Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CN0470

    Kawża C-470/20: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Riigikohus (l-Estonja) fid-29 ta’ Settembru 2020 – AS Veejaam, OÜ Espo vs AS Elering

    ĠU C 433, 14.12.2020, p. 31–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 433/31


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Riigikohus (l-Estonja) fid-29 ta’ Settembru 2020 – AS Veejaam, OÜ Espo vs AS Elering

    (Kawża C-470/20)

    (2020/C 433/39)

    Lingwa tal-kawża: l-Estonjan

    Qorti tar-rinviju

    Riigikohus

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: AS Veejaam, OÜ Espo

    Konvenuta: AS Elering

    Domandi preliminari

    1)

    Ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, inkluż ir-rekwiżit tal-effett ta’ inċentiv stabbilit fil-punt 50 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014–2020 (1), għandhom jiġu interpretati fis-sens li hija kompatibbli ma’ dawn ir-regoli skema ta’ għajnuna li tippermetti lil produttur ta’ enerġija rinnovabbli japplika għall-ħlas ta’ għajnuna mill-Istat wara li jkun inbeda x-xogħol fuq il-proġett, jekk dispożizzjoni nazzjonali tagħti dritt għall-għajnuna lil kull produttur li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-liġi, u ma tagħti l-ebda diskrezzjoni lill-awtorità kompetenti f’dan ir-rigward?

    2)

    L-effett ta’ inċentiv ta’ għajnuna huwa f’kull każ eskluż jekk l-investiment li għalih tintalab l-għajnuna jkun sar minħabba bidla fir-rekwiżiti għal permess ambjentali – anki meta l-applikant għall-għajnuna, bħal fil-każ preżenti, kien x’aktarx iwaqqaf l-attività tiegħu kieku ma rċeviex l-għajnuna mill-Istat minħabba r-rekwiżiti għall-permess iktar stretti?

    3)

    Fid-dawl, b’mod partikolari, tad-dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-590/14 P (punti 49 u 50) (2), fejn, bħal fil-każ preżenti, il-Kummissjoni tkun iddikjarat, permezz ta’ deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat, kemm skema ta’ għajnuna eżistenti kif ukoll il-bdil propost fiha bħala kompatibbli mas-suq intern, u fejn l-Istat ikun indika, fost l-oħrajn, li ser japplika l-iskema ta’ għajnuna eżistenti biss sa data speċifika, hija din għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament (UE) 2015/1589 (3), jekk l-iskema ta’ għajnuna eżistenti abbażi tal-liġi fis-seħħ tibqa’ tapplika lil hinn mid-data finali mill-Istat?

    4)

    Fil-każ li l-Kummissjoni tkun iddeċidiet sussegwentement li ma tqajjem ebda oġġezzjoni fir-rigward ta’ skema ta’ għajnuna applikata bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, persuni li huma intitolati għall-għajnuna għall-funzjonament huma intitolati li jitolbu l-ħlas tal-għajnuna għall-perijodu qabel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, kemm-il darba r-regoli proċedurali nazzjonali jippermettu dan?

    5)

    Applikant li jkun applika għal għajnuna għall-funzjonament taħt skema ta’ għajnuna u li beda x-xogħol fuq proġett li jissodisfa r-rekwiżiti meqjusa bħala kompatibbli mas-suq intern fi żmien meta l-iskema ta’ għajnuna ġiet applikata legalment, iżda li jkun talab għajnuna fi żmien meta l-iskema ta’ għajnuna kienet estiża mingħajr ma l-Kummissjoni tkun ġiet innotifikata b’dan, għandu dritt għal għajnuna mill-Istat, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 108(3) TFUE,?


    (1)  ĠU 2014, C 200, p. 1.

    (2)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ottubru 2016 fil-Kawża DEI vs Il-Kummissjoni (C-590/14 P, EU:C:2016:797)

    (3)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 248, p. 9).


    Top