EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0626

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali T. Ćapeta, ippreżentati l-1 ta’ Diċembru 2022.


ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:954

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fl‑1 ta’ Diċembru 2022 ( 1 )

Kawża C‑626/21

Funke Sp. z o.o.

parti oħra:

Landespolizeidirektion Wien

(talba għal deċiżjoni preliminari mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 2001/95/KE – Sigurtà ġenerali tal-prodotti – Sistema ta’ Informazzjoni Rapida tal-Unjoni Ewropea (RAPEX) dwar prodotti mhux tal-ikel perikolużi – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/417 – Linji gwida RAPEX – Regolament (KE) Nru 765/2008 – Sorveljanza tas-suq – Direttiva 2013/29/UE – Tqegħid fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi – Dritt ta’ operatur ekonomiku li jikkompleta notifika tar-RAPEX – Artikolu 34 TFUE – Moviment liberu tal-merkanzija – Miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva”

I. Introduzzjoni

1.

Iċ-ċirkolazzjoni tal-merkanzija ffaċilitata mis-suq intern ifisser li prodotti mhux siguri jistgħu faċilment jilħqu konsumaturi f’bosta Stati Membri. Sabiex tirreaġixxi għal tali sitwazzjonijiet, l-Unjoni Ewropea stabbiliet is-sistema RAPEX ( 2 ) – il-verżjoni tagħha ta’ “tliet nefħiet mibgħuta b’sinjali tad-duħħan” ( 3 ).

2.

Fi ftit kliem, taħt is-sistema RAPEX, Stat Membru li jiskopri li prodott perikoluż ġie mqiegħed fis-suq tiegħu jinnotifika Stati Membri oħra permezz tal-Kummissjoni Ewropea. Dan il-każ huwa kkonċernat b’dik is-sistema, u iktar speċifikament, bid-drittijiet tal-operaturi ekonomiċi li jintervjenu f’dik is-sistema jekk il-prodotti li bihom jinnegozjaw huma l-oġġett ta’ tali notifika.

3.

Il-prodotti inkwistjoni f’dan il-każ huma murtali, jiġifieri murtali li jagħmlu ħoss, importati miċ-Ċina lejn l-Unjoni minn Funke Sp. z o.o., ir-rikorrenti fil-proċeduri fil-kawża prinċipali. Huma kienu mibjugħa permezz ta’ distributuri differenti f’diversi Stati Membri, inkluż l-Awstrija.

II. Il‑fatti fil‑proċeduri fil‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja

4.

Dan il-każ irriżulta minn talba għal deċiżjoni preliminari mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija).

5.

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, waqt li kien qiegħed iwettaq sorveljanza tas-suq fir-rigward ta’ distributur ta’ oġġetti pirotekniċi skont id-dritt applikabbli Awstrijak ( 4 ), il-Landespolizeidirektion Wien (id-Direttorat Ġenerali tal-Pulizija ta’ Vjenna, l-Awstrija, iktar ’il quddiem “il-LPD”) sab li ċertu tipi ta’ murtali maħżuna minn dak id-distributur ma kinux siguri għall-utenti biex jużawhom. Permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva, il-LPD impona fuq id-distributur projbizzjoni fuq il-bejgħ ta’ dawk l-oġġetti u ordna l-irtirar tagħhom mis-suq (iktar ’il quddiem “il-miżuri amministrattivi indirizzati lid-distributur”).

6.

Sussegwentement, il-LPD, bħala l-awtorità kompetenti għas-sorveljanza tas-suq fl-Awstrija għal dik it-tip ta’ merkanzija, beda proċedura ta’ notifika tar-RAPEX. Permezz tal-Punt ta’ Kuntatt nazzjonali RAPEX, il-LPD issottometta tliet notifiki separati (iktar ’il quddiem “in-notifiki tar-RAPEX”). Wara verifiki, il-Kummissjoni bagħtet dawk in-notifiki lill-Istati Membri.

7.

Funke Sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “Funke”), kumpanija stabbilita l-Polonja, hija l-importatur tal-murtali kkonċernati min-notifiki tar-RAPEX.

8.

Funke kkunsidrat li dawk in-notifiki kif trażmessi permezz tar-RAPEX ma ddeskrivewx sew il-prodotti li kienu s-suġġett tal-miżuri amministrattivi indirizzati lid-distributur. Permezz tal-ittra tat‑30 ta’ April 2020, Funke għaldaqstant issottomettiet talbiet lil LPD li n-notifiki tar-RAPEX jiġu kkompletati billi jżidu n-numru tal-fornitura tal-prodotti kkonċernati. Kif spjegat waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, b’dan, hija fil-fatt talbet li s-sena tal-produzzjoni (2017) tal-murtali inkwistjoni tiġi indikata ( 5 ). Barra minn hekk, Funke talbet aċċess għall-fajls tal-proċedura tan-notifika tar-RAPEX, b’mod partikolari l-klassifika tar-riskju tal-prodotti koperti minn dawk in-notifiki.

9.

Fid‑29 ta’ Ġunju 2020, il-LPD ċaħad it-talbiet ta’ Funke bħala inammissibbli għar-raġunijiet li Funke ma kinitx meqjusa bħala parti mill-proċedimenti. Funke ppreżentat appell.

10.

Kif spjegat fid-deċiżjoni għar-rinviju, il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija) ċaħdet it-talbiet ta’ Funke. Skont dik il-qorti, notifiki fir-RAPEX ma humiex deċiżjonijiet amministrattivi, iżda atti materjali (azzjonijiet amministrattivi sempliċi). Skont il-liġi Awstrijaka, persuni li jallegaw li d-drittijiet tagħhom ġew miksura mid-deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva biss jistgħu jressqu appell quddiem il-qrati amministrattivi fuq il-bażi ta’ illegalità. Dik il-qorti kkunsidrat, madankollu, li, fis-sistema legali Awstrijaka, operaturi ekonomiċi, bħal ma hija Funke, ma ġewx mogħtija dritt li jitolbu l-ikkompletar tan-notifika tar-RAPEX jew aċċess għall-fajls. Dik il-qorti kkunsidrat ukoll li ma kien hemm xejn fid-dritt tal-Unjoni rilevanti li jissuġġerixxi li Funke kellha tali drittijiet jew li kellha l-istat ta’ parti fil-proċedura tan-notifika tar-RAPEX.

11.

L-appell imressaq minn Funke kontra dik is-sentenza quddiem il-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali tal-Awstrija) kien ittrasferit lill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema), li hija l-qorti tar-rinviju f’dan il-każ.

12.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dritt rilevanti tal-Unjoni li jikkonċerna direttament RAPEX jagħti lok għal dritt ta’ operatur ekonomiku li jitlob l-ikkompletar tan-notifika tar-RAPEX u għal protezzjoni ġudizzjarja adegwata kontra effetti negattivi li jirriżultaw minn notifika tar-RAPEX. Dik il-qorti tispjega li, fil-fehma tagħha, operatur ekonomiku ma għandux id-dritt li jitlob l-ikkompletar ta’ dak li jikkunsidra bħala notifika tar-RAPEX inkompleta, iżda li l-proċedura tan-notifika tar-RAPEX hija mwettqa esklużivament bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri, mingħajr ma jingħataw xi drittijiet l-operaturi ekonomiċi f’dak ir-rigward.

13.

Madankollu, kieku jeżisti tali dritt, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf liema awtorità hija responsabbli biex twieġeb għat-talba tal-operatur ekonomiku għall-ikkompletar tan-notifika tar-RAPEX. Hija tikkunsidra li xi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni juru l-awtorità tal-Istat Membru bħala kompetenti li tiddeċiedi fuq tali talbiet (peress li l-awtorità għandha responsabbiltà għall-informazzjoni pprovduta), filwaqt li oħrajn jimmilitaw favur il-kompetenza tal-Kummissjoni (peress li l-Kummissjoni tivverifika li n-notifiki tar-RAPEX huma korretti u kompluti).

14.

Il-qorti tar-rinviju tkompli tistaqsi jekk il-miżuri amministrattivi indirizzati lid-distributur (u mhux Funke bħala importatur) għandhom jiġu meqjusa bħala l-punt ta’ tluq tal-proċedura tan-notifika tar-RAPEX. Jekk iż-żewġ proċeduri huma meqjusa bħala waħda, dritt għal azzjoni kontra n-notifika tista’ tiġi rrikonoxxuta fir-rigward tad-distributur. Dan xorta waħda ma jagħti l-ebda dritt lil importatur, bħal Funke, li ma kienx id-destinatarju tad-deċiżjoni amministrattiva oriġinali. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali protezzjoni ġudizzjarja hijiex biżżejjed taħt id-dritt tal-Unjoni.

15.

F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri fil-kawża prinċipali u tirreferi s-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“–

id-Direttiva 2001/95KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 447),] fil-verżjoni tagħha emendata bir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Lulju 2008 [(ĠU 2008, L 218, p. 30),] kif ukoll bir-Regolament (KE) Nru 596/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Ġunju 2009 [(ĠU 2009, L 188, p. 14, rettifika fil-ĠU 2012, L 86, p. 25.)], b’mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu u l-Anness II tagħha,

ir-Regolament (KE) Nru 765/2008, b’mod partikolari l-Artikoli 20 u 22 tiegħu, kif ukoll

id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/417 tat‑8 ta’ Novembru 2018 li tiffissa linji gwida għall-ġestjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni Rapida tal-Unjoni Ewropea “RAPEX” stabbilita skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2001/95/KE dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti u s-sistema ta’ notifika tagħha [(ĠU 2019, L 73, p. 121)], għandhom jiġu interpretati fis-sens

1.

li d-dritt ta’ operatur ekonomiku sabiex jikkompleta notifika tar-RAPEX jirriżulta direttament minn dawn id-dispożizzjonijiet?

2.

li d-deċiżjoni dwar tali talba’ taqa’ taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni Ewropea?

jew

3.

li d-deċiżjoni dwar tali talba taqa’ taħt il-kompetenza tal-awtorità tal-Istat Membru kkonċernat?

(f’każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda)

4.

il-protezzjoni ġudizzjarja (nazzjonali) kontra tali deċiżjoni hija suffiċjenti meta tingħata mhux lil kulħadd, iżda unikament lill-operatur ekonomiku kkonċernat mill-miżura (obbligatorja), kontra l-miżura (obbligatorja) meħuda mill-awtorità?”

16.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja minn Funke, il-Gvern Awstrijaku u l-Kummissjoni. Fil‑21 ta’ Settembru 2022 inżammet seduta li matulha dawk il-partijiet ippreżentaw sottomissjonijiet orali argument bil-fomm.

III. Id‑dritt rilevanti

17.

Il-qorti tar-rinviju talbet interpretazzjoni tas-segwenti atti tad-dritt tal-Unjoni relatati ma’ RAPEX, li ser nirreferi għalihom flimkien bħala “id-dritt tal-Unjoni rilevanti dwar RAPEX”:

id-Direttiva 2001/95 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti”) ( 6 );

ir-Regolament Nru 765/2008 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament għas-sorveljanza tas-suq”) ( 7 ); u

id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2019/417 (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida RAPEX”) ( 8 ).

18.

Dawk id-dispożizzjonijiet saru applikabbli għall-murtali inkwistjoni f’dan il-każ permezz tad-Direttiva 2013/29/UE dwar oġġetti pirotekniċi ( 9 ).

19.

Kif ser turi l-analiżi tiegħi, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati mal-libertà tal-moviment ta’ merkanzija huma wkoll rilevanti f’dan il-każ.

IV. Analiżi

20.

Id-domandi preliminari f’dan il-każ jirriżultaw mill-partikolaritajiet tad-dritt amministrattiv Awstrijak. Kif spjegat mill-Gvern Awstrijak waqt is-seduta, talba ta’ persuni lil awtorità amministrattiva hija ikkunsidrata li tiġi mwieġba permezz ta’ “att amministrattiv” jekk il-persuna kellha dritt fir-rigward ta’ dik l-awtorità. F’tali każ, dik il-persuna għandha d-dritt ukoll li tintroduċi azzjoni f’qorti amministrattiva kontra deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità amministrattiva wieġbet għat-talba tagħha. Għall-kuntrarju, jekk il-persuna ma kinitx tgawdi dritt, it-tweġiba mill-awtorità amministrattiva ma hijiex ikkunsidrata bħala att amministrattiv u ma tiġix mistħarrġa minn qorti.

21.

Għalhekk, permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq li taċċerta jekk, taħt id-dritt tal-Unjoni, operatur ekonomiku, bħal Funke, għandux dritt sabiex jitlob l-ikkompletar tan-notifika tar-RAPEX bħala parti għal dik il-proċedura. Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-awtorità responsabbli għall-preċiżjoni tal-informazzjoni hija awtorità tal-Istat Membru jew il-Kummissjoni. Fil-każ li operatur ekonomiku għandu dritt li jistaqsi lill-awtorità tal-Istat Membru għall-ikkompletar ta’ notifika tar-RAPEX, mela ċ-ċaħda mil-LPD biex jikkunsidra t-talba ta’ Funke għall-ikkompletar tan-notifiki tar-RAPEX tista’ tiġi mistħarrġa mill-qrati amministrattivi Awstrijaki.

22.

Ir-raba’ domanda preliminari hija inqas ċara. Peress li l-proċedura tan-notifika tar-RAPEX f’dan il-każ inbdiet mill-miżuri amministrattivi indirizzati lid-distributur, il-qorti tar-rinviju tidher li tikkunsidra li dritt għal talba għall-ikkompletar ta’ notifika tar-RAPEX jista’ jeżisti għad-distributur, iżda mhux għal Funke. Hija, madankollu, tistaqsi jekk tali protezzjoni ġudizzjarja hijiex biżżejjed skont id-dritt tal-Unjoni jew jekk aċċess għall-qrati għandux jingħata lill-operaturi ekonomiċi oħra interessati, inkluż importaturi. Sabiex tingħata risposta għal dik id-domanda li tista’ tkun utli għall-qorti tar-rinviju ( 10 ). Ser nitratta din id-domanda bħala li tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li Stati Membri jipprovdu aċċess għall-qrati għal operaturi ekonomiċi interessati, bħal Funke, kontra notifika tar-RAPEX ( 11 ).

23.

Din hija l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba biex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar RAPEX. Għalhekk, jien l-ewwel ser nipprovdi xi osservazzjonijiet preliminari dwar RAPEX u kif taħdem il-proċedura tan-notifika tagħha (A). Imbagħad ser nirrispondi għat-tieni u t-tielet domanda preliminari billi nispjega li d-dritt tal-Unjoni rilevanti għal RAPEX ipoġġi responsabbiltà għall-preċiżjoni ta’ informazzjoni fin-notifiki tar-RAPEX fuq l-awtorità tal-Istat Membru (B). Dik l-istess leġiżlazzjoni, madankollu, ma tipprevedix operaturi ekonomiċi bħala partijiet fil-proċedura tan-notifika tar-RAPEX. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, id-dritt ta’ operatur ekonomiku biex isaqsi għall-ikkompletar tan-notifika tar-RAPEX ma jistax jiġi bbażat fuq id-dritt tal-Unjoni rilevanti għar-RAPEX (C). Dan ma jfissirx li l-operatur, f’sitwazzjoni bħal ta’ dan il-każ, jitħalla mingħajr l-ebda rimedju taħt id-dritt tal-Unjoni kontra notifika inkompluta. Ser nargumenta li notifika tar-RAPEX inkompluta tista’, mill-fehma ta’ operatur ekonomiku, tippreżenta ostakolu għan-negozju fis-suq intern. Għal dik ir-raġuni, id-dritt li jintalab l-ikkompletar tan-notifika tar-RAPEX tista’ tinħareġ mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat rigward il-moviment liberu ta’ merkanzija (D). Fl-aħħar, ser nindirizza l-konsegwenzi li jsegwu minn tali konklużjoni għall-qorti tar-rinviju (E).

A.   RAPEX u l‑proċedura tan‑notifika

24.

B’mod ġenerali, RAPEX, kif isimha jimplika, hija sistema stabbilita mid-dritt tal-Unjoni għall-iskambju rapidu ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri ( 12 ) u l-Kummissjoni dwar prodotti perikolużi mhux marbuta mal-ikel ( 13 ). Din oriġinat f’serje ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati mit-tmeninijiet ( 14 ). Dik is-sistema mbagħad ġiet inkorporata fid-Direttiva 92/59/KE dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti ( 15 ), li kienet il-predeċessur tad-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti.

25.

In-numru ta’ notifiki mibgħuta permezz ta’ RAPEX żdiedu progressivament matul is-snin ( 16 ). Fl‑2021, kien hemm 2142 notifika u 4965 notifika ta’ segwitu ċirkolati permezz ta’ RAPEX ( 17 ).

26.

Kif ġie msemmi, id-dritt tal-Unjoni rilevanti għar-RAPEX preżentement jinkludi id-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti ( 18 ), ir-Regolament għas-sorveljanza tas-suq ( 19 ) u l-Linji Gwida RAPEX ( 20 ). Dawk l-atti kollha huma ibbażati fuq l-Artikolu 114 TFUE.

27.

RAPEX hija essenzjalment immirata lejn l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni f’sitwazzjonijiet li jeħtieġu intervent rapidu fis-suq rigward prodott (mhux tal-ikel) ( 21 ). L-għan tagħha hija li tipprevjeni aċċidenti billi tinforma awtoritajiet tal-infurzar fi Stati Membri oħra dwar prodotti potenzjalment perikolużi ( 22 ). RAPEX għandha rwol importanti fil-qasam ta’ sigurtà ta’ prodotti u, b’mod partikolari, tipprevjeni u tillimita l-provvista ta’ prodotti perikolużi li jikkostitwixxu riskju serju għas-saħħa u sigurtà tal-konsumaturi, għalhekk tgħin sabiex taċċerta l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur ( 23 ).

28.

RAPEX innifisha tikkonsisti minn diversi elementi inkluż il-qafas legali li jirregola kif topera s-sistema (jiġifieri, id-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti u l-Linji Gwida RAPEX); l-applikazzjoni online ta’ RAPEX li tippermetti lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jiskambjaw l-informazzjoni malajr; il-Punti ta’ Kuntatt nazzjonali RAPEX responsabbli biex joperaw RAPEX fl-Istati Membri; u s-sit tar-RAPEX ( 24 ), li jipprovdi sommarji ta’ notifiki tar-RAPEX u aġġornamenti ta’ kull ġimgħa lill-pubbliku ġenerali ( 25 ).

29.

RAPEX tiffunzjona fis-segwenti tliet stadji ( 26 ). L-ewwel hemm l-istadju tan-notifika li fih l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru joħolqu notifika, li mbagħad hija trażmessa permezz tal-Punt ta’ Kuntatt nazzjonali RAPEX lill-Kummissjoni. It-tieni, hemm l-istadju tal-validazzjoni u tad-distribuzzjoni li fih il-Kummissjoni tivverifika n-notifiki kollha sabiex taċċerta li huma korretti u kompluti u mbagħad tgħaddihom lill-Istati Membri, minbarra li tippubblikahom fuq is-sit tar-RAPEX. It-tielet, hemm l-istadju tas-segwitu li fih l-Istati Membri, meta jirċievu notifika tar-RAPEX, jeżaminaw l-informazzjoni pprovduta u jieħdu azzjoni xierqa, li tagħha jinnotifikaw ukoll il-Kummissjoni ( 27 ).

30.

Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti u l-Artikolu 22 tar-Regolament għas-sorveljanza tas-suq, l-Istati Membri huma obbligati li jibgħatu notifika tar-RAPEX lill-Kummissjoni fejn is-segwenti erba’ kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti ( 28 ). L-ewwel, il-prodott jaqa’ fi ħdan l-għan tad-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti jew tar-Regolament għas-sorveljanza tas-suq. It-tieni, il-prodott huwa suġġett għal miżuri li jipprevjenu, jillimitaw jew jimponu kundizzjonijiet speċifiċi fuq il-kummerċjalizzazzjoni jew użu possibbli tiegħi, li jistgħu jittieħdu jew fuq l-inizjattiva tal-operatur ekonomiku (miżuri volontarji) jew kif ordnat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru (miżuri obbligatorji), bħal f’dan il-każ ( 29 ). It-tielet, il-prodott jippreżenta riskju serju għas-saħħa u għas-sigurtà ta’ konsumaturi jew, fil-każ tar-Regolament għas-sorveljanza tas-suq, interessi pubbliċi rilevanti oħra. Ir-raba’, ir-riskju serju jmur lil hinn mit-territorju tal-Istat Membru tan-notifika u għalhekk għandu effetti transkonfinali ( 30 ).

31.

B’mod iktar speċifiku, ta’ rilevanza għall-finijiet ta’ dan il-każ, huwa possibbli li jiġu distinti diversi aspetti fir-rigward il-proċedura tan-notifika tar-RAPEX. L-ewwel, meta fil-kuntest ta’ sorveljanza tas-suq l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru huma kkonfrontati bi prodott li jippreżenta riskji serji li jeħtieġu intervent rapidu, tali prodott għandu jissejjaħ lura, jiġi rtirat jew jiġi pprojbit mis-suq ( 31 ).

32.

It-tieni, meta Stat Membru jieħu tali miżura jew għandu l-intenzjoni li jagħmel dan, għandu jevalwa jekk ir-raġunijiet li wasslu għall-miżura jew l-effetti ta’ dik il-miżura imorru lil hinn mit-territorju tiegħu ( 32 ). L-Istat Membru għandu jevalwa wkoll jekk il-prodott jippreżenta riskju serju, li jfisser li, qabel l-Istat Membru jiddeċiedi li jissottometti notifika tar-RAPEX, għandu jwettaq valutazzjoni tar-riskju ( 33 ).

33.

It-tielet, jekk il-kundizzjonijiet għal notifika tar-RAPEX ġew issodisfatti, Stat Membru huwa meħtieġ li jibgħat notifika “immedjatament” lill-Kummissjoni ( 34 ). L-Istat Membru tan-notifika jipprovdi d-dettalji kollha disponibbli, inkluż, b’mod partikolari, informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal-prodott ( 35 ). Notifika tar-RAPEX, maħluqa mill-awtoritajiet rilevanti ta’ Stat Membru ( 36 ), hija ssottomessa permezz ta’ formola ta’ notifika standard, kif stabbilita fil-Linji Gwida RAPEX ( 37 ). Kull Stat Membru huwa meħtieġ li jistabbilixxi Punt ta’ Kuntatt RAPEX wieħed sabiex jopera RAPEX fuq livell nazzjonali ( 38 ). Il-Punt ta’ Kuntatt nazzjonali RAPEX jivverifika u jivvalida l-kompletezza tal-informazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti rċevew qabel ma tiġi trażmessa notifika tar-RAPEX lill-Kummissjoni ( 39 ).

34.

F’dak ir-rigward, notifiki tar-RAPEX għandhom suppost ikun fihom diversi tipi ta’ data, inkluż informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal-prodott notifikat. L-idea wara dan huwa li: “L-identifikazzjoni dettaljata u eżatta tal-prodott hija element ewlieni għas-sorveljanza u l-infurzar tas-suq, minħabba li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jidentifikaw il-prodott innotifikat, jiddistingwuh minn prodotti oħrajn tal-istess tip jew kategorija jew simili li jkunu disponibbli fis-suq u biex isibuh fis-suq u jieħdu miżuri xierqa jew jaqblu fuqhom” ( 40 ). Għal dan l-għan, kif enfasizzat fil-Linji Gwida RAPEX, notifiki għandhom ikunu kemm jista’ jkun kompluti bid-data meħtieġa. Fejn dik id-data ma hijiex disponibbli fil-ħin meta n-notifika hija ssottomessa, dan għandu jiġi indikat b’mod ċar u spjegat, u ladarba l-informazzjoni issir disponibbli, l-Istat Membru tan-notifika għandu jaġġorna n-notifika ( 41 ). Skont il-mudell tan-notifika stabbilit fil-Linji Gwida RAPEX, ċertu informazzjoni dwar il-prodott, inkluż it-tip/in-numru tal-mudell, il-lott/barcode u d-deskrizzjoni tal-prodott u l-ippakkjar tiegħu, huma indikati bħala oqsma obbligatorji, li jfisser li bħala prinċipju għandhom jimtlew ( 42 ).

35.

Skont id-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, ir-responsabbiltà għall-informazzjoni ipprovduta hija tal-Istat Membru tan-notifika ( 43 ). Għal dik ir-raġuni, il-Linji Gwida RAPEX jeħtieġu li “L-Istat Membru notifikanti u l-awtorità nazzjonali responsabbli jiżguraw li d-data pprovduta permezz tal-applikazzjoni tar-RAPEX tkun preċiża biex tiġi evitata kull konfużjoni ma’ prodotti simili tal-istess kategorija jew tip li jkunu disponibbli fis-suq tal-UE” ( 44 ).

36.

Ir-raba’, fil-proċedura tan-notifika tar-RAPEX, il-Kummissjoni hija essenzjalment il-“fus ċentrali” ( 45 ) jew “id-distributur tal-messaġġi” ( 46 ) bejn l-Istati Membri. Għandha, “fl-inqas żmien possibbli”, tivverifika n-notifiki tar-RAPEX kollha sabiex taċċerta li huma tajbin u kompluti qabel ma tittrażmettihom lill-Istati Membri l-oħra ( 47 ). Fir-rigward tal-kompletezza, attenzjoni speċjali hija mogħtija lil partijiet ta’ notifika tar-RAPEX li jikkonċernaw l-identifikazzjoni tal-prodott ( 48 ). Il-Kummissjoni tippubblika wkoll sommarji ta’ notifiki tar-RAPEX fuq is-sit RAPEX sabiex tinforma l-pubbliku dwar prodotti li jippreżentaw riskji serji ( 49 ). Madankollu, il-Linji Gwida RAPEX jgħidu li kull azzjoni mittieħda mill-Kummissjoni, bħal validazzjoni u distribuzzjoni ta’ notifiki tar-RAPEX u l-ippubblikar tagħhom fuq is-sit tar-RAPEX ma jimplikax xi preżunzjoni ta’ responsabbiltà għall-informazzjoni trażmessa, li tibqa’ mal-Istat Membru tan-notifika ( 50 ).

37.

Fl-aħħar, fuq l-irċevuta tan-notifika tar-RAPEX, l-Istati Membri l-oħra għandhom jaċċertaw segwitu xieraq ( 51 ). Huma għandhom jeżaminaw l-informazzjoni pprovduta fin-notifika tar-RAPEX u jieħdu l-azzjoni xierqa biex jistabbilixxu jekk il-prodott kienx ikkummerċjalizzat fit-territorju tagħhom, jevalwaw x’miżuri preventivi jew ristrettivi għandhom jittieħdu, iwettqu valutazzjoni tar-riskju ulterjuri u ttestjar, jekk meħtieġ, u jiġbru kull informazzjoni addizzjonali li jista’ jkun rilevanti għal Stati Membri oħra (pereżempju, informazzjoni dwar kanali ta’ distribuzzjoni tal-prodott) ( 52 ). L-Istati Membri mbagħad jinnotifikaw il-Kummissjoni tas-sejbiet tagħhom u azzjonijiet li jirriżultaw minn dawn l-attivitajiet fil-forma ta’ notifiki ta’ segwitu ( 53 ).

38.

Huwa f’dan id-dawl li d-domandi preliminari f’dan il-każ ser jiġu eżaminati.

B.   Ir‑responsabbiltà għall‑preċiżjoni ta’ informazzjoni fin‑notifiki tar‑RAPEX

39.

Skont id-dritt tal-Unjoni rilevanti għal RAPEX, l-Istat Membru tan-notifika huwa responsabbli għall-informazzjoni pprovduta f’notifika tar-RAPEX u jaċċerta l-preċiżjoni tagħha (ara l-punti 33 sa 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

40.

Fl-istess ħin, il-punt 5 tal-Anness II tad-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti jqiegħed xi responsabbiltà fuq il-Kummissjoni billi jeħtieġha tivverifika, “fl-inqas żmien possibbli”, in-notifiki tar-RAPEX kollha sabiex taċċerta li huma korretti u kompluti (ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Madankollu, kif indikat mill-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni, jidher ċar illi din hija b’mod ġenerali verifika formali u ma tissostitwixxix ir-responsabbiltà primarja tal-Istat Membru tan-notifika biex jaċċerta l-kompletezza tan-notifika tar-RAPEX ( 54 ).

41.

L-Istat Membru tan-notifika jibqa’ responsabbli għad-data notifikata sakemm in-notifika tar-RAPEX relatata ma ċertu prodotti tibqa’ preżenti fi ħdan is-sistema u għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe żviluppi li jeħtieġu bidliet għan-notifika tar-RAPEX ( 55 ). Barra minn hekk, kif l-Istat Membru tan-notifika jieħu r-responsabbiltà sħiħa għall-informazzjoni trażmessa permezz ta’ RAPEX, kwalunkwe irtirar permanenti jew temporanju ta’ notifika tar-RAPEX jista’ biss isir fuq talba ta’ dak l-Istat ( 56 ).

42.

Dan kollu jindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jqiegħed responsabbiltà primarja għall-preċiżjoni ta’ informazzjoni notifikata permezz ta’ RAPEX, inkluż ir-responsabbiltà tal-kompletezza tal-informazzjoni dwar il-prodott ikkonċernat, fuq l-Istat Membru tan-notifika. Jien għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb it-tieni u t-tielet domanda preliminari b’dak il-mod.

C.   Id‑dritt li jintalab l‑ikkompletar tan-notifika tar‑RAPEX skont id‑dritt tal‑Unjoni rilevanti għal RAPEX

43.

Jekk l-Istat membru tan-notifika huwa responsabbli għall-preċiżjoni tal-informazzjoni nnotifikata, il-mistoqsija tfeġġ jekk l-operaturi ekonomiċi interessati jgawdu, bħala parti mill-proċedura tan-notifika tar-RAPEX, dritt li jitolbu mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru l-ikkompletar tan-notifika tar-RAPEX.

44.

Skont l-argumenti mressqa minn Funke, tali dritt jista’ jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni rilevanti għal RAPEX. Il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni ma jaqblux.

45.

Huwa stabbilit li ma hemm l-ebda dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar RAPEX li jipprovdu espressament għal tali dritt.

46.

Fil-fehma tiegħi, tali dritt ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura tan-notifika tar-RAPEX, li jkun jippermetti operatur ekonomiku li jitlob l-ikkompletar tan-notifika tar-RAPEX, ma jistax jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni rilevanti għal RAPEX, inklużi d-dispożizzjonijiet li l-qorti tar-rinviju ssemmi fid-domandi tagħha.

47.

Jidher mid-dritt tal-Unjoni rilevanti għal RAPEX li, kif indikat mill-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni, il-proċedura tan-notifika tar-RAPEX hija mfassla bħala proċedura li tinvolvi l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni. Id-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (taħt l-Artikolu 12 tagħha) u r-Regolament għas-sorveljanza tas-suq (taħt l-Artikolu 22 tiegħu) jobbligaw immedjatament Stat Membru biex jinnotifika lill-Kummissjoni permezz ta’ RAPEX fejn huwa jadotta jew jiddeċiedi li jadotta miżuri volontarji jew obbligatorji li jipprevjenu, jillimitaw jew jimponu kundizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li jippreżentaw riskju serju (ara punti 30 u 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

48.

Huwa possibbli li informazzjoni dwar prodotti li jippreżentaw riskju tista’ tiġi ssottomessa minn operaturi ekonomiċi permezz ta’ għodda partikolari (il-“Product Safety Business Alert Gateway”) fuq is-sit tar-RAPEX. Madankollu, valutazzjonijiet tar-riskju mwettqa minn operaturi ekonomiċi ma humiex vinkolanti fuq l-awtoritajiet nazzjonali, li huma responsabbli li jwettqu valutazzjoni tar-riskju tagħhom u għalhekk jistgħu jaslu għal konklużjoni differenti ( 57 ). F’dak ir-rigward, il-Linji Gwida RAPEX jindikaw biċ-ċar li operaturi ekonomiċi ma humiex direttament involuti fis-sottomissjoni tan-notifiki tar-RAPEX ( 58 ), anki jekk huma jistgħu jkunu indirettament involuti sa ċertu punt. Operaturi ekonomiċi għandhom obbligu li jinformaw immedjatament lill-awtorità kompetenti fl-Istati Membri kollha fis-swieq ta’ liem il-prodott huwa disponibbli jekk jiskopru li jippreżenta riskju. Madankollu, in-notifika tar-RAPEX ta’ tali informazzjoni, li tiskatta l-obbligu fuq l-Istati Membri kollha biex jirreaġixxu, hija skambjata bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

49.

Konsegwentement, jidhirli li d-dritt tal-Unjoni rilevanti għal RAPEX, jekk hux taħt id-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, ir-Regolament għas-sorveljanza tas-suq jew il-Linji Gwida RAPEX (jew mod ieħor ( 59 )), ma ġiex imfassal bil-għan li jittratta operaturi ekonomiċi bħala partijiet li jgawdu minn ċertu drittijiet fi ħdan il-proċedura tan-notifika tar-RAPEX.

50.

Nosserva li, kif innotat fil-letteratura akkademika, jeżistu fil-fatt sistemi ta’ skambju ta’ informazzjoni tal-Unjoni li fihom il-leġiżlazzjoni rilevanti espressament tagħti lill-persuni kkonċernati dritt li jistaqsu għall-korrezzjoni ta’ informazzjoni ( 60 ). Madankollu, jidhirli li RAPEX preżentement ma hijiex waħda minnhom.

51.

Għalhekk, sabiex nagħti risposta għall-ewwel domanda preliminari, nikkunsidra li d-dritt għal operatur ekonomiku biex jitlob mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru l-ikkompletar tan-notifika tar-RAPEX ma tistax tirriżulta mid-dritt tal-Unjoni rilevanti għal RAPEX.

52.

Madankollu, jien tal-fehma li l-operaturi ekonomiċi li huma affettwati b’mod negattiv minn notifika tar-RAPEX inkompleta ma jitħallewx mingħajr protezzjoni legali fi ħdan l-ordni legali tal-Unjoni. Id-dritt tagħhom li jitolbu l-ikkompletar tan-notifika tar-RAPEX toħroġ mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jipprojbixxu l-Istati Membri milli jimponu ostakoli sproporzjonati għall-kummerċ.

D.   Id‑dritt li jintalab l-ikkompletar tan-notifika tar‑RAPEX skont it‑Trattati

1. Notifika tar‑RAPEX inkompleta bħala ostakolu għall‑kummerċ

53.

Fil-fehma tiegħi, notifika tar-RAPEX inkompleta tista’, mill-perspettiva ta’ operatur ekonomiku, bħal Funke, tirrappreżenta miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva (iktar ’il quddiem “miżura ta’ effett ekwivalenti”) jekk tfixkel il-possibbiltà, għal dak l-operatur, li jitqiegħdu prodotti siguri li permezz tagħhom dak l-operatur jinnegozja fuq is-swieq ta’ Stati Membri oħra.

54.

Il-moviment liberu ta’ prodotti bejn Stati Membri huwa prinċipju fundamentali tat-Trattat FUE, li, fost oħrajn, huwa espress fil-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 34 (u l-Artikolu 35) TFUE, tar-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq importazzjonijiet (u esportazzjonijiet) bejn Stati Membri u l-miżuri kollha ta’ effett ekwivalenti ( 61 ).

55.

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikoli 34 u 35 TFUE għandhom effett dirett fis-sens li huma jagħtu drittijiet ġudizzjarji fuq operaturi ekonomiċi fir-rigward ta’ Stati Membri ( 62 ).

56.

Għalhekk, jekk notifika tar-RAPEX inkompleta tista’ tiġi kkaratterizzata bħala miżura ta’ effett ekwivalenti, operatur ekonomiku, bħal Funke, jieħu dritt ġudizzjarju direttament mit-Trattati biex jistaqsi li tali miżura ma tiġix applikata fir-rigward in-negozju tiegħu. Notifika tar-RAPEX inkompleta tista’ tieqaf tkun miżura ta’ effett ekwivalenti billi tkun ikkompletata. Konsegwentement, operatur ekonomiku jista’ jieħu d-dritt li jistaqsi għall-ikkompletar tan-notifika tar-RAPEX direttament mit-Trattati.

57.

Meta mistoqsijin fuq dan il-punt waqt is-seduta, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni ħadu l-perspettiva li notifika tar-RAPEX ma tistax tiġi kkwalifikata bħala miżura ta’ effett ekwivalenti. Funke ħadet il-fehma opposta, tisħaq li huma preċiżament in-notifiki tar-RAPEX li wasslu għat-tfixkil dirett tad-dritt tagħha bħala operatur ekonomiku li tbiegħ il-prodotti tagħha fuq is-swieq ta’ Stati Membri oħra. F’dak ir-rigward, Funke tispjega li ma tistax tbiegħ il-prodotti li ġew maqbuda mingħajr raġuni bin-notifiki tar-RAPEX u li, permezz tal-pubblikazzjoni fuq is-sit tar-RAPEX, konsumaturi huma influwenzati li ma jixtrux dawk il-prodotti.

58.

Għandu jiġi mfakkar li, mill-kawża Dassonville ( 63 ), hija ġurisprudenza stabbilita li l-projbizzjoni ta’ miżuri ta’ effett ekwivalenti jkopru kull miżura tal-Istati Membri li hija kapaċi tfixkel, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, kummerċ fl-Unjoni stess.

59.

Konsegwentement, mhux biss miżuri adottati minn Stat Membru li l-għan jew l-effett tagħhom huwa li jittrattaw prodotti ġejjin minn Stati Membri oħra b’mod inqas favorevoli, iżda wkoll kull miżura oħra li tfixkel aċċess għal prodotti li joriġinaw fi Stat Membru wieħed għal suq ta’ Stat Membru ieħor għanda tiġi meqjusa bħala miżura ta’ effett ekwivalenti fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 34 TFUE ( 64 ).

60.

Notifika tar-RAPEX inkompleta tista’ tfixkel kummerċ bi prodotti siguri li huma koperti minnha b’mod inġustifikat. Dan huwa preċiżament għala l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni tirrikjedi li d-data notifikata tkun preċiża u kompleta kemm jista’ jkun (ara l-punti 33 u 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Dak l-obbligu impost fuq awtoritajiet nazzjonali jippermetti awtoritajiet nazzjonali ta’ Stati Membri oħra, kif ukoll operaturi ekonomiċi u konsumaturi, jidentifikaw il-prodott li huwa kkunsidrat li jippreżenta riskju u jiddistingwuh minn prodotti oħra simili fuq is-suq, sabiex jiġu evitati ostakoli għal kummerċ bi prodotti siguri.

61.

Applikata għal din is-sitwazzjoni, is-sempliċi possibbiltà li, minħabba notifika inkompleta trażmessa mill-awtoritajiet Awstrijaċi permezz tar-RAPEX, operatur ekonomiku fi Stat Membru ieħor jista’ jiġi disważ milli jimporta jew jikkummerċjalizza l-prodotti erronjament inklużi fin-notifiki tar-RAPEX tikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, restrizzjoni fuq il-moviment liberu ta’ prodotti għal operatur ekonomiku, bħal Funke ( 65 ).

62.

Huwa minnu li notifika tar-RAPEX ma hijiex miżura tipikament inkwistjoni f’każijiet li jirrigwardaw l-Artikolu 34 TFUE. Ġeneralment, il-Qorti tal-Ġustizzja hija ffaċċjata b’miżuri mittieħda mill-Istat Membru li jimporta. Fid-dawl tal-fatti ta’ dan il-każ, tali miżura tkun waħda mittieħda minn, pereżempju, l-awtoritajiet Ġermaniżi, li malli jirċievu n-notifiki tar-RAPEX, jipprojbixxu l-bejgħ tal-murtali kollha importati minn Funke għas-suq Ġermaniż. Fil-fatt, Funke indikat li l-awtoritajiet Ġermaniżi ħadu ċerti miżuri, mingħajr ma spjegaw l-ebda dettall.

63.

Fil-fehma tiegħi, anki mingħajr ebda miżura mittieħda mill-awtoritajiet Ġermaniżi (kif muri fl-eżempju ta’ fuq), l-operaturi ekonomiċi rilevanti fil-Ġermanja (pereżempju, id-distributuri ma’ min Funke kellha relazzjonijiet kummerċjali) jistgħu jiddeċiedu li ma jimportawx il-prodotti tagħha fil-Ġermanja sempliċiment minħabba n-notifiki tar-RAPEX maħruġa mill-awtoritajiet Awstrijaċi. Bl-istess mod, peress li n-notifiki tar-RAPEX huma disponibbli pubblikament fuq is-sit RAPEX, numru ta’ konsumaturi jistgħu jiddeċiedu li ma jixtrux prodotti importati minn Funke u distribwiti fis-swieq tal-Istati Membri differenti, li jista’, min-naħa tiegħu, jwassal għal importazzjonijiet imnaqqsa.

64.

Il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni jikkunsidraw, madankollu, li s-sempliċi possibbiltà li importazzjonijiet jistgħu jiġu affettwati minħabba notifika tar-RAPEX inkompleta hija wisq remota sabiex jippermettu l-kwalifika tagħha bħala miżura ta’ effett ekwivalenti.

65.

F’dak ir-rigward nixtieq infakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li s-sempliċi possibbiltà li numru inqas ta’ prodotti jkunu mibjugħa bħala konsegwenza ta’ miżura (jew azzjoni) ta’ Stat hija biżżejjed sabiex tikkwalifikaha bħala miżura ta’ effett ekwivalenti. Biex nieħu eżempju klassiku, fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (kampanja “Buy Irish”) ( 66 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kampanja ta’ reklamar sponsorjata mill-Gvern Irlandiż li tħeġġeġ liċ-ċittadini tiegħu jixtru prodotti Irlandiżi fixklet il-moviment liberu ta’ prodotti, peress li bl-influwenzar tal-kondotta ta’ negozjanti u konsumaturi f’dak l-Istat Membru, l-effett potenzjali tal-kampanja fuq importazzjonijiet kien komparabbli ma’ dak riżultanti minn miżuri ta’ natura vinkolanti. Barra minn hekk, fil-kawża AGM-COS.MET ( 67 ), dikjarazzjonijiet ta’ uffiċjal attribwit lil Stat Membru, fis-sens li ċertu prodotti kienu perikolużi u kontra r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-armonizzazzjoni tal-Unjoni, ġew meqjusa bħala kapaċi li jfixklu, għall-inqas indirettament u potenzjalment, it-tqegħid fis-suq tal-prodotti u għalhekk jikkostitwixxu ostakolu għall-kummerċ għall-finijiet tal-Artikolu 34 TFUE.

66.

Isegwi li notifika tar-RAPEX inkompleta tista’ tiġi kkwalifikata bħala miżura ta’ effett ekwivalenti.

2. Protezzjoni ġudizzjarja effettiva kontra allegati miżuri ta’ effett ekwivalenti

67.

Mhux l-ostakoli kollha għall-kummerċ huma pprojbiti. Huma permessi jekk hemm għan leġittimu li jiġġustifika l-ostakolu u l-miżura ma hijiex disproporzjonata fir-rigward tali għan.

68.

Filwaqt li l-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà ta’ konsumaturi hija ċertament għan leġittimu li jiġġustifika notifiki tar-RAPEX, dan mhux neċessarjament jiġġustifika dawk inkompleti. Filwaqt li notifika tar-RAPEX preċiża tipprevjeni ħsara għas-saħħa u sigurtà ta’ konsumaturi, notifika tar-RAPEX mhux preċiża tista’ tfixkel it-tqegħid fuq is-suq ta’ prodotti li ma jippreżentawx riskju serju. Fl-opinjoni tiegħi, għalhekk, notifika tar-RAPEX inkompleta tista’ tirrappreżenta miżura pprojbita ta’ effett ekwivalenti jekk timponi ostakolu sproporzjonat għall-kummerċ ta’ prodotti siguri erronjament inklużi fin-notifika.

69.

Mogħti tali possibbiltà, operatur ekonomiku għandu jingħata aċċess lil qorti bis-setgħat li tivverifika jekk notifika tar-RAPEX inkompleta hijiex iġġustifikata.

70.

Ir-rappreżentant tal-Punt ta’ Kuntatt RAPEX Awstrijak spjega waqt is-seduta li s-sena ta’ produzzjoni li hija, skont Funke, nieqsa min-notifiki tar-RAPEX ma setgħetx tinsab fuq il-prodotti inkwistjoni. Għalhekk, ma setgħetx tiġi indikata f’dawk in-notifiki. Barra minn hekk, saħaq li tali informazzjoni hija irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-livell ta’ riskju ppreżentat mill-murtali inkwistjoni. Id-difett fil-prodott (f’dan il-każ, li fjus kien wisq qasir) huwa, fil-fehma tiegħu, indikatur ta’ monitoraġġ inadegwat fil-pajjiż ta’ produzzjoni, li jagħmlu tali prodotti ġeneralment perikolużi, minkejja s-sena ta’ produzzjoni.

71.

Dan jista’ jkun minnu. Madankollu, kwistjonijiet ta’ dan it-tip għandhom jiġu evalwati u deċiżi mill-fora xierqa fl-Istati Membri, inkluż neċessarjament qorti bis-seta’ ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet amministrattivi nazzjonali. Ma jistax jiġu preżunt, kif allegat mill-Kummissjoni, li Stati Membri dejjem jittrażmettu biss informazzjoni preċiża u kompluta u li s-sistema kif stabbilita taħt RAPEX tiggarantixxi dan.

72.

Aċċess għal qorti b’setgħat biżżejjed biex tiddeċiedi fuq ksur allegat tad-drittijiet ta’ operaturi ekonomiċi bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni huwa rekwiżit li jirriżulta mill-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, illum stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”). Huwa fil-qalba tal-Istat tad-dritt kif jinftiehem fl-ordni legali tal-Unjoni.

73.

Il-Kummissjoni, madankollu, tallega li azzjoni li tippermetti operatur ekonomiku li jitlob l-ikkompletar tan-notifika tar-RAPEX inkompleta ma hijiex meħtieġa biex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ikun biżżejjed, fil-fehma tal-Kummissjoni, li l-operatur milqut minn notifika tar-RAPEX skorretta jista’ jintroduċi azzjoni għad-danni kontra l-Istat Membru tan-notifika.

74.

Jien ma naqbilx. Azzjoni għad-danni ma tidhirlix rimedju effettiv fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 47 tal-Karta f’din is-sitwazzjoni ( 68 ).

75.

L-ewwel, kif innotat minn Funke, huwa probabbli li d-deċiżjoni tal-qorti tiġi snin wara. Iktar importanti, deċiżjoni li tagħti d-danni ma jkollha l-ebda impatt dirett u speċifiku fuq in-notifika tar-RAPEX żbaljata inkwistjoni. Fi kliem ieħor, ma teliminax l-ostakolu għall-kummerċ mhux iġġustifikat. Operatur ekonomiku jista’, sadattant, ikun tilef in-negozju tiegħu. Barra minn hekk, peress li tali azzjoni għad-danni tkun ibbażata fuq l-allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru (il-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istat), dan ikun jinkludi s-sodisfazzjoni ta’ kundizzjonijiet stretti (jiġifieri l-eżistenza ta’ ksur biżżejjed serju ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni li tagħti drittijiet lil individwi u rabta kawżali diretta mad-dannu mġarrab ( 69 )), li fil-fatt tidher li ġġib lura ċirku komplut id-domanda ta’ drittijiet mogħtija.

76.

Peress li aċċess dirett għal qorti sabiex tikkontesta miżura li allegatament tirrappreżenta ostakolu mhux ġustifikat għal kummerċ impost minn Stat Membru huwa obbligatorju skont id-dritt tal-Unjoni, azzjoni għad-danni ma tistax tiġi meqjusa bħala sostitut effettiv f’dak ir-rigward.

77.

Fl-aħħar, kontra għall-argumenti mressqa mill-Gvern Awstrijak, ir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ operatur ekonomiku biex jitlob l-ikkompletar tan-notifika tar-RAPEX, fil-fehma tiegħi ma jmurx kontra l-għan segwit minn RAPEX li jipprovdi skambju rapidu ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fuq prodotti mhux tal-ikel perikolużi.

78.

Is-soluzzjoni li nipproponi ma tipprovdix possibbiltà lil operatur ekonomiku biex jipparteċipa fil-proċedura tan-notifika tar-RAPEX bħala parti jew li jwaqqaf in-notifika billi jitlob għall-ikkompletar. Hija sempliċiment tirrikonoxxi d-dritt li jeżisti għall-operaturi ekonomiċi kollha fuq il-bażi tat-Trattati li Stati Membri ma jimponux restrizzjonijiet mhux ġustifikati fuq l-attivitajiet kummerċjali tagħhom. Dak l-obbligu huwa espress b’mod konkret fil-leġiżlazzjoni relatata ma’ RAPEX fir-rekwiżit li l-informazzjoni mibgħuta permezz tas-sistema għandha tkun preċiża u kompleta kemm jista’ jkun. Li jittieħed kont ta’ ilment ta’ operatur ekonomiku dwar l-inkompletezza tal-informazzjoni mibgħuta tista’ tirriżulta f’deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti għall-ikkompletar tan-notifika jew fiċ-ċaħda min-naħa tagħha li tagħmel dan, li teħtieġ ikollha spjegazzjoni razzjonali. Id-deċiżjoni għall-ikkompletar tan-notifika tibqa’ l-prerogattiva tal-awtoritajiet tal-Istati Membri.

79.

Li l-awtoritajiet jiġu mitluba li jieħdu inkunsiderazzjoni u jirrispondu għat-talba ta’ operatur ekonomiku għall-ikkompletar tan-notifika ma tistax tiġi meqjusa bħala inkonsistenti ma’ dak li kien intiż minn RAPEX. Għall-kuntrarju, jidhirli li r-rikonoxximent li operaturi ekonomiċi għandhom (post festum) dritt li jitolbu l-ikkompletar tan-notifika tar-RAPEX x’aktarx iżżid l-effettività ta’ dik is-sistema. Tikkontribwixxi għall-iżgurar li l-prodotti korretti huma identifikati u jistgħu jiġu traċċati fl-Istati Membri kollha, li mbagħad ikunu jistgħu jieħdu l-azzjoni xierqa.

80.

Għalhekk, fuq il-bażi tar-raġunijiet deskritti fuq, nikkunsidra li d-dritt ta’ operatur ekonomiku biex jitlob l-ikkompletar tan-notifika tar-RAPEX jista’ jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati li jipprojbixxu Stati Membri milli jimponu ostakoli għal kummerċ mhux ġustifikati. Operatur ekonomiku li t-talba tiegħu għall-ikkompletar ġiet miċħuda mill-awtorità kompetenti għandu jingħata aċċess għal qorti biex jikkontesta dik iċ-ċaħda u jitlob li n-notifika hija ostakolu għal kummerċ mhux ġustifikat. L-iktar mod effiċjenti sabiex jitneħħa tali ostakolu huwa l-ikkompletar tan-notifika.

E.   Konsegwenzi

81.

Fadal li jiġu indirizzati, skont iċ-ċirkustanzi ta’ dan il-kawża, x’inhuma l-konsegwenzi għall-qorti tar-rinviju tar-rikonoxximent tad-dritt ta’ operatur ekonomiku sabiex jitlob l-ikkompletar tan-notifika tar-RAPEX fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni.

82.

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti, il-prinċipju li dritt nazzjonali għandu jiġi interpretat b’konformità mad-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li l-qrati nazzjonali jagħmlu kwalunkwe ħaġa li taqa’ fil-ġurisdizzjoni tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-korp sħiħ ta’ liġi nazzjonali u japplikaw metodi interpretattivi rikonoxxuti mil-liġi nazzjonali, bil-għan li jaċċertaw li d-dritt tal-Unjoni huwa effettiv bis-sħiħ u li jinkiseb riżultat konsistenti mal-għan segwit minnu ( 70 ).

83.

F’dak ir-rigward, il-Gvern Awstrijak indika li, skont id-dritt amministrattiv proċedurali Awstrijak, fejn persuna għandha d-dritt, fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni direttament applikabbli tad-dritt tal-Unjoni, li titlob awtorità amministrattiva li tadotta ċertu perkors, l-awtorità kkonċernata hija meħtieġa, jekk ma tilqax din it-talba, li tieħu deċiżjoni f’dan ir-rigward. Jidher li jsegwi li r-rikonoxximent ta’ dritt ta’ operatur ekonomiku li jitlob l-ikkompletar tan-notifika tar-RAPEX, ibbażat fuq it-Trattati, jibdel l-evalwazzjoni ta’ rimedji possibbli fid-dritt amministrattiv proċedurali Awstrijak. Iċ-ċaħda tal-awtorità kompetenti li tieħu inkunsiderazzjoni it-talba ta’ Funke tista’ għalhekk tiġi kkwalifikata bħala att amministrattiv, li min-naħa tiegħu, jippermetti l-istħarriġ ġudizzjarju tiegħu skont id-dritt Awstrijak.

84.

F’dawk iċ-ċirkustanzi, interpretazzjoni konsistenti mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni tidhirli possibbli. Madankollu, fid-diviżjoni tal-kompiti bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċedura għal-deċiżjoni preliminari, dan għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju.

V. Konklużjoni

85.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija) kif ġej:

Id-Direttiva Nru 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, b’mod partikolari l-Artikolu 12 u l-Anness II, ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 339/93, b’mod partikolari l-Artikoli 20 u 22, u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/417 tat‑8 ta’ Novembru 2018 li tiffissa linji gwida għall-ġestjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni Rapida tal-Unjoni Ewropea “RAPEX” stabbilita skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2001/95/KE dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti u s-sistema ta’ notifika tagħha

għandhom jiġu interpretati li jfissru li r-responsabbiltà primarja għall-preċiżjoni ta’ informazzjoni trażmessa permezz tal-proċedura tan-notifika tar-RAPEX hija fuq l-Istat Membru tan-notifika, iżda dak id-dritt ta’ operatur ekonomiku li jitlob l-ikkompletar tan-notifika tar-RAPEX ma jirriżultax direttament minn dawk id-dispożizzjonijiet.

Tali dritt madankollu, jista’ jirriżulta mill-projbizzjoni ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva inkorporata fl-Artikolu 34 TFUE.

Stati Membri għandhom l-obbligu li jipprovdu protezzjoni ġudizzjarja lill-operaturi ekonomiċi kollha li jallegaw li notifika tar-RAPEX inkompleta tikkostitwixxi għalihom ostakolu għall-kummerċ mhux iġġustifikat.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) RAPEX tfisser Sistema ta’ Informazzjoni Rapida tal-Unjoni Ewropea. Il-karatteristiċi tagħha ser jiġu spjegati iktar fid-dettall isfel (ara l-punti 24 sa 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 3 ) Amerikani indiġeni kienu jużaw sinjali tad-duħħan sabiex jittrażmettu informazzjoni fuq distanzi twal. Tliet nefħiet kienu jfissru li kien hemm xi tip ta’ perikolu jhedded lil min kien qiegħed jibgħat is-sinjal.

( 4 ) Bundesgesetz, mit dem polizeiliche Bestimmungen betreffend pyrotechnische Gegenstände und Sätze sowie das Böllerschießen erlassen werden (il-Liġi Federali li Tadotta Dispożizzjonijiet tal-Pulizija li Jikkonċernaw Oġġetti Pirotekniċi u Settijiet ta’ Oġġetti Pirotekniċi Kif Ukoll Sparar ta’ Murtali) (Pyrotechnikgesetz 2010 –PyroTG 2010).

( 5 ) Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, Funke argumentat ukoll li l-LPD għandu wkoll ikollu, bħala parti mill-obbligu tiegħu li jimla t-taqsima tad-deskrizzjoni tal-prodott u l-ippakkjar, inkluża fin-notifiki tar-RAPEX l-ippakkjar ta’ barra ta’ Peng 1 u Peng 2 dwar il-prodotti, u li l-LPD kien injora l-fatt li d-denominazzjoni preċiża tal-prodott jew tip ta’ prodott kienet dik ta’ “ġeneratur tal-ħoss”.

( 6 ) Hemm proposta leġiżlattiva sabiex tiġi ssostitwita dik id-direttiva. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 7 ) Dak ir-regolament ġie sostanzjalment emendat mir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU 2019, L 169, p. 1). Ara in-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 8 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 9 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għad-disponibbiltà fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi (Riformulazzjoni) (ĠU 2013, L 178, p. 27).

( 10 ) Waqt is-seduta, kien hemm xi diskussjoni rigward il-possibbiltà tar-rilevanza tal-Artikolu 18 tad-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti u l-Artikolu 21 tar-Regolament għas-sorveljanza tas-suq, li t-tnejn jikkonċernaw miżuri tal-Istat li jillimitaw it-tqegħid ta’ prodotti fis-suq. Rigward tali miżuri, id-dispożizzjonijiet mogħtija jipprevedu d-dritt għal seduta u għal rimedji xierqa. Madankollu, l-Gvern Awstrijak spjega waqt is-seduta li, skont id-dritt Awstrijak, id-distributur ikkonċernat b’tali miżuri ma jkollu l-ebda dritt rigward in-notifiki tar-RAPEX. Għalhekk, anki jekk interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 18 tad-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti u l-Artikolu 21 tar-Regolament għas-sorveljanza tas-suq fejn possibbli u tkun tippermetti għall-inklużjoni ta’ importatur li ma kienx id-destinatarju tal-miżuri, dan ma jkunx rilevanti għad-domanda magħmula f’dan il-każ, li hija jekk importatur, bħal Funke, għandux xi drittijiet kontra notifika tar-RAPEX.

( 11 ) Skont ġurisprudenza stabbilita, għandu jinżamm amment li, fil-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, li jipprovdi għall-kooperazzjoni bejn qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija r-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar biex tipprovdi lill-qorti tar-rinviju b’risposta li tkun ta’ użu għaliha u tippermettilha li tiddeċiedi l-każ quddiema. Għal dak il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ mhux biss ikollha tirrifomula id-domanda preliminari, iżda tikkunsidra wkoll dispożizzjonijiet tal-Unjoni li għalihom il-qorti nazzjonali ma għamlitx referenza fid-domandi tagħha. Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2021, Ministrstvo za obrambo (C‑742/19, EU:C:2021:597, punt 31), u tal‑24 ta’ Frar 2022, Eulex Kosovo (C‑283/20, EU:C:2022:126, punt 33).

( 12 ) RAPEX tinkludi wkoll l-Istati parti tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja). Barra minn hekk, aċċess għal RAPEX huwa miftuħ għal pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali skont il-ftehim internazzjonali rilevanti konklużi mal-Unjoni. Ara l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti.

( 13 ) Ara, f’dak ir-rigward, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, GGP Italy vs Il‑Kummissjoni (T‑474/15, EU:T:2017:36, punt 12).

( 14 ) Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 84/133/KEE tat‑2 ta’ Marzu 1984 li tintroduċi sistema Komunitarja għall-iskambju rapidu ta’ informazzjoni fuq perikoli li jirriżultaw mill-użu ta’ prodotti tal-konsumatur (ĠU 1984, L 70, p. 16); Deċiżjoni tal-Kunsill 89/45/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1988 dwar sistema Komunitarja għall-iskambju rapidu ta’ informazzjoni dwar perikoli li jirriżultaw mill-użu ta’ prodotti tal-konsumatur (ĠU 1989, L 17, p. 51); Deċiżjoni tal-Kunsill 90/352/KEE tad‑29 ta’ Ġunju 1990 li temenda d-Deċiżjoni 89/45/KEE dwar sistema Komunitarja għall-iskambju rapidu ta’ informazzjoni dwar perikoli li jirriżultaw mill-użu ta’ prodotti tal-konsumatur (ĠU 1990, L 173, p. 49). Ara wkoll, pereżempju, Falke, J., “The Community System for the Rapid Exchange of Information on Dangers Arising from the Use of Consumer Products” f’Micklitz, H.‑W., Roethe, T., u Weatherill, S. (edizzjoni), Federalism and Responsibility: A Study on Product Safety Law and Practice in the European Community, Graham & Trotman, Londra, 1994, p. 215 sa 232; Howells, G. u Wilhelmsson, T., EC Consumer Law, Ashgate, Oxford, 1997, p. 75 sa 79.

( 15 ) Direttiva tal-Kunsill 92/59/KE tad‑29 ta’ Ġunju 1992 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU 1992, L 228, p. 24). Ara, b’mod partikolari, il-ħmistax-il premessa; l-Artikolu 8 u l-Anness tiegħu (“Proċeduri dettaljati dwar l-applikazzjoni tas-sistema Komunitarja għall-iskambju rapidu ta’ informazzjoni prevista fl-Artikolu 8”).

( 16 ) Ara l-Kummissjoni Ewropea, Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat‑3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (COM(2021) 342 final) tat‑30 ta’ Ġunju 2021, punti 2.4 u 3.

( 17 ) Ara l-Kummissjoni Ewropea, Safety Gate 2021 results: Modelling cooperation for health and safety of consumers in the European Union, 2022, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/safety-gate/, p. 9 u 13.

( 18 ) Hemm proposta leġiżlattiva sabiex tissostitwixxi d-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti: ara l-Kummissjoni Ewropea, Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/357/KEE u d-Direttiva 2001/95 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, COM(2021) 346 final tat‑30 ta’ Ġunju 2021. Filwaqt li dik il-proposta tibdel l-isem RAPEX għal Safety Gate (ara l-premessa 50 proposta), din tkun iżżomm l-istess karatteristiċi ta’ RAPEX (ara l-Memorandum ta’ Spjegazzjoni, punt 5, p. 16).

( 19 ) Ir-Regolament għas-sorveljanza tas-suq ġie emendat sostanzjalment mir-Regolament 2019/1020, li huwa parti mill-“Pakkett dwar il-prodotti” (Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni, Il-pakkett dwar il-prodotti: Insaħħu l-fiduċja fis-Suq Uniku (COM(2017) 787 final) tad‑19 ta’ Diċembru 2017). B’mod partikolari, ir-Regolament 2019/1020 jissostitwixxi l-Artikolu 15 sa 29 tar-Regolament għas-sorveljanza tas-suq (ara il-premessa 7 u l-Artikolu 39(1)(4) tiegħu). Madankollu, skont l-Artikolu 44 tar-Regolament 2019/1020, dan japplika mis‑16 ta’ Lulju 2021. Għalhekk, kif indikat mill-Gvern Awstrijak, ma huwiex applikabbli ratione temporis għal dan il-każ. Fi kwalunkwe każ, kif indikat mill-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni waqt is-seduta, ma jagħmilx bidliet sostantivi għall-finijiet ta’ dan il-każ.

( 20 ) Dawk il-linji gwida huma it-tielet minn tali linji gwida maħruġa mill-Kummissjoni, isegwu, l-ewwel, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/418/KE tad‑29 ta’ April 2004 li tistabbilixxi linji gwida għall-ġestjoni tal-Community Rapid Information System (Sistema ta’ Informazzjoni Rapida tal-Komunità) (RAPEX) u għan-notifikazzjonijiet ippreżentati skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/95 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 386); u, t-tieni, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/15/UE tas‑16 ta’ Diċembru 2009 li tistabbilixxi l-linji gwida għall-immaniġġjar tas-Sistema tal-Informazzjoni Rapida tal-Komunità RAPEX stabbilita skont l-Artikolu 12 u tal-proċedura ta’ notifika stabbilita skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/95 (id-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti) (ĠU 2010, L 22, p. 1). Tali linji gwida huma, skont il-premessa 28 tad-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, mhux vinkolanti.

( 21 ) Ara, f’dak ir-rigward, id-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, premessa 27 u l-Anness, Parti II, punt 2; ir-Regolament għas-sorveljanza tas-suq, premessa 30, Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti II, punt 3.5.1(a).

( 22 ) Ara Howells u Wilhelmsson, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 78.

( 23 ) Ara d-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, premessa 4; il-Linji Gwida RAPEX, premessi 12 u 13; Anness, Parti II, punt 1.1.

( 24 ) Dan is-sit, intitolat Safety Gate: the EU rapid alert system for dangerous non-food products, huwa disponsibbli fuq https://ec.europa.eu/safety-gate/.

( 25 ) Ara l-Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti II, punt 1.2.

( 26 ) Ara, pereżempju, Avviż tal-Kummissjoni, Il-“Gwida Blu” dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-prodotti tal-UE tal-2022 (ĠU 2022, C 247, p. 1), punt 7.6.4.

( 27 ) Ara l-Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti II, punti 3.4 u 4.

( 28 ) Notifiki tar-RAPEX huma għalhekk obbligatorji skont id-dritt tal-Unjoni fil-każ ta’ “notifiki taħt l-Artikolu 12” u “notifiki taħt l-Artikolu 22”. Dan il-każ jikkonċerna tali notifika obbligatorja (fuq il-bażi tal-Artikolu 22 tar-Regolament għas-sorveljanza tas-suq). Hemm tipi oħra ta’ notifiki (ara l-Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti II, punt 3.1), li ma humiex inkwistjoni f’dan il-każ.

( 29 ) Ara d-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, l-Artikolu 12(1) u (2); il-Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti I, punt 4.1.

( 30 ) Ara d-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, l-Artikolu 12(1) u (2) u l-Anness II, punt 2; il-Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti I, punti 3 sa 6; Parti II, punt 2.1. Fejn dawk il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti u hemm ċirkustanzi serji addizzjonali involuti (pereżempju, il-prodott jippreżenta riskju ta’ theddid għal ħajja), in-notifika hija ikklassifikata bħala waħda li teħtieġ azzjoni ta’ emerġenza, għalhekk anki f’iqsar żmien: ara l-Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti II, punt 3.1.1.

( 31 ) Ara r-Regolament għas-sorveljanza tas-suq, l-Artikolu 20.

( 32 ) Ara d-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, l-Artikolu 12; ir-Regolament għas-sorveljanza tas-suq, l-Artikolu 22; ara wkoll Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti I, punt 6.1, li jindikaw li “awtoritajiet nazzjonali huma mħeġġa jinterpretaw il-kriterju tal-effetti transfruntiera f’sens pjuttost wiesa’”.

( 33 ) Ara d-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, l-Artikolu 12; ir-Regolament għas-sorveljanza tas-suq, l-Artikolu 22; ara wkoll il-Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti I, punti 5.1 u 5.3, li jindikaw li Parti III, Appendiċi 6 li jistabbilixxi metodu ta’ valutazzjoni tar-riskju li jista’ jintuża mill-Istati Membri f’dak ir-rigward, u li hemm għodda partikolari (Linji Gwida għal Valutazzjoni tar-Riskju jew “RAG”) disponibbli biex tiffaċilita valutazzjonijiet tar-riskju, flimkien mal-punt 5.4, li jindika li l-valutazzjoni tar-riskju huwa mwettaq jew ivverifikat mill-awtorità rilevanti tal-Istat Membru li, inter alia, ħadet il-miżuri xierqa.

( 34 ) Ara d-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, l-Artikolu 12(1); ir-Regolament għas-sorveljanza tas-suq, l-Artikolu 22(1). Stati Membri għandhom jibgħatu notifika tar-RAPEX fi żmien 10 ijiem mill-adozzjoni tal-miżuri xierqa (u għal notifiki ta’ emerġenza, fi żmien tliet ijiem), u għandhom jikkonfermaw miżuri fi żmien 45 jum wara s-sottomissjoni tan-notifika jekk in-notifika ġiet mibgħuta qabel id-deċiżjoni li jiġu adottati miżuri. Ara d-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, Anness II, punt 4; il-Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti III, Appendiċi 4.

( 35 ) Ara d-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, Anness II, punt 3; il-Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti II, punt 3.2.1.

( 36 ) Ara l-Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti II, punti 3.4.1 u 3.4.1.1.

( 37 ) Ara d-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, Anness II, punt 3; il-Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti III, Appendiċi 1.

( 38 ) Ara l-Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti II, punt 5.1.

( 39 ) Ara l-Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti II, punti 3.4.2 u 5.1.2(e).

( 40 ) Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti II, punt 3.2.1(a).

( 41 ) Ara l-Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti II, punt 3.2.2.

( 42 ) Ara l-Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti III, Appendiċi 1.

( 43 ) Ara d-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, Anness II, punt 10.

( 44 ) Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti II, punt 3.2.4.

( 45 ) Falke, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 220.

( 46 ) Howells u Wilhelmsson, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 79.

( 47 ) Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, Anness II, punt 5; il-Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti II, punt 3.4.3. Il-Kummissjoni bħala prinċipju hija meħtieġa li tivvalida u tiddistribwixxi n-notifiki kollha fi żmien ħamest ijiem wara l-irċevuta (u għal dawk li jeħtieġu azzjoni ta’ emerġenza, fi żmien tliet ijiem). Ara l-Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti III, Appendiċi 5.

( 48 ) Ara l-Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti II, punt 3.4.3.2.

( 49 ) Ara l-Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti II, punt 3.4.5.1. Ma hemm l-ebda eċċezzjonijiet għall-iżvelar ġenerali u Stati Membri tan-notifika jistgħu jitolbu kunfidenzjalità tan-notifiki: ara l-Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti II, punti 3.4.5.2 sa 3.4.5.5.

( 50 ) Ara l-Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti II, punt 3.2.4.

( 51 ) Ara d-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, Anness II, punt 6; il-Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti II, punt 4.1.

( 52 ) Ara l-Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti II, punt 3.4.6.1 u 3.4.6.2.

( 53 ) Ara l-Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti II, punt 4.2. Notifiki ta’ segwitu huma suġġetti għal proċedura simili għal dik tan-notifiki tar-RAPEX oriġinali. Pereżempju, in-notifika ta’ segwitu hija maħluqa mill-awtorità nazzjonali rilevanti, il-Punt ta’ Kuntatt nazzjonali RAPEX jivverifika u jivvalida n-notifika ta’ segwitu qabel ma jittrażmettiha lill-Kummissjoni, u l-Kummissjoni tivverifika n-notifiki ta’ segwitu kollha sabiex taċċerta li huma korretti u kompluti qabel ma tittrażmettihom lill-Istati Membri. Ara l-Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti II, punti 4.2.4 u 4.4.

( 54 ) Il-ġurisprudenza tidher li tagħti xi sostenn għal din il-pożizzjoni. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 1989, Francesconi et vs Il‑Kummissjoni (326/86 u 66/88, EU:C:1989:282, b’mod partikolari l-punti 10 sa 12, u 23), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawżi magħquda Francesconi et vs Il‑Kummissjoni (326/86 u 66/88, EU:C:1989:211, punti 7212225). F’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet azzjoni għad-danni bbażata fuq l-allegata negliġenza tal-Kummissjoni meta naqset li tagħti informazzjoni dwar inbid adulterat, u qalet li huma l-Istati Membri li, skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tal-bidu li introduċiet RAPEX (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet) jistgħu jiddeċiedu li jieħdu passi urġenti sabiex jipprevjenu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott minħabba r-riskju serju u immedjat li dak il-prodott jippreżenta għas-saħħa jew sigurtà ta’ konsumaturi, u li l-Kummissjoni tgħaddi ’l quddiem tali informazzjoni. Kien hemm ukoll każijiet li jinvolvu azzjonijiet għad-danni kontra l-Unjoni dwar Sistema ta’ Twissija Rapida għall-Ikel u għall-Ġħalf tal-UE (RASFF), li, f’dak il-kuntest, ġiet ikkonfermata r-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta, għal kuntrarju ta’ dik tal-Kummissjoni. Ara, f’dak ir-rigward, is-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2004, Malagutti-Vezinhet vs Il‑Kummissjoni (T‑177/02, EU:T:2004:72, punti 43 sa 67, b’mod partikolari punti 51 u 52) (tiċħad azzjoni mressqa mir-rikorrent il-prodotti ta’ liem kienu s-suġġett ta’ notifika żbaljata), u tad‑29 ta’ Ottubru 2009, Bowland Dairy Products vs Il‑Kummissjoni (T‑212/06, EU:T:2009:419, punti 34 sa 46, b’mod partikolari l-punti 40 u 41) (tiċħad azzjoni ibbażata fuq l-allegat ċaħda tal-Kummissjoni biex tiċċirkola notifika supplimentari).

( 55 ) Ara l-Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti II, punt 3.2.3.

( 56 ) Ara l-Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti II, punti 3.4.7.1.2 u 3.4.7.2.2.

( 57 ) Ara l-Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti II, punt 3.3.1.

( 58 ) Ara l-Linji Gwida RAPEX, Anness, Parti II, punt 3.3.1.

( 59 ) Huwa tajjeb li jiġi innotat li din il-konklużjoni ma tinbidilx minħabba l-proposta leġiżlattiva biex tiġi ssostitwita d-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti jew il-bidliet lir-Regolament għas-sorveljanza tas-suq magħmula mir-Regolament 2019/1020: ara noti ta’ qiegħ il-paġna 18 u 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 60 ) Ara, f’dak ir-rigward, Eliantonio, M., “Information Exchange in European Administrative Law: A Threat to Effective Judicial Protection?”, Maastricht Journal of European and Comparative Law, Vol. 23, 2016, p. 531; u Edizzjoni speċjali ta’ European Public Law, Vol. 20, 2014, p. 65. Huma jsemmu, pereżempju, l-Artikolu 43 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU 2006, L 381, p. 4, rettifika fil-ĠU 2015, L 23, p. 19), u l-Artikolu 59 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat‑12 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen Tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU 2007, L 205, p. 63, rettifika fil-ĠU 2014, L 299, p. 33), li jipprovdu li: “kwalunkwe persuna tista’ tressaq azzjoni quddiem il-qrati jew l-awtorità kompetenti taħt il-liġi nazzjonali ta’ kawlunkwe Stat Membru biex taċċedi għal, tikkoreġi, tħassar jew tikseb informazzjoni jew biex tikseb kumpens b’konnessjoni ma’ allert li jkun jirrigwardaha”. Ara wkoll Research Network on EU Administrative Law (ReNEUAL) Model Rules on EU Administrative Procedure, Artikolu VI‑19 “Obligations to update, correct or delete data”, 2014, disponibbli fuq http://reneual.eu.

( 61 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft (C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 65), u tat‑18 ta’ Ġunju 2019, L‑Awstrija vs Il‑Ġermanja (C‑591/17, EU:C:2019:504, punt 119).

( 62 ) Ara, fir-rigward tal-Artikolu 34 TFUE, is-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 1977, Iannelli & Volpi (74/76, EU:C:1977:51, punt 13), u tad‑29 ta’ Novembru 1978, Redmond (83/78, EU:C:1978:214, punti 6667). Is-sentenza tal-aħħar tikkonferma wkoll l-effett dirett tal-Artikolu 35 TFUE. F’dak ir-rigward, ara wkoll is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2011, Kakavetsos-Fragkopoulos (C‑161/09, EU:C:2011:110, punt 22).

( 63 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1974 (8/74, EU:C:1974:82, punt 5). Ara wkoll, pereżempju, is-sentenzi tal‑10 ta’ Frar 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑110/05, EU:C:2009:66, punt 33), u tal‑15 ta’ Lulju 2021, DocMorris (C‑190/20, EU:C:2021:609, punt 34).

( 64 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑10 ta’ Frar 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑110/05, EU:C:2009:66, punt 37), u tat‑18 ta’ Ġunju 2019, L‑Awstrija vs Il‑Ġermanja (C‑591/17, EU:C:2019:504, punt 121).

( 65 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (C‑297/05, EU:C:2007:531, punt 53), u tat‑12 ta’ Lulju 2012, Fra.bo (C‑171/11, EU:C:2012:453, punt 22).

( 66 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1982 (249/81, EU:C:1982:402, b’mod partikolari punti 27 sa 30).

( 67 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ April 2007 (C-470/03, EU:C:2007:213, b’mod partikolari punti 56 sa 60 u 65).

( 68 ) Ara, f’dak ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawżi magħquda État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:516, punt 102), li kkunsidra li rimedju legali indirett fil-kuntest ta’ proċeduri sussegwenti għar-responsabbiltà tal-Istat ma huwiex rimedju legali effettiv fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 47 tal-Karta, peress li tali rimedju legali, li huwa wkoll suġġett għal iktar kundizzjonijiet, ma jistax jipprevjeni vjolazzjoni tad-drittijiet tar-rikorrenti kkonċernati, iżda jista’ l-iktar jipprovdi kumpens għal kwalunkwe dannu mġarrab, u dan il-mezz sekondarju ta’ kumpens waħdu ma jikkostitwixxix rimedju effettiv. Huwa minnu li, fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li, f’dak il-każ partikolari, il-possibbiltà li individwu jressaq proċeduri sabiex jikseb deċiżjoni li d-drittijiet iggarantiti lil dak l-individwu bid-dritt tal-Unjoni ġew miksura u li jikseb kumpens għall-ħsara mġarrba issodisfat ir-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 101). Madankollu, jien tal-opinjoni li, f’dan il-każ, tali rimedju ma huwiex effettiv.

( 69 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 51), u tat‑28 ta’ Ġunju 2022, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Ksur tad-dritt tal-Unjoni mil-leġiżlatur) (C‑278/20, EU:C:2022:503, punt 31).

( 70 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 27), u tat‑13 ta’ Lulju 2016, Pöpperl (C‑187/15, EU:C:2016:550, punt 43).

Top