EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0278

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fit-12 ta’ Mejju 2022.
Dansk Akvakultur vs Miljø- og Fødevareklagenævnet.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Østre Landsret.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali, tal-fawna u tal-flora selvaġġa – Artikolu 6(3) – Evalwazzjoni ta’ proġett li jista’ jaffettwa żona protetta – Obbligu ta’ evalwazzjoni – Tkomplija tal-attività ekonomika ta’ installazzjoni diġà awtorizzata fl-istat ta’ proġett, f’kundizzjonijiet li baqgħu l-istess, fil-każ fejn l-awtorizzazzjoni ingħatat wara evalwazzjoni inkompleta.
Kawża C-278/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:383

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit‑12 ta’ Mejju 2022 ( 1 )

Kawża C‑278/21

AquaPri A/S

vs

Miljø- og Fødevareklagenævnet

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Żoni speċjali ta’ konservazzjoni – Evalwazzjoni rimedjali tal-implikazzjonijiet għaż-żoni fid-dawl tal-għanjiet ta’ konservazzjoni ta’ dawn iż-żoni – Evalwazzjoni preliminari tan-neċessità ta’ evalwazzjoni – Emissjonijiet ta’ nitrati minn farm tal-ħut eżistenti – Teħid inkunsiderazzjoni tal-pjan ta’ ġestjoni tal-ilma kif ukoll tal-pjan Natura 2000 taż-żona kkonċernata”

I. Introduzzjoni

1.

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats ( 2 ) jeżiġi evalwazzjoni preliminari tal-effetti ta’ pjanijiet u ta’ proġetti li jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv iż-żoni protetti. Madankollu, tali evalwazzjoni hija wkoll neċessarja meta t-tkomplija tal-operat ta’ installazzjoni diġà awtorizzata tkun teħtieġ awtorizzazzjoni ġdida skont id-dritt nazzjonali u meta l-awtorizzazzjoni inizjali tkun ingħatat bi ksur tal-obbligu ta’ evalwazzjoni? Din hija l-kwistjoni ċentrali ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

2.

Fil-każ li tali evalwazzjoni tkun neċessarja, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ukoll ir-rilevanza li għandhom, f’dan ir-rigward, pjan ta’ ġestjoni tal-ilma u l-pjan Natura 2000 għaż-żona ta’ protezzjoni kkonċernata.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

1. Id‑Direttiva dwar il‑Habitats

3.

L-awtorizzazzjoni ta’ pjanijiet u ta’ proġetti li jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv żona protetta mid-Direttiva dwar il-Habitats jew mid-Direttiva dwar l-Għasafar ( 3 ), hija rregolata mill-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, kif ġej:

“(2)   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

(3)   Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.”

2. Id‑Direttiva SEA

4.

L-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva SEA ( 4 ) jiddefinixxi l-kunċett ta’ “proġett” kif ġej:

“–

l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ stallazzjonijiet jew skemi oħra,

interventi oħra fil-madwar u fil-pajsaġġ naturali inklużi dawk li jinvolvu l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali”.

B.   Id‑dritt Daniż

5.

L-Artikolu 33 tal-Miljøbeskyttelseslov (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent) jipprevedi li ċerti impriżi jew installazzjonijiet jeħtieġu awtorizzazzjoni. Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, dan huwa b’mod partikolari l-każ għall-farms tal-ħut. Hija tindika li l-farms tal-ħut eżistenti li kienu għadhom ma ġewx awtorizzati taħt din id-dispożizzjoni kellhom, skont sistema tranżitorja ( 5 ), jippreżentaw applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għal dan il-għan sa mhux iktar tard mill‑15 ta’ Marzu 2014.

6.

L-Artikolu 6(1) u (2) tad-Digriet dwar il-Habitats ( 6 ) jittrasponi l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats:

“L-Artikolu 6. Qabel ma tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 7, għandu jiġi eżaminat jekk, minnu nnfisu jew flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħra, il-proġett jistax jaffettwa b’mod sinjifikattiv żona Natura 2000. Huma suġġetti għall-obbligu ta’ evalwazzjoni l-proġetti li ma humiex direttament marbuta jew neċessarji għall-ġestjoni taż-żona Natura 2000.

Paragrafu 2 Jekk l-awtorità tqis li proġett jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv żona Natura 2000, għandha titwettaq evalwazzjoni ddettaljata tal-impatt ta’ dan il-proġett fuq iż-żona Natura 2000 b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għan ta’ konservazzjoni ta’ din iż-żona. Jekk l-evalwazzjoni tal-impatt turi li l-proġett jista’ jaffettwa ħażin iż-żona internazzjonali ta’ konservazzjoni tan-natura, l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, deroga jew ammissjoni ma tistax tingħata.”

7.

Il-punt 6 tal-Artikolu 7(7) tad-Digriet dwar il-Habitats jipprevedi b’mod partikolari li l-Artikolu 6(1) u (2) japplika għall-awtorizzazzjonijiet skont l-Artikolu 33 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent.

“Paragrafu 7. Il-każijiet segwenti previsti mil-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent jaqgħu taħt l-Artikolu 6

(1)

sa (5) […]

(6)

awtorizzazzjoni ta’ impriżi, eċċ. skont l-Artikolu 33(1), l-Artikolu 38 u l-Artikolu 39 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent.”

8.

Fir-rigward taż-żona Natura 2000 Nru 173, li hija l-eqreb għall-farm tal-ħut Onsevig, mill-pjan nazzjonali Natura 2000 għall-perijodu 2016 sa 2021 jirriżulta li l-enfasi hija magħmula fuq l-inizjattivi marbuta maż-żona territorjali u huwa ma jinkludi ebda rekwiżit dwar il-kwalità tal-ilma, li hija ggarantita mill-pjan tal-ġestjoni tal-ilma; dan il-pjan lanqas ma jimponi rekwiżiti konkreti fir-rigward tat-tnaqqis fid-depożiti tan-nitroġenu, li huma rregolati wkoll minn liġi oħra.

9.

Il-pjan ta’ ġestjoni tal-ilma għall-perijodu 2015–2021 għall-baċir idrografiku ta’ Sjælland (id-Danimarka), adottat wara li saret l-evalwazzjoni preliminari tal-impatt prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, u li jinkludi, inter alia, iż-żoni tal-baħar Natura 2000 Nri 173, 170 u 162, jindika, b’riferiment għall-ftehim politiku tat‑22 ta’ Novembru 2015, li huwa msejjaħ pakkett agrikolu u tal-ikel, li emissjonijiet ta’ 43 tunnellata ta’ nitroġenu huma previsti sabiex jiġi ggarantit li l-farms tal-ħut eżistenti koperti mill-pjanijiet ta’ ġestjoni jkunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ mill-awtorizzazzjonijiet ta’ emissjonijiet preżenti tagħhom.

III. Il‑fatti u t‑talba għal deċiżjoni preliminari

10.

Fl-ilmijiet Daniżi, huma operati total ta’ 19‑il farm tal-ħut, li wħud minnhom jinsabu ġewwa żona Natura 2000 jew qrib waħda minnhom. Jeżistu tilwimiet pendenti li jirrigwardaw seba’ minn dawn il-farms tal-ħut. Dawn il-farms tal-ħut irabbu prinċipalment it-troti qawsalla. Huma jirrilaxxaw, inter alia, in-nitroġenu u l-fosfru, u dawn jistgħu jaffettwaw iż-żoni Natura 2000 li huma fil-qrib.

11.

Wieħed mill-farms tal-ħut inkwistjoni huwa l-farm tal-ħut ta’ Onsevig. Huwa l-proprjetà tal-kumpannija AquaPri A/S, irrappreżentata, f’din il-kawża minn Dansk Akvakultur, assoċjazzjoni professjonali tat-trobbija tal-ħut fid-Danimarka. Huwa jinsab fl-ilmijiet ta’ Småland, madwar 1.7 km fit-tramuntana taż-żona Natura 2000 Nru 173, madwar 10.5 km fin-nofsinhar taż-żona Natura 2000 Nru 170 u madwar 12.4 km fin-nofsinhar taż-żona Natura 2000 Nru 162. Iż-żona Natura 2000 l-iktar qrib, jiġifieri ż-żona Nru 173, ġiet iddikjarata abbażi tal-habitats naturali “sikka tar-ramel” (1110), “pjanura tat-tajn” (1140), “bajja” (1160), “skoll” (1170) kif ukoll abbażi tal-habitat naturali prijoritarju “laguna” (1150). Fl-istess sit ġew iddikjarati diversi żoni ta’ protezzjoni tal-għasafar (Nri 82, 83, 85 u 86) minħabba l-preżenza f’numru kbir ta’ għasafar li jbejtu u/jew li jpassu.

12.

Fil‑15 ta’ Frar 1999, l-awtorità ambjentali kompetenti għat-territorju, Storstrøms Amt (il-Kontea ta’ Storstrøm, id-Danimarka), awtorizzat iċ-ċaqliq tal-farms tal-ħut lejn is-sit attwali tagħhom.

13.

Fis‑27 ta’ Ottubru 2006, il-Kontea ta’ Storstrøm tat lill-farm tal-ħut awtorizzazzjoni rreveduta li tippermettilu jżid l-emissjonijiet tan-nitroġenu b’0.87 tunnellata, minn 15.6 għal 16.47 tunnellati, kif ukoll li juża u jirrilaxxa r-ram u ta’ tliet tipi ta’ antibijotiċi. Il-Kontea ta’ Storøm eżaminat in-neċessità ta’ evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent (iktar ’il quddiem “skrinjar EIA”) u kienet tal-fehma, fuq din il-bażi, li ż-żieda fl-emissjonijiet ta’ nitroġenu ma kinitx ser ikollha impatt ħażin sinjifikattiv għall-ambjent taż-żona Natura 2000 Nru 173 li tinsab qrib u, għaldaqstant, il-proġett ma kellux għalfejn jiġi suġġett għal evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent. Il-Kontea ma indirizzatx il-leġiżlazzjoni dwar iż-żoni internazzjonali ta’ konservazzjoni tan-natura.

14.

Din id-deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ appell quddiem l-awtorità tal-appell kompetenti f’dak iż-żmien, in-Naturklagenævnet (il-“Bord tal-Appell fil-Qasam tal-Protezzjoni tan-Natura”), għall-ħsara kkawżata liż-żona Natura 2000. Il-Bord tal-Appell fil-Qasam tal-Protezzjoni tan-Natura kkonferma d-deċiżjoni tal-Kontea ta’ Storstrøm. Huwa osserva li d-difetti li jivvizzjaw l-iskrinjar EIA ma kinux suffiċjentement sinjifikattivi sabiex, konkretament, jirrendu l-evalwazzjoni invalida.

15.

Mid-deċiżjoni tal-Kontea ta’ Storstrøm tas‑27 ta’ Ottubru 2006, ikkonfermata b’dan il-mod, jirriżulta li, applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ambjentali kellha tiġi ppreżentata quddiem l-awtorità superviżorja sa mhux iktar tard mill‑15 ta’ Marzu 2014.

16.

Konsegwentement, AquaPri applikat għal awtorizzazzjoni ambjentali għall-farm tal-ħut ta’ Onsevig, awtorizzazzjoni li nħarġet mill-awtorità ċentrali għall-ambjent (il-Miljøstyrelsen) fis‑16 ta’ Diċembru 2014. Mill-evalwazzjoni teknika ambjentali li tinsab fid-deċiżjoni jirriżulta li l-awtorità għall-ambjent qieset li l-farm tal-ħut, waħdu jew flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħra, ma setax jaffettwa b’mod sinjifikattiv iż-żona Natura 2000 Nru 173. L-awtorità għall-ambjent iġġustifikat din id-deċiżjoni, inter alia, permezz tal-awtorizzazzjoni maħruġa mill-Kontea ta’ Storstrøm fis‑27 ta’ Ottubru 2006 u permezz tal-fatt li ebda informazzjoni ma kienet ġiet ippreżentata sussegwentement fir-rigward tal-impatt li l-farm tal-ħut kellu fuq iż-żona Natura 2000.

17.

Organizzazzjoni għall-konservazzjoni tan-natura ressqet oppożizzjoni kontra l-awtorizzazzjoni ambjentali tas‑16 ta’ Diċembru 2014 quddiem il-Miljø- og Fødevareklagenævn (il-Kumitat għall-Appelli fil-Qasam tal-Ambjent u tal-Ikel, id-Danimarka), u dan annulla din l-awtorizzazzjoni b’deċiżjoni tat‑13 ta’ Marzu 2018. Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Kumitat għall-Appelli fil-Qasam tal-Ambjent u tal-Ikel qies li l-awtorizzazzjoni ambjentali maħruġa lill-farm tal-ħut ta’ Onsevig, li permezz tagħha ġiet awtorizzata t-tkomplija tal-operat tal-farm tal-ħut mingħajr evalwazzjoni preliminari tal-impatt tal-attività kollha fuq il-habitat, kellha tkun suġġetta għal tali evalwazzjoni preliminari. Huwa mmotiva din il-pożizzjoni billi sostna li l-impatt tal-attivitajiet kollha tal-farms tal-ħut kollha taż-żona fuq il-habitat kien għadu ma ġiex evalwat skont id-dispożizzjonijiet Daniżi li jittrasponu l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats. L-ammont ta’ nutrijenti li ġej mill-farm tal-ħut, flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħra, jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv iż-żoni Natura 2000 Nri 173, 170 u 162, b’tali mod li r-riskju ta’ ħsara għall-habitats li fuq il-bażi tagħhom iż-żona ġiet iddkjarata bħala tali ma jistax jiġi eskluż a priori.

18.

Ir-rikors ippreżentat minn AquaPri kontra din id-deċiżjoni tat‑13 ta’ Marzu 2018 huwa issa pendenti quddiem l-Østre Landsret (il-Qorti Reġjonali tal-Lvant, id-Danimarka). Din tal-aħħar tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-[ewwel sentenza tal-]Artikolu 6(3) tad-[Direttiva dwar il-Habitats] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża preżenti li fiha tintalab awtorizzazzjoni sabiex jitkompla l-operat ta’ farm tal-ħut, fejn l-attività tal-farm tal-ħut u l-emissjoni tan-nitroġenu u ta’ nutrijenti oħra baqgħu l-istess meta mqabbla mal-attività u mal-emissjoni awtorizzati fl‑2006, iżda fejn ma saret ebda evalwazzjoni tal-attività ġenerali u tal-effetti kumulattivi tal-farms tal-ħut kollha fiż-żona inkonnessjoni mal-awtorizzazzjoni preċedenti tal-farm tal-ħut, sa fejn l-awtoritajiet rilevanti eżaminaw biss l-emissjoni addizzjonali ġenerali tan-nitroġenu eċċ, mill-farm tal-ħut ikkonċernat?

2)

Huwa rilevanti, għall-finijiet tar-risposta għall-ewwel domanda, li l-Pjan ta’ Ġestjoni tal-Baċir Idrografiku 2015-2021 jieħu inkunsiderazzjoni l-preżenza ta’ farms tal-ħut fiż-żona sa fejn jiżgura ammont speċifiku ta’ nitroġenu sabiex il-farms tal-ħut eżistenti fiż-żona jkunu jistgħu jużaw l-awtorizzazzjonijiet ta’ emissjonijiet preżenti tagħhom u li l-emissjonijiet attwali mill-farms tal-ħut jibqgħu fil-limiti stabbiliti?

3)

Jekk, f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża preżenti, għandha ssir evalwazzjoni skont l-[ewwel sentenza tal-]Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, l-awtorità rilevanti hija rikjesta, inkonnessjoni ma’ din l-evalwazzjoni, li tieħu inkunsiderazzjoni l-limiti tal-emissjonijiet tan-nitroġenu previsti fil-Pjan ta’ Ġestjoni tal-Baċir Idrografiku 2015-2021 u kwalunkwe informazzjoni oħra u evalwazzjonijiet rilevanti li jistgħu jirriżultaw mill-Pjan ta’ Ġestjoni tal-Baċir Idrografiku jew mill-pjan Natura 2000 għaż-żona?”

19.

AquaPri A/S, il-Miljø- og Fødevareklagenævn (il-Kumitat għall-Appelli fil-Qasam tal-Ambjent u tal-Ikel) kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, u mbagħad orali waqt is-seduta li nżammet fl‑24 ta’ Marzu 2022.

IV. Evalwazzjoni

20.

Il-kwistjoni fil-qalba ta’ din il-kawża hija essenzjalment dwar sa fejn il-leġiżlazzjoni prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, dwar l-evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet, hija applikabbli fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni għat-tkomplija tal-operat ta’ installazzjoni mingħajr bidla (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima A). Fil-każ li din id-dispożizzjoni tkun applikabbli, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ukoll ir-rilevanza li għandhom, f’dan ir-rigward, pjan ta’ ġestjoni tal-ilma u l-programm Natura 2000 għaż-żona ta’ protezzjoni kkonċernata. Hija tistaqsi, minn naħa, dwar ir-rilevanza tal-konstatazzjonijiet u l-konklużjonijiet tal-pjan ta’ ġestjoni tal-ilma fuq l-emissjonijiet tan-nitroġenu għall-eżami preliminari tan-neċessità ta’ evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima B) u, min-naħa l-oħra, dwar ir-rilevanza ta’ dawn iż-żewġ dokumenti għall-evalwazzjoni proprja tal-implikazzjonijiet (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima C).

A.   L‑ewwel domanda - Evalwazzjoni tal‑implikazzjonijiet għat‑tiġdid tal‑awtorizzazzjoni ta’ proġett

21.

L-ewwel domanda hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats jeżiġix, għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ proġett, evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet tiegħu fuq iż-żona kkonċernata fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti għal din iż-żona, meta l-effetti tal-proġett jibqgħu l-istess, iżda dawn l-effetti ma jkunux ġew eżaminati b’mod eżawrjenti meta ngħatat l-awtorizzazzjoni preċedenti, u meta dawn l-effetti, akkumulati ma’ dawk ta’ pjanijiet u proġetti oħra, lanqas ma ttieħdu inkunsiderazzjoni.

22.

Din id-domanda hija speċifikament magħmula fir-rigward ta’ farm tal-ħut li huwa operat fil-baħar, qrib il-gżira Daniża ta’ Småland, li għalih inħarġet awtorizzazzjoni fl‑2006 għal żieda fl-emissjonijiet ta’ nitroġenu, mingħajr ma ttieħdu inkunsiderazzjoni emissjonijiet tan-nitroġenu diġà awtorizzati għal dan il-farm jew depożiti ta’ nitroġenu li ġejjin minn sorsi oħra. Il-partijiet jaqblu li din l-evalwazzjoni li twettqet fl‑2006 ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, sa fejn dan jimponi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti kumulattivi ta’ kull proġett. Madankollu, il-legalità tad-deċiżjoni definittiva adottata fl‑2006 ma hijiex inkwistjoni f’din il-proċedura.

23.

Sabiex nirrispondi għall-ewwel domanda, l-ewwel ser nispjega li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats ma jistabbilixxi ebda obbligu li ssir evalwazzjoni (ġdida) tal-implikazzjonijiet meta awtorizzazzjoni preċedenti ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni (it-tieni parti tal-ewwel domanda, ara, f’dan ir-rigward, ara taħt il-punt 1). Madankollu, sussegwentement ser nuri li t-tiġdid, previst mid-dritt nazzjonali, tal-awtorizzazzjoni ta’ proġett teżiġi wkoll evalwazzjoni ġdida tal-implikazzjonijiet (l-ewwel parti tal-ewwel domanda, ara, f’dan ir-rigward, taħt il-punt 2).

1. Il‑konsegwenzi ta’ żbalji mwettqa fil‑passat fl‑awtorizzazzjoni ta’ proġett

24.

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, kull pjan jew proġett li jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv żona speċjali ta’ konservazzjoni, fis-sens ta’ din id-direttiva, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni (xierqa) ( 7 ) tal-implikazzjonijiet tiegħu fuq iż-żona speċjali ta’ konservazzjoni fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ din iż-żona.

25.

Il-fatt li l-proġett ma jinsabx fiż-żoni Natura 2000 ikkonċernati, iżda barra minnhom, bl-ebda mod ma jeskludi f’dan ir-rigward l-applikabbiltà tar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats ( 8 ).

26.

Din l-evalwazzjoni hija intiża għall-preparazzjoni tal-awtorizzazzjoni tal-proġett. Fil-fatt, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jagħtu l-kunsens tagħhom dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw ruħhom, b’teħid inkusiderazzjoni tal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(4), li dan il-pjan jew proġett mhux ser jaffettwa ħażin l-integrità taż-żona.

27.

Għaldaqstant, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats jipprevedi proċedura ta’ evalwazzjoni maħsuba sabiex jiġi żgurat, permezz ta’ evalwazzjoni minn qabel, li pjan jew proġett li jista’ jaffettwa ż-żona kkonċernata b’mod sinjifikattiv ikun awtorizzat biss sakemm ma jippreġudikax l-integrità ta’ din iż-żona ( 9 ).

28.

Għall-kuntrarju, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats ma jeżiġix li proġett diġà awtorizzat b’mod definittiv jiġi suġġett għal darba oħra għal din l-evalwazzjoni jekk l-evalwazzjoni inizjali kienet irregolari ( 10 ). It-tkomplija mingħajr bidla ta’ attività għalhekk ma teħtieġx, bħala regola ġenerali, evalwazzjoni ġdida ( 11 ).

29.

Madankollu, dan ma jfissirx li tali irregolaritajiet u eventwali ħsarat lil żoni protetti għandhom jiġu aċċettati. Fil-fatt, jekk sussegwentement jirriżulta li proġett diġà awtorizzat jista’ jaffettwa b’mod ħażin l-integrità ta’ żona protetta għaliex iwassal għal deterjoramenti jew tfixkil sinjifikattiv, il-projbizzjoni ta’ deterjorament prevista fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats essenzjalment tippermetti li jiġi ssodisfatt l-għan essenzjali tal-preservazzjoni u tal-protezzjoni tal-kwalità tal-ambjent, inkluża l-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġi, fis-sens tal-ewwel premessa ta’ din l-istess direttiva ( 12 ). Attività hija konformi mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats biss jekk jiġi ggarantit li din ma toħloq ebda tfixkil li jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-għanijiet ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari l-għanijiet ta’ konservazzjoni segwiti minnha. Sabiex ikun hemm ksur ta’ din id-dispożizzjoni, huwa biżżejjed li jkun hemm probabbiltà jew riskju li attività fuq żona protetta tikkawża tfixkil sinjifikattiv ( 13 ).

30.

AquaPri għalhekk ġustament tenfasizza li obbligu ta’ eżami mill-ġdid tal-approvazzjoni tagħha ma jistax jiġi inferit direttament mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, iżda mill-Artikolu 6(2). Skont il-mod kif id-dritt nazzjonali jiggarantixxi l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi rigward il-fatt li l-awtorizzazzjoni mogħtija qabel ser tkompli teżisti jista’ jkollhom rwol, partikolarment b’rabta mad-deroga prevista fl-Artikolu 6(4) ( 14 ). Dawn l-elementi jistgħu għalhekk iservu ta’ bażi għal drittijiet għal kumpens, mistennija minn AquaPri fil-każ ta’ evalwazzjoni ġdida tal-implikazzjonijiet għaż-żoni.

31.

Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata tal-Kumitat għall-Appelli fil-Qasam tal-Ambjent u tal-Ikel ma hijiex intiża għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats, iżda tal-Artikolu 6(3). F’dan ir-rigward, għandu jingħad li din id-dispożizzjoni ma teżiġix evalwazzjoni ġdida tal-implikazzjonijiet jekk l-effetti ta’ attività ma ġewx eżaminati b’mod eżawrjenti fil-kuntest ta’ awtorizzazzjoni definittiva preċedenti u dawn l-effetti, akkumulati ma’ dawk ta’ pjanijiet u proġetti oħra, lanqas ma ttieħdu inkunsiderazzjoni.

2. It‑tiġdid tal‑awtorizzazzjoni fid‑dritt Daniż

32.

Madankollu, minn dan isegwi wkoll li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats ma jeżiġix evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet għaż-żona kkonċernata, fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni għaż-żona, meta t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni huwa meħtieġ mid-dritt nazzjonali u jekk l-effetti tal-proġett jibqgħu l-istess? Dan huwa s-suġġett tal-ewwel parti tal-ewwel domanda.

33.

Kif għadni kif spjegajt, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats ma jeżiġix fil-każ ta’ tkomplija mingħajr bidla ta’ attività u lanqas, għaldaqstant, awtorizzazzjoni ġdida għal din l-attività.

34.

Madankollu, meta Stat Membru jipprevedi fid-dritt nazzjonali tiegħu tiġdid tal-awtorizzazzjoni, din l-awtorizzazzjoni tista’ tinkludi kunsens tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fuq dan il-proġett, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats. Kunsens bħal dan jista’ jingħata mill-imsemmija awtoritajiet biss wara li jkunu aċċertaw ruħhom, fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet għaż-żona kkonċernata, li mhux ser ikun hemm effett ħażin fuq l-integrità taż-żona.

a) Awtorizzazzjoni ta’ proġett?

35.

Madankollu, kunsens fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats jippreżupponi li l-kunsens jirrigwarda proġett.

36.

Għalkemm id-Direttiva dwar il-Habitats ma tinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “proġett”, il-Qorti tal-Ġustizzja qabel kollox iddeċidiet li l-kunċett ta’ “proġett”, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva SEA, huwa rilevanti sabiex jiġi identifikat l-istess kunċett fis-sens tad-Direttiva dwar il-Habitats ( 15 ). Skont din id-dispożizzjoni, huma kkunsidrati bħala proġetti l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ installazjonijiet jew skemi oħra, kif ukoll interventi oħra fil-madwar u pajsaġġ naturali inklużi dawk li jinvolvu l-estrazzjoni ta’ riżorsi minerali.

37.

Sa fejn il-farm tal-ħut huwa intiż ikompli jopera mingħajr bidla, l-awtorizzazzjoni ma tikkonċernax l-eżekuzzjoni ta’ xogħol tal-installazzjoni. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li d-depożiti addizzjonali futuri tan-nitroġenu f’żoni protetti, marbuta mat-tkomplija tal-operat mingħajr bidla tal-farm tal-ħut jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu intervent ieħor fl-ambjent naturali fis-sens tad-definizzjoni ta’ proġett tad-Direttiva SEA ( 16 ).

38.

Issa, anki jekk jingħad li d-depożiti addizzjonali futuri tan-nitroġenu ma jitqisux bħala intervent fis-sens tad-Direttiva SEA, dan ma jeskludix li l-proġett jiġi rrikonoxxut fis-sens tad-Direttiva dwar il-Habitats, peress li l-kunċett ta’ proġett li jinsab fid-Direttiva SEA huwa iktar restrittiv mill-kunċett ta’ proġett li jinsab fid-Direttiva dwar il-Habitats ( 17 ). Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Habitats, huwa importanti qabelxejn li jiġi stabbilit jekk l-attività inkwistjoni tistax taffettwa b’mod sinjifikattiv żona protetta ( 18 ).

39.

Fil-każ ta’ attivitajiet li jwasslu għal depożiti addizzjonali ta’ nitroġenu f’habitats protetti, dan ma jistax jiġi eskluż mill-bidu ( 19 ), li inċidentalment huwa wkoll il-punt tat-tluq għad-deċiżjoni kkontestata tal-Kumitat għall-Appelli fil-Qasam tal-Ambjent u tal-Ikel.

40.

Madankollu, AquaPri tinvoka s-sentenza Stadt Papenburg, li skontha, jekk, fid-dawl, b’mod partikolari tar-rikorrenza tagħhom, tan-natura tagħhom jew tal-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tagħhom, ċerti attivitajiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu proċess uniku, dawn l-attivitajiet jistgħu jitqiesu li jifformaw l-istess proġett fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, li huwa eżenti minn proċedura ġdida ta’ evalwazzjoni skont din id-dispożizzjoni ( 20 ). Din il-ġurisprudenza tikkonċerna attivitajiet rikorrenti li ġew awtorizzati darba għal dejjem għall-futur skont id-dritt nazzjonali. Is-sentenza Stadt Papenburg kienet tirrigwarda awtorizzazzjoni sabiex isiru xogħlijiet regolari ta’ tħammil ta’ xmara sabiex il-bastimenti jkunu jistgħu jinnavigaw f’ċertu fond ( 21 ).

41.

Kif isostnu wkoll il-Kummissjoni u l-Kumitat għall-Appelli fil-Qasam tal-Ambjent u tal-Ikel, dan ma huwiex il-każ hawnhekk, peress li l-awtorizzazzjoni tas‑27 ta’ Ottubru 2006 ma kinitx approvat it-tkomplija għal żmien indeterminat tal-operat tal-farm tal-ħut. Għall-kuntrarju, fiha diġà ntweriet in-neċessità li tintalab awtorizzazzjoni ġdida.

b) L‑importanza tal‑awtorizzazzjoni prevista fl‑Artikolu 33 tal‑Liġi dwar il‑Protezzjoni tal‑Ambjent

42.

Ir-risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda tiddependi għalhekk mill-punt dwar jekk ir-rekwiżit imsemmi fid-deċiżjoni tas‑27 ta’ Ottubru 2006, li sa mhux iktar tard mill‑15 ta’ Marzu 2014 tiġi ppreżentata lill-awtorità ta’ superviżjoni applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għal attività ta’ tniġġis fis-sens tal-Artikolu 33 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent jammontax għal kunsens ġdid fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats. Tali kunsens ġdid fuq proġett ikun jeħtieġ evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet ( 22 ).

43.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat qabel kollox li, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, dan ir-rekwiżit ma kienx kundizzjoni imposta mill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-awtorizzazzjoni, iżda biss riferiment għal obbligu li jirriżulta direttament mil-leġiżlazzjoni Daniża ( 23 ).

44.

Il-kontenut ta’ din il-leġiżlazzjoni Daniża jista’ jiġi evalwat b’mod vinkolanti biss mill-qrati nazzjonali, peress li dan huwa kwistjoni ta’ dritt intern. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tipprovdi lill-qorti tar-rinviju indikazzjonijiet dwar il-karatteristiċi li għandu jkollu r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni ġdida sabiex jirrendi applikabbli l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats.

45.

Jekk l-awtorizzazzjoni mitluba tikkostitwixxi sempliċi formalità, kif issostni AquaPri, din ma hijiex kunsens fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats. Dan ikun il-każ, pereżempju, jekk l-awtorizzazzjoni kellha tingħata b’mod mandatorju abbażi tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti mogħtija fl‑1999 u fl‑2006.

46.

Għall-kuntrarju, meta l-awtorizzazzjoni ġdida prevista mid-dritt intern effettivament tiddeċiedi t-tkomplija tal-attività, hija tikkostitwixxi kunsens, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, li jippreżupponi evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet. Dan peress li, f’dan il-każ, l-awtorizzazzjoni l-ġdida tiddetermina jekk l-effetti tal-attività fuq iż-żona inkwistjoni humiex ser ikomplu jew jintemmu.

47.

Għalkemm huwa minnu li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludix indikazzjonijiet dwar il-funzjoni tal-awtorizzazzjoni li għandha tiġġedded skont l-Artikolu 33 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent, jibqa’ l-fatt li, skont il-Kumitat għall-Appelli fil-Qasam tal-Ambjent u tal-Ikel, din l-awtorizzazzjoni teħtieġ eżami eżawrjenti tal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni. Għalhekk jidher li din hija awtorizzazzjoni fis-sens tal-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva SEA, li għandha tkun ibbażata fuq teħid inkunsiderazzjoni b’mod komplet tal-effetti ambjentali tal-proġett ikkonċernat ( 24 ) meta l-proġett jirrikjedi tali evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent. Prima facie, din l-evalwazzjoni tkopri b’mod partikolari r-regoli Daniżi adottati għat-traspożizzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats ( 25 ).

48.

Għalhekk, jidher li l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 33 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent għandha titqies li tikkostitwixxi kunsens fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats u, għaldaqstant, tirrikjedi wkoll evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva.

c) Iċ‑ċertezza legali u l‑protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi

49.

La l-prinċipju ta’ ċertezza legali u lanqas il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jipprekludu l-kunsiderazzjonijiet preċedenti. Fil-fatt, għalkemm id-dritt nazzjonali jeżiġi awtorizzazzjoni ġdida għat-tkomplija tal-operat ta’ installazzjoni, id-detentur tal-awtorizzazzjoni eżistenti ma jistax speċifikament jistenna li din l-awtorizzazzjoni l-ġdida tirriproduċi mingħajr bidliet il-kontenut ta’ awtorizzazzjoni eżistenti.

50.

Stat Membru jista’, għaldaqstant, jeskludi l-aspettattiva leġittima li tinżamm awtorizzazzjoni billi jipprevedi b’mod espliċitu, kif jidher li huwa l-każ hawnhekk, eżami mill-ġdid ulterjuri sa mid-data tal-ewwel awtorizzazzjoni.

51.

Għandu jiġu nnotat ukoll li fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ tali regoli, id-drittijiet għal kumpens tad-detentur tal-awtorizzazzjoni eżaminata mill-ġdid, li AquaPri tistenna fil-każ li jiġi applikat l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats, ma jkunux, fi kwalunkwe każ, jistgħu jiġu bbażati fuq iċ-ċertezza legali u l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

d) Risposta għall‑ewwel parti tal‑ewwel domanda

52.

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda għandha tkun li awtorizzazzjoni ġdida prevista mid-dritt nazzjonali sabiex titkompla attività mingħajr bidla għandha titqies li tikkostitwixxi kunsens fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, u dan jimplika evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet meta din l-awtorizzazzjoni effettivament tiddeċiedi jekk l-attività titkompliex jew le.

B.   It‑tieni domanda – il‑pjan ta’ ġestjoni tal‑ilma 2015–2021 fil‑kuntest tal‑evalwazzjoni preliminari

53.

It-tieni domanda hija intiża sabiex jiġi ċċarat sa fejn ir-rekwiżiti tal-pjan Daniż ta’ ġestjoni tal-ilma għall-perijodu 2015–2021 dwar l-emissjonijiet ta’ nitroġenu awtorizzati li ġejjin minn farms tal-ħut huma rilevanti għall-evalwazzjoni preliminari tan-neċessità li ssir evalwazzjoni kompleta tal-implikazzjonijiet skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats.

54.

Sabiex nirrispondi għal din id-domanda, ser nassumi li, fid-dritt Daniż, dan il-pjan jista’ jkun rilevanti għal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali, minkejja li milli jidher dan il-pjan ġie adottat wara t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-farm tal-ħut fl‑2014.

55.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel ser neżamina l-kriterji li abbażi tagħhom għandha ssir l-evalwazzjoni preliminari msemmija hawn fuq, u mbagħad ir-rilevanza tal-awtorizzazzjoni maħruġa fl‑2006 u tal-pjan ta’ ġestjoni tal-ilma 2015‑2021 f’dan il-kuntest.

1. In‑neċessità ta’ evalwazzjoni tal‑implikazzjonijiet

56.

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, evalwazzjoni xierqa tal-implikazzjonijiet fuq żona speċjali ta’ konservazzjoni fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ din hija neċessarja meta pjan jew proġett, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħra, jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv din iż-żona speċjali ta’ konservazzjoni.

57.

Għaldaqstant, l-obbligu li ssir evalwazzjoni jqum meta jkun hemm probabbiltà jew riskju li pjan jew proġett jaffettwaw iż-żona kkonċernata b’mod sinjifikattiv ( 26 ). Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, li jikkostitwixxi wieħed mill-pedamenti tal-politika ta’ protezzjoni ta’ livell għoli segwita mill-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, konformement mal-Artikolu 191(2) TFUE, u li fid-dawl tiegħu għandha tiġi interpretata d-Direttiva dwar il-Habitats, tali riskju jeżisti meta ma jkunx jista’ jiġi eskluż, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li l-imsemmi pjan jew l-imsemmi proġett jaffettwaw iż-żona kkonċernata b’mod sinjifikattiv ( 27 ). L-evalwazzjoni ta’ dan ir-riskju għandha ssir, b’mod partikolari, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi taż-żona affettwata minn dan il-pjan jew il-proġett ( 28 ).

58.

Konsegwentement, jekk, wara din l-evalwazzjoni preliminari, ikun għad hemm dubji dwar l-assenza ta’ effetti sinjifikattivi, għandha ssir l-evalwazzjoni kompleta tal-implikazzjonijiet prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats ( 29 ).

2. L‑awtorizzazzjoni maħruġa fl‑2006

59.

Id-difetti fl-evalwazzjoni preliminari mwettqa b’rabta mal-awtorizzazzjoni maħruġa fl‑2006 juru l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju.

60.

Bħala prinċipju, din l-evalwazzjoni preliminari tat-tkomplija mingħajr bidla tal-attività tal-farm tal-ħut tista’ tikkostitwixxi ċirkustanza oġġettiva li teskludi kull effett ħażin ( 30 ). Dan peress li din l-evalwazzjoni preliminari kkonkludiet li l-farm tal-ħut ma kellu l-ebda effett sinjifikattiv fuq iż-żoni protetti.

61.

Għalkemm tali użu minn evalwazzjoni preċedenti huwa xieraq, madankollu dan jippreżupponi li l-elementi rilevanti fid-data tad-deċiżjoni sussegwenti kienu diġà s-suġġett ta’ evalwazzjoni eżawrjenti u korretta. Madankollu, jekk ikun jidher, fid-data tal-awtorizzazzjoni sussegwenti, li din l-evalwazzjoni preċedenti kien fiha lakuni, din ma tistax teskludi li l-imsemmi pjan jew l-imsemmi proġett jaffettwaw iż-żona kkonċernata b’mod sinjifikattiv.

62.

Fil-każ preżenti, l-ewwel domanda magħmula fit-talba għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq il-preżunzjoni li l-evalwazzjoni preliminari preċedenti mwettqa fl‑2006 ma koprietx l-attivitajiet kollha u l-effetti kumulattivi tal-farms tal-ħut kollha fis-settur, peress li l-awtoritajiet kompetenti kienu sempliċement evalwaw l-emissjonijiet addizzjonali ta’ nitroġenu u ta’ sustanzi oħra min-naħa tal-farm tal-ħut ikkonċernat. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, għandu jiġi stabbilit jekk il-proġett, flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħra, jistax jaffettwa b’mod sinjifikattiv żona protetta. Għaldaqstant, huma l-effetti kumulattivi tas-sorsi kollha tan-nitroġenu li jaffettwaw iż-żoni protetti kkonċernati li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

63.

Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ tiġdid ta’ awtorizzazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll sorsi ta’ nitroġenu li żdiedu fil-frattemp.

64.

Għalhekk, l-evalwazzjoni preliminari mwettqa fl‑2006 fiha nuqqasijiet u ma tistax teskludi li l-farm tal-ħut inkwistjoni, flimkien mas-sorsi l-oħra ta’ depożiti ta’ nitroġenu, jaffettwa b’mod sinjifikattiv iż-żoni kkonċernati.

3. Il‑pjan ta’ ġestjoni tal‑ilma 2015–2021

65.

Bl-istess mod, il-pjan ta’ ġestjoni tal-ilma għall-perijodu 2015–2021 jista’ effettivament jikkostitwixxi ċirkustanza oġġettiva li tirrendi superfluwa evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet distinta tal-effetti msemmija fil-pjan.

66.

Fil-fatt, huwa preċiżament f’dak li jirrigwarda d-depożiti ta’ nitroġenu li ġejjin minn sorsi differenti li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li evalwazzjoni globali mwettqa minn qabel tippermetti li jiġu eżaminati l-effetti kumulattivi possibbli fuq iż-żoni kkonċernati ( 31 ). Madankollu, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jagħmlu eżami fil-fond u komplet tas-solidità xjentifika tal-“evalwazzjoni xierqa”, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, li takkumpanja approċċ programmatiku u d-diversi modalitajiet ta’ implimentazzjoni tagħha ( 32 ).

67.

Fil-fatt, tali evalwazzjoni globali għandha teskludi wkoll li l-effetti tal-proġetti kkonċernati, li hija ssemmi, jaffettwaw b’mod sinjifikattiv iż-żona inkwistjoni, b’tali mod li ma jkunx hemm bżonn l-evalwazzjoni individwali ta’ dawn il-proġetti skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats ( 33 ).

68.

Dokument li, bħall-pjan ta’ ġestjoni tal-ilma għall-perijodu 2015–2021, jistabbilixxi l-emissjonijiet awtorizzati ta’ nitroġenu min-naħa tal-farms tal-ħut għandu għaldaqstant jiżgura, mill-perspettiva xjentifika, li d-depożiti ta’ nitroġenu fiż-żoni protetti li jirriżultaw minn dawn l-emissjonijiet, flimkien mad-depożiti ta’ nitroġenu mis-sorsi l-oħra kollha, ma jilħqux livell li jippreġudika l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dawn iż-żoni.

69.

F’dan ir-rigward, ma huwiex biżżejjed li jittieħdu inkunsiderazzjoni sorsi simili, bħal, f’dan il-każ, farms tal-ħut oħra. Pjuttost, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tniġġis ta’ kull żona protetta mis-sorsi kollha ta’ nitroġenu, inkluż, pereżempju, l-agrikoltura, l-ilma mormi u t-traffiku ( 34 ). Fil-fatt, min-natura stess, l-effett ħażin għat-tipi ta’ habitats min-nitroġenu jiddependi mit-tniġġis totali ( 35 ).

70.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-istabbiliment tal-emissjonijiet awtorizzati ta’ nitroġenu, l-effetti ta’ miżuri futuri ta’ tnaqqis tad-depożiti ta’ nitroġenu fiż-żoni protetti għadhom ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni ( 36 ).

71.

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-pjan ta’ ġestjoni tal-ilma għall-perijodu 2015–2021 ġie adottat fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats. Għalkemm dan huwa indizju li tali pjan jissodisfa r-rekwiżiti msemmija hawn fuq, il-qorti tar-rinviju għandha madankollu teżamina wkoll jekk din l-evalwazzjoni effettivament teskludix li ż-żoni ta’ protezzjoni jiġu affettwati b’mod ħażin mill-emissjonijiet awtorizzati ta’ nitroġenu.

72.

Barra minn hekk, iqumu dubji mill-fatt li l-kwantità ta’ emissjonijiet ta’ nitroġenu ammissibbli għandha tkun ibbażata fuq kompromess politiku u li ġiet stabbilita bil-għan li tippermetti t-tkomplija tal-attività tal-farms tal-ħut eżistenti ( 37 ). Dan joħloq l-impressjoni li din il-konstatazzjoni ma hijiex intiża sabiex tipprevjeni, fuq bażi xjentifika, effetti ħżiena sinjifikattivi għaż-żoni protetti.

73.

Madankollu, huma, fl-aħħar mill-aħħar, il-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw is-solidità xjentifika tal-pjan ta’ ġestjoni tal-ilma għall-perijodu 2015–2021.

74.

Skont din l-evalwazzjoni, il-pjan ta’ ġestjoni tal-ilma għall-perijodu 2015–2021 jista’ jeskludi kull dubju dwar il-fatt li l-emissjonijiet ta’ nitroġenu tal-farm tal-ħut inkwistjoni jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv iż-żoni protetti. F’dan il-każ, tal-inqas fir-rigward ta’ dawn l-emissjonijiet, ma jkunx neċessarju li ssir evalwazzjoni skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats.

75.

Jekk, madankollu, il-pjan ta’ ġestjoni tal-ilma għall-perijodu 2015–2021 ma jkunx tali li jneħħi dawn id-dubji, pereżempju minħabba difetti fil-bażijiet xjentifiċi tiegħu, dan jeskludi l-possibbiltà li ma ssirx evalwazzjoni individwali tal-proġetti koperti skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats.

76.

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-determinazzjoni, fi pjan ta’ ġestjoni tal-ilma, tal-portata tal-effetti awtorizzati fuq l-ambjent ta’ ċerti attivitajiet tista’ tkun rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni preliminari tan-neċessità ta’ evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet ta’ dawn l-attivitajiet skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, jekk din id-determinazzjoni teskludi kull dubju li l-effetti tal-attivitajiet ikkonċernati msemmija minn dan il-pjan jaffettwaw b’mod sinjifikattiv iż-żona inkwistjoni.

C.   It‑tielet domanda – il‑pjan ta’ ġestjoni tal‑ilma għall‑perijodu 2015–2021 u l‑pjan Natura 2000 fil‑kuntest tal‑evalwazzjoni tal‑implikazzjonijiet

77.

It-tielet domanda tikkonċerna t-teħid inkunsiderazzjoni tal-pjan ta’ ġestjoni tal-ilma għall-perijodu 2015–2021 kif ukoll tal-pjan Natura 2000 għaż-żona protetta kkonċernata, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet li ssir neċessarja jekk hija ma jkunx jista’ jiġi eskluż kull dubju dwar l-eżistenza ta’ ħsara sinjifikattiva għaż-żoni ta’ protezzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni preliminari.

78.

Tali evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet għandha tinkludi konstatazzjonijiet u konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, tali li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli dwar l-effetti tal-proġett li jista’ jaffettwa ż-żona ta’ protezzjoni kkonċernata ( 38 ).

79.

Kieku l-pjan ta’ ġestjoni tal-ilma għall-perijodu 2015–2021 kien jinkludi tali konstatazzjonijiet u konklużjonijiet, ikun probabbli ħafna, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet dwar it-tieni domanda, li ma tkunx meħtieġa evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet, tal-inqas f’dak li jirrigwarda l-eventwali effetti ħżiena kkawżati mid-depożiti ta’ nitroġenu.

80.

Għall-kuntrarju, jekk kellha ssir evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet minħabba li l-pjan ta’ ġestjoni tal-ilma għall-perijodu 2015–2021 ma jistax ineħħi kull dubju dwar id-depożiti ta’ nitroġenu, ikollha tiġi eżerċitata kawtela wkoll fit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-pjan fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet.

81.

Jekk l-emissjonijiet tan-nitroġenu minn sorsi oħra previsti mill-pjan ikunu affidabbli, dawn l-emissjonijiet jistgħu għall-inqas jiġu invokati sabiex jiġu ddeterminati l-effetti prodotti mill-farm tal-ħut eżaminat flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħra.

82.

Madankollu, il-fatt li dawn l-effetti kumulattivi ma jaffettwawx ħażin l-integrità taż-żona bħala tali jista’ jiġi dedott mill-pjan biss jekk dan il-pjan jinkludi konstatazzjonijiet u konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, tali li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti dannużi tal-emissjonijiet ta’ nitroġenu fuq iż-żoni protetti.

83.

Dan huwa konċepibbli biss jekk id-dubji li jibqgħu fil-kuntest tal-evalwazzjoni preliminari u li jiġġustifikaw in-neċessità ta’ evalwazzjoni kompleta tal-implikazzjonijiet ma jistgħux jitqiesu bħala dubji xjentifiċi raġonevoli, tal-inqas fid-dawl ta’ din l-evalwazzjoni kompleta.

84.

Barra minn hekk, il-pjan Natura 2000 għaż-żona protetta ma huwiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-effetti ħżiena fuq din iż-żona mid-depożiti tan-nitroġenu. Dan peress li dan il-pjan jiddikjara b’mod espliċitu li ma fih l-ebda rekwiżit dwar inizjattivi rigward il-kwalità tal-ilma, li hija ggarantita mill-pjan ta’ ġestjoni tal-ilma; huwa lanqas ma jistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi rigward tnaqqis fl-emissjonijiet tan-nitroġenu, li huwa wkoll irregolat f’liġi oħra.

85.

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li dokumenti bħall-pjan ta’ ġestjoni tal-ilma għall-perijodu 2015–2021 kif ukoll il-pjan Natura 2000 taż-żona protetta huma rilevanti għall-evalwazzjoni tal-effetti ta’ pjanijiet jew ta’ proġetti fuq żoni protetti, konformement mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, sa fejn dawn jinkludu konstatazzjonijiet u konklużjonijiet preċiżi u definittivi tali li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tal-proġett li jista’ jaffettwa ż-żona protetta kkonċernata.

V. Konklużjoni

86.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari kif ġej:

(1)

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa ma teżiġix evalwazzjoni ġdida tal-implikazzjonijiet jekk l-effetti ta’ attività ma ġewx eżaminati b’mod eżawrjenti fil-kuntest ta’ awtorizzazzjoni definittiva preċedenti u dawn l-effetti, akkumulati ma’ dawk ta’ pjanijiet u proġetti oħra, lanqas ma ttieħdu inkunsiderazzjoni.

Madankollu, awtorizzazzjoni ġdida prevista mid-dritt nazzjonali sabiex titkompla attività mingħajr bidla għandha titqies li tikkostitwixxi kunsens dwar din l-attività fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, u dan jimplika evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet meta din l-awtorizzazzjoni effettivament tiddeċiedi jekk l-attività titkompliex jew le.

(2)

Id-determinazzjoni, fi pjan ta’ ġestjoni tal-ilma, tal-portata tal-effetti awtorizzati fuq l-ambjent ta’ ċerti attivitajiet tista’ tkun rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni preliminari tan-neċessità ta’ evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet ta’ dawn l-attivitajiet skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, jekk din id-determinazzjoni teskludi kull dubju li l-effetti tal-attivitajiet ikkonċernati msemmija minn dan il-pjan jaffettwaw b’mod sinjifikattiv iż-żona inkwistjoni.

(3)

Dokumenti bħall-pjan ta’ ġestjoni tal-ilma għall-perijodu 2015‑2021 u 2l-pjan Natura 2000 taż-żona protetta huma rilevanti għall-evalwazzjoni tal-effetti ta’ pjanijiet jew ta’ proġetti fuq żoni protetti, konformement mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, sa fejn dawn jinkludu konstatazzjonijiet u konklużjonijiet preċiżi u definittivi tali li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tal-proġett li jista’ jaffettwa ż-żona protetta kkonċernata.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 li tadatta ċerti direttivi fil-qasam tal-ambjent, minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja (ĠU 2013, L 158, p. 193).

( 3 ) Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7), kif emendata bid-Direttiva 2013/17.

( 4 ) Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44), emendata l-aħħar bid-Direttiva 2014/52/UE (ĠU 2014, L 124, p. 1).

( 5 ) Il-punt 19 tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirreferi għall-Artikolu 70(2) u għall-punt I 205 tal-Anness 2 tal-Bekendtgørelse nr. 1458 af 12. december 2017 om godkendelse af listevirksomhed (godkendelsesbekendtgørelsen) (id-Digriet Nru 1458 tat‑12 ta’ Diċembru 2017 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ attivitajiet elenkati). Possibbilment dan l-obbligu kien oriġinarjament introdott mit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(3) tal-Bekendtgørelse om ændring af bekendtgørelse om godkendelse af listevirksomhed (BEK nr 143 af 01/03/2006).

( 6 ) Bekendtgørelse nr. 188 af 26. Februar 2016 om udpegning og administration af internationale naturbeskyttelsesområder (habitatbekendtgørelsen) (id-Digriet Nru 188 tas‑26 ta’ Frar 2016, dwar l-indikazzjoni u t-tmexxija ta’ żoni internazzjonali ta’ konservazzjoni tan-natura.

( 7 ) Dan huwa t-terminu li jinsab fil-premessa 10 tal-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tad-Direttiva dwar il-Habitats, kif ukoll fil-verżjonijiet lingwistiċi oriġinali tad-Direttiva dwar il-Habitats bil-lingwa Spanjola, Griega, Ingliża, Franċiża, Olandiża u Portugiża.

( 8 ) Sentenzi tal‑10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑98/03, EU:C:2006:3, punti 4451), tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 136), u tad‑9 ta’ Settembru 2020, Friends of the Irish Environment Limited (C‑254/19, EU:C:2020:680, punt 26).

( 9 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 34), tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 117), u tad‑9 ta’ Settembru 2020, Friends of the Irish Environment Limited (C‑254/19, EU:C:2020:680, punt 25).

( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2005, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑6/04, EU:C:2005:626, punt 58).

( 11 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment u Vereniging Leefmilieu (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punti 78 sa 83).

( 12 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 37), u tal‑14 ta’ Jannar 2010, Stadt Papenburg (C‑226/08, EU:C:2010:10, punt 49).

( 13 ) Sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen et (C‑399/14, EU:C:2016:10, punti 4142), tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment u Vereniging Leefmilieu (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punt 85), kif ukoll tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Deterjorament tal-ambjent naturali ta’ Doñana) (C‑559/19, EU:C:2021:512, punti 153155).

( 14 ) Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑504/14, EU:C:2016:847, punt 41) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Il‑Kummissjoni vs Il-Bulgarija (Kaliakra) (C‑141/14, EU:C:2015:528, punt 86), Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja (Kyparissia) (C‑504/14, EU:C:2016:105, punt 40)

( 15 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 26), tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment u Vereniging Leefmilieu (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punt 60), u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 122).

( 16 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment u Vereniging Leefmilieu (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punt 72).

( 17 ) Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment u Vereniging Leefmilieu (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punti 63 sa 66), kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2020, Friends of the Irish Environment Limited (C‑254/19, EU:C:2020:680, punt 29).

( 18 ) Sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment u Vereniging Leefmilieu (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punti 68 sa 70).

( 19 ) Bħala eżempju, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Coöperatie Mobilisation for the Environment u Vereniging Leefmilieu (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:622, b’mod partikolari l-punti 61 et seq. u 104 et seq.)

( 20 ) Sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 2010, Stadt Papenburg (C‑226/08, EU:C:2010:10, punti 4748), kif ukoll tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment u Vereniging Leefmilieu (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punti 78 sa 80).

( 21 ) Sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2010, Stadt Papenburg (C‑226/08, EU:C:2010:10, punti 11, 4748).

( 22 ) Ara f’dan is-sens is-sentenzi tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 130), u tad‑9 ta’ Settembru 2020, Friends of the Irish Environment Limited (C‑254/19, EU:C:2020:680, punti 3839). Ara wkoll is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 28).

( 23 ) Ara iktar ’il fuq, punt 5.

( 24 ) Sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Namur-Est Environnement (C‑463/20, EU:C:2022:121, punti 4858)

( 25 ) L-Artikoli 6(1) u (2) kif ukoll punt 6 tal-Artikolu 7(7) tad-Digriet dwar il-habitats fid-dritt Daniż.

( 26 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punti 4143), u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 119).

( 27 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 44), u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 134).

( 28 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 48), tal‑15 ta’ Mejju 2014, Briels et (C‑521/12, EU:C:2014:330, punt 20), u tat‑12 ta’ April 2018, People Over Wind u Sweetman (C‑323/17, EU:C:2018:244, punt 34)

( 29 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 44), tas‑26 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑538/09, EU:C:2011:349, punt 41), u tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment u Vereniging Leefmilieu (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punt 114).

( 30 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2020, Friends of the Irish Environment Limited (C‑254/19, EU:C:2020:680, punt 54).

( 31 ) Sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment u Vereniging Leefmilieu (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punt 96).

( 32 ) Sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment u Vereniging Leefmilieu (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punt 101).

( 33 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punt 57.

( 34 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda Coöperatie Mobilisation for the Environment u Vereniging Leefmilieu (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:622, punti 49 et seq).

( 35 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Coöperatie Mobilisation for the Environment u Vereniging Leefmilieu (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:622, punt 41).

( 36 ) Sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment UA et (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punti 126 sa 130).

( 37 ) Punt 12 tat-talba għal deċiżjoni preliminari, kif ukoll p. 5 u 74 tal-pjan ta’ ġestjoni tal-ilma.

( 38 ) Sentenzi tal‑11 ta’ April 2013, Sweetman et (C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 44), tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 114), u tad‑9 ta’ Settembru 2020, Friends of the Irish Environment Limited (C‑254/19, EU:C:2020:680, punt 55).

Top