Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0378

    Kawża T-378/20: Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Ġunju 2020 – Ryanair vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 255, 3.8.2020, p. 35–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.8.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 255/35


    Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Ġunju 2020 – Ryanair vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-378/20)

    (2020/C 255/46)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Ryanair DAC (Swords, l-Irlanda) (rappreżentanti: E. Vahida, F. Laprévote, S. Rating u I. Metaxas-Maranghidis, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea (UE) tal-15 ta’ April 2020 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.56795 (1); u

    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur, min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, tar-rekwiżit legali li għajnuna awtorizzata taħt l-Artikolu 107(2)(b) TFUE għandha tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minħabba ġrajjiet eċċezzjonali u mhux biss għall-ħsara mġarrba minn vittma waħda ta’ dawn il-ġrajjiet.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, fil-verifika tagħha tal-proporzjonalità tal-għajnuna mal-ħsara kkawżata mill-kriżi tal-COVID-19.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq ksur, min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tat-TFUE u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni relatati mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u mal-libertà ta’ stabbiliment li huma l-bażi tal-liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru fl-Unjoni sa mill-1980. Il-liberalizzazzjoni tas-suq tat-trasport bl-ajru fl-Unjoni ppermettiet it-tkattir ta’ linji tal-ajru bi prezz baxx ġenwinament pan Ewropej. Billi awtorizzat lid-Danimarka tirriżerva għajnuna għal SAS biss il-Kummissjoni Ewropea injorat il-ħsara kkawżata mill-kriżi COVID-19 lil dawn il-linji tal-ajru pan Ewropej u r-rwol tagħhom fil-konnettività bl-ajru tad-Danimarka. L-Artikolu 107(2)(b) TFUE jipprovdi eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 107(1) TFUE iżda ma jipprovdix eċċezzjoni għal regoli u prinċipji oħra tat-TFUE.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali minkejja diffikultajiet serji u fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea.

    5.

    Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni min-naħa tad-Deċiżjoni.


    (1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea (UE) tal-15 ta’ April 2020 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.56795 – id-Danimarka – Kumpens għall-ħsara kkawżata mill-imxija tal-COVID-19 lil Scandinavian Airlines (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).


    Top