Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0482

    Kawża T-482/20: Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Lulju 2020 – LG et vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 348, 19.10.2020, p. 22–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.10.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 348/22


    Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Lulju 2020 – LG et vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-482/20)

    (2020/C 348/32)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: LG u ħames rikorrenti oħra (rappreżentanti: A. Sigal u M. Teder, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla, taħt l-Artikolu 263 TFUE, deċiżjoni taċita tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) tas-26 ta’ Mejju 2020, li tiċħad it-talba tar-rikorrenti għal protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet bejn ir-rikorrenti u l-konsulenti legali esterni tagħhom, sakemm ir-rikorrenti ma jispjegawx il-kuntest u l-kontenut ta’ tali komunikazzjonijiet kunfidenzjali;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħhom ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-dritt tar-rikorrenti għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet huwa, għalkemm mhux miktub, dritt fundamentali taħt id-dritt tal-Unjoni, kif rikonoxxut fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ma jistax, qiegħed jiġi sostnut, ikun suġġett għall-kundizzjoni li r-rikorrenti juru li l-komunikazzjonijiet kunfidenzjali tagħhom huma sostantivament konnessi mal-investigazzjoni stess li fiha huma kunfidenzjali; dan ikun imur kontra l-għan tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-dritt tar-rikorrenti għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet joriġina separatament mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-Karta), b’mod partikolari d-dritt għall-ħajja privata taħt l-Artikolu 8 tal-KEDB (l-Artikolu 7 tal-Karta) u d-drittijiet tad-difiża taħt l-Artikolu 6 tal-KEDB (l-Artikolu 47 tal-Karta). Il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet taħt il-KEDB u taħt il-Karta ma tiddipendix, qiegħed jiġi sostnut, fuq l-għan u l-kontenut tal-komunikazzjonijiet rilevanti, iżda biss fuq l-identità tal-parteċipanti tagħhom.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li, anki jekk id-dritt għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet taħt il-KEDB u taħt il-Karta jista’ jkun limitat għall-benefiċċju ta’ interess pubbliku, tali limitazzjonijiet għandhom ikunu espressi fil-forma ta’ liġi. Dawn ma jistgħux, qiegħed jiġi sostnut, ikunu bbażati fuq deċiżjoni diskrezzjonali ta’ awtur amministrattiv.


    Top