Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0234

    Kawża T-234/20: Rikors ippreżentat fid-29 ta’ April 2020 – HB vs BEI

    ĠU C 215, 29.6.2020, p. 43–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.6.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 215/43


    Rikors ippreżentat fid-29 ta’ April 2020 – HB vs BEI

    (Kawża T-234/20)

    (2020/C 215/55)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: HB (rappreżentant: C. Bernard-Glanz, avukat)

    Konvenut: Bank Ewropew tal-Investiment

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla (i) r-rapport ta’ evalwazzjoni tal-2017 u (ii) d-deċiżjoni tal-bord ġudikanti, li tiċħad l-appell tar-rikorrent kontra r-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha tal-2017;

    tordna lill-konvenut iħallas somma ta’ EUR 50 000, bħala kumpens għat-telf ta’ opportunità, flimkien mal-interessi bir-rata legali mid-data tas-sentenza sakemm isir il-ħlas sħiħ;

    tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha għall-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, li jallega ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dritt għall-kunfidenzjalità, sa fejn, billi kkummenta dwar l-aġir allegatament mhux xieraq tar-rikorrenti ma’ maniġer ta’ livell għoli f’Ġunju 2017 fir-rapport ta’ evalwazzjoni, X kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll id-dritt għall-kunfidenzjalità tar-rikorrenti.

    2.

    It-tieni motiv, li jallega żball manifest ta’ evalwazzjoni u użu ħażin ta’ poter, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li kienet iffastidjata minn X matul il-perijodu ta’ evalwazzjoni, li (i) bħala riżultat, X ma kellux l-oġġettività biex jevalwa l-prestazzjoni tagħha u b'hekk ivvizzja l-kummenti u l-marki tiegħu bi żball manifest, u (ii) ir-rapport ta’ evalwazzjoni kien adottat bl-intenzjoni li r-rikorrenti tiġi ppreġudikata u għalhekk huwa vvizzjat b’użu ħażin ta’ poter.

    Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni tal-bord tal-appell, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi ulterjuri.

    1.

    L-ewwel motiv, li jallega irregolaritajiet proċedurali, sa fejn twettqu irregolaritajiet proċedurali mill-bord ġudikanti (notifika irregolari tas-seduta, adozzjoni irregolari tad-deċiżjoni fil-kontumaċja), li fin-nuqqas tagħhom ir-riżultat tal-proċedura seta’ jkun differenti.

    2.

    It-tieni motiv, li jallega ksur tad-dritt għal smigħ, sa fejn, bħala riżultat tal-irregolaritajiet proċedurali mwettqa, ir-rikorrenti ma kinitx preżenti waqt is-seduta tal-bord ġudikanti, u b’hekk ma nstemgħetx.

    Insostenn tat-talba għad-danni tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, meta ċaħad it-talba tagħha għal konċiljazzjoni, b’mod illegali, il-konvenut ċaħħad lir-rikorrenti minn opportunità biex issolvi t-tilwima amikevolment u biex jiġu evitati proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.


    Top