Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CA0170

    Kawża C-170/21: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-30 ta’ Ġunju 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Sofiyski rayonen sad – il-Bulgarija) – Profi Credit Bulgaria vs T.I.T. (Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Kreditu għall-konsum – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 6(1) – Eżami ex officio – Rifjut li tinħareġ ordni ta’ ħlas fil-każ ta’ pretensjoni bbażata fuq klawżola inġusta – Konsegwenzi marbuta man-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali – Dritt għal ħlas lura – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Tpaċija ex officio)

    ĠU C 318, 22.8.2022, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.8.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 318/12


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-30 ta’ Ġunju 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Sofiyski rayonen sad – il-Bulgarija) – Profi Credit Bulgaria vs T.I.T.

    (Kawża C-170/21) (1)

    (Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 93/13/KEE - Kreditu għall-konsum - Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi - Artikolu 6(1) - Eżami ex officio - Rifjut li tinħareġ ordni ta’ ħlas fil-każ ta’ pretensjoni bbażata fuq klawżola inġusta - Konsegwenzi marbuta man-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali - Dritt għal ħlas lura - Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività - Tpaċija ex officio)

    (2022/C 318/16)

    Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

    Qorti tar-rinviju

    Sofiyski rayonen sad

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: Profi Credit Bulgaria

    Konvenuta: T.I.T.

    Dispożittiv

    1)

    L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali, adita b’talba għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas u meta l-konsumatur li jkun id-debitur ma jipparteċipax fil-proċedura sal-ħruġ ta’ din l-ordni ta’ ħlas, hija obbligata teskludi ex officio l-applikazzjoni ta’ klawżola inġusta tal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum konkluż bejn dan il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat, li fuqha tkun ibbażata parti mill-kreditu invokat. F’din l-ipoteżi, il-qorti nazzjonali għandha l-possibbiltà li tiċħad parzjalment din it-talba, bil-kundizzjoni li dan il-kuntratt ikun jista’ jibqa’ jeżisti mingħajr ebda emenda oħra u mingħajr reviżjoni jew żieda, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-imsemmija qorti.

    2)

    L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għalkemm din id-dispożizzjoni tobbliga lill-qorti nazzjonali, adita b’talba għal ordni ta’ ħlas, tislet il-konsegwenzi kollha li, skont id-dritt nazzjonali, jirriżultaw mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur sabiex tiżgura ruħha li dan il-konsumatur ma jkunx marbut b’din il-klawżola, din l-istess dispożizzjoni, bħala prinċipju, ma tobbligax lill-qorti nazzjonali twettaq tpaċija ex officio bejn il-ħlas imwettaq abbażi tal-imsemmija klawżola u l-bilanċ dovut skont dan il-kuntratt, bla ħsara madankollu għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

    3)

    L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-ipoteżi li, skont din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, il-qorti nazzjonali, adita b’talba għal ordni ta’ ħlas, tkun obbligata twettaq tpaċija ex officio bejn il-ħlas imwettaq abbażi ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum u l-bilanċ dovut skont dan il-kuntratt, il-qorti nazzjonali għandha l-obbligu teskludi l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza f’sens kuntrarju mogħtija minn qorti ta’ grad superjuri.


    (1)  ĠU C 206, 31.5.2021.


    Top