Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0717

    Kawża T-717/20: Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Diċembru 2020 – Lenovo Global Technology Belgium vs Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew

    ĠU C 53, 15.2.2021, p. 45–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.2.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 53/45


    Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Diċembru 2020 – Lenovo Global Technology Belgium vs Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew

    (Kawża T-717/20)

    (2021/C 53/61)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: Lenovo Global Technology Belgium BV (Machelen, il-Beġju) (rappreżentanti: S. Sakellariou, G. Forwood, K. Struckmann u F. Abou Zeid, avukati)

    Konvenut: Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tordna l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba;

    tannulla d-deċiżjoni tad-29 ta’ Settembru 2020 tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew (Ref. Ares(2020)5103538) li tiċħad l-offerta ta’ Lenovo għal-Lot 3 fil-kuntest tas-sejħa għall-offerti SMART 2019/1084 dwar l-akkwist tas-Superkompjuter Leonardo, li ser ikun hosted minn CINECA, fl-Italja, u li tagħti l-kuntratt lil kumpannija oħra; u

    tikkundanna lill-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta kisret il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza meta naqset milli tiskwalifika lill-offerent magħżul talli ma kienx jissodisfa numru ta’ rekwiżiti mandatorji inklużi fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Speċifikament, il-konvenuta ma skwalifikatx lill-offerent magħżul, minkejja l-fatt li dan naqas milli jissodisfa r-rekwiżit mandatorju ta’ proposta bi prezz fiss meta fl-offerta tiegħu inkluda klawżola ta’ rata ta’ skambju reċiproka, u meta naqas milli jipprovdi prezz fiss għall-komponenti tal-memorja. Barra minn hekk il-konvenuta kisret dawn l-istess prinċipji meta naqset milli tiskwalifika lill-offerent magħżul talli fl-offerta tiegħu naqas milli jinkludi rekwiżiti oħra elenkati fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta wettqet numru ta’ żbalji fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-punteġġ dwar il-prestazzjoni u tal-punteġġ dwar l-effiċjenza tal-offerta tal-offerent magħżul. Speċifikament, il-konvenuta wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta użat valur HPCG minimu żbaljat fil-kalkolu tal-punteġġ dwar il-prestazzjoni; hija użat valuri li kienu evidentement żbaljati għal prestazzjoni HPL u għal prestazzjoni HPCG ipprovduta mill-offerent magħżul mingħajr ma fittxet li tikseb kjarifiki, u b’dan il-mod wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba; u aċċettat valuri li kienu evidentement żbaljati mingħand l-offerent magħżul dwar il-konsum ta’ enerġija, u b’dan il-mod, għal darb’oħra, wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta wettqet numru ta’ żbalji fir-rigward tal-kriterju ta’ għoti “valur miżjud UE”. Speċifikament, tali kriterju kien illegali għaliex ma kienx relatata mas-suġġett tal-kuntratt, u kien jikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali, ir-Regolament Finanzjarju, l-obbligi tal-Unjoni Ewropea taħt il-WTO GPA u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja soda sanċit fl-Artikolu 310(5) TFEU. Iktar minn hekk, meta l-konvenuta applikat dan il-kriterju, hija wettqet żball manifest u kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

    4.

    It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta wettqet numru ta’ żbalji fir-rigward tal-kriterju ta’ għoti “Sigurtà tal-katina ta’ provvista”. Speċifikament, l-Unjoni Ewropea kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta trattat l-offerta tal-offerent magħżul b’mod iktar favorevoli minn dik tar-rikorrenti, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, minkejja li l-aspetti ewlenin taż-żewġ offerti kienu paragunabbli. Il-konvenuta wettqet ukoll żball manifest fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ numru ta’ elementi tal-propost tar-rikorrenti relatati mal-kriterju ta’ għoti tas-sigurtà tal-katina ta’ provvista.


    Top