Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0295

    Kawża T-295/20: Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Mejju 2020 – Aquind et vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 247, 27.7.2020, p. 28–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.7.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 247/28


    Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Mejju 2020 – Aquind et vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-295/20)

    (2020/C 247/38)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Aquind Ltd (Wallsend, ir-Renju Unit), Aquind SAS (Rouen, Franza), Aquind Energy (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: S. Goldberg, Solicitor, E. White, avukat, C. Davis u J. Bille, Solicitors)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla l-miżura kkontestata, jiġifieri r-Regolament Delegat, sa fejn dan ineħħi lil AQUIND Interconnector mil-Lista tal-Unjoni;

    b’mod alternattiv, tannulla r-Regolament Delegat kollu kemm hu; u

    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tar-rikorrenti relatati ma’ dawn il-proċeduri.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/389 tal-31 ta’ Ottubru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista tal-Unjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni (1).

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw seba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni għat-tneħħija ta’ AQUIND Interconnector mil-lista tal-Unjoni.

    Bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ir-Regolament Delegat ma jinkludi u ma jagħmel riferiment għall-ebda dikjarazzjoni ta’ raġunijiet għat-tneħħija ta’ AQUIND Interconnector mil-lista tal-Unjoni u r-rikorrenti ma ngħatawx raġunijiet għat-tneħħija.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tar-rekwiżiti proċedurali u sostantivi taħt ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 (2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament TEN-E”) u b’mod partikolari tal-Artikolu 5(8) tiegħu.

    L-istabbiliment tal-lista ta’ proġetti ta’ interess komuni għall-finijiet tar-Regolament Delegat ma kienx konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament TEN-E.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 10(1) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija.

    It-tneħħija ta’ AQUIND Interconnector mil-lista tal-Unjoni u n-nuqqas ta’ kwalunkwe raġuni għal tali tneħħija jiksru l-obbligi taħt l-Artikolu 10(1) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija li jiġu pprovduti kundizzjonijiet stabbli, ekwi u trasparenti u li jingħata trattament ġust u ekwu għal investimenti.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba taħt l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    Bi ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tneħħija ta’ AQUIND Interconnector’s mil-lista tal-Unjoni ma twettqitx b’mod imparzjali u r-rikorrenti ma kellhom l-ebda dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni tar-Regolament Delegat.

    5.

    Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

    Bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, AQUIND Interconnector’s ġiet ittrattata b’mod differenti u inġust meta mqabbla ma’ proġetti ta’ interessi komuni (PIK) paragunabbli mingħajr l-ebda ġustifikazzjoni oġġettiva għal tali nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    6.

    Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

    Bħala PIK eżistenti fil-fażi ta’ żvilupp, is-sempliċi tneħħija ta’ AQUIND Interconnector mil-lista tal-Unjoni mingħajr it-twettiq ta’ tqabbil ta’ proġetti paragunabbli u mingħajr l-għoti lir-rikorrenti tal-oppurtunità li jirrimedjaw kwalunkwe problema hija sproporzjonata.

    7.

    Is-seba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u aspettattivi leġittimi tad-dritt tal-Unjoni.

    Il-miżura kkontestata tikser l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti li għandhom id-dritt li jserrħu fuq l-inklużjoni tagħhom fil-lista tal-Unjoni u li l-proċess ta’ tħejjija tal-lista tal-Unjoni tal-PIK titwettaq skont l-għanijiet u l-obbligi tar-Regolament TEN-E u rekwiżiti legali applikabbli oħra.


    (1)  ĠU 2020 L 74, p. 1.

    (2)  Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU 2013 L 115, p. 39).


    Top