Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0312

    Kawża T-312/20: Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Mejju 2020 – EVH vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 247, 27.7.2020, p. 35–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.7.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 247/35


    Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Mejju 2020 – EVH vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-312/20)

    (2020/C 247/47)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: EVH GmbH (Halle [Saale], il-Ġermanja) (rappreżentanti: I. Zenke u T. Heymann, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tas-26 ta’ Frar 2019, li tiddikjara kompatibbli mas-suq intern il-konċentrazzjoni “RWE/E.ON Assets”, Każ M.8871 (ĠU 2020, C 111, p. 1);

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-proċedura.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni fiha difett formali.

    Il-konċentrazzjoni M.8871 awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata ġiet isseparata b’mod żbaljat mill-unika fużjoni globali ta’ RWE AG (RWE) u ta’ E.ON SE (E.ON). Minbarra x-xiri tal-assi ta’ produzzjoni ta’ E.ON min-naħa ta’ RWE (Każ M.8871), it-tranżazzjoni sħiħa tinkludi wkoll ix-xiri min-naħa ta’ RWE ta’ kwota ta’ 16,67 % ta’ E.ON u t-trasferiment lil E.ON ta’ 76,8 % tal-kumpannija sussidjarja innogy SE ta’ RWE (Każ M.8870).

    Id-drittijiet ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura tar-rikorrenti ġew miksura, sa fejn il-konvenuta aċċettat il-ħafna riferimenti għall-ostakoli għall-kompetizzjoni kkawżati mill-konċentrazzjoni ppreżentati minnha waqt il-proċedura, iżda madankollu ma rriproduċietx il-kontenut tagħhom fil-proċedura u fid-deċiżjoni, u lanqas ma evalwathom b’mod xieraq.

    Il-konvenuta ma mmotivatx id-deċiżjoni fil-ħin u b’mod suffiċjenti.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta ma vverifikatx biżżejjed il-fatti u, li kieku dawn ġew ivverifikati b’mod xieraq, kien ikollha tagħti bidu għat-tieni fażi tal-proċedura.

    L-evalwazzjoni tas-sehem mis-suq dejjem jikber ta’ RWE seħħet biss abbażi tal-volum u tal-kapaċità ta’ elettriku, mingħajr l-eżami fil-fond meħtieġ ta’ indikaturi addizzjonali, bħall-eliminazzjoni tal-kompetitur dirett E.ON, l-indikatur Residual Supply Index (RSI), li jesprimi n-natura indispensabbli ta’ fornitur biex jissodisfa d-domanda, jew il-livell ta’ konċentrazzjoni tas-suq.

    Bi ksur taċ-ċikli ta’ investiment fit-tul tas-settur tal-enerġija, il-konvenuta qieset li l-perijodu storiku u anki dak ta’ previżjoni għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni kellu jitnaqqas.

    Is-sehem mis-suq ġie stabbilit b’mod żbaljat, sa fejn ma ġewx evalwati r-rabtiet estensivi bejn RWE u E.ON fis-suq tal-enerġija, iżda ġew ikkumpensati l-kapaċitajiet li rriżultaw mir-Reverse-Carve-out tal-Każ M.8870.

    L-eżami huwa globalment limitat, b’mod inammissibbli, għall-preżent u jinjora l-effetti għas-snin li ġejjin (pereżempju permezz tal-produzzjoni tikber ta’ elettriku nadif u l-eliminazzjoni progressiva tal-faħam), b’mod li l-konvenuta ma hija b’ebda mod kapaċi li tirrikonoxxi li jeżisti theddida ta’ ħsara fit-tul għall-kompetizzjoni.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta – anki minħabba l-investigazzjonijiet mhux xierqa tagħha – wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-fużjoni kienet kompatibbli mal-kompetizzjoni.

    Il-konvenuta naqset b’mod żbaljat milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li E.ON ma għadhiex kompetitur fit-tul ta’ RWE.

    Il-konvenuta ma rrikonoxxietx li l-qsim ta’ stadji fis-settur tal-enerġija, li fihom ċertu valur miżjud, bejn E.ON u RWE, kif miftiehem fil-kuntest tal-fużjoni globali, jinvolvi tnaqqis fil-kompetizzjoni u ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 101 TFUE.

    Il-konvenuta tqis b’mod żbaljat li ma għandhiex konsegwenzi ż-żieda fis-sehem tas-suq ta’ RWE fis-suq tal-bejgħ primarju.

    Finalment, b’mod żbaljat, id-deċiżjoni lanqas ma tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti antikompetittivi li jirriżultaw mit-tneħħija ta’ E.ON bħala kompetitur fil-produzzjoni u fil-kummerċ bl-ingrossa ta’ elettriku minn sorsi rinnovabbli u fil-provvista ta’ servizzi ta’ sistema bħall-enerġija ta’ bbilanċjar.


    Top