiet bħal dawk li fuqhom hija bbażata l-kooperazzjoni ġudizzjarja ( 19 ).

32.

Ir-riskju ta’ ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta jista’ eċċezzjonalment jiġġustifika s-sospensjoni jew ir-rifjut tal-konsenja tal-persuna rikjesta abbażi ta’ MAE. Preliminarjament, il-qorti ta’ eżekuzzjoni għandha tivverifika l-eżistenza effettiva ta’ dan ir-riskju fil-każ suġġett għall-ġudizzju tagħha.

a) Rifjut meta jkun hemm nuqqasijiet sistemiċi u ġeneralizzati fi Stat Membru

33.

Il-ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta (l-istess bħal dak tal-Artikolu 47 tagħha) ( 20 ) tqajjem sal-lum fil-kuntest ta’ nuqqasijiet sistemiċi u ġeneralizzati fl-Istati Membri emittenti.

34.

Il-Qorti tal-Ġustizzja insistiet fuq il-fatt li l-konstatazzjoni ta’ riskju ġenerali u astratt ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ MAE u ħafna inqas sabiex ma jiġux eżegwiti, bħala regola ġenerali, il-MAE kollha li joriġinaw minn Stat Membru li lilu jiġu attribwiti n-nuqqasijiet sistemiċi u ġeneralizzati ( 21 ).

35.

Fl-idea li r-riskju rilevanti jista’ jkun biss dak li, konkretament u b’mod partikolari, huwa impost fuq il-persuna rikjesta, sabiex tikkonforma ruħha mal-ġurisprudenza Aranyosi u Căldăraru, il-qorti ta’ eżekuzzjoni għandha twettaq eżami f’żewġ stadji:

Fl-ewwel wieħed, hemm lok li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati u sistemiċi fl-Istat Membru emittenti, li jistgħu jikkompromettu l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ta’ din il-persuna.

Fit-tieni wieħed, għandu jiġi vverifikat, abbażi ta’ tali konstatazzjoni, jekk jeżistux raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li din il-persuna, ladarba kkonsenjata lill-Istat Membru emittenti, ser tgħaddi minn riskju reali ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha.

36.

Il-konstatazzjoni ta’ nuqqasijiet sistemiċi u ġeneralizzati hija iktar u iktar neċessarja peress li, meta jkun hemm denunzja ta’ eventwali ksur ta’ drittijiet fl-Istat emittenti, tapplika, bħala prinċipju, il-preżunzjoni li fuqha hija bbażata s-sistema sħiħa ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja kriminali, jiġifieri: l-Istati Membri kollha jirrispettaw id-drittijiet fundamentali.

37.

Skont tali preżunzjoni, huwa pprojbit mhux biss li jiġi impost fuq Stat Membru ieħor livell ta’ protezzjoni nazzjonali tad-drittijiet fundamentali superjuri għal dak iggarantit mid-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll li jiġi vverifikat, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, jekk dan l-Istat l-ieħor effettivament osservax, f’każ konkret, id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Unjoni ( 22 ).

38.

Għalhekk, meta jkun hemm ksur li l-probabbiltà tagħhom tipprekludi l-preżunzjoni li l-Istati Membri kollha jirrispettaw id-drittijiet tal-Karta, għandu jiġi stabbilit, sa mill-bidu, li fl-Istat emittenti tal-MAE ġew ikkonstatati nuqqasijiet ġeneralizzati u sistemiċi li jippermettu li titqiegħed f’dubju l-fondatezza ta’ din il-preżunzjoni.

39.

Fil-fehma tiegħi, l-imsejjaħ “eżami f’żewġ stadji” għandu oriġini preċiża ħafna u jservi fil-kuntest li għalih ġie kkonċepit. Dan l-eżami jikseb is-sens kollu tiegħu meta r-riskju għad-drittijiet tal-persuna rikjesta jirriżulta minn ċirkustanzi ġeneralizzati li huma idealment impossibbli fi Stat Membru: kundizzjonijiet li ma jilħqux il-livell meħtieġ ta’ detenzjoni jew assenza ta’ indipendenza tal-qrati tiegħu.

40.

Affaċċjati bid-denunzja li tgħid li tali ċirkustanzi huma madankollu realment preżenti fl-Istat emittenti, il-qrati ta’ eżekuzzjoni ma jistgħux jibqgħu indifferenti, iżda lanqas ma jistgħu jaċċettawhom mingħajr minimu ta’ fondatezza, jiġifieri minimu ta’ veraċità. U, fid-dawl tan-natura stess taċ-ċirkustanzi invokati, għandha tiġi stabbilita sitwazzjoni ġeneralizzata ta’ nuqqasijiet bħala kuntest li fih dawn iċ-ċirkustanzi jaffetwaw, b’mod partikolari, il-każ speċifiku previst mill-MAE.

41.

Fil-każ inkwistjoni, min-naħa l-oħra, ir-riskju għas-saħħa tal-persuna rikjesta:

ma huwiex ikkawżata minn sitwazzjoni li hija plawżibbli biss f’kuntest ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati li, bħala prinċipju, għandhom ikunu inkonċepibbli fi Stat Membru.

jirriżulta, eventwalment, mill-possibbiltà li marda konkreta ma tistax tkun suġġetta għal trattament dovut (ukoll konkret) fl-Istat Membru emittenti tal-MAE.

42.

Sabiex jiġu evalwati d-daqs u l-portata ta’ dan ir-riskju, naħseb li ma huwiex indispensabbli li tiġi eżaminata s-sistema sħiħa tas-saħħa jew tal-ħabs tal-Istat Membru emittenti. Dak li huwa importanti huwa li jiġi vverifikat jekk il-persuna rikjesta hijiex ser tiġi ggarantita l-kura medika li hija tista’ tippreċiża. Sabiex titwettaq din il-verifika, ma huwiex inevitabbli li tiġi evalwata ex ante s-sistema ta’ saħħa/tal-ħabs kollha kemm hija, iżda l-possibbiltajiet ta’ assistenza li huma raġonevolment mistennija mill-persuna rikjesta.

43.

Nirrepeti li din ma hijiex kwistjoni li ssir evalwazzjoni dwar is-sistema tal-kura tas-saħħa ta’ Stat Membru, iżda li jiġu kkunsidrati l-possibbiltajiet li persuna, b’mod konkret, tkun debitament assistita, anki jekk din l-assistenza tista’ tingħata fil-kuntest ta’ sistema ftit jew wisq effiċjenti bħala tali.

44.

Ċertament, l-eżistenza eventwali ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati u sistemiċi tista’ tkun rilevanti: jekk jeżistu, huwa probabbli li dawn jaffetwaw ukoll lill-persuna rikjesta, aspett li huwa s-suġġett tat-tieni fażi tal-metodu Aranyosi u Căldăraru.

45.

Madankollu, meta persuna ma tkunx allegat dan it-tip ta’ nuqqasijiet, għandha tiġi evalwata l-eżistenza ta’ riskju speċifiku għall-persuna rikjesta (fid-dawl tas-sitwazzjoni tagħha, tal-aspetti pożittivi jew negattivi tat-trasferiment tagħha lejn l-Istat Membru emittenti u l-kundizzjonijiet sanitarji li fihom hija għandha ssib ruħha wara l-konsenja).

46.

Din l-evalwazzjoni taqa’, għalhekk, taħt it-tieni fażi tal-hekk imsejjaħ “metodu taż-żewġ stadji”, u mhux b’mod preliminari u awtonoma taħt l-ewwel fażi li jidhirli li l-analiżi tagħha hija għal kollox inutli hawnhekk.

47.

In abstracto xejn ma jipprekludi li l-ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta jkun ikkawżat mill-kundizzjonijiet sistemiċi u ġeneralizzati ta’ detenzjoni u ta’ priġunerija li għalihom tista’ tiġi suġġetta l-persuna rikjesta ( 23 ). Għall-kuntrarju, hekk kif osservat il-Kummissjoni ( 24 ), ma jkunx hemm lok li dawn il-kundizzjonijiet jiġu evalwati meta r-riskju għas-saħħa tal-persuna rikjesta ma huwiex ikkawżat immedjatament minnhom.

48.

F’dan is-sens, għandu jingħad ukoll li:

Ir-riskju għas-saħħa, skont it-termini tad-digriet tar-rinviju użati biex jiddeskrivu r-rapport psikjatriku li fuqu hija bbażata t-talba ta’ E.D.L, jista’ jeżisti irrispettivament mill-Istat li fih din il-persuna tintbagħat il-ħabs: peress li hemm “riskju kbir ta’ suwiċidju marbut ma’ eventwali priġunerija f’ħabs” ( 25 ):

Il-qrati Taljani (b’mod partikolari, dik tar-rinviju) fl-ebda mument ma ssuġġerew l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi u ġeneralizzati fil-Kroazja, f’dak li jirrigwarda s-salvagwardja tad-dritt għas-saħħa. ( 26 ) Barra minn hekk, id-domanda preliminari tiffoka fuq il-possibbiltà li “jiġi eskluż”, permezz ta’ talba għal informazzjoni, li l-persuna rikjesta tesponi ruħha għar-riskju f’dan l-Istat, ipoteżi favorevoli (dik ta’ esklużjoni) li hija l-bażi tad-domanda stess.

49.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżami tal-ewwel wieħed miż-żewġ stadji proposti mis-sentenza Aranyosiet u Căldăraru jsir kemm inutli kif ukoll mhux xieraq f’dan il-każ.

b) Rifjut f’ċirkustanzi eċċezzjonali li ma humiex relatati mad‑difetti sistemiċi u ġeneralizzati: Artikolu 4 tal‑Karta

50.

L-użu tal-l-Artikolu 4 tal-Karta jista’, f’każijiet, jiġi aċċettat jekk il-persuna rikjesta tippreżenta stat ta’ mard partikolarment evidenti, b’tali mod li l-eżekuzzjoni ta’ MAE twassal, b’mod imminenti, għal deterjorament serju, sinjifikattiv u irrimedjabbli, tas-saħħa tagħha ( 27 ) li jista’ jipperikola ħajjitha.

51.

F’dan il-kuntest verament eċċezzjonali, il-konsenja tista’ tiġi kklassifikata bħala trattament inuman, minħabba ċ-ċirkustanzi singolari tal-persuna marida ( 28 ), indipendentement mill-assenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fl-Istat emittenti ( 29 ).

52.

Għalhekk, in-natura eċċezzjonali ma tirriżultax daqstant mill-kundizzjonijiet ġeneralizzati tad-detenzjoni jew tal-kura tas-saħħa fl-Istat Membru emittenti, bħala tali, iżda iktar mill-konsenja nnifisha, sa fejn din tista’, min-naħa tagħha, tqiegħed f’periklu imminenti l-ħajja jew is-saħħa tal-persuna rikjesta.

53.

Fir-realtà, nirrepeti, il-problemi li joħloq ir-riskju għas-saħħa hawnhekk identifikat (il-possibbiltà ta’ suwiċidju marbut maċ-ċaħda tal-libertà) ma jiddependux mill-fatt li d-detenzjoni u l-eventwali priġunerija ulterjuri jseħħu fi Stat Membru jew f’ieħor, fil-kuntest ta’ MAE. Iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża lanqas ma jidhirli li jippermettu li l-konsenja tiġi kklassifikata bħala trattament inuman, peress li xejn ma jindika sa issa li l-persuna rikjesta ma hijiex ser tibbenefika mill-kura medika neċessarja fl-Istat emittenti tal-MAE.

54.

Fi kwalunkwe każ, hemm bżonn ta’ prudenza estrema sabiex tinstab soluzzjoni għall-problema tar-riskji psikjatriċi marbuta mal-priġunerija (komuni għall-Istati Membri kollha) differenti minn dik li jintuża, mingħajr iktar dewmien, l-Artikolu 4 tal-Karta ( 30 ).

55.

Li kieku kien mod ieħor, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tinqara fis-sens li d-detenzjoni, jew iż-żamma f’faċilità korrettiva, ta’ persuni li jippreżentaw riskju ta’ suwiċidju jikkostitwixxu fihom infushom trattament inuman, jiġifieri jiksru, bħala prinċipju, fid-dawl tan-natura assoluta tagħha, il-projbizzjoni tal-Artikolu 4 tal-Karta. Fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, dan l-argument ma jidhirlix li huwa sostenibbli.

2. Rifjut ibbażat fuq l‑Artikoli 3 u 35 tal‑Karta

56.

Il-qorti tar-rinviju tinvoka, minbarra l-Artikolu 4 tal-Karta, id-dritt għall-integrità tal-persuna (Artikolu 3 tal-Karta) u d-dritt għall-protezzjoni tas-saħħa (Artikolu 35 tal-Karta). Uħud mill-partijiet, bħal E. D. L. u l-Gvern Finlandiż, Pollakk, Rumen jew Taljan, sostnew l-argumenti tagħhom fir-rigward ta’ dawn it-tliet drittijiet. Il-Gvern Olandiż jirreferi, min-naħa l-oħra, esklużivament għall-Artikolu 4 tal-Karta.

57.

Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 35 tal-Karta ma japplikax f’din il-kawża, għaliex l-aċċess għall-prevenzjoni u għall-kura tas-saħħa, taħt il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni u mill-prattika nazzjonali, li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, ma huwiex inkwistjoni hawnhekk.

58.

Fir-rigward tal-Artikolu 3 tal-Karta, id-dritt għall-integrità mentali jista’, eventwalment, ikun affettwat ħażin, iżda, mill-ġdid, mhux minħabba n-nuqqasijiet sanitarji jew ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti, li ħadd ma lmenta dwarhom, iżda minħabba l-allegata assenza ta’ trattament adegwat tal-problemi psikjatriċi li, skont il-perizja mwettqa quddiem il-qorti tal-appell Taljana, minnhom issofri l-persuna rikjesta.

59.

Ir-riflessjonijiet li esponejt iktar ’il fuq, f’dan il-kuntest, fir-rigward tal-Artikolu 4 jistgħu jiġu trasposti għall-Artikolu 3 tal-Karta.

C.   Raġuni ġdida għal rifjut ta’ MAE għal kunsiderazzjonijiet marbuta mas-saħħa tal‑persuna rikjesta?

60.

Dik li, għall-finijiet ta’ semplifikazzjoni, tissejjaħ il-“ġurisprudenza Aranyosi u Căldăraru” tikkostitwixxi eżempju ta’ ħolqien permezz tal-ġurisprudenza tad-dritt, min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, iġġustifikat min-neċessità li jitfassal mezz ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuna, f’każijiet mhux espressament previsti mil-leġiżlatur tal-MAE.

61.

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija kategorika billi tipprovdi fl-Artikolu 1(3) tagħha li “m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [TUE]”. Għalhekk hija tistabbilixxi klawżola ta’ għeluq tas-sistema, li tissovrapponi ruħha fuq il-garanziji speċifiċi ta’ ċerti drittijiet fundamentali li huma previsti f’din id-deċiżjoni qafas ( 31 ).

62.

Fil-preżenza ta’ preżunzjoni li l-Istati Membri kollha jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, il-leġiżlatur Ewropew diffiċilment seta’ jipprevedi l-possibbiltà ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati u sistemiċi ta’ natura li jwasslu għall-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuna rikjesta.

63.

Għalhekk, skont l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kien inevitabbli li jitfasslu, b’mod eċċezzjonali, raġunijiet għal rifjut assoċjati mal-ksur li jistgħu jirriżultaw minn nuqqasijiet ġeneralizzati u sistemiċi.

64.

Madankollu, l-aċċettazzjoni ta’ raġuni “ġdida” għal rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-MAE minħabba kunsiderazzjonijiet marbuta mas-saħħa tista’ timplika, kif ġie indikat waqt is-seduta, tiċrita fil-linja tal-buq tas-sistema tal-MAE, li twassal għal tkattir allegazzjonijiet min-naħa tal-persuni kkonċernati, u t-tfixkil sussegwenti tas-sistema ta’ konsenja lill-Istat Membru emittenti.

65.

Intervent permezz tal-ġurisprudenza li jestendi l-katalogu ta’ raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni, sabiex tiżdied dik li tirriżulta mir-riskji għas-saħħa, ma jidhirlix li huwa neċessarju: ir-rifjut li jiġi eżegwit il-MAE ma jseħħx meta s-sospensjoni tal-konsenja tal-persuna rikjesta tkun biżżejjed. Dan tal-aħħar huwa, preċiżament, il-mekkaniżmu previst mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 f’każijiet bħal dak ineżami.

D.   Sospensjoni tal‑konsenja skont l‑Artikolu 23 tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584

66.

Skont l-Artikolu 23(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-konsenja tal-persuna rikjesta tista’ tiġi sospiża, b’mod eċċezzjonali, “jekk hemm raġunijiet sostanzjali biex jitwemmen li dan ipoġġi manifestament f’perikolu l-ħajja jew is-saħħa tal-persuna rikjesta”.

67.

Il-formula traskritta tqajjem diffikultajiet, kif osservat il-qorti tar-rinviju u kif enfasizzaw prattikament il-partijiet kollha f’din il-proċedura. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dawn ma humiex tali li ma jistgħux jiġu megħluba permezz ta’ interpretazzjoni leali, u mhux kreattiva, tad-dispożizzjoni.

68.

Skont il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali), l-Artikolu 23(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, sa fejn jipprevedi s-sospensjoni tal-konsenja biss “b’mod eċċezzjonali” meta jkun hemm sitwazzjonijiet ta’ natura purament ratione temporis, ma huwiex konċiljabbli mal-każijiet ta’ mard kroniku serju u ta’ tul mhux determinabbli ( 32 ).

69.

Hija tkompli tesponi li, li kieku ma jkunx hekk, is-sospensjoni tista’ tiġi mdewma indefinittivament, li jwassal sabiex jintilef l-effett utli tal-proċedura ta’ konsenja: is-suċċessjoni ta’ sospensjonijiet bbażati fuq raġunijiet ta’ saħħa kroniċi żżomm lill-persuna rikjesta f’sitwazzjoni kontinwa ta’ inċertezza fir-rigward tad-destin tagħha stess u tmur kontra r-rekwiżit li jiġi żgurat terminu raġonevoli f’kull proċedura li taffettwa l-libertà personali ( 33 ).

70.

Fl-istess spirtu, il-Gvern Kroat u dak Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni jenfasizzaw li s-sospensjoni prevista fl-Artikolu 23(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tista’ tiġi adottata biss wara li tkun ingħatat l-eżekuzzjoni tal-MAE, iżda mhux fil-mument li tingħata deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni stess.

71.

Nammetti li r-raġunijiet esposti huma raġunijiet ta’ piż. Iżda, fil-fehma tiegħi, il-possibbiltajiet ermanewtiċi ta’ din id-dispożizzjoni jmorru lil hinn minn dak li sostnew il-qorti tar-rinviju u l-intervenjenti fis-seduta.

72.

Nibda bil-premessa li n-nuqqas ta’ raġuni espressa għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE fil-liġi nazzjonali (jew fl-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584) ma jipprekludix il-mandat imperattiv tal-Artikolu 1(3) tagħha. Sabiex jikkonforma ruħu ma’ dan tal-aħħar, l-interpretu (ġudizzjarju) għandu jfittex, meta jkun possibbli, soluzzjoni materjalment ekwivalenti permezz ta’ użu tal-elementi regolatorji stabbiliti mil-leġiżlatur innifsu.

73.

Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 23(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 joffri l-elementi neċessarji għal din is-soluzzjoni materjalment ekwivalenti. Il-kontenut tiegħu jippermetti interpretazzjoni li, irrispettivament minn kemm tista’ tirriżulta estensiva u ambizzjuża, tkun dejjem iktar rispettuża għall-ispirtu tal-leġiżlatur milli l-ħolqien ġudizzjarju ta’ każ ġdid ta’ rifjut tal-MAE. Fl-aħħar mill-aħħar, huwa preferibbli li s-sens u l-portata ta’ din id-dispożizzjoni pożittiva jiġu aġġustati milli toħloq, barra minn din tal-aħħar, regola ġdida permezz tal-qorti.

74.

Interpretat fil-kuntest tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-Artikolu 23(4) tagħha jista’, nirrepeti, jipprovdi s-soluzzjoni meħtieġa mill-Artikolu 1(3) tagħha, f’każijiet bħal dak inkwistjoni.

E.   Sospensjoni suġġetta għal kundizzjonijiet u li tista’ tiġi reveduta tal-eżekuzzjoni ta’ MAE għal raġunijiet umanitarji serji

75.

Argument favur l-adegwatezza tal-Artikolu 23(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 sabiex jissodisfa r-rekwiżit tal-Artikolu 1(3) tagħha huwa dak li jsemmi espliċitament il-“konsenja […] li [tista’ tqiegħed] manifestament f’perikolu l-ħajja jew is-saħħa tal-persuna rikjesta”.

76.

Din l-indikazzjoni tintroduċi differenza rilevanti fir-rigward tal-Artikoli 3, 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, kemm jekk obbligatorji jew fakultattiva, previsti f’dawn l-artikoli jikkonċernaw elementi oġġettivi, jiġifieri, reati li wasslu għall-ħruġ tal-MAE jew l-aspetti pożittivi jew negattivi tal-proċeduri kriminali li għalihom dawn ir-reati taw jew jistgħu jagħtu lok ( 34 ).

77.

Iż-żieda mal-lista tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ta’ raġuni supplimentari għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni (li għandha neċessarjament tkun obbligatorja, fid-dawl tan-natura tad-dritt fundamentali), ibbażata fuq riskju ta’ ksur tal-Artikolu 3 jew tal-Artikolu 4 tal-Karta, għandha diffikultajiet evidenti f’sistema ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni stabbilita fuq il-bażi tar-rabta ġuridika tas-sistemi kriminali tal-Istati Membri kollha.

78.

Kieku ma kienx hemm rimedju ieħor, dawn id-diffikultajiet probabbilment ma jkunux suffiċjenti sabiex jipprekludu l-introduzzjoni ġudizzjarja ta’ raġuni ġdida għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, kif seħħ fil-każijiet Aranyosi u Căldăraru, u hekk kif spjegajt iktar ’il fuq. Bil-kontra ta’ dan, fil-kawża inkwistjoni hawnhekk, wieħed jista’ jirrikorri għar-rimedju tal-Artikolu 23(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Dan ir-rimedju huwa b’mod partikolari effettiv sabiex:

Ma jiġix ippreġudikati r-ratio legis u l-iskop ta’ dispożizzjoni li għandha bħala għan il-protezzjoni tal-ħajja u tal-integrità tal-persuna rikjesta.

Jiġu prodotti effetti indipendentement mir-reat li għalih hija mfittxija din il-persuna jew mill-piena li għandha tiġi eżegwita; jiġifieri indipendentement miċ-ċirkustanzi kollha marbuta mas-sistemi kriminali tal-Istati Membri li huma l-bażi tal-Artikoli 3, 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

79.

Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 23(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huwa xieraq sabiex jiġi indirizzat it-tħassib espress mill-qorti tar-rinviju.

80.

Fl-ewwel lok, huwa jistabbilixxi kriterju għad-definizzjoni tal-“limitu minimu” tal-gravità tar-riskju (“periklu għall-ħajja jew għas-saħħa”) moqri flimkien mal-Artikoli 3 u 4 tal-Karta ( 35 ).

81.

Fit-tieni lok, huwa jipprevedi kanal ta’ komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti u ta’ eżekuzzjoni tal-MAE, li l-implimentazzjoni tiegħu jagħti lok għad-dubji tal-qorti tar-rinviju.

82.

Għalkemm, skont din id-dispożizzjoni, il-komunikazzjoni bejn iż-żewġ awtoritajiet ġudizzjarji ma tirrigwardax l-eżistenza ta’ raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni, iżda d-data tal-konsenja tal-persuna rikjesta, fil-fehma tiegħi xejn ma jipprekludi li jiġi antiċipat il-mument li fih l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tiddeċiedi jekk tissospendix il-konsenja.

83.

Permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tikseb mingħand l-awtorità ġudizzjarja emittenti spjegazzjonijiet dwar il-kura tas-saħħa disponibbli fiċ-ċentri ta’ detenzjoni jew korrettivi, konformi mal-bżonnijiet mediċi tal-persuna rikjesta.

84.

Huwa wkoll bħala riżultat ta’ dan id-djalogu, u fid-dawl tal-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-persuna rikjesta li sa dak il-mument ma kinux magħrufa mill-awtorità ġudizzjarja emittenti, li din għandha, ex officio jew fuq l-istedina tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, twettaq evalwazzjoni mill-ġdid tar-rilevanza tal-MAE, jekk hija tqis li dan huwa xieraq, billi tieħu inkunsiderazzjoni fattur (ġdid) li għandu effett fuq l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ( 36 ).

85.

B’dan il-mod, mal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi li fid-dawl tagħhom isir l-istħarriġ tal-proporzjonalità (jekk il-MAE jkun inħareġ għall-eżerċizzju ta’ azzjonijiet ġudizzjarji kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ piena u s-serjetà tal-fatti li jikkostitwixxu reat, fost fatturi oħra) tiżdied dik relatata mas-saħħa tal-persuna rikjesta. Minn din l-evalwazzjoni jista’ jirriżulta l-irtirar (temporanju jew definittiv) tal-MAE, iżda wkoll iż-żamma tiegħu, jekk l-awtorità emittenti tiddeċiedi li għandha madankollu titkompla l-proċedura ta’ konsenja.

86.

Nifhem li l-Artikolu 23(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jippermetti, għal dawn il-każijiet, sistema ta’ komunikazzjoni bejn il-qrati simili għal dik li, skont l-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, tista’ tintuża qabel ma tiġi deċiża l-awtorizzazzjoni tal-eżekuzzjoni tal-MAE.

87.

Ċertament, l-informazzjoni rilevanti fis-sens tal-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija, skont il-formulazzjoni tagħha, dik li tirriżulta indispensabbli sabiex “tiddeċiedi dwar il-konsenja”, jiġifieri, sabiex jiġi deċiż jekk din hijiex xierqa fid-dawl tal-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 3 sa 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ( 37 ).

88.

Iżda xejn ma jipprekludi, fil-fehma tiegħi, li jsiru skambji ta’ informazzjoni meta dan ikun xieraq sabiex jiġi evalwat ir-riskju li jista jiddetermina s-sospensjoni tal-konsenja, anki wara l-għoti ta’ din tal-aħħar, jekk ikun hemm motivi umanitarji serji ( 38 ).

89.

Fl-interess tad-drittijiet tal-persuna rikjesta, ovvjament, iżda wkoll fl-interess leġittimu tal-Unjoni fil-ġlieda kontra l-impunità, li tikkostitwixxi s-suġġett, b’mod partikolari, tal-mekkaniżmu tal-MAE ( 39 ), l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tiddeċiedi dwar l- eventwali sospensjoni tal-konsenja billi tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni indispensabbli kollha sabiex tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kawża.

90.

Jekk dan l-għarfien jeħtieġ komunikazzjoni immedjata u fluwida mal-awtorità ġudizzjarja emittenti, l-aċċess għall-mekkaniżmu tal-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huwa opportun, anki jekk l-eżekuzzjoni diġà ġiet milqugħa.

91.

Is-sospensjoni tista’ għalhekk tiġi applikata fir-rigward ta’ eżekuzzjoni li diġà ġiet ordnata wara li tkun ngħaddiet mill-“filtru” tar-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni stabbiliti fl-Artikoli 3, 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Ir-riskju serju għas-saħħa jsir għalhekk raġuni li tippreżupponi l-awtorizzazzjoni tal-eżekuzzjoni tal-MAE u tiġġustifika d-deċiżjoni li jiġi sospiż.

F.   Ikun hemm sospensjoni jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni fil‑każ ta’ mard kroniku u irreversibbli?

92.

Fir-rigward tal-estensjoni ratione temporis tal-miżura, l-Artikolu 23(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jitkellem dwar in-“natura provviżorja” tas-sospensjoni u jordna li l-eżekuzzjoni tal-MAE sseħħ “hekk kif [ir-raġunijiet umanitarji serji li ġġustifikawha] ma jibqgħux jeżistu”.

93.

In-natura provviżorja tas-sospensjoni għandha għalhekk tkun korrelatata mal-persistenza tal-motivi umanitarji li jiġġustifikawha. Dawn jistgħu jgħibu jew jiġu korretti għal diversi raġunijiet (b’mod partikolari, l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tal-persuna rikjesta).

94.

Fi kwalunkwe każ, u kif issuġġeriet il-qorti tar-rinviju ( 40 ), fid-dawl tal-possibbiltà li s-sospensjoni għandha tiġi estiża, xejn ma jipprekludi li d-djalogu kontinwu bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji kkonċernati jippermetti li jiġu identifikati soluzzjonijiet partikolari oħra ( 41 ).

95.

Huwa biss jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, is-sospensjoni għandha tiġi estiża lil hinn minn terminu li n-natura raġonevoli tiegħu għandha tiġi eżaminat mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, fi djalogu mal-awtorità ġudizzjarja emittenti ( 42 ), li jkun hemm lok li l-konsenja deċiża minn din tal-aħħar ma tiġix implimentata.

96.

Fl-aħħar nett, nikkonkludi li:

L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, bħala prinċipju, tikkonforma ruħha mar-raġunijiet (eżawrjenti) għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti espliċitament mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (Artikoli 3, 4 u 4a), jiġifieri, għal raġunijiet marbuta strettament mar-reati ikkonċernati mill-azzjonijiet ġudizzjarji u l-aspetti pożittivi jew negattivi tal-proċeduri kriminali li jikkonċernawhom.

Eċċezzjonalment, u fil-każ fejn jeżistu raġunijiet suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat riskju gravi ta’ ksur tal-Artikoli 3 jew 4 tal-Karta għal raġunijiet inerenti għall-istat ta’ saħħa tal-persuna rikjesta, li jqiegħdu l-ħajjitha f’perikolu, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tissospendi l-eżekuzzjoni diġà deċiża tal-MAE, wara informazzjoni li tkun ġiet ipprovduta lilha mill-awtorità ġudizzjarja emittenti, u sakemm l-imsemmi riskju serju jkompli jeżisti.

V. Konklużjoni

97.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej lill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja):

“L-Artikoli 1(3) u 23(4) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/JAI, tat‑13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/JAI, tas‑26 ta’ Frar 2009, eżaminati fid-dawl tal-Artikoli 3, 4 u 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tqis li l-konsenja ta’ persuna rikjesta li tbati minn mard kroniku serju u potenzjalment irreversibbli tista’ tesponiha għar-riskju li ssofri dannu serju għas-saħħa tagħha, hija għandha titlob lill-awtorità ġudizzjarja emittenti informazzjoni li tippermetti li jiġi eskluż dan ir-riskju u, jekk ikun il-każ, li tissospendi, eċċezzjonalment u provviżorjament, il-konsenja ta’ din il-persuna sakemm l-imsemmi riskju serju jkompli jeżisti”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tal‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/JAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24).

( 3 ) Kawżi magħquda C‑404/15 u C‑659/15 PPU (EU:C:2016:198); iktar ’il quddiem is-“sentenza Aranyosi u Căldăraru” jew il-“ġurisprudenza Aranyosi u Căldăraru”.

( 4 ) Disposizioni per conformare il diritto interno alla decisione quadro 2002/584/GAI del Consiglio, del 13 giugno 2002, relativa al mandato d’arresto europeo e alle procedure di consegna tra Stati membri (il-Liġi Nru 69, tat‑22 ta’ April 2005, li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet Sabiex id-Dritt Nazzjonali jiġi Kkonformat mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (...)) (GURI Nru 98, tad‑29 ta’ April 2005, p. 6), fil-verżjoni emendata permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 10, tat‑2 ta’ Frar 2021 (GURI Nru 30, tal‑5 ta’ Frar 2021).

( 5 ) Skont id-digriet tar-rinviju (punt 1.3), id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali mressqa mill-Corte d’appello di Milano (il-Qorti tal-Appell ta’ Milano) huma l-Artikoli 2 u 35 tal-Kostituzzjoni Taljana, li jiggarantixxu d-dritt għas-saħħa, u l-Artikolu 3, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ ugwaljanza. Il-ksur ta’ dan tal-aħħar jirriżulta mill-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-estradizzjoni ssemmi bħala raġuni speċifika għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni l-fatt li jkun hemm raġunijiet ta’ saħħa, li madankollu, skont il-formulazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-każ ta’ MAE.

( 6 ) Punt 7.3 tad-digriet tar-rinviju, li jagħmel riferiment għas-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 29); u tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 60).

( 7 ) Punt 7.4 tad-digriet tar-rinviju, li tiċċita s-sentenza Aranyosi u Căldăraru, punt 80.

( 8 ) Punt 7.5 tad-digriet tar-rinviju.

( 9 ) Il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) (C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589); u tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu (C‑128/18, EU:C:2019:857), iktar ’il quddiem is-“sentenza Dorobantu”.

( 10 ) Sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586), iktar ’il quddiem is-“sentenza Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja)”; u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033), iktar ’il quddiem is-“sentenza Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti)”.

( 11 ) Sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2021, Openbaar Ministerie (dritt għal smigħ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni) (C‑428/21 PPU u C‑429/21 PPU, EU:C:2021:876, punt 38).

( 12 ) Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (qorti stabbilita bil-liġi tal-Istat Membru emittenti) (C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100), iktar ’il quddiem l-“Openbaar Ministerie (qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti)”, punt 43.

( 13 ) Iċċitata iktar ’il fuq, punt 44.

( 14 ) Sentenza Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja, punt 41).

( 15 ) Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 191.

( 16 ) Sentenza Aranyosi u Căldăraru, punt 83.

( 17 ) Sentenza Dorobantu (punt 50), li tiċċita s-sentenzi preċedenti.

( 18 ) Sentenza Aranyosi u Căldăraru, punt 85.

( 19 ) Filwaqt li adottat l-evalwazzjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) fis-sentenza tagħha tat‑28 ta’ Settembru 2015, Bouyid vs Il-Belġju (CE:ECHR:2015:0928JUD002338009), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, fiċ-ċirkustanzi kollha, inkluż fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tipprojbixxi f’termini assoluti t-tortura u l-pieni jew it-trattamenti inumani jew degradanti, irrispettivament mill-aġir tal-persuna kkonċernata (sentenza Aranyosi u Căldăraru, punt 87). Għalhekk ma hemm l-ebda eċċezzjoni għall-garanzija tal-Artikolu 4 tal-Karta, lanqas abbażi tal-iktar raġuni tal-Istat importanti, li hija dik tas-sopravvivenza tiegħu stess.

( 20 ) Dan huwa t-tieni wieħed mid-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja analizzat fir-rigward tal-estensjoni eventwali tar-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE (fost oħrajn, is-sentenzi Openbaar Ministerie (qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti); Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja); u Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti)).

( 21 ) Sentenza Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti). Il-paragrafu 57 tiegħu jfakkar li, “(...), l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu tal-(MAE) tista’ tiġi sospiża biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 2 TUE, fosthom dak tal-Istat tad-dritt, ikkonstatat mill-Kunsill Ewropew skont l-Artikolu 7(2) TUE, bil-konsegwenzi previsti fl-Artikolu 7(3) TUE”. Enfasi miżjuda minni.

( 22 ) Sentenza Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja, punt 37).

( 23 ) Sentenzi Aranyosi u Căldăraru u Dorobantu.

( 24 ) Punt 43 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha: “Il-problema tinsab fis-sitwazzjoni individwali tal-persuna u hija intrinsikament marbuta ma’ din is-sitwazzjoni, indipendentement mill-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru li jkun ħareġ il-(MAE)”.

( 25 ) Digriet tar-rinviju, punt 1.1.

( 26 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu (punt 7), il-Gvern Kroat isostni li s-sistema tas-saħħa tal-pajjiż tiegħu tiżgura lill-persuna rikjesta livell għoli ta’ kura tas-saħħa, inklużi dawk relatati mal-kura tad-dipendenza tagħha, indipendentement mill-istatus tagħha.

( 27 ) B’analoġija, ara s-sentenza tal‑24 ta’ April 2018, MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passati) (C‑353/16, EU:C:2018:276), iktar ’il quddiem is-“sentenza MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passati)”, punt 41: “l-Artikolu 4 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trasferiment ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkollu kundizzjoni mentali jew fiżika partikolarment gravi, jikkostitwixxi trattament inuman u degradanti, fis-sens ta’ dan l-artikolu, jekk dan it-trasferiment iwassal għal riskju reali u kkonfermat ta’ deterjorament sinjifikattiv u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu”. Fuq l-istess linji, reċentement, ara s-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis Terapewtika) (C‑69/21, EU:C:2022:913), punt 66

( 28 ) Is-sentenza MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passata) tiċċita, min-naħa tagħha, fil-punt 40, is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Paposhvili vs Il-Belġju (CE:ECHR:2016:1213JUD004173810) punti 178 u 183 dwar id-dispożizzjoni ekwivalenti tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem: “Mill-ġurisprudenza l-iktar reċenti [tal-Qorti EDB] jirriżulta li din id-dispożizzjoni [l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem] tipprekludi t-tkeċċija ta’ persuna serjament marida li għaliha jeżisti riskju ta’ mewt imminenti jew fejn jeżistu raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li, anki jekk ma tinsabx f’riskju ta’ mewt imminenti, hija ser tkun esposta, minħabba l-assenza ta’ trattamenti xierqa fil-pajjiż ta’ destinazzjoni jew minħabba l-assenza ta’ aċċess għalihom, għal riskju reali ta’ esperjenza jew anki deterjorament gravi, rapidu u irriversibbli tal-istat ta’ saħħa tagħha li jinvolvi tbatija intensa jew tnaqqis sinjifikattiv fl-istennija tal-ħajja tagħha”.

( 29 ) Sabiex nuża l-eżempju mogħti mill-Gvern Taljan waqt is-seduta, il-konsenja ta’ pazjent li jbati minn mard tal-kliewi li jeħtieġu inevitabbilment trattament ta’ dijalisi tista’ tmur kontra l-Artikolu 4 tal-Karta jekk, fl-Istat Membru emittenti, ma jkollux il-possibbiltà li jsegwi dan l-istess trattament.

( 30 ) Sabiex jiġi dan ir-riskju jiġi evitat, iċ-ċentri ta’ detenzjoni u ta’ ħabs ġeneralment jinkludu protokolli ad hoc u f’ċerti Stati Membri jeżistu sptarijiet jew unitajiet psikjatriċi li jservu ta’ ħabs. Ara d-dokument “Preventing suicide in jails and prisons», tal-Organización Mundial de la Salud u tal-IASP (International association for suicide prevention) (2007) fi https://n9.cl/947kd Ara wkoll ir-rapport, li l-Kummissjoni ċċitat fis-seduta, tal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (FRA), dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Unjoni Ewropea, li fl-edizzjoni tal‑2019 tiegħu jsemmi livell ekwivalenti fost is-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa fil-ħabsijiet (FRA: Criminal detention conditions in the European Union: rules and reality, 2019).

( 31 ) Fost id-drittijiet espliċitament previsti hemm, pereżempju, dak li persuna ma tiġix issanzjonata darbtejn għall-istess fatti (Artikolu 50 tal-Karta). Il-protezzjoni ta’ dan id-dritt hija żgurata mir-raġuni ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u tista’ tiġi nnotata fil-parti l-kbira tar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva kkontemplati fl-Artikolu 4 tagħha. L-istess iseħħ fid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (Artikolu 47 tal-Karta) involut f’każijiet ta’ kundanna in absentia u ammess permezz tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas bħala raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva.

( 32 ) Punti 6.2 u 6.3 tad-digriet tar-rinviju.

( 33 ) Punt 6.3 tad-digriet ta’ rinviju.

( 34 ) L-unika ċirkustanza suġġettiva kkunsidrata hija dik imsemmija fl-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li tistabbilixxi bħala raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja l-l-assenza ta’ responsabbiltà kriminali għal raġunijiet ta’ età. Madankollu, din hija raġuni relatat ma’ ċirkustanza personali sa fejn huwa marbut ma’ fatt kriminali u li għandu effett fuq ir-responsabbiltà kriminali.

( 35 ) Kif sostniet il-Kummissjoni (punt 45 tan-nota tal-osservazzjonijiet tagħha), dan il-livell minimu ma jaqax taħt it-“tbatija psikoloġika” inerenti fis-sitwazzjoni ta’ ċaħda tal-libertà.

( 36 ) Fil-punt 6 tan-nota tal-osservazzjonijiet tiegħu, E. D. L. jikkwalifika bħala sproporzjonata l-ħruġ ta’ MAE kontra kull persuna marida serjament, approċċ astratt li jiena ma naqbilx magħha. Madankollu, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jista’ jkollu rwol fis-sens li ser nesponi.

( 37 ) Dispożizzjonijiet li magħhom l-Artikolu 15(2) iżid l-Artikolu 8 tal-istess deċiżjoni qafas, li jirrigwarda l-kontenut u l-forom tal-MAE.

( 38 ) Xejn ma jipprekludi lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni milli titlob l-informazzjoni korrispondenti permezz tal-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kemm jekk hija tikkonstata ab initio l-eżistenza ta’ raġunijiet umanitarji serji jew jekk ir-riskju għall-integrità u għas-saħħa tal-persuna rikjesta jinkixef wara li tkun ġiet ordnata l-eżekuzzjoni.

( 39 ) Sentenza Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti, punt 62).

( 40 ) Punt 9.5 tad-digriet tar-rinviju.

( 41 ) Il-fatt li l-marda hija kronika u għal tul mhux determinabbli ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Barra minn hekk, pazjent kroniku jista’ jibbenefika minn kura medika fl-Istat emittenti, f’termini simili għal dawk tal-Istat ta’ eżekuzzjoni. Xorta jibqa’ l-fatt li l-konsenja, fiha nnifisha, tqiegħed il-ħajja tal-persuna rikjesta f’riskju imminenti.

( 42 ) F’każijiet bħal dak ineżami, fejn il-persuna rikjesta hija fil-libertà, inqis li s-sospensjonijiet ripetuti, fuq talba tal-persuna kkonċernata nnifisha, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala dewmien indebitu.

Top