Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0550

    Kawża T-550/20: Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Settembru 2020 – Sharpston vs Il-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri

    ĠU C 348, 19.10.2020, p. 26–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.10.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 348/26


    Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Settembru 2020 – Sharpston vs Il-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri

    (Kawża T-550/20)

    (2020/C 348/37)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Eleanor Sharpston (Schoenfels, il-Lussemburgu) (rappreżentant: N. Forwood, Barrister-at-Law u J. Flynn, QC)

    Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jaħtru tliet Imħallfin u Avukat Ġenerali għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, datata t-2 ta’ Settembru 2020, sa fejn hija intiża li taħtar lil Anathasios Rantos bħala Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja b’effett mis-7 ta’ Settembru 2020;

    tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 50(3) TUE. Huwa sostnut li la dak l-Artikolu u lanqas kull dispożizzjoni oħra tad-dritt primarju tal-UE ma pproduċiet jew ma kienet teħtieġ it-tmiem awtomatiku tal-mandat tar-rikorrenti bħala Avukat Ġenerali, li jiskadi fis-6 ta’ Ottubru 2021. B’hekk ma kien hemm ebda pożizzjoni vakanti li għaliha A. Rantos seta’ kien legalment maħtur.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju kostituzzjonali fid-dritt tal-UE tal-indipendenza tal-ġudikatura. Billi ħadet pożizzjoni dwar dak li kienet taf li hija kwistjoni kkontestata u kontroversjali dwar il-mandat ta’ membru li jservi tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-deċiżjoni kkontestata taqbeż is-salvagwardji mdaħħlin mid-dritt primarju tal-UE (b’mod partikolari f’Titlu I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea) sabiex jitneħħa b’mod perentorju dak il-membru tal-Qorti tal-Ġustizzja mill-uffiċċju tiegħu.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ proporzjonalità u l-assenza ta’ “raġunijiet leġittimi u konvinċenti”. La t-termini tat-Trattati u lanqas il-funzjonijiet tal-Avukat Ġenerali ma jinvolvu xi konnessjoni kontinwa mal-Istat Membru wara l-ħatra tagħhom. Kull tmiem tal-mandat tagħha għalhekk ikun sproporzjonat u jonqos milli jipprovdi r-“raġunijiet leġittimi u konvinċenti” li l-ġurisprudenza teħtieġ għall-interferenza mal-mandat ta’ membru li jservi tal-Qorti tal-Ġustizzja.


    Top