Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CN0208

    Kawża C-208/20: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Bulgarija) fl-14 ta’ Mejju 2020 – “Toplofikatsia Sofia” EAD, “Chez Elektro Balgaria” AD u “Agentsia za kontrol na prosrocheni zadalzhenia” EOOD

    ĠU C 255, 3.8.2020, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.8.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 255/12


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Bulgarija) fl-14 ta’ Mejju 2020 – “Toplofikatsia Sofia” EAD, “Chez Elektro Balgaria” AD u “Agentsia za kontrol na prosrocheni zadalzhenia” EOOD

    (Kawża C-208/20)

    (2020/C 255/15)

    Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

    Qorti tar-rinviju

    Sofiyski rayonen sad

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti:“Toplofikatsia Sofia” EAD, “Chez Elektro Balgaria” AD u “Agentsia za kontrol na prosrocheni zadalzhenia” EOOD

    Domandi preliminari

    1)

    L-Artikolu 20(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, mal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ekwivalenza tal-miżuri proċedurali fil-proċessi ġudizzjarji nazzjonali, kif ukoll mal-Artikolu 1[(1)](a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati ta’ l-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (1), għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta d-dritt nazzjonali tal-qorti adita jipprevedi li din tal-aħħar għandha tieħu miżuri ex officio sabiex tfittex fil-pajjiż tagħha l-indirizz tal-konvenut u meta tikkonstata li dan il-konvenut jinsab fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, il-qorti adita hija meħtieġa tivverifka l-indirizz tal-konvenut anki billi titlob lill-korpi kompetenti tal-Istat fejn jirrisjedi l-konvenut?

    2)

    L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (2), moqri flimkien mal-prinċipju ta’ għoti ta’ rimedji proċedurali mill-qorti nazzjonali li jiżguraw protezzjoni effettiva tad-drittijiet li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tad-determinazzjoni tar-residenza abitwali tad-debitur, bħala rekwiżit preliminari tad-dritt nazzjonali sabiex tinfetaħ proċedura formali unilaterali mingħajr kompilazzjoni ta’ provi, bħalma huwa l-ħruġ ta’ ordni ta’ eżekuzzjoni, il-qorti nazzjonali hija meħtieġa tinterpreta kull dubju raġonevoli dwar jekk id-debitur għandux ir-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni bħala assenza ta’ bażi legali għall-ħruġ ta’ tali ordni, jew bħala bażi li tipprekludi li l-ordni tikseb saħħa eżekuttiva?

    3)

    L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ għoti ta’ rimedji proċedurali mill-qorti nazzjonali li jiżguraw protezzjoni effettiva tad-drittijiet li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-qorti nazzjonali, li wara li tkun ħarġet l-ordni li għandha tiġi eżegwita kontra d-debitur tikkonstata li dan id-debitur probabbilment ma għandux ir-residenza abitwali tiegħu fl-Istat tal-qorti u fil-każ li dan jikkostitwixxi ostakolu għall-ħruġ tal-ordni li għandha tiġi eżegwita kontra tali debitur fid-dritt nazzjonali, tinvalida ex officio l-ordni li għandha tinħareġ, u dan minkejja l-assenza ta’ dispożizzjoni legali espliċita f’dan is-sens?

    4)

    Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għat-tielet domanda, dan ifisser li d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-istess domanda għandhom jiġu interpretati fis-sens li jobbligaw lill-qorti nazzjonali tinvalida l-ordni li għandha tinħareġ jekk tkun fittxet u kkonstatat b’ċertezza li d-debitur ma għandux ir-residenza abitwali tiegħu fl-Istat tal-qorti adita?


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 121.

    (2)  ĠU 2012, L 351, p. 1.


    Top