This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CC0296
Opinion of Advocate General Campos Sánchez-Bordona delivered on 7 July 2022.#Proceedings brought by A.#Request for a preliminary ruling from the Korkein hallinto-oikeus.#Reference for a preliminary ruling – Control of the acquisition and possession of weapons – Directive 91/477/EEC – Annex I, Part III – Deactivation standards and techniques – Implementing Regulation (EU) 2015/2403 – Verification and certification of deactivation of firearms – Article 3 – Verifying entity approved by a national authority – Issuance of a deactivation certificate – Entity not included on the list published by the European Commission – Transfer of deactivated firearms within the European Union – Article 7 – Mutual recognition.#Case C-296/21.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fis-7 ta’ Lulju 2022.
Kawża mressqa minn A.
Talba għal deċiżjoni preliminary, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontroll tal-akkwist u tal-pussess ta’ armi tan-nar – Direttiva 91/477/KEE – Parti III tal-Anness I – Standards u tekniċi ta’ diżattivazzjoni – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2403 – Verifika u ċertifikazzjoni tad-diżattivazzjoni ta’ armi tan-nar – Artikolu 3 – Entità ta’ verifika ċċertifikata minn awtorità nazzjonali – Ħruġ ta’ ċertifikat ta’ diżattivazzjoni – Entità li ma tinsabx fil-lista ppubblikata mill-Kummissjoni Ewropea – Trasferiment fi ħdan l-Unjoni Ewropea ta’ armi tan-nar iddiżattivati – Artikolu 7 – Rikonoxximent reċiproku.
Kawża C-296/21.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fis-7 ta’ Lulju 2022.
Kawża mressqa minn A.
Talba għal deċiżjoni preliminary, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontroll tal-akkwist u tal-pussess ta’ armi tan-nar – Direttiva 91/477/KEE – Parti III tal-Anness I – Standards u tekniċi ta’ diżattivazzjoni – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2403 – Verifika u ċertifikazzjoni tad-diżattivazzjoni ta’ armi tan-nar – Artikolu 3 – Entità ta’ verifika ċċertifikata minn awtorità nazzjonali – Ħruġ ta’ ċertifikat ta’ diżattivazzjoni – Entità li ma tinsabx fil-lista ppubblikata mill-Kummissjoni Ewropea – Trasferiment fi ħdan l-Unjoni Ewropea ta’ armi tan-nar iddiżattivati – Artikolu 7 – Rikonoxximent reċiproku.
Kawża C-296/21.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:538
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fis‑7 ta’ Lulju 2022 ( 1 )
Kawża C‑296/21
A
(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Akkwist u pussess ta’ armi tan-nar – Trasferiment ta’ armi tan-nar iddiżattivati fl-Unjoni Ewropea – Direttiva 91/477/KEE – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2403 – Artikolu 7(2) – Rikonoxximent reċiproku – Artikolu 3(1) – Entità ta’ verifika maħtura mill-Istati Membri – Artikolu 3(3) – Entità ta’ verifika li ma tinsabx fil-lista ta’ organi ta’ verifika tal-Istati Membri ppubblikata mill-Kummissjoni Ewropea”
1. |
Id-Direttiva 91/477/KEE ( 2 ), kif emendata bid-Direttiva 2008/51/KE ( 3 ), irriflettiet, fost preokkupazzjonijiet oħra tal-leġiżlatur tal-Unjoni, dik li tirregola s-sistema ta’ diżattivazzjoni tal-armi tan-nar. |
2. |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2403 ( 4 ) jikkonċerna l-iżgurar li l-armi tan-nar diżattivati jiġu inoperabbli irreversibilment, bħalma tirrakkomanda d-Direttiva 2008/51. Għal dan l-għan, jeħtieġ li awtorità kompetenti tivverifika li d-diżattivazzjoni twettqet skont ċerti speċifikazzjonijiet tekniċi (stabbiliti fl-Anness I tagħha) u li l-proprjetarju tal-arma jinħariġlu ċertifikat li jiċċertifika dan. |
3. |
Il-qorti tar-rinviju għandha, essenzjalment, żewġ dubji dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 91/477 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403:
|
I. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
1. Id‑Direttiva 91/477
4. |
Skont l-Artikolu 1: “1. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘arma tan-nar’ tfisser kwalunkwe arma bil-kanna li tista’ tinġarr, li tispara, li hija mfassla biex tispara jew li tista’ tiġi konvertita biex tispara tir, balla jew projettili permezz ta’ l-azzjoni ta’ propellant kombustibbli, sakemm ma tkunx eskluża minħabba waħda mir-raġunijiet elenkati fit-taqsima III ta’ l-Anness I. L-armi tan-nar huma kklassifikati fit-taqsima II ta’ l-Anness I. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, oġġett għandu jitqies bħala kapaċi li jiġi konvertit biex jispara tir, balla jew projettili permezz ta’ l-azzjoni ta’ propellant kombustibbli jekk:
1 a. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘parti’ tfisser kwalunkwe element jew element ta’ sostituzzjoni mfassal apposta għal arma tan-nar u li jkun essenzjali sabiex din taħdem, inklużi l-kanna, il-frame jew ir-receiver, is-slide jew iċ-ċilindru, il-bolt jew il-breech block, u kwalunkwe apparat imfassal jew adattat biex inaqqas il-ħoss ikkawżat mill-isparar ta’ arma tan-nar. 1 b. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘komponent essenzjali’ tfisser il-mekkaniżmu għall-għeluq, iċ-chamber u l-kanna ta’ arma tan-nar, li billi huma oġġetti separati, huma inklużi fil-kategorija ta’ l-armi tan-nar li fuqhom huma jiġu jew huma maħsuba li jiġu mmuntati. […]” |
5. |
L-Artikolu 4 jistipula li: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe arma tan-nar jew komponent essenzjali tagħha li titqiegħed fis-suq tkun immarkata u rreġistrata konformement ma’ din id-Direttiva, jew li tkun ġiet diżattivata. […]” |
6. |
Fil-Kapitolu 3 (“Formalitajiet dwar il-moviment ta’ armi fil-Kommunità”), l-Artikolu 14 jistabbilixxi li: “L-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet kollha relevanti li jipprojbixxu d‑dħul fit-territorju tagħhom:
|
7. |
Skont l-Anness I: “[…]
|
2. Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403
8. |
L-Artikolu 2 (“Persuni u entitajiet awtorizzati li jiddiżattivaw l-armi tan-nar”) huwa fformulat kif ġej: “Id-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar għandha titwettaq minn entitajiet pubbliċi jew privati jew minn persuni awtorizzati li jagħmlu dan skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali”. |
9. |
L-Artikolu 3 (“Verifika u ċertifikazzjoni tad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar”) jistipula li: “1. L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità kompetenti sabiex tivverifika li d-diżattivazzjoni tal-arma tan-nar tkun saret skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati fl-Anness I (‘l-entità ta’ verifika’). 2. Fejn entità ta’ verifika hija awtorizzata wkoll tiddiżattiva l-armi tan-nar, l-Istati Membri għandhom jiżguraw is-separazzjoni ċara ta’ dawk il-kompiti u tal-persuni li jwettquhom f’dik l-entità. 3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit tal-Internet tagħha lista ta’ entitajiet ta’ verifika maħtura mill-Istati Membri, inkluża informazzjoni dettaljata dwar l-entità ta’ verifika u s-simbolu tagħha kif ukoll l-informazzjoni ta’ kuntatt. 4. Meta d-diżattivazzjoni tal-arma tan-nar tkun twettqet skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati fl-Anness I, l-entità ta’ verifika għandha toħroġ ċertifikat ta’ diżattivazzjoni lil sid l-arma tan-nar skont il-mudell stipulat fl-Anness III. L-informazzjoni kollha inkluża fiċ-ċertifikat tad-diżattivazzjoni għandha tiġi pprovduta fl-ilsien tal-Istat Membru fejn ikun inħareġ iċ-ċertifkat ta’ diżattivazzjoni kif ukoll bl-Ingliż. […]” |
10. |
L-Artikolu 7 (“Trasferiment ta’ armi tan-nar diżattivati fl-Unjoni”) jindika li: “1. Armi tan-nar diżattivati jistgħu jiġu trasferiti biss lil Stat Membru ieħor sakemm ikollhom il-marka unika komuni u jkunu akkumpanjati minn ċertifikat ta’ diżattivazzjoni skont dan ir-Regolament. 2. L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu ċ-ċertifikati tad-diżattivazzjoni maħruġa minn Stat Membru ieħor jekk ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament. Madankollu, l-Istati Membri li introduċew miżuri addizzjonali skont l-Artikolu 6 jistgħu jitolbu prova li l-arma tan-nar diżattivata li tkun se tiġi ttrasferita fit-territorju tagħhom tikkonforma ma’ dawn il-miżuri addizzjonali.” |
11. |
L-Artikolu 8 (“Rekwiżiti ta’ notifika”) jipprevedi li: “L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe miżura li jadottaw fil-qasam kopert minn dan ir-Regolament […]”. |
12. |
L-Anness I (“Speċifikazzjonijiet tekniċi dwar id-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar”) jiddefinixxi l-operazzjonijiet ta’ diżattivazzjoni li għandhom jitwettqu sabiex iġibu l-armi tan-nar inoperabbli irreversibbilment fuq il-bażi ta’ tliet tabelli:
|
13. |
L-Anness III fih “Ċertifikat mudell għal armi tan-nar diżattivati”. |
B. Id‑dritt Finlandiż. Ampuma-aselaki (1/1998) ( 5 )
14. |
Skont l-Artikolu 112a (“Trasferiment u importazzjoni fil-Finlandja ta’ armi tan-nar iddiżattivati”): “Il-persuna li tittrasferixxi jew timporta arma tan-nar iddiżattivata fil-Finlandja għandha, fi żmien tletin jum wara t-trasferiment jew l-importazzjoni, tippreżenta l-arma tan-nar lil awtorità tal-pulizija jew lill-Amministrazzjoni Ċentrali tal-Pulizija għall-finijiet ta’ verifika.” |
15. |
Skont l-Artikolu 91: “Meta liċenzja kummerċjali tas-settur tal-armi jew permess li jawtorizza l-pussess għal użu privat jiskadu jew jiġu rrevokati, il-pulizija għandha toħroġ mandat ta’ sekwestru tal-armi tan-nar, tal-partijiet tagħhom, tal-cartridges u tal-munizzjon partikolarment perikolużi, sakemm dawn ma jkunux tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ detentur ta’ permess validu. Il-pulizija għandha wkoll toħroġ il-mandat ta’ sekwestru meta detentur ta’ armi tan-nar mhux awtorizzati jew partijiet minnhom, ta’ cartridges mhux awtorizzati jew ta’ munizzjon partikolarment perikolużi jiddenunzja, fuq inizjattiva tiegħu stess, oġġett lill-pulizija u jgħaddihulhom. […]” |
16. |
Skont l-Artikolu 112b(2) (“Diżattivazzjoni tal-armi tan-nar”), “Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403 jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar persuni u entitajiet awtorizzati li jiddiżattivaw l-armi tan-nar, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar, l-immarkar, il-kontroll u l-verifika tal-armi tan-nar, it-talbiet għal assistenza sabiex titwettaq id-diżattivazzjoni, miżuri ta’ diżattivazzjoni addizzjonali u t-trasferiment tal-armi tan-nar iddiżattivati fl-Unjoni Ewropea”. |
II. Il‑fatti, il‑kawża u d‑domandi preliminari
17. |
A, filwaqt li eżerċitat attività professjonali speċjalizzata fil-bejgħ ta’ oġġetti għall-kollezzjoni storika u militari, fl-Awstrija akkwistat tliet azzarini tal-assalt li, skont iċ-ċertifikati maħruġa mill-kumpannija B fid‑9 ta’ Ottubru 2017, kienu ddiżattivati. |
18. |
Il-kumpannija B hija rrikonoxxuta mill-awtoritajiet Awstrijaċi bħala entità ta’ verifika, fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403, anki jekk ma tissemmiex speċifikament fil-lista msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu. |
19. |
Fis‑17 ta’ Ottubru 2017, A ttrasferixxiet l-azzarini ta’ assalt fil-Finlandja u, fl‑24 ta’ Ottubru 2017, skont l-Artikolu 112a tal-Att dwar l-Armi tan-Nar, ippreżentathom lill-pulizija ta’ Ħelsinki, flimkien maċ-ċertifikati korrispondenti ta’ diżattivazzjoni ( 6 ). |
20. |
Fil‑15 ta’ Frar 2018, il-pulizija ta’ Ħelsinki adottat il-mandat Nru 2018/8575, li fih hija kkunsidrat li d-diżattivazzjoni tal-azzarini ta’ assalt ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tekniċi tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403. Fil-fehma tagħha, l-operazzjonijiet ta’ diżattivazzjoni tal-armi ma twettqux sew ( 7 ). |
21. |
Il-pulizija ta’ Ħelsinki qieset li l-azzarini ta’ assalt kellhom jitqiesu bħala armi suġġetti għal permess, fis-sens tal-Att dwar l-Armi tan-Nar. Billi A ma kellha l-ebda awtorizzazzjoni għall-pussess ta’ dawn l-armi, inħareġ il-mandat ta’ sekwestru tagħhom. |
22. |
A ressqet appell amministrattiv kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Helsingin hallint-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki, il-Finlandja), fejn sostniet li:
|
23. |
Kemm il-pulizija ta’ Ħelsinki kif ukoll il-Poliisihallitus (l-Amministrazzjoni Ċentrali tal-Pulizija) ippreżentaw osservazzjonijiet f’dan l-appell, fejn sostnew li l-armi ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala ddiżattivati, minħabba li:
|
24. |
A ppreżentat replika bil-miktub li magħha hemżet il-korrispondenza li saret mal-Ministeru għad-Difiża u l-Isport Awstrijak, li fiha dan tal-aħħar ikkonferma li l-Kumpannija B kienet entità ta’ verifika maħtura mill-Awstrija, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403. Hija rrilevat ukoll li l-Awstrija kienet ħatret total ta’ 16‑il entità ta’ verifika ( 8 ). |
25. |
Fis‑26 ta’ Ġunju 2019, il-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki) ċaħdet l-appell ta’ A minħabba li:
|
26. |
A appellat mis-sentenza tal-ewwel istanza quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja) fejn talbet l-annullament tagħha kif ukoll tad-deċiżjoni tal-pulizija ta’ Ħelsinki ( 9 ). |
27. |
Il-pulizija ta’ Ħelsinki u l-Poliisihallitus (l-Amministrazzjoni Ċentrali tal-Pulizija) oġġezzjonaw kontra l-appell u enfasizzaw in-neċessità li ssir domanda preliminari, li l-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) laqgħet u għamlet dawn id-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja: “Meta jkun hemm trasferiment fl-Unjoni ta’ armi tan-nar iddiżattivati u meta jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva […] 90/477/KEE […] u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni […] 2015/2403 […] b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament:
|
III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
28. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Mejju 2021. |
29. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn A, mill-Poliisihallitus (l-Amministrazzjoni Ċentrali tal-Pulizija), mill-Gvern Finlandiż u mill-Kummissjoni Ewropea, li pparteċipaw fis-seduta li saret fit‑18 ta’ Mejju 2022. |
30. |
Il-Gvern Awstrijak wieġeb bil-miktub għall-mistoqsijiet li sarulu mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
IV. Evalwazzjoni
A. Osservazzjonijiet preliminari
31. |
Il-kunċett ta’ “arma diżattivata” għadda minn żvilupp regolatorju sinjifikattiv:
|
32. |
Għalkemm id-Direttiva 2017/853 ma hijiex applikabbli f’dan il-każ ratione temporis, hija tikkorrobora t-tendenza leġiżlattiva li ssaħħaħ il-garanziji preċiżi sabiex id-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar issir irriversibbli, b’tali mod li dawn ma jkunux jistgħu jiġu attivati mill-ġdid ( 12 ). |
B. L‑ewwel domanda preliminari
33. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-kuntest transkonfinali ta’ din il-kawża, l-entità ta’ verifika li tkun ħarġet ċertifikat ta’ diżattivazzjoni tistax tagħmel dan, anki jekk ma tidhirx fil-lista ppubblikata mill-Kummissjoni ( 13 ) skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403 u tieħu l-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata. |
34. |
Id-domanda preliminari, li tikkonċerna l-partikolaritajiet formali tal-moviment tal-armi ddiżattivati, għalhekk hija estiża għal żewġ aspetti tal-leġiżlazzjoni applikabbli:
|
1. Entitajiet irregolati mid‑dritt privat bħala entitajiet ta’ verifika
35. |
Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tat-Taqsima III tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, l-Istati Membri għandhom jaħtru “awtorità kompetenti” sabiex tivverifika li d-diżattivazzjoni tal-arma tan-nar twettqet skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Anness I. |
36. |
L-aħħar inċiż ta’ din id-dispożizzjoni jżid li l-“awtorità kompetenti” se tkun imsejħa wkoll “l-entità ta’ verifika”. Is-sinonimija (konvenzjonali) ta’ dawn iż-żewġ espressjonijiet tqajjem xi problemi ta’ interpretazzjoni li ser nagħmel riferiment għalihom immedjatament. |
37. |
L-osservazzjonijiet tal-partijiet juru fehmiet kunfliġġenti dwar in-natura tal-entitajiet ta’ verifika:
|
38. |
L-użu tal-kelma “awtorità” fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403 jevoka, bħala prinċipju, in-natura “pubblika” ta’ min jassumi l-funzjoni ta’ verifika. Bħala definizzjoni, dak li huwa karatteristiku f’“awtorità” huwa l-parteċipazzjoni fil-funzjonijiet imperium proprji tal-awtorità pubblika ( 14 ). |
39. |
Dan l-approċċ huwa msaħħaħ fil-premessa 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403: l-Istati Membri għandhom “jagħmlu arranġamenti biex dawn il-miżuri ta’ diżattivazzjoni jiġu verifikati minn awtorità kompetenti”. |
40. |
Bl-istess mod, u issa mill-perspettiva sistematika, l-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403 jiddistingwu bejn:
|
41. |
L-iżviluppi regolatorji sussegwenti għar-regoli applikabbli hawnhekk huma orjentati f’din l-istess linja. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/337 ( 15 ) jirriformula l-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/2403 sabiex jindika li “[l]-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità pubblika kompetenti sabiex tivverifika li d-diżattivazzjoni tal-arma tan-nar tkun saret skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Anness I […]”. |
42. |
L-għan kien, għaldaqstant, li tiġi stabbilita sistema ta’ kontroll pubblika sabiex tiġi vverifikata d-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar u din il-funzjoni ġiet fdata lill-awtoritajiet tal-Istat. |
43. |
Madankollu, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tasalx sal-punt li tobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu neċessarjament, fl-istrutturi amministrattivi tagħhom, servizzi tekniċi li jkunu kapaċi jwettqu l-funzjoni ta’ verifika. Ser nipprova nispjega għaliex, fil-fehma tiegħi, jistgħu jafdaw din il-funzjoni lil entitajiet (kemm jekk jissejħu bħala tali jew b’sinonimi oħrajn) ( 16 ) li jadottaw forom legali privati, sakemm josservaw ċerti garanziji. |
44. |
L-ebda waħda mir-regoli ta’ referenza tal-Unjoni dwar dan is-suġġett ma tiddetermina kif, b’mod partikolari, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jiżguraw il-konformità mal-kriterji tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu liema awtoritajiet għandhom iwettqu x-xogħol ta’ verifika u kif ser iwettquh. |
45. |
L-Istati Membri, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni kuntrarja fid-dritt tal-Unjoni, iżommu l-kapaċità tagħhom għall-organizzazzjoni awtonoma. F’termini ġenerali, ma hemm xejn x’jipprekludihom milli jafdaw it-twettiq ta’ funzjonijiet pubbliċi lil entitajiet privati, anki meta dawn ikunu ġejjin minn regoli tal-Unjoni li ma jipprekludux tali attribuzzjoni ( 17 ). |
46. |
F’din l-istess linja, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-awtoritajiet tagħhom jiddelegaw ċerti setgħat lil entitajiet privati ( 18 ), jew jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ kollaborazzjoni ma’ impriżi tas-settur privat sabiex jafdawlhom, suġġett għall-kontrolli xierqa, l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat ( 19 ). |
47. |
Fil-fehma tiegħi, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403 jippermetti l-użu ta’ dawn l-istess tekniki. L-uniku limitu għall-awtonomija organizzattiva huwa li l-Istati Membri ma jaslux sal-punt li jxejnu l-mudell ta’ awtorità pubblika bħala responsabbli fl-aħħar mill-aħħar mill-proċess ta’ verifika tad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar. |
48. |
Fi kliem ieħor, f’dak li jirrigwarda l-entitajiet ta’ verifika, l-attribuzzjoni ta’ din il-funzjoni ta’ interess pubbliku lil impriża privata tista’ ssir jekk il-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-funzjoni ma jfixklux il-qafas legali pubbliku tad-Direttiva 91/477 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403. |
49. |
Għaldaqstant, jiena tal-fehma li xi entitajiet privati jistgħu jivverifikaw id-diżattivazzjoni tal-armi, sakemm dawn ikun suġġetti għall-mandat u l-kontroll effettiv ta’ awtorità pubblika ġenwina. Din tal-aħħar għandha l-kompetenza li tissorvelja kif twettqet id-diżattivazzjoni, iżda tista’ tiddelega l-eżerċizzju tagħha lil entitajiet privati. |
50. |
Il-Gvern Awstrijak, fit-tweġiba tiegħu, fit‑22 ta’ April 2022, għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, sostna li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti li l-Ministeri għall-Intern u għad-Difiża jawtorizzaw lil ċerti professjonisti jivverifikaw li l-armi ġew iddiżattivati. Din il-verifika timplika li l-individwu privat awtorizzat jeżerċita, b’delega u taħt it-tmexxija ta’ dawn il-Ministeri, funzjoni li tikkorrispondi mal-awtorità pubblika ( 20 ). |
51. |
Fis-seduta, kemm l-awtoritajiet Finlandiżi kif ukoll il-Kummissjoni adottaw pożizzjoni kritika tal-mudell Awstrijaku, fejn enfasizzaw in-numru ta’ entitajiet ta’ verifika privati rrikonoxxuti (sittax) ( 21 ), u anki l-assenza tal-informazzjoni tagħhom fil-lista ppreżentata lill-Kummissjoni, li tagħmel riferiment biss għall-Ministeru għall-Intern. |
52. |
Tkun xi tkun id-deċiżjoni dwar dan il-mudell (fis-seduta, il-Kummissjoni sostniet li hija qiegħda tikkunsidra ( 22 ) tiħux xi miżura dwarha), l-ewwel domanda preliminari hija fformulata f’termini astratti u għaldaqstant, ma teħtieġ l-ebda stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-sistema stabbilita fi Stat Membru partikolari. |
2. Il‑lista tal‑Artikolu 3(3) tar‑Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403
53. |
Skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403, “[i]l-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit tal-Internet tagħha lista ta’ entitajiet ta’ verifika maħtura mill-Istati Membri […]”. |
54. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-inklużjoni f’din il-lista hijiex rekwiżit neċessarju sabiex l-entitajiet ta’ verifika jiġu kkunsidrati bħala tali jew jekk, lil hinn milli jkollhom tali effett kostituttiv, il-funzjoni tagħhom hijiex biss informattiva. |
55. |
Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 3(1) u (3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403 jargumentaw favur it-tieni waħda minn dawn il-pożizzjonijiet: il-kompetenza li jinħatru l-entitajiet ta’ verifika hija tal-Istati Membri, filwaqt li l-lista tirrifletti (jew għandha tirrifletti) dawk diġà maħtura minnhom, f’kapaċità sempliċiment dikjarattiva u mhux kostituttiva ( 23 ). |
56. |
Kif tenfasizza l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, la t-Taqsima III tal-Anness I tad-Direttiva 91/477 u lanqas l-Artikolu 3(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403 ma jagħtuha l-kompetenza sabiex tiddeċiedi min huma l-“entitajiet ta’ verifika”. Lanqas ma jeżiġu li dawn l-entitajiet ikunu biss dawk, wara li jkunu nħatru minn kull Stat Membru, li jiġu inklużi fil-lista ppubblikata fuq is-sit internet tal-Kummissjoni ( 24 ). |
57. |
Huwa minnu li, f’ambjent transkonfinali, iċ-ċertezza legali tirrakkomanda li l-identifikazzjoni tal-entitajiet ta’ verifika tkun ibbażata fuq sistema li l-ippubblikar tagħha jippermetti li wieħed ikun jaf biċ-ċert liema entitajiet ġew irrikonoxxuti minn kull Stat Membru. |
58. |
Ċertament, il-promozzjoni ta’ “ċerta libertà ta’ moviment”, li hemm riferiment għaliha fil-premessa 1 tad-Direttiva 2008/51, titwettaq l-aħjar permezz ta’ mekkaniżmu li jnaqqas l-ostakoli għall-kummerċ bejn l-Istati Membri. L-evalwazzjoni, mill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ destinazzjoni li quddiemhom tiġi ppreżentata arma ddiżattivata, tirriżulta iktar faċli jekk id-diżattivazzjoni tkun ġiet ivverifikata u ċċertifikata, fil-pajjiż ta’ oriġini, minn entità li n-natura tagħha ma tiġix diskussa, preċiżament minħabba li tkun inkluża fil-lista. |
59. |
Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux, madankollu, jeskludu dak li jista’ jiġi dedott mill-formulazzjoni tar-regola jew mill-kuntest li tidħol fih: l-inklużjoni fil-lista tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403 ma hijiex kundizzjoni ta’ validità sabiex jinkiseb l-istatus ta’ entità ta’ verifika. |
60. |
Dan l-istatus jinkiseb mhux permezz tal-inklużjoni fil-lista, iżda permezz tal-awtorizzazzjoni tal-Istat Membru korrispondenti. Il-kapaċità li jaħtru l-entitajiet kompetenti għall-verifika u ċ-ċertifikazzjoni tad-diżattivazzjoni ta’ armi tan-nar hija esklużiva għall-Istat Membru u r-rwol tal-Kummissjoni fil-pubblikazzjoni tal-lista huwa sempliċiment awżiljarju. |
61. |
Nirrepeti li ladarba tingħata tali awtorizzazzjoni minn Stat Membru, il-lista tikkostitwixxi l-mezz ta’ akkreditazzjoni ppreferut, iżda mhux l-uniku wieħed, li bih ikun inħareġ iċ-ċertifikat ta’ diżattivazzjoni minn entità ta’ verifika awtorizzata. |
62. |
Abbażi ta’ dan, xejn ma jipprekludi lil importatur tal-armi, li ma jkunx inkluż fil-lista, milli jipproduċi ċertifikat ta’ diżattivazzjoni u jagħti prova, permezz ta’ mezzi legalment validi oħra, li l-entità ta’ verifika li ħarġitu leġittimament għandha dak l-istatus (jiġifieri, li ġiet maħtura bħala tali minn Stat Membru). |
63. |
Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma għandhomx jinftiehmu bħala trivjalizzazzjoni tal-valur tal-lista msemmija fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403. Din id-dispożizzjoni, bħall-bqija tad-dispożizzjonijiet li jinsabu f’dan ir-regolament, ma għandhiex tisfa “fix-xejn”. Li wieħed ikun jaf minn qabel, biċ-ċert, liema huma l-entitajiet ta’ verifika ta’ kull Stat Membru jtejjeb l-affidabbiltà tas-sistema fl-intier tagħha. |
64. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 8 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403 jimponi l-obbligu fuq l-Istati Membri li jikkooperaw lealment mal-Kummissjoni u jinnotifikawha “bi kwalunkwe miżura li jadottaw fil-qasam kopert minn dan ir-Regolament”. Fosthom hemm id-dmir li tiġi kkomunikata “informazzjoni dettaljata dwar l-entità ta’ verifika u s-simbolu tagħha kif ukoll l-informazzjoni ta’ kuntatt” previst mill-Artikolu 3(3). |
65. |
In-nuqqas ta’ komunikazzjoni timplika mhux biss diffikultà addizzjonali sabiex jiġi akkreditat li ċ-ċertifikat ta’ diżattivazzjoni tkun ħarġitu entità ta’ verifika, iżda, barra minn hekk, il-ksur ta’ dmir legali min-naħa tal-Istat Membru. Hija l-Kummissjoni li għandha tadotta l-azzjonijiet neċessarji sabiex tirribatti l-ksur ta’ dan id-dmir. |
C. It‑tieni domanda preliminari
66. |
Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi:
|
1. Akkreditazzjoni tal‑entità ta’ verifika
67. |
Ifformulata fit-termini tal-qorti tar-rinviju, l-ewwel mistoqsija tat-tieni domanda preliminari tikkoinċidi, fil-parti l-kbira tagħha, mal-ewwel waħda. |
68. |
Jekk, kif nissuġġerixxi jien, l-inklużjoni ta’ entità ta’ verifika fil-lista tal-Kummissjoni ma hijiex kundizzjoni essenzjali sabiex jinkiseb dan l-istatus, jidhirli li huwa loġiku li jiġu aċċettati mezzi oħra ta’ prova ta’ akkreditazzjoni li din l-entità ġiet maħtura minn Stat Membru. |
69. |
Fil-fehma tiegħi xejn ma jipprekludi li dan il-fatt jiġi kkonstatat permezz ta’ dokumenti uffiċjali maħruġa fl-Istat ta’ oriġini mill-awtoritajiet proprji tiegħu, anki jekk, għal xi raġuni jew oħra, il-ħatra ma tkunx ġiet riflessa fil-lista ppubblikata mill-Kummissjoni. |
2. Rikonoxximent taċ‑ċertifikat ta’ diżattivazzjoni
70. |
It-tieni mistoqsija ta’ din l-istess domanda preliminari tikkonċerna d-dmir ta’ rikonoxximent, minn Stat Membru, taċ-ċertifikat ta’ diżattivazzjoni maħruġ mill-entità ta’ verifika ta’ Stat Membru ieħor. |
71. |
Ir-regola ġenerali hija li l-armi tan-nar iddiżattivati jistgħu jiġu ttrasferiti biss lejn Stat ieħor jekk ikollhom il-marka unika komuni u jkunu akkumpanjati minn ċertifikat ta’ diżattivazzjoni. |
72. |
Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403, “[l]-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu ċ-ċertifikati tad-diżattivazzjoni maħruġa minn Stat Membru ieħor jekk ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament” ( 25 ). |
73. |
Fil-fatt, l-artikolu msemmi għandu formulazzjoni preskrittiva: “[l]-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu […]” (korsiv miżjud minni). Dan il-kmand, madankollu, jiġi immedjatament ikkwalifikat billi jiġi suġġett għall-kundizzjoni li ċ-ċertifikati jissodisfaw “ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament”. |
74. |
Ir-rikonoxximent taċ-ċertifikat minn Stat Membru ieħor differenti mill-emittent ma huwiex, għaldaqstant, awtomatiku u lanqas ma huwa mingħajr kundizzjonijiet. Għall-kuntrarju, dan iseħħ biss jekk iċ-ċertifikat jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403, li jistgħu jkunu kemm formali kif ukoll materjali:
|
75. |
Mal-ewwel daqqa t’għajn, wieħed jista’ jaħseb li l-kummerċ intrakomunitarju tal-armi tan-nar iddiżattivati jaqa’ fl-iskema klassika ta’ rikonoxximent reċiproku applikabbli għal dokumenti analogi fil-kuntest tal-moviment ta’ oġġetti u tal-provvista ta’ servizzi. |
76. |
Madankollu, nemmen li din l-assimilazzjoni teħtieġ li tkun ikkwalifikata. |
77. |
Fl-ewwel lok, id-Direttiva 2008/51 tenfasizza li hija tikkombina “bilanċ bejn, minn naħa waħda, l-impenn li tiġi żgurata ċerta libertà ta’ moviment għal ċerti armi tan-nar fi ħdan il-Komunità Ewropea u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li din il-libertà tiġi rregolata permezz ta’ ċerti garanziji ta’ sigurtà […]” ( 27 ). |
78. |
L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 91/477, kif ifformulat oriġinarjament, diġà kien jirrifletti l-fatt li l-limitazzjonijiet fuq il-libertà tal-moviment tal-armi tan-nar kienu intenzjonati u li, “[ż]ewġ Stati Membri jew aktar, jistgħu taħt il-ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-dokumenti nazzjonali, jipprovdu għal arranġamenti aktar flessibli minn dawk meħtieġa minn dan l-Artikolu għall-moviment ta’ l-armi tan-nar fit-territorji tagħhom”. |
79. |
Fit-tieni lok, il-leġiżlazzjoni dwar il-moviment intrakomunitarju tal-armi tan-nar, li fir-rigward tagħhom din “tistabbilixxi qafas minimu armonizzat” ( 28 ), tikkuntrasta ma’ regoli oħra ta’ armonizzazzjoni kompleta li jirregolaw il-kummerċ transkonfinali ta’ merkanzija li l-moviment tagħha jista’ jimplika xi riskju. |
80. |
F’dawn il-każijiet tal-aħħar, il-prinċipju predominanti huwa dak tal-moviment liberu, li permezz tiegħu l-Istati Membri huma preklużi milli jipprojbixxu, jillimitaw jew jostakolaw il-kummerċjalizzazzjoni jew it-tqegħid fis-servizz fit-territorju tagħhom tal-oġġetti li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet fir-regola korrispondenti. |
81. |
Anki f’kuntest kompletament armonizzat, l-awtoritajiet nazzjonali jingħataw ċerti setgħat ta’ kontroll a posteriori sabiex jiskopru difetti jew anomaliji fis-sistema. Għal dan l-għan, huma mfassla sensiela ta’ klawżoli ta’ salvagwardja li jevitaw jew jikkoreġu nuqqasijiet fil-livell tal-Unjoni, permezz tal-attivazzjoni ta’ proċess li fih jintervjenu l-Kummissjoni u l-Istati Membri kollha ( 29 ). |
82. |
Issa, il-fatt li d-Direttiva 91/477, emendata mid-Direttiva 2008/51, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403 ma jagħtux, b’mod speċifiku, dawn is-setgħat ta’ kontroll lill-Istati Membri, fir-rigward tal-armi ddiżattivati, huwa spjegat mill-fatt li dawn ma humiex essenzjali, preċiżament fid-dawl tal-limitazzjonijiet li għalihom huwa suġġett il-moviment ordinarju ta’ dawn l-armi. |
83. |
Il-proċess ta’ trasferiment ta’ armi bejn l-Istati Membri jwassal sabiex l-awtorità tal-Istat li jirċievi teżerċita intervent sħiħ fuq l-armi qabel ma taċċettahom definittivament fit-territorju tagħha. L-awtorizzazzjoni sabiex isir dan ġejja mid-Direttiva 91/477. |
84. |
Fil-fatt, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/477, “[l]-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet kollha relevanti li jipprojbixxu d-dħul fit-territorju tagħhom ta’ arma tan-nar, barra mill-każijiet msemmija fl-Artikoli 11 u 12 u sakemm il-kondizzjonijiet hemm imsemmija jiġu mħarsa” ( 30 ). |
85. |
Dawn iż-żewġ artikoli jirregolaw il-proċess għall-moviment tat-tipi differenti ta’ armi tan-nar fl-Unjoni, suġġett għal proċedura kumplessa (Artikolu 11) ( 31 ) jew, fil-każ ta’ pussess matul vjaġġ minn żewġ Stati Membri jew iktar, suġġett għall-awtorizzazzjoni ta’ dawn l-Istati Membri (Artikolu 12). |
86. |
Kif ġie rrilevat fis-seduta, il-formalitajiet għat-trasferiment tal-armi tan-nar iddiżattivati fl-Unjoni jimplikaw il-preżentazzjoni tal-armi, u taċ-ċertifikati ta’ diżattivazzjoni tagħhom, lill-awtoritajiet tal-Istat li jirċievi, li min-naħa tagħhom għandhom jeżaminaw l-armi u ċ-ċertifikati, f’kull każ, sabiex jevalwaw il-korrispondenza tagħhom mal-armi u l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti obbligatorji ( 32 ). |
87. |
Madankollu, f’dan il-proċess ta’ dikjarazzjoni u preżentazzjoni (li ma huwiex inkompatibbli mal-libertà relattiva tal-moviment tal-armi tan-nar, li hija ristretta minħabba l-perikolu evidenti tagħhom), l-awtoritajiet tal-Istat li jirċievi ma jistgħux jagħlqu għajnejhom fil-preżenza ta’ ċertifikati li n-nonkonformità tagħhom mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403 tkun evidenti mal-ewwel daqqa t’għajn. |
88. |
F’tali ipoteżi, meta dawn l-awtoritajiet ikollhom raġunijiet serji għalxiex jissuspettaw li ċ-ċertifikati maħruġa minn entità ta’ verifika tal-Istat ta’ oriġini ma jikkonformawx mal-imsemmija rekwiżiti, jistgħu jwettqu l-verifiki xierqa (inkluża t-talba għal assistenza skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403) u, eventwalment, ma jiħduhomx inkunsiderazzjoni jekk id-difetti misjuba jkunu serji ( 33 ). |
89. |
Wieħed jista’ jaħseb li l-armi ddiżattivati, billi ma jaqgħux fil-kunċett ta’ arma tan-nar, ma kinux suġġetti għal dawn il-proċeduri għat-trasferiment tagħhom minn Stat Membru għal ieħor. Madankollu, ma nifhimx li dan huwa l-każ, għal diversi raġunijiet:
|
90. |
Fil-qosor, fl-Istat li jirċievi, il-verifika mill-awtoritajiet tiegħu li ċ-ċertifikat ta’ verifika tal-armi ddiżattivati jikkonforma mar-rekwiżiti formali u materjali meħtieġa, tannulla r-riskju u tippermetti l-protezzjoni tas-sigurtà pubblika: l-armi ma jiddaħħlux fit-territorju tiegħu bħala armi ddiżattivati sakemm ma jiġix ivverifikat li huma effettivament iddiżattivati. |
V. Konklużjoni
91. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja) b’dan il-mod:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tat‑18 ta’ Ġunju 1991 dwar il-kontroll ta’ l-akkwist u l-pussess ta’ armi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 11, p. 3, rettifika fil-ĠU 2020, L 191, p. 5). Din tħassret bid-Direttiva (UE) 2021/555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Marzu 2021 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi (ĠU 2021, L 115, p. 1).
( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2008 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll ta’ l-akkwist u l-pussess ta’ l-armi (ĠU 2008, L 179, p. 5). F’dawn il-konklużjonijiet, il-kwotazzjonijiet mid-Direttiva 91/477 ser jagħmlu riferiment, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, għall-verżjoni emendata bid-Direttiva 2008/51.
( 4 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal‑15 ta’ Diċembru 2015 li jistabbilixxi linji gwida komuni dwar l-istandards u t-tekniki tad-diżattivazzjoni sabiex ikun żgurat li l-armi tan-nar diżattivati jiġu inoperabbli irreversibilment (ĠU 2015, L 333, p. 62, rettifika fil-ĠU 2016, L 202, p. 56).
( 5 ) L-Att dwar l-Armi tan-Nar Nru 1/1998.
( 6 ) Fuq talba tal-imsemmija awtorità, hija reġgħet ippreżentathom fit‑23 ta’ Novembru 2017.
( 7 ) Ġie kkonstatat li l-operazzjonijiet ta’ diżattivazzjoni kellhom id-difetti li ġejjin: 1) ma kinux jipprevjenu ż-żarmar tal-armi u tal-mekkaniżmu li jsakkar; 2) il-mekkaniżmu tal-grillu ma kienx ġie wweldjat fil-frame u, għalkemm il-grillu kien ġie wweldjat mal-ganċijiet, dan kien jista’ jiċċaqlaq, u l-partijiet tal-mekkaniżmu tal-grillu tal-armi setgħu jiżżarmaw; 3) il-kanen tal-armi kellhom biss ħames toqob tad-daqs tal-kalibru, minflok is-sitta meħtieġa mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403; 4) sar iwweldjar MIG b’azzar ordinarju u mhux iwweldjar TIG b’azzar li ma jissaddadx tat-tip ER 316L, kif jeżiġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni msemmi.
( 8 ) Dokumenti 3 u 4 tal-anness ippreżentat flimkien mal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ A.
( 9 ) Insostenn tat-talbiet tagħha, hija ppreżentat posta elettronika tal-Ministeru għall-Intern Awstrijak, tal‑11 ta’ Marzu 2020, li tgħid li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-Ministeru għad-Difiża (għall-armi kkunsidrati bħala militari) u l-Ministeru għall-Intern (għal dawk intiżi għal użu ċivili) jawtorizzaw lil ċerti professjonisti jivverifikaw id-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar.
( 10 ) In-neċessità li jiġu ssodisfatti dawn l-obbligi rriżultat minn kompromess internazzjonali meħud mill-Unjoni, bħala Parti fil-Protokoll kontra l-Iffabbrikar Illeċitu u t-Traffikar tal-Armi tan-Nar, il-Partijiet u l-Komponenti u l-Munizzjon tagħhom, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali konkluż permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/164/UE (ĠU 2014, L 89, p. 7.)
( 11 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Mejju 2017 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi (ĠU 2017, L 137, p. 22).
( 12 ) “Il-partijiet interessati kkonsultati mill-Kummissjoni huma tal-fehma li l-irkupru ta’ armi tan-nar diżattivati huwa sors importanti ta’ armi li jintużaw għal skopijiet kriminali, u għalhekk għandha tingħata prijorità biex ir-regoli dwar id-diżattivar biex tiġi miġġielda din il-prattika jiġu armonizzati.” (punt 2.7 tal-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi COM(2015) 750 final – 2015/0269 (COD)).
( 13 ) Il-qorti tar-rinviju ssostni (punt 23 tad-digriet tagħha) li, fil-mument tat-tfassil tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-lista ma kinitx disponibbli fuq is-sit internet tal-Kummissjoni. Id-Direttorat Ġenerali tal-Migrazzjoni u Affarijiet Interni (DG HOME) kien informaha, permezz taċ-ċentru ta’ kuntatt Europe Direct, li l-lista kienet fil-proċess ta’ reviżjoni u li verżjoni aġġornata kienet ser tkun disponibbli fl-aħħar tas-sena 2021.
( 14 ) Fir-rigward tad-distinzjoni klassika bejn atti mwettqa iure gestionis u iure imperii, ara s-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020, Rina (C‑641/18, EU:C:2020:349), li tikkonċerna l-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Brussell I (Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42)).
( 15 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal‑5 ta’ Marzu 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2403 li jistabbilixxi linji gwida komuni dwar l-istandards u t-tekniki tad-diżattivazzjoni sabiex ikun żgurat li l-armi tan-nar diżattivati jiġu inoperabbli irreversibilment (ĠU 2018, L 65, p. 1). Huwa għandu l-għan “li r-regoli dwar id-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2403 jirriflettu r-regoli l-ġodda dwar id-diżattivazzjoni li ġew introdotti bid-Direttiva (UE) 2017/853 u jkunu konformi magħhom” (premessa 5). Fis-seduta ġie enfasizzat li xi verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/337 ma żidux l-aġġettiv “pubblika” man-nom “awtorità”, meta ġie emendat l-Artikolu 3(1).
( 16 ) Il-verżjonijiet lingwistiċi differenti jużaw kemm it-terminu “organu” (“organisme” fil-verżjoni Franċiża, “organismo” f’dik Taljana) kif ukoll it-terminu “entità” (“entidad” fil-verżjoni Spanjola; “entity” f’dik Ingliża; “entidade” f’dik Portugiża; “entitatea” f’dik Rumena; “entitei” f’dik Olandiża). Il-verżjoni Ġermaniża tuża l-kelma “Behörde”.
( 17 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’qasam tant ġenerali bħal dak tas-sistema legali tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jkollhom effett dirett, aċċettat il-fatt li kienu jopponu “entità jew organu, anki jekk ikunu rregolati mid-dritt privat, li jkunu ngħataw minn Stat Membru r-responsabbiltà li jwettqu missjoni ta’ interess pubbliku u li jkollhom għal dan il-għan setgħat eżorbitanti meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mir-regoli applikabbli għar-relazzjonijiet bejn individwi” (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2017, Farrell (C‑413/15, EU:C:2017:745), punt 35).
( 18 ) Id-delegazzjoni ma timplikax b’mod awtomatiku li l-attivitajiet korrispondenti jitwettqu fl-“eżerċizzju tal-awtorità pubblika”. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt teskludi l-fatt li l-funzjonijiet awżiljari u preparatorji jitqiesu bħala parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, fis-sens tal-Artikolu 51(1) TFUE, billi l-portata ta’ din id-dispożizzjoni għandha tiġi limitata għal dak li huwa strettament neċessarju. Minn perspettiva oħra, is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020, Rina (C‑641/18, EU:C:2020:349), punt 39, tindika li “s-sempliċi fatt li ċerti setgħat huma ddelegati minn att ta’ awtorità pubblika ma jimplikax li dawn is-setgħat huma eżerċitati iure imperii”.
( 19 ) Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tawtorizza espliċitament il-preżenza ta’ entitajiet privati sabiex iwettqu kompiti pubbliċi f’ċerti setturi. Ara, pereżempju, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2014/45/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali għal vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom u li tħassar id-Direttiva 2009/40/KE (ĠU 2014, L 127, p. 51, rettifika fil-ĠU 2019, L 219, p. 25): “It-testijiet tal-affidabbiltà stradali għandhom jitwettqu mill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni tal-vettura jew minn korp pubbliku fdat bil-kompitu minn dak l-Istat jew minn korpi jew stabbilimenti nominati u sorveljati minn dak l-Istat Membru, inkluż korpi privati awtorizzati”. Korsiv miżjud minni.
( 20 ) Skont il-Gvern Awstrijak (punt 17 tat-tweġiba tiegħu), il-professjonist iddelegat jaġixxi funzjonalment bħala korp tal-awtorità pubblika ta’ delega. Din tal-aħħar hija responsabbli mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ interess pubbliku mwettqa mill-professjonist. Il-ġurisprudenza kostituzzjonali Awstrijaka timponi li d-delega tkun suġġetta għal kundizzjonijiet stretti u li jiġu ggarantiti s-setgħat ta’ istruzzjoni u ta’ superviżjoni jew kontroll minn korp amministrattiv (f’dan il-każ, il-Ministeri għad-Difiża u għall-Intern, li jeżerċitaw is-setgħa ta’ tmexxija u jistgħu jagħtu istruzzjonijiet lill-entitajiet ta’ verifika).
( 21 ) Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, l-ebda Stat Membru ieħor ma jadotta dan il-mudell.
( 22 ) Il-Kummissjoni tidher li hija preokkupata, b’mod partikolari, dwar in-numru ta’ entitajiet ta’ verifika privati u dwar il-possibbiltà reali li jkunu suġġetti għall-kontroll tal-awtorità pubblika.
( 23 ) Fil-verità, l-inklużjoni fil-lista ma tissuġġettax, strettament, l-azzjoni ta’ kull Stat Membru għall-konformità mal-kontenut tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403. Ir-raġunament li sostnejt fil-konklużjonijiet tal-kawża Poltorak (C‑452/16 PPU, EU:C:2016:782), punti 64 sa 66, jidhirli li jista’ jiġi estiż, b’analoġija, għal din il-kawża. Il-kwistjoni f’dak il-mument kienet il-komunikazzjoni lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill dwar min kienu l-awtoritajiet kompetenti, skont id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru, sabiex joħorġu jew jeżerċitaw il-mandati Ewropej ta’ arrest u konsenja.
( 24 ) Punt 26 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, approvati waqt is-seduta.
( 25 ) Fis-seduta, il-parteċipanti kollha qablu li dan l-artikolu jistabbilixxi sistema ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ ċertifikati, ispirat mill-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri.
( 26 ) Kif diġà esponejt (nota ta’ qiegħ il-paġna 13), il-qorti tar-rinviju ssostni li l-Pulizija ta’ Ħelsinki kkonstatat li d-diżattivazzjoni tal-armi kellha difetti serji.
( 27 ) Premessa 1 tad-Direttiva 2008/51. Korsiv miżjud minni.
( 28 ) Sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 47).
( 29 ) Fil-konklużjonijiet tal-kawża Fédération des entreprises de la beauté (C‑4/21, EU:C:2022:221), indirizzajt l-applikazzjoni tal-klawżoli ta’ salvagwardja fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU 2009, L 342, p. 59, rettifika fil-ĠU 2017, L 191, p. 12, fil-ĠU 2021, L 129, p. 162 u fil-ĠU 2021, L 224, p. 43), li għandu l-għan li jarmonizza bis-sħiħ ir-regoli tal-Unjoni f’dan is-settur. Anki jekk, skont dan ir-regolament, l-Istati Membri ma jirrifjutawx, ma jipprojbixxux jew ma jirrestrinġux il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kożmetiċi li jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-regolament, huma jistgħu japplikaw dawn il-klawżoli ta’ natura provviżorja, filwaqt li jirrispettaw l-unità tas-suq intern ta’ dawn il-prodotti billi jħallu l-aħħar kelma għall-Kummissjoni.
( 30 ) Is-sitt premessa tad-Direttiva 91/477 sostniet li kien xieraq li “in prinċipju m’għandux ikun permess li wieħed imur minn Stat Membru għall-ieħor meta jkollu fuqu arma”.
( 31 ) Jekk l-Istat Membru fejn ikunu jinsabu l-armi qabel ma jintbagħtu jawtorizza t-trasferiment, huwa għandu joħroġ permess li fih ikun hemm l-informazzjoni kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2). Dan il-permess għandu jakkumpanja lill-armi tan-nar sad-destinazzjoni tagħhom u għandu jiġi ppreżentat fuq talba tal-awtoritajiet tal-Istati Membri.
( 32 ) A fortiori, l-awtoritajiet li jirċievu jistgħu jivverifikaw jekk l-armi ddiżattivati jirrispettawx il-“miżuri addizzjonali” li jmorru lil hinn mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament 2015/2403, imsemmijin fl-Artikolu 6 tiegħu. Fis-seduta ġie rrilevat li la r-Repubblika tal-Awstrija u lanqas il-Finlandja ma stabbilixxew miżuri ta’ dan it-tip.
( 33 ) Ċertament, tista’ tintlaħaq l-istess soluzzjoni jekk iċ-ċertifikati ta’ diżattivazzjoni jkunu nkisbu jew ġew invokati b’mod frawdolenti. Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et (C‑359/16, EU:C:2018:63) u tat‑2 ta’ April 2020, CRPNPAC u Vueling Airlines (C‑370/17 u C‑3718, EU:C:2020:260), dwar il-ħruġ taċ-ċertifikati E 101 għall-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema li jiċċaqalqu fl-Unjoni, jirrikonoxxu dan, sakemm tkun ġiet segwita preċedentement il-proċedura li twassal għall-azzjoni ta’ Kumitat Amministrattiv li jirrikonċilja l-perspettivi tal-Amministrazzjonijiet ikkontestati. Billi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2403 ma pprevediex dawn il-mekkaniżmi ta’ konċiljazzjoni fil-każ ta’ ċertifikati ta’ diżattivazzjoni tal-armi, l-evalwazzjoni tal-frodi possibbli tista’ ssir mill-awtoritajiet tal-Istat li jirċievi.
( 34 ) Taqsima III(a) tal-Anness I tad-Direttiva 91/477.