EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0157

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fit-2 ta’ Diċembru 2021.


ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:978

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fit‑2 ta’ Diċembru 2021 ( 1 )

Kawża C‑157/21

Ir‑Repubblika tal‑Polonja

vs

Il‑Parlament Ewropew u

Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament – Artikolu 151(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti – Kwistjoni proċedurali – Talba għall-irtirar ta’ dokument – Pariri legali – Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 – Sistema ġenerali ta’ kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni – Protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fi Stat Membru – Bażi legali tar-Regolament 2020/2092 – Allegat ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Ugwaljanza tal-Istati Membri – Prinċipju ta’ proporzjonalità”

1.

F’dan ir-rikors ( 2 ), ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE, ir-Repubblika tal-Polonja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 ( 3 ).

2.

Fir-rikors, li r-rilevanza kostituzzjonali tiegħu ma tistax tiġi miċħuda, huwa diskuss jekk ir-Regolament 2020/2092, li jintroduċi mekkaniżmu għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni mill-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt mill-Istati Membri marbutin mal-implimentazzjoni baġitarja, ġiex adottat fuq bażi legali xierqa u jekk huwiex kompatibbli ma’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, b’mod partikolari, mal-Artikolu 7 TUE.

3.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tattribwixxi r-rikors lis-seduta plenarja, bħala l-qorti xierqa sabiex tiddeċiedi l-kawżi li huma ta’ “importanza eċċezzjonali” (l-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja).

I. Il‑kuntest ġuridiku

4.

Nagħmel riferiment għat-traskrizzjoni tar-regoli tat-Trattati u tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li nesponi fil-konklużjonijiet tal-Kawża C‑156/21.

II. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

5.

Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

Tannulla kompletament ir-Regolament 2020/2092.

Tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

6.

Il-Parlament u l-Kunsill jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad ir-rikors u tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

7.

Fit‑12 ta’ Mejju 2021, il-Parlament Ewropew talab li l-kawża tiġi deċiża skont l-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura (proċedura mħaffa), talba li l-President tal-Qorti tal-Ġustizzja aċċetta fid‑9 ta’ Ġunju 2021.

8.

Fit‑12 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill talab lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’konformità mal-Artikolu 151(1) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex la tikkunsidra ċerti siltiet mit-talba tar-Repubblika tal-Polonja, għaliex jirriproduċu jew jagħmlu riferiment għal opinjoni mhux ippubblikata tas-Servizz Ġuridiku tal-Kunsill. Fid‑29 ta’ Ġunju 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, skont il-punt 5 ta’ dan l-artikolu, li din il-kwistjoni tiġi deċiża, flimkien mal-mertu, fis-sentenza.

9.

Fis-seduta, miżmuma quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’seduta plenarja fil‑11 u fit‑12 ta’ Ottubru 2021, intervjenew ir-Repubblika tal-Polonja, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern tar-Renju tal-Belġju, tar-Renju tad-Danimarka, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tal-Ungerija, tal-Irlanda, tar-Renju ta’ Spanja, tar-Repubblika Franċiża, tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, tar-Repubblika tal-Finlandja u dak tar-Renju tal-Isvezja.

10.

F’dawn il-konklużjonijiet ser insegwi l-istess ordni użata f’dawk tal-Kawża C‑156/21. Qabelxejn, ser nindirizza l-kwistjoni proċedurali mqajma mill-Kunsill. Iktar ’il quddiem, ser nagħmel riferiment għall-kuntest ġuridiku li fih ġie mfassal u adottat ir-Regolament 2020/2092. Finalment, ser nikkunsidra l-ħdax-il motiv għal annullament invokati mir-Repubblika tal-Polonja sabiex titlob l-annullament tar-Regolament 2020/2092.

11.

Sabiex nevita repetizzjonijiet, ser nagħmel riferiment għall-konklużjonijiet tal-Kawża C‑156/21 (li r-reġistrazzjoni tagħha saret qabel din il-kawża) sa fejn nista’. Għaldaqstant, f’dawn il-konklużjonijiet ser nindirizza biss il-kwistjonijiet li ma ġewx indirizzati fil-konklużjonijiet l-oħra.

III. Kwistjoni proċedurali: talba għall‑irtirar ta’ opinjoni tas‑Servizz Ġuridiku tal‑Kunsill

12.

Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex “ma tikkunsidrax is-siltiet tat-talba u tal-annessi tagħha li jagħmlu riferiment għal, jirriproduċu l-kontenut jew jirriflettu l-analiżi mwettqa fl-opinjoni tas-Servizz Ġuridiku tal-Kunsill (dokument 13593/18 tal-Kunsill) tal‑25 ta’ Ottubru 2018 u, b’mod partikolari, is-siltiet [tal-punti 53, 75, 126, 133 u 139]”.

13.

Il-Gvern Pollakk jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-talba tal-Kunsill għaliex l-argumenti tiegħu huma infondati u ma jistgħux jintlaqgħu.

14.

Fil-konklużjonijiet tiegħi tal-Kawża C‑156/2021 nesponi r-raġunijiet li jwassluni sabiex nissuġġerixxi li tiġi miċħuda t-talba inċidentali tal-Kunsill, identika għal dik magħmula f’din il-kawża, wara li nanalizza: a) il-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess u l-invokazzjoni quddiem il-qorti tad-dokumenti tal-istituzzjonijiet; b) il-ġurisprudenza dwar l-aċċess għall-opinjonijiet tas-servizzi ġuridiċi tal-istituzzjonijiet u għall-invokazzjoni tagħhom quddiem il-qorti; u c) l-applikazzjoni tagħhom f’din il-kawża.

15.

Għal dawn l-istess raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad, anki f’din il-kawża, it-talba inċidentali tal-Kunsill.

IV. Ir‑Regolament 2020/2092: regola li testendi bejn il‑kundizzjonalità finanzjarja u l‑garanzija tal‑istat tad‑dritt

16.

Nagħmel riferiment għall-argumenti esposti fil-konklużjonijiet tal-Kawża C‑156/21 dwar il-proċedura leġiżlattiva segwita għall-adozzjoni tar-Regolament 2020/2092 u dwar il-mekkaniżmi ta’ kundizzjonalità finanzjarja eżistenti fid-dritt tal-Unjoni.

V. L‑ewwel motiv tar‑rikors: assenza ta’ bażi legali valida tar‑Regolament 2020/2092

17.

Il-Gvern Pollakk jargumenta li regolament adottat abbażi tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE la jista’ jiddefinixxi l-kunċett tal-istat tad-dritt u lanqas l-elementi li jikkostitwixxu l-ksur tiegħu. Lanqas ma jista’ jawtorizza lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jispeċifikaw l-eżiġenzi marbuta mal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Finalment, il-leġiżlatur ma setax jawtorizza lill-Kunsill sabiex jibbaża ruħu fuq il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-ksur ta’ dawn il-prinċipji sabiex jadotta miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni fil-konfront ta’ Stat Membru.

18.

Il-Gvern Pollakk isostni li r-Regolament 2020/2092 jippermetti li jiġu imposti sanzjonijiet fuq l-Istati Membri għan-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi li huma għandhom taħt it-Trattati. Ir-Regolament 2020/2092, għaldaqstant, ma jweġibx għar-rekwiżiti li għandu jissodisfa mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità finanzjarja. Għaldaqstant, huwa ma jistax ikollu bħala bażi legali l-Artikolu 322(1)(a) TFUE, li jattribwixxi funzjonijiet strettament baġitarji lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

19.

L-analiżi ta’ dawn l-argumenti fil-punti korrelattivi tal-konklużjonijiet tal-Kawża C‑156/21 twassalni sabiex nirrakkomanda li l-ewwel motiv tar-rikors jiġi miċħud.

VI. It‑tieni motiv tar‑rikors: natura mhux xierqa tal‑bażi legali tar‑Regolament 2020/2092

A.   L‑argumenti tal‑partijiet

20.

Il-Gvern Pollakk isostni li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta l-fatt li l-Unjoni għandha l-kompetenza sabiex tadotta r-Regolament 2020/2092, il-bażi legali tiegħu għandha tkun it-tielet paragrafu tal-Artikolu 311 TFUE, jew fin-nuqqas ta’ dan, l-Artikolu 312(2) TFUE, minflok l-Artikolu 322(1)(a) TFUE.

21.

Fil-fehma tal-Gvern Pollakk, ir-Regolament 2020/2092 jagħmel riferiment għal, u huwa marbut, maċ-ċiklu baġitarju l-ġdid u mal-impenji finanzjarji kollha miftiehma għall-qafas finanzjarju multiannwali (iktar ’il quddiem, il-“QFP”) ( 4 ) u għall-Istrument għall-Irkupru tal-Unjoni Ewropea Next Generation EU ( 5 ), kif turi l-proċedura ta’ tfassil tiegħu.

22.

L-Artikolu 322(1)(a) TFUE ma jipprovdix kopertura legali xierqa għar-Regolament 2020/2092, billi jippermetti biss l-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni tal-baġit annwali tal-Unjoni.

23.

L-użu ta’ din il-bażi legali mhux korretta jwassal sabiex tintuża proċedura leġiżlattiva mhux xierqa (dik ordinarja) u sistema ta’ votazzjoni mhux korretta (b’maġġoranza kkwalifikata). B’hekk jinkisru r-rekwiżiti formali essenzjali, għaliex it-tielet paragrafu tal-Artikolu 311 TFUE u l-Artikolu 312(2) TFUE jippreskrivu l-użu ta’ proċedura leġiżlattiva speċjali u d-deċiżjoni b’mod unanimu.

24.

Il-Parlament u l-Kunsill jikkontestaw dawn l-argumenti ( 6 ).

B.   Evalwazzjoni

25.

Ir-Regolament 2020/2092 jintroduċi mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità finanzjarja ta’ natura permanenti li ma huwiex marbut ma’ xi baġit annwali jew ma’ xi QFP partikolari.

26.

Ir-regoli ta’ implimentazzjoni tal-baġit li l-adozzjoni tagħhom hija permessa mill-Artikolu 322(1)(a) TFUE japplikaw kemm għall-oqfsa finanzjarji multiannwali (u għall-Istrument Next generation EU) kif ukoll għall-baġits annwali. Fl-Artikolu 310 TFUE hemm minqux il-prinċipju ta’ annwalità, li jfisser li d-dħul u l-ispejjeż previsti fl-oqfsa finanzjarji multiannwali jiġu diviżi u implimentati annwalment permezz ta’ kull baġit.

27.

Miż-żewġ artikoli invokati mill-Gvern Pollakk, l-ewwel wieħed (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 311 TFUE) jindika li “[l]-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali, b’mod unanimu u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, għandu jadotta Deċiżjoni li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet applikabbli għas-sistema tar-riżorsi proprji ta’ l-Unjoni. F’dan il-kuntest jista’ jistabbilixxi kategoriji ġodda ta’ riżorsi proprji jew jabolixxi kategorija eżistenti. Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ biss wara l-approvazzjoni tagħha mill-Istati Membri, skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom”.

28.

Madankollu, ir-Regolament 2020/2092 la joħloq xi tip ġdid ta’ riżorsi proprji, la jneħħi xi wieħed minn dawk eżistenti, u lanqas ma jirregola l-modalitajiet ta’ ġbir tar-riżorsi proprji jew ir-relazzjoni bejniethom. Huwa mfassal sabiex jiġi applikat prinċipalment għall-ispejjeż tal-Unjoni iktar milli għad-dħul tagħha. Għaldaqstant, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 311 TFUE ma jistax ikun il-bażi legali xierqa sabiex jiġi adottat.

29.

L-istess japplika għat-tieni artikolu allegatament miksur (l-Artikolu 312(2) TFUE) li skontu, “[il]-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali, għandu jadotta regolament li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali. Dan għandu jaġixxi b’mod unanimu wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, li għandha tingħata b’maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu […]”.

30.

Il-qafas finanzjarju multiannwali huwa maqbul għal mill-inqas ħames snin, għandu l-għan li jiggarantixxi, matul dan il-perijodu, l-evoluzzjoni organizzata tal-ispejjeż u, għal dawn il-finijiet, jiddetermina l-ammonti tal-limiti massimi annwali ta’ approprjazzjonijiet għal impenji, skont il-kategorija tal-ispejjeż, u tal-limitu massimu annwali ta’ approprjazzjonijiet għall-pagamenti.

31.

Għall-kuntrarju, ir-Regolament 2020/2092 ma fih l-ebda ppjanar tal-impenji u tal-ħlasijiet tal-Unjoni tul perijodu ta’ żmien (ser jibqa’ fis-seħħ sakemm jitħassar) u ma jistax jiġi kklassifikat bħala mekkaniżmu xieraq għat-tħaddim tajjeb tal-proċedura annwali tal-baġit fis-sens tal-Artikolu 312(3) TFUE.

32.

Fir-rigward tal-fatt li r-Regolament 2020/2092 kien ġie adottat b’mod parallel man-negozjati tal-QFP 2021‑2027 u mal-Istrument Next Generation EU (jew tal-fatt li għandu rabta politika magħhom), dan l-element ratione temporis ma għandu l-ebda effett fuq l-għażla tal-bażi legali tiegħu jew tal-kontroll tal-legalità tiegħu.

33.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv tar-rikors għandu jiġi miċħud.

VII. It‑tielet motiv tar‑rikors: ksur tal‑Protokoll Nru 2, Anness mat‑TUE u mat‑TFUE, dwar l‑applikazzjoni tal‑prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità

A.   L‑argumenti tal‑partijiet

34.

Il-Gvern Pollakk isostni, sussidjarjament (fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi l-kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jadottah), li r-Regolament 2020/2092 ġie adottat bi ksur tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità.

35.

Skont il-Gvern Pollakk, l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni ma hijiex waħda mill-kompetenzi esklużivi msemmija fl-Artikolu 3(1) TFUE, iżda hija waħda mill-kompetenzi kondiviżi msemmija fl-Artikolu 4(1) TFUE, anki jekk ma hijiex imniżżla fil-lista ta’ dawn il-kompetenzi.

36.

Din id-dikjarazzjoni hija sostnuta mill-Artikolu 325(1) TFUE, li skontu, “[l]-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkumbattu l-frodi u l-attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni permezz ta’ miżuri, li jittieħdu skond dan l-Artikolu […]”.

37.

B’riferiment għall-abbozz tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament 2020/2092 (futur) ( 7 ), il-Gvern Pollakk jallega li, fin-nuqqas tat-trażmissjoni ta’ din il-proposta lill-parlamenti nazzjonali sabiex tiġi vverifikata l-konformità tiegħu għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà, ġew miksura l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 u l-Artikolu 7(1) tal-Protokoll Nru 2.

38.

Din l-ommissjoni tikkostitwixxi ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali b’mod li jwassal għall-annullament tar-Regolament 2020/2092. Dan huwa dak li ddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja għan-nuqqas ta’ twettiq tad-dmir ta’ konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew fil-proċedura leġiżlattiva.

39.

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jikkontestaw dawn l-argumenti.

B.   Evalwazzjoni

40.

Il-baġit jippermetti lill-Unjoni tiżviluppa l-politiki tagħha u tiżgura l-funzjonament tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tagħha. It-tqassim vertikali ta’ kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha (l-Artikoli 3 sa 6 TFUE) ma japplikax għalih peress li huwa jwieġeb għal kompetenza interna relatata mal-funzjonament tal-Unjoni u tal-istituzzjonijiet tagħha, li hija qrib il-kompetenza li dawn għandhom sabiex jadottaw ir-regolamenti interni, is-sistema lingwistika jew l-istatut tal-uffiċjali u l-persunal tagħhom. L-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni ma hijiex, għaldaqstant, kwistjoni suġġetta għall-prinċipju tal-għoti ta’ kompetenzi, iżda hija setgħa li hija esklużivament tal-Unjoni.

41.

Dawn id-dikjarazzjonijiet ma humiex ikkontestati mill-Artikolu 317 TFUE, li jagħti lill-Kummissjoni l-kariga li timplimenta, taħt ir-responsabbiltà rispettiva tagħha, il-baġit “f’kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri, skond id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti magħmula skond l-Artikolu 322 [TFUE]”.

42.

Għaldaqstant, huwa possibbli li l-Istati Membri jintervjenu permezz ta’ delega fil-ġestjoni tal-baġit tal-Unjoni, taħt il-kontroll tal-Kummissjoni. Dan huwa enfasizzat mis-sistema ta’ “ġestjoni kondiviża” li r-Regolament Finanzjarju ( 8 ) jipprevedi fl-Artikolu 63 tiegħu ( 9 ). Din il-ġestjoni kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ma tfissirx, madankollu, li dawn tal-aħħar jistgħu jadottaw ir-regoli li bihom huwa rregolat il-baġit tal-Unjoni ( 10 ). L-implimentazzjoni tal-baġit tagħha hija r-responsabbiltà esklużiva tal-Unjoni u hija tista’ tiddelegaha lill-Istati Membri meta tqis li l-ġestjoni kondiviża tkun l-aqwa mezz sabiex l-implimentazzjoni sseħħ fil-prattika. Loġikament, fil-ġestjoni kondiviża, il-Kummissjoni żżomm il-kontroll fuq l-azzjonijiet tal-awtoritajiet statali.

43.

Lanqas l-Artikolu 325 TFUE, fil-kapitolu dwar “Il-ġlieda kontra l-frodi”, ma jista’ jiġi invokat sabiex jagħti kompetenza lill-Istati Membri fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità finanzjarja marbut mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

44.

L-għan immedjat tar-Regolament 2020/2092 fl-istabbiliment ta’ dan il-mekkaniżmu ma huwiex il-ġlieda kontra l-frodi. Barra minn hekk, dan il-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità finanzjarja jaġixxi biss fir-rigward tal-Istati Membri, iżda mhux fir-rigward tal-operaturi privati, li huma l-mira tal-Artikolu 325 TFUE u tar-regoli tad-dritt sekondarju li jimplimentawh.

45.

Stabbilita din il-premessa, billi l-prinċipju ta’ sussidjarjetà japplika fl-oqsma fejn il-kompetenza hija kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Unjoni (Artikolu 5(3) TUE), huwa ma japplikax għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni. Madankollu, anki li kieku dan kien il-każ, u dan il-prinċipju jitqies bħala applikabbli, jiena tal-fehma li ma seħħx il-ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali kif allegat mill-Gvern Pollakk.

46.

Fir-rigward tal-allegat ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 u tal-Artikolu 7(1) tal-Protokoll Nru 2, infakkar li r-regolamenti, bħall-atti leġiżlattivi l-oħra, huma approvati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE. Jekk istituzzjoni tal-Unjoni ma tintervjenix fl-adozzjoni tagħhom, meta dan ikun previst b’mod vinkolanti minn regola tat-Trattati, huwa loġiku li dan il-ksur ta’ rekwiżiti formali jiġi kklassifikat bħala essenzjali u li jikkawża effetti li jrenduh invalidu ( 11 ).

47.

Madankollu, il-karigi tal-parlamenti nazzjonali huma limitati għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 12 TUE li, għall-finijiet ta’ din il-kawża, jikkonsistu f’li jkunu informati u jirċievu notifika dwar l-abbozzi ta’ atti leġiżlattivi tal-Unjoni (punt a)) u jiżguraw ir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 2 (punt b)). Skont l-Artikolu 7 tal-Protokoll Nru 2, l-intervent tagħhom ma jimblokkax l-adozzjoni tal-att leġiżlattiv, iżda jobbliga lill-Kummissjoni terġa’ teżamina l-proposta sabiex tirtiraha, temendaha jew iżżommha.

48.

Il-Kummissjoni allegatament wettqet il-ksur ta’ rekwiżiti formali li lmenta dwaru l-Gvern Pollakk billi naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tittrażmetti l-abbozz ta’ att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali, kif previst fl-Artikolu 4(1) tal-Protokoll Nru 2.

49.

Minn dan il-ksur inizjali jirriżulta dak tal-Artikolu 6(1) tal-Protokoll Nru 2 (possibbiltà li parlament nazzjonali joħroġ opinjoni motivata “li fiha jesponi r-raġunijiet li għalihom iqisu li l-abbozz ma jimxix mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà”) u dak tal-Artikolu 7(1) tal-istess protokoll (l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, “jekk l-abbozz ta’ att leġislattiv ġej minnhom, għandhom iqisu l-opinjonijiet motivati tal-Parlamenti nazzjonali”).

50.

Madankollu, ma għandux jintesa li:

Il-preambolu tar-Regolament 2020/2092 jistipula li l-Parlament u l-Kunsill adottawh “[w]ara li l-abbozz leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali” ( 12 ).

Huwa msemmi fil-proposta tal-Kummissjoni li l-abbozz intbagħat lill-parlamenti nazzjonali.

Il-Gvern Pollakk jirrikonoxxi li xi parlamenti nazzjonali, fosthom dak tar-Repubblika tal-Polonja, bagħtu l-opinjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni, fir-rigward tal-konformità tal-abbozz mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà ( 13 ).

51.

Ir-rikonoxximent espliċitu mill-Gvern Pollakk li l-abbozz tal-Kummissjoni ġie trażmess lill-parlament nazzjonali ( 14 ) ma jipprekludix lil dan l-istess gvern milli jafferma li l-Kummissjoni kellha twettaq notifika oħra, fid-dawl tal-fatt li dan l-abbozz għadda minn emendi rilevanti matul il-proċedura leġiżlattiva.

52.

Insostenn tal-argument tiegħu, il-Gvern Pollakk jistrieħ fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 15 ), li skontha “l-obbligu ta’ konsultazzjoni mal-Parlament [Ewropew], matul il-proċedura deċiżjonali, fil-każijiet previsti mit-Trattat, jimplika li huwa għandu jiġi kkonsultat mill-ġdid kull darba li t-test adottat finalment, ikkunsidrat fl-intier tiegħu, jitbiegħed, fis-sustanza stess tiegħu, minn dak li dwaru l-Parlament ikun diġà ġie kkonsultat”.

53.

Madankollu, din il-ġurisprudenza ma hijiex applikabbli f’din il-kawża, minħabba li l-Protokoll Nru 2 ma jipprevedix it-tieni trażmissjoni (jew trażmissjonijiet suċċessivi) tal-abbozzi ta’ atti leġiżlattivi lill-parlamenti nazzjonali, meta l-elaborazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Kunsill u l-Parlament temenda l-kontenut tagħhom. Fil-każ tar-Regolament 2020/2092, il-Kummissjoni ma emendatx il-proposta inizjali, iżda kienu l-Kunsill u l-Parlament li emendawha sakemm waslu għat-test finali adottat.

54.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, it-tielet motiv tar-rikors għandu jiġi miċħud.

VIII. Ir‑raba’ motiv tar-rikors: ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni (it‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 296 TFUE)

A.   L‑argumenti tal‑partijiet

55.

Il-Gvern Pollakk jargumenta, fil-qosor, li l-motivazzjoni tar-regolament li kien hemm fil-proposta tal-Kummissjoni ma kinitx konformi mal-obbligu impost mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

56.

Huwa jkompli jesponi li, b’mod partikolari, il-proposta la kienet tiġġustifika l-ħtieġa li jiġi adottat ir-Regolament 2020/2092 u lanqas l-għażla tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE bħala bażi legali.

57.

Il-Parlament u l-Kunsill jikkontestaw dan l-argument.

B.   Evalwazzjoni

58.

Fl-ewwel lok, dan il-motiv ta’ rikors huwa ineffettiv, għaliex jikkonċerna biss il-proposta inizjali tal-Kummissjoni u mhux il-kontenut finali tar-Regolament 2020/2092. Huwa l-att leġiżlattiv li huwa kkontestat u mhux din il-proposta.

59.

Għalkemm it-testi użati fil-proċedura leġiżlattiva ta’ att tal-Unjoni jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi analizzata l-motivazzjoni tiegħu, l-unika motivazzjoni valida hija dik li tinsab fl-att leġiżlattiv kif adottat u ppubblikat. Il-motivazzjoni ta’ dan l-att tkun, loġikament, dik ipprovduta mill-premessi li hemm fil-preambolu tiegħu.

60.

Fit-tieni lok, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-motivazzjoni meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE ( 16 ) għandha tiġi adattata għan-natura tal-att u turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li minnha jkun ħiereġ, b’mod li l-partijiet interessati jkunu jistgħu jkunu jafu r-raġunijiet tal-miżura adottata u li l-qorti kompetenti tkun tista’ twettaq l-istħarriġ tagħha ( 17 ).

61.

Madankollu, f’dan il-każ, il-leġiżlatur tal-Unjoni ġġustifika b’mod suffiċjenti l-adozzjoni tar-Regolament 2020/2092 tul id‑29 premessa tal-preambolu tiegħu. Fl-ewwel waħda mill-“premessi” li tinkludi dan il-preambolu, huwa invokat, b’mod partikolari, l-Artikolu 322(1)(a) TFUE.

62.

F’dawn il-premessi hemm ir-raġunijiet li wasslu għall-introduzzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità finanzjarja għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni minn ksur possibbli tal-prinċipji tal-istat tad-dritt mill-Istati Membri.

63.

Ir-relazzjoni “bejn ir-rispett tal-istat tad-dritt u l-implimentazzjoni effiċjenti tal-baġit tal-Unjoni f’konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba”, bħala element ewlieni tar-Regolament 2020/2092, hija identifikata b’mod partikolari fil-premessa 13 tiegħu.

64.

Għaldaqstant, ir-raba’ motiv tar-rikors għandu jiġi miċħud.

IX. Il‑ħames motiv tar‑rikors: ksur tal‑Artikolu 7 TUE

65.

Fil-fehma tal-Gvern Pollakk, ir-Regolament 2020/2092 jintroduċi mekkaniżmu ġdid, mhux previst fit-Trattati, sabiex jikkontrolla r-rispett tal-prinċipji tal-istat tad-dritt mill-Istati Membri. Għaldaqstant, għandu effett ekwivalenti għal dak tal-emenda tat-Trattati, li ma huwiex fattibbli permezz ta’ sempliċi regola tad-dritt sekondarju.

66.

Barra minn hekk, billi l-għan tiegħu jikkoinċidi ma’ dak tal-proċedura tal-Artikolu 7 TUE, ir-Regolament 2020/2092 jevita l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, li l-kundizzjonijiet tiegħu huma iktar eżiġenti u jipprovdu iktar garanziji lill-Istati Membri.

67.

L-analiżi ta’ dawn l-argumenti fil-punti korrelattivi tal-konklużjonijiet tal-Kawża C‑156/21 twassalni sabiex nirrakkomanda ċ-ċaħda tal-ħames motiv tar-rikors.

X. Is‑sitt motiv tar‑rikors: ksur tal‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 269 TFUE

68.

Skont il-Gvern Pollakk, l-adozzjoni tar-Regolament 2020/2092 timplika de facto ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 269 TFUE għaliex huwa jestendi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (li dan l-artikolu jillimita għall-kontroll tar-regoli tal-proċedura) għal kull ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, li l-portata tiegħu hija ddefinita, għal darba oħra mingħajr ebda bażi, mir-Regolament 2020/2092.

69.

L-analiżi ta’ dawn l-argumenti fil-punti korrelattivi tal-konklużjonijiet tal-Kawża C‑156/21 twassalni sabiex nirrakkomanda ċ-ċaħda tas-sitt motiv tar-rikors.

XI. Is‑seba’ motiv tar‑rikors: ksur tat‑tieni sentenza tal‑Artikolu 4(1) u (2) u l‑Artikolu 5(2) TUE

A.   L‑argumenti tal‑partijiet

70.

Skont il-Gvern Pollakk, bl-introduzzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità, li huwa marbut mar-rispett tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, fir-Regolament 2020/2092, il-leġiżlatur tal-Unjoni:

Kiser il-prinċipju ta’ għoti stabbilit fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 5(2) TUE.

Kiser l-obbligu tar-rispett tal-karigi essenzjali tal-Istat, b’mod partikolari dawk li għandhom l-għan li jiggarantixxu l-integrità territorjali tiegħu, iżommu l-ordni pubbliku u jissalvagwardjaw is-sigurtà nazzjonali (it-tieni sentenza tal-Artikolu 4(2) TUE).

71.

Il-Parlament u l-Kunsill jikkontestaw dawn l-argumenti.

B.   Evalwazzjoni

72.

Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ għoti ta’ kompetenza (l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(2) TUE), għandi nirrepeti li dan ma jseħħx għaliex l-Unjoni għandha bażi legali fl-Artikolu 322(1)(a) TFUE sabiex tadotta r-Regolament 2020/209. Ser nagħmel riferiment għall-istudju mwettaq fil-konklużjonijiet tal-Kawża C‑156/21.

73.

Fir-rigward tal-Artikolu 4(2) TUE, il-Gvern Pollakk, f’dan il-motiv ( 18 ) ma jiddenunzjax il-ksur tal-ewwel sentenza tiegħu (jiġifieri, dik li tagħmel riferiment għall-identità nazzjonali) ( 19 ), iżda esklużivament tat-tieni waħda, li tagħmel riferiment għar-rispett tal-karigi essenzjali tal-Istat ( 20 ).

74.

Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Gvern Pollakk, ir-Regolament 2020/2092 ma jissuġġettax għall-kontroll tal-Kummissjoni oqsma kruċjali tas-sovranità tal-Istati Membri, bħall-integrità territorjali tagħhom, iż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali.

75.

Huwa minnu li l-mekkaniżmu tar-Regolament 2020/2092 jista’ jiġi applikat fir-rigward tal-attività ta’ xi awtoritajiet nazzjonali (bħal dawk inkarigati mill-kontroll finanzjarju u mill-għoti ta’ kuntratti pubbliċi; is-servizzi ta’ investigazzjoni; il-prosekuzzjoni pubblika u l-qrati), iżda biss sa fejn ikollu impatt fuq l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni jew jaffettwa l-interessi finanzjarji tagħha.

76.

It-tieni sentenza tal-Artikolu 4(2) TUE ma tawtorizzax lill-Istati Membri jeżentaw ruħhom mill-obbligi imposti fuqhom mid-dritt tal-Unjoni f’setturi ta’ kompetenza nazzjonali marbuta mal-eżerċizzju tal-karigi essenzjali tal-Istat.

77.

Dan ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja għal oqsma tant sensittivi bħas-sigurtà interna u esterna ( 21 ), l-organizzazzjoni tal-qrati nazzjonali ( 22 ) u anki l-organizzazzjoni tal-forzi armati ( 23 ), meta inkwistjoni jkun hemm irregolati mid-dritt tal-Unjoni. L-“osservanza neċessarja” tiegħu tfisser li l-azzjonijiet tal-awtoritajiet statali f’dawn l-oqsma ma humiex immuni għall-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta dawn tal-aħħar jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’mod leġittimu.

78.

Ċertament, bħalma ssostni r-Repubblika tal-Polonja, ir-regolazzjoni tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet statali li jidentifika r-Regolament 2020/2092 (fost oħrajn, is-servizzi ta’ investigazzjoni, il-prosekuzzjoni pubblika u l-qrati) hija kompetenza nazzjonali koperta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(2) TUE.

79.

Madankollu, ir-Regolament 2020/2092 ma jimponix fuq l-Istati Membri xi obbligu ġdid fir-rigward tal-organizzazzjoni u l-funzjonament ta’ dawn il-korpi statali li jista’ jaffettwa l-eżerċizzju tal-karigi essenzjali tagħhom. Id-dmir sabiex l-awtoritajiet imsemmija, u kwalunkwe awtorità oħra, jaġixxu skont il-prinċipji tal-istat tad-dritt, bħala valur komuni għall-Istati Membri kollha, ikun, ovvjament, preċedenti għall-approvazzjoni tar-Regolament 2020/2092 u ġej direttament mit-Trattati.

80.

Fir-rigward tal-fatt li l-ġestjoni tal-baġit tal-Unjoni u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha jistgħu jiġu ppreġudikati minħabba l-aġir ta’ dawk l-awtoritajiet li jiksru l-prinċipji tal-istat tad-dritt, il-miżuri korrettivi li jawtorizza r-Regolament 2020/2092 iwieġbu għall-eżerċizzju ta’ kompetenza tal-Unjoni nnifisha.

81.

Fir-realtà, il-Gvern Pollakk, f’dan il-motiv jirrepeti argumenti simili għal dawk li ressaq f’kawżi oħra (kemm jekk huma rikorsi diretti kif ukoll jekk huma talbiet għal deċiżjoni preliminari) dwar l-impossibbiltà li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta jiġu invokati sabiex iqiegħed f’dubju r-regoli tar-Repubblika tal-Polonja dwar l-istatut tal-qrati nazzjonali jew tal-qrati tagħha stess. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dawn l-argumenti li kienu jinvokaw favurihom, inter alia, l-Artikolu 4, l-Artikolu 5(1) u (2) u l-Artikolu 13(2) TUE ( 24 ).

82.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-seba’ motiv tar-rikors għandu jiġi miċħud.

XII. It‑tmien motiv tar‑rikors: ksur tal‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament bejn l‑Istati Membri (l‑ewwel sentenza tal‑Artikolu 4(2) TUE)

A.   L‑argumenti tal‑partijiet

83.

Il-Gvern Pollakk isostni li r-Regolament 2020/2092 mhux biss jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn l-Istati Membri, iżda jikkontribwixxi sabiex jipperpetwa l-manifestazzjonijiet tal-ksur tiegħu.

84.

Fil-fehma tiegħu, ir-Regolament 2020/2092 ma jiggarantixxix li d-dikjarazzjoni li kien hemm ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt tkun ippreċeduta minn “valutazzjoni kwalitattiva bir-reqqa” tal-Kummissjoni li tista’ tiġi kkunsidrata bħala oġġettiva, imparzjali u ġusta.

85.

Barra minn hekk, huwa jargumenta li l-proċedura ta’ adozzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni tiddiskrimina direttament u inekwivokament lill-Istati Membri żgħar u medji, meta mqabbla mal-Istati kbar, billi l-Kunsill jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu b’maġġoranza kkwalifikata skont sistema li fiha l-kalkolu tal-voti ta’ dawn tal-aħħar jiksbu “piż spropozjonat”.

86.

Il-Parlament u l-Kunsill jikkontestaw dawn l-argumenti.

B.   Evalwazzjoni

87.

Fl-iżvilupp ta’ dan il-motiv, jissovraponu ruħhom kwistjonijiet eteroġenji, li mhux kollha huma relatati ma’ dak li, teoretikament, kellu jkun l-għan uniku tiegħu (jiġifieri, il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament).

88.

Jekk fhimt sew l-argument tiegħu, il-Gvern Pollakk jargumenta, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni ma tistax twettaq evalwazzjoni oġġettiva, imparzjali u ġusta għaliex wieħed mill-elementi li għandha tikkunsidra huma r-rapporti tal-Kummissjoni ta’ Venezja ( 25 ), organu konsultattiv li, f’okkażjoni waħda ( 26 ), għamel distinzjoni bejn id-demokraziji antiki u dawk ġodda fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-ħatra tal-imħallfin mal-eżiġenzi tal-istat tad-dritt.

89.

Skont il-premessa 16 tar-Regolament 2020/2092, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra “l-informazzjoni rilevanti minn sorsi disponibbli u minn istituzzjonijiet rikonoxxuti”. Fost dawn is-sorsi u istituzzjonijiet hemm, flimkien ma’ oħrajn, il-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll il-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) u l-Kummissjoni ta’ Venezja.

90.

L-istess premessa tiddikjara, madankollu, li l-Kummissjoni, għandha twettaq evalwazzjoni eżawrjenti “oġġettiva, imparzjali u ġusta […]”. Il-Kummissjoni ma hijiex marbuta fl-evalwazzjoni tagħha minn dokumenti tal-Kummissjoni ta’ Venezja u ma għandhiex teħodhom inkunsiderazzjoni jekk minnhom tirriżulta inugwaljanza fit-trattament għall-Istati Membri fil-mument tal-applikazzjoni tar-Regolament 2020/2092 ( 27 ).

91.

Barra minn hekk, il-premessa 26 tar-Regolament 2020/2092 tindika li “[l]-proċedura […] jenħtieġ li tirrispetta l-prinċipji ta’ oġġettività, in-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali tal-Istati Membri u jenħtieġ li titwettaq skont approċċ mhux partiġġjan u bbażat fuq l-evidenza”.

92.

Jidhirli li huwa loġiku li, għal dawn il-finijiet, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni mis-sorsi kollha disponibbli, bħalma jindika l-Artikolu 6(3) tar-Regolament 2020/2092. Jekk l-Istat li jwettaq il-ksur jemmen li din l-informazzjoni ma tkunx preċiża, huwa jista’ jinqeda b’żewġ fażijiet ta’ konsultazzjonijiet sabiex jikkontestaha quddiem il-Kummissjoni, qabel ma din tal-aħħar tipproponi l-miżuri lill-Kunsill.

93.

Fit-tieni lok, l-allegazzjonijiet tal-Gvern Pollakk dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri ma jaslux sabiex jiġi identifikat eżattament għaliex ir-Regolament 2020/2092 jiddiskrimina bejniethom. L-Artikolu 6(6) u (9) ta’ dan ir-regolament jagħtihom ilkoll, mingħajr ebda distinzjoni, il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet lill-Kummissjoni kemm dwar l-evalwazzjoni li twettaq, kif ukoll dwar il-miżuri li tipproponi lill-Kunsill.

94.

Il-Gvern Pollakk jidher li qiegħed jindika bħala element diskriminatorju il-fatt li l-Istati Membri żgħar u medji ma għandhomx, fil-Kunsill, is-“setgħa sabiex jadottaw jew jiċħdu d-deċiżjonijiet” li għandhom l-Istati l-kbar, skont is-sistema ta’ kalkolu sabiex tinkiseb il-maġġoranza kkwalifikata ( 28 ).

95.

Din il-kritika ma tistax tagħmel riferiment, loġikament, għas-sistema ta’ voti fiha nnifisha, li hija prevista fit-Trattati u ma tistax tiġi annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk qiegħed nifhem il-pożizzjoni tal-Gvern Pollakk sew, l-oġġezzjoni tiegħu tikkonċerna l-użu ta’ din is-sistema ta’ voti sabiex jiġu approvati, b’maġġoranza kkwalifikata tal-Kunsill, id-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tar-Regolament 2020/2092 (l-Artikolu 6(10) u (11)).

96.

Madankollu, bħalma jfakkar il-Kunsill, skont l-Artikolu 16(3) TUE, “[i]d-deċiżjonijiet tal-Kunsill għandhom jittieħdu b’maġġoranza kwalifikata, ħlief fejn it-Trattati jipprovdi mod ieħor”. Ma nista’ nsib l-ebda regola tad-dritt primarju tal-Unjoni li, f’dan il-każ, twassal għal riżultat differenti.

97.

Barra minn hekk, sa fejn il-Gvern Pollakk, f’dan il-motiv jirrepeti argumenti dwar in-natura ta’ sanzjonar tal-miżuri tar-Regolament 2020/2092, li ma jkollhomx l-għan li jiġi protett il-baġit tal-Unjoni, iżda li jiġi protett direttament l-istat tad-dritt, nagħmel riferiment għall-konklużjonijiet tal-Kawża C‑156/21 li fihom nispjega għaliex ma naqbilx ma’ dawn l-argumenti.

98.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tmien motiv tar-rikors għandu jiġi miċħud.

XIII. Id‑disa’ motiv tar‑rikors: ksur tal‑prinċipju ta’ ċertezza legali

99.

Il-Gvern Pollakk isostni li r-Regolament 2020/2092, b’mod partikolari l-Artikoli 3 u 4(2) tiegħu, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u preċiżjoni li huma inerenti għall-prinċipju ta’ ċertezza legali.

100.

Għal darba oħra, l-analiżi ta’ din it-teżi fil-punti korrelattivi tal-konklużjonijiet tal-Kawża C‑156/21 twassalni sabiex nirrakkomanda ċ-ċaħda tiegħu.

XIV. L‑għaxar motiv tar‑rikors: ksur tal‑prinċipju ta’ propozjonalità (Artikolu 5(4) TUE)

A.   L‑argumenti tal‑partijiet

101.

Skont il-Gvern Pollakk, ir-Regolament 2020/2092 jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità minqux fl-Artikolu 5(4) TUE billi ma jiġġustifikax ir-rabta bejn il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni u l-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt.

102.

Huwa jargumenta li l-leġiżlatur ma weriex il-valur miżjud tal-mekkaniżmu introdott mir-Regolament 2020/2092 meta mqabbel mar-regoli finanzjarji tal-Unjoni diġà eżistenti.

103.

Skont il-Gvern Pollakk, “ikun impossibbli, fil-prattika” li tiġi rrispettata l-proporzjonalità tal-miżuri mniżżla fir-Regolament 2020/2092, fid-dawl tal-elementi inklużi fih sabiex jiġu adottati.

104.

Il-Parlament u l-Kunsill jikkontestaw dawn l-argumenti.

B.   Evalwazzjoni

105.

Skont l-Artikolu 5(4) TUE, “il-kontenut u l-forma ta l-azzjoni ta’ l-Unjoni m’għandhomx jeċċedu dak li jkun meħtieġ sabiex jitwettqu l-objettivi tat-Trattati”.

106.

Fil-linja segwita mill-Parlament u mill-Kunsill, jiena tal-fehma li r-Regolament 2020/2092 ma jiksirx din id-dispożizzjoni, jiġifieri, ma jiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 29 ). Hemm diversi raġunijiet li jwassluni sabiex nasal għal din il-konklużjoni.

107.

Fl-ewwel lok, il-leġiżlatur għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ ħafna fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu ( 30 ) u ma nqisx li r-Regolament 2020/2092 huwa regola manifestament inadegwata sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, jiġifieri, il-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità finanzjarja li permezz tiegħu jiġi indirizzat il-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt li jkollu rabta diretta mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

108.

Fit-tieni lok, il-leġiżlatur tal-Unjoni ġġustifika b’mod suffiċjenti, fil-fehma tiegħi, in-neċessità tar-Regolament 2020/2092, kif ukoll il-valur miżjud li jġib miegħu meta mqabbel mal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-Unjoni diġà eżistenti. Nibda mill-premessa li r-rabta bejn il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni u l-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt intweriet, skont kif esponejt f’siltiet oħra ta’ dawn il-konklużjonijiet u f’dawk tal-Kawża C‑156/21.

109.

L-ispjegazzjoni ta’ dan il-valur miżjud hija stabbilita fil-premessa 17 tar-Regolament 2020/2092, fejn huwa ddikjarat li l-miżuri tiegħu “huma meħtieġa b’mod partikolari f’każijiet fejn proċeduri oħra stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma jippermettux li l-baġit tal-Unjoni jiġi protett b’mod aktar effettiv”.

110.

Il-proċedura tar-Regolament 2020/2092, applikabbli fil-każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt li jkollu effett fuq l-implimentazzjoni baġitarja, hija għaldaqstant addizzjonali għar-regoli finanzjarji preċedenti tal-Unjoni li jipprevedu mekkaniżmi ta’ kundizzjonalità marbuta mal-programmi għat-trasferimenti ta’ fondi lill-Istati Membri.

111.

In-novità tar-Regolament 2020/2092 u tan-natura orizzontali tiegħu, meta mqabbla mar-regoli preċedenti, hija li dan jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt li jkollhom impatt suffiċjentement dirett fuq l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, meta dan l-impatt ikun ġej minn azzjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali.

112.

Sa fejn dawn l-azzjonijiet, li jmorru kontra l-prinċipji tal-istat tad-dritt, jista’ jkollhom impatt fuq il-ġestjoni tajba tal-baġit tal-Unjoni, ir-regoli finanzjarji preċedenti ma kinux jipprevedu speċifikament mekkaniżmi ta’ reazzjoni b’intensità simili għal dik tar-Regolament 2020/2092.

113.

Ir-Regolament 2020/2092, għaldaqstant, jirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn, għal-leġiżlatur, il-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità li huwa jintroduċi jista’ jintuża “sakemm […] proċeduri oħra […] jippermettul[u] [j]ipproteġi l-baġit tal-Unjoni b’mod aktar effettiv” (Artikolu 6(1)).

114.

Fit-tielet lok, xejn ma jipprekludi li l-miżuri korrettivi futuri li jipproteġu l-baġit tal-Unjoni, kif previst fir-Regolament 2020/2092, ikunu konformi mal-eżiġenzi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Iktar minn hekk, huma għandhom ikunu konformi miegħu, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(3) u tal-premessa 18 tiegħu.

115.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-għaxar motiv tar-rikors għandu jiġi miċħud.

XV. Il‑ħdax‑il motiv tar‑rikors: użu ħażin ta’ poter

A.   L‑argumenti tal‑partijiet

116.

Skont il-Gvern Pollakk, il-leġiżlatur tal-Unjoni għamel użu ħażin ta’ poter meta adotta r-Regolament 2020/2092. Huwa jifformula din l-akkuża minn perspettiva doppja:

L-għan iddikjarat tar-Regolament 2020/2092 huwa differenti mill-għan reali tiegħu. Dan tal-aħħar ma huwiex il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, minkejja l-fatt li t-titlu tar-regolament innifsu jiddikjara hekk, iżda huwa minflok, il-protezzjoni tal-istat tad-dritt.

Il-mekkaniżmu stabbilit mir-Regolament 2020/2092 ifittex li jevita l-proċedura tal-Artikolu 7 TUE, li r-rekwiżiti tiegħu huma iktar stretti, sabiex jissanzjona l-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt.

117.

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

B.   Evalwazzjoni

118.

Il-Gvern Pollakk jiżviluppa dan il-motiv fil-linja ta’ dak li diġà hemm espost fl-argumenti preċedenti tiegħu. B’mod partikolari, kif huwa stess jammetti, huwa jindirizza l-kwistjonijiet relatati mal-għan tar-Regolament 2020/2092 fil-kuntest tal-ewwel motiv tar-rikors ( 31 ).

119.

Fil-fatt, ma hemm xejn ġdid f’dan l-argument li ma jinsabx fl-ewwel, fit-tieni, fis-seba’, fit-tmien u fid-disa’ motiv tar-rikors, li diġà ġew eżaminati. Dan huwa l-każ mhux biss fir-rigward tal-għan tar-Regolament 2020/2092, iżda wkoll tal-proċedura li huwa jistabbilixxi, flimkien ma’ dik tal-Artikolu 7 TUE.

120.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “att ikun ivvizzjat b’użu ħażin ta’ poter […] jekk, fuq il-bażi ta’ provi oġġettivi, rilevanti u konkordanti, ikun jidher li dan ġie adottat esklużivament jew tal-inqas b’mod determinanti, għal skopijiet differenti minn dawk li għalihom tkun ingħatat is-setgħa inkwistjoni jew sabiex tiġi evitata proċedura prevista speċifikament mit-Trattat FUE bl-għan li jiġu ttrattati ċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami” ( 32 ).

121.

L-għan tar-Regolament 2020/2092, bħalma diġà rrepetejt, huwa l-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità finanzjarja li jiffaċilita l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni meta jseħħ ksur tal-istat tad-dritt marbut direttament mal-implimentazzjoni ta’ dan il-baġit.

122.

L-Artikolu 322(1)(a) TFUE jagħti setgħat lil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jimplimenta dan it-tip ta’ mekkaniżmi ta’ kundizzjonalità, li r-Regolament 2020/2092 huwa eżempju tagħhom, sabiex jipproteġi l-baġit tal-Unjoni.

123.

Ir-Regolament 2020/2092 ma jistabbilixxix proċedura simili (għalkemm b’inqas restrizzjonijiet) għal dik tal-Artikolu 7 TUE sabiex jissanzjona l-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt. Dawn huma, nirrepeti, strumenti ġuridiċi differenti.

124.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħdax-il motiv tar-rikors għandu jiġi miċħud.

XVI. Fuq l‑ispejjeż

125.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tal-Polonja tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Parlament u mill-Kunsill.

126.

Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni Ewropea, ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

XVII. Konklużjoni

127.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Tiċħad it-talba inċidentali tal-Kunsill li biha jitlob li jiġu injorati s-siltiet tar-rikors tar-Repubblika tal-Polonja u tal-annessi tiegħu li jagħmlu riferiment għal, jirriproduċu l-kontenut jew jirriflettu l-analiżi mwettqa fl-opinjoni tas-Servizz Ġuridiku tal-Kunsill (dokument 13593/18 tal-Kunsill) tal‑25 ta’ Ottubru 2018.

2)

Tiċħad ir-rikors għal annullament ippreżentat mir-Repubblika tal-Polonja kontra r-Regolament (EU, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew tas‑16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

3)

Tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja sabiex tħallas, apparti l-ispejjeż tagħha stess, dawk tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”.

4)

Tordna li l-Kummissjoni Ewropea, ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Fil-Kawża C‑156/21, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, l-Ungerija tifformula l-istess talba. F’din l-istess data nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi fiż-żewġ kawżi.

( 3 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ĠU 2020, L 433I, p. 1, rettifika fil-ĠU 2021, L 373, p. 94).

( 4 ) Bħalissa, huwa fis-seħħ ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas‑17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill‑2021 sal‑2027, (ĠU 2020, L 433I, p. 11).

( 5 ) Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal‑14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropeagħall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID‑19 (ĠU 2020, L 433I, p. 23; iktar ’il quddiem, “Next Generation EU”).

( 6 ) Iktar ’il quddiem, sabiex jiġu evitati repetizzjonijiet, ser nassumi li l-Istati li intervjenew fis-seduta (bl-eċċezzjoni, loġikament, tal-Ungerija u tar-Repubblika tal-Polonja), kif ukoll il-Kummissjoni, jaqblu mal-fehmiet tal-Parlament u tal-Kunsill.

( 7 ) Dokument COM(2018) 324 final tat‑2 ta’ Mejju 2018, Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri.

( 8 ) Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36) (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Finanzjarju”).

( 9 ) Skont il-punt 1 tiegħu, “[f]ejn il-Kummissjoni timplimenta l-baġit b’ġestjoni kondiviża, il-kompiti relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit għandhom ikunu delegati lill-Istati Membri”.

( 10 ) Fil-proposta tagħha għal regolament, il-Kummissjoni żgurat, fir-rigward tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, li “[i]r-regoli finanzjarji li jirregolaw il-baġit tal-Unjoni skont l-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE ma setgħux jiġu adottati fil-livell tal-Istati Membri” (Dokument COM(2018) 324 final tat‑2 ta’ Mejju 2018, Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, memorandum ta’ spjegazzjoni, it-tieni paragrafu tal-punt 2).

( 11 ) Hija ġurisprudenza stabbilita li l-konsultazzjoni b’mod xieraq mal-Parlament Ewropew, fil-każijiet speċifikati mit-Trattat, tikkostitwixxi rekwiżit formali essenzjali li n-nonkonformità miegħu jwassal għan-nullità tal-att inkwistjoni. Il-parteċipazzjoni effettiva tal-Parlament fil-proċedura tat-teħid ta’ deċiżjonijiet skont il-proċeduri speċifikati fit-Trattat tirrappreżenta, effettivament, element essenzjali tal-bilanċ istituzzjonali mfittex mit-Trattat. Din il-kompetenza tikkostitwixxi l-espressjoni ta’ prinċipju demokratiku fundamentali, li skontu l-popli jipparteċipaw fl-eżerċizzju tas-setgħa permezz ta’ assemblea rappreżentattiva (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1997, Eurotunnel et (C‑408/95, EU:C:1997:532), punt 45; tas‑7 ta’ Marzu 2017, RPO (C‑390/15, EU:C:2017:174), punti 2425; u tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja vs Il‑Kunsill (C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631), punt 160).

( 12 ) L-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 1 jindika li: “Il-Parlamenti nazzjonali jistgħu jibgħatu opinjoni motivata lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, dwar il-konformità ta’ abbozz ta’ att leġislattiv mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, skond il-proċedura stabbilita fil-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità”.

( 13 ) Rikors tal-Gvern Pollakk, punti 44 u 45.

( 14 ) Ibidem, l-aħħar sentenza tal-punt 49.

( 15 ) Sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 1990, The Queen vs Minister of Agricuture, Fisheries and Food (C‑331/88, EU:C:1990:391), punt 39; u tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja vs Il‑Kunsill (C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631), punt 161.

( 16 )

( 17 ) Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi fattwali u tad-dritt rilevanti kollha. Il-motivazzjoni ma għandhiex biss tiġi evalwata fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha, kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett inkwistjoni. Dan huwa partikolarment minnu meta l-Istati Membri jkunu assoċjati mill-qrib mal-proċedura ta’ tfassil tal-att ikkontestat u għaldaqstant ikunu jafu r-raġunijiet li jimmotivaw dan l-att. Meta jkunu atti maħsuba għal applikazzjoni ġenerali, il-motivazzjoni tista’ tkun limitata sabiex tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tagħhom u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali li huma proposti li jintlaħqu. Jekk l-att ikkontestat jiżvela l-parti essenzjali tal-għan imfittex mill-istituzzjoni, ikun eċċessiv li tiġi mfittxija l-motivazzjoni speċifika ta’ kull waħda mid-deċiżjonijiet tekniċi adottati. Ara s-sentenzi tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ qabdiet ta’ pixxispad tal-Mediterran) (C‑611/17, EU:C:2019:332), punti 4 sa 42; tat22 ta’ Novembru 2018, Swedish Match (C‑151/17, EU:C:2018:938), punt 79; u tas‑17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna (C‑221/09, EU:C:2011:153), punt 58.

( 18 ) Huwa ser jagħmel dan fit-tmien motiv tar-rikors.

( 19 ) Il-klawżola dwar ir-rispett għall-identità nazzjonali, li hija inerenti għall-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tal-Istati Membri (li huma kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni), hija minquxa fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(2) TUE sabiex tillimita l-impatt tad-dritt tal-Unjoni fl-oqsma li huma meqjusa bħala essenzjali għall-Istati Membri. Hija topera fir-rigward tad-delimitazzjoni vertikali tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u hija relatata wkoll mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li jakkumpanjaha fl-Artikolu 4(3) TUE.

( 20 )

( 21 ) Sentenzi tas‑6 ta’ Ottrubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791), punt 99; u tat‑2 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, L‑Ungerija u Ir‑Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257), punti 143170.

( 22 ) Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw kif jorganizzaw l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja tagħhom, iżda, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, għandhom jissodisfaw l-obbligi imposti fuqhom mid-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza mill-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531), punt 52; tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza mill-qrati ordinarji) (C‑192/18, EU:C:2019:924), punt 102; tad‑19 ta’ Novembru 2019, A.K. (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982), punt 75; tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Nomination des juges à la Cour suprême - Recours) (C‑824/18, EU:C:2021:153), punt 68; u tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117), punt 40.

( 23 ) Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Ministrstvo za obrambo (C‑742/19, EU:C:2021:597), punt 40: “[…] minkejja li huma l-Istati Membri biss li għandhom jiddefinixxu l-interessi essenzjali ta’ sigurtà tagħhom u jadottaw il-miżuri xierqa sabiex jiżguraw is-sigurtà interna u esterna tagħhom, inklużi d-deċiżjonijiet dwar l-organizzazzjoni tal-forzi armati tagħhom, is-sempliċi fatt li miżura nazzjonali ttieħdet għall-finijiet tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali ma jistax jimplika l-inapplikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni u jeżenta lill-Istati Membri mill-osservazzjoni neċessarja ta’ dan id-dritt […] L-istess għandu japplika għall-miżuri nazzjonali adottati għall-finijiet tal-protezzjoni tal-integrità territorjali ta’ Stat Membru”.

( 24 ) Ara s-sentenzi ċċitati fin-nota 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) Il-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija għad-Dritt (il-Kummissjoni ta’ Venezja) tal-Kunsill tal-Ewropa.

( 26 ) Dokument CDL-AD(2007)028-f tas‑16‑17 ta’ Marzu 2007, Nominations judiciaires - Rapport adopté par la Commission de Venise lors de sa 70ème session plénière.

( 27 ) Dwar il-valur ta’ dawn id-dokumenti, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Asociaţia Forumul Judecătorilor Din Româniaet (C‑83/19, C‑291/19 u C‑355/19, EU:C:2020:746), punt 170; u tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Repubblika (C‑896/19, EU:C:2020:1055), punt 88.

( 28 ) Il-modalitajiet regolatorji tal-votazzjoni b’maġġoranza kkwalifikata huma stabbiliti fl-Artikolu 16(4) TUE u, permezz ta’ riferiment li huwa jagħmel, fl-Artikolu 238(2) TFUE.

( 29 ) Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeħtieġ “li l-miżuri implimentati permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jitwettqu l-għanijiet leġittimi li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dawn jinkisbu”. Ara s-sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2020, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑620/18, EU:C:2020:1001), punt 111; tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑482/17, EU:C:2019:1035), punt 76; u tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400), punt 67.

( 30 ) “[I]l-Qorti tal-Ġustizzja tat lil-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilu, setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-oqsma fejn l-azzjoni tiegħu tinvolvi għażliet ta’ natura kemm politika kif ukoll ekonomika jew soċjali u fejn huwa mitlub iwettaq evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet kumplessi. Għalhekk, il-kwistjoni ma hijiex li jsir magħruf jekk miżura adottata f’tali qasam kinitx l-unika jew l-aħjar possibbli, peress li hija biss in-natura manifestament inadegwata tagħha fid-dawl tal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti jridu jilħqu li tista’ taffettwa l-legalità ta’ din il-miżura” (sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2020, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑620/18, EU:C:2020:1001), punt 112; u tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑482/17, EU:C:2019:1035), punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Punt 123 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li jagħmel riferiment għall-punti 28 sa 33.

( 32 ) Sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2020, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑620/18, EU:C:2020:1001), punt 82; tal‑5 ta’ Mejju 2015, Spanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑146/13, EU:C:2015:298), punt 56; u tat‑13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et (C‑331/88, EU:C:1990:391), punt 24.

Top