Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0228

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati l-20 ta’ April 2023.
    Ministero dell’Interno, Dipartimento per le Libertà civili e l'Immigrazione – Unità Dublino et vs CZA et.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Corte suprema di cassazione, Tribunale ordinario di Roma, Tribunale Ordinario di Firenze, Tribunale di Milano u Tribunale di Trieste.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Artikoli 3 sa 5, 17 u 27 – Regolament (UE) Nru 603/2013 – Artikolu 29 – Regolament (KE) Nru 1560/2003 – Anness X – Dritt għall-informazzjoni tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali – Fuljett komuni – Intervista personali – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali preċedentement ippreżentata fl-ewwel Stat Membru – Talba ġdida ppreżentata fit-tieni Stat Membru – Residenza irregolari fit-tieni Stat Membru – Proċedura ta’ teħid lura – Ksur tad-dritt għall-informazzjoni – Assenza ta’ intervista personali – Protezzjoni kontra r-riskju ta’ refoulement indirett – Fiduċja reċiproka – Stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni ta’ trasferiment – Portata – Konstatazzjoni tal-eżistenza, fl-Istat Membru rikjest, ta’ nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza ta’ applikanti ta’ protezzjoni internazzjonali – Klawżoli diskrezzjonarji – Riskju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement fl-Istat Membru rikjest.
    Kawżi magħquda C-228/21, C-254/21, C-297/21, C-315/21 u C-328/21.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:316

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

    KOKOTT

    ippreżentati fl‑20 ta’ April 2023 ( 1 )

    Kawżi magħquda C‑228/21, C‑254/21, C‑297/21, C‑315/21 u C‑328/21

    Ministero dell’Interno – Dipartimento per le libertà civili e l’immigrazione – Unità Dublino

    vs

    CZA

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja))

    u

    DG

    vs

    Ministero dell’Interno – Dipartimento per le libertà civili e l’immigrazione – Unità Dublino

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma, l-Italja))

    u

    XXX.XX

    vs

    Ministero dell’Interno – Dipartimento per le libertà civili e l’immigrazione – Unità Dublino

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Firenze (il-Qorti Distrettwali ta’ Firenze, l-Italja)

    u

    PP

    vs

    Ministero dell’Interno – Dipartimento per le Libertà civili e l’Immigrazione – Unità Dublino

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano, l-Italja))

    u

    GE

    vs

    Ministero dell’Interno – Dipartimento per le libertà civili e l’immigrazione – Unità Dublino

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Trieste (il-Qorti Distrettwali ta’ Trieste, l-Italja))

    “Rinviji għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-protezzjoni sussidjarja – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Proċedura ta’ teħid lura – Ksur tal-obbligi tal-provvista tal-fuljett informattiv b’mod konformi mal-Artikolu 4 u li ssir intervista personali b’mod konformi mal-Artikolu 5 – Regolament (UE) Nru 603/2013 – Ksur tal-obbligu ta’ informazzjoni b’mod konformi mal-Artikolu 29 – Konsegwenzi tad-deċiżjoni ta’ trasferiment – Riskju ta’ refoulement indirett – Fiduċja reċiproka – Stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni ta’ trasferiment”

    Werrej

     

    I. Introduzzjoni

     

    II. Il‑kuntest ġuridiku

     

    A. Dritt tal‑Unjoni

     

    1. Ir‑Regolament Dublin III

     

    2. Ir‑Regolament Eurodac

     

    3. Id‑Direttiva dwar Standards għall‑Kwalifika

     

    4. Id‑Direttiva dwar il‑Proċeduri tal‑Ażil

     

    5. Ir-Regolament Nru 1560/2003

     

    B. Il‑leġiżlazzjoni Taljana

     

    III. Il‑fatti u t‑talba għal deċiżjoni preliminari

     

    A. Kawża C‑228/21

     

    B. Kawża C‑254/21

     

    C. Kawża C‑297/21

     

    D. Kawża C‑315/21

     

    E. Kawża C‑328/21

     

    IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

     

    V. Evalwazzjoni

     

    A. Fuq il‑fuljett komuni u l‑intervista personali

     

    1. Fuq l‑obbligu ta’ informazzjoni previst fl‑Artikolu 4 tar‑Regolament Dublin III

     

    a) Proċeduri ta’ teħid ta’ inkarigu u ta’ teħid lura fis‑sistema ta’ Dublin

     

    b) Obbligu ta’ informazzjoni skont l‑Artikolu 4 tar‑Regolament Dublin III, inkluż fil‑kuntest ta’ proċedura ta’ teħid lura

     

    1) Il‑formulazzjoni u l‑istruttura tal‑Artikolu 4 tar‑Regolament Dublin III

     

    2) It‑tifsira u l‑għan tal‑Artikolu 4 tar‑Regolament Dublin III

     

    i) Rilevanza tal‑informazzjoni inkluża fil‑fuljett komuni għall‑applikanti fil‑kuntest tal‑proċedura ta’ teħid lura

     

    – Kriterji ta’ responsabbiltà li għad iridu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll fil‑kuntest tal‑proċedura ta’ teħid lura

     

    – Informazzjoni ġenerali dwar is‑sistema ta’ Dublin

     

    ii) Aspetti prattiċi

     

    3) Obbligu ta’ informazzjoni anki fl‑assenza ta’ talba ġdida fit‑tieni Stat Membru?

     

    4) Konklużjoni intermedja

     

    c) Konsegwenzi ta’ ksur tal‑obbligu ta’ informazzjoni previst fl‑Artikolu 4 tar‑Regolament Dublin III fil‑kuntest tal‑proċedura ta’ teħid lura

     

    1) Ammissibbiltà tal‑Artikolu 4 tar‑Regolament Dublin III fil‑kuntest ta’ appell minn deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil‑kuntest ta’ proċedura ta’ teħid lura

     

    2) Konsegwenzi tal‑ksur tal‑Artikolu 4 tar‑Regolament Dublin III fuq id‑deċiżjoni ta’ trasferiment

     

    3) Konklużjoni intermedja

     

    2. Fuq l‑obbligu ta’ informazzjoni previst fl‑Artikolu 29 tar‑Regolament Eurodac

     

    a) Obbligu ta’ informazzjoni previst fl‑Artikolu 29 tar‑Regolament Eurodac, inkluż fil‑kuntest tal‑proċedura ta’ teħid lura

     

    b) Ammissibbiltà u konsegwenzi ta’ ksur tal‑obbligu ta’ informazzjoni previst fl‑Artikolu 29 tar‑Regolament Eurodac fil‑kuntest tal‑proċedura ta’ teħid lura

     

    c) Konklużjoni intermedja

     

    3. Fuq l‑intervista personali prevista fl‑Artikolu 5 tar-Regolament Dublin III

     

    a) Obbligu li ssir l‑intervista personali skont l‑Artikolu 5 tar‑Regolament Dublin III anki fil‑kuntest tal‑proċedura ta’ teħid lura

     

    b) Konsegwenzi ta’ ksur tal‑obbligu ta’ intervista personali previst fl‑Artikolu 5 tar‑Regolament Dublin III fil‑kuntest tal‑proċedura ta’ teħid lura

     

    1) Ammissibbiltà tal‑Artikolu 5 tar‑Regolament Dublin III fil‑kuntest ta’ appell minn deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil‑kuntest ta’ proċedura ta’ teħid lura

     

    2) Konsegwenzi tal‑ksur tal‑Artikolu 5 tar‑Regolament Dublin III fuq id‑deċiżjoni ta’ trasferiment

     

    i) Possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni matul il‑proċedura ġudizzjarja u l‑konsegwenzi tal‑preżentazzjoni ta’ elementi ġodda rilevanti

     

    ii) Natura definittiva tad‑deċiżjoni ta’ trasferiment fil‑każ ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni

     

    c) Konklużjoni intermedja

     

    B. Fuq ir‑refoulement indirett

     

    1. Fuq il‑preżunzjoni tar‑rispett tad‑drittijiet fundamentali mill‑Istati Membri kollha u l‑kundizzjonijiet tal‑konfutazzjoni tagħhom

     

    2. Fuq il‑klawżola diskrezzjonali li tinsab fl‑Artikolu 17(1) tar‑Regolament Dublin III

     

    3. Konklużjoni intermedja

     

    VI. Konklużjoni

    I. Introduzzjoni

    1.

    Is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil hija bbażata fuq il-prinċipju li applikazzjoni għall-ażil ippreżentata fl-Unjoni Ewropea minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida għandha tiġi eżaminata minn Stat Membru wieħed biss. Kif għandu jiġi ddeterminat dak l-Istat Membru għandu jiġi rregolat mir-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”) ( 2 ).

    2.

    Sabiex jiġu evitati movimenti sekondarji u riżultati diverġenti, dan ir-regolament huwa intiż li jevita mhux biss l-eżami tal-mertu ta’ applikazzjoni għall-ażil stess, iżda wkoll il-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għal dan l-eżami (konformement mal-Artikolu 1 tar-Regolament Dublin III u iktar ’il quddiem l-“Istat Membru responsabbli”), għandhom jitwettqu minn Stat Membru wieħed biss.

    3.

    Ir-Regolament Dublin III joriġina mill-aspirazzjoni li l-applikanti għall-ażil jiġu involuti f’din il-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli ( 3 ). Għal dan il-għan, huma għandhom jiġu informati permezz ta’ fuljett komuni maħruġ mill-Kummissjoni dwar is-Sistema ta’ Dublin, il-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli kif ukoll il-kriterji ta’ responsabbiltà. Dan il-fuljett huwa intiż b’mod partikolari sabiex jippermettilhom jikkomunikaw, matul il-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, l-informazzjoni rilevanti għall-finijiet ta’ din id-determinazzjoni.

    4.

    Issa madankollu, x’jiġri fil-proċedura ta’ teħid lura, jiġifieri meta applikant għall-ażil, wara li jkun ippreżenta applikazzjoni għall-ażil fl-ewwel Stat Membru, ikun telaq minn dan l-Istat Membru u jkun ippreżenta applikazzjoni għall-ażil ġdida fit-tieni Stat Membru jew ikun jirrisjedi hemmhekk, f’liema każ it-tieni Stat Membru jitlob lill-ewwel Stat Membru jieħu lura lill-persuna kkonċernata? Il-fuljett komuni għandu jinħareġ ukoll mit-tieni Stat Membru, minkejja li d-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli taqa’ biss fuq l-ewwel Stat Membru jew, jekk ikun il-każ, hemmhekk fejn ikun diġà nħareġ? U jekk l-obbligu li jiġi pprovdut il-fuljett japplika wkoll fil-kuntest ta’ proċedura ta’ teħid lura, liema huma l-konsegwenzi tal-ksur tiegħu fir-rigward tal-legalità tad-deċiżjoni tat-tieni Stat Membru li jittrasferixxi lill-persuna kkonċernata lejn l-ewwel?

    5.

    Dawn id-domandi, li jingħataw risposti differenti minn qrati Taljani differenti, jifformaw l-ewwel sett ta’ domandi fi tlieta mill-ħames talbiet għal deċiżjoni preliminari preżenti ( 4 ).

    6.

    It-tieni sett ta’ domandi mqajma minn waħda minn dawn it-tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari kif ukoll miż-żewġ talbiet l-oħra ( 5 ) jikkonċerna l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u, għaldaqstant, il-qalba tas-sistema ta’ Dublin. Il-kwistjoni hija dwar jekk, fil-kuntest tal-istħarriġ ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment, il-qrati tal-Istat Membru rikjedenti jistgħux jeżaminaw l-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement (principe de non-refoulement) fl-Istat Membru rikjest, meta jeżistu nuqqasijiet sistemiċi f’dan l-Istat Membru li jiġġustifikaw dubji dwar il-legalità tas-sistema tal-ażil u ġudizzjarja.

    II. Il‑kuntest ġuridiku

    A. Id-dritt tal‑Unjoni

    1.   Ir‑Regolament Dublin III

    7.

    Ir-Regolament Dublin III ( 6 ) jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema huwa l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida.

    8.

    Il-premessi 3 sa 5, 14 sa 19 u 32 tar-Regolament Dublin III huma fformulati kif ġej:

    “(3)

    Il-Kunsill Ewropew […] qabel li jaħdem biex jistabbilixxi [Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (SEKA)] ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-Istatus ta’ Refuġjati tat‑28 ta’ Lulju 1951, kif issupplimentata bil-Protokoll ta’ New York tal‑31 ta’ Jannar 1967 […], biex hekk ikun żgurat li ħadd ma jintbagħat lura għal persekuzzjoni, jiġifieri, li jinżamm il-prinċipju ta’ non-refoulement. F’dan ir-rigward, u mingħajr ma jintlaqtu l-kriterji ta’ responsabbiltà preskritti f’dan ir-Regolament, Stati Membri, li kollha jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement, jitqiesu bħala pajjiżi siguri għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

    (4)

    Il-konklużjonijiet ta’ Tampere ddikjaraw ukoll li s-SEKA għandha tinkludi, fit-terminu qasir, metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil.

    (5)

    Metodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. B’mod partikolari, dan il-metodu għandu jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.

    […]

    (14)

    F’konformità mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u l-Libertajiet Fundamentali u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ir-rispett lejn il-ħajja tal-familja għandha tkun konsiderazzjoni prinċipali tal-Istati Membru fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    (15)

    L-ipproċessar flimkien tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali tal-membri ta’ familja waħda minn Stat Membru wieħed jagħmel possibbli li jkun żgurat li l-applikazzjonijiet ikunu eżaminati b’mod komplet, li d-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward tagħhom ikunu konsistenti u li l-membri tal-istess familja ma jkunux separati.

    (16)

    Sabiex ikun żgurat ir-rispett sħiħ tal-prinċipju tal-unità tal-familja u għall-aħjar interess tat-tifel/tifla, l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bejn applikant u t-tifel/tifla, aħwa jew ġenitur tiegħu/tagħha minħabba tqala jew maternità, l-istat tas-saħħa jew ix-xjuħija tal-applikant, għandha ssir kriterju ta’ responsabbiltà li jorbot. Meta l-applikant huwa minorenni mhux akkompanjat, il-preżenza ta’ membru tal-familja jew qarib f’territorju ta’ Stat Membru ieħor li jista’ jieħu ħsiebu jew ħsiebha għandha wkoll issir kriterju ta’ responsabbiltà li jorbot.

    (17)

    Kull Stat Membru għandu jkun jista’ jidderoga mill-kriterji ta’ responsabbiltà, b’mod partikolari fuq bażijiet umanitarji u ta’ kompassjoni sabiex jingħaqdu flimkien membri ta’ familja, qraba jew relazzjonijiet familjari oħra u jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu jew fi Stat Membru ieħor, ukoll jekk dan l-eżami mhux ir-responsabbiltà tiegħu skont il-kriterji li jorbtu stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    (18)

    Għandha tkun organizzata intervista personali mal-applikant sabiex tkun iffaċilitata d-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li għandu jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Hekk kif tiġi ddepożitata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-applikant għandu jiġi informat, dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u dwar il-possibilità, waqt l-intervista li jipprovdi informazzjoni dwar il-preżenza ta’ membri tal-familja, qraba jew relazzjonijiet familjari oħrajn fl-Istati Membri sabiex jiġi faċilitat il-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli.

    (19)

    Sabiex tkun garantita il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-individwi kkonċernati„ għandhom ikun stabbiliti salvagwardji legali u d-dritt għal rimedju effettiv fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar it-trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli, f’konformità, b’mod partikolari mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Sabiex jiġi żgurat li jiġi rispettat id-dritt internazzjonali, rimedju effettiv kontra tali deċiżjonijiet għandu jkopri kemm l-analiżi tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif ukoll l-eżami tas-sitwazzjoni legali u fattwali fl-Istat Membru li għalih jiġi ttrasferit l-applikant.

    […]

    (32)

    Fir-rigward tat-trattament ta’ persuni li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, Stati Membri huma marbuta bl-obbligi tagħhom taħt strumenti tad-dritt internazzjonali, inkluża l-każistika rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.”

    9.

    L-Artikolu 1 tar-Regolament Dublin III jispjega l-għan tiegħu:

    “Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (‘l-Istat Membru Responsabbli’).”

    10.

    L-Artikolu 2 tar-Regolament Dublin III jinkludi d-“Definizzjonijiet” u l-punt b tiegħu jiddefinixxi “applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali” bħala “applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kif definit fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2011/95/UE”.

    11.

    L-Artikolu 3 tar-Regolament Dublin III, intitolat “L-aċċess għall-proċedura tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”, huwa fformulat kif ġej:

    “(1)   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.

    (2)   Fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.

    Fejn huwa impossibbli li applikant jiġi trasferit għall-Istat Membru primarjament nominat bħala responsabbli għax ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nominat bħala responsabbli.

    Fejn it-trasferiment ma jistax isir skont dan il-paragrafu għal kwalunkwe Stat Membru nominat abbażi tal-kriterji stipulati fil-Kapitolu III jew għall-ewwel Stat Membru li miegħu tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni, l-Istat Membru determinanti għandu jsir l-Istat Membru responsabbli.

    (3)   Kull Stat Membru għandu jżomm id-dritt, li jibgħat applikant lejn pajjiż terz sikur, soġġett għar-regoli u s-salvagwardji stabbiliti mid-Direttiva 2013/32/UE.”

    12.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III, intitolat “Id-dritt għall-informazzjoni”, jipprovdi:

    “(1)   Malli applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata fis-sens tal-Artikolu 20(2) fi Stat Membru, l-awtoritajiet kompetenti tiegħu għandhom jinfurmaw lill-applikant dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u b’ mod partikulari li:

    (a)

    l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament u l-konsegwenzi jekk issir applikazzjoni oħra fi Stat Membru differenti kif ukoll il-konsegwenzi jekk ikun hemm ċaqliq minn Stat Membru għal ieħor matul il-fażijiet li fihom l-Istat Membru responsabbli skont dan ir-Regolament ikun qed jiġi determinat u l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun qed tiġi eżaminata;

    (b)

    il-kriterji sabiex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli„ il-ġerarkija ta’ tali kriterji fil-passi differenti tal-proċedura u t-tul tagħhom, inkluż il-fatt li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ddepożitata fi Stat Membru wieħed tista’ tirriżulta, li dak l-Istat Membru jsir responsabbli skont dan ir-Regolament anki jekk tali responsabbilità ma tkunx abbażi ta’ dawk il-kriterji;

    (c)

    l-intervista personali skont l-Artikolu 5 u l-possibbiltà li tiġi ppreżentata informazzjoni dwar il-preżenza ta’ membri tal-familja, qraba jew relazzjonijiet familjari oħra fl-Istati Membri, inklużi l-mezzi li bihom l-applikant jista’ jippreżenta tali informazzjoni;

    (d)

    il-possibbiltà li tiġi kontestata deċiżjoni ta’ trasferiment u, fejn applikabbli, li ssir applikazzjoni għas-sospensjoni tat-trasferiment;

    (e)

    il-fatt li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jagħmlu skambju ta’ data dwaru jew dwarha għar-raġuni biss tal-implimentazzjoni tal-obbligi tagħhom li jiġu minn dan ir-Regolament;

    (f)

    id-dritt għall-aċċess għad-data dwaru jew dwarha, u d-dritt li titlob li tali data tiġi korretta jekk ma tkunx eżatta jew tiġi mħassrajekk ma tkunx ipproċessata skont il-liġi, kif ukoll il-proċeduri għall-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet, inklużi d-dettalji tal-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 35 u tal-awtoritajiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data responsabbli sabiex jisimgħu pretensjonijiet rigward il-protezzjoni tad-data personali.

    (2)   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ipprovduta bil-miktub f’lingwa li l-applikant jifhem jew jista’ jkun raġonevolment preżunt li jifhem, l-Istati Membri għandhom jużaw fuljett komuni mfassal skont il-paragrafu 3 għal dik ir-raġuni.

    Fejn ikun neċessarju biex l-applikant ikun jista’ jifhem sew, l-informazzjoni għandha tkun mogħtija oralment ukoll, pereżempju b’rabta mal-intervista personali kif imsemmija fl-Artikolu 5.

    (3)   Il-Kumissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tfassal fuljett komuni, kif ukoll fuljett speċifiku għall-minorenni mhux akkumpanjati, li jkun fih tal-inqas l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dan il-fuljett komuni għandu jinkludi wkoll informazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 u, b’mod partikolari, għall-fini li għaliha d-data tal-applikant ikkonċernat tista’ tiġi pproċessata fil-Eurodac. Il-fuljett komuni għandu jiġi stabbilit b’tali mod li jippermetti lill-Istati Membri jimlewh b’informazzjoni addizzjonali speċifika għall-Istat Membru. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 44(2) ta’ dan ir-Regolament.”

    13.

    L-Artikolu 5 tar-Regolament Dublin III jipprevedi li l-Istat Membru determinanti għandu jagħmel intervista personali mal-applikant sabiex jiffaċilita l-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli u jirregola l-modalitajiet ta’ din l-intervista. Il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni huwa fformulat kif ġej:

    “(1)   Biex jiffaċilita l-proċess biex jiddetermina l-Istat Membru responsabbli, l-Istat Membru determinanti għandu jagħmel intervista personali mal-applikant. L-intervista għandha tippermetti wkoll li tinftiehem tajjeb l-informazzjoni mogħtija lill-applikant skont l-Artikolu 4.”

    14.

    L-Artikolu 7 tar-Regolament Dublin III, li jinsab fil-Kapitolu III tiegħu, intitolat “Kriterji biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli”, huwa intitolat “Ġerarkija ta’ kriterji” u l-paragrafi 1 u 3 tiegħu huma fformulati kif ġej:

    “(1)   Il-kriterji li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli għandhom ikunu applikati fl-ordni li fiha huma ddikjarati f’dan il-Kapitolu.

    […]

    (3)   Fid-dawl tal-applikazzjoni tal-kriterji msemmijin fl-Artikolu 8, 10 u 16, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw kull evidenza disponibbli rigward il-preżenza, fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ membri tal-familja, qraba jew relazzjonijiet familjari oħra tal-applikant, bil-kundizzjoni li tali evidenza tiġi ppreżentata qabel ma Stat Membru ieħor jaċċetta t-talba biex jassumi r-responsabbiltà għall-persuna kkonċernata jew biex jeħodha lura, skont l-Artikoli 22 u 25 rispettivament, u li l-applikazzjonijiet preċedenti għall-protezzjoni internazzjonali tal-applikant ikunu għadhom ma kienux is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-ewwel dwar is-sustanza.”

    15.

    L-Artikoli 8 sa 10 kif ukoll 16 tar-Regolament Dublin III jirregolaw id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli fis-sitwazzjonijiet li jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-minuri jew il-persuni dipendenti li fihom membri tal-familja ta’ applikanti jkunu diġà jinsabu fi Stat Membru.

    16.

    L-Artikolu 17 tar-Regolament Dublin III huwa intitolat “Klawsoli diskrezzjonali” u l-ewwel subparagrafu tal-ewwel paragrafu 1 tiegħu jipprevedi:

    “(1)   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 3(1), kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk it-tali eżami ma jaqax taħt ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament.”

    17.

    L-Artikolu 18 tar-Regolament Dublin III huwa intitolat “Obbligi tal-Istat Membru responsabbli” u jipprevedi dan li ġej:

    “(1)   L-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat:

    (a)

    jieħu inkarigu, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikoli 21, 22 u 29, ta’ applikant li jkun iddepożita applikazzjoni fi Stat Membru differenti;

    (b)

    jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, applikant li l-applikazzjoni tiegħu tkun taħt eżami u li għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr document ta’ residenza;

    (c)

    jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jkun irtira l-applikazzjoni taħt eżami u jkun għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza;

    (d)

    jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li l-applikazzjoni tiegħu kienet rifjutata u li għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza.

    (2)   Fil-każijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-paragrafu 1(a) u (b), l-Istat Membru responsabbli għandu jeżamina jew jikkompleta l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali magħmula mill-applikant.

    […]

    Fil-każijiet li jaqgħu taħt l-ambitu tal-paragrafu 1(d), fejn l-applikazzjoni ġiet irrifjutata biss fl-ewwel istanza, l-Istat Membru responsabbli għandu jiżgura li l-persuna kkonċernata għandha jew kellha l-opportunità li tfittex rimedju effettiv, skont l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32/UE.”

    18.

    L-Artikolu 19 tar-Regolament Dublin III huwa intitolat “Tmiem tar-responsabbilitajiet” u jipprovdi kif ġej:

    “(1)   Fejn Stat Membru joħroġ dokument ta’ residenza lill-applikant, l-obbligi speċifikati fl-Artikolu 18(1), għandhom ikunu ttrasferiti lil dak l-Istat Membru.

    (2)   L-obbligi speċifikati fl-Artikolu 18(1) għandhom jieqfu fejn l-Istat Membru responsabbli jista’ jistabbilixxi, fejn mitlub li jieħu ħsieb jew jieħu applikant jew persuna oħra lura kif imsemmi fl-Artikolu 18(1)(c) jew (d), li l-persuna kkonċernata tkun ħalliet it-territorju tal-Istati Membri għall-inqas għal tliet xhur, sakemm il-persuna kkonċernata ma tkunx fil-pussess ta’ dokument ta’ residenza validu maħruġ mill-Istat Membru responsabbli.

    Applikazzjoni ddepożitata wara l-perijodu ta’ assenza msemmi fl-ewwel subparagrafu għandha titqies bħala applikazzjoni ġdida li twassal għal proċedura ġdida biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli.

    (3)   L-obbligi speċifikati fl-Artikolu 18 (1)(c) u (d), għandhom jieqfu fejn l-Istat Membru responsabbli jista’ jistabbilixxi, meta mitlub li jieħu lura applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18 (1)(c) jew (d), li l-persuna kkonċernata ħalliet it-territorju tal-Istati Membri f’konformità ma’ deċiżjoni ta’ ritorn jew ordni ta’ tkeċċija li kien ħareġ wara l-irtirar jew ir-rifjut tal-applikazzjoni.

    Applikazzjoni ddepożitata wara li sseħħ tkeċċija effettiva għandha titqies bħala applikazzjoni ġdida u twassal għal proċedura ġdida għad-determinazzjoni tal-Istat Membur responsabbli.”

    19.

    Il-Kapitolu VI tar-Regolament Dublin III, intitolat “Il-proċedura ta’ teħid ta’ inkarigu u ta’ teħid lura”, jirregola l-ftuħ tal-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli (Taqsima I), il-proċedura ta’ teħid ta’ inkarigu meta Stat Membru li lilu tkun ġiet iddepożitata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, iqis li Stat Membru ieħor huwa responsabbli għall-eżami ta’ din l-applikazzjoni (Taqsima II), kif ukoll il-proċedura ta’ teħid lura fil-każ li Stat Membru li fih persuna li qabel kienet diġà ppreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor tiddepożita applikazzjoni ġdida jew tirrisjedi fih mingħajr dokument ta’ residenza, titlob lill-Istat Membru l-ieħor jieħu lura l-persuna kkonċernata (Taqsima III).

    20.

    L-Artikolu 20 tar-Regolament Dublin III huwa intitolat “Il-bidu tal-proċedura”, li jinsab fit-Taqsima I tal-Kapitolu VI bl-istess isem u l-paragrafi 1, 2 u s-subparagrafu 1 tal-paragrafu 5 tiegħu jipprevedu:

    “(1)   Il-proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli għandu jibda hekk kif applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata għall-ewwel darba għand Stat Membru.

    (2)   Applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha titqies li kienet iddepożitata meta formola sottomessa mill-applikant jew rapport ippreparat mill-awtoritajiet ikun wasal għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. Fejn applikazzjoni ma ssirx bil-miktub, iż-żmien li jgħaddi bejn id-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni u l-preparazzjoni ta’ rapport għandu jkun kemm jista’ jkun qasir.

    […]

    (5)   Applikant li jkun preżenti fi Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza jew li hemm iddepożita applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali wara li jirtira l-ewwel applikazzjoni tiegħu magħmula fi Stat Membru ieħor matul il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli għandu jittieħed lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, mill-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet l-ewwel iddepożitata, bil-ħsieb li jtemm il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli.”

    21.

    L-Artikolu 21 tar-Regolament Dublin III, li jagħmel parti mit-Taqsima II, intitolata “Il-proċeduri għat-talbiet biex jittieħed inkarigu”, tal-Kapitolu VI tiegħu, huwa intitolat “Preżentazzjoni ta’ talba biex jittieħed inkarigu” u jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “(1)   Fejn Stat Membru li għandu kienet iddepożitata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membru ieħor huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni, jista’, kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata fit-tifsira tal-Artikolu 20(2), jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu inkarigu tal-applikant.

    Minkejja l-ewwel subparagrafu, f’każ ta’ ‘hit’ mill-Eurodac b’data rreġistrata skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 603/2013, it-talba għandha tintbagħat fi żmien xagħrejn minn meta tiġi riċevuta l-‘hit’ skont l-Artikolu 15(2) ta’ dak ir-Regolament.

    Fejn it-talba biex jittieħed inkarigu ta’ applikant ma ssirx fi żmien il-perijodi stabbiliti fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi, ir-responsibilità biex tkun eżaminata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha tkun tal-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni kienet iddepożitata.”

    22.

    L-Artikoli 23 tar-Regolament Dublin III, intitolat “Preżentazzjoni ta’ talba biex jittieħed lura meta tiġi ddepożitata applikazzjoni ġdida fl-Istat Membru rikjedenti”, l-Artikolu 24 intitolat “Preżentazzjoni ta’ talba għat-teħid lura meta ma tkunx ġiet iddepożitata ebda applikazzjoni ġdida fl-Istat Membru rikjedenti” u l-Artikolu 25 “Tweġiba għal talba biex jittieħed lura” tar-Regolament Dublin III jinsabu fit-Taqsima III, intitolata “Il-proċeduri għat-talbiet biex jittieħed lura”, tal-Kapitolu VI u jipprovdu b’mod partikolari:

    “Artikolu 23

    (1) Meta Stat Membru fejn persuna kif imsemmi ja fl-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d) iddepożitat applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membu ieħor huwa responsabbli skont l-Artikolu 20(5) u l-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d), dan jista’ jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu lura dik il-persuna.

    […]

    (3) Meta t-talba biex tittieħed lura persuna ma ssirx fil-perijodi stipulati fil-paragrafu 2, ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali suċċessiva għandha tkun tal-Istat Membru li fih tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni l-ġdida.

    Artikolu 24

    (1) Meta Stat Membru li fuq it-territorju tiegħu persuna msemmija fl-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d), tkun preżenti mingħajr dokument ta’ residenza u li quddiemu ma tkunx ġiet iddepożitata applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali, iqis li Stat Membru ieħor huwa responsabbli skont l-Artikolu 20(5) u l-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d), huwa jista’ jitlob lil dak l-Istat Membru l-ieħor biex jieħu lura dik il-persuna.

    Artikolu 25

    (1) L-Istat Membru rikjest għandu jagħmel il-kontrolli meħtieġa u jagħti deċiżjoni dwar it-talba biex jieħu lura l-persuna kkonċernata kemm jista’ jkun malajr […]”

    23.

    L-Artikolu 26 tar-Regolament Dublin III huwa intitolat “Notifika tad-deċiżjoni tat-trasferiment” u huwa fformulat kif ġej:

    “(1)   Meta l-Istat Membru mitlub jaċċetta li jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1)(c) jew (d), l-Istat Membru rikjedenti għandu jinnotifika lill-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni li hija tiġi trasferita lejn l-Istat Membru responsabbli u, fejn xieraq, bid-deċiżjoni li ma jeżaminax l-applikazjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali. Jekk konsulent legali jew kunsillier ieħor ikun qed jirrapreżenta lill-persuna kkonċernata, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jinnotifikaw id-deċiżjoni li tali konsulent legali jew kunsillier minflok lill-persuna kkonċernata u, fejn applikabbli, jikkomunikaw id-deċiżjoni lill-persuna kkonċernata.

    (2)   Id-deċiżjoni li jirreferi għaliha l-paragrafu 1 għandha tinkludi informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli, inkluż id-dritt ta’ applikazzjoni għal effett sospensiv, fejn applikabbli, u dwar il-limiti ta’ żmien applikabbli biex jintalbu dawn ir-rimedji u biex ikun eżegwit it-trasferiment u, għandha, jekk meħtieġ, tinkludi informazzjoni dwar il-post fejn, u d-data li fiha l-persuna kkonċernata għandha tidher, jekk dik il-persuna tkun ser tivvjaġġa lejn l-Istat Membru responsabbli bil-mezzi tiegħha stess.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li informazzjoni dwar persuni jew entitajiet li jistgħu jipprovdu assistenza legali lill-persuna kkonċernata tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata flimkien mad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, meta dik l-informazzjoni ma tkunx diġà ġiet ikkomunikata.

    (3)   Meta l-persuna kkonċernata ma tkunx assistita jew rappreżentata minn konsulent legali jew kunsillier ieħor, l-Istat Membri għandhom jinfurmawha bl-elementi prinċipali tad-deċiżjoni, li għandhom dejjem jinkludu informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli u ż-żmien limitu applikabbli biex jintalbu dawn ir-rimedji, f’lingwa li l-persuna kkonċernata tifhem jew li tkun raġonevolment mistennija li tifhem.”

    24.

    L-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III huwa intitolat “Rimedji” u l-paragrafu 1 tiegħu huwa fformulat kif ġej:

    “(1)   L-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1) (c) jew (d) għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.”

    25.

    L-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III, intitolat “Modalitajiet u żmien limitu”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

    “(2)   Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna kkonċernata jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet.”

    2.   Ir‑Regolament Eurodac

    26.

    Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Eurodac”) ( 7 ) jirregola l-ħolqien ta’ database għat-tqabbil tal-marki tas-swaba’ għall-finijiet tal-applikazzjoni effettiva tar-Regolament Dublin III.

    27.

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Eurodac jipprevedi kif ġej:

    “(1)   Kull Stat Membru għandu jieħu fil-pront il-marki tas-swaba’ tas-swaba’ kollha ta’ kull applikant għall-protezzjoni internazzjonali li jkollu tal-inqas 14-il sena u għandu, mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 72 siegħa wara li tiġi ddepożitata l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali, kif iddefinit mill-Artikolu 20(2) tar-[Regolament Dublin III], jittrażmettihom flimkien mad-data msemmija fl-Artikolu 11(b) sa (g) ta’ dan ir-Regolament lis-Sistema Ċentrali.”

    28.

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Eurodac jispeċifika:

    “(1)   Sabiex jiġi ċċekkjat jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jinstabu joqogħdu b’mod illegali fit-territorju tiegħu jkunux issottomettew applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, Stat Membru jista’ jittrażmetti lis-Sistema Ċentrali kull data dwar marki tas-swaba’ li jkollha x’taqsam ma’ marki tas-swaba’ li l-Istat Membru seta’ kien ħa ta’ kwalunkwe ċittadin terz jew persuna apolida ta’ mill-inqas 14‑il sena flimkien man-numru ta’ referenza użat minn dak l-Istat Membru.”

    29.

    L-Artikolu 29 tar-Regolament Eurodac jikkonċerna d-drittijiet tal-persuni kkonċernati mill-ipproċessar tad-data. L-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Eurodac jistabbilixxi li ċerta informazzjoni relatata mal-iskop u mal-modalitajiet tat-teħid tal-marki tas-swaba’ tiġi kkomunikata lil dawn il-persuni, u jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li fuljett komuni għandu jiġi stabbilit għal dan il-għan:

    “(1)   Persuna koperta bl-Artikolu 9(1), l-Artikolu 14(1) jew l-Artikolu 17(1) għandha tkun infurmata mill-Istat Membru ta’ oriġini bil-miktub, u fejn meħtieġ, oralment, b’lingwa li hija tifhem jew li hija raġonevolment preżunta li tifhem, dwar dan li ġej:

    […]

    (b)

    l-għan li għalih id-data tal-persuna se tkun ipproċessata fil-Eurodac, inkluża deskrizzjoni tal-għanijiet tar-Regolament [Dublin III], taħt l-Artikolu 4 tiegħu, u spjegazzjoni, f’forma komprensibbli, bl-użu ta’ lingwa ċara u sempliċi, tal-fatt li l-Eurodac jista’ jsir aċċess għalih mill-Istati Membri u mill-Europol għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi,;

    […]

    (2)   […]

    Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ persuna koperta bl-Artikolu 17(1), l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tingħata mhux aktar tard mill-ħin meta d-data li jkollha x’taqsam ma’ dik il-persuna tiġi trażmessa lis-Sistema Ċentrali. […]

    (3)   Fuljett komuni, li jiġbor fih tal-anqas l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu ta’ dan l-Artikolu u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) tar-[Regolament Dublin III] għandu jitfassal skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 44(2) ta’ dak ir-Regolament.

    Il-fuljett għandu jkun ċar u sempliċi, abbozzat f’lingwa li l-persuna kkonċernata tifhem jew li hija raġonevolment preżunta li tifhem.

    Il-fuljett għandu jiġi fformulat b’tali mod li jippermetti lill-Istati Membri jimlewh b’informazzjoni addizzjonali speċifika għall-Istat Membru. Din l-informazzjoni speċifika għall-Istat Membru għandha tinkludi għall-inqas id-drittijiet tas-suġġett tad-data, il-possibbiltà ta’ assistenza mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali kif ukoll id-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċċju tal-kontrollur u tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali.”

    30.

    L-Artikolu 37 tar-Regolament Eurodac huwa intitolat “Responsabbiltà” u jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu s-segwenti:

    “(1)   Kwalunkwe persuna jew Stat Membru li jkunu sofrew ħsara minħabba operazzjoni ta’ proċessar illegali jew minħabba kwalunkwe att inkompatibbli ma’ dan ir-Regolament għandhom ikunu intitolati li jirċievu kumpens mill-Istat Membru responsabbli għall-ħsara li jkun sofrew. Dak l-Istat għandu jkun eżentat mir-responsabbiltà tiegħu, interament jew parzjalment, jekk jagħti prova li ma jkunx responsabbli għall-kwistjoni li tkun ikkawżat il-ħsara.

    […]

    (3)   Talbiet għal kumpens kontra Stat Membru għall-ħsara msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu regolati mid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li jrid jiddefendi ruħu.”

    3.   Id‑Direttiva dwar Standards għall‑Kwalifika

    31.

    Id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika”) ( 8 ) tirregola l-kriterji li skonthom applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha tiġi milqugħa.

    32.

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika jinkludi “Definizzjonijiet” u l-punt (h) tiegħu jiddefinixxi “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” bħala “talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li tfittex status ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni, barra mill-iskop ta’ din id-Direttiva, li tista’ ssir applikazzjoni separata għaliha”.

    33.

    Fl-Artikolu 8 tagħha, intitolat “Protezzjoni interna”, id-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika tipprevedi eċċezzjonijiet għall-bżonnijiet ta’ protezzjoni internazzjonali meta l-applikant jista’ jfittex li jikseb protezzjoni f’parti mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu:

    “(1)   Bħala parti mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li applikant mhuwiex fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali jekk f’parti mill-pajjiż tal-oriġini, hu jew hi:

    (a)

    ma hemmx biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat, jew mhuwiex fir-riskju reali li jsofri dannu serju; jew

    (b)

    għandu aċċess għal protezzjoni mill-persekuzzjoni jew dannu serju kif definit fl-Artikolu 7;

    u hu jew hi jista’ jivvjaġġa mingħajr periklu u legalment għal u jidħol f’dik il-parti tal-pajjiż u huwa mistenni b’mod raġonevoli jissetilja hemmhekk.

    (2)   Fl-eżami ta’ jekk applikant għandux biża’ ġustifikata li jkun ippersegwitat jew huwiex fir-riskju reali li jsofri dannu serju, jew għandux aċċess għal protezzjoni minn persekuzzjoni jew dannu serju f’parti mill-pajjiż ta’ oriġini bi qbil mal-Paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni fuq l-applikazzjoni jqisu ċ-ċirkostanzi ġenerali fis-seħħ f’dik il-parti tal-pajjiż u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant bi qbil mal-Artikolu 4. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li informazzjoni preċiża u aġġoranta tinkiseb minn sorsi rilevanti, bħal eżempju l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Ażil.”

    34.

    Fil-Kapitolu V tagħha, id-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika tipprovdi bħala kundizzjoni għall-protezzjoni sussidjarja r-riskju ta’ “dannu serju”. Skont l-Artikolu 15(c) huwa kkunsidrat bħala tali:

    “(c)

    theddida serja u individwali għall-ħajja jew għall-persuna ċivili minħabba vjolenza indiskriminatorja f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern.”

    4.   Id‑Direttiva dwar il‑Proċeduri tal‑Ażil

    35.

    L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil”) ( 9 ) hija intitolata “Applikazzjonijet inammissibbli” u l-paragrafu 1 tagħha kif ukoll il-paragrafu 2(a) tagħha, jipprevedu dan li ġej:

    “(1)   Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont ir-[Regolament Dublin III], l-Istati Membri mhumiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt id-[Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika] fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu.

    (2)   L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall- protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

    (a)

    il-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet mogħtija minn Stat Membru ieħor”.

    5.   Ir-Regolament Nru 1560/2003

    36.

    L-Artikolu 16a tar-Regolament (KE) Nru 1560/2003 ( 10 ), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Sistema ta’ Dublin, kif emendat bir-Regolament Dublin III u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 118/2014 ( 11 ), huwa intitolat “Fuljetti ta’ informazzjoni għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali” u l-paragrafi 1 u 4 tiegħu jipprevedu:

    “(1)   Fuljett komuni li jinforma lill-applikanti kollha tagħall-protezzjoni [għall-protezzjoni] internazzjonali dwar id-dispożizzjonijiet tar-[Regolament Dublin III] u dwar l-applikazzjoni tar-[Regolament Eurodac].

    […]

    (4)   Informazzjoni għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi misjuba li qed joqogħdu illegalment fi Stat Membru, hija stipulata fl-Anness XIII.”

    37.

    Il-fuljett informattiv li jinsab fl-Anness X tar-Regolament Nru 1560/2003 jinkludi, fil-Parti A tiegħu, intitolata “Informazzjoni dwar ir-Regolament ta’ Dublin għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013”, l-informazzjoni li ġejja (enfasi fl-orġinal):

    “Inti staqsejtna biex nipproteġuk għaliex taħseb li ġejt imġiegħel titlaq minn pajjiżek stess minħabba persekuzzjoni, gwerra jew riskju ta’ dannu serju. Din, il-liġi ssejħilha ‘applikazzjoni/talba għal protezzjoni internazzjonali’ u lilek issejjaħlek – l-‘applikant’. Il-persuni li jfittxu protezzjoni spiss jissejħu ‘persuni li jfittxu l-ażil’.

    Il-fatt li staqsejt għall-ażil hawn ma jiggarantixxix li t-talba tiegħek se tiġi eżaminata hawnhekk. Il-pajjiż li se jeżamina t-talba tiegħek huwa magħżul permezz ta’ proċess stabbilit minn liġi tal-Unjoni Ewropea magħrufa bħala r-Regolament ta’ ‘Dublin’. Skont din il-liġi, pajjiż wieħed biss huwa responsabbli biex jeżamina t-talba tiegħek.

    […]

    Qabel ma tista’ tiġi kkunsidrata t-talba tiegħek għal ażil, aħna rridu nistabbilixxu jekk aħniex responsabbli biex neżaminawha jew jekk huwiex responsabbli pajjiż ieħor – din aħna insejħula ‘proċedura ta’ Dublin’. Il-proċedura ta’ Dublin ma tikkonċernax ir-raġuni tiegħek għaliex applikajt għall-ażil. Se tittratta biss il-kwistjoni ta’ liema pajjiż huwa responsabbli biex jagħmel deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħek għall-ażil.

    […]

    Jekk l-awtoritajiet tagħna jiddeċiedu li aħna responsabbli biex niddeċiedu dwar l-applikazzjoni tiegħek għall-ażil, dan ifisser li int tista’ tibqa’ f’dan il-pajjiż u l-applikazzjoni tiegħek tiġi eżaminata hawnhekk. Il-proċess ta’ eżaminazzjoni tal-applikazzjoni tiegħek imbagħad jibda minnufih.

    Jekk niddeċiedu li pajjiż ieħor huwa responsabbli għall-applikazzjoni tiegħek, se nippruvaw nibagħtuk f’dak il-pajjiż malajr kemm jista’ jkun sabiex l-applikazzjoni tiegħek tkun tista’ tiġi kkunsidrata hemmhekk. […]

    Il-liġi tistipula diversi raġunijiet għaliex pajjiż jista’ jkun responsabbli biex jeżamina t-talba tiegħek. Dawn ir-raġunijiet huma kkunsidrati mil-liġi fl-ordni ta’ importanza u l-iktar raġuni importanti hi jekk għandekx membru tal-familja preżenti f’dak il-pajjiż ta’ Dublin; jekk inti fil-preżent jew fil-passat kellekx viża jew permess ta’ residenza maħruġ minn pajjiż ta’ Dublin; jew jekk ivvjaġġajtx lejn, jew għaddejtx minn pajjiż ieħor ta’ Dublin, legalment jew b’mod irregolari.

    Huwa importanti li inti infurmana malajr kemm jista’ jkun jekk għandek membri tal-familja f’pajjiż ta’ Dublin ieħor. Jekk żewġek, il-mara jew it-tfal ikunu applikanti għall-ażil jew ikunu ngħataw protezzjoni internazzjonali f’pajjiż ta’ Dublin ieħor, dak il-pajjiż jista’ jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni ta’ ażil tiegħek.

    Aħna nistgħu nagħżlu li neżaminaw l-applikazzjoni tiegħek f’dan il-pajjiż, anke jekk dan l-eżami mhux ir-responsabbiltà tagħna skont il-kriterji stabbiliti fir-Regolament ta’ Dublin. Aħna mhux se nibagħtuk lejn pajjiż fejn ikun stabbilit li d-drittijiet tal-bniedem tiegħek jistgħu jiġu miksura.

    […]

    Għandek il-possibbiltà li tgħid li ma taqbilx ma’ deċiżjoni li tintbagħat f’pajjiż ta’ Dublin ieħor, u tista’ tikkontesta dik id-deċiżjoni quddiem qorti jew tribunal. Tista’ wkoll titlob biex tibqa’ f’dan il-pajjiż sakemm l-appell jew ir-reviżjoni tiegħek tiġi deċiża.

    Jekk inti tabbanduna l-applikazzjoni tiegħek għall-ażil u tmur f’pajjiż ta’ Dublin ieħor, inti x’aktarx se tiġi ttrasferit lura lejn dan il-pajjiż jew lejn il-pajjiż responsabbli.

    Huwa għalhekk importanti li ladarba tkun applikajt għall-ażil, tibqa’ hawnhekk sakemm niddeċiedu 1) min huwa responsabbli għall-eżami ta’ talba għall-ażil tiegħek u/jew 2) li neżaminaw it-talba tiegħek f’dan il-pajjiż.

    […]

    Jekk nikkunsidraw li pajjiż ieħor jista’ jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni tiegħek, inti tirċievi informazzjoni aktar dettaljata dwar dik il-proċedura u kif din taffettwa lilek u lid-drittijiet tiegħek.”

    38.

    Fil-Parti B tiegħu, il-fuljett informattiv li jinsab fl-Anness X tar-Regolament Nru 1560/2003 jinkludi b’mod partikolari t-“Tagħrif għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li tinstab fi proċedura ta’ Dublin”:

    “Inti ngħatajt dan il-fuljett minħabba li tlabt għall-protezzjoni internazzjonali (l-ażil) f’dan il-pajjiż jew f’pajjiż ta’ Dublin ieħor u l-awtoritajiet hawnhekk għandhom raġunijiet biex jemmnu li pajjiż ieħor jista’ jkun responsabbli biex jeżamina t-talba tiegħek.

    Aħna se niddeterminaw liema pajjiż hu responsabbli permezz ta’ proċess stabbilit minn liġi tal-Unjoni Ewropea magħrufa bħala r-Regolament ta’ Dublin. Dan il-proċess hu msejjaħ ‘il-proċedura ta’ Dublin’. Dan il-fuljett jipprova jwieġeb il-mistoqsijiet l-aktar frekwenti li jista’ jkollok dwar din il-proċedura.

    […]

    Il-proċedura ta’ Dublin tistabbilixxi liema pajjiż hu responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil tiegħek. Dan ifisser li int tista’ tiġi ttrasferit minn dan il-pajjiż lejn pajjiż differenti li huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni tiegħek.

    […]

    FTAKAR: Ma tistax titlaq tgħix f’pajjiż ta’ Dublin ieħor. Jekk tmur tgħix f’pajjiż ta’ Dublin ieħor, int se tkun ittrasferit lura hawnhekk jew lejn pajjiż fejn tkun diġà tlabt għall-ażil. L-abbandun tal-applikazzjoni tiegħek hawnhekk mhux se tibdel il-pajjiż responsabbli. Jekk inti tinħeba jew taħrab, inti tirriskja wkoll li tkun detenut.

    […]

    L-awtoritajiet kif se jistabbilixxu l-pajjiż responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni tiegħi?

    Hemm diversi raġunijiet għaliex pajjiż jista’ jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni tiegħek. Dawn ir-raġunijiet huma applikati fl-ordni ta’ importanza mogħtija mil-liġi. Jekk raġuni minnhom ma tkunx rilevanti, li jmiss se tiġi kkunsidrata, eċċ.

    Ir-raġunijiet huma marbuta mal-fatturi li ġejjin, skont l-ordni ta’ importanza:

    għandek xi membru tal-familja (ir-raġel jew il-mara, tfal taħt l-età ta’ 18‑il sena) li jkun ingħata protezzjoni internazzjonali jew li huwa persuna li tfittex l-ażil f’pajjiż ta’ Dublin ieħor;

    Huwa għalhekk importanti li tinformana jekk għandek membri tal-familja f’pajjiż ta’ Dublin ieħor, qabel ma tittieħed l-ewwel deċiżjoni dwar it-talba tiegħek. Jekk tixtieq li tinġiebu flimkien fl-istess pajjiż, int u l-membru tal-familja tiegħek tridu tesprimu x-xewqa tagħkom bil-miktub.

    […]

    X’jiġri jekk jien niddependi fuq il-kura ta’ xi ħadd jew jekk xi ħadd jiddependi fuqi?

    Inti tista’ tingħaqad fl-istess pajjiż m’ommok, missierek, ibnek/bintek jew ħutek jekk japplikaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    huma legalment residenti f’wieħed mill-pajjiżi ta’ Dublin;

    persuna minnkom tinsab tqila, jew għandha tarbija tat-twelid, jew tinsab marida serjament, jew għandha diżabilità severa jew hija anzjana;

    persuna minnkom tiddependi fuq l-assistenza ta’ xi ħaddieħor, li huwa kapaċi jieħu ħsiebha.

    Il-pajjiż fejn ibnek/bintek, ħuk/oħtok jew ġenitur huma residenti normalment għandu jaċċetta r-responsabbiltà biex jeżamina l-applikazzjoni tiegħek, sakemm ir-rabtiet familjari tiegħek kienu jeżistu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħek. Intom se tiġu mitluba tindikaw bil-miktub li t-tnejn tixtiequ tiltaqgħu.

    Tista’ tistaqsi għal din il-possibilità jekk inti diġà preżenti fil-pajjiż fejn ibnek/bintek, ħuk/oħtok jew ġenitur huma preżenti, jew jekk tinsab f’pajjiż differenti minn dak fejn għandek il-qraba residenti. F’dan it-tieni każ, se jfisser li jkollok tivvjaġġa lejn dak il-pajjiż, ħlief jekk għandek xi kundizzjoni tas-saħħa li ma tippermettilekx li tivvjaġġa għal perjodu twil ta’ żmien.

    Apparti din il-possibbiltà, inti dejjem tista’ tistaqsi matul il-proċedura tal-ażil biex tingħaqad ma’ membru tal-familja tiegħek għal raġunijiet umanitarji, familjari jew kulturali. Jekk din it-talba tiġi aċċettata, inti tista’ tmur tgħix fil-pajjiż fejn il-membru tal-familja tiegħek huwa preżenti. F’dan il-każ inti tintalab ukoll tagħti l-kunsens tiegħek bil-miktub. Huwa importanti li tinfurmana dwar xi raġunijiet umanitarji għaliex it-talba tiegħek għandha tiġi eżaminata hawnhekk jew f’pajjiż differenti.

    […]

    Jekk din hija l-ewwel darba li inti applikajt għall-ażil f’pajjiż ta’ Dublin iżda hemm raġuni biex wieħed jemmen li pajjiż ta’ Dublin ieħor għandu jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil tiegħek, aħna se nitolbu lill-pajjiż l-ieħor biex ‘jieħu r-responsabbiltà tal-każ tiegħek.

    […]

    Jekk inti diġà applikajt għall-ażil f’pajjiż ta’ Dublin ieħor differenti minn dak fejn inti preżenti issa, aħna se nitolbu lil dak il-pajjiż ‘jieħdok lura’

    […]

    Jekk, madankollu, inti ma applikajtx għall-ażil f’dan il-pajjiż u l-applikazzjoni preċedenti tiegħek għall-ażil f’pajjiż ieħor ġiet irrifjutata b’deċiżjoni finali, nistgħu nagħżlu jew li nibagħtu talba lill-pajjiż responsabbli biex jieħdok lura, jew li nipproċedu bir-ritorn tiegħek lejn il-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ residenza permanenti tiegħek jew lejn pajjiż terz bla periklu.

    […]

    Il-pajjiż responsabbli se jittrattak bħala persuna li tfittex l-ażil u int se tibbenefika mid-drittijiet relatati kollha. Jekk inti qatt ma applikajt għall-ażil qabel f’dak il-pajjiż, int se tingħata l-opportunità li tapplika wara l-wasla tiegħek.

    […]”

    39.

    Il-fuljett informattiv imsemmi fl-Anness XIII tar-Regolament Nru 1560/2003 jinkludi l-“Informazzjoni għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni anomali misjuba joqgħodu illegalment fi stat membru, skont l-Artikolu 29(3) tar-[Regolament Eurodac]”:

    “Jekk tkun misjub toqgħod illegalment f’pajjiż ieħor ta’ ‘Dublin’, l-awtoritajiet jistgħu jieħdu l-marki tas-swaba’ tiegħek u jittrasmettuhom lil bażi tad-dejta tal-marki tas-swaba’ msejħa ‘Eurodac’. Dan huwa biss għall-iskop biex jaraw jekk tkunx applikajt għall-protezzjoni internazzjonali qabel. Id-dejta tal-marki tas-swaba’ tiegħek ma tkunx miżmuma fil-bażi tad-dejta tal-Eurodac, iżda jekk qabel applikajt għall-protezzjoni internazzjonali f’pajjiż ieħor, tista’ tintbagħat lura f’dak il-pajjiż.

    […]

    Jekk l-awtoritajiet tagħna jikkonsidraw li inti stajt applikajt għall-protezzjoni internazzjonali f’pajjiż ieħor li jista’ jkun responsabbli għall-eżaminazzjoni ta’ dik l-applikazzjoni, tirċievi informazzjoni iktar dettaljata dwar il-proċedura li ssegwi u kif taffettwa lilek u d-drittijiet tiegħek ( 12 ).”

    B. Il‑leġiżlazzjoni Taljana

    40.

    Fid-dritt Taljan, l-Artikolu 3 tad-Decreto legislativo Nr. 25/2008 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 25/2008) tat‑28 ta’ Jannar 2008 li jittrasponi d-Direttiva 2005/85/KE, li ġiet irrevokata u ssostitwita bid-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat (GURI Nru 40, tas‑16 ta’ Frar 2008), fil-verżjoni attwali tiegħu, jirregola r-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet ta’ trasferiment fil-kuntest tas-sistema ta’ Dublin.

    III. Il‑fatti u t‑talba għal deċiżjoni preliminari

    A. Kawża C‑228/21

    41.

    L-applikant fil-Kawża C‑228/21, CZA, ippreżenta applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fl-Italja wara li kien diġà ppreżenta tali applikazzjoni fis-Slovenja. Sussegwentement, l-awtorità Taljana kompetenti, id-diviżjoni Dublin li tinsab fil-Ministeru għall-Intern, talbet lis-Slovenja tieħu lura lill-applikant, konformement mal-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Dublin III. Is-Slovenja aċċettat din it-talba. Sussegwentement, l-applikant kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment, skont l-Artikolu 26 tar-Regolament Dublin III, li biha ġie informat bid-deċiżjoni li ser jiġi ttrasferit lejn is-Slovenja.

    42.

    Ir-rikors tar-rikorrent kontra din id-deċiżjoni, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III, intlaqa’ fl-ewwel istanza quddiem it-Tribunale di Catanzaro (il-Qorti Distrettwali ta’ Catanzaro, l-Italja). L-awtorità kompetenti ma kinitx f’pożizzjoni li tipprova li l-fuljett meħtieġ mill-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III kien ingħata lill-applikant. It-Tribunale di Catanzaro (il-Qorti Distrettwali ta’ Catanzaro) qieset, li l-produzzjoni tal-minuti tal-intervista personali stabbilita skont l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament u l-għoti ta’ fuljett ieħor fil-mument tal-preżentata formali tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Italja, ma kinux biżżejjed. Hija kkonkludiet li l-ksur tal-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III iwassal għall-invalidità tad-deċiżjoni ta’ trasferiment.

    43.

    Il-Ministeru għall-Intern ippreżenta appell ta’ kassazzjoni minn din id-deċiżjoni quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja). Permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Marzu 2021, li waslet fit‑8 ta’ April 2021, din tal-aħħar iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 4 tar-[Regolament Dublin III] għandu jiġi interpretat fis-sens li bl-appell ippreżentat, skont l-Artikolu 27 tar-[Regolament], fil-konfront ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment adottata minn Stat Membru, skont il-mekkaniżmu tal-Artikolu 26 tar-Regolament u abbażi tal-obbligu tal-Istat li jieħu lura stabbilit fl-Artikolu 18(1)(b) tal-istess regolament, jista’ jiġi sostnut biss in-nuqqas ta’ għoti tal-fuljett ta’ informazzjoni meħtieġ mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament, min-naħa tal-Istat li adotta d-deċiżjoni ta’ trasferiment?

    2)

    L-Artikolu 27 tar-Regolament, moqri flimkien mal-premessa 18 u l-premessa 19 u mal-Artikolu 4 tal-istess regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rimedju effettiv f’każ ta’ ksur aċċertat tal-obbligi previsti fl-Artikolu 4 jimponi fuq l-imħallef l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ annullament tad-deċiżjoni ta’ trasferiment?

    3)

    F’każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda, l-Artikolu 27 tar-Regolament, moqri flimkien mal-premessa 18 u l-premessa 19 u mal-Artikolu 4 tal-istess regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rimedju effettiv f’każ ta’ ksur aċċertat tal-obbligi previsti fl-Artikolu 4 jimponi fuq l-imħallef il-verifika tar-rilevanza ta’ tali ksur fid-dawl taċ-ċirkustanzi allegati mir-rikorrent u jippermetti li tiġi kkonfermata d-deċiżjoni ta’ trasferiment kull darba li ma jqumux raġunijiet għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ta’ kontenut differenti?”

    B. Kawża C‑254/21

    44.

    Fil-Kawża C‑254/21, DG, ċittadin Afgan ippreżenta t-tieni applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fl-Italja, wara li l-ewwel applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata fl-Isvezja kienet diġà ġiet miċħuda definittivament f’dan il-pajjiż. Konsegwentement, il-Ministeru għall-Intern Taljan bagħat, wara riżultat pożittiv mill-Eurodac, talba għall-finijiet ta’ teħid lura lill-awtoritajiet Svediżi, konformement mal-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III, li aċċettawha, u ordnaw it-trasferiment lejn l-Isvezja.

    45.

    Ir-rikorrent jikkontesta din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunale di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma, l-Italja) billi jinvoka ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III. Huwa jiġġustifika dan billi jsostni li tkun imminenti r-refoulement indiretta tiegħu lejn l-Afganistan mill-Isvezja u li huwa jkun f’riskju li jsofri trattament inuman u degradanti fl-Afganistan. Ir-responsabbiltà tal-Italja sabiex tagħtih protezzjoni kontra r-refoulement indiretta tirriżulta mill-Artikolu 17 tar-Regolament Dublin III.

    46.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ April 2021, id-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Id-dritt għal rimedju effettiv, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-[Karta] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-Artikoli 4 u 19 ta’ din l-istess Karta jiggarantixxu wkoll protezzjoni mir-riskju ta’ refoulement indirett wara t-trasferiment lejn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li diġà jkun eżamina u ċaħad l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u li fih ma jkunx hemm difetti sistemiċi fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-[Regolament Dublin III] (meta ma jkun hemm l-ebda Stat Membru ieħor responsabbli skont il-kriterji stabbiliti fil-Kapitoli III u IV)?

    2)

    Il-qorti tal-Istat Membru li fih ġiet ippreżenta t-tieni applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, li tkun ġiet adita b’rikors skont l-Artikolu 27 tar-[Regolament Dublin III] u li għaldaqstant għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tevalwa t-trasferiment fi ħdan l-Unjoni Ewropea iżda mhux sabiex tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, għandha tqis bħala eżistenti r-riskju ta’ refoulement indirett lejn pajjiż terz, meta l-Istat Membru fejn ġiet ippreżentata l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jkun interpreta b’mod differenti il-kunċett ta’ ‘Protezzjoni interna’ stabbilit fl-Artikolu 8 tad-[Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika]?

    3)

    L-evalwazzjoni [tar-riskju] ta’ refoulement indirett wara interpretazzjoni differenti tal-bżonn ta’ ‘Protezzjoni interna’ minn żewġ Stati Membri, hija kompatibbli mal-Artikolu 3(1) (it-tieni parti) tar-[Regolament Dublin III] u mal-projbizzjoni ġenerali magħmula fil-konfront ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jagħżlu l-pajjiż tal-Unjoni li fih jippreżentaw l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tagħhom?

    4)

    Jekk ir-risposta għad-domandi preċedenti tkun fl-affermattiv:

    a)

    L-evalwazzjoni tal-eżistenza tar-[riskju] ta’ refoulement indirett magħmula mill-qorti tal-Istat li fih l-applikant ikun ippreżenta t-tieni applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali wara ċ-ċaħda tal-ewwel applikazzjoni tiegħu, għandha l-ħtieġa li tapplika l-klawżola stabbilita fl-Artikolu 17(1), u ddefinita fir-[Regolament Dublin III] bħala ‘Klawsoli diskrezzjonali’?

    b)

    Liema huma l-kriterji li l-qorti adita [skont] l-Artikolu 27 tar-[Regolament Dublin III] għandha tuża sabiex tevalwa r-riskju ta’ refoulement indirett, minbarra dawk stabbiliti fil-Kapitoli III u IV, inkunsiderazzjoni tal-fatt li tali riskju diġà jkun ġie eskluż mill-Istat li jkun eżamina l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali?”

    C. Kawża C‑297/21

    47.

    Fil-Kawża C‑297/21, XXX.XX, ċittadin Afgan, ippreżenta t-tieni applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fl-Italja, wara ċ-ċaħda definittiva tal-ewwel applikazzjoni għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali preċedentement ippreżentata fil-Ġermanja u minħabba l-fatt li l-applikant kien irċieva deċiżjoni definittiva ta’ tneħħija minn hemmhekk. Il-Ministeru għall-Intern Taljan għalhekk bagħat lill-awtoritajiet Ġermaniżi, wara riżultat pożittiv mill-Eurodac, talba għall-finijiet ta’ teħid lura, konformement mal-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III, li aċċettawtha.

    48.

    L-applikant għalhekk ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda kontrih quddiem it-Tribunale di Firenze (il-Qorti Distrettwali ta’ Firenze, l-Italja). Huwa jqis li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-Artikolu 4 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III, peress li għalih hija imminenti refoulement indiretta lejn l-Afganistan mill-Ġermanja u li jekk jiġi rritornat hemmhekk ikun suġġett għal trattament inuman u degradanti. Konsegwentement, huwa jqis li teżisti responsabbiltà tal-Italja skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III.

    49.

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale di Firenze (il-Qorti Distrettwali ta’ Firenze) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Mejju 2021, id-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Prinċipalment, l-Artikolu 17(1) tar-[Regolament Dublin III] għandu jiġi interpretat, f’konformità mal-Artikoli 19 u 47 tal-[Karta] u tal-Artikolu 27 tar-[Regolament Dublin III] fis-sens li l-qorti tal-Istat Membru, adita bil-kontestazzjoni tad-dispożizzjoni tal-unità ‘Dublin’, tkun tista’ tiddikjara r-responsabbiltà tal-Istat nazzjonali li għandu jwettaq it-trasferiment abbażi tal-Artikolu 18(1)(d), fejn tistabbilixxi l-eżistenza, fl-Istat Membru responsabbli, ta’ riskju li jista’ jwassal għal ksur tal-prinċipju tan-non-refoulement billi l-applikant jintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, fejn jiġi espost għal perikolu ta’ mewt jew ta’ trattamenti inumani jew degradanti?

    2)

    Sussidjarjament, l-Artikolu 3(2) tar-[Regolament Dublin III] għandu jiġi interpretat f’konformità mal-Artikoli 19 u 47 tal-[Karta] u mal-Artikolu 27 tar-[Regolament Dublin III], fis-sens li l-qorti tkun tista’ tiddikjara r-responsabbiltà tal-Istat Membru li jkun obbligat li jwettaq it-trasferiment skont l-Artikolu 18(1)(d) tal-istess regolament [għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali], meta tiġi stabbilita:

    a)

    l-eżistenza fl-Istat Membru responsabbli tar-riskju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement billi l-applikant jintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, fejn jiġi espost għal perikolu ta’ mewt jew trattamenti inumani jew degradanti;

    b)

    l-impossibbiltà li jitwettaq it-trasferiment lejn Stat ieħor li jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati fil-Kapitolu III tar-[Regolament Dublin III?]”

    D. Kawża C‑315/21

    50.

    Fil-Kawża C‑315/21, PP, li twieled fil-Pakistan, ippreżenta applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fl-Italja wara li preċedentement kien diġà ppreżenta applikazzjoni korrispondenti fil-Ġermanja. Il-Ministeru għall-Intern Taljan għalhekk ressaq talba għat-teħid lura, konformement mal-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Dublin III, lill-awtoritajiet Ġermaniżi, li aċċettawha bħala talba għall-finijiet ta’ teħid lura skont l-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III. Sussegwentement, il-Ministeru għall-Intern Taljan ordna t-trasferiment tal-applikant lejn il-Ġermanja.

    51.

    L-applikant ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano, l-Italja) u talab b’suċċess is-sospensjoni temporanja tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Insostenn tar-rikors tiegħu, huwa invoka, minn naħa, ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni previsti fl-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Dublin III u, min-naħa l-oħra, riskju ta’ refoulement indiretta mill-Ġermanja lejn il-Pakistan, fejn hemm għalih jeżisti riskju reali ta’ trattament inuman u degradanti. Id-diviżjoni Dublin, li tinsab fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, ikkontestat dan l-argument u pproduċiet il-prova li l-intervista personali prevista fl-Artikolu 5 tar-Regolament Dublin III kienet saret mal-applikant.

    52.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Mejju 2021, id-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikoli 4 u 5 tar-[Regolament Dublin III] għandhom jiġu interpretati fis-sens li ksur tagħhom fih innifsu jrendi illegali deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 27 tar-[Regolament Dublin III], indipendentement mill-konsegwenzi speċifiċi ta’ dak il-ksur għall-kontenut tad-deċiżjoni u l-identifikazzjoni tal-Istat Membru responsabbli?

    2)

    L-Artikolu 27 tar-[Regolament Dublin III], moqri flimkien mal-Artikolu 18(1)(a) jew mal-Artikoli 18(2)(b), (c) u (d) u mal-Artikolu 20(5) tar-[Regolament Dublin III], għandu jiġi interpretat fis-sens li jidentifika suġġetti differenti ta’ appell, ilmenti differenti li għandhom jitqajmu fi proċedimenti ġudizzjarji u aspetti differenti ta’ ksur tal-obbligi li tiġi pprovduta informazzjoni u li titwettaq intervista personali skont l-Artikoli 4 u 5 tar-[Regolament Dublin III]?

    Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affirmattiv, l-Artikoli 4 u 5 tar-[Regolament Dublin III] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-garanziji dwar l-informazzjoni, ipprovduti hemmhekk, jiġu żgurati biss fix-xenarju stabbilit fl-Artikolu 18(1)(a) u mhux ukoll fil-proċedura ta’ teħid lura, jew għandhom jiġu interpretati fis-sens li f’dik il-proċedura l-obbligi li tingħata informazzjoni jiġu żgurati mill-inqas fir-rigward tal-waqfien tar-responsabbiltajiet imsemmija fl-Artikolu 19 jew tad-difetti sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-[Karta] msemmija fl-Artikolu 3(2)?

    3)

    L-Artikolu 3(2) għandu jkun interpretat fis-sens li ‘difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil’ jinkludi kull konsegwenza ta’ deċiżjonijiet finali li jiċħdu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali diġà adottati mill-qorti tal-Istat Membru li jwettaq it-teħid lura, fejn il-qorti adita skont l-Artikolu 27 tar-[Regolament Dublin III] tqis li hemm riskju reali li l-applikant jista’ jsofri trattament inuman u degradanti jekk huwa jew hija tintbagħat lura lejn il-pajjiż tiegħu jew tagħha ta’ oriġini mill-Istat Membru, filwaqt li titqies ukoll l-eżistenza preżunta ta’ kunflitt armat ġeneralizzat fis-sens tal-Artikolu 15(c) tad-[Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika]?”

    E. Kawża C‑328/21

    53.

    Fil-Kawża C‑328/21, il-Ministeru għall-Intern Taljan ordna t-trasferiment tal-applikant GE, li joriġina mill-Iraq lejn il-Finlandja, wara li ġie kkonstatat li kien qiegħed jirrisjedi illegalment fl-Italja u li riżultat pożittiv mill-Eurodac kien wera li preċedentement kien ippreżenta applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fil-Finlandja. Fuq talba għall-finijiet ta’ teħid lura skont l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Dublin III, il-Finlandja rrikonoxxiet ir-responsabbiltà tagħha stess skont l-Artikolu 18(1)(d) ta’ dan ir-regolament.

    54.

    L-applikant ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment quddiem it-Tribunale di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma), li ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni u rrinvijat il-proċedura quddiem it-Tribunale di Trieste (il-Qorti Distrettwali ta’ Trieste, l-Italja). L-applikant jinvoka b’mod partikolari l-ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III u fl-Artikolu 29 tar-Regolament Eurodac.

    55.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Trieste (il-Qorti Distrettwali ta’ Trieste) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Mejju 2021, id-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Liema huma l-konsegwenzi legali li d-dritt tal-Unjoni Ewropea jipprevedi fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ trasferiment għall-finijiet ta’ teħid lura skont it-Taqsima III tal-Kapitolu VI tar-[Regolament Dublin III] meta l-Istat ma jkunx ta l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-[Regolament Dublin III] u fl-Artikolu 29 tar-[Regolament Eurodac]?

    2)

    B’mod partikolari, meta jkun ġie ppreżentat rimedju komplet u effettiv kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ssirlha d-domanda li ġejja:

    2)1)

    L-Artikolu 27 tar-[Regolament Dublin III] għandu jiġi interpretat:

    fis-sens li n-nuqqas ta’ provvista tal-fuljett informattiv previst mill-Artikolu 4(2) u (3) tar-[Regolament Dublin III] lil persuna li tinsab fil-kundizzjonijiet deskritti fl-Artikolu 23(1) tar-[Regolament Dublin III], minnu nnifsu jiddetermina n-nullità assoluta tad-deċiżjoni ta’ trasferiment (u eventwalment anki l-kompetenza tal-Istat Membru li quddiemu l-persuna tkun ressqet it-talba għal protezzjoni internazzjonali l-ġdida)?

    jew fis-sens li r-rikorrent għandu l-oneru li jipprova quddiem qorti li, kieku l-fuljett ġie pprovdut lilu, il-proċedura kien ikollha eżitu differenti?

    2)2)

    L-Artikolu 27 tar-[Regolament Dublin III] għandu jiġi interpretat:

    fis-sens li n-nuqqas ta’ provvista tal-fuljett informattiv previst mill-Artikolu 29 tar-[Regolament Eurodac] lil persuna li tinsab fil-kundizzjonijiet deskritti fl-Artikolu 24(1) tar-[Regolament Dublin III], minnu nnifsu jiddetermina n-nullità assoluta tad-deċiżjoni ta’ trasferiment (u eventwalment anki l-offerta neċessarja konsegwenti tal-possibbiltà li tiġi ppreżentata talba għal protezzjoni internazzjonali ġdida)?

    jew fis-sens li r-rikorrent għandu l-oneru li jipprova quddiem qorti li, kieku l-fuljett ġie pprovdut lilu, il-proċedura kien ikollha eżitu differenti?”

    IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

    56.

    Il-qrati tar-rinviju fil-Kawżi C‑254/21, C‑297/21, C‑315/21 u C‑328/21 talbu li l-kawżi jiġu ttrattati fil-kuntest tal-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jew bi prijorità, skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

    57.

    Permezz tad-deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Ġunju u tas‑6 ta’ Lulju 2021, dawn it-talbiet ġew miċħuda.

    58.

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑6 ta’ Lulju 2021, il-Kawżi C‑228/21, C‑254/21, C‑297/21, C‑315/21 u C‑328/21 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

    59.

    Il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali fil-Kawżi C‑297/21 u C‑328/21 ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

    60.

    L-Italja, il-Kummissjoni kif ukoll ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali fil-Kawżi C‑297/21 u C‑328/21 ipparteċipaw fis-seduta komuni li nżammet fit‑8 ta’ Ġunju 2022.

    V. Evalwazzjoni

    61.

    Is-sitwazzjonijiet li wasslu għall-ħames talbiet għal deċiżjoni preliminari huma kollha kkaratterizzati mill-fatt li, wara li ppreżentaw l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru, l-applikanti għall-ażil ikkonċernati marru l-Italja u ppreżentaw hemmhekk applikazzjoni ġdida għall-protezzjoni internazzjonali (Kawżi C‑228/21, C‑254/21, C‑297/21 u C‑315/21), jew inkella kienu qegħdin jirrisjedu hemm mingħajr dokument ta’ residenza (Kawża C‑328/21, li fi kwalunkwe każ huwa kkontestat jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentawx jew le applikazzjoni ġdida fl-Italja, ara, f’dan ir-rigward, il-punti 98 u 123 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Sussegwentement, l-awtorità Taljana kompetenti talbet lill-Istati Membri li fihom il-persuni kkonċernati kienu preċedentement ippreżentaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali t-teħid lura tagħhom u adottat, fir-rigward tal-persuni kkonċernati, deċiżjonijiet ta’ trasferiment abbażi tal-Artikolu 26 tar-Regolament Dublin III, li issa huma s-suġġett tal-kawżi prinċipali.

    62.

    F’dan il-kuntest id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari, kif deskritti fl-introduzzjoni, jirrigwardaw żewġ suġġetti tematiċi. Minn naħa, dawn jirrigwardaw l-obbligi li tingħata informazzjoni u li jingħata l-fuljett komuni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III jew l-Artikolu 29 tar-Regolament Eurodac u li ssir l-intervista personali skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Dublin III (Kawżi C‑228/21, C‑315/21 u C‑328/21) (A). Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni hija jekk, fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment, il-qrati tal-Istat Membru rikjedenti jistgħux jeżaminaw ir-riskju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement mill-Istat Membru rikjest fl-assenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi f’dan l-Istat Membru (Kawżi C‑254/21, C‑297/21 u C‑315/21) (B).

    A. Fuq il‑fuljett komuni u l‑intervista personali

    63.

    Bid-domandi tagħhom fil-Kawżi C‑228/21, C‑315/21 u C‑328/21, il-qrati tar-rinviju primarjament jistaqsu jekk l-obbligi li jinformaw lill-applikanti u li jagħtu l-fuljett komuni konformement mal-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III jew l-Artikolu 29 tar-Regolament Eurodac u għat-twettiq tal-intervista personali skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Dublin III japplikawx mhux biss fil-kuntest tal-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, li ssir mal-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru, iżda wkoll fil-proċedura tat-teħid lura. Dan isir meta applikant għall-ażil jippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor jew jirrisjedi fih u dan it-tieni Stat Membru jippjana li jittrasferixxih lejn l-ewwel Stat Membru.

    64.

    Fl-ipoteżi li dawn l-obbligi japplikaw ukoll fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura, il-qrati tar-rinviju jistaqsu wkoll jekk rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment jistax ikun ibbażat fuq il-ksur ta’ dawn l-obbligi u x’inhuma l-konsegwenzi ta’ tali ksur fuq id-deċiżjoni ta’ trasferiment.

    65.

    Peress li l-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III (1), l-Artikolu 29 tar-Regolament Eurodac (2) kif ukoll l-Artikolu 5 tar-Regolament Dublin III (3) iqajmu kull wieħed minnhom kwistjonijiet speċifiċi, huwa xieraq li dawn jiġu ttrattati suċċessivament.

    1.   Fuq l‑obbligu ta’ informazzjoni previst fl‑Artikolu 4 tar‑Regolament Dublin III

    66.

    Il-kwistjoni dwar jekk l-obbligi ta’ informazzjoni u l-għoti tal-fuljett komuni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III japplikawx ukoll fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura hija espliċitament imqajma bħala t-tieni parti tat-tieni domanda fil-Kawża C‑315/21; iżda, impliċitament, hija wkoll il-bażi tad-domandi magħmula fil-Kawżi C‑228/21 u C‑328/21. Fil-fatt, dawn jikkonċernaw il-konsegwenzi ta’ ksur ta’ dawn l-obbligi fuq id-deċiżjoni ta’ trasferiment fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura, li tippreżupponi l-applikabbiltà tagħhom.

    67.

    Ser nibda billi nagħti sunt tad-distinzjoni bejn proċeduri ta’ teħid ta’ inkarigu u ta’ teħid lura kif ukoll is-sitwazzjonijiet differenti li fihom tapplika din tal-aħħar (a). Sussegwentement, ser nispjega għaliex l-obbligu ta’ informazzjoni inkwistjoni japplika wkoll fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura (b). Finalment, ser nindirizza l-kwistjoni dwar jekk il-ksur ta’ dan l-obbligu jistax jiġi invokat fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment u liema huma l-konsegwenzi tiegħu (c).

    a)   Proċeduri ta’ teħid ta’ inkarigu u ta’ teħid lura fis‑sistema ta’ Dublin

    68.

    Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Dublin III, il-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għandha tinbeda hekk kif applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun ippreżentata għall-ewwel darba lil Stat Membru. Jekk dan l-Istat Membru jqis li Stat Membru ieħor huwa responsabbli, jista’ jitlob lil dak l-Istat Membru biex jieħu inkarigu tal-applikant (l-Artikolu 18(1)(a) moqri flimkien mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III).

    69.

    B’kuntrast ma’ dan, il-proċedura ta’ teħid lura prevista fl-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Dublin III tapplika għall-persuni li, wara li jkunu ppreżentaw l-ewwel applikazzjoni fi Stat Membru, imorru fi Stat Membru ieħor u jippreżentaw applikazzjoni oħra jew jirrisjedu fih mingħajr dokument ta’ residenza. Sussegwentement, dan l-Istat Membru jista’ jitlob lill-Istat Membru li qabel kien adit bit-talba tiegħu sabiex jerġa’ jieħu inkarigu ta’ din il-persuna.

    70.

    Fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet, li anki l-qorti tar-rinviju rreferiet għalihom fil-Kawża C‑315/21. Minn naħa, din il-proċedura tapplika għas-sitwazzjoni tal-persuni li ppreżentaw applikazzjoni fl-ewwel Stat Membru u li, sussegwentement, telqu minn dan l-Istat Membru saħansitra qabel ma tlestiet il-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli (Artikolu 20(5) tar-Regolament Dublin III). Fil-kawżi prinċipali, din is-sitwazzjoni ma hijiex rilevanti.

    71.

    Min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ teħid lura tapplika għas-sitwazzjonijiet ta’ persuni li, matul l-eżami fil-mertu tal-applikazzjoni tagħhom jew wara ċ-ċaħda tagħha mill-Istat Membru responsabbli, imorru fi Stat Membru ieħor u jippreżentaw applikazzjoni ġdida jew jirrisjedu hemmhekk mingħajr dokument ta’ residenza (Artikolu 18(1)(b) sa (d) tar-Regolament Dublin III) ( 13 ). Dawn huma s-sitwazzjonijiet li jikkorrispondu għalihom iċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali preżenti.

    b)   Obbligu ta’ informazzjoni skont l‑Artikolu 4 tar‑Regolament Dublin III, inkluż fil‑kuntest ta’ proċedura ta’ teħid lura

    72.

    L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Dublin III jipprevedi li l-awtoritajiet għandhom jinformaw lill-applikanti bl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u bl-aspetti rilevanti tiegħu “[m]alli applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata fis-sens tal-Artikolu 20(2) fi Stat Membru”. Din l-informazzjoni tinsab f’fuljett komuni stabbilit mill-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Dublin III, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 118/2014.

    73.

    Iktar ’il quddiem ser neżamina, qabelxejn, il-formulazzjoni u l-istruttura (1), sussegwentement, it-tifsira u l-għan tal-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III (2) u, finalment, l-ipoteżi li ebda applikazzjoni ġdida ma ġiet ippreżentata fit-tieni Stat Membru (3).

    1) Il‑formulazzjoni u l‑istruttura tal‑Artikolu 4 tar‑Regolament Dublin III

    74.

    Mill-formulazzjoni tiegħu jirriżulta li l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Dublin III ma jagħmel ebda distinzjoni, fir-rigward tal-obbligu ta’ informazzjoni, bejn, l-ewwel applikazzjoni u applikazzjonijiet oħra għal protezzjoni internazzjonali jew bejn proċedura ta’ teħid ta’ inkarigu u ta’ teħid lura.

    75.

    Ċertament, l-Artikolu 20 tar-Regolament Dublin III huwa intitolat “Il-bidu tal-proċedura” u l-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi li l-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli jibda hekk kif applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi ppreżentata għall-ewwel darba ( 14 ) għand Stat Membru. Madankollu, il-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni jiddetermina b’mod ġenerali ħafna meta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali (iddefinita mill-Artikolu 2(b) tar-Regolament Dublin III kif ukoll l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika] titqies li hija ppreżentata u ma jirrigwardax biss l-ewwel applikazzjoni. Dan jirriżulta mis-subparagrafu 2 tal‑Artikolu 23(2) tar-Regolament Dublin III, li jirreferi għall-Artikolu 20(2). Madankollu, l-Artikolu 23 japplika biss fil-każ ta’ applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali u għalhekk ma japplikax preċiżament għall-ewwel applikazzjoni.

    76.

    B’mod sistematiku, l-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III jinsab fil-Kapitolu II tiegħu, intitolat “Prinċipji Ġenerali u Salwagwardji”. Id-dispożizzjonijiet tiegħu japplikaw għalhekk għall-kamp ta’ applikazzjoni kollu ta’ dan ir-regolament u mhux biss għal ċertu tip ta’ proċedura.

    2) It‑tifsira u l‑għan tal‑Artikolu 4 tar‑Regolament Dublin III

    77.

    Fir-rigward tar-raġuni wara l-obbligu ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni u l-Italja joġġezzjonaw li, skont il-premessa 18 tar-Regolament Dublin III, din hija intiża sabiex tiffaċilita d-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami fil-mertu ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Madankollu, il-proċedura ta’ teħid lura tapplika prinċipalment għas-sitwazzjonijiet li fihom l-Istat Membru responsabbli huwa diġà ddeterminat. Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-informazzjoni kollha dwar id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli ma għandhiex tiġi kkomunikata iktar. Għall-kuntrarju, għandu jkun biżżejjed li l-persuni kkonċernati jiġu informati bl-aspetti li huma għadhom jistgħu jinvokaw f’dan l-istadju tal-proċedura. Il-Kummissjoni u l-Italja jsostnu dan l-argument b’mod partikolari fis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża H. u R. (iktar ’il quddiem is-“sentenza H. u R.”) ( 15 ).

    78.

    Għandu jiġi konċess lill-Kummissjoni u lill-Italja li, fis-sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 18(1)(b) sa (d) tar-Regolament Dublin III (ara l-punt 71 iktar ’il fuq), il-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli diġà ntemmet u li din inbdiet, jew saħansitra diġà tlestiet bl-eżami fil-mertu tal-applikazzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza H. u R., li ma kienx hemm lok, f’każ bħal dan, li jiġu applikati mill-ġdid ir-regoli dwar il-proċedura għad-determinazzjoni tar-responsabbiltà ( 16 ).

    79.

    Bl-istess mod, fis-sitwazzjoni koperta fl-Artikolu 20(5) tar-Regolament Dublin III (punt 70 iktar ’il fuq), meta l-eżami tar-responsabbiltà fl-Istat Membru rikjest ikun għadu għaddej, l-Istat Membru rikjedenti ma huwiex, bħala prinċipju, obbligat li jivverifika jekk l-Istat Membru rikjest huwiex responsabbli. Għall-kuntrarju, huwa għandu jivverifika biss, jekk il-kriterji tal-Artikolu 20(5) humiex issodisfatti, jiġifieri jekk l-ewwel applikazzjoni ġietx ippreżentata fl-Istat Membru rikjest u li dan tal-aħħar bediex, iżda għadu ma lestiex, il-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli ( 17 ).

    80.

    Madankollu, dan ma jeskludix li ċerti kriterji ta’ responsabbiltà għad iridu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura. Kif ser nispjega f’iktar dettall iktar ’il quddiem, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat b’mod espliċitu fir-rigward ta’ bosta kriterji ta’ responsabbiltà, xi ħaġa li l-Kummissjoni u l-Italja jirrikonoxxu wkoll. Barra minn hekk, l-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III ma jinkludix biss il-kriterji għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, iżda wkoll informazzjoni ġenerali dwar il-funzjonament tas-sistema ta’ Dublin. Din l-informazzjoni kollha għandha tiġi inkluża fil-fuljett komuni. F’dan il-kuntest, ma jidhirx diffiċli li jiġi implimentat l-obbligu ta’ informazzjoni selettiv fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura, bħal dik proposta mill-Kummissjoni u mill-Italja, fis-sens tal-għanijiet tar-Regolament Dublin III (i) u fil-prattika (ii).

    i) Rilevanza tal‑informazzjoni inkluża fil‑fuljett komuni għall‑applikanti fil‑kuntest tal‑proċedura ta’ teħid lura

    – Kriterji ta’ responsabbiltà li għad iridu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll fil‑kuntest tal‑proċedura ta’ teħid lura

    81.

    Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ teħid lura, l-Istat Membru rikjedenti ma huwiex iktar obbligat li jeżamina ex officio l-kriterji għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III ( 18 ). Madankollu, dan ma jfissirx li huwa jista’ jagħlaq għajnejh għal elementi li applikant isostni u li għadhom jistgħu, f’dan l-istadju wkoll, jopponu t-trasferiment lejn l-Istat Membru rikjest. Għaldaqstant, anki fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura, l-applikanti għandhom jiġu informati permezz tal-fuljett komuni, bil-possibbiltà li jissostanzjaw tali elementi.

    82.

    Dan jgħodd b’mod partikolari għat-trasferiment tar-responsabbiltà lill-Istat Membru rikjedenti skont l-Artikolu 19 ( 19 ), l-Artikolu 23(3) ( 20 ) u l-Artikolu 29(2) ( 21 ) tar-Regolament Dublin III, għad-difetti sistemiċi fl-Istat Membru rikjest (subparagrafu 2 tal-Artikolu 3(2) ( 22 )) jew, f’każijiet partikolari f’dak li jirrigwardaw l-istat ta’ saħħa tal-applikanti, ir-riskju ta’ trattament inuman permezz tat-trasferiment lejn l-Istat Membru rikjest innifsu ( 23 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, każijiet li fihom l-applikant ikun ħalla l-Istat Membru rikjest saħansitra qabel ma tkun intemmet il-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli (l-Artikolu 20(5), iktar ’il fuq, punt 70), xorta jista’ jiġi invokat ukoll fil-proċedura ta’ teħid lura li l-Istat Membru rikjedenti huwa fil-fatt l-Istat Membru responsabbli skont il-kriterji fl-Artikoli 8 sa 10 ( 24 ).

    83.

    Barra minn hekk, l-applikanti fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura (kemm fis-sitwazzjonijiet koperti fl-Artikolu 20(5) (punt 70 iktar ’il fuq) kif ukoll fis-sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 18(1)(b) sa (d) tar-Regolament Dublin III (ara l-punt 71 iktar ’il fuq)) jistgħu b’mod partikolari jipprovdu evidenza tal-preżenza fit-territorju tal-Istat Membru rikjedenti ta’ membri tal-familja, ta’ qraba jew ta’ relazzjonijiet familjari oħra tal-applikant, li jistgħu jwasslu għall-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 8, 10 u 16 tar-Regolament Dublin III. Fil-fatt, tali evidenza għandha, konformement mal-Artikolu 7(3), tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Istati Membri sa fejn din tiġi prodotta qabel ma Stat Membru ieħor jaċċetta t-talba għat-teħid ta’ inkarigu jew teħid lura ( 25 ) tal-persuna kkonċernata, konformement mal-Artikoli 22 u 25 ( 26 ), u sa fejn l-applikazzjonijiet preċedenti tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali ma jkunux għadhom is-suġġett tal-ewwel deċiżjoni fuq il-mertu.

    84.

    L-Artikolu 7(3) tar-Regolament Dublin III japplika għaldaqstant ukoll għall-proċedura ta’ teħid lura kif jirriżulta mill-formulazzjoni tiegħu u mir-raġuni warajh. Milli jidher, dan ma ġiex ikkontestat fis-sentenza H. u R., peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx din id-dispożizzjoni f’din is-sentenza.

    85.

    Il-fuljett komuni jindika wkoll espressament li l-applikanti għandhom jinformaw lill-awtoritajiet jekk għandhomx membri tal-familja tagħhom f’pajjiż kopert mis-sistema ta’ Dublin “qabel ma tittieħed l-ewwel deċiżjoni dwar it-talba tiegħek” ( 27 ), mingħajr ma jillimita din il-possibbiltà għall-proċedura ta’ teħid ta’ inkarigu.

    86.

    Barra minn hekk, dan huwa loġiku.

    87.

    Ċertament, ir-Regolament Dublin III għandu l-għan li jiggarantixxi determinazzjoni rapida tal-Istat Membru responsabbli u, għaldaqstant, eżami rapidu tal-applikazzjonijiet għall-ażil ( 28 ). L-applikazzjonijiet għall-ażil jistgħu għalhekk, fejn xieraq, jiġu eżaminati minn Stat Membru ieħor li ma jkunx dak responsabbli skont il-kriterji tal-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament ( 29 ). Dan ma joħloqx problemi peress li teżisti l-preżunzjoni li l-ipproċessar irriżervat lill-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil f’kull Stat Membru huwa konformi mal-Karta, mal-Konvenzjoni ta’ Genève ( 30 ) kif ukoll mal-KEDB ( 31 ). Permezz tal-armonizzazzjoni fid-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jeżaminaw ukoll, fil-parti l-kbira, l-applikazzjonijiet għall-ażil skont l-istess regoli ( 32 ). Konsegwentement, ladarba tkun ġiet iddeterminata responsabbiltà partikolari, bħala prinċipju, ma jkunx għad hemm lok li tiġi kkontestata.

    88.

    Madankollu, fid-dawl tal-importanza tad-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja tal-familja, għandha ssir deroga minn dan il-prinċipju meta, konformement mal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Dublin III, jiġu ppreżentati elementi li jippreżumu l-preżenza ta’ membri tal-familja tal-applikant fi Stat Membru differenti minn dak inizjalment indikat bħala responsabbli.

    89.

    Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja tal-familja. Skont il-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament Dublin III, dan huwa intiż sabiex isaħħaħ id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja u sabiex jipprekludi t-trasferiment ta’ applikant lejn Stat Membru, minkejja li Stat Membru ieħor ikun responsabbli ( 33 ) għal raġunijiet marbuta mal-unità tal-familja. Il-premessi 14 sa 16 tar-Regolament Dublin III jikkonfermaw l-importanza tar-rispett tal-ħajja tal-familja fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, l-ipproċessar konġunt tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali tal-membri ta’ familja mill-istess Stat Membru huwa intiż b’mod partikolari sabiex jiggarantixxi l-koerenza tad-deċiżjonijiet meħuda f’dan ir-rigward u li ma jisseparax il-membri ta’ familja.

    90.

    L-informazzjoni tal-applikanti fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura permezz tal-fuljett komuni hija għalhekk intiża wkoll u preċiżament sabiex tipproteġi d-dritt tagħhom għall-ħajja tal-familja.

    – Informazzjoni ġenerali dwar is‑sistema ta’ Dublin

    91.

    Ir-rinunzja għall-għoti tal-fuljett komuni fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura tkun tmur, barra minn hekk, kontra l-għanijiet tar-Regolament Dublin III. Fil-fatt, din hija mmotivata mix-xewqa li jissaħħu d-drittijiet tal-applikanti, li tinvolvihom ( 34 ) bl-aħjar mod fil-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli u li tinformahom dwar il-funzjonament tas-sistema ta’ Dublin sabiex jiġu miġġielda l-movimenti sekondarji ( 35 ).

    92.

    L-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Dublin III għalhekk ma jirrigwardax biss il-kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli (punt b). Għall-kuntrarju, huwa jinkludi wkoll l-istruttura tas-sistema ta’ Dublin, b’mod partikolari l-konsegwenzi jekk issir applikazzjoni oħra fi Stat Membru differenti kif ukoll il-konsegwenzi jekk ikun hemm ċaqliq minn Stat Membru għal ieħor, l-intervista personali skont l-Artikolu 5 u l-possibbiltà li tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-preżenza ta’ membri tal-familja kif ukoll appell mid-deċiżjoni ta’ trasferiment (punti a, c u d).

    93.

    Ma hemm l-ebda dubju li huwa utli li l-persuni kkonċernati jiġu kkomunikati, inkluż fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura, din l-informazzjoni ġenerali dwar is-sistema ta’ Dublin. Il-fuljett komuni jinkludi wkoll nota espliċita għall-applikanti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ teħid lura: “Jekk inti diġà applikajt għall-ażil f’pajjiż ta’ Dublin ieħor differenti minn dak fejn inti preżenti issa, aħna se nitolbu lil dak il-pajjiż ‘jieħdok lura ’ ( 36 ).” Konsegwentement, lanqas ma hemm lok li jkun hemm tħassib li l-għoti mill-ġdid tal-fuljett matul il-proċedura ta’ teħid lura jista’ b’mod żbaljat jissuġġerixxi lill-applikanti li l-Istat Membru rikjedenti ser jipproċedi, fi kwalunkwe każ, għal determinazzjoni ġdida tal-Istat Membru responsabbli ex officio.

    ii) Aspetti prattiċi

    94.

    Barra minn hekk, informazzjoni selettiva tal-applikanti, kif jipproponu l-Kummissjoni u l-Italja, tidher diffiċli li tiġi implimentata, peress li jeżisti biss fuljett komuni wieħed. Jekk ikun il-każ, l-awtoritajiet tat-tieni Stat Membru (b’mod partikolari qabel il-konsultazzjoni tal-Eurodac, ara f’dan ir-rigward il-punti 114 u 115 ta’ dawn il-konklużjonijiet) lanqas ma jistgħu jkunu immedjatament f’pożizzjoni li jkunu jafu f’liema sitwazzjoni preċiża l-applikant jinsab u għalhekk liema huma l-elementi li għadu jista’ jinvoka. B’kuntrast ma’ dan, il-komunikazzjoni sistematika tal-fuljett komuni fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura hija soluzzjoni ċara, sempliċi u legalment ċerta li tiggarantixxi li l-applikanti kollha jiksbu fi kwalunkwe każ, jekk ikun meħtieġ anki mill-ġdid, l-informazzjoni kollha rilevanti għas-sitwazzjoni rispettiva tagħhom.

    95.

    Ċertament, hemm lok li jitqies li applikant li jippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fit-tieni Stat Membru kiseb il-fuljett komuni mill-ewwel applikazzjoni tiegħu fl-ewwel Stat Membru. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li dan intesa f’każijiet individwali jew li tkun utli tfakkira ta’ din l-informazzjoni. Fi kwalunkwe każ, bħala regola ġenerali, huwa diffiċli għall-awtoritajiet tat-tieni Stat Membru li jivverifikaw jekk l-applikanti diġà rċevewx il-fuljett.

    96.

    U finalment, lanqas l-obbligu li jingħata l-fuljett informattiv (jekk ikun il-każ, mill-ġdid) fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura ma jwassal għal sforz sproporzjonat għall-Istat Membru rikjedenti. Fil-fatt, dan għandu xorta waħda jrid ikollu il-fuljett komuni disponibbli fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha sabiex jagħtih lill-applikanti li jippreżentaw l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tagħhom quddiem l-awtoritajiet tiegħu.

    3) Obbligu ta’ informazzjoni anki fl‑assenza ta’ talba ġdida fit‑tieni Stat Membru?

    97.

    Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-proċedura ta’ teħid lura ma tkoprix biss is-sitwazzjonijiet li fihom applikant jippreżenta tali applikazzjoni, wara li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-ewwel Stat Membru, fi Stat Membru ieħor. Għall-kuntrarju, il-proċedura ta’ teħid lura tapplika wkoll f’sitwazzjonijiet li fihom applikant, wara li jkun ippreżenta l-ewwel applikazzjoni fi Stat Membru, imur fi Stat Membru ieħor u jirrisjedi fih mingħajr dokument ta’ residenza mingħajr ma jippreżenta applikazzjoni ġdida (Artikolu 24 moqri flimkien mal-Artikolu 20(5) u mal-Artikolu 18(1)(b) sa (d) tar-Regolament Dublin III).

    98.

    Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, dan jikkorrispondi għas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑328/21. Għall-kuntrarju, GE, il-persuna kkonċernata fil-kawża ineżami, jargumenta li huwa kien ikklassifikat biss bħala li qiegħed jirrisjedi illegalment minħabba li l-awtoritajiet Taljani ma rreġistrawx kif suppost l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ, peress li r-rekwiżiti dwar l-eżistenza ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma jistgħux jiġu interpretati b’mod wisq strett u formalistiku ( 37 ).

    99.

    Skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Dublin III, l-obbligu li tiġi pprovduta l-informazzjoni msemmija fih jeżisti biss “[m]alli applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata fis-sens tal-Artikolu 20(2) fi Stat Membru”. Għaldaqstant, dan ma jistax jiġi estiż għall-każijiet fejn, wara l-preżentata tal-ewwel applikazzjoni, applikant imur fi Stat Membru ieħor u jirrisjedi hemmhekk biss mingħajr dokument ta’ residenza, mingħajr ma jippreżenta applikazzjoni ġdida.

    100.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-għoti tal-fuljett li jiċċara l-funzjonament tas-sistema ta’ Dublin jidher tassew utli wkoll f’tali każijiet. B’mod partikolari, huwa jista’ jgħin lill-persuni kkonċernati sabiex ifiehmu lill-awtoritajiet jekk jixtiqux jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Madankollu, l-għoti tal-fuljett anki f’każijiet bħal dawn ikun biss prattika amministrattiva tajba li l-Istati Membri jistgħu japplikaw mingħajr ma jkunu formalment obbligati li jagħmlu dan skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III.

    4) Konklużjoni intermedja

    101.

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li tingħata l-informazzjoni msemmija fih jeżisti kemm fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20(1) u fl-Artikolu 18(1)(a) kif ukoll f’dawk imsemmija fl-Artikolu 20(5) u fl-Artikolu 18(1)(b) sa (d) ta’ dan ir-regolament, hekk kif l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 20(2), hija ppreżentata fi Stat Membru.

    c)   Konsegwenzi ta’ ksur tal‑obbligu ta’ informazzjoni previst fl‑Artikolu 4 tar‑Regolament Dublin III fil‑kuntest tal‑proċedura ta’ teħid lura

    102.

    Permezz tad-domandi tagħhom fil-Kawżi C‑228/21 u C‑328/21 kif ukoll permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda fil-Kawża C‑315/21, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, minn naħa, jekk il-ksur tal-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III jistax jiġi invokat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ teħid lura fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment (a). Min-naħa l-oħra, huma jistaqsu jekk tali ksur għandux, per se, iwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni jew jekk il-qorti kompetenti għandhiex tevalwa każ b’każ jekk dan kellux effett fuq il-kontenut tagħha (b).

    1) Ammissibbiltà tal‑Artikolu 4 tar‑Regolament Dublin III fil‑kuntest ta’ appell minn deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil‑kuntest ta’ proċedura ta’ teħid lura

    103.

    Il-kwistjoni dwar jekk ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III jistax jiġi kkontestat fil-kuntest ta’ appell minn deċiżjoni ta’ trasferiment teħtieġ risposta affermattiva. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li appell minn deċiżjoni ta’ trasferiment skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III għandu jkun intiż sabiex jivverifika l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, inkluż l-osservanza tal-garanziji proċedurali previsti mill-istess regolament ( 38 ).

    104.

    Għall-kuntrarju, it-teżi tal-Kummissjoni li n-nuqqasijiet ta’ twettiq tal-obbligu ta’ informazzjoni jistgħu jiġu invokati biss jekk ikollhom effett fuq il-kontenut tad-deċiżjoni ta’ trasferiment ma tistax tintlaqa’. Dan partikolarment iwassal sabiex l-eżami tal-ammissibbiltà ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment jiġi konfuż mal-eżami tal-fondatezza tiegħu.

    2) Konsegwenzi tal‑ksur tal‑Artikolu 4 tar‑Regolament Dublin III fuq id‑deċiżjoni ta’ trasferiment

    105.

    Madankollu, kuntrarjament għall-opinjoni espressa minn GE fil-kuntest tal-Kawża C‑328/21, il-possibbiltà li jinvoka ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III ma timplikax neċessarjament li d-deċiżjoni ta’ trasferiment għandha tiġi annullata u li r-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni tiġi ttrasferita lill-Istat Membru rikjedenti. Skont GE, dan għandu jkun il-każ fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 4 kif ukoll fil-każ ta’ ksur tar-regoli dwar il-perijodi fil-proċeduri ta’ teħid ta’ inkarigu, ta’ teħid lura u ta’ trasferiment skont is-subparagrafu 3 tal-Artikolu 21(1), l-Artikolu 23(3), l-Artikolu 24(3) u l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III.

    106.

    Madankollu, tali konsegwenza legali ma hijiex preċiżament prevista fir-rigward tal-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III. Għall-kuntrarju, dan ir-regolament ma jipprevedi ebda konsegwenza legali f’dan ir-rigward. F’dan il-każ, il-konsegwenzi legali huma ddeterminati mid-dritt nazzjonali, b’osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività mill-Istati Membri. B’mod partikolari, il-modalitajiet tad-dritt nazzjonali ma għandhomx idgħajfu l-effettività utli tar-Regolament Dublin III ( 39 ).

    107.

    L-istandard li l-Istati Membri huma obbligati josservaw f’dan ir-rigward skont id-dritt tal-Unjoni jirriżulta mill-ġurisprudenza dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża. Tali ksur, b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, jimplika l-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura amministrattiva inkwistjoni biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura seta’ kellha riżultat differenti ( 40 ).

    108.

    Kif għadni kif irrilevajt, l-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III huwa intiż sabiex jinforma lill-persuni kkonċernati bil-funzjonament tas-sistema ta’ Dublin u bid-drittijiet tagħhom fi ħdan din is-sistema. B’dan il-mod, dawn għandhom isiru jafu, inter alia, partikolarment fil-proċedura ta’ teħid lura, li huma jistgħu jikkontestaw b’ċerti argumenti t-trasferiment lejn l-Istat Membru li qiegħed jeżamina r-responsabbiltà jew lejn l-Istat Membru responsabbli.

    109.

    Madankollu, l-assenza tal-għoti ta’ din l-informazzjoni lill-persuni kkonċernati ma tistax, waħedha, tiġġustifika l-preżunzjoni li d-deċiżjoni ta’ trasferiment hija neċessarjament ivvizzjata bi żball u għandha, għaldaqstant, tiġi annullata. Kif issostni l-Ġermanja, il-fatt li ma tingħatax l-informazzjoni jista’ jiġi kkumpensat fil-bqija tal-proċedura b’mod partikolari f’intervista personali (ara wkoll is-subparagrafu 2 tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Dublin III). Dan jista’ jsir billi tintalab, waqt l-intervista personali, l-informazzjoni rilevanti, b’mod partikolari dwar il-preżenza ta’ membri tal-familja fl-Istat Membru rikjedenti jew fit-tielet Stat Membru, li dan jista’ possibbilment iwassal għall-applikazzjoni tal-Artikoli 8, 10 jew 16 tar-Regolament Dublin III. Bl-istess mod, hemm mnejn li f’din l-intervista jintalbu jew isiru evidenti elementi li jippermettu li jiġi konkluż li jeżisti riskju ta’ ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta fl-Istat Membru rikjest jew minħabba t-trasport tiegħu ’l hemmhekk.

    110.

    Għalhekk, sabiex l-assenza tal-għoti tal-fuljett twassal għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, għandu jiġi stabbilit li element ta’ natura li jopponi t-trasferiment lejn l-Istat Membru rikjest ma setax jiġi invokat waqt l-intervista personali, minħabba li l-persuna kkonċernata ma rċevietx il-fuljett komuni u għalhekk ma kinitx taf li din kienet rilevanti. Barra minn hekk, għandu jkun impossibbli li jiġi rrimedjat l-iżball proċedurali fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja (ara f’dan ir-rigward iktar ’il quddiem, il-punt 141).

    111.

    Kif tiddikjara l-Ġermanja, l-oneru li jintwerew l-effetti ta’ difett proċedurali tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjedenti ma jistax madankollu jaqa’ biss fuq l-applikant. Għall-kuntrarju, hija l-qorti adita bir-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment li għandha tivverifika jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi speċifiċi tal-każ ineżami, il-proċedura ta’ teħid lura inkwistjoni setgħetx ikollha riżultat differenti li kieku ċ-ċittadini kkonċernati ta’ pajjiżi terzi kellhom l-opportunità li jiddefendu lilhom innifishom aħjar u jressqu elementi ta’ natura li jiġġustifikaw li titwaqqaf id-deċiżjoni ta’ trasferiment tagħhom ( 41 ).

    112.

    Fil-Kawża C‑328/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod ġenerali, permezz tal-ewwel domanda tagħha, dwar il-konsegwenzi legali ta’ ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III fuq id-deċiżjoni ta’ trasferiment, mingħajr rabta ma’ azzjoni legali. Madankollu, indipendentement minn stħarriġ ġudizzjarju, l-assenza tal-għoti tal-fuljett informattiv ma tistax twassal ipso jure għan-nullità tad-deċiżjoni ta’ trasferiment. Madankollu, skont l-Artikolu 26(2), din id-deċiżjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli. Skont il-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni, jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx assistita minn avukat, l-Istat Membru għandu jinformaha, f’lingwa li tifhem, mhux biss bir-rimedji legali disponibbli, iżda wkoll bl-elementi essenzjali tad-deċiżjoni. Din l-informazzjoni tista’ tkun effettiva biss jekk il-persuna kkonċernata tirċievi (l-iktar tard) f’dan il-kuntest l-informazzjoni li tinsab fil-fuljett komuni.

    3) Konklużjoni intermedja

    113.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III jista’ jiġi invokat fil-kuntest ta’ appell minn deċiżjoni ta’ trasferiment fil-kuntest ta’ proċedura ta’ teħid lura. Madankollu, tali ksur iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ trasferiment biss jekk, minħabba l-assenza tal-għoti tal-informazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni, ma setax jiġi invokat element ta’ natura li jopponi t-trasferiment lejn l-Istat Membru rikjest u jekk dan id-difett ma jkunx jista’ jiġi rregolarizzat fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ din id-deċiżjoni skont l-Artikolu 27.

    2.   Fuq l‑obbligu ta’ informazzjoni previst fl‑Artikolu 29 tar‑Regolament Eurodac

    114.

    Fil-Kawża C‑328/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jingħata l-fuljett previst fl-Artikolu 29 tar-Regolament Eurodac dwar id-deċiżjoni ta’ trasferiment.

    115.

    Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ Dublin, ir-Regolament Eurodac jirregola l-ħolqien ta’ database li tinkludi informazzjoni, b’mod partikolari tal-marki tas-swaba’, ta’ persuni li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali, li jmorru jew jirrisjedu illegalment fi Stati Membri. Din id-database għandha l-għan, b’mod partikolari, li tippermetti lill-Istati Membri jiddeterminaw jekk tali persuna tkunx diġà ppreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor. L-Artikolu 29 jipprevedi li l-persuni kkonċernati minn dan l-ipproċessar ta’ data jiġu informati bl-iskop u l-modalitajiet ta’ dan l-ipproċessar u li fuljett komuni għandu wkoll jiġi stabbilit għal dan il-għan.

    a)   Obbligu ta’ informazzjoni previst fl‑Artikolu 29 tar‑Regolament Eurodac, inkluż fil‑kuntest tal‑proċedura ta’ teħid lura

    116.

    Ma huwiex ikkontestat li l-obbligu li jingħata l-fuljett imsemmi fl-Artikolu 29 tar-Regolament Eurodac jeżisti wkoll fil-proċedura ta’ teħid lura. Dan japplika kemm meta ssir applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali fit-tieni Stat Membru (l-Artikolu 9) kif ukoll meta persuna tkun qiegħda tirrisjedi illegalment fi Stat Membru (l-Artikolu 17). Fiż-żewġ każijiet, tiddaħħal fis-sistema Eurodac b’mod partikolari d-data tal-marki tas-swaba’ tal-persuni kkonċernati, b’tali mod li l-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 29 huwa applikabbli. Is-sistema Eurodac hija mfassla speċifikament għall-każijiet fejn Stat Membru jittrasferixxi d-data tal-marki tas-swaba’ ta’ persuna lis-sistema ċentrali sabiex jiġi ddeterminat jekk il-persuna kkonċernata tkunx diġà ppreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor. Jekk dan jirriżulta, l-ewwel Stat Membru jista’ sussegwentement jitlob it-teħid lura tal-persuna kkonċernata lit-tieni wieħed.

    117.

    Għaldaqstant, il-fuljett komuni skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Eurodac jinkludi wkoll l-informazzjoni li ġejja: “iżda jekk qabel applikajt għall-protezzjoni internazzjonali f’pajjiż ieħor, tista’ tintbagħat lura f’dak il-pajjiż” ( 42 ).

    b)   Ammissibbiltà u konsegwenzi ta’ ksur tal‑obbligu ta’ informazzjoni previst fl‑Artikolu 29 tar‑Regolament Eurodac fil‑kuntest tal‑proċedura ta’ teħid lura

    118.

    L-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 29 tar-Regolament Eurodac huwa intiż li jinforma lill-persuni kkonċernati dwar l-għan u l-funzjonament tal-ipproċessar tad-data fis-sistema Eurodac. Id-dritt għall-għoti tal-fuljett informattiv huwa għalhekk dritt għall-protezzjoni tad-data u mhux dritt proċedurali għal dak li jikkonċerna l-proċedura ta’ teħid lura skont ir-Regolament Dublin III. L-għan tiegħu huwa li jippromwovi l-eżerċizzju tad-drittijiet fil-qasam tal-protezzjoni tad-data u li ma jikkontribwixxix għal riżultat aħjar tal-proċedura ta’ trasferiment. Għaldaqstant, il-ksur ta’ dan id-dritt lanqas ma huwa ta’ natura li jinfluwenza l-eżitu tal-proċedura ta’ trasferiment.

    119.

    L-Artikolu 37 tar-Regolament Eurodac jipprovdi li l-persuni kkonċernati jistgħu jitolbu kumpens mingħand l-Istat Membru responsabbli għal kull dannu kkawżat minn atti kuntrarji għal dan ir-regolament. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jipprevedu rimedju effettiv. F’dan ir-rigward, jidher għalkollox (iżda mhux neċessarjament) possibbli li ksur tal-Artikolu 29 tar-Regolament Eurodac jista’ jiġi invokat (ukoll) fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment.

    120.

    Madankollu, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 107 u 111, ksur ta’ din id-dispożizzjoni għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ trasferiment biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti u jekk l-irregolarità ma tistax tiġi rregolarizzata permezz ta’ smigħ matul il-proċedura ġudizzjarja. Madankollu, jidher improbabbli li l-assenza tal-għoti tal-informazzjoni skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Eurodac tista’ twassal sabiex ma jiġix invokat element li jkun rilevanti fir-rigward tal-kontenut tad-deċiżjoni ta’ trasferiment.

    c)   Konklużjoni intermedja

    121.

    Għalhekk għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 29 tar-Regolament Eurodac, moqri flimkien mal-Artikolu 9(1) u mal-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li tingħata l-informazzjoni msemmija fih japplika kemm fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20(1) u fl-Artikolu 18(1)(a) kif ukoll f’dawk imsemmija fl-Artikolu 20(5) u fl-Artikolu 18(1)(b) sa (d) tar-Regolament Dublin III. Ksur tal-Artikolu 29 tar-Regolament Eurodac jista’ jiġi kkontestat fil-kuntest ta’ appell minn deċiżjoni ta’ trasferiment skont l-Artikolu 26 tar-Regolament Dublin III. Madankollu, dawn għandhom iwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ trasferiment biss jekk, minħabba l-assenza tal-għoti tal-informazzjoni kkonċernata, ma jkunx jista’ jitressaq element ta’ natura li jopponi t-trasferiment lejn l-Istat Membru rikjest u jekk dan id-difett ma jkunx jista’ jiġi rregolarizzat matul il-proċedura ġudizzjarja.

    3.   Fuq l‑intervista personali prevista fl‑Artikolu 5 tar-Regolament Dublin III

    122.

    Fil-Kawża C‑315/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-obbligu li ssir intervista personali mal-applikant skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Dublin III japplikax ukoll għall-proċedura ta’ teħid lura u, fl-affermattiv, liema huma l-konsegwenzi tal-ksur tiegħu fuq id-deċiżjoni ta’ trasferiment. Madankollu, din il-kwistjoni ma hijiex rilevanti f’din il-kawża, peress li, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, l-intervista personali saret mal-applikant.

    123.

    Fil-Kawża C‑328/21, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-Artikolu 5 tar-Regolament Dublin III fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, iżda mhux fid-domandi preliminari tagħha. GE, parti fil-kawża prinċipali f’din il-kawża, isostni li b’mod żbaljat huwa ma ġiex ikkwalifikat bħala applikant (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 98 iktar ’il fuq). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni. Matul is-seduta, GE sostna li l-awtoritajiet Taljani lanqas ma kellhom intervista personali miegħu.

    124.

    Kif ser nesponi iktar ’il quddiem, inqis li l-intervista personali għandha ssir matul il-proċedura ta’ teħid lura, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk talba ġdida ġietx ippreżentata jew le fl-Istat Membru rikjedenti. Fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni tal-konsegwenzi tal-ksur ta’ dan l-obbligu hija għalhekk, fi kwalunkwe każ, rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-Kawża C‑328/21.

    125.

    Il-kwistjoni dwar jekk l-intervista personali għandhiex issir fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura u, fl-affermattiv, liema huma l-konsegwenzi għad-deċiżjoni ta’ trasferiment meta din ma ssirx, tqum ukoll fil-Kawża C‑80/22, attwalment pendenti, li ma hijiex is-suġġett ta’ din il-proċedura ( 43 ).

    126.

    B’kuntrast ma’ dan, fit-tliet kawżi l-oħra ineżami (C‑228/21, C‑254/21 u C‑297/21), jew l-intervista saret (Kawża C‑228/21), jew il-qrati tar-rinviju ma jipprovdu ebda preċiżazzjoni f’dan ir-rigward.

    127.

    Qabelxejn ser neżamina r-raġunijiet li għalihom l-obbligu li ssir l-intervista personali, previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament Dublin III, japplika wkoll għall-proċedura ta’ teħid lura (a), qabel ma neżamina l-konsegwenzi tal-ksur ta’ dan l-obbligu (b).

    a)   Obbligu li ssir l‑intervista personali skont l‑Artikolu 5 tar‑Regolament Dublin III anki fil‑kuntest tal‑proċedura ta’ teħid lura

    128.

    F’konformità mal-pożizzjoni tagħhom dwar l-obbligu ta’ informazzjoni taħt l-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III, il-Kummissjoni u l-Italja jirrifjutaw ukoll obbligu li ssir l-intervista personali skont l-Artikolu 5 fi proċedura ta’ teħid lura. Din l-intervista għandha tagħmilha iktar faċli li jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli, li ma għadhiex meħtieġa hawnhekk.

    129.

    Għandu jiġi konċess lill-Kummissjoni u lill-Italja li l-premessa 18 u l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Dublin III jipprevedu li ssir l-intervista personali mal-applikant flimkien mad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli. Kif ġie espost fil-punti 78, 79 u 81 iktar ’il fuq, l-Istat Membru rikjedenti ma huwiex iktar obbligat li jipproċedi ex officio għal tali determinazzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura.

    130.

    Madankollu, skont dak li ġie espost fil-punti 81 sa 90 iktar ’il fuq, dan ma jippermettix li jiġi konkluż li hemm lok li tiġi rrinunzjata l-intervista personali matul il-proċedura ta’ teħid lura. Fil-fatt, kif ġie espost iktar ’il fuq, applikant xorta għadu jista’ jippreżenta, matul il-proċedura ta’ teħid lura, elementi li jistgħu jikkontestaw ir-responsabbiltà tal-Istat Membru rikjest u jopponi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment.

    131.

    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet tad-difiża, li jinkludu d-dritt għal smigħ f’kull proċedura, jagħmlu parti mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. Ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet japplika għalhekk anki meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix b’mod espliċitu tali rekwiżit proċedurali ( 44 ).

    132.

    Bħala prinċipju, smigħ personali ċertament mhux dejjem jimplika intervista personali, iżda jista’ wkoll, jekk ikun il-każ, isir bil-miktub. Madankollu, fil-każ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni apolidi suġġetti għal proċedura ta’ Dublin, is-smigħ għandu jsir waqt l-intervista personali. Fil-fatt, huwa l-uniku mod li bih jiġi ggarantit li dawn il-persuni jifhmu s-sistema ta’ Dublin u jippreżentaw l-elementi rilevanti kollha sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli.

    133.

    Dan huwa kkonfermat ukoll mill-ġurisprudenza dwar sitwazzjonijiet simili taħt id-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil. Fis-sentenza tagħha fil-kawża Addis, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-intervista personali mal-applikant prevista minn din id-direttiva fl-ebda każ ma setgħetx ma ssirx. Ir-raġuni għal dan hija li s-smigħ personali u orali tal-applikant huwa ta’ importanza fundamentali f’dan il-kuntest. Jekk l-intervista ma ssirx u ma tistax issir sussegwentement fi proċedura ġudizzjarja, dan għandu jwassal biex id-deċiżjoni inkwistjoni tiġi annullata u l-kwistjoni tintbagħat lura lill-awtorità responsabbli ( 45 ). Dan huwa partikolarment minnu f’dak li jikkonċerna ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni bħala inammissibbli minħabba li protezzjoni internazzjonali diġà ngħatat minn Stat Membru ieħor (Artikolu 33(2)(a) ta’ din id-direttiva) ( 46 ).

    134.

    Huwa minnu li d-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil tirregola l-proċedura ta’ eżami tal-mertu tal-applikazzjonijiet għall-ażil, filwaqt li r-Regolament Dublin III jikkonċerna biss il-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għal dan l-eżami. Madankollu, is-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 33(2)(a) ta’ din id-direttiva (ċaħda ta’ applikazzjoni bħala inammissibbli minħabba li diġà ngħatat protezzjoni minn Stat Membru ieħor) hija paragunabbli ma’ dik fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura skont ir-Regolament Dublin III. Fl-applikazzjoni tal-Artikolu 33(2) (a) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil, l-Istat Membru li jixtieq jikkunsidra l-applikazzjoni bħala inammissibbli għandu jiżgura, permezz tal-intervista personali, li, fil-każ ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru li ta l-protezzjoni lill-applikant, ma jkunx hemm riskju ta’ ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta ( 47 ).

    135.

    Bl-istess mod, fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura prevista mir-Regolament Dublin III, l-intervista personali sservi b’mod partikolari sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Istat Membru rikjedenti għandux joqgħod lura milli jipproċedi bit-trasferiment lejn l-Istat Membru rikjest. Dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari minħabba r-riskju ta’ ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta fl-Istat Membru rikjest jew minħabba evidenza tal-preżenza fit-territorju tal-Istat Membru rikjedenti ta’ membri tal-familja, ta’ qraba jew ta’ relazzjonijiet familjari oħra tal-applikant (ara l-punti 82 sa 85 iktar ’il fuq). Il-każijiet imsemmija fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil, li fihom l-Istati Membri ma għandhomx l-obbligu li jeżaminaw fil-mertu l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, jikkompletaw, konformement mal-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, il-każijiet li fihom applikazzjoni ma tkunx eżaminata skont ir-Regolament Dublin III. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ ġabriet ta’ regoli ġew adottati fl-istess jum fil-kuntest tar-reviżjoni ġenerali tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil.

    136.

    Konsegwentement, l-Istat Membru rikjedenti għandu wkoll jagħti lill-persuna kkonċernata l-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura prevista mir-Regolament Dublin III f’intervista personali. Dan japplika irrispettivament minn jekk ippreżentax jew le applikazzjoni oħra għal protezzjoni internazzjonali. Kif isostni GE, dan huwa partikolarment importanti sabiex jiġi eskluż li ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida jitqiesu li qegħdin fil-pajjiż illegalment, minkejja li fir-realtà riedu jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

    137.

    Madankollu, kif issostni l-Ġermanja, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Dublin III jipprevedi li, f’ċerti ċirkustanzi, l-intervista personali tista’ tiġi rrinunzjata. Tali intervista tista’ ma ssirx jekk l-applikant ikun ħarab (a) jew jekk ikun diġà pprovda l-informazzjoni utli sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli (b). F’dan l-aħħar każ, l-Istat Membru għandu biss jagħti lill-applikant il-possibbiltà li jipprovdi l-informazzjoni rilevanti l-oħra kollha qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ trasferiment.

    138.

    Fid-dawl tal-importanza li għadni kif enfasizzajt tal-intervista personali fil-proċedura ta’ Dublin, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-possibbiltà li tiġi pprovduta kull informazzjoni utli oħra għandha tkun effettiva. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, kif ukoll taċ-ċirkustanzi l-oħra kollha, għandu jiġi eżaminat każ b’każ jekk ir-rinunzja għall-intervista personali hijiex raġonevoli.

    b)   Konsegwenzi ta’ ksur tal‑obbligu ta’ intervista personali previst fl‑Artikolu 5 tar‑Regolament Dublin III fil‑kuntest tal‑proċedura ta’ teħid lura

    1) Ammissibbiltà tal‑Artikolu 5 tar‑Regolament Dublin III fil‑kuntest ta’ appell minn deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil‑kuntest ta’ proċedura ta’ teħid lura

    139.

    Jekk jiġi aċċettat li l-obbligu ta’ intervista personali previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament Dublin III japplika wkoll għall-proċedura ta’ teħid lura, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 103 iktar ’il fuq jirriżulta li l-ksur tiegħu jista’ jiġi invokat fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment.

    2) Konsegwenzi tal‑ksur tal‑Artikolu 5 tar‑Regolament Dublin III fuq id‑deċiżjoni ta’ trasferiment

    140.

    Kif tfakkar fil-punt 107 iktar ’il fuq, hija ġurisprudenza stabbilita li ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura amministrattiva inkwistjoni biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti.

    141.

    Madankollu, fis-sentenza tagħha fil-kawża Addis, diġà eżaminata fil-punti 133 sa 135, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi ttrasposta għall-każ tad-drittijiet għal smigħ skont id-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil ( 48 ). Ċertament, anki f’dan il-każ, l-assenza ta’ smigħ matul il-proċedura amministrattiva ma għandhiex neċessarjament twassal għall-annullament tad-deċiżjoni u sabiex il-kwistjoni tintbagħat lura quddiem l-awtorità kompetenti. Madankollu, l-irregolarità fir-rigward tas-smigħ tista’ tiġi rrimedjata biss jekk is-seduta tas-smigħ orali tkun tista’ tiġi rrimedjata matul il-proċedura ġudizzjarja, b’osservanza tal-garanziji proċedurali neċessarji, filwaqt li jirriżulta li ebda deċiżjoni oħra ma tkun tista’ tiġi adottata fuq il-mertu, minkejja l-argumenti mressqa f’dan ir-rigward. Għall-kuntrarju, jekk tali smigħ ma jistax jiġi ggarantit matul il-proċedura ġudizzjarja, id-deċiżjoni għandha tiġi annullata u l-kwistjoni għandha tintbagħat lura quddiem l-awtorità kompetenti ( 49 ).

    142.

    Kif ġie espost fil-punti 134 u 135 iktar ’il fuq, is-sitwazzjoni li tat lok għas-sentenza Addis hija paragunabbli mal-kawża ineżami. Il-ksur tal-obbligu ta’ intervista personali lanqas ma jista’ jikkostitwixxi irregolarità proċedurali fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura skont ir-Regolament Dublin III li jkollha effett biss jekk, fl-assenza tagħha, id-deċiżjoni setgħet tkun differenti. Għall-kuntrarju, dan il-ksur ma jissuġġerixxix l-eżistenza tad-deċiżjoni ta’ trasferiment biss meta l-intervista ssir sussegwentement matul il-proċedura ġudizzjarja. Il-kwistjoni li tqum hawnhekk hija dwar x’inhuma l-konsegwenzi meta jiġu prodotti elementi ġodda rilevanti (i). Għall-kuntrarju, jekk ma jiġi ppreżentat ebda rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment, din tista’ ssir definittiva anki fl-assenza tal-intervista personali, sa fejn il-persuna kkonċernata tkun ġiet effettivament informata bir-rimedji ġudizzjarji disponibbli (ii).

    i) Possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni matul il‑proċedura ġudizzjarja u l‑konsegwenzi tal‑preżentazzjoni ta’ elementi ġodda rilevanti

    143.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, f’sitwazzjoni fejn ma kienx iġġustifikat, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Dublin III, li tiġi rrinunzjata l-intervista personali (ara l-punti 137 u 138 iktar ’il fuq), id-difett proċedurali marbut mal-assenza ta’ din l-intervista fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura jista’ jiġi rregolarizzat biss mill-fatt li din l-intervista ssir matul il-proċedura ġudizzjarja meta tiġi kkontestata d-deċiżjoni ta’ trasferiment. Jekk dan jista’ jiġi ggarantit skont id-dritt nazzjonali applikabbli (li, fil-kawża ineżami, huwa dubjuż skont GE fid-dritt Taljan), id-deċiżjoni ta’ trasferiment tista’ tiġi kkonfermata jekk jirriżulta li ebda deċiżjoni oħra fuq il-mertu ma tista’ tiġi adottata minkejja l-argumenti ppreżentati f’dan ir-rigward. Inkella, id-deċiżjoni ta’ trasferiment għandha tiġi annullata.

    144.

    F’dan ir-rigward, fir-rigward ta’ elementi relatati mal-ħajja tal-familja, għandu jiġi nnotat li, tassew, l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Dublin III jipprevedi li l-evidenza tar-residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ta’ membri tal-familja jew ta’ qraba oħra ta’ applikant tiġi kkunsidrata “bil-kundizzjoni li tali evidenza tiġi ppreżentata qabel ma Stat Membru ieħor jaċċetta t-talba biex jassumi r-responsabbiltà għall-persuna kkonċernata jew biex jeħodha lura […] u li l-applikazzjonijiet preċedenti għall-protezzjoni internazzjonali tal-applikant ikunu għadhom ma kienux is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-ewwel dwar is-sustanza.” Madankollu, skont l-Artikolu 26(1), id-deċiżjoni ta’ trasferiment tista’ tiġi adottata biss wara li l-Istat rikjest ikun ta l-kunsens għat-teħid ta’ inkarigu jew it-teħid lura u l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din id-deċiżjoni jseħħ għalhekk neċessarjament wara dan il-kunsens ( 50 ).

    145.

    Fid-dawl tal-importanza tal-protezzjoni tal-ħajja tal-familja, imsemmija fl-Artikolu 7(3) (ara l-punti 88 u 89 iktar ’il fuq), għandu, madankollu, jiġi kkunsidrat li evidenza dwar ir-residenza tal-membri tal-familja tal-applikant fit-territorju ta’ Stat Membru għad trid tittieħed inkunsiderazzjoni meta din tiġi invokata fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni ta’ trasferiment u l-fatt li din ġiet prodotta tardivament huwa imputabbli lill-Istat Membru rikjedenti. Fil-fatt, l-aċċettazzjoni mill-Istat Membru rikjest ta’ talba għall-finijiet ta’ teħid ta’ inkarigu jew ta’ teħid lura ma tipprekludix lil applikant milli jinvoka, fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment, l-applikazzjoni żbaljata ta’ kriterju ta’ responsabbiltà stabbilit fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III ( 51 ). Fl-istess sens, għandu jkun possibbli li jiġu invokati ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment fil-kuntest ta’ tali rikors jew ta’ rikors ieħor ( 52 ).

    146.

    Jekk jirriżulta, abbażi ta’ elementi żvelati waqt l-intervista personali mal-persuna kkonċernata matul il-proċedura ġudizzjarja, li d-deċiżjoni ta’ trasferiment għandha tiġi annullata, żewġ xenarji jidhru b’mod partikolari possibbli: l-applikant jew jibqa’ fl-Istat Membru rikjedenti jekk jirriżulta li dan huwa responsabbli; jew it-tielet Stat Membru huwa responsabbli minħabba li, pereżempju, il-membri tal-familja tal-applikant jirrisjedu hemmhekk. F’din is-sitwazzjoni, tqum il-kwistjoni dwar jekk it-termini previsti fl-Artikolu 21, fl-Artikolu 23 jew fl-Artikolu 24 għall-preżentazzjoni ta’ talba għall-finijiet ta’ teħid ta’ inkarigu jew ta’ teħid lura għand dan l-Istat Membru jistgħux jibdew jiddekorru mill-ġdid.

    147.

    Dawn it-termini huma intiżi sabiex iħaffu l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil. Dan l-għan jiġġustifika l-fatt li tali applikazzjonijiet ikunu, jekk ikun il-każ, eżaminati minn Stat Membru li ma huwiex dak li l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III jindikaw li huwa responsabbli ( 53 ). Konsegwentement, talba għall-finijiet ta’ teħid lura ma tistax, bħala prinċipju, titressaq iktar validament wara l-iskadenza tat-termini korrispondenti u r-responsabbiltà tiġi ttrasferita lill-Istat Membru li quddiemu tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali ( 54 ).

    148.

    Madankollu, eċċezzjoni għal dan il-prinċipju għandha tkun possibbli meta r-responsabbiltà tat-tielet Stat Membru tkun ibbażata fuq il-preżenza ta’ membri tal-familja tal-applikant fit-territorju tiegħu. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punti 88 u 89, il-possibbiltà li jiġu ppreżentati wkoll elementi dwar ir-residenza tal-membri tal-familja, anki fi stadju tardiv, hija intiża sabiex tipproteġi l-ħajja tal-familja tal-applikanti. Hija intiża sabiex jiġi evitat li l-applikazzjonijiet tagħhom jiġu eżaminati fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn jirrisjedu l-membri tal-familja tagħhom. L-istess għandu japplika fil-każ fejn ir-raġuni ta’ preżentazzjoni tardiva tal-elementi rilevanti tkun imputabbli lill-Istat Membru rikjedenti, li ma jkunx sema’ applikant fi żmien xieraq ( 55 ).

    ii) Natura definittiva tad‑deċiżjoni ta’ trasferiment fil‑każ ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni

    149.

    Fl-assenza ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment, il-ksur tal-obbligu ta’ intervista personali kif ukoll il-ksur tal-obbligu ta’ informazzjoni (punt 112 iktar ’il fuq) ma jistgħux iwasslu għan-nullità ipso jure tad-deċiżjoni ta’ trasferiment. Ċertament, il-ksur tal-intervista personali jikkostitwixxi ksur proċedurali serju. Madankollu, jekk il-persuna kkonċernata ma tippreżentax rikors minkejja informazzjoni effettiva dwar ir-rimedji ġudizzjarji li tissodisfa r-rekwiżiti f’dan ir-rigward u li b’mod partikolari tiggarantixxi li tali persuna tifhem is-sistema ta’ Dublin (punt 112 iktar ’il fuq), in-natura definittiva tidher iġġustifikata. Dan huwa partikolarment minnu sa fejn it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 26(2) jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li l-persuna kkonċernata tirċievi, flimkien mad-deċiżjoni ta’ trasferiment, informazzjoni dwar il-persuni jew l-entitajiet li jistgħu jipprovdulha pariri legali, sa fejn din l-informazzjoni ma tkunx diġà ġiet ikkomunikata.

    c)   Konklużjoni intermedja

    150.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 5 tar-Regolament Dublin III, moqri flimkien mal-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-intervista personali li huwa jipprevedi għandha ssir kemm fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20(1) u fl-Artikolu 18(1)(a) kif ukoll f’dawk imsemmija fl-Artikolu 20(5) u fl-Artikolu 18(1)(b) sa (d) ta’ dan ir-regolament. Dan jgħodd indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġietx ippreżentata fl-Istat Membru rikjedenti. Il-ksur tal-Artikolu 5 jista’ jiġi kkontestat fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment skont l-Artikolu 26. Tali ksur għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ trasferiment meta l-intervista personali ma tistax issir sussegwentement b’osservanza tal-garanziji proċedurali neċessarji fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ din id-deċiżjoni prevista fl-Artikolu 27 u meta jirriżulta, minkejja l-argumenti mressqa f’dan ir-rigward, li ebda deċiżjoni oħra fuq il-mertu ma tista’ tiġi adottata. Għall-kuntrarju, jekk ma jiġi ppreżentat ebda rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment, din tista’ ssir definittiva anki fl-assenza ta’ intervista personali, bil-kundizzjoni li l-informazzjoni dwar ir-rimedji ġudizzjarji disponibbli kienet effettiva.

    B. Fuq ir‑refoulement indirett

    151.

    Permezz tad-domandi tagħhom fil-Kawżi C‑254/21, C‑297/21 kif ukoll permezz tat-tielet domanda fil-Kawża C‑315/21, il-qrati tar-rinviju jistaqsu jekk, fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment adottata fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura, huma għandhomx jeżaminaw ir-riskju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement mill-Istat Membru rikjest (jiġifieri r-riskju ta’ “refoulement indirett”). Fil-kawżi prinċipali li taw lok għal dawn il-kawżi, l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali tal-persuni kkonċernati diġà ġew eżaminati u miċħuda fil-mertu mill-Istati Membri rikjesti rispettivament (l-Isvezja u l-Ġermanja). Il-qrati tar-rinviju jistaqsu għalhekk jekk huma jistgħux jew għandhomx jistħarrġu jekk il-persuni kkonċernati fl-Istati Membri rikjesti jinsabux f’riskju ta’ refoulement lejn l-Istati ta’ oriġini tagħhom fejn, min-naħa tagħhom, huma jkunu f’riskju għall-ħajja tagħhom jew ta’ trattament inuman.

    152.

    Id-diversi domandi magħmula f’dan ir-rigward mill-qrati tar-rinviju jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej: L-Artikolu 3(1) u (2), l-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III, moqrija flimkien mal-Artikoli 4, 19 u 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

    qorti tal-Istat Membru rikjedenti, fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment adottata fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura, tista’ jew għandha tistħarreġ ir-riskju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement mill-Istat Membru rikjest, anki jekk dan l-Istat Membru rikjest ma jurix diffetti sistemiċi fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III ( 56 );

    il-qorti rilevanti tal-Istat Membru rikjedenti tista’ jew għandha tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ dak l-Istat Membru jekk tqis li hemm riskju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement fl-Istat Membru rikjest ( 57 );

    il-qorti rilevanti tal-Istat Membru rikjedenti għandha tikkunsidra li r-riskju ta’ refoulement indirett lejn pajjiż terz jeżisti meta tevalwa l-kunċett ta’ “protezzjoni interna” fis-sens tal-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika b’mod differenti mill-Istat Membru rikjest ( 58 );

    jaqgħu wkoll taħt “nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura tal-asil”, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, il-konsegwenzi taċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mill-Istat Membru rikjest, meta l-qorti kompetenti tal-Istat Membru rikjedenti tqis li r-riskju għar-rikorrent li jsofri trattament inuman u degradanti fil-każ ta’ ripatrijazzjoni fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu jeżisti wkoll f’dan il-każ, fid-dawl ukoll tal-eżistenza preżunta ta’ kunflitt armat ġenerali fis-sens tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika ( 59 ).

    153.

    Barra minn hekk, fil-Kawża C‑254/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kriterji li hija għandha, jekk ikun il-każ, sabiex tevalwa r-riskju ta’ refoulement mill-Istat Membru rikjest wara li dan tal-aħħar ikun diġà warrab dan ir-riskju ( 60 ).

    1.   Fuq il‑preżunzjoni tar‑rispett tad‑drittijiet fundamentali mill‑Istati Membri kollha u l‑kundizzjonijiet tal‑konfutazzjoni tagħhom

    154.

    Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida fit-territorju ta’ Stat Membru, għandha tiġi eżaminata minn Stat Membru wieħed, li huwa dak li l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III jindikaw li huwa responsabbli. Fil-fatt, kif tirrileva l-Ġermanja, huwa l-prinċipju tas-sistema ta’ Dublin li għandu jkun hemm, fi ħdan l-Unjoni Ewropea, Stat Membru wieħed biss li jittratta l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Dan huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jirrazzjonalizza u jħaffef il-proċedura ta’ ażil u li jevita l-movimenti sekondarji.

    155.

    Din is-sistema hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka. Din teżiġi li kull wieħed mill-Istati Membri jikkunsidra, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt. Konsegwentement, fil-kuntest tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u, b’mod partikolari, tar-Regolament Dublin III, għandu jiġi preżunt li l-ipproċessar irriżervat għall-persuni li jkunu qegħdin ifittxu din il-protezzjoni f’kull Stat Membru huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Karta, tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève u l-KEDB ( 61 ). Għaldaqstant, mill-premessa 3 tar-Regolament Dublin III jirriżulta li l-Istati Membri, li kollha josservaw il-prinċipju ta’ non-refoulement, huma kkunsidrati bħala pajjiżi bla perikolu għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

    156.

    Għaldaqstant, fil-kuntest tas-sistema ta’ Dublin, l-Istati Membri jistgħu jkunu obbligati, bis-saħħa ta’ dan l-istess dritt, li jippreżumu r-rispett tad-drittijiet fundamentali mill-Istati Membri l-oħra. Konsegwentement, huma la jkunu jistgħu jeżiġu minn Stat Membru ieħor livell ta’ protezzjoni nazzjonali tad-drittijiet fundamentali ogħla minn dak żgurat mid-dritt tal-Unjoni u lanqas, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, ma jkunu jistgħu jivverifikaw jekk dan l-Istat Membru l-ieħor ikunx effettivament irrispetta, f’każ konkret, id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Unjoni ( 62 ).

    157.

    Din il-preżunzjoni tar-rispett tad-drittijiet fundamentali mill-Istati Membri l-oħra ma hijiex inkonfutabbli. Fil-fatt, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jiġi eskluż li, fil-prattika, is-sistema tal-ażil tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-funzjonament fi Stat Membru partikolari, u jeżisti r-riskju li jekk l-applikant jiġi ttrasferit lejn dan l-Istat Membru, tali trasferiment ikun inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali tiegħu ( 63 ). Għaldaqstant, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, li jikkodifika din il-ġurisprudenza, jipprevedi li applikant ma għandux jiġi ttrasferit lejn Stat Membru meta jkun hemm raġunijiet sostanzjali sabiex wieħed jemmen li f’dan l-Istat Membru jeżistu nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti, li jwasslu għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta ( 64 ).

    158.

    Din id-dispożizzjoni ġiet ikkompletata wkoll mill-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement: meta l-qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment ikollha elementi pprovduti mill-persuna kkonċernata sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta, din il-qorti għandha teżamina jekk, fil-mument tat-trasferiment, matul il-proċedura ta’ ażil jew wara li din tintemm, din il-persuna tistax tkun esposta għal riskju serju li ssofri trattament inuman jew degradanti minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew ta’ natura ġenerali jew li jolqtu ċerti gruppi ta’ persuni fl-Istat Membru responsabbli ( 65 ).

    159.

    Konformement mal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4 tal-Karta, huma għalhekk l-Istati Membri li ma għandhom iwettqu, fil-kuntest tas-sistema ta’ Dublin, ebda trasferimenti lejn Stat Membru li huma ma jistgħux jinjoraw l-eżistenza fih ta’ tali nuqqasijiet. Għall-kuntrarju, it-trasferiment ta’ applikant għall-ażil fil-kuntest tar-Regolament Dublin III jista’ jseħħ unikament f’kundizzjonijiet li jeskludu li dan it-trasferiment iwassal għal riskju reali li l-persuna kkonċernata tissubixxi trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ( 66 ).

    160.

    Madankollu, sa fejn dan il-ksur ta’ fiduċja reċiproka jikkostitwixxi eċċezzjoni, dan huwa ġġustifikat biss fil-każijiet fejn jeżistu provi li n-nuqqasijiet eżistenti fl-Istat Membru rikjest jissodisfaw livell partikolarment għoli ta’ gravità ( 67 ). Iżda fuq kollox, dawn in-nuqqasijiet għandu jkollhom natura ġenerali u sistemika. Dawn ma għandhomx jikkonċernaw il-ġestjoni ta’ każijiet individwali mill-amministrazzjoni, iżda nuqqasijiet ġenerali, sistemiċi. Għall-kuntrarju, kull ksur, każ b’każ, ta’ dritt fundamentali mill-Istat Membru responsabbli jaffettwa l-obbligi tal-Istati Membri l-oħra fir-rigward tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III ( 68 ).

    161.

    Fil-fatt, minn naħa, ma jkunx konformi mal-għanijiet u mal-funzjonament tas-sistema ta’ Dublin li kull ksur tar-regoli applikabbli, b’mod partikolari tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika, ikun jipprekludi t-trasferiment ta’ applikant għall-ażil lejn l-Istat Membru responsabbli. Dan mhux biss ineħħi mis-sustanza tagħhom l-obbligi previsti mir-Regolament Dublin III sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli, u b’hekk ixekkel is-sistema kollha ta’ Dublin. Iktar minn hekk, hija inkwistjoni, skont il-kliem tal-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]r-raġuni għall-eżistenza tal-Unjoni u tat-twettiq taż-żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja u, b’mod iktar partikolari, tas-sistema Ewropea komuni ta’ ażil, ibbażata fuq il-fiduċja reċiproka u preżunzjoni ta’ osservanza, mill-Istati Membri l-oħra, tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, tad-drittijiet fundamentali” ( 69 ).

    162.

    Min-naħa l-oħra, u fuq kollox, fl-assenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi fl-Istat Membru rikjest, lanqas ma huwa neċessarju li applikazzjoni żbaljata (allegata) tad-dispożizzjonijiet rilevanti fil-qasam tal-ażil twassal għas-sospensjoni tat-trasferiment ta’ applikant lejn l-Istat Membru rikjest. Fil-fatt, fl-assenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi, b’mod partikolari tas-sistema ġudizzjarja, għandu jitqies li kull deċiżjoni ta’ rifjut ta’ protezzjoni internazzjonali tista’ tkun suġġetta, fl-Istat Membru rikjest, għal stħarriġ ġudizzjarju li jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata. Is-subparagrafu 3 tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Dublin III jipprevedi wkoll espliċitament għal dan fir-rigward ta’ deċiżjonijiet skont l-Artikolu 18(1)(d) bħal dik inkwistjoni fil-kawża ineżami.

    163.

    Barra minn hekk, kif issostni Franza, ir-riskju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement mill-Istat Membru rikjest għadu ma jistax jiġi eżaminat b’mod definittiv mill-qorti ta’ Stat Membru rikjedenti biss minħabba ċ-ċaħda minn dan l-Istat Membru tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Fil-fatt, din iċ-ċaħda ma timplikax neċessarjament li l-applikant jintbagħat lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu ( 70 ). Għall-kuntrarju, l-Istat Membru rikjest għandu wkoll l-ewwel jieħu deċiżjoni ta’ ritorn skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn 2008/115/KE ( 71 ). Din għandha, min-naħa tagħha, tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ rimedju effettiv skont l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva. Tali rimedju għandu jkollu effett sospensiv jekk jeżistu raġunijiet serji għall-biża’ li, fil-każ ta’ tneħħija, ikun hemm riskju reali li l-persuna kkonċernata ssofri trattamenti li jmorru kontra l-Artikolu 4 tal-Karta ( 72 ). Il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C-297/21 tindika madankollu li l-applikant diġà kien is-suġġett ta’ deċiżjoni definittiva ta’ ritorn fl-Istat Membru rikjest.

    164.

    F’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tad-dritt sostantiv għall-ażil u tal-proċedura tal-ażil, is-sistema ta’ Dublin taħdem, kif diġà ġie espost fil-punt 87, abbażi tal-fatt li r-regoli f’dan il-qasam ġew armonizzati b’mod wiesa’ fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari bid-Direttivi dwar il-Kwalifiki u dwar il-Proċeduri tal-Ażil. Għaldaqstant, huwa minnu li għandu jiġi kkunsidrat, bħala prinċipju, li l-applikazzjoni ppreżentata minn applikant għall-ażil hija, fil-parti l-kbira, eżaminata skont l-istess regoli, ikun liema jkun l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tagħha ( 73 ). Madankollu, diverġenzi ta’ opinjoni huma inevitabbli f’każijiet partikolari, peress li huwa inerenti fil-mertu li l-applikazzjoni tad-dritt għal każijiet individwali mhux dejjem twassal b’mod ċar u inekwivoku għall-istess riżultat.

    165.

    Barra minn hekk, l-armonizzazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-ażil fid-dritt tal-Unjoni ma teskludix ċerti marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri. Għalhekk, kif issostni Franza, b’mod partikolari l-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika, iċċitat mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑254/21, jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li applikant ma għandux bżonn protezzjoni internazzjonali jekk huwa jkun jista’ jibbenefika minn protezzjoni kontra l-persekuzzjoni f’parti mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu li tkun aċċessibbli għalih. Għall-kuntrarju, skont il-premessa 14 u l-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika, l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu livelli iktar favorevoli sabiex jiddeċiedu liema huma l-persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew ta’ persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u sabiex jiddeterminaw il-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali, sa fejn dawn il-livelli stabbiliti huma kompatibbli ma’ din id-direttiva.

    166.

    Fl-isfond tal-fiduċja reċiproka tal-Istati Membri, jekk ma jkunx hemm nuqqasijiet sistemiċi fl-Istat Membru rikjest, differenzi ta’ opinjoni bejn l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istat Membru rikjedenti u dak rikjest fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-rekwiżiti sostantivi għal protezzjoni internazzjonali ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala difetti sistemiċi. Huma lanqas ma jistgħu jwasslu għat-trasferiment tar-responsabbiltà għall-eżami tal-mertu tal-applikazzjoni lill-Istat Membru rikjedenti.

    167.

    Sa fejn tali diverġenzi ta’ opinjoni jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, huma l-qrati tal-Istat Membru responsabbli skont ir-Regolament Dublin III li għandhom jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE. Jekk Stat Membru jqis li Stat Membru ieħor japplika dan ir-regolament b’mod żbaljat u ma jressaqx domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja bi ksur tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, huwa jista’ jibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 259 TFUE. Għall-kuntrarju, ma humiex il-qrati ta’ Stat Membru li ma għandhomx ġurisdizzjoni li jissostitwixxu lilhom infushom għal dan il-għan u li jwettqu l-korrezzjoni (allegatament) neċessarja tal-interpretazzjoni ta’ standard mill-Istat Membru kompetenti.

    168.

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, matul ir-reviżjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III, il-qrati tal-Istat Membru rikjedenti ma jistgħux, fl-assenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi b’mod partikolari tas-sistema ġudizzjarja fl-Istat Membru rikjest, jeżaminaw jekk jeżistix, f’dan l-Istat Membru, riskju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement. Ir-raġuni għal dan hija li dan iwassal għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-mertu, li ma hijiex preċiżament prevista fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni ta’ trasferiment skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III.

    169.

    Is-sentenza fil-kawża C. K. et ( 74 ), diskussa mid-diversi partijiet f’din il-proċedura, ma tinvalidax din il-konklużjoni. Huwa minnu li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-trasferiment ta’ applikant għall-ażil jista’ wkoll ikun illegali f’sitwazzjoni li fiha ma jkunx hemm nuqqasijiet sistemiċi fl-Istat Membru rikjest. Madankollu, din kienet sitwazzjoni li fiha, minħabba l-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata, it-trasferiment lejn l-Istat Membru rikjest seta’, bħala tali, u għalhekk indipendentement mis-sitwazzjonijiet eżistenti f’dan l-Istat Membru, potenzjalment jikkostitwixxi trattament inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ippreċiżat li, f’każ bħal dan, anki fin-nuqqas ta’ trasferiment, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka huwa rrispettat b’mod sħiħ. Konsegwentement, fil-kawża ineżami, l-eżistenza ta’ preżunzjoni ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri kollha ma hijiex affettwata minn dan in-nuqqas ta’ trasferiment ( 75 ).

    170.

    Madankollu, bla ħsara għal stħarriġ mill-qrati tar-rinviju, il-kawżi inkwistjoni ma jikkorrispondux preċiżament għal każ bħal dan. Għalhekk, l-assenza ta’ trasferiment minħabba dubji dwar il-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ trasferiment, li ma humiex immotivati minn difetti sistemiċi fl-Istati Membri rikjesti, tippreġudika l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka.

    171.

    Għaldaqstant, fil-kawża ineżami, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 156 iktar ’il fuq, il-qrati tal-Istati Membri rikjedenti huma obbligati, skont id-dritt tal-Unjoni, jippreżumu r-rispett tad-drittijiet fundamentali mill-Istati Membri rikjesti. Għalhekk, huma ma jistgħux jivverifikaw jekk dawn l-Istati Membri l-oħra effettivament osservawx id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Unjoni.

    2.   Fuq il‑klawżola diskrezzjonali li tinsab fl‑Artikolu 17(1) tar‑Regolament Dublin III

    172.

    Kif għadni kif irrilevajt, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija eżaminata minn Stat Membru wieħed, li huwa dak li l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament jindikaw bħala responsabbli. B’deroga, l-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata lilu minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, anki jekk dan l-eżami ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu taħt dawn il-kriterji.

    173.

    Flimkien mad-domandi tagħhom dwar l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, il-qrati tar-rinviju fil-Kawżi C‑254/21 u C‑297/21 jistaqsu jekk l-Istat Membru rikjedenti huwiex obbligat li japplika l-klawżola diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1) meta jeżisti riskju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement fl-Istat Membru rikjest. Barra minn hekk, huma jistaqsu jekk huma jistgħux jobbligaw lill-awtoritajiet tal-Istat Membru rikjedenti japplikaw din il-klawżola fil-kawża inkwistjoni.

    174.

    Kif għadni kif spjegajt, fil-każ fejn ma jeżistux nuqqasijiet sistemiċi fl-Istat Membru rikjest, la l-awtoritajiet u lanqas il-qrati tal-Istat Membru rikjedenti ma jistgħu jeżaminaw ir-riskju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement mill-Istat Membru rikjest. Konsegwentement, qorti tal-Istat Membru rikjedenti lanqas ma tista’ tobbliga lill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru, f’tali każ, japplikaw il-klawżola diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III.

    175.

    Għalhekk, huwa għal finijiet ta’ kompletezza li nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-applikazzjoni ta’ din il-klawżola hija fakultattiva għall-Istati Membri u ma hija suġġetta għal ebda kundizzjoni partikolari ( 76 ). Għall-kuntrarju, din il-possibbiltà għandha l-għan li tippreżerva l-prerogattivi tal-Istati Membri fl-eżerċizzju tad-dritt għal protezzjoni internazzjonali. Hija intiża sabiex tippermetti lil kull Stat Membru jiddeċiedi, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet politiċi, umanitarji jew prattiċi, li jaċċetta li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, filwaqt li tagħti lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali wiesgħa ( 77 ). Għalhekk l-Istati Membri qatt ma huma obbligati mid-dritt tal-Unjoni li japplikaw din il-klawżola, lanqas għal kunsiderazzjonijiet umanitarji, bħall-istat ta’ saħħa tal-applikant jew l-aħjar interessi tal-wild ( 78 ).

    176.

    Dan huwa ġġustifikat mill-fatt li, kif esponejt iktar ’il fuq, is-sistema ta’ Dublin hija bbażata fuq il-premessa li l-Istati Membri kollha jirrispettaw id-drittijiet fundamentali. Għaldaqstant, wieħed jista’ jippreżumi li l-Istati Membri kollha jirrispettaw biżżejjed il-kunsiderazzjonijiet umanitarji. Kif ġie spjegat, din il-fiduċja tista’ tiġi mminata biss jekk nuqqasijiet sistemiċi joħolqu dubju speċifiku dwar dan. Madankollu, fil-kawża ineżami, ir-responsabbiltà tal-Istat Membru rikjedenti hija stabbilita mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, b’tali mod li ma huwiex neċessarju li wieħed jirrikorri għall-Artikolu 17(1).

    177.

    Huwa minnu li, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rifjut ta’ Stat Membru li japplika l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III jista’, jekk ikun il-każ, jiġi kkontestat fil-kuntest ta’ appell mid-deċiżjoni ta’ trasferiment ( 79 ). Madankollu, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta lill-Istati Membri f’din l-applikazzjoni, id-dritt tal-Unjoni jeżiġi biss stħarriġ ġudizzjarju limitat għal żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. Madankollu, tali żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni jistgħu jeżistu biss jekk l-Istat Membru rikjedenti ma jkunx iddikjara ruħu responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, minkejja li jeżistu nuqqasijiet sistemiċi fl-Istat Membru rikjest u li, għaldaqstant, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament ikunu ssodisfatti.

    178.

    Dan ma jaffettwax il-possibbiltà għall-qrati nazzjonali li jobbligaw lill-Istati Membri, abbażi ta’ dispożizzjonijiet iktar favorevoli tad-dritt nazzjonali, li jagħtu protezzjoni nazzjonali, bil-kundizzjoni li d-dritt nazzjonali jipprevedi dan u li tkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika ( 80 ).

    3.   Konklużjoni intermedja

    179.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikoli 3(1) u (2), 17(1) u 27 tar-Regolament Dublin III, moqrija flimkien mal-Artikoli 4, 19 u 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti tal-Istat Membru rikjedenti, adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment, ma tistax teżamina r-riskju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement mill-Istat Membru rikjest fl-assenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi f’dan l-Istat Membru li jiġġustifikaw dubji fir-rigward tal-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-miżuri li jippermettu t-tneħħija tal-applikanti għall-ażil miċħuda. Id-diverġenzi ta’ opinjonijiet bejn l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istat Membru rikjedenti u dak rikjest fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet sostantivi tal-protezzjoni internazzjonali ma jikkostitwixxux nuqqasijiet sistemiċi.

    180.

    Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-punt (b) tar-raba’ domanda, imsemmija fil-punt 153, fil-Kawża C‑254/21.

    VI. Konklużjoni

    181.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari:

    “1.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li tingħata l-informazzjoni msemmija fih jeżisti kemm fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20(1) u fl-Artikolu 18(1)(a) kif ukoll f’dawk imsemmija fl-Artikolu 20(5) u fl-Artikolu 18(1)(b) sa (d) ta’ dan ir-regolament, hekk kif l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 20(2), tkun ippreżentata fi Stat Membru. Il-ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III jista’ jiġi kkontestat fil-kuntest ta’ appell minn deċiżjoni ta’ trasferiment fil-kuntest ta’ proċedura ta’ teħid lura. Madankollu, dan għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ trasferiment biss jekk, minħabba l-assenza tal-għoti tal-informazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni, ma setax jiġi invokat element ta’ natura li jopponi t-trasferiment lejn l-Istat Membru rikjest u jekk dan id-difett ma jkunx jista’ jiġi rregolarizzat fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ din id-deċiżjoni skont l-Artikolu 27.

    2.

    L-Artikolu 29 tar-Regolament Eurodac, moqri flimkien mal-Artikolu 9(1) u mal-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li tingħata l-informazzjoni msemmija fih japplika kemm fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20(1) u fl-Artikolu 18(1)(a) kif ukoll f’dawk imsemmija fl-Artikolu 20(5) u fl-Artikolu 18(1)(b) sa (d) tar-Regolament Dublin III. Ksur tal-Artikolu 29 tar-Regolament Eurodac jista’ jiġi kkontestat fil-kuntest ta’ appell minn deċiżjoni ta’ trasferiment skont l-Artikolu 26 tar-Regolament Dublin III. Madankollu, dawn għandhom iwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ trasferiment biss jekk, minħabba l-assenza tal-għoti tal-informazzjoni kkonċernata, ma jkunx jista’ jitressaq element ta’ natura li jopponi t-trasferiment lejn l-Istat Membru rikjest u jekk dan id-difett ma jkunx jista’ jiġi rregolarizzat matul il-proċedura ġudizzjarja.

    3.

    L-Artikolu 5 tar-Regolament Dublin III, moqri flimkien mal-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-intervista personali li huwa jipprevedi għandha ssir kemm fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20(1) u fl-Artikolu 18(1)(a) kif ukoll f’dawk imsemmija fl-Artikolu 20(5) u fl-Artikolu 18(1)(b) sa (d) ta’ dan ir-regolament. Dan jgħodd indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġietx ippreżentata fl-Istat Membru rikjedenti. Il-ksur tal-Artikolu 5 jista’ jiġi kkontestat fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment skont l-Artikolu 26. Tali ksur għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ trasferiment meta l-intervista personali ma tistax issir sussegwentement b’osservanza tal-garanziji proċedurali neċessarji fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ din id-deċiżjoni prevista fl-Artikolu 27 u meta jirriżulta, minkejja l-argumenti mressqa f’dan ir-rigward, li ebda deċiżjoni oħra fuq il-mertu ma tista’ tiġi adottata. Għall-kuntrarju, jekk ma jiġi ppreżentat ebda rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment, din tista’ ssir definittiva anki fl-assenza ta’ intervista personali, bil-kundizzjoni li l-informazzjoni dwar ir-rimedji ġudizzjarji disponibbli kienet effettiva.

    4.

    L-Artikoli 3(1) u (2), 17(1) u 27 tar-Regolament Dublin III, moqrija flimkien mal-Artikoli 4, 19 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti tal-Istat Membru rikjedenti, adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment, ma tistax teżamina r-riskju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement mill-Istat Membru rikjest fl-assenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi f’dan l-Istat Membru li jiġġustifikaw dubji fir-rigward tal-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-miżuri li jippermettu t-tneħħija tal-applikanti għall-ażil miċħuda. Id-diverġenzi ta’ opinjonijiet bejn l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istat Membru rikjedenti u dak rikjest fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet sostantivi tal-protezzjoni internazzjonali ma jikkostitwixxux nuqqasijiet sistemiċi.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

    ( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50).

    ( 3 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 51).

    ( 4 ) Kawżi C‑228/21, C‑315/21 u C‑328/21. Kwistjonijiet simili jqumu wkoll fil-Kawżi C‑80/22 u C‑217/22 attwalment pendenti, li ma humiex is-suġġett ta’ din il-proċedura.

    ( 5 ) Kawżi C‑254/21, C‑297/21 u C‑315/21.

    ( 6 ) Ara l-punt 1 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 2 iktar’il fuq.

    ( 7 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU 2013, L 180, p. 1).

    ( 8 ) ĠU 2011, L 337, p. 9.

    ( 9 ) ĠU 2013, L 180, p. 60.

    ( 10 ) Regolament tal-Kummissjoni tat‑2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 200).

    ( 11 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat‑30 ta’ Jannar 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1560/2003 (ĠU 2014, L 39, p. 1).

    ( 12 ) “L-informazzjoni pprovduta hija dik prevista taħt il-Parti B tal-Anness X.”

    ( 13 ) Ara dwar id-distinzjoni taż-żewġ sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti 70 u 71 il-kawża H. u R. (taħt in-nota ta’ qiegħ il-punt 15), punti 46 sa 52, kif ukoll is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, B. u F. (Terminu ta’ trasferiment - Diversi talbiet) (C‑323/21 sa C‑325/21, EU:C:2023:4, punti 47 sa 50).

    ( 14 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 15 ) Sentenza tat‑2 ta’ April 2019, H. u R. (C‑582/17 u C‑583/17, EU:C:2019:280).

    ( 16 ) Sentenza H. u R., punti 51, 52, 65 sa 67 u 80.

    ( 17 ) Sentenza H. u R., punti 61 sa 63 u 80.

    ( 18 ) Sentenza H. u R., punti 54 sa 80.

    ( 19 ) Sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Karim (C‑155/15, EU:C:2016:410, punt 27).

    ( 20 ) Ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 55).

    ( 21 ) Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Shiri (C‑201/16, EU:C:2017:805, punt 46).

    ( 22 ) Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218, punti 87 sa 8998).

    ( 23 ) Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punti 65, 66, 73, 7496).

    ( 24 ) Sentenza H. u R., punti 81 sa 84.

    ( 25 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 26 ) Ibidem.

    ( 27 ) Enfasizzat fl-oriġinal. Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 28 ) Ara l-premessi 4 u 5 tar-Regolament Dublin III kif ukoll is-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 57), u tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 58).

    ( 29 ) Ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Shiri (C‑201/16, EU:C:2017:805, punt 31); tat‑13 ta’ Novembru 2018, X u X (C‑47/17 u C‑48/17, EU:C:2018:900, punti 6970); u tat‑12 ta’ Jannar 2023, B. u F. (Terminu ta’ trasferiment - Diversi talbiet) (C‑323/21 sa C‑325/21, EU:C:2023:4, punt 55).

    ( 30 ) Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951, United Nations Treaty Series, Bd. 189, p. 150, Nru 2545 (1954).

    ( 31 ) Ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 78 sa 80), u tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 82); ara f’dan ir-rigward ukoll il-punti 155 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 32 ) Sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2013, Abdullahi (C‑394/12, EU:C:2013:813, punti 5455).

    ( 33 ) Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat (riformulazzjoni), KUMM(2008) 820 finali, p. 8 u 12: “Tkun eskluża l-possibbiltà li jintbgħat lura applikant li għalih japplika kriterju dwar l-unità tal-familja fil-waqt tal-iktar applikazzjoni riċenti, bil-kundizzjoni li l-Istat Membru fejn ġiet iddepożitata l-ewwel applikazzjoni għadu ma ħax l-ewwel deċiżjoni dwar is-sustanza. L-għan huwa li jkun żgurat b’mod partikolari li l-elementi ġodda possibbli dwar is-sitwazzjoni tal-familja ta’ persuna tfittex l-ażil jistgħu jittieħdu f’konsiderazzjoni kif imiss mill-Istat Membru li fih qiegħda l-persuna tfittex l-ażil, f’konformità mal-obbligi stabbiliti fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u tal-Libertajiet Fundamentali; […] Id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja se jkun raffurzat b’mod konsiderevoli, b’mod partikolari billi jitkabbar l-ambitu tar-Regolament biex jinkludi applikanti u benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarju, billi r-riunifikazzjoni ta’ qraba dipendenti issir obbligatorja u billi ma jkunx aċċettat, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, li jintbgħat lura applikant li għalih jista’ japplika wieħed mill-kriterji ta’ unità tal-familja fil-mument tal-applikazzjoni l-iktar reċenti tiegħu/tagħha. Dawn is-salvagwardji mhux biss se jipprovdu standards ta’ protezzjoni ogħla għal persuna tfittex l-ażil iżda wkoll jikkontribwixxu biex inaqqsu il-livell ta’ movimenti sekondarji, billi s-sitwazzjoni personali ta’ kull persuna tfittex l-ażil se tkun meqjusa aħjar fil-proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli.” (enfasizzat fl-oriġinal).

    ( 34 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409, punti 47 sa 51), u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 58).

    ( 35 ) Ara f’dan ir-rigward il-ġustifikazzjoni fil-proposta tal-Kummissjoni għar-Regolament Dublin III (nota ta’ qiegħ il-paġna 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet), p. 7 u 11: “[…] L-infurmar aħjar tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali dwar l-implikazzjonijiet tar-Regolament ta’ Dublin se jżid l-għarfien tagħhom tal-proċedura li tiddetermina r-responsabbiltà, li tista’, fost l-oħrajn, tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-fenomenu ta’ ċaqliq sekondarju; B’mod partikolari, il-fatt li dawk li qed ifittxu ażil ikunu infurmati aħjar dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u d-drittijiet u l-obbligi tagħhom, min-naħa l-waħda se jagħtihom il-possibbiltà li jiddefendu d-drittijiet tagħhom aħjar u min-naħa l-oħra, jista’ jikkontribwixxi għat-tnaqqis fil-livell ta’ movimenti sekondarji billi dawk li qed ifittxu ażil ikunu iktar lesti li jikkonformaw mas-sistema.” (enfasizzat fl-oriġinal).

    ( 36 ) Enfasizzat fl-oriġinal. Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 37 ) Ara f’dan ir-rigward is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:587, punti 76 sa 103).

    ( 38 ) Sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 48); tat‑2 ta’ April 2019, H. u R. (C‑582/17 u C‑583/17, EU:C:2019:280, punt 40); u tat‑12 ta’ Jannar 2023, B. u F. (Terminu ta’ trasferiment - Diversi talbiet) (C‑323/21 sa C‑325/21, EU:C:2023:4, punt 91); b’mod partikolari dwar l-Artikolu 5 tar-Regolament Dublin III tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 53).

    ( 39 ) Ara s-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2013, G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punti 3536); tas‑16 ta’ Lulju 2020, Addis (C‑517/17, EU:C:2020:579, punt 57); u tal‑15 ta’ April 2021, L‑Istat Belġjan (Elementi sussegwenti għad‑deċiżjoni ta’ trasferiment) (C‑194/19, EU:C:2021:270, punt 42).

    ( 40 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2013, G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 41 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2013, G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 40), u, f’kuntest ieħor, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punti 5253); ara wkoll is-sentenzi tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il‑Kunsill (C‑141/08 P, EU:C:2009:598, punt 94); tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni (C‑109/10 P, EU:C:2011:686, punt 57); u tas‑16 ta’ Jannar 2019, United Parcel Service vs Il‑Kummissjoni (C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punt 56).

    ( 42 ) Ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 43 ) Għall-kuntrarju, fil-kawża l-oħra pendenti C‑217/22, tqum il-kwistjoni dwar liema huma l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ intervista mill-Istat Membru rikjest fuq id-deċiżjoni ta’ trasferiment.

    ( 44 ) Ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punti 81 sa 87 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal‑10 ta’ Settembru 2013, G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tal‑5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punti 42 sa 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 45 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020 (C‑517/17, EU:C:2020:579, punt 7071).

    ( 46 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Addis (C‑517/17, EU:C:2020:579, punt 74).

    ( 47 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Addis (C‑517/17, EU:C:2020:579, punti 49 sa 54).

    ( 48 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020 (C‑517/17, EU:C:2020:579, punt 70).

    ( 49 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Addis (C‑517/17, EU:C:2020:579, punti 56 sa 74).

    ( 50 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, A.S. (C‑490/16, EU:C:2017:585, punt 33).

    ( 51 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 61), u tas‑26 ta’ Lulju 2017, A.S. (C‑490/16, EU:C:2017:585, punti 27 sa 35).

    ( 52 ) Ara s-sentenzi tal‑15 ta’ April 2021, L‑Istat Belġjan (Elementi sussegwenti għad‑deċiżjoni ta’ trasferiment) (C‑194/19, EU:C:2021:270, punti 3649 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑12 ta’ Jannar 2023, B. u F. (Terminu ta’ trasferiment - Diversi talbiet)) (C‑323/21 sa C‑325/21, EU:C:2023:4, punti 92 sa 95).

    ( 53 ) Ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Shiri (C‑201/16, EU:C:2017:805, punt 31); tat‑13 ta’ Novembru 2018, X (C‑47/17 u C‑48/17, EU:C:2018:900, punti 6970); u tat‑12 ta’ Jannar 2023, B. u F. (Terminu ta’ trasferiment - Diversi talbiet) (C‑323/21 sa C‑325/21, EU:C:2023:4, punt 55).

    ( 54 ) Ara dwar l-Artikolu 23 tar-Regolament Dublin III, sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2018, X (C‑213/17, EU:C:2018:538, punti 3435); dwar l-Artikolu 24, sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, Hasan (C‑360/16, EU:C:2018:35, punt 77; dwar is-sitwazzjoni li fiha l-ebda applikazzjoni ġdida ma hija ppreżentata fit-tieni Stat Membru, ara l-punti 86 et seq.).

    ( 55 ) Ara, fir-rigward ta’ sitwazzjoni fejn terminu ġdid sabiex tiġi ppreżentata talba għall-finijiet ta’ teħid lura jibda jiddekorri minħabba li sadanittant ir-responsabbiltà ġiet ittrasferita lil tielet Stat Membru mingħajr ma r-raġuni għaliha tkun imputabbli lill-Istat Membru rikjedenti, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, B. u F. (Terminu ta’ trasferiment - Diversi talbiet) (C‑323/21 sa C‑325/21, EU:C:2023:4, punt 85).

    ( 56 ) L-ewwel u t-tielet domanda fil-Kawża C‑254/21 u l-ewwel u t-tieni domanda fil-Kawża C‑297/21.

    ( 57 ) Il-punt (a) tar-raba’ domanda fil-Kawża C‑254/21 u l-ewwel u t-tieni domanda fil-Kawża C‑297/21.

    ( 58 ) It-tieni domanda fil-Kawża C‑254/21.

    ( 59 ) It-tielet domanda fil-Kawża C‑315/21.

    ( 60 ) Il-punt (b) tar-raba’ domanda fil-Kawża C‑254/21.

    ( 61 ) Sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 78 sa 80), u tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 82).

    ( 62 ) Ara f’dan ir-rigward l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB) tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 192), is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 41).

    ( 63 ) Sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 81), u tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 83).

    ( 64 ) Ara f’dan is-sens is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 86).

    ( 65 ) Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218, punti 87 sa 90).

    ( 66 ) Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punti 6065).

    ( 67 ) Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 91).

    ( 68 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 82).

    ( 69 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 83 sa 85).

    ( 70 ) Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Tall (C‑239/14, EU:C:2015:824, punt 56), u tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 55).

    ( 71 ) Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).

    ( 72 ) Sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Centre public d’action sociale d’Ottignies-Louvain-La-Neuve (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punti 5253); tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Tall (C‑239/14, EU:C:2015:824, punti 54, 5758); tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punti 5456); u tas‑26 ta’ Settembru 2018, Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie (Effett sospensiv tal-appell) (C‑180/17, EU:C:2018:775, punti 2829).

    ( 73 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2013, Abdullahi (C‑394/12, EU:C:2013:813, punti 5455).

    ( 74 ) Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017 (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127).

    ( 75 ) Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punti 65, 66, 7391 sa 96), ara wkoll f’dan ir-rigward, mutatis mutandis, is-sentenza tat‑18 ta’ April 2023, Presidente del Consiglio dei Ministri et (Raġuni għal rifjut ibbażata fuq mard) (C‑699/21, EU:C:2023:295, punti 3942).

    ( 76 ) Ara s-sentenzi tat‑30 ta’ Mejju 2013, Halaf (C‑528/11, EU:C:2013:342, punt 36), u tat‑23 ta’ Jannar 2019, M.A. et (C‑661/17, EU:C:2019:53, punt 58).

    ( 77 ) Ara s-sentenzi tat‑30 ta’ Mejju 2013, Halaf (C‑528/11, EU:C:2013:342, punt 37); tal‑10 ta’ Diċembru 2013, Abdullahi (C‑394/12, EU:C:2013:813, punt 57); tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Fathi (C‑56/17, EU:C:2018:803, punt 53); u tat‑23 ta’ Jannar 2019, M.A. et (C‑661/17, EU:C:2019:53, punti 58 sa 60).

    ( 78 ) Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punti 8897), u tat‑23 ta’ Jannar 2019, M.A. et (C‑661/17, EU:C:2019:53, punt 71).

    ( 79 ) Sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, M.A. et (C‑661/17, EU:C:2019:53, punti 78, 7986).

    ( 80 ) Ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2010, B (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punti 113 sa 121); tat‑18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj (C‑542/13, EU:C:2014:2452, punti 42 sa 46); tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova (C‑652/16, EU:C:2018:801, punti 69 sa 71); u tad‑9 ta’ Novembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Żamma tal-unità tal-familja) (C‑91/20, EU:C:2021:898, punti 38 sa 4046).

    Top