This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CC0689
Opinion of Advocate General Szpunar delivered on 26 January 2023.#X v Udlændinge- og Integrationsministeriet.#Request for a preliminary ruling from the Østre Landsret.#Reference for a preliminary ruling – Citizenship of the European Union – Article 20 TFEU – Article 7 of the Charter of Fundamental Rights of the European Union – Citizen holding the nationality of a Member State and the nationality of a third country – Loss of the nationality of the Member State by operation of law upon reaching the age of 22 on the ground of lack of a genuine link with that Member State where no application to retain nationality has been made before the date on which that age is reached – Loss of citizenship of the Union – Examination of the proportionality of the consequences of that loss from the point of view of EU law – Limitation period.#Case C-689/21.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fis-26 ta’ Jannar 2023.
X vs Udlændinge- og Integrationsministeriet.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Østre Landsret.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 20 TFUE – Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ċittadinanza ta’ Stat Membru u ta’ Stat terz – Telf ipso jure taċ-ċittadinanza tal-Istat Membru fl-età ta’ 22 sena minħabba nuqqas ta’ rabta effettiva fl-assenza ta’ talba għaż-żamma qabel dik id-data – Telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni – Eżami tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-konsegwenzi tat-telf fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni – Terminu ta’ dekadenza.
Kawża C-689/21.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fis-26 ta’ Jannar 2023.
X vs Udlændinge- og Integrationsministeriet.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Østre Landsret.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 20 TFUE – Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ċittadinanza ta’ Stat Membru u ta’ Stat terz – Telf ipso jure taċ-ċittadinanza tal-Istat Membru fl-età ta’ 22 sena minħabba nuqqas ta’ rabta effettiva fl-assenza ta’ talba għaż-żamma qabel dik id-data – Telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni – Eżami tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-konsegwenzi tat-telf fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni – Terminu ta’ dekadenza.
Kawża C-689/21.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:53
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fis‑26 ta’ Jannar 2023 ( 1 )
Kawża C‑689/21
X
vs
Udlændinge- og Integrationsministeriet
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 20 TFUE – Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ċittadinanza ta’ Stat Membru u ta’ Stat terz – Telf ipso jure taċ-ċittadinanza tal-Istat Membru fl-età ta’ 22 sena minħabba nuqqas ta’ rabta effettiva fl-assenza ta’ talba għaż-żamma qabel dik id-data – Telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni – Eżami tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tal‑konsegwenzi tat-telf fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni”
I. Introduzzjoni
1. |
Il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tipprevedi t-telf ipso jure tan-nazzjonalità taċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru, taħt ċerti kundizzjonijiet, fl-età ta’ 22 sena minħabba n-nuqqas ta’ rabta effettiva u fl-assenza ta’ talba għaż-żamma taċ-ċittadinanza qabel dik id-data. Dan iġib miegħu għalhekk, għall-persuna kkonċernata, it-telf tal-istatus tagħha ta’ ċittadin tal-Unjoni, mingħajr ma l-awtoritajiet nazzjonali jwettqu stħarriġ ta’ proporzjonalità, fid-dawl tad-dritt tal‑Unjoni, tal‑konsegwenzi li dan it-telf iġib miegħu fuq is-sitwazzjoni ta’ din il‑persuna meta t-talba titressaq wara din l-età. |
2. |
Il-qorti tar-rinviju tixtieq li tingħata kjarifiki dwar il-kwistjoni jekk tali leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex konformi mal-Artikolu 20 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
3. |
Din il-kawża hija r-raba’ parti tal-kapitolu relatat mal-obbligi tal‑Istati Membri fil-qasam tal-ksib u t-telf taċ-ċittadinanza fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, li nfetaħ permezz tal-kawża li wasslet għas-sentenza Rottmann ( 2 ). Il-ġurisprudenza li ħarġet minn din is-sentenza ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Tjebbes et ( 3 ) u Wiener Landesregierung (Revoka ta’ assigurazzjoni ta’ naturalizzazzjoni) ( 4 ). Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li teżamina mill-ġdid il‑kundizzjonijiet tat-telf ipso jure taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru li jġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Tjebbes et. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
4. |
L-Artikolu 20(1) TFUE jistabbilixxi ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jistipula li “[k]walunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru” hija ċittadina tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 20(2)(a) TFUE, iċ‑ċittadini tal-Unjoni għandhom id-“dritt ta’ moviment liberu u d-dritt ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri”. |
5. |
Skont l-Artikolu 7 tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha. |
B. Id‑dritt Daniż
6. |
L-Artikolu 8(1) tal-Lov nr. 422 om dansk indfødsret, lovbekendtgørelse (il-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza Daniża (Avviż Legali Nru 422), tas‑7 ta’ Ġunju 2004, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall‑kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar iċ-Ċittadinanza”), tipprevedi: “Persuna mwielda fl-esteru, li qatt ma rrisjediet fit-territorju nazzjonali u lanqas qagħdet fih f’ċirkustanzi li juru rabta mad-Danimarka, titlef iċ-ċittadinanza tagħha fl-età ta’ 22 sena, sakemm ma ssirx apolida. Madankollu, il-Ministru għar-Refuġjati, għall-Immigranti u għall-Integrazzjoni, jew il-persuna awtorizzata minn għal dan il-għan, jista’, fuq talba mressqa qabel din id-data, jawtorizza ż-żamma taċ-ċittadinanza.” |
7. |
Is-cirkulæreskrivelse nr. 10873 om naturalisation (iċ-Ċirkulari dwar in-Naturalizzazzjoni Nru 10873), tat‑13 ta’ Ottubru 2015, ġiet emendata permezz taċ-Ċirkulari Nru 9248 tas‑16 ta’ Marzu 2016 (iktar ’il quddiem iċ-“Ċirkulari dwar in-Naturalizzazzjoni”). |
8. |
Skont iċ-Ċirkulari dwar in-Naturalizzazzjoni, l-ex ċittadini Daniżi li tilfu ċ-ċittadinanza Daniża tagħhom skont l-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza għandhom, bħala regola, jissodisfaw il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ ksib taċ-ċittadinanza Daniża mitluba mil-liġi. Dan ifisser li l-persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti minn din iċ-ċirkulari f’dak li jirrigwarda l-perijodi li qagħdu fil-pajjiż, l-età, il-kondotta tajba, id-dejn lejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-awtosuffiċjenza, l-impjieg, il-konoxxenza tal-lingwa Daniża u l-konoxxenza tas-soċjetà, tal-kultura u l-istorja Daniżi huma inklużi fl-abbozz ta’ liġi tal-Gvern Daniż dwar l-għoti taċ-ċittadinanza. Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din iċ-ċirkulari, l-applikant għandu jkun jirrisjedi fit‑territorju nazzjonali fil-mument tat-talba għan-naturalizzazzjoni. Skont l-Artikolu 7 tal-imsemmija ċirkulari, l-applikant għandu jkollu residenza mhux interrotta ta’ disa’ snin. |
9. |
Skont l-Artikolu 13, moqri flimkien mal-punt 3 tal-Anness 1 tal-istess ċirkulari, ir-rekwiżiti ġenerali dwar ir-residenza jistgħu jkunu inqas stretti fir-rigward ta’ persuni li qabel kellhom iċ-ċittadinanza Daniża jew li huma ta’ oriġini Daniża. |
III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali, id‑domanda preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
10. |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li twieldet fil‑5 ta’ Ottubru 1992 fl-Istati Uniti tal-Amerika, għandha, sa mit-twelid tagħha, iċ-ċittadinanza Daniża u Amerikana u qatt ma rrisjediet fid-Danimarka. Hija għandha żewġ ħutha subien u bniet li jgħixu fl-Istati Uniti, u wieħed minnhom għandu ċ-ċittadinanza Daniża, u ma għandha l-ebda ġenitur, ħuha jew oħtha fid-Danimarka. |
11. |
Fis‑17 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet quddiem l-Udlændinge – og Integrationsministeriet (il-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni) talba għal ċertifikat ta’ żamma taċ-ċittadinanza Daniża tagħha wara l-età ta’ 22 sena. Abbażi ta’ informazzjoni f’din it-talba, dan il-Ministeru qies li hija kienet irrisjediet fid-Danimarka għal perijodu massimu ta’ 44 ġimgħa qabel ma għalqet 22 sena. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ddikjarat li kienet qagħdet fid-Danimarka għal 5 ġimgħat wara li għalqet 22 sena u li kienet parti mit-tim nazzjonali Daniż tal-basketball tan-nisa fl‑2015. Hija indikat ukoll li kienet irrisjediet għal madwar 3 sa 4 ġimgħat fi Franza matul is-sena 2005. Madankollu xejn ma jindika li kienet irrisjediet barra minn din fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni. |
12. |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Jannar 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni informa lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali dwar it-telf taċ-ċittadinanza Daniża tagħha peress li kienet laħqet l-età ta’ 22 sena, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, u li ma kienx possibbli li tirrikorri għad-deroga prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(1) ta’ din il-liġi peress li t-talba tagħha għaż-żamma taċ-ċittadinanza Daniża kienet tressqet wara l-età ta’ 22 sena. Din id-deċiżjoni tindika, b’mod partikolari, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet tilfet iċ-ċittadinanza tagħha meta laħqet l-età ta’ 22 sena, peress li qatt ma rrisjediet fid-Danimarka u lanqas qagħdet fid-Danimarka f’ċirkustanzi li jindikaw rabta ma’ dan l-Istat Membru, peress li l-perijodu kollu taż-żjarat kollha li hija għamlet fit-territorju nazzjonali, qabel l-età ta’ 22 sena, ma kienx ta’ iktar minn 44 ġimgħa. |
13. |
Fid‑9 ta’ Frar 2018, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet quddiem il-Københavns byret (il-Qorti Muniċipali ta’ Kopenħagen, id-Danimarka) talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u għar-rieżami tal-kawża. Permezz ta’ digriet tat‑3 ta’ April 2020, il-kawża ntbagħtet quddiem l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka), li ddeċidiet li teżamina l-kawża fl-ewwel istanza. |
14. |
Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li, permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Ottubru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Novembru 2021, l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill‑Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “L-Artikolu 20 TFUE, flimkien mal-Artikolu 7 tal-[Karta], jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi, bħala prinċipju, li ċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat Membru tintilef ex lege meta tintlaħaq l-età ta’ 22 sena fil-każ ta’ persuni li jkunu twieldu barra minn dak l-Istat Membru u li qatt ma jkunu għexu f’dak l‑Istat Membru u lanqas ma jkunu rrisjedew hemmhekk f’ċirkustanzi li jindikaw rabta mill-qrib ma’ dak l-Istat Membru, bil-konsegwenza li l‑persuni li wkoll ma jkollhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor jiċċaħħdu mill-istatus ta’ ċittadini tal-Unjoni u mid-drittijiet marbuta ma’ dak l-istatus, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta li:
|
15. |
Ġew ippreżentati osservazzjoni bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Daniż u dak Franċiż u mill-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Franċiż, kienu rrappreżentati waqt is-seduta li saret fl‑4 ta’ Ottubru 2022 u wieġbu għall-mistoqsijiet li sarulhom oralment mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
IV. Analiżi legali
16. |
Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 TFUE, moqri fid-dawl tal‑Artikolu 7 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi, taħt ċerti kundizzjonijiet, it-telf ipso jure taċ-ċittadinanza ta’ dan l-Istat Membru meta tintlaħaq l-età ta’ 22 sena minħabba nuqqas ta’ rabta effettiva fl-assenza ta’ talba sabiex tinżamm iċ-ċittadinanza qabel ma tintlaħaq din l-età, bil-konsegwenza li fil-każ ta’ persuni li ma jkollhomx ukoll ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor jitilfu l-istatus tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni u d-drittijiet marbuta ma’ dak l-istatus, mingħajr ma jkun twettaq, meta t-talba sabiex tinżamm iċ-ċittadinanza tkun tressqet wara l-età ta’ 22 sena, eżami individwali fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-konsegwenzi li tali telf ikollu fuq is-sitwazzjoni tagħhom fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. |
17. |
Id-dubji tal-qorti tar-rinviju, dwar il-konformità mal-Artikolu 20 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tal-Karta, tas‑sistema ta’ telf taċ-ċittadinanza Daniża, prevista fl-Artikolu 8(1) tal‑Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, li jseħħ fl-età ta’ 22 sena, jirrigwardaw, minn naħa, il-fatt li t-telf ta’ din iċ-ċittadinanza u, għalhekk, tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa awtomatiku u li din id-dispożizzjoni ma tipprevedi l-ebda eċċezzjoni u, min-naħa l-oħra, id-diffikultà li tiġi rkuprata ċ-ċittadinanza permezz ta’ naturalizzazzjoni wara din l-età. |
18. |
Fl-analiżi tiegħi, ser nuri, qabelxejn, l-aspetti relatati mal-kawża prinċipali li jiena nqis li huma rilevanti għall-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (titolu A). Sussegwentement, ser nuri l-linja ġurisprudenzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tas-sentenza Tjebbes et, fir‑rigward ta’ liema l-qorti tar-rinviju wriet id-dubji tagħha f’dak li jirrigwarda l‑konformità tas-sistema ta’ telf taċ-ċittadinanza Daniża mad-dritt tal-Unjoni (titolu B). Finalment, ser nanalizza d-domanda preliminari fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza billi nikkonċentra, minn naħa, fuq l-eżami tal-leġittimità tal-għan ta’ interess ġenerali li għandu jintlaħaq bit-telf taċ-ċittadinanza Daniża previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, fuq l-istħarriġ tal-proporzjonalità ta’ dan it-telf, li jirriżulta wkoll fit-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni (titolu C). |
A. Fuq l‑aspetti tal‑kawża prinċipali rilevanti għall‑kawża quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
1. Fuq il‑karatteristiċi tas‑sistema Daniża ta’ telf taċ‑ċittadinanza inkwistjoni fil‑kawża prinċipali
19. |
Mill-kuntest legali spjegat mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li t-telf taċ-ċittadinanza Daniża huwa stabbilit, minn naħa, bl-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza u bil-prassi amministrattiva tal-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni relatata mal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ( 5 ) u, min-naħa l-oħra, biċ-Ċirkulari dwar in-Naturalizzazzjoni, li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet mitluba sabiex tiġi rkuprata ċ-ċittadinanza ta’ ex ċittadini Daniżi li jkunu tilfu ċ-ċittadinanza Daniża tagħhom taħt l-imsemmija dispożizzjoni. |
20. |
L-ewwel, fir-rigward tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, infakkar li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tagħha tipprevedi t-telf ipso jure taċ-ċittadinanza Daniża fl-età ta’ 22 sena għal kull persuna li hija ċittadin Daniż “imwielda fl-esteru, li qatt ma rrisjediet fid-Danimarka u lanqas qagħdet fih f’ċirkustanzi li juru rabta mad-Danimarka, sakemm ma ssirx apolida” ( 6 ). Madankollu, it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(1) ta’ din il-liġi tipprevedi deroga għal din ir-regola, jiġifieri li tali ċittadini jistgħu, qabel ma jilħqu l-età ta’ 22 sena, iressqu talba għaż-żamma taċ‑ċittadinanza Daniża tagħhom quddiem il-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni. |
21. |
It-tieni, fir-rigward tal-prassi amministrattiva tal-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, il-qorti tar-rinviju tesponi l-elementi segwenti. |
22. |
Qabelxejn, fir-rigward tar-regola prevista fl-ewwel sentenza tal‑Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, din il-qorti tindika, fir‑rigward tal-kriterju ta’ residenza inkwistjoni f’din il-kawża, li hemm distinzjoni skont jekk il-perijodu tar-residenza fid-Danimarka, qabel l‑età ta’ 22 sena, kienx ta’ mill-inqas sena jew ta’ inqas minn sena. Fl‑ewwel każ, il-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ “rabta suffiċjenti” mad-Danimarka sabiex tinżamm iċ-ċittadinanza Daniża. Fit-tieni każ, ir-rekwiżiti relatati mar‑rabta li jirriżultaw minn din il-prassi amministrattiva huma madankollu iktar stretti ( 7 ). Fil-fatt, l-applikant għandu jiġġustifika li ż-żjarat għal perijodu ta’ inqas minn sena huma madankollu l-espressjoni ta’ “rabta partikolari mad-Danimarka”. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispjega li, skont ix-xogħol preparatorju tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza ( 8 ), tali żjarat jistgħu jkunu perijodi ta’ servizz militari, ta’ studji superjuri, ta’ taħriġ jew ta’ vaganzi repetuti ta’ ċertu perijodu. |
23. |
F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, id-deroga prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, il-qorti tar-rinviju tispjega li, skont il-prassi amministrattiva tal-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni, meta l-kundizzjonijiet ta’ residenza jew ta’ żjara ma humiex issodisfatti, u jekk it-talba tressqet qabel ma tintlaħaq l-età ta’ 22 sena ( 9 ), l-enfasi hija fuq sensiela ta’ elementi oħra, bħat-tul totali taż-żjara tal-applikant fid-Danimarka, in‑numru ta’ żjarat f’dan l-Istat Membru, il-fatt li ż-żjarat saru qabel l-età ta’ 22 sena jew li jmorru lura għal numru ta’ snin qabel, kif ukoll il-fatt li l-applikant jitkellem tajjeb id-Daniż u, barra minn hekk, għandu rabta mal-imsemmi Stat Membru. |
24. |
Finalment, f’dak li jirrigwarda talbiet ta’ żamma taċ-ċittadinanza, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni jittratta dawn it-talbiet billi jagħmel distinzjoni bejn tliet każijiet, skont jekk, fil-mument li titressaq it-talba, l-applikant għandux inqas minn 21 sena, huwa bejn 21 u 22 sena, jew iktar minn 22 sena. Jekk l-applikant għandu inqas minn 21 sena, dan il-Ministeru sempliċement joħroġ ċertifikat ta’ ċittadinanza lill-applikant bla ħsara għat-telf taċ-ċittadinanza Daniża skont l-Artikolu 8 tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, u dan, skont din il-qorti, ifisser li l-imsemmi Ministeru jieħu pożizzjoni mhux dwar jekk l-applikant għandux iżomm iċ-ċittadinanza Daniża iżda biss fuq il‑kwistjoni dwar jekk għandux din iċ-ċittadinanza. L-imsemmija qorti tindika li dan ġej mill-fatt li, skont il-prassi tal-istess Ministeru, l‑evalwazzjoni taż-żamma taċ-ċittadinanza għandha sseħħ l-iktar qrib possibbli għall-età ta’ 22 sena. |
25. |
Il-qorti tar-rinviju tispjega, barra minn hekk, li anki jekk din il-prassi amministrattiva Daniża kompliet tiġi applikata minkejja l-għoti tas-sentenza Tjebbes et, mogħtija wara d-deċiżjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza madankollu ġie emendat. Hija tindika li din l-emenda timplika li l-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni issa għandu, fil-każ ta’ talba għaż-żamma taċ‑ċittadinanza qabel l-età ta’ 22 sena, jieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ elementi addizzjonali sabiex jipproċedi għal eżami individwali tal-effetti, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, tat-telf taċ‑ċittadinanza Daniża u, għalhekk, taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, dan il-Ministeru huwa obbligat jevalwa jekk dawn l-effetti humiex proporzjonali mal-għan tal-leġiżlazzjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-eżistenza ta’ rabta effettiva bejn iċ-ċittadini Daniżi u d-Danimarka. |
26. |
It-tielet, fir-rigward taċ-Ċirkulari dwar in-Naturalizzazzjoni, il-qorti tar-rinviju tispjega li l-ex ċittadini Daniżi li tilfu ċ-ċittadinanza Daniża skont l-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza għandhom il-possibbiltà li jitolbu ċ-ċittadinanza Daniża permezz ta’ naturalizzazzjoni u li, f’dan il-każ, huma għandhom, bħala regola, jissodisfaw sensiela ta’ kundizzjonijiet ġenerali ta’ ksib taċ-ċittadinanza Daniża previsti minn din il-liġi ( 10 ). Madankollu, dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jkunu inqas stretti fir-rigward ta’ tali ċittadini f’dak li jirrigwarda t-tul taż-żjara mhux interrotta ta’ disa’ snin mitluba fid-Danimarka ( 11 ). Madankollu, minn indikazzjonijiet mogħtija minn din il-qorti jirriżulta li dan it-tnaqqis, minn naħa, għandu kamp ta’ applikazzjoni limitat ferm u, min-naħa l-oħra, ma jibdel xejn mill-fatt li, skont l-Artikolu 5(1) ta’ din iċ-ċirkulari, l-applikant għandu jirrisjedi fit-territorju nazzjonali fil-mument tat-talba ( 12 ). |
2. Fuq is‑sitwazzjoni tar‑rikorrenti fil‑kawża prinċipali
27. |
F’dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tispjega l-konstatazzjonijiet fattwali segwenti: hija għandha ċ-ċittadinanza doppja Daniża u Amerikana; hija twieldet fl-Istati Uniti u qatt ma rrisjediet fid-Danimarka; madankollu hija kienet f’dan l-Istat Membru għal 44 ġimgħa qabel l-età ta’ 22 sena u għal 5 ġimgħat wara din l-età; hija ressqet talba għaż-żamma taċ‑ċittadinanza lill-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni 43 jum wara li għalqet 22 sena; permezz tad-deċiżjoni kkontestata, hija ġiet informata, minn naħa waħda, bit-telf taċ-ċittadinanza Daniża tagħha meta laħqet l-età ta’ 22 sena minħabba nuqqas ta’ rabta effettiva u fl-assenza ta’ talba għaż-żamma taċ-ċittadinanza qabel din id-data, skont l‑ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, u, min-naħa l-oħra, li hija ma kinitx tibbenefika mid-deroga prevista fit‑tieni sentenza tal-Artikolu 8(1) ta’ din il-liġi, peress li t-talba tagħha tressqet wara li hija laħqet l-età ta’ 22 sena. |
B. Fuq il‑linja ġurisprudenzjali tal‑Qorti tal‑Ġustizzja dwar it‑telf tal‑istatus ta’ ċittadin tal‑Unjoni
28. |
Fl-argumenti segwenti, ser nispjega l-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja dwar it-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u l-elementi sinjifikattivi tal-iżvilupp tagħha għall-analiżi ta’ din il-kawża. |
1. Is‑sentenza Rottmann: l‑istabbiliment tal‑prinċipju tal‑istħarriġ ġudizzjarju fid‑dawl tad‑dritt tal‑Unjoni
29. |
Fis-sentenza tagħha Rottmann ( 13 ), li kienet tirrigwarda l-eżami ta’ deċiżjoni ta’ revoka tan-naturalizzazzjoni adottata mill-awtoritajiet Ġermaniżi, il-Qorti tal-Ġustizzja, qabelxejn, ikkonfermat il-prinċipju, stabbilit fis-snin 90 ( 14 ), li l-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal‑ksib u t-telf taċ-ċittadinanza għandha tkun eżerċitata b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni ( 15 ). Sussegwentament hija kkjarifikat il-portata ta’ dan il-prinċipju billi spjegat li “il-fatt li settur huwa ta’ kompetenza tal‑Istati Membri, ma jipprekludix, f’sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id‑dritt tal-Unjoni, li r-regoli nazzjonali kkonċernati għandhom ikunu konformi ma’ dan tal-aħħar” ( 16 ). Hija b’hekk qieset li, fid-dawl tan‑natura fundamentali tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni mogħtija bl‑Artikolu 20 TFUE, is-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li huwa kkonfrontat b’deċiżjoni ta’ revoka tan-naturalizzazzjoni adottata mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru li tpoġġih, wara li tilef iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor li kellu oriġinarjament, f’sitwazzjoni li tista’ twassal sabiex jitlef dan l-istatus u d-drittijiet marbuta miegħu, taqa’ min-natura tagħha stess u l-konsegwenzi tagħha, taħt id-dritt tal-Unjoni ( 17 ). |
30. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet ukoll il-prinċipju li, meta jkun hemm ċittadini tal-Unjoni, l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, sa fejn jaffettwa d-drittijiet mogħtija u mħarsa mill-ordinament ġuridiku tal‑Unjoni, bħalma huwa b’mod partikolari l-każ ta’ deċiżjoni għar‑revoka tan-naturalizzazzjoni, jista’ jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni ( 18 ). B’hekk, wara li kkonkludiet dwar il-leġittimità, fil-bidu, ta’ deċiżjoni ta’ revoka tan-naturalizzazzjoni bbażata fuq manuvri frawdolenti ( 19 ), hija ddikjarat li tali deċiżjoni madankollu tista’ tkun suġġetta għal eżami tal-proporzjonalità sabiex jitqiesu “il-konsegwenzi eventwali li din id‑deċiżjoni jkollha fuq il-persuna kkonċernata u, jekk ikun il-każ, fuq il-membri tal-familja tagħha f’dak li jikkonċerna t-telf tad-drittijiet li jgawdi kull ċittadin tal-Unjoni” ( 20 ). |
31. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja finalment iddeċidiet li l-Artikolu 20 TFUE ma jipprekludix li Stat Membru jirrevoka lil ċittadin tal-Unjoni ċ‑ċittadinanza ta’ dan l-Istat Membru miksuba permezz tan-naturalizzazzjoni meta din tkun inkisbet b’mod frawdolenti sakemm din id-deċiżjoni ta’ revoka tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 21 ). |
32. |
Din il-ġurisprudenza ġiet ikkonfermata u kkompletata fuq xi punti minn żewġ sentenzi ulterjuri tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
2. Is‑sentenza Tjebbes et: l‑importanza tal‑eżami individwali tal‑konsegwenzi tat‑telf tal‑istatus ta’ ċittadin tal‑Unjoni fil‑qafas tal‑istħarriġ ta’ proporzjonalità
33. |
Fis-sentenza Tjebbes et, li kienet tirrigwarda l-eżami fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni ta’ kundizzjoni ġenerali ta’ telf ipso jure taċ‑ċittadinanza Olandiża ( 22 ) u, għalhekk, tal-istatus ta’ ċittadin tal‑Unjoni għall-persuni kkonċernati ( 23 ), il-punt ta’ tluq tar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja hija l-konferma tal-prinċipju stabbilit fil‑ġurisprudenza preċedenti ( 24 ). B’hekk, billi bbażat ruħha fuq il-punti 42 u 45 tas-sentenza Rottmann, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li s-sitwazzjoni ta’ ċittadini tal-Unjoni li għandhom iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru wieħed biss u li, minħabba t-telf ta’ din iċ-ċittadinanza, jaffaċċjaw it-telf tal-istatus ta’ ċittadini tal-Unjoni, mogħti bl-Artikolu 20 TFUE, kif ukoll tad-drittijiet marbuta miegħu, taqa’, min-natura u mill-konsegwenzi tagħha stess, taħt id-dritt tal-Unjoni u li l-Istati Membri għandhom għalhekk, fl-eżerċizzju tal‑kompetenza tagħhom fil-qasam taċ-ċittadinanza, josservaw id-dritt tal-Unjoni ( 25 ). |
34. |
B’mod iktar preċiż, fl-ewwel lok, filwaqt li fakkret b’mod partikolari li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu li jippermettilu jiddefinixxi l-kundizzjonijiet tal-ksib u tat-telf taċ-ċittadinanza, huwa leġittimu li Stat Membru jqis li ċ-ċittadinanza tirrifletti espressjoni ta’ rabta effettiva bejnu u bejn iċ-ċittadini tiegħu, u li jorbot, konsegwentament in-nuqqas jew it-tmiem ta’ tali rabta effettiva mat-telf taċ-ċittadinanza tiegħu ( 26 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li d-dritt tal‑Unjoni ma jipprekludix, bħala regola, f’sitwazzjonijiet bħal dawk imsemmija fil-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, li Stat Membru jipprevedi, għal raġunijiet ta’ interess ġenerali, it-telf taċ-ċittadinanza tiegħu, anki jekk dan it-telf iwassal, għall-persuna kkonċernata, għat-telf tal-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni ( 27 ). |
35. |
Madankollu, fit-tieni lok, filwaqt li rrilevat l-importanza tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mill-awtoritajiet kompetenti u l-qrati nazzjonali f’dawn is-sitwazzjonijiet, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddikjarat li t-telf ipso jure taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru huwa inkompatibbli ma’ dan il-prinċipju li kieku r-regoli nazzjonali rilevanti ma kienu jippermettu, f’ebda mument, eżami individwali tal-konsegwenzi li jinvolvi dan it-telf għall-persuni kkonċernati fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni ( 28 ). |
36. |
Minn dan isegwi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li f’sitwazzjoni fejn it-telf taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru jseħħ ipso jure u jwassal għat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali kompetenti għandhom ikunu f’pożizzjoni li jeżaminaw, b’mod inċidentali, il-konsegwenzi ta’ dan it-telf ta’ ċittadinanza u, jekk ikun il-każ, li jirkupraw ex tunc iċ-ċittadinanza tal-persuna kkonċernata, meta hija tapplika għal dokument tal-ivvjaġġar jew kwalunkwe dokument ieħor li juri ċ-ċittadinanza tagħha ( 29 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet ukoll li dan l-eżami ta’ proporzjonalità jimponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali u fuq il-qrati nazzjonali l-obbligu li jiżguraw li tali telf ta’ ċittadinanza huwa konformi mad-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta li tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett u, b’mod partikolari, tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja, kif stipulat fl‑Artikolu 7 tal-Karta ( 30 ). |
37. |
Il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi Rottmann u Tjebbes et ġiet ikkonfermata mis-sentenza Wiener Landesregierung, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet b’mod ċar dwar in-nuqqas ta’ kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ proporzjonalità tad-deċiżjoni inkwistjoni f’din l-aħħar kawża. |
3. Is‑sentenza Wiener Landesregierung: inkompatibbiltà mal‑prinċipju ta’ proporzjonalità tad‑deċiżjoni kkontestata inkwistjoni f’din il‑kawża
38. |
Nirreferri għall-kunsiderazzjonijiet li għamilt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Wiener Landesregierung ( 31 ) u ser nillimita ruħi sabiex hawnhekk infakkar, għal kjarezza, ftit punti utili tas-sentenza Wiener Landesregierung għall-analiżi tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-qafas ta’ din il-kawża. |
39. |
F’din il-kawża, qorti Awstrijaka xtaqet tkun taf jekk is‑sitwazzjoni ta’ persuna li għandha biss iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru wieħed, li tirrinunzja għal din iċ-ċittadinanza u titlef, b’dan il-fatt, l-istatus tagħha ta’ ċittadina tal-Unjoni, sabiex tikseb iċ-ċittadinanza Awstrijaka, wara l-assigurazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Awstrijaċi li din iċ-ċittadinanza ser tingħatalha, taqa’, min-natura tagħha stess u mill-konsegwenzi tagħha, taħt id-dritt tal‑Unjoni meta din l-assigurazzjoni hija rrevokata, bl-effett li tipprekludi lil din il-persuna milli tirkupra l-istatus ta’ ċittadina tal‑Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet fl-affermattiv għal din id‑domanda biex b’hekk ikkonfermat l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni għal tali sitwazzjoni ( 32 ). |
40. |
Il-qorti Awstrijaka staqsiet ukoll jekk l-awtoritajiet kompetenti u, jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti, humiex obbligati jivverifikaw jekk id-deċiżjoni ta’ revoka tal-assigurazzjoni li tirrigwarda l-għoti taċ-ċittadinanza ta’ dan l-Istat Membru, li tagħmel definittiv it-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni tal-persuna kkonċernata, hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-dawl tal-konsegwenzi li ġġib magħha fuq is-sitwazzjoni ta’ din il‑persuna. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet ukoll fl-affermattiv għal din id-domanda billi kkonfermat l-obbligu tal-qrati nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti li jivverifika l-kompatibbiltà tad-deċiżjoni nazzjonali inkwistjoni mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 33 ). |
41. |
Nixtieq niġbed l-attenzjoni fuq xi punti ta’ din is-sentenza. |
42. |
Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat l-importanza tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni individwali tal-persuna kkonċernata kif ukoll, jekk ikun il-każ, ta’ dik tal-familja tagħha fil-qafas tal-eżami tal‑osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit mid-dritt tal‑Unjoni ( 34 ). F’dan ir-rigward, hija rrepetiet il-ġurisprudenza stabbilita tagħha li huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u, jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni nazzjonali kkonċernata hija konformi mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta u, b’mod partikolari, tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal‑familja, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tagħha ( 35 ). |
43. |
Fit-tieni lok, wara li eżaminat ir-raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni nazzjonali li wasslet għat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni mressqa mill-Gvern Awstrijak ( 36 ), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fid-dawl tal-konsegwenzi sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata u, b’mod partikolari, fuq l-iżvilupp normali tal-ħajja familjari u professjonali tagħha, li kienet tinvolvi d-deċiżjoni li tiġi rrevokata l-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka, li għandha l-effett li tagħmel definittiv it-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal‑Unjoni, din id-deċiżjoni ma tidhirx li hija proporzjonata għall-gravità tar-reati mwettqa minn din il-persuna ( 37 ). Konsegwentament, hija ddeċidiet li “[i]r-rekwiżit ta’ kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jkunx issodisfatt meta tali deċiżjoni tkun motivata minn reati amministrattivi fir-rigward tal-kodiċi tat-triq, li, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, jinvolvu sempliċi sanzjoni pekunjarja”. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-ewwel darba fil-qafas ta’ din il‑ġurisprudenza, enfasizzat li tali deċiżjoni nazzjonali ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalita tad-dritt tal-Unjoni ( 38 ). |
4. Il‑prinċipji ġurisprudenzjali relatati mal‑analiżi tal‑kundizzjonijiet ta’ ksib u ta’ telf taċ‑ċittadinanza fid‑dawl tad‑dritt tal‑Unjoni
44. |
Il-linja ġurisprudenzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni hija kkostitwita essenzjalment minn żewġ prinċipji ġurisprudenzjali. |
45. |
L-ewwel prinċipju huwa dak li l-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-ksib u tat-telf taċ-ċittadinanza għandha tkun eżerċitata b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Biex dan il-prinċipju jinftiehem jeħtieġ li tinftiehem tajjeb id-distinzjoni bejn din il-kompetenza esklużiva u l-eżerċizzju tagħha bl-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, inħoss li għandi nirrileva li din il‑kompetenza tal-Istati Membri qatt ma ġiet ikkontestata mill-Qorti tal‑Ġustizzja. Kif kiteb l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro, “il-ksib u t‑telf taċ-ċittadinanza (u, għaldaqstant, taċ-ċittadinanza tal-Unjoni) ma humiex per se rregolati mid-dritt [tal-Unjoni], iżda l-kundizzjonijiet tal‑ksib u tat-telf taċ-ċittadinanza għandhom ikunu kompatibbli mar‑regoli [tad-dritt tal‑Unjoni] u għandhom jirrispettaw id-drittijiet taċ-ċittadin Ewropew” ( 39 ). Konsegwentement, minn dan il-prinċipju ma hijiex kwistjoni li tiġi dedotta l-impossibbiltà assoluta li tiġi rtirata ċ-ċittadinanza f’każ fejn it-telf tagħha jwassal għat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, u lanqas li jiġi kkunsidrat li l-kundizzjonijiet tal-ksib u tat-telf taċ-ċittadinanza ma humiex suġġetti għall-istħarriġ tad-dritt tal-Unjoni ( 40 ). Fil-fatt, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni jiċċaħħad mill‑effett utili tiegħu u, għalhekk, id-drittijiet li huwa jagħti ma għandhomx jinkisru bl-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tosservax id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif imfakkra iktar ’il fuq ( 41 ). |
46. |
It-tieni prinċipju huwa dak li l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jiġi eżerċitat fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-kuntest tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandhom jiġu osservati numru ta’ elementi: qabelxejn, l-eżami individwali tal-konsegwenzi tat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni għall-persuna kkonċernata u għall-membri tal-familja tiegħu f’dak li jirrigwarda t-telf tad-drittijiet li għandu kull ċittadin tal-Unjoni; sussegwentement, ir-rekwiżit ta’ konformità ta’ dawn il-konsegwenzi mad-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta u, finalment, jekk ikun il‑każ, l-obbligu li tiġi rkuprata ex tunc iċ-ċittadinanza tal-persuna kkonċernata. Dawn l-elementi huma essenzjali għall-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u l-eżami tal-proporzjonalità tat-telf taċ-ċittadinanza li jġib miegħu t-telf tal‑istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja għandu jsir b’mod komplet u ddettaljat mill-awtoritajiet kompetenti u mill-qrati nazzjonali. |
47. |
Konsegwentament, ma hemmx dubju li huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li t-telf taċ-ċittadinanza, li jġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi eżaminat. |
C. Fuq l‑applikazzjoni tal‑prinċipji ġurisprudenzjali għal din il‑kawża
48. |
Qabelxejn infakkar li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bis-saħħa tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, tilfet ex lege ċ-ċittadinanza Daniża tagħha meta laħqet l-età ta’ 22 sena minħabba nuqqas ta’ rabta effettiva mad-Danimarka u, peress li t-talba għaż-żamma taċ-ċittadinanza Daniża tagħha tressqet wara l-età ta’ 22 sena, ma setgħetx tibbenefika mid-deroga prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(1) ta’ din il-liġi. |
49. |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għalhekk tinsab affaċċjata bit‑telf tal-istatus tagħha ta’ ċittadinanza tal-Unjoni, li, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ‑ċittadini tal-Istati Membri ( 42 ). |
50. |
Fid-dawl tal-qafas ġurisprudenzjali spjegat iktar ’il fuq ( 43 ) u, b’mod partikolari, tas-sentenza Tjebbes et, huwa ċar li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li għandu biss iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru wieħed u li huwa affaċċjat bit-telf tal-istatus mogħti bl‑Artikolu 20 TFUE u tad-drittijiet marbuta ma’ dak l-istatus taqa’, min-natura tagħha u mill-konsegwenzi tagħha, taħt id-dritt tal-Unjoni ( 44 ). Minn dan isegwi, peress li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li r-Renju tad-Danimarka għandu, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu fil-qasam taċ-ċittadinanza, tirrispetta dan id-dritt u li din is-sitwazzjoni għandha tkun suġġett għal stħarriġ fid-dawl ta’ dan id-dritt ( 45 ). |
51. |
Fir-rigward ta’ din il-konstatazzjoni tqum il-kwistjoni dwar jekk it-telf ipso jure taċ-ċittadinanza, previst fl-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza Daniża huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, Jien infakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex it-telf taċ-ċittadinanza prevista minn leġiżlazzjoni nazzjonali tkun konformi ma’ dan id-dritt, hija għandu jkollha motiv ta’ interess ġenerali, li jfisser li tkun adattata sabiex jintlaħaq l-għan li għandu jintlaħaq u li t-telf taċ-ċittadinanza li din il-leġiżlazzjoni ġġib magħha ma huwiex att arbitrarju ( 46 ). |
52. |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li minkejja li t-telf awtomatiku u mingħajr eċċezzjoni taċ-ċittadinanza, previst fl-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, għandu skop legali u għan li għandu jintlaħaq ta’ żamma ta’ rabta effettiva u ta’ salvagwardja tar-relazzjoni partikolari ta’ solidarjetà u ta’ lealtà bejn l-Istat Membru u ċ-ċittadini tiegħu, madankollu ma huwiex adattat sabiex jiżgura dan l-għan. Barra minn hekk, it-telf awtomatiku previst minn din id-dispożizzjoni ma huwiex proporzjonat u għalhekk jidher li huwa kuntrarju għall-Artikolu 20 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tal-Karta. |
53. |
Minn naħa l-oħra, il-Gvern Daniż isostni, fl-osservazzjonijiet bil‑miktub tiegħu, li l-eżami tal-legalità u tal-proporzjonalità tal‑Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza fir-rigward tal-persuni li laħqu l-età ta’ 22 sena fil-mument tat-talba għaż-żamma taċ‑ċittadinanza għandu jkun ibbażat fuq evalwazzjoni globali tas‑sistema Daniża tat-telf u tal-irkupru taċ-ċittadinanza. Il-proporzjonalità tat-telf ex lege taċ-ċittadinanza Daniża għall-persuni li laħqu l-età ta’ 22 sena għandha tkun evalwata fid-dawl tar-regoli taż‑żamma taċ-ċittadinanza sa dik l-età, li huma, meħuda flimkien, indulġenti ferm. Barra minn hekk, dan il-Gvern iqis li l-legalità u l-proporzjonalità tar-regoli relatati mat-telf taċ-ċittadinanza Daniża huma sostnuti mill-fatt li huwa jista’ jawtorizza, abbażi ta’ evalwazzjoni każ b’każ, iż-żamma taċ-ċittadinanza meta t-talba titressaq qabel ma tintlaħaq l-età ta’ 22 sena. |
54. |
Għalhekk ser neżamina, fid-dawl tal-ġurisprudenza esposta, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, li tistipula t-telf taċ-ċittadinanza Daniża u li ġġib magħha t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandhiex motiv leġittimu u hijiex adattata sabiex jintlaħaq l-għan li għandu jintlaħaq u jekk is-sistema ta’ telf taċ-ċittadinanza Daniża tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi li hija għandha fuq is-sitwazzjoni tar‑rikorrenti fil-kawża prinċipali. |
1. Fuq l‑eżami tal‑leġittimità tal‑motiv ta’ interess ġenerali li għandu jintlaħaq mis‑sistema ta’ telf taċ‑ċittadinanza Daniża
55. |
Fl-ewwel lok, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li huwa leġittimu għal Stat Membru li jkun jixtieq jipproteġi r-relazzjoni partikolari ta’ solidarjetà u ta’ lealtà bejnu u ċ-ċittadini tiegħu kif ukoll ir-reċiproċità tad-drittijiet u tad-dmirijiet, li huma l-qafas tar-rabta taċ‑ċittadinanza ( 47 ). Fl-opinjoni tagħha, għalhekk huwa leġittimu għal Stat Membru, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu li tippermettilu jiddefinixxi l-kundizzjonijiet tal-ksib u tat-telf taċ-ċittadinanza, li jqis li ċ-ċittadinanza tirrifletti espressjoni ta’ rabta effettiva bejnu u bejn iċ‑ċittadini tiegħu, u li jorbot konsegwentement l-assenza jew it-tmiem ta’ tali rabta effettiva mat-telf taċ-ċittadinanza tiegħu ( 48 ). |
56. |
Fit-tieni lok, infakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkazzjoni tispjega, fis-sentenza Tjebbes et, li kriterju bbażat fuq ir-residenza abitwali taċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru għal perijodu suffiċjentament twil “barra mi[l]l-Istat Membru [kkonċernat] u t‑territorji li għalihom japplika t-Trattat UE” jista’ jitqies li jirrifletti n‑nuqqas ta’ tali rabta effettiva ( 49 ). |
57. |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l‑Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza huwa intiż sabiex jipprekludi t-trażmissjoni taċ-ċittadinanza Daniża matul ġenerazzjonijiet lil persuni li ma għandhomx jew ma għadx għandhom rabta effettiva mad-Danimarka. Skont il-Gvern Daniż, il-leġiżlatur Daniż qies li l‑persuni mwielda fl-esteru u li ma għexux fid-Danimarka jew irrisjedew f’dan l-Istat Membru għal perijodu sinjifikattiv jitilfu progressivament il-lealtà, is-solidarjetà u r-rabta tagħhom ma’ dan l-Istat iktar ma jikbru ( 50 ). |
58. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-opinjoni li, kif isostnu l-Gvern Daniż u dak Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni, bħala regola, huwa leġittimu, għal Stat Membru li jqis li l-persuni mwielda fl-esteru u li ma jkunux rrisjedew jew żaru dan l-Istat Membru b’mod li juri rabta effettiva miegħu, jistgħu jitilfu progressivament ir-relazzjoni ta’ lealtà u ta’ solidarjetà kif ukoll ir-rabta tagħhom mal-imsemmi Stat Membru. F’dan ir-rigward, nirrileva li l-Artikolu 7(1)(e) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità jistipula li n-nazzjonalità tista’ tintilef ipso jure fin-nuqqas ta’ rabta effettiva bejn l-Istat u ċittadin li jirrisjedi abitwalment barra mill-pajjiż ( 51 ). |
59. |
Konsegwentement, jidhirli, bħala regola, leġittimu għal Stat Membru li, minn naħa, jiddeċiedi li kriterji bħal dak ta’ żjarat fit-territorju tiegħu għal perijodi li t-tul kumulattiv tagħhom huwa tal-inqas sena ma jindikawx rabta effettiva ma’ dan l-Istat Membru u, min-naħa l-oħra, li jistgħu jistabbilixxu età, bħal f’dan il-każ l-età ta’ 22 sena, sabiex jeżaminaw jekk il-kundizzjonijiet ta’ telf taċ‑ċittadinanza humiex issodisfatti. |
60. |
Minkejja dan, għandi nsemmi, għal finijiet ta’ kompletezza, kwistjoni importanti, imqajma mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u diskussa waqt is-seduta wara mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tmur lil hinn mill-problema li biha hija affaċċjata l-qorti tar-rinviju. Din hija l-kwistjoni dwar jekk kriterju ta’ telf taċ‑ċittadinanza li huwa bbażat fuq il-fatt li ċittadin Daniż jirrisjedi barra mid-Danimarka u li ma jagħmilx distinzjoni bejn residenza fi ħdan l-Unjoni u residenza fi ħdan Stat terz jistax jitqies bħala kriterju leġittimu fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, meta dan it-telf iġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni ( 52 ). |
61. |
Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ tali kriterju ta’ residenza għandha bħala konsegwenza, kif korrettament enfasizzat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħha, li persuna, ċittadina Daniża u li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat terz, imwielda fi Stat Membru ieħor, b’omm jew missier Daniż li jkunu eżerċitaw id-dritt għal moviment liberu tagħhom skont l-Artikolu 21 TFUE, titlef b’hekk iċ‑ċittadinanza Daniża ipso jure u, b’hekk, l-istatus ta’ ċittadina tal‑Unjoni, jekk, meta tilħaq l-età ta’ 22 sena, hija tissodisfa l‑kundizzjonijiet kumulattivi previsti fl-ewwel sentenza tal‑Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza u li ma tibbenefikax mid‑deroga prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(1) ta’ din il-liġi. Fi kliem ieħor, l-eżerċizzju tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadini tal-Unjoni tal-ġenituri tagħha jwassal, paradossalment, sabiex din il-persuna titlef it-totalità tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadina tal-Unjoni tagħha ( 53 ). Barra minn hekk, dan it-telf iseħħ, ukoll, meta din il-persuna, imwielda fi Stat Membru ieħor, tuża, bejn l-età ta’ 18 u ta’ 22 sena, id-dritt għal moviment liberu u ta’ residenza, b’mod partikolari, sabiex taħdem jew toqgħod fi Stat Membru ieħor ( 54 ). |
62. |
F’dan ir-rigward, anki jekk naqbel mad-dubji tal-Kummissjoni dwar il-leġittimità ta’ tali kriterju ta’ residenza u fuq l-effett ġenerali tiegħu fuq il-moviment liberu taċ-ċittadini fi ħdan l-Unjoni, ma nemminx li, f’dan il-każ, analiżi speċifika u ddettaljata ffukata fuq dan l-element hija neċessarja sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, bl-eċċezzjoni ta’ żjara ta’ 3 jew 4 ġimgħat fi Franza ( 55 ), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qatt ma qagħdet fi Stat Membru ieħor minbarra d-Danimarka u dejjem irrisjediet fl-Istati Uniti. Madankollu ser nippreżenta l-kummenti segwenti f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha opinjoni differenti. |
63. |
Qabelxejn, infakkar li l-kwistjoni esposta fil-punti preċedenti ma qamitx fil-kawża li wasslet għas-sentenza Tjebbes et peress li l-kriterju bbażat fuq ir-residenza previst mil-leġiżlazzjoni Olandiża fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza ma kienx jiddistingwixxi bejn residenza fil‑Pajjiżi l-Baxxi u residenza fi Stat Membru ieħor ( 56 ). B’hekk, minkejja li huwa veru li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li tali kriterju jirrifletti n-nuqqas ta’ rabta effettiva, hija madankollu ħadet ħsieb tispjega li din kienet residenza “barra mi[l]l-Istat Membru [kkonċernat] u t‑territorji li għalihom japplika t-Trattat UE” ( 57 ). |
64. |
Sussegwentement, għandu jitfakkar li, fir-rigward ta’ ċittadini tal-Unjoni li twieldu fl-Istat Membru ospitanti u li qatt ma użaw id-dritt ta’ moviment liberu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali ċittadini għandhom dritt li jużaw l-Artikolu 21(1) TFUE u dispożizzjonijiet adottati sabiex jagħtuh effett ( 58 ). |
65. |
Finalment, jidhirli li huwa ovvju li kriterju li ma jagħmilx distinzjoni, fir-rigward tat-telf taċ-ċittadinanza fl-età ta’ 22 sena li jġib miegħu għall-persuna kkonċernata t-telf tal-istatus tagħha ta’ ċittadina tal-Unjoni, bejn residenza jew żjara fi Stat terz u residenza jew żjara fi Stat Membru jikkostitwixxi limitazzjoni ċara tad-dritt ta’ moviment liberu u residenza fit-territorju tal-Istati Membri, li jista’ jiddisswadi liċ‑ċittadin Daniż milli jeżerċita dan id-dritt ( 59 ). F’dan ir-rigward, għandi nirrileva li ma narax kif jista’ jiġi ddikjarat li tali restrizzjoni tad-dritt ta’ moviment liberu u residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni hija proporzjonata. Fil-fatt, il-fatt li ċittadin tal-Unjoni jista’ jitlef iċ-ċittadinanza tiegħu minħabba l-fatt li stabbilixxa r-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor minbarra dak li tiegħu huwa għandu ċ-ċittadinanza jillimita, fl-opinjoni tiegħi, b’mod sproporzjonat id-dritt ta’ moviment liberu u residenza ta’ dan iċ-ċittadin. B’hekk, kif korrettament irrilevat il-Kummissjoni waqt is-seduta, ir-residenza u ż-żjara fit-territorju tal-Unjoni ma għandhiex titqies bħala ksur tar-rabta reali li teżisti bejn ċittadin tal-Unjoni u l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu. |
66. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tar-riżervi tiegħi dwar l-effetti fuq il-moviment liberu taċ-ċittadini fi ħdan l-Unjoni ta’ kriterju ta’ residenza kif previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, jiena nqis li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, id‑dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, bħala regola, li, fis-sitwazzjonijiet imsemmija minn din id-dispożizzjoni, Stat Membru jipprevedi, għal raġunijiet ta’ interess ġenerali, it-telf taċ-ċittadinanza, anki meta dan it-telf iġib miegħu, għall-persuna kkonċernata, it-telf tal-istatus ta’ ċittadina tal-Unjoni tagħha. |
2. Fuq l‑istħarriġ tal‑proporzjonalità tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fid‑dawl tal‑konsegwenzi li ġġib magħha għall‑persuna kkonċernata
67. |
Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, tal-punti 40 sa 42 tas-sentenza Tjebbes et ( 60 ), għandi dubji dwar dak li jirrigwarda l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mis-sistema ta’ telf taċ-ċittadinanza Daniża, li jidħol fis-seħħ fl-età ta’ 22 sena, kif prevista fl-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza u applikata, fil-prassi amministrattiva, mill-awtoritajiet Daniżi. Id-dubji tiegħi mhux ġejjin biss minn aspett wieħed tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni iżda minn diversi elementi li jikkostitwixxu din is-sistema, u relatati man-nuqqas, minn naħa, ta’ eżami individwali tal-konsegwenzi tat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni għal kull persuna li ressqet talba wara l-età ta’ 22 sena u, min-naħa l‑oħra, ta’ rkupru ex tunc taċ-ċittadinanza mitlufa. |
a) Fuq in‑nuqqas sistematiku ta’ eżami individwali tal‑konsegwenzi tat‑telf tal‑istatus ta’ ċittadin tal‑Unjoni fid‑dawl tad‑dritt tal‑Unjoni għal kull persuna li ressqet talba wara l‑età ta’ 22 sena
68. |
Infakkar li d-dubji tal-qorti tar-rinviju ġejjin mill-fatt li t-telf taċ‑ċittadinanza Daniża u, għalhekk, tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa awtomatiku u li l-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza ma tipprevedi l-ebda eċċezzjoni. Hekk kif irrilevat il-Kummissjoni waqt is-seduta, fis-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, il-persuna kkonċernata b’dan it-telf qatt ma bbenefikat minn eżami individwali tas-sitwazzjoni tagħha u, jekk ikun il-każ, ta’ dik tal-familja tagħha. Dan il-punt jidhirli li huwa l-qofol tad-diffikultajiet li tqajjem is-sistema ta’ telf ipso jure taċ-ċittadinanza kkontestata f’din il-kawża. |
69. |
Fl-ewwel lok, nirrileva li l-uniku rimedju li għandu ċittadin Daniż sabiex jibbenefika minn eżami individwali tal-konsegwenzi tat‑telf taċ-ċittadinanza tiegħu, li jġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni huwa li jressaq talba għaż‑żamma taċ-ċittadinanza Daniża qabel ma jilħaq l-età ta’ 22 sena ( 61 ) u, b’mod iktar preċiż, bejn l-età ta’ 21 u 22 sena ( 62 ), li, fl-opinjoni tiegħi, huwa perijodu qasir wisq. Jekk it-talba tiegħu titressaq wara din l-età, hija tiġi eżaminata biss sabiex jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza ġewx issodisfatti. Jekk dan ikun il-każ, it-talba tiegħu tiġi awtomatikament miċħuda ( 63 ) u l-persuna kkonċernata mhux biss titlef iċ-ċittadinanza Daniża u, għalhekk, l-istatus ta’ ċittadina tal-Unjoni tagħha, iżda ma tibbenefikax ukoll, fl-ebda mument, minn eżami individwali tal-konsegwenzi ta’ dan it-telf fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. |
70. |
Fit-tieni lok, nosserva li mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, wara l-għoti tas-sentenza Tjebbes et, il-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni ddeċieda li l-ex ċittadini Daniżi li jkunu laħqu l-età ta’ 22 sena fl‑1 ta’ Novembru 1993 jew wara din id-data, li kienu talba ż-żamma taċ-ċittadinanza Daniża tagħhom qabel ma laħqu l-età ta’ 22 sena u li kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ telf taċ‑ċittadinanza taħt l-Artikolu 8 tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, li jġib miegħu t-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, setgħu jitolbu r-rieżami ta’ din id-deċiżjoni ( 64 ). B’hekk, filwaqt li dawn iċ-ċittadini setgħu jibbenefikaw minn tali rieżami fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li kienet laħqet l-età ta’ 22 sena wara l‑1 ta’ Novembru 1993, madankollu ma setgħetx tibbenefika minnha, peress li hija kienet ressqet it-talba tagħha għaż-żamma taċ-ċittadinanza 43 jum wara l-età ta’ 22 sena. |
1) Fuq l‑oġġezzjonijiet allegati mill‑Gvern Daniż
71. |
Fir-rigward tar-raġuni għaż-żamma tar-rekwiżit previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, li t-talba għaż‑żamma taċ-ċittadinanza Daniża għandha tkun tressqet qabel l-età ta’ 22 sena, il-qorti tar-rinviju tindika li mix-xogħol preparatorju ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, waqt li kienet qiegħda tiġi emendata mil-leġiżlatur Daniż sabiex tkun konformi mas-sentenza Tjebbes et, dan qies li “din is-sentenza ma tidhirx li timponi l-possibbiltà sistematika ta’ tali eżami [individwali]”. |
72. |
F’dan ir-rigward, il-Gvern Daniż sostna, fl-osservazzjonijiet bil‑miktub u orali tiegħu, li mis-sentenza Tjebbes et ma jirriżultax li għandu jkun possibbli eżami individwali fi kwalunkwe ħin, meta l-persuna kkonċernata tkun tixtiequ. Skont l-interpretazzjoni tiegħu ta’ din is-sentenza, huwa suffiċjenti li tali eżami individwali jkun jista’ jsir, li, fl-opinjoni tiegħu, huwa l-każ jekk it-talba għaż-żamma taċ-ċittadinanza titressaq qabel l-età ta’ 22 sena. |
73. |
F’din il-kawża, jekk tiġi aċċettata din l-interpretazzjoni, iqumu għalhekk id-domandi segwenti: għandu jiġi kkunsidrat, f’ċerti sitwazzjonijiet, li persuna tista’ titlef iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru, li jġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, mingħajr ma jsir, f’xi mument, eżami individwali ta’ dan it-telf u ta’ konsegwenzi li dan ikollu għal din il-persuna fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni? U għandu jiġi kkunsidrat, kif jissuġġerixxi dan il-Gvern, li l-obbligu tal-Istati Membri li jagħmlu dan l-eżami, kif stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ jkun limitat minn terminu ta’ dekadenza? |
74. |
Dawn id-domandi jwassluni b’mod ċar sabiex nikkonkludi li din l-interpretazzjoni tas-sentenza Tjebbes et mogħtija mil-leġiżlatur u mill-Gvern Daniż ma għandhiex tintuża peress li hija bbażata fuq qari żbaljat ta’ din is-sentenza. |
75. |
Fl-ewwel lok, tali qari jinterpreta b’mod żbaljat, fl-opinjoni tiegħi, l-obbligu tal-awtoritajiet kompetenti u tal-qrati nazzjonali, minn naħa, li josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-qasam ta’ telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jwettqu, fil-qafas tal-osservanza ta’ dan il-prinċipju, eżami individwali tal‑konsegwenzi tat-telf ta’ dan l-istatus fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. |
76. |
Fit-tieni lok, tali interpretazzjoni twassal sabiex tippermetti lill‑Istati Membri jneħħu l-effett utili tal-Artikolu 20 TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, f’sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali. Infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri. Dan l-istatus ma għandux għalhekk jiċċaħħad mill-effett utili tiegħu u, b’hekk, id-drittijiet li huwa jagħti ma għandhomx jinkisru bl-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tosservax id-dritt tal-Unjoni. |
2) Fuq il‑qari korrett tas‑sentenza Tjebbes et
77. |
Infakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prinċipju li l-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam ta’ ksib u telf ta’ ċittadinanza għandu jiġi eżerċitat b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li l-kundizzjonijiet ta’ telf taċ‑ċittadinanza li jwassal għat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni ma għandhomx ikunu suġġetti għall-istħarriġ tad-dritt tal-Unjoni ( 65 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fis-sentenza Tjebbes et, li t‑telf ipso jure taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru jidher li huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità jekk ir-regoli nazzjonali rilevanti ma kinux jippermettu, fl-ebda mument, eżami individwali tal-konsegwenzi li jġib miegħu tali telf għall-persuni kkonċernati fid-dawl tad-dritt tal‑Unjoni ( 66 ). |
78. |
Issa, differenti minn dak li tiddikjara l-Qorti tal-Ġustizzja fil‑punti 41 u 42 tas-sentenza Tjebbes et, f’sitwazzjoni bħal dik tar‑rikorrenti fil-kawża prinċipali, fejn it-telf taċ-ċittadinanza Daniża jseħħ ipso jure u jġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, nikkonstata li l-awtoritajiet Daniżi ma humiex f’pożizzjoni li jeżaminaw, b’mod inċidentali, il-konsegwenzi ta’ dan it-telf għaċ-ċittadini Daniżi kollha li ressqu t-talba tagħhom għaż-żamma taċ-ċittadinanza Daniża tagħhom wara l-età ta’ 22 sena. Fil-fatt, dawn iċ-ċittadini, fl-ebda mument ma jibbenefikaw minn eżami individwali ta’ proporzjonalità tal-konsegwenzi fil-konfront tagħhom li dan it-telf iġib miegħu fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. In-nuqqas ta’ tali eżami huwa, fl-opinjoni tiegħi, mhux biss awtomatiku, kif tikkonstata il-qorti tar-rinviju, iżda wkoll sistematiku. |
79. |
Qari korrett tas-sentenza Tjebbes et jimplika li s-sitwazzjonijiet kollha ta’ telf ta’ ċittadinanza li jġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, għandhom ikunu jistgħu jiġu eżaminati fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha relatata mal-Artikolu 20 TFUE, li jġib miegħu l-obbligu ta’ eżami individwali anki għall-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Fid-dawl tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ċerti sitwazzjonijiet li fihom it-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni potenzjalment għandu konsegwenzi sproporzjonati qatt ma jistgħu jiġu eżaminati fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni anki jekk il-persuni kkonċernati jitilfu d-drittijiet kollha marbuta ma’ dan l-istatus. |
80. |
Nistgħu aħna naċċettaw dan? Jiena naħseb li le. |
81. |
F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fis-sentenza Wiener Landesregierung, li kull telf, anki provviżorju, tal‑istatus ta’ ċittadin jimplika li l-persuna kkonċernata tiġi mċaħħda, għal perijodu indeterminat, mill-possibbiltà li tgawdi mid-drittijiet kollha mogħtija minn dan l-istatus ( 67 ). Konsegwentement, f’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn persuna diġà tilfet iċ‑ċittadinanza tagħha ipso jure fl-età ta’ 22 sena u, għalhekk, l-istatus ta’ ċittadina tal-Unjoni mingħajr ma kellha l-possibbiltà li tikkontesta dan it-telf, fid-dawl tal-konsegwenzi fil-konfront tagħha li jġib miegħu, fid‑dawl tad-dritt tal-Unjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu l-obbligu li jiżgura l-effett utili tal-Artikolu 20 TFUE. |
82. |
Jekk, bħal f’dan il-każ, il-motivi tat-telf taċ-ċittadinanza, li jġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, huma, bħala regola, leġittimi, dan it-telf jista’ jseħħ biss jekk l-awtoritajiet kompetenti u l-qrati nazzjonali josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Huwa ħaġa li leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tipprevedi regola ta’ telf taċ-ċittadinanza ex lege, peress li tali għażla leġiżlattiva taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. Il-fatt li l-proċedura nazzjonali prevista minn din il‑leġiżlazzjoni ma tippermettix lill-persuna kkonċernata tikkontesta dan it-telf fil-qafas ta’ stħarriġ tal-proporzjonalità ( 68 ) u għalhekk, li tibbenefika minn eżami individwali ta’ konsegwenzi ta’ dan it-telf huwa madankollu xi ħaġa oħra. Għandha għalhekk issir distinzjoni bejn il-fatt li Stat Membru jista’ b’mod leġittimu jipprevedi t-telf ex lege taċ‑ċittadinanza u l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ta’ dan it-telf fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. |
83. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jiġi argumentat li tali assenza totali u sistematika ta’ eżami individwali għall-persuni li ressqu t-talba tagħhom wara l-età ta’ 22 sena ma hijiex adattata sabiex jintlaħaq l-għan li għandu jintlaħaq mill-obbligu li jsir eżami ta’ proporzjonalità, jiġifieri li jippermettilhom li jżommu ċ-ċittadinanza tal-Istat Membru inkwistjoni u, għalhekk, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, u li t-telf taċ-ċittadinanza li d-dispożizzjoni inkwistjoni ġġib magħha huwa att arbitarju u inkoerenti. |
84. |
Nagħti bħala eżempju, nieħdu s-sitwazzjoni ta’ żewġt aħwa bniet li għandhom iċ-ċittadinanza Daniża, AA u BB. AA twieldet fid‑Danimarka iżda marret l-Istati Uniti mal-ġenituri tagħha xi xhur wara li twieldet. Min-naħa l-oħra, BB twieldet fl-Istati Uniti u tinsab fl‑istess sitwazzjoni bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. F’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza għal dawn iż-żewġt aħwa bniet jkollha l-konsegwenza li AA żżomm iċ-ċittadinanza Daniża tagħha minħabba l-fatt li twieldet fid-Danimarka, filwaqt li oħtha, BB, peress li tkun ressqet it-talba tagħha għaż-żamma taċ-ċittadinanza Daniża ftit wara li tkun laħqet l-età ta’ 22 sena, titlef iċ‑ċittadinanza tagħha b’mod awtomatiku u, għalhekk, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, mingħajr ma jkollha l-possibbiltà li tikkontesta tali telf. |
85. |
F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali indikat, bħala tweġiba għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, li ħutha bniet u subien setgħu jżommu ċ-ċittadinanza Daniża tagħhom u, konsegwentement, l-istatus ta’ ċittadini tal-Unjoni għaliex kienu ressqu t-talba fiż-żmien opportun. Għalhekk għandha sitwazzjoni fejn, fi ħdan il-familja tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija l‑uniku waħda li tilfet iċ-ċittadinanza Daniża u, għalhekk, l-istatus tagħha ta’ ċittadin tal-Unjoni. |
86. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-eżami individwali tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata jimplika, jekk ikun il-każ, l-eżami tas-sitwazzjoni tal-familja tagħha sabiex jiġi stabbilit jekk it-telf taċ-ċittadinanza tal-Istat Membru kkonċernat, meta jġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, hux se jkollux konsegwenzi li jaffetwaw b’mod sproporzjonat, meta mqabbel mal-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlatur nazzjonali, l-iżvilupp normali tal-ħajja familjari u professjonali tagħha, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni ( 69 ). Fin-nuqqas ta’ tali eżami ta’ proporzjonalità, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u, jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali ma jkunux f’pożizzjoni jiżguraw li tali telf ta’ ċittadinanza jkun konformi mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta u, b’mod partikolari, tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal‑familja, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta ( 70 ). |
87. |
Għalhekk, jiena tal-opinjoni li, irrispettivament mill-għażla leġittima tal-leġiżlatur nazzjonali jekk jintroduċix jew le data bħala limitu għat-telf ex lege taċ-ċittadinanza, l-awtoritajiet kompetenti jew, jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali għandhom ikunu f’pożizzjoni li jeżaminaw b’mod individwali kull telf ta’ ċittadinanza li jġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni fil-mument li titressaq it-talba għaż-żamma taċ-ċittadinanza. F’dan il-każ, tqum il-kwistjoni dwar liema perijodu għandu jiġi kkunsidrat sabiex isir tali eżami fil-qafas tal‑istħarriġ ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, korrettament, li dan l-eżami jista’ jsir billi tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata fl-età ta’ 22 sena. Meta eżami individwali jkun jista’ jsir ukoll meta t-talba għaż-żamma taċ-ċittadinanza tkun tressqet wara l-età ta’ 22 sena, tali limitazzjoni tal-perijodu kkunsidrat sabiex isir dan l-eżami tirrispetta, fl-opinjoni tiegħi, kemm il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward, għandu jiżdied li, fil-każ fejn l-imsemmi eżami isir billi tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata fl-età ta’ 22 sena, l-eventwali eżistenza ta’ fatti ġodda f’ċerti każijiet tista’ tirrikjedi madankollu eżami ġdid tagħhom. |
b) Fuq l‑assenza ta’ rkupru ex tunc taċ‑ċittadinanza fis‑sistema ta’ telf ipso jure tagħha flimkien mal-possibbiltà li tiġi rkuprata ulterjorment fil-qafas ta’ proċedura ġenerali ta’ naturalizzazzjoni
88. |
Kif diġà indikajt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar id‑diffikultà li tiġi rkuprata ċ-ċittadinanza permezz ta’ naturalizzazzjoni wara l-età ta’ 22 sena. F’dan ir-rigward, il-Gvern Daniż isostni li l‑eżami tal-proporzjonalità tat-telf taċ-ċittadinanza previst fl‑Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, fir-rigward tal-persuni li laħqu l-età ta’ 22 sena fil-mument tat-talba taċ-ċittadinanza għandu jkun ibbażat fuq evalwazzjoni globali tas-sistema Daniża tat-telf u tal-irkupru taċ-ċittadinanza. |
89. |
F’dan ir-rigward, kif diġà semmejt, is-sistema ta’ telf ipso jure taċ-ċittadinanza tagħti lil ex ċittadini Daniżi l-possibbiltà li jirkupraw din iċ-ċittadinanza ulterjorment fil-qafas tal-proċedura ġenerali ta’ naturalizzazzjoni, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfatti serje ta’ rekwiżiti, fosthom dawk ta’ residenza fit-territorju nazzjonali fil-mument tat-talba ta’ naturalizzazzjoni u li jkollhom disa’ snin ta’ residenza mhux interrotti fid-Danimarka ( 71 ). |
90. |
Din il-possibbiltà li tiġi rkuprata ċ-ċittadinanza hija suffiċjenti sabiex is-sistema ta’ telf ipso jure taċ-ċittadinanza Daniża tkun ikkunsidrata bħala konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal‑Unjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Tjebbes et? |
91. |
Jiena naħseb li le. |
92. |
L-ewwel, kif diġà spjegajt, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet, fil-ġurisprudenza tagħha, il-prinċipju li l-kompetenza tal‑Istati Membri fil-qasam tal-ksib u tat-telf taċ-ċittadinanza għandu jiġi eżerċitat bl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni ( 72 ). |
93. |
It-tieni, kif semmejt ukoll, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, f’sitwazzjoni fejn it-telf taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru jseħħ ipso jure u jġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, l‑awtoritajiet u l-qrati nazzjonali kompetenti għandhom ikunu f’pożizzjoni mhux biss li jeżaminaw, b’mod inċidentali, il-konsegwenzi ta’ dan it-telf ta’ ċittadinanza, iżda wkoll, jekk ikun il-każ, li jirkupraw ex tunc iċ-ċittadinanza għall-persuna kkonċernata, meta ssir it-talba, minn din il-persuna, għal dokument tal-ivvjaġġar jew ta’ kwalunkwe dokument ieħor li juri n-nazzjonalità tagħha ( 73 ). |
94. |
Għandu jiġi kkonstatat li s-sistema ta’ telf ta’ ċittadinanza Daniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistipulax din il-possibbiltà, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Tjebbes et. Tali telf taċ-ċittadinanza, anki jekk għal perijodu determinat ta’ xi snin, bħal f’dan il-każ, jimplika li l-persuna kkonċernata hija mċaħħda, matul dan il-perijodu kollu, mill-possibbiltà li tgawdi mid-drittijiet kollha mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni ( 74 ). Għalhekk, nikkunsidra li din il-possibbiltà li tirkupra ċ-ċittadinanza ma hijiex biżżejjed, anki f’każ ta’ rekwiżiti ġenerali fil-qasam tar-residenza inqas stretti, sabiex jiġi kkunsidrat li s-sistema ta’ telf ipso jure taċ-ċittadinanza Daniża hija konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità skont l-Artikolu 20 TFUE. |
95. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-opinjoni li stħarriġ ta’ proporzjonalità, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, tal-konsegwenzi li jġib miegħu t-telf taċ-ċittadinanza, meta dan iġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jseħħ biss jekk jintalab jekk jintalab qabel mal‑persuna kkonċernata tilħaq l-età ta’ 22 sena u mingħajr ma tista’ tiġi rkuprata ex tunc iċ-ċittadinanza ta’ din il-persuna ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal‑Unjoni, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Tjebbes et. |
V. Konklużjoni
96. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi bil-mod segwenti għad-domanda preliminari magħmula mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, Danimarka): L-Artikolu 20 TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi, taħt ċerti kundizzjonijiet, it-telf ipso jure taċ-ċittadinanza ta’ dan l-Istat Membru fl-età ta’ 22 sena minħabba nuqqas ta’ rabta effettiva fl-assenza ta’ talba għaż-żamma taċ-ċittadinanza qabel din l-età, fir-rigward ta’ persuni li ma għandhomx ukoll iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor, it-telf tal‑istatus tagħhom ta’ ċittadin tal-Unjoni u tad-drittijiet marbuta miegħu, mingħajr ma jkun hemm minn qabel, meta din it-talba titressaq wara l-età ta’ 22 sena, eżami individwali, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-konsegwenzi li tali telf ikollu fuq is-sitwazzjoni tagħhom fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni mal-possibbiltà tal-irkupru ex tunc taċ-ċittadinanza għall-persuni kkonċernati meta dawn jitolbu dokument tal-ivvjaġġar jew kwalunkwe dokument ieħor li juri ċ-ċittadinanza tagħhom. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010 (C‑135/08, iktar ’il quddiem is-“sentenza Rottmann, EU:C:2010:104).
( 3 ) Sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2019 (C‑221/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tjebbes et”, EU:C:2019:189).
( 4 ) Sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022 (C‑118/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza Wiener Landesregierung, EU:C:2022:34).
( 5 ) Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-prassi amministrattiva tal-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni relatata mal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza hija bbażata fuq xogħol preparatorju ta’ din id-dispożizzjoni.
( 6 ) F’dak li jirrigwarda l-kriterju ta’ residenza, li ma huwiex ikkontestat f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tispjega li, skont il-prassi amministattiva tal-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni, dan il-kriterju huwa ssodisfatt jew meta jkun hemm residenza rreġistrata fir-Reġistru Ċentrali tal-Persuni (CPR) tal-inqas tliet xhur qabel l-età ta’ 22 sena, jew meta l-persuna kkonċernata tista’ tipprova li hija kellha indirizz fid-Danimarka matul tal-inqas tliet xhur konsekuttivi qabel l-imsemmija età u li kienet ippjanata minn qabel għal perijodu ta’ mill-inqas tliet xhur. Skont din il-qorti, il-fatt li tirrisjedi, b’mod partikolari, fil-Finlandja jew fl-Isvezja għal perijodu ta’ mill-inqas seba’ snin huwa assimilat ma’ residenza fid-Danimarka.
( 7 ) Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, f’dan il-każ, skont il-prassi amministrattiva tal-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni, l-enfasi tista’ ssir b’mod partikolari fuq dwar jekk iż-żjarat sarux ftit qabel l-età ta’ 22 sena jew jekk imorrux lura għal numru ta’ snin, jekk humiex jirriflettu volontà tal-applikant stess li jżur id-Danimarka jew jirriżultawx, b’mod partikolari, minn miżuri meħuda mill‑ġenituri jew mill-persuna li timpjega.
( 8 ) Il-qorti tar-rinviju tirreferi għat-Taqsima 2.2.2. tal-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz ta’ liġi Nru L 138, tat‑28 ta’ Jannar 2004 dwar l-Artikolu 8 tal-Liġi dwar iċ‑Ċittadinanza.
( 9 ) Għandu jitfakkar li din il-kundizzjoni tirriżulta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza.
( 10 ) Dwar dawn il-kundizzjonijiet ġenerali, ara l-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-qorti tar-rinviju tindika li l-Artikolu 44(1) tal-Kostituzzjoni jipprevedi li l-ebda barrani ma jista’ jikseb iċ-ċittadinanza Daniża jekk mhux biss saħħa tal-liġi. B’hekk, in-naturalizzazzjoni għandha sseħħ permezz ta’ liġi li ssemmi espressament l-isem ta’ kull persuna naturalizzata.
( 11 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 12 ) Fuq il-prassi amministrattiva tal-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni dwar il-kriterju ta’ “residenza”, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 13 ) Infakkar li, J. Rottmann kien kiseb iċ-ċittadinanza Ġermaniża permezz ta’ naturalizzazzjoni b’mod frawdolenti.
( 14 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 1992, Micheletti et (C‑369/90, EU:C:1992:295, punt 10), li tgħid: “[i]d-definizzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ ksib u ta’ telf taċ-ċittadinanza jaqgħu, skont id-dritt internazzjonali, fil-kompetenza ta’ kull Stat Membru, kompetenza li għandha tkun eżerċitata b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni”. Korsiv miżjud minni. Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà bdiet tipproponi din l‑idea fis-sentenzi tas‑7 ta’ Frar 1979, Auer (136/78, EU:C:1979:34, punt 28), u tat‑12 ta’ Novembru 1981, Airola vs Il‑Kummissjoni (72/80, EU:C:1981:267, punti 8 et seq.). Fil-fatt, dan huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni applikat fil-qasam taċ-ċittadinanza tal-Unjoni.
( 15 ) Sentenza Rottmann, punti 39 u 45 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 16 ) Sentenza Rottmann, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata. Infakkar li, fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq ġurisprudenza stabbilita relatata mas-sitwazzjonijiet li fihom leġiżlazzjoni adottata f’qasam li jaqa’ fil‑kompetenza nazzjonali hija evalwata fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni Ara, ukoll, il‑konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro f’din il-kawża (C‑135/08, EU:C:2009:588, punt 20).
( 17 ) Sentenza Rottmann, punti 42 u 43.
( 18 ) Sentenza Rottmann, punt 48.
( 19 ) Sentenza Rottmann, punt 54. Ara, ukoll, il-punti 51 sa 53.
( 20 ) Sentenza Rottmann, punt 56. Korsiv miżjud minni.
( 21 ) Sentenza Rottmann, punt 59 u d-dispożittiv.
( 22 ) Jiġifieri l-fatt, għal kull ċittadin Olandiż li għandu wkoll iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor, li jirrisjedi barra mill-Pajjiżi l-Baxxi u t-territorji li għalihom huwa applikabbli t-Trattat EU matul perijodu mhux interrott ta’ għaxar snin.
( 23 ) Il-kawża li wasslet għas-sentenza Rottmann kienet tirrigwarda deċiżjoni individwali ta’ revoka taċ-ċittadinanza, ibbażata fuq l-aġir tal-persuna kkonċernata.
( 24 ) Sentenza Tjebbes et, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 25 ) Sentenza Tjebbes et, punt 32.
( 26 ) Sentenza Tjebbes et, punt 35. Ara, ukoll is-sentenza Rottmann, punt 51.
( 27 ) Sentenza Tjebbes et, punt 39.
( 28 ) Sentenza Tjebbes et, punti 40 u 41.
( 29 ) Sentenza Tjebbes et, punt 42 u d-dispożittiv.
( 30 ) Sentenza Tjebbes et, punt 45 u d-dispożittiv.
( 31 ) C‑118/20, EU:C:2021:530. Ara l-punti 47 et seq.
( 32 ) Sentenza Wiener Landesregierung, punt 44 u l-punt 1 tad-dispożittiv.
( 33 ) Sentenza Wiener Landesregierung, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata. Għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tal-eżami tat-tieni domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, b’riferiment għall-punt 62 tas-sentenza Rottmann, li l-prinċipji li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l‑kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam taċ-ċittadinanza kif ukoll tal-obbligi tagħhom li jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni japplikaw kemm għall-Istat Membru ospitanti kif ukoll għall-Istat Membru taċ‑ċittadinanza oriġinali.
( 34 ) Sentenza Wiener Landesregierung, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 35 ) Sentenza Wiener Landesregierung , punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 36 ) Sentenza Wiener Landesregierung, punti 60 u 62 sa 72.
( 37 ) Sentenza Wiener Landesregierung, punt 73.
( 38 ) Sentenza Wiener Landesregierung, punt 74 u l-punt 2 tad-dispożittiv.
( 39 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Rottmann (C‑135/08, EU:C:2009:588, punt 23). Korsiv miżjud minni.
( 40 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Rottmann (C‑135/08, EU:C:2009:588, punt 23).
( 41 ) Ara, f’dan ir-rigward is-sentenzi Rottmann, punti 41 sa 43, 45, 48, 56 u 59; Tjebbes et, punti 30, 32, 40 sa 42 u 45, u Wiener Landesregierung, punti 44, 59, 61 u 73. Ara, ukoll, il-punti 29 sa 43 u, b’mod partikolari, il-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 42 ) Sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31), u Wiener Landesregierung (punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 43 ) Ara l-punti 29, 30 u 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 44 ) Ara s-sentenza Tjebbes et, punt 32.
( 45 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Rottmann, punti 42 u 45, u Tjebbes et, punt 32. Waqt is-seduta, il-Gvern Daniż sostna li, mid-deċiżjoni tal-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern fi ħdan il-Kunsill Ewropew imlaqqa’ f’Edinburgh fil‑11 u t‑12 ta’ Diċembru 1992, jirriżulta li r-Renju tad-Danimarka għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ ksib u ta’ telf taċ-ċittadinanza u għandu pożizzjoni partikolari f’dak li jirrigwarda ċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Madankollu, il-Kummissjoni fakkret li l-partijiet rilevanti ta’ din id-deċiżjoni dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni jużaw l-istess termini bħal dawk li jinsabu fid‑Dikjarazzjoni Nru 2 dwar iċ-Ċittadinanza ta’ Stat Membru, mehmuża mill-Istati Membri mal-Att Finali tat-Trattat UE. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Rottmann, punt 40. Hija fakkret ukoll li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam ta’ ksib u ta’ telf taċ-ċittadinanza għandha tkun eżerċitata bl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Rottmann, punt 41.
( 46 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rottmann, punti 51 sa 54.
( 47 ) Sentenzi Rottmann, punt 51; Tjebbes et, punt 32, u Wiener Landesregierung, punt 52.
( 48 ) Sentenza Tjebbes et, punt 35. Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Tjebbes et (C‑221/17, EU:C:2018:572, punt 53).
( 49 ) Sentenza Tjebbes et, punt 36. Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Tjebbes et (C‑221/17, EU:C:2018:572, punt 54). Korsiv miżjud minni.
( 50 ) Minkejja li nistaqsi lili nnifsi dwar jekk dan it-telf progressiv tar-rabta effettiva jistax jiġi ġġeneralizzat għall-persuni kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata, jiena naqbel li għandu jitqies li jista’ jkun hemm, bħala regola, riskju sabiex tali telf progressiv tar-rabta effettiva jkun seħħ f’ċerti każijiet. Barra minn hekk, jidhirli li huwa perfettament possibbli li jitqies li ċerti ċittadini tal-Unjoni jista’ jkollhom rabta effettiva ma’ iktar minn Stat Membru wieħed. Jekk jitpoġġa dubju fuq tali konstatazzjoni jkun ifisser li qiegħed jitpoġġa dubju dwar l-essenza stess taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Fl-opinjoni tiegħi, ikun paradossali li ma jiġux aċċettati l-eventwali konsegwenzi fuq iċ-ċittadini nazzjonali tal-eżerċizzju, b’mod partikolari, ta’ wieħed mil-libertajiet fundamentali tal‑Unjoni, jiġifieri l-moviment liberu tal-persuni.
( 51 ) Il-Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità, adottata fis‑6 ta’ Novembru 1997 fil-kuntest tal-Kunsill tal-Ewropa u li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Marzu 2000, ġiet irratifikata mir-Renju tad-Danimarka fl‑24 ta’ Lulju 2002. Ir-rapport spjegattiv ta’ din il-Konvenzjoni jindika li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tawtorizza lill-Istat li jixtieq jagħmel dan li jipprekludi li ċ-ċittadini tiegħu li ilhom jgħixu fl-esteru milli jżommu ċ-ċittadinanza ta’ dan l-Istat Membru meta r-rabta ma’ dan l-Istat Membru ma għadhiex teżisti jew ġiet issostitwita b’rabta ma’ pajjiż ieħor, sakemm, bħal f’din il-kawża, dawn ikunu persuni li għandhom ċittadinanza doppja u li għalhekk ma hemmx riskju ta’ apolodija. Ara l-punt 70 ta’ dan ir-rapport.
( 52 ) In-nuqqas ta’ tali distinzjoni ġiet ikkonfermata mill-Gvern Daniż bħala risposta għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fir-rigward tad-distinzjoni magħmula mil-leġiżlazzjoni Daniża bejn residenza, b’mod partikolari, fil-Finlandja jew fl-Isvezja u residenza fi Stat Membru ieħor, il-Gvern Daniż ikkonferma waqt is-seduta li l‑Artikolu 8(3) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza jistipula li perijodu ta’ residenza ta’ seba’ snin f’dawn iż-żewġ Stati Membri huwa meqjus bħala li juri rabta effettiva mad-Danimarka. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat, bħala risposta għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li din ir-regola tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-Istat Membru ta’ residenza li tista’ titqies bħala nuqqas ta’ koerenza fil-konfront tal-motiv ta’ interess ġenerali li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni Daniża. Ara, ukoll, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 53 ) Fi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni enfasizzat li mill-applikazzjoni ta’ tali kriterju jirriżulta li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment u ta’ residenza miċ-ċittadin Daniż ikkonċernat iġib miegħu t-telf ta’ dan id-dritt.
( 54 ) Dan jidher li huwa l-każ, fl-opinjoni tiegħi, ta’ ċittadin Daniż, imwieled fil-Pajjiżi l-Baxxi minn missier Daniż u minn omm Amerikana, li, fl-età ta’ 18-il sena, jeżerċita d‑dritt għall-moviment liberu u ta’ residenza tiegħu sabiex imur jaħdem jew jistudja l-Italja, u jibqa’ jirrisjedi hemm sal-età ta’ 22 sena. Għandu jiġi nnotat ukoll li, kif spjegat il-Kummissjoni bħala tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, is-sitwazzjoni fejn tali ċittadin ikollu ċ-ċittadinanza doppja Daniża u Taljana taqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. F’dan il-każ, dan ma jkunx il-każ ta’ telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni iżda ta’ restrizzjoni għad‑dritt ta’ moviment u ta’ residenza libera fi ħdan l-Unjoni.
( 55 ) Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkonfermat waqt is-seduta li dawn kienu vaganzi.
( 56 ) Sentenza Tjebbes et, punt 10.
( 57 ) Sentenza Tjebbes et, punt 36. Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Tjebbes et (C‑221/17, EU:C:2018:572, punt 54). Korsiv miżjud minni.
( 58 ) Sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 26); tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punti 42 u 43), u tat‑2 ta’ Ottubru 2019, Bajratari (C‑93/18, EU:C:2019:809, punt 26).
( 59 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Rottmann (C‑135/08, EU:C:2009:588, punt 32), li jgħid: “[b]’hekk, mingħajr ebda dubju, ikun hemm ksur tad-dritt ta’ moviment u residenza mogħtija liċ-ċittadin tal-Unjoni mill‑Artikolu [21 TFUE] jekk regola tal-Istat tipprevedi t-telf taċ-ċittadinanza f’każ ta’ trasferiment tar-residenza fi Stat Membru ieħor”.
( 60 ) Ara l-punti 35 u 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 61 ) Fuq l-emenda tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza wara l-għoti tas‑sentenza Tjebbes et, ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 62 ) Infakkar li l-qorti tar-rinviju tispjega li, f’każ ta’ talba għaż-żamma taċ-ċittadinanza qabel l-età ta’ 21 sena, il-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni ma jiħux pożizzjoni dwar jekk l-applikant żammx iċ-ċittadinanza Daniża u sempliċement joħroġ ċertifikat ta’ ċittadinanza Daniża mingħajr ħsara għat-telf ta’ din iċ‑ċittadinanza fl-età ta’ 22 sena, skont l-Artikolu 8 tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza. Inqerr li l-argument li l-evalwazzjoni taż-żamma taċ-ċittadinanza għandu jsir l-iktar qrib possibbli tal-età ta’ 22 sena sabiex l-awtoritajiet Daniżi jkunu jistgħu jieħdu pożizzjoni dwar iż-żamma taċ-ċittadinanza ma jidhirlix li huwa konvinċenti. Ara l-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 63 ) Waqt is-seduta, il-Gvern Daniż indika, bħala tweġiba għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li anki jekk l-awtoritajiet Daniżi ma jinfurmawx b’mod sistematiku liċ-ċittadini Daniżi bil-kundizzjonijiet ta’ telf taċ-ċittadinanza tagħhom fl-età ta’ 22 sena, ir-regola tat-telf taċ-ċittadinanza Daniża madankollu tinsab fil-paġna 2 tal-passaporti. Barra minn hekk, dan il-Gvern spjega wkoll li l-passaport tal-persuna kkonċernata bit-telf taċ-ċittadinanza Daniża ma huwiex iktar validu b’effett mill-età ta’ 22 sena. Fuq dan l-aspett, jiena tal-opinjoni li l-fatt li din ir-regola tissemma fil-paġna 2 tal-passaport ma għandux effett fuq il-problema li tinsab fil-qofol ta’ din il-kawża, jiġifieri l-impossibbiltà totali għar-rikorrenti fil‑kawża prinċipali li tikkontesta t-telf taċ-ċittadinanza tagħha, li ġġib magħha t‑telf tal-istatus tagħha ta’ ċittadina tal-Unjoni, u, b’hekk, li tibbenefika minn stħarriġ ta’ proporzjonalità, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, tal-konsegwenzi ta’ dan it-telf.
( 64 ) F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirreferi għad-dokument tal-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni intitolat “Orientering om behandlingen af ansøgninger om bevis for bevarelse af dansk indfødsret efter EU-Domstolens dom i sag C‑221/17, Tjebbes” (Informazzjoni dwar it-trattament ta’ talbiet għal ċertifikat ta’ żamma taċ-ċittadinanza Daniża wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑Unjoni Ewropea fil-Kawża C‑221/17, Tjebbes).
( 65 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Rottmann, punti 41 sa 43, 45, 48, 56 u 59; Tjebbes et, punti 30, 32, 40 sa 42 u 45, u Wiener Landesregierung, punti 44, 59, 61 u 73. Ara, ukoll, il-punti 29 sa 43 u, b’mod partikolari, il-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 66 ) Sentenza Tjebbes et, punt 41. Infakkar li, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi mhux fuq il-kompetenza sabiex tiddefinixxi kundizzjoni ta’ telf taċ-ċittadinanza fil-leġiżlazzjoni nazzjonali (bħar-residenza taċ‑ċittadini ta’ Stat Membru matul perijodu mhux interrott ta’ għaxar snin barra minn dan l-Istat Membru u mill-Unjoni) iżda dwar l-inkompatibbiltà mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ta’ din il-leġiżlazzjoni peress li din ma tippermetti, fl-ebda mument, li jiġu eżaminati l-konsegwenzi ta’ dan it-telf fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Fuq din id-distinzjoni, ara l-kunsiderazzjonijiet tiegħi fil-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 67 ) Punt 48 ta’ din is-sentenza.
( 68 ) Pereżempju, fil-qafas tal-proċedura ta’ revoka ta’ dokument tal-ivvjaġġar jew fil-każ ta’ talba għall-ħruġ ta’ passaport ġdid.
( 69 ) Sentenzas Tjebbes et, punt 44, u Wiener Landesregierung, punt 59.
( 70 ) Sentenza Tjebbes et, punt 45, u Wiener Landesregierung, punt 61.
( 71 ) Ara l-punti 8 u 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 72 ) Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Lulju 1992, Micheletti et (C‑369/90, EU:C:1992:295, punt 10); Rottmann (punti 39 u 41); Tjebbes et (punt 30); tal‑14 ta’ Diċembru 2021, Stolichna obshtina, rayonPancharevo (C‑490/20, EU:C:2021:1008, punt 38), u Wiener Landesregierung (punt 37).
( 73 ) Sentenza Tjebbes et, punt 42 u d-dispożittiv.
( 74 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wiener Landesregierung, punt 48.