Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0478

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali L. Medina, ippreżentati fis-16 ta’ Frar 2023.
    China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Dumping – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/140 – Importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Indja – Dazju antidumping definittiv – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Locus standi – Assoċjazzjoni li tirrappreżenta esportaturi – Regolament (UE) 2016/1036 – Artikolu 3(2), (3), (6) u (7) – Dannu – Kalkolu tal-volum tal-importazzjonijiet – Provi pożittivi – Eżami oġġettiv – Estrapolazzjoni – Kalkolu tal-ispiża tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni Ewropea – Prezzijiet iffatturati fi ħdan grupp – Rabta kawżali – Analiżi tad-dannu segment b’segment – Assenza – Artikolu 6(7) – Artikolu 20(2) u (4) – Drittijiet proċedurali.
    Kawża C-478/21 P.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:117

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

    MEDINA

    ippreżentati fis‑16 ta’ Frar 2023 ( 1 )

    Kawża C‑478/21 P

    China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products,

    Cangzhou Qinghong Foundry Co. Ltd,

    Botou City Qinghong Foundry Co. Ltd,

    Lingshou County Boyuan Foundry Co. Ltd,

    Handan Qunshan Foundry Co. Ltd,

    Heping Cast Co. Ltd Yi County,

    Hong Guang Handan Cast Foundry Co. Ltd,

    Shanxi Yuansheng Casting and Forging Industrial Co. Ltd,

    Botou City Wangwu Town Tianlong Casting Factory,

    Tangxian Hongyue Machinery Accessory Foundry Co. Ltd

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    intervenjenti:

    EJ Picardie,

    Fondatel Lecomte,

    Fonderies Dechaumont,

    Fundiciones de Odena SA,

    Heinrich Meier Eisengiesserei GmbH & Co. KG,

    Saint-Gobain Construction Products UK Ltd,

    Saint-Gobain PAM Canalisation,

    Ulefos Oy

    “Appell – Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina – Dazju antidumping definittiv u ġbir definittiv tad-dazju provviżorju – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Assoċjazzjoni li tinkludi produtturi esportaturi tal-prodott ikkonċernat – Locus standi – Inċidenza individwali – Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lill-esportaturi li taġixxi f’isimha stess u għan-nom tal-membri tagħha – Regolament (UE) 2016/1036 – Artikolu 5(10) u (11) – Partijiet interessati – Assoċjazzjoni rappreżentattiva ta’ esportaturi – Assoċjazzjonijiet tal-kummerċ jew tan-negozju – Libertà ta’ assoċjazzjoni – Kontroll u interferenza mill-Istat – Natura rappreżentattiva – Evidenza – Artikolu 3(2), (3), (5) u (6) – Dannu – Evidenza pożittiva – Data tal-Eurostat – Aġġustamenti u estrapolazzjoni ta’ data – Suppożizzjoni raġonevoli – Deduzzjoni raġonevoli – Kalkolu tal-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni Ewropea – Spejjeż tal-produzzjoni u prezzijiet applikati fi ħdan il-grupp – Artikolu 20 – Drittijiet tad-difiża – Aċċess għall-fajl – Data kunfidenzjali”

    Werrej

     

    I. Introduzzjoni

     

    II. Il-kuntest ġuridiku

     

    A. Id-dritt tal-Unjoni

     

    B. Id-dritt tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

     

    III. Il-fatti u r-Regolament kontenzjuż

     

    IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

     

    V. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

     

    VI. Evalwazzjoni tal-appell

     

    A. L-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza

     

    1. L-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, sa fejn ir-rikors għal annullament ġie ppreżentat miċ-CCCME f’isimha stess

     

    a) Kummenti preliminari

     

    b) Il-kriterji ġenerali fir-rigward tal-locus standi ta’ assoċjazzjonijiet tal-kummerċ taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE

     

    c) L-istatus mogħti mill-Kummissjoni matul il-proċedura antidumping

     

    d) Parti interessata u/jew assoċjazzjoni rappreżentattiva

     

    1) Il-kunċett ta’ parti interessata

     

    2) Il-kunċett ta’ assoċjazzjoni rappreżentattiva ta’ esportaturi

     

    i) Assoċjazzjoni tal-kummerċ jew tan-negozju

     

    – Kriterji ġenerali

     

    – Ir-relazzjoni mal-kunċett ta’ libertà ta’ assoċjazzjoni

     

    – L-istatut tal-assoċjazzjoni

     

    – Awtonomija vs l-interferenza mill-Istat

     

    – Konklużjoni intermedja

     

    ii) Il-membri huma produtturi, esportaturi jew importaturi tal-prodott li huwa s-suġġett ta’ investigazzjoni

     

    2. It-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, sa fejn ir-rikors għal annullament ġie ppreżentat miċ-CCCME għan-nom tal-membri tagħha

     

    3. It-tielet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, sa fejn ir-rikors għal annullament ġie ppreżentat mill-appellanti li ma humiex irrappreżentati miċ-CCCME

     

    B. L-ewwel parti tal-ewwel aggravju

     

    1. Data ta’ referenza użata bħala bażi

     

    2. Ċaħda tad-data alternattiva

     

    C. It-tieni aggravju

     

    D. Il-ħames aggravju

     

    1. L-ewwel parti

     

    2. It-tieni parti

     

    3. It-tielet parti

     

    VII. Fuq l-ispejjeż

     

    VIII. Konklużjoni

    I. Introduzzjoni

    1.

    Iċ-China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products (iktar ’il quddiem iċ-“CCCME”) hija assoċjazzjoni rregolata mid-dritt Ċiniż li l-membri tagħha jinkludu produtturi esportaturi Ċiniżi ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut.

    2.

    Permezz ta’ dan l-appell, iċ-CCCME u disa’ appellanti oħra (iktar ’il quddiem, flimkien, “l-appellanti”) li huma produtturi ta’ oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (iktar ’il quddiem ir-“RPĊ”) qegħdin jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2021, China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products vs Il‑Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) ( 2 ). Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-appellanti għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/140 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż”) ( 3 ), li jimponi dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw mir-RPĊ. Dawn l-oġġetti huma, essenzjalment, għotjien ta’ tappieri.

    3.

    Dan l-appell iqajjem numru ta’ kwistjonijiet, li tlieta minnhom jafu jkunu iktar importanti mill-oħrajn. L-ewwel kwistjoni hija ta’ natura proċedurali. Din hija l-ewwel darba li ċ-CCCME kkontestat regolament antidumping. Dan ifisser li din il-kawża tqajjem il-kwistjoni tal-kunċett ta’ “inċidenza individwali u diretta” fir-rigward ta’ organizzazzjoni tal-kummerċ, li l-membri tagħha kkooperaw fil-proċedura antidumping u li l-Kummissjoni Ewropea tallega li hija estensjoni tar-RPĊ. Din il-kawża tqajjem ukoll il-kwistjoni tad-definizzjoni ta’ assoċjazzjoni rappreżentattiva ta’ esportaturi taħt ir-Regolament (UE) 2016/1036 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”) ( 4 ). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tindika l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà sabiex tali assoċjazzjoni tkun tista’ tippreżenta rikors għal annullament taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għan-nom tagħha stess u għan-nom tal-membri tagħha.

    4.

    It-tieni kwistjoni hija ta’ natura sostantiva. Din il-kwistjoni tikkonċerna r-regoli sabiex jiġi ddeterminat id-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni Ewropea. L-appellanti jikkontestaw l-estrapolazzjonijiet u l-aġġustamenti magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ data tal-Eurostat ( 5 ) għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ dan id-dannu. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tiddefinixxi r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(2), (3) u (5) tar-Regolament bażiku li jeżiġu li d-determinazzjoni ta’ dannu għandha tkun ibbażata fuq evidenza pożittiva u għandha tinvolvi eżami oġġettiv.

    5.

    It-tielet kwistjoni tikkonċerna r-regoli proċedurali applikabbli għall-proċedura antidumping amministrattiva u, b’mod partikolari, l-obbligi ta’ komunikazzjoni li għandha l-Kummissjoni.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A. Id-dritt tal-Unjoni

    6.

    L-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, intitolat “Determinazzjoni tad-dannu”, jipprovdi:

    “1.   Taħt dan ir-Regolament, it-terminu ‘dannu’ għandu, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, jinftiehem li jfisser dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni, theddida ta’ dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni jew dewmien materjali fl-istabbiliment ta’ tali industrija u għandu jiġi interpretat skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

    2.   Id-dannu għandu jiġi determinat billi jkun ibbażat fuq evidenza pożittiva u għandu jinvolvi eżami objettiv ta’:

    (a)

    il-volum ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-effett tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet fis-suq tal- Unjoni għal prodotti simili; u

    (b)

    l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni.

    3.   Fir-rigward tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, għandu jittieħed kont ta’ jekk kienx hemm żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, kemm jekk f’termini assoluti kif ukoll jekk relattivament għall-produzzjoni jew għall-konsum fl-Unjoni. Fir-rigward tal-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq prezzijiet, għandu jittieħed kont ta’ jekk kienx hemm undercutting sinifikanti fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping meta mqabbla mal-prezz ta’ prodott simili tal-industrija tal-Unjoni, jew jekk l-effett ta’ tali importazzjonijiet huwiex mod ieħor biex iwaqqa’ l-prezzijiet għal grad sinifikanti jew biex jipprevjeni żidiet fil-prezz, li b’mod ieħor kienu jseħħu, sa grad sinifikanti. L-ebda wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi ma jista neċessarjament jagħti gwida deċiżiva.

    […]

    5.   L-eżami tal-impatt tal-prodotti li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni konċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi rilevanti kollha u l-indiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija […]

    6.   Għandu jintwera, mill-evidenza rilevanti kollha ppreżentata relattivament għall-paragrafu 2, li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping qegħdin jikkawżaw dannu fis-sens ta’ dan ir-Regolament. B’mod speċifiku, dan għandu jinvolvi li jintwera li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet identifikati skont il-paragrafu 3 huma responsabbli għal impatt fuq l-industrija tal-Unjoni kif previst fil-paragrafu 5, u li dak l-impatt jeżisti sa grad li jagħmlu possibbli li jiġi kklassifikat bħala materjali.

    […]”

    7.

    L-Artikolu 5(10) u (11) tar-Regolament bażiku jipprovdi:

    “10.   In-notifika tal-bidu tal-proċedimenti għandha tħabbar il-bidu ta’ investigazzjoni, tindika l-prodott u l-pajjiżi konċernati, tagħti ġabra fil-qosor tal-informazzjoni riċevuta, u tipprovdi li l-informazzjoni rilevanti kollha għandha tiġi kkomunikata lill-Kumissjoni.

    Għandha turi l-perjodi li matulhom, il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu lilhom infushom magħrufa, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jippreżentaw informazzjoni jekk tali opinjonijiet u informazzjoni għandhom jiġu meqjusa matul l-investigazzjoni. Għandha wkoll tindika l-perjodu li matulu l-partijiet interessati jistgħu japplikaw biex jiġu mismugħa mill-Kumissjoni skont l-Artikolu 6(5).

    11.   Il-Kummissjoni għandha tavża lill-esportaturi, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-importaturi jew l-esportaturi magħrufa lilha li huma konċernati, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni u lil min jagħmel l-ilment, bil-bidu tal-proċedimenti u, b’kont meħud tal-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali tipprovdi t-test sħiħ tal-ilment miktub riċevut skont il-paragrafu 1 lill-esportaturi magħrufa u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ esportazzjoni, u tagħmlu disponibbli, fuq talba, lill-partijiet interessati oħra involuti. Fejn in-numru tal-esportaturi involuti jkun partikolarment għoli, it-test sħiħ tal-ilment miktub jista’, minflok, jiġi pprovdut biss lill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ esportazzjoni jew lill-assoċjazzjoni rilevanti tal-kummerċ.”

    8.

    L-Artikolu 6(7) tar-Regolament bażiku jipprovdi:

    “Min jagħmel l-ilment, l-importaturi u l-esportaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, utenti u organizzazzjonijiet tal-konsumatur, li għamlu lilhom infushom magħrufa skont l-Artikolu 5(10), kif ukoll ir-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni jistgħu, fuq talba bil-miktub, jispezzjonaw l-informazzjoni kollha magħmula disponibbli minn kwalunklwe parti għal investigazzjoni, bħala distinta minn dokumenti interni ppreparati mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew mill-Istati Membri tagħha, li tkun rilevanti għall-preżentazzjoni tal-każijiet tagħhom u mhux kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 19, u li tkun użata fl-investigazzjoni.

    Tali partijiet jistgħu jirrispondu għal tali informazzjoni u għandu jittieħed kont tal-kummenti tagħhom, kull fejn ikunu sostanzjati biżżejjed fit-tweġiba.”

    9.

    L-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku, intitolat “Kunfidenzjalità”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

    “1.   Kwalunkwe informazzjoni li hija ta’ xorta kunfidenzjali, (per eżempju, minħabba li r-rivelazzjoni tagħha tkun ta’ vantaġġ kompetittiv sinifikanti għal xi kompetitur jew kien ikollha effett kuntrarju sinifikanti fuq persuna li tforni l-informazzjoni jew fuq persuna li minn għandha l-persuna li tforni l-informazzjoni ikun akkwista l-informazzjoni) jew li hija mogħtija fuq bażi kunfidenzjali minn partijiet għall-investigazzjoni għandha, jekk tiġi murija raġuni tajba, tiġi ttrattata bħala tali mill-awtoritajiet.

    2.   Partijiet interessati li jagħtu informazzjoni kunfidenzjali għandhom ikunu meħtieġa li jfornu taqsiriet mhux kunfidenzjali tagħha. Dawk it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu li tinftiehem b’mod raġonevoli s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’kunfidenzjalità. F’ċirkustanzi eċċezzjonali, tali partijiet jistgħu jindikaw li tali informazzjoni ma tistax titqassar. F’tali ċirkostanzi eċċezzjonali, għandha tiġi mogħtija dikjarazzjoni tar-raġunijiet għaliex tali taqsira mhijiex possibbli.

    3.   Jekk jiġi kkunsidrat li mhijiex ġustifikata talba għall-kunfidenzjalità u jekk il-fornitur tal-informazzjoni mhuwiex lest li jagħmel l-informazzjoni disponibbli jew li jawtorizza r-rivelazzjoni tagħha taħt forma ġeneralizzata jew f’taqsira, tali informazzjoni tista’ tiġi injorata sakemm ma jistax jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi adatti li l-informazzjoni hija korretta. It-talbiet għall-kunfidenzjalità ma għandhomx jiġu rifjutati b’mod arbitrarju.”

    10.

    L-Artikolu 20(1) u (2) tar-Regolament bażiku jipprovdi:

    “1.   Min jagħmel l-ilment, l-importaturi u l-esportaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, u r-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni, jistgħu jitolbu r-rivelazzjoni tad-dettalji sottostanti l-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġew imposti l-miżuri provviżorji. It-talbiet għal tali rivelazzjoni għandhom isiru bil-miktub immedjatament wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, u r-rivelazzjoni għandha ssir bil-miktub kemm jista’ jkun malajr possibbli wara.

    2.   Il-partijiet msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jitolbu r-rivelazzjoni finali tal-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom huwa maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi, jew it-terminazzjoni ta’ investigazzjoni jew proċedimenti mingħajr l-impożizzjoni tal-miżuri, b’attenzjoni partikolari mogħtija lir-rivelazzjoni ta’ kwalunkwe fatti jew kunsiderazzjonijiet li jkunu differenti minn dawk użati għal kwalunkwe miżura provviżorja.”

    B. Id-dritt tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

    11.

    Il-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni ta’ l-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (GATT) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Antidumping tal‑1994”) ( 6 ) jinsab fl-Anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE ( 7 ).

    12.

    L-Artikolu 6.1.3 tal-Ftehim Antidumping tal‑1994, intitolat “Evidenza”, jipprovdi:

    “Malli l-investigazzjoni tinbeda, l-awtoritajiet għandhom jipprovdu test sħiħ ta’ l-applikazzjonijiet bil-miktub riċevuti skond paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 5, lill-esportaturi magħrufa [16] u lill-awtoritajiet tal-Membru esportatur, u jekk ikun hemm talba, dawn jitqiegħdu għad-disposizzjoni ta’ kwalunkwe parti oħra interessata. Konsiderazzjoni mistħoqqa tingħata lir-rekwiżit għal protezzjoni ta’ l-informazzjoni kunfidenzali, kif pprovduta fil-paragrafu 5.”

    13.

    Dan l-artikolu huwa segwit minn nota ta’ qiegħ il-paġna li tindika li “fejn in-numru ta’ esportaturi jkun partikolarment għoli, it-test sħiħ ta’ l-applikazzjoni bil-miktub għandha ulterjorment tiġi pprovduta biss lill-awtoritajiet tal-Membru esportatur jew ta’ [lil]l-assoċazzjoni kummerċjali rilevanti”.

    14.

    L-Artikolu 6.11 tal-Ftehim Antidumping tal‑1994 jistabbilixxi:

    “Għall-għan ta’ dan il-Ftehim, ‘partijiet interessati’ għandhom jinkludu:

    (i)

    esportatur jew produttur barrani ta’ prodott soġġett għall-investigazzjoni, jew [assoċjazzjoni ta’] kummerċ jew assoċjazzjoni ta’ negozju li tikkonsisti minn maġġoranza ta’ membri li jkunu produtturi, esportaturi jew importaturi ta’ dan il-prodott;

    (ii)

    il-gvern ta’ Membru esportatur; u

    (iii)

    produttur ta’ prodott simili fil-Membru importatur jew [assoċjazzjoni ta’] kummerċ u assoċazzjoni ta’ negozju li tikkonsisti fil-maġġoranza ta’ membri li jkunu jipproduċu l-prodott simili fit-territorju tal-Membru importatur.”

    III. Il-fatti u r-Regolament kontenzjuż

    15.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 1 sa 9 tas-sentenza appellata u jistgħu, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jinġabru fil-qosor kif ġej.

    16.

    Fil‑31 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni rċeviet ilment, konformement mal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, li fih intalbet tibda investigazzjoni antidumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw mir-RPĊ u mir-Repubblika tal-Indja. Dan l-ilment kien ippreżentat minn seba’ produtturi tal-Unjoni ( 8 ).

    17.

    Permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl‑10 ta’ Diċembru 2016 ( 9 ), il-Kummissjoni nediet proċedura antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet inkwistjoni.

    18.

    Il-prodott li kien is-suġġett tal-investigazzjoni kien “ċerti prodotti ta’ ħadid fondut tal-grafit lamellari (ħadid griż[)] jew ħadid fondut sferiku tal-graffit (magħruf ukoll bħala ħadid fondut duttili), u partijiet tagħhom[, li] huma ta’ tip użat għal: – kopertura tal-art jew sistemi ta’ taħt il-wiċċ, u/jew fetħiet f’sistemi tal-art jew taħt il-wiċċ, u wkoll – jagħti aċċess għal sistemi tal-art jew taħt wiċċ u/jew jipprovdi veduta ta’ sistemi tal-art jew ta’ taħt il-wiċċ” (iktar ’il quddiem il-“prodotti kkonċernati”).

    19.

    L-investigazzjoni tad-dumping u tad-dannu kopriet il-perijodu bejn l‑1 ta’ Ottubru 2015 u t‑30 ta’ Settembru 2016 (iktar ’il quddiem il-“perijodu tal-investigazzjoni”). L-eżami ta’ tendenzi rilevanti għall-evalwazzjoni tad-dannu kopra l-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar 2013 u t-tmiem tal-perijodu tal-investigazzjoni (iktar ’il quddiem il-“perijodu meħud inkunsiderazzjoni”).

    20.

    Fis‑16 ta’ Awwissu 2017, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1480 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju”) ( 10 ).

    21.

    Wara l-proċedura antidumping, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament kontenzjuż fid‑29 ta’ Jannar 2018.

    22.

    Iċ-CCCME pparteċipat fil-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż. Il-persuni ġuridiċi l-oħra huma d-disa’ produtturi esportaturi Ċiniżi msemmija iktar ’il fuq, li tnejn minnhom kienu ntgħażlu mill-Kummissjoni bħala parti mill-kampjun ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi użat għall-finijiet tal-investigazzjoni.

    IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    23.

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ April 2018, l-appellanti ppreżentaw rikors intiż għall-annullament tar-Regolament kontenzjuż. Quddiem il-Qorti Ġenerali, iċ-CCCME ressqet sitt motivi insostenn tar-rikors tagħha. Il-Kummissjoni kkontestat kemm l-ammissibbiltà u kemm il-mertu ta’ dan ir-rikors.

    24.

    Permezz ta’ digriet tal‑24 ta’ Ottubru 2018, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta l-intervent ta’ EJ Picardie u tal-persuni ġuridiċi l-oħra ( 11 ) (iktar ’il quddiem l-“intervenjenti”).

    25.

    Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bdiet billi indirizzat l-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors taċ-CCCME. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rikors kien ammissibbli sa fejn kien ippreżentat, l-ewwel, miċ-CCCME f’isimha stess sabiex tipproteġi d-drittijiet proċedurali tagħha, it-tieni, miċ-CCCME għan-nom tad‑19-il membru identifikati minnha u, it-tielet, mill-persuni ġuridiċi l-oħra li isimhom jidher fl-Anness I tas-sentenza appellata.

    26.

    Fir-rigward tal-mertu tar-rikors, il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull wieħed mis-sitt motivi mressqa miċ-CCCME u għalhekk ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

    V. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

    27.

    Dan l-appell ġie ppreżentat miċ-CCCME f’isimha stess u għan-nom tal-membri tagħha, kif ukoll mill-appellanti l-oħra, li ma humiex irrappreżentati miċ-CCCME.

    28.

    L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza appellata; tilqa’ t-talbiet imressqa mill-appellanti fir-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali; tannulla r-Regolament kontenzjuż sa fejn jikkonċerna liċ-CCCME, lill-kumpanniji individwali u lill-membri kkonċernati; tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u tal-appell, inklużi dawk tal-appellanti; u tordna lill-intervenjenti jbati l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

    29.

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza appellata sa fejn tiddikjara r-rikors fl-ewwel istanza ammissibbli; tiddikjara r-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali inammissibbli; tiċħad l-appell; u tordna lill-appellanti jħallsu l-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u tal-appell.

    30.

    L-intervenjenti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell fl-intier tiegħu; tiddeċiedi li ċ-CCCME ma tistax tkun assoċjazzjoni rappreżentattiva għall-finijiet tar-Regolament bażiku; u tordna lill-appellanti jbatu l-ispejjeż tal-partijiet l-oħra.

    31.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet numru ta’ mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li kellhom iwieġbu għalihom bil-miktub. Il-partijiet wieġbu fid‑29 ta’ Awwissu 2022. Il-partijiet kollha msemmija iktar ’il fuq ippreżentaw sottomissjonijiet orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-seduta tal‑5 ta’ Ottubru 2022. Matul is-seduta, il-partijiet intalbu jikkonċentraw is-sottomissjonijiet orali tagħhom fuq il-kwistjonijiet ta’ ammissibbiltà u fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju kif ukoll fuq it-tieni u l-ħames aggravju, li fuqhom ser jikkonċentraw dawn il-konklużjonijiet kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    VI. Evalwazzjoni tal-appell

    32.

    Ser neżamina, qabel kollox, l-argument imqajjem mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti li bih jallegaw li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddikjarat li r-rikors għal annullament kien ammissibbli (A). Sussegwentement, ser ngħaddi għaż-żewġ aggravji li jikkonċernaw id-determinazzjoni tad-dannu. Ser nibda billi nanalizza l-ewwel parti tal-ewwel aggravju dwar il-volum tal-importazzjonijiet (B). Ser neżamina mbagħad il-kwistjoni tal-evidenza pożittiva, li titqajjem fil-kuntest tat-tieni aggravju (C). Fl-aħħar nett, ser neżamina l-ħames aggravju, li jikkonċerna r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u l-obbligu tal-Kummissjoni li tikkomunika data lil dawn il-partijiet (D).

    A. L-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza

    33.

    Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat ir-rikors ammissibbli.

    34.

    L-ewwel, għandu jitqies li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel u fit-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, tiftaħ kawża kontra, inter alia, att li jikkonċernaha direttament u individwalment. Id-dritt ta’ assoċjazzjonijiet u, b’mod partikolari, ta’ assoċjazzjonijiet tal-kummerċ li jippreżentaw rikorsi għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali joħroġ mid-dritt ta’ persuni privati li jippreżentaw tali rikors taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    35.

    Skont il-ġurisprudenza, rikorsi ppreżentati minn assoċjazzjonijiet huma ammissibbli fi tliet sitwazzjonijiet li huma ddefiniti sew: l-ewwel, meta l-assoċjazzjoni tirrappreżenta l-interessi ta’ impriżi li jkunu intitolati huma stess li jiftħu kawża u, għalhekk, kien ikollhom locus standi huma stess; it-tieni, meta l-assoċjazzjoni tkun iddifferenzjata minħabba l-impatt fuq l-interessi tagħha stess bħala assoċjazzjoni, b’mod partikolari minħabba li l-pożizzjoni tagħha bħala negozjatur tkun affettwata mill-miżura li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħha; u, it-tielet, meta dispożizzjoni legali tagħtiha espliċitament numru ta’ drittijiet ta’ natura proċedurali ( 12 ).

    36.

    Fil-kawża ineżami, huma l-ewwel u t-tielet sitwazzjoni li huma s-suġġett tal-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbli mqajma mill-Kummissjoni. L-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tikkonċerna s-sitwazzjoni li fiha assoċjazzjoni tal-kummerċ tippreżenta rikors f’isimha stess għaliex ikollha interess tagħha stess (1), u t-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tikkonċerna l-ammissibbiltà ta’ assoċjazzjoni tal-kummerċ li tirrappreżenta l-membri tagħha li jkollhom huma stess locus standi (2). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-validità tal-mandati mogħtija mill-persuni ġuridiċi, li hija s-suġġett tat-tielet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà (3).

    1.   L-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, sa fejn ir-rikors għal annullament ġie ppreżentat miċ-CCCME f’isimha stess

    37.

    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 52 sa 75 tas-sentenza appellata meta kkonstatat li r-rikonoxximent taċ-CCCME bħala assoċjazzjoni rappreżentattiva ta’ esportaturi matul il-proċedura amministrattiva kien biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li kienet ikkonċernata individwalment u direttament għall-finijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Il-kwistjoni ta’ jekk entità tgawdix jew le minn drittijiet proċedurali fi proċedura amministrattiva partikolari hija ddeterminata mir-regoli leġiżlattivi adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni u mhux mid-deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva li ma timxix ma’ dawn ir-regoli. Il-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa hija stess jekk, oġġettivament, iċ-CCCME kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa mir-Regolament bażiku sabiex tkun assoċjazzjoni rappreżentattiva ta’ esportaturi. Fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni enfasizzat ferm l-obbligu li l-kunċett ta’ assoċjazzjoni tal-kummerċ fis-sens tar-Regolament bażiku jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 12(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-artikolu korrispondenti, jiġifieri l-Artikolu 11(1), tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

    38.

    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jsostnu li ċ-CCCME ma hijiex assoċjazzjoni li tirrappreżenta produtturi esportaturi peress li aġixxiet taħt is-superviżjoni, l-amministrazzjoni u t-tmexxija kummerċjali tal-Ministeri kkonċernati fir-RPĊ. L-intervenjenti jsostnu wkoll li ċ-CCCME mhux biss tieħu istruzzjonijiet mingħand l-Istat iżda wkoll taġixxi għan-nom tal-Istat fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet kummerċjali tal-produtturi esportaturi u fil-kontroll tal-kompetizzjoni, minn dan l-Istat, fis-suq domestiku u fis-suq tal-esportazzjoni.

    39.

    Iċ-CCCME ssostni li hija assoċjazzjoni rappreżentattiva ta’ esportaturi taħt ir-Regolament bażiku u hija għalhekk parti interessata. Hija ssostni li, għar-raġunijiet espressi mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, hija kkonċernata direttament u individwalment mir-Regolament kontenzjuż. B’mod partikolari, iċ-CCCME tenfasizza li hija kienet tqieset bħala parti interessata mill-Kummissjoni, kemm matul l-investigazzjoni li wasslet għar-Regolament kontenzjuż kif ukoll f’investigazzjonijiet preċedenti. Matul is-seduta, iċ-CCCME sostniet ukoll li l-Kummissjoni għandha tivverifika jekk entità hijiex parti interessata matul l-investigazzjoni u mhux fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja. Hija argumentat ukoll li l-Artikolu 12 tal-Karta u l-Artikolu 11 tal-KEDB ma humiex rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża.

    a)   Kummenti preliminari

    40.

    Qabelxejn, għandu jiġi indikat li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-locus standi taċ-CCCME sabiex tiftaħ kawża fil-punti 46 sa 76 tas-sentenza appellata u ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni. L-ewwel, hija ddeċidiet li ċ-CCCME kienet ikkonċernata individwalment mir-Regolament kontenzjuż peress li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat liċ-CCCME bħala parti interessata fis-sens tar-Regolament bażiku u, għalhekk, tat lil din l-assoċjazzjoni drittijiet proċedurali matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż (iktar ’il quddiem il-“proċedura antidumping”). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni fis-sens li ċ-CCCME ma setgħetx titqies li hija parti interessata fis-sens tar-Regolament bażiku, iżda biss bħala parti rappreżentattiva. It-tieni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li ċ-CCCME kienet ikkonċernata direttament peress li kien biss billi tingħata l-opportunità tikkontesta r-Regolament kontenzjuż li setgħet tiżgura r-rispett tad-drittijiet proċedurali tagħha.

    41.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sabiex jiġi stabbilit jekk persuni ġuridiċi, bħalma hija ċ-CCCME, humiex intitolati jippreżentaw rikors f’isimhom stess, għandu jiġi eżaminat jekk dawn il-persuni, l-ewwel, għandhomx locus standi u, it-tieni, għandhomx interess li jressqu kawża ( 13 ). B’mod partikolari, fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, li ma hijiex ikkontestata f’dan l-appell ( 14 ), għandu jiġi osservat li, fil-punti 78 u 79 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-annullament tar-Regolament kontenzjuż kien ser jeħtieġ li l-Kummissjoni tiftaħ mill-ġdid il-proċedura antidumping bil-possibbiltà li tħalli liċ-CCCME tintervjeni fil-proċedura sabiex tikseb il-kummenti tagħha konformement mar-Regolament bażiku. Sa fejn jista’ jkollu tali effetti, annullament jista’ jkollu konsegwenzi legali għaċ-CCCME inkwantu taġixxi f’isimha stess. Fi kliem ieħor, li kieku kien hemm ksur tad-drittijiet proċedurali taċ-CCCME, dan kien jaffettwa l-eżitu tal-investigazzjonijiet antidumping, u għalhekk iċ-CCCME għandha interess li targumenta li kien hemm tali ksur. Għaldaqstant, l-interess tagħha li tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali f’isimha stess huwa li tipproteġi d-drittijiet proċedurali tagħha.

    b)   Il-kriterji ġenerali fir-rigward tal-locus standi ta’ assoċjazzjonijiet tal-kummerċ taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE

    42.

    Qabelxejn, għandu jitfakkar li r-regoli dwar il-locus standi ta’ persuni ġuridiċi, għall-finijiet tal-kontestazzjoni ta’ miżura tal-Unjoni, huma stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-kawża ineżami, huwa t-tieni każ, fis-sens li l-kawża tista’ titressaq jekk l-att ikollu inċidenza diretta u individwali għall-assoċjazzjonijiet, li għandu jiġi eżaminat ( 15 ).

    43.

    Sabiex jiġi stabbilit jekk iċ-CCCME għandhiex locus standi fil-kawża ineżami minħabba l-impatt tal-att ikkontestat fl-isem tagħha stess bħala assoċjazzjoni, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li persuni li ma jkunux dawk li lilhom deċiżjoni tkun indirizzata jistgħu jsostnu li huma kkonċernati individwalment fil-każ biss li din id-deċiżjoni taffettwahom, inter alia, minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddifferenzjahom minn kwalunkwe persuna oħra u, għalhekk, tindividwalizzahom daqslikieku kienu l-persuna indirizzata ( 16 ).

    44.

    Fil-kawża ineżami, huwa evidenti, fil-fehma tiegħi, li l-impożizzjoni tad-dazji antidumping ma biddlitx is-sitwazzjoni legali taċ-CCCME fil-kapaċità individwali tagħha peress li din l-entità ma hijiex meħtieġa tħallas dan id-dazju hija stess ( 17 ). Madankollu, il-fatt li persuna tkun involuta fil-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni jista’ jindividwalizza lil din il-persuna fir-rigward tal-miżura inkwistjoni, li jkollha effetti legali vinkolanti għal din il-persuna, fil-każ li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli tagħtiha garanziji proċedurali ( 18 ). Għaldaqstant, il-portata preċiża tar-rikors taċ-CCCME, ippreżentat f’isimha stess, tiddependi mill-pożizzjoni legali ta’ din l-entità kif iddefinita fid-dritt tal-Unjoni, bil-għan li jiġu protetti l-interessi leġittimi mogħtija lil din l-entità ( 19 ).

    c)   L-istatus mogħti mill-Kummissjoni matul il-proċedura antidumping

    45.

    Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ċ-CCCME tqieset mill-Kummissjoni bħala parti interessata u li kellha tingħata d-drittijiet proċedurali previsti fir-Regolament bażiku matul il-proċedura amministrattiva. Fil-punti 53 sa 57 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għamlet numru ta’ konstatazzjonijiet fis-sens li ċ-CCCME kienet ingħatat, mill-Kummissjoni, id-dritt li tipparteċipa f’żewġ seduti għal smigħ miżmuma fil-kuntest tal-investigazzjoni, kif previst fl-Artikolu 6(5) tar-Regolament bażiku. Hija osservat ukoll li ċ-CCCME kienet ingħatat awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tikseb aċċess, skont l-Artikolu 6(7) tar-Regolament bażiku, għall-fajl tal-investigazzjoni, u li, sussegwentement, il-Kummissjoni bagħtet liċ-CCCME, konformement mal-Artikolu 20(1) tar-Regolament bażiku, il-konklużjonijiet provviżorji li kienet waslet għalihom, u li fir-rigward tagħhom iċ-CCCME ssottomettiet kummenti bil-miktub. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li ċ-CCCME rċeviet, konformement mal-Artikolu 20(2) tar-Regolament bażiku, il-konklużjonijiet finali, li fihom il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tipproponi l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi. Abbażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, f’dan il-każ partikolari, iċ-CCCME kienet tissodisfa r-rekwiżiti sabiex titqies li kienet ikkonċernata individwalment fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    46.

    Fil-fehma tiegħi, il-punt tat-tluq ta’ din l-analiżi huwa d-deduzzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni żbaljat meta, matul il-proċedura amministrattiva, tat liċ-CCCME l-istatus ta’ parti interessata u d-drittijiet proċedurali li joħorġu minn dan l-istatus. Minkejja li dan l-iżball ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni ( 20 ), għandu jiġi indikat li l-Qorti Ġenerali ma tiħux pożizzjoni dwar jekk dan l-iżball huwiex stabbilit jew le ( 21 ). Għall-kuntrarju, fil-punt 68 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tistrieħ fuq il-karatterizzazzjoni taċ-CCCME bħala parti interessata, magħmula mill-Kummissjoni stess, billi tiċċita, b’mod partikolari, il-premessa 25 tar-Regolament kontenzjuż li fiha l-Kummissjoni tqis li ċ-CCCME kellha titqies bħala parti interessata li tirrappreżenta, b’mod partikolari, l-industrija Ċiniża tal-ħadid fondut.

    47.

    Madankollu, skont il-ġurisprudenza dwar ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-fatt li persuna tipparteċipa b’xi mod jew ieħor fil-proċess li jwassal għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni ma jindividwalizzax lil din il-persuna fir-rigward tal-att inkwistjoni, sakemm il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti ma tkunx stabbilixxiet garanziji proċedurali speċifiċi għal tali persuna ( 22 ). Għalhekk, assoċjazzjonijiet rappreżentattivi jistgħu jkunu kkonċernati direttament u individwalment minn ksur tad-drittijiet proċedurali mogħtija lilhom mir-Regolament bażiku. Huwa abbażi ta’ dan ir-regolament li l-Qorti Ġenerali għandha tqis jekk entità, bħalma hija ċ-CCCME, għandhiex tiġi individwalizzata għall-finijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    48.

    Minn dan isegwi li l-karatterizzazzjoni legali taċ-CCCME bħala parti interessata għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament bażiku ma tistax tiġi preżunta. Għall-finijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, huwa l-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tivverifika jekk entità, bħalma hija ċ-CCCME, tistax tiġi kkaratterizzata bħala assoċjazzjoni rappreżentattiva ta’ esportaturi fis-sens tar-Regolament bażiku, u dan iktar u iktar meta l-Kummissjoni u l-intervenjenti jkunu kkontestaw l-istatus taċ-CCCME fis-sens ta’ dan ir-regolament ( 23 ).

    49.

    Għaldaqstant, għalkemm il-Kummissjoni rrikonoxxiet, matul il-proċedura amministrattiva, li ċ-CCCME kienet parti interessata u tatha d-drittijiet proċedurali li jirriżultaw minn dan, tali rikonoxximent u għoti jikkostitwixxu prassi amministrattiva li ma hijiex vinkolanti għad-determinazzjoni mwettqa mill-qorti tal-Unjoni fil-kuntest ta’ rikors għal annullament. L-istatus mogħti mill-Kummissjoni liċ-CCCME għandu jkun konformi mar-Regolament bażiku, li fuqu hija bbażata l-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż. F’dan ir-rigward, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, il-kwistjoni ta’ jekk entità tibbenefikax jew le minn drittijiet proċedurali fi proċedura amministrattiva partikolari hija ddeterminata mil-leġiżlatur tal-Unjoni meta jadotta l-qafas legali, jiġifieri, fil-kawża ineżami, ir-Regolament bażiku, u mhux mill-prassi tal-korp amministrattiv.

    50.

    Dan iżda ma jfissirx li l-prassi żbaljata tal-Kummissjoni ma għandha ebda konsegwenza, b’mod partikolari meta din l-istituzzjoni ċċaħħad lil persuna mid-drittijiet proċedurali tagħha. Għall-kuntrarju, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża ineżami, ir-rikonoxximent taċ-CCCME bħala parti interessata ma ċaħħadhiex minn dawn id-drittijiet iżda taha iktar drittijiet, kif osservat il-Kummissjoni matul is-seduta. Għalhekk, ir-rikonoxximent mill-Kummissjoni imsemmi iktar ’il fuq ma għandux konsegwenzi negattivi fuq id-drittijiet tad-difiża taċ-CCCME ( 24 ).

    51.

    Għaldaqstant, jiena tal-fehma li, għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament, il-Qorti Ġenerali kellha tivverifika liema status u liema drittijiet proċedurali (jekk mhux xejn) kellha tingħata ċ-CCCME konformement mar-Regolament bażiku. Madankollu, meta evalwat, fil-punti 53 sa 71 tas-sentenza appellata, jekk iċ-CCCME kinitx ikkonċernata individwalment meta aġixxiet f’isimha stess, jidher li l-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq din il-verifika. Hija sempliċement qieset li, għall-finijiet tal-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament, iċ-CCCME kienet ikkonċernata individwalment sempliċement għar-raġuni li l-Kummissjoni kienet tatha drittijiet proċedurali ( 25 ). Jiena għalhekk tal-fehma li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li ċ-CCCME kienet ikkonċernata individwalment u direttament għar-raġuni li l-Kummissjoni kienet tatha drittijiet proċedurali matul il-proċedura antidumping, mingħajr ma vverifikat jekk l-għoti ta’ dawn id-drittijiet kienx konformi mar-Regolament bażiku

    52.

    Fid-dawl tal-iżball imsemmi iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika jekk, taħt ir-Regolament bażiku, il-Kummissjoni kinitx fil-fatt meħtieġa tirrikonoxxi liċ-CCCME bħala parti interessata u/jew assoċjazzjoni rappreżentattiva u tagħtiha ċerti drittijiet proċedurali. Dan iqajjem il-kwistjoni ta’ jekk iċ-CCCME hijiex parti interessata u/jew assoċjazzjoni rappreżentattiva ta’ esportaturi.

    d)   Parti interessata u/jew assoċjazzjoni rappreżentattiva

    1) Il-kunċett ta’ parti interessata

    53.

    Qabelxejn, fir-rigward tal-atturi li jissemmew fir-Regolament bażiku, għandu jingħad li d-dispożizzjonijiet tiegħu jirreferu għal diversi entitajiet, bħalma huma “esportaturi”, “importaturi” u l-“assoċjazzjonijiet rappreżentattivi” (tagħhom), “assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-importaturi jew l-esportaturi”, “min jagħmel l-ilment”, “rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni”, il-“gvern tal-pajjiż ta’ esportazzjoni”, “utenti u organizzazzjonijiet tal-konsumatur” u “partijiet interessati”. Minkejja li dawn il-kategoriji ma humiex iddefiniti fir-Regolament bażiku, mill-Artikoli 5, 6, 10, 11 u 19 tiegħu jirriżulta li dan ir-regolament jagħti lil dawn l-atturi drittijiet differenti ( 26 ).

    54.

    Madankollu, fid-dawl ta’ interpretazzjoni litterali u sistematika tal-Artikolu 5(10) u (11) tar-Regolament bażiku, huwa evidenti li l-espressjoni “partijiet interessati” hija espressjoni wiesgħa li tkopri l-entitajiet imsemmija iktar ’il fuq kollha. B’mod partikolari, meta persuna tkun għamlet lilha nnifisha magħrufa konformement mal-Artikolu 5(10) ta’ dan ir-regolament, hija ssir parti interessata.

    55.

    Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-istatus ta’ parti interessata matul il-proċedura amministrattiva u tad-drittijiet proċedurali tagħha, peress li entitajiet differenti għandhom drittijiet differenti, għandha tiġi ddeterminata wkoll il-kapaċità li fiha din taġixxi, jiġifieri bħala esportatur, bħala importatur, bħala assoċjazzjoni rappreżentattiva jew f’xi kapaċità oħra ( 27 ). F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat ukoll li, għalkemm ir-Regolament bażiku jagħmel distinzjoni bejn l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-esportaturi u r-rappreżentanti tal-pajjiżi tal-esportazzjoni ( 28 ), la dan ir-regolament u lanqas il-ġurisprudenza ma jidhru li jipprovdu indikazzjonijiet preċiżi dwar il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġu ddefiniti dawn il-kunċetti.

    2) Il-kunċett ta’ assoċjazzjoni rappreżentattiva ta’ esportaturi

    56.

    Il-kwistjoni li tqum hija jekk iċ-CCCME hijiex assoċjazzjoni rappreżentattiva ta’ esportaturi fis-sens tar-Regolament bażiku. Kif wieħed jistenna, il-partijiet jaslu għal żewġ tweġibiet opposti. Skont iċ-CCCME, ir-Regolament bażiku ma jelenka ebda kriterji proċedurali jew materjali li jservu sabiex tiġi ddefinita assoċjazzjoni rappreżentattiva ta’ esportaturi. Filwaqt li tibbaża ruħha fuq it-tifsira komuni tat-termini “rappreżentattiva” u “assoċjazzjoni”, iċ-CCCME targumenta li kull korp jew entità li jaġixxu għal jew għan-nom ta’ produtturi esportaturi jistgħu jiġu kkaratterizzati bħala assoċjazzjoni rappreżentattiva ta’ esportaturi fis-sens tar-Regolament bażiku. Hija targumenta li, jekk jiġu miżjuda iktar kriterji, dan ikun ifisser li jkunu qegħdin jiġu inklużi kundizzjonijiet addizzjonali mhux iġġustifikati fl-istatus ta’ assoċjazzjoni rappreżentattiva ta’ esportaturi. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni u l-intervenjenti jargumentaw li l-espressjoni “assoċjazzjoni rappreżentattiva ta’ esportaturi” għandha tiġi ddefinita b’riferiment għal kriterji materjali u proċedurali speċifiċi. B’mod partikolari, huma jargumentaw li t-terminu “assoċjazzjoni” għandu jinftiehem, skont it-tradizzjonijiet komuni għall-Istati Membri tal-Unjoni, fis-sens li jirreferi għal entità li hija inkorporata u li taġixxi b’mod demokratiku u li hija indipendenti mill-gvern.

    57.

    Kif iddikjarat il-Kummissjoni matul is-seduta, minn dan isegwi li, għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-interpretazzjoni tat-terminu “assoċjazzjoni” hija kruċjali. F’dan ir-rigward, ir-Regolament bażiku u l-kuntest tiegħu jipprovdu kriterji materjali u proċedurali li jiddefinixxu“assoċjazzjoni rappreżentattiva ta’ esportaturi”. B’mod partikolari, fir-rigward tal-kriterji proċedurali, ir-Regolament bażiku jipprovdi, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(10), li l-partijiet interessati għandhom jagħmlu lilhom infushom magħrufa ( 29 ). Fir-rigward tal-kriterji materjali, jidher li r-Regolament bażiku ma jiddefinixxix l-espressjoni “assoċjazzjoni rappreżentattiva ta’ esportaturi”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat li din l-espressjoni dehret għall-ewwel darba fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3284/94 ( 30 ), li implimenta l-Ftehim Antidumping tal‑1994, filwaqt li l-verżjonijiet preċedenti kollha tar-regolament antidumping bażiku kienu jirreferu għall-espressjoni “assoċjazzjoni tal-kummerċ” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 31 ).

    58.

    Għalkemm il-kunċett ta’ “assoċjazzjoni tal-kummerċ” intuża fid-dritt tal-WTO, b’mod partikolari fl-Artikolu 6.11(i) tal-Ftehim Antidumping tal‑1994 ( 32 ), il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tispjega, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għaliex, fil-kuntest tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 3284/94 u tal-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim, il-Kunsill kien għamel bidliet fit-test propost jew minn fejn ħarġet l-espressjoni “assoċjazzjoni rappreżentattiva” ( 33 ). B’hekk, ma huwiex ċar għalfejn l-Unjoni adottat l-espressjoni “assoċjazzjoni rappreżentattiva” u ma implimentatx l-istess lingwaġġ użat f’dan il-ftehim. Dan huwa iktar u iktar sorprendenti meta wieħed iqis li l-Artikolu 5(11) tar-Regolament bażiku jirreferi għall-espressjoni “assoċjazzjoni tal-kummerċ”, li, kif qablu l-partijiet matul is-seduta, tirreferi b’mod ċar għal “assoċjazzjoni rappreżentattiva”.

    59.

    Fi kwalunkwe każ, peress li r-Regolament bażiku jimplimenta obbligu internazzjonali li jirriżulta mill-Ftehim Antidumping tal‑1994 fid-dritt tal-Unjoni, għall-finijiet tad-definizzjoni tal-espressjoni “assoċjazzjoni rappreżentattiva” fis-sens tar-Regolament bażiku, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ “assoċjazzjoni tal-kummerċ jew tan-negozju” fis-sens tal-Artikolu 6.11(i) ta’ dan il-ftehim ( 34 ). Skont din id-dispożizzjoni, sabiex taqa’ fit-tifsira ta’ dan il-kunċett, entità għandha tissodisfa żewġ kriterji: l-ewwel, hija għandha tkun “[assoċjazzjoni ta’] kummerċ jew assoċjazzjoni ta’ negozju” u, it-tieni, il-maġġoranza tal-membri tagħha għandhom ikunu produtturi, esportaturi jew importaturi tal-prodott li jkun is-suġġett tal-investigazzjoni. Ser ngħaddi issa biex neżamina dawn iż-żewġ kriterji.

    i) Assoċjazzjoni tal-kummerċ jew tan-negozju

    – Kriterji ġenerali

    60.

    Matul is-seduta, il-partijiet qablu li l-espressjoni “[assoċjazzjoni ta’] kummerċ jew assoċjazzjoni ta’ negozju” li tinsab fl-Artikolu 6.11(i) tal-Ftehim Antidumping tal‑1994 ġiet implimentata fir-Regolament bażiku b’riferiment għal “assoċjazzjoni rappreżentattiva” ( 35 ). Fl-assenza ta’ definizzjoni f’dan l-artikolu u ta’ kwalunkwe riferiment għad-dritt nazzjonali, din l-espressjoni għandha, skont l-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati tat‑23 ta’ Mejju 1969, tiġi interpretata “in bona fide konformement mat-tifsira ordinarja li għandha tingħata lit-termini tat-trattat fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u tal-iskop tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    61.

    F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel jiġi indikat li hemm ċerti diskrepanzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 6.11(i) tal-Ftehim Antidumping tal‑1994 peress li tnejn mit-tliet lingwi uffiċjali tal-WTO jirreferu għal “assoċjazzjoni” – “trade or business association” bl-Ingliż ( 36 ) u “las asociaciones mercantiles, gremiales o empresariales” bl-Ispanjol ( 37 ) – filwaqt li t-tielet lingwa tirreferi għal “grupp” – “un groupement professionnel commercial ou industriel” ( 38 ) bil-Franċiż. It-tifsira ordinarja ta’ dawn l-espressjonijiet tidher li tkopri tipi differenti ta’ organizzazzjonijiet li jiġbru fi ħdanhom u li jipprovdu sostenn lil kumpanniji u persuni li jimpjegaw f’tip partikolari ta’ industrija, kif ukoll li jipproteġu d-drittijiet tagħhom. Barra minn hekk, għal finijiet ta’ kompletezza, għandu jingħad ukoll li, taħt sistemi legali differenti, id-definizzjoni storika ta “assoċjazzjoni tal-kummerċ” kienet tinkludi kmamar u bordijiet tal-kummerċ; assoċjazzjonijiet jew istituti; soċjetajiet għall-protezzjoni tal-kummerċ; assoċjazzjonijiet mhux rappreżentattivi li jipprovdu servizzi kummerċjali ġenerali; kmamar konsultattivi tal-arti u tal-manifattura; u kmamar sindakali tal-kummerċ u tal-industrija ( 39 ). Għaldaqstant, it-tifsira ordinarja ta’ din l-espressjoni ma ssostnix l-approċċ meħud mill-Kummissjoni. Interpretazzjoni tal-Artikolu 6.11(i) tal-Ftehim Antidumping tal‑1994 fis-sens li jkun hemm “assoċjazzjoni rappreżentattiva” fil-każ biss li tkun immexxija b’mod demokratiku ma tirriżulta minn ebda dispożizzjoni ta’ dan il-ftehim ( 40 ).

    62.

    Għaldaqstant, wieħed ma jistax b’mod raġonevoli jistrieħ biss fuq it-tifsira ta’ “assoċjazzjoni” fit-tradizzjonijiet komuni għall-Istati Membri tal-Unjoni, fis-sens li assoċjazzjoni hija inkorporata u taġixxi b’mod demokratiku u li hija indipendenti mill-gvern. Għall-kuntrarju, it-tifsira ordinarja ta’ dan it-terminu tirreferi għal entità li tipprovdi sostenn lil kumpanniji f’tip partikolari ta’ industrija u li tipproteġi d-drittijiet tagħhom.

    63.

    Fir-rigward tal-kuntest, l-espressjoni “assoċjazzjoni tal-kummerċ jew tan-negozju” tidher fil-kuntest multilaterali tal-WTO, li l-ħidma tagħha titwettaq mir-rappreżentanti tal-gvernijiet iżda li l-bażi tagħha tinsab fl-attività ta’ kuljum tal-industrija u tal-kummerċ. B’hekk, il-firxa ta’ entitajiet li jistgħu legalment jiġu kkaratterizzati bħala “assoċjazzjonijiet tal-kummerċ” jew bħala “assoċjazzjonijiet tan-negozju” hija partikolarment wiesgħa. Fil-fehma tiegħi, din il-firxa tista’ tkopri entitajiet li jvarjaw minn kmamar tal-kummerċ u assoċjazzjonijiet ta’ kmamar tal-kummerċ sa gruppi tal-kummerċ industrijali, assoċjazzjonijiet ta’ negozji, assoċjazzjonijiet settorjali jew korpi industrijali ( 41 ). Peress li l-kunċett ta’ “assoċjazzjoni tal-kummerċ jew tan-negozju” joħroġ mill-qafas multilaterali tal-WTO, li huwa kkostitwit minn pajjiżi b’reġimi politiċi u ekonomiċi differenti, jiena kont nargumenta li l-istandard legali applikat għal dan il-kunċett huwa differenti minn dak applikat għall-kunċett ta’ assoċjazzjoni taħt id-dritt nazzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni jew taħt oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni. Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament bażiku, li jimplimenta l-Artikolu 6.11(i) tal-Ftehim Antidumping tal‑1994, il-kunċett ta’ “assoċjazzjoni rappreżentattiva” għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa li tkopri kull tip ta’ entità li tirrappreżenta l-industriji li jkunu s-suġġett ta’ proċedura antidumping.

    – Ir-relazzjoni mal-kunċett ta’ libertà ta’ assoċjazzjoni

    64.

    Skont il-Kummissjoni, assoċjazzjoni ma tistax tkun rappreżentattiva jekk ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 12(1) tal-Karta. Iċ-CCCME, għall-kuntrarju, argumentat matul is-seduta li din id-dispożizzjoni ma għandhiex tkun rilevanti.

    65.

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni stabbilit fl-Artikolu 12(1) tal-Karta, dan id-dritt jikkorrispondi mad-dritt iggarantit fl-Artikolu 11(1) tal-KEDB u, għalhekk, għandu jitqies, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, bħala li għandu l-istess tifsira u portata bħal dan tal-aħħar. B’hekk, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku għandhom jiġu interpretati b’mod li jieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) ( 42 ).

    66.

    F’dan ir-rigward, l-ewwel, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, id-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni huwa wieħed mill-pedamenti essenzjali ta’ soċjetà demokratika u pluralista sa fejn jippermetti liċ-ċittadini jaġixxu b’mod kollettiv f’oqsma ta’ interess reċiproku u b’hekk jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tal-ħajja pubblika ( 43 ). It-tieni, dan id-dritt ma jinkludix biss l-abbiltà li tinħoloq jew li tiġi xolta assoċjazzjoni ( 44 ), iżda jkopri wkoll il-possibbiltà għal din l-assoċjazzjoni li taġixxi, li jfisser, inter alia, li għandha tkun kapaċi twettaq l-attivitajiet tagħha u topera mingħajr interferenza inġustifikata min-naħa tal-Istat ( 45 ).

    67.

    Għalhekk, għalkemm huwa minnu li t-termini tar-Regolament bażiku għandhom jiġu interpretati, inter alia, fid-dawl tad-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni stabbilit fl-Artikolu 12(1) tal-Karta u b’tali mod li jiġi evitat li tinħoloq limitazzjoni inġustifikata għal dan id-dritt, din l-interpretazzjoni ma tistax tintuża sabiex jiġu limitati d-drittijiet ta’ entità li lanqas biss ma tkun qiegħda tinvoka d-dritt għal tali libertà. B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku għandhom jiġu interpretati b’tali mod li operatur ekonomiku ma għandux ikun imġiegħel jew obbligat isir membru ta’ assoċjazzjoni tal-kummerċ jew tan-negozju, sakemm tali ndħil ma jkunx iġġustifikat u proporzjonat ( 46 ).

    68.

    B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma tistax tuża l-libertà ta’ assoċjazzjoni stabbilita f’dawn id-dispożizzjonijiet sabiex tillimita d-drittijiet ta’ entità li ssostni li tirrappreżenta impriżi jew industrija ( 47 ). Fi kliem ieħor, l-obbligu li r-Regolament bażiku jiġi interpretat fid-dawl tal-Karta u tal-KEDB jista’ jimplika l-għoti ta’ drittijiet lill-partijiet involuti fi proċedura antidumping iżda ma jistax jintuża sabiex dawn il-partijiet jitwaqqfu milli jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom iggarantiti fl-Artikoli 41 jew 47 tal-Karta.

    69.

    F’dan ir-rigward, jiena tal-fehma li l-portata tal-libertà ta’ assoċjazzjoni fis-sens tal-Artikolu 12(1) tal-Karta u tal-Artikolu 11 tal-KEDB hija iktar restrittiva mill-kunċett ta’ “assoċjazzjoni rappreżentattiva” taħt ir-Regolament bażiku; dan il-kunċett ikopri l-libertà ta’ assoċjazzjoni, iżda jkopri wkoll il-kunċett ta’ “assoċjazzjoni tal-kummerċ jew tan-negozju” fis-sens tad-dritt internazzjonali tal-kummerċ. Fi kliem ieħor, meta din il-libertà ma tapplikax, entità xorta tista’ tirrappreżenta lill-membri tagħha fis-sens tar-Regolament bażiku u fil-kuntest tad-dritt internazzjonali tal-kummerċ.

    70.

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka din il-libertà sabiex tillimita l-kunċett ta’ assoċjazzjoni rappreżentattiva fis-sens tar-Regolament bażiku u bil-għan li tipprekludi organizzazzjoni milli tirrappreżenta l-membri tagħha jew industrija. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi l-approċċ tal-Kummissjoni, l-entità inkwistjoni, sabiex tkun ikkaratterizzata legalment bħala assoċjazzjoni rappreżentattiva taħt ir-Regolament bażiku, ikollha dejjem tosserva dawn id-dispożizzjonijiet, irrispettivament minn jekk din l-entità tkunx qiegħda tinvoka d-dritt tagħha għal din il-libertà jew le. Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad l-argument imqajjem preċedentement mill-Kummissjoni fis-sens li l-poter pubbliku eżerċitat mill-entità inkwistjoni ( 48 ) jipprekludi l-karatterizzazzjoni tagħha bħala assoċjazzjoni, minħabba li ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 12(1) tal-Karta u l-Artikolu 11 tal-KEDB. Għall-istess raġunijiet, jiena tal-fehma li l-argument tal-Kummissjoni fis-sens li l-entità inkwistjoni ma jistax ikollha setgħat regolatorji, minħabba li ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti, għandu jiġi miċħud.

    71.

    Fi kwalunkwe każ, fil-kawża ineżami, fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma hemm xejn li jissuġġerixxi li l-interpretazzjoni tar-Regolament bażiku fis-sens li jippermetti li ċ-CCCME titqies li hija assoċjazzjoni rappreżentattiva ta’ esportaturi ser twassal għal limitazzjoni inġustifikata ta’ din il-libertà fundamentali fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

    – L-istatut tal-assoċjazzjoni

    72.

    Minn perspettiva prattika, il-kwistjoni ta’ jekk entità hijiex “assoċjazzjoni tal-kummerċ jew tan-negozju” għandha tiġi analizzata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-istatut tagħha. Fil-kawża ineżami, mill-Istatut taċ-CCCME joħroġ b’mod ċar li din hija, inter alia, organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru kkostitwita minn impriżi u istituzzjonijiet involuti fl-esportazzjoni, fl-investiment u fil-kooperazzjoni ta’ makkinarju u prodotti elettroniċi ( 49 ). Skont l-Artikoli 2 u 3 tal-Istatut, l-għan taċ-CCCME huwa li tipprovdi lill-membri tagħha koordinazzjoni, konsultazzjoni u servizzi, li tħares id-drittijiet u interessi leġittimi tal-membri tagħha u li tippromwovi l-iżvilupp tal-industriji mekkaniċi u elettroniċi ( 50 ). Fil-fehma tiegħi, l-iskop, kif iddefinit mill-istatut tagħha, ma jħalli lok għal ebda dubju li ċ-CCCME hija assoċjazzjoni li tirrappreżenta, minn tal-inqas formalment, ċerti produtturi u esportaturi tar-RPĊ.

    73.

    Kwistjoni oħra li tqum hija jekk iċ-CCCME hijiex assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-produtturi tal-prodotti speċifiċi li huma s-suġġett tal-investigazzjoni. Kif jindika isimha, iċ-CCCME hija entità li tirrappreżenta l-produtturi u l-esportaturi ta’ “makkinarju u ta’ prodotti elettroniċi” u “l-industriji mekkaniċi u elettroniċi” ( 51 ). Huwa minnu li dawn l-espressjonijiet vagi ma jispeċifikawx jekk din l-entità tkoprix il-produtturi u l-esportaturi ta’ prodotti speċifiċi, bħalma huma ċerti oġġetti tal-ħadid fondut (għotjien ta’ tappieri). Madankollu, minn qari tal-liċenzji kummerċjali tal-membri taċ-CCCME jidher ukoll li l-attivitajiet ta’ dawn il-membri jinkludu l-ħadid fondut ( 52 ).

    74.

    Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-argumenti tal-Kummissjoni, anki jekk il-prodotti li huma s-suġġett tal-investigazzjoni jirrappreżentaw perċentwali żgħira ħafna tal-prodotti kollha koperti mill-membri tal-assoċjazzjoni, kif jidher li huwa l-każ hawnhekk, l-assoċjazzjoni xorta waħda tista’ tirrappreżenta l-produtturi tal-prodott inkwistjoni meta dawn il-produtturi jirrappreżentaw numru sinjifikattiv ta’ operaturi fis-settur ikkonċernat ( 53 ). Fis-sentenza BEUC vs Il‑Kummissjoni ( 54 ), il-Qorti Ġenerali qieset li parti interessata għandha tkun tista’ turi rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tal-parti u l-prodott ikkonċernat ( 55 ). Għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tal-intervenjenti, ma għandux ikun rilevanti jekk dawn l-oġġetti jissemmewx fis-sit internet taċ-CCCME ( 56 ).

    75.

    Ngħaddi għalhekk għall-qofol tal-kwistjoni: sa fejn l-awtonomija tal-entità mill-Istat għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-karatterizzazzjoni legali tagħha bħala assoċjazzjoni rappreżentattiva tal-esportaturi taħt ir-Regolament bażiku?

    – Awtonomija vs l-interferenza mill-Istat

    76.

    Il-kwistjoni li tqum hija dwar sa fejn entità għandu jkollha konnessjoni mal-gvern tal-Istat li fih tkun stabbilita sabiex jitqies li hija prekluża milli tirrappreżenta lill-membri tagħha.

    77.

    Qabelxejn, għandu jiġi indikat li, għalkemm hija kwistjoni li tiddependi mid-dritt nazzjonali, fid-dritt internazzjonali tal-kummerċ huwa possibbli li ċerti assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-membri tagħhom ikollhom ċerti rabtiet mal-gvern tagħhom sa fejn assoċjazzjonijiet igawdu minn livelli differenti ta’ libertà u ta’ awtonomija taħt il-leġiżlazzjonijiet ta’ Stati differenti. Barra minn hekk, meta assoċjazzjoni tkun stabbilita fi Stat terz u tkun irregolata mid-dritt tiegħu, bħalma huwa l-każ hawnhekk, ikun diffiċli jekk mhux ukoll impossibbli li jiġi evalwat il-livell ta’ awtonomija. Il-Kummissjoni jkollha tipprova li, fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar il-proċedura antidumping, l-assoċjazzjoni inkwistjoni tirrappreżenta lill-Istat, b’tali mod li tipprekludi kwalunkwe rappreżentanza tal-membri tagħha.

    78.

    Fil-kawża ineżami, il-Kummissjoni tinvoka l-Istatut taċ-CCCME sabiex turi li ċ-CCCME hija taħt “is-superviżjoni, l-amministrazzjoni u t-tmexxija kummerċjali” ta’ diversi Ministeri tar-RPĊ ( 57 ). Madankollu, it-termini “superviżjoni, amministrazzjoni u tmexxija kummerċjali” huma wiesgħa ħafna sa fejn jistgħu jimplikaw diversi livelli ta’ influwenza jew ta’ intervent. Għaldaqstant, u fid-dawl tal-evidenza ppreżentata mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti ( 58 ), għalkemm iċ-CCCME tidher li hija entità li fuqha l-Istat Ċiniż jeżerċita xi kontroll, tali termini wiesgħa ma humiex suffiċjenti sabiex jintwera li l-Istat jeżerċita kontroll b’mod li jipprekludi r-rappreżentanza tal-interessi tal-esportaturi jew li ċ-CCCME tikkostitwixxi estensjoni tar-RPĊ.

    79.

    Barra minn hekk, għall-finijiet tal-proċedura antidumping taħt ir-Regolament bażiku, għandu jintwera li l-kontroll eżerċitat mill-Istat japplika speċifikament għad-deċiżjonijiet magħmula minn din l-assoċjazzjoni fir-rigward ta’ din il-proċedura. B’hekk, ċerti konnessjonijiet jew rabtiet mal-gvern ma jipprekludux awtomatikament ir-rappreżentanza simultanja mill-assoċjazzjoni tal-produtturi jew tal-esportaturi fil-kuntest ta’ proċedura antidumping. Minn dan isegwi li, fil-kawża ineżami, għalkemm huwa minnu li l-Istat jeżerċita xi kontroll, il-fatt li l-entità inkwistjoni ma tirrappreżentax lill-membri tagħha fil-proċedura antidumping speċifika inkwistjoni ma ġiex stabbilit.

    80.

    Fi kwalunkwe każ, fil-qasam tad-dritt internazzjonali tal-kummerċ, fejn ħafna drabi l-interessi tal-Istati u tal-kumpanniji jkunu minsuġa f’interessi komuni, l-awtonomija ta’ assoċjazzjoni fil-konfront tal-Istat tidher li hija rilevanti meta l-Istat u l-esportaturi, irrappreżentati minn din l-assoċjazzjoni, ikollhom interessi opposti. Fi kliem ieħor, jekk il-membri tal-assoċjazzjoni jkollhom l-istess interess bħal dak tal-Istat, ma jkunx rilevanti li ssir distinzjoni bejn l-interessi tal-ewwel u tat-tieni. Fil-kawża ineżami, ma ġiex stabbilit li hemm interessi opposti.

    81.

    Fil-prattika, ċerti entitajiet jibbenefikaw minn monopolju legali sabiex iwettqu attività. Jista’ jkun il-każ, fil-kuntest tal-kummerċ internazzjonali, li dawn l-entitajiet ikunu jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jirrappreżentaw lill-membri tagħhom. Fit-tali każ, l-entità inkwistjoni għandha tkun tista’ tipparteċipa fil-proċedura amministrattiva li twassal għall-impożizzjoni ta’ dazji antidumping.

    82.

    Għaldaqstant, l-argumenti bbażati fuq l-interferenza mill-Istat ma humiex suffiċjenti sabiex jeskludu l-possibbiltà li ċ-CCCME tista’ taġixxi fl-interess tal-esportaturi Ċiniżi.

    83.

    Din l-evalwazzjoni ma hijiex imdaħħla inkwistjoni mis-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 1986, DEFI vs Il‑Kummissjoni ( 59 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment ikkonstatat li, skont il-leġiżlazzjoni rilevanti Franċiża, il-Gvern Franċiż kellu s-setgħa jiddetermina l-amministrazzjoni u l-politika tal-organizzazzjoni kkonċernata u għalhekk is-setgħa jiddefinixxi l-interessi li kellhom jiġu protetti minn din l-organizzazzjoni. L-ewwel, f’dik il-kawża, l-Istat kien id-destinatarju tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat u l-impriżi li rċevew l-għajnuna kienu meqjusa biss bħala “partijiet interessati” f’dik il-proċedura, u, bħala tali, tqiesu li ma kellhomx il-kapaċità huma stess li jkunu involuti f’dibattitu bħala avversarji għall-Kummissjoni bl-istess mod li seta’ l-Istat Membru msemmi iktar ’il fuq ( 60 ). Fil-kawża ineżami, għall-kuntrarju, ir-Regolament bażiku jittratta lill-impriżi, lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-kumpanniji u lir-rappreżentanti tal-pajjiżi kkonċernati kollha bħala partijiet interessati. B’hekk, id-distinzjoni magħmula iktar ’il fuq bejn l-Istat u l-impriża fid-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-proċedura antidumping. It-tieni, f’dik il-kawża, l-organizzazzjoni stess ammettiet li ma kinitx qiegħda tirrappreżenta l-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni iżda kienet qiegħda tirrappreżenta l-interessi speċifiċi tagħha. Madankollu, fil-kawża ineżami, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, huwa possibbli li ċ-CCCME hija organizzazzjoni li tirrappreżenta l-industrija Ċiniża fl-intier tagħha. Għaldaqstant, fil-kawża ineżami, peress li s-sitwazzjoni taċ-CCCME ma hijiex l-istess bħal dik tal-organizzazzjoni Franċiża inkwistjoni, it-traspożizzjoni mutatis mutandis tar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 1986, DEFI vs Il-Kummissjoni ( 61 ), ma hijiex possibbli.

    84.

    Fl-aħħar nett, fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni għamlet riferiment għas-sħubija obbligatorja sabiex tistabbilixxi li entità bħalma hija ċ-CCCME ma tistax tkun assoċjazzjoni rappreżentattiva. Madankollu, matul is-seduta, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-argument tagħha kien jikkonċerna biss l-interferenza mill-Istat u li l-kwistjoni tas-sħubija obbligatorja ma kinitx rilevanti għall-finijiet ta’ din il-proċedura. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma ppreżentat ebda evidenza ta’ tali sħubija f’dan il-każ. Matul is-seduta, iċ-CCCME ddikjarat li s-sħubija fiha ma hijiex obbligatorja u, fl-assenza ta’ evidenza kuntrarja, ma hemm ebda lok għal dubju dwar in-natura korretta ta’ din id-dikjarazzjoni.

    – Konklużjoni intermedja

    85.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li, irrispettivament mill-allegata interferenza tar-RPĊ fiċ-CCCME, din l-entità tissodisfa l-ewwel kriterju tad-definizzjoni ta’ assoċjazzjoni tal-kummerċ fis-sens tal-Artikolu 6.11(i) tal-Ftehim Antidumping tal‑1994 u, għalhekk, ta’ assoċjazzjoni rappreżentattiva fis-sens tal-Artikolu 5(11) tar-Regolament bażiku.

    ii) Il-membri huma produtturi, esportaturi jew importaturi tal-prodott li huwa s-suġġett ta’ investigazzjoni

    86.

    Fir-rigward tat-tieni kriterju, skont l-Artikolu 6.11(i) tal-Ftehim Antidumping tal‑1994, il-maġġoranza tal-membri tal-entità inkwistjoni għandhom ikunu produtturi, esportaturi jew importaturi tal-prodott li jkun is-suġġett ta’ investigazzjoni.

    87.

    Il-Kummissjoni essenzjalment targumenta li l-produtturi u l-esportaturi ta’ ħadid fondut ma jirrappreżentawx il-maġġoranza tal-membri taċ-CCCME, u b’hekk din l-assoċjazzjoni ma tistax titqies li tirrappreżenta dawn il-produtturi u esportaturi. Matul is-seduta, il-Kummissjoni żiedet tgħid li l-maġġoranza tal-membri tal-entità inkwistjoni għandhom ikunu kkonċernati mill-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni.

    88.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat li l-prodott li jkun is-suġġett ta’ investigazzjoni jista’ jkun prodott ferm speċifiku, bħalma huwa l-każ hawnhekk. Huwa ferm probabbli li l-esportaturi jew il-produtturi ta’ prodott speċifiku, bħalma huma ċerti oġġetti tal-ħadid fondut, kif inhu l-każ f’din il-kawża, ma jkunux jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-membri ta’ assoċjazzjoni. Ma jidhirx raġonevoli li jkun meħtieġ li jkun hemm assoċjazzjoni għal kull prodott speċifiku. Dan essenzjalment iwassal għal sitwazzjoni fejn, meta l-investigazzjoni antidumping ikollha portata materjali speċifika ħafna, ebda assoċjazzjoni ma tkun tista’ tiġi kkaratterizzata bħala “assoċjazzjoni rappreżentattiva ta’ esportaturi”. Jiena għalhekk tal-fehma li l-Artikolu 6.11(i) tal-Ftehim Antidumping tal‑1994 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-assoċjazzjoni għandha tirrappreżenta “numru sinjifikattiv ta’ operaturi fis-settur ikkonċernat” ( 62 ).

    89.

    Fid-dawl tal-kriterji msemmija iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li, fil-kawża ineżami, ma hemm xejn li jipprekludi li ċ-CCCME tiġi kkaratterizzata bħala assoċjazzjoni rappreżentattiva ta’ esportaturi tal-prodott inkwistjoni. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li ċ-CCCME kienet intitolata tgawdi drittijiet proċedurali taħt ir-Regolament bażiku bħala assoċjazzjoni rappreżentattiva tal-esportaturi tal-industrija Ċiniża tal-ħadid fondut.

    90.

    Għaldaqstant, iċ-CCCME għandha titqies li hija kkonċernata individwalment fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE minħabba n-nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet proċedurali tagħha.

    91.

    Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ inċidenza diretta, għandu jiġi indikat li, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni sempliċement tiddikjara li “l-istess żball ta’ liġi jaffettwa wkoll il-konstatazzjoni ta’ inċidenza diretta fil-punti 71 sa 75 tas-sentenza [appellata] minħabba li l-inċidenza diretta hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li ċ-CCCME tgawdi minn drittijiet proċedurali […], u għalhekk din il-konstatazzjoni għandha titwarrab ukoll”. Madankollu, fid-dawl tar-raġunament espost iktar ’il fuq u fl-assenza ta’ kontestazzjoni iktar issostanzjata mill-Kummissjoni, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali kellha raġun meta qieset, fil-punti 71 sa 75 tas-sentenza appellata, li ċ-CCCME tista’ titqies li hija kkonċernata wkoll direttament minħabba li tkun tista’ tiżgura r-rispett tad-drittijiet proċedurali tagħha fil-każ biss li tkun tista’ tikkontesta r-Regolament kontenzjuż.

    92.

    Bħala konklużjoni, għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twarrab ir-raġunament magħmul fil-punti 58 sa 60 u 68 sa 70 tas-sentenza appellata peress li l-konstatazzjoni li l-Kummissjoni rrikonoxxiet l-istatus taċ-CCCME bħala parti interessata matul il-proċedura amministrattiva ma setgħetx tkun biżżejjed, fil-liġi, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti dwar l-inċidenza individwali fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Madankollu, meta l-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali jkunu vvizzjati bi żball ta’ liġi iżda d-dispożittiv tagħha jkun ibbażat fuq motivi legali oħra, tali żball ta’ liġi ma jistax iwassal għall-annullament ta’ din is-sentenza. Għall-kuntrarju, f’tali sitwazzjoni għandha ssir sostituzzjoni tal-motivi ( 63 ). F’dan il-każ, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li ċ-CCCME għandha tiġi kkaratterizzata bħala assoċjazzjoni rappreżentattiva tal-esportaturi tal-industrija Ċiniża tal-ħadid fondut u, għalhekk, għandha titqies li hija individwalment u direttament ikkonċernata fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE minħabba n-nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet proċedurali tagħha. Nindika wkoll, iżda, li l-portata preċiża tal-garanziji proċedurali mogħtija lil din l-assoċjazzjoni, li hija kwistjoni ta’ mertu u mhux ta’ ammissibbiltà, ser tiddependi mill-interessi kollha rrappreżentati minnha ( 64 ) u ser tkun is-suġġett tal-analiżi tal-ħames aggravju.

    2.   It-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, sa fejn ir-rikors għal annullament ġie ppreżentat miċ-CCCME għan-nom tal-membri tagħha

    93.

    Il-Kummissjoni ssostni li ċ-CCCME ma tistax tiġi kkaratterizzata bħala assoċjazzjoni rappreżentattiva u, għalhekk, ma hijiex individwalment u direttament ikkonċernata fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Il-Kummissjoni tispjega li, quddiem il-Qorti Ġenerali, hija argumentat li d-dritt ta’ assoċjazzjonijiet li jressqu proċedura legali meta jaġixxu għan-nom tal-membri tagħhom huwa permess biss għal assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lil dawn il-membri. Meta ċaħdet, fil-punti 98 sa 103 tas-sentenza appellata, ir-rekwiżit li assoċjazzjoni tista’ tkun rappreżentattiva fil-każ biss li tkun organizzata b’mod demokratiku, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

    94.

    Il-Kummissjoni targumenta li assoċjazzjoni tal-kummerċ, li tkun responsabbli għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-membri tagħha, ma tistax tkun, fl-istess ħin, estensjoni ta’ Stat li huwa organizzat fuq sistema komunista b’partit wieħed. Bħala assoċjazzjoni tal-kummerċ, hija għandha tiddefendi l-interessi tal-membri tagħha, kif iddefiniti b’mod demokratiku minn dawn l-istess membri, fil-konfront tal-istess Stat li tiegħu hija estensjoni. Skont il-Kummissjoni, interpretazzjoni fis-sens li assoċjazzjoni tal-kummerċ tagħmel parti minn Stat u fl-istess ħin tiddefendi l-interessi kollettivi tal-membri tagħha kontra dan l-Istat ma hijiex konformi mal-prinċipji fundamentali ta’ demokrazija rappreżentattiva, prinċipji li huma komuni għat-tradizzjonijiet tal-Istati Membri. It-teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi tal-Istat li fih hija inkorporata l-assoċjazzjoni jmur kontra l-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 3(5) TUE, li jipprovdi li l-Unjoni, fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, għandha tafferma u tippromwovi l-valuri tagħha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja twarrab il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li ċ-CCCME hija assoċjazzjoni tal-kummerċ li għandha s-setgħa tippreżenta rikors għan-nom tal-membri tagħha.

    95.

    L-intervenjenti jsostnu li ċ-CCCME ma hijiex assoċjazzjoni rappreżentattiva fis-sens tal-Artikolu 6(7) tar-Regolament bażiku iżda tirrappreżenta l-pajjiż tal-esportazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Iċ-CCCME, li hija korp semi-Statali, tikkontrolla u tikkoordina l-attivitajiet tal-produtturi esportaturi rrappreżentati minnha. B’hekk, il-fatt li taqdi l-interessi tal-produtturi esportaturi huwa sempliċi konsegwenza tar-rwol semi-Statali u importanti tagħha fl-amministrazzjoni tas-suq domestiku u tas-suq tal-esportazzjoni. Sabiex tkun assoċjazzjoni rappreżentattiva, il-kriterju tar-rappreżentanza għandu jirbaħ fuq dak tal-kontroll.

    96.

    Iċ-CCCME ssostni li hija ma hijiex “estensjoni” tar-RPĊ u ssostni li l-Kummissjoni ma ressqitx evidenza kuntrarja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-eżistenza ta’ rabta ma’ dan l-Istat ma hijiex suffiċjenti għaliex kmamar tal-kummerċ għandhom rabtiet mill-qrib ħafna mal-Istati rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, iċ-CCCME ssostni li l-Kummissjoni, l-ewwel, ma kkontestatx il-konstatazzjoni fattwali magħmula fil-punt 91 tas-sentenza appellata fir-rigward tal-għanijiet taċ-CCCME, it-tieni, ma stabbilixxietx li hija ma kinitx organizzata b’mod demokratiku u, it-tielet, ma tikkontestax li l-għanijiet taċ-CCCME jippermettulha tiftaħ proċeduri legali intiżi li jiddefendu l-interessi tal-membri tagħha. Iċ-CCCME tenfasizza wkoll li l-istatut tagħha juri li l-membri tagħha għandhom id-dritt ta’ vot.

    97.

    Bħala punt preliminari, għandu jiġi enfasizzat li l-kwistjoni ta’ jekk entità hijiex “assoċjazzjoni rappreżentattiva ta’ esportaturi” fis-sens tar-Regolament bażiku ( 65 ) hija kwistjoni differenti minn dik dwar jekk entità tistax tirrappreżenta lill-membri tagħha f’rikors dirett ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-forma ta’ rikors għal annullament. B’hekk, kif spjegat iktar ’il fuq ( 66 ), it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi distinta mill-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbli sa fejn tikkonċerna l-kapaċità taċ-CCCME li tippreżenta rikors għal annullament għan-nom tal-membri tagħha. Il-possibbiltà għal assoċjazzjoni li tirrappreżenta lill-membri tagħha quddiem il-qrati tal-Unjoni, u għalhekk il-locus standi tagħha, tiddependi fuq il-kriterji żviluppati fil-ġurisprudenza dwar ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    98.

    Għandu jiġi indikat li assoċjazzjoni, li hija responsabbli għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi ta’ produtturi, hija, bħala regola, intitolata tippreżenta rikors għal annullament taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE fil-każ biss li l-impriżi rrappreżentati minnha jew uħud minn dawn l-impriżi jkollhom huma stess locus standi ( 67 ). Għaldaqstant, skont din id-dispożizzjoni, rikors ippreżentat minn assoċjazzjoni li taġixxi minflok wieħed jew iktar mill-membri tagħha li setgħu jippreżentaw rikors ammissibbli huma stess ser ikun huwa wkoll ammissibbli ( 68 ), kemm-il darba dawn il-membri ma jkunux ippreżentaw rikors huma stess sabiex jipproteġu l-interess jew l-interessi tagħhom ( 69 ).

    99.

    Madankollu, għandu jiġi indikat li, fid-dritt primarju tal-Unjoni, ma hemm ebda definizzjoni jew kriterju uniformi ta’ assoċjazzjoni li hija responsabbli għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-membri tagħha. F’dan ir-rigward, peress li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma jagħmel ebda riferiment għad-dritt nazzjonali fir-rigward tat-tifsira li għandha tingħata lill-kunċett ta’ assoċjazzjoni, dan il-kunċett għandu jitqies li huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju kollu tal-Unjoni ( 70 ). Skont il-ġurisprudenza, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet segwiti mir-regoli li tagħmel parti minnhom ( 71 ).

    100.

    Peress li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, la d-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jagħtu definizzjoni tat-terminu “assoċjazzjoni” ( 72 ), ser indur lejn il-kuntest tar-regoli li jirregolaw l-assoċjazzjonijiet. Jiena naqbel mal-Kummissjoni li, skont it-tradizzjonijiet komuni għall-Istati Membri, il-kunċett ta’ assoċjazzjonijiet jimplika li dawn l-entitajiet huma liberi li jiggvernaw lilhom infushom mingħajr interferenza mill-Istat konformement mar-regoli u mal-proċeduri tagħhom stess u, b’mod partikolari, b’mod indipendenti mill-gvern u minn awtoritajiet pubbliċi oħra ( 73 ). Dawn il-karatteristiċi joħorġu mid-dritt fundamentali għal-libertà ta’ assoċjazzjoni fis-sens tal-Artikolu 12 tal-Karta u tal-Artikolu 11 tal-KEDB ( 74 ). Għaldaqstant, il-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw dan id-dritt fundamentali, irrikonoxxut mill-Istati Membri kollha, għandhom ikunu konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha raġun meta targumenta li, skont il-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri, b’mod ġenerali, l-Istat ma jipparteċipax fil-proċess deċiżjonali tal-assoċjazzjonijiet ( 75 ). Madankollu, kif intqal iktar ’il fuq ( 76 ), din il-libertà ma tistax tintuża sabiex partijiet jitwaqqfu milli jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom iggarantiti mill-Artikoli 41 u 47 tal-Karta għall-finijiet tal-locus standi fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    101.

    Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja tippermetti interventi minn assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li l-għan tagħhom ikun li jipproteġu l-interessi tal-membri tagħhom f’kawżi li jqajmu kwistjonijiet ta’ prinċipju li jistgħu jolqtu lil dawn il-membri ( 77 ). Madankollu, fis-sentenza Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill ( 78 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-Istat tad-dritt timmilita favur konstatazzjoni li Stat għandu jkollu locus standi sabiex iressaq kawża meta l-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti ( 79 ). Għandu jiġi enfasizzat li, f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssuġġettatx il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors għal annullament prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għall-proċess deċiżjonali demokratiku ta’ Stat terz, għalkemm il-kwistjoni tar-rappreżentanza demokratika ta’ dan l-Istat tista’ effettivament tkun problema. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet approċċ newtrali f’terminu ta’ valuri, b’tali mod li l-locus standi ta’ Stat, li jista’ jinftiehem inter alia bħala komunità politika u kulturali li magħha l-individwi jkunu assoċjati abbażi ta’ diversi kriterji, bħalma huma n-nazzjonalità, ir-residenza jew ir-reliġjon ( 80 ), ma kienx issuġġettat għat-tip ta’ reġim tiegħu u l-proċess deċiżjonali demokratiku bl-ebda mod ma kien fattur f’din id-determinazzjoni.

    102.

    Fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni tiġġustifika, fil-kawża ineżami, ir-rekwiżit ta’ kundizzjoni addizzjonali fir-rigward tan-natura rappreżentattiva tal-assoċjazzjoni inkwistjoni abbażi tal-prinċipji fundamentali ta’ demokrazija u tal-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 3(5) TUE ( 81 ), dan ir-rekwiżit ikollu l-effett li jillimita indebitament l-aċċess taċ-CCCME għall-qorti għan-nom tal-membri tagħha u jillimita l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta.

    103.

    Fir-rigward ta’ dan l-aħħar prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, filwaqt li l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandhom jiġi interpretat fid-dawl tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tali interpretazzjoni ma jistax ikollha l-effett li twarrab il-kundizzjonijiet stabbiliti espliċitament fit-Trattat ( 82 ). Madankollu, f’dan il-każ, ma hemm ebda kundizzjonijiet tali. Għall-kuntrarju, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni proposta mill-Kummissjoni timplika ż-żieda ta’ kundizzjoni ġdida, li għandha l-effett li tillimita l-aċċess ta’ ċerti entitajiet għall-Qorti Ġenerali.

    104.

    Barra minn hekk, ir-raġuni sabiex assoċjazzjoni titħalla taġixxi għan-nom tal-membri tagħha tista’ twassal sabiex il-Qorti Ġenerali ma jkollhiex għalfejn titratta diversi rikorsi u hija konformi mar-rekwiżit ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja sa fejn tista’ tevita l-preżentata ta’ numru kbir ta’ rikorsi ppreżentati kontra l-istess atti mill-membri tal-assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tagħhom ( 83 ). Għaldaqstant, il-kundizzjoni addizzjonali msemmija iktar ’il fuq proposta mill-Kummissjoni ma hijiex iġġustifikata fid-dawl tar-raġuni għal rappreżentanza quddiem il-qrati minn assoċjazzjoni.

    105.

    Permezz tat-tieni eċċezzjoni, il-Kummissjoni tikkritika l-punti 89 sa 103 tas-sentenza appellata li fihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument dwar il-kapaċità taċ-CCCME li tippreżenta rikors għan-nom tal-membri tagħha. F’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni fis-sens li s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Il‑Kunsill vs Growth Energy and Renewable Fuels Association ( 84 ), kienet introduċiet rekwiżit dwar in-natura rappreżentattiva tal-assoċjazzjoni inkwistjoni.

    106.

    Madankollu, fil-fehma tiegħi, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Il‑Kunsill vs Growth Energy and Renewable Fuels Association, ma tintroduċix kundizzjoni addizzjonali marbuta man-natura rappreżentattiva tal-assoċjazzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, f’dik is-sentenza ma hemm xejn li jindika li proċess deċiżjonali demokratiku għandu jkun fattur sabiex tiġi stabbilita n-natura rappreżentattiva ta’ assoċjazzjoni tal-kummerċ.

    107.

    B’mod partikolari, fil-punt 123 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “ma jistax jiġi aċċettat li l-assenza ta’ dritt tal-vot ta’ ċerti membri ta’ assoċjazzjoni, jew ta’ strument ieħor li jippermettilhom jinvokaw l-interessi tagħhom fi ħdan dan tal-aħħar, hija biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-imsemmija assoċjazzjoni ma għandhiex l-għan li tirrappreżenta tali membri”. Hija kkonkludiet li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li kienet l-assoċjazzjoni inkwistjoni li kellha turi mhux biss li l-membri tagħha kienu direttament u individwalment ikkonċernati, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, iżda wkoll li l-membri li l-interessi tagħhom kellha l-intenzjoni tiddefendi kellhom ikunu f’pożizzjoni li jkunu jistgħu jinvokaw l-interessi individwali tagħhom fi ħdan din l-assoċjazzjoni. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja warrbet espliċitament l-invokazzjoni ta’ drittijiet individwali fi ħdan l-assoċjazzjonijiet, jiġifieri r-rekwiżit li l-membri tal-assoċjazzjoni għandu jkollhom il-possibbiltà li l-interessi tagħhom jipprevalu fi ħdan din l-assoċjazzjoni ( 85 ).

    108.

    Barra minn hekk, kif diġà indikat fl-analiżi tal-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-kwistjoni tal-kontroll mill-Istat u tal-proċess deċiżjoni demokratiku tqajjem il-kwistjoni tal-prova ta’ tali proċess deċiżjonali ( 86 ). F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat li, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kkontestat l-evidenza dwar ir-rappreżentanza billi sostniet li “id-deċiżjoni taċ-CCCME li tmexxi [bir-rikors għal annullament]” u l-mandati mogħtija liċ-CCCME ma kinux suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ proċess demokratiku fi ħdan l-assoċjazzjoni. Hija rreferiet ukoll għall-Artikolu 4 tal-Istatut taċ-CCCME, li jirreferi għall-kontroll mill-Ministeri ( 87 ).

    109.

    Tali konnessjoni mal-Istat, kif diġà ntqal ( 88 ), ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi ddikjarat li ċ-CCCME hija estensjoni tal-Istat jew li ċ-CCCME ma hijiex organizzata b’mod demokratiku. Fil-fatt, il-kwistjoni ta’ jekk iċ-CCCME hijiex organizzata b’mod demokratiku hija wiesgħa wisq sabiex jiġi deċiż jekk għandhiex natura rappreżentattiva ( 89 ). Il-Kummissjoni stess taqbel li l-kwistjoni fil-kawża ineżami ma hijiex l-istruttura tad-drittijiet tal-vot iżda l-allegat fatt li ċ-CCCME taġixxi taħt l-istruzzjoni tal-Ministeri rilevanti tar-RPĊ ( 90 ). Madankollu, għandu jiġi indikat li, fil-kawża ineżami, ma hemm ebda indikazzjoni dwar kif ittieħdet id-deċiżjoni li jiġi ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali jew li l-gvern kellu xi rwol fit-teħid ta’ din id-deċiżjoni. L-evidenza mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali ma hijiex biżżejjed sabiex jintwera li d-deċiżjoni li jiġi ppreżentat rikors ittieħdet mingħajr il-kunsens tal-membri jew fuq istruzzjoni minn dan il-gvern.

    110.

    Jiena għalhekk tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li tallega li ċ-CCCME ma tirrappreżentax lill-membri tagħha fi proċeduri legali.

    3.   It-tielet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, sa fejn ir-rikors għal annullament ġie ppreżentat mill-appellanti li ma humiex irrappreżentati miċ-CCCME

    111.

    Il-Kummissjoni tindika li, fir-rigward tal-appellanti l-oħra li ma humiex irrappreżentati miċ-CCCME, quddiem il-Qorti Ġenerali hija kienet argumentat li kien hemm dubji dwar jekk il-firmatarji kinux intitolati jiffirmaw il-mandati. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat, fil-punti 133 sa 137 tas-sentenza appellata, li tivverifika jekk il-firmatarji kellhomx din is-setgħa.

    112.

    Din l-istituzzjoni tibbaża l-argument tagħha fuq is-sentenza Barge vs L‑Awtorità Għolja ( 91 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-avukat li jaġixxi għal parti ma kienx meħtieġ jipproduċi mandat mogħti debitament meta jippreżenta rikors, kemm-il darba jipproduċi prova li kien awtorizzat jagħmel dan fil-każ li ssir kontestazzjoni. Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 38 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-seħħ dak iż-żmien ma kien jipprevedi ebda obbligu li jiġi prodott mandat fil-każ ta’ rikorsi ppreżentati minn persuni privati. Madankollu, f’dak il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-Istatut tagħha, ippermettiet lill-parti l-oħra tikkontesta l-eżistenza ta’ “awtorità mogħtija debitament” u ddeċidiet li, f’tali sitwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija meħtieġa titlob prova tiegħu. Emenda tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ma tistax tmur kontra rekwiżit stabbilit fl-Istatut, li għandu pożizzjoni ogħla mir-Regoli tal-Proċedura fil-ġerarkija tan-normi.

    113.

    Fil-kawża ineżami, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrikjedi lill-appellanti l-oħra jipproduċi d-dokumenti meħtieġa sabiex jiġi vverifikat jekk il-mandati kinux ingħataw debitament.

    114.

    L-appellanti jsostnu li, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ma qajmet ebda dubju dwar jekk il-firmatarji kellhomx is-setgħa jiffirmaw il-mandati, iżda kkontestat in-natura kompleta tad-dokumenti formali. Il-Qorti Ġenerali kellha raġun meta kkonfermat li r-Regoli tal-Proċedura tagħha ma jeħtiġux prova li l-awtorità mogħtija lill-avukat ingħatatlu minn xi ħadd awtorizzat jagħmel dan. Madankollu, hija ma kkonstatatx li hija ma kinitx għadha meħtieġa tivverifika jekk il-persuna li tiffirma mandat kinitx effettivament awtorizzata tagħmel dan. Il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat li d-dokumenti mandatorji kienu korretti. Il-Kummissjoni ma daħlitx inkwistjoni l-fatt li l-mandati ngħataw minn persuni li kellhom l-awtorità jagħmlu dan. Fl-assenza ta’ argumenti ssostanzjati li jistgħu jdaħħlu inkwistjoni dan, il-Qorti Ġenerali ma hijiex meħtieġa titlob il-produzzjoni ta’ tali prova.

    115.

    Qabelxejn, għandu jiġi osservat li, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni argumentat li, fir-rigward ta’ sebgħa mill-persuni ġuridiċi l-oħra li isimhom jidher fl-Anness I tas-sentenza appellata, il-pożizzjoni tal-persuna li ffirmat il-mandat kienet “maniġer ġenerali”, “direttur maniġerjali”, “kontrollur finanzjarju” jew “direttur”, mingħajr spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni addizzjonali dwar jekk din il-persuna kellhiex is-setgħa tiffirma tali mandat taħt id-dritt Ċiniż. Fir-rigward taż-żewġ persuni ġuridiċi l-oħra li isimhom jidher f’dan l-anness, il-Kummissjoni sostniet li dawn ipprovdew mandat li ma kienx jindika l-pożizzjoni tal-firmatarju u, barra minn hekk, ma annettew ebda dokument li jistabbilixxi li l-firmatarju kellu s-setgħa jiffirma tali dokument.

    116.

    F’dan ir-rigward, skont it-tielet u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li japplika għall-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-Artikolu 53 ta’ dan l-Istatut ( 92 ), partijiet li ma jkunux Stati Membri u istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu rrappreżentati minn avukat li jkun awtorizzat jipprattika, b’mod partikolari, quddiem qorti ta’ Stat Membru.

    117.

    Sabiex rikors għal annullament ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li jintwera li l-persuna kkonċernata kienet effettivament ħadet id-deċiżjoni li tippreżenta r-rikors u li l-avukati li jsostnu li qegħdin jirrappreżentaw lil din il-persuna kienu effettivament awtorizzati jagħmlu dan ( 93 ). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 51(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi li, meta l-parti li jkunu qegħdin jirrappreżentaw tkun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, l-avukati għandhom jippreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali mandat maħruġ minn din tal-aħħar, u n-nuqqas li jiġi ppreżentat tali mandat jista’ jwassal, skont l-Artikolu 51(4) ta’ dawn ir-Regoli, għall-inammissibbiltà formali tar-rikors.

    118.

    Fir-rigward tal-Artikolu 51(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għandu jiġi osservat li, b’differenza minn verżjoni preċedenti ta’ dawn ir-Regoli ( 94 ), din id-dispożizzjoni ma tipprovdix li parti għandha tipprovdi evidenza li l-mandat mogħti lill-avukat tar-rikorrent kien ingħatalu debitament minn xi ħadd awtorizzat jagħmel dan. Fil-ġurisprudenza tagħha stess, mill-emenda tar-Regoli tal-Proċedura l-Qorti Ġenerali ddeduċiet li ebda evidenza ta’ dan it-tip ma hija meħtieġa ( 95 ).

    119.

    Madankollu, jiena tal-fehma li r-rilassament tar-regoli proċedurali fl-istadju tal-preżentata ta’ rikors għal annullament ma jaffettwax ir-rekwiżit materjali msemmi iktar ’il fuq marbut mar-rappreżentanza tar-rikorrenti mill-avukati tagħhom kif stabbilit fl-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li huwa f’livell għola mir-Regoli tal-Proċedura fil-ġerarkija tan-normi. F’sentenza reċenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kundizzjoni ta’ indipendenza imposta fl-Artikolu 19 fuq ir-rappreżentanti ta’ partijiet mhux ipprivileġġjati tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ restrittiv mill-qrati tal-Unjoni ( 96 ). B’analoġija, l-istess livell ta’ stħarriġ għandu jiġi applikat għar-rekwiżit marbut mar-rappreżentanza fir-rigward tal-validità tal-mandat mogħti lill-avukat tar-rikorrent.

    120.

    Għaldaqstant, il-fatt li d-dispożizzjoni l-ġdida, l-Artikolu 51(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ma tagħmilx riferiment espliċitu għar-rekwiżit ta’ tali prova ma jeżentax lill-Qorti Ġenerali milli tivverifika l-validità tal-awtorità ż tal-persuna li tiffirma l-mandat meta l-parti l-oħra tikkontesta espliċitament tali validità. Il-Kummissjoni għandha raġun meta tindika li, fil-każ ta’ kontestazzjoni tal-validità tal-mandat mogħti minn parti lill-avukat tagħha, din il-parti għandha tkun tista’ turi li l-persuna li ffirmat il-mandat kellha debitament is-setgħa li tagħmel dan ( 97 ).

    121.

    B’hekk, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li, peress li r-Regoli tal-Proċedura tagħha ma jeħtiġux prova li l-mandat mogħti lil avukat ġie stabbilit minn xi ħadd awtorizzat jagħmel dan, il-kontestazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-legalità ta’ dan il-mandat kellha tiġi miċħuda.

    122.

    B’dan premess, meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni tikkontesta l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, hija għandha, minn tal-inqas, iġġorr l-oneru li turi l-eżistenza ta’ każ prima facie f’dan is-sens. Fil-kawża ineżami, il-Kummissjoni tinvoka biss sempliċi allegazzjonijiet. Hija tinvoka, l-ewwel, il-fatt li ċerti firmatarji tal-mandati inkwistjoni ma jispeċifikawx ir-rwol tagħhom u ma jannettu ebda dokument li juri s-setgħa li jiffirmaw tali atti. It-tieni, il-Kummissjoni tibbaża l-argumenti tagħha fuq il-fatt li ċerti firmatarji, li speċifikaw il-pożizzjoni tagħhom ta’ direttur maniġerjali, uffiċjal eżekuttiv ewlieni, kontrollur finanzjarju jew direttur, ma pproduċewx prova li, taħt id-dritt Ċiniż, huma kienu awtorizzati jiffirmaw tali mandati. Madankollu, tali allegazzjonijiet għandhom ikunu ssostanzjata debitament ( 98 ).

    123.

    Minn dan isegwi li l-punt 136 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi. Madankollu, meta l-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali jkunu vvizzjati bi ksur tad-dritt tal-Unjoni iżda d-dispożittiv tagħha jkun fondat fuq motivi legali oħra, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ din is-sentenza. Għall-kuntrarju, għandha ssir sostituzzjoni tal-motivi ( 99 ). Fil-kawża ineżami, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja twarrab dan il-punt u tqis li l-argumenti tal-Kummissjoni ma jikkostitwixxux kontestazzjoni materjali fis-sens li l-mandat mogħti mill-avukat tar-rikorrent ma kienx ingħatalu debitament minn xi ħadd awtorizzat jagħmel dan.

    124.

    Ser ngħaddi issa għall-mertu tal-kawża, filwaqt li niffoka b’mod partikolari fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju kif ukoll fuq it-tieni u l-ħames aggravju.

    B. L-ewwel parti tal-ewwel aggravju

    125.

    Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-punti 152 sa 211 u 398 sa 403 tas-sentenza appellata sa fejn naqset milli tikkonstata ksur tal-Artikolu 3(2), (3), (5), (6) u (7) tar-Regolament bażiku u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba fir-rigward tad-data dwar l-importazzjoni.

    126.

    Nibda billi nindika li l-Kummissjoni għamlet aġġustamenti fid-data tal-importazzjoni, li huma deskritti fil-punti 159 sa 166 tas-sentenza appellata. Essenzjalment, dawn l-aġġustamenti kienu bbażati fuq l-idea li l-proporzjonijiet tal-volumi tad-diversi prodotti koperti mill-istess kodiċi tal-prodott baqgħu l-istess matul iż-żmien u bejn il-pajjiżi. L-appellanti kkontestaw dawn l-aġġustamenti quddiem il-Qorti Ġenerali filwaqt li sostnew li dan il-metodu kien ibbażat fuq suppożizzjonijiet inġustifikati u irraġonevoli, b’tali mod li l-volumi meħuda inkunsiderazzjoni ma kinux ibbażati fuq evidenza pożittiva.

    127.

    Fil-punt 196 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn l-argumenti. Hija ddeċidiet li, fl-assenza ta’ informazzjoni iktar preċiża u iktar reċenti ta’ affidabbiltà simili jew ikbar, fid-dawl tan-natura raġonevoli u plawżibbli tal-istimi ppreżentati mill-Kummissjoni u, fid-dawl tad-diskrezzjoni wiesgħa li tgawdi minnha dik l-istituzzjoni, il-volum tal-importazzjonijiet kien stabbilit b’mod korrett.

    128.

    Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellanti jressqu żewġ argumenti, li ser ngħaddi biex neżamina.

    1.   Data ta’ referenza użata bħala bażi

    129.

    L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet li d-data dwar l-importazzjoni li fuqha bbażat ruħha l-Kummissjoni setgħet titqies li hija evidenza pożittiva, u li l-użu tagħha kien iġġustifikat. Huma jsostnu li r-raġunament magħmul fis-sentenza appellata ma jindirizzax il-kritika dwar is-suppożizzjoni, li fuqha bbażat ruħha l-Kummissjoni, li l-proporzjon tal-volumi u tal-prezzijiet tal-prodotti taħt kodiċi partikolari, mislut min-Nomenklatura Magħquda (NM) ( 100 ) fis-snin użati bħala bażi, kien baqa’ l-istess matul is-snin sussegwenti u kien applikat għal oriġini differenti. Huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni kienet intitolata tieħu inkunsiderazzjoni d-data tas-sena ta’ referenza. B’mod partikolari, l-appellanti jikkontestaw il-punt 194 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali taqbel mal-applikazzjoni tal-istimi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tiċħad l-ewwel parti tal-ewwel motiv invokat fl-ewwel istanza. Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma tindirizzax l-argument tagħhom li l-Kummissjoni ma kinitx intitolata tibbaża ruħha fuq is-suppożizzjoni msemmija iktar ’il fuq.

    130.

    L-appellanti jargumentaw li, fl-assenza ta’ evidenza ta’ sostenn, tali suppożizzjoni ma tistax tkun raġonevoli u ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ evidenza pożittiva taħt l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku. Id-data dwar l-importazzjoni tintuża speċifikament sabiex jiġu evalwati l-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet u d-differenzi bejn il-pajjiżi. L-appellanti għalhekk huma tal-fehma li s-suppożizzjoni li ma kien hemm ebda tali evoluzzjoni hija assurda.

    131.

    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, targumenta li l-Qorti Ġenerali ma żbaljatx meta kkonstatat li r-rekwiżit ta’ evidenza pożittiva taħt l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku kien issodisfatt.

    132.

    Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn diskrezzjoni wiesgħa fil-qasam, b’mod partikolari, tal-miżuri antidumping u tad-determinazzjoni tad-dannu, minħabba n-natura kumplessa tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u legali li jkollhom jeżaminaw ( 101 ).

    133.

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha l-kompitu, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, li tipprovdi evidenza pożittiva u li twettaq eżami oġġettiv tad-data dwar l-elementi tad-dannu ( 102 ).

    134.

    Għaldaqstant, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tistħarreġ biss jekk hemmx żbalji ta’ liġi, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk ir-regoli proċedurali rilevanti kinux osservati, jekk il-fatti li fuqhom hija bbażata l-għażla kkontestata kinux iddikjarati b’mod preċiż u jekk kienx hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni jew użu ħażin ta’ poter. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni, li teħtieġ evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi ( 103 ). Barra minn hekk, huwa r-rikorrent li għandu jressaq evidenza li tippermetti lill-qorti tal-Unjoni tikkonstata li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeterminat id-dannu ( 104 ).

    135.

    Barra minn hekk, l-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evidenza li fuqha l-istituzzjonijiet ibbażaw il-konstatazzjonijiet tagħhom ma jikkostitwixxix evalwazzjoni ġdida tal-fatti li tieħu post dik magħmula mill-istituzzjonijiet. Dan l-istħarriġ ma jinterferixxix fid-diskrezzjoni wiesgħa ta’ dawn l-istituzzjonijiet fil-qasam tal-politika kummerċjali, iżda sempliċement jevalwa jekk din l-evidenza setgħetx tissostanzja l-konklużjonijiet li waslu għalihom l-istituzzjonijiet. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tistabbilixxi biss jekk l-evidenza użatha hijiex fattwalment preċiża, affidabbli u konsistenti, iżda għandha tivverifika wkoll jekk din l-evidenza kinitx tinkludi l-informazzjoni rilevanti kollha li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk setgħetx tissostanzja l-konklużjonijiet misluta minnha ( 105 ).

    136.

    Fil-kawża ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi jekk il-Qorti Ġenerali kellhiex raġun taqbel mal-approċċ tal-Kummissjoni li jinvolvi l-estrapolazzjoni ta’ volumi assoluti u relattivi tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat għas-snin u għall-pajjiżi ta’ referenza għal snin sussegwenti u għal pajjiżi oħra.

    137.

    Fir-rigward tal-użu tad-data tal-Eurostat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mhux biss l-użu tagħha huwa xieraq għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ dannu ( 106 ), iżda l-Kummissjoni għandha wkoll twettaq eżami “bid-diliġenza meħtieġa” meta din id-data tiġi kkontestata ( 107 ). Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa evidenti li “kontestazzjoni” tad-data tal-Eurostat tfisser li l-partijiet għandhom juru l-eżistenza ta’ nuqqas materjali ta’ preċiżjoni, li jikkostitwixxi żball fattwali ( 108 ). Din ir-regola toħroġ mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, li tindika li huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi evidenza li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeterminat id-dannu. Għandu jingħad li l-appellanti argumentaw, quddiem il-Qorti Ġenerali, li la l-Kummissjoni u lanqas min għamel l-ilment ma spjegaw għalfejn dawn is-suppożizzjonijiet kienu ġġustifikati jew raġonevoli, li l-Kummissjoni ma pprovatx tikseb informazzjoni sabiex tivverifika n-natura preċiża ta’ dawn is-suppożizzjonijiet u, għalhekk, li d-data dwar l-importazzjoni ma hijiex ibbażata fuq evidenza pożittiva ( 109 ). B’hekk, l-appellanti kienu qegħdin essenzjalment jipprovaw jgħaddu l-oneru tal-prova fuq il-Kummissjoni u jeħilsu lilhom infushom milli effettivament jikkontestaw l-affidabbiltà tad-data użata.

    138.

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kellha raġun meta ddeċidiet li, jekk il-partijiet ikollhom l-intenzjoni jikkontestaw l-affidabbiltà tad-data użata mill-Kummissjoni dwar il-volum tal-importazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ dumping, huma għandhom jissostanzjaw l-argumenti tagħhom b’evidenza li tkun tista’ tixħet dubju speċifiku fuq il-kredibbiltà tal-metodu jew tad-data użati minn dik l-istituzzjoni ( 110 ). Fil-kawża ineżami, il-Qorti Ġenerali ma identifikatx tali żball fattwali u, f’dan l-istadju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tastjeni milli tevalwa mill-ġdid il-fatti, li ma taqax fil-kompetenza tagħha fi proċedura ta’ appell.

    139.

    Fir-rigward tal-aġġustamenti u tal-estrapolazzjonijiet għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dannu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilixxietx standard dwar x’jikkostitwixxi aġġustament jew estrapolazzjoni permissibbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk għandha tevalwa jekk l-aġġustamenti u l-estrapolazzjonijiet inkwistjoni humiex permissibbli fid-dawl tar-rapporti tal-Korp tal-Appell tal-WTO dwar l-Artikolu 3.1 tal-Ftehim Antidumping tal‑1994.

    140.

    F’dan ir-rigward, fir-rapport tiegħu “US – Hot-Rolled Steel”, il-Korp tal-Appell tal-WTO kkonstata li l-espressjoni “evidenza pożittiva” tirrigwarda “il-kwalità tal-evidenza li l-awtoritajiet jistgħu jibbażaw ruħhom fuqha meta jagħmlu determinazzjoni” u li l-kelma “pożittiva” tfisser “li l-evidenza għandha tkun ta’ natura affermattiva, oġġettiva u verifikabbli, u li għandha tkun kredibbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 111 ).

    141.

    Barra minn hekk, fir-rapport tiegħu “Mexico – Anti-Dumping Duties on Rice”, il-Korp tal-Appell tal-WTO aċċetta li, fil-limiti tad-diskrezzjoni li għandha awtorità investigattiva fl-adozzjoni ta’ metodoloġija sabiex tiggwida l-analiżi tagħha tad-dannu, huwa normali li din l-awtorità jaf ikollha tibbaża ruħha fuq suppożizzjonijiet raġonevoli jew tagħmel deduzzjonijiet. Huwa żied, madankollu, li, meta tagħmel hekk, l-awtorità investigattiva għandha tiżgura li d-determinazzjonijiet magħmula minnha jkunu bbażati fuq “evidenza pożittiva”. B’hekk, meta determinazzjoni tkun ibbażata fuq suppożizzjonijiet, dawn is-suppożizzjonijiet għandhom ikunu misluta minn deduzzjonijiet raġonevoli magħmula minn bażi kredibbli ta’ fatti u għandhom ikunu spjegati b’mod suffiċjenti b’tali mod li n-natura oġġettiva u kredibbli tagħhom tkun tista’ tiġi vverifikata ( 112 ). Fil-każ li kellu quddiemu, il-Korp tal-Appell tal-WTO kkonstata li l-awtorità investigazzjoni inkwistjoni kienet mistennija “tissostanzja n-natura raġonevoli u kredibbli ta’ suppożizzjonijiet partikolari” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 113 ).

    142.

    Minn dawn ir-rapporti jirriżulta li, meta d-data li tippermetti l-istabbiliment dirett tal-eżistenza ta’ ċerti fatti ma tkunx disponibbli, l-awtorità investigattiva tista’ tiddetermina l-eżistenza ta’ dannu abbażi ta’ data aġġustata misluta minn deduzzjonijiet raġonevoli jew minn suppożizzjonijiet raġonevoli. Dan iqajjem il-kwistjoni ta’ x’jikkostitwixxi deduzzjoni raġonevoli jew suppożizzjoni raġonevoli. Fil-fehma tiegħi, suppożizzjoni jew deduzzjoni jkunu raġonevoli meta jkun hemm probabbiltà ikbar li jkunu veri milli le. Din hija evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ ipoteżijiet, fejn deduzzjonijiet raġonevoli għandhom probabbiltà għolja li jkunu veri. L-ewwel, għal dan il-għan, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq deduzzjoni magħmula abbażi ta’ aġġustamenti ta’ data magħrufa, din id-data għandha tkun affidabbli u korretta. B’hekk, il-Kummissjoni normalment tuża d-data tal-Eurostat, li tkun inġabret skont proċedura stabbilita sew li tinvolvi livell suffiċjenti ta’ skrutinju. It-tieni, l-aġġustament għandhom isiru bl-applikazzjoni ta’ metodu plawżibbli u trasparenti, b’tali mod li tiġi żgurata deduzzjoni ferm probabbli, li tista’ tikkostitwixxi deduzzjoni raġonevoli jew suppożizzjoni raġonevoli ( 114 ).

    143.

    Għaldaqstant, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-aġġustamenti u tal-estrapolazzjonijiet għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dannu, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jkun limitat għal verifika ta’ jekk is-suppożizzjoni li fuqha tkun ibbażat ruħha l-Kummissjoni hijiex ibbażata fuq data li hija affidabbli u korretta u ta’ jekk l-aġġustamenti twettqux bl-applikazzjoni ta’ metodu plawżibbli u trasparenti. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kien imissha eżaminat jekk l-aġġustamenti u l-estrapolazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tad-data tal-Eurostat dwar il-prodotti kkonċernati kinux jikkostitwixxu deduzzjoni raġonevoli jew suppożizzjoni raġonevoli.

    144.

    Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali spjegat fid-dettall il-mod kif il-Kummissjoni għamlet aġġustamenti u estrapolazzjonijiet u jekk id-data użata mill-Kummissjoni setgħetx tiġi kkaratterizzata legalment bħala evidenza pożittiva ( 115 ). L-ewwel, hija ddeskriviet il-proġezzjoni ta’ 30 % tal-volum tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping għall-perijodu ta’ wara l‑2014. Essenzjalment, il-Kummissjoni kienet qiegħda tibbaża ruħha fuq data eżistenti magħrufa, jiġifieri d-diviżjoni tal-prodotti importati qabel l‑2014 ( 116 ). It-tieni, peress li l-perċentwali preċiża tad-diviżjoni tal-pajjiż ta’ oriġini ta’ ċerti prodotti ma kinitx magħrufa, il-Qorti Ġenerali spjegat il-metodu għall-finijiet tal-istima tal-perċentwali tal-volum ta’ importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat skont il-pajjiż ta’ oriġini ( 117 ). It-tielet, il-Qorti Ġenerali kkjarifikat kif il-Kummissjoni, ex officio, iddeduċiet il-volum ta’ kategorija speċifika ta’ prodotti (spralli tal-kanali) billi ħadet inkunsiderazzjoni l-bejgħ medju ta’ dawn il-prodotti mwettaq mill-produtturi esportaturi użati bħala kampjun matul il-perijodu tal-investigazzjoni ( 118 ). Fid-dawl ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet iddettaljati, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet, prima facie, li dawn il-metodi kienu plawżibbli u trasparenti. Il-Qorti Ġenerali mbagħad evalwat fid-dettall it-tliet ilmenti mressqa mill-appellanti ( 119 ).

    145.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fl-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali essenzjalment ikkonstatat li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq proporzjonijiet affidabbli u preċiżi marbuta ma’ perijodi preċedenti jew ma’ pajjiżi ta’ oriġini differenti. B’hekk, fil-punt 196 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-istimi ppreżentati mill-Kummissjoni kienu “raġonevoli” u “plawżibbli”. Essenzjalment, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-aġġustamenti u l-estrapolazzjonijiet kienu bbażati fuq bażi kredibbli u kienu adegwati. B’hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet eżami tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u tal-probabbiltà raġonevoli li din is-suppożizzjoni hija vera, li, fil-fehma tiegħi, kif spjegat iktar ’il fuq ( 120 ), hija l-istandard legali korrett.

    146.

    B’mod partikolari, matul is-seduta l-appellanti argumentaw li ċertament kien hemm bidliet fil-proporzjonijiet tal-prodotti inkwistjoni u li suppożizzjoni li ma kienx hemm bidliet kienet “manifestament illoġika”. Huma argumentaw li, skont “loġika sempliċi”, il-proporzjonijiet tal-prodotti nbidlu matul iż-żmien. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali kellha raġun meta kkonstatat li l-istimi kienu plawżibbli u raġonevoli u, għalhekk, li kien raġonevoli għall-Kummissjoni li tassumi li l-volumi tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ta’ kodiċi NM partikolari jew minn pajjiż partikolari kienu baqgħu kostanti matul iż-żmien. Kif sostnew l-intervenjenti matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa raġonevoli li wieħed jassumi li d-domanda għaż-żewġ prodotti inkwistjoni, jiġifieri għamara urbana u għotjien ta’ tappieri, kienet stabbli qabel u wara l‑2014, peress li dawn iż-żewġ prodotti għandhom ħajja pjuttost twila u peress li l-volum tal-importazzjonijiet ta’ dawn il-prodotti kien baqa’ stabbli matul iż-żmien. B’hekk, kien hemm probabbiltà kbira li l-proporzjon ta’ dawn il-prodotti baqa’ l-istess qabel l‑2014, meta kien hemm data dwar dan il-proporzjon, u wara l‑2014, meta ma kienx hemm tali data. Kif spjegat iktar ’il fuq, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq data magħrufa u segwiet metodu plawżibbli u trasparenti, u b’hekk waslet għal konklużjoni li għandha probabbiltà għolja li hija vera. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma żbaljatx meta kkonstatat li d-deduzzjoni misluta mill-Kummissjoni kienet raġonevoli.

    147.

    B’hekk, fid-dawl tar-rapporti msemmija iktar ’il fuq tal-Korp tal-Appell tal-WTO li jaċċettaw “deduzzjonijiet raġonevoli” ( 121 ) u tad-diskrezzjoni wiesgħa li għandha l-Kummissjoni ( 122 ), jiena tal-fehma li d-data dwar il-prodott ikkonċernat tista’ tiġi estrapolata u aġġustata kif spjegat ( 123 ). L-aġġustamenti u l-estrapolazzjoni inkwistjoni jikkostitwixxu evidenza pożittiva fis-sens tar-rapporti tal-Korp tal-Appell tal-WTO u fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku. B’hekk, fil-punti 183 sa 196 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta ċaħdet il-kritika tal-appellanti u approvat l-istimi inkwistjoni.

    2.   Ċaħda tad-data alternattiva

    148.

    Fl-appell tagħhom, l-appellanti jikkritikaw il-fatt li, fil-punti 178 u 179 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet id-data alternattiva pprovduta minnhom. Quddiem il-Qorti Ġenerali, huma argumentaw li l-Kummissjoni kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni d-data dwar l-esportazzjoni tad-dwana Ċiniża, li turi li l-istimi tal-Unjoni kienu ogħla milli suppost ( 124 ).

    149.

    L-appellanti, sabiex jevitaw li jwieġbu għad-data effettivament użata mill-Kummissjoni, ippreżentaw data alternattiva. Fil-punti 178 u 179 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdet l-argumenti tal-appellanti billi ddikjarat li huwa r-rikorrent fl-ewwel istanza li, jekk ikun jixtieq jikkontesta l-affidabbiltà tad-data użata mill-Kummissjoni dwar il-volum tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, għandu jissostanzja l-argumenti tiegħu b’evidenza ta’ natura li tixħet dubju speċifiku fuq il-kredibbiltà tal-metodu jew tad-data użati minn dik l-istituzzjoni. B’hekk, il-Qorti Ġenerali fakkret li rikorrent ma jistax sempliċement jipprovdi ċifri alternattivi, iżda għandu jipprovdi evidenza ta’ natura li ddaħħal inkwistjoni d-data pprovduta mill-Kummissjoni.

    150.

    Fl-appell, jidher li l-appellanti ma jidentifikawx xi żball ta’ liġi speċifiku f’din l-analiżi, u għalhekk dan l-argument huwa inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat. Għar-raġunijiet spjegati iktar ’il fuq ( 125 ), il-partijiet għandhom jissostanzjaw l-argumenti tagħhom b’evidenza ta’ natura li tixħet dubju speċifiku fuq il-kredibbiltà tal-metodu jew tad-data użati minn dik l-istituzzjoni ( 126 ), iktar milli sempliċement jipprovdu ċifri alternattivi minn sorsi differenti. Kif spjegat iktar ’il fuq, huwa r-rikorrent li għandu jippreżenta evidenza li tippermetti lill-qorti tal-Unjoni tikkonstata li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tad-dannu ( 127 ).

    151.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel parti tal-ewwel aggravju bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

    C. It-tieni aggravju

    152.

    L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 302 sa 311 tas-sentenza appellata sa fejn eżaminat biss l-argumenti tagħhom dwar l-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ waħda mill-impriżi tal-Unjoni (Saint-Gobain PAM), u ma eżaminatx dawk dwar il-profittabbiltà tagħha. B’mod partikolari, fid-dawl tal-fatt li Saint-Gobain PAM biegħet il-prodott ikkonċernat kemm direttament lil klijenti indipendenti u kemm indirettament permezz ta’ entitajiet ta’ bejgħ relatati, l-uniku mod kif jiġi ddeterminat il-profitt effettivament magħmul mill-grupp Saint-Gobain PAM kien li jitqabblu, minn naħa, il-prezzijiet tal-bejgħ lil klijenti mhux relatati u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-produttur u l-ispejjeż tal-bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u l-ispejjeż amministrattivi tal-bejjiegħa mill-ġdid (iktar ’il quddiem l-“ispejjeż operattivi”).

    153.

    Billi ħadet inkunsiderazzjoni biss l-ispejjeż tal-produzzjoni sostnuti minn Saint-Gobain PAM fil-kuntest tal-manifattura, irrispettivament mit-tip ta’ bejgħ li mbagħad isir, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-profittabbiltà globali ta’ din l-impriża, il-profitti “moħbija” miksuba mill-produttur mill-bejgħ lil entitajiet relatati. Matul is-seduta, l-appellanti argumentaw li l-Kummissjoni eskludiet l-ispejjeż tal-bejjiegħa mill-ġdid indipendenti.

    154.

    B’mod partikolari, l-appellanti jargumentaw li, f’sitwazzjoni fejn l-entitajiet tal-bejgħ relatati jagħmlu profitt ta’ 2 % fuq il-bejgħ tagħhom lil klijenti mhux relatati, u fejn il-produttur jagħmel profitt ta’ 10 % fuq il-bejgħ tiegħu lill-entitajiet tal-bejgħ relatati, il-profitt totali reali tal-grupp Saint-Gobain PAM ikun it-total taċ-ċifri li jirriżultaw minn dawn il-perċentwali. Madankollu, meta applikat il-metodu tagħha stess, il-Kummissjoni allegatament ikkonkludiet, f’din is-sitwazzjoni, li l-grupp Saint-Gobain PAM għamel profitt totali ta’ 2 % biss. Il-profitt addizzjonali ta’ 10 % miksub mill-produttur fuq il-bejgħ tiegħu lill-entitajiet tal-bejgħ relatati jibqa’ “moħbi”, u dan il-bejgħ jitqies bħala spejjeż għall-finijiet tal-analiżi tad-dannu.

    155.

    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, targumenta li t-tieni aggravju huwa inammissibbli.

    156.

    Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, determinazzjoni ta’ dannu għandha tkun ibbażata fuq evidenza pożittiva u għandha tinvolvi eżami oġġettiv tal-effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni għal prodotti simili. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet, l-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament jipprevedi l-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni jekk kienx hemm, għal dawn l-importazzjonijiet, twaqqigħ sinjifikattiv tal-prezzijiet meta mqabbel mal-prezz ta’ prodott simili tal-industrija tal-Unjoni, jew jekk l-effett ta’ tali importazzjonijiet huwiex minflok li b’mod sinjifikattiv jeżerċita pressjoni fuq il-prezzijiet jew jipprekludi żidiet fil-prezzijiet, li altrimenti kienu jseħħu.

    157.

    Fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dan l-impatt, l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku jipprovdi li din l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni tal-fatturi u tal-indiċi ekonomiċi rilevanti kollha li għandhom impatt fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni. Din id-dispożizzjoni tinkludi lista ta’ fatturi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni. L-istess dispożizzjoni tipprovdi li din il-lista ma hijiex eżawrjenti u li ebda wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi ma għandhom neċessarjament piż deċiżiv ( 128 ).

    158.

    Għandhom isiru żewġ osservazzjonijiet preliminari fir-rigward ta’ dan l-aggravju.

    159.

    L-ewwel, fir-rigward tal-fatturi msemmija fil-punt preċedenti, għandha ssir distinzjoni bejn indikaturi makroekonomiċi u mikroekonomiċi. Minn naħa, fir-rigward ta’ indikaturi makroekonomiċi bħalma huma l-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem tas-suq, l-impjieg, it-tkabbir, il-produttività, id-daqs tal-marġni ta’ dumping u l-irkupru minn dumping fil-passat, dawn l-indikaturi huma bbażati fuq id-data tal-industrija tal-Unjoni fl-intier tagħha, jiġifieri l-produtturi kollha tal-Unjoni ( 129 ). Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ indikaturi mikroekonomiċi, dawn jinkludu l-prezzijiet medji għal kull unità, l-ispejjeż ta’ kull unità, l-ispejjeż lavorattivi, l-inventarji, il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investiment u l-aċċess għal kapital. Mill-premessi 161 sa 167 tar-Regolament provviżorju joħroġ b’mod ċar li dawn il-fatturi tal-aħħar kienu ġew eżaminati abbażi tal-informazzjoni miksuba mit-tweġibiet tal-produtturi tal-Unjoni li kienu parti mill-kampjun għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni dwar id-dannu ( 130 ).

    160.

    It-tieni aggravju jidher li jindirizza indikatur mikroekonomiku partikolari wieħed tad-dannu, jiġifieri l-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni. Peress li dan huwa indikatur ta’ dannu mikroekonomiku, il-Kummissjoni bbażat il-kalkoli tagħha fuq it-tweġibiet għal dan il-kwestjonarju ( 131 ).

    161.

    It-tieni, il-kalkolu tal-profittabbiltà huwa spjegat fil-premessa 161 tar-Regolament provviżorju u r-riżultati tiegħu jidhru fit-Tabella 12 ta’ dan ir-regolament. Il-Kummissjoni tispjega li hija “stabbilixxiet il-profittabbiltà tat-tliet produtturi tal-Unjoni fil-kampjun billi espremiet il-profitt nett qabel it-taxxa mill-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwali tad-dħul minn dan il-bejgħ”. Kif il-Kummissjoni spjegat fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, din “hija d-differenza bejn l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-grupp, li jinkludu [l-ispejjeż operattivi] tal-kumpannija tal-bejgħ relatata, u l-prezz imħallas mill-ewwel klijent indipendenti” ( 132 ). Minn dan isegwi li l-profittabbiltà hija d-differenza bejn żewġ ċifri, jiġifieri, l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-impriża, minn naħa, u l-prezz imħallas mill-ewwel klijent indipendenti, min-naħa l-oħra.

    162.

    Quddiem il-Qorti Ġenerali, permezz tal-ħames parti tal-ewwel motiv, l-appellanti ddikjaraw li “għall-kalkolu tad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni użat, fil-każ ta’ Saint‑Gobain PAM, prezzijiet mitluba għal bejgħ mill-ġdid fi ħdan il-grupp ta’ kumpanniji li minnu kien jifforma parti dan il-produttur (użu ta’ prezzijiet ta’ trasferiment), mingħajr ma evalwat in-natura awtonoma ta’ dawn il-prezzijiet ta’ xiri” ( 133 ). B’mod iktar speċifiku, quddiem il-Qorti Ġenerali l-appellanti argumentaw li l-Kummissjoni kien imissha użat l-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ Saint-Gobain PAM (Franza) flimkien mal-ispejjeż operattivi rispettivi ta’ Saint-Gobain fil-Ġermanja, fi Spanja u fl-Italja u kien imissha qabblet dawn l-ispejjeż tal-produzzjoni mal-prezzijiet ta’ dawn il-kumpanniji tal-bejgħ relatati lill-ewwel klijent indipendenti. It-tieni metodu kien jelimina kull żieda artifiċjali fil-prezz tal-bejgħ miftiehem bejn Saint-Gobain PAM u l-kumpanniji relatati.

    163.

    Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellanti jikkontestaw l-istħarriġ imwettaq mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-inklużjoni tal-prezzijiet applikati fi ħdan il-grupp fil-kalkolu tal-ispejjeż tal-industrija tal-Unjoni ( 134 ). Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-punti 302 sa 311 tas-sentenza appellata sa fejn eżaminat biss l-argumenti tagħhom dwar l-ispejjeż u mhux dawk dwar il-profittabbiltà ta’ Saint-Gobain PAM.

    164.

    F’dan ir-rigward, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma spjegati fil-punti 305 u 306 tas-sentenza appellata. Hija ddeterminat li l-fatt li Saint-Gobain PAM kienet tbigħ il-prodott kkonċernat mhux biss direttament lil klijenti indipendenti, iżda wkoll indirettament permezz ta’ entitajiet relatati, ma għandu l-ebda effett fuq id-determinazzjoni tal-ispejjeż tal-produzzjoni. Fil-punt 307 tas-sentenza appellata, hija kkonkludiet li l-fatt li ċertu bejgħ kien isir permezz ta’ kumpanniji relatati ma kellux impatt fuq il-kalkolu tal-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ Saint-Gobain PAM u, għaldaqstant, ma kellux impatt fuq l-evalwazzjoni tad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

    165.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-argumenti tal-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja jikkonċernaw l-ewwel fattur fid-determinazzjoni tal-profittabbiltà, jiġifieri l-ispejjeż tal-produzzjoni. Il-konstatazzjoni li d-determinazzjoni tal-ispejjeż tal-produzzjoni ma tiddependix mill-bejgħ fi ħdan il-grupp hija konstatazzjoni ta’ fatt li ma tistax tiġi kkontestata fl-appell. Għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali ma tistabbilixxix, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-appellanti ( 135 ), li l-kalkolu tal-profitti kien ibbażat fuq il-prezz ta’ xiri fi ħdan il-grupp miftiehem bejn Saint-Gobain PAM u l-entitajiet relatati. Għaldaqstant, l-argument li l-Kummissjoni ma żvelatx il-profitti “moħbija” minħabba l-bejgħ fi ħdan il-grupp għandu jiġi miċħud għaliex dan il-bejgħ ma kienx rilevanti għad-determinazzjoni tal-ispejjeż tal-produzzjoni.

    166.

    Fi kwalunkwe każ, abbażi tal-ispjegazzjonijiet tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li l-Kummissjoni ma użatx il-profitti fi ħdan il-grupp sabiex tikkalkola l-profittabbiltà ta’ Saint-Gobain PAM. Kif spjegat il-Kummissjoni, hija l-ewwel ikkalkolat l-ispejjeż tal-produzzjoni għal kull prodott immanifatturat mill-produttur tal-Unjoni fil-kampjun ( 136 ). Dawn l-ispejjeż tal-produzzjoni mbagħad tqabblu mal-prezzijiet tal-bejgħ lill-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, meta l-produttur tal-Unjoni l-ewwel ibigħ il-prodott lil entità relatata, il-Kummissjoni tuża l-prezz applikat minn din l-entità relatata lill-ewwel klijent indipendenti. Għaldaqstant, il-kalkolu tal-profittabbiltà ma kienx jinkludi prezz applikat bejn żewġ entitajiet relatati tal-istess produttur tal-Unjoni ( 137 ). Fl-aħħar nett, abbażi tal-profittabbiltà fir-rigward ta’ kull produttur tal-Unjoni fil-kampjun li wieġeb għall-kwestjonarju, il-Kummissjoni ġabret id-data u siltet il-medja minnha sabiex tifforma l-indikatur tad-dannu msejjaħ “profittabbiltà” ( 138 ). B’hekk, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali kellha raġun meta kkonstatat, fil-punt 306 tas-sentenza appellata, li l-prezzijiet tal-bejgħ fi ħdan il-grupp ma għandhom ebda impatt fir-rigward tal-kalkolu tal-ispejjeż tal-produzzjoni tal-manifattur.

    167.

    Jiena għalhekk tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata tali aċċettat l-approċċ tal-Kummissjoni. B’hekk, id-determinazzjoni tad-dannu tidher li hija bbażata fuq elementi oġġettivi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni aggravju bħala infondat.

    D. Il-ħames aggravju

    1.   L-ewwel parti

    168.

    Permezz tal-ewwel parti tal-ħames aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw l-inammissibbiltà parzjali tat-tielet motiv dwar l-abbiltà ta’ entitajiet differenti li jinvokaw ksur tad-drittijiet tad-difiża.

    169.

    Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali identifikat tliet sitwazzjonijiet, li jiddependu mill-identità tal-entità li tressaq il-motiv. Fl-ewwel sitwazzjoni, iċ-CCCME taġixxi f’isimha stess u tallega ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha stess. Fit-tieni sitwazzjoni, il-motiv jitressaq mill-membri taċ-CCCME u mill-persuni ġuridiċi l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness I mas-sentenza appellata, li jikkontestaw ir-Regolament kontenzjuż abbażi tal-motiv li informazzjoni essenzjali għad-difiża tal-interessi tagħhom ma kinitx ġiet ikkomunikata lilhom. It-tielet sitwazzjoni tinkludi żewġ xenarji differenti. L-ewwel, il-persuni ġuridiċi l-oħra li isimhom jinsab f’dan l-anness isostnu li kien hemm ksur tad-drittijiet proċedurali taċ-CCCME ( 139 ). It-tieni, il-membri taċ-CCCME jallegaw ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom stess, li jirriżulta mill-fatt li ċ-CCCME allegatament eżerċitat id-drittijiet proċedurali tal-membri tagħha matul il-proċedura antidumping ( 140 ).

    170.

    L-appellanti għandhom problema bit-tieni u bit-tielet sitwazzjoni.

    171.

    Fir-rigward tat-tieni sitwazzjoni, l-appellanti jsostnu li, fil-punti 434 sa 438 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonstatat li l-membri taċ-CCCME u d-disa’ appellanti l-oħra ma kinux ipparteċipaw fl-investigazzjoni u, għalhekk, li l-ilment tagħhom dwar in-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar id-determinazzjoni tad-dumping u tad-dannu huwa inammissibbli. Skont l-appellanti, dawn il-persuni kienu pparteċipaw fl-investigazzjoni minħabba li kienu kkooperaw fil-kompożizzjoni tal-kampjun jew kienu inklużi f’dan il-kampjun huma stess.

    172.

    Dawn l-argumenti jqajmu l-kwistjoni ta’ jekk il-fatt li tingħata tweġiba għall-kwestjonarju għall-finijiet ta’ teħid ta’ kampjun u l-fatt li wieħed ikun lest jieħu sehem fil-kampjun humiex suffiċjenti fil-liġi sabiex jikkaratterizzaw produttur esportatur bħala parti interessata taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(10) tar-Regolament bażiku, b’tali mod li din il-parti tkun tista’ tibbenefika mill-garanziji proċedurali previsti f’dan ir-regolament.

    173.

    Qabel nindirizza din il-kwistjoni, nindika li l-mod kif il-Kummissjoni wettqet it-teħid ta’ kampjun ta’ produtturi Ċiniżi skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku huwa deskritt fil-premessi 22 u 23 tar-Regolament provviżorju. Il-Kummissjoni spjegat li, sabiex tiddeċiedi jekk kienx meħtieġ li jittieħed kampjun u, jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, hija staqsiet lill-produtturi esportaturi kollha fir-RPĊ sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fl-avviż tat-tnedija ( 141 ). Wieħed u tmenin produttur esportatur fir-RPĊ ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jkunu inklużi fil-kampjun; fir-rigward ta’ tmienja u sebgħin minnhom ġie deċiż li setgħu jiġu inklużi fil-kampjun ( 142 ). Abbażi tal-ikbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, il-Kummissjoni għażlet b’mod provviżorju kampjun ta’ tliet produtturi li kienu qegħdin jikkooperaw. Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, l-esportaturi produtturi magħrufa kollha u l-awtoritajiet tar-RPĊ ġew ikkonsultati dwar il-kampjun magħżul. Fuq talba minn uħud mill-partijiet, il-Kummissjoni bidliet il-kampjun billi inkludiet l-ikbar ħames produtturi esportaturi lejn l-Unjoni. Il-Missjoni tar-RPĊ għall-Unjoni Ewropea indikat li kienet taqbel mal-kampjun finali. Minn din id-deskrizzjoni u mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-fatt, kien hemm tliet kategoriji ta’ produtturi esportaturi, jiġifieri, l-ewwel, il-produtturi esportaturi li wieġbu għall-avviż ta’ tnedija, li għalhekk kienu partijiet interessati, it-tieni, dawk inklużi fil-kampjun u, it-tielet, dawk li kienu qegħdin jikkooperaw mal-Kummissjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kompożizzjoni tal-kampjun.

    174.

    Quddiem il-Qorti Ġenerali, il-produtturi esportaturi allegaw ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom stess. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tielet motiv imressaq quddiemha sa fejn tressaq mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun u mill-produtturi esportaturi l-oħra li kienu qegħdin jikkooperaw ( 143 ). Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljat fir-rigward tal-karatterizzazzjoni tal-fatti ( 144 ). Skont l-appellanti, il-persuni li jwieġbu għall-kwestjonarju għall-finijiet tat-teħid ta’ kampjun għandhom jiġu kkaratterizzati bħala produtturi esportaturi li jipparteċipaw fl-investigazzjoni ( 145 ).

    175.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li ma huwiex ikkontestat li ċerti persuni kkooperaw fl-għażla tal-kampjun u kienu wkoll inklużi f’dan il-kampjun. Sabiex tiġi ddeterminata n-natura tal-parteċipazzjoni ta’ dawn il-persuni fil-proċedura amministrattiva, għandu jiġi eżaminat jekk hemmx koinċidenza bejn il-kunċett ta’ parteċipanti fl-investigazzjoni taħt l-Artikolu 5(10) tar-Regolament bażiku u l-parteċipanti fit-teħid ta’ kampjun taħt l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament.

    176.

    Minn naħa, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(10) tar-Regolament bażiku jipprovdi li “[i]n-notifika tal-bidu tal-proċedimenti għandha tħabbar il-bidu ta’ investigazzjoni” u, b’mod partikolari, “[g]ħandha turi l-perjodi li matulhom, il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu lilhom infushom magħrufa, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jippreżentaw informazzjoni jekk tali opinjonijiet u informazzjoni għandhom jiġu meqjusa matul l-investigazzjoni”. Kif diġà ntqal ( 146 ), din id-dispożizzjoni għandha tinqara mal-lista ta’ partijiet interessati stabbilita fl-Artikolu 5(11) tar-Regolament bażiku, jiġifieri l-“esportaturi, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-importaturi jew l-esportaturi magħrufa lilha li huma konċernati, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni u lil min jagħmel l-ilment”. L-appellanti jargumentaw, essenzjalment, li din il-lista ma hijiex eżawrjenti u li l-persuni li jikkooperaw fl-għażla tal-kampjun u dawk li kienu inklużi f’dan il-kampjun għandhom jingħataw l-istess status bħall-persuni f’din il-lista. Ir-Regolament bażiku ma jipprovdix espliċitament jekk din il-lista hijiex eżawrjenti jew le ( 147 ).

    177.

    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku jipprovdi li, meta n-numru ta’ min ikun għamel l-ilment, ta’ esportaturi jew ta’ importaturi, ta’ tipi ta’ prodott jew ta’ tranżazzjonijiet ikun numru kbir, l-investigazzjoni tista’ tkun limitata għal numru raġonevoli ta’ partijiet, prodotti jew tranżazzjonijiet bl-użu ta’ kampjuni. B’hekk, kumpannija li tkun tixtieq tibbenefika minn dazju speċifiku tista’ timla kwestjonarju skont l-Artikolu 17(2) ta’ dan ir-regolament ( 148 ) li, iżda, jikkostitwixxi biss pass wieħed fl-investigazzjoni.

    178.

    L-appellanti jargumentaw li, peress li l-Kummissjoni tista’ tieħu kwalunkwe azzjoni taħt l-Artikolu 5(10) tar-Regolament bażiku, is-sottomissjoni ta’ kwestjonarju għat-teħid ta’ kampjun hija l-mod kif produttur esportatur “jikkuntattja” lill-Kummissjoni bi tweġiba għall-avviż ta’ tnedija skont dan l-artikolu.

    179.

    Madankollu, fil-fehma tiegħi, mir-Regolament bażiku ma jistax jiġi dedott li l-fatt li tingħata tweġiba għall-kwestjonarju għat-teħid ta’ kampjun tal-esportaturi jfisser li min jissottomettiha jsir parti interessata fis-sens tal-Artikolu 5(10) u (11) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, mill-istruttura ġenerali tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-kunċett ta’ parti interessata fis-sens ta’ dan l-artikolu huwa differenti mill-partijiet imsemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    180.

    L-ewwel, l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, dwar it-teħid ta’ kampjuni, jippermetti lill-Kummissjoni tagħżel kampjun u, għalhekk, tillimita numru ta’ partijiet, prodotti jew tranżazzjonijiet fil-każijiet “fejn in-numru ta’ min jilmenta, l-esportaturi jew l-importaturi, it-tipi ta’ prodott jew it-transazzjonijiet ikun kbir” ( 149 ). Għaldaqstant, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor u tanalizza d-data minn grupp limitat ta’ atturi sabiex tagħmel deduzzjonijiet fir-rigward ta’ data ikbar. Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Kummissjoni taħdem b’volum żgħir ta’ data li jkun jista’ jiġi ġestit, minflok ma jkollha tanalizza d-data disponibbli kollha. Ma jkunx jagħmel sens għall-Kummissjoni li tuża l-kwestjonarji għat-teħid ta’ kampjun jekk dan ikun ifisser li kull parteċipant fil-kwestjonarju jsir parti interessata fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(10) tar-Regolament bażiku.

    181.

    It-tieni, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9(6) ta’ dan ir-regolament jidher li hemm żewġ kategoriji speċifiċi ta’ atturi, jiġifieri, “esportaturi jew produtturi li jkunu ressqu d-dettalji tagħhom skont l-Artikolu 17 iżda li ma kinux ġew inklużi fl-eżami” u l-“partijiet fil-kampjun”. Ir-riferiment għall-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku u mhux għall-Artikolu 5 tiegħu jidher li jindika li l-persuni li jipparteċipaw fit-teħid ta’ kampjun huma distinti mill-partijiet interessati fl-Artikolu 5(10) u (11) ta’ dan ir-regolament.

    182.

    Għandu jingħad ukoll li d-distinzjoni bejn il-“partijiet interessati” u “esportaturi jew produtturi barranin li jirċievu kwestjonarji” tinsab ukoll fl-Artikolu 6.1 tal-Ftehim Antidumping tal‑1994, li jipprovdi li “[i]l-partijiet kollha interessati f’investigazzjoni kontra d-damping għandhom jiġu notifikati dwar l-informazzjoni”, filwaqt li l-Artikolu 6.1.1 ta’ dan il-ftehim jipprovdi li “[e]sportaturi jew produtturi barranin li jirċievu kwestjonarji wżati f’investigazzjoni kontra d-damping jingħataw mill-inqas 30 ġurnata biex jirrispondu”.

    183.

    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament bażiku jipprevedi livelli differenti ta’ drittijiet għall-persuni koperti minnu, jiġifieri, il-persuni li jipparteċipaw fit-teħid ta’ kampjun u l-partijiet interessati li jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Minn din id-distinzjoni jirriżulta li d-drittijiet proċedurali mogħtija lil dawn il-persuni huma differenti. Fir-rigward tal-partijiet interessati, l-assoċjazzjoni rappreżentattiva tal-esportaturi tista’ titlob aċċess għal informazzjoni (Artikolu 6(7) tar-Regolament bażiku) u tirċievi komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni (Artikolu 20(1) tar-Regolament bażiku). Madankollu, il-parteċipazzjoni fit-teħid ta’ kampjun ma tidhirx li tagħti tali drittijiet. Fil-fehma tiegħi, din il-parteċipazzjoni tagħti biss dritt għall-adozzjoni ta’ pożizzjoni dwar it-teħid ta’ kampjun propost mill-Kummissjoni iżda mhux dwar elementi oħra tal-investigazzjoni.

    184.

    Għaldaqstant, jidher li l-Qorti Ġenerali kellha raġun tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, il-persuni li ma stabbilixxewx li kienu pparteċipaw fl-investigazzjoni jew li kienu għamlu talbiet sabiex l-informazzjoni inkwistjoni tiġi kkomunikata lilhom u, min-naħa l-oħra, il-partijiet interessati fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(10) tar-Regolament bażiku ( 150 ). Jiena għalhekk tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-persuni li kkooperaw biss fit-teħid ta’ kampjun ma jistgħux jinvokaw motiv fis-sens li informazzjoni li kien imissha ġiet ikkomunikata lilhom ma kinitx ikkomunikata lilhom.

    185.

    Fir-rigward tat-tielet sitwazzjoni, l-appellanti jargumentaw li, fil-punti 443 sa 447 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li ċ-CCCME setgħet tiddefendi biss id-drittijiet proċedurali tal-membri tagħha li fir-rigward tagħhom kien stabbilit li, matul l-investigazzjoni, hija kienet irċeviet mandat li jippermettilha teżerċita d-drittijiet proċedurali tagħhom għan-nom tagħhom, f’sitwazzjoni fejn iċ-CCCME kienet aġixxiet, matul l-investigazzjoni kollha, bħala entità li tirrappreżenta lill-industrija Ċiniża fl-intier tagħha ( 151 ).

    186.

    B’mod partikolari, l-appellanti jargumentaw li l-Qorti Ġenerali applikat standard legali żbaljat meta kkonstatat li ċ-CCCME la setgħet teżerċita d-drittijiet proċedurali tal-kumpanniji individwali u lanqas dawk tal-membri kkonċernati matul il-proċedura rilevanti. Meta kkonstatat li d-diversi kumpanniji u membri kkonċernati ma kellhomx locus standi, il-Qorti Ġenerali applikat standard legali żbaljat u ġabet fix-xejn id-drittijiet tad-difiża tad-diversi kumpanniji u membri kkonċernati. L-argument li assoċjazzjonijiet rappreżentattivi jingħataw proċedurali drittijiet inqas estensivi minn produtturi esportaturi huwa infondat fid-dritt.

    187.

    Fil-punt 444 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li assoċjazzjoni tista’ teżerċita d-drittijiet proċedurali ta’ wħud mill-membri tagħha, kemm-il darba “matul l-investigazzjoni l-entità tkun uriet l-intenzjoni li taġixxi fil-kwalità ta’ rappreżentant ta’ wħud mill-membri tagħha, li tippreżumi li dawn tal-aħħar kienu għalhekk ġew identifikati u li hija tista’ tistabbilixxi li rċeviet mandat min-naħa tagħhom sabiex teżerċita dawn id-drittijiet proċedurali għan-nom tagħhom”. Fil-punt 445 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li “mill-fajl jirriżulta li f’dan il-każ, iċ-CCCME ma ppreżentatx ruħha bħala tali lill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni, iżda li għall-kuntrarju, hija aġixxiet, matulha kollha, bħala entità rappreżentattiva tal-industrija Ċiniża kkunsidrata fit-totalità tagħha”. Hija bbażat din il-konstatazzjoni fuq il-kummenti mressqa miċ-CCCME fil‑15 ta’ Settembru 2017 dwar ir-Regolament provviżorju ( 152 ).

    188.

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża huwa ta’ importanza fundamentali f’investigazzjonijiet antidumping ( 153 ). Din ir-regola għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta, li jinkludi d-dritt ta’ aċċess għall-fajl bħala komponent tad-dritt għal amministrazzjoni tajba. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jippermetti lill-partijiet jiffamiljarizzaw ruħhom mal-evidenza sabiex ikunu jistgħu jesprimu l-pożizzjoni tagħhom b’mod effettiv.

    189.

    B’mod partikolari, fil-kuntest tal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni lill-impriżi kkonċernati matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tagħhom jirrikjedi li dawn l-impriżi jkunu tqiegħdu f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, fejn setgħu jesprimu b’mod effettiv il-pożizzjoni tagħhom dwar in-natura korretta u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u dwar l-evidenza ppreżentata mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha dwar l-eżistenza ta’ dumping u d-dannu li jirriżulta minnu ( 154 ). Dawn ir-rekwiżiti huma stabbiliti fl-Artikolu 20(1) u (2) tar-Regolament bażiku, li jipprovdi li l-esportaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom “jistgħu jitolbu r-rivelazzjoni finali tal-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom huwa maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi”.

    190.

    Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li d-drittijiet tad-difiża jingħataw b’mod individwali lil entitajiet speċifiċi ( 155 ). Għall-kuntrarju tal-Qorti Ġenerali, ma naħsibx li r-raġuni għaliex l-irregolarità tad-drittijiet tad-difiża tista’ titqajjem biss mill-persuna kkonċernata hija bbażata fuq il-fatt li n-natura tal-ksur ta’ dawn id-drittijiet hija suġġettiva ( 156 ). F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-ksur ta’ drittijiet suġġettivi jista’ jiġi invokat minn persuni oħra ( 157 ). Fil-fehma tiegħi, ir-raġuni għaliex id-drittijiet tad-difiża fi proċedura antidumping huma ta’ natura intuitu personae toħroġ mill-fatt li dawn id-drittijiet huma marbuta mill-qrib mal-persuna li lilha jkunu ngħataw, u dan sa fejn hija biss l-entità inkwistjoni stess li tista’ tidentifika l-impatt ekonomiku u legali tal-miżuri tal-Kummissjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni speċifika tagħha. Fi kliem ieħor, fi proċedura antidumping, peress li d-drittijiet tad-difiża jikkonċernaw l-entità stess, hija biss dik l-entità li tista’ teżerċita dawn id-drittijiet. In-natura esklużiva ta’ dawn id-drittijiet tirriżulta min-natura tad-drittijiet tad-difiża fi proċeduri amministrattivi, li ma jistgħux jiġu invokati minn persuna oħra ( 158 ). Għaldaqstant, iċ-CCCME, fil-kapaċità tagħha bħala assoċjazzjoni rappreżentattiva, tista’ tinvoka l-garanziji proċedurali tagħha stess, li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni tagħha stess fil-proċedura amministrattiva ( 159 ).

    191.

    Barra minn hekk, il-fatt li wieħed ikun membru f’assoċjazzjoni ma jimplikax it-trasferiment awtomatiku tad-drittijiet proċedurali u tad-drittijiet tad-difiża lill-assoċjazzjoni inkwistjoni fir-rigward tal-proċedura inkwistjoni. Tali trasferiment għandu jseħħ b’mod inekwivoku mill-membri tal-assoċjazzjoni inkwistjoni. Meta din tal-aħħar teżerċita d-drittijiet proċedurali tal-membri tagħha, hija għandha tindika b’mod ċar liema membri qiegħda tirrappreżenta u għandha turi l-mandat ta’ drittijiet li jkun ingħatalha. Dan ir-rekwiżit joħroġ mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(10) tar-Regolament bażiku, li jippermetti lill-partijiet interessati jagħmlu lilhom infushom magħrufa – li jimplika l-preżentazzjoni tal-mandati tagħhom ( 160 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 5(11) tar-Regolament bażiku jagħmel distinzjoni espliċita bejn il-kumpanniji esportaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom ( 161 ).

    192.

    Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali kellha raġun meta ddeċidiet li l-abbiltà ta’ entità li teżerċita d-drittijiet proċedurali ta’ wħud mill-membri tagħha matul proċedura antidumping hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-entità tkun uriet, matul l-imsemmija proċedura – u mhux ex post facto – l-intenzjoni li taġixxi bħala r-rappreżentanta ta’ wħud mill-membri tagħha. Kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, dawn il-membri għandhom jiġu identifikati b’mod ċar u l-assoċjazzjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tistabbilixxi li hija rċeviet mingħandhom mandat li jippermettilha teżerċita dawn id-drittijiet proċedurali għan-nom tagħhom ( 162 ). Minn dan isegwi li, anki jekk assoċjazzjoni jkollha l-għan, skont l-istatut tagħha, li tirrappreżenta lil dawk kollha involuti f’industrija partikolari, hija għandha, jekk tkun tixtieq tirrappreżenta d-drittijiet proċedurali tal-membri tagħha, tkun debitament ingħatat mandat minn kull wieħed minn dawn il-membri sabiex tirrappreżenta d-drittijiet proċedurali għan-nom tagħhom.

    193.

    Għall-kuntrarju tal-argumenti tal-appellanti, l-eżerċizzju ta’ drittijiet proċedurali f’investigazzjoni antidumping ma jsegwix l-istess loġika bħall-azzjonijiet kollettivi minn assoċjazzjonijiet fi proċeduri ġudizzjarji. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dan huwa ammissibbli meta assoċjazzjoni tirrappreżenta l-interessi ta’ impriżi, li jkunu intitolati jiftħu kawża huma stess, mingħajr ma jkun meħtieġ mandat speċifiku stabbilit minn dawn il-membri ( 163 ). Dan huwa ġġustifikat mill-vantaġġi proċedurali peress li jeħles lill-istituzzjoni minn diversi kawżi separati kontra l-istess deċiżjonijiet ( 164 ). Fir-rigward tad-drittijiet proċedurali ta’ partijiet interessati f’investigazzjoni antidumping, is-sitwazzjoni, iżda, hija differenti. Minħabba n-natura u l-portata individwali tad-drittijiet tad-difiża, azzjoni kollettiva ma teħlisx lill-istituzzjoni minn diversi kawżi identiċi kontra l-istess deċiżjoni, iżda għall-kuntrarju tgħaqqad diversi azzjonijiet parteċipatorji distinti, li għalhekk għandhom ikunu jistgħu jiġu identifikati u għandhom ikunu speċifikati.

    194.

    Fil-kawża ineżami, il-premessa 25 tar-Regolament kontenzjuż tiddikjara li ċ-CCCME kellha titqies li hija parti interessata li tirrappreżenta, b’mod partikolari, lill-industrija Ċiniża tal-ħadid fondut ( 165 ). Madankollu, għandu jingħad li din il-premessa ma tinkludi ebda indikazzjoni li ċ-CCCME rrappreżentat produtturi esportaturi individwali. Barra minn hekk, il-premessi 30 u 62 sa 74 ta’ dan ir-regolament jirreferu għall-argumenti mressqa miċ-CCCME, iżda ma jindikawx li dawn l-argumenti saru għan-nom ta’ produtturi esportaturi. Għaldaqstant, ir-Regolament kontenzjuż jidher li jindika li ċ-CCCME aġixxiet għan-nom tagħha stess bħala rappreżentanta tal-industrija Ċiniża tal-ħadid fondut.

    195.

    Għandu jingħad li l-appellanti ma pproduċewx evidenza li xi wieħed mill-produtturi esportaturi kien ta mandat liċ-CCCME jew kien b’xi mod ieħor awtorizzaha sabiex tirrappreżentah matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, jew li dawn il-kumpanniji kienu membri taċ-CCCME fil-mument rilevanti. Għaldaqstant, il-fatt li ċ-CCCME ppreżentat lilha nfisha matul il-proċedura antidumping bħala li qiegħda taġixxi bħala assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-produtturi Ċiniżi kollha li huma attivi fis-settur ikkonċernat fir-RPĊ u li kienet irrikonoxxuta bħala tali mill-Kummissjoni ma huwiex suffiċjenti sabiex tkun tista’ teżerċita d-drittijiet proċedurali tal-membri kollha tagħha matul il-proċedura antidumping.

    196.

    Jiena għalhekk tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-punt 444 tas-sentenza appellata, li l-possibbiltà għal assoċjazzjoni li teżerċita d-drittijiet proċedurali ta’ wħud mill-membri tagħha matul il-proċedura antidumping hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-entità tkun uriet, matul l-investigazzjoni, l-intenzjoni li taġixxi bħala r-rappreżentanta ta’ wħud mill-membri tagħha, li jeħtieġ li dawn il-membri jkunu ġew identifikati u li l-entità tkun f’pożizzjoni li tistabbilixxi li kienet irċeviet mandat mingħandhom li jippermettilha teżerċita dawn id-drittijiet proċedurali għan-nom tagħhom.

    197.

    Din il-konklużjoni ma hijiex imdaħħla inkwistjoni mill-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku, li jipprovdi li assoċjazzjonijiet rappreżentattivi jistgħu jitolbu informazzjoni dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom tkun qiegħda tiġi kkunsidrata l-impożizzjoni, inter alia, ta’ miżuri definittivi. Kif diġà ntqal, din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-premessa 29 ta’ dan ir-regolament, li tenfasizza r-rabta mad-dritt proċedurali tal-parteċipanti li jiddefendu l-interessi tagħhom. Id-dritt għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni taħt l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku huwa pilastru essenzjali tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati ( 166 ) u għalhekk jeħtieġ il-parteċipazzjoni mill-parti kkonċernata fl-investigazzjoni sabiex din tkun sussegwentement tista’ tilmenta dwar eventwali ksur quddiem il-qrati tal-Unjoni.

    198.

    Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali kellha raġun tiddeċiedi li t-tielet motiv, li fil-kuntest tiegħu l-Kummissjoni kienet ikkritikata talli rrifjutat li tgħaddi lill-appellanti informazzjoni rilevanti għad-determinazzjoni tad-dumping u tad-dannu, jista’ jitqajjem miċ-CCCME, meta taġixxi għan-nom tagħha stess bħala assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-industrija Ċiniża fl-intier tagħha, u meta ċaħdet bħala inammissibbli l-argumenti mressqa fil-kuntest ta’ dan il-motiv mill-membri taċ-CCCME u mill-persuni ġuridiċi l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness I tas-sentenza appellata ( 167 ).

    199.

    Għaldaqstant, jiena nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel parti tal-ħames aggravju.

    2.   It-tieni parti

    200.

    It-tieni parti tirrigwarda l-parti tas-sentenza appellata li tikkonċerna l-argument taċ-CCCME fis-sens li l-Kummissjoni kien imissha pprovdiet il-kalkoli f’forma aggregata, b’mod partikolari fir-rigward, l-ewwel, tal-kalkoli (i) tal-valur normali, (ii) tal-effetti tal-importazzjonijiet Ċiniżi fuq il-prezzijiet u (iii) tal-livelli tat-tneħħija tad-dannu u, it-tieni, tal-istimi marbuta ma’ indikaturi makroekonomiċi ( 168 ). Fir-rigward tal-kalkoli li abbażi tagħhom twettaq l-eżami tal-indikaturi mikroekonomiċi u makroekonomiċi, li jippermetti stima tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, iċ-CCCME kisbet ċifri ġenerali għal kull indikatur u għal kull sena, kif indikati fil-premessi 137 sa 166 tar-Regolament provviżorju ( 169 ).

    201.

    Permezz tal-ewwel ilment, iċ-CCCME tikkontesta l-punt 507 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-preżentazzjoni ta’ data kunfidenzjali f’forma aggregata ma tfissirx neċessarjament li din id-data ma għadhiex kunfidenzjali u li ma kienx meħtieġ li tiġi ordnata l-komunikazzjoni tal-indikaturi makroekonomiċi tad-dannu għar-raġuni li kienu kunfidenzjali ( 170 ). B’mod partikolari, minn naħa, hija targumenta li, peress li l-Kummissjoni qatt ma sostniet li d-data makroekonomika aggregata dwar id-dannu kienet kunfidenzjali fiha nnifisha, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tibbaża ruħha fuq dan bħala argument mingħajr ma tieħu post, illegalment, il-Kummissjoni. Il-premessa 130 tar-Regolament kontenzjuż ma tikkonċernax il-kunfidenzjalità iżda r-realtà tad-data. Min-naħa l-oħra, iċ-CCCME ssostni li l-karatterizzazzjoni legali mill-Qorti Ġenerali tal-indikaturi makroekonomiċi stmati tad-dannu bħala data kunfidenzjali hija żbaljata. Il-komunikazzjoni ta’ data aggregata għall-industrija tal-Unjoni fl-intier tagħha ma kinitx tippermetti lill-partijiet interessati jivverifikaw in-natura korretta ta’ din id-data, b’mod partikolari fir-rigward ta’ stimi.

    202.

    Qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li l-għan tad-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni u tal-obbligu li tiġi kkomunikata informazzjoni huwa li l-partijiet ikunu jistgħu jiffamiljarizzaw ruħhom mal-evidenza b’tali mod li jkunu jistgħu jesprimu l-pożizzjoni tagħhom b’mod effettiv ( 171 ). L-obbligu ta’ komunikazzjoni huwa stabbilit fl-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku.

    203.

    Fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni qatt ma kklassifikat formalment l-istimi aggregati tal-indikaturi makroekonomiċi bħala kunfidenzjali matul il-proċedura amministrattiva, u lanqas fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni targumenta, u fil-fatt tenniet matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr ma kienet ikkontestata mill-appellanti dwar dan, li din id-data qatt ma eżistiet. Peress li huwa paċifiku li d-data aggregata qatt ma eżistiet, huwa evidenti li l-Kummissjoni ma setgħetx tikklassifikaha formalment bħala kunfidenzjali matul il-proċedura amministrattiva jew fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali. Għal din ir-raġuni, jiena nipproponi li l-argument proċedurali mqajjem mill-appellanti jiġi miċħud.

    204.

    Fir-rigward tal-argument li l-unika kwistjoni deċiżiva hija jekk id-data makroekonomika, anki f’forma aggregata, hijiex xorta waħda kunfidenzjali, għandu jitfakkar li fis-sentenza Timex vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni ( 172 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-informazzjoni kollha li ma tkunx kunfidenzjali, irrispettivament mis-sors, għandha tiġi kkomunikata sabiex min ikun għamel l-ilment ikun jista’ jara jekk il-fatti kinux ivverifikati b’mod korrett fil-każ inkwistjoni. Fis-sentenza Al-Jubail ( 173 ), id-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni tqies u ġie ttrattat mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala parti mid-dritt għal smigħ. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jaġixxu bid-diliġenza dovuta fit-twettiq tal-kompitu tagħhom li jipprovdu l-informazzjoni kollha li l-partijiet jeħtieġu għad-difiża kif suppost tagħhom, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ min ikun għamel l-ilment u tal-produtturi li jikkooperaw, li minnhom tiddependi l-investigazzjoni antidumping.

    205.

    Id-dmir li tingħata informazzjoni għandu jiġi eżerċitat konformement mad-dmir ta’ premura, jiġifieri d-“dmir tal-istituzzjoni kompetenti li teżamina bir-reqqa u b’imparzjalità l-aspetti rilevanti kollha tal-każ individwali” ( 174 ), eżami li neċessarjament jimplika xi marġni ta’ diskrezzjoni għall-awtorità amministrattiva. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipji li jirregolaw id-dritt għal informazzjoni għandhom jiġu kkonċiljati mar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità, b’mod partikolari mal-obbligu tal-istituzzjonijiet li jħarsu s-sigriet kummerċjali ( 175 ). F’dan ir-rigward, l-obbligu tal-istituzzjonijiet li jiżguraw it-trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni, li l-komunikazzjoni tagħha jkollha impatt negattiv sinjifikattiv għall-impriża li tkun ipprovdietha, ma jistax iċaħħad lill-partijiet interessati l-oħra, b’mod partikolari lill-esportaturi, mill-garanziji proċedurali previsti fir-Regolament bażiku, u lanqas ma jista’ jċaħħad mis-sustanza tagħhom id-drittijiet li huma jgawdu skont l-istess dispożizzjonijiet ( 176 ).

    206.

    Għaldaqstant, id-deċiżjoni li żżomm data kunfidenzjali teħtieġ li jinstab bilanċ bejn il-protezzjoni tad-data tal-produtturi tal-Unjoni (li jibdew il-proċedura u li l-ilment tagħhom iservi bħala bażi għall-investigazzjonijiet) u d-drittijiet tal-produtturi esportaturi ta’ pajjiżi terzi u tal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom.

    207.

    Fil-kawża ineżami, huwa minnu li l-preżentazzjoni tad-data fil-forma ta’ sommarju tillimita l-possibbiltà għaċ-CCCME li tivverifika n-natura preċiża tad-data inkwistjoni. Madankollu, fid-dawl tal-bilanċ li għandu jintlaħaq bejn dawn id-drittijiet u l-protezzjoni ta’ data kunfidenzjali, għandu jitqies li l-preżentazzjoni ta’ data b’dan il-mod ma tfissirx neċessarjament li kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża taċ-CCCME. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li data makroekonomika, irrispettivament minn jekk tikkonċernax produtturi minn pajjiżi terzi jew produtturi tal-Unjoni, meta tkun ibbażata fuq għarfien tas-suq, għandha tiġi protetta peress li l-kooperazzjoni ta’ dawn il-produtturi tikkostitwixxi l-bażi tal-investigazzjoni antidumping.

    208.

    Għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-istima tal-produzzjoni tal-prodott inkwistjoni mill-produtturi tal-Unjoni kkonċernati, li fuqha bbażat ruħha l-Kummissjoni meta kkalkolat il-konsum, kienet tqieset b’mod korrett li hija kunfidenzjali, peress li kienet ibbażata fuq l-għarfien tas-suq ta’ min għamel l-ilment. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkonstatat li, billi tat biss iċ-ċifra tal-produzzjoni totali, il-Kummissjoni aġixxiet konformement mar-Regolament bażiku ( 177 ). Jiena naqbel ma’ dan l-approċċ peress li investigazzjoni antidumping tista’ tkun ibbażata fuq data prodotta minn numru żgħir ta’ produtturi jew minn settur tas-suq żgħir ( 178 ). Anki f’forma aggregata u anki meta tkun ibbażata fuq sempliċi stimi, huwa teoretikament possibbli li tiġi dedotta d-data ekonomika li tikkonċerna atturi speċifiċi fl-industrija inkwistjoni, prodotti speċifiċi jew anki kumpannija speċifika u, b’hekk, li jiġu żvelati, permezz ta’ deduzzjoni, ċerti sigrieti kummerċjali.

    209.

    Fil-kawża ineżami, il-Kummissjoni spjegat, fil-premessa 130 tar-Regolament kontenzjuż, li s-sorsi tad-data kienu fil-fatt data attwali u “stimi pprovduti mill-ilmentaturi għall-bqija tal-industrija tal-Unjoni”. Jiena naqbel mal-Kummissjoni li l-fatt li min għamel l-ilment kien ipprovda stimi għall-bqija tal-industrija tal-Unjoni jimplika li dawn l-istimi kienu bbażati fuq l-għarfien tas-suq tiegħu ta’ din l-industrija. Sottomissjonijiet ibbażati fuq għarfien tas-suq, anki jekk dawn is-sottomissjonijiet ikunu biss stimi u anki jekk ikunu f’forma aggregata, jistgħu jiżvelaw sigrieti kummerċjali ta’ min ikun għamel l-ilment jew ta’ produtturi li jikkooperaw fil-proċedura antidumping u għalhekk huma, min-natura tagħhom stess, kunfidenzjali, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 507 tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta kkonstatat, f’dan il-punt, li data makroekonomika ppreżentata f’forma aggregata xorta waħda tista’ tkun kunfidenzjali. Jiena għalhekk nipproponi li l-Qorti Ġenerali tiċħad l-ewwel ilment.

    210.

    It-tieni u t-tielet ilment għandhom jiġu ttrattati flimkien peress li t-tnejn li huma jikkonċernaw l-istess parti tar-raġunament tas-sentenza appellata. L-ewwel, iċ-CCCME ssostni li, fil-punt 509 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti meta kkonstatat li l-kalkoli aggregati dwar it-twaqqigħ tal-prezzijiet mitluba miċ-CCCME ma kinux jeżistu minħabba li t-twaqqigħ tal-prezzijiet kien ikkalkolat biss għal kull tip ta’ prodott u għal kull produttur esportatur. Iċ-CCCME targumenta li hija pproduċiet evidenza f’dan ir-rigward u li huwa impossibbli għall-Kummissjoni li tikkalkola t-twaqqigħ tal-prezzijiet mingħajr aggregazzjoni tad-data dwar il-prezzijiet fil-livell tal-industrija tal-Unjoni.

    211.

    Nibda billi nindika li, fil-premessa 24 tar-Regolament kontenzjuż, il-Kummissjoni ddikjarat li l-kalkoli aggregati dwar it-twaqqigħ tal-prezzijiet mitluba miċ-CCCME ma kinux jeżistu għaliex it-twaqqigħ tal-prezzijiet kien ġie kkalkolat biss għal kull tip ta’ prodott u għal kull produttur esportatur. Kull produttur esportatur Ċiniż li kien is-suġġett tal-kampjun b’hekk irċieva l-kalkoli dwar it-twaqqigħ tal-prezzijiet għal kull wieħed mit-tipi ta’ prodott esportati minnu. Iċ-CCCME targumenta li huwa impossibbli għall-Kummissjoni tikkonstata li “62.6 % tal-bejgħ totali tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun kien is-suġġett ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet”, mingħajr ma twettaq aggregazzjoni tal-kalkoli dwar it-twaqqigħ tal-prezzijiet ( 179 ). Madankollu, għandu jingħad li ċ-CCCME ma tippreżenta ebda evidenza insostenn ta’ dan l-ilment. B’hekk, l-iżnaturament allegat miċ-CCCME ma ġiex stabbilit. Iċ-CCCME sempliċement issostni żnaturament tal-fatti, iżda tonqos milli tistabbilixxi tali konstatazzjoni.

    212.

    It-tieni, iċ-CCCME targumenta li l-Qorti Ġenerali applikat standard legali żbaljat meta kkonstatat li l-komunikazzjoni tal-kalkoli dwar it-twaqqigħ tal-prezzijiet f’forma aggregata kienet ser tkun oneruża wisq sabiex tkun konformi mal-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku. Matul is-seduta, iċ-CCCME żiedet li l-preparazzjoni ta’ tali data ftit li xejn kienet ser tieħu żmien.

    213.

    Il-kwistjoni li tqum hija jekk il-Kummissjoni hijiex meħtieġa tipproduċi dokumenti ġodda abbażi ta’ data eżistenti għall-finijiet tal-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-produzzjoni ta’ dokumenti ġodda mill-Kummissjoni tikkostitwixxi komunikazzjoni ta’ informazzjoni li tikkonċerna lil min ikun għamel l-ilment u kumpanniji oħra li jkunu qegħdin jikkooperaw. Għaldaqstant, peress li potenzjalment tista’ tippermetti lill-partijiet interessati l-oħra jiksbu aċċess għal sigrieti kummerċjali, tali komunikazzjoni ma tistax titqies bħala l-ħolqien awtomatizzat ta’ tabella li jkun fiha data ekonomika. Għall-kuntrarju, fid-dawl tad-dmir ta’ premura, li timplika d-dmir tal-Kummissjoni li teżamina bir-reqqa u b’imparzjalità l-aspetti rilevanti kollha ta’ każ individwali ( 180 ), il-Kummissjoni għandha tikkunsidra kull element ta’ informazzjoni li tagħżel li tikkomunika.

    214.

    Fil-prattika, għal kull dokument ikkomunikat matul il-proċedura antidumping li jkun fih data aggregata ġdida, il-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk din id-data hijiex ser thedded il-kunfidenzjalità tad-data li l-partijiet ikunu għaddew lill-Kummissjoni u li tkun fil-pussess tagħha. B’hekk, il-ġenerazzjoni u l-komunikazzjoni ta’ data aggregata ġdida jeħtieġu li l-Kummissjoni tilħaq bilanċ bejn kunfidenzjalità u d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet inkwistjoni. Għalkemm ma jistax ikun oġġezzjoni fih innifsu, il-volum ta’ xogħol tal-Kummissjoni huwa fattur fid-determinazzjoni ta’ dan il-bilanċ peress li l-protezzjoni stess tad-data ta’ min ikun għamel l-ilment jew tal-partijiet li jkunu qegħdin jikkooperaw taf tiddependi minn dan il-volum ta’ xogħol. Fi kliem ieħor, meta l-Kummissjoni tkun sistematikament meħtieġa tipproduċi data aggregata ġdida, hija tkun meħtieġa wkoll tiddetermina jekk il-komunikazzjoni ta’ din id-data hijiex tali li thedded il-kunfidenzjalità tad-data li l-partijiet ikunu għaddew lill-Kummissjoni. Dan ir-rekwiżit tal-aħħar għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jintlaħaq dan il-bilanċ. Għaldaqstant, jiena naqbel mal-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-volum ta’ informazzjoni mitlub miċ-CCCME f’dan il-każ huwa ta’ natura tali l-Kummissjoni kienet tkun imfixkla fl-attività tagħha u fl-investigazzjoni tagħha li kieku kellha tipprovdi din l-informazzjoni kollha f’forma adattata għall-ħtiġijiet speċifiċi taċ-CCCME ( 181 ).

    215.

    Fil-punt 513 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, essenzjalment, li ċ-CCCME kellha għad-disponibbiltà tagħha l-“elementi fattwali u kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom il-Kummissjoni pprevediet l-adozzjoni ta’ miżuri definittivi”, u li “din l-entità setgħet tiddefendi utilment l-interessi tagħha ta’ assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-industrija Ċiniża”. Għaldaqstant, abbażi tal-evalwazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali, għandu jitqies li ċ-CCCME kienet f’pożizzjoni li tiddefendi l-interessi tagħha, b’tali mod li kwalunkwe żball fil-punti 511 u 512 tas-sentenza appellata jkun ineffettiv.

    216.

    Fl-aħħar nett, iċ-CCCME targumenta, essenzjalment, li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punti 511 u 512 tas-sentenza appellata tikser l-Artikolu 20(2) tar-Regolament bażiku sa fejn iċ-CCCME ma ngħatatx aċċess għad-data mitluba minkejja li din id-data ma kinitx kunfidenzjali jew setgħet tiġi kkomunikata b’mod mhux kunfidenzjali. Barra minn hekk, iċ-CCCME ssostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tibbilanċja t-tħassib marbut mal-kunfidenzjalità mad-drittijiet tad-difiża billi rrifjutat li tikkomunika d-data makroekonomika liċ-CCCME fil-forma ta’ data aggregata.

    217.

    In-nuqqas ta’ qbil miċ-CCCME mal-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li ċ-CCCME kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali huwa punt ta’ fatt li ma jistax jiġi kkontestat fl-appell. L-allegazzjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja miċ-CCCME ma humiex suffiċjenti sabiex jintwera żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament bażiku. B’mod partikolari, kif indikat fil-punti 451 sa 470 u 484 sa 504 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet eżami ddettaljat tal-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża taċ-CCCME.

    218.

    Għaldaqstant, jiena nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni parti tal-ħames aggravju.

    3.   It-tielet parti

    219.

    L-ewwel, iċ-CCCME targumenta li, fil-punt 524 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ma tatx lil din l-entità aċċess għall-informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-prodotti – lil hinn mill-informazzjoni inkluża fil-kodiċi tal-prodotti – għar-raġuni li din l-informazzjoni ma tippermettix lill-entità tipproteġi b’mod aħjar id-drittijiet tad-difiża tagħha. Iċ-CCCME ssostni li huwa legalment żbaljat li huma biss il-produtturi esportaturi li jikkooperaw li jistgħu jkunu intitolati jressqu talbiet għal aġġustament, u li għalhekk din l-informazzjoni ma kinitx ser tkun utli għaċ-CCCME, li għandha għarfien ġenerali tas-suq.

    220.

    Iċ-CCCME ssostni li l-Qorti Ġenerali essenzjalment ħolqot kategorija sekondarja ta’ partijiet interessati u stabbilixxiet differenza bejn assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u partijiet interessati oħra, bi ksur tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament bażiku. Iċ-CCCME targumenta li hija assoċjazzjoni li tirrappreżenta produtturi esportaturi, b’tali mod li dak li huwa rilevanti għall-membri tagħha huwa rilevanti wkoll għaliha. Insostenn tas-sottomissjonijiet tagħha, iċ-CCCME tinvoka s-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 1985, Timex vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni ( 182 ), u targumenta li l-Kummissjoni kienet meħtieġa, minn tal-inqas, tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tkun tista’ tidentifika l-oġġetti inkwistjoni, b’tali mod li tkun tista’ tivverifika jekk l-istituzzjonijiet kinux stabbilixxew il-fatti b’mod korrett ( 183 ).

    221.

    Qabelxejn, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali bbilanċjat it-tħassib dwar id-drittijiet tad-difiża u l-kunfidenzjalità, kif jidher mill-punti 451 sa 470 u 484 sa 504 tas-sentenza appellata, li ma ġewx ikkontestati.

    222.

    Fir-rigward tal-aċċess mitlub għall-informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-prodotti, iċ-CCCME kkritikat il-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali talli ma kkomunikatilhiex, fir-rigward tal-prodotti ta’ produtturi Indjani u tal-Unjoni li kienu mqabbla mal-prodotti importati, informazzjoni għajr il-karatteristiċi stabbiliti fil-kodiċi ta’ prodotti. Fil-punti 523 u 524 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tagħmel distinzjoni bejn is-sitwazzjoni tal-produttur esportatur u ċ-CCCME. Fil-kawża ineżami, din tal-aħħar hija assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-industrija Ċiniża fl-intier tagħha ( 184 ). Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-prodotti ma kinitx ser tippermetti liċ-CCCME tagħmel paragun rilevanti tal-prodotti inkwistjoni peress li hija normalment ma jkollhiex mudelli ta’ prodotti mqiegħda fis-suq mill-produtturi esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun, li tqabblu mal-prodotti Indjani.

    223.

    Fil-fehma tiegħi, din l-evalwazzjoni ma tidhirx li hija vvizzjata bi żball ta’ liġi minkejja li toħloq differenzjazzjoni bejn il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ assoċjazzjoni rappreżentattiva u dawk mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ partijiet interessati oħra. Jiena tal-fehma li l-Kummissjoni tista’ tagħmel distinzjoni bejn assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u produtturi esportaturi, peress li għandha tasal għal bilanċ ġust bejn id-drittijiet tad-difiża u l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità ( 185 ). Peress li l-informazzjoni tikkonċerna l-karatteristiċi tal-prodotti u, għalhekk, tikkostitwixxi sigriet kummerċjali, il-Kummissjoni għandha tipproteġiha. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni, meta tasal għall-bilanċ imsemmi iktar ’il fuq, tista’ u għandha tagħmel distinzjoni bejn l-entitajiet li jitolbu l-aċċess għal din l-informazzjoni.

    224.

    It-tieni, iċ-CCCME tikkritika l-punt 529 tas-sentenza appellata li fih il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, matul il-proċedura antidumping, iċ-CCCME kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni kollha dwar il-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex jiġu kkalkolati l-volumi tal-importazzjonijiet. Skont iċ-CCCME, tali evalwazzjoni tinjora l-fatt li d-data dwar l-importazzjoni inkwistjoni ma kinitx informazzjoni disponibbli pubblikament. Id-determinazzjoni tal-volumi tal-importazzjonijiet kienet tinvolvi kalkolu kumpless ħafna bbażat fuq diversi suppożizzjonijiet, u d-data kienet prinċipalment ibbażata fuq informazzjoni u metodoloġija pprovduti minn min għamel l-ilment. Iċ-CCCME targumenta li huwa kompletament irraġonevoli li parti interessata tkun mistennija twettaq mill-ġdid kalkolu daqstant ikkumplikat, li jinkludi diversi stadji differenti u diversi suppożizzjonijiet, meta l-Kummissjoni setgħet faċilment tikkomunika dan il-kalkolu minħabba li ma kienx fih informazzjoni kunfidenzjali u minħabba li din id-data u dawn il-kalkoli kienu jikkostitwixxu fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali.

    225.

    Qabelxejn, għandhom jiġu indikati ċerti konstatazzjonijiet fattwali stabbiliti mill-Qorti Ġenerali.

    226.

    L-ewwel, iċ-CCCME kienet ġiet informata, matul il-proċedura antidumping, dwar il-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tikkalkola l-volumi tal-importazzjonijiet. B’mod partikolari, iċ-CCCME kienet taf (i) il-perċentwali rreġistrati għall-importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ, mill-Indja u minn pajjiżi terzi oħra b’rabta mal-kodiċi sekondarji preċedenti li kienu jintużaw qabel l-introduzzjoni fl‑2014 tal-kodiċi ġenerali tan-NM ex73251000, (ii) l-ammont fiss li kellu jitnaqqas mill-kodiċi NM ex73259910 sabiex jinkisbu l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ, mill-Indja u minn pajjiżi terzi oħra, u (iii) il-perċentwali li kellha titnaqqas mill-importazzjonijiet totali sabiex jiġu esklużi l-ispralli tal-kanali.

    227.

    It-tieni, peress li d-data użata sabiex jiġu ddeterminati dawn l-importazzjonijiet kienet estratta minn statistika pprovduta mill-Eurostat, li huma disponibbli fid-database Comext, iċ-CCCME kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tirriproduċi l-kalkoli tal-Kummissjoni li kienet talbet il-komunikazzjoni tagħhom.

    228.

    Għaldaqstant, li kieku ċ-CCCME xtaqet tivverifika l-affidabbiltà tal-kalkoli magħmula mill-Kummissjoni, hija kellha d-data rilevanti sabiex tagħmel dan. Fil-kawża ineżami, iċ-CCCME bl-ebda mod ma tissostanzja l-argument li hija ma tistax tirriproduċi l-kalkoli. Huwa raġonevoli li parti interessata, bħalma hija ċ-CCCME, tkun mistennija tivverifika l-kalkoli inkwistjoni hija stess. Pereżempju, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Bricmat ( 186 ), il-partijiet interessati kkontestaw in-natura preċiża tal-prezzijiet medji tal-importazzjoni tal-prodotti inkwistjoni fir-rigward ta’ ċerti Stati Membri. Għaldaqstant, id-dubji mqajma mill-qorti nazzjonali, li wasslu għal stħarriġ tal-miżuri antidumping, kienu ssostanzjati ( 187 ). Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tikkonstata li ċ-CCCME kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tirriproduċi l-kalkoli tal-Kummissjoni li kienet talbet il-komunikazzjoni tagħhom ( 188 ).

    229.

    It-tielet, iċ-CCCME għandha problema bl-evalwazzjoni fil-punt 538 tas-sentenza appellata u targumenta li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kklassifikat bħala kunfidenzjali d-data aggregata attwali u l-istimi. Iċ-CCCME targumenta li, peress li din id-data ma kinitx kunfidenzjali, hija kellha tiġi kkomunikata lill-partijiet interessati skont l-Artikolu 6(7) tar-Regolament bażiku u kienet tikkostitwixxi fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali taħt l-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-regolament.

    230.

    Għandu jingħad li ċ-CCCME tikkontesta l-konstatazzjoni magħmula fil-punt 538 tas-sentenza appellata fis-sens li l-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa tagħmel tali distinzjoni meta tevalwa d-dannu għall-Unjoni, peress li d-dannu jiġi evalwat għall-industrija tal-Unjoni fl-intier tagħha. Għalkemm dan huwa minnu, dan il-kriterju ta’ evalwazzjoni ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ komunikazzjoni tad-data aggregata attwali u stmata inkwistjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tkun meħtieġa tiġġenera dan id-dokument sabiex tipproteġi d-drittijiet tad-difiża. Madankollu, fil-kawża ineżami, il-Qorti Ġenerali kkonstatat – u din il-konstatazzjoni ma ġietx ikkontestata fl-appell miċ-CCCME – li d-data attwali tal-produtturi fil-kampjun u ta’ dawk li għamlu l-ilment, minn naħa, u l-istimi magħmula għall-produtturi l-oħra, min-naħa l-oħra, huma kunfidenzjali, anki meta aggregati. Fil-fehma tiegħi, dawn ir-raġunijiet huma suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikati n-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ din id-data liċ-CCCME.

    231.

    Għaldaqstant, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tielet parti tal-ħames aggravju u dan l-aggravju fl-intier tiegħu.

    VII. Fuq l-ispejjeż

    232.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja talbitni nikkunsidra l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà u l-ewwel parti tal-ewwel aggravju kif ukoll it-tieni u l-ħames aggravju biss. Peress li l-eżitu finali tal-appell ser jiddependi mill-pożizzjoni li tadotta l-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward mhux biss ta’ dawn l-eċċezzjonijiet u ta’ dawn l-aggravji iżda wkoll fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel aggravju u tat-tielet u r-raba’ aggravju, jiena ma jien se nagħmel ebda rakkomandazzjoni dwar id-deċiżjoni fuq l-ispejjeż f’din il-kawża.

    VIII. Konklużjoni

    233.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u bla ħsara għall-evalwazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tat-tieni parti tal-ewwel aggravju u tat-tielet u tar-raba’ aggravju, jiena nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel parti tal-ewwel aggravju kif ukoll it-tieni u l-ħames aggravju mressqa mill-appellanti.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) T‑254/18, EU:T:2021:278. Id-disa’ appellanti l-oħra huma elenkati fl-Anness I tagħha u huma wkoll membri taċ-CCCME.

    ( 3 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tad‑29 ta’ Jannar 2018 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jtemm l-investigazzjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw fl-Indja (ĠU 2018, L 25, p. 6).

    ( 4 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21).

    ( 5 ) Data mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat).

    ( 6 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189.

    ( 7 ) Deċiżjoni tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).

    ( 8 ) Ara l-lista fil-punt 2 tas-sentenza appellata.

    ( 9 ) ĠU 2016, C 461, p. 22.

    ( 10 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni li jimponi dazju provviżorju antidumping fuq l-importazzjoni ta’ ċerti oġġetti ta’ ħadid fondut li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU 2017, L 211, p. 14).

    ( 11 ) Il-lista tas-seba’ persuni ġuridiċi tinsab fl-Anness II tas-sentenza appellata.

    ( 12 ) Ara d-digriet tat‑30 ta’ Settembru 1997, Federolio vs Il‑Kummissjoni (T‑122/96, EU:T:1997:142, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑28 ta’ Ġunju 2005, FederDoc et vs Il‑Kummissjoni (T‑170/04, EU:T:2005:257, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2013, Aiscat vs Il‑Kummissjoni (T‑182/10, EU:T:2013:9, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 14 ) Għandu jiġi indikat li l-Kummissjoni qiegħda tikkontesta l-punti 52 sa 70 tas-sentenza appellata, li jikkonċernaw ir-rekwiżit ta’ inċidenza individwali, kif ukoll il-punti 71 sa 75 ta’ dik is-sentenza, li jikkonċernaw il-konstatazzjoni ta’ inċidenza diretta.

    ( 15 ) Taħt l-ewwel każ, il-persuna inkwistjoni tkun indirizzata speċifikament fil-miżura kkontestata u, taħt it-tielet każ, din il-persuna tista’ tressaq kawża kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni jekk dan l-att jikkonċernaha direttament, li manifestament ma huwiex il-każ hawnhekk peress li ma hemm ebda miżuri ta’ implimentazzjoni li jikkonċernaw liċ-CCCME.

    ( 16 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17), u tat‑28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 63).

    ( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Il-Kunsill vs Growth Energy and Renewable Fuels Association (C‑465/16 P, EU:C:2019:155, punt 105).

    ( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 1983, Fediol vs Il‑Kummissjoni (191/82, EU:C:1983:259, punt 31); u tas‑17 ta’ Jannar 2002, Rica Foods vs Il‑Kummissjoni (T‑47/00, EU:T:2002:7, punt 55); u d-digriet tal‑14 ta’ Diċembru 2005, Arizona Chemical et vs Il‑Kummissjoni (T‑369/03, EU:T:2005:458, punt 72).

    ( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Il-Kunsill vs Growth Energy and Renewable Fuels Association (C‑465/16 P, EU:C:2019:155, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 20 ) Matul is-seduta, il-Kummissjoni enfasizzat li ma hemm ebda deċiżjoni formali u li lanqas ma huwa possibbli għall-industrija tal-Unjoni li tikkontesta r-rikonoxximent ta’ entità bħala parti interessata.

    ( 21 ) Ara l-punt 63 tas-sentenza appellata.

    ( 22 ) Ara, l-iktar reċenti, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Growth Energy and Renewable Fuels Association vs Il‑Kunsill (T‑276/13, EU:T:2016:340). Għandu jingħad li l-parti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-locus standi sabiex tinfetaħ kawża kontra r-Regolament kontenzjuż sabiex jiġi żgurat li jitħarsu d-drittijiet proċedurali tal-assoċjazzjoni tal-kummerċ inkwistjoni hija kkonfermata espliċitament mill-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Growth Energy and Renewable Fuels Association f’isimha stess bħala parti interessata fil-proċedura: ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2019, Il-Kunsill vs Growth Energy and Renewable Fuels Association (C-465/16 P, EU:C:2019:155, punti 101) sa 109. Ara wkoll id-digrieti tat‑3 ta’ Ġunju 1997, Merck et vs Il‑Kummissjoni (T‑60/96, EU:T:1997:81, punt 73); tal‑15 ta’ Settembru 1998, Molkerei Großbraunshain u Bene Nahrungsmittel vs Il‑Kummissjoni (T‑109/97, EU:T:1998:209, punti 6768); u tas‑16 ta’ Settembru 2005, Schmoldt et vs Il‑Kummissjoni (C‑342/04 P, mhux ippubblikat, EU:C:2005:562, punti 3940 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 23 ) Fil-punt 66 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tindika li l-Kummissjoni kienet argumentat li, anki li kieku ċ-CCCME setgħet tinvoka drittijiet proċedurali li joħorġu mir-Regolament bażiku, din l-entità għandha tiġi rrikonoxxuta bħala assoċjazzjoni rappreżentattiva ta’ esportaturi fis-sens ta’ dan ir-regolament, u mhux bħala parti li għandha interess fis-sens tal-istess regolament.

    ( 24 ) Madankollu, għandu jiġi indikat li prassi amministrattiva żbaljata jista’ jkollha konsegwenzi legali oħra u tista’ tkun is-suġġett ta’ rimedji ġudizzjarji differenti.

    ( 25 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 58 sa 60, 68 u 69 tas-sentenza appellata.

    ( 26 ) Pereżempju, jidher li huma biss l-Artikolu 6(7) u l-Artikolu 20(1), (2) u (4) tar-Regolament bażiku li jagħtu ċerti garanziji proċedurali lil assoċjazzjonijiet rappreżentattivi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-punt 143 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tiddikjara li ċ-CCCME kienet allegat quddiemha li l-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet tad-difiża u l-Artikolu 6(7), l-Artikolu 19(1) sa (3) u l-Artikolu 20(2) u (4) tar-Regolament bażiku meta rrifjutat li tagħti lill-appellanti aċċess għal informazzjoni rilevanti għad-determinazzjoni tad-dumping u għad-determinazzjoni tad-dannu.

    ( 27 ) Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(10) tar-Regolament bażiku, il-partijiet interessati “jistgħu jagħmlu lilhom infushom magħrufa, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jippreżentaw informazzjoni jekk tali opinjonijiet u informazzjoni għandhom jiġu meqjusa matul l-investigazzjoni”. Dan jimplika wkoll li huma għandhom jindikaw il-kapaċità li fiha jkunu qegħdin jaġixxu.

    ( 28 ) Ara l-Artikolu 6(7) u l-Artikolu 20(2) u (4) tar-Regolament bażiku.

    ( 29 ) It-terminu “jistgħu”, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(10) tar-Regolament bażiku għandu jinqara kif ġej: għall-finijiet tal-proċedura antidumping, il-partijiet li jkunu jixtiequ jsiru partijiet interessati għandhom jagħmlu lilhom infushom magħrufa. Kif indikat il-Kummissjoni matul is-seduta, hija ma tistax tkun mistennija tieħu l-inizjattiva li tfittex il-partijiet interessati. Din hija wkoll il-pożizzjoni meħuda mill-Korp tal-Appell tal-WTO li, fir-rapport tiegħu tad‑29 ta’ Novembru 2005 fil-każ “Messiku – Miżuri antidumping definittivi fir-rigward taċ-ċanga u tar-ross” (WT/DS 295/AB/R, punt 251), ikkonstata li l-awtorità investigattiva inkwistjoni “ma kinitx obbligata, taħt l-Artikolu 6.1, tikkomunika l-informazzjoni meħtieġa lil esportaturi li ma kinitx taf dwarhom iżda li setgħet tikseb għarfien tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    ( 30 ) Ara l-Artikolu 7(15) tar-Regolament tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet issussidjati minn pajjiżi li ma humiex Membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1994, L 349, p. 22).

    ( 31 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 459/68 tal‑5 ta’ April 1968 dwar il-protezzjoni kontra dumping jew l-għoti ta’ premjijiet jew sussidji minn pajjiżi li ma humiex Membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1968, L 93, p. 1).

    ( 32 ) Il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta r-Regolament bażiku konformement mal-Artikolu 207(2) TFUE sabiex jiżgura l-implimentazzjoni tal-Ftehim Antidumping tal‑1994 fis-sistema legali interna tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2015, Il‑Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie and Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht (C‑401/12 P sa C‑403/12 P, EU:C:2015:4, punt 59). Skont il-premessa 3 tar-Regolament bażiku, “il-lingwaġġ ta’ dak il-Ftehim għandu jiġi rifless fil-leġislazzjoni tal- Unjoni sa fejn ikun possibbli” (enfasi miżjuda).

    ( 33 ) Għandu jiġi indikat, bħala paragun, li l-Istati Uniti tal-Amerika implimentaw l-espressjoni “assoċjazzjoni tal-kummerċ jew tan-negozju” b’mod identiku għall-Artikolu 6.11(i) tal-Ftehim Antidumping tal‑1994 sa fejn, skont l-Artikoli 9(E) u (F) tan‑19 U.S. Code § 1677 (Kodiċi 19 tal-Istati Uniti Nru 1677), l-espressjoni “interested party” (parti interessata) tinkludi “trade or business association[s]” (assoċjazzjoni(jiet) tal-kummerċ u tan-negozju).

    ( 34 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube (C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 35 ) Jiena tal-fehma, l-istess bħall-partijiet kollha, li, peress li l-Artikolu 5(11) tar-Regolament bażiku jirreferi għal “assoċjazzjoni rappreżentattiva” u għal “assoċjazzjoni tal-kummerċ”, dawn l-espressjonijiet jirreferu għall-istess parti. Għal finijiet ta’ ċarezza, f’dawn il-konklużjonijiet ser nuża biss l-espressjoni “assoċjazzjoni rappreżentattiva” meta nirreferi għal dawn id-dispożizzjonijiet.

    ( 36 ) Fil-verżjoni bl-Ingliż, assoċjazzjoni tal-kummerċ tista’ tiġi ddefinita bħala “assoċjazzjoni volontarja ta’ impriżi kummerċjali organizzata fuq bażi ġeografika jew industrijali bil-għan li tippromwovi u tiżviluppa opportunitajiet kummerċjali u industrijali fil-qasam tal-attivitajiet tagħha, bil-għan li tesprimi b’mod pubbliku l-fehmiet tal-membri tagħha fuq kwistjonijiet ta’ interess komuni, jew f’ċerti każijiet bil-għan li teżerċita xi tip ta’ kontroll fuq il-prezzijiet, il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni” [traduzzjoni libera] (ara l-entrata “Trade association” f’Encyclopædia Britannica, Britannica Academic; minn https://academic.eb.com/levels/collegiate/article/trade-association/73137, sit ikkonsultat fl‑10 ta’ Ottubru 2022). Ara wkoll id-definizzjoni ta’ “trade association” fil-verżjoni online tal-Cambridge Dictionary, jiġifieri, organizzazzjoni li tipprovdi sostenn lil kumpanniji u lil persuni li jimpjegaw f’tip partikolari ta’ industrija u li tipproteġi d-drittijiet tagħhom.

    ( 37 ) Għall-kuntrarju tal-verżjonijiet bl-Ingliż u bil-Franċiż, il-verżjoni bl-Ispanjol tal-Artikolu 6.11(i) tal-Ftehim Antidumping tal‑1994 tirreferi għal assoċjazzjonijiet kummerċjali, tan-negozju jew imprenditorajli, jiġifieri għal tliet kategoriji ta’ assoċjazzjonijiet. Madankollu, it-tipi kollha jirreferu għall-kelma “assoċjazzjoni”, li għandha l-konnotazzjoni ta’ entità b’personalità ġuridika fformata minn diversi persuni, fiżiċi jew ġuridiċi, li, permezz ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni, hija ddedikata b’mod permanenti għall-kisba ta’ ċerti għanijiet mhux ta’ lukru (Organización dotada de personalidad jurídica integrada por una diversidad de personas, físicas o jurídicas, que, mediante un pacto asociativo, se dedica de forma permanente a la consecución de determinados fines sin finalidad de lucro; ara https://dpej.rae.es/lema/asociaci%C3%B3n). B’hekk, pereżempju, “asociación empresarial” hija ddefinita bħala “organización de empresarios constituida para la defensa de los intereses económicos y sociales que le son propios” (ara Montoya Melgar, A. (editur), Diccionario Jurídico de la Real Academia de Jurisprudencia y Legislación, Aranzadi, Cizur Menor, 2016).

    ( 38 ) Id-dizzjunarju online Larousse jiddefinixxi “groupement” bħala “organisation plus ou moins structurée constituée par un ensemble de personnes ayant mêmes intérêts, mêmes aspirations ou même idéologie”. Fid-dizzjunarju tas-Centre national de ressources textuelles et lexicales din il-kelma hija ddefinita bħala “ensemble (important) de personnes (physiques ou morales) ayant des caractéristiques communes, réunies pour atteindre un but, pour défendre des intérêts communs”.

    ( 39 ) Minn perspettiva storika, l-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ żviluppaw matul is-seklu 18 u fl-ewwel parti tas-seklu 19, u ħadu post ix-xirek tal-kummerċ u l-korporazzjonijiet ta’ negozjanti li kienu tilfu l-poter tagħhom. Dak iż-żmien evolvew żewġ sistemi: dik Brittanika u dik Franċiża. Filwaqt li fis-sistema Brittanika l-“organizzazzjonijiet tal-kummerċ tħallew jiżviluppaw waħedhom bil-mod tagħhom” [traduzzjoni libera], fis-sistema Franċiża “il-gvern ħa r-rwol li joħloq organizzazzjonijiet tal-kummerċ, li integra fis-sistema amministrattiva tal-pajjiż u li tahom status uffiċjali bħala parti integrali mill-mekkaniżmu tal-Istat” [traduzzjoni libera] (ara Chisholm, H. (editur), “Trade Organization”, Encyclopædia Britannica, Vol. 27 (il‑11-il edizzjoni.), Cambridge University Press, 1911, p. 135 sa 140, li jagħti ħarsa komprensiva tal-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ sa mill-bidu tas-seklu 20).

    ( 40 ) Għall-kuntrarju, il-WTO tirrikonoxxi assoċjazzjonijiet ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali, bħalma huma l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, li juri li l-kelma “assoċjazzjoni” għandha konnotazzjoni wiesgħa ħafna fil-kuntest tal-qafas tal-kummerċ multilaterali fi ħdan il-WTO.

    ( 41 ) Pereżempju, ara l-lista ta’ assoċjazzjonijiet tal-kummerċ fl-Istati Uniti fuq https://www.trade.gov/trade-associations.

    ( 42 ) Fir-rigward ta’ interpretazzjoni konformement mal-Artikolu 11(1) tal-KEDB, ara s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Trasparenza ta’ assoċjazzjoni) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punti 112 sa 114).

    ( 43 ) Qorti EDB, 17 ta’ Frar 2004, Gorzelik et vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2004:0217JUD004415898, punti 88, 90 u 92), u Qorti EDB, 8 ta’ Ottubru 2009, Tebieti Mühafize Cemiyyeti u Israfilov vs L‑Azerbajġan (CE:ECHR:2009:1008JUD003708303, punti 52 u 53).

    ( 44 ) Qorti EDB, 17 ta’ Frar 2004, Gorzelik et vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2004:0217JUD004415898, punt 52), u Qorti EDB, 8 ta’ Ottubru 2009, Tebieti Mühafize Cemiyyeti u Israfilov vs L‑Azerbajġan (CE:ECHR:2009:1008JUD003708303, punt 54).

    ( 45 ) Qorti EDB, 5 ta’ Ottubru 2006, Moscow Branch of the Salvation Army vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2006:1005JUD007288101, punti 73 u 74).

    ( 46 ) L-Artikolu 52(1) tal-Karta jaċċetta li jistgħu jiġu imposti limitazzjoni fuq l-eżerċizzju ta’ drittijiet u ta’ libertajiet kemm-il darba l-limitazzjonijiet ikunu previsti f’liġi, jirrispettaw l-essenza ta’ dawn id-drittijiet u libertajiet, u, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu meħtieġa u jissodisfaw verament l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor.

    ( 47 ) L-istess raġunament japplika għall-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-libertà ta’ assoċjazzjoni fis-sens tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata fl‑10 ta’ Diċembru 1948 mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, li tipprovdi, fl-Artikolu 20(1) tagħha, li “kulħadd għandu d-dritt għal-libertà ta’ assemblea u ta’ assoċjazzjoni paċifiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    ( 48 ) Il-Kummissjoni argumentat li f’Albert u Le Compte Van Leuven and de Meyere vs Il-Belġju, Rikorsi Nri 6878/75 u 7238/75, 23 ta’ Ġunju 1981, CE:ECHR:1981:0623JUD000687875, punti 62 sa 66, il-Qorti EDB ikkonstatat li l-Ordre des médecins Belġjan, jiġifieri l-Bord jew il-Kamra ta’ tobba mediċi, minħabba n-natura legali tiegħu u speċifikament il-funzjoni pubblika tiegħu, ma huwiex assoċjazzjoni għaliex jeżerċita kontroll pubbliku fuq il-prattika tal-mediċina.

    ( 49 ) Ara l-Anness A.7 tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Artikoli 2 u 3 tal-Kapitolu 1 tal-Istatut taċ-CCCME.

    ( 50 ) Ibid.

    ( 51 ) Ara l-Artikolu 3 tal-Istatut taċ-CCCME.

    ( 52 ) Ara l-Anness A.2 tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali. Madankollu, huwa possibbli li l-portata tal-entità hija usa’ minn dik li jindika isimha. L-industrija tal-ħadid fondut u l-makkinarju u/jew l-industriji mekkaniċi huma relatati; ma jistax jiġi prekluża li ċ-CCCME tipproteġi l-interessi ta’ produtturi u ta’ esportaturi ta’ għotjien ta’ tappieri.

    ( 53 ) Ara, bħala analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Confservizi vs Il‑Kummissjoni (T‑292/02, EU:T:2009:188, punt 55).

    ( 54 ) Sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2000 (T‑256/97, EU:T:2000:21, punt 75).

    ( 55 ) Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-approċċ tal-Kummissjoni li kienet eskludiet organizzazzjoni tal-konsumaturi minn proċedura antidumping abbażi ta’ distinzjoni bejn prodotti mibjugħa bl-imnut u prodotti oħra.

    ( 56 ) Ara l-punt 22 tat-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja ppreżentati mill-intervenjenti.

    ( 57 ) Ara l-Anness A.7 tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, u l-Artikolu 4 u l-Artikolu 6(2) tal-Kapitolu I tal-Istatut taċ-CCCME. B’mod partikolari, l-Artikolu 4 jipprovdi li l-assoċjazzjoni hija “taħt is-superviżjoni, l-amministrazzjoni u t-tmexxija kummerċjali tal-Ministeru għall-Affarijiet Ċivili” u “tal-Ministeru għall-Kummerċ tar-[RPĊ]”.

    ( 58 ) Ara l-punti 32 u 57 sa 60 tar-risposta quddiem il-Qorti Ġenerali, it-tweġibiet bil-miktub għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali tas‑7 ta’ April 2020, it-tweġiba għad-disa’ mistoqsija, il-punti 59 sa 70 tal-enumerazzjoni kif tkompliet, u l-Anness R.2 tar-risposta quddiem il-Qorti Ġenerali. Ara wkoll il-punti 11 sa 23 tar-risposta tal-intervenjenti għall-appell.

    ( 59 ) 282/85, EU:C:1986:316.

    ( 60 ) Sentenzi tal‑24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni (C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punti 8183), u tad‑9 ta’ Lulju 2008, Alitalia vs Il‑Kummissjoni (T‑301/01, EU:T:2008:262, punt 58).

    ( 61 ) 282/85, EU:C:1986:316.

    ( 62 ) Bħala analoġija, assoċjazzjoni tista’ titħalla tintervjeni f’kawża jekk tirrappreżenta numru sinjifikattiv ta’ impriżi li jkunu attivi fis-settur ikkonċernat, jekk l-għanijiet tagħha jinkludu l-protezzjoni tal-interessi tal-membri tagħha, jekk il-kawża tista’ tqajjem kwistjonijiet ta’ prinċipju li jolqtu l-funzjonament tas-settur ikkonċernat u jekk l-interessi tal-membri tagħha jistgħu għalhekk jintlaqtu b’mod sinjifikattiv mis-sentenza li tkun ser tingħata (ara d-digriet tal‑10 ta’ Novembru 2020, Nevinnomysskiy Azot u NAK Azot vs Il‑Kummissjoni, T‑865/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:570, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 63 ) Sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 187); tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 94); u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 48).

    ( 64 ) Peress li l-garanziji proċedurali huma garanziji individwali, il-portata tagħhom tiddependi mill-interessi li l-assoċjazzjoni inkwistjoni effettivament tirrappreżenta. Għaldaqstant, fil-każ ta’ entità bħalma hija ċ-CCCME, li, sa ċertu punt, hija kkontrollata mir-RPĊ, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diversi interessi rrappreżentati minnha (il-produtturi esportaturi u r-RPĊ) meta tiġi ddeterminata l-portata effettiva tad-drittijiet proċedurali tagħha taħt dawn id-dispożizzjonijiet.

    ( 65 ) Ara l-Artikolu 5(11) tar-Regolament bażiku.

    ( 66 ) Ara l-punti 35 u 36 iktar ’il fuq.

    ( 67 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑13 ta’ Marzu 2018, European Union Copper Task Force vs Il‑Kummissjoni (C‑384/16 P, EU:C:2018:176, punt 87).

    ( 68 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 69 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Confservizi vs Il‑Kummissjoni (T‑292/02, EU:T:2009:188, punt 55), u d-digreit tad‑29 ta’ Marzu 2012, Asociación Española de Banca vs Il‑Kummissjoni (T‑236/10, EU:T:2012:176, punt 25).

    ( 70 ) Ara, bħala analoġija, is-sentenza tad- 19 ta’ Diċembru 2019, Engie Cartagena (C‑523/18, EU:C:2019:1129, punt 34).

    ( 71 ) Ara, f’dan is-sens, inter alia, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld (C‑181/19, EU:C:2020:794, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 72 ) Il-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni tikkonċerna, fil-verità, il-prinċipju li assoċjazzjoni ma hijiex intitolata tippreżenta rikors għal annullament meta l-membri tagħha ma jkunux jistgħu jagħmlu dan individwalment. Ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Il‑Kummissjoni vs Sveriges Betodlares Centralförening (C‑409/96 P, EU:C:1997:635, punt 45), u s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum (C‑78/03 P, EU:C:2005:761, punt 70).

    ( 73 ) Ara l-evidenza prodotta mill-Kummissjoni fl-Annessi 4 sa 6 tat-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    ( 74 ) Ara l-punti 67 sa 69 iktar ’il fuq.

    ( 75 ) Il-Kummissjoni tikkonċedi, madankollu, li l-Istat għandu r-rwol ta’ awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja meta jiġi biex japprova l-ħolqien tal-assoċjazzjoni. L-awtorità sempliċement tivverifika li r-rekwiżiti formali legali kollha previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali huma ssodisfatti.

    ( 76 ) Ara l-punt 68 iktar ’il fuq.

    ( 77 ) Ara, inter alia, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Settembru 1998, Pharos vs Il‑Kummissjoni (C‑151/98 P, EU:C:1998:440, punti 68), u tat‑3 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs Andersen (C‑303/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:226, punt 8).

    ( 78 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il-Venezwela vs Il‑Kunsill (Inċidenza għal Stat terz) (C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 50).

    ( 79 ) Ibid. punt 50. Il-Qorti tal-Ġustizzja espliċitament iddikjarat li “l-obbligi tal-Unjoni li tiżgura l-osservanza tal-valur tal-Istat tad-dritt bl-ebda mod ma jistgħu jkunu suġġetti għal kundizzjoni ta’ reċiproċità fir-rigward tar-relazzjonijiet li l-Unjoni għandha ma’ Stati terzi” (punt 52).

    ( 80 ) Barra minn hekk, minn perspettiva pluralistika, Stat huwa forma ta’ grupp jew ta’ assoċjazzjoni (ara Muñiz-Fraticelli, V.M., “The Structure of Pluralist Arguments”, f’The Structure of Pluralism, Oxford Constitutional Theory, Oxford, 2014, edizzjoni online, Oxford Academic; u, b’mod ġenerali, Hirst, P.Q. (editur), The Pluralist Theory of the State: Selected Writings of G.D.H. Cole, J.N. Figgis and H.J. Laski, Routledge, Londra, 1993).

    ( 81 ) Skont dan il-prinċipju, fir-relazzjoni tagħha mal-bqija tad-dinja, l-Unjoni għandha tafferma u tippromwovi l-valuri tagħha.

    ( 82 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat- 3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 9798).

    ( 83 ) Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-locus standi ta’ assoċjazzjoni sabiex tippreżenta rikors huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjoni li rikors ippreżentat minn assoċjazzjoni għandu vantaġġi proċedurali peress li jeħles lill-istituzzjoni minn diversi rikorsi separati ppreżentati kontra l-istess atti sa fejn l-assoċjazzjoni tieħu post wieħed jew iktar mill-membri tagħha li tirrappreżenta l-interessi tagħhom, li setgħu jippreżentaw rikors ammissibbli huma stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 1995, AITEC et vs Il‑Kummissjoni, T‑447/93 sa T‑449/93, EU:T:1995:130, punt 60).

    ( 84 ) C‑465/16 P, EU:C:2019:155.

    ( 85 ) Ibid., punt 125.

    ( 86 ) Ara l-punti 77 sa 80 iktar ’il fuq.

    ( 87 ) L-Artikolu 4 tal-Istatut taċ-CCCME jipprovdi li l-assoċjazzjoni hija “taħt is-superviżjoni, l-amministrazzjoni u t-tmexxija kummerċjali tal-Ministeru għall-Affarijiet Ċivili” u “tal-Ministeru għall-Kummerċ tar-[RPĊ]” (ara l-Anness A.7 tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali).

    ( 88 ) Ara l-punti 77 sa 80 iktar ’il fuq.

    ( 89 ) Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10(1) tal-Istatut taċ-CCCME, il-membri għandhom id-dritt ta’ vot. Għaldaqstant, għandu jkun hemm evidenza tanġibbli li, fil-kawża ineżami, kien hemm ksur ta’ dawn id-drittijiet ta’ vot fir-rigward tad-deċiżjoni li jiġi ppreżentat rikors (ara l-Anness A.7 tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali).

    ( 90 ) Ara l-punt 19 tat-tweġiba tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    ( 91 ) Sentenza tas‑16 ta’ Frar 1965 (14/64, EU:C:1965:13, p. 57).

    ( 92 ) Skont l-Artikolu 53 tal-Istatut, “[i]l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tiġi regolata bit-Titolu III”. Dan it-titolu jinkludi l-Artikolu 19 tal-Istatut.

    ( 93 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill (C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 113).

    ( 94 ) Artikolu 44(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fil-verżjoni li tirriżulta minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1991 (ĠU 1991, L 136, p. 1).

    ( 95 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Settembru 2016, European Food vs EUIPO – Société des produits Nestlé (FITNESS) (T‑476/15, EU:T:2016:568, punt 19); tas‑17 ta’ Frar 2017, Batmore Capital vs EUIPO – Univers Poche (POCKETBOOK) (T‑596/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:103, punti 19 sa 22); u tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Amigüitos pets & life vs EUIPO – Société des produits Nestlé (THE ONLY ONE by alphaspirit wild and perfect) (T‑40/19, mhux ippubblikata, EU:T:2019:890, punt 14).

    ( 96 ) Sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Universität Bremen vs REA (C‑110/21 P, EU:C:2022:555, punt 53).

    ( 97 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 1965, Barge vs L‑Awtorità Għollja (14/64, EU:C:1965:13, p. 57).

    ( 98 ) Ara, bħala analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Universität Bremen vs REA (C‑110/21 P, EU:C:2022:555, punt 67).

    ( 99 ) Sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 187); tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 94); u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 48).

    ( 100 ) Id-data tal-Eurostat hija kklassifikata skont kodiċi misluta min-NM. Fil-kawża ineżami, il-prodott kopert mir-Regolament kontenzjuż jaqa’ taħt żewġ kodiċijiet: kodiċi NM ex73251000 (ħadid fondut mhux malleabbli) u kodiċi NM ex73259910 (ħadid fondut malleabbli), fejn it-terminu “ex” qabel il-kodiċi jindika li, fiż-żewġ każijiet, il-prodott taħt investigazzjoni jaqa’ taħt parti biss mill-kodiċi inkwistjoni.

    ( 101 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Diċembru 2021, Il‑Kummissjoni u GMB Glasmanufaktur Brandenburg vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings (C‑884/19 P u C‑888/19 P, EU:C:2021:973, punt 117), u tal‑10 ta’ Lulju 2019, Caviro Distillerie et vs Il‑Kummissjoni (C‑345/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:589, punt 14).

    ( 102 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Bricmate (C‑569/13, EU:C:2015:572, punti 52 u 68).

    ( 103 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Bricmate (C‑569/13, EU:C:2015:572, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 104 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2015, Yuanping Changyuan Chemicals vs Il‑Kunsill (T‑310/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:295, punt 129).

    ( 105 ) Sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Gul Ahmed Textile Mills vs Il‑Kunsill (C‑100/17 P, EU:C:2018:842, punt 64), u tal‑10 ta’ Lulju 2019, Caviro Distillerie et vs Il‑Kummissjoni (C‑345/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:589, punt 16).

    ( 106 ) Id-data tal-Eurostat għandha tintuża sabiex jiġi kkalkolat il-volum ta’ importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2012, GLS, C‑338/10, EU:C:2012:158, punt 30).

    ( 107 ) Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Bricmate (C‑569/13, EU:C:2015:572, punt 68).

    ( 108 ) Ibid., punti 47 sa 49. Pereżempju, fis-sentenza Bricmate, il-qorti tar-rinviju Svediża, li bbażat ruħha fuq il-kontestazzjonijiet issostanzjati magħmula minn Bricmate kontra d-data dwar il-volum tal-importazzjonijiet, ibbażat id-dubji tagħha fuq dawn il-kontestazzjonijiet sabiex iddaħħal inkwistjoni jekk din id-data kinitx korretta. Il-qorti tar-rinviju qajmet il-kwistjoni ta’ jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni wettqux żball fir-rigward tal-volum tal-importazzjonijiet ta’ oġġetti kklassifikati taħt l-intestatura 69089099 tan-NM minħabba li l-volum tal-importazzjonijiet Ċiniżi indikat fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 917/2011 tat‑12 ta’ Settembru 2011 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2011, L 238, p. 1) kien 1.3 miljun m2 iktar għall‑2009 u għall-perijodu ta’ investigazzjoni milli fil-fatt kien. Hija qajmet ukoll dubji dwar jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni wettqux żball fir-rigward tal-importazzjoni ta’ oġġetti taħt l-intestatura 69079099 tan-NM, illum l-intestatura 69079080 tagħha, b’tali mod li l-volum ta’ dawn l-importazzjonijiet iddikjarat għall‑2009 u għall-perjodu ta’ investigazzjoni kien 10 % iktar milli fil-fatt kien.

    ( 109 ) Ara r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, punt 35.

    ( 110 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, Jinan Meide Casting vs Il‑Kummissjoni (T‑650/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:644, punt 357).

    ( 111 ) Ara, f’dan is-sens, ir-rapport tal-Korp tal-Appell tal-WTO fil-każ “United States – Anti-Dumping Measures on Certain Hot-Rolled Steel Products from Japan”, adottat fit‑23 ta’ Awwissu 2001 (WT/DS 184/AB/R), punt 192.

    ( 112 ) Rapport tal-Korp tal-Appell tal-WTO tad‑29 ta’ Novembru 2005 fil-każ “Mexico – Definitive Anti-Dumping Measures on Beef and Rice” (AB‑2005‑6) (WT/DS 295/AB/R), punt 204.

    ( 113 ) Ibid., nota ta’ qiegħ il-paġna 228.

    ( 114 ) Dan ir-rekwiżit jirriżulta mis-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Bricmate (C‑569/13, EU:C:2015:572, punti 6568), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma eżaminawx bid-diliġenza meħtieġa d-data li tinsab fl-istatistika ta’ Eurostat” (enfasi miżjuda).

    ( 115 ) Għal finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi osservat li, fil-punti 167 sa 173 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk il-Kummissjoni ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-fatt, l-argumenti kollha mqajma mill-appellanti fir-rigward tal-verifika tal-metodu propost mill-persuni li ressqu l-ilment matul il-proċedura amministrattiva u jekk din id-data kinitx aċċettata “awtomatikament”.

    ( 116 ) B’mod iktar speċifiku, fil-punti 159 u 160 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tispjega li, fir-rigward ta’ prodotti tal-ħadid fondut mhux malleabbli (NM kodiċi ex732510), il-Kummissjoni, mill‑2014 ’il quddiem, kellha biss data li tikkorrispondi għall-kodiċi NM ex73251000, li kien ikopri l-prodott ikkonċernat flimkien ma’ prodotti oħra. Sabiex tissepara ċ-ċifri, li kienu jikkorrispondu għall-importazzjonijiet effettivi tal-prodott ikkonċernat matul il-perijodu inkunsiderazzjoni, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni data minn perijodu qabel l‑2014 dwar prodotti tal-ħadid fondut mhux malleabbli. Hija bbażat ruħha fuq il-proporzjon ta’ dawn l-importazzjonijiet fit-tliet kodiċi sekondarji li, qabel l‑2014, kienu jipprovdu data dwar dan il-prodott. Il-proporzjon attribwibbli lill-prodott ikkonċernat kien stmat li huwa 30 %. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ddeduċiet li 60 % tal-volum tal-importazzjonijiet Ċiniżi, 73 % tal-volum tal-importazzjonijiet Indjani u 50 % tal-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra kienu marbuta mal-prodott ikkonċernat u applikat dawn il-perċentwali għall-importazzjonijiet irreġistrati matul il-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar 2014 u t-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni.

    ( 117 ) B’mod partikolari, fil-punti 161 sa 163 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tispjega li l-Kummissjoni osservat li l-importaturi tal-ħadid fondut malleabbli li joriġina mir-RPĊ kienu bdew jużaw il-kodiċi NM ex73259910 fl‑2005, li hija s-sena li fiha miżuri antidumping preċedenti kienu imposti mill-Unjoni. Sabiex tikkalkola l-importazzjonijiet ikkonċernati minn dan il-kodiċi, hija użat l‑2004 bħala s-sena ta’ referenza li għaliha kellha data għal importazzjonijiet li jikkorrispondu għall-kodiċi NM ex73259910, mingħajr rabta mal-prodott ikkonċernat. Hija għalhekk naqqset it-tranżazzjonijiet li kienu twettqu fl‑2004 mill-volum tal-importazzjonijiet fil-perijodu inkunsiderazzjoni. B’hekk, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li 100 % tat-tranżazzjonijiet relatati mal-prodott ikkonċernat saru taħt il-kodiċi NM ex73259910, li minnhom kellhom jitnaqqsu 14645 tunnellata. Bl-istess mod, il-Kummissjoni kkalkolat il-volum ta’ importazzjonijiet ta’ ħadid fondut mill-Indja taħt il-kodiċi NM ex73259910 billi naqqset il-volum tal-importazzjonijiet tal‑2009 elenkati taħt dan il-kodiċi, li ma kinux marbuta mal-prodott ikkonċernat, mill-volum tal-importazzjonijiet matul il-perijodu inkunsiderazzjoni.

    ( 118 ) Punti 165 u 166 tas-sentenza appellata.

    ( 119 ) Ara l-evalwazzjoni tal-ewwel u tat-tieni lment (punti 167 sa 170 u punti 174 sa 196 tas-sentenza appellata, rispettivament), li huma s-suġġett tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju.

    ( 120 ) Ara l-punt 142 iktar ’il fuq.

    ( 121 ) Ara l-punti 140 u 141 iktar ’il fuq.

    ( 122 ) Ara l-punt 132 iktar ’il fuq.

    ( 123 ) Kif spjegat iktar ’il fuq, ir-rapporti tal-WTO jaċċettaw deduzzjonijiet raġonevoli. Id-dizzjunarju Merriam-Webster jiddefinixxi l-kelma “infer” bħala “to derive as a conclusion from facts or premises”, filwaqt li l-kelma “extrapolate” hija ddefinita bħala “to predict by projecting past experience or known data”. B’hekk, l-estrapolazzjoni tinvolvi l-previżjoni ta’ data futura bl-użu ta’ data storika. B’hekk, estrapolazzjoni, bħal dik fil-kawża ineżami, sa fejn hija bbażata fuq data affidabbli magħrufa, għandha wkoll tiġi aċċettata bħala deduzzjoni raġonevoli.

    ( 124 ) Punt 37 u Anness 11 tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

    ( 125 ) Ara l-punt 137 iktar ’il fuq.

    ( 126 ) Punti 178 u 179 tas-sentenza appellata.

    ( 127 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2015, Yuanping Changyuan Chemicals vs Il‑Kunsill (T‑310/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:295, punt 129). Ara, bħala analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ April 2015, TMK Europe (C‑143/14, EU:C:2015:236, punti 4142 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 128 ) Sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2013, CHEMK u KF vs Il‑Kunsill (C‑13/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:780, punt 56); tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Transnational Company Kazchrome u ENRC Marketing vs Il‑Kunsill (C‑10/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:865, punt 20); u tas‑16 ta’ April 2015, TMK Europe (C‑143/14, EU:C:2015:236, punt 32).

    ( 129 ) Ara l-premessi 130 sa 137 u 142 sa 160 tar-Regolament kontenzjuż.

    ( 130 ) Ara, bħala analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Caviro Distillerie et vs Il‑Kummissjoni (C‑345/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:589, punt 44).

    ( 131 ) Ara t-Tabella 12 tar-Regolament provviżorju.

    ( 132 ) Ara l-punt 43 tat-tweġibiet.

    ( 133 ) Ara l-punt 302 tas-sentenza appellata. Il-kunċett ta’ distakkament jislet is-sens tiegħu mir-relazzjoni indipendenti bejn partijiet indipendenti. Il-prezz ta’ distakkament jikkostitwixxi l-prezz li kien jiġi applikat bejn entitajiet relatati li kieku dawn l-entitajiet ma kinux relatati ma’ xulxin.

    ( 134 ) L-appellanti għandhom problema bl-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-ħames parti tal-ewwel motiv tagħhom, li tikkonċerna l-inklużjoni tal-prezzijiet applikati fi ħdan il-grupp fil-kalkolu tal-ispejjeż tal-industrija tal-Unjoni, u b’mod partikolari bil-punti 302 sa 311 tas-sentenza appellata. Madankollu, huma jeskludu speċifikament il-punti 308 sa 310 tas-sentenza appellata (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 tal-appell). B’hekk, dawn il-konklużjonijiet ser jindirizzaw biss il-punti 302 sa 307 u 311 tas-sentenza appellata.

    ( 135 ) Punt 23 tal-appell.

    ( 136 ) L-hekk imsejjaħ kalkolu għal kull tranżazzjoni.

    ( 137 ) Il-Kummissjoni tirreferi għall-punti 54 u 55 tat-tweġibiet bil-miktub għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali tas‑7 ta’ April 2020.

    ( 138 ) Ara l-ewwel linja tat-Tabella 12 tar-Regolament provviżorju. Il-Kummissjoni tenfasizza li d-data li tinsab f’din it-tabella ma ġietx ikkontestata minn xi parti interessata jew miċ-CCCME matul il-proċedura amministrattiva.

    ( 139 ) Punti 440 u 441 tas-sentenza appellata.

    ( 140 ) Punti 442 sa 447 tas-sentenza appellata.

    ( 141 ) Il-Kummissjoni ppubblikat Avviż ta’ tnedija ta’ proċediment antidumping rigward l-importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti magħmulin minn ħadid fondut li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Indja (ĠU 2016, C 461, p. 22) f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni tar-RPĊ għall-Unjoni Ewropea tidentifika u/jew tikkuntattja produtturi esportaturi oħra li setgħu jkunu interessati jipparteċipaw fit-teħid ta’ kampjun.

    ( 142 ) Tliet produtturi ma rreġistraw ebda esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni u għalhekk tqiesu li ma setgħux jiġu inklużi fil-kampjun.

    ( 143 ) Punti 434 sa 450 tas-sentenza appellata.

    ( 144 ) Sa fejn l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żnaturat manifestament il-fatti, għandu jingħad li huma ma jindikawx liema fatti ġew żnaturati.

    ( 145 ) Fil-punt 120 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali spjegat li l-membri taċ-CCCME huma produtturi u esportaturi tal-prodott ikkonċernat li, l-ewwel, ipprovdew informazzjoni lill-Kummissjoni bi tweġiba għall-kwestjonarju li jinsab fl-Anness I tal-avviż ta’ tnedija tal-investigazzjoni u, it-tieni, huma identifikati fir-Regolament kontenzjuż. Fil-kapaċità tagħhom bħala kumpanniji oħra li kienu qegħdin jikkooperaw identifikati f’dan l-anness, il-membri taċ-CCCME huma suġġetti għal dazju antidumping ta’ ammont speċifiku, li huwa differenti mill-ammont applikabbli għall-kumpanniji mhux identifikati l-oħra kollha li għalihom japplika r-Regolament kontenzjuż.

    ( 146 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 35 iktar ’il fuq.

    ( 147 ) L-Artikolu 6.11 tal-Ftehim Antidumping tal‑1994 ma jipprovdix tweġiba għaliex jippermetti lill-Partijiet jinkludu persuni oħra bħala partijiet interessati. Ir-Regolament bażiku ma jispeċifikax jekk l-Unjoni użatx din il-possibbiltà bl-inklużjoni tal-persuni li jikkooperaw fl-għażla tal-kampjun u ta’ dawk li kienu inklużi fil-kampjun.

    ( 148 ) Għall-produtturi esportaturi fil-kampjun jiġi kkalkolat dazju antidumping speċifiku għall-kumpannija individwali. Produtturi esportaturi oħra, li ma humiex inklużi fil-kampjun, jirċievu dazju antidumping ugwali għall-medja mwieżna tal-marġni ta’ dumping stabbilit għall-kumpanniji inklużi fil-kampjun (ara l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku). L-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku jipprevedi wkoll eċċezzjoni għal din ir-regola.

    ( 149 ) Ara l-punt 177 iktar ’il fuq.

    ( 150 ) Ara l-punti 434 sa 436 tas-sentenza appellata.

    ( 151 ) Iċ-CCCME tinvoka l-fatt li hija “assoċjazzjoni rappreżentattiva” fis-sens tal-Artikoli 5(11), 6(7), 20(1) u 21(2) tar-Regolament bażiku. L-appellanti jsostnu li dan l-istatus jimplika awtomatikament li ċ-CCCME tirrappreżenta l-interessi tal-produtturi esportaturi kollha.

    ( 152 ) Punt 446 tas-sentenza appellata.

    ( 153 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 1991, Al-Jubail Fertilizer vs Il‑Kunsill (C‑49/88, EU:C:1991:276, punti 15 sa 17); ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il‑Kummissjoni (C‑113/04 P, EU:C:2006:593, punt 55), u tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il‑Kunsill (C‑141/08 P, EU:C:2009:598, punt 93).

    ( 154 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 1991, Al-Jubail Fertilizer vs Il‑Kunsill (C‑49/88, EU:C:1991:276, punt 17), u tas‑16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP (C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 76).

    ( 155 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kumpannija li ma pparteċipatx f’investigazzjoni dwar dumping u li ma hija marbuta ma ebda produttur esportaturi fl-Istat kopert mill-investigazzjoni ma tistax tinvoka drittijiet tad-difiża fir-rigward ta’ proċedura li fiha ma pparteċipatx (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Fliesen-Zentrum Deutschland, C‑687/13, EU:C:2015:573, punt 73).

    ( 156 ) Ara l-punt 440 tas-sentenza appellata.

    ( 157 ) Pereżempju, fis-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 59), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li persuna li ma kinitx is-suġġett ta’ diskriminazzjoni – ksur ta’ dritt suġġettiv – setgħet tressaq kawża abbażi ta’ diskriminazzjoni f’isem “residenti l-oħra tad-distrett li fih [din il-persuna kienet] teżerċita l-attività tagħha”. Minn din is-sentenza jirriżulta li l-ksur ta’ drittijiet suġġettivi jista’ jiġi invokat minn persuni li ma jkunux il-persuna inkwistjoni.

    ( 158 ) Sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Adler Real Estate et (C‑546/18, EU:C:2021:711, punt 59).

    ( 159 ) Din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-premessa 29 tar-Regolament bażiku, li tirreferi għall-partijiet li għandhom ikunu jistgħu jiddefendu l-interessi tagħhom.

    ( 160 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-Regolament bażiku jagħti drittijiet u garanziji proċedurali lil ċerti partijiet interessati iżda li l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet u garanziji jiddependi mill-parteċipazzjoni attiva ta’ dawn il-partijiet fil-proċedura inkwistjoni, li għandha tieħu l-forma, minn tal-inqas, tas-sottomissjoni ta’ talba bil-miktub fit-terminu previst (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Donex Shipping and Forwarding, C‑104/19, EU:C:2020:539, punt 70).

    ( 161 ) Sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, Zhejiang Jndia Pipeline Industry vs Il‑Kummissjoni (T‑228/17, EU:T:2019:619, punti 34 sa 36).

    ( 162 ) Punt 444 tas-sentenza appellata.

    ( 163 ) Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Lulju 1995, AITEC et vs Il‑Kummissjoni (T‑447/93 sa T‑449/93, EU:T:1995:130, punt 60), u tal‑15 ta’ Jannar 2013, Aiscat vs Il‑Kummissjoni (T‑182/10, EU:T:2013:9, punt 53).

    ( 164 ) Sentenza tas‑6 ta’ Lulju 1995, AITEC et vs Il‑Kummissjoni (T‑447/93 sa T‑449/93, EU:T:1995:130, punt 60).

    ( 165 ) Din il-premessa tindika li “l-Kummissjoni qieset li l-fajl miftuħ tal-każ imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-partijiet, inkluż għas-CCCME, kien fih l-informazzjoni rilevanti kollha għall-preżentazzjoni tal-każ tagħhom u użata fl-investigazzjoni. Meta l-informazzjoni tqieset kunfidenzjali, il-fajl miftuħ kien fih sommarji sinifikattivi tagħha. Il-partijiet interessati kollha, inkluża s-CCCME, kellhom aċċess għall-fajl miftuħ u setgħu jikkonsultawh. Fir-rigward tas-CCCME, il-Kummissjoni osservat li għad li din tirrappreżenta, fost l-oħrajn, lill-industrija tal-fonderija taċ-Ċina, din ma kienet awtorizzata minn l-ebda produttur esportatur individwali fil-kampjun biex ikollha aċċess għall-informazzjoni kunfidenzjali tiegħu. B’hekk, id-divulgazzjoni kunfidenzjali mibgħuta lill-produtturi esportaturi Ċiniżi individwali fil-kampjun ma setgħetx tiġi pprovduta lis-CCCME”.

    ( 166 ) Ara Van Bael, I. u Bellis, J.F., EU Anti-Dumping and Other Trade Defence Instruments, is-sitt edizzjoni, punt 8.25, p. 409.

    ( 167 ) Punt 450 tas-sentenza appellata.

    ( 168 ) Ara l-punt 505 tas-sentenza appellata.

    ( 169 ) Punt 489 tas-sentenza appellata.

    ( 170 ) Fuq din il-bażi, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni lment tat-tieni parti tat-tielet motiv.

    ( 171 ) Aċċess għall-fajl huwa parti integrali mid-dritt għal smigħ, u kemm l-aċċess għal informazzjoni u l-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni huma protetti bħala parti mid-drittijiet proċedurali ggarantiti skont l-Artikolu 41 tal-Karta.

    ( 172 ) Sentenza tal‑20 ta’ Marzu 1985 (264/82, EU:C:1985:119).

    ( 173 ) Sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 1991, Al-Jubail Fertilizer vs Il‑Kunsill (C‑49/88, EU:C:1991:276, punt 17).

    ( 174 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München (C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14). Ara wkoll Korkea-aho, E. u Sankari, S., “External participants v. internal interests: Principles of EU administrative law in anti-dumping investigations”, European Papers ‑ A Journal on Law and Integration, 2017, Vol. 2, p. 560.

    ( 175 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 1985, Timex vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (264/82, EU:C:1985:119, punt 24); tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Ajinomoto u NutraSweet vs Il‑Kunsill (T‑159/94 u T‑160/94, EU:T:1997:209, punt 75); u tal‑11 ta’ Lulju 2013, Hangzhou Duralamp Electronics vs Il‑Kunsill (T‑459/07, EU:T:2013:369, punt 115).

    ( 176 ) Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kunsill (T‑424/13, EU:T:2016:378, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 177 ) Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, CHEMK u KF vs Il‑Kunsill (T‑190/08, EU:T:2011:618, punt 231).

    ( 178 ) Pereżempju, fis-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, Caviro Distillerie et vs Il‑Kummissjoni (T‑211/16, EU:T:2018:148, punt 45), kien jidher li l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha fuq kampjun ta’ tliet produtturi tal-Unjoni li kienu jirrappreżentaw madwar 56 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodott inkwistjoni.

    ( 179 ) Punt 54 tal-appell.

    ( 180 ) Ara l-punt 204 iktar ’il fuq.

    ( 181 ) Ara l-punt 512 tas-sentenza appellata.

    ( 182 ) 264/82, EU:C:1985:119.

    ( 183 ) Ibid., punt 27.

    ( 184 ) Kif il-Qorti Ġenerali kienet diġà indikat fil-punti 445 u 446 tas-sentenza appellata.

    ( 185 ) Ara l-punti 205 u 206 iktar ’il fuq.

    ( 186 ) Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015 (C‑569/13, EU:C:2015:572).

    ( 187 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Bricmate (C‑569/13, EU:C:2015:572, punt 57). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawża Bricmate (C‑569/13, EU:C:2015:342, punti 5253).

    ( 188 ) Punt 529 tas-sentenza appellata.

    Top