EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CN0368

Kawża C-368/20: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesverwaltungsgericht Steiermark (l-Awstrija) fil-5 ta’ Awwissu 2020 – NW vs Landespolizeidirektion Steiermark

ĠU C 348, 19.10.2020, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 348/7


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesverwaltungsgericht Steiermark (l-Awstrija) fil-5 ta’ Awwissu 2020 – NW vs Landespolizeidirektion Steiermark

(Kawża C-368/20)

(2020/C 348/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesverwaltungsgericht Steiermark

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: NW

Konvenuta: Landespolizeidirektion Steiermark

Domandi preliminari

1)

Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali fil-forma ta’ ordnijiet nazzjonali konsekuttivi li jestendu l-kontrolli fuq il-fruntieri li, kumulattivament, jippermettu l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntieri għal perijodu li jeċċedi l-limitu ta’ sentejn stipulat fl-Artikoli 25 u 29 tar-Regolament (UE) 2016/399 (1) mingħajr rakkomandazzjoni korrispondenti tal-Kunsill skont l-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament?

2)

Fil-każ li għall-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv:

Id-dritt għal moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni stipulat fl-Artikolu 21(1) TFUE u fl-Artikolu 45(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (2) għandu jiġi interpretat, speċjalment fid-dawl tal-prinċipju ta’ assenza ta’ kontrolli fuq persuni fuq il-fruntieri interni stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament 2016/399, bħala li jfisser li jinkludi d-dritt li ma jsirux verifiki fuq persuni fuq il-fruntieri interni, bil-kundizzjonijiet u l-eċċezzjonijiet elenkati fit-Trattati u, b’mod partikolari, fir-regolament hawn fuq imsemmi?


(1)  Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 245, p. 32).

(2)  ĠU 2012, C 326, p. 391.


Top