Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CN0187

    Kawża C-187/20: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Ravensburg (il-Ġermanja) fit-28 ta’ April 2020 – JL vs BMW Bank GmbH, DT vs Volkswagen Bank GmbH

    ĠU C 255, 3.8.2020, p. 10–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.8.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 255/10


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Ravensburg (il-Ġermanja) fit-28 ta’ April 2020 – JL vs BMW Bank GmbH, DT vs Volkswagen Bank GmbH

    (Kawża C-187/20)

    (2020/C 255/14)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Qorti tar-rinviju

    Landgericht Ravensburg

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: JL, DT

    Konvenuti: BMW Bank GmbH, Volkswagen Bank GmbH

    Domandi preliminari

    1)

    L-Artikolu 10(2)(a) tad-Direttiva 2008/48/KE (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni dwar it-tip ta’ kreditu għandha tindika, skont il-każ, jekk hemmx inkwistjoni kuntratt ta’ kreditu assoċjat u/jew kuntratt ta’ kreditu għal żmien determinat?

    2)

    L-Artikolu 10(2)(d) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-ksib tal-kreditu fil-każ ta’ kuntratti ta’ kreditu assoċjati mal-finanzjament tax-xiri ta’ beni jew meta l-ammont tas-self jiġi żborżat lill-bejjiegħ, huwa neċessarju li jiġi indikat li l-mutwatarju jinħeles mill-obbligu tiegħu li jħallas il-prezz tal-bejgħ sal-ammont żborżat u li l-bejjiegħ għandu jikkunsinna l-beni mixtri sa fejn il-prezz tal-bejgħ ikun tħallas integralment?

    3)

    L-Artikolu 10(2)(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu:

    (a)

    għandu jindika, f’forma ta’ numru assolut, ir-rata tal-interessi moratorji applikabbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu jew, minn tal-inqas, ir-rata tal-interessi ta’ referenza (f’dan il-każ, ir-rata tal-interessi bażika konformement mal-Artikolu 247 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”)) li minnha tirriżulta r-rata tal-interessi moratorji applikabbli b’mod addizzjonali (f’dan il-każ, ta’ 5 punti perċentwali konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 288(1) tal-BGB)?

    (b)

    għandu jiddeskrivi b’mod konkret il-mekkaniżmu għall-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji jew, minn tal-inqas, għandu jirreferi għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li minnhom ikun jista’ jiġi dedott l-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji (Artikolu 247 u t-tieni sentenza tal-Artikolu 288(1) tal-BGB)?

    4)

    (a)

    L-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu, fir-rigward tal-kalkolu tal-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat tas-self, jindika formola matematika konkreta li tkun tista’ tinftiehem mill-konsumatur, b’tali mod li dan ikun jista’ jikkalkola, minn tal-inqas b’mod approssimattiv, l-ammont tal-kumpens dovut fil-każ ta’ xoljiment antiċipat?

    (b)

    (fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-punt (a) tar-raba’ domanda):

    L-Artikolu 10(2)(r) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ ta’ informazzjoni inkompleta fis-sens tal-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48, it-terminu ta’ rtirar jibda madankollu jiddekorri mal-konklużjoni tal-kuntratt u huwa biss id-dritt tal-kreditur għal kumpens għar-rimbors antiċipat tal-kreditu li jintemm?

    5)

    L-Artikolu 10(2)(s) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    (a)

    il-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika wkoll id-drittijiet ta’ xoljiment tal-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu previsti mid-dritt nazzjonali, b’mod partikolari wkoll id-dritt ta’ xoljiment għal raġuni gravi tal-persuna li ssellef konformement mal-Artikolu 314 tal-BGB fil-qasam tal-kuntratti ta’ kreditu għal żmien determinat, u li għandu jkun hemm riferiment espress tal-artikolu li jirregola dan id-dritt ta’ xoljiment?

    (b)

    (fil-każ li r-risposta għad-domanda (a) preċedenti tkun fin-negattiv)

    ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrendi obbligatorju r-riferiment għal dritt speċjali ta’ xoljiment previst mid-dritt nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 10(2)(s) tad-Direttiva 2008/48?

    (c)

    il-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika, rispettivament, għad-drittijiet ta’ xoljiment kollha tal-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu, it-terminu u l-forma tad-dikjarazzjoni ta’ xoljiment meħtieġa sabiex jiġi eżerċitat id-dritt ta’ xoljiment?

    6)

    L-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika r-rekwiżiti formali essenzjali għal ilment u/jew rimedju fi proċedura extraġudizzjara ta’ lment u/jew ta’ rimedju ġudizzjarju? Huwa insuffiċjenti f’dan ir-rigward li jkun hemm riferiment għal regolament, li jista’ jiġi kkonsultat fuq l-internet, applikabbli għall-proċedura extraġudizzjarja ta’ lment u/jew ta’ rimedju ġudizzjarju?

    7)

    Fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur, il-kreditur huwa eskluż milli jinvoka d-dekadenza tal-eżerċizzju mill-konsumatur tad-dritt ta’ rtirar tiegħu konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48

    (a)

    jekk ċerta informazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 ma tkunx debitament inkluża fil-kuntratt ta’ kreditu u lanqas ma tkun ġiet debitament ikkomunikata sussegwentement, b’mod li t-terminu ta’ rtirar previst fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 ma jkunx beda jiddekorri?

    (b)

    (fil-każ li r-risposta għad-domanda (a) preċedenti tkun fin-negattiv)

    jekk id-dekadenza tkun prinċipalment ibbażata fuq il-perijodu li jkun iddekorra mill-konklużjoni tal-kuntratt u/jew fuq l-eżekuzzjoni kompleta tal-kuntratt miż-żewġ partijiet fil-kuntratt u/jew fuq id-dispożizzjoni tal-kreditur fir-rigward tal-ammont tas-self irrimborsat jew fuq ir-rimbors tal-garanziji ta’ kreditu u/jew (fil-każ ta’ kuntratt ta’ bejgħ assoċjat mal-kuntratt ta’ kreditu) fuq l-użu jew fuq il-bejgħ mill-konsumatur tal-beni ffinanzjat, iżda l-konsumatur ma kellux għarfien tal-eżistenza kontinwa tad-dritt ta’ rtirar tiegħu matul il-perijodu rilevanti u meta seħħew iċ-ċirkustanzi rilevanti u lanqas ma huwa responsabbli għan-nuqqas ta’ dan l-għarfien, u l-kreditur lanqas seta’ jassumi li l-konsumatur kellu tali għarfien?

    8)

    Fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur, il-kreditur huwa eskluż milli jinvoka l-abbuż ta’ dritt fir-rigward tal-eżerċizzju mill-konsumatur tad-dritt ta’ rtirar tiegħu konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48/KE

    (a)

    jekk ċerta informazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 ma tkunx debitament inkluża fil-kuntratt ta’ kreditu u lanqas ma tkun ġiet debitament ikkomunikata sussegwentement, b’mod li t-terminu ta’ rtirar previst fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 ma jkunx beda jiddekorri?

    (b)

    (fil-każ li r-risposta għad-domanda (a) preċedenti tkun fin-negattiv)

    jekk l-abbuż ta’ dritt ikun prinċipalment ibbażat fuq il-perijodu li jkun iddekorra mill-konklużjoni tal-kuntratt u/jew fuq l-eżekuzzjoni kompleta tal-kuntratt miż-żewġ partijiet fil-kuntratt u/jew fuq id-dispożizzjoni tal-kreditur fir-rigward tal-ammont tas-self irrimborsat jew fuq ir-rimbors tal-garanziji ta’ kreditu u/jew (fil-każ ta’ kuntratt ta’ bejgħ assoċjat mal-kuntratt ta’ kreditu) fuq l-użu jew fuq il-bejgħ mill-konsumatur tal-beni ffinanzjat, iżda l-konsumatur ma kellux għarfien tal-eżistenza kontinwa tad-dritt ta’ rtirar tiegħu matul il-perijodu rilevanti u meta seħħew iċ-ċirkustanzi rilevanti u lanqas ma huwa responsabbli għan-nuqqas ta’ dan l-għarfien, u l-kreditur lanqas seta’ jassumi li l-konsumatur kellu tali għarfien?


    (1)  Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat 23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46).


    Top