EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0735

Kawża T-735/20: Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Diċembru 2020 – Planistat Europe u Charlot vs Il-Kummissjoni

ĠU C 53, 15.2.2021, p. 49–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 53/49


Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Diċembru 2020 – Planistat Europe u Charlot vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-735/20)

(2021/C 53/65)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Planistat Europe (Pariġi, Franza), Hervé-Patrick Charlot (Pariġi) (rappreżentant: F. Martin Laprade, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkonstata li l-Kummissjoni Ewropea tat lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha b’applikazzjoni tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 340 TFUE:

billi kisret b’mod suffiċjentement serju l-prinċipju ta’ premura u ta’ amministrazzjoni tajba;

billi kisret b’mod suffiċjentement serju d-drittijiet tad-difiża;

billi kisret b’mod suffiċjentement serju l-obbligu ta’ kunfidenzjalità;

u b’hekk ikkawżat dannu materjali u/jew morali lill-kumpannija Planistat u lid-direttur tagħha H.-P. Charlot;

konsegwentement,

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 150 000 għad-dannu morali mġarrab minn Hervé-Patrick Charlot;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 11 600 000 għad-dannu materjali mġarrab mir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ħlas tal-ispejjeż kollha tal-istanza mibdija mill-kumpannija Planistat u Hervé-Patrick Charlot.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tad-dmir ta’ premura u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba minħabba akkużi foloz magħmula mill-Uffiċċju ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u sussegwentement mill-Kummissjoni Ewropea kontra r-rikorrenti, li l-innoċenza tagħhom ġiet ikkonfermata b’mod definittiv fis-16 ta’ Ġunju 2016 mill-Qorti tal-Kassazzjoni Franċiża. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li:

l-amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-interessi leġittimi tar-rikorrenti akkużati b’mod inġust u falz b’reati kriminali, u għaldaqstant naqset milli tosserva d-dmir tagħha ta’ premura fil-konfront tagħhom;

id-dritt għal amministrazzjoni tajba ċarament jinkludi d-dritt ta’ kull persuna li ma tkunx is-suġġett ta’ akkużi foloż min-naħa tal-uffiċjali u istituzzjonijiet tal-Unjoni.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u l-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza minħabba nuqqas ta’ serjetà kundannabbli murija minn OLAF fir-rigward tal-akkużi foloz tar-rikorrenti quddiem l-awtoritajiet Franċiżi, imwettqa permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Marzu 2003. Ir-rikorrenti jqisu f’dan ir-rigward li:

l-OLAF aġixxa b’mod mgħaġġel u inkompatibbli mal-obbligu ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli meta ttrażmetta informazzjoni lill-awtoritajiet Franċiżi l-għada tal-ftuħ tal-investigazzjoni esterna li tirrigwarda r-rikorrenti;

l-OLAF kien messu ta lir-rikorrenti trattament identiku għal dak tal-uffiċjali Ewropej u stenna sakemm ikollu informazzjoni addizzjonali sabiex jieħu deċiżjoni informata aħjar;

l-OLAF kien messu ħa l-prekawzjoni li jinforma minn qabel lir-rikorrenti, sabiex jirċievi l-ispjegazzjonijiet tagħhom, fil-kuntest ta’ skambju kontradittorju;

l-OLAF ma messux uża espressjonijiet qawwija li jirriflettu s-sentiment li r-rikorrenti kienu ħatja ta’ “sakkeġġ” għad-detriment tal-fondi Komunitarji.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità fir-rigward tad-data personali, bi ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba kif ukoll tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza minħabba “tixrid” min-naħa tal-OLAF dwar il-kontenut tal-akkużi foloz tiegħu bid-data tad-19 ta’ Marzu 2003. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jqisu li:

l-OLAF ma osservax l-obbligu ta’ kunfidenzjalità li kellu fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tiegħu;

l-OLAF kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba sa fejn dan jinvolvi d-dritt li dak kollu li jirrigwarda persuna jiġi ttrattat fl-osservanza tal-kunfidenzjalità;

l-OLAF kiser il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza billi ppermetta li informazzjoni li kienet is-suġġett tal-akkużi foloz tiegħu kontra r-rikorrenti tinxtered.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, kif ukoll tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza dovut għat-tressiq ta’ lment b’kostituzzjoni parti ċivili u l-komunikazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea f’Lulju 2003. Ir-rikorrenti jsostnu li:

l-Kummissjoni aġixxiet b’mod mgħaġġel u inkompatibbli mal-obbligu ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli;

l-Kummissjoni kien messa stenniet il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni tal-OLAF sabiex tkun tista’ tieħu deċiżjoni informata aħjar dwar eventwali tressiq ta’ ilment b’kostituzzjoni ta’ parti ċivili;

l-Kummissjoni ma aġixxietx b’imparzjalità fir-rigward tar-rikorrenti peress li hija pprivileġġat l-interessi finanzjarji tagħha, minkejja li dawn ma kinux mhedda serjament;

il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza meta ppublikat l-istqarrija għall-istampa tagħha tad-9 ta’ Lulju 2003.


Top