EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0365

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati l-20 ta’ Ottubru 2022.


Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:823

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl‑20 ta’ Ottubru 2022 ( 1 )

Kawża C‑365/21

MR

fil-preżenza ta’:

Generalstaatsanwaltschaft Bamberg

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Bamberg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Bamberg, il-Ġermanja))

“Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen – Artikolu 54 – Riżerva fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem – Artikolu 55 – Reat kontra s-sigurtà tal-Istat jew interessi oħra ugwalment essenzjali – Dikjarazzjonijiet nazzjonali – Kompatibbiltà mal-Artikoli 50 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

I. Introduzzjoni

1.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet affaċċjata diversi drabi bi kwistjonijiet tal-prinċipju ta’ ne bis in idem li jinsab fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen (iktar ’il quddiem il-“KIFS”) ( 2 ), iżda darba biss bil-kompatibbiltà ta’ dikjarazzjonijiet li jillimitaw dan il-prinċipju, ibbażati fuq l-Artikolu 55 tal-KIFS. F’din il-kawża preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex bżonn tirrispondi għal domanda fuq dan il-punt, peress li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal domanda oħra fl-istess kawża kienet eliminat il-ħtieġa li tiddeċiedi fuq il-validità ta’ dikjarazzjoni ( 3 ). Il-kawża ineżami toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiċċara din il-kwistjoni.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A. Id‑dritt tal‑Unjoni Ewropea

1.   Il‑KIFS

2.

It-Titolu III tal-KIFS, dwar il-“Pulizija u Sigurtà”, jinkludi inter alia l-Kapitolu 3, intitolat “Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem”, li jinkludi l-Artikoli 54 u 55 ta’ din il-konvenzjoni. L-Artikolu 54 tal-KIFS jipprevedi:

“Persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.”

3.

L-Artikolu 55 tal-KIFS huwa fformulat kif ġej:

“1.   Parti Kontraenti tista’, meta tirratifika, taċċetta jew tapprova din il-Konvenzjoni, tiddikjara li hija m’hijiex marbuta bl-Artikolu 54 f’wieħed jew iżjed minn dawn il-każijiet li ġejjin:

(a)

meta l-azzjonijiet relatati mas-sentenza ta’ pajjiż barrani jkunu seħħu totalment jew parzjalment fit-territorju tagħha stess; f’dan l-aħħar każ, madankollu, din l-eċċezzjoni m’għandhiex tapplika jekk l-azzjonijiet ikunu seħħu parzjalment fit-territorju tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza;

(b)

meta l-azzjonijiet relatati mas-sentenza ta’ pajjiż barrani jikkostitwixxu reat kontra s-sigurtà nazzjonali jew kontra interessi li huma ugwalment essenzali ta’ dik il-Parti Kontraenti;

(ċ)

meta l-azzjonijiet relatati mas-sentenza ta’ pajjiż barrani jkunu ġew kommessi minn uffiċjali ta’ dik il-Parti Kontraenti bi ksur tad-doveri ta’ l-inkarigu tagħhom.

2.   Parti Kontraenti li tkun għamlet dikjarazzjoni li tirrigwarda l-eċċezzjoni msemmija fil-paragrafu 1(b) għandha tispeċifika l-kategoriji ta’ reati li fir-rigward tagħhom din l-eċċezzjoni tista’ tapplika.

3.   Parti Kontraenti tista’ f’kull ħin tirtira dikjarazzjoni li għandha x’taqsam ma’ waħda jew iżjed mill-eċċezzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

4.   L-eċċezzjonijiet li kienu s-soġġett ta’ dikjarazzjoni taħt il-paragrafu 1 m’għandhomx japplikaw meta l-Parti Kontraenti konċernata tkun, in konnessjoni ma’ l-istess azzjonijiet, talbet lill-parti Kontraenti l-oħra biex tressaq il-prosekuzzjoni jew tkun estradiet lill-persuna konċernata.”

4.

Skont l-Artikolu 56 tal-KIFS:

“Jekk tinġieb prosekuzzjoni oħra f’Parti Kontraenti kontra persuna li l-kawża tagħha, fir-rigward ta’ l-istess azzjonijiet, tkun inqatgħat finalment f’Parti Kontraenti oħra, kull perjodu tat-teħid tal-libertà fil-Parti Kontraenti ta’ l-aħħar li jirriżulta minn dawk l-azzjonijiet għandu jitnaqqas minn kull penali imposta. Safejn dan ikun possibbli taħt il-liġi nazzjonali, penalitajiet li ma jinvolvux teħid ta’ liberta’ għandhom jitqiesu wkoll.”

5.

Il-KIFS ġiet inkorporata fid-dritt tal-Unjoni permezz tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam ( 4 ). Sussegwentement, il-Protokoll (Nru 19) dwar l-Acquis ta’ Schengen integrat fil-Qafas ta’ l-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat ta’ Lisbona (iktar ’il quddiem il-“Protokoll (Nru 19)”) ( 5 ).

6.

Skont l-Artikolu 7 tal-Protokoll (Nru 19) ( 6 ):

“Għall-għanijiet tan-negozjati għall-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda fl-Unjoni Ewropea, l-Acquis ta’ Schengen u miżuri oħra meħuda mill-istituzzjonijiet f’ dan l-ambitu tiegħu, għandhom jitqiesu bħala acquis li għandu jiġi aċċettat kollu kemm hu mill-Istati kollha kandidati għall-adeżjoni.”

2.   Deċiżjoni Qafas 2008/841

7.

Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal‑24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata ( 7 ), intitolat “Reati marbuta mal-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali”: “Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li wieħed jew iż-żewġ tipi, li ġejjin, ta’ mġiba relatati ma’ organizzazzjoni kriminali jkunu meqjusa bħala reati:”“(a) l-imġiba ta’ kwalunkwe persuna li, bi ħsieb u b’għarfien jew ta’ l-għan u ta’ l-attività ġenerali ta’ l-organizzazzjoni kriminali jew ta’ l-intenzjoni tagħha li twettaq ir-reati in kwistjoni, tieħu sehem attiv fl-attivitajiet kriminali ta’ l-organizzazzjoni, inklużi l-forniment ta’ informazzjoni jew ta’ mezzi materjali, ir-reklutaġġ ta’ membri ġodda u kull forma ta’ finanzjament ta’ l-attivitajiet tagħha, bl-għarfien li tali parteċipazzjoni se tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ l-attivitajiet kriminali ta’ l-organizzazzjoni; (b) l-imġiba ta’ kwalunkwe persuna li tikkonsisti fi ftehim ma’ persuna waħda jew aktar li għandha titwettaq attività, li jekk imwettqa, tkun tikkonsisti fit-twettiq ta’ reati imsemmija fl-Artikolu 1, anki jekk dik il-persuna ma tiħux sehem fl-eżekuzzjoni attwali ta’ l-attività.”

B. Id‑dritt Ġermaniż

8.

Meta rratifikat il-KIFS, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet “riżerva” ( 8 ) fir-rigward tal-Artikolu 54 tal-KIFS, skont l-Artikolu 55(1)(b) tagħha (BGBl. 1994 II, p. 631), li pprevediet, inter alia, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma hijiex marbuta bl-Artikolu 54 tal-KIFS meta s-sentenza barranija tkun tirrigwarda atti li jikkostitwixxu reat previst fl-Artikolu 129 tas-Strafgesetzbuch (il-Kodiċi Kriminali Ġermaniż, iktar ’il quddiem is-“StGB”).

9.

L-Artikolu 129 tas-StGB, intitolat “Formazzjoni ta’ organizzazzjonijiet kriminali”, fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali, huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Kull min jifforma organizzazzjoni jew jipparteċipa bħala membru f’organizzazzjoni li l-għanijiet jew l-attivitajiet tagħha huma intiżi għat-twettiq ta’ reati ssanzjonati b’piena ta’ priġunerija massima ta’ mill-inqas sentejn jeħel piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn ħames snin jew multa. Kull min jappoġġja tali organizzazzjoni jew jirrekluta membri jew sostenituri għal tali organizzazzjoni jeħel piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn tliet snin jew multa.

(2)   Organizzazzjoni hija assoċjazzjoni strutturata ta’ iktar minn żewġ persuni, stabbilita biex teżisti għal żmien itwal, indipendentement minn jekk għandhiex rwoli formalment iddefiniti għall-membri tagħha, sħubija kontinwa jew struttura elaborata u li l-għan tagħha huwa t-tfittxija ta’ interess komuni superjuri.

[…]

(5)   Fil-każijiet partikolarment serji msemmija fl-ewwel sentenza tas-subparagrafu (1), il-piena hija priġunerija għal tul ta’ bejn sitt xhur u ħames snin. Ikun tipikament każ partikolarment gravi meta l-awtur ikun wieħed mill-mexxejja jew mill-persuni li joperaw minn wara l-kwinti tal-organizzazzjoni. […]”

III. Il‑fatti, il‑proċedura u d‑domandi preliminari

10.

Il-Generalstaatsanwaltschaft Bamberg/Zentralstelle Cybercrime Bayern (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali ta’ Bamberg/it-Taqsima Ċentrali fil-Ġlieda Kontra ċ-Ċiberkriminalità ta’ Bayern, il-Ġermanja) qiegħed, fost affarijiet oħra, imexxi investigazzjoni, inkluż kontra MR, ċittadin Iżraeljan, fuq suspett ta’ formazzjoni ta’ organizzazzjoni kriminali u t-twettiq ta’ frodi tal-investimenti.

11.

Fit‑8 ta’ Diċembru 2020, l-imħallef inkwirenti tal-Amtsgericht Bamberg (il-Qorti Distrettwali ta’ Bamberg, il-Ġermanja) ordna d-detenzjoni provviżorja ta’ MR (mandat ta’ arrest nazzjonali). Ir-raġuni mogħtija għall-arrest tiegħu kienet ir-riskju ta’ ħarba. L-imħallef inkwirenti tal-Amtsgericht Bamberg (il-Qorti Distrettwali ta’ Bamberg), qies li kien hemm raġunijiet tajbin sabiex jiġi ssuspettat li r-reat tal-formazzjoni ta’ organizzazzjoni kriminali kien twettaq f’diversi reati li jinvolvu frodi kummerċjali bħala membru ta’ grupp organizzat fis-sens tal-Artikolu 129(1), l-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 129(5), l-Artikolu 263(1), il-punt 1 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 263(3), l-Artikolu 263(5), l-Artikolu 25(2) u l-Artikolu 53 tas-StGB. Fil‑11 ta’ Diċembru 2020, din il-qorti ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-mandat ta’ arrest nazzjonali.

12.

MR diġà ġie kkundannat permezz ta’ sentenza finali tal-Landesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali ta’ Vjenna, l-Awstrija) tal‑1 ta’ Settembru 2020 għal piena ta’ priġunerija ta’ erba’ snin għal frodi kummerċjali gravi u ħasil tal-flus. Minn dak iż-żmien, MR skonta parti mill-piena li ċċaħħad il-libertà ta’ erba’ snin mogħtija permezz ta’ dik is-sentenza. Huwa ngħata libertà kundizzjonata għall-bqija tal-piena li ċċaħħad il-libertà b’effett mid‑29 ta’ Jannar 2021.

13.

Madankollu, fl-istess data, fuq digriet tal-Landesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali ta’ Vjenna) tad‑29 ta’ Jannar 2021, MR inżamm taħt detenzjoni provviżorja fl-Awstrija fuq il-bażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-imħallef inkwirenti tal-Amtsgericht Bamberg (il-Qorti Distrettwali ta’ Bamberg). MR inżamm f’detenzjoni sat‑18 ta’ Mejju 2021. Sa minn dak iż-żmien huwa ilu jinsab f’detenzjoni tal-immigrazzjoni pendenti t-tkeċċija (lejn l-Iżrael). Skont informazzjoni mhux uffiċjali, jista’ jkun li huwa diġà wasal fl-Iżrael.

14.

MR ippreżenta appelli kontra l-mandat ta’ arrest nazzjonali u l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fuq il-bażi ta’ dan il-mandat nazzjonali. Permezz ta’ digriet tat‑8 ta’ Marzu 2021, il-Landgericht Bamberg (il-Qorti Reġjonali ta’ Bamberg, il-Ġermanja) ċaħdet dawn l-appelli bħala infondati. Din il-qorti kkunsidrat li l-piena imposta fuq MR mil-Landesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali ta’ Vjenna) ingħatat biss fir-rigward tal-atti ta’ frodi mwettqa għad-detriment ta’ persuni leżi fl-Awstrija. Attwalment MR huwa s-suġġett ta’ proċeduri kriminali għal atti ta’ frodi mwettqa għad-detriment ta’ persuni leżi fil-Ġermanja. Peress li dawn iż-żewġ appelli ma jikkonċernawx l-istess persuni leżi, ma jikkostitwixxux l-istess reat fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KIFS u l-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Sussidjarjament, il-Landgericht Bamberg (il-Qorti Reġjonali ta’ Bamberg) irreferiet għall-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS peress li, fil-kawża ineżami, MR huwa s-suġġett ta’ proċeduri kriminali għal reat skont l-Artikolu 129 tas-StGB, li fir-rigward tiegħu r-Repubblika Federali tal-Ġermanja esprimiet riżerva f’dan is-sens waqt ir-ratifika tal-KIFS.

15.

MR ippreżenta appell minn dan id-digriet tal-Landgericht Bamberg (il-Qorti Reġjonali ta’ Bamberg). Dan l-appell sussegwenti huwa pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju li talbet deċiżjoni preliminari għall-finijiet tad-deċiżjoni tagħha.

16.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk fid-dritt tal-Unjoni jeżistix xi impediment għall-prosekuzzjoni. Jekk dan huwa l-każ, il-mandat ta’ arrest nazzjonali għandu jiġi annullat, b’tali mod li l-mandat ta’ arrest Ewropew ma jkollux iktar bażi.

17.

Il-kwistjoni dwar jekk jeżistix impediment għall-prosekuzzjoni tiddependi fuq jekk il-mandat ta’ arrest Ġermaniż u l-mandat ta’ arrest Ewropew inħarġux għall-prosekuzzjoni ta’ MR għal att li fir-rigward tiegħu huwa diġà kien is-suġġett ta’ proċeduri kriminali u ġie kkundannat mill-awtoritajiet Awstrijaċi.

18.

Dan jiddependi mill-fatti li fuqhom kien ibbażat il-mandat ta’ arrest nazzjonali Ġermaniż u l-fatti li fuqhom kienet ibbażata s-sentenza tal-Landesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali ta’ Vjenna).

19.

Fil-mandat ta’ arrest nazzjonali, MR huwa akkużat li ħoloq u żamm, flimkien mal-kompliċi tiegħu, network ta’ kumpanniji tas-“cybertrading” li fihom l-hekk imsejħa aġenti impjegati għall-akkwist u s-sostenn tal-klijenti (l-“aġenti ta’ konverżjoni” u l-“aġenti ta’ żamma”) skont pjan ta’ azzjoni, kienu joffru investimenti li jwiegħdu premji finanzjarji lil investituri ta’ bona fide (klijenti) f’numru ta’ pajjiżi Ewropej, inklużi l-Ġermanja u l-Awstrija, minn ċentri telefoniċi barra mill-pajjiż, inkluż il-Bulgarija. B’dan il-mod, l-aġenti ħeġġew lill-investituri jagħmlu pagamenti li nġabru direttament bħala rikavati tal-kriminalità. Kien jintuża softwer speċjali sabiex jikkonvinċi lill-investituri li huma kienu tilfu l-investiment tagħhom. Il-profitt tar-rikavati tal-kriminalità, wara tnaqqis tal-ispejjeż tal-persunal u dawk mhux relatati mal-persunal taċ-ċentri telefoniċi u tal-persuni li jaħdmu hemm (inklużi l-aġenti), ġie mgħoddi lil MR u lill-kompliċi tiegħu permezz ta’ rotot indiretti sabiex jaħbu l-flussi tal-flus. Ir-rwol ta’ MR, u dak tal-kompliċi tiegħu, kien l-organizzazzjoni tan-negozju li kien rekwiżit preliminari għall-atti individwali ta’ frodi mwettqa mill-aġenti għad-detriment tal-persuni individwali leżi. B’hekk, MR assuma funzjonijiet maniġerjali biss, filwaqt li l-aġenti taċ-ċentri telefoniċi, li kienu miġbura f’diviżjonijiet skont il-lingwa materna tal-persuni leżi (fuq l-“Iskrivanija Ġermaniża” għall-Ġermanja u l-Awstrija), kienu ġestiti minn kapijiet ta’ dipartiment. Skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, l-atti li MR huwa akkużat bihom, u li fformaw il-bażi tal-mandat ta’ arrest nazzjonali Ġermaniż u l-kundanna mogħtija mil-Landesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali ta’ Vjenna), huma l-istess f’dan ir-rigward.

20.

Il-qorti tar-rinviju tiċċara li, fid-dritt Ġermaniż, ma hemmx impediment għall-prosekuzzjoni. Barra minn hekk, hija tiċċara li ma taqbilx mal-pożizzjoni espressa mil-Landgericht Bamberg (il-Qorti Reġjonali ta’ Bamberg), li, il-fatt li l-atti huma l-istess huwa awtomatikament prekluż, peress li l-vittmi huma differenti (il-mandat ta’ arrest nazzjonali Ġermaniż jirreferi għad-danni pekunjarji subiti fil-Ġermanja u għal persuni leżi Ġermaniżi, filwaqt li s-sentenza tal-Landesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali ta’ Vjenna) tirreferi għat-telf subit fl-Awstrija u għal persuni leżi Awstrijaċi). Barra minn hekk, kuntrarjament għal-Landgericht Bamberg (il-Qorti Reġjonali ta’ Bamberg), il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-eżistenza jew le ta’ kwalunkwe impediment għall-prosekuzzjoni taħt id-dritt tal-Unjoni.

21.

Peress li ma hemm ebda impediment għall-prosekuzzjoni fid-dritt nazzjonali, l-unika kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk jeżistix xi impediment proċedurali minħabba l-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KIFS u l-Artikolu 50 tal-Karta. Kieku jeżisti tali impediment, imbagħad ikun neċessarju li jiġi ċċarat jekk l-Artikolu 54 tal-KIFS jibqax rilevanti fil-kawża ineżami. Dan l-artikolu ma jkunx applikabbli jekk l-Artikolu 55 tal-KIFS u d-dikjarazzjoni magħmula mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja skont dan l-artikolu waqt ir-ratifika tal-KIFS jibqgħu validi.

22.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tfittex gwida dwar jekk id-dikjarazzjoni magħmula skont l-Artikolu 129 tas-StGB mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja waqt ir-ratifika tal-KIFS hijiex kompatibbli mal-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS f’dan ir-rigward (jiġifieri meta l-organizzazzjoni twettaq esklużivament kriminalità finanzjarja, iżda ma tfittixx, barra minn hekk, għanijiet politiċi, ideoloġiċi, reliġjużi jew filosofiċi).

23.

F’dan il-kuntest li l-Oberlandesgericht Bamberg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Bamberg, il-Ġermanja), permezz ta’ digriet tal‑4 ta’ Ġunju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Ġunju 2021, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 55 tal-[KIFS] huwa kompatibbli mal-Artikolu 50 tal-[Karta] u jibqa’ validu, sa fejn jawtorizza l-eċċezzjoni mill-prinċipju ne bis in idem, li parti kontraenti tista’, fil-mument tar-ratifikazzjoni, tal-aċċettazzjoni jew tal-approvazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, tiddikjara li ma hijiex marbuta mal-Artikolu 54 tal-KIFS, meta l-fatti msemmija fis-sentenza barranija jikkostitwixxu reat kontra s-sigurtà tal-Istat jew interessi oħra ugwalment essenzjali ta’ din il-parti kontraenti?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

L-Artikoli 54 u 55 tal-KIFS u l-Artikoli 50 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprekludu interpretazzjoni mill-qrati Ġermaniżi tad-dikjarazzjoni magħmula mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-mument tar-ratifikazzjoni tal-KIFS fir-rigward tal-Artikolu 129 tas-[StGB], li tipprovdi li din id-dikjarazzjoni tkopri wkoll organizzazzjonijiet kriminali – bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali – li jwettqu esklużivament ksur kontra l-patrimonju u li, barra minn hekk, ma jfittxu ebda għan politiku, ideoloġiku, reliġjuż jew filosofiku u lanqas ma jfittxu li jeżerċitaw influwenza fuq il-politika, il-midja, l-amministrazzjoni pubblika, il-ġustizzja jew l-ekonomija permezz ta’ mezzi żleali?”

24.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn MR, mill-Gvern Awstrijak, mill-Gvern Franċiż u mill-Gvern Ġermaniż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Fis-seduta tas‑7 ta’ Lulju 2022, dawn il-partijiet u l-Generalstaatsanwaltschaft Bamberg ippreżentaw l-argument orali.

IV. Analiżi

A. L‑ewwel domanda

25.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk dikjarazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS hijiex kompatibbli mal-Artikolu 50 u mal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

26.

Dan jeħtieġ klassifikazzjoni qasira u kategorizzazzjoni tal-Artikolu 54 u tal-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS fil-kuntest ġuridiku tal-Unjoni.

1.   Fuq l‑Artikolu 54 tal‑KIFS

27.

L-Artikolu 54 tal-KIFS jistabbilixxi l-prinċipju ta’ ne bis in idem fil-KIFS billi jiddikjara li persuna li l-proċess tagħha jkun intemm f’Parti Kontraenti ( 9 ) ma tistax tkun suġġetta għal proċeduri kriminali f’Parti Kontraenti oħra għall-istess atti sakemm, fil-każ ta’ impożizzjoni ta’ piena, din tkun ġiet infurzata, jew tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.

28.

Il-prinċipju ta’ ne bis in idem jikkostitwixxi dritt fundamentali, magħruf minn kull sistema ġuridika bbażata fuq l-istat tad-dritt. Sa mill-konċepiment tiegħu, huwa serva sabiex jipproteġi lill-individwu kontra l‑arbitrarjetà li tikkonsisti f’diversi deċiżjonijiet kontra l-istess individwu dwar l-istess fatti taħt klassifikazzjonijiet differenti ( 10 ). Fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja kkaratterizzat mit-tneħħija tal-fruntieri interni, dan iservi “skop ieħor” ( 11 ), dak li jiżgura l-moviment liberu. F’sens iktar wiesa’, dan jaqa’ wkoll taħt il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri: jekk l-awtoritajiet tal-Istat Membru A jkunu kkundannaw jew ħelsu persuna fi proċeduri kriminali, dawk tal-Istat Membru B għandhom jafdaw l-eżitu ta’ dawn il-proċeduri u ma jkunux iktar f’pożizzjoni li jibdew proċeduri. F’tali sitwazzjoni, bħalma huwa l-każ f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ territorjalità inerenti fi kwalunkwe sistema nazzjonali ta’ ġustizzja kriminali huwa mfixkel mill-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

29.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, għalhekk, fl-ewwel kawża tagħha dwar in-non bis in idem skont il-KIFS – li inċidentalment kienet l-ewwel kawża dwar l-interpretazzjoni tal-KIFS ( 12 ) – li l-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KIFS, indipendentement mill-fatt li jiġi applikat għall-proċeduri ta’ estinzjoni tal-azzjoni pubblika li jinvolvu l-intervent ġudizzjarju jew le, jimplika neċessarjament illi teżisti fiduċja reċiproka bejn l-Istati membri fil-konfront tas-sistemi ta’ ġustizzja penali rispettivi tagħhom u li kull wieħed minnhom jaċċetta l-applikazzjoni tad-dritt penali fis-seħħ fl-Istati membri l-oħra, anki meta t-twettiq tad-dritt nazzjonali propju jwassal għal soluzzjoni differenti ( 13 ).

30.

Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-Artikolu 54 tal-KIFS mal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Spasic ( 14 ), li għalkemm dispożizzjoni bħall-Artikolu 54 tal-KIFS għandha titqies bħala li tosserva l-kontenut essenzjali tal-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta ( 15 ), il-kwistjoni dwar jekk ir-restrizzjoni li tinvolvi l-kundizzjoni ta’ infurzar imsemmija fl-Artikolu 54 tal-KIFS hijiex ta’ natura proporzjonali għandha tiġi evalwata b’mod konformi mal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li r-restrizzjoni hija ta’ natura proporzjonali ( 16 ).

31.

B’mod simili, l-ispjegazzjonijiet mhux vinkolanti iżda madankollu utli ( 17 ) dwar il-Karta, fir-rigward tal-Artikolu 50, isemmu espressament l-Artikolu 54 tal-KIFS fost id-dispożizzjonijiet koperti mill-klawżola orizzontali fl-Artikolu 52(1) tal-Karta ( 18 ).

2.   Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS – dikjarazzjonijiet dwar eċċezzjonijiet għan-ne bis in idem

a)   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

32.

L-Artikolu 55(1) tal-KIFS jipprevedi sensiela ta’ eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ ne bis in idem billi jippermetti lill-Partijiet Kontraenti jiddikjaraw li ma humiex marbuta bl-Artikolu 54 tal-KIFS f’ċerti ċirkustanzi. Din id-dispożizzjoni għalhekk tistabbilixxi li Parti Kontraenti tista’, meta tirratifika, taċċetta jew tapprova din il-Konvenzjoni, tiddikjara li hija ma hijiex marbuta bl-Artikolu 54 f’wieħed jew iżjed minn dawn il-każijiet li ġejjin: (a) meta l-azzjonijiet relatati mas-sentenza ta’ pajjiż barrani jkunu seħħu totalment jew parzjalment fit-territorju tagħha stess; f’dan l-aħħar każ, madankollu, din l-eċċezzjoni ma għandhiex tapplika jekk l-azzjonijiet ikunu seħħu parzjalment fit-territorju tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza; (b) meta l-azzjonijiet relatati mas-sentenza ta’ pajjiż barrani jikkostitwixxu reat kontra s-sigurtà nazzjonali jew kontra interessi li huma ugwalment essenzjali ta’ dik il-Parti Kontraenti; u (c) meta l-azzjonijiet relatati mas-sentenza ta’ pajjiż barrani jkunu ġew kommessi minn uffiċjali ta’ dik il-Parti Kontraenti bi ksur tad-doveri tal-inkarigu tagħhom.

33.

Skont l-Artikolu 139(1) tal-KIFS, l-istrumenti ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni għandhom jiġu ddepożitati mal-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li għandu jinforma lill-Partijiet Kontraenti kollha b’dan.

34.

Wara l-inkorporazzjoni tal-acquis ta’ Schengen fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam, il-KIFS tikkostitwixxi att tad-dritt tal-Unjoni.

35.

Preliminarjament għandu jiġi enfasizzat li, fir-rigward tan-natura ġuridika ta’ tali dikjarazzjonijiet, dawn ma għandhomx jinftiehmu li jikkostitwixxu “riżervi” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati ( 19 ). Dan jirriżulta mhux biss mill-fatt li, wara l-integrazzjoni tal-acquis ta’ Schengen fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-KIFS hija kkunsidrata bħala att tal-Unjoni li, mid-definizzjoni tiegħu stess, ma jħalli lok għal ebda “riżerva” skont il-Konvenzjoni ta’ Vjenna, iżda wkoll mill-Artikolu 137 tal-KIFS li jipprevedi “riżervi” biss fil-kuntest tal-Artikolu 60 tal-KIFS ( 20 ). Konsegwentement, għandha tintuża l-kelma “dikjarazzjoni” minflok it-terminu “riżerva” ( 21 ). Tali dikjarazzjoni għandha tiġi analizzata purament mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni u ma huwiex xieraq li jiġi invokat id-dritt internazzjonali pubbliku ġenerali f’dan il-kuntest.

b)   Fuq il‑kompatibbiltà mal‑Artikolu 50 u mal‑Artikolu 52(1) tal‑Karta

36.

Għalhekk tqum il-kwistjoni – u huwa hawnhekk li l-qorti tar-rinviju tfittex il-gwida – dwar jekk dikjarazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS, b’mod partikolari, hijiex kompatibbli mal-Karta, b’mod iktar speċifiku, mal-Artikolu 50 u mal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Tali eċċezzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta ( 22 ) kif previst espressament mill-KIFS, li hija att ta’ (dak li llum huwa) dritt tal-Unjoni u li tippermetti lill-Istati Membri jirrestrinġu dritt fundamentali, bl-obbligu li jinnotifikaw tali restrizzjoni.

37.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ma’ dritt superjuri tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 55 tal-KIFS. F’Kossowski ( 23 ), hija rrifjutat li tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk dikjarazzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 55(1)(a) tal-KIFS, jiġifieri, dikjarazzjonijiet li Stat Membru ma huwiex marbut bl-Artikolu 54 tal-KIFS meta s-sentenza barranija tirrigwarda atti li jkunu seħħu totalment jew parzjalment fit-territorju tiegħu ( 24 ), jibqgħux fis-seħħ wara l-integrazzjoni tal-acquis ta’ Schengen fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, peress li f’dan il-każ ma kienx għad hemm bżonn li tingħata risposta għal din id-domanda, bħala riżultat tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal domanda oħra. Madankollu, l-Avukat Ġenerali Bot, wara analiżi fil-fond, ikkonstata li l-eċċezzjoni inkluża fl-Artikolu 55(1)(a) “ma tosservax il-kontenut essenzjali tal-prinċipju ta’ ne bis in idem kif stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta” ( 25 ). Ser nirritorna għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot iktar ’il quddiem ( 26 ).

38.

Eċċezzjonijiet għall-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta huma, bħala prinċipju, possibbli, sakemm jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 52(1) tal-Karta ( 27 ). Għaldaqstant, bħal fis-sentenza Spasic, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi żgurat jekk l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS tissodisfax l-eżami tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

39.

Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

1) Limitazzjoni

40.

Dikjarazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS tikkostitwixxi mingħajr dubju limitazzjoni għad-dritt fundamentali ta’ ne bis in idem, peress li l-għan innifsu ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tikkumpensa dan id-dritt fundamentali taħt ċerti kundizzjonijiet.

2) Prevista mil‑liġi

41.

Peress li l-possibbiltà li jsiru dikjarazzjonijiet u, għaldaqstant, li jiġu previsti limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ ne bis in idem, tinsab fl-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS, li qiegħed jiġi eżaminat hawnhekk, wieħed jista’, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jassumi li din hija prevista mil-liġi, kif jeżiġi l-Artikolu 52(1) tal-Karta.

42.

Madankollu, jiena nsostni li s-sitwazzjoni ġuridika ma hijiex tant sempliċi daqskemm jista’ tidher mal-ewwel daqqa ta’ għajn. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS japplikax hija marbuta b’mod inseparabbli mal-kwistjoni dwar jekk id-dikjarazzjonijiet magħmula fuq din il-bażi japplikawx. Fi kliem ieħor, fl-assenza tal-possibbiltà li tiġi invokata dikjarazzjoni, il-mekkaniżmu kollu stabbilit mill-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS ma japplikax iktar.

43.

Kif jenfasizza ġustament il-Gvern Awstrijak fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, sabiex tissodisfa l-eżami li tkun prevista mil-liġi, il-liġi għandha, l-ewwel, tkun suffiċjentement aċċessibbli, li jfisser li l-persuna kkonċernata jista’ jkollha indizju li huwa adegwat fiċ-ċirkustanzi tar-regoli legali applikabbli għal każ partikolari u tkun f’pożizzjoni li tipprevedi l-konsegwenzi li jista’ jkollha azzjoni partikolari u, it-tieni, tkun ifformulata bi preċiżjoni suffiċjenti sabiex tippermetti lill-persuna kkonċernata tirregola l-aġir tagħha ( 28 ).

44.

L-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS, mad-daqqa ta’ għajn, jidher li jissodisfa l-kriterji msemmija: huwa fformulat b’mod ċar u jippermetti lil kulħadd jiżgura ruħu li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ ne bis in idem sabiex tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà nazzjonali tagħhom jew interessi oħra daqstant essenzjali. Madankollu, jidher li qrati f’ċerti Stati Membri (l-Italja ( 29 ) u l-Greċja ( 30 )) għandhom dubji dwar il-validità tad-dikjarazzjonijiet tal-Istati Membri rispettivi tagħhom skont l-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS. F’dan il-każ, ir-raġunament huwa li d-dikjarazzjonijiet ma għadhomx validi peress li ma għadx hemm lok li jiġi applikat l-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS.

45.

Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tal-Istati Membri bbażati fuq din id-dispożizzjoni, tirriżulta stampa oħra.

46.

Preliminarjament, wara l-integrazzjoni tal-KIFS fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, huwa diffiċli li wieħed jifhem kif xorta jista’ jinżamm l-Artikolu 139 tal-KIFS, li skontu l-istrumenti ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni għandhom jiġu ddepożitati mal-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li għandu jinnotifika lill-Partijiet Kontraenti kollha bihom. Il-pubblikazzjoni ta’ eċċezzjonijiet għal dritt fundamentali, żgurat mill-Karta, f’sitwazzjoni fejn il-possibbiltà ta’ eċċezzjonijiet hija prevista minn att tad-dritt tal-Unjoni, ma tistax titħalla f’idejn il-gvern ta’ Stat Membru, iżda għandha ssir fuq livell tal-Unjoni, preferibbilment f’Il-Ġurnal Uffiċjali. Fil-fatt, il-fatt li d-dikjarazzjonijiet ma ġewx ippubblikati mill-Unjoni (f’Il-Ġurnal Uffiċjali jew post ieħor) jagħmilha diffiċli li jiġu ddeterminati preċiżament liema Partijiet Kontraenti għamlu tali dikjarazzjonijiet.

47.

Jeżisti nuqqas assolut ta’ aċċessibbiltà u prevedibbiltà, kif teżiġi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fir-rigward tal-eżistenza u, jekk ikun il-każ, tal-pubblikazzjoni tal-eċċezzjonijiet adottati mill-Istati Membri. Dan huwa dovut għall-fatt li ma huwiex ċar, għall-Istati Membri kif ukoll għad-detenturi tad-drittijiet fundamentali, jekk l-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS għadux applikabbli.

48.

Jista’ jingħad b’mod sigur li tmien Stati Membri ( 31 ) (li dak iż-żmien kienu l-“Partijiet Kontraenti”) (id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Greċja, Franza, l-Italja, l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja) għamlu dikjarazzjonijiet skont l-Artikolu 55(1) tal-KIFS qabel l-integrazzjoni tal-acquis ta’ Schengen fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 32 ). Madankollu, id-dikjarazzjoni Franċiża qatt ma waslet għand id-depożitarju (il-Gvern Lussemburgiż) ( 33 ). Barra minn hekk, ma hemm ebda prova li l-Italja nnotifikat id-depożitarju. Barra minn hekk, ma jidher li saret ebda dikjarazzjoni minn xi Stat Membru wara l-integrazzjoni tal-acquis ta’ Schengen fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 34 ). It-Trattati ta’ Adeżjoni tal‑2003, tal‑2005 u tal‑2012 kienu jipprevedu għalhekk li d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll (Nru 19), u l-atti bbażati fuqu jew li huma marbuta miegħu, huma vinkolanti u applikabbli fl-Istati Membri l-ġodda mid-data tal-adeżjoni ( 35 ). Madankollu, ma hemm ebda indikazzjonijiet dwar il-possibbiltà għal dawn l-Istati Membri li jagħmlu dikjarazzjonijiet, it-terminu biex jagħmluhom u l-obbligu li jiddepożitawhom mad-depożitarju jew li jippubblikawhom. Dan joħloq stat ta’ inċertezza kunsiderevoli.

49.

Peress li ebda waħda mid-dikjarazzjonijiet ma ġiet ippubblikata fil-livell tal-Unjoni, ma narax li r-rekwiżit ta’ aċċessibbiltà huwa ssodisfatt. Ma jkunx raġonevoli li wieħed jistenna lil individwi potenzjalment ikkonċernati minn tali dikjarazzjonijiet li jinformaw ruħhom fuq kull livell nazzjonali, kif issuġġerixxa l-Gvern Franċiż waqt is-seduta.

50.

Fil-kuntest li għadni kif iddeskrivejt, għandi diffikultà kbira sabiex nikkunsidra li d-dikjarazzjonijiet magħmula mit-tmien Stati Membri għadhom jikkostitwixxu liġi tajba. Is-sitwazzjoni kollha tidher li hija wisq imċajpra u konfuża biex tipprovdi ċertezza fir-rigward tal-bażi legali tar-restrizzjoni ( 36 ).

51.

Konsegwentement, inqis li d-dikjarazzjonijiet magħmula fuq il-bażi tal-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS ma humiex konformi mar-rekwiżit tal-Artikolu 52(1) tal-Karta li restrizzjoni għandha tkun prevista mil-liġi. Peress li dawn id-dikjarazzjonijiet huma, kif intwera iktar ’il fuq, marbuta b’mod inseparabbli mal-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS, il-mekkaniżmu kollu ta’ din id-dispożizzjoni huwa affettwat u ma jistax jibqa’ jiġi applikat mill-qrati nazzjonali.

3) Fuq l-essenza ta’ ne bis in idem

52.

Rigward il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 55(1)(b) “[j]irrispetta[x] l-essenza” tad-dritt fundamentali ta’ ne bis in idem, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ infurzar inkluża fl-Artikolu 54 tal-KIFS li din il-kundizzjoni “ma ddaħħalx inkwistjoni l-prinċipju ta’ ne bis in idem bħala tali” ( 37 ). Madankollu, l-eċċezzjoni inkluża fl-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS, b’mod simili ħafna għall-eċċezzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 55(1) tal-KIFS, titfa’ dubju fuq il-prinċipju bħala tali, peress li Stat Membru jista’ jiddikjara li ma huwiex marbut b’dan il-prinċipju bl-ebda mod, f’ċerti sitwazzjonijiet. Kif isostni MR fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, kuntrarjament għall-kundizzjoni ta’ infurzar tal-Artikolu 54 tal-KIFS, li hija intiża sabiex tipprevjeni l-evażjoni tal-piena, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS tippermetti prosekuzzjoni, kundanna u infurzar mill-ġdid ta’ piena minkejja kundanna li tkun saret finali u li tkun ġiet infurzata. Dan imur direttament kontra l-għan innifsu tal-prinċipju ta’ ne bis in idem ( 38 ).

53.

Barra minn hekk, nixtieq nirreferi għall-Avukat Ġenerali Bot li enfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza partikolari tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja bħala dimensjoni kumplimentari għas-suq intern, li jinkludi “qafas legali li jinkludi d-drittijiet individwali taċ-ċittadini tal-Unjoni” ( 39 ) u li jikkontribwixxi għalhekk sabiex jagħti “dimensjoni konkreta” lill-kunċett ta’ ċittadinanza tal-Unjoni ( 40 ). Huwa enfasizza wkoll l-importanza fundamentali tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (u ta’ fiduċja reċiproka) fir-rigward tal-prinċipju ta’ ne bis in idem ( 41 ). Essenzjalment, huwa sostna li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 54 tal-KIFS diġà tippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ sensiela kbira ta’ reati; applikazzjoni addizzjonali tar-riżerva tat-territorjalità ma tiħux suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ ne bis in idem.

54.

Ikolli nammetti li mhux biss għandi simpatija għal dan ir-raġunament, iżda naħseb ukoll li jista’ jiġi traspost għas-sitwazzjoni tal-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS. L-eċċezzjonijiet inklużi fl-Artikolu 55(1)(a) u l-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS huma relatati mal-prinċipju tat-territorjalità li jinsab fil-bażi tad-dritt kriminali: filwaqt li fil-każ tal-punt (a), Stat jixtieq iżomm il-ġurisdizzjoni kriminali jekk ikun twettaq att fit-territorju tiegħu, fil-każ tal-punt (b), huwa jixtieq iżomm il-ġurisdizzjoni kriminali fir-rigward ta’ reati kontra s-sigurtà nazzjonali tiegħu u l-interessi l-oħra ugwalment essenzjali li huwa jikkunsidra importanti. Konsegwentement, ir-raġunament applikat mill-Avukat Ġenerali Bot f’Kossowski japplika mutatis mutandis għall-kawża ineżami.

55.

L-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja żviluppa ħafna mill-adozzjoni tal-KIFS. B’mod partikolari, bl-iżvilupp gradwali tal-prinċipji ta’ fiduċja u rikonoxximent reċiproċi u d-dħul fis-seħħ tal-Karta, l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 55(1) tal-KIFS jidhirli li huma mingħajr skop. Irrid infakkar ukoll li l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka kien deċiżiv fil-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-abbozz ta’ ftehim ta’ adeżjoni għall-KEDB ma kienx kompatibbli mat-Trattati ( 42 ). F’dan il-kuntest, ikun diffiċli li tiġi ġġustifikata ż-żamma ta’ eċċezzjonijiet bħal dik inkwistjoni, li tmur manifestament kontra dan prinċipju ( 43 ).

4) Konklużjoni

56.

Għar-raġunijiet kollha esposti iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li d-dikjarazzjonijiet ma għadhomx applikabbli. Dawn ma humiex previsti mil-liġi u, barra minn hekk, l-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS ma josservax l-essenza tal-prinċipju ta’ ne bis in idem. Id-dikjarazzjonijiet għandhom jitwaqqfu.

57.

Għaldaqstant nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dikjarazzjonijiet magħmula fuq il-bażi tal-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS ma humiex kompatibbli mal-Artikolu 50 u mal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Id-dispożizzjonijiet imsemmija f’tali dikjarazzjonijiet ma jistgħux jiġu applikati fi proċeduri ġudizzjarji.

B. Fuq it‑tieni domanda

58.

Bħala riżultat tal-analiżi tiegħi tal-ewwel domanda, ma hemmx iktar lok li tiġi eżaminata t-tieni domanda. L-evalwazzjoni li ġejja, għaldaqstant, qiegħda ssir għall-fini ta’ kompletezza, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal għal konklużjoni differenti rigward l-ewwel domanda.

59.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 54 u 55 tal-KIFS u l-Artikoli 50 u 52 tal-Karta jipprekludux interpretazzjoni fis-sens li d-dikjarazzjoni magħmula skont l-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS tkopri wkoll organizzazzjonijiet kriminali li jwettqu esklużivament kriminalità finanzjarja u li, barra minn hekk, ma jfittxu ebda għan politiku, ideoloġiku, reliġjuż jew filosofiku u lanqas ma jfittxu li jeżerċitaw influwenza fuq il-politika, il-midja, l-amministrazzjoni pubblika, il-ġustizzja jew l-ekonomija permezz ta’ mezzi żleali.

60.

F’dan ir-rigward, ninnota li t-terminu ta’ “sigurtà nazzjonali” intgħażel mill-Partijiet Kontraenti fl-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS. L-istess terminu jinsab fl-Artikolu 4(2) TUE fejn jiġi ddikjarat li l-Unjoni għandha tirrispetta l-funzjonijiet essenzjali tal-Istati Membri, inkluż l-iżgurar tal-integrità territorjali tal-Istat, iż-żamma tal-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali. Din l-istess dispożizzjoni tispeċifika sussegwentement li, b’mod partikolari, is-sigurtà nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru ( 44 ).

61.

Il-Qorti tal-Ġustizzja qagħdet attenta li tiddistingwi bejn dawn l-eċċezzjonijiet ta’ “sigurtà nazzjonali” u eċċezzjonijiet regolari ta’ “sigurtà pubblika” iġġustifikati minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku (ordre public), li huma, fuq kollox, prevalenti fil-qasam tas-suq intern ( 45 ). Hija ddeċidiet li s-sigurtà nazzjonali tikkorrispondi mal-interess primordjali ta’ protezzjoni tal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat u tal-interessi fundamentali tas-soċjetà u tinkludi l-prevenzjoni u r-ripressjoni ta’ attivitajiet li jistgħu jiddestabbilizzaw b’mod serju l-istrutturi kostituzzjonali, politiċi, ekonomiċi jew soċjali fundamentali ta’ pajjiż, u b’mod partikolari li jheddu direttament is-soċjetà, il-popolazzjoni jew l‑Istat bħala tali, bħal b’mod partikolari attivitajiet terroristiċi ( 46 ). L-għan ta’ salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali jmur lil hinn mill‑għanijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità b’mod ġenerali, anki dik serja, u ta’ salvagwardja tas-sigurtà pubblika. Theddid għas-sigurtà nazzjonali huma differenti, min-natura tagħhom u mill-gravità partikolari tagħhom, mir-riskju ġenerali li jista’ jkun hemm tensjoni jew inkwiet, anki serji, li jaffettwaw is-sigurtà pubblika. L-għan ta’ salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali jista’ għalhekk jiġġustifika miżuri li jinvolvu ndħil fid-drittijiet fundamentali iktar serju minn dak li jistgħu jiġġustifikaw dawk l-għanijiet l-oħra ( 47 ).

62.

Skont id-dikjarazzjoni Ġermaniża, magħmula skont l-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS, il-Ġermanja ma hijiex marbuta bl-Artikolu 54 tal-KIFS fir-rigward ta’ numru ta’ reati kriminali, inkluż dak tal-Artikolu 129 tas-StGB. Skont din id-dispożizzjoni, il-formazzjoni jew l-appoġġ ta’ organizzazzjoni li l-għanijiet jew l-attivitajiet tagħha huma intiżi għat-twettiq ta’ reati hija punibbli. Wara t-traspożizzjoni, mill-Ġermanja, tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841 ( 48 ), “organizzazzjoni” ġiet iddefinita taħt din id-dispożizzjoni bħala “assoċjazzjoni strutturata ta’ iktar minn żewġ persuni, stabbilita biex teżisti għal żmien itwal, indipendentement minn jekk jekk għandhiex rwoli formalment iddefiniti għall-membri tagħha, sħubija kontinwa jew struttura elaborata u li l-għan tagħha hija t-tfittxija ta’ interess komuni superjuri”.

63.

Huwa stabbilit fil-Ġermanja, kemm fil-ġurisprudenza kif ukoll fil-kummentarji legali li din id-dispożizzjoni, li għandha l-għan li tipproteġi l-ordni pubbliku (ordre public) ( 49 ), għandha fil-mira tagħha l-perikolu astratt u l-“intensità kriminali” ( 50 ) [traduzzjoni libera] qawwija inerenti għall-formazzjoni ta’ grupp kriminali. Dan għandu bħala konsegwenza l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali fi stadju fejn reati (oħrajn) tipikament jinsabu fil-fażi preparatorja tagħhom.

64.

L-Artikolu 129 tas-StGB jipprojbixxi l-attività kriminali lil hinn mill-portata pjuttost ristretta tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali. Fil-fatt, il-formazzjoni ta’ organizzazzjoni sabiex tiġi eżerċitata kwalunkwe attività kriminali oħra taqa’ taħt din id-dispożizzjoni. Il-kawża ineżami hija eżempju tajjeb ta’ dan: MR u l-kompliċi tiegħu kienu involuti fi kriminalità finanzjarja, prinċipalment fi frodi. Ebda għan ieħor ma ġie segwit jew implimentat. F’tali sitwazzjoni, assolutament xejn ma jindika li s-sigurtà nazzjonali tal-Ġermanja hija pperikolata. Il-frodi ta’ numru kunsiderevoli ta’ persuni lanqas jibda biex ifixkel il-pedamenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ( 51 ).

65.

Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 54 u 55 tal-KIFS u l-Artikoli 50 u 52 tal-Karta jipprekludu interpretazzjoni fis-sens li d-dikjarazzjoni magħmula skont l-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS tkopri wkoll organizzazzjonijiet kriminali li jwettqu esklużivament kriminalità finanzjarja u li, barra minn hekk, ma jfittxu ebda għan politiku, ideoloġiku, reliġjuż jew filosofiku u lanqas ma jfittxu li jeżerċitaw influwenza fuq il-politika, il-midja, l-amministrazzjoni pubblika, il-ġustizzja jew l-ekonomija permezz ta’ mezzi żleali.

V. Konklużjoni

66.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Oberlandesgericht Bamberg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Bamberg, il-Ġermanja):

Id-dikjarazzjonijiet magħmula fuq il-bażi tal-Artikolu 55(1)(b) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom ma humiex kompatibbli mal-Artikoli 50 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Id-dispożizzjonijiet imsemmija f’tali dikjarazzjonijiet ma jistgħux jiġu applikati fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Il-Konvenzjoni tal‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9).

( 3 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski (C‑486/14, EU:C:2016:483, punt 55).

( 4 ) ĠU 1997, C 340, p. 93.

( 5 ) ĠU 2010, C 83, p. 290.

( 6 ) Li jirriproduċu verbatim it-termini tal-protokoll anness mat-Trattat ta’ Amsterdam.

( 7 ) ĠU 2008, L 300, p. 42.

( 8 ) Bil-Ġermaniż: “Vorbehalt”.

( 9 ) Il-fatt li l-KIFS tirrikorri għall-kunċett ta’ “parti kontraenti” minflok “Stat Membru” huwa dovut għall-oriġini intergovernattiva tagħha.

( 10 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot f’Kossowski (C‑486/14, EU:C:2015:812, punt 36).

( 11 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot f’Kossowsi (C‑486/14, EU:C:2015:812, punt 38).

( 12 ) Il-ġurisdizjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet ibbażata fuq l-ex Artikolu 35(4) TUE. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer f’Gözütok u Brügge (C‑187/01 u C‑385/01, EU:C:2002:516, punt 2).

( 13 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge (C‑187/01 u C‑385/01, EU:C:2003:87, punt 33).

( 14 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2014 (C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586).

( 15 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2014, Spasic (C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586, punt 59).

( 16 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2014, Spasic (C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586, punt 59 et seq).

( 17 ) Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta, l-ispjegazzjonijiet ġew imfassla bħala gwida għall-interpretazzjoni tal-Karta u għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni dovuta mill-qrati tal-Unjoni u mill-qrati tal-Istati Membri.

( 18 ) Ara l-Ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 50 – Dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat, inklużi fl-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17): “Skond l-Artikolu 50, ir-regola ‘non bis in idem’ tapplika mhux biss fil-ġurisdizzjoni ta’ Stat wieħed izda wkoll bejn il-ġurisdizzjonijiet ta’ diversi Stati Membri. Dan jikkorrispondi ma’ l-acquis fil-liġi ta’ l-Unjoni; ara l-Artikoli 54 sa 58 [tal-KIFS] u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑11 ta’ Frar 2003 [Gözütok u Brügge (C‑187/01 u C‑385/01, EU:C:2003:87)], l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta’ l-Interessi Finanzjarji tal-Komunità u l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. L-eċċezzjonijiet ferm limitati f’dawk il-Konvenzjonijiet li jippermettu lill-Istati Membri jidderogaw mir-regola ‘non bis in idem’ huma koperti mill-klawżola orizzontali fl-Artikolu 52(1) li tikkonċerna l-limitazzjonijiet. Fir-rigward tas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru. 7, jiġifieri l-applikazzjoni tal-prinċipju fl-istess Stat Membru, id-dritt li huwa ggarantit għandu l-istess sens u l-istess ambitu bħad-dritt korrispondenti fil-[Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB)].”

( 19 ) Magħmula fi Vjenna fit‑23 ta’ Mejju 1969. Daħlet fis-seħħ fis‑27 ta’ Jannar 1980. Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331. Skont din id-dispożizzjoni, “riżerva” tfisser dikjarazzjoni unilaterali, ikunu xi jkunu l-formulazzjoni jew l-isem, magħmula minn Stat, mal-firma, ir-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni għal trattat, li permezz tagħha dan l-Istat jippretendi li jeskludi jew jemenda l-effett ġuridiku ta’ ċerti dispożizzjonijiet tat-trattat fl-applikazzjoni tagħhom għal dan l-Istat.

( 20 ) Skont l-Artikolu 60 tal-KIFS, fir-relazzjonijiet bejn żewġ Partijiet Kontraenti, li wieħed minnhom ma huwiex Parti għall-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat‑13 ta’ Settembru 1957, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni japplikaw, bla ħsara għar-riżervi u għad-dikjarazzjonijiet magħmula fil-ħin tar-ratifika ta’ din il-konvenzjoni jew, fir-rigward ta’ Partijiet Kontraenti li ma humiex partijiet għall-konvenzjoni, fil-ħin tar-ratifika, approvazzjoni jew aċċettazzjoni ta’ din il-konvenzjoni.

( 21 ) Għandu jiġi nnotat li l-Ġermanja, fl-att tagħha adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS, tirreferi għal “riżerva” (“Vorbehalt”) minflok għal “dikjarazzjoni”.

( 22 ) Ara l-Artikolu 51(1) tal-Karta.

( 23 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016 (C‑486/14, EU:C:2016:483).

( 24 ) F’dan l-aħħar każ (jiġifieri, meta s-sentenza barranija tirrigwarda atti li jirrigwardaw post li jinsab parzjalment fit-territorju tiegħu), din l-eċċezzjoni ma tapplikax jekk l-atti jseħħu parzjalment fit-territorju tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.

( 25 ) Ara l-konklużjonijiet Kossowski (C‑486/14, EU:C:2015:812, punt 68).

( 26 ) Ara l-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 27 ) F’dan ir-rigward, ma naqbilx mal-argument ta’ MR li d-dritt inkluż fl-Artikolu 50 tal-Karta ma jista’ jiġi ristrett bl-ebda mod.

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti EDB, 26 ta’ April 1979, The Sunday Times vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1979:0426JUD000653874, punt 49), u 29 ta’ Marzu 2010, Medvedyev et vs Franza (CE:ECHR:2010:0329JUD000339403, punti 93 et seq.).

( 29 ) F’sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2011 (Walz, RG 12396/927), it-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano, l-Italja) iddeċidiet li d-dikjarazzjoni Taljana kienet inapplikabbli mill-mument li fih il-KIFS ġiet inkorporata, permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam, fid-dritt tal-Unjoni. Din il-qorti hija tal-fehma li, sa fejn din l-integrazzjoni ma kinitx tikkonċerna xi dikjarazzjonijiet magħmula mill-Istati Membri, dawn id-dikjarazzjonijiet, fl-assenza ta’ tiġdid espliċitu, għandhom jitqiesu li ma għadx għandhom effett. Barra minn hekk, hija tenfasizza li, fi ħdan l-Unjoni, meta l-għan huwa l-iżvilupp ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li fih huwa żgurat il-moviment liberu tal-persuni, il-prinċipju ta’ ne bis in idem għandu jiġi applikat b’mod partikolarment wiesa’ sabiex jiġi prekluż li persuna, permezz tal-eżerċizzju tad-dritt tagħha għall-moviment liberu, tkun suġġetta għal proċeduri kriminali għall-istess atti fit-territorju ta’ diversi Stati Membri, bil-konsegwenza li derogi mill-prinċipju ta’ ne bis in idem bħal dawk inklużi fl-Artikolu 55(1) tal-KIFS ma għadhomx ammissibbli.

( 30 ) Permezz tas-sentenza 1/2011, tad‑9 ta’ Ġunju 2011, l-Awla Kriminali Ordinarja tal-Areios Pagos (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Greċja) ikkonstatat li d-dikjarazzjoni magħmula mill-Greċja ma għadhiex valida, flimkien mad-dikjarazzjonijiet ifformulati mill-Istati Membri l-oħra. Ir-restrizzjoni prevista fid-dikjarazzjoni Griega ma kinitx limitazzjoni neċessarja skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta u ma kinitx tissodisfa għanijiet ta’ interess ġenerali b’mod effettiv: minħabba l-identità tal-valuri u l-kulturi legali tal-Istati Membri, il-prosekuzzjoni u l-impożizzjoni ta’ sanzjoni kriminali għal dan ir-reat ma humiex neċessarji u ma jistgħux jitqiesu bħala għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni.

( 31 ) Minbarra dawn l-Istati Membri, in-Norveġja, il-Liechtenstein u l-Isvizzera għamlu dikjarazzjonijiet, kif għamel ukoll ir-Renju Unit.

( 32 ) Dan jirriżulta minn qari kkombinat tas-sorsi disponibbli. Ara Gölly, S., ‘NE BIS IN IDEM’. Das unionsrechtliche Doppelverfolgungsverbot, Vjenna, 2017, p. 102 sa 151, b’mod partikolari p. 113; Schomburg, W., Wahl, T., f’Schomburg, W., Lagodny, O., Gleß, S., Hackner, T., Internationale Rechtshilfe in Strafsachen, is-sitt edizzjoni, C.H, Beck, München, 2020, SDÜ Art. 55, punt 1a; Commission Staff Working Document, Annex to the Green Paper on conflicts of jurisdiction and the principle of ne bis in idem in criminal proceedings (COM(2005)696 final), SEC(2005) 1767, Brussell, 23 ta’ Diċembru 2005, p. 47; Note from the Council Presidency to the Article 36 Committee, “Declarations by Member States pursuant to Article 55 of the Schengen Convention”, Brussell, 1 ta’ Ġunju 2006, 10061/06 (COPEN 61, COMIX 514, p. 2).

( 33 ) Franza ammettiet dan matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

( 34 ) L-Artikolu 8 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat ta’ Amsterdam, jistabbilixxi essenzjalment li l-acquis ta’ Schengen għandu jiġi aċċettat kompletament mill-Istati kollha li huma kandidati għall-ammissjoni.

( 35 ) Ara, bħala eżempju, l-Artikolu 3 tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33).

( 36 ) Barra minn hekk, kieku l-eċċezzjoni tal-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS kellha tinżamm, inkunu f’sitwazzjoni li hija agħar minn applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni à la carte: din tkun effettivament tammonta għal ċaħda ta’ “privileġġi” għal Stati Membri li aċċedew fl-Unjoni fi stadju iktar tard minn oħrajn.

( 37 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2014, Spasic (C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586, punt 58).

( 38 ) Din hija evidentement sitwazzjoni differenti minn dik fis-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost (C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 43), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-possibbiltà li jiġu akkumulati l-proċeduri u s-sanzjonijiet tosserva l-kontenut essenzjali tal-Artikolu 50 tal-Karta meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettix li jitressqu proċeduri u li jiġu ssanzjonati l-istess fatti abbażi tal-istess reat jew sabiex jiġi segwit l-istess għan, iżda tipprevedi biss il-possibbiltà ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet skont leġiżlazzjonijiet differenti.

( 39 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot f’Kossowski (C‑486/14, EU:C:2015:812, punt 44).

( 40 ) Ibid.

( 41 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot f’Kossowski (C‑486/14, EU:C:2015:812, punt 43).

( 42 ) Ara l-opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punti 168, 191 sa 194258).

( 43 ) B’mod simili, ġie enfasizzat ukoll fil-kummentarji li r-restrizzjonijiet imposti mill-Artikolu 55 tal-KIFS għall-prinċipju ta’ ne bis in idem ġew issostitwiti bl-iżvilupp tal-kooperazzjoni kriminali bejn l-Istati Membri, u għalhekk il-preferenza għandha tingħata lil-libertà tal-individwu kkonċernat iktar milli lill-Istat li jinvoka eċċezzjoni. Ara, f’dan is-sens, Schomburg, W., Wahl, T., op. cit, SDÜ Art. 55, punt 11, fejn huwa stabbilit ukoll, b’mod ċar u inċiżiv, li r-rikonoxximent reċiproku ma huwiex kunċett b’direzzjoni waħda intiż li jissodisfa l-libido puniendi tal-Istati Membri, iżda dan jaħdem ukoll għall-benefiċċju ta’ individwu.

( 44 ) Għandu jiġi nnotat obiter li f’verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-KIFS, ma hemmx paralleliżmu bejn it-terminoloġija tal-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS (bil-Franċiż, sûreté de l’État; bil-Ġermaniż, Sicherheit) u l-Artikolu 4(2) TUE (bil-Franċiż, sécurité nationale; bil-Ġermaniż, nationale Sicherheit). Madankollu, ma jien ser nattribwixxi ebda importanza normattiva għal dawn id-differenzi semantiċi minuri.

( 45 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 36, l-Artikolu 45(3), l-Artikolu 52 u l-Artikolu 65 (1)(b) TFUE jew l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514).

( 46 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 135). Ara wkoll is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2022, SpaceNet u Telekom Deutschland (C‑793/19 u C‑794/19, EU:C:2022:702, punt 92).

( 47 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 136).

( 48 ) Ara Vierundfünfzigstes Gesetz zur Änderung des Strafgesetzbuches – Umsetzung des Rahmenbeschlusses 2008/841/JI des Rates vom 24. Oktober 2008 zur Bekämpfung der organisierten Kriminalität (l-Erbgħa u Ħamsin Liġi li temenda l-Kodiċi Kriminali – Implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal‑24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata), Liġi tas‑17 ta’ Lulju 2017, Bundesgesetzblätter I, p. 2440.

( 49 ) Ara, pereżempju, Heger, M., f’Lackner, K., Kühl, K., Heger, M., Strafgesetzbuch. Kommentar, id-disgħa u għoxrin edizzjoni, C.H. Beck, München, 2018, Art. 129, punt 1.

( 50 ) Ara Schäfer, J., Anstötz, S., f’Erb, V., Schäfer, J., Münchener Kommentar zum Strafgesetzbuch, Band 3, ir-raba’ edizzjoni, C.H. Beck, München, 2021, Art. 129, punt 2.

( 51 ) Barra minn hekk, xejn ma jindika li l-attivitajiet ta’ MR kellhom impatt fuq is-sistema finanzjarja Ġermaniża fl-intier tagħha. Fil-fatt, waqt is-seduta, il-Kummissjoni dehret tinsinwa li theddida għall-eżistenza tas-sistema finanzjarja ta’ Stat Membru kienet ekwivalenti għal interess ugwali għal dak tas-sigurtà nazzjonali skont l-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS.

Top