Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CO0328

Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 2020.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Awstrija.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Talba għal intervent – Stat terz, li huwa parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA – Ammissjoni.
Kawża C-328/20.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:1068

 DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

18 ta’ Diċembru 2020 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Talba għal intervent – Stat terz, li huwa parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA – Ammissjoni”

Fil-Kawża C‑328/20,

li għandu bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit‑22 ta’ Lulju 2020,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Martin u B.–R. Killmann, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn A. Posch, M. Klamert, J. Schmoll u C. Pesendorfer, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

wara li rat il-proposta ta’ F. Biltgen, Imħallef Relatur,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, J. Richard de la Tour,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi addattat l-ammont tal-benefiċċji tal-familja kif ukoll tal-vantaġġi soċjali u fiskali favur ulied persuni li għandhom dritt għal tali benefiċċji fl-Awstrija għall-għoli tal-ħajja tal-Istat Membru ta’ residenza tal-wild, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt, minn naħa, l-Artikoli 4, 7 u 67 tar-Regolament (KE) Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72) u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 7 tar-Regolament 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1).

2

Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Ottubru 2020 abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u r-Renju tan-Norveġja talbu li jitħallew jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet, rispettivament, tal-Kummissjoni u tar-Repubblika tal-Awstrija.

3

Mistiedna, skont l-Artikolu 131(1) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom dwar dawn it-talbiet għal intervent, ir-Repubblika tal-Awstrija ma ppreżentat ebda waħda, filwaqt li l-Kummissjoni, waqt li ppreċiżat li, fil-mertu, hija ma għandha ebda oġġezzjoni sabiex jintlaqgħu l-imsemmija talbiet għal intervent, tistaqsi dwar l-ammissibbiltà tagħhom, sa fejn dawn huma intiżi li jintervjenu fi proċedura bejn istituzzjoni tal-Unjoni u Stat Membru, fis-sens tal-aħħar sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Fuq it-talbiet għal intervent

4

Għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprevedi, fl-ewwel tliet paragrafi tiegħu, tliet kategoriji distinti ta’ intervenjenti li huma suġġetti, kull waħda minnhom, għal sistema partikolari.

5

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jintervjenu, mingħajr restrizzjonijiet, fil-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

6

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li l-istess dritt jappartjeni lill-korpi u lill-organi tal-Unjoni, kif ukoll lil kwalunkwe persuna oħra, fiżika jew ġuridika, jekk jistgħu juru interess fis-soluzzjoni tal-kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li jiġi ppreċiżat, madankollu, li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi ma jistgħux jintervjenu fil-kawżi bejn Stati Membri, bejn istituzzjonijiet tal-Unjoni jew bejn Stati Membri, minn naħa, u istituzzjonijiet tal-Unjoni, min-naħa l-oħra.

7

Fl-aħħar nett, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jagħti attenzjoni partikolari lill-Istati li huma partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), minbarra l-Istati Membri, kif ukoll lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA msemmija fl-imsemmi ftehim filwaqt li jippreċiża li jistgħu jintervjenu fil-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja meta dawn jikkonċernaw wieħed mill-oqsma ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim.

8

Minn din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li l-ammissibbiltà ta’ talba għal intervent ta’ Stat terz, li huwa parti għall-Ftehim ŻEE, jew tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ma tista’ tiġi suġġetta għal ebda kundizzjoni oħra ħlief dik li s-suġġett tal-kawża li hija s-suġġett ta’ din it-talba għal intervent għandu jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim. B’hekk, l-Istati u l-Awtorità msemmija iktar ’il fuq għandhom jitħallew jintervjenu fil-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma jkollhom għalfejn jiġġustifikaw interess partikolari, meta dawn il-kawżi jikkonċernaw wieħed mill-oqsma ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE.

9

Issa, ma huwiex ikkontestat li l-imsemmija kundizzjoni hija ssodisfatta f’din il-kawża. Ir-rikors ippreżentat kontra l-konvenuta fil-fatt jirrigwarda allegat nuqqas min-naħa ta’ din tal-aħħar li twettaq l-obbligi tagħha taħt ir-Regolamenti Nri 883/2004 u 492/2011, li ġew inkorporati fil-Ftehim ŻEE, rispettivament, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 76/2011 tal‑1 ta’ Lulju 2011 li temenda l-Anness VI (Sigurtà Soċjali) u l-Protokoll 37 għall-Ftehim ŻEE (ĠU 2011, L 262, p. 33), u permezz tad-Deċiżjoni tat‑30 ta’ Marzu 2012 li temenda l-Anness V (Moviment liberu tal-ħaddiema) tal-Ftehim ŻEE (ĠU 2012, L 207, p. 32).

10

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li t-talbiet għal intervent tal-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA u tar-Renju tan-Norveġja jiġu ammessi insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni u tar-Repubblika tal-Awstrija, rispettivament.

Fuq l-ispejjeż

11

Skont l‑Artikolu 137 tar‑Regoli tal‑Proċedura, deċiżjoni dwar l‑ispejjeż għandha tingħata fis‑sentenza jew fid‑digriet li jagħlaq il‑kawża.

12

F’dan il-każ, peress li t-talbiet għal intervent tal-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA u tar-Renju tan-Norveġja ntlaqgħu, hemm lok li l-ispejjeż marbuta mal-intervent tagħhom jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:

 

1)

L-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA u r-Renju tan-Norveġja jingħataw permess biex jintervjenu fil-Kawża C‑328/20 insostenn tal-konklużjonijiet, rispettivament, tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Repubblika tal-Awstrija.

 

2)

Kopja tal-atti proċedurali kollha għandha tiġi notifikata lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u lir-Renju tan-Norveġja mir-Reġistratur.

 

3)

Għandu jiġi stabbilit terminu għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u r-Renju tan-Norveġja sabiex jippreżentaw nota ta’ intervent.

 

4)

L-ispejjeż relatati mal-intervent tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u tar-Renju tan-Norveġja huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top