EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0383

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fid-9 ta’ Ġunju 2022.
Société de logement de service public (SLSP) “Sambre & Biesme” SCRL u Commune de Farciennes vs Société wallonne du logement.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État (il-Belġju).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Għoti tal-kuntratt pubbliku mingħajr il-bidu ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti – Kuntratti pubbliċi bejn entitajiet li jappartjenu għas-settur pubbliku – Artikoli 12(3) – Kuntratti pubbliċi li huma s-suġġett ta’ għoti in house – Kunċett ta’ ‘kontroll simili’ – Kundizzjonijiet – Rappreżentanza tal-awtoritajiet kontraenti parteċipanti kollha – Artikoli 12(4) – Kuntratt bejn awtoritajiet kontraenti li jfittxu li jilħqu għanijiet komuni ta’ interess pubbliku – Kunċett ta’ ‘kooperazzjoni’ – Kundizzjonijiet – Nuqqas ta’ traspożizzjoni fit-termini imposti – Effett dirett.
Kawżi magħquda C-383/21 u C-384/21.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:456

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fid‑9 ta’ Ġunju 2022 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑383/21 u C‑384/21

Société de logement de service public (SLSP) “Sambre & Biesme”, SCRL (C‑383/21)

Commune de Farciennes (C‑384/21)

vs

Société wallonne du logement

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat li qiegħed jaġixxi bħala Qorti Suprema Amministrattiva, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2014/24/UE – Kuntratti pubbliċi – Servizzi, xogħlijiet u promozzjoni ta’ xogħlijiet – Attribuzzjoni in house – Entità in house ikkontrollata konġuntement minn diversi awtoritajiet kontraenti – Applikabbiltà tad-direttiva”

1.

Fil-Belġju, impriża pubblika ta’ akkomodazzjoni u komun iddeċidew li jikkonkludu ftehim qafas ta’ kuntratt. Skont dan il-ftehim, kuntratt ta’ assistenza teknika għall-kostruzzjoni ta’ djar u ieħor ta’ servizzi ta’ inventarju tal-asbestos ma jingħatawx permezz ta’ sejħa għal offerti, iżda jingħataw direttament lil entità terza li tkun ukoll pubblika.

2.

L-awtorità inkarigata mill-Gvern ta’ Wallonie biex tissorvelja l-aġir tal-impriżi pubbliċi tal-akkomodazzjoni annullat il-ftehim imsemmi iktar ’il fuq, minħabba li kkunsidrat li l-kundizzjonijiet għall-għoti dirett tal-kuntratti ma ġewx issodisfatti in casu.

3.

Kull wieħed miż-żewġ firmatarji tal-ftehim ippreżenta rikors kontra l-annullament tiegħu, għaliex, fil-fehma tagħhom, l-għoti dirett kien kompatibbli mad-Direttiva 2014/24/UE ( 2 ). Il-kawża waslet fl-ogħla awtorità ġudizzjarja tal-Belġju, li ressqet talbiet separati għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

I. Il-kuntest ġuridiku. Direttiva 2014/24

4.

Skont il-premessa 31:

“Hemm inċertezza legali konsiderevoli dwar sa fejn il-kuntratti konklużi bejn entitajiet fis-settur pubbliku għandhom ikunu koperti bir-regoli dwar l-akkwist pubbliku. Il-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija interpretata b’mod differenti bejn l-Istati Membri u anki bejn l-awtoritajiet kontraenti. Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġi ċċarat f’liema każijiet, il-kuntratti konklużi fi ħdan is-settur pubbliku mhumiex soġġetti għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku.

Din il-kjarifika għandha tkun iggwidata mill-prinċipji stabbiliti fil-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Is-sempliċi fatt li ż-żewġ partijiet fi ftehim huma awtoritajiet pubbliċi huma stess, fih innifsu ma jeskludix l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist. Madankollu, l-applikazzjoni tar-regoli tal-akkwist pubbliku ma għandhiex itellef il-libertà tal-awtoritajiet pubbliċi biex iwettqu l-kompiti pubbliċi ta’ servizzi kkonferiti lilhom billi jużaw ir-riżorsi proprji tagħhom li tinkludi l-possibbiltà ta’ kooperazzjoni ma’ awtoritajiet pubbliċi oħrajn.

[…]”.

5.

Il-premessa 33 tiddikjara li:

“L-awtoritajiet kontraenti għandhom ikunu jistgħu jagħżlu li jipprovdu b’mod konġunt is-servizzi pubbliċi tagħhom permezz ta’ kooperazzjoni mingħajr ma jkunu obbligati jużaw kwalunkwe forma legali partikolari. Tali kooperazzjoni tista’ tkopri t-tipi kollha ta’ attivitajiet relatati mat-twettiq tas-servizzi u r-responsabbiltajiet li l-awtoritajiet parteċipanti jiġu assenjati jew jassumu, bħal kompiti obbligatorji jew voluntarji tal-awtoritjiet lokali jew reġjonali jew servizzi konferiti lil korpi speċifiċi permezz tal-liġi pubblika. Is-servizzi pprovduti mill-awtoritajiet parteċipanti diversi mhux neċessarjament għandhom ikunu identiċi; jistgħu jkunu wkoll kumplimentari.

Kuntratti għall-provvista konġunta ta’ servizzi pubbliċi ma għandhomx ikunu soġġetti għall-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva dment li jkunu konklużi esklussivament bejn awtoritajiet kontraenti, li l-implimentazzjoni ta’ dik il-kooperazzjoni tkun regolata biss minn kunsiderazzjonijiet relatati mal-interess pubbliku u li l-ebda fornitur tas-servizzi privat ma jitqiegħed f’pożizzjoni ta’ vantaġġ vis-à-vis il-kompetituri tiegħu.

Sabiex jiġu sodisfatti dawk il-kondizzjonijiet, il-kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq kunċett ta’ kooperazzjoni. Tali kooperazzjoni ma tirrikjedix li l-awtoritajiet parteċipanti kollha jassumu t-twettiq tal-obbligi kuntrattwali ewlenin, sakemm ikun hemm impenji għall-kontribuzzjoni lejn twettiq kooperattiv tas-servizz pubbliku inkwistjoni. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni, inkluż kwalunkwe trasferiment finanzjarju bejn l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti, għandhom ikunu regolati biss b’kunsiderazzjonijiet relatati mal-interess pubbliku”.

6.

L-Artikolu 12 (“Kuntratti pubbliċi bejn entitajiet fis-settur pubbliku”) jipprovdi li:

“1.   Kuntratt pubbliku mogħti minn awtorità kontraenti lil persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew mid-dritt pubbliku għandu jaqa’ ‘l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva meta jkunu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-awtorità kontraenti teżerċita kontroll fuq il-persuna ġuridika kkonċernata li huwa simili għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess;

(b)

aktar minn 80 % tal-attivitajiet ta’ dik il-persuna ġuridika kkontrollata jitwettqu fi prestazzjoni tal-kompiti fdati lilha mill-awtorità kontraenti ta’ kontroll jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati minn dik l-awtorità kontraenti; u

(c)

ma jkunx hemm il-parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika kkontrollata bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkunux kontrollati jew blokkati mid-dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċisiva fuq il-persuna ġuridika kkkontrollata.

[…]

3.   Awtorità kontraenti, li ma teżerċitax kontroll fuq persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew pubbliku skont it-tifsira tal-paragrafu 1, xorta waħda tista’ tagħti kuntratt pubbliku lil dik il-persuna ġuridika mingħajr ma tapplika din id-Direttiva meta jiġu sodisfatti il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin.

(a)

l-awtorità kontraenti teżerċita b’mod konġunt ma’ awtoritajiet kontraenti oħrajn kontroll fuq dik il-persuna ġuridika li huwa simili għal dak li jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess;

(b)

aktar minn 80 % tal-attivitajiet ta’ dik il-persuna ġuridika jitwettqu fi prestazzjoni tal-kompiti fdati lilha mill-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati mill-istess awtoritajiet kontraenti; u

[…]

Għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kontraenti jeżerċitaw kontroll konġunt fuq persuna ġuridika meta jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kolha li ġejjin:

(i)

il-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-persuna ġuridika kkontrollata huma magħmula minn rappreżentanti ta’ kull awtorità kontraenti parteċipanti. Rappreżentanti individwali jistgħu jirrappreżentaw l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti kollha, jew diversi minnhom;

(ii)

dawk l-awtoritajiet kontraenti huma kapaċi jeżerċitaw flimkien influwenza deċiżiva fuq l-objettivi strateġiċi u d-deċiżjonijiet sinifikanti tal-persuna ġuridika kkontrollata; u

(iii)

il-persuna ġuridika kkontrollata ma ssegwi l-ebda interess li jmur kontra minn dak tal-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll.

4.   Kuntratt konkluż b’mod esklussiv bejn żewġ awtoritajiet kontraenti jew aktar għandu jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, meta jiġu sodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-kuntratt jistabbilixxi jew jimplimenta kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti bil-għan li jiżgura li s-servizzi pubbliċi li għandhom iwettqu huma mogħtija biex jiksbu l-objettivi li għandhom komuni bejniethom;

(b)

l-implimentazzjoni ta’ dik il-kooperazzjoni hi rregolata unikament minn konsiderazzjonijiet li jirrigwardaw l-interess pubbliku; u

(c)

l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti jwettqu fis-suq miftuħ inqas minn 20 % tal-attivitajiet ikkonċernati mill-kooperazzjoni.

[…]”.

II. Il-fatti, il-proċeduri u d-domandi preliminari

7.

Is-Société de logement de service public Sambre & Biesme ( 3 ) hija entità pubblika li tadotta l-forma ġuridika ta’ kumpannija kooperattiva b’responsabbiltà limitata. Is-soċji prinċipali tagħha huma l-komuni ta’ Farciennes u Aiseau-Presles. Hija tagħmel parti min-network ta’ kumpanniji ta’ akkomodazzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ Wallonie (il-Belġju).

8.

Fl‑2015, is-SLSP Sambre u Biesme u l-Komun ta’ Farciennes iddeċidew li jibnu “distrett ekoloġiku” f’Farciennes, b’madwar 150 akkomodazzjoni, pubblika u privata. Fid-dawl tal-iskala tal-proġett, il-partijiet fittxew l-assistenza tal-Intercommunale pour la gestion et la réalisation d’études techniques et économiques ( 4 ), entità li għandha wkoll il-forma ġuridika ta’ kumpannija kooperattiva b’responsabbiltà limitata.

9.

IGRETEC hija magħmula esklużivament minn persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku. Fl‑2016, fost is-soċji tagħha kien hemm iktar minn 70 komun (fosthom, dak ta’ Farciennes) u iktar minn 50 “awtorità pubblika” oħra. Il-komuni kellhom 5054351 sehem bid-dritt għall-vot u l-bqija tal-awtoritajiet pubbliċi kellhom 17126 sehem analogu.

10.

L-istatuti ta’ IGRETEC jirriżervaw il-maġġoranza tal-voti u l-presidenza tal-korpi ta’ tmexxija differenti għall-komuni. Id-deċiżjonijiet ta’ dawn il-korpi jiġu adottati permezz tal-maġġoranza ta’ voti tas-soċji komunali.

11.

Fil-mument tal-fatti, kunsillier tal-Komun ta’ Farciennes, li kien ukoll kosulent tas-SLSP Sambre u Biesme, kien ukoll direttur ta’ IGRETEC.

12.

Fid‑29 ta’ Ottubru 2015, is-SLSP Sambre u Biesme ddeċidiet li tixtri sehem wieħed f’IGRETEC, b’valur ta’ EUR 6.20 sabiex tibbenefika mis-servizzi tagħha. B’hekk kisbet il-pożizzjoni ta’ soċju fil-kumpannija interkomunali għalkemm is-sehem tagħha kien sempliċiment simboliku ( 5 ).

13.

F’Jannar 2017, il-Komun ta’ Farciennes u s-SLSP Sambre u Biesme fasslu abbozz ta’ ftehim qafas sabiex jistabbilixxu d-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom fit-tfassil u t-twettiq tad-distrett ekoloġiku f’Farciennes. Il-ftehim kien jinkludi l-klawżoli li ġejjin:

Skont l-Artikolu 1 tiegħu, il-partijiet iddeċidew li jieħdu konġuntament il-kuntratt pubbliku ta’ servizzi, xogħlijiet u promozzjoni tax-xogħlijiet, u ħatru lill-Komun ta’ Farciennes bħala l-awtorità kontraenti, sabiex taġixxi f’isimhom u tieħu kwalunkwe deċiżjoni dwar l-għoti tal-kuntratti hi stess.

Skont l-Artikolu 5 ( 6 ), “il-partijiet jaqblu li l-komun ta’ Farciennes jikkonkludi ma’ IGRETEC […] ftehim ta’ assistenza fit-tmexxija tax-xogħol, ta’ pariri legali u ta’ servizzi ambjentali, u dan kollu fil-qafas tar-relazzjoni in house li torbot lil kull waħda mill-partijiet ma’ dan l-interkomunali”.

Sabiex jiġi kkoordinat it-teħid tad-deċiżjonijiet fl-implimentazzjoni tal-ftehim qafas, l-anness tiegħu stabbilixxa kumitat ta’ tmexxija ( 7 ).

IGRETEC, għalkemm mhux parti firmatarja fil-ftehim qafas, ma hijiex irrappreżentata biss fil-kumitat ta’ tmexxija iżda hija responsabbli wkoll għas-segretarjat tiegħu.

14.

Fid‑9 ta’ Frar 2017, il-bord tad-diretturi tas-SLSP Sambre u Biesme ddeċieda: a) “li japprova l-konklużjoni ta’ ftehim qafas ta’ kuntratt flimkien mal-komun ta’ Farciennes”; u b) “li ma joħroġx sejħa pubblika għal offerti għal servizzi ta’ inventarju tal-asbestos”, li kien diġà approva l-ispeċifikazzjonijiet tagħha “b’kunsiderazzjoni tar-relazzjoni in house bejn is-[SLSP Sambre u Biesme] u IGRETEC”. L-ispeċifikazzjonijiet huma ddefiniti bħala l-ewwel stadju fl-implimentazzjoni tal-proġett tad-distrett ekoloġiku f’Farciennes.

15.

Fl‑10 ta’ Frar 2017, il-kummissarju tas-SWL responsabbli għas-SLSP Sambre u Biesme ppreżenta rikors quddiem is-SWL innifisha kontra d-deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”). Is-SWL taġixxi f’isem il-Gvern ta’ Wallonie bħala awtorità superviżorja sabiex tissorvelja l-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni ta’ servizz pubbliku.

16.

Fil‑25 ta’ Frar 2017, is-SWL annullat id-deċiżjonijiet kontenzjużi, minħabba li l-kuntratt ta’ assistenza teknika (Artikolu 5 tal-ftehim qafas) u l-kuntratt ta’ servizzi ta’ inventarju tal-asbestos ingħataw lil IGRETEC mingħajr proċedura ta’ sejħa pubblika għall-offerti.

17.

Fil-fehma tas-SWL:

Huwa raġonevoli li wieħed jistaqsi jekk is-SLSP Sambre u Biesme teżerċitax influwenza deċiżiva fuq IGRETEC, sa fejn hija għandha biss sehem wieħed fil-kapital tal-ishma ta’ din tal-aħħar, li l-istatuti tagħha jagħtu pożizzjoni predominanti lill-komuni.

Il-ħatra tal-Komun ta’ Farciennes bħala awtorità kontraenti ewlenija tal-proġett (Artikolu 1 tal-ftehim qafas) ma hijiex suffiċjenti biex jiġi ġġustifikat l-għoti dirett tal-kuntratti lil IGRETEC f’isem il-partijiet differenti tal-ftehim, anki jekk il-Komun ta’ Farciennes jibbenefika individwalment mill-eċċezzjoni in house fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ IGRETEC. Fil-qafas ta’ kuntratt konġunt, is-soċji differenti jingħaqdu sabiex ifasslu l-inkarigu, iżda kull wieħed minnhom għandu jsegwi l-proċeduri kuntrattwali tas-soltu.

18.

Billi l-ftehimiet tas-SWL huma suġġetti għal rikors quddiem il-ġurisdizzjoni amministrattiva, is-SLSP Sambre u Biesme u l-Komun ta’ Farciennes ikkontestaw, separatament, l-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi.

19.

Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat li qiegħed jaġixxi bħala Qorti Suprema Amministrattiva, il-Belġju), li għandu jiddeċiedi dwar dawn ir-rikorsi, ressaq żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

20.

Fir-rigward tal-ewwel waħda (il-Kawża C‑383/21) huwa għamel id-domandi li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24/UE […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipproduċi effett dirett?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din l-ewwel domanda, l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24/UE ppreċitata għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni għal awtorità kontraenti, f’dan il-każ kumpannija ta’ akkomodazzjoni ta’ servizz pubbliku, li tkun irrappreżentata fi ħdan korpi deċiżjonali tal-persuna ġuridika kkontrollata, f’dan il-każ soċjetà kooperattiva interkomunali, hija ssodisfatta għar-raġuni biss li persuna li tpoġġi fuq il-bord tad-diretturi ta’ din is-soċjetà kooperattiva interkomunali fil-kwalità tagħha ta’ kunsillier muniċipali ta’ awtorità kontraenti parteċipanti oħra, f’dan il-każ komun, tinsab, minħabba ċirkustanzi esklużivament fattwali u mingħajr garanzija ġuridika ta’ rappreżentanza, li hija wkoll amministratur fi ħdan il-kumpannija ta’ akkomodazzjoni ta’ servizz pubbliku filwaqt li l-komun huwa azzjonist (mhux esklużiv) kemm tal-entità kkontrollata (soċjetà kooperattiva interkomunali) kif ukoll tal-kumpannija ta’ akkomodazzjoni ta’ servizz pubbliku?

3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda magħmula, għandu jitqies li awtorità kontraenti, f’dan il-każ kumpannija ta’ akkomodazzjoni ta’ servizz pubbliku, ‘tipparteċipa’ fil-korpi deċiżjonali tal-persuna ġuridika kkontrollata, f’dan il-każ soċjetà kooperattiva interkomunali, għas-sempliċi raġuni li persuna li tpoġġi fuq il-bord tad-diretturi ta’ din is-soċjetà kooperattiva interkomunali fil-kwalità tagħha ta’ kunsillier muniċipali ta’ awtorità kontraenti parteċipanti oħra, f’dan il-każ komun, tinsab, minħabba ċirkustanzi esklużivament fattwali u mingħajr garanzija ġuridika ta’ rappreżentanza, li hija wkoll amministratur fi ħdan il-kumpannija ta’ akkomodazzjoni ta’ servizz pubbliku filwaqt li l-komun huwa azzjonist (mhux esklużiv) kemm tal-entità kkontrollata (soċjetà kooperattiva interkomunali) kif ukoll tal-kumpannija ta’ akkomodazzjoni ta’ servizz pubbliku?”

21.

Fit-tieni talba għal deċiżjoni preliminari (il-Kawża C‑384/21), il-qorti tar-rinviju, barra d-domandi preċedenti, għamlet id-domandi li ġejjin:

“4)

L-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 […] għandu jiġu interpretati fis-sens li jipproduċi effett dirett?

5)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 iċċitata iktar ’il fuq għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li jiġu fdati, mingħajr sejħa għal offerti minn qabel, missjonijiet ta’ għajnuna fil-ġestjoni ta’ proġetti, servizzi legali u ambjentali lil awtorità kontraenti, f’dan il-każ kooperattiva interkomunali, meta dawn il-missjonijiet jaqgħu fil-kuntest ta’ kooperazzjoni bejn żewġ awtoritajiet kontraenti oħra, f’dan il-każ komun u kumpannija ta’ akkomodazzjoni ta’ servizz pubbliku, li ma huwiex ikkontestat li l-komun jeżerċita kontroll ‘in-house konġunt’ fuq il-kooperattiva interkomunali u li l-komun u l-kumpannija ta’ akkomodazzjoni ta’ servizz pubbliku jkunu membri tal-kooperattiva interkomunali fis-settur tal-attivitajiet ta’ ‘uffiċċju ta’ riċerka u ta’ ġestjoni u l-korp ċentrali għall-akkwisti’ tal-għan soċjali tagħha li huwa preċiżament ikkonċernat mill-missjonijiet li jixtiequ jafdawlha, liema missjonijiet jikkorrispondu għal attivitajiet imwettqa fis-suq minn uffiċċji ta’ riċerka u ta’ ġestjoni li jispeċjalizzaw fit-tfassil, fit-twettiq u fl-implimentazzjoni ta’ proġetti?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22.

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari ġew irreġistrati fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Ġunju 2021. Ġew magħquda għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura, kif ukoll tas-sentenza.

23.

Is-SLSP Sambre u Biesme, il-Komun ta’ Farciennes, il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Kollha kemm huma intervjenew fis-seduta li saret fit‑30 ta’ Marzu 2022.

IV. Analiżi

A.   Osservazzjonijiet preliminari

24.

Fuq indikazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jindirizzaw l-ewwel domanda taż-żewġ kawżi u r-raba’ u l-ħames domanda tat-tieni kawża.

B.   L-ewwel domanda preliminari tal-Kawża C‑383/21 u l-ewwel u r-raba’ domanda tal-Kawża C‑384/21

25.

Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-Liġi Belġjana li tinkorpora d-Direttiva 2014/24 fid-dritt nazzjonali ma kinitx għadha fis-seħħ fil-mument tal-fatti inkwistjoni, minkejja li t-terminu għat-traspożizzjoni kien diġà skada ( 8 ).

26.

Ir-rikorrenti f’kull wieħed miż-żewġ rikorsi jsostnu li l-Artikolu 12(3) u (4) tad-Direttiva 2014/24 għandu effett dirett peress li fih dispożizzjonijiet mhux kundizzjonali u suffiċjentement preċiżi li jistabbilixxu drittijiet għall-partijiet fil-kawża; huma jistgħu jinfurzaw dawn id-drittijiet quddiem l-Istat u l-korpi amministrattivi kollha tiegħu ( 9 ).

27.

Il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni ( 10 ) għandhom fehma opposta. Huma jsostnu li l-Artikolu 12(3) u (4) tad-Direttiva 2014/24 ma jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jiġi prodott effett dirett, fis-sens li, essenzjalment:

L-awtoritajiet kontraenti u l-organi rregolati mid-dritt pubbliku koperti mid-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi ma humiex benefiċjarji “individwali” ta’ drittijiet li jistgħu jinfurzaw quddiem l-Istat.

Dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprevedux obbligu ta’ twettiq jew ta’ nuqqas ta’ twettiq min-naħa tal-Istat u favur l-operaturi ekonomiċi.

28.

Ir-riżultat li iktar ’il quddiem ser insostni (l-applikazzjoni tal-Artikolu 12(3) u (4) tad-Direttiva 2014/24 għal din il-kawża) jintlaħaq, fil-prattika, kemm permezz tal-ammissjoni li l-effett dirett eventwali ta’ dawn il-punti jibbenefika lill-entitajiet pubbliċi kkonċernati, li jistgħu jinvokawh kontra l-Istat, kif ukoll billi jiġi sempliċiment sostnut li, fin-nuqqas ta’ traspożizzjoni f’waqtha ta’ din id-direttiva, dawn l-entitajiet ikunu marbutin mid-dispożizzjonijiet imsemmija. Nemmen li l-aħħar argument huwa dak korrett.

1. Effett dirett, natura inkundizzjonata u invokabbiltà mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Artikolu 12(3) u (4) tad-Direttiva 2014/24

29.

Fil-fehma tiegħi, l-approċċ sottostanti f’dawn id-domandi preliminari ma huwiex l-iktar wieħed xieraq. Kieku kien il-każ, ir-risposta jkollha tkun simili għal dak irrakkomandat mis-SWL fil-kawża prinċipali u dak li jsostnu l-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni f’din il-proċedura.

30.

Insostenn ta’ dan, ser infakkar li d-duttrina tal-hekk imsejjaħ “effett dirett”, żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-direttivi, hija primarjament intiża għall-protezzjoni tal-individwi. Din tippermetti l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija lilhom mid-direttiva u li kieku ma jkunux jistgħu jitolbu b’xi mod ieħor, minħabba n-nuqqas tal-miżuri ta’ implimentazzjoni meħtieġa fil-livell nazzjonali.

31.

Il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effett dirett tad-direttivi, b’mod partikolari dawk mhux trasposti fil-ħin jew li ġew trasposti ħażin, tistabbilixxi min jista’ jinvoka dan l-effett dirett u taħt liema kundizzjonijiet.

32.

Fis-sentenza reċenti tat‑8 ta’ Marzu 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li:

“[F]il-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, il-persuni privati jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat meta dan ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew meta dan jittrasponiha b’mod inkorrett […]” ( 11 ).

“[…] dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija, minn naħa, inkundizzjonata meta din tistabbilixxi obbligu li ma huwa kkwalifikat b’ebda kundizzjoni u lanqas ma huwa suġġett, fl-eżekuzzjoni tiegħu jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta’ att kemm tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kemm tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, li tkun biżżejjed preċiża sabiex tiġi invokata minn parti fil-kawża u tiġi applikata mill-qorti meta tistabbilixxi obbligu f’termini inekwivokabbli […]” ( 12 ).

“[…] anki jekk direttiva tħalli lill-Istati Membri ċerta marġni ta’ diskrezzjoni meta jadottaw il-modalitajiet tal-implimentazzjoni tagħha, dispożizzjoni ta’ din id-direttiva tista’ titqies bħala li għandha natura inkundizzjonata u preċiża meta timponi fuq l-Istati Membri, f’termini inekwivokabbli, obbligu ta’ riżultat preċiż u li ma jinkludi ebda kundizzjoni rigward l-applikazzjoni tar-regola li din tistabbilixxi […]” ( 13 ).

33.

Issa, fid-dawl ta’ dawn il-premessi, nifhem li l-entitajiet pubbliċi, bħall-Komun ta’ Farciennes u s-SLSP Sambre u Biesme, li huma sempliċiment emanazzjoni tal-Istat f’sens wiesa’, ma jistgħux jinvokaw l-effett dirett (ipotetiku) tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24.

34.

Minn naħa, anki jekk ikun aċċettat li dan l-artikolu, fil-punti 3 u 4 tiegħu jinkorpora formulazzjoni “preċiża biżżejjed”, ikun diffiċli li jingħad li hija “inkundizzjonata” u li timponi obbligu inekwivoku fuq l-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, jawtorizza lil dawn l-Istati sabiex, jekk iqisuh xieraq, jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 il-kuntratti konklużi bejn entitajiet tas-settur pubbliku.

35.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tispjega kif l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2014/24, “li […] kulma [j]agħmel huwa li [j]ippreċiża l-kundizzjonijiet li awtorità kontraenti għandha tosserva meta tkun tixtieq tikkonkludi operazzjoni interna, għand[u] biss bħala effett li [j]awtorizza lill-Istati Membri jeskludu tali operazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24” ( 14 ).

36.

F’din l-istess linja, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li d-Direttiva 2014/24 “ma tobbligax lill-Istati Membri jirrikorru għal proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku” u “lanqas ma tista’ ġġiegħelhom jirrikorru għal operazzjoni interna meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(1) ikunu ssodisfatti” ( 15 ). L-istess jgħodd għall-punti 3 u 4 ta’ dan l-artikolu.

37.

Din id-dikjarazzjoni hija koerenti mal-libertà tal-Istati Membri “fir-rigward tal-għażla tal-metodu ta’ provvista ta’ servizzi li permezz tiegħu l-awtoritajiet kontraenti jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom” ( 16 )

38.

Min-naħa l-oħra, bħalma diġà spjegajt, l-entitajiet komunali u l-organi rregolati mid-dritt pubbliku (anki jekk jieħdu l-forma ta’ kumpanniji kummerċjali) ma jistgħux jinvokaw l-allegat “effett dirett” tal-Artikolu 12(3) u (4) tad-Direttiva 2014/24 kontra l-Istat. Fir-relazzjonijiet tagħhom mal-korpi statali li jikkontrollaw id-deċiżjonijiet tagħhom, l-entitajiet komunali ma humiex “individwi privati” li jistgħu jinqdew b’dan l-effett.

39.

Għal dawn ir-raġunijiet, u għalkemm inqis li risposta f’din il-kawża dwar l-effett dirett tal-Artikolu 12(3) u (4) tad-Direttiva 2014/24 ma hijiex neċessarja, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tindirizza din il-kwistjoni, li ġiet diskussa fit-tul fis-seduta, il-fehma tiegħi hija l-istess bħal dik espressa mill-Gvern Belġjan u mill-Kummissjoni.

40.

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet minimi ta’ setgħa li l-eżerċizzju tagħha, ninsisti, jista’ jiġi eskluż kompletament mill-Istati Membri. Jekk ma jagħżlux l-esklużjoni, l-uniku każ konċepibbli ta’ effett dirett ta’ dan l-Artikolu 12 (li jista’ jiġi invokat biss minn operatur ekonomiku li jqis lilu nnifsu bħala persuna leża) ikun dak li fih awtorità kontraenti fittxet li tevita l-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi u li tipproċedi b’operazzjoni interna, jew b’kooperazzjoni orizzontali, fin-nuqqas tal-kundizzjonijiet minimi imposti minn dan l-artikolu.

2. Applikazzjoni tal-Artikolu 12(3) u (4) tad-Direttiva 2014/24 għall-awtoritajiet pubbliċi

41.

Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma jfissrux, madankollu, li l-Artikolu 12(3) u (4) tad-Direttiva 2014/24 ma japplikawx għal din il-kawża.

42.

Għall-awtoritajiet pubbliċi, l-obbligu li jiġu suġġetti għall-Artikolu 12(3) u (4) qabel it-traspożizzjoni tad-direttiva ma huwiex ġej mill-effett dirett eventwali li tali dispożizzjonijiet jista’ jkollhom, iżda mill-“obbligu tal-awtoritajiet statali kollha li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-direttivi (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE) kif ukoll li [j]ikkoopera[w] b’mod leali u li [j]iżgura[w] eżekuzzjoni sħiħa tal-obbligi li jirriżultaw mit-trattati jew mill-atti tal-istituzzjonijiet (Artikolu 4(3) TUE)” ( 17 ).

43.

Ir-risposta xierqa għall-ewwel domandi taż-żewġ rinviji għal deċiżjoni preliminari għandha għaldaqstant tiffoka, primarjament, fuq ir-rabta tal-awtoritajiet pubbliċi mad-Direttiva 2014/24 (dan ifisser, fuq l-effett obbligatorju tagħha, kif deskritt mill-Kummissjoni fis-seduta) meta kienet għadha ma hijiex trasposta, minkejja l-iskadenza tat-terminu.

44.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dan is-suġġettar ( 18 ).

45.

F’dak li jikkonċerna l-awtoritajiet kontraenti involuti f’dawn iż-żewġ kawżi, li n-natura pubblika tagħhom ma hijiex ikkontestata, dan ifisser li kienu marbuta bid-Direttiva 2014/24 mid-data li fiha kellha tiġi trasposta ( 19 ).

46.

Fin-nuqqas ta’ traspożizzjoni, u irrispettivament mill-fatt jekk l-Artikolu 12(3) u (4) tad-Direttiva 2014/24 kellux effett dirett sabiex l-individwi privati jkunu jistgħu jinvokawh kontra l-awtoritajiet pubbliċi jew l-entitajiet dipendenti fuqhom, dawn tal-aħħar, sa fejn jaġixxu bħala awtoritajiet kontraenti, kienu obbligati jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-dispożizzjoni.

47.

Jekk, sabiex jinkisbu servizzi neċessarji għat-twettiq tal-proġetti rispettivi tagħhom, il-Komun ta’ Farciennes u s-SLSP Sambre u Biesme kienu ppreferew li ma jirrikorrux għas-suq u xtaqu jevitaw il-proċeduri tas-soltu tal-kuntratti pubbliċi, kienu japplikaw għalihom il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24 fid-data li fiha seħħew il-fatti.

48.

Ladarba tiġi trasposta d-direttiva, il-kooperazzjoni bejn l-entitajiet pubbliċi, vertikali (in house) u orizzontali, ma għandhiex tiġi suġġetta għall-proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi jekk l-Istat Membru, fl-eżerċizzju tal-libertà tiegħu, ikun iddeċieda li jaċċetta l-possibbiltajiet ta’ esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 previsti mill-Artikolu 12 tagħha, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 20 ).

49.

F’dan il-kuntest, meta Stat ikun għażel li jippermetti l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni interamministrattiva esklużi mill-proċeduri fformalizzati tad-Direttiva 2014/24, l-awtoritajiet kontraenti tiegħu jridu jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 12(3) u (4) tagħha, jekk ikollhom l-intenzjoni li ma jużawx is-suq sabiex jiksbu ċerti servizzi jew provvisti.

C.   Il-ħames domanda preliminari tal-Kawża C‑384/21

1. Suġġett

50.

Il-ħames domanda tal-Kawża C‑384/21 tikkonċerna l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24, kif stabbilita fl-Artikolu 12(4) tagħha.

51.

B’differenza għal dik prevista fil-punti 2 u 3 tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24, li skonthom awtorità kontraenti waħda (jew ħafna) irid ikollha l-kontroll tal-offerent rebbieħ tal-kuntratt pubbliku, l-esklużjoni tal-punt 4 hija bbażata fuq il-kooperazzjoni ta’ awtoritajiet kontraenti li bejniethom ma teżisti l-ebda relazzjoni ta’ kontroll.

52.

Id-domanda preliminari hija bbażata fuq l-allegazzjonijiet li l-Komun ta’ Farciennes ippreżenta b’mod sussidjarju, dwar jekk jistax jiġi konkluż li, fid-dawl tar-relazzjoni bejn is-SLSP Sambre u Biesme u IGRETEC, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 12(3) tad-direttiva ma humiex issodisfatti ( 21 ).

53.

Il-Komun ta’ Farciennes jallega li, fin-nuqqas tal-kontroll konġunt previst f’dan il-punt, tkun għadha possibbli kooperazzjoni orizzontali bejn l-awtoritajiet kontraenti pubbliċi, skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24. Il-kooperazzjoni bejnu, bejn is-SLSP Sambre u Biesme u bejn IGRETEC tkun ta’ din in-natura.

54.

Mill-osservazzjonijiet tiegħu jidher li l-Komun ta’ Farciennes jirrakkomanda żewġ modi kif jinftiehmu r-relazzjonijiet bejn l-entitajiet pubbliċi kkonċernati:

Skont l-ewwel wieħed, li jidher li huwa dak li jippreferi, hemm kooperazzjoni orizzontali li, skont il-Komun ta’ Farciennes u s-SLSP Sambre u Biesme, għandha sservi sabiex timplimenta l-pjan ta’ ħolqien tad-distrett ekoloġiku u, skont IGRETEC, sabiex titwettaq il-missjoni tiegħu għall-benefiċċju tas-soċji tiegħu, li tikkonsisti fil-kontribut fil-proġetti tiegħu. Il-qbil bejn il-partijiet, għaldaqstant, ikun intiż biex jikseb għanijiet komuni ( 22 ).

Skont it-tieni wieħed, ir-relazzjoni in house bejn il-komun u IGRETEC timplika li, meta l-ewwel wieħed jafda lit-tieni waħda t-twettiq ta’ ċerti servizzi, huwa juża s-servizzi tiegħu stess, u dan għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-kooperazzjoni tiegħu mas-SLSP Sambre u Biesme ( 23 ).

55.

Fiż-żewġ kombinazzjonijiet, ir-relazzjonijiet ikunu koperti mill-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24. Konsegwentement, sejħa għal offerti pubblika ma tkunx neċessarja.

2. Kooperazzjoni tal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24

56.

Skont l-Artikolu 12(4), kuntratt pubbliku ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 jekk jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv it-tliet kundizzjonijiet elenkati fil-punti a), b) u c) tad-dispożizzjoni ( 24 ).

57.

Id-dubji tal-qorti nazzjonali jikkonċernaw il-kunċett, fis-sens ta’ dan l-artikolu, tat-terminu “kooperazzjoni”, li l-interpretazzjoni tiegħu għandha tkun awtonoma ( 25 ).

58.

F’okkażjoni oħra ( 26 ) argumentajt li d-dispożizzjoni tiġbor il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja qabel il-kodifikazzjoni, iżda tmur iktar lil hinn minn hekk: hija tiċċaraha u tagħmilha iktar flessibbli, filwaqt li tapprossimizza, sa ċertu punt, ir-rekwiżiti tagħha għal dawk tal-formoli l-oħra li jippermettu l-esklużjoni ta’ ċerti kuntratti ta’ entitajiet tas-settur pubbliku mid-Direttiva 2014/24 ( 27 ).

59.

Dan jispjega l-karatteristiċi li ġejjin tal-kooperazzjoni orizzontali li ma hijiex suġġetta għall-proċeduri formalizzati tal-kuntratti pubbliċi, skont id-Direttiva 2014/24:

Ma huwiex meħtieġ, bħalma kien il-każ fil-ġurisprudenza preċedenti ( 28 ), li l-kooperazzjoni sservi sabiex konġuntement titwettaq missjoni ta’ servizz pubbliku li hija komuni għall-awtoritajiet kontraenti kollha parteċipanti ( 29 ).

Huwa ammissibbli li l-kooperazzjoni tirrigwarda (jew tieħu l-forma ta’) attivitajiet ta’ appoġġ lil servizzi pubbliċi, sakemm dawn jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni effettiva tagħha ( 30 ).

Is-servizzi pprovduti mill-awtoritajiet kontraenti ma għandhomx ikunu neċessarjament identiċi. Sakemm jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ għanijiet komuni, li għandhom ikunu wkoll ta’ interess pubbliku, dawn is-servizzi jistgħu jkunu komplementari ( 31 ).

Sakemm ikun hemm impenji ta’ kontribut għat-twettiq kooperattiv tas-servizz pubbliku, ma huwiex neċessarju li kull waħda mill-partijiet tipparteċipa b’mod ugwali fil-kooperazzjoni; dan jista’ jiġi bbażat fuq diviżjoni ta’ xogħlijiet jew fuq ċerta speċjalizzazzjoni ( 32 ).

60.

Għall-kuntrarju, huwa essenzjali li l-kollaborazzjoni tal-partijiet tkun intiża biex tilħaq l-għanijiet komuni għalihom kollha. Dan huwa element essenzjali tal-kooperazzjoni orizzontali, li jiddistingwixxiha mill-għoti dirett lil entitajiet ikkontrollati mill-awtorità kontraenti.

61.

Hekk kienet l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Remondis II, fejn għamlet riferiment għad-“dimensjoni intrinsikament kollaborattiva” tal-kooperazzjoni tal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24. Din id-dimensjoni tieħu l-forma, inter alia, tal-preparazzjoni tal-ftehim ta’ kooperazzjoni permezz tad-definizzjoni ta’ neċessitajiet komuni u l-identifikazzjoni ta’ soluzzjonijiet għalihom ( 33 ).

62.

Barra minn hekk, il-kooperazzjoni orizzontali hija bbażata fuq kunċett ta’ kooperazzjoni, jiġifieri, jirriżulta f’impenji reċiproċi tal-parteċipanti. Dawn l-impenji jmorru lil hinn mit-twettiq ta’ ċertu servizz, minn naħa, u r-remunerazzjoni, min-naħa l-oħra, kif inhu ċċarat fis-sentenza Remondis II ( 34 ).

63.

It-terminu “kunċett ta’ kooperazzjoni”, li huwa espliċitu fil-premessa 33 tad-Direttiva 2014/24, huwa ekwivalenti għall-proposti ta’ ħtieġa ta’ “kooperazzjoni ġenwina”, u din “[t]involvi drittijiet u obbligi reċiproċi tal-partijiet” ( 35 ). Huwa eskluż li waħda mill-awtoritajiet kontraenti tkun “sempliċi xerrej” ( 36 ) tax-xogħol, servizz jew provvista kkonċernata.

64.

In-natura ġenwina tal-kooperazzjoni hija fundamentali fi kwalunkwe ftehim li jfittex li jiddependi fuq l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24. Din il-karatteristika tippermetti li din il-forma ta’ kooperazzjoni orizzontali tiġi distinta minn dik tal-kooperazzjoni vertikali (in house) u anki mill-kuntratti suġġetti għall-proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi, li fihom waħda mill-partijiet twettaq kompitu skont l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti mill-oħra, li, min-naħa tagħha, sempliċiment tħallas għalih ( 37 ).

3. Fil-kawża prinċipali

a) L-ewwel xenarju

65.

Il-Komun ta’ Farciennes jippreżenta l-ewwel xenarju sabiex jargumenta favur l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kooperazzjoni orizzontali bejnu, bejn is-SLSP Sambre u Biesme u IGRETEC.

66.

Fil-qosor, infakkar li:

Is-SLSP Sambre u Biesme u l-Komun ta’ Farciennes ħadu l-inizjattiva li jieħdu f’idejhom konġuntament il-proġetti rispettivi tagħhom ta’ riabilitazzjoni tal-akkomodazzjoni u r-rinnovament urban ta’ distrett partikolari.

Għal dan l-għan, ikkonkludew ftehim qafas ta’ kuntratt, li fih IGRETEC ma kinitx firmatarja.

L-inkorporazzjoni ta’ IGRETEC tirriżulta mill-ikkummissjonar tas-servizzi neċessarji għat-twettiq tal-proġett ta’ distrett ekoloġiku. Dan l-ikkummissjonar isegwi d-deċiżjoni taż-żewġ awtoritajiet kontraenti li jingħaqdu sabiex iwettqu tali proġett.

67.

Fil-fehma tiegħi, ir-relazzjoni trilaterali deskritta b’dan il-mod ma hijiex koperta mill-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24. Naqbel mal-qorti tar-rinviju f’din l-evalwazzjoni, li skontha “s-sempliċi fatt li [IGRETEC] teżerċita missjonijiet fil-kuntest tal-ftehim konkluż bejn il-Komun ta’ Farciennes u s-SLSP Sambre u Biesme għat-twettiq ta’ proġett komuni ta’ ħolqien tad-distrett ekoloġiku f’Farciennes ma jfissirx li IGRETEC innifisha tikkoopera fil-proġett, u lanqas li għandha għan komuni mal-firmatarji ta’ dan il-ftehim” ( 38 ).

68.

Hemm diversi raġunijiet li jwassluni sabiex nikkorrobora din l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, li taqbel magħha wkoll il-Kummissjoni, fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-fatti mogħtija minn din il-qorti. Irrid nenfasizza li hija din tal-aħħar weħidha li għandha tistabbilixxi l-kuntest fattwali tal-kawża, u dan jinvolvi l-intervent tal-partijiet ikkonċernati u l-għan imfittex minn kull waħda minnhom.

69.

Fl-ewwel lok, bħalma tosserva l-qorti tar-rinviju fit-termini li għadni kif esprimejt, ma hemmx għan komuni li jiġġustifika kooperazzjoni tat-tliet entitajiet, fis-sens tal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 ( 39 ).

70.

L-analiżi tal-istatuti ta’ IGRETEC u tal-intervent tagħha fil-proġetti kontenzjużi jwassal lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) sabiex jenfasizza li l-funzjonijiet imwettqa f’dan il-każ minn IGRETEC jikkorrispondu għas-“settur I” tal-għan soċjali tagħha, jiġifieri, għal attivitajiet li jipprovdu fis-suq l-impriżi tar-riċerka u tal-ġestjoni speċjalizzati fl-implimentazzjoni ta’ proġetti, u mhux għas-“settur II”, li huwa ddedikat għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u turistiku tar-reġjun u, b’mod partikolari, għall-kostruzzjoni, il-finanzjament u l-użu ta’ ċertu bini ( 40 ).

71.

Fit-tieni lok, lanqas ma hemm id-dimensjoni kollaborattiva li tinbidel, fl-ewwel istanza, fid-definizzjoni ta’ neċessitajiet u soluzzjonijiet komuni għall-partijiet li għandhom l-għan li jikkooperaw. F’dan l-istadju, l-intervent professjonali ta’ IGRETEC jista’ jservi sabiex il-Komun ta’ Farciennes u s-SLSP Sambre u Biesme jidentifikaw u jifhmu liema huma n-neċessitajiet tal-proġett ta’ distrett ekoloġiku li t-tnejn li huma jixtiequ joħolqu. Għall-kuntrarju, għal IGRETEC dawn huma neċessitajiet esterni.

72.

Fit-tielet lok, l-istrateġija ta’ kif l-aħjar jiġu kondiviżi u użati r-riżorsi komuni tal-partijiet jidhirli li hija limitata għall-Komun ta’ Farciennes u għas-SLSP Sambre u Biesme, anki jekk joperaw fuq għażliet proposti minn IGRETEC ( 41 ). Din tal-aħħar, effettivament, ma tipprovdi l-ebda servizz pubbliku b’mod konġunt ma’ dan il-komun u mas-SLSP Sambre u Biesme.

73.

Fl-aħħar lok, l-inkorporazzjoni ta’ IGRETEC fir-relazzjoni bejn iż-żewġ awtoritajiet kontraenti ( 42 ) permezz tal-ftehim ta’ assistenza fil-ġestjoni ta’ proġetti u ta’ servizzi legali u ambjentali ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ kooperazzjoni ġenwina. Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Komun ta’ Farciennes u s-SLSP Sambre u Biesme ma jimpenjawx ruħhom, sa fejn hija kkonċernata IGRETEC, għal xi ħaġa differenti minn dik li kieku jagħmlu f’sejħa għal offerti pubblika: huma jitolbu servizzi li IGRETEC toffri, u jassumu, bħala l-uniku obbligu, li jħallsu dawn is-servizzi lura.

b) It-tieni xenarju

74.

It-tieni xenarju jipprevedi taħlita ta’ kooperazzjoni orizzontali u vertikali, li fiha IGRETEC, li hija kkontrollata minn wieħed miż-żewġ parteċipanti fil-kooperazzjoni orizzontali (il-Komun ta’ Farciennes), twettaq servizz anki għall-oħra (is-SLSP Sambre u Biesme) u hija rremunerata għaż-żewġ servizzi.

75.

Fil-fehma tal-Komun ta’ Farciennes, meta tafda lil IGRETEC l-assistenza fil-ġestjoni ta’ proġetti, ta’ servizzi legali u dawk ambjentali, hija tkun qiegħda tuża r-riżorsi proprji ta’ dan il-komun. Din iċ-ċirkustanza għandha titqies ukoll fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejnu stess u bejn is-SLSP Sambre u Biesme.

76.

Fil-fehma tiegħi ma huwiex possibbli li dan l-argument jintlaqa’, li l-Komun ta’ Farciennes innifsu jippreżentah bħala argument sekondarju (fil-kuntest ta’ allegazzjoni li, minnha nnifisha, hija sussidjarja għall-argument prinċipali) u, forsi għal din ir-raġuni, ma jiżviluppahx iktar.

77.

Jekk qiegħed nifhem sew il-pożizzjoni tal-Komun ta’ Farciennes, dak li qiegħed jargumenta huwa li ż-żewġ entitajiet li huma partijiet fir-relazzjoni ta’ kooperazzjoni vertikali (IGRETEC u l-komun innifsu) huma, fir-rigward ta’ din ir-relazzjoni, l-istess parti għall-finijiet tal-kooperazzjoni orizzontali ma’ terz ( 43 ). Għaldaqstant, ma jkunx neċessarju li t-tnejn li huma jiffirmaw il-ftehim qafas mas-SLSP Sambre u Biesme.

78.

Jien ma naqbilx ma’ dan l-argument. Fil-kooperazzjoni vertikali (in house), l-awtorità kontraenti u l-entità strumentali li fuqha teżerċita kontroll analogu għal dak li għandha fuq is-servizzi proprji tagħha huma entitajiet formalment distinti, kemm qabel kif ukoll wara l-konklużjoni ta’ kuntratt pubbliku.

79.

Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ relazzjoni in house bejn il-Komun ta’ Farciennes u IGRETEC ma hijiex biżżejjed biex wieħed iqis li r-rekwiżiti tal-kooperazzjoni orizzontali mas-SLSP Sambre u Biesme huma ssodisfatti.

V. Konklużjoni

80.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, li qiegħed jaġixxi bħala Qorti Suprema Amministrattiva, il-Belġju) f’dawn it-termini:

“1)

Awtorità kontraenti li tixtieq tagħti kuntratt pubbliku li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, mingħajr ma jiġi suġġett għall-proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi li hija tipprevedi, għandha tikkonforma mal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12 tagħha mill-iskadenza għat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-direttiva, jekk, f’dan il-mument, din it-traspożizzjoni tkun għadha ma seħħitx.

2)

L-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

Jeskludi l-eżistenza ta’ kooperazzjoni bejn awtoritajiet kontraenti meta r-relazzjoni li tgħaqqadhom, li fil-kuntest tagħha jimpenjaw ruħhom sabiex jipprovdu s-servizzi rispettivi tagħhom, ma jkollhiex għanijiet komuni għalihom kollha.

Ma jkoprix relazzjoni bejn awtoritajiet kontraenti indipendenti li fiha waħda tikseb servizz mingħand l-oħra, esklużivament bi ħlas fi flus”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68), fil-verżjoni emendata tagħha mir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/2170 tal‑24 ta’ Novembru 2015 (ĠU 2015, L 307, p. 5).

( 3 ) Kumpannija ta’ akkomodazzjoni ta’ servizz pubbliku Sambre u Biesme (iktar ’il quddiem, is-“SLSP Sambre u Biesme”).

( 4 ) Interkomunali għall-ġestjoni u t-twettiq ta’ studji tekniċi u ekonomiċi (iktar ’il quddiem, “IGRETEC”).

( 5 ) Dan kien jammonta għal 0.0000000197 % tas-sehem bid-dritt għall-vot (p. 26 tad-digriet tar-rinviju fil-Kawża C‑383/21) u għal 0.0000049 % tal-ishma (p. 39 tad-digriet tar-rinviju fil-Kawża C‑384/21).

( 6 ) Intitolat “Għażla tal-assistenza fit-tmexxija tax-xogħol għat-twettiq ta’ kuntratti ta’ servizz, xogħlijiet u promozzjoni ta’ xogħlijiet u għall-eżekuzzjoni tal-proġett ta’ riġenerazzjoni urbana”.

( 7 ) Il-kumitat ta’ tmexxija huwa magħmul minn erba’ rappreżentanti tal-Komun ta’ Farciennes, tnejn mis-SLSP Sambre u Biesme, tnejn minn IGRETEC u tnejn mis-Société wallonne du logement (il-Kumpannija ta’ Wallonie tal-akkomodazzjoni, iktar ’il quddiem, is-“SWL”). Id-deċiżjonijiet tal-kumitat jittieħdu b’kunsens.

( 8 ) L-iskadenza għall-adattament tad-dritt nazzjonali għad-Direttiva 2014/24 kienet it‑18 ta’ April 2016. Il-Liġi Belġjana ta’ traspożizzjoni ġiet approvata fis‑17 ta’ Ġunju 2016. Ilha applikabbli mit‑30 ta’ Ġunju 2017, wara d-dħul fis-seħħ ta’ digriet ta’ implimentazzjoni tat‑18 ta’ April 2017.

( 9 ) Osservazzjonijiet tal-Komun ta’ Farciennes, punti 33 et seq.; u tas-SLSP Sambre u Biesme, punti 34 et seq.

( 10 ) Osservazzjonijiet tal-Gvern Belġjan, punti 17 et seq., u 80 et seq.; tal-Kummissjoni, punti 12 et seq. Is-SWL kienet sostniet l-istess fehma quddiem il-qorti tar-rinviju.

( 11 ) Sentenza fil-Kawża Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett) (C‑205/20, EU:C:2022:168), punt 17.

( 12 ) Ibidem, punt 18.

( 13 ) Ibidem, punt 19.

( 14 ) Sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Irgita (C‑285/18, EU:C:2019:829; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Irgita”), punt 43; korsiv miżjud minni. Sussegwentement, id-digriet tas‑6 ta’ Frar 2020, Pia Opera Croce Verde Padova (C‑11/19, EU:C:2020:88), punti 40 sa 46.

( 15 ) Sentenza Irgita, punt 46.

( 16 ) Ibidem, punt 45, b’riferiment għall-premessa 5 tad-Direttiva 2014/24, li skontha “xejn f’din id-Direttiva ma jobbliga lill-Istati Membri li għandhom jagħtu b’kuntratt jew jesternalizzaw il-forniment ta’ servizzi li jixtiequ jipprovdu huma stess jew li jorganizzaw b’mezzi oħra minbarra l-kuntratti pubbliċi skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva”.

( 17 ) Hawnhekk qiegħed insegwi l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-Kawża Portgás (C‑425/12, EU:C:2013:623, punt 52).

( 18 ) Sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Portgás (C‑425/12, EU:C:2013:829, punt 34).

( 19 ) Wara t-traspożizzjoni (korretta), ir-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi u l-eċċezzjonijiet tagħhom huma dawk previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Fis-seduta ġie rrapportat li l-leġiżlatur Belġjan irrepeta, b’mod sostanzjali, il-kontenut tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24 fil-Liġi tas‑17 ta’ Ġunju 2016. Madankollu, seta’ ma għamilx dan. Għaldaqstant, hija konċepibbli (teoretikament) traspożizzjoni li fiha ma jsirx użu mis-setgħa ta’ esklużjoni prevista mill-Artikolu 12.

( 20 ) Hija sterjotipika li wieħed jeżiġi li din l-interpretazzjoni tkun stretta, billi jiġi argumentat li l-każijiet tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24 huma “eċċezzjonijiet” jew “derogi” mill-applikazzjoni tad-direttiva. Mingħajr ma issa nidħol f’dik li għandha tkun l-orjentazzjoni tal-proposta, irrid intenni li dan l-artikolu jiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva. Ma hijiex, strettament, eċċezzjoni għaliha (ara l-konklużjonijiet tiegħi tal-Kawża Informatikgesellschaft für Software-Entwicklung (C‑796/18, EU:C:2020:47), punti 3738).

( 21 ) Mill-formulazzjoni tad-domanda jsegwi li, għall-qorti tar-rinviju, il-Komun ta’ Farciennes jeżerċita fuq IGRETEC kontroll analogu għal dak li jeżerċita fuq is-servizzi tiegħu stess, iżda dan ma huwiex il-każ fir-relazzjoni tas-SLSP Sambre u Biesme ma’ IGRETEC.

( 22 ) Osservazzjonijiet tal-Komun ta’ Farciennes, punti 115 et seq., speċjalment il-punti 143 u 145.

( 23 ) Ibidem, punti 115 et seq., speċjalment il-punti 139 u 140.

( 24 ) Apparti dawn il-kundizzjonijiet, il-kooperazzjoni interamministrattiva għandha tirrispetta, fi kwalunkwe każ, ir-regoli fundamentali tat-TFUE, b’mod partikolari, dawk relatati mal-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà ta’ stabbiliment u l-provvista ta’ servizzi, kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ rikonoxximent reċiproku, ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza. Fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kontraenti li jkollha l-effett li tiffavorixxi impriża privata iktar milli l-kompetituri tagħha, ara s-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Informatikgesellschaft für Software-Entwicklung (C‑796/18, EU:C:2020:395), punti 63 et seq. u l-punt 3 tad-dispożittiv.

( 25 ) Sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Remondis (C‑429/19, EU:C:2020:436; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Remondis II”), punt 24.

( 26 ) Konklużjonijiet tal-Kawża Informatikgesellschaft für Software-Entwicklung (C‑796/18, EU:C:2020:47), punti 26 sa 28.

( 27 ) Qabel id-Direttiva 2014/24, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrifjutat li tirrikonoxxi kooperazzjoni orizzontali fl-għoti dirett ta’ kuntratti dwar servizzi ta’ appoġġ lil servizz pubbliku, bħat-twettiq ta’ uffiċċji ta’ arkitetti jew ta’ inġineri u t-tindif ta’ uffiċini: ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Ordine degli Ingenieri della Provincia di Lecce et (C‑159/11, EU:C:2012:817), għall-ewwel wieħed; u dik tat‑13 ta’ Ġunju 2013, Piepenbrock (C‑386/11, EU:C:2013:385), għat-tieni wieħed. Madankollu, jista’ jiġi argumentat li r-raġuni għal tali rifjut ma kinitx ibbażata fuq in-natura awżiljarja tas-servizz, iżda fuq in-nuqqas ta’ orjentazzjoni tal-ftehim inter partes għat-twettiq konġunt ta’ kompiti tas-servizz pubbliku komuni: qiegħed nagħmel riferiment għall-punt 34 tas-sentenza Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et u għall-punt 39 tas-sentenza Piepenbrock. Fi kwalunkwe każ, ir-restrizzjoni tneħħiet mid-direttiva fis-seħħ.

( 28 ) Barra s-sentenzi msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti, ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Ġunju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑480/06, EU:C:2009:357), punt 37; tat‑8 ta’ Mejju 2014, Datenlotsen Informationssysteme (C‑15/13, EU:C:2014:303), punt 35. Il-Kummissjoni wkoll ġabret dan bl-istess mod fil-Proposta tagħha għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku (KUMM/2011/0896 finali), Artikolu 11(4)(a).

( 29 ) Sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Informatikgesellschaft für Software-Entwicklung (C‑796/18, EU:C:2020:395, punti 5758 u d-dispożittiv).

( 30 ) Ibidem, punti 59 u 60 u d-dispożittiv. Fil-konklużjonijiet tiegħi għal dik il-kawża (C‑796/18, EU:C:2020:47), punti 8485, sostnejt li l-attivitajiet ta’ sostenn iridu jkunu “marbuta b’mod dirett u inseparabbli mas-servizz pubbliku”, u jkollhom “karattri strumentali ta’ tali intensità li l-propju servizz jiddependi minnhom sabiex jiġi eżegwit is-servizz pubbliku bħala tali”. Għalkemm il-formulazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija differenti, ma jidhirlix li hija iktar laxka.

( 31 ) Bħala eżempju ta’ servizzi komplementari, ta’ min wieħed isemmi l-attivitajiet ta’ ġbir u pproċessar tal-iskart, imsemmijin fis-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑480/06, EU:C:2009:357); jew dawk ta’ tagħlim u riċerka proprja tal-universitajiet pubbliċi, kif indikati mill-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-konklużjonijiet tiegħu għall-kawża Datenlotsen Informationssysteme (C‑15/13, EU:C:2014:23), punt 59. Fil-prattika, il-flessibbiltà mogħtija mid-Direttiva 2014/24 tista’ tiġi żvelata bħala waħda ineffettiva, għaliex id-differenza fis-sustanza tas-servizzi pprovduti minn kull awtorità kontraenti ma tippermettix li jiddefinixxu l-għanijiet komuni għalihom kollha. F’tali każ, ikun nieqes element indispensabbli tal-kooperazzjoni. Huwa konċepibbli wkoll li din id-differenza timpedixxi t-twettiq tas-servizzi rispettivi b’mod kooperattiv, minħabba n-nuqqas ta’ interess ta’ awtorità kontraenti fis-servizzi offruti mill-oħra, jew minħabba l-fatt li l-komplementarjetà ma tkunx reċiproka, iżda unilaterali. F’dan il-kuntest, jekk ir-relazzjoni bejn il-partijiet tkun limitata għall-fatt li l-awtorità kontraenti interessata fis-servizz tal-oħra tixtrih mingħandha bi ħlas, ma hemm l-ebda kooperazzjoni fis-sens tal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24. X’aktarx, wieħed lanqas ma jkun jista’ jitkellem dwar interazzjoni ggwidata unikament minn kunsiderazzjonijiet ta’ interess pubbliku, kif meħtieġ mill-punt b) tal-istess paragrafu: it-talba ta’ ħlas għal servizz ma hijiex għan ta’ interess pubbliku. Ir-riferiment għal servizzi (b’mod iktar preċiż, għal “xogħlijiet” ta’ servizz pubbliku) komplementarji jidher fil-premessa 14(aa) tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku, annessa man-Nota tas-Segretarju Ġenerali, Dokument tal-Kunsill 14971/12 tad‑19 ta’ Ottubru 2012. L-esklużjoni tal-kooperazzjoni tad-direttiva kienet espressament kundizzjonali fuq il-fatt li s-servizzi komplementari jkunu jistgħu jitwettqu “b’mod kooperattiv”. Minħabba n-natura superfluwa tiegħu, it-tneħħija tar-rekwiżit mit-test finali hija irrilevanti.

( 32 ) It-tielet paragrafu tal-premessa 33 tad-Direttiva 2014/24. L-idea kienet diġà dehret fid-dokument ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi tal-UE għar-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet kontraenti (kooperazzjoni fis-settur pubbliku), SEC(2011) 1169 final, tal‑4 ta’ Ottubru 2011, punt 3.3.2.

( 33 ) Sentenza Remondis II, punti 32 u 33.

( 34 ) Ibidem, punt 27.

( 35 ) Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku [KUMM/2011/896 final], Artikolu 11(4)(a).

( 36 ) It-terminu jidher fin-Nota tas-Segretarju Ġenerali, Dokument tal-Kunsill 9315/12 tas‑27 ta’ April 2012, p. 38. Fis-sentenza Remondis II, dan jidher fil-punt 29.

( 37 ) Il-kooperazzjoni orizzontali ma teskludix it-trasferimenti finanzjarji bejn il-parteċipanti iżda, intenni, li teskludi l-fatt li l-kontribut ta’ wieħed minnhom ikun ristrett għal sempliċi pagament.

( 38 ) Digriet tar-rinviju tal-Kawża C‑384/21, p. 56.

( 39 ) Digriet tar-rinviju tal-Kawża C‑384/21, p. 56. L-osservazzjonijiet tal-partijiet ma jiżvelawx għan komuni għal kulħadd, jekk ikun hemm; u dan l-għan ma huwiex evidenti għal osservatur estern. Fil-fehma tiegħi, dawn il-kawżi juru d-diffikultajiet li semmejt fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31. Eżempju ta’ kooperazzjoni għall-provvista ta’ servizzi komplementari bl-istess għan (u permezz tagħha) huwa l-kuntratt analizzat fis-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑480/06, EU:C:2009:357): ara l-punt 37 tagħha. Għan komuni kien jikkonsisti fir-razzjonalizzazzjoni tal-ipproċessar tal-iskart, f’installazzjoni qrib kemm jista’ jkun.

( 40 ) Digriet tar-rinviju tal-Kawża C‑384/21, p. 56 u 57. Għandu jiġi nnotat, madankollu, li kundizzjoni tal-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24, konformement mal-Artikolu 12, hija li għall-awtorità kontraenti hemm l-għażla bejn il-ksib ta’ servizz permezz tal-kooperazzjoni interamministrattiva (vertikali jew orizzontali) jew permezz tas-suq. B’mod ġenerali, is-servizzi miksuba permezz tal-kooperazzjoni bejn entitajiet pubbliċi jistgħu jinkisbu (ukoll) fis-suq.

( 41 ) Il-proposti tagħha kienu ffokati fuq aspetti bħan-numru ta’ djar, id-demolizzjoni jew ir-restawr ta’ dawk eżistenti, l-użu ta’ investiment ta’ kapital privat, it-tip ta’ kuntratt pubbliku u aspetti analogi.

( 42 ) Fil-verità, bħalma tissuġġerixxi l-Kummissjoni (punt 33 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha), IGRETEC ma tidhirx bħala awtorità kontraenti. Ma huwiex ċar x’inhu s-servizz li “takkwista” IGRETEC u liema għandha tagħti permezz ta’ sejħa għal offerti, fin-nuqqas tal-kooperazzjoni.

( 43 ) Punt 146 in fine tal-osservazzjonijiet tal-Komun ta’ Farciennes: “B’definizzjoni, ir-relazzjoni in house tippermetti l-assimilazzjoni [ta’ IGRETEC] mal-komun ta’ Farciennes”. Għalkemm fis-seduta r-rappreżentanta tal-komun għamlet riferiment għal “rabta funzjonali u organika” bejn iż-żewġ entitajiet, hija żammet l-argument ibbażat fuq ir-relazzjoni in house bejniethom.

Top