EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0721

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-27 ta’ Ottubru 2022.
DB Station & Service AG vs ODEG Ostdeutsche Eisenbahn GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Kammergericht Berlin.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport ferrovjarju – Artikolu 102 TFUE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Direttiva 2001/14/CE – Aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja – Artikolu 30 – Korp regolatorju ferrovjarju – Kontroll tat-tariffi ta’ infrastruttura – Qrati nazzjonali – Kontroll tat-tariffi fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni – Tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtorità regolatorja u l-qrati nazzjonali.
Kawża C-721/20.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:832

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

27 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport ferrovjarju – Artikolu 102 TFUE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Direttiva 2001/14/CE – Aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja – Artikolu 30 – Korp regolatorju ferrovjarju – Kontroll tat-tariffi ta’ infrastruttura – Qrati nazzjonali – Kontroll tat-tariffi fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni – Tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtorità regolatorja u l-qrati nazzjonali”

Fil-Kawża C‑721/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, Il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Diċembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Diċembru 2020, fil-proċedura

DB Station & Service AG

vs

ODEG Ostdeutsche Eisenbahn GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, J.–C. Bonichot (Relatur), S. Rodin u O. Spineanu–Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

qara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal DB Station & Service AG, minn M. Köhler u M. Weitner, Rechtsanwälte,

għal ODEG Ostdeutsche Eisenbahn GmbH, minn A. R. Schüssler u B. Uhlenhut, Rechtsanwälte,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Ernst u G. Meessen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ April 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikoli 4, 7 sa 12 u 30 tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet [tariffi] għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 07 Vol. 5, p. 404), kif emendata bid-Direttiva 2007/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 (ĠU 2007, L 315, p. 44) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/14”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn DB Station & Service AG (iktar ’il quddiem “DB Station & Service”) u ODEG Ostdeutsche Eisenbahn GmbH (iktar ’il quddiem “ODEG”) dwar l-ammont tat-tariffa li l-impriża tal-aħħar għandha tħallas għall-użu tal-istazzjonijiet operati mill-ewwel impriża.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2001/14

3

Il-premessi 5, 11, 16, 32, 40 u 46 tad-Direttiva 2001/14 kienu fformulati kif ġej:

“(5)

Sabiex tiġi assigurata trasparenza u aċċess non-diskriminatorju għall-infrastruttura tal-ferroviji għall-impriżi kollha tal-ferroviji l-informazzjoni kollha neċessarja biex jintużaw id-drittijiet ta’ l-aċċess għandha tiġi ppubblikata f’dikjarazzjoni ta’ network.

[…]

(11)

Il-piżijiet [tariffi] u skemi ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità għandhom jippermettu aċċess ugwali u non-diskriminatorju għall-impriżi kollha u jippruvaw safejn possibbli jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ l-utenti kollha u t-tipi ta’ traffiku b’mod ġust u non-diskriminatorju.

[…]

(16)

Piżijiet u skemi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità għandhom jippermettu kompetizzjoni ġusta fid-dispożizzjoni ta’ servizzi tal-ferroviji.

[…]

(32)

Huwa importanti li jiġu mminimizzati d-distorzjonijiet li jistgħu tal-kompetizzjoni li jistgħu iqumu jew bejn infrastrutturi tal-binarji jew bejn modi tat-trasport, minn differenzi sinifikanti fil-prinċipji tat-tqegħid tal-piżijiet [tariffikazzjoni].

[…]

(40)

Infrastruttura tal-ferroviji hija monopolju naturali. Għalhekk huwa neċessarju li jiġu pprovduti amministraturi ta’ l-infrastruttura b’inċentivi biex inaqqsu l-ispejjeż u jamministraw l-infrastruttura tagħhom b’mod effiċjenti.

[…]

(46)

L-amministrazzjoni effiċjenti u ġusta u l-użu non-diskriminatorju ta’ l-infrastruttura tal-ferroviji jeħtieġu l-istabbiliment ta’ korp regolatorju li jissorvelja l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli Komunitarji u jaġixxi bħala korp ta’ appell, minkejja l-possibbiltà ta’ rivista ġudizzjarja [stħarriġ ġudizzjarju].”

4

L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva kien jipprevedi:

“Din id-Direttiva tikkonċerna l-prinċipji u l-proċeduri li għandhom jiġu applikati fir-rigward tat-tqegħid u l-istabbiliment ta’ piżijiet [l-istabbiliment u l-ġbir ta’ tariffi] ta’ l-infrastruttura tal-ferrovija u l-allokazzjoni ta’ kapaċità ferrovjarja infrastrutturali.

[…]”.

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva kien jinkludi definizzjonijiet. Dawn kienu fformulati kif ġej:

“Għall-iskop ta’ din id-Direttiva:

[…]

b)

‘applikant’ tfisser impriża tal-ferroviji bil-liċenzja u/jew iggruppar internazzjonali ta’ impriżi tal-ferroviji u, fl-Istati Membri li jipprovdu għal din il-possibbiltà, persuni u/jew entitajiet legali oħrajn b’servizz pubbliku jew interess kummerċjali fil-prokura tal-kapaċità infrastrutturali […] għall-operazzjoni ta’ servizz tal-ferrovija fit-territorji rispettivi tagħhom;

[…]

f)

‘ftehim qafas’ ifisser ftehim ġenerali li jorbot abbażi tal-liġi pubblika jew privata, li jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi ta’ applikant u l-amministratur ta’ l-infrastruttura jew il-korp ta’ l-allokazzjoni fir-rigward tal-kapaċità infrastrutturali li għandha tiġi allokata u l-piżijiet li għandhom jiġu imposti tul perjodu itwal minn perjodu ta’ skeda ta’ xogħol;

[…]

h)

‘amministratur infrastrutturali’ ifisser kull korp jew impriża responsabbli b’mod partikolari biex tiġi stabbilita u mantnuta infrastruttura tal-ferrovija. […]

[…].”

6

L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “L-istabbiliment, id-determinazzjoni u l-ġbir ta’ piżijiet [tariffi], kien jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas tal-piżijiet [tariffi] waqt li jirrispettaw l-indipendenza ta’ l-amministrazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4 tad-[Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE tad‑29 ta’ Lulju 1991 dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341)].

Bla ħsara għall-kundizzjoni msemmija ta’ indipendenza ta’ l-amministrazzjoni, l-Istati Membri għandhom ukoll jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar il-piżijiet jew jiddelegaw dawn il-poteri għall-amministratur ta’ l-infrastruttura. Id-determinazzjoni tal-piż għall-użu ta’ l-infrastruttura u l-ġbir ta’ dan il-piż għandhom jitwettqu mill-amministratur ta’ l-infrastruttura.

[…]

5.   L-amministraturi ta’ l-infrastruttura għandhom jassiguraw li l-applikazzjoni ta’ l-iskema tal-piżijiet tirriżulta f’piżijiet ekwivalenti non-diskriminatorji għal impriżi tal-ferroviji differenti li jwettqu servizzi ta’ natura ekwivalenti f’parti simili tas-suq u li l-piżijiet attwalment applikati jikkonformaw mar-regoli stabbiliti fid-dikjarazzjoni tan-network.

[…]”.

7

Skont kliem l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/14:

“Impriżi tal-ferroviji għandhom, fuq bażi mhux diskriminatorja, ikunu intitolati għall-pakkett minimu [ta’ servizzi] ta’ aċċess u aċċess għall-binarji għal faċilitajiet [permezz tan-network għall-infrastrutturi] tas-servizzi deskritti fl-Anness II. Il-provvista tas-servizzi msemmija fl-Anness II, il-punt 2, għandha tiġi pprovduta f’mod mhux diskriminatorju u talbiet mill-impriżi tal-ferroviji jistgħu jiġu miċħuda biss jekk jeżistu alternattivi vijabbli fil-kunduzzjonijiet tas-suq. […]”.

8

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva kien jirrigwarda l-prinċipji ta’ impożizzjoni tat-tariffi u kien jipprevedi, fil-paragrafu 7 tiegħu:

“Il-provvista tas-servizzi msemmija fl-Anness II, il-punt 2, m’għandhomx ikunu koperti b’dan l-Artikolu. Bla ħsara għal dan ta’ hawn fuq, għandu jittieħed kont, fl-istabbiliment tal-prezzijiet tas-servizzi stabbiliti fl-Anness II, il-punt 2, tas-sitwazzjoni kompetittiva tat-trasport bil-ferrovija.”

9

Skont kliem l-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva:

“Bla ħsara għall-Artikoli 81, 82, 86 u 87 [KE] u minkejja l-Artikolu 7(3) ta’ din id-Direttiva, kull skont fuq il-piżijiet [tariffi] imposti fuq impriża tal-ferroviji mill-amministratur ta’ l-infrastruttura għal kwalunkwe servizz, għandha tikkonforma mal-kriterji stabbiliti f’ dan l-Artikolu.”

10

L-Artikolu 17 tal-istess direttiva, intitolat “Il-Ftehim qafas”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Bla ħsara għall-Artikoli 81, 82 u 86 [KE], ftehim qafas jista’ jiġi konkluż ma’ l-applikant. Dan il-kwadru ta’ ftehim [ftehim qafas] jispeċifika l-karatteristiċi tal-kapaċità infrastrutturali meħtieġa minn u offerta lill-applikant tul perjodu ta’ żmien li jeċċedi perjodu ta’ ħidma skedarja [skeda ta’ servizz]. Il-ftehim qafas m’għandux jispeċifika mogħdija tal-ferrovija fid-dettall, imma għandu jkun tali li jfittex li jilħaq il-ħtiġiet leġittimi kummerċjali ta’ l-applikant. […]”.

11

L-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2001/14 kien jipprevedi:

“Meta hemm toroq [rotot] alternattivi adegwati, l-amministratur ta’ l-infrastruttura jista’, wara li jikkonsulta l-partijiet interessati, jindika infrastruttura partikolari għall-użu minn tipi speċifiċi tat-traffiku. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 81, 82 u 86 [KE], meta din id-deskrizzjoni sseħħ, l-amministratur ta’ l-infrastruttura jista’ jagħti priorità lil dan it-tip ta’ traffiku fl-allokazzjoni tal-kapaċità infrastrutturali.”

12

Skont kliem l-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva, intitolat “Korp regolatorju”:

“1.   Bla ħsara għall-Artikolu 21(6), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu korp regolatorju. Dan il-korp, li jista’ jkun il-Ministeru responsabbli għall-affarijiet tat-trasport jew kwalunkwe korp ieħor, għandu jkun indipendenti fl-organizzazzjoni tiegħu, fid-deċiżjonijiet tiegħu dwar fondi, struttura legali u t-teħid tad-deċiżjonijiet minn kull amministratur ta’ l-infrastruttura, korp tal-piżijiet [responsabbli għat-tariffi], korp jew applikant ta’ l-allokazzjoni. Barra minn hekk għandu jkun indipendenti funzjonalment minn kwalunkwe awtorità kompetenti involuta fl-għotja ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku. Il-korp għandu jiffunzjona skond il-prinċipji delinjati f’dan l-Artikolu meta l-appell u l-funzjonijiet regolatorji jistgħu jiġu attribwiti għal korpi separati.

2.   Applikant għandu jkollu d-dritt li jappella lill-korp regolatorju jekk jemmen li ma ġiex ittrattat b’mod ekwu, saret diskriminazzjoni kontrih jew ġie aggravat bi kwalunkwe mod ieħor, u partikolarment kontra deċiżjonijiet adottati mill-amministratur ta’ l-infrastruttura jew meta approprjat, l-impriża tal-ferroviji li tikkonċerna [f’dak li jirrigwarda]:

a)

id-dikjarazzjoni tan-network;

[…]

d)

l-iskema tal-piżijiet [tariffi];

e)

livell jew struttura ta’ piżijiet infrastrutturali [tariffi għall-użu tal-infrastruttura] li hu meħtieġ jew li jista’ jkun meħtieġ li jħallas;

f)

l-arranġamenti [dispożizzjonijiet] għall-aċċess skond l-Artikolu 10 tad-[Direttiva 91/440, kif emendata bid-Direttiva 2004/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑29 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 251)].

3.   Il-korp regolatorju għandu jassigura li l-piżijiet stabbiliti mill-amministratur ta’ l-infrastruttura jikkonformaw mal-Kapitolu II u mhumiex diskriminatorji. In-negozjati bejn l-applikanti u l-amministratur ta’ l-infrastruttura li jikkonċernaw il-livell ta’ piżijiet infrastrutturali għandhom jiġu permessi biss jekk dawn isiru taħt is-sorveljanza tal-korp regolatorju. Il-korp regolatorju għandu jintervieni jekk in-negozjati x’aktarx jikkontravenu r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

[…]

5.   Il-korp regolatorju għandu jiddeċiedi fuq kull ilment u jieħu azzjoni biex jirrimedja s-sitwazzjoni fi żmien massimu ta’ xahrejn minn meta jirċievi l-informazzjoni kollha.

Minkejja l-paragrafu 6, deċiżjoni tal-korp regolatorju għandha tkun torbot lill-partijiet kollha koperti minn dik id-deċiżjoni.

[…]

6.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi assigurat li deċiżjonijiet meħuda mill-korp regolatorju huma soġġetti għal rivista ġudizzjarja [stħarriġ ġudizzjarju].”

13

Il-punt 2 tal-Anness II tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Aċċess għall-binarju għal faċilitajiet [permezz tan-network għall-infrastrutturi] tas-servizzi u l-fornitura tas-servizzi għandhom jinkludu:

[…]

c) stazzjonijiet [waqfiet] tal-passiġġiera, il-bini tagħħom u faċilitajiet oħrajn;

[…]”.

Id-Direttiva 2012/34/UE

14

L-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU 2012, L 343, p. 32, bir-rettifiki fil-ĠU 2015, L 196, p. 67 u fil-ĠU 2015, p. 32), jipprevedi:

“Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi korp regolatorju nazzjonali wieħed għas-settur ferrovjarju. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, dan il-korp għandu jkun awtorità indipendenti li, f’termini organizzattivi, funzjonali, ġerarkiċi u ta’ teħid ta’ deċiżjoni, hija legalment distinta u indipendenti minn kull entità pubblika jew privata oħra. Il-korp għandu jkun ukoll indipendenti fl-organizzazzjoni tiegħu, fid-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-finanzjament, fl-istruttura legali u fit-teħid tad-deċiżjonijiet minn kull maniġer [amministratur tal-infrastruttura], korp tat-tqegħid tal-imposti [responsabbli għat-tariffi], korp tal-allokazzjoni jew minn kull applikant. Barra minn hekk, għandu jkun indipendenti funzjonalment minn kwalunkwe awtorità kompetenti involuta fl-għotja ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku.”

15

L-Artikolu 56 ta’ din id-direttiva, intitolat “Funzjonijiet tal-korp regolatorju”, jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 46(6), applikant għandu jkollu d-dritt li jappella lill-korp regolatorju jekk jemmen li ma ġiex ittrattat b’mod ekwu, saret diskriminazzjoni kontrih jew saritlu offża [ġie ppreġudikat] bi kwalunkwe mod ieħor, u b’mod partikolari kontra deċiżjonijiet adottati mill-maniġer [amministratur] tal-infrastruttura jew fejn hu xieraq, mill-impriża ferrovjarja jew mill-operatur ta’ faċilita tas-servizz dwar:

a)

id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk fil-verżjonijiet proviżorji u finali tagħha;

[…]

d)

l-iskema tat-tqegħid tal-imposti [tariffi];

e)

il-livell jew l-istruttura tal-imposti infrastrutturali [tariffi għall-użu tal-infrastruttura] li hu meħtieġ iħallas jew li jista’ jkun meħtieġ iħallas;

[…]

g)

l-aċċess u t-tqegħid ta’ imposti [t-tariffi] għas-servizzi skont l-Artikolu 13.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-poteri [kompetenzi] tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għall-iżgurar tal-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji, il-korp regolatorju għandu jkollu s-setgħa li jimmonitorja s-sitwazzjoni kompetittiva fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji u għandu, b’mod partikolari, jikkontrolla l-punti (a) sa (g) tal-paragrafu 1 fuq l-inizjattiva tiegħu stess u bil-ħsieb li jevita d-diskriminazzjoni kontra l-applikanti. Għandu, b’mod partikolari, jiċċekkja jekk id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk fihiex klawżoli diskriminatorji jew jekk toħloqx setgħat diskrezzjonali għall-maniġer tal-infrastruttura li jistgħu jintużaw biex issir diskriminazzjoni kontra l-applikanti.

[…]

6.   Il-korp regolatorju għandu jiżgura li l-imposti stabbiliti mill-maniġer tal-infrastruttura jikkonformaw mat-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV u li dawn huma nondiskriminatorji. […]

[…]

9.   Il-korp regolatorju għandu jikkunsidra kull ilment u, kif jixraq, għandu jitlob tagħrif relevanti u jagħti bidu għal konsultazzjonijiet mal-partijiet relevanti kollha, fi żmien xahar minn meta jkun irċieva l-ilment. Huwa għandu jiddeċiedi fuq kull ilment u jieħu azzjoni biex jirrimedja s-sitwazzjoni u jgħarraf lill-partijiet relevanti bid-deċiżjoni motivata tiegħu fi żmien determinat minn qabel, raġonevoli u, fi kwalunkwe każ, fi żmien sitt ġimgħat minn meta jirċievi l-informazzjoni kollha. Mingħajr preġudizzju għall-poteri tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali għall-iżgurar tal-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizz ferrovjarju, il-korp regolatorju għandu, fejn xieraq, jiddeċiedi fuq l-inizjattiva tiegħu stess dwar miżuri xierqa biex jitranġaw il-każijiet ta’ diskriminazzjoni kontra l-applikanti, id-distorsjonijiet tas-suq u kwalunkwe żvilupp ieħor mhux mixtieq f’dawn is-swieq, b’mod partikolari b’referenza għall-punti (a) sa (g) tal-paragrafu 1.

Deċiżjoni tal-korp regolatorju għandha tkun torbot lill-partijiet kollha koperti minn dik id-deċiżjoni, u ma għandhiex tkun suġġetta għall-kontroll ta’ istanza amminstrattiva oħra. Il-bord [korp] regolatorju għandu jkun jista’ jinforza d-deċiżjonijiet tiegħu bil-pieni [sanzjonijiet] xierqa, inkluż permezz tal-multi.

[…]”.

Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003

16

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), huwa fformulat kif ġej:

“Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri u qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal ftehim, deċiżjonijiet min assoċjazzjonijiet tal-impriża jew prattiċi miftiehma fis-sens ta’ l-Artikolu [101(1) TFUE] li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens ta’ din id-disposizzjoni, dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu [101 TFUE] għal ftehim bħal dawn, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma. Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’l-Istati Membri jew qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal xi kwalunkwe abbuż projbit mil-Artikolu [102 TFUE], dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu [102 TFUE].”

Id‑dritt Ġermaniż

17

L-Allgemeines Eisenbahngesetz (il-Liġi Ġenerali dwar il-Ferroviji), kif emendata bid-Drittes Gesetz zur Änderung eisenbahnrechtlicher Vorschriften (it-Tielet Liġi li temenda l-leġiżlazzjoni ferrovjarja), tas‑27 ta’ April 2005 (BGBl. 2005 I, p. 1138), fil-verżjoni tagħha applikabbli sal‑1 ta’ Settembru 2016 (iktar ’il quddiem l-“AEG”), kienet tipprevedi, fl-Artikolu 14b tagħha:

“(1)   Il-missjoni tal-korp regolatorju hija li jissorvelja l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ferrovjarja li jirregolaw l-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda

[…]

4.

Il-kundizzjonijiet ta’ uża, il-prinċipji ta’ tariffikazzjoni, il-kundizzjonijiet ta’ użu, il-prinċipji ta’ tariffikazzjoni u l-ammonti ta’ tariffi.

(2)   Dan huwa bla ħsara għall-missjonijiet u għall-kompetenzi tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni previsti fil-[Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen (il-Liġi kontra r-Restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni)]. Il-korp regolatorju u l-awtoritajiet ta’ sorveljanza ferrovjarja, kif ukoll l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-korpi regolatorji kompetenti abbażi tat-[Telekommunikationsgesetz (il-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet)] u tal-[Energiewirtschaftsgesetz (il-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Enerġija)] għandhom jiskambjaw reċiprokament informazzjoni li tista’ tkun importanti għall-finijiet tat-twettiq tal-missjonijiet rispettivi tagħhom. Dawn għandhom b’mod partikolari jinformaw, reċiprokament, lil xulxin dwar id-deċiżjonijiet ippjanati, intiżi li jipprojbixxu aġir abbużiv jew diskriminatorju min-naħa tal-impriżi ta’ infrastrutturi ferrovjarji. Huma għandhom, reċiprokament, jagħtu lil xulxin il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet qabel l-għeluq tal-proċedura min-naħa tal-awtorità kompetenti.”

18

L-Artikolu 14d tal-AEG kien jipprovdi:

“L-impriżi pubbliċi ta’ infrastruttura ferrovjarja għandhom jinformaw lill-korp regolatorju f’dak li jirrigwarda

[…]

6.

il-formulazzjoni mill-ġdid jew l-emendar ippjanat tal-kundizzjonijiet ta’ użu tan-network ferrovjarju u tal-kundizzjonijiet ta’ użu għall-installazzjonijiet ta’ servizzi, inkluż tal-prinċipji ta’ tariffikazzjoni u tal-ammonti tat-tariffi rispettivament previsti.”

19

L-Artikolu 14e(1) ta’ din il-liġi kien jipprevedi:

“Il-korp regolatorju jista’, wara li jirċievi informazzjoni msemmi fl-Artikolu 14d, fit-terminu ta’

[…]

4.

erba’ ġimgħat, jopponi l-formulazzjoni mill-ġdid jew l-emendar ippjanat, imsemmi fl-ewwel sentenza tal-punt 6 tal-Artikolu 14d,

sa kemm id-deċiżjonijiet ippjanati jippreġudikaw id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ferrovjarja dwar l-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja.”

20

L-Artikolu 14f tal-imsemmija liġi kien ifformulat kif ġej:

“(1)   Il-korp regolatorju jista’ jivverifika, ex officio,

[…]

2.

d-dispożizzjonijiet dwar l-ammont jew l-istruttura tal-tariffi għall-użu tal-infrastruttura u tariffi oħra

ta’ impriża ta’ infrastruttura ferrovjarja. Il-korp regolatorju jista’, b’effett għall-ġejjieni,

1.

iġiegħel lill-impriża ta’ infrastruttura ferrovjarja temenda, skont l-indikazzjonijiet tiegħu, il-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel sentenza tal-punt 1 jew is-sistemi ta’ tariffikazzjoni msemmija fl-ewwel sentenza tal-punt 2, jew

2.

tiddikjara invalidi l-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel sentenza tal-punt 1 jew is-sistemi ta’ tariffikazzjoni msemmija fl-ewwel sentenza tal-punt 2,

sa kemm dawn jippreġudikaw id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ferrovjarja dwar l-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja.

(2)   Jekk ma jiġi konkluż ebda ftehim dwar l-aċċess imsemmi fl-Artikolu 14(6) jew għal ftehim qafas imsemmi fl-Artikolu 14a, id-deċiżjonijiet tal-impriża ta’ infrastruttura ferrovjarja jistgħu jiġu vverifikati mill-korp regolatorju fuq talba jew ex officio. Huma awtorizzati jippreżentaw talba f’dan is-sens il-proprjetarji ta’ awtorizzazzjoni ta’ aċċess li d-dritt ta’ aċċess tagħhom għall-infrastruttura ferrovjarja jista’ jiġi affettwat. It-talba għandha titressaq fit-terminu li matulu l-proposta ta’ konklużjoni ta’ ftehimiet imsemmija fl-ewwel sentenza tista’ tiġi aċċettata. Il-kontroll jista’ jkun jirrigwarda b’mod partikolari

[…]

3.

l-ammont jew l-istruttura tal-tariffi għall-użu tal-infrastruttura u tat-tariffi l-oħra.

Il-korp regolatorju għandu jistieden lill-partijiet jipprovdu l-informazzjoni kollha utli f’terminu xieraq li ma jistax jaqbeż ġimgħatejn. Fl-iskadenza ta’ dan it-terminu, il-korp regolatorju għandu jiddeċiedi dwar it-talba f’terminu ta’ xahrejn.

(3)   Jekk, fil-każ ipotetiku msemmi fil-paragrafu 2, id-deċiżjoni ta’ impriża ta’ infrastruttura ferrovjarja tippreġudika d-dritt tal-applikant għall-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja,

1.

Il-korp regolatorju jġiegħel lill-impriża ta’ infrastruttura ferrovjarja temenda d-deċiżjoni jew

2.

Il-korp regolatorju jiddefinixxi l-kundizzjonijiet kuntrattwali, jiddeċiedi dwar il-validità tal-kuntratt u jiddikjara li l-kuntratti mhux konformi ma jistgħux jiġu applikati.”

It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

21

DB Station & Service, sussidjarja ta’ Deutsche Bahn AG, li, min-naħa tagħha, hija l-operatur ferrovjarju storiku fil-Ġermanja, topera madwar 5400 stazzjonijiet ferrovjarji f’dan l-Istat Membru. Il-kundizzjonijiet ta’ użu huma stabbiliti f’kuntratti qafas li hija tikkonkludi mal-impriżi ferrovjarji. Abbażi ta’ dawn il-kuntratti, l-ammont tat-tariffi huwa ddeterminat abbażi ta’ skeda stabbilita minn DB Station & Service.

22

ODEG hija impriża ferrovjarja li tuża l-infrastruttura ta’ DB Station & Service fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ trasport ferrovjarju ta’ passiġġieri fuq vjaġġi qosra. Iż-żewġ impriżi kkonkludew ftehim qafas għal dan il-għan.

23

Fl‑1 ta’ Jannar 2005, DB Station & Service introduċiet skeda ġdida ta’ prezzijiet, imsemmija “SPS 05”. Għal ODEG, din l-iskeda rriżultat f’żieda fit-tariffi ta’ infrastruttura, li hija ħallset, mingħajr madankollu ma ammettiet il-fondatezza tagħhom b’riżerva, peress li hija ma kinitx qablet ma’ din iż-żieda, peress li ma qablitx mal-ammont tagħhom.

24

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Diċembru 2009, il-Bundesnetzagentur (l-Aġenzija Federali tan-Networks, il-Ġermanja), inkwantu korp regolatorju kompetenti, iddikjarat s-SPS 05 invalidu, b’effett mill‑1 ta’ Mejju 2010. DB Station & Service ressqet rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Marzu 2010, l-Oberverwaltungsgericht Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja) irrikonoxxiet l-effett sospensif ta’ dan ir-rikors. Madankollu, fil-mument tal-adozzjoni tar-rinviju preliminari mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, dik il-qorti kienet għadha ma ddeċidietx dwar il-mertu.

25

Permezz ta’ diversi rikorsi ppreżentati quddiem il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja), ODEG talbet ir-rimbors tal-ammont ta’ tariffi mħallsa bejn ix-xahar ta’ Novembru 2006 u x-xahar ta’ Diċembru 2010, abbażi tas-SPS 05, sa fejn dan jaqbeż l-ammont li kellu jkun dovut abbażi tal-iskala li kienet fis-seħħ preċedentement, jiġifieri s-SPS 99. Dawn ir-rikorsi ntlaqgħu għal “raġunijiet ta’ ekwità” abbażi tal-Artikolu 315 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġermaniż) li jippermetti lill-qorti li terġa’ tistabbilixxi l-bilanċ kuntrattwali meta dan jinkiser. DB Station & Service appellat quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja), li għaqdet id-diversi kawżi permezz ta’ digriet tat‑30 ta’ Novembru 2015.

26

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Ottubru 2019, il-Bundesnetzagentur ċaħdet bħala inammissibbli l-appelli ta’ diversi impriżi ferrovjarji li permezz tagħhom dawn tal-aħħar kienu talbu l-kontroll, a posteriori, tal-legalità tat-tariffi miġbura abbażi tas-SPS 05. Din id-deċiżjoni hija s-suġġett ta’ rikors li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rinviju mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, kien għadu pendenti quddiem il-Verwaltungsgericht Köln (il-Qorti Amministrattiva ta’ Köln, il-Ġermanja).

27

Il-qorti tar-rinviju tqis li s-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemha tiddependi fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/14 li hija applikabbli ratione temporis u ratione materiae għaliha. B’mod partikolari, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar l-artikolazzjoni tal-kompetenza tal-korpi regolatorji, imsemmija fl-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva, ma dik tal-qrati ċivili nazzjonali meta dawn jissejħu sabiex japplikaw l-Artikolu 102 TFUE.

28

L-imsemmija qorti f’dan ir-rigward tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 103 tas-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics (C‑489/15, EU:C:2017:834), li d-Direttiva 2001/14 tipprekludi stħarriġ tan-natura ekwa tat-tariffi ta’ infrastruttura, każ b’każ, mill-qrati ordinarji, indipendentement mis-sorveljanza eżerċitata mill-korp regolatorju, stabbilit abbażi tal-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva. Madankollu, ma huwiex ċert li l-kunsiderazzjonijiet ta’ din is-sentenza jistgħu japplikaw ukoll fil-każ fejn dawn il-qrati jiġu msejħa jistħarrġu l-legalità tal-istess tariffi fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE u tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni li jipprojbixxu, b’mod partikolari, l-abbuż minn pożizzjoni dominanti.

29

Diversi qrati Ġermaniżi ddeċidew li l-prinċipji li rriżultaw mis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics (C‑489/15, EU:C:2017:834), jipprekludihom milli jiddeċiedu dwar azzjonijiet għar-rimbors qabel l-adozzjoni, mill-korp regolatorju kompetenti ta’ deċiżjoni definittiva f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, f’sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2019, imsejħa “Trassenentgelte”, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet li l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE mill-qrati ċivili hija leċita u meħtieġa, mingħajr ma tkun neċessarja deċiżjoni definittiva minn qabel tal-korp regolatorju.

30

Il-qorti tar-rinviju madankollu tikkunsidra li hemm raġunijiet validi sabiex ma tiġix segwita l-pożizzjoni meħuda mill-qorti ċivili suprema Ġermaniża.

31

Fl-ewwel lok, l-istħarriġ imwettaq mill-qrati ċivili jista’ jippreġudika l-kompetenza esklużiva tal-korp regolatorju, imsemmija fis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics (C‑489/15, EU:C:2017:834).

32

Fit-tieni lok, għalkemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mis-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 1974, BRT u Société belge des auteurs, compositeurs et éditeurs (127/73, EU:C:1974:6), ċertament jirriżulta li l-qrati nazzjonali huma obbligati li japplikaw l-Artikolu 102 TFUE direttament. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar l-artikolazzjoni ta’ dan l-obbligu mal-kompetenzi tal-korp regolatorju li, abbażi tad-Direttiva 2001/14, huwa inkarigat mis-sorveljanza tat-tariffi.

33

Fit-tielet lok, għalkemm, fil-punt 135 tas-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE mill-Kummissjoni Ewropea ma kienx suġġett għal eżami minn qabel tal-miżuri inkwistjoni mill-awtorità nazzjonali regolatorja, il-qorti tar-rinviju tqis li l-imsemmija deċiżjoni hija ġġustifikata miċ-ċirkustanza li, b’kuntrast mal-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni mill-qrati ċivili, l-intervent tal-Kummissjoni ma jippreżentax riskju ta’ pluralità ta’ deċiżjonijiet, eventwalment diverġenti.

34

Fir-raba’ u l-aħħar lok, permezz tas-sentenza tal‑1 ta’ Settembru 2020, imsejħa “Stationspreissystem II”, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li l-Artikolu 30(3) tad-Direttiva 2001/14 ma jippermettix li l-korp regolatorju jiddeċiedi dwar it-tariffi diġà mħallsa u ħafna inqas li dan jordna r-rimbors tagħhom. L-imsemmija qorti minn dan iddeduċiet li l-istħarriġ tal-abbużi abbażi tal-Artikolu 102 TFUE ma jinterferixxix mal-kompetenzi tal-korp regolatorju, peress li tali kontroll abbażi tal-Artikolu 102 huwa limitat għall-attribuzzjoni ta’ danni ex post, fil-konfront ta’ aġiri adottati mill-impriżi fl-imgħoddi.

35

Il-qorti tar-rinviju tqis li din l-analiżi tad-dritt tal-Unjoni hija żbaljata. Minn naħa, l-ebda element tad-Direttiva 2001/14 ma jista’ jsostni l-interpretazzjoni li tgħid li l-korp regolatorju jista’ jiddeċiedi biss għall-ġejjieni. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 102 TFUE jippermetti l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jikkonstataw in-nullità tal-atti u li jordnaw it-tmiem ta’ aġir. Mill-bqija, anki r-rimbors ta’ tariffi rċevuti fl-imgħoddi jista’ jagħti lok għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u jinterferixxi mal-għanijiet tad-Direttiva 2001/14.

36

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-fatt li qrati ċivili nazzjonali jeżaminaw f’kull każ individwalment u indipendentement mis-sorveljanza eżerċitata mill-korp regolatorju, fir-rigward tal-kriterji previsti fl-Artikolu 102 TFUE u/jew skont id-dritt nazzjonali dwar l-akkordji, l-ammont tat-tariffi mitluba huwa konformi mad-[Direttiva 2001/14]– b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet tagħha dwar l-indipendenza ta’ ġestjoni tal-impriża ta’ infrastruttura (Artikolu 4), il-prinċipji applikabbli għall-iffissar tat-tariffi (Artikoli 7 sa 12) u l-kompiti tal-korp regolatorju (Artikolu 30)?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: kontroll [stħarriġ] tal-abbużi permezz tal-qrati ċivili nazzjonali fir-rigward tal-kriterji previsti fl-Artikolu 102 TFUE u/jew skont id-dritt nazzjonali dwar l-akkordji huwa ammissibbli u meħtieġ, anki jekk l-impriżi ta’ trasport ferrovjarju jkollhom il-possibbiltà li jeżaminaw in-natura xierqa tat-tariffi li tħallsu permezz tal-korp regolatorju kompetenti? Il-qrati ċivili nazzjonali huma obbligati li jistennew deċiżjoni f’dan ir-rigward mill-korp regolatorju u, sa fejn din id-deċiżjoni tkun ikkontestata legalment, skont il-każ, in-natura definittiva tagħha?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

Osservazzjonijiet preliminari

37

Għandu, qabel kollox, jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju ġiet adita minn ODEG, impriża ferrovjarja, b’talba għal rimbors ta’ allegat ammont ta’ tariffi ta’ infrastruttura miġbur b’mod eċċessiv minn DB Station & Service fir-rigward ta’ servizzi msemmija fil-punt 2 tal-Anness II tad-Direttiva 2001/14, jiġifieri, f’dan il-każ, l-aċċess għal “waqfiet tal-passiġġieri”.

38

Din it-talba ma tirrigwarda biss it-tariffi diġà mħallsa minn ODEG, jiġifieri bejn ix-xahar ta’ Novembru 2006 u x-xahar ta’ Diċembru 2010. Min-naħa l-oħra, din l-impriża ma titlobx l-emendar tat-tariffi li hija kienet jew għadha obbligata li tħallas wara din id-data.

39

Wara dan, permezz l-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà li qrati ċivili nazzjonali japplikaw, minn naħa, l-Artikolu 102 TFUE u, fl-istess ħin, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni kif ukoll, min-naħa l-oħra, esklużivament dawn l-aħħar dispożizzjonijiet.

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, abbażi tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003, meta l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jew il-qrati nazzjonali japplikaw id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni għal prattika abbużiva ta’ impriża li għandha pożizzjoni dominanti fis-suq li tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, dawn huma obbligati li japplikaw ukoll l-Artikolu 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2011, Tele2 Polska, C‑375/09, EU:C:2011:270, punt 20).

41

F’dan il-każ, dan jidher li huwa l-każ skont l-informazzjoni mibgħuta mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

42

Min-naħa l-oħra, mid-deskrizzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali bl-ebda mod ma jirriżulta li l-imsemmija qorti għandha l-possibbiltà jew l-intenzjoni li tapplika esklużivament id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni li jipprojbixxu l-aġir unilaterali ta’ impriża. B’konsegwenza ta’ dan, din il-parti tad-domanda tagħha hija ta’ natura ipotetika u hija inammissibbli.

43

Fl-aħħar, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni li ltaqgħet magħhom il-qorti tar-rinviju jirrigwardaw, essenzjalment, l-artikolazzjoni bejn il-kompetenzi tal-korp regolatorju, iddeterminati fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14, u dawk tal-qrati nazzjonali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment jekk, l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qrati nazzjonali jiddeċiedu, indipendentement mis-sorveljanza eżerċitata mill-korp regolatorju kompetenti, dwar talba għal rimbors tat-tariffi ta’ infrastruttura bbażata fuq l-Artikolu 102 TFUE u, fl-istess ħin, fuq id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni.

Ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 102 TFUE

45

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 102(a) u (c) TFUE jirrigwarda prattiki abbużivi bħal dawk li jikkonsistu fl-impożizzjoni b’mod dirett jew indirett ta’ prezzijiet ta’ xiri jew ta’ bejgħ jew kundizzjonijiet oħra ta’ tranżazzjoni mhux ekwi, u fl-applikazzjoni fir-rigward tal-imsieħba kummerċjali ta’ kundizzjonijiet mhux ugwali għal servizzi ekwivalenti.

46

L-Artikolu 102 TFUE jipproduċi effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u joħloq drittijiet għall-partijiet f’kawża, li għandhom jiġu mħarsa mill-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 1974, BRT u Société belge des auteurs, compositeurs et éditeurs, 127/73, EU:C:1974:6, punt 16, kif ukoll tat‑28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 38).

47

L-effikaċja sħiħa tal-Artikolu 102 TFUE u, b’mod partikolari, l-effettività tal-projbizzjoni stabbilita f’dan l-artikolu jitqiegħdu fid-dubju li kieku ma kienx possibbli għal kull persuna li titlob kumpens għad-dannu kkawżat lilha minn aġir abbużiv ta’ impriża dominanti li jista’ joħloq restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Għalhekk, kull persuna għandha d-dritt li titlob kumpens għad-dannu sostnut meta tkun teżisti rabta kawżali bejn l-imsemmi dannu u abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbit mill-Artikolu 102 TFUE (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Id-dritt ta’ kull persuna li titlob kumpens għal tali dannu fil-fatt isaħħaħ in-natura operattiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u huwa ta’ natura li jiskoraġġixxi abbużi minn pożizzjonijiet dominanti li jistgħu joħolqu restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni, u b’hekk jikkontribwixxu għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata l-portata tal-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2001/14 u r-rekwiżiti li jirriżultaw minnu għal qorti nazzjonali adita b’talba għal rimbors ta’ tariffi ta’ infrastruttura abbażi tal-Artikolu 102 TFUE.

Il-portata tal-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2001/14

51

Għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li mill-premessa 46 tad-Direttiva 2001/14 jirriżulta li l-ġestjoni effikaċi u l-użu ekwu u mhux diskriminatorju tal-infrastruttura ferrovjarja jeżiġu l-istabbiliment ta’ korp regolatorju, inkarigat mis-sorveljanza tal-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni u sabiex jaġixxi bħala korp li quddiemu jitressqu appelli, minkejja l-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

52

Konformement mal-Artikolu 30(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri huma obbligati li jistabbilixxu tali korp, li jista’, abbażi tal-Artikolu 30(2) tiegħu jkun adit minn applikant li jqis li ġie “ttrattat b’mod ekwu, saret diskriminazzjoni kontrih jew ġie aggravat bi kwalunkwe mod ieħor” (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics, C‑489/15, EU:C:2017:834, punt 56).

53

Għalhekk, qabel kollox, ir-rimedju previst fl-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2001/14 huwa disponibbli biss għall-“applikanti”. Dan l-aħħar kunċett, iddefinit fl-Artikolu 2(b) tagħha, jinkludi, b’mod partikolari, kull impriża ferrovjarja awtorizzata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, ORLEN KolTrans, C‑563/20, EU:C:2022:113, punt 55) kif ukoll persuni fiżiċi u ġuridiċi oħra jew entitajiet li għandhom raġunijiet kummerċjali jew ta’ servizz pubbliku sabiex jixtru kapaċitajiet ta’ infrastruttura.

54

Wara dan, mill-elenkar li jinsab fl-Artikolu 30(2)(a) sa(f) tad-Direttiva 2001/14 jirriżulta li r-rimedju jirrigwarda d-deċiżjonijiet u l-aġiri ta’ amministraturi tal-infrastruttura jew, jekk ikun il-każ, tal-impriżi ferrovjarji, sa fejn dawn jirrigwardaw l-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja, inkluż għas-servizzi msemmija fil-punt 2 tal-Anness II ta’ din id-direttiva. B’mod partikolari, konformement ma’ dan l-Artikolu 30(2)(d) u (e), jistgħu jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet dwar is-sistema ta’ tariffikazzjoni jew dwar il-livell jew l-istruttura tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura li applikant huwa obbligat jew jista’ jkun obbligat li jħallas.

55

Fl-aħħar, għandu jitfakkar li l-kompetenza tal-korp regolatorju sabiex jisma’ u jiddeċiedi appelli mressqa skont dan l-Artikolu 30(2) hija ta’ natura esklużiva, bla ħsara, jekk ikun il-każ, għal stħarriġ ulterjuri mwettaq mill-qrati nazzjonali msejħa jiddeċiedu rikorsi mressqa kontra d-deċiżjonijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics, C‑489/15, EU:C:2017:834, punt 86).

56

L-applikanti huma obbligati li jindirizzaw lil dan il-korp meta huma jkunu jridu jiksbu rimedju għal kull dannu marbut mat-tariffi ta’ infrastruttura stabbiliti minn amministratur tal-infrastruttura jew minn operatur ta’ servizzi msemmija fil-punt 2 tal-Anness II tad-Direttiva 2001/14.

57

Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li l-kompetenza esklużiva tal-korp regolatorju sabiex jiddeċiedi dwar kull tilwima koperta mill-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2001/14 hija marbuta mill-qrib mal-limitazzjonijiet tekniċi speċifiċi għas-settur ferrovjarju.

58

Fil-fatt, hekk kif fakkar il-leġiżlatur tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-premessa 40 tad-Direttiva 2001/14, l-infrastruttura ferrovjarja hija monopolju naturali. Sa fejn il-kapaċitajiet limitati tagħha jistgħu jintużaw biss minn numru speċifiku ta’ impriżi fl-osservanza tal-orarji li ġew attribwiti lilhom mill-amministraturi ta’ din l-infrastruttura, jiġifieri l-korpi l-impriżi inkarigati b’mod partikolari mill-organizzazzjoni tal-aċċess għaliha. Dawn tal-aħħar jinstabu, għalhekk, per definizzjoni, f’pożizzjoni dominanti meta mqabbla mal-impriżi ferrovjarji.

59

Minn din il-perspettiva, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 5 u 11 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2001/14 huwa dak li jiġi żgurat aċċess mingħajr diskriminazzjoni għall-infrastruttura ferrovjarja. Il-premessa 16 ta’ din id-direttiva tistipula, f’dan l-aħħar rigward, li s-sistemi ta’ tariffikazzjoni u ta’ tqassim tal-kapaċitajiet għandhom jippermettu kompetizzjoni ekwa fil-provvista tas-servizzi ferrovjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics, C‑489/15, EU:C:2017:834, punti 3637).

60

Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kompetenza esklużiva mogħtija lill-korpi regolatorji ferrovjarji hija ġġustifikata minn dawn l-għanijiet infushom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics, C‑489/15, EU:C:2017:834, punt 87) u timplika s-setgħat speċifiċi mogħtija lilhom mill-Artikolu 30(2), (3) u (5) tad-Direttiva 2001/14.

61

Fil-fatt, dawn is-setgħat jippermettu li l-korpi regolatorji jilħqu l-imsemmija għanijiet u jirrispondu għar-rekwiżiti tekniċi tal-infrastruttura ferrovjarja, imsemmija fil-punt 58 ta’ din is-sentenza.

62

F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 2012/34, li ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2001/14, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-setgħa tal-korp regolatorju li jissorvelja l-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti minn din id-direttiva tista’ tiġi eżerċitata ex officio u għalhekk ma hijiex suġġetta għat-tressiq ta’ lment jew ta’ appell. Hija speċifikat ukoll li l-ġestjoni effikaċi u l-użu ekwu u nondiskriminatorju tal-infrastruttura ferrovjarja, previsti minn din id-direttiva, jeżiġu t-twaqqif ta’ awtorità inkarigata, fl-istess ħin, li tissorvelja, fuq inizjattiva tagħha stess, l-applikazzjoni mwettqa mill-atturi tas-settur ferrovjarju tar-regoli previsti mill-imsemmija direttiva u li taġixxi bħala korp ta’ appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2022, CityRail, C‑453/20, EU:C:2022:341, punti 5760).

63

Għalhekk, meta korp regolatorju nazzjonali mwaqqaf b’applikazzjoni tal-Artikolu 55 tad-Direttiva 2012/34 jiġi adit b’appell, dan il-fatt ikun bla ħsara għall-kompetenza ta’ dan l-istess korp li jieħu, jekk ikun meħtieġ ex officio, miżuri xierqa sabiex jiġi rrimedjat kull ksur tal-leġiżlazzjoni applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2022, CityRail, C‑453/20, EU:C:2022:341, punt 61).

64

Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll għad-Direttiva 2001/14 li l-Artikolu 30 tagħha jaqbel, fis-sustanza, essenzjalment mal-Artikolu 56 tad-Direttiva 2012/34, imsemmija fil-punti 57, 60 u 61 tas-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2022, CityRail (C‑453/20, EU:C:2022:341).

65

Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li, konformement mal-Artikolu 30(2) u (3) tad-Direttiva 2001/14, il-korp regolatorju huwa inkarigat, fl-istess ħin, li jaġixxi bħala korp ta’ appell u li jissorvelja, fuq inizjattiva tiegħu stess, l-applikazzjoni, mill-atturi tas-settur ferrovjarju, tar-regoli previsti minn din id-direttiva. Konformement mal-Artikolu 30(5) ta’ din id-direttiva, dan il-korp huwa kompetenti sabiex jadotta kull miżura neċessarja sabiex jirrimedja għall-ksur tal-imsemmija direttiva, jekk ikun il-każ ex officio.

66

Barra minn hekk, id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar tipprevedi li l-effetti tad-deċiżjonijiet adottati mill-korp regolatorju ma humiex limitati biss għall-partijiet f’tilwima mressqa quddiemu, iżda huma vinkolanti fuq il-partijiet kollha kkonċernati tas-settur ferrovjarju, irrispettivament minn jekk humiex l-impriżi ta’ trasport jew l-amministraturi ta’ infrastruttura. B’dan il-mod, il-korp regolatorju huwa f’pożizzjoni li jiżgura l-ugwaljanza ta’ aċċess għall-infrastruttura tal-impriżi kollha kkonċernati u ż-żamma ta’ kompetizzjoni ekwa fis-settur tal-provvista ta’ servizzi ferrovjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics, C‑489/15, EU:C:2017:834, punti 9496).

67

Fit-tielet lok, l-appell previst fl-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2001/14, segwit, jekk ikun il-każ, minn stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-korp regolatorju f’dan il-kuntest, jippermetti li tiġi żgurata l-osservanza tal-Artikolu 102 TFUE li jipprojbixxi l-abbuż minn pożizzjoni dominanti.

68

Fil-fatt, mill-għanijiet infushom tad-Direttiva 2001/14, intiża li tiggarantixxi aċċess mhux diskriminatorju għall-infrastrutturi f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwa, kif ukoll mill-obbligi imposti, minn din il-perspettiva, fuq l-amministraturi ta’ infrastruttura, jirriżulta li l-impriżi ferrovjarji jistgħu jinvokaw, quddiem il-korp regolatorju, ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

69

Ir-regoli sostantivi previsti mid-Direttiva 2001/14, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tat-tariffi ta’ infrastruttura, inklużi t-tariffi li japplikaw għas-servizzi msemmija fil-punt 2 tal-Anness II ta’ din id-direttiva, jikkontribwixxu sabiex jiġu ggarantiti l-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 102 TFUE.

70

F’dan l-aħħar rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li huma l-amministraturi tal-infrastruttura, li għandhom l-obbligu li jiddeterminaw u li jiġbru t-tariffi b’mod mhux diskriminatorju, li mhux biss għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet għall-użu tan-network ferrovjarju b’mod ugwali għall-utenti kollha tan-network, iżda għandhom ukoll jiżguraw li t-tariffi effettivament miġbura jkunu jikkorrispondu għal dawn il-kundizzjonijiet (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, ORLEN KolTrans, C‑563/20, EU:C:2022:113, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 9, 17 u 24 tad-Direttiva 2001/14, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja hija bla ħsara għar-regoli tal-kompetizzjoni li jirriżultaw direttament mit-Trattat FUE, b’mod partikolari tal-Artikolu 102 TFUE. Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jikkonferma li l-amministraturi tal-infrastruttura huma obbligati li jirrispettaw dawn ir-regoli tad-dritt primarju tal-Unjoni meta huma jadottaw deċiżjonijiet dwar it-tqassim tal-kapaċitajiet u dwar tariffi ta’ infrastruttura.

72

Din il-konstatazzjoni hija valida b’mod partikolari għas-servizzi msemmija fil-punt 2 tal-Anness II tad-Direttiva 2001/14. Fil-fatt, mill-Artikolu 5(1) u mill-Artikolu 7(7) ta’ din id-direttiva ma jirriżultax biss li dawn is-servizzi għandhom jiġu pprovduti b’mod mhux diskriminatorju, iżda wkoll li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-tariffi applikabbli, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni ferrovjarja.

73

F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta jiġi adit b’appell minn impriża ferrovjarja, il-korp regolatorju, li għandu jiżgura li kemm l-amministraturi tal-infrastruttura kif ukoll l-operaturi tas-servizzi ferrovjarji josservaw l-obbligi rispettivi tagħhom, huwa obbligat li jeżamina, skont il-kliem innifsu tal-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2001/14, kemm it-trattamenti mhux ekwi jew diskriminatorji kif ukoll kull preġudizzju ieħor, u dan jinkludi l-kwistjonijiet relatati kemm mat-tariffikazzjoni tal-infrastruttura jew tas-servizzi kif ukoll mal-kompetizzjoni.

74

Minn dan jirriżulta li, adit abbażi tal-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2001/14, il-korp regolatorju nazzjonali kompetenti ma jistax b’mod validu jiċħad il-kompetenza tiegħu sabiex jiddeċiedi dwar allegat ksur tal-Artikolu 102 TFUE għar-raġuni li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħal ma huwa l-Artikolu 14f tal-AEG, ma jippermettilux li jiddeċiedi dwar il-legalità tat-tariffi ta’ infrastruttura diġà miġbura.

L-artikolazzjoni tal-appelli quddiem il-korp regolatorju u l-qrati nazzjonali

75

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14 jipprevedi li d-deċiżjonijiet adottati mill-korp regolatorju huma vinkolanti għall-partijiet kollha kkonċernati, iżda ma jinkludix regoli dwar in-natura eventwalment vinkolanti tagħhom fir-rigward tal-qrati aditi b’talba għal rimbors ta’ ammont miġbur b’mod eċċessiv ta’ tariffi ta’ infrastruttura abbażi tal-Artikolu 102 TFUE.

76

Huwa ċertament minnu li, fil-punt 97 tas-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics (C‑489/15, EU:C:2017:834), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ġurisdizzjoni tal-qrati ċivili sabiex jiddeċiedu, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt ċivili nazzjonali, dwar ir-rimbors tat-tariffi ta’ infrastruttura huwa possibbli biss fl-ipoteżi fejn, konformement, ukoll, ma’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, in-natura illegali tat-tariffa fir-rigward tar-regoli dwar l-aċċess għall-infrastrutturi ferrovjarji tkun ġiet preċedentement ikkonstatata mill-korp regolatorju jew minn qorti li tkun stħarrġet id-deċiżjoni ta’ dan il-korp. Barra minn hekk, mill-punti 84 u 86 tal-istess sentenza jirriżulta li l-fatt li kull qorti ċivili nazzjonali tiġi fdata bil-missjoni li tapplika direttament il-leġiżlazzjoni ferrovjarja li tirriżulta mid-Direttiva 2001/14 ikun jammonta għal ksur tal-kompetenza esklużiva mogħtija lill-korp regolatorju mill-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva.

77

Madankollu, il-kwistjoni li tat lok għal dik is-sentenza u, għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kienu jirrigwardaw tilwima bejn impriża ferrovjarja u amministratur tal-infrastruttura dwar talba għal rimbors ta’ tariffi ferrovjarji bbażata fuq dispożizzjonijiet tad-dritt ċivili Ġermaniż li kienu jippermettu, essenzjalment, li l-qorti ċivili twettaq evalwazzjoni ex æquo et bono tal-ammont ta’ dawn it-tariffi. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal rimbors ta’ tariffi ta’ infrastruttura mressqa minn ODEG, il-qorti tar-rinviju ma hijiex imsejħa li tapplika d-dritt ċivili Ġermaniż, iżda dispożizzjoni tad-dritt primarju tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 102 TFUE u, fl-istess ħin, id-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni.

78

Barra minn hekk, għalkemm l-istħarriġ tat-tariffi ta’ infrastruttura fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt ċivili ta’ Stat Membru li ma humiex relatati mar-regoli previsti mid-Direttiva 2001/14 huwa, min-natura tiegħu stess, inkompatibbli mar-rekwiżiti tekniċi tas-settur tat-trasport ferrovjarju, mal-għanijiet ta’ din id-direttiva u mal-missjonijiet tal-korp regolatorju, imfakkra fil-punti 58 sa 60 ta’ din is-sentenza, dan ma japplikax fil-każ ta’ kontestazzjoni tal-ammont tagħhom abbażi tal-Artikolu 102 TFUE, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 71 sa 73 ta’ din is-sentenza.

79

Għaldaqstant, sabiex tiġi ppreżervata l-effettività sħiħa tal-Artikolu 102 TFUE u, b’mod partikolari, sabiex jiġi ggarantit li applikant jingħataw protezzjoni effikaċi kontra l-konsegwenzi dannużi ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-kompetenza esklużiva mogħtija lill-korp regolatorju mill-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14 ma tistax tipprekludi lill-qrati nazzjonali kompetenti milli jiddeċiedu dwar talbiet ta’ rimbors ta’ allegat ammont miġbur b’mod eċċessiv ta’ tariffi ta’ infrastruttura bbażati fuq l-Artikolu 102 TFUE.

80

Madankollu, id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar bl-ebda mod ma tipprekludi, meqjusa r-rekwiżiti imperattivi ta’ ġestjoni koerenti tan-network ferrovjarju mfakkra b’mod partikolari fil-punti 57 sa 66 ta’ din is-sentenza, li tinżamm, bla ħsara għall-kunsiderazzjonijiet li ġejjin, il-kompetenza esklużiva tal-korp regolatorju sabiex jiddeċiedi dwar l-aspetti kollha tat-tilwimiet imressqa quddiemu b’applikazzjoni tal-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2001/14.

81

Għalhekk, meta impriża ferrovjarja għandha l-intenzjoni li tikseb, abbażi tal-Artikolu 102 TFUE, ir-rimbors ta’ allegat ammont miġbur b’mod eċċessiv ta’ tariffi ta’ infrastruttura, hija għandha, qabel ma tadixxi lill-qrati nazzjonali kompetenti, tadixxi lill-korp regolatorju nazzjonali dwar il-kwistjoni tal-legalità tagħhom.

82

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li obbligu regolamentari jista’ jkun rilevanti sabiex jiġi evalwat aġir abbużiv, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, min-naħa ta’ impriża dominanti suġġetta għal regoli settorjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 224, u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punt 57).

83

Għalhekk, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tekniċi marbuta mal-funzjonament tas-settur ferrovjarju u sabiex tiġi mħarsa l-effettività tar-regoli ta’ aċċess għall-infrastrutturi, filwaqt li tiġi żgurata l-osservanza tal-Artikolu 102 TFUE u l-effettività sħiħa tiegħu, il-qrati nazzjonali li quddiemhom titressaq talba għal rimbors ta’ ammont miġbur b’mod eċċessiv ta’ tariffi ta’ infrastruttura għandhom l-obbligu li jikkooperaw legalment mal-korpi regolatorji nazzjonali. Minn dan jirriżulta li, għalkemm dawn il-qrati ma humiex marbutin mid-deċiżjonijiet tal-imsemmija korpi, dawn huma obbligati li jeħduhom inkunsiderazzjoni u li jimmotivaw id-deċiżjonijiet rispettivi tagħhom fid-dawl tal-evalwazzjonijiet fattwali u ta’ liġi magħmulin mill-imsemmija korpi dwar it-tilwimiet li tressqu quddiemhom u, b’mod partikolari, tal-applikazzjoni għall-każ inkwistjoni tal-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti.

84

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rekwiżiti dwar it-tressiq, minn qabel, ta’ lment quddiem il-korp regolatorju nazzjonali u dwar il-kooperazzjoni leali bejn dan tal-aħħar u l-qrati nazzjonali, indikati fil-punti 81 u 83 ta’ din is-sentenza, jippermettu li jiġu evitati, b’kuntrast mas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2021, Koleje Mazowieckie (C‑120/20, EU:C:2021:553), u li l-Qorti tal-Ġustizzja esponiet fil-punt 54 ta’ dik is-sentenza, li tiġi kkontestata l-missjoni tal-korp regolatorju u, konsegwentement, l-effett utli tal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14 meta quddiem il-qrati nazzjonali titressaq talba abbażi tal-Artikolu 102 TFUE.

85

Sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, il-qrati nazzjonali li quddiemhom titressaq, abbażi tal-istess dispożizzjoni, talba għal rimbors ta’ allegat ammont miġbur b’mod eċċessiv ta’tariffi ta’ infrastruttura ma humiex marbutin li jistennew l-eżitu tal-proċeduri ġudizzjarji miġjuba kontra d-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju kompetenti.

86

L-istess kunsiderazzjonijiet huma validi fil-każ fejn qorti nazzjonali tiġi msejħa, konformement mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003, tapplika, fl-istess ħin, l-Artikolu 102 TFUE u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni.

87

Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda t-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, permezz tad-deċiżjonijiet tagħha msemmija fil-punti 24 u 26 ta’ din is-sentenza, il-Bundesnetzagentur illimitat ruħha li tikkonstata l-illegalità tat-tariffa ta’ aċċess għall-infrastruttura inkwistjoni fil-kawża prinċipali biss b’effett għall-ġejjieni. Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punt 74 ta’ din is-sentenza, meta jiġi adit abbażi tal-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2001/14, dan il-korp ma jistax validament jiċħad il-kompetenza tiegħu sabiex jiddeċiedi dwar il-legalità tat-tariffi ta’ infrastruttura miġbura fl-imgħoddi.

88

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li qrati nazzjonali japplikaw l-Artikolu 102 TFUE u, fl-istess ħin, id-dritt tal-kompetizzjoni nazzjonali, sabiex jiddeċiedu dwar talba għal rimbors tat-tariffi ta’ infrastruttura, bil-kundizzjoni, madankollu, li l-korp regolatorju kompetenti jkun iddeċieda, minn qabel, dwar in-natura legali tat-tariffi inkwistjoni. F’dan il-kuntest, dawn il-qrati għandhom dover ta’ kooperazzjoni leali u huma obbligati li jieħdu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet mogħtija minn dawn il-korp bħala element ta’ evalwazzjoni u li jimmotivaw id-deċiżjonijiet rispettivi tagħhom fid-dawl tal-annessi tal-proċess kollha li jkunu ġew ippreżentati lilhom.

Fuq it‑tieni domanda

89

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l‑ispejjeż

90

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet [tariffi] għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji, kif emendata bid-Direttiva 2007/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

ma jipprekludix li qrati nazzjonali japplikaw l-Artikolu 102 TFUE u, fl-istess ħin, id-dritt tal-kompetizzjoni nazzjonali, sabiex jiddeċiedu dwar talba għal rimbors tat-tariffi ta’ infrastruttura, bil-kundizzjoni, madankollu, li l-korp regolatorju kompetenti jkun iddeċieda, minn qabel, dwar in-natura legali tat-tariffi inkwistjoni. F’dan il-kuntest, dawn il-qrati għandhom dover ta’ kooperazzjoni leali u huma obbligati li jieħdu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet mogħtija minn dawn il-korp bħala element ta’ evalwazzjoni u li jimmotivaw id-deċiżjonijiet rispettivi tagħhom fid-dawl tal-annessi tal-proċess kollha li jkunu ġew ippreżentati lilhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top