Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CO0387

Digriet tal-Qorti tal-Ä ustizzja (Is-Sitt Awla) tal-1 taâ&
x80;&
x99; Settembru 2021.
Kawża mressqa minn OKR.
Talba għal deÄ&
x8b;iżjoni preliminari, imressqa minn Notariusz w Krapkowicach Justyna Gawlica - Krapkowice.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Artikolu 267 TFUE – Nutar – Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal nazzjonali’ – Kriterji – Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.
Kawża C-387/20.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:751

 DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

1 ta’ Settembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Artikolu 267 TFUE – Nutar – Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal nazzjonali’ – Kriterji – Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari”

Fil-Kawża C‑387/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Zastępca notarialny w Krapkowicach (nutar li jeżerċita fi Krapkowice, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Awwissu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Awwissu 2020, fil-proċedura mressqa minn

OKR

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, C. Toader (Relatur) u M. N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 53(2), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 22 u 75 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107, rettifika ĠU 2013, L 60, p. 140) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar is-Suċċessjonijiet”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn OKR, ċittadina Ukrena, residenti fil-Polonja u koproprjetarja ta’ proprjetà immobbli għal użu residenzjali fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, kontra r-rifjut, minn Zastępca notarialny w Krapkowicach (nutar li jeżerċita fi Krapkowice, il-Polonja) (iktar ’il quddiem in-“nutar”, li jikteb testment notarili li jinkludi klawżola li permezz tagħha id-dritt applikabbli għas-suċċessjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa d-dritt Ukrain.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet

3

L-Artikolu 22 tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet, intitolat “Għażla ta’ liġi” jiddisponi fil-paragrafi 1 u 2:

“1.   Persuna tista’ tagħżel bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni tagħha fl-intier tagħha l-liġi tal-Istat li hija jkollha ċ-ċittadinanza tiegħu fil-mument li fiha tkun qiegħda tagħmel l-għażla.

Persuna li għandha ċittadinanzi multipli tista’ tagħżel il-liġi ta’ kwalunkwe Stat li hija għandha ċ-ċittadinanza tiegħu fil-mument li fiha tkun qiegħda tagħmel l-għażla jew fil-ħin tal-mewt.

2.   L-għażla ta’ liġi għandha ssir b’mod espliċitu f’dikjarazzjoni fil-forma ta’ trasferiment causa mortis jew tintwera b’mod ċar bit-termini ta’ tali trasferiment.”

4

L-Artikolu 75 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Relazzjonijiet mal-konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu, li: “[d]an ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom Stat Membru wieħed jew aktar huma parti fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament u li jittrattaw kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament”.

Id-dritt Pollakk

5

L-Artikolu 81 tal-ustawa Prawo o notariacie (Il-Liġi dwar il-Kodiċi Notarili), tal-14 ta’ Frar 1991 (Dz. U. no 22, punt 91), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Notarili”) jipprevedi li “[i]n-nutar għandu jirrifjuta li jwettaq att notarili illegali”.

6

L-Artikolu 82 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“Il-persuna li tiġi rrifjutata att notarili għandha tiġi informata bid-dritt ta’ rikors kontra dan ir-rifjut u bil-modalitajiet tal-eżerċizzju tiegħu. Din il-persuna tista’, f’terminu ta’ ġimgħa mid-data tar-rifjut li jitwettaq l-att notarili, titlob bil-miktub li jiġu redatti u li jiġu nnotifikati lilha r-raġunijiet għar-rifjut. In-nutar għandu jfassal il-motivi f’terminu ta’ ġimgħa mid-data li fiha jirċievi t-talba.”

7

Skont l-Artikolu 83 tal-imsemmi kodiċi:

“1)   Kull persuna kkonċernata tista’, f’terminu ta’ ġimgħa mid-data tan-notifika tar-raġunijiet għar-rifjut, jew, fil-każ fejn hija ma tkunx għamlet it-talba fit-terminu previst għan-notifika tal-motivi tar-rifjut, mid-data li fiha hija tkun ġiet informata bir-rifjut, tippreżenta rikors kontra r-rifjut li jitwettaq l-att notarili quddiem is-Sąd Okręgowy [(il-Qorti Reġjonali, il-Polonja)] tal-post ta’ stabbiliment tal-uffiċċju tan-nutar li jirrifjuta li jwettaq l-att notarili. Ir-rikors huwa ppreżentat permezz tal-imsemmi nutar.

1a)   In-nutar imsemmi fil-paragrafu 1) huwa obbligat li jsegwi r-rikors f’terminu ta’ ġimgħa u jippreżenta lill-qorti, minbarra r-rikors, il-pożizzjoni tiegħu, kif ukoll li jinnotifika lill-persuna kkonċernata, sakemm ma jkunx diġà fformula u nnotifika lil din il-persuna bir-raġunijiet għar-rifjut.

1b)   Il-Qorti għandha teżamina r-rikors f’seduta, billi tapplika debitament id-dispożizzjonijiet tal-Kodeks postępowania cywilnego (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) dwar il-proċeduri mhux kontenzjużi.

2)   In-nutar jista’, jekk jikkunsidra li r-rikors huwa leġittimu, iwettaq l-att notarili; f’dan il-każ, huwa ma jkomplix ir-rikors.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

OKR talbet lin-nutar l-istabbiliment ta’ testment Notarili li jinkludi klawżola li permezz tagħha d-dritt applikabbli għas-suċċessjoni fil-kawża prinċipali huwa d-dritt Ukrain.

9

In-nutar ikkonċernat irrifjuta li jistabbilixxi tali att, abbażi tal-Artikoli 22 u 75 tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet kif ukoll tal-umowa bilateralna o pomocy prawnej i stosunkach prawnych w sprawach cywilnych i karnych (Il-Ftehim Bilaterali Bejn il-Polonja u l-Ukraina, dwar l-għajnuna legali u r-relazzjonijiet ġuridiċi fil-qasam ċivili u kriminali) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Polono-Ukrain”), tal‑24 ta’ Mejju 1993.

10

OKR, permezz ta’ nutar, ippreżentat rikors kontra r-rifjut li jiġi stabbilit l-att mitlub quddiem is-Sąd Okręgowy w Opolu (il-Qorti Reġjonali ta’ Opole, il-Polonja) permezz ta’ dan l-istess nutar, skont l-Artikolu 83(1) tal-Kodiċi Notarili.

11

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-imsemmi nutar isostni li huwa msejjaħ jistħarreġ, fl-ewwel istanza, id-deċiżjoni ta’ rifjut tiegħu li permezz tagħha kkunsidra li l-att mitlub kien illegali. Issa, huwa jindika li ma jistax ikun f’pożizzjoni li jiżgura effettivament dan l-istħarriġ jekk, f’kawża li s-suġġett prinċipali tagħha huwa l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, bħal f’dan il-każ, huwa ma jistax iressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

12

Fir-rigward tal-klassifikazzjoni tiegħu bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, l-imsemmi nutar jindika, essenzjalment, li huwa korp imparzjali u indipendenti fir-rigward tal-partijiet li jitolbuh jistabbilixxi att notarili, li l-protezzjoni ġuridika li huwa jagħti għandha natura vinkolanti u li l-istħarriġ li huwa jwettaq fuq ir-rifjut tiegħu li jwettaq att notarili għandu wkoll natura permanenti.

13

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li n-nutar iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 22 tar-Regolament [dwar is-Suċċessjonijiet] għandu jiġi interpretat fis-sens li anki persuna li ma jkollhiex iċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea tista’ tagħżel id-dritt nazzjonali tagħha bħala d-dritt li għalih huma suġġetti l-kwistjonijiet kollha relatati mas-suċċessjoni?

2)

L-Artikolu 75 moqri flimkien mal-Artikolu 22 tal-imsemmi Regolament [dwar is-Suċċessjonijiet] għandu jiġi interpretat fis-sens li f’sitwazzjoni fejn ftehim bilaterali bejn Stat Membru u pajjiż terz ma jirregolax l-għażla tad-dritt fil-qasam tas-suċċessjoni iżda jindika d-dritt applikabbli fil-qasam tas-suċċessjoni, iċ-ċittadin ta’ tali pajjiż terz li jirrisjedi fl-Istat Membru marbut b’dan il-ftehim bilaterali jista’ jwettaq l-għażla tad-dritt?

U b’mod partikolari,

il-ftehim bilaterali mal-pajjiż terz għandu jeskludi b’mod espliċitu l-għażla ta’ dritt partikolari, u mhux biss jirregola l-lex successionis permezz tal-użu ta’ kriterji ta’ rabta oġġettivi, sabiex jitqies li d-dispożizzjonijiet tiegħu jieħdu preċedenza fuq l-Artikolu 22 tar-Regolament [dwar is-Suċċessjonijiet]?

il-libertà tal-għażla tad-dritt tas-suċċessjoni u tat-twaħħid tad-dritt applikabbli permezz tal-għażla tad-dritt, tal-inqas fil-kuntest speċifikat mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 22 tar-Regolament [dwar is-Suċċessjonijiet], hija wieħed mill-prinċipji sottostanti l-kooperazzjoni tal-qrati f’materji ċivili u kummerċjali fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea, liema prinċipji ma jistgħux jinkisru, u dan lanqas fil-każ ta’ applikazzjoni ta’ ftehimiet bilaterali ma’ pajjiżi terzi li jieħdu preċedenza fuq ir-Regolament [dwar is-Suċċessjonijiet]?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Ottubru 2020, adottata fuq opinjoni tal-Avukat Ġenerali u tal-Imħallef Relatur, tressqet talba għal informazzjoni lin-nutar. Permezz ta’ din it-talba, dan tal-aħħar ġie mistieden jippreċiża ċerti elementi relatati mal-funzjonijiet tiegħu fil-kuntest tal-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali intiżi sabiex jiġi stabbilit jekk huwa għandux, f’dan il-każ, il-kwalità ta’ “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

15

Fir-risposta tagħha tas-16 ta’ Ottubru 2020, l-imsemmi nutar jindika, fir-rigward tal-kwalità tiegħu ta’ terza persuna quddiem is-Sąd Okręgowy (il-Qorti Reġjonali, il-Polonja), li fil-kuntest tal-imsemmija proċedura l-partijiet ma humiex ikklassifikati bħala “rikorrent” u “konvenut”, iżda bħala “partijiet fil-proċedura”. Fir-rigward tar-rikonoxximent jew le, lin-nutar, tal-kwalità ta’ “parti fil-proċedura”, il-prattika tvarja kemm abbażi tad-diversi qrati reġjonali kif ukoll abbażi tad-diversi kulleġġi ġudikanti tal-istess taqsima fi ħdan dawn il-qrati. Fi kwalunkwe każ, huwa jsostni li anki jekk in-nutar jiġi ammess mill-qorti, bħala “parti fil-proċedura”, dan il-professjonist għandu wkoll rwol iddettat mill-istatus tiegħu ta’ membru ta’ “professjoni bbażata fuq il-fiduċja tal-pubbliku” u huwa obbligat jaġixxi fl-interess pubbliku, li jkun indipendenti u imparzjali.

16

Fir-rigward tal-indipendenza interna tiegħu kif ukoll tal-kwalità tiegħu ta’ “terz” fil-konfront tal-awtorità li tadotta d-deċiżjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors, in-nuta jindika, abbażi rispettivament tas-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander (C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 61) u tas-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2020, Anesco et (C-462/19, EU:C:2020:715, punt 40), li, fl-ebda stadju tal-eżerċizzju tal-ġustizzja preventiva, huwa ma jittratta kawża li fil-kuntest tagħha huwa parti fil-proċedura u li, f’ebda mument, huwa ma għandu interess proprju fis-soluzzjoni ta’ din il-kawża, u fil-fatt il-ksur tal-obbligu ta’ imparzjalità jikkostitwixxi nuqqas dixxiplinari gravi. Fil-fatt, dawn huma proċeduri addizzjonali ta’ protezzjoni tal-Istat tad-dritt, li ma jpoġġux lill-awtorità inkarigata mill-kawża fl-istess livell tal-partijiet fil-proċedura.

17

Barra minn hekk, in-nutar isostni li, minkejja li l-prinċipju ta’ għażla libera tan-nutar għall-istabbiliment ta’ att Notarili japplika għall-partijiet fil-proċedura tas-suċċessjoni, ir-rikors kontra r-rifjut eventwali tan-nutar li jistabbilixxi l-att mitlub għandu neċessarjament jiġi ppreżentat quddiem l-istess nutar li huwa l-awtur ta’ dan ir-rifjut u li huwa obbligat jieħu l-miżuri previsti fl-Artikolu 83(1a) u (2) tal-Kodiċi Notarili.

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

18

Skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma jkollhiex kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża jew meta talba jew rikors ikunu manifestament inammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

19

Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata f’din il-kawża.

20

Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha tal-ewwel tagħti lil tat-tieni l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għaliha sabiex tiddeċiedi l-kawża li tkun tressqet quddiemha (digriet tal-25 ta’ April 2018, Secretaria Regional de Saúde dos Açores, C‑102/17, EU:C:2018:294, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Minn dan jirriżulta li, sabiex ikun abilitat jagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-organu tar-rinviju għandu jkun ikkwalifikat bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika.

22

Sabiex jiġi evalwat jekk l-organu tar-rinviju għandux in-natura ta’ “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, liema kwistjoni hija rregolata unikament mid-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ elementi, bħal jekk l-organu huwiex stabbilit b’liġi, jekk huwiex permanenti, jekk il-ġurisdizzjoni tiegħu hijiex ta’ natura obbligatorja, jekk il-proċedura tiegħu hijiex ta’ natura kontradittorja, jekk l-organu japplikax regoli tad-dritt, kif ukoll jekk huwiex indipendenti (sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, Margarit Panicello, C‑503/15, EU:C:2017:126, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Barra minn dan, sabiex jiġi stabbilit jekk l-organu nazzjonali għandux jiġi kklassifikat bħala “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, huwa neċessarju li tiġi eżaminata n-natura speċifika tal-funzjonijiet li huwa jkun jeżerċita fil-kuntest legali partikolari li fih huwa jkun intalab jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi vverifikat jekk kawża hijiex pendenti quddiem tali organu u jekk dan tal-aħħar huwiex mitlub li jiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedura maħsuba sabiex twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, Margarit Panicello, C‑503/15, EU:C:2017:126, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Fil-fatt, meta ma jkunx mitlub jiddeċiedi tilwima, organu tar-rinviju, anki jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jitqies li jeżerċita funzjoni ġudizzjarja (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2001, Salzmann, C‑178/99, EU:C:2001:331, punt 15, kif ukoll id-digriet tal-24 ta’ Marzu 2011, Bengtsson, C‑344/09, EU:C:2011:174, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Issa, f’dan il-każ, mill-provi kollha inklużi fil-proċess ta’ din il-kawża jirriżulta li n-nutar ikkonċernat ma huwiex mitlub jiddeċiedi kawża u ma huwiex mitlub jagħti deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja, b’tali mod li ma jeżerċitax funzjonijiet ġudizzjarji.

26

Fil-fatt, skont l-Artikolu 81 tal-Kodiċi Notarili, in-nutar għandu jevalwa l-legalità tal-att notarili mitlub li jistabbilixxi u jekk huwa jikkonstata li dan l-att ma huwiex konformi mal-liġi, huwa għandu jirrifjuta li jistabbilixxi dan l-att. Skont l-Artikolu 81(1), dan ir-rifjut jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors quddiem il-qorti ordinarja, ippreżentat permezz tal-istess nutar li jkun adotta d-deċiżjoni ta’ rifjut. F’din l-ewwel fażi tal-proċedura, in-nutar għandu setgħa ta’ stħarriġ fuq id-deċiżjoni ta’ rifjut tiegħu stess.

27

Kif jirriżulta mill-Artikolu 83(1a) u (2) tal-Kodiċi Notarili u kif ikkonferma l-Gvern Pollakk fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, fil-kuntest tal-proċedura diretta kontra r-rifjut tan-nutar li jistabbilixxi l-att mitlub, dan in-nutar jew, jekk iqis li l-ilment huwa fondat, jistabbilixxi l-att notarili, billi jipproċedi għar-rettifika tad-deċiżjoni ta’ rifjut tiegħu, jew iżomm il-pożizzjoni tiegħu u jibgħat il-kawża quddiem is-Sąd Okręgowy (il-Qorti Reġjonali, il-Polonja) sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors, fejn jippreżenta il-pożizzjoni tiegħu.

28

Konsegwentement, l-ebda deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja ma tittieħed mill-imsemmi nutar la meta jikkonferma d-deċiżjoni ta’ rifjut tiegħu, u lanqas meta jqis li l-ilment huwa fondat.

29

Kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-possibbiltà li d-deċiżjoni ta’ rifjut tiġi rrettifikata ma għandhiex il-karatteristiċi ta’ proċedura intiża għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja. Fil-fatt, fil-kuntest tal-evalwazzjoni deskritta fil-punti 26 u 27 ta’ dan id-digriet, in-nutar iwettaq stħarriġ tad-deċiżjoni tiegħu dwar il-legalità tal-att Notarili, kif mitlub mir-rikorrent, fir-rikors ippreżentat quddiem il-qorti ordinarja, fid-dawl tal-argumenti mressqa minn dan ir-rikorrent wara l-imsemmija deċiżjoni ta’ rifjut.

30

Il-konstatazzjoni li, fil-Polonja, in-nutar ma jeżerċitax funzjoni ġudizzjarja ma hijiex ikkontestata mill-fatt li, skont id-dritt proċedurali Pollakk, dan in-nutar jaġixxi bħala korp “tal-ewwel istanza”. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 22 ta’ dan id-digriet, il-kwistjoni dwar jekk l-organu ta’ rinviju huwa “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, taqa’ biss taħt id-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-klassifikazzjonijiet nazzjonali f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li, meta jistħarreġ id-deċiżjoni ta’ rifjut tiegħu li jistabbilixxi att notarili, in-nutar ma jkunx adit b’kawża, iżda għandu jivverifika mill-ġdid il-konformità tat-talba li jistabbilixxi tali att mal-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni dwar l-istabbiliment tal-att notarili mitlub. Din il-proċedura intermedja għandha n-natura ta’ lment amministrattiv, li fil-kuntest tiegħu n-nutar huwa msejjaħ jikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu stess u, jekk ikun il-każ, jistabbilixxi l-att notarili mitlub qabel ma l-qorti tiġi adita.

31

Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li r-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet jippreċiża, fl-Artikolu 3(2) tiegħu, li l-kunċett ta’ “qorti”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, jinkludi mhux biss l-awtoritajiet ġudizzjarji, iżda wkoll kull awtorità oħra u kull professjonist legali ieħor b’kompetenza fil-qasam tas-suċċessjoni li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din l-istess dispożizzjoni (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, E. E. (Kompetenza ġudizzjarja u liġi applikabbli għas-suċċessjoni), C‑80/19, EU:C:2020:569, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata), peress li l-kunċett hekk iddefinit fl-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament għandu sens iktar wiesa’ minn dak tal-istess kunċett imsemmi fl-Artikolu 267 TFUE.

32

Barra minn hekk, meta jwettaq l-imsemmi stħarriġ tad-deċiżjoni ta’ rifjut tiegħu, in-nutar ma għandux il-kwalità ta’ “terz” meta mqabbel mal-awtorità li adottat id-deċiżjoni suġġett tar-rikors, li huwa determinanti sabiex l-istanza kkonċernata tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-16 ta’ Settembru 2020, Anesco et, C‑462/19, EU:C:2020:715, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din l-interpretazzjoni ma hijiex kontradetta mill-fatt li, skont in-nutar ikkonċernat, anki meta nutar jiġi ammess mill-qorti adita bħala “parti fil-proċedura”, huwa għandu r-rwol ta’ membru ta’ professjoni bbażata fuq il-fiduċja tal-pubbliku, b’tali mod li jibqa’ obbligat jaġixxi fl-interess pubbliku.

33

Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tan-nutar dwar il-fatt li nutar jista’ jiżgura effettivament il-missjoni ta’ stħarriġ li ngħatatlu biss jekk, f’kawża li l-għan prinċipali tagħha huwa l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa jkun f’pożizzjoni li jagħmel domanda preliminari, hija ġurisprudenza stabbilita li l-eżistenza ta’ rimedji ġudizzjarji diretti kontra d-deċiżjonijiet tippermetti li tiġi ggarantita f’kull każ l-effettività tal-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE kif ukoll l-unità ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li din id-dispożizzjoni tat-trattat tfittex li tiżgura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, Belov, C 394/11, EU:C:2013:48, punt 52).

34

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, in-nutar ikkonċernat ma jistax, għall-finijiet ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, jiġi kklassifikat bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

35

Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-nutar għandha tiġi miċħuda bħala manifestament inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

36

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem l-organu tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tordna:

 

It-talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Zastępca notarialny w Krapkowicach (nutar li jeżerċita fi Krapkowice, il‑Polonja) hija manifestament inammissibbli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Top